Help Print this page 

Document 62015CJ0553

Title and reference
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2016.
Undis Servizi Srl vs Comune di Sulmona.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – L-għoti ta’ kuntratt mingħajr impenn ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti imsejjaħ “in house” – Kundizzjonijiet – Kontroll analogu – Twettiq tal-parti essenzjali tal-attività – Kumpannija mogħtija lill-kapital pubbliku miżmuma minn diversi entitajiet territorjali – Attività eżerċitata wkoll favur entitajiet territorjali mhux azzjonisti – Attività imposta minn awtorità pubblika mhux azzjonista.
Kawża C-553/15.

Digital reports (Court Reports - general)
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:935
Languages and formats available
Language of the case
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf FR pdf HR pdf IT pdf NL
 Document published in the digital reports
Multilingual display
Text

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – L-għoti ta’ kuntratt mingħajr impenn ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti imsejjaħ “in house” – Kundizzjonijiet – Kontroll analogu – Twettiq tal-parti essenzjali tal-attività – Kumpannija mogħtija lill-kapital pubbliku miżmuma minn diversi entitajiet territorjali – Attività eżerċitata wkoll favur entitajiet territorjali mhux azzjonisti – Attività imposta minn awtorità pubblika mhux azzjonista”

Fil-Kawża C-553/15:

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Undis Servizi Srl

vs

Comune di Sulmona

fil-preżenza ta’:

Cogesa SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Undis Servizi Srl, minn S. Della Rocca, avukat,

–        għall-Comune di Sulmona, minn G. Blandini u M. Fracassi, avukati,

–        għal Cogesa SpA, minn R. Colagrande, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, imsejjaħ għoti “in house”.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Undis Servizi Srl (iktar ’il quddiem “Undis”) u l-Comune di Sulmona (komun ta’ Sulmona, l-Italja) dwar l-għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizzi minn dan il-komun lil Cogesa SpA.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), tistabbilixxi l-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(a) jipprovdi:

“Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

5        Il-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fis-seħħ fid-data tal-fatti prinċipali, ma tipprovdix il-possibbiltà tal-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku mingħajr l-impenn ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, imsejjaħ għoti “in house”. Madankollu, tali possibbiltà kienet ġiet ammessa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar stabbiliet ukoll il-kundizzjonijiet f’dan ir-rigward.

6        Skont din il-ġurisprudenza, issa stabbilita, awtorità kontraenti, bħal entità territorjali, hija meħlusa mill-obbligu li tibda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta jkun hemm il-kundizzjoni doppja li, minn naħa, din teżerċita fuq l-entità li tingħata l-kuntratt pubbliku, legalment distinta minnha, kontroll analogu għal dak li din teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u, min-naħa l-oħra, meta din l-entità twettaq l-attività essenzjali tagħha mal-awtoritajiet kontraenti li jżommuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50).

7        Id-Direttiva 2004/18 ġiet revokata u ssostitwita permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU L 94, p. 65). Konformement mal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24, id-Direttiva 2004/18 hija mħassra b’effett mit-18 ta’ April 2016.

 Id-dritt Taljan

8        Skont l-informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda dispożizzjoni tad-dritt Taljan ma tiffissa l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti dirett tal-kuntratti pubbliċi, peress li d-dritt nazzjonali jirreferi f’dan ir-rigward għad-dritt tal-Unjoni.

9        L-Artikolu 30 tad-decreto legislativo n. 267 – Testo unico delle leggi sull’ordinamento degli enti locali (Digriet Leġiżlattiv Nru. 267 – Test uniku tal-liġijiet dwar is-sistema ta’ entitajiet lokali) tat-18 ta’ Awwissu 2000 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 162, tat-28 ta’ Settembru 2000) jipprovdi:

“1.       Sabiex jiġu eżerċitati b’mod ikkoordinat funzjonijiet u servizzi determinati, il-kollettivitajiet lokali jistgħu jikkonkludu bejniethom ftehim xierqa.

2.      Il-ftehimiet imsemmija għandhom jistabbilixxu l-għanijiet, it-tul, il-metodi ta’ konsultazzjoni tal-entitajiet kontraenti, ir-relazzjonijiet finanzjarji tagħhom u l-obbligi u l-garanziji reċiproċi.

3.      Għat-tmexxija għal żmien determinat ta’ servizz speċifiku jew għat-twettiq ta’ xogħlijiet, l-Istat u r-Reġjun, fl-oqsma li jidħlu fil-kompetenza tagħhom, jistgħu jistabbilixxu forom ta’ ftehim obbligatorji bejn l-entitajiet lokali, wara li jiġi elaborat mudell ta’ leġiżlazzjoni.

[...] ”

10      Kif sostniet il-qorti tar-rinviju, it-tieni sentenza tal-Artikolu 149a(1) tad-Decreto Legislativo n. 152 – Norme in materia ambientale (Digriet Leġiżlattiv Nru. 152, dwar regoli fil-qasam ambjentali), tat-3 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru.96, tal-14 ta’ April 2006), jipprovdi:

“L-għoti dirett jista’ jiġi effettwat favur kumpanniji pubbliċi għalkollox, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet preskritti mill-ordinament ġuridiku Ewropew għall-ġestjoni in house u li fi kwalunkwe każ huma miżmuma mill-entitajiet lokali li jaqgħu fit-territorju kkonċernat. ”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2014, il-kunsill tal-komun tal-komun ta’ Sulmona ta s-servizz tal-ġestjoni taċ-ċiklu integrat tal-iskart urban lil Cogesa, kumpannija b’kapital għalkollox pubbliku miżmuma minn diversi komuni tar-Regione Abruzzo (Reġjun ta’ Abruzzo, l-Italja), li fosthom il-komun ta’ Sulmona. Din tal-aħħar iżżomm 200 azzjoni fuq total ta’ 1 200 azzjonijiet li jinkludi l-kapital ta’ din il-kumpannija, jiġifieri sehem ta’ madwar 16.6  % ta’ dan il-kapital.

12      Fit-30 ta’ Ottubru 2014, minkejja li l-kuntratt tas-servizzi ma’ Cogesa ma kienx għadu ġie konkluż, l-entitajiet territorjali azzjonisti ta’ din tal-aħħar ikkonkludew konvenzjoni bil-għan li jeżerċitaw flimkien f’din l-entità kontroll analogu għal dak li huma eżerċitaw fis-servizzi tagħhom stess (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014”).

13      Permezz tal-awtorizzazzjoni ambjentali integrata Nru 9/11, ir-Reġjun tal-Abruzzo kellu obbligu lejn Cogesa, konformement mal-prinċipji ta’ awtosuffiċjenza, ta’ prossimità u ta’ sussidjarjetà, li jitratta u jsaħħaħ l-iskart urban ta’ ċerti komuni ta’ din ir-reġjuni li ma kinux azzjonisti ta’ din il-kumpannija.

14      Undis, kumpannija kkonċernata mill-kuntratt tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (tribunal amministrattiva reġjonali tal-Abruzzo, l-Italja) kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt ta’ servizzi u kontra d-deċiżjoni ta approvazzjoni tal-abbozz ta’ konvenzjoni interkomunali msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. Peress li tinvoka l-Artikolu 2 tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (Digriet leġiżlattiv Nru 163, li joħloq kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru. 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), kif ukoll l-Artikoli 43, 49 u 86 TFUE, Undis allegat li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-imsemmi kuntratt ta’ servizzi jkun is-suġġett ta’ għoti “in house” ma kinux sodisfatti.

15      B’mod partikolari, Undis argumentat li l-kundizzjoni li kkonstatat li l-awtorità kontraenti teżerċita fuq l-entità ta’ għoti, legalment distinta minnha, kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess ma kinitx sodisfatta. Fil-fatt, il-komun ta’ Sulmona huwa azzjonista minoritarja ta’ Cogesa, il-konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014 ġiet konkluża wara d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija jagħtu lill-korpi soċjali tagħha setgħa awtonoma, inkompatibbli mal-kunċett ta’ “kontroll analogu”. Undis żiedet li l-kundizzjoni li kkonstatat li l-entità tal-għoti twettaq l-essenzjali tal-attività tagħha mal-awtoritajiet kontraenti li jżommuha ma kinitx iktar sodisfatta. Fil-fatt, skont Undis, il-bilanċi tal-eżerċizzji tas-snin 2011 sa 2013 ta’ Cogesa kienu jqiegħdu f’evidenza li din wettqet biss 50 % tal-attività globali tagħha mal-entitajiet territorjali azzjonisti, l-attività eżerċitata minn din il-kumpannija favur komuni mhux azzjonisti għandhom jinftiehmu f’din l-attività globali.

16      It-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (tribunal amministrattiv reġjonali tal-Abruzzo) ċaħad ir-rikors. Qabelxejn din il-qorti kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ kontroll analogu kienet sodisfatta minħabba l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014. Sussegwentement hija ġġudikat li l-kundizzjoni dwar it-twettiq tal-parti essenzjali tal-attività kienet ukoll sodisfatta, li tispjega li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-attività eżerċitata minn Cogesa favur komuni mhux azzjonisti, dik eżerċitata mill-komuni azzjonisti kienet qabżet id-90 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija, peress li l-perċentwali li jibqa’ jista’ jitqies bħala attività pjuttost marġinali.

17      Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja) adita fl-appell minn Undis, jirrileva li, minkejja l-fatt li d-Direttiva 2014/24 ma hijiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva huma, fi kwalunkwe każ, importanti fl-ambitu tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

18      Fir-rigward tal-kundizzjoni li tikkonċerna t-twettiq tal-parti essenzjali tal-attività, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) jagħmel riferiment għas-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04, EU:C:2006:308, punt 65), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandu jiġi kkunsidrat li t-turnover [dħul mill-bejgħ] determinanti huwa dak li l-impriża inkwistjoni twettaq skond id-deċiżjonijiet ta’ għotja meħuda mill-awtorità ta’ tutela, inkluż dak magħmul ma’ l-utenti fl-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet”. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, id-deċiżjonijiet ta’ għotja li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni hija sodisfatta huma għalhekk biss dawk adottati direttament mill-awtorità ta’ tutela. Issa, espansjoni tal-għadd ta’ għotjiet rilevanti jista’ jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2014/24.

19      Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat), min-naħa l-oħra josserva li ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tindika li wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni, biex jevalwa jekk il-kundizzjoni inkwistjoni hijiex sodisfatta, l-għotjiet li jikkonċernaw l-entitajiet pubbliċi mhux azzjonisti, fil-każ fejn dawn l-għotjiet huma imposti b’miżura ta’ awtorità ta’ amministrazzjoni pubblika superjuri wkoll mhux azzjonista.

20      Barra minn hekk, skont il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat), tqum il-kwistjoni jekk għandux, fil-kawża prinċipali, jittieħed inkunsiderazzjoni, biex wieħed jivverifika l-kundizzjoni dwar it-twettiq tal-parti essenzjali tal-attività hija sodisfatta, għotjiet li saru favur entitajiet pubbliċi azzjonisti ta’ Cogesa qabel il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014. Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) jirreferi f’dan ir-rigward għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Sabiex tiġi ddeterminata il-parti essenzjali tal-attività eżerċitata mill-entità kkontrollata, għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-attività imposta fuqha mill-amministrazzjoni pubblika mhux azzjonista favur entitajiet pubbliċi mhux azzjonisti?

2)       Sabiex tiġi ddeterminata il-parti essenzjali tal-attività eżerċitata mill-entità kkontrollata, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kuntratti mogħtija lill-amministrazzjoni pubblika azzjonista qabel ma r-rekwiżit ta’ kontroll analogu jkun ġie ssodisfatt? ”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif imfakkra fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, bdew qabel l-iskadenza, fit-18 ta’ April 2016, tat-terminu ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2014/24. Minn dan isegwi li d-domandi preliminari għandhom jiġu evalwati ratione temporis fid-dawl tal-unika Direttiva 2004/18 kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tagħti f’dan il-każ ebda speċifikazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqbeż jew le l-limitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix iżjed l-informazzjoni neċessarja biex jiġi ddeterminat jekk huwa kuntratt pubbliku tas-servizzi jew konċessjoni tas-servizzi.

24      Huwa veru li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta l-kundizzjonijiet tal-għoti “in house” huma sodisfatti jista’ japplika kemm fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll fis-sitwazzjonijiet esklużi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Econord, C‑182/11 et C‑183/11, EU:C:2012:758, point 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fit-tieni każ, l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni għandha biss rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali sa fejn il-kuntratt inkwistjoni huwa suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, liema fatt jippreżumi li jippreżenta interess transkonfinali ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx għall-inammissibbiltà tat-talba jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Madankollu, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni biss taħt riżerva tal-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma sodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 48).

26      Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tibbaża għalhekk fuq il-premessa li, jew id-Direttiva 2004/18 tapplika għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża, jew, jekk dan ma huwiex il-każ, dan il-kuntratt jippreżenta interess transkonfinali ċert, liema fatt jaqa’ fuq din il-qorti li tivverifika.

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għotjiet diretti tal-kuntratti pubbliċi msejħa “in house” sabiex jiġi determinat jekk l-entità kontraenti teżerċita l-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-awtorità kontraenti, b’mod partikolari l-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha li jikkontrollawha, għandu jiġi inkluż f’din l-attività wkoll dik li timponi fuq din l-entità awtorità pubblika, mhux azzjonista ta’ din l-entità, favur entitajiet territorjali li ma humiex iżjed azzjonisti tal-imsemmija entità u ma jeżerċitaw ebda kontroll fuqha.

28      Konformement għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġfieri l-moviment liberu tal-prodotti u tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha, jimplika l-obbligu li jiġu applikati r-regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-direttivi rilevanti, meta awtorità kontraenti, bħal entità territorjali, tikkunsidra li tikkonkludi bil-miktub, ma’ entità legalment distinta, kuntratt għall-interess tal-flus, kemm jekk din l-entità tkun hija stess awtorità kontraenti kemm jekk le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 51, kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punti 44 u 47).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kull eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għandha tiġi interpretata b’mod strett (is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 46, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 23).

30      Fid-dawl tal-fatt li awtorità pubblika għandha l-possibbiltà li twettaq il-kompiti ta’ interess pubbliku li jaqgħu fuqha permezz tal-motivi tagħha stess, amministrattivi, tekniċi u oħrajn, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għal entitajiet esterni li ma jappartjenux għad-dipartimenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat ir-rikonoxximent tal-eċċezzjoni fir-rigward tal-għotjiet imsejħa “in house” permezz tar-rabta interna partikolari li teżisti, f’tali każ, bejn l-awtorità kontraenti u l-entità tal-għoti, anki jekk din tal-aħħar hija entità legalment distinta mill-ewwel waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 29). F’dan il-każ, jista’ jiġi kkunsidrat li l-awtorità kontraenti, fir-realtà, irrikorriet għall-motivi tagħha stess (ara, f’dan il-każ, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 25) u li l-entità tal-għoti kważi tagħmel parti mid-dipartimenti interni tagħha.

31      Din l-eċċezzjoni teħtieġ, minbarra li l-awtorità kontraenti teżerċita fuq l-entità tal-għoti kontroll analogu għal dak li din teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess meta din l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha favur l-awtoritajiet kontraenti li jżommuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50).

32      B’hekk, huwa indispensabbli li l-attività tal-entità tal-għoti tkun dedikata prinċipalment lill-entità jew entitajiet li jżommuha, peress li kull attività oħra ma jistax ikollha ħlief natura marġinali. Sabiex jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ, l-imħallef kompetenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi. F’dan ir-rigward, id-dħul mill-bejgħ rilevanti huwa dak li din l-entità twettaq bis-saħħa tad-deċiżjonijiet ta’ għoti meħudin minnha jew dawn l-entitajiet ta’ tutela (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punti 63 u 65, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑371/05, mhux ippubblikata, EU:C:2008:410, punt 31).

33      Il-ħtieġa li l-persuna inkwistjoni twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha għandha partikolarment bħala skop li tiggarantixxi li d-Direttiva 2004/18 tibqa’ applikabbli fil-każ fejn impriża kkontrollata minn awtorità jew diversi awtoritajiet hija attiva fuq is-suq, u għaldaqstant tista’ tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra. Fil-fatt, impriża mhijiex neċessarjament imċaħħda mil-libertà ta’ azzjoni mis-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha huma kkontrollati mill-awtorità li tikkontrollaha, jekk hija tista’ xorta waħda teżerċita parti importanti mill-attività ekonomika tagħha ma’ operaturi oħra. Min-naħa l-oħra, meta l-provvisti ta’ din l-impriża huma sostanzjalment iddestinati għal din l-unika jew dawn l-uniċi entitajiet, jidher iġġustifikat li din l-impriża taħrab mill-obbligi tad-Direttiva 2004/18, peress li dawn huma ddettati bil-ħsieb li jippreżervaw kompetizzjoni li f’dan il-każ, ma għadhiex tgħodd (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punti 60 sa 62).

34      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li kull attività tal-entità tal-għoti li hija ddedikata lejn persuni oħrajn minn dawk li jżommuha, jiġifieri lil persuni li ma għandhom ebda rabta ta’ kontroll ma’ din l-entità, kienu awtoritajiet pubbliċi, għandu jiġi kkunsidrat bħala eżerċitat favur terzi.

35      Konsegwentement, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fil-kawża prinċipali, l-entitajiet territorjali li ma humiex azzjonisti ta’ Cogesa għandhom jiġu kkunsidrati bħala terzi. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma teżisti ebda rabta ta’ kontroll bejn dawn l-entitajiet u din il-kumpannija, b’mod li r-rabta interna partikolari, li tiġġustifika skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-eċċezzjoni fir-rigward tal-għotjiet imsejħa “in house”, bejn l-awtorità kontraenti u l-entità kontraenti huwa nieqes.

36      Għaldaqstant, għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk Cogesa twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-entitajiet li jżommuha, l-attività li din il-kumpannija tiddedika lill-entitajiet territorjali mhux azzjonisti għandha tiġi kkunsidrata bħala eżerċitata favur terzi. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk din l-attivita tal-aħħar tista’ titqies bħala li ma għandhiex natura marġinali fir-rigward tal-attività ta’ Cogesa mal-entitajiet li jżommuha, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għoti imsejjaħ “in house”.

37      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata miċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-attività ta’ Cogesa eżerċitata favur entitajiet territorjali mhux azzjonisti hija imposta minn awtorità pubblika, ukoll mhux azzjonista ta’ din il-kumpannija. Fil-fatt, għalkemm ġiet imposta l-imsemmija attività fuq Cogesa, mill-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-awtorità pubblika ma hijiex azzjonista ta’ din il-kumpannija u ma teżerċita ebda kontroll fuqha fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għoti imsejjaħ “in house”. Fl-assenza ta’ kull kontroll mill-imsemmija awtorità pubblika, l-attività imposta minn din tal-aħħar fuq Cogesa għandu jiġi kkunsidrat bħala attività eżerċitata għal terzi.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għotjiet diretti tal-kuntratti pubbliċi msejħa “in house” sabiex jiġi determinat jekk l-entità kontraenti teżerċita l-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-awtorità kontraenti, b’mod partikolari l-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha li jikkontrollawha, ma għandux jiġi inkluż f’din l-attività dik li timponi fuq din l-entità awtorità pubblika, mhux azzjonista ta’ din l-entità, favur entitajiet territorjali li ma humiex iżjed azzjonisti tal-imsemmija entità u ma jeżerċitaw ebda kontroll fuqha, peress li din l-attività tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala eżerċitata għal terzi.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-entità kontraenti twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha u li jeżerċitaw fuqha, b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-attività li din l-entità wettqet għal dawn l-entitajiet territorjali qabel ma tali kontroll konġunt ma sar effettiv.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni li tikkonċerna t-twettiq tal-parti essenzjali tal-attività, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C‑340/04, EU:C:2006:308, punti 63 u 64).

41      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Cogesa diġà eżerċitat attivitajiet għall-entitajiet territorjali li jżommuha qabel il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014. Dawn l-attivitajiet żgur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jerġgħu jippersistu fil-mument ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Barra minn hekk, attivitajiet li skadew qabel it-30 ta’ Ottubru 2014 jistgħu wkoll ikunu rilevanti biex jevalwaw jekk il-kundizzjoni dwar it-twettiq tal-parti l-essenzjali tal-attività hija sodisfatta. Fil-fatt, l-attivitajiet mogħtija jistgħu jikkostitwixxu indizju tal-importanza tal-attività li Cogesa tippjana li teżerċita għall-awtoritajiet territorjali azzjonisti tagħha wara li l-kontroll analogu tagħhom daħal fis-seħħ.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-entità kontraenti twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha u li jeżerċitaw fuqha, b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fosthom tista’ tidher l-attività li din l-entità kontraenti wettqet għal dawn l-istess entitajiet territorjali qabel ma tali kontroll konġunt ma sar effettiv.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għotjiet diretti tal-kuntratti pubbliċi msejħa “in house”, sabiex jiġi determinat jekk l-entità kontraenti teżerċita l-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-awtorità kontraenti, b’mod partikolari l-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha li jikkontrollawha, ma għandhiex tiġi inkluża f’din l-attività dik li timponi fuq din l-entità awtorità pubblika, mhux azzjonista ta’ din l-entità, favur entitajiet territorjali li ma humiex iżjed azzjonisti tal-imsemmija entità u ma jeżerċitaw ebda kontroll fuqha, peress li din l-attività tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala eżerċitata għal terzi.

2)      Għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-entità kontraenti twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-entitajiet territorjali li huma l-azzjonisti tagħha u li jeżerċitaw fuqha, b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fosthom tista’ tidher l-attività li din l-entità kontraenti wettqet għal dawn l-istess entitajiet territorjali qabel ma tali kontroll konġunt ma sar effettiv.

Firem


** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top