EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0513

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
Kawża mressqa minn “Agrodetalė” UAB.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Approvazzjoni tat-tip tal-KE – Direttiva 2003/37/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti – Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz – Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’.
Kawża C-513/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:473

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Suq intern — Approvazzjoni tat-tip tal-KE — Direttiva 2003/37/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti — Tqegħid fis-suq u reġistrazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ vetturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz — Kunċetti ta’ ‘vettura ġdida’ u ta’ ‘dħul fis-servizz’”

Fil-Kawża C‑513/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura mibdija minn

“Agrodetalė” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Agrodetalė” UAB, minn O. Žilėnas u R. Černiauskas, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn M. Šavelskis, K. Dieninis u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn R. Dobilaitė u D. Kukovec, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Steiblytė u A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 311), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 82, p. 20) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2003/37”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Agrodetalė” UAB u l-Vilniaus miesto savivaldybės administracija (amministrazzjoni tal-muniċipalità tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità ta’ Vilnjus”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirreġistra tratturi użati li jiġu importati mill-Bjelorussja fir-reġistru nazzjonali tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/37 kienet tipprevedi:

“Billi d-Direttiva preżenti hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali, jeħtieġ li jkun hemm perjodu transitorju twil biżżejjed qabel ma l-approvazzjoni tat-tip [tal-]KE ssir obbligatorja, biex dawk li jibnu dawk il-vetturi ikunu jistgħu jadattaw lilhom infushom mal-proċeduri armonizzati l-ġodda.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi maħdumin fi stadju wieħed jew f’aktar. Hija tapplika għall-vetturi kif imfissra fl-Artikolu 2(d), maħdumin li jkollhom veloċità massima ta’ mhux anqas minn 6 km/h.

Din id-Direttiva tapplika wkoll għall-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] tas-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘Approvazzjoni KE tat-tip’ [‘approvazzjoni tat-tip tal-KE’] tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jissodisfaw il-ħtiġiet [rekwiżiti] tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva; l-approvazzjoni KE tat-tip ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tista’ wkoll tkun magħrufa bħala ‘approvazzjoni KE tat-tip ta’ komponent’;

[…]

d)

‘vettura’ tfisser kull trattur, trejler jew makkinarju irmunkat interkambjabbli, kemm jekk sħiħ, inkomplet jew komplet, maħsub li jintuża fl-agrikoltura jew fil-foresti;

e)

‘kategorija ta’ vettura’ tfisser kull sett ta’ vetturi li jkollhom karatteristiċi identiċi ta’ disinn;

f)

‘tip ta’ vettura’ tfisser vetturi ta’ kategorija partikolari li ma jkollhomx il-karatteristiċi essenzjali imsemmija fl-Anness II, Kapitolu A, differenti minn xulxin; il-varjanti u l-verżjonijiet differenti ta’ tip ta’ vettura msemmija fl-Anness II, Kapitolu A, huma permissibbli;

[…]

q)

‘dħul fis-servizz’ tfisser l-ewwel użu li għalih tkun saret fil-Komunità ta’ kull vettura li ma tkun teħtieġ ebda stallazzjoni jew aġġustament mill-manifattur jew parti terza maħtura minnu […] qabel l-ewwel użu tagħha; id-data li fiha tkun reġistrata jew imqiegħda għall-ewwel darba fis-suq għandha titqies bħala d-data tad-dħul fis-servizz;

[…]

z)

‘ċertifikat ta’ konformità’ tfisser id-dokument imsemmi fl-Anness III, mibgħut mill-manifattur, li jiċċertifika li vettura partikolari, approvata skond din id-Direttiva, tikkonforma ma’ l-istrumenti regolatorji applikabbli fiż-żmien meta tkun tlestiet tagħha u li jiddikjara li hija tkun tista’ tiġi reġistrata jew imqiegħda fis-servizz fl-Istati Membri kollha mingħajr spezzjoni addizzjonali.”

6

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/37:

“1.   Il-manifattur għandu jibgħat applikazzjoni għall-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] ta’ vettura lill-awtorità ta’ approvazzjoni ta’ Stat Membru. Hija għandha tkun akkumpanjata b’folder ta’ informazzjoni li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skond l-Anness I.

[…]

4.   Applikazzjonijiet għall-approvazzjoni KE tat-tip ta’ tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jistgħu jintbagħtu lil Stat Membru wieħed. Applikazzjoni separata għandha tintbagħat għal kull tip li għandu jkun approvat.”

7

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jagħti:

a)

l-approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE] lit-tipi ta’ vetturi li jikkonformaw mal-partikolaritajiet fil-folder ta’ informazzjoni u li, skond il-kategorija tagħhom, ikunu skond il-ħtiġiet [ir-rekwiżiti] tekniċi tad-direttivi separati kollha msemmija fl-Anness II, Kapitolu B;

[…]

2.   Jekk Stat Membru jsib li vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jkunu skond id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, iżda jkunu ta’ riskju għas-sigurtà fit-triq, fl-ambjent jew fil-post tax-xogħol, huwa jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni KE tat-tip. Huwa għandu jinnotifika minnufih b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u jagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni.

3.   Għal kull tip ta’ vettura li għaliha tkun tat, irrifjutat li tagħti jew irtirat approvazzjoni KE tat-tip, l-awtorità ta’ approvazzjoni f’kull Stat Membru għandha tibgħat fi żmien xahar kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni KE tat-tip akkumpanjat bid-dokumenti msemmija fil-Kapitolu Ċ ta’ l-Anness II lill-awtoritajiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip fl-Istati Membri l-oħra.”

8

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“Fil-kapaċità tiegħu ta’ detentur ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni KE tat-tip [approvazzjoni tat-tip tal-KE], il-manifattur għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità.

Dan iċ-ċertifikat, li kampjuni tiegħu jidhru fl-Anness III, għandu jkun f’kull vettura, kemm jekk kompleta jew inkompleta, manifatturata b’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.”

9

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jirreġistra vetturi ġodda tat-tip approvat, jippermetti l-bejgħ tagħhom jew jippermetti d-dħul tagħhom fis-servizz għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità.”

10

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/37 kien jipprevedi:

“Għal vetturi fl-aħħar tas-serje, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba tal-manifattur, fil-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Anness V, Taqsima B, u għall-perjodu limitat muri fit-tielet subparagrafu, jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda li jikkonformaw ma’ tip ta’ vettura li l-approvazzjoni tagħha ma tkunx aktar valida.”

11

Skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva:

“Jekk Stat Membru jistabbilixxi li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ta’ tip partikolari jistgħu jkunu ta’ riskju serju għas-sigurtà fit-triq jew sigurtà fuq il-post tax-xogħol għalkemm ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità jew ikunu mmarkati kif imiss, huwa jista’, għal perjodu massimu ta’ sitt xhur, jirrifjuta li jirreġistra dawk il-vetturi jew jipprojbixxi l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati bħal dawk.”

12

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/37 kien jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ vetturi li jagħmlu parti mill-kategoriji T1, T2 u T3, l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal:

a)

tipi ġodda ta’ vetturi mill-1 ta’ Lulju, 2005;

b)

vetturi ġodda kollha mdaħħla fis-servizz mill-1 ta’ Lulju, 2009.”

13

L-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Frar 2013, dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU 2013, L 60, p. 1), ħassar id-Direttiva 2003/37 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

Id-dritt Litwan

14

Il-punt 1 taz-žemės ūkio ministro įsakymas Nr. 3D‑396 (Digriet Nru 3D‑396 tal-ministru tal-agrikoltura), tal-1 ta’ Lulju 2014, daħħal fir-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom approvati miz-žemės ūkio ministro įsakymas Nr. 3D‑384 “Dėl Traktorių, savaeigių ir žemės ūkio mašinų ir jų priekabų registravimo taisyklių patvirtinimo” (Digriet Nru 3D‑384 tal-ministru tal-agrikoltura, li japprova r-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom), tat-2 ta’ Ottubru 2006, punt 19a ifformulat kif ġej:

“It-tratturi bir-roti użati prodotti barra mill-pajjiżi tal-Unjoni wara l-1 ta’ Lulju 2009 u li ma humiex irreġistrati fil-pajjiżi tal-Unjoni għandhom jiġu rreġistrati skont dawn ir-regoli jekk ikunu ġew prodotti skont ir-rekwiżiti tad-[Direttiva 2003/37].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fl-1 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Ottubru 2014, il-kumpannija Agrodetalė ppreżentat, lill-muniċipalità ta’ Vilnjus, applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ tratturi użati prodotti fil-Bjelorussja wara l-1 ta’ Lulju 2009 fir-reġistru nazzjonali tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom.

16

B’deċiżjonijiet tal-4 ta’ Lulju u tat-13 ta’ Ottubru 2014, il-muniċipalità ta’ Vilnjus irrifjutat li taċċetta l-applikazzjoni ta’ Agrodetalė, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipprovdiet dokumenti li jiċċertifikaw li l-imsemmija tratturi kienu konformi mar-rekwiżiti tal-punt 19a tar-regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom, kif introdott bil-punt 1 tad-Digriet Nru 3D‑396.

17

Il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li quddiemha Agrodetalė ippreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2015, issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) talba għall-eżami tal-konformità tal-punt 19a tal-imsemmija regoli għar-reġistrazzjoni tat-tratturi, tal-makkinarju li jaħdem waħdu u dak agrikolu u tal-karrijiet tagħhom ma’ diversi regoli tad-dritt nazzjonali li għandhom saħħa ġuridika superjuri fil-ġerarkija tar-regoli.

18

Skont il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus), ir-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2003/37 japplikaw biss għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda qabel id-dħul tagħhom fis-servizz.

19

Iz-Žemės ūkio ministerija (ministeru tal-agrikoltura, il-Litwanja) isostni, għall-kuntrarju, li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/37 japplikaw għat-tratturi kollha prodotti wara l-1 ta’ Lulju 2009, kemm jekk huma ġodda jew użati, indipendentement mill-post fejn ġew prodotti.

20

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji rigward din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/37. Barra minn hekk, hija tqis li l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva humiex applikabbli għall-vetturi kollha tal-kategoriji T1, T2 u T3 mill-1 ta’ Lulju 2009 jew biss għal dawk prodotti wara din id-data ma jirriżultax b’mod ċar mill-Artikolu 23(1)(b) ta’ din.

21

Billi qieset li l-kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2003/37] japplikaw għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni Ewropea u għar-reġistrazzjoni tal-karozzi użati jew second-hand prodotti barra mill-Unjoni, jew l-Istati Membri jistgħu jirregolaw permezz ta’ regoli nazzjonali speċjali r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi fi Stat Membru u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet applikabbli għar-reġistrazzjoni tagħhom (pereżempju, l-obbligu li jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/37)?

2)

Huwa possibbli li l-Artikolu 23(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tad-[Direttiva 2003/37] jiġi interpretat fis-sens li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw għal makkinarju fil-kategoriji T1, T2 u T3 prodott wara l-1 ta’ Lulju 2009?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/37 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-tqegħid fis-suq u r-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, ta’ tratturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz huma suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva.

23

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2003/37 tipprevedi proċedura uniformi ta’ approvazzjoni tal-vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u hija bbażata, kif jirriżulta mill-premessa 4 ta’ din, fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.

24

Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE lit-tipi ta’ vetturi li jissodisfaw, skont il-kategorija tagħhom, ir-rekwiżiti tekniċi previsti mid-direttivi speċifiċi msemmija fl-Anness II, Kapitolu B, ta’ din.

25

B’din il-proċedura uniformi ta’ approvazzjoni, l-Istati Membri jiċċertifikaw li tip ta’ vettura jissodisfa l-imsemmija rekwiżiti tekniċi, li essenzjalment huma intiżi sabiex jiggarantixxu, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/37, is-sigurtà fit-toroq, il-kwalità tal-ambjent u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

26

Minbarra dan, skont il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2003/37, l-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ din, jirrikjedi li l-Istati Membri jirreġistraw il-vetturi ġodda ta’ tip approvat, jiġifieri prodotti skont it-tip ta’ vettura approvata, u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz tagħhom, meta dawn il-vetturi jkunu akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità validu stabbilit mill-manifattur tal-vettura. B’dan il-mod, minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3(4) u fid-dawl tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/37, jirriżulta li l-vetturi ġodda li kienu s-suġġett ta’ tali approvazzjoni tat-tip tal-KE fi Stat Membru jistgħu jiġu kkummerċjalizzati u rreġistrati fl-Istati Membri l-oħra mingħajr l-ebda formalità ta’ kontroll rigward rekwiżiti tekniċi.

27

Il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, kif prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, hija għalhekk ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kontrolli tal-konformità mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/37, kif ukoll mid-direttivi speċifiċi msemmija fl-Anness II, Kapitolu B, ta’ din, imwettqa mill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tad-diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Lahousse u Lavichy, C‑142/09, EU:C:2010:694, punt 27). L-għan tagħha huwa li jiġi ggarantit u promoss il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jiġu protetti s-sigurtà fit-toroq, il-kwalità tal-ambjent u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

28

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Istat ta’ produzzjoni tal-vetturi huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE. Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jirreġistraw il-vetturi ġodda ta’ tip approvat, biss meta dawn ikunu akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità validu, li huwa stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/37, japplika kemm għall-vetturi prodotti fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għal dawk prodotti fi Stat terz imbagħad importati fl-Unjoni.

29

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, huwa minnu li mill-Artikolu 7(1) u mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/37 jirriżulta li r-rekwiżiti li huma jistabbilixxu rigward ir-reġistrazzjoni u t-tqegħid fis-servizz tal-vetturi jirrigwardaw biss il-“vetturi ġodda”. L-Artikolu 23(1)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi barra minn hekk li, għall-vetturi li jaqgħu taħt il-kategoriji T1, T2 u T3, l-Istati Membri japplikaw l-imsemmija direttiva għall-“vetturi ġodda” kollha mqiegħda fis-servizz mill-1 ta’ Lulju 2009.

30

Fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, is-sistema implementata mid-Direttiva hija fil-fatt intiża, fir-rigward tal-vetturi prodotti fit-territorju tal-Unjoni, sabiex tapplika għall-vetturi ġodda. Il-vetturi kollha li, fl-istat il-ġdid tagħhom, kienu jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/37 u li ddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni kienu, għaldaqstant, suġġetti għal approvazzjoni tat-tip tal-KE.

31

Madankollu, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sistema implementata mid-Direttiva 2003/37 għandha l-għan li tiggarantixxi li l-vetturi kollha, ġodda jew użati, li jappartjenu għal kategoriji speċifiċi u li jitqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni, mill-1 ta’ Lulju 2009 fir-rigward tal-vetturi tal-kategoriji T1, T2 u T3, jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi previsti minn din id-direttiva.

32

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-Regolament Nru 167/2013 li, b’mod differenti mid-Direttiva 2003/37, jispeċifika fl-Artikolu 3(37) li “vettura ġdida” tfisser “vettura li qatt ma ġiet reġistrata qabel jew qatt ma ġiet imdaħħla fis-servizz”. Kemm l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2003/37 kif ukoll l-Artikolu 3(40) tar-Regolament Nru 167/2013 jindikaw li d-“dħul fis-servizz” għandu jiġi ddefinit bħala l-ewwel użu ta’ vettura fl-Unjoni.

33

L-imsemmija interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-punt 72 tal-“Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 2006/42/KE” [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU 2006, L 157, p. 24)], fejn din tindika li, “[b]’mod ġenerali, id-Direttiva dwar il-Makkinarju ma tapplikax għat-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju użat jew second-hand” u li hemm “eċċezzjoni waħda għal din ir-regola ġenerali”. Skont il-Kummissjoni, “[i]d-Direttiva dwar il-Makkinarju tapplika għal makkinarju użat jew second-hand li jkun sar disponibbli għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew l-użu barra l-[Unjoni], meta sussegwentement jiġi mqiegħed fis-suq jew imqiegħed għas-servizz għall-ewwel darba fl-[Unjoni]”.

34

Barra minn hekk, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni differenti, li jkollha bħala effett li tippermetti lil kull Stat Membru jiddefinixxi huwa nnifsu r-rekwiżiti tekniċi meħtieġa għad-dħul fis-servizz u r-reġistrazzjoni tal-vetturi użati importati minn pajjiż terz, tmur kontra l-għan li jikkonsisti fil-garanzija u l-promozzjoni tal-funzjonament tas-suq intern segwit suċċessivament mid-Direttiva 74/150, mid-Direttiva 2003/37 u, issa, mir-Regolament Nru 167/2013, sa fejn il-kompetenzi mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri jistgħu jostakolaw il-kummerċ bejniethom.

35

Minbarra dan, interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/37 kif tirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza għandha mnejn tikkomprometti l-għanijiet ta’ din id-direttiva intiżi sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà fit-toroq, il-kwalità tal-ambjent u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li vettura użata importata minn pajjiż terz, li ma kinitx is-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE u li hija intiża sabiex tintuża għall-ewwel darba fl-Unjoni, hija “vettura ġdida” fis-sens tad-Direttiva 2003/37.

37

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2003/37 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ewwel tqegħid fis-suq u r-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, ta’ tratturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz huma suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din.

Fuq it-tieni domanda

38

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37 jistax jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ din japplikaw għall-vetturi tal-kategoriji T1, T2 u T3 prodotti wara l-1 ta’ Lulju 2009.

39

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, u b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 29 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ din japplikaw għall-vetturi użati, li jaqgħu taħt il-kategoriji T1, T2 u T3, importati fl-Unjoni minn pajjiż terz, meta jiddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni għall-ewwel darba mill-1 ta’ Lulju 2009.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ewwel tqegħid fis-suq u r-reġistrazzjoni, fi Stat Membru, ta’ tratturi użati jew second-hand importati minn pajjiż terz huma suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti minn din.

 

2)

L-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva 2003/37, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/44/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ din japplikaw għall-vetturi użati, li jaqgħu taħt il-kategoriji T1, T2 u T3, importati fl-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz, meta jiddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni għall-ewwel darba mill-1 ta’ Lulju 2009.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top