Help Print this page 

Document 62015CJ0331

Title and reference
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Settembru 2017.
Ir-Repubblika Franċiża vs Carl Schlyter.
Appell – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Artikoli 8 u 9 – Opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni Ewropea dwar abbozz ta’ regolament tekniku – Rifjut ta’ aċċess.
Kawża C-331/15 P.

Digital reports (Court Reports - general)
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:639
Languages and formats available
Multilingual display
Text

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Appell – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Artikoli 8 u 9 – Opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni Ewropea dwar abbozz ta’ regolament tekniku – Rifjut ta’ aċċess”

Fil-Kawża C-331/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Lulju 2015

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, G. de Bergues, B. Fodda u F. Fize, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, T. Müller, J. Vláčil u D. Hadroušek, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Carl Schlyter, residenti f’Linköping (l-Isvezja), irrappreżentat minn S. Schubert, avukat, u O. W. Brouwer, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u A. Tokár kif ukoll minn F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, N. Otte Widgren, U. Persson u A. Falk kif ukoll minn E. Karlsson, L. Swedenborg, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha appell, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ April 2015, Schlyter vs Il-Kummissjoni (T-402/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:209), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li rrifjutat, matul il-perijodu ta’ statu quo, l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata tagħha dwar abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli (2011/673/F) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li ġiet innotifikata lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-Direttiva 98/34

2

Il-premessi 3, 6, 7 u 9 tad-Direttiva 98/34 jipprovdu:

“(3)

Billi sabiex ikun imħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern għandha tiġi żgurata trasparenza kemm jista’ jkun fir-rigward ta’ l-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards u regolamenti tekniċi;

[…]

(6)

Billi l-Istati Membri kollha għandhom wkoll ikunu mgħarrfa bir-regolamenti tekniċi kkontemplati minn xi wieħed mill-Istati Membri;

(7)

Billi l-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi; billi żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli ta’ l-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi;

[…]

(9)

Billi, safejn u sakemm ikollhom x’jaqsmu r-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti, il-miżuri mfassla biex jiżguraw it-tħaddim xieraq jew l-iżvilupp kontinwu jinkludu iktar ċarezza dwar l-intenzjonijiet nazzjonali u dwar it-twessigħ tal-kriterji u tal-kondizzjonijiet biex jiġi stmat l-effett potenzjali fuq is-suq tar-regolamenti proposti;

[…]”.

3

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“1.   Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz ta’ regolament tekniku u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha;

Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9), il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri interessati jistgħu ikollhom x’jaqsmu biss ma’ l-aspett li jista’ jostakola l-kummerċ u mhux l-aspett fiskali jew finanzjarju tal-miżura.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

4.   L-informazzjoni fornuta skond dan l-Artikolu ma għandhiex tkun kunfidenzjali għajr fuq it-talba espressa ta’ l-Istat Membru li jinnotifika. Kull talba bħal din għandha tiġi appoġġjata b’raġunijiet.

[…]”

4

L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jipposponu:

[…]

mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta’ kull abbozz ta’ regolament tekniku,

mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn din id-data, jekk il-miżura prevista tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti fis-suq intern.

[…]

L-Istat Membru interessat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi sabiex jadotta dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu [288 TFUE].”

B. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

5

Skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), “Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli”.

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)

li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti;

b)

li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

c)

li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jipprovdi:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)

l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

is-sigurtà pubblika,

kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

relazzjonijiet internazzjonali,

il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

b)

il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,,

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu..

[…]

6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Fid-29 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, abbozz ta’ digriet marbuta mal-kontenut u mal-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ digriet”).

10

Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni tat opinjoni dettaljata li l-effett tagħha, konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, kien li l-perijodu ta’ statu quo inizjali ġie estiż bi tliet xhur addizzjonali (iktar ’il quddiem “l-opinjoni ddettaljata”).

11

B’ittra tas-16 ta’ April 2012, jiġifieri matul il-perijodu ta’ statu quo jew ta’ sospensjoni, C. Schlyter ressaq talba għal aċċess għall-opinjoni ddettaljata inkwistjoni. Peress li l-Kummissjoni ċaħdet din it-talba b’ittra tas-7 ta’ Mejju 2012, C. Schlyter, fid-29 ta’ Mejju 2012, ressaq quddiemha talba konfermatorja intiża sabiex din tal-aħħar tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

12

Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermatorja ta’ C. Schlyter permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2011, C. Schlyter talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qajjem tliet motivi.

14

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, C. Schlyter allega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13). Permezz tat-tieni motiv tiegħu, C. Schlyter allega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-interess pubbliku superjuri kif rikjest mill-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Permezz tat-tielet motiv tiegħu, C. Schlyter sostna li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

15

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, prinċipalment, li opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll, sussidjarjament, li l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ statu quo, ta’ tali opinjoni ddettaljata mhux neċessarjament jippreġudika l-għan ta’ din il-proċedura.

16

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17

Permezz ta’ l-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lil C. Schlyter għall-ispejjeż.

18

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-aewwel istanza u tikkundanna lil C. Schlyter għall-ispejjeż.

19

C. Schlyter jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura odjerna.

20

Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

21

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza appellata u li tiċħad l-appell.

22

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża. Ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fis-sens propost mir-Repubblika Franċiża u, fejn applikabbli, mill-Kummissjoni.

V. Fuq l-appell

23

Fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġu ttrattati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati minn C. Schlyter fir-rigward ta’ ċerti argumenti tal-appell u fit-tieni lok, li jiġi eżaminat fil-mertu l-aggravju ewlieni tal-appell.

A. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

1.  L-argumenti tal-partijiet

24

C. Schlyter jinvoka eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ diversi argumenti tal-appell.

25

Qabel xejn, huwa jqis li l-argument tar-Repubblika Franċiża marbut mal-inkoerenza tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” li nltaqa’ fis-sentenza appellata fir-rigward tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T-306/12, EU:T:2014:816), dwar il-kawżi EU Pilot huwa inammissibbli, sa fejn dan l-argument jikkostitwixxi motiv ġdid li kellu jiġi invokat quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont C. Schlyter, il-kawżi EU Pilot ilhom jintużaw sa mis-sena 2008 u, għaldaqstant, l-imsemmi argument, ibbażat fuq paragun ta’ dawn il-kawżi differenti, seta’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

26

Sussegwentement, C. Schlyter iqis li l-argument invokat mir-Repubblika Franċiża, li, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk abbozz ta’ regolament tekniku huwiex kompatibbli mar-regoli tas-suq intern, il-Kummissjoni b’mod frekwenti tiġbor il-fatti, huwa inammissibbli, peress li tali kontestazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali ma tistax iktar tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell.

27

Fl-aħħar, C. Schlyter isostni li l-argument li, peress li l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni seta’ jaffettwa kull negozju u li joħloq pressjoni pubblika, kien jippreġudika il-kwalità tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, huwa ammissibbli fil-kuntest tal-appell, peress li C. Schlyter diġà talab, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-Repubblika Franċiża tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali effett danneġġanti. Madankollu, dan l-Istat Membru ma weġibx f’dan ir-rigward u sempliċiment iċċita l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, EU:C:2009:520), mingħajr ma spjega kif dawn tal-aħħar huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża odjerna. Issa, l-elementi kollha intiżi sabiex isostnu l-imsemmi argument kellhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

28

Ir-Repubblika Franċiża tqis li dawn it-tliet argumenti huma ammissibbli.

2.  Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-punt 52 tas-sentenza appellata li r-Repubblika Franċiża sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali lil-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 għandha tiġi kklassifikata bħala “investigazzjoni” u li l-ħruġ ta’ opinjoni ddettaljata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura mill-Kummissjoni hija ekwivalenti għal attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-kuntest tal-appell odjern, dan l-Istat Membru għandu l-għan li juri, billi jinvoka l-inkoerenza allegata bejn is-sentenza appellata u s-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816), li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kklassifikatx il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 bħala “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, tali argument ma jikkostitwixxix motiv ġdid, iżda biss jikkompleta motiv diġà invokat quddiem il-Qorti Ġenerali.

30

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat l-argument tar-Repubblika Franċiża, li l-Kummissjoni b’mod frekwenti jkollha tiġbor il-fatti bil-għan li tevalwa jekk abbozz ta’ regolament tekniku huwiex kompatibbli mar-regoli tas-suq intern, ma jikkontestax konstatazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar proċedura konkreta mmexxija mill-Kummissjoni, huwa marbut mal-klassifikazzjoni tal-proċedura implementata mid-Direttiva 98/34 bħala “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/200, u b’hekk jikkostitwixxi punt ta’ liġi.

31

Fit-tielet lok, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, skont il-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ġġustifikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-applikazzjoni għal każ odjern tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi qieset li l-iżvelar lill-pubbliku tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo kien jippreġudika l-intenzjoni tar-Repubblika Franċiża li tikkopera magħha fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Min-naħa l-oħra, min-nota ta’ interventi li ġiet ippreżentata mir-Repubblika Franċiża fl-ewwel istanza jirriżulta li hija sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li l-Kummissjoni tmexxi proċedura inkwiżitorja fil-kuntest tad-djalogu bilaterali, previst mid-Direttiva 98/34, li hija suġġetta għal rekwiżit ta’ kunfidenzjalità li jiffaċilita soluzzjoni bonarja tal-vertenza, mingħajr pressjoni pubblika, bejn din l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Kien f’dan il-kuntest, filwaqt li invokat b’mod impliċitu analoġija bejn il-kawża odjerna u dik li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, EU:C:2010:376), li r-Repubblika Franċiża għamlet riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din l-aħħar imsemmija kawża, bil-għan li ssejjes l-argument tagħha li huwa neċessarju li jiġi ppreservat ċertu livell ta’ kunfidenzjalità sabiex ma jiġux imfixkla n-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Issa, l-elaborazzjoni ta’ tali argument żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali hija ammissibbli fl-istadju tal-appell.

32

F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jitwarrbu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajjma minn C. Schlyter.

B. Fuq il-mertu

33

Ir-Repubblika Franċiża tqajjem aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha. Dan l-aggravju ewlieni huwa kkostitwit minn żewġ partijiet.

1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju ewlieni

a)  L-argumenti tal-partijiet

34

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni, jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma kinitx tikkostitwixxi “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35

C. Schlyter, sostenut mir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, isostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Franċiża ma hijiex fonadata meta tikkritika l-fatt li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” li jinsab fis-sentenza appellata ma huwa bbażat fuq ebda definizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, mid-Direttiva 98/34 jew mill-ġurisprudenza.

36

Fit-tieni lok, C. Schlyter jikkunsidra li l-argument tar-Repubblika Franċiża dwar l-inkoerenza tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” fis-sentenza appellata flimkien mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T-306/12, EU:T:2014:816), marbuta mal-proċedura EU Pilot, huwa ineffettiv u infondat.

37

Fit-tielet lok, skont C. Schlyter, kien b’mod żbaljat li r-Repubblika Franċiża ssostni li, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tapprova d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” kif speċifikata fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kienet tissodisfa din id-definizzjoni.

38

Fl-aħħar, fir-raba’ lok, C. Schlyter isostni li xejn fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C-612/13 P, EU:C:2015:486) ma jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” ma jistax jiġi definit b’mod limitattiv. Barra minn hekk, skont C. Schlyter, ma jirriżultax minn din is-sentenza li kull miżura marbuta mal-funzjoni tal-Kummissjoni bħala protettriċi tat-trattati tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni.

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, billi invokat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġġustifika l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata inkwistjoni, peress li l-iżvelar tagħha kien jippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, wettqet żball ta’ liġi, peress li opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, b’kont meħud tal-kontenut tagħha u tal-kuntest li fih hija stabbilita, ma taqax taħa “attività ta’ investigazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

40

Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u mill-opinjonijiet iddettaljati maħruġa fil-kuntest ta’ tali proċedura kinux jikkorrispondu jew le mal-kunċett ta’ “investigazzjoni”, iddefinit fil-punt 53 tas-sentenza appellata, bħala li jkopri “kemm it-tiftix kollu mwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur kif ukoll il-proċedura li permezz tagħha amministrazzjoni tiġbor informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni”.

41

Għalkemm it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjonijiet għandhom jiċħdu l-aċċess għal dokument jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni b’mod partikolari l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament.

42

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxiet definizzjoni ġenerali ta’ dan il-kunċett.

43

Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jikkontestaw id-definizzoni ta’ dan il-kunċett stabbilit mill-Qorti Ġenerali u jsostnu li din tal-aħħar hija eċċessivament ristretta. Huma jsostnu, essenzjalment, li ma hemmx lok li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” għandu jiġi ristrett, minn naħa, għar-riċerki mwettqa minn awtorità sabiex tistabbilixxi ksur jew irregolarità u, min-naħa l-oħra, għall-proċeduri intiżi sabiex jinġabru u jiġu vverifikati fatti kif ukoll informazzjoni bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni.

44

Dan l-argument għandu jiġi aċċettat.

45

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, li l-kunċett ta’ investigazzjoni, li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sens abitwali tiegħu kif ukoll il-kuntest li jaqa’ fih (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-518/07, EU:C:2010:125, punt 18, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50).

46

Mingħajr il-bżonn li tiġi stabbilita definizzjoni eżawrjenti tal-“attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tikkostitwixxi tali attività, proċedura strutturata u fformalizzata tal-Kummissjoni li jkollha l-għan li tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni bil-għan li din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit-Trattati UE u FUE.

47

Din il-proċedura ma għandhiex neċessarjament tkun intiża sabiex tinnota u tinvestiga ksur jew irregolarità. Il-kunċett ta’ “investigazzjoni” jista’ jkopri wkoll l-attività tal-Kummissjoni maħsuba sabiex tikkonstata fatti bil-għan li tevalwa sitwazzjoni partikolari.

48

Bl-istess mod, ma huwiex indispensabbli, sabiex proċedura tiġi kklassifikata bħala “investigazzjoni”, li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha tkun koperta mill-forma ta’ deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Tali pożizzjoni adottata tista’ tkun fil-forma, b’mod partikolari, ta’ rapport jew ta’ rakkomandazzjoni.

49

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 jiddeterminaw is-sekwenza proċedurali marbuta man-notifika ta’ abbozz ta’ regolament tekniku mill-Istat Membru u mal-ħruġ ta’ opinjoni ddettaljata dwaru mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li din id-direttiva tipprovdi għal proċedura strutturata jew ifformalizzata.

50

Barra minn hekk, kemm mit-titolu kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża għall-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mhux biss l-abbozzi tar-regoli tekniċi, iżda wkoll, fejn applikabbli, ir-raġunijiet li abbażi tagħhom ikun neċessarju l-istabbiliment ta’ regolament tekniku kif ukoll it-test tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji bażiċi li jkunu prinċipalment u direttament ikkonċernati.

51

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, il-punt dwar jekk il-Kummissjoni titlobx hija stess l-informazzjoni lill-Istati Membri jew jekk tirċevihomx abbażi ta’ leġiżlazzjoni ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li proċedura tiġi kklassifikata bħala “investigazzjoni”.

52

Fl-aħħar, opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, tikkostitwixxi miżura uffiċjali li tispeċifika l-pożizzjoni legali ta’ din l-istituzzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat mill-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari, mal-moviment liberu tal-oġġetti u l-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi.

53

Għaldaqstant, tali avviż jaqa’ taħt proċedura ta’ “investigazzjoni”.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imqajjem mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju tiegħu, li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 u l-opinjoni ddettaljata maħruġa minn din l-istituzzjoni ma kinux jaqgħu taħt “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa fondat.

55

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv ewlieni għandu jintlaqa’.

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju ewlieni tal-appell

a) L-argumenti tal-partijiet

56

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi qieset, b’mod sussidjarju, li, anki fl-ipoteżi li l-opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni tifforma parti minn “attività ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni mhux neċessarjament jippreġudika l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

57

Dan l-Istat Membru jikkonferma, minn naħa, li C. Schlyter, fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent fl-ewwel istanza, ma qajjimx l-argument li, f’każ li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni, l-iżvelar ta’ dik l-opinjoni ddettaljata ma kinitx tippreġudika l-għan ta’ tali attività ta’ investigazzjoni. Issa, skont l-imsemmi Stat Membru, motiv ibbażat fuq tali argument ma setax jitqajjem ex officio, b’tali mod li kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali invokat dan tal-aħħar insostenn tad-deċiżjoni tiegħu.

58

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni b’mod żbaljat restrittiva tal-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, peress li din il-proċedura kienet issegwi wkoll għan marbut mal-kwalità tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità fil-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, bħal dak applikabbli fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa intiż li jipproteġi l-kwalità tal-imsemmi djalogu bil-għan li tkun tista’ tinstab soluzzjoni bonarja.

59

Skont il-Kummissjoni, in-natura kunfidenzjali tan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat wara l-ħruġ ta’ opinjoni ddettaljata hija inerenti għall-proċedura abbażi tad-Direttiva 98/34 u hija analoga għan-natura kunfidenzjali tan-negozjati fi proċeduri simili, b’mod iktar partikolari fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija tqis li l-argument invokat fil-punt 87 tas-sentenza appellata huwa żbaljat u li l-imsemmija negozjati kellhom jiġu protetti minn kull pressjoni esterna, peress li l-Kummissjoni tipprova tikkonvinċi l-Istat Membru kkonċernat li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu jista’ jmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, ħafna drabi, tipproponi soluzzjonijiet alternattivi. Issa kieku din l-istituzzjoni kellha tistenna l-introduzzjoni formali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tali djalogu jkun jista’ jibbenefika minn trattament kunfidenzjali, dan ikun jirrendi fraġli r-rikors għal stħarriġ preventiv u jista’ jkollu effett negattiv fuq is-suq intern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li tali sitwazzjoni kienet isaħħaħ il-pożizzjonijiet tal-partijiet u tbiegħed il-perspettiva ta’ soluzzjoni favorevoli b’osservanza tad-drtitt tal-Unjoni.

60

C. Schlyter, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jikkontestaw dawn l-argumenti.

b) Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut għall-aċċess għal dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C-365/12 P, Ġabra, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 14 u 40 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni għall-każ odjern tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi esponiet li l-iżvelar lill-pubbliku tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo kien inaqqas il-volontà tar-Repubblika Franċiża li tikkopera magħha fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka. Għaldaqstant, din il-pubbikazzjoni tippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

63

Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, billi kkunsidrat, fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, li, fl-ipoteżi li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kienet tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni, l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni ma kienx neċessarjament jippreġudika l-għan ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal argument li kien tressaq għall-evalwazzjoni tagħha.

64

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonjiet tiegħu, mill-punt 76 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-Repubblika Franċiża sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li hija ma kellhiex tissottovaluta l-aspett distabilizzanti tal-fatt li jiġu ppubblikati l-kritiki possibbli tal-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat qabel ma jkun għadu kiseb l-okkażjoni li jwieġeb għalihom l-Istat Membru kkonċernat.

65

Permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Franċiża kellha l-intenzjoni li ssostni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, imfakkar fil-punt 77 tas-sentenza appellata u li tinsab ukoll fil-punt 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni matul il-perijodu ta’ statu quo kien jippreġudika diskussjonijiet ulterjuri bejn il-partijiet.

66

Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi sostnut li l-argument inkwistjoni tqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali.

67

Fit-tieni lok, l-argument avvanzat mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-appell odjern li l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata neċessarjament jippreġudika l-kwalità tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat bil-għan li tinsab soluzzjoni bonarja, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

68

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u, b’mod partikolari, l-opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-imsemmija prċoedura, hija maħsuab sabiex tipprevjeni l-adozzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ regolament tekniku li jostakola l-moviment liberu tal-oġġetti jew tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern.

69

Fir-rigward ta’ dan l-għan tad-Direttiva 98/34, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 37 u 85 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttenni li din id-direttiva tipproteġi, permezz ta’ kontroll preventiv, il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi tas-servizzi, li jifformaw parti mill-pedamenti tal-Unjoni, u li dan il-kontroll huwa utli sa fejn ir-regoli tekniċi li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-iskambji ta’ oġġetti u ta’ servizzi bejn l-Istati Membri, ostakoli li jistgħu jiġu aċċettati biss jekk ikunu neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti mandatorji li jkollhom għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et, C-307/13, EU:C:2014:2058, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni tiżvela l-opinjoni ddettaljata tagħha, li skontha ċerti aspetti ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat minn Stat Membru jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-oġġetti, għall-moviment liberu tas-servizzi kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment ta-operaturi tas-servizzi fil-kuntest tas-suq intern, mhux neċessarjament ppreġudika l-għan ta’ din il-proċedura.

71

L-elementi invokati mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni ma jurux li din il-kunsiderazzjoni hija legalment żbaljata.

72

Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-sistema prevista mid-Direttiva 98/34 kienet tistabbilixxi rekwiżit ta’ trasparenza li tippermetti li tiġi kkonfermata l-fondatezza tal-imsemmija kunsiderazzjoni.

73

Hemm lok li jitfakkar li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 98/34 tfittex li tippermetti, kif iddikjarat fil-premessa 7 ta’ din tal-aħħar, użu aħjar mill-vantaġġi inerenti għas-suq intern mill-operaturi ekonomiċi billi tiżgura l-pubblikazzjoni regolari tal-leġiżlazzjonijiet tekniċi abbozzati mill-Istati Membri u billi b’hekk tqiegħed lil dawn l-operaturi f’pożizzjoni li juru l-evalwazzjoni tagħhom dwar l-impatt ta’ dawn.

74

Il-Kummissjoni stess indikat, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-organizzazzjonijiet ċivili jista’ jkollhom rwol attiv u jikkontribwixxu bl-opinjonijiet tagħhom lejn il-funzjonament tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 98/34. F’dan il-punt tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni fakkret ukoll li, peress li tali parteċipazzjoni tirrikjedi livell għoli ta’ trasparenza, hija tippubblika b’mod regolari, fuq is-sit tal-internet tagħha (imsejjaħ “TRIS”), ir-regoli tekniċi abbozzati mill-Istati Membri.

75

Barra minn hekk, skont il-premessi 3 u 6 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa xieraq li tiġi żgurata l-ikbar transparenza tal-inizjattivi nazzjonali intiżi għall-istabbiliment ta’ regoli jew regolamenti tekniċi, u l-Istati Membri kollha għandhom jiġu informati bir-regolamenti tekniċi previsti minn wieħed minnhom. Il-premessa 9 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-miżuri maħsuba sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq jew sabiex titkompla l-intensifikazzjoni tiegħu jimplikaw b’mod partikolari tisħiħ tat-trasparenza tal-intenzjonijiet nazzjonali kif ukoll estensjoni tar-raġunijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-effett possibbli, fuq is-suq, tar-regolamenti proposti.

76

Skont l-ewwel u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34, bħala prinċipju, l-Istati Membru għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku u din tal-aħħar għandha tinforma kemm jista’ jkun lill-Istati Membri l-oħra b’dan l-abbozz kif ukoll bid-dokumenti kollha li jkunu ġew ikkomunikati lilha. Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Istat Membru li jkun ipproduċa abbozz ta’ regolament tekniku.

77

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta abbażi ta’ dan l-artikolu ma humiex meqjusa bħala kunfidenzjali, dment li l-Istat Membru li jkun ħareġ in-notifika ma jkunx talab dan b’mod espress u mmotivat.

78

Fir-rigward tal-opinjonijiet iddettaljati maħruġa mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru skont l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ebda dispożizzjoni minn din tal-aħħar ma tipprevedi l-kunfidenzjalità tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ trasparenza li fuqu hija msejsa d-Direttiva 98/34 japplika, normalment, għall-dawn l-opinjonijiet iddettaljati.

79

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li din id-direttiva hija intiża li tiżgura li l-operaturi ekonomiċi jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-entità tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom u li jantiċipaw l-adozzjoni tar-regoli tekniċi billi jaddattaw, fejn possibbli, il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fil-ħin opportun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C-336/14, EU:C:2016:72, punt 83).

80

Barra minn hekk, il-possibbiltà, ta’ dawn l-operaturi, li jifhmu mhux biss ir-regolament tekniku abbozzat mill-Istat Membru li jinnotifika, iżda wkoll il-pożizzjoni espressa dwar dan ir-regolament tekniku fl-opinjoni ddettaljata maħruġa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri l-oħra, bħala prinċipju, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ prevenzjoni tal-adozzjoni ta’ regolament tekniku inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

81

Madankolu, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li fuqu huwa msejsa d-Direttiva 98/34 ma teskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tibbaża ruħha fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għal opinjoni ddettaljata li hija stess jew Stat Membru jkun ħareġ skont l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, meta din tal-aħħar jirnexxielha turi li l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata inkwistjoni b’mod konkret u effettiv tippreġudika l-għan tal-prevenzjoni tal-adozzjoni ta’ regolament tekniku inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

82

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi warrbet l-argumenti tar-Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni, li skonthom ir-riskju ta’ koperazzjoni mnaqqsa mill-Istati Membri, li ġie deskritt fid-deċiżjoni kontenzjuża, jikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti, fid-dawl tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bil-għan li tiċħad it-talba ta’ aċċess għall-opinjoni ddettaljata inkwistjoni.

83

Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija rrifjutat l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata inkwistjoni abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001.

84

Konsegwentement, it-tieni parti tal-aggravju ewlieni invokat mir-Repubblika Franċiża għandu jiġi miċħud.

85

Peress li l-motivi tas-sentenza appellata, li ġew ikkritikati bla suċċess min-tieni parti tal-aggravju ewlieni, huma waħidhom suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-imsemmija sentenza, jeħtieġ li dan l-aggravju kif ukoll l-appell fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.

VI. Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

87

Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni peress li r-Repubblika Franċiża, C. Schlyter u l-Kummissjoni tilfu parzjalment fl-aggravji tagħhom.

88

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

89

Konformement mal-Artikolu 184(4) ta’ dawn l-istess regoli, ir-Repubblika tal-Finlandja, u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża, Carl Schlyter u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top