EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0113

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Settembru 2016.
Breitsamer und Ulrich GmbH & Co. KG vs Landeshauptstadt München.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/13/KE – Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel – Artikolu 1(3)(b) - Kunċett ta’ “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” – Artikolu 2 – Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi – Punt 8 tal-Artikolu 3(1) – Post ta’ l-oriġini jew tal-provenjenza ta’ prodott – Artikolu 13(1) – Ittikkettjar ta’ [prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel – Artikolu 13(4) – Imballaġġ jew reċipjenti li l-akbar wiċċ tiegħu għandu area ta’ anqas minn 10cm2 – Direttiva 2001/110/KE – Punt 4 tal-Artikolu 2 – Indikazzjoni tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini tal-għasel – Porzjonijiet individwali tal-għasel issiġilati f’kaxxi tal-kartun multipli kkonsenjati lil mass caterers – Porzjonijiet individwali mibjugħa separatament jew offerti lill-konsumatur finali fil-kuntest tal- kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa għal prezz fiss – Indikazzjoni tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini ta’ dan l-għasel.
Kawża C-113/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:718

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/13/KE — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel — Artikolu 1(3)(b) — Kunċett ta’ ‘[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati’ — Artikolu 2 — Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi — Punt 8 tal-Artikolu 3(1) — Post ta’ l-oriġini jew tal-provenjenza ta’ prodott — Artikolu 13(1) — Ittikkettjar ta’ [prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel — Artikolu 13(4) — Imballaġġ jew reċipjenti li l-akbar wiċċ tiegħu għandu area ta’ anqas minn 10cm2 — Direttiva 2001/110/KE — Punt 4 tal-Artikolu 2 — Indikazzjoni tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini tal-għasel — Porzjonijiet individwali tal-għasel issiġillati f’kaxxi tal-kartun multipli kkonsenjati lil mass caterers — Porzjonijiet individwali mibjugħa separatament jew offerti lill-konsumatur finali fil-kuntest tal- kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa għal prezz fiss — Indikazzjoni tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini ta’ dan l-għasel”

Fil-Kawża C‑113/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Breitsamer und Ulrich GmbH & Co. KG

vs

Landeshauptstadt München,

fil-preżenza ta’:

Landesanwaltschaft Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Breitsamer und Ulrich GmbH & Co. KG, minn M. Kraus, avukat,

għal-Landeshauptstadt München, minn S. Groth u K. Eichhorn, bħala aġenti,

għal-Landesanwaltschaft Bayern, minn R. Käß, Oberlandesanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, K. Herbout-Borczak u K. Skelly, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ [prodotti tal-ikel] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), u tal-Artikolu 2(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Breitsamer und Ulrich GmbH & Co. KG il-Landeshauptstadt München (il-belt ta’ München, il-Ġermanja) dwar l-obbligu li jissemma, fuq kull waħda mill-porzjonijiet individwali ta’ għasel issiġillati f’kaxxi tal-kartun multipli kkonsenjati lil mass caterers, il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-għasel meta l-imsemmija porzjonijiet jinbiegħu separatament jew jiġu offerti lill-konsumatur finali jew offerti lill-konsumatur finali fil-kuntest tal- kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa għal prezz fiss.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/13

3

Skont il-premessi 4 sa 6, 8, 14 u 15 tad-Direttiva 2000/13 :

“(4)

L-iskop ta’ din id-direttiva għandu jkun li tagħmel regoli ta’ natura ġenerali tal-Komunità applikabli orizzontalment għall-prodotti kollha ta’ l-ikel li jitqiegħdu fis-suq.

(5)

Regoli ta’ natura speċifika li japplikaw vertikalment għal ċerti prodotti partikolari biss għandhom jitniżżlu f’dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk il-prodotti.

(6)

Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq il-tikkettjar ta’ [prodotti tal-ikel] għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur.

[...]

(8)

Tikkettjar dettaljat, b’ mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles.

[...]

(14)

Ir-regoli fuq tikkettjar għandhom ukoll jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tqarraq bix-xerrej jew tattribwixxi kwalitajiet mediċinali lil [l-prodotti tal-ikel]. Biex tkun effettiva, din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għall-preżentazzjoni u r-riklamar tal-[prodotti tal-ikel].

(15)

Bl-għan li tiffaċilità negozju bejn l-Istati Membri, jista’ jiġi pprodvut li, fi stadji qabel il-bejgħ lill-konsumatur, informazzjoni fuq l-elementi essenzjali biss għandha tidher fuq l-imballaġġ ta’ barra u ċerti partikolaritajiet mandatorji li għandhom jidhru fuq [prodotti tal-ikel] li ġew digà imballeġġjati jeħtieġ li jidhru biss f’dokumenti kummerċjali li jirreferu għalihom.”

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tikkonċerna l-tikkettjar ta’ [prodotti tal-ikel] li għandu jiġi mqassam lill-konsumatur u ċerti aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-[prodotti tal-ikel] intenzjonat għar-restaurants, l-isptarijiet, il-canteens u l-‘mass-caterers’simili (hawn iktar ‘il quddiem imsejħa bħala ‘mass caterers’).

3.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘tikkettjar’ ifisser kwalunkwe kliem, partikolaritajiet, marka tipika tan-negozju, isem ta’ ditta, ħaġa mpinġija jew simboli li għandhom x’jaqsmu ma’ prodott ta’ l-ikel u poġġuti fuq kwalunkwe imballaġġ, dokument, avviż, tikketta, ċurkett jew kullar li jakkumpanja jew jirreferi għal dan il-prodott ta’ l-ikel;

(b)

‘[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati’ ifissru partita waħda għal preżentazzjoni bħala tali lill-konsumatur finali u għal "mass caterers”, li jikkonsistu fi prodott ta’ l-ikel u l-imballaġġ li fih jitqiegħed qabel ma jkun offrut għall-bejgħ, sewwa jekk dan il-metodu ta’ imballaġġ jaqgħlaq kompletament jew parzjalment il-prodott ta’ l-ikel, iżda f’każ bħal dan b’metodu li l-kontenuti ma jistgħux jitbiddlu mingħajr ma jinfetaħ jew jitbiddel l-imballaġġ tal-prodott”

5

L-Artikolu 2(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi li:

“[L-it]tikkettjar u metodi użati ma jridux:

(a)

ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

(i)

għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;”

6

Il-punt 8 tal-Artikolu 3(1), tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Skont l-Artikoli 4 sa 17 u soġġett għal eċċezzjonijiet li fihom, indikazzjoni tal-partiklolaritajiet li ġejjin biss ikunu obbligatorji fuq il-tikkettjar tal-[prodotti tal-ikel]:

[...]

(8)

partikolaritjiet tal-post ta’ oriġini jew provenjenza fejn nuqqas li tagħti partikolaritajiet bħal dawn jistgħu iqarrqu bil-konsumatur sa grad materjali rigward il-vera oriġini jew provenjenza tal-prodott ta’ l-ikel;”

7

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/13kien ifformulat kif ġej:

“Dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabli għal [prodotti tal-ikel] speċifikati u mhux għal [prodotti tal-ikel] in ġenerali jistgħu jipprovdu li jidhru fuq il-tikkettjarpartikolaritajiet in addizzjoni ma’ dawk imniżżla fl-Artikolu 3.

[...]”

8

L-Artikolu 8(2)(ċ) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“(ċ) Fejn ħaġa diġà imballeġġjata tikkonsisti fi tnejn jew iktar oġġetti individwali digà imballeġġjati li fihom l-istess kwantità ta’ l-istess prodott, il-kwantità netta tkun indikata billi ssemmi l-kwantità netta kkontenuta f’kull pakkett indivdwali u n-numru totali ta’ paketti bħal dawn. Indikazzjoni ta’ dawn il-partikolaritajiet ma għandhiex tkun obbligatorja, iżda, fejn in-numru totali ta’ pakketti individwali jista’ jidher b’mod ċar u jingħadd faċilment min-naħa ta’ barra u fejn mill-inqas indikazzjoni waħda tal-kwantità li hemm f’kull pakkett individwali tista’ tidher b’mod ċar min-naħa ta’ barra.”

9

L-Artikolu 13(1) u (4) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

(a)

Meta l-[prodotti tal-ikel] huma digà imballeġġjati, il-partikolaritajiet ipprovduti fl-Artikolu 3 u 4(2) għandhom jidhru fuq id-digà imballeġġjat jew fuq tikketta mwaħħla magħha.

(b)

Minkejja punt (a) u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq kwantitajiet nominali, fejn [prodotti tal-ikel] diġà imballeġġjati huma:

maħsuba għall-konsumatur iżda marketed fi stadju qabel il-bejgħ lill-konsumatur u fejn bejgħ lil "mass caterer" mhwiex involut f’dak l-istadju.

maħsuba għal forniment ta’ ‘mass caterers’ għal preparazzjoni, pproċessar, qsim jew qtugħ,

il-partikolaritajiet meħtieġa taħt l-Artikoli 3 u 4(2) jeħtieġu jidhru biss fuq dokumenti kummerċjali li jirreferu għall-[prodotti tal-ikel] fejn jista’ jiġi assigurat li tali dokumenti, li fihom l-informazzjoni kollha fuq tikkettjar, jew jakkumpanjaw il-[prodotti tal-ikel] li għalihom jirreferu jew intbagħtu qabel jew fl-istess ħin li ġew ikkonsenjati.

(ċ)

Fil-każ riferit f’punt (b), il-partikolaritajiet irriferiti fl-Artikolu 3(1) punt 1, 5 u 7 u, fejn applikabbli, dak irriferit fl-Artikolu 10, jidhru wkoll fuq il-pakkett estern fejn il-[prodotti tal-ikel] huma ppreżentati għat-tmexxija.

[...]

4.   Fil-każ ta’ fliexken tal-ħġieġ li sejrin jergħu jiġu użati li huma mmarkati b’mod li ma jitħassarx u li għalhekk m’għandhomx tabella, ċurkett, jew kullar u mballaġġ jew reċipjenti li l-akbar wiċċ tiegħu għandu area ta’ anqas minn 10cm2 għandhom jingħataw biss il-partikolaritajiet mniżżla fl-Artikolu 3(1) punti 1,4 u 5

[...]”

10

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Fejn prodotti ta l-ikel huma offruti għall-bejgħ lill-konsumatur jew lil “mass caterers” mingħajr ma jkunu diġà imballeġġjati, jew fejn [prodotti tal-ikel] huma mballeġġjati fil-post fejn jinbiegħu fuq talba tal-konsumatur jew ikunu diġà mballeġġjati għall-bejgħ dirett, l-Istati Membri għndhom jadottaw regoli dettaljati dwar il-manjiera ta’ kif il-partikolaritajiet speċifikati fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) għandhom jintwerew.

Jistgħu jiddeċidu li ma jirrikjedux il-proviżżjoni tal-partikolaritajiet kollha jew ftit minnhom, sakemm ix-xerrej jibqa’ jirċievi informazzjoni suffiċjenti.”

11

Skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, id-Direttiva 2000/13 ġiet imħassra b’effett mit-13 ta’ Diċembru 2014.

Id-Direttiva 2001/110/KE

12

Skont il-premessa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 179):

“Ir-regoli ġenerali ta’ l-ittekkettjar ta’ l-ikel stabbiliti fid-Direttiva [2000/13] għandhom japplikaw suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-kwalità ta’ l-għasel u l-oriġini tiegħu, huwa indispensabbli li l-informazzjoni kollha fuq dawk il-materji tkun disponnibbli sabiex il-konsumatur ma jkunx żgwidat rigward il-kwalità tal-prodott. L-interessi partikolari tal-konsumatur rigward il-karatteristiċi ġeografiċi ta’ l-għasel u t-trasparenza sħiħa f’dan ir-rigward jinneċessitaw li l-pajjiż ta’ l-oriġini fejn l-għasel kien inġabar għandu jkun inkluż fit-tikketta.”

13

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/110 jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I. Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw ma’ r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Id-Direttiva [2000/13] għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

1)

it-terminu “għasel” għandu jkun applikat biss għall-prodott definit fl-Anness I, punt 1, u għandu jkun użat fil-kummerċ sabiex jindika dak il-prodott;

[...]

4)

(a)

il-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini fejn inġabar l-għasel għandhom ikunu indikati fuq it-tikketta.

Madankollu, jekk l-għasel joriġina f’iktar minn Stat Membru wieħed jew pajjiż terz dik l-indikazzjoni tista’ tiġi b’waħda minn dawn li ġejjin, kif approprjat:

‘taħlita ta’ għasel KE’,

‘taħlita ta’ għasel mhux tal-KE’,

‘taħlita ta’ għasel tal-KE u mhux tal-KE’.

(b)

Għall-fini tad-Direttiva [2000/13] u b’mod partikolari l-Artikoli 13, 14, 16 u 17 tagħha, id-dettalji li għandhom ikunu indikati skont is-subparagrafu (a) għandhom jiġu ikkunsidrati bħala indikazzjonijiet skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva.”

15

L-Anness I tad-Direttiva 2001/110 huwa intitolat “Ismijiet, Deskrizzjonijiet ta’ Prodotti u Definizzjonijiet”.

Id-dritt Ġermaniż

Ir-regolament dwar l-għasel

16

L-Artikolu 3(4) u (5) tal-Honigverordnung (Regolament dwar l-għasel), tas-16 ta’ Jannar 2004, (BGBl. 2004 I, p. 92), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar l-għasel”), jistabilixxi :

“(4)   B’żieda mal-informazzjoni prevista mi[ll-Lebensmittel-Kennzeichnungsverordnung (regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel), tal-15 ta’ Diċembru 1999 (BGBl. 1999 I, p. 2464, iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel”)], l-ittikkettjar tal-prodotti elenkati fl-Anness I għandu jsemmi l-indikazzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu inklużi konformement mal-paragrafu 5:

1.

il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini minn fejn l-għasel kien inġabar; jekk l-għasel joriġina minn iktar minn pajjiż wieħed, din l-indikazzjoni tista’ tiġi sostitwita minn waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin, skont il-każ:

(a)

‘taħlita ta’ għasel KE’,

(b)

‘taħlita ta’ għasel mhux tal-KE’,

(c)

‘taħlita ta’ għasel tal-KE u mhux tal-KE’.

[...]

(5)   [...] Barra minn hekk, fir-rigward tal-modalitajiettal-ittikettar skont il-paragrafu 4, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni sentenzi u l-ewwel parti tat-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3), kif ukoll il-paragrafu 4 tar-regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

17

L-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għasel jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe prodotti li fuqu ma tidhirx l-indikazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament.

Ir-regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel

18

L-Artikolu 1(1) tar-regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel jistabilixxi:

“Dan ir-regolament jirrigwarda l-ittikettjar ta’ [prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel skont l-Artikolu 42(1) tal-[Gesetz über das Inverkehrbringen und die Bereitstellung von Messgeräten auf dem Markt, ihre Verwendung und Eichung sowie über Fertigpackungen (liġi dwar it-tqegħid u l-provvista ta’ strumenti ta’ kejl fis-suq, l-użu u l-ikkalibrar tagħhom kif ukoll dwar l-ippakkjar minn qabel), tal-25 ta’ Lulju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 2722)], billi dawn il-prodotti ppakkjati minn qabel huma indirizzati lejn il-konsumatur [Artikolu 3(4) tal-Lebensmittel- und Futtermittelgesetzbuch (Kodiċi dwar il-prodotti tal-ikel u prodotti tal-ikel intiżi għall-għalf tal-annimali)]. Huma kkunsidrati bħala konsumatur: ir-ristoranti, l-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni kollettiva (mass caterers) u l-impriżi, sa fejn huma jipprovdu [prodotti tal-ikel] lill-konsumatur fl-istabbiliment tagħhom.”

19

L-Artikolu 3 (3) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“(3)   L-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu murija, bil-lingwa Ġermaniża, fuq l-ippakkjar minn qabel jew fuq it-tikketta mwaħħla fuqu, b’mod li jkunu viżibbli u li jkunu faċilment mifhuma, li jistgħu jinqraw b’mod ċar u li jkunu indelibbli. L-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu pprovduti wkoll f’lingwa oħra li tista’ tinftiehem faċilment sakemm din ma titnaqqasx l-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur. Huma ma jistgħux ikunu mgħottija jew separati minn indikazzjonijiet oħra jew minn elementi grafiċi; l-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, punti 1, 4 u 5 u l-indikazzjonijiet ta’ kwantitajiet previsti fl-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar it-tqegħid u l-provvista ta’ strumenti ta’ kejl fis-suq, l-użu u l-ikkalibrar tagħhom kif ukoll dwar l-ippakkjar minn qabel huma mwaħħla fl-istess kamp viżiv.

(4)   B’deroga mill-paragrfu 3:

1.

l-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 jirrigwardaw

a)

il-platti ppreparati individwalment u lesti għall-konsum li huma intiżi li jiġu kkonsenjati lil stabbilimenti ta’ ristorazzjoni kollettiva sabiex jiġu kkonsmati fil-post,

b)

il-prodotti ppakkjati minn qabel intiżi li jkunu kkummerċjalizzati taħt isem venditur jew isem in-negozju ta’ venditur stabbilit fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat firmatarju ieħor tal-ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, matul il-konsenja lil dan il-venditur,

c)

il-[prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel intiżi li jiġu kkonsenjati lill-konsumatur skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) għal preparazzjoni, pproċessar, qsim jew qtugħ, [...]

[...]

Jistgħu jidhru fid-dokumenti kummerċjali li jirreferu għal dawn il-prodotti, meta jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet kollha ta’ ttikettjar jakkumpanjaw il-[prodotti tal-ikel] relatati magħhom, jew li ntbagħtu qabel il-konsenja jew fl-istess żmien tagħha. Fil-każ tal-punt 1(b) u (c), l-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, punti 1,2 u 4 huma mniżżla wkoll fuq l-ippakjar estern tal-[prodotti tal-ikel]. Fil-każ tal-paragrafu 2 punt 3 l-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, punti 1 u 4, ma għandhomx jidhru fl-istess parti.”

Il-liġi dwar it-tqegħid u l-provvista ta’ strumenti ta’ kejl fis-suq, l-użu u l-ikkalibrar tagħhom kif ukoll dwar l-ippakkjar minn qabel

20

Skont l-Artikolu 42(1) tal-liġi dwar it-tqegħid u l-provvista ta’ strumenti ta’ kejl fis-suq, l-użu u l-ikkalibrar tagħhom kif ukoll dwar l-ippakkjar minn qabel, “ippakkjar minn qabel” għandu jinftiehem bħala ppakkjar f’kull forma li fiha l-prodott huwa ppakkjat fl-assenza tax-xerrej u li huwa ssiġillat fl-assenza tax-xerrej sabiex il-kwantità tal-prodott ippakkjat ma tistax titbiddel mingħajr ma jinfetaħ jew notevolment jitmess l-ippakkjar.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Breitsamer und Ulrich, li hija impriża attiva fl-Unjoni fil-qasam tal-manifattura u l-ibbottiljar tal-għasel, tikkummerċjalizza prodott tal-ikel imsejjaħ “Breitsamer Imkergold” (iktar ’il quddiem l-“għasel inkwistjoni”). Dan jirrigwarda l-istess tip ta’ għasel ibbottiljat f’120 porzjon individwali ta’ 20 gramma, li huma ppreżentati f’forma ta’ tazzi żgħar magħluqa b’għatu tal-aluminium issiġillat (iktar ’il quddiem il-“porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni”). dawn il-120 porzjon jitqiegħdu f’kaxxa tal-kartun multipla, magħluqa minn din il-kumpannija, u mibjugħa f’din il-forma lill-mass caterers.

22

Fuq din il-kaxxa tal-kartun multipla, jitwaħħlu l-indikazzjonijiet obbligatorji dwar dan il-prodott tal-ikel u previsti mid-Direttivi 2000/13 u 2001/110, b’mod partikolari l-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel. Il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni ma fihomx dawn l-indikazzjonijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel.

23

Fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-belt ta’ München imponiet multa fuq il-maniġer ta’ Breitsamer und Ulrich talli kiser l-obbligi legali ta’ ttikkettjar previsti mir-regolament dwar l-għasel minħabba li, minħabba t-tqegħid fis-suq ta’ porzjonijiet individwali matul l-ewwel nofs tal-2011 mingħajr ma indikat il-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel.

24

Fil-5 ta’ Novembru 2012, Breitsamer und Ulrich ippreżentat azzjoni għal sentenza dikjaratorja quddiem il-Verwaltungsgericht München (qorti amministrattiva ta’ München, Il-Ġermanja) intiża li jiġi kkonstat li hija ma kisritx ir-regolament dwar l-għasel billi ma indikatx, fuq kull porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni, il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-għasel. B’sentenza tal-25 ta’ Settembru 2013, din il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors.

25

Breitsamer und Ulrich interponiet appell minn din is-sentenza quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja) billi argumentat li l-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni ma jikkostitwixxux “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati”, fis-sens tar-regolament dwar l-ittikkettjar tal-ikel, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn ma kinux unitajiet ta’ bejgħ peress li dawn il-porzjonijiet huma kkonsenjati f’kaxxi tal-kartun multipli lil mass caterers li ma jbigħux l-imsemmija porzjonijiet individwali.

26

Breitsamer und Ulrich tirreferi wkoll għal dokument intitolat “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar [prodotti tal-ikel] lill-konsumaturi”, tal-31 ta’ Jannar 2013, stabbilit minn grupp ta’ ħidma kkostitwit mid-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Kummissjoni u magħmul minn esperti tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“dokument tal-grupp ta’ esperti”). Skont il-punt 2.1.3 ta’ dan id-dokument, ippubblikat fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni, “inkunsiderazzjoni tad-diversi forom li fihom il-[prodotti tal-ikel] jiġu servuti lill-konsumatur finali fl-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li t-tazzi individwali (pereżempju, ta’ konfettura, ta’ għasel jew ta’ mustarda) ippreżentati lil dawn l-istabbilimenti bħala parti integrali mill-ikla ma humiex ikkunsidrati bħala unità ta’ bejgħ. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-informazzjoni għandha tidher biss fuq l-ippakkjar multiplu”.

27

Fl-aħħar nett, Breitsamer und Ulrich tenfasizza li l-ittikkettjar tal-porzjonijiet individwali tal-għasel prodott mill-impriżi l-oħra jew li jkun ġej minn Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ġiex ikkontestat, anki jekk dawn il-porzjonijiet ma jkollhomx l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-għasel.

28

Il-Landesanwaltschaft Bayern (uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), parti fil-kawża prinċipali, isostni li l-għan tad-dritt tal-Unjoni huwa li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni l-iktar sħiħa possibbli dwar il-[prodotti tal-ikel] li jiġu offerti lilu u li l-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni ma jitilfux il-kwalità tagħhom ta’ merkanzija “ippakkjati minn qabel” minħabba l-fatt li huma ppakkjati f’kaxxa tal-kartun multipla magħluqa.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, l-għasel inkwistjoni jaqa’ taħt l-Anness I tar-Regolament dwar l-għasel, li ġie traspost fid-dritt Ġermaniż tad-Direttiva 2001/110.

30

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Porzjonijiet individwali tal-għasel, li jinsabu f’imballaġġ estern li fuqu hemm indikati l-elementi ta’ ttikkettjar kollha, inkluża l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, li ma jinbigħux bħala porzjonijiet individwali lill-konsumatur finali u ma humiex intiżi li jiġu kkunsinnati individwalment lil faċilitajiet kollettivi tal-ikel, huma “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13, u tal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament Nru 1169/2011, suġġetti għal obbligu ta’ ttikkettjar speċifiku, jew dawn il-porzjonijiet individwali tal-għasel ma humiex prodotti tal-ikel diġà mballaġġati suġġetti għall-obbligi ta’ ttikkettjar, sa fejn ma huwiex każ ta’ unitajiet ta’ bejgħ?

2.

Għandha tingħata risposta differenti għal din id-domanda jekk, f’faċilitajiet kollettivi tal-ikel, dawn il-porzjonijiet individwali ma humiex ikkunsinnati biss għall-kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati minn qabel imħallsa f’daqqa, iżda jinbiegħu wkoll separatament?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” kull waħda mill-porzjonijiet individwali tal-għasel ippreżentata taħt il-forma ta’ tazzi magħluqa minn għatu tal-aluminium issiġillat u li huma ppakkjati f’kaxxi tal-kartun multipli li jitwasslu lil mass caterers, meta dawn tal-aħħar jbigħu dawn il-porzjonijiet separtament jew joffruhom lill-konsumatur finali fil-kuntest tal-kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa għal prezz fiss.

32

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni jistgħu jinbiegħu separatament lill-konsumatur finali fil-mass caterers, fatt li huwa kkontestat minn Breitsamer und Ulrich.

33

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ April 2016, KA Finanz, C‑483/14, EU:C:2016:205, punt 41).

34

L-imsemmija preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġu kkonfutata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifkata mill-Qorti tal-Ġustizzja u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 26, kif ukoll ta14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 38).

35

F’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni jistgħux jinbiegħu wkoll separatament taqa’ fil-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, li ma ma għandux jiġi vverifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva superjuri ta’ Bayern). Peress li, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1169/2011, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, għad-domandi li jkunu sarulha.

37

Skont l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13 l-espressjoni “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati”, għandha tinftiehem fis-sens ta’ din id-direttiva bħala, unità waħda għal preżentazzjoni bħala tali lill-konsumatur finali u għal mass caterers, li jikkonsistu fi prodott tal-ikel u l-imballaġġ li fih jitqiegħed qabel ma jkun offrut għall-bejgħ, sewwa jekk dan il-metodu ta’ mballaġġ jagħlaq kompletament jew parzjalment il-prodott ta’ l-ikel, iżda f’każ bħal dan b’metodu li l-kontenuti ma jistgħux jitbiddlu mingħajr ma jinfetaħ jew jitbiddel l-imballaġġ tal-prodott.

38

Skont l-Artikolu 13(1)(a) ta’ din id-direttiva, meta l-[prodotti tal-ikel] huma ppakkjati minn qabel, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva li jidhru fuq l-ippakkjar minn qabel jew fuq it-tikketta marbuta miegħu.

39

F’dan ir-rigward, il-punt 8 tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi li, fost dawn l-indikazzjoni tal-post ta’ oriġini jew provenjenza fejn in-nuqqas ta’ dawn il-partikularitajiet jista’ jqarraq lill-konsumatur fir-rigward l-oriġini jew il-provenjenza awtentika tal-prodott tal-ikel.

40

Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2000/13, din tal-aħħar għandha bħala għan li tistabbilixxi regoli ta’ natura ġenerali applikabli orizzontalment, li japplikaw għall-[prodotti tal-ikel] kollha mqiegħda fis-suq, filwaqt regoli ta’ natura speċifika u vertikali, jirrigwardaw ċerti [prodotti tal-ikel] partikolari kellhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet i jirregolaw dawn il-prodotti.

41

Għandu jiġi kkonstat li d-Direttiva 2001/110 tistabbilixxi tali regoli ta’ natura speċifika f’dak li jirrigwarda l-għasel. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I tagħha. F’dan il-każ,huwa stabbilit li l-għasel inkwistjoni jikkostitwixxi tali prodott.

42

Madankollu, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/110 jipprevedi li d-Direttiva 2000/13 tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I ta’ din l-ewwel direttiva, taħt ċerti ċirkustanzi. Fir-rigward għall-punt 4 tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/110, dan jipprevedi, essenzjalment, li, għall-finijiet tad-Direttiva 2000/13 u b’mod partikolari tal-Artikoli 13 u 14 tagħha, l-indikazzjoni ta’ oriġini tal-għasel hija kkunsidrata bħala indikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva.

43

Dawn id-dispożizzjonijiet huma spjegati mill-premessa 5 tad-Direttiva 2001/110, li jistabilixxi li “[i]r-regoli ġenerali ta’ l-ittekkettjar [tal-prodotti tal-ikel] stabbiliti fid-Direttiva [2000/13] għandhom japplikaw suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-kwalità ta’ l-għasel u l-oriġini tiegħu, huwa indispensabbli li l-informazzjoni kollha fuq dawk il-materji tkun disponnibbli sabiex il-konsumatur ma jkunx żgwidat rigward il-kwalità tal-prodott. L-interessi partikolari tal-konsumatur rigward il-karatteristiċi ġeografiċi ta’ l-għasel u t-trasparenza sħiħa f’dan ir-rigward jinneċessitaw li l-pajjiż ta’ l-oriġini fejn l-għasel kien inġabar għandu jkun inkluż fit-tikketta.”

44

Minn qari konġunt ta’ dawn iż-żewġ direttivi jirriżulta li, fir-rigward ta’ prodott li jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/110, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel għandha tidher b’mod obbligatorju fuq l-ippakkjar minn qabel jew fuq l-istess tikketta marbuta miegħu peress li n-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni tista’ fi kwalunkwe każ tqarraq bil-konsumatur fuq l-oriġini jew il-provenjenza reali ta’ dan l-għasel, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13.

45

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) ta’ din l-aħħar direttiva jispeċifika li għandha wkoll tapplika għall-prodotti tal-ikel intiżi sabiex ikunu pprovduti lil ristoranti, sptarijiet, canteens u mass caterers simili imsejħa “mass caterers”. F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni, ippakkjati f’kaxxi tal-kartun multipli, ġew ikkonsenjati lil dawn il-“mass caterers”.

46

Madankollu, għandu jiġi vverfikat jekk id-derogi previsti, rispettivament, fl-Artikolu 13(1)(b) u fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/13 ma japplikawx f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

47

L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi li, minn naħa waħda, meta l-[prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel huma intiżi għall-konsumatur finali, iżda kkummerċjalizzati fi stadju preċedenti għall-bejgħ lilu u meta dan l-istadju ma jkunx il-bejgħ lil mass caterer u min-naħa l-oħra, meta l-[prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel huma intiżi li jiġu kkonsenjati lill-mass caterers għal preparazzjoni, pproċessar, qsim jew qtugħ, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2), jistgħu jidhru biss fid-dokumenti kummerċjali li jirreferu għal dawn il-prodotti tal-ikel jekk jiġi ggarantit li dawn id-dokumenti li fihom l-indikazzjonijiet kollha ta’ ttikkettjar jakkumpanjaw il-[prodotti tal-ikel] li jirreferu għalihom, jew ġew mibgħuta qabel jew kontemporanjament mal-konsenja.

48

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni jippreżentaw ruħhom fil-forma ta’ tazzi magħluqa minn għatu tal-aluminium issiġillat minn Breitsamer und Ulrich, li huma offruti lill-konsumatur finali mill-mass caterer li jiġu kkonsenjati lilhom.

49

Għalhekk, minn naħa waħda, jekk dawn il-porzjonijiet intiżi għall-konsumatur finali huma kkummerċjalizzati fi stadju preċedenti għall-bejgħ lilu, l-imsemmija porzjonijiet jinbiegħu lil mass caterers, kuntrarjament għall-ipoteżi msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2000/13. Min-naħa l-oħra, l-għasel inkwistjoni ma ġiex ippreparat, ipproċessat, maqsum jew maqtugħ minn dawn il-mass caterers, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ din id-direttiva.

50

It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/13, dan jistabbilixxi li, għall-[prodotti tal-ikel] ippreżentati mhux ippakkjati minn qabel għall-bejgħ lill-konsumatur finali u għall-mass caterers jew għall-[prodotti tal-ikel] ippakkjati fil-postijiet ta’ bejgħ fuq talba tax-xerrej jew ippakkjati minn qabel bil-għan li jinbiegħu immedjatament, l-Istati Membri jadottaw il-modalitajiet skont liema l-indikazzjonijiet previsti mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva huma indikati u jistgħu jirrendu mhux obbligatorji dawn l-indikazzjonijiet jew xi wħud minnhom, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni tax-xerrej tiġi ggarantita.

51

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni ma humiex ippakkjati fil-post tal-bejgħ fuq talba tax-xerrej jew ippakkjati minn qabel bil-għan li jinbiegħu immedjatament, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet msemmija f’dan l-Artikolu 14 ma humiex rilevanti.

52

Għaldaqstant, fir-rigward għas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, l-obbligu ta’ ttikettjar tal-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u għaldaqstant li jitqiegħdu fihom l-indikazzjoni tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini ta’ dan l-għasel, konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/110, jiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-porzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala “[prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel”, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13.

53

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(2)(c) tad-Direttiva 2000/13 jirriżulta li l-prodott ippakkjat minn qabel jista’ jkun ikkostitwit minn tnejn jew iktar prodotti individwali ppakkjati minn qabel. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-kaxxi tal-kartun multipli li fihom jitqiegħdu l-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni jistgħu huma nfushom jiġu kklassifikati bħala prodotti ppakkjati minn qabel ma għandux ikollu bħala konsegwenza li dawn il-porzjonijiet individwali ma jistgħux ikunu “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati”, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13.

54

F’dan il-każ, il-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13 sabiex jiġu kklassifikati bħala “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-provi fattwali li jissemmew fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, minn naħa waħda, il-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni huma intiżi li jiġu ppreżentati bħala tali lill-konsumatur finali wara l-ftuħ tal-kaxxa tal-kartun multipla għall-mass caterer li tiġi kkonsenjata lilu u, min-naħa l-oħra, dawn il-porzjonijiet tqegħdu qabel il-preżentazzjoni tagħhom għall-bejgħ u l-ippakjar tagħhom jgħattihom kompletament, b’tali mod li l-kontenut tagħhom ma jistax jinbidel mingħajr ma l-ippakkjar jissubixxi ftuħ jew tibdil.

56

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jeżistu diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13.

57

Għalhekk, il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“any single item”) u fil-lingwa Pollakka [“każd(a) pojedyncz(a) sztuk(a)”], b’mod partikolari, jużaw termini li jirrigwardaw element wieħed, mingħajr ebda klassifikazzjoni oħra. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-istess dispożizzjoni, bħall-verżjoni fil-lingwa Spanjola (“la unidad de venta”), fil-lingwa Ġermaniża (“die Verkaufseinheit”) jew fil-lingwa Franċiża (“l’unité de vente”), jirrigwardaw element wieħed, iżda jirreferu wkoll għall-kunċett ta’ “bejgħ”.

58

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 1819; tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd, C‑112/15, EU:C:2016:185, punt 36).

59

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2000/13, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk teżisti diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni, fi kwalunkwe każ, issemmi l-preżentazzjoni tal-“bejgħ”, kemm jekk din hija fil-lingwa Spanjola (“puesto a la venta”), fil-lingwa Ġermaniża (“vor dem Feilbieten”), fil-lingwa Ingliża (“being offered for sale”) fil-lingwa Franċiża (“présentation à la vente”), jew fil-lingwa Pollakka (“oferowanie na sprzedaż”).

60

L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, dwar il-[prodotti tal-ikel] ippakkjati minn qabel, jirreferi wkoll għall-“bejgħ” ta’ [prodotti tal-ikel]. Fl-istess sens, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/13 jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha l-[prodotti tal-ikel] huma ppreżentati mhux ippakkjati minn qabel għall-“bejgħ” lill-konsumatur finali u lill-mass caterers.

61

Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva jirrigwardaw ix-“xerrej”. Barra l-imsemmi Artikolu 14, l-Artikolu 2(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-ittikkettjar u l-metodi skont kif dan jitwettaq ma jridux ikunu tali li jqarrqu bix-“xerrej”, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel, fosthom l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu.

62

Għaldaqstant, mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2000/13 jirriżulta li, barra l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 1(3)(b) ta’ din id-direttiva, l-obbligu ta’ ttikkettjar skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva tirrigwarda l-[prodotti tal-ikel] intiżi li jiġu ppreżentati bħala tali għall-bejgħ lill-konsumatur finali u għall-mass caterers.

63

Din is-sitwazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ bejgħ separat lill-konsumatur finali fi stabbiliment ta’ mass caterer, ta’ porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, pereżempju f’ristorant jew f’canteen.

64

Din is-sitwazzjoni teżisti wkoll meta dawn il-porzjonijiet jiġu offerti fil-kompożizzjoni ta’ ikla ppreparata għal prezz fiss, pereżempju bħala parti integrali ta’ menu stabbilit minn stabbiliment ta’ ristorazzjoni kollettiva jew bħala element disponibbli f’buffet ta’ lukanda.

65

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prezz fiss ikopri l-beni u s-servizzi kollha neċessarji sabiex tiġi pprovduta din l-ikla u tinkludi għaldaqstant id-diversi komponenti ta’ din l-ikla, inkluża, jekk ikun il-każ, il-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13 hija sostnuta mill-għan ta’ din id-direttiva.

67

Fil-fatt, jirriżulta kemm mill-premessa 6 tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-Artikolu 2 tagħha li l-istess direttiva ġiet ideata bl-intenzjoni li tinforma u tipproteġi l-konsumatur finali tal-[prodotti tal-ikel], b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza u l-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti (is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Lidl Italia, C‑315/05, EU:C:2006:736, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan ir-rigward, bħalma tistabbilixxi l-premessa 8 tad-Direttiva 2000/13, l-ittikkettjar iddettaljat li jirrigwarda n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodotti għandu jippermetti lill-konsumatur li jagħmel l-għażla tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti kollha.

69

Konsegwentement, din id-direttiva teżiġi li l-konsumatur ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva li ma titqarraqx bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne, C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2001/110 jirriżulta li l-interess partikolari mmanifestat mill-konsumatur fir-rigward tal-karatteristiċi ġeografiċi tal-għasel u t-trasparenza totali f’dan il-qasam jeżiġu li l-pajjiż ta’ oriġini li fih jinġabar l-għasel jidher fuq it-tikketta.

71

Għaldaqstant, din l-indikazzjoni li tidher fuq il-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ xiri separatment jew tal-konsum jew nuqqas ta’ konsum ta’ dan l-għasel meta dan jiġi offrut bħala parti integrali jew disponibbli minn ikla preparata mibjugħa għal prezz fiss, tippermetti lill-konsumatur finali li jagħmel l-għażla tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti kollha.

72

Għandu jiżdied li, skont l-Artikolu 13 (4) tad-Direttiva 2000/13, f’każ ta’ imballaġġ jew kontenituri li l-akbar wiċċ tagħhom għandu superfiċi ta’ inqas minn 10cm2, għandhom jiġu indikati biss l-indikazzjonijiet elenkati fil-punti 1, 4 u 5 tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, f’din is-sitwazzjoni, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, li tidher fil-punt 8 tal-imsemmi Artikolu 3(1) ma tkunx meħtieġa.

73

Il-partijiet kollha interessati preżenti għas-seduta sostnew li l-ikbar wiċċ tal-porzjonijiet individwali tal-għasel inkwistjoni għandha superfiċi ta’ 10cm2.

74

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din is-superfiċi hijiex effettivament iktar minn 10cm2. Fl-eventwalità li dan ma jkunx il-każ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 13 (4) tad-Direttiva 2000/13, ma jkunx jeżisti l-obbligu li fuq il-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi inkluż il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-għasel.

75

Fl-eventwalità li dan ikun il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li jikkostitwixxu “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” suġġetti għall-obbligu ta’ indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel, kull waħda mill-porzjonijiet individwali li jippreżentaw ruħhom fil-forma ta’ tazzi magħluqa minn għatu tal-aluminium issiġillat ippakjati f’kaxxa tal-kartun multipla magħluq mill-operatur ts-settur tal-ikel u mibjugħa f’din il-forma lill-mass caterers, meta dawn ibiegħu dawn il-porzjonijiet separatament jew joffruhom lill-konsumatur finali fil-kuntest tal-kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa għal prezz fiss.

76

Ebda wieħed mill-argumenti mressqa favur l-assenza ta’ obbligu ta’ ttikkettjar tal-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwa ta’ natura li jikkontesta din l-interpretazzjoni.

77

Minn naħa waħda, skont l-ewwel argument, mid-dokument tal-grupp ta’ esperti, iċċitat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li tazzi individwali ta’ għasel ippreżentati lill-konsumatur finali bħala parti integrali tal-ikla fi stabbilimenti ta’ ristorazzjoni ma humiex ikkunsidrati bħala unitajiet ta’ bejgħ u li, minħabba dan il-fatt, l-indikazzjoni ta’ oriġini ta’ dan l-għasel għandu jidher biss fuq il-kaxxa tal-kartun multipla.

78

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dokument tal-grupp ta’ esperti ma jippreżenta ebda karattru vinkolanti. Dan id-dokument jindika wkoll fih innifsu, fil-punt 1 tiegħu, li ma għandu ebda valur legali uffiċjali u li, f’każ ta’ tilwima, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija r-responsabbiltà finali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

79

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni argument, l-operatur tas-settur tal-ikel jista’ jpoġġi fuq kull waħda mill-porzjonijiet individwali tal-għasel indikazzjoni bħal “ma tistax tinbiegħ separatament” bil-konsegwenza li, fl-assenza ta’ bejgħ separat, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-għasel fuq kull waħda minn dawn il-porzjonijiet ma tkunx meħtieġa mid-Direttiva 2000/13.

80

Madankollu, kif ġie kkonstat fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ ttikkettjar tal-porzjonijiet individwali tal-għasel bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, jirrigwarda b’mod partikolari s-sitwazzjoni li fiha dawn il-porzjonijiet huma intiżi li jiġu ppreżentati f’tali stat għall-bejgħ lill-konsumatur finali fi stabbiliment ta’ mass caterer, jiġifieri meta l-imsemmija porzjonijiet jinbiegħu separatament jew meta jiġu offerti fil-kompożizzjoni ta’ ikla preperata minn qabel mibjugħa bi prezz fiss.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn jekk il-bejgħ ta’ porzjonijiet individwali tal-għasel, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix bejgħ separat jew le.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” kull waħda mill-porzjonijiet individwali tal-għasel ippreżentata taħt il-forma ta’ tazzi magħluqa minn għatu tal-aluminium issiġillat u li huma ppakkjati f’kaxxi tal-kartun multipli li jitwasslu lil mass caterers, meta dawn tal-aħħar jbiegħu dawn il-porzjonijiet separtament jew joffruhom lill-konsumatur finali fil-kuntest tal-kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa bi prezz fiss.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ [prodotti tal-ikel], għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “[prodotti tal-ikel] li diġà huma mballeġġati” kull waħda mill-porzjonijiet individwali tal-għasel ippreżentata taħt il-forma ta’ tazzi magħluqa minn għatu tal-aluminium issiġillat u li huma ppakkjati f’kaxxi tal-kartun multipli li jitwasslu lil mass caterers, meta dawn tal-aħħar jbiegħu dawn il-porzjonijiet separtament jew joffruhom lill-konsumatur finali fil-kuntest tal-kompożizzjoni ta’ ikliet ippreparati mibjugħa bi prezz fiss.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top