EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0463

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ April 2016.
Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Direttiva 2004/17/KE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal‑ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali – Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 – Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-463/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:243

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

27 ta’ April 2016 ( *1 )

“Direttiva 2004/17/KE — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal‑ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali — Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 — Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑463/14,

Österreichische Post AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Schatzmann, J. Bleckmann u M. Oder, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár u C. Vollrath, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni 2014/184/UE, tat-2 ta’ April 2014, li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (ĠU L 101, p. 4), sa fejn din id-direttiva għandha tkompli tiġi applikata għall-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw ċerti servizzi postali fl-Awstrija,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Österreichische Post AG, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Awstrijak b’52.80 % tal-azzjonijiet tagħha miżmuma minn Österreichische Industrieholding AG li, min-naħa tagħha, hija miżmuma 100 % mir-Repubblika tal-Awstrija. Hija tipprovdi servizzi postali kompleti kif ukoll is-servizzi u l-provvisti ta’ servizzi relatati magħhom, b’mod partikolari, fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija u, bis-saħħa tal-Liġi Awstrijaka, ġiet maħtura bħala operatur ta’ servizz universali fl-Awstrija.

2

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti bagħtet talba lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), u magħha bagħtet diversi rapporti ta’ esperti. Din it-talba kienet tirrigwarda ċerti servizzi postali kif ukoll servizzi oħrajn ipprovduti mir‑rikorrenti fit‑territorju Awstrijak. Hija kienet intiża sabiex il‑Kummissjoni tikkonstata li, minħabba l-fatt li s-servizzi inkwistjoni pprovduti fl‑Awstrija kienu esposti direttament għall-kompetizzjoni, fi swieq li l‑aċċess għalihom ma kienx limitat, is-swieq intiżi sabiex jippermettu l‑provvista ta’ dawn is-servizzi ma kinux suġġetti għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-settur tas-servizzi postali previsti mid‑Direttiva 2004/17.

3

Is-servizzi kkonċernati bit-talba tar-rikorrenti kienu s-segwenti:

servizzi postali għal ittri bl-indirizz bejn klijenti professjonisti (iktar ’il quddiem imsejħa “B2B”) u bejn klijenti professjonisti u klijenti privati (iktar ’il quddiem imsejħa “B2C”) fuq il‑livell nazzjonali (servizzi “domestiċi” u “għal ġewwa”);

servizzi postali għal ittri bl-indirizz bejn klijenti privati (iktar ’il quddiem imsejħa “C2C”) u bejn klijenti privati u klijenti professjonisti (iktar ’il quddiem imsejħa “C2B”) fuq il-livell nazzjonali (servizzi “domestiċi” u “għal ġewwa”);

servizzi postali għal ittri internazzjonali bl-indirizz (“għal barra”) B2B u B2C (iktar ’il quddiem imsejħa “B2X”) kif ukoll C2B u C2C (iktar ’il quddiem imsejħa “C2X”);

servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali;

servizzi postali għal reklamar mingħajr indirizz, fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali;

servizzi postali għal gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz;

servizzi ta’ ġestjoni tal-mailroom;

servizzi b’valur miżjud marbuta ma’ mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox minn tali mezzi;

il-filatelija — bolli speċjali tal-posta;

servizzi finanzjarji.

4

Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Ottubru u tal-5 ta’ Diċembru 2013, il‑Kummissjoni informat lir-Repubblika tal-Awstrija b’din it-talba filwaqt li stiednet lill-awtoritajiet Awstrijaċi jibagħtulha l-fatti kollha rilevanti. L-awtoritajiet Awstrijaċi wieġbu b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013.

5

Fl-20 ta’ Novembru 2013, permezz tal-Avviż dwar talba skont l‑Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE – Estensjoni tad-data tal-għeluq (ĠU 2013, C 339, p. 8), il-Kummissjoni estendiet it-terminu sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tar‑rikorrenti sat-2 ta’ April 2014.

6

Wara skambju ta’ ittri u wara li saru diversi laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti, fit-2 ta’ April 2014, il‑Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2004/184/EU li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali, fl-Awstrija, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 101, p. 4, iktar ’il quddiem, id‑“deċiżjoni kkontestata”), indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija laqgħet parzjalment it-talba tar‑rikorrenti.

7

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li d-Direttiva 2004/17 ma tapplikax għall-kuntratti mogħtija mill-entitajiet kontraenti bl‑intenzjoni li tiġi żgurata l-provvista fl-Awstrija tas-servizzi li ġejjin:

servizzi ta’ ġestjoni tal-mailroom;

servizzi b’valur miżjud marbuta ma’ mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox minn tali mezzi;

servizzi tal-filatelija;

servizzi ta’ pagamenti pprovduti f’isimha stess.

8

Fir-rigward tas-servizzi l-oħra inklużi fit-talba tar-rikorrenti u msemmija fil-punt 3 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 102 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjoni tal-espożizzjoni diretta għall‑kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 ma kinitx issodisfatta fit-territorju tal-Awstrija. Dawn is-servizzi għalhekk baqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

10

Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li kull dokument mibgħut lill-Qorti Ġenerali li jkun fih sigrieti kummerċjali jingħata trattament kunfidenzjali fil-konfront tal‑pubbliku.

11

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

12

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl‑Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet, minn naħa, lir-rikorrenti sabiex tispeċifika l‑informazzjoni li fl-opinjoni tagħha kienet tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dokument. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-talbiet fit-terminu stabbilit.

13

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2015.

14

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn, kuntrarjament għat-talba tagħha, id-Direttiva 2004/17 tkompli tiġi applikata għall-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi postali mhux elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri:

is-servizzi postali għal ittri bl-indirizz B2B u B2C fuq il-livell nazzjonali (servizzi “domestiċi” u “għal ġewwa”);

is-servizzi postali għal ittri bl-indirizz C2C u C2B fuq il-livell nazzjonali (servizzi “domestiċi” u “għal ġewwa ”);

is-servizzi postali ta’ ittri internazzjonali bl-indirizz (“għal barra”) B2X u C2X;

is-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali;

is-servizzi postali għal reklamar mingħajr indirizz, fuq il‑livelli nazzjonali u internazzjonali;

is-servizzi postali għal gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz;

sussidjarjament, sa fejn, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l‑annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ammissibbli jew possibbli, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl‑intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

16

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni applikat id-Direttiva 2004/17 b’mod żbaljat inkwantu ma kkonkludietx li l-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva kienu ssodisfatti. Skont ir‑rikorrenti, peress li s-servizzi postali inkwistjoni kienu esposti direttament għall-kompetizzjoni, fi swieq li l-aċċess għalihom ma kienx limitat, il‑Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li s-swieq intiżi sabiex jippermettu l-provvista ta’ dawn is-servizzi kellhom jibqgħu suġġetti għad-Direttiva 2004/17.

17

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterji u tal‑metodi ta’ delimitazzjoni tas-suq previsti bid-Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-metodu magħżul mill‑Kummissjoni. It‑tieni sas-sitt motiv huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Dawn il‑motivi jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx esposta direttament għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali (it-tieni motiv), fuq is-suq tas‑servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz C2X fuq il-livell nazzjonali (it-tielet motiv), fis-suq tas-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il‑livell internazzjonali (ir-raba’ motiv), fis-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali (il‑ħames motiv) u fis-suq tas-servizzi postali għal reklamar mingħajr indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali (is-sitt motiv). Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni relatat mas-suq tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterji u tal‑metodi ta ’ delimitazzjoni tas-suq previst bid-Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni relatat mal-metodu magħżul mill-Kummissjoni

18

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha rigward il-metodu magħżul u, min-naħa l-oħra, id‑Direttiva 2004/17, billi applikat kriterji u metodi żbaljati sabiex tikkonkludi li s-servizzi postali inkwistjoni ma kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni.

19

Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-argument tagħha li l-Kummissjoni kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l‑Kummissjoni sempliċement indikat, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterji u l-metodoloġija użati sabiex tevalwa l-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 ma kinux neċessarjament l-istess bħal dawk użati sabiex issir evalwazzjoni skont l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jew skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Madankollu, il‑Kummissjoni la esponiet il-motivi li fuqhom ibbażat l-għażla tagħha tal-kriterji u tal-metodi differenti minn dawk li kellhom jintużaw sabiex issir evalwazzjoni skont l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u lanqas f’hiex kienu jikkonsistu l-kriterji u l-metodi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tieħu d-deċiżjoni kkontestata.

20

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal‑att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill‑persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Huwa korrett li, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat li din id-deċiżjoni kienet mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u li b’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex tiġi evalwata l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17/KE ma kinux neċessarjament l-istess bħal dawk użati biex issir evalwazzjoni skont l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat jew skont ir-Regolament Nru 139/2004.

22

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għan ta’ din id-deċiżjoni kien li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati bit-talba tar-rikorrenti kinux suġġetti għal livell ta’ kompetizzjoni fis-swieq li l-aċċess għalihom ma kienx limitat fis-sens tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 li jista’ jiżgura li, anki fl-assenza tad-dixxiplina imposta mir-regoli ddettaljati tal-għoti tal-kuntratti stabbiliti b’din id-direttiva, l-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet ikkonċernati jkun ibbażat fuq proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji u fuq kriterji li jippermettu lix‑xerrejja jadottaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Filwaqt li rreferiet għad‑Direttiva 2004/17, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti, fid‑deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tagħha, il‑kriterji u l-metodoloġija użati fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea ma setgħux sempliċement jiġu riprodotti għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

23

F’dak li jirrigwarda l-kriterji u l-metodi applikati, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rreferiet, b’mod partikolari fil-premessa 3 tad‑deċiżjoni kkontestata, għall-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17. It‑tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, id-deċiżjoni jekk attività hijiex esposta direttament għal kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil‑qasam tal-kompetizzjoni bħalma huma l-karatteristiċi tal‑merkanzija jew tas-servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta’ oġġetti jew ta’ servizzi alternattivi, il-prezzijiet u l-preżenza, reali jew potenzjali, ta’ iktar minn fornitur wieħed tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni. F’dan ir‑rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li dawn il‑kriterji huma s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/15/KE, tas-7 ta’ Jannar 2005, rigward il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal‑proċedura prevista fl‑Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 (ĠU L 7, p. 7).

24

B’dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni mmotivat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-metodu magħżul. Għaldaqstant, l-argument tar‑rikorrenti dwar allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

25

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id‑Direttiva 2004/17 inkwantu ma applikatx il-kriterji u l-metodi previsti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni. Skont ir‑rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni kien jikkontradixxi kemm l‑Artikolu 30 tad-Direttiva kif ukoll id-Deċiżjoni 2005/15 u l‑Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq id‑definizzjoni tas-suq”). L-istudji, l-istħarriġ u t-testijiet li jirrigwardaw id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni magħmula mir-rikorrenti huma bbażati kemm fuq din il-komunikazzjoni kif ukoll fuq id‑Deċiżjoni 2005/15 u jikkostitwixxu fil-ġurisprudenza u fid-duttrina kif ukoll fil-prassi tal-Kummissjoni metodi rrikonoxxuti sabiex tiġi stabbilita s-sostitwibbiltà tal-prodotti u għalhekk id-delimitazzjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma applikatx il‑kriterji u l-metodi użati mir-rikorrenti. Hija lanqas ma evalwat b’mod suffiċjenti l-provi prodotti mir-rikorrenti u lanqas, skont id-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Prattiki tajba dwar il-komunikazzjoni ta’ provi ekonomiċi u ta’ ġbir ta’ data fil-kawżi li jirrigwardaw l‑applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u fil-kawżi ta’ konċentrazzjoni”, ma pproduċiet il-prova kuntrarja.

26

Diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 21 hawn fuq) li, skont il-premessa 7 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterji u l‑metodoloġija użati biex tiġi evalwata l-espożizzjoni diretta għall‑kompetizzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 ma humiex neċessarjament l-istess bħal dawk użati biex titwettaq evalwazzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE jew skont ir-Regolament Nru 139/2004.

27

Dan l-approċċ ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi.

28

Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa ċertament minnu li, skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/17, id-deċiżjoni sabiex jiġi stabbilit jekk attività hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni għandha tiġi bbażata fuq kriterji li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il‑kompetizzjoni. Madankollu, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirrikjedix illi dawn il-kriterji jkunu speċifikament dawk tad‑dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif tiddikjara l-Kummissjoni, id-Direttiva 2004/17 ma tagħmilx parti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Bħala bażi legali, hija għandha l-Artikolu 47(2) u l-Artikoli 55 u 95 KE. L-għan ewlieni tar‑regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jikkonsisti fil‑moviment liberu ta’ servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, Ġabra, EU:C:2005:5, punt 44), kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 3 u 9 tad-Direttiva 2004/17. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d‑Direttiva 2004/17 hija intiża sabiex tiftaħ is-swieq li għalihom hija tapplika għall-kompetizzjoni tal-Unjoni, billi tiffavorixxi l-espressjoni ta’ interess l-iktar wiesgħa possibbli fost l-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑287/07, EU:C:2009:245, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament tirreferi għall‑għan tad-Direttiva 2004/17 sabiex tistabbilixxi l-livell ta’ kompetizzjoni effettiva li għandu jintlaħaq sabiex tikkonstata, skont l‑Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, li l-provvista ta’ attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, la l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u lanqas ir-Regolament 139/2004 ma jirreferu għall-kunċett ta’ attività “esposta direttament għal kompetizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/17.

29

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2005/15, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, l-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 għandu jsir esklużivament skont din id-direttiva u ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 40 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l‑Artikolu 30 tagħha għandu jipprovdi ċ-ċertezza legali lill-entitajiet kkonċernati u proċess adegwat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, filwaqt li jiżgura, f’termini qosra, applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfermaw li, fil-kuntest tal‑eżami ta’ talba li saret taħt l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tapplika l‑kriterji u l-metodi previsti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni tale quale.

30

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, fis-Sezzjoni 3 tal-Anness I tad‑Deċiżjoni 2005/15, il-Kummissjoni kkonfermat li l-kriterji tad‑dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni kienu japplikaw, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tas-Sezzjoni 3 tal-Anness I tad‑Deċiżjoni 2005/15 dwar id-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti inkwistjoni hija ċertament identika għad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti inkwistjoni li tinsab fil-punt 7 tal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq, li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, minn naħa, id-Deċiżjoni 2005/15 ma ssemmiex din il‑komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 30(2) tad‑Direttiva 2004/17, il-kriterji sabiex jiġi stabbilit jekk attività hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li r-riferiment għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu rwol essenzjali fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l‑Kummissjoni espressament irreferiet għar-regoli tal‑kompetizzjoni tal‑Unjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar is‑sostitwibbiltà tas‑servizzi.

31

It-tielet nett, fir-rigward tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas‑suq u tad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Prattiki tajba dwar il‑komunikazzjoni ta’ provi ekonomiċi u ta’ ġbir ta’ data fil-kawżi li jirrigwardaw l‑applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u fil-kawżi ta’ konċentrazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirreferu esklużivament għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minn dawn id‑dokumenti ma jirriżulta bl-ebda mod li l-Kummissjoni hija obbligata tapplika l-kriterji u l-metodoloġija msemmija fihom fil-kuntest ta’ proċedura dwar id-dritt tal-kuntratti pubbliċi

32

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni stabbilixxiet aspettattiva leġittima fil-konfront tagħha fir-rigward ta’ delimitazzjoni tas-suq skont il-metodi tad-dritt tal-kompetizzjoni jew il‑komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2007/169/KE, tas-16 ta’ Marzu 2007, li tistabbilixxi li l‑Artikolu 30(1) tad-Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE japplika għal ċerti servizzi ta’ courier u ta’ posta tal‑pakketti fid-Danimarka (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 219M p. 346), għad‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/875/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, li teżenta ċerti servizzi finanzjarji fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 343, p. 77), għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑Kummissjoni 2014/299/UE, tat-22 ta’ Mejju 2014, li teżenta ċerti servizzi fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l‑akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l‑enerġija, it-trasport u postali, u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 156, p. 10).

33

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2007/169, bħall-premessa 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/875 u l-premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/299, jenfasizzaw li l-evalwazzjoni li s-servizzi inkwistjoni kienu esposti direttament għall-kompetizzjoni saret biss għall-implementazzjoni tad‑Direttiva 2004/17 u ma kienet taffettwa bl-ebda mod l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, id‑Deċiżjoni 2014/299 ma kellhiex bħala bażi ġuridika d‑Direttiva 2004/17, iżda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, p. 243). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tiddikjara li hija applikat b’mod korrett fid-deċiżjoni kkontestata l-metodu dwar id‑delimitazzjoni tas-suq kif previst fil-komunikazzjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tiġi analizzata s-sostitwibbiltà tas‑servizzi inkwistjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-kriterji li jinsabu fl-ewwel sentenza tas-Sezzjoni 3 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2005/15, li tikkorrispondi għad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti li tinsab fil-punt 7 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq. Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma applikatx din il-komunikazzjoni, l‑argument tagħha huwa għalhekk ineffettiv.

34

Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

35

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni b’mod ġenerali, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, irrifjutat l-istudji, l-istħarriġ u t-testijiet li jirrigwardaw id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni li hija wettqet skont il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jirrigwardax l-approċċ globali relatat mal-kriterji u mal-metodoloġija applikati mill-Kummissjoni, iżda l-eżami, magħmul mill-Kummissjoni, dwar jekk id-diversi servizzi postali inkwistjoni kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni. Għalhekk dan l‑argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni sas-seba’ motivi li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni ta’ dawn is-servizzi postali.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, rigward l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali ta ’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali

36

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 u vvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil-premessi 14 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali ma kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni fl‑Awstrija. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddelimitat is-suq inkwistjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li t-tqassim elettroniku u t-tqassim postali ma kinux jappartjenu għall-istess suq B2X nazzjonali.

37

Mill-premessi 14 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali ma kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija u li, konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad‑Direttiva 2004/17 ma kienx applikabbli għall-kuntratti intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fl-Awstrija. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il‑Kummissjoni kkonstatat, fil‑premessi 14 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li d‑dikjarazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li t-tqassim elettroniku u t-tqassim postali kienu jappartjenu lill-istess suq inkwistjoni ma setgħetx tiġi aċċettata, is-suq tal-prodotti inkwistjoni kien is-suq tas‑servizzi postali għall-ittri bl-indirizz B2X. Imbagħad, hija kkonstatat, fil-premessi 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha pożizzjoni qawwija ħafna f’dak is-suq, b’sehem fis-suq stmat [kunfidenzjali] ( 1 ) %, li s-suq postali ġie liberalizzat għal kollox minn Jannar 2011, u li, bil-liberalizzazzjoni l-kompetituri kienu kisbu sehem tas-suq globali stmat [kunfidenzjali] % biss, anki fil-parti l-iktar kompetittiva, jiġifieri s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn din timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 482; tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T‑427/08, Ġabra, EU:T:2010:517, punt 66, u tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑111/08, Ġabra, EU:T:2012:260, punt 169).

39

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tastjeni ruħha milli tistħarreġ l‑interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. F’dan ir‑rigward, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx l‑evalwazzjoni tagħha fuq provi li huma preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu d-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li huma kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet dedotti minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 54; Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 38 hawn fuq, EU:T:2007:289, punt 482, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, Ġabra, EU:T:2009:317, punt 47).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/17 tapplika, bħala regola ġenerali, għall-attivitajiet li huma intiżi sabiex jipprovdu servizzi postali, skont l-Artikolu 6 tagħha. Il-proċedura prevista fl‑Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 tippermetti li jkun hemm deroga minn din ir-regola billi jiġi kkonstatat, fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ entità kontraenti skont il-paragrafi (4) u (5) ta’ dan l-artikolu, li suq partikolari intiż sabiex jippermetti t-twettiq ta’ attività msemmija fl‑Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva ma huwiex suġġett għal din tal‑aħħar. Jekk, bħal f’dan il-każ, awtorità kontraenti talbet lill‑Kummissjoni tistabbilixxi l-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad‑Direttiva 2004/17 għal attività partikolari, għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5), li jinforma lill-Kummissjoni bil-fatti rilevanti kollha, u b’mod partikolari, b’kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew ftehim rigward il‑konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) ta’ din id‑direttiva, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar il-pożizzjoni adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti għall-attività kkonċernata. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(6) tal‑imsemmija direttiva, sabiex tadotta deċiżjoni bis-saħħa ta’ dan l‑artikolu, il-Kummissjoni għandha terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-ewwel ġurnata tax-xogħol li tiġi wara d-data li fiha tiġi nnotifikata bit-talba u dan it-terminu jista’ jiġi estiż darba b’massimu ta’ tliet xhur f’każijiet iġġustifikati debitament. Mir-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li, jekk fi tmiem it‑terminu previst fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni rigward l-applikabbiltà tal-paragrafu 1 tal‑istess artikolu għal attività partikolari, dan il-paragrafu 1 jitqies li huwa applikabbli.

41

Minn din il-proċedura jirriżulta li l-oneru tal-prova relatat mal-fatt li l‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u fuq l-Istat Membru kkonċernat, peress li f’dan il-każ il-Kummissjoni jkollha biss setgħat limitati fir-rigward tas-setgħat ta’ stħarriġ li huma mogħtija lilha fil‑kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni permezz tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u permezz tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata tadotta deċiżjoni definittiva fit‑terminu previst fl-Artikolu 30(6) ta’ din id-direttiva jekk hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l‑artikolu ma humiex issodisfatti.

42

Dan il-motiv huwa magħmul minn erba’ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l‑argument tar-rikorrenti u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. It‑tieni sar-raba’ partijiet jirrigwardaw ċerti allegati żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. It‑tieni parti hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata, li tinsab fil‑premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-allegati ostakoli għas‑sostitwibbiltà tal-fatturazzjoni elettronika u postali kif ukoll tas‑sitwazzjoni tas-suq. Bit-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li, fil‑premessi 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, interpretat b’mod żbaljat it-test monopolistiku ipotetiku (iktar ’il quddiem it-“test-MI”) magħmul mir-rikorrenti u d-data relatata mal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk ipprovduta mir-rikorrenti u, min‑naħa l-oħra, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Finalment, ir‑raba’ parti hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni relatata mal-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tkun tista’ tgħaddi ż-żiediet fl-ispejjeż lill-klijenti tagħha.

43

Sabiex issostni l-argument tagħha u tispjega, l-ewwel nett, l-istudju tal‑kumpannija ta’ konsulenti E., intitolat “Austrian communications market” (suq ta’ komunikazzjoni Awstrijak), ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem l-istudju “ACM”), anness mat-talba tar-rikorrenti rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, it-tieni nett, l-analiżi tax‑xokk li hija wettqet u, it-tielet nett, l-analiżi ta’ rigressjoni li saru mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob li jinstema’, bħala xhud, l‑awtur tal-istudju ACM u tal-analiżi ta’ xokk.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kunest ta’ rikors għal annullament, hija biss il-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat b’waħda mill-kawżi ta’ illegalità previsti fl-Artikolu 263 TFUE, u ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika minflok dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra, EU:T:2000:174, punti 146168 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li, bis-saħħa tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi l-miżuri li hija tqis xierqa. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tiddeċiedi dwar il-ħtieġa eventwali li tikkompleta l-informazzjoni li hija għandha dwar il-kawżi mressqa quddiemha (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra, EU:C:2004:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u tan-neċessità li jinstemgħu x-xhieda ċċitati (digriet tas-27 ta’ April 2006, L vs Il-Kummissjoni, C‑230/05 P, ĠabraSP, EU:C:2006:270, punt 47). Peress li l-punti li għandhom jiġu kkjarifikati bis-smigħ tax-xhieda jirrigwardaw il-partijiet differenti ta’ dan il-motiv, għandha tiġi evalwata l-ħtieġa li jinstema’ l-awtur tal-istudju ACM u tal-analiżi ta’ xokk wara li jiġi eżaminat l-argument imressaq mir‑rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-partijiet.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq eżami insuffiċjenti tal-argument tar‑rikorrenti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

45

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l‑istudji u r-rapporti ta’ esperti li hija pproduċiet u lanqas it-tendenzi ġenerali u d-definizzjoni tas-suq li tirriżulta minnhom, jiġifieri l‑fatt li l-mod ta’ tqassim postali u elettronika jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni sempliċement tikkonstata li l-fatt li l-mod tat‑tqassim postali u elettroniku jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni ma jikkorrispondix mal-evalwazzjonijiet li hija kienet għamlet fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatt li l-mod ta’ tqassim ta’ posta kummerċjali huwa teknoloġikament newtrali ttieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur Ewropew u, imbagħad, mil-leġiżlatur Awstrijak, b’mod partikolari fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika, sa fejn il-fatturi mibgħuta b’mod elettroniku huma assmilati mal-fatturi mibgħuta bil-posta. Fi stħarriġ li sar fl-2008, esperti tal-Kummissjoni kienu huma stess ikkonstataw li 57 % tal‑impriżi intervistati kienu jibagħtu fatturi elettroniċi. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-fatturi elettroniċi kienu jintbagħtu bħala dokument anness f’format PDF ta’ posta elettronika. Barra minn hekk, diversi studji wrew li kienet teżisti rabta mill-qrib bejn l-iżvilupp qawwi tal-internet broadband u s-sostituzzjoni tal-posta elettronika minflok dik postali. Id-densità qawwija ta’ konnessjoni mal-internet broadband fl‑Awstrija tippermetti għalhekk, anki fuq il-livell tekniku, is‑sostitwibbiltà tal-posta elettronika minflok dik postali, b’mod partikolari għall-parti l-iktar sinjifikattiva ta’ posta kummerċjali, jiġifieri l-fatturi. Din is-sostituzzjoni tintwera wkoll permezz tal‑interazzjoni bejn it-tnaqqis ta’ komunikazzjoni bil-posta u ż-żieda ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fuq livell mondjali u fl-Awstrija kif ukoll mill-istħarriġ u mit-test-MI li saru mir-rikorrenti. Studji differenti jaslu għall-istess riżultat.

46

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar, minbarra r-rekwiżiti relatati mal-motivazzjoni msemmija fil-punt 20 hawn fuq, li, minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il‑kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata, skont l-Artikolu 296 TFUE, issemmi mill-inqas, il-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad‑deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-awtur ta’ att ma huwiex marbut li jieħu pożizzjoni fuq elementi li b’mod ċar huma sekondarji jew li jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑465/02 u C-466/02, Ġabra, EU:C:2005:636, punt 106 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti ma jurix li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, minkejja li huwa korrett li, fil‑premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-mod ta’ tqassim ta’ posta kummerċjali huwa newtrali fuq il-livell teknoloġiku, li jfisser li l-modi ta’ tqassim elettroniku u postali jappartjenu għall-istess suq, ma tikkorrispondix mal-evalwazzjonijiet li hija kienet għamlet fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li hija għamlet konstatazzjonijiet oħra fil‑premessi 17 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata.

48

Fil-fatt, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, is-sostitwibbiltà għandha tiġi analizzata, b’mod partikolari, abbażi tal-karatteristiċi tal‑prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu previst tagħhom. Fil‑premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, li l-karatteristiċi u l-użu previst ta’ fatturi stampati u ta’ fatturi elettroniċi jvarjaw b’mod sinjifikattiv għaliex, minn naħa, sabiex tkun tista’ tinbagħat jew tiġi riċevuta fattura elettronika, tista’ tkun meħtieġa ċerta infrastruttura addizzjonali u, min-naħa l-oħra, l-użu tal-fatturazzjoni elettronika jista’ jiġi assoċjat ma’ firxa ta’ servizzi ta’ valur miżjud u ma’ vantaġġi oħra. F’dan ir-rigward, fil-premessa 19 tad‑deċiżjoni kkontestata hija indikat li kien hemm sitwazzjonijiet fejn il-fatturi elettroniċi kienu saru mandatorji de jure u de facto u li, f’dawn il-każijiet, il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà ma kinitx tqum, peress li min ikun qed jibgħat ma kellux il-possibbiltà li jagħżel tqassim bil-posta. Fil-premessi 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, filwaqt li kkontestat ir-riżultati tat-test-MI li sar mir‑rikorrenti u l-preżentazzjoni minn din tal-aħħar ta’ grafika relatata mal‑evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezz, li ma kien hemm l-ebda data ċerta u konklużiva li setgħet tikkonferma li t-tqassim elettroniku u t-tqassim postali kienu realment sostitwibbli. Skont il-premessa 23 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-klijenti, kemm jekk ikunu impriżi jew individwi, li ma jistgħux jew li ma humiex lesti li jaqilbu għal komunikazzjoni elettronika jibqgħu jirrapreżentaw suq segmentat, li mingħajr dubju se jibqa’ moqdi biss mir-rikorrenti, li tokkupa kważi monopolju fuq dan is-suq. Fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti tista’ tgħaddi ż-żidiet fl‑ispejjeż fuq il-klijenti li, minħabba l-preferenza intrinsika tagħhom għat‑tqassim postali, ma jkollhom l-ebda għażla oħra għajr li jassumu ż-żieda fil-prezz. Skont il-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk waħda mill-konsegwenzi prinċipali ta’ użu dejjem jiżdied ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kienet it-tnaqqis tad-daqs globali tas-suq tal-posta, ma jistax jiġi konkluż minn dan li l-komunikazzjoni elettronika introduċiet kompetizzjoni diretta fis-suq tat-tqassim postali.

49

Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha sabiex tikkonstata li l-fatt li l-modi ta’ tqassim postali u elettroniku jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni ma kienx jikkorrispondi mal-evalwazzjonijiet li hija kienet għamlet fid‑deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il‑Kummissjoni kkunsidrat li s-suq tal-prodotti inkwistjoni kien unikament is-suq tas-servizzi postali għall-ittri bl-indirizz B2X. Minn dan ma jistax jiġi konkluż li din il-motivazzjoni ma tippermettix lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-livell ta’ preċiżjoni tal‑motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mal‑possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra, EU:C:1990:71, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mill‑premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tas‑sitwazzjoni ġuridika u fattwali fl-Awstrija, l-awtoritajiet Awstrijaċi ġew mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tas-sostituzzjoni tat-tqassim elettroniku minflok it-tqassim postali u, b’mod iktar preċiż, dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, iżda huma ma setgħux jagħtu informazzjoni supplimentari sabiex isostnu d‑dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha biss setgħat limitati u terminu qasir sabiex tieħu deċiżjoni definittiva (ara l-punti 40 u 41 hawn fuq).

51

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti l-argument tagħha u lanqas l-istudji jew ir-rapporti ta’ esperti li hija pproduċiet sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni.

52

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li, fuq il-livell regolamentari, il-fatturi postali u elettroniċi kienu assimilati. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-mod ta’ tqassim tal-posta kummerċjali huwa teknoloġikament newtrali ttieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur Ewropew u, imbagħad, anki mil‑leġiżlatur Awstrijak, b’mod partikolari fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika, inkwantu l-fatturi mibgħuta b’mod elettroniku huma assimilati mal-fatturi mibgħuta bil-posta.

53

Huwa minnu li d-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni (ĠU L 189, p. 1), introduċiet regoli li jipprovdu li, kif jirriżulta mill‑premessa 8 tad-Direttiva 2010/45, dwar ir-rekwiżiti imposti fir‑rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), il-fatturi stampati u l‑fatturi elettroniċi għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod.

54

Madankollu, dan il-fatt ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkunsidratx li l-modi ta tqassim postali u dak elettroniku kienu sostitwibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax, kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn Jannar 2014, il-fatturazzjoni elettronika saret obbligatorja de jure fil‑livell federali fir-relazzjonijiet bejn l-impriżi u l-gvern. Għalhekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ sostitwibbiltà ma kinitx tqum, kif il‑Kummissjoni kkonstatat korrettament fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fuq il-livell regolamentari, is-servizzi postali u mhux is-servizzi elettroniċi huma rrikonoxxuti bħala servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 14 TFUE, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3). F’dan ir-rigward, dwar l-argument tar-rikorrenti li l-possibbiltajiet differenti ta’ tqassim ta’ ittri huma diskussi b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 2008/6, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tirreferi biss għall-premessi 14, 15, 19 u 22 ta’ din id‑direttiva, li madankollu ssemmi b’mod ġenerali ħafna l-modi ta’ tqassim elettroniċi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tad‑Direttiva 97/67/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), hija l-offerta ta’ servizzi postali li għandha n-natura ta’ servizz universali. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għalhekk ma jistax jiġi konkluż li, bħala regola ġenerali, il-fatturi postali u elettroniċi huma assimilati fuq il‑livell regolamentari.

55

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti l-fatt li s-sostitwibbiltà tal-posta elettronika minflok dik postali, li hija żgurata fl-Awstrija, fuq il-livell tekniku, permezz tal‑volum qawwi ta’ konnessjoni mal-internet broadband, kien muri permezz ta’ data u tendenzi makroekonomiċi li juru li kien hemm interazzjoni bejn it-tnaqqis tal-użu tal-posta u ż-żieda fil‑komunikazzjonijiet elettroniċi. Skont ir-rikorrenti, mill-punt 2.3.2 tal-istudju ACM jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-impriżi ta’ komunikazzjoni jibagħtu fatturi elettroniċi u li [kunfidenzjali] % ta’ dawn l-impriżi jirċievu fatturi elettroniċi. Il-bidla tal-kundizzjonijiet tas‑suq fir-rigward tas-sostitwibbiltà elettronika toħloq kompetizzjoni suffiċjenti li għaliha r-rikorrenti hija esposta.

56

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-Sezzjoni 3 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2005/15 tinkludi r-regoli previsti sabiex jiġi ddefinit suq ta’ prodotti inkwistjoni. Skont dawn ir-regoli, suq ta’ prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti jew is-servizzi kollha li l‑konsumatur iqis bħala li jistgħu jinbidlu bejniethom jew sostitwibbli minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu li għalih ikunu maħsuba. Barra minn hekk, is-Sezzjoni 3 tal-Anness I tad‑Deċiżjoni 2005/15 tinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi li normalment huma kkunsidrati bħala importanti sabiex jiġi ddefinit suq ta’ prodotti inkwistjoni li għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi. Dawn il‑fatturi huma l-livell ta’ xebh fiżiku bejn il-prodotti jew is‑servizzi inkwistjoni, id-differenzi kollha fl-użu finali li jsir mill‑prodotti, id-differeni tal-prezz bejn iż-żewġ prodotti, l-ispiża involuta sabiex wieħed jgħaddi minn prodott għal ieħor jekk ikun hemm żewġ prodotti potenzjalment kompetittivi, il-preferenzi stabbiliti jew involuti tal-konsumaturi għal tip jew kategorija ta’ prodott u l‑klassifikazzjonijiet ta’ prodotti (nomenklatura ta’ assoċjazzjonijiet professjonali, eċċ.).

57

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ suq ikkonċernat jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti kollha li jagħmlu parti mill-istess suq (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra, EU:C:1979:36, punt 28, u tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra, EU:T:2007:22, punt 80). L‑interkambjabbiltà jew is-sostitwibbiltà ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas‑servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal‑offerta fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza CEAHR vs Il‑Kummissjoni, punt 38 fuq, EU:T:2010:517, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Anki jekk jingħad li teżisti, kif tallega r-rikorrenti, interazzjoni bejn it-tnaqqis tas‑servizzi postali, minn naħa, u ż-żieda tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u volum qawwi ta’ konnessjoni mal-internet broadband fl‑Awstrija, min-naħa l-oħra, dawn il-fatti bl-ebda mod ma juru li, fid‑dawl tal-kriterji previsti bid-Deċiżjoni 2005/15 u bil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 hawn fuq, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkunsidratx li s-servizzi elettroniċi kienu sostitwibbli għas-servizzi postali inkwistjoni. Fil-fatt, mill‑premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat is-sostitwibbiltà, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari, abbażi tal-karatteristiċi tal-prodotti, tal-prezzijiet tagħhom u tal-użu previst tagħhom. Fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, bħala risposta għad‑dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-użu tal-internet u tal-broadband kien għoli ħafna fl-Awstrija, li kien jidher li l-karatteristiċi u l-użu previst tal-fatturi stampati u tal-fatturi elettroniċi kienu jvarjaw b’mod kunsiderevoli. Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati bl‑eżistenza eventwali ta’ interazzjoni bejn it-tnaqqis tas-servizzi postali, minn naħa waħda, u ż-żieda tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u ta’ volum qawwi ta’ konnessjoni mal-internet broadband, min-naħa l‑oħra.

59

Fir-rigward tal-argument li mill-punt 2.3.2 tal-istudju ACM jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-impriżi ta’ komunikazzjoni jibagħtu fatturi elettroniċi u li [kunfidenzjali] % minn dawn l-impriżi jirċievu fatturi elettroniċi, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt 1.2 ta’ dan l-istudju, [kunfidenzjali] % biss tal-atturi kollha intervistati kkunsidraw il-posta elettronika bħala sostitut għall-ittri, filwaqt li [kunfidenzjali] % ikkunsidraw l-ittri u l-posta elettronika jew bħala sostituti jew li jikkumplimentaw lil xulxin u li [kunfidenzjali] % ikkunsidraw il-posta elettronika li tikkumplimenta lill-ittra u mhux bħala sostitut. Dan l‑argument għalhekk ma jistax juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ fatturi, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa waħda, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat diversi modi ta’ fatturazzjoni elettronika u, min‑naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma wrietx li, matul il-proċedura amministrattiva, hija stess kienet għamlet tali distinzjoni sabiex tistabbilixxi s-sostitwibbiltà tat-tqassim elettroniku minflok it-tqassim bil-posta. Il-preżentazzjoni tat-tqassim tal-posta fl-Awstrija, li tinsab fl‑anness tat-talba tagħha, li għaliha tirreferi r-rikorrenti, ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

60

It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti r-riżultati tat-test-MI li hija kkummissjonat, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat dawn ir-riżultati fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija rrifjutathom billi kkunsidrat li, anki jekk dawn ir-riżultati dehru li jindikaw li l-posta stampata u l-posta elettronika kienu jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni, ċerti aspetti tekniċi tal-mudell ta’ stħarriġ kienu jpoġġu f’dubju l-validità tar-riżultati. Il-fondatezza ta’ dan ir-rifjut ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il‑motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni allegatament żbaljata tat-test-MI u tal-informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal‑prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk kif ukoll mill-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

61

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-istudji kkummissjonati mill‑Kummissjoni stess jikkonkludu li ż-żewġ modi ta’ tqassim postali u elettroniku huma sostitwibbli. Fl-opinjoni tagħha, l-istudju tal‑kumpannija WIK-Consult, intitolat “Main developments in the postal sector (2010-2013)” [żviluppi prinċipali fis-settur postali (2010‑2013)] ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem l-“istudju WIK 2013”), juri espressament li hemm sostituzzjoni tat-tqassim elettroniku minflok it-tqassim postali fiżiku u li, b’dan il-mod, teżisti kompetizzjoni. L-istudju ta’ Nikali, intitolat “The substitution of letter mail in targeted communication” (Is-sostituzzjoni tas-servizz postali fil‑komunikazzjoni mmirata) u l-istudju ta’ Copenhagen Economics, intitolat “Main developments in the postal sector (2008-2010)” [Żviluppi prinċipali fis-settur postali (2008-2010)], jaslu għal riżultati simili.

62

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, li peress li ma pproduċietx dawn l-istudji quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma tistax turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Ir-riferiment, fin‑noti ta’ qiegħ il-paġna nri 34 u 39 tar-rikors, għal siti internet relatati mal-istudji ta’ Nikali u ta’ Copenhagen Economics ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti invokati insostenn tar-rikors, skont l-Artikolu 43(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Min-naħa l-oħra, sa fejn parti mill-istudju WIK 2013 ġiet prodotta mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-istudju jinterpreta l-possibbiltà ta’ tqassim elettroniku bħala motiv ta’ eventwali tnaqqis tat-talba fis-swieq postali. Madankollu, dan l-istudju jikkonstata wkoll, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali, li l-intensità tal-kompetizzjoni tibqa’ dgħajfa u li l-fornituri tradizzjonali jibqgħu f’pożizzjoni dominanti. Fuq din il-bażi, għalhekk ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-assenza ta’ espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tas-servizzi postali inkwistjoni.

63

Il-ħames nett, sa fejn, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni segwit deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża li fiha l-protokoll ta’ vuċi fuq l-internet (VoIP) kien ikkunsidrat bħala sostitwibbli minflok it-telefonija fissa u għalhekk bħala li jappartjeni għall-istess suq, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pproduċiet l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni kienet komparabbli mal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal‑argument tar-rikorrenti li, f’ċirkolari ta’ informazzjoni fil-qasam tal‑kompetizzjoni ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni kkonfermat li s‑sostituzzjoni elettronika kellha effetti diretti fuq is-settur postali, biżżejjed jiġi kkonstatat li huwa espressament indikat f’din iċ‑ċirkulari li din ma torbotx lill-Kummissjoni. Finalment, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li, fi ħdan il‑Kummissjoni, l-unità kompetenti li qabel kienet tissejjaħ “Servizzi postali” ingħatat isem ġdid ta’ “Servizzi onlajn u servizzi postali” ma jippermetti bl-ebda mod li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Il-fatt li unità fi ħdan il-Kummissjoni hija msejħa “Servizzi onlajn u servizzi postali” ma jikkostitwixxix element ta’ analiżi tas-suq rilevanti li jista’ jistabbilixxi li dawn is-servizzi huma f’kompetizzjoni diretta.

64

Is-sitt nett, fil-kuntest tal-argument li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il‑fatt li l-adattament tas-servizz universali għall-kundizzjonijiet reali tas-suq kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet, ir-rikorrenti tirreferi għal dokument ta’ riflessjoni tal-awtorità regolatorja Ġermaniża ta’ Novembru 2014 u għal dokument ta’ riflessjoni tal-European regulators group for postal services (grupp Ewropew ta’ regolaturi għas‑servizzi postali, EGRP) ta’ Settembru 2014. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, T. Port vs Il-Kummissjoni, T‑251/97, Ġabra, EU:T:2000:89, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra, EU:T:2008:101, punt 244 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għalhekk, bħala regola, il-bażi kellha tkun il-qafas regolatorju kif kien jirriżulta mill-atti rilevanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li d-dokumenti ta’ riflessjoni inkwistjoni kienu datati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2014, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni billi ma ħadithomx inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jeżistu abbozzi ta’ emendi futuri tal-qafas regolatorju inkwistjoni fl‑Unjoni jew fl-Awstrija.

65

Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tenfasizza f’dan ir-rigward li, skont il-premessa 40 tad-Direttiva 2004/17, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni, kurrenti jew futuri, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, is-swieq inkwistjoni ma humiex suġġetti għal din id-direttiva jekk, fl‑Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz, dan huwa direttament espost għall-kompetizzjoni, fuq swieq li l-aċċess għalihom ma huwiex limitat. L-eżami tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għalhekk għandu jsir abbażi tal-elementi disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura prevista bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, filwaqt li ma hijiex eskluża talba ġdida fil-futur skont din il-proċedura.

66

L-ewwel parti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-allegati ostakoli għas-sostitwibbiltà tal-fatturazzjoni elettronika u postali kif ukoll tas‑sitwazzjoni fis-suq

67

Ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għall-istudju ACM, li l‑Kummissjoni wettqet żbalji sa fejn hija kkonstatat, fil‑premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, ostakoli għas‑sostitwibbiltà tal-fatturazzjoni elettronika u postali u li l-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni tas-suq hija żbaljata.

68

Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-karatteristiċi u l-użu previst tal-fatturi stampati u tal-fatturi elettroniċi jvarjaw b’mod kunsiderevoli għaliex, minn naħa, sabiex tibgħat jew tirċievi fattura elettronika, pereżempju, li tippermetti pproċessar awtomatiku, tista’ tkun meħtieġa ċerta infrastruttura addizzjonali, b’mod partikolari fil-każ tal-fatturi elettroniċi B2B. Din l-infrastruttura tista’ timplika l‑użu ta’ fornitur ta’ servizzi estern jew ta’ applikazzjoni interna speċjali, l-użu ta’ firma elettronika, eċċ. Min-naħa l-oħra, l-użu tal‑fatturazzjoni elettronika jista’ jiġi assoċjat ma’ firxa ta’ servizzi ta’ valur miżjud u ma’ vantaġġi oħra li jippermettu, pereżempju, l-ipproċessar awtomatizzat u l-finanzjament tal-pagamenti minn terzi. Fil‑premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, minn Jannar 2014, il-fatturazzjoni elettronika saret obbligatorja de jure fuq il‑livell federali fir-relazzjonijiet bejn l-impriżi u l-gvern u li f’dan il‑każ, il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà ma kinitx tqum billi l-ispedituri ma għandhomx il-possibbiltà li jagħżlu tqassim postali. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet simili fejn fatturi elettroniċi saru obbligatorji de facto wara talba ta’ numru kbir ta’ konsumaturi jew ta’ fornituri.

69

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-maġġoranza kbira tal‑fatturi mibgħuta b’mod elettroniku huma posta elettronika b’dokument anness f’format PDF, li ma għandhom l-ebda karatteristika jew xi użu differenti minn dak ta’ fattura stampata mibgħuta bil-posta.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 2.3.2 tal-istudju ACM, li għalih irreferiet il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 tad-deċiżjoni kkontestata inkluża mal-premessa 18 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li hemm diversi mudelli ta’ fatturazzjoni elettronika li huma differenti skont il-livell ta’ awtomatizzazzjoni tagħhom. Skont dan l‑istudju, minn naħa, jeżistu proċessi semi-awtomatizzati permezz tal-internet bl-użu ta’ fatturi PDF, web portals jew fornitur ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, fatturazzjoni elettronika awtomatizzata mill-bidu sal-aħħar bħala proċess, mill-ordni sal-pagament kompletament integrati. Minn dan l-istudju jirriżulta li, jekk il-proċess semi‑awtomatizzat permezz tal-internet bl-użu tal-fatturi PDF huwa l‑forma ta’ komunikazzjoni ppreferuta fir-relazzjonijiet B2C, web portals diġà ġew użati wkoll minn numru kbir ta’ impriżi li jużaw fatturazzjoni elettronika u fornituri ta’ servizzi huma użati b’mod partikolari għall-fatturazzjoni elettronika B2B fuq il-livell Ewropew. F’dan ir-rigward, l‑istudju ACM jispeċifika li jeżistu fornituri ta’ servizzi li jiżguraw l‑oriġinalità ta’ dokument billi jużaw firma elettronika. Barra minn hekk, skont l-istudju ACM, sabiex jirċievu u jibagħtu fatturi elettroniċi, xi impriżi jużaw soluzzjonijiet ta’ fornitur ta’ servizzi estern jew applikazzjoni interna speċjalizzata, ipprogrammata għalihom.

71

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-istudju ACM li r‑rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni, ma jistax jiġi konkluż li l‑Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex tkun tista’ tintbagħat jew tiġi riċevuta fattura elettronika tista’ tkun meħtieġa xi infrastruttura addizzjonali u li l-użu tal-fatturazzjoni elettronika jista’ jiġi assoċjat ma’ firxa ta’ servizzi ta’ valur miżjud u vantaġġi oħra.

72

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li s-sehem tas-suq tal-fatturi mibgħuta fuq il-livell federali fir-relazzjonijiet bejn impriżi u l-gvern jirrapreżenta biss [kunfidenzjali] % u li għalhekk jista’ ma jiġix ikkunsidrat fl-evalwazzjoni tad-definizzjoni tas‑suq inkwistjoni. Barra minn hekk, ma huwiex xieraq u lanqas konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet li fihom il-fatturi elettroniċi saru obbligatorji de facto. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma esponiet liema huwa s-sehem tas-suq ikkonċernat u lanqas x’effetti dan għandu fuq id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni.

73

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-fatturi mibgħuta fuq il-livell federali fir-relazzjonijiet bejn impriżi u l-gvern jistgħu jiġu kkunsidrati bħala negliġibbli minħabba n-numru żgħir tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball f’dan ir-rigward, tikkunsidra li kien hemm tali fatturazzjoni li għaliha l-kwistjoni tas-sostitwibbiltà ma kinitx tqum.

74

It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li sitwazzjonijiet simili oħra kienu jeżistu li fihom il-fatturi elettroniċi kienu saru obbligatorji de facto wara talba ta’ numru kbir ta’ konsumaturi jew fornituri, għandu jiġi kkonstatat li fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tad-deċiżjoni kkontestata inkluża mal-premessa 19 ta’ din id-deċiżjoni, hija rreferiet għall‑punt 2.3.2 tal-istudju ACM. Minn dan l-istudju jirriżulta li l‑għażla tal-impriżi fir-rigward tal-mod tal-fatturazzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq in-negozju bejn l-impriżi, l-esperjenza permezz tan‑netwerk ta’ fornituri jew it-talba tal-klijenti. Skont l-istudju ACM, ir-raġunijiet li għalihom tintuża l-fatturazzjoni elettronika jiddependu prinċipalment mill-forzi esterni tas-suq, jiġifieri minn talba sostanzjali mingħand il-klijenti jew il-fornituri jew minn inizjattiva tal-gvern li tirrendiha obbligatorja.

75

Fid-dawl ta’ dan ir-riferiment għall-istudju ACM, is-sitwazzjoni de facto li għaliha rreferiet il-Kummissjoni tirriżulta b’mod suffiċjenti fid‑dritt mid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tas-sehem tas-suq ikkonċernat minn din is-sitwazzjoni, għandu jitfakkar li, fid-dawl tas‑setgħat limitati ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 u tal-fatt li l-oneru tal‑prova jaqa’ fuq ir-rikorrenti (ara l-punti 40 u 41 hawn fuq), ma jistax jiġi mitlub li l-Kummissjoni tmur lil hinn mill‑konstatazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fit-talba. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jagħtu informazzjoni komplementari sabiex isostnu d-dikjarazzjonijiet tar‑rikorrenti (ara l-punt 50 hawn fuq). F’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni de facto dwar id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni, mill-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l‑Kummissjoni ddefinixxiet is-suq tal-prodotti inkwistjoni b’mod partikolari abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-premessa 19 ta’ din id‑deċiżjoni, jirriżulta li dan l-aspett huwa element li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kriterji previsti sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (ara l-punti 56 u 57 hawn fuq) jeskludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni de facto. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tal‑Kummissjoni, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tagħti l-ebda indikazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li huma tali li jsostnu l-argument tagħha, hija ma tressaq ebda argument li jista’ juri li l-Kummissjoni kienet marbuta, f’dan il-każ, bil-prassi deċiżjonali tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument ma għandux jintlaqa’.

76

Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-test-MI u tal‑informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

77

Din il-parti hija magħmula minn żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-evalwazzjoni tat-test-MI li r-rikorrenti kkummissjonat insostenn tat-talba tagħha. It-tieni lment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni tal‑kwantitajiet u tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk ipprovduta mir-rikorrenti.

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-test-MI u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

78

Ir-rikorrenti ssostni li, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni, minn naħa, interpretat b’mod żbaljat it-test-MI li hija kkummissjonat fir-rigward tas-suq tal-ittri bl-indirizz B2X fuq il‑livell nazzjonali u li kien juri li t-tqassim postali u t-tqassim elettroniku kienu jappartjenu għall-istess suq u, min-naħa l-oħra, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

79

Mill-proċess jirriżulta li l-istħarriġ li kien jinkludi t-test-MI, li jagħmel parti mill-istudju ACM sar f’451 impriża u li kien jinkludi żewġ tipi differenti ta’ mistoqsijiet. Minn naħa, permezz ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet diretti l-impriżi ġew mistoqsija dwar il-prassi tagħhom fir‑rigward tal-ipproċessar tal-posta kummerċjali. Il-mistoqsija prinċipali kienet dik dwar jekk dawn l-impriżi kinux jibagħtu l-ittri tagħhom b’mod elettroniku jekk l-ispiża tal-posta ta’ ittra kienet titla’ minn 62 għal 65.1 ċenteżmi. L-impriżi kellhom jagħżlu fost seba’ tweġibiet differenti, jiġifieri, l-ebda tibdil, bidla totali jew bidla ta’ 10, 20, 30, 50 jew 75 % tal-ittri kollha. Min-naħa l-oħra, saru wkoll mistoqsijiet indiretti li ma kinux jirrigwardaw b’mod dirett ir-reazzjoni għal żieda fil-prezz. L-impriżi kellhom jindikaw liema kienu jagħżlu minn fost żewġ servizzi differenti ddefiniti b’serje ta’ karatteristiċi.

80

Il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-applikant wettaq [test-MI] bl-użu ta’ dejta tal-istħarriġ miġbura minn 451 kumpanija Awstrijaka. L-istħarriġ kien jinkludi sett ta’ mistoqsijiet indiretti maħsuba biex jisiltu l-preferenzi għall-posta stampata jew elettronika bl-użu ta’ tekniki ta’ analiżi konġunta. Ir-riżultati jkunu jimplikaw li [5 %] ta’ żieda fil-prezz postali jkun inaqqas id-domanda biex jintbagħtu l-ittri bi [kunfidenzjali] %. Għalkemm dawn ir-riżultati jkunu jimplikaw li kemm il-posta stampata kif ukoll dik elettronika jappartjenu għall-istess suq rilevanti, hemm xi aspetti tekniċi fid-disinn tal-istħarriġ li jixħtu dubji dwar il-validità tar-riżultati. Pereżempju, is‑sett ta’ karatteristiċi li jiddefinixxi l-prodotti intgħażel b’mod li jista’ jwassal għal xi preġudizzju favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Is-suppożizzjonijiet kontroversjali ma jidhirx li jintużaw fil-letteratura ekonomika rilevanti li tapplika t-teknika ta’ analiżi konġunta u ma huwiex possibbli li jitkejjel l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis stmat ta’ [kunfidenzjali] %.”

81

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha inkwantu ma esponietx ir-raġuni li għaliha, fl‑opinjoni tagħha, kien ser ikun hemm ċerta distorsjoni favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u f’hiex kienu jikkonsistu s‑suppożizzjonijiet kontroversjali fil-letteratura ekonomika.

82

F’dan ir-rigward, dwar il-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat ċerta distorsjoni favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, għandu jiġi rrilevat li fil‑premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li, pereżempju, huwa l-mod ta’ kif kienu ntagħżlu l-karatteristiċi li jiddefinixxi l-prodotti li wassluha għal tali konstatazzjoni. F’dak li jirrigwarda s‑suppożizzjonijiet kontroversjali, mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawk kienu dawk imsemmija fl-istħarriġ inkwistjoni u mhux suppożizzjonijiet kontroversjali fil-letteratura ekonomika.

83

Huwa minnu li n-nuqqas ta’ preċiżjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal‑kritika tal-Kummissjoni rigward ir-riżultati tat-test-MI jista’ jidher sfortunat. Madankollu, fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata, ikkaratterizzat b’mod partikolari minn terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva (ara l-punt 40 hawn fuq), il-Kummissjoni ma naqsitx, f’dan il-każ, mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti, skont ir‑rekwiżiti tal-ġurisprudenza esposti fil-punti 20 u 46 hawn fuq. F’dan ir-rigward ikun eċċessiv li tintalab deskrizzjoni ddettaljata tal-kritika dwar kull karatteristika magħżula fl-istħarriġ inkwistjoni jew dwar kull suppożizzjoni kontroversjali msemmija fih. Dan huwa iktar u iktar il‑każ għaliex ir-rikorrenti kienet involuta mill-qrib fil-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punti 179180 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil‑fatt, mill-proċess jirriżulta li, wara li fit-2 ta’ Diċembru pproduċa l‑kwestjonarji li fuqhom kien ibbażat l-istħarriġ, l-espert imqabbad mir‑rikorrenti li kien responsabbli għal dan l-istħarriġ kellu laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fis-6 ta’ Marzu 2014. Imbagħad, l-għada, il-Kummissjoni bagħtet l-abbozz ta’ deċiżjoni lil dan l-espert u ddiskutietu miegħu matul laqgħa li saret fit-28 ta’ Marzu 2014. L‑abbozz ta’ deċiżjoni diskuss waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Marzu 2014, li tħejja mill-Kummissjoni wara miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 12 hawn fuq), kien diġà jinkludi t-test tal-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata.

84

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-kritika tal‑Kummissjoni dwar l-għażla tal-karatteristiċi sabiex jiġu ddefiniti l‑prodotti kif ukoll dik dwar is-suppożizzjonijiet kontroversjali jirrigwardaw il-parti tal-istħarriġ inkwistjoni relatat mal-mistoqsijiet indiretti. Il-fatt li r-rikorrenti ddikjarat, fit-talba tagħha, li l-Kummissjoni, fil‑premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, analizzat biss il-mistoqsijiet indiretti u mhux il-mistoqsijiet diretti, huwa indizju addizzjonali li jippermetti li jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni kien magħruf mir-rikorrenti.

85

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li interpretat b’mod żbaljat it-test-MI u li ma ppreżentatx rapporti ta’ esperti jew stħarriġ li setgħu jikkonfutaw l-istħarriġ tagħha. Skont ir-rikorrenti, minkejja li t‑test-MI jinkludi mistoqsijiet diretti u indiretti, il-Kummissjoni ma analizzatx il-mistoqsijiet diretti magħmula lill-klijenti li għandhom rwol importanti. Filwaqt li għamlet riferiment għall-prassi tal-Kummissjoni kif ukoll għall-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, ir‑rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni normalment tuża l-istudji ta’ marketing imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-impriżi kkonċernati bħala prova tad-delimitazzjoni tas-suq, ħaġa li ma għamlitx f’dan il-każ. Ir-riżultati tal-istħarriġ ma’ klijenti dwar mistoqsija diretta juru li [kunfidenzjali] % mill-impriżi intervistati jissostitwixxu, f’każ ta’ żieda minima fil-prezzijiet, totalment jew parzjalment, l-ittri tagħhom bil-posta b’posta elettronika u li [kunfidenzjali] % mill-impriżi intervistati jkomplu jużaw ittri bil-posta. Dawn ir-riżultati jikkorrispondu ma’ dawk ta’ studju ieħor li sar fl-2012 fir-rigward tal-Awstrija. Barra minn hekk, skont l‑informazzjoni tar-rikorrenti, anki jekk il-prezzijiet jibqgħu l-istess, [kunfidenzjali] % tal-impriżi intervistati kellhom l-intenzjoni li fil-futur jibagħtu l-fatturi tagħhom b’mod elettroniku. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li tali inklinazzjoni sabiex is-servizzi postali jiġu ssostitwiti b’servizzi elettroniċi f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-ispejjeż tal-port kienet teżisti wkoll fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, kif jirriżulta mid-data miġbura mill-awtorità regolatorja tal-posta fir-Renju Unit u mill-istudju tal-kumpannija WIK-Consult, intitolata “Nachfrage nach Postdienstleistungen von Geschäftskunden” (Talba għas-servizzi postali minn klijenti professjonisti) tal-2009 (iktar ’il quddiem, l-“istudju WIK 2009”). Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni dwar il‑mistoqsijiet indiretti, ir-rikorrenti ssostni li dawn il-mistoqsijiet saru, bl-użu ta’ teknika ta’ stħarriġ magħrufa, sabiex tiġi approfondita l‑analiżi tas-sitwazzjoni. Skont il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, il-prodotti meqjusa bħala sostitwibbli mill-konsumatur ġew inklużi fl-istħarriġ mal-klijenti u għalhekk ma kienx hemm distorsjoni favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

86

Preliminarjament, għandu jitfakkar li (ara l-punti 38 sa 41 hawn fuq) minn naħa, sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni, il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni jaqa’ fuq ir-rikorrenti.

87

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r‑rikorrenti, il-Kummissjoni ma tikkontestax li test-MI jista’ jservi sabiex tiġi eżaminata s-sostitwibbiltà ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Fil‑fatt, il-Kummissjoni indikat li applikat il-metodu ta’ delimitazzjoni tas‑suq skont kif previst fil-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq (ara l-punt 33 hawn fuq). Huwa stabbilit li t-test-MI, bħala regola, huwa parti mill-metodi previsti minn din il-komunikazzjoni. Skont il-punt 15 tal-imsemmija komunikazzjoni, mod ta’ kif tiġi stabbilita s-sensiela ta’ prodotti meqjusa bħala sostitwibbli mill-konsumatur jista’ jkun ippjanat bħala eżerċizzju mentali li jippreżupponi varjazzjoni żgħira, iżda mhux temporanja, tal-prezzijiet relatati u jevalwa r-reazzjonijiet probabbli tal-klijenti. Mill-punt 17 ta’ din il-komunikazzjoni jirriżulta li l-mistoqsija magħmula kienet dik dwar jekk il-klijenti tal-partijiet kinux jirrikorru lejn prodotti ta’ sostituzzjoni faċilment aċċessibbli jew lejn fornituri stabbiliti x’imkien ieħor, f’każ ta’ żieda żgħira minn 5 % għal 10 %, iżda permanenti, tal-prezzijiet relatati mal-prodotti kkunsidrati fit-territorji kkonċernati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed, minħabba t-tnaqqis fil‑bejgħ li jirriżulta minnha, sabiex tneħħi kull interess f’żieda fil-prezz, prodotti ta’ sostituzzjoni u żoni addizzjonali huma inklużi fis-suq inkwistjoni. Skont il-punti 39 sa 41 tal-imsemmija komunikazzjoni, testijiet kwantitattivi li jidħlu fil-kuntest ta’ diversi approċċi ekonometriċi u ta’ statistika (pereżempju l-evalwazzjoni tal-elastiċità tat-talba għal prodott, stħarriġ sabiex tkun magħrufa l-perspettiva tal‑klijenti u tal-kompetituri jew ta’ studji tas-suq ikkomunikati mill‑partijiet) jistgħu jkunu elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tas‑sostitwibbiltà ta’ żewġ prodotti mill-perspettiva tat-talba.

88

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il‑paġna nru 7 tad-Deċiżjoni 2005/15, meta tiddefinixxi s-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni tieħu biss inkunsiderazzjoni l-prodotti li huma faċilment sostitwibbli għall-prodotti kkunsidrati. Il-prodotti faċilment sostitwibbli huma dawk li għalihom iduru l-konsumaturi fil‑każ ta’ żieda, żgħira iżda sinjifikattiva, fil-prezz tal-prodott ikkunsidrat, pereżempju żieda ta’ 5 %. Skont din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, dan jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-istat ta’ kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq inkwistjoni magħmul mill-prodotti kollha li l-konsumaturi tal‑prodotti kkunsidrati jduru għalihom faċilment. Dejjem skont l‑imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna, madankollu, dan ma jfissirx li l‑Kummissjoni tonqos milli tikkunsidra l-limitazzjonijiet, fuq l-aġir ta’ kompetizzjoni tal-entitajiet ikkonċernati, li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni imperfetti, jiġifieri dawk li konsumatur ma jdurx għalihom f’każ ta’ żieda, żgħira iżda sinjifikattiva, fil-prezz tal‑prodotti kkunsidrati, pereżempju żieda ta’ 5 %. Dawn l-effetti jittieħdu inkunsiderazzjoni ladarba s-suq jkun ġie ddefinit u l-ishma tas-suq stabbiliti.

89

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapporti ta’ esperti jew stħarriġ li jistgħu jikkonfutaw l‑istħarriġ tagħha, biżżejjed jitfakkar li l-oneru tal-prova li l‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u fuq l-Istat ikkonċernat (ara l‑punt 41 hawn fuq). Għalhekk ma kinitx il-Kummissjoni li kellha tagħmel l-istudji tagħha.

90

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni ma analizzatx il-mistoqsijiet diretti tal-istħarriġ, dan ukoll għandu jiġi miċħud. Il-fatt li, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-istħarriġ inkwistjoni kien jinkludi sensiela ta’ mistoqsijiet indiretti u li hija sempliċement semmiet b’mod espress bħala eżempji kritika dwar il-kunċett tal-mistoqsijiet indiretti tal-istħarriġ, ma jistax jimplika li hija ma analizzatx il-mistoqsijiet diretti tiegħu. Fil-fatt, minn naħa, it-terminu “jinkludi” ma jeskludix li, minbarra l-mistoqsijiet indiretti, mistoqsijiet oħra kienu wkoll jifformaw parti mill-istħarriġ inkwistjoni, peress li barra minn hekk il‑Kummissjoni kienet espressament talbet lill-espert imqabbad mir‑rikorrenti sabiex jagħmel dan l-istħarriġ u l-kwestjonarji relatati ma’ dan tal-aħħar kienu jinkludu mistoqsijiet diretti u indiretti. Min-naħa l‑oħra, peress li l-kliem tal-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata kien jinkludi kritika dwar ċerti aspetti tekniċi tal-mudell ta’ stħarriġ bħala tali, ma jistax jiġi konkluż li din il-kritika tikkonċerna biss il‑mistoqsijiet indiretti tal-istħarriġ.

91

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat ir-riżultati miksuba bis-saħħa tal-mistoqsija diretta prinċipali magħmula fil-kuntest tal-istħarriġ inkwistjoni, li permezz tagħha l‑impriżi intervistati ġew mistiedna jindikaw jekk jibagħtux l-ittri tagħhom b’mod elettroniku jekk il-prezz tal-posta ta’ ittra jitla’ minn 62 għal 65.1 ċenteżmi.

92

Kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 79 hawn fuq), bħala tweġiba għal din il-mistoqsija, l-impriżi kellhom jagħżlu minn fost seba’ tweġibiet differenti, jiġifieri, l-ebda tibdil, bidla totali jew bidla ta’ 10, 20, 30, 50 jew 75 % tal-ittri kollha. Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tiddikjara li f’dan ir-rigward, anki jekk ir-riżultati tal-istħarriġ inkwistjoni kienu jindikaw li minkejja li l-posta stampata u l-posta elettronika kienu jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni, ċerti aspetti tekniċi tal-mudell tal-istħarriġ kienu jikkontestaw il-validità tar-riżultati. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni speċifikat li l-fatt li l-impriżi intervistati kellhom jindikaw, sa fejn kienu jikkunsidraw li mit-tqassim postali jgħaddu għat-tqassim elettroniku, perċentwali minimu ta’ 10 % tal-volum tal-posta tagħhom, seta’ jwassal sabiex id-daqs tal-inklinazzjoni li jkun hemm tali konverżjoni f’każ ta’ żieda fil-prezz ikun sopravvalutat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet, fir-risposta tagħha, li l-istħarriġ kollu kien juri distorsjoni sinjifikattiva fid-daqs tal-impriżi intervistati meta mqabbla mat-tqassim skont id-daqs tal-impriżi fl-ekonomija Awstrijaka.

93

Minn naħa, bħala risposta għall-kritika tal-Kummissjoni dwar il‑fatt li l-għażla tal-perċentwali minimu ta’ 10 % tal-volum tal-posta setgħet twassal għal sopravalutazzjoni, ir-rikorrenti tirrispondi li l‑għażla tal-perċentwali fl-istħarriġ kienet marbuta mal-volum ta’ posta u li dan tal-aħħar kien marbut mal-kundizzjonijiet tas-suq. Skont ir‑rikorrenti, il-klijenti li jagħżlu li jibagħtu l-ittri b’mod elettroniku ma jibagħtux biss ittra b’mod elettroniku iżda perċentwali stabbilit tal‑volum tal-posta tagħhom. Barra minn hekk, mir-riżultati tal-istudju ACM jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-impriżi intervistati jibagħtu bejn 100 u 1000 ittra, inklużi fatturi, fix-xahar. B’hekk, 5 % minn dan il-volum ta’ posta jikkorrispondi biss għal bejn 5 sa 50 ittra fix-xahar. Volum ta’ posta ta’ 10 % għalhekk jikkorrispondi għal mill-inqas 10 sa 100 ittra u jirrapreżenta aħjar il-kundizzjonjiet tas-suq. Barra minn hekk, abbażi tar-riżultati ta’ studji oħra ta’ test-MI li saru fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, kien jidher li setgħu jiġu osservati bidliet kbar f’każ ta’ żieda fil-prezz. Skont ir-rikorrenti, l-għażla ta’ limitu ta’ 10 % kienet għalhekk diġà stima prudenti. Ir-rikorrenti tiddikjara li, kieku kienet ippermettiet limitu ta’ 5 % bħala minimu ta’ bidla, it‑tendenza sabiex jirrikorru għat-tqassim elettroniku xorta kienet tkun iktar sinjifikattiva. Finalment, l-analiżi tar-riżultati tal-istħarriġ ma saritx b’rabta mal-volum tal-posta, iżda man-numru ta’ impriżi intervistati. B’rabta mal-volum tal-posta, it-tnaqqis f’każ ta’ żieda ipotetika ta’ 5 % kien ikun jerġa’ iktar sinjifikattiv.

94

Madankollu dan l-argument ma jurix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi aspetti tekniċi tal-mudell tal-istħarriġ kienu jikkontestaw il-validità tar-riżultati, hija żbaljata.

95

Fil-fatt, kif tiddikjara l-Kummissjoni, ir-riferiment għan-numru ta’ ittri mibgħuta mill-impriżi intervistati ma jsostnix l-allegazzjoni tar‑rikorrenti li perċentwali minimu ta’ 10 % kien jirrifletti aħjar ir‑realtà tas-suq, iktar u iktar peress li mill-punt 3.4.1 tal-istudju ACM jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-impriżi intervistati jibagħtu 1000 ittra jew iktar fix-xahar, jiġifieri [kunfidenzjali] % 1000 sa 2499 ittra, [kunfidenzjali] % 2500 sa 4999 ittra, [kunfidenzjali] % 5000 sa 9999 ittra u [kunfidenzjali] % iktar minn 10000 ittra. Fir-rigward tar-riżultati tal-istudji li saru fir-Renju Unit u fil-Ġermanja, kif tiddikjara l-Kummissjoni, minbarra l-fatt li dawn ma jirrigwardawx is‑suq Awstrijak u li dawn ghalhekk ma humiex, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, rilevanti sabiex jiġi ddefiniet is-suq inkwistjoni, mill-punt 3.4.1 tal-istudju ACM jirriżulta li dawn l-istudji kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-impriżi inkwistjoni kinux totalment jew ftit jew wisq inklinati sabiex jgħaddu għall-posta elettronika f’każ ta’ żieda fil‑prezz u għalhekk ma kinux jikkonċernaw il-kwistjoni dwar id-daqs ta’ tali bidla. Barra minn hekk, fir-rigward tal-istudju li sar fil-Ġermanja, jiġifieri l-istudju WIK 2009, minnu jirriżulta li r-riżultat tal-istħarriġ magħmul fil-kuntest ta’ dan l-istudju ġie interpretat fis-sens li l‑impriżi, fil-każ ta’ żieda tal-prezzijiet tal-ittri, għandhom iktar inklinazzjoni li jibdlu l-fornitur milli li jirrikorru iktar għall-posta elettronika.

96

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, kieku kienet ippermettiet l-għażla ta’ limitu ta’ 5 % bħala minimu ta’ bidla, it-tendenza li jirrikorru għat‑tqassim elettroniku kienet tkun jerġa’ iktar sinjifikattiva, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma ġie sostnut bl-ebda mod u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala infondat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-argument inkwistjoni jiġi aċċettat, il-livell li din it-tendenza setgħet tilħaq ma jirriżulta bl-ebda mod mill-proċess. L‑istess japplika għall-argument tar-rikorrenti li t-tnaqqis tat-tqassim postali kien ikun jerġa’ iktar sinjifikattiv li kieku l-analiżi tar-riżultati tal‑istħarriġ kienet saret b’rabta mal-volum tal-posta.

97

Min-naħa l-oħra, bħala risposta għall-kritika tal-Kummissjoni dwar il‑fatt li, fl-opinjoni tagħha, l-istħarriġ kollu kien juri distorsjoni sinjifikattiva fid-daqs tal-impriżi intervistati meta mqabbla mat-tqassim skont id-daqs tal-impriżi fl-ekonomija Awstrijaka, ir-rikorrenti tirrispondi li l-impriżi intervistati kienu jirrapreżentaw kundizzjonijiet reali tas-suq u ta’ volumi ta’ posta fuq is-suq tat-tqassim ta’ ittri. Hija tenfasizza li mill-istudju ACM jirriżulta li qabel xejn huma l-impriżi l‑kbar kollha li jipproċedu bil-posta, filwaqt li l-impriżi ż-żgħar ikollhom volumi inqas ta’ posta. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-istħarriġ sar b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tqassim skont id-daqs tal-impriżi fl-ekonomija, dan kien ikollu bħala konsegwenza li jikkawża distorsjoni ikbar fir-realtà tas-suq. Fil-fajl tal-klijenti professjonisti tagħha, ir-rikorrenti għandha 5641 klijent, u 160 minnhom kull sena jibagħtu ittri li jikkorrispondu għal [kunfidenzjali] % tal-volum totali tal-posta. Fid-dawl ta’ dawn il‑kundizzjonijiet reali tas-suq, ikun korrett li jiġu intervistati l-impriżi li jiġġeneraw volum ta’ posta adattat u mhux dawk li ma għandhom l-ebda rwol fis-suq. B’kollox, 57 mill-160 klijent professjonist prinċipali tar‑rikorrenti ħadu sehem fl-istħarriġ li jikkorrispondi għal volum ta’ madwar [kunfidenzjali] % tal-volum tal-posta tal-klijenti professjonisti kollha tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti inkludiet fl-istħarriġ lill‑impriżi żgħar li jibagħtu inqas minn 100 ittra fix-xahar, li jilħqu biss parti mill-[kunfidenzjali] % tal-volum ta’ posta, sa 8.4 %, għaliex id‑database tagħha ma tinkludix l-ispedituri postali li jiddepożitaw huma stess l-ittri tagħhom f’sussidjarja tal-posta. L-istħarriġ jikkostitwixxi għalhekk rappreżentazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li jista’ jkun li l-impriżi l‑kbar ikunu iktar inklinati li jirrikorru għall-posta elettronika. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, anki jekk numru żgħir tal-klijenti professjonisti l-kbar tagħha jirrikorru għall-posta elettronika, dan jista’ joħloq spejjeż ta’ infrastruttura ta’ netwerk li potenzjalment jgħaddu fuq il-kumplament tal-ispedituri, li jista’ jwassal sabiex dawn l-ispedituri jirrikorru huma wkoll għat-tqassim elettroniku.

98

Dan l-argument ma jurix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil‑premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi aspetti tekniċi tal-mudell tal-istħarriġ kienu jikkontestaw il-validità tar-riżultati, hija żbaljata.

99

Fil-fatt, peress li r-rikorrenti kellha sehem tas-suq ta’ madwar [kunfidenzjali] % fis-suq tas-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X nazzjonali, li huwa fatt stabbilit, għandu jiġi kkonstatat li kważi l‑impriżi Awstrijaċi kollha kienu klijenti tar-rikorrenti. Kif tiddikjara l‑Kummissjoni, sakemm ir-rikorrenti tikkunsidra hija stess plawżibbli li l-impriżi ta’ ċertu daqs huma iktar inklinati għas-sostituzzjoni elettronika, il-fatt li l-istħarriġ jikkonċentra fuq l-impriżi l-kbar jinvolvi r‑riskju li dan ma jirriflettix b’mod adattat ix-xewqat tal-klijenti impriżi żgħar u medji klijenti. Għal dak li jirrigwarda, f’dan ir-rigward, l‑allegazzjoni tar-rikorrenti li, anki jekk numru żgħir tal-klijenti professjonisti tagħha jirrikorru għall-posta elettronika, dan jista’ joħloq spejjeż ta’ infrastruttura ta’ netwerk li potenzjalment jgħaddu fuq il‑kumplament tal-ispedituri, din ukoll għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata. Fil-fatt, ir-rikorrenti stess tindika li l-prezzijiet tagħha huma strettament irregolati u li, konsegwentement, żieda fil-prezzijiet ma hijiex possibbli ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità regolatorja.

100

Barra minn hekk, kif tiddikjara l-Kummissjoni, anki jekk jingħad li l-volum ta’ ittri bil-posta tal-impriżi intervistati huwa l-kriterju t-tajjeb, ma jidhirx illi l-istħarriġ magħmul mal-impriżi intervistati ħa inkunsiderazzjoni r‑relazzjonijiet ta’ daqs. Fil-fatt, mill-istatistika Awstrijaka prodotta mill-Kummissjoni jirriżulta li fl-Awstrija kien hemm madwar 311000 impriża fl-2011. Kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 99 hawn fuq), kważi dawn l-impriżi kollha kienu klijenti tar-rikorrenti. Fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax, mingħajr ma tagħti spjegazzjoni f’dan ir-rigward, tiddikjara li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-5 641 klijent irreġistrati fil-fajl tagħha jiżguraw għażla rappreżentattiva tal-impriżi intervistati meta mqabbla mal-volum ta’ posta. Għall-kuntrarju, l-għażla tal-impriżi mill-fajl ta’ klijenti professjonisti tar-rikorrenti biss tista’ tagħti iktar piż lill-impriżi li għandhom volum qawwi ta’ ittri bil-posta, peress li jista’ jiġi preżunt li l-impriżi li għandhom volum żgħir ta’ ittri bil-posta għandhom inqas interess li jiġu inklużi fl-imsemmi fajl. Barra minn hekk, filwaqt li mill‑punt 3.4.1 tal-istudju ACM jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-impriżi intervistati kellhom volum ta’ posta ogħla minn 10000 ittra fix-xahar, ir-rikorrenti indikat, fir-risposta tagħha, li kien biss [kunfidenzjali] % minn dawn il-5 641 klijent li kellhom tali volum. Barra minn hekk, l‑impriżi l-kbar fost l-451 impriża intervistati fl-istħarriġ kienu ppreferuti b’mod qawwi sa fejn, skont ir-rikorrenti, 57 mill-160 impriżi kbar mill-fajl tal-klijenti tagħha pparteċipaw fl-istħarriġ, u għalhekk, mill-kumplament ta’ 5481 impriża, kienu biss 394 li pparteċipaw. Kif tiddikjara l-Kummissjoni, ir-rikorrenti lanqas ma wriet li l-impriżi ż-żgħar li jibagħtu inqas minn 100 ittra fix-xahar kienu rrappreżentati żżejjed fl-istħarriġ, kuntrarjament għal dak li hija ddikjarat. Fil-fatt, filwaqt li, skont ir-rikorrenti, [kunfidenzjali] % tal-5 461 klijent tal-fajl tagħha kienu impriżi żgħar, fl-istħarriġ inkwistjoni, dan il-grupp kien jirrapreżenta biss [kunfidenzjali] % tal-impriżi intervistati.

101

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li r-riżultati tat-test-MI kienu jikkorrispondu ma’ dawk ta’ studju ieħor magħmul fl-2012 li jikkonċerna l-Awstrija, fin-nuqqas li dan il-fatt jiġi stabbilit permezz tal-produzzjoni ta’ dan l-istudju, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

102

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li mill-istħarriġ magħmul jirriżulta li [kunfidenzjali] % tal-klijenti tagħha kienu qed jaħsbu sabiex fil-futur, anki jekk il-prezzijiet jibqgħu l-istess, jissostitwixxu t-tqassim bil-posta tal-ittri tagħhom permezz ta’ tqassim elettroniku. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li tali riżultat, li għall-bqija huwa ġenerali wisq, kien ivvizzjat bl-istess nuqqasijiet tekniċi bħal dawk li vvizzjaw ir-riżultati miksuba bi tweġiba għall-mistoqsija diretta ċentrali relatata mat-test-MI.

103

Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-mistoqsijiet indiretti saru, bl-użu ta’ teknika ta’ stħarriġ magħrufa, sabiex tiġi approfondita l-analiżi tas‑sitwazzjoni. Skont il-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, il-prodotti kollha meqjusa bħala sostitwibbli mill-konsumatur kienu inklużi fl-istħarriġ mal-klijenti u għalhekk ma kienx hemm distorsjoni favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

104

Kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 79 hawn fuq), mill-proċess jirriżulta li l-istħarriġ li kien jinkludi t-test-MI kien jinkludi wkoll mistoqsijiet indiretti. Permezz ta’ dawn il-mistoqsijiet li ma kinux jirrigwardaw b’mod dirett ir-reazzjoni tagħhom għaż-żieda fil-prezz, l-impriżi kellhom jindikaw liema kienu jagħżlu minn fost żewġ servizzi differenti ddefiniti b’serje ta’ karatteristiċi. Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat f’dan ir-rigward li, anki jekk ir‑riżultati tal-istħarriġ inkwistjoni kienu jidhru qed jindikaw li l-posta stampata u l-posta elettronika kienu jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni, ċerti aspetti tekniċi tal-mudell tal-istħarriġ kienu jikkontestaw il-validità tar-riżultati. Fl-opinjoni tagħha, pereżempju, il‑karatteristiċi kollha sabiex jiddefinixxu l-prodotti ntagħżlu b’mod li jista’ jwassal għal ċerta distorsjoni favur mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l‑mistoqsijiet indiretti magħmula lill-klijenti kienu organizzati fil-forma ta’ “pakketti” li kienu jinkludu, minbarra t-tqassim elettroniku u t‑tqassim bil-posta, aspetti suġġettivi li jirrikjedu evalwazzjoni, pereżempju, relatata mal-protezzjoni tal-ambjent, ir-rekwiżiti legali jew ta’ sigurtà. Din it-tip ta’ intervista jkollha r-riskju li fil-verità tillimita lill-impriża intervistata milli tesprimi preferenza partikolari. Barra minn hekk, huwa ċar li sensiela sħiħa ta’ dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni kienu magħmula b’tali mod li jiffavorixxu t-tqassim elettroniku.

105

Ir-rikorrenti tikkontesta din il-kritika u ssostni li bosta studji msemmija fil-punt 2.3.2 tal-istudju ACM jistabbilixxu li, minbarra l‑prezz, l-ispedituri jikkunsidraw preferenzi oħra meta jieħdu d‑deċiżjoni tagħhom. Abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-istudji, il‑kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ambjent, mas-sigurtà u mar-rekwiżiti legali jikkostitwixxu preferenzi murija b’mod empiriku. Huwa konformi mal-metodu normali u xjentifikament magħruf li dawn il-preferenzi jiġu integrati fl-istħarriġ. Skont ir-rikorrenti, il-preferenzi differenti tal‑ispeditur ġew meħuda inkunsiderazzjoni b’mod ekwilibrat fl‑istħarriġ.

106

Dan l-argument ma jurix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l‑aspetti tekniċi tal-mudell tal-istħarriġ hija żbaljata. Ma jidhirx li l‑Kummissjoni wettqet żbalji meta kkunsidrat li l-organizazzjoni tal-mistoqsijiet indiretti fil-forma ta’ “pakketti” li kienu jinkludu, minbarra t-tqassim elettroniku u t-tqassim bil-posta, aspetti suġġettivi li jirrikjedu evalwazzjoni, setgħet tiffalsifika r-riżultati tal-istħarriġ. Fil‑fatt, kif tiddikjara l-Kummissjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali aspetti suġġettivi seta’ jipprekludi lill-impriżi intervistati milli jesprimu l-vera preferenza tagħhom għat-tqassim elettroniku jew għat-tqassim postali. Minkejja li huwa minnu li l-istudji l-oħra ċċitati fil-punt 2.3.2 tal-istudju ACM indikaw ukoll fost l-aspetti favur tqassim elettroniku preferenzi oħra ta’ impriżi, jibqa’ l-fatt li mill-istudju ACM ma jirriżultax li dawn il-preferenzi differenti kienu diġà ġew użati bl-istess mod fil‑letteratura ekonomika rilevanti li tapplika t-teknika ta’ analiżi konġunta, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, billi llimitat ruħha sabiex tiddikjara li l‑preferenzi differenti ttieħdu inkusiderazzjoni b’mod ekwilibrat fl‑istudju ACM, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet li dan kien effettivament il-każ.

107

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

– Dwar it-tieni lment, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal‑prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk

108

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, fil‑premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi ta’ xokk mogħtija mir-rikorrenti ma kinitx tippermetti li jiġi kkonfermat li t-tqassim elettroniku u t-tqassim postali kienu sostitwiti konkreti. L‑analiżi tax-xokk tikkostitwixxi l-analiżi tat-tnaqqis fid‑domanda wara x-“xokk” li kkonsista fiż-żieda fil-prezzijiet mir‑rikorrenti, li seħħet f’Mejju 2011 u li kienet awtorizzata mir‑regolatur. Skont ir-rikorrenti, l‑elastiċità tad-domanda sa [kunfidenzjali] % f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % li toħroġ mit‑test‑MI baqgħet l‑istess bħall-elastiċità kkawżata miż-żieda fil‑prezzijiet li seħħet f’Mejju 2011, li kienet ta’ [kunfidenzjali] % jew ta’ [kunfidenzjali] % skont il-forniment tas‑servizz magħżul.

109

Fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“L-applikant ipprovda wkoll grafiki tal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u l‑prezzijiet, li ssuġġerew sensittività tal-kwantitajiet għall-prezzijiet ħafna inqas minn dik irrappurtata fl-analiżi permezz ta’ stħarriġ. Sabiex tiġi ċċarata din il-kontradizzjoni apparenti l-applikant intalab jipprovdi d-dejta reali użata biex ipproduċa l-grafiki u kkwantifika s-sensittività tad-domanda. Is-sensittività tad-domanda kkalkolata mill-applikant bl‑użu tad-dejta reali kienet tvarja bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] %, skont it-teknika użata. Minkejja dan, l-applikant ma użax l-analiżi ekonometrika standard biex jipproduċi dawk ir-riżultati. Ir-riżultati preliminari ta’ analiżi separata mwettqa mis-servizzi tagħna li użaw l-istess sett ta’ dejta u tekniki ekonometriċi standard għall‑istima tad-domanda fil-letteratura tal-ekonomija, jissuġġerixxu li s-sensittività tal-kwantitajiet għal bidliet fil-prezzijiet tista’ tkun baxxa daqs 3.1 %.”

110

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża mar-raba’ sentenza tal-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat:

“[Fl-]analiżi tad-domanda, il-prezz huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala varjabbli endoġenu. Din l-endoġeneità jeħtiġilha tiġi kkontrollata għas‑sensittività assoċjata tal-kwantitajiet għall-prezzijiet li għandha titqies bħala stima imparzjali tal-elastiċità. L-applikant ma wettaqx dan it-tip ta’ kontroll ta’ endoġeneità u ma ġġustifikax kif xieraq l‑eżoġeneità tal-prezzijiet, u assuma, mingħajr ġustifikazzjoni li l‑prezzijiet kienu eżoġeni.”

111

B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tuża wkoll l‑analiżi ta’ xokk bħala prova ta’ delimitazzjoni tas-swieq. Skont ir‑rikorrenti, ma hemmx kontradizzjoni ċara f’dak li jikkonċerna r‑riżultati tal-istħarriġ magħmul fil-kuntest tal-istudju ACM. Fl-analiżi tax-xokk, hija għamlet, għal raġunijiet prattiċi u kunsiderazzjonijiet tekniċi marbuta mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, distinzjoni bejn l-ittri standard iddepożitati għand sussidjarja kbira, li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali, u dawk direttament iddepożitati f’ċentru fejn jintgħażlu l-ittri, li ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ servizz universali, iżda li huma suġġetti għall-VAT. Għal Mejju 2011, hija kkalkolat elastiċità tad-domanda ta’ [kunfidenzjali] % għal żieda tal-prezzijiet ta’ 1 % f’dak li jikkonċerna l-ittri standard mhux suġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali u ta’ [kunfidenzjali] % f’dak li jikkonċerna dawk suġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali. Żieda fil-prezz indikata ta’ 5 % fil‑qasam ta’ test-MI twassal għal tnaqqis fid-domanda ta’ ittra standard ta’ [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] % rispettivament. Ir-riżultat tat‑test-MI, li stabbilixxa elastiċità tad-domanda ta’ [kunfidenzjali] %, huwa għalhekk konklużiv. Skont ir-rikorrenti, l-analiżi tax-xokk ġiet ikkonfermata permezz ta’ żewġ kundizzjonijiet ta’ probabbiltà, jiġifieri analiżi ekonometrika sempliċi u analiżi ekonometrika supplimentari. Fl‑aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi ekonometriċi li l‑Kummissjoni wettqet abbażi ta’ informazzjoni li hija kienet ipprovdiet la kienu adattati u lanqas biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata n‑natura affidabbli u komprensibbli tal‑analiżi tagħha. Filwaqt li r‑riżultat tal-ewwel analiżi tal‑Kummissjoni kien fl-istess livell ta’ daqs bħall-elastiċitajiet tad-domanda mkejla mir‑rikorrenti, jiġifieri [kunfidenzjali] %, it-tieni analiżi hija żbaljata minħabba l-fatt tal-użu ta’ varjabbli mhux relatati u ta’ data ta’ frekwenzi differenti.

112

Dan l-argument ma jurix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest.

113

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni tuża wkoll analiżi tax-xokk bħala prova ta’ delimitazzjoni tas-swieq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-utilità ta’ tali analiżi sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni. Il-Kummissjoni indikat li applikat il-metodu relatat mad-delimitazzjoni tas-suq kif previst fil‑komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq (ara l-punt 33 hawn fuq). Skont il-punt 38 ta’ din il-komunikazzjoni, wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni tikkunsidra rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha tas‑sostitwibbiltà ta’ żewġ prodotti fil-livell tad-domanda huwa l-prova ta’ sostituzzjoni fil-passat riċenti. Skont dan il-punt, f’ċerti każijiet, huwa possibbli illi jiġu dedotti elementi ta’ informazzjoni ta’ avvenimenti jew ta’ xokkijiet li seħħew reċentement fis-suq u li jikkostitwixxu eżempji konkreti ta’ sostituzzjoni ta’ żewġ prodotti. L-imsemmi punt jindika li, meta hija disponibbli, din l-informazzjoni hija ġeneralment fundamentali għad-definizzjoni tas-suq. Dejjem skont il-punt 38 tal‑komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, jekk il-prezzijiet relatati kienu diġà nbidlu fil-passat (filwaqt li l-kumplament baqa’ l‑istess), ir-reazzjonijiet f’termini ta’ kwantitajiet mitluba jkunu determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà.

114

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li kien hemm kontradizzjoni ċara bejn ir-riżultati tal‑istħarriġ li sar mir-rikorrenti u dawk tal-analiżi tax-xokk imwettqa minn din tal-aħħar minħabba l-fatt li l-grafika tal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet użati fil-kuntest tal-analiżi tax-xokk kienu jindikaw sensittività ċertament inqas tal-kwantitajiet għall‑prezzijiet meta mqabbla ma’ dik indikata fl-analiżi tal-istħarriġ inkwistjoni, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

115

Fil-fatt, kif tiddikjara l-Kummissjoni, mill-grafika li r-rikorrenti pprovdietilha jirriżulta li d-domanda kienet bdiet tonqos f’April 2011, jiġifieri qabel iż-żieda fil-prezzijiet mir-rikorrenti f’Mejju 2011. Minkejja li huwa minnu li d-domanda kompliet tonqos f’Mejju 2011, jibqa’ l‑fatt li ma jistax jiġi eskluż li r-raġunijiet eċċezzjonali li kienu wasslu għal tnaqqis sa mix-xahar ta’ April, jiġifieri, skont ir-rikorrenti, diskrepanzi bejn xi wħud mill-klijenti kbar tagħha, ukoll kkontribwixxew b’ċertu mod għat-tnaqqis ta’ Mejju 2011, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li s-sensittività tal-kwantitajiet mal‑prezzijiet kienet ċertament inqas meta mqabbla ma’ dik indikata fl‑analiżi tal-istħarriġ inkwistjoni.

116

Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss ix-xahar ta’ Mejju 2011 u mhux il-perijodu minn April sa Ġunju 2011, minħabba l-fatt li ż-żieda fil-prezzijiet analizzata daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011, l-argument tagħha ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, anki jekk mill-materjal pubbliċitarju tar‑rikorrenti bid-data ta’ Frar 2011 u prodott mill-Kummissjoni jirriżulta li ż‑żieda fil-prezzijiet imwettqa fl-1 ta’ Mejju 2011 kienet nġabet għall‑attenzjoni tal-pubbliku ħafna qabel, għandu jiġi rrilevat li dan il‑fatt ma jikkontestax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-klijenti tagħha jirreaġixxu b’mod differenti għaż-żidiet fil-prezzijiet.

117

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija pproċediet, sabiex issostni r‑riżultati tal-analiżi ta’ xokk, b’żewġ kontrolli ta’ probabbiltà, jiġifieri analiżi ekonometrika sempliċi u analiżi ekonometrika supplimentari. Fl-opinjoni tagħha, l-analiżi ekonometrika sempliċi tad‑data taħt il-forma ta’ analiżi ta’ rigressjoni kienet issostni l‑elastiċitajiet tad-domanda kkalkolata skont il-formula standard. F’din l-analiżi, l‑effetti staġjonali li setgħu jiġu osservati fis-settur postali kienu ġew mistħarrġa skont varjabbli inviżibbli. Minn din l-analiżi tirriżulta elastiċità ta’ [kunfidenzjali] % fil-preżenza ta’ żieda fil-prezz ta’ 5 %. Ir‑riżultat tal-analiżi ekonometrika supplimentari juri elastiċità ta’ [kunfidenzjali] % fil-preżenza ta’ żieda fil-prezz ta’ 5 %. B’mod supplimentari, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni evalwazzjoni tad-duttrina standard relatata mal-elastiċitajiet tad-domanda fis-settur postali li tikkonferma wkoll l-elastiċitajiet imkejla mir-rikorrenti fil‑preżenza ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ 1 %. Skont ir-rikorrenti, il‑Kummissjoni kkritikat biss l-analiżi ekonometrika supplimentari minħabba l-fatt li din ma tikkostitwixxix analiżi ekonometrika standard. F’din l-analiżi, ir-rikorrenti pproċediet għal analiżi ta’ rigressjoni billi użat il-volum ta’ ittri bħala varjabbli dipendenti spjegat u l-prezz tal‑ittri bħala varjabbli independenti li jispjega. F’każ tali, hemm endoġeneità, peress li l-varjabbli li jispjega jeżerċita influwenza fuq il-varjabbli spjegat. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, fl-istudji xjentifiċi tas-settur postali, il-problema magħrufa ta’ endoġeneità hija aċċettata. L-ipoteżi hija li l-prezzijiet tal‑ittri huma eżoġeni, li hija kkonfermata mill-analiżi prodotti mir‑rikorrenti. L‑analiżi ekonometrika supplimentari hija kkonfermata mill-fatt li hija twassal għall-istess riżultati bħall-analiżi l-oħra tar‑rikorrenti, fosthom l‑analiżi ekonometrika sempliċi li, skont ir‑rikorrenti, ma kinitx ivvizzjata bil-problema ta’ endoġeneità għaliex hija ma kinitx tintegra l‑prezz bħala varjabbli li jispjega. Kuntrarjament għal dak li tallega l‑Kummissjoni, l-użu ta’ analiżi ekonometrika standard għalhekk ma hijiex mitluba.

118

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-Kummissjoni kkritikat biss l-analiżi ekonometrika supplimentari minħabba l-fatt li din ma tikkostitwixxix analiżi ekonometrika standard u mhux l-analiżi ekonometrika sempliċi, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 21 tad‑deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-kritika magħmula mill‑Kummissjoni relatata mal-assenza ta’ analiżi ekonometrika standard kienet tikkonċerna biss l-analiżi ekonometrika supplimentari magħmula mir-rikorrenti. Fil-fatt, filwaqt li fl-imsemmija premessa kkonstatat li, minkejja l-fatt li s-sensittività tad-domanda kkalkolata mir-rikorrenti permezz tad-data konkreta kienet tvarja bejn [kunfidenzjali] % u [kunfidenzjali] %, skont it-teknika użata, ir‑rikorrenti madankollu ma kinitx użat l-analiżi ekonometrika standard sabiex tipproduċi dawn ir-riżultati, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ddistingwietx bejn l-analiżi ekonometrika sempliċi u l-analiżi ekonometrika supplimentari magħmula mir-rikorrenti. Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża mar-raba’ sentenza tal-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 110 hawn fuq) jirriżulta li l‑Kummissjoni rrifjutat iż-żewġ analiżi ekonometriċi tar-rikorrenti minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma kkunsidratx il-kwistjoni tal‑endoġeneità tal-prezzijiet u ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti li l‑prezzijiet kienu eżoġeni.

119

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-analiżi ekonometrika sempliċi ma kinitx ivvizzjata bil-problema tal‑endoġeneità tal-prezzijiet, għax din ma kinitx tintegra l-prezzijiet bħala varjabbli li jispjega, u hija għalhekk, fi kwalunkwe każ, analiżi valida, għandu jiġi kkonstatat, kif tikkonferma l-Kummissjoni, li, b’din l-analiżi, ir-rikorrenti fittxet li tipprova s-sensittività tad‑domanda għall‑prezzijiet jew ir-reazzjoni f’termini ta’ kwantità għax-xokk dovuta għaż-żieda tal-prezzijiet mill-1 ta’ Mejju 2011. Fil-fatt, minn din l‑analiżi jirriżulta li, skont din tal-aħħar, il‑formulazzjoni tad-domanda għal ittri bil-posta permezz tal-ekonometrija tippermetti li jiġi kkwantifikat it-tnaqqis tad-domanda dovuta għaż-żieda tal-prezz filwaqt li tiżola dan l-effett minn fatturi oħra. Din l-analiżi kienet tinkludi wkoll riżultat relatat mat-tnaqqis tal-volum dovut għaż-żieda tal-prezz. B’hekk, kif indikat ir-rikorrenti waqt is‑seduta, id-data meħuda inkunsiderazzjoni fil‑kuntest tal‑analiżi ekonometrika sempliċi kienet tirreferi preċiżament għall‑perijodu kkonċernat miż-żieda tal-prezzijiet li seħħet fl-1 ta’ Mejju 2011. L-analiżi ekonometrika sempliċi tar-rikorrenti kellha, konsegwentement, tinkludi l-fattur “prezz”.

120

It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, fl-istudji xjentifiċi fis-settur postali, il-problema magħrufa ta’ endoġeneità hija aċċettata u li l‑ipoteżi hija li l-prezzijiet tal-ittri huma eżoġeni, hija tirreferi biss għal studju intenzjonat sabiex isostni l-argument tagħha, mingħajr madankollu ma pproduċietu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni pproduċiet l-istudju inkwistjoni, li huwa ddedikat għall-elastiċità tal‑prezzijiet fis-suq postali fl-Istati Uniti. Kif hija ssostni, peress li l-kuntest regolatarju huwa kompletament differenti, ir-riżultati ta’ dan l‑istudju ma humiex utli għas-suq Awstrijak. Barra minn hekk, minn dan l-istudju jirriżulta li, anki għas-suq postali Amerikan, l-ipoteżi tal‑eżoġenità tal-prezzijiet hija deċiża b’mod inkorrett.

121

Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tiddikjara li ppreżentat lill‑Kummissjoni evalwazzjoni tad-duttrina standard relatata mal‑elastiċitajiet tad-domanda fis-settur postali li tikkonferma wkoll l‑elastiċitajiet imkejla minnha fil-preżenza ta’ żieda fil-prezz ta’ 1 %, filwaqt li tirreferi biss għal lista ta’ studji xjentifiċi mingħajr madankollu ma pproduċithom, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat l-analiżi ekonometriċi tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn l-istudji xjentifiċi ma jikkonċerna s-suq Awstrijak.

122

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-riżultati tal-analiżi ta’ rigressjoni tagħha jistgħu jiġu evalwati permezz ta’ żewġ kriterji ta’ kwalità. L-ewwel wieħed huwa t-test t. Skont ir-rikorrenti, jekk ir-riżultat tat-test t, jiġifieri l‑limitu p (probabbiltà), ikun inqas minn 0.05 jew 5 %, il‑varjabbli huwa meqjus bħala statistikament sinjifikattiv. F’dan il-każ, il-valuri kollha p taż-żewġ analiżi tar-rikorrenti huma inqas minn 0.05. It-tieni kriterju ta’ kwalità huwa l-koeffiċjent ta’ determinazzjoni R2. Dan tal‑aħħar jindika perċentwali ta’ varjazzjoni fil-varjabbli spjegat li jista’ jiġi spjegat mill-ekwazzjoni ta’ rigressjoni u għalhekk mill‑varjabbli li jispjegaw. Iktar ma l-R2 ikun qrib il-valur 1, iktar hija b’saħħitha s-setgħa spjegattiva tal-fattur ta’ influwenza eżaminat. Iktar ma tkun kbira s-setgħa spjegattiva tal-fattur, iktar ir-rigressjoni tkun tajba. Skont ir-rikorrenti, il-limiti ogħla minn 0.2 huma aċċettabbli, il‑limiti ogħla minn 0.4 jirrapreżentaw stimi tajba u l-limiti ogħla minn 0.5 jindikaw evalwazzjoni tajba ħafna tar-rigressjoni. Ir-rikorrenti tindika li, f’dan il-każ, dawn iż-żewġ analiżi jilħqu limiti eċċellenti, jiġifieri l‑analiżi ekonometrika sempliċi l-limitu ta’ 0.92 u l-analiżi supplimentari ekonometrika l-limitu ta’ 0.88.

123

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li l‑valuri p u l-limiti R2 ma setgħux isolvu l-problema ta’ endoġeneità. La t-test t u lanqas il-koeffiċjent R2 ma jagħtu indikazzjonijiet dwar ir-rabta każwali bejn il-fatturi differenti użati fl-analiżi ta’ rigressjoni u t-tnaqqis kwantitattiv, li tikkostitwixxi preċiżament il-kwistjoni ċentrali tal‑elastiċità tad-domanda.

124

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li r-riżultati taż-żewg analiżi ekonometriċi magħmula mill-Kummissjoni permezz tad-data li hija kienet ipprovdiet kienu żbaljati. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija użat il-varjabbli magħżula. Barra minn hekk, dawn l-analiżi ta’ rigressjoni kienu jikkonċernaw biss il‑perijodu sal-2012 u l-Kummissjoni użat perijodi ta’ osservazzjoni u frekwenzi differenti, li dan ma jikkorrispondi mal-ebda analiżi ekonometrika standard. F’dak li jikkonċerna l-ewwel analiżi ta’ rigressjoni tal‑Kummissjoni, ir-rikorrenti tiddikjara li l-prezz tal-ittri jispjega l‑volum tal-ittri, bħal fl-analiżi tagħha ekonometrika supplimentari. L‑ewwel analiżi ta’ rigressjoni tindika li l-volum tal-ittri naqas b’10.15 %, riżultat komparabbli ma’ dawk ipprovduti mir‑rikorrenti. Rigward it-tieni analiżi ta’ rigressjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ipproċediet bi stima permezz ta’ varjabbli strumentali. Hija ssostitwixxiet kemm il-varjabbli “spejjeż tal-port” kif ukoll il-varjabbli “linji fissi ta’ aċċess għall-broadband/linji ta’ abbonati u tifrix” biż‑żewġ varjabbli “modifika tal-prodott gross domestiku (PGD)” u “prezz tal-elettriku għall-klijenti industrijali”. Skont ir-rikorrenti, sabiex jikkostitwixxi strument, il-varjabbli “spejjeż tal-port” għandu jkollu rabta ta’ statistika mal-varjabbli “prezz tal-elettriku għall-klijenti industrijali”, li ma huwiex il-każ. Din l-assenza ta’ rabta għal perijodu twil kienet ikkonfermata minn testijiet standard ta’ kointegrazzjoni.

125

Dan l-argument ma jurix li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-ebda data ċerta u konklużiva ma tippermetti li jiġi kkonfermat li t-tqassim elettroniku u t‑tqassim postali huma sostituti konkreti, hija żbaljata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-oneru tal-prova rigward il-fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u fuq l-Istat Membru kkonċernat, peress li l‑Kummissjoni kellha biss setgħat limitati (ara l-punt 41 hawn fuq). Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li twettaq l-analiżi hija stess.

126

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li mill-aħħar sentenza tal‑premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 109 hawn fuq) jirriżulta espressament li l-analiżi mwettqa mis-servizzi tal‑Kummissjoni tat biss riżultati preliminari. Fl-ittra tagħha tal-4 ta’ April 2014 lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li l‑analiżi tagħha ma kellhiex tkun ikkunsidrata bħala analiżi definittiva tas-suq postali fl-Awstrija u li metodi iktar irfinati jew data aħjar setgħu jwasslu għal riżultati differenti. Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet relatati mal-analiżi magħmula mis-servizzi tal-Kummisjoni, li jinsabu fl-aħħar sentenza tal-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu raġunijiet supplimentari għal dawk esposti fil‑kumplament ta’ din il-premessa. Konsegwentement, anki jekk din l‑analiżi hija żbaljata, dan il-fatt ma għandux jimplika li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

127

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni kisret id‑dritt għal smigħ tagħha inkwantu din tal-aħħar ma tathiex aċċess għad‑data u l-kalkoli ekonometriċi tagħha qabel l-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa inammissibbli għaliex, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jikkorrispondi għall-Artikolu 84(1) tar‑Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, tali argument huwa wkoll infondat għaliex minn ittra tal-espert innominat mir-rikorrenti indirizzata lill-Kummissjoni bid-data tal-1 ta’ April 2014 jirriżulta li, anki jekk din tal-aħħar ma kinitx tat aċċess għad-data kollha tagħha, hija kienet madankollu tat il-possibbiltà lil dan l-espert li jiddiskuti l-analiżi ekonometrika tagħha.

128

It-tieni lment u, konsegwentement, it-tielet parti għandhom jiġu miċħuda.

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni relatata mal‑possibbiltà li tgħaddi ż-żidiet fl-ispejjeż lill-klijenti

129

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 24 li hija tista’ tgħaddi ż-żidiet fl-ispejjeż lill-klijenti tagħha. Fl-opinjoni tagħha, il-prezzijiet tagħha huma strettament irregolati u hija pproduċiet dokumenti eżawrjenti li juru li, f’każ ta’ żieda tal-prezzijiet, il-klijenti tagħha jirrikorru għal tqassim alternattiv. Fid-dawl tad-dinamika tas-suq, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hija għandha pożizzjoni dominanti hija mingħajr bażi u lanqas ma hija immotivata b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, skont stħarriġ ta’ sodisfazzjon tal-2013, [kunfidenzjali] % tal-klijenti l-kbar tagħha intervistati semmew is‑sostituzzjoni b’mezzi elettroniċi bħala r-raġuni ta’ tnaqqis tal-volum tagħhom ta’ posta mqassma mir-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, il‑Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova li tistabbilixxi li, kuntrarjament għar-riżultati ppreżentati minnha, it-tnaqqis globali tad‑daqs tas-suq tal-posta ma kienx relatat maż-żieda tas-sostituzzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi. Fl-opinjoni tagħha, minkejja li l‑Kummissjoni tipprevedi t-tisħiħ tal-komunikazzjonijiet u posta mhux stampata minflok ittri bil-posta, hija tiċħad kull rabta bejn it-tnaqqis tal‑ittri postali u ż-żieda tal-posta elettronika.

130

Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

“Il-Posta Awstrijaka se tkun f’qagħda li tgħaddi ż-żiediet fl-ispejjeż lill‑klijenti li, minħabba l-preferenza intrinżika tagħhom għat-twassil postali, ma jkollhom l-ebda għażla oħra għajr li jassumu ż-żieda fil‑prezz. Għall-istess raġuni, il-pożizzjoni dominanti b’mod ċar tal‑Posta Awstrijaka ma tagħtix garanzija li tnaqqis potenzjali fil‑prezzijiet se jingħadda lill-konsumaturi.”

131

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża mal-ewwel sentenza tal-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li żieda fit-tariffa kienet ġiet introdotta, f’Mejju 2011, wara l-approvazzjoni mill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ talba mir-rikorrenti.

132

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill‑kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-argument tar‑rikorrenti jirriżulta li din tal‑aħħar essenzjalment issostni fil-kuntest ta’ din il-parti, minn naħa, ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali u, min-naħa l-oħra, assenza ta’ fondatezza tal-motivazzjoni.

133

Fl-ewwel lok, rigward il-ksur allegat tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil‑premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata jissodisfaw ir-rekwiżiti tal‑obbligu ta’ motivazzjoni kif stabbiliti fil-punti 20 u 46 hawn fuq. Fil‑fatt, minn naħa, fir-rigward tal-konstatazzjoni li r-rikorrenti tista’ tgħaddi ż-żidiet fl-ispejjeż lill-klijenti li, fid-dawl tal-preferenza intrinsika tagħhom għat-tqassim postali, ma għandhomx għażla oħra ħlief li jassumu ż-żieda fil-prezz, min-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl‑ewwel sentenza tal-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għaż-żieda fil-prezz li seħħet f’Mejju 2011 fuq talba tar‑rikorrenti, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li tali riperkussjoni tkun possibbli anki jekk jiġi kkunsidrat il-fatt li żieda fil-prezzijiet għandha tkun approvata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Min‑naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni relatata mal‑konstatazzjoni li r-rikorrenti għandha pożizzjoni dominanti fis-suq Awstrijak, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, filwaqt li rreferiet għall-ittra tar‑rikorrenti tat-2 ta’ Diċembru 2013 li fiha din tal-aħħar kienet evalwat is-sehem tagħha fuq is-suq postali kummerċjali nazzjonali bħala [kunfidenzjali] %, li r-rikorrenti kellha maġġoranza kbira tas-suq tal-posta stampata.

134

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l‑fondatezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, dan lanqas ma għandu jintlaqa’. Fil-fatt, l‑ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li r-rikorrenti pproduċiet dokumenti eżawrjenti li juru li, fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet, il-klijenti tagħha jirrikorru għal tqassim alternattiv, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tagħmel riferiment għal ebda prova preċiża insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li l‑argument tagħha relatat mat-test-MI u mal-preżentazzjoni tal-grafiki tal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet diġà ġie miċħud fil‑kuntest tal-eżami tat-tielet parti ta’ dan il-motiv. It-tieni nett, fir‑rigward tal-argument li, fid-dawl tad-dinamika tas-suq, il‑konklużjoni tal‑Kummissjoni li r-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti kienet żbaljata, mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li l‑Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat, fil‑premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, ostakoli għas‑sostitwibbiltà tal-fatturazzjoni elettronika u għal dik postali kif ukoll tas‑sitwazzjoni tas-suq. It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni li, skont stħarriġ ta’ sodisfazzjon tal-2013, [kunfidenzjali] % tal-klijenti l-kbar tar-rikorrenti li ġew intervistati kienu semmew is-sostituzzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi bħala r-raġuni għat-tnaqqis fil-volum ta’ posta tagħhom imqassma mir‑rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, billi indikat biss ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ ta’ sodisfazzjon, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jirnexxielha tindika li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li t-tqassim elettroniku u t-tqassim postali ma kinux sostituti reali. Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l‑Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova, diġà tfakkar li l‑oneru tal‑prova rigward il-fatt li l-kundizzjonijiet previsti mill‑Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u fuq l-Istat Membru kkonċernat, peress li l‑Kummissjoni għandha biss setgħat limitati (ara l-punt 41 hawn fuq). Il-ħames nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il‑Kummissjoni bl-ebda mod ma ċaħdet l-eżistenza ta’ rabta bejn it‑tnaqqis tal-ittri postali u ż‑żieda tal-posta elettronika. Fil-fatt, fil‑premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li, jekk waħda mill-konsegwenzi prinċipali ta’ użu ikbar ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi kienet it-tnaqqis tad-daqs globali ta’ suq tal‑posta, hija ma setgħetx tikkonkludi li l-komunikazzjoni elettronika kienet introduċiet kompetizzjoni diretta fi ħdan is-suq tat-tqassim postali.

135

Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ dan il-motiv, bħal dan il-motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

136

Fir-rigward tat-talba sabiex jinstema’, bħala xhud, l-awtur tal-istudju ACM u tal-analiżi ta’ xokk (ara l-punt 43 hawn fuq), fid-dawl tal‑kunsiderazzonijiet preċedenti, abbażi tal-atti tal-proċess u minħabba t-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li taf biżżejjed u għalhekk hija f’pożizzjoni li tifhem il-kwistjonijiet ekonomiċi kkonċernati kollha sabiex tiddeċiedi jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żball manifest. Konsegwentement, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda dan il-motiv.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, rigward l-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali ta ’ ittri bl-indirizz C2X fuq il-livell nazzjonali

137

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 u li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil-premessi 34 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li s‑servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz C2X fuq il-livell nazzjonali ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Skont ir‑rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddelimitat is-suq inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li t‑tqassim elettroniku u t-tqassim postali ma kinux jagħmlu parti mill‑istess suq C2X nazzjonali. F’dan ir-rigward, ir‑rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni ċifri ineżatti relati mal-użu tal-internet fl-Awstrija u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni la l-istudji prodotti mir‑rikorrenti, la l-evoluzzjoni kostanti, u lanqas is-sostituzzjoni elettronika preżenti kullimkien. Sabiex issostni l-argument tagħha u tispjega l-istudju ACM u l-ittri tagħha lill-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru u tat-2 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti titlob li jinstema’, bħala xhud, l-espert tagħha, li huwa fost l-oħrajn l-awtur tal-istudju ACM.

138

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill‑kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il‑legalità tal-fondatezza tal-att ikkontestat (ara l-punt 132 hawn fuq). Mill‑argument tar-rikorrenti jirriżulta li, essenzjalment, din tal-aħħar ma ssostnix ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. Ir-rikorrenti iktar tixtieq tikkontesta l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċifri skorretti u ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha li kellha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni fl‑Awstrija (ara wkoll il‑punt 39 hawn fuq).

139

Mill-premessi 34 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi postali għal ittri bl-indirizz C2X fuq il-livell nazzjonali ma kinux direttament esposti għall‑kompetizzjoni fl-Awstrija u li, konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad‑Direttiva 2004/17 ma kienx japplika għall-kuntratti intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fl-Awstrija. Sabiex tasal għal din il‑konklużjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tal-prodotti inkwistjoni kien is‑suq tas-servizzi postali għall-ittri bl-indirizz C2X, li għalih is-sehem tas‑suq tar-rikorrenti kien ta’ bejn wieħed u ieħor [kunfidenzjali] %. Skont il-premessa 38 tad‑deċiżjoni kkontestata, it-tqassim elettroniku u t-tqassim postali għall-ittri bl-indirizz C2X ma jappartjenux għall-istess suq. F’dan ir‑rigward, fil-premessa 36 ta’ din id-deċiżjoni l‑Kummissjoni indikat li, skont l-istudju WIK 2013, kważi 30 % tal‑popolazzjoni fl-Awstrija qatt ma kienet użat l-internet, madwar 55 % tal-popolazzjoni ma kinitx użat servizzi bankarji fuq l-internet u 75 % ma kinitx timla formoli amministrattivi onlajn. Skont il-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova empirika addizzjonali sabiex issostni d-dikjarazzjonijiet tagħha u sabiex turi s‑sostitwibbiltà.

140

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċifri ċċitati fil-premessa 36 tad‑deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq l-istudju WIK 2013, relatat mal‑użu tal-internet fl-Awstrija huma ineżatti u ma humiex rilevanti f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Fl-opinjoni tagħha, dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) tikkonferma li fl-2012 kien hemm biss 17 % tal-popolazzjoni Awstrijaka li ddikjarat li kienet għadha ma użatx l-internet. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu bħala referenza l-unitajiet domestiċi li minnhom iktar minn 80 % kellhom aċċess għall-internet fl-2013 skont id-data tal‑Eurostat. Bejn l-2002 u l-2012, il-porzjon tal-unitajiet domestiċi li kellhom aċċess għall-internet fl-Awstrija tela’ minn 34 % għal 79 % u l-porzjon tal-unitajiet domestiċi li kellhom aċċess għall‑internet broadband tela’ minn 10 % għal 77 % bejn l-2003 u l‑2012. Barra minn hekk, fl-2013, 75 % tal-Awstrijaċi użaw l‑internet sabiex jibagħtu posta elettronika, u fosthom l-utenti ta’ bejn l‑25 u l-64 sena kienu jirrapreżentaw l-ikbar parti tagħhom. Skont ir‑rikorrenti, f’dak li jikkonċerna d-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni, huwa biss l-użu tal‑funzjoni tal-posta elettronika li huwa importanti peress li, pereżempju, fatturi bħala dokumenti annessi fil-format PDF setgħu jintbagħtu wkoll. Ir‑rikorrenti iżżid li dawn l-evoluzzjonijiet huma wkoll konformi mal‑esperjenza tal-ħajja għaliex, minn naħa, il‑komunikazzjoni bejn il-konsumaturi titwettaq permezz ta’ posta elettronika, messaġġi qosra (sms) u servizzi oħra simili u, min‑naħa l-oħra, l-ittri bil-posta ma għadhomx jinkitbu iktar ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Fl‑aħħar nett, skont ir-rikorrenti, għad‑delimitazzjoni tas-suq huwa sinjifikattiv li d-disponibbiltà tal‑internet għall-impriżi fl-Awstrija kienet ta’ kważi 100 % fl-2012.

141

Dan l-argument ma jurix li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest inkwantu sa fejn ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq provi ineżatti.

142

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-oneru tal-prova rigward il‑fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) tad‑Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u l-Istat Membru kkonċernat, peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, meta mqabbla mas-setgħat ta’ stħarriġ wiesgħa mogħtija fil-kuntest tal‑applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mir-Regolament Nru 1/2003 u mir-Regolament Nru 139/2004, għandha biss setgħat limitati (ara l-punt 41 hawn fuq). Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17 għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 54; tat-12 ta’ Ottubru 2011, Dimos Peramatos vs Il-Kummissjoni, T‑312/07, EU:T:2011:587, punt 95, u tal-15 ta’ Lulju 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑463/07, EU:T:2014:665, punt 108).

143

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, wara l-istedina tal-Kummissjoni sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jipprovdu informazzjoni addizzjonali sabiex isostnu d-dikjarazzjonijiet tar‑rikorrenti.

144

It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li ċ-ċifri bbażati fuq l‑istudju WIK 2013 rigward l-użu tal-internet fl-Awstrija huma ineżatti u li ma humiex rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax d-data li tirriżulta mill-istudju WIK 2013 b’mod ġenerali. B’mod partikolari, hija ma tiddikjarax li dan l-istudju huwa bbażat fuq data żbaljata. Għall-kuntrarju, matul il-proċedura amministrattiva, kienet ir-rikorrenti li ppreżentat dan l-istudju. Barra minn hekk, insostenn tal-argument tagħha relatat mal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fis-swieq B2X u C2X, ir-rikorrenti rreferiet għal dan l-istudju sabiex tindika li, fl-opinjoni tagħha, it-tnaqqis ta’ ittri mibgħuta bil-posta kellu jiġi attribwit b’mod partikolari għas‑sostituzzjoni elettronika. Mill-bqija, għandu jiġi rrilevat li l‑istudju WIK 2009, jiġifieri l-istudju ta’ qabel l-istudju WIK 2013 li sar mill-istess kumpannija ta’ konsulenti, ġie ċċitat kemm-il darba fl‑istudju ACM tar-rikorrenti.

145

It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jidhirx li huwa żbaljat fil-kuntest ta’ din id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni li jsir riferiment għall-fatt li madwar 55 % tal-popolazzjoni ma tużax is‑servizzi bankarji fuq l-internet u li 75% tal-popolazzjoni ma timliex formoli amministrattivi onlajn. Kif tiddikjara l-Kummissjoni, dawn iċ‑ċifri huma rilevanti għad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għaliex jikkonċernaw il-partijiet essenzjali tas-suq C2X, li jinkludi ittri bejn individwi u ittri bejn individwi u professjonisti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-argument tar-rikorrenti li huwa biss l-użu tal-funzjoni tal-posta elettronika li huwa importanti peress li, pereżempju, fatturi bħala dokumenti annessi fil-format PDF setgħu jintbagħtu wkoll, ma għandux jintlaqa’ f’dak li jikkonċerna s-suq C2X. Fil-fatt, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet li ma kinux jintbagħtu ħafna fatturi minn individwi f’dan is-suq.

146

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l‑komunikazzjoni bejn il-konsumaturi ssir permezz ta’ posta elettronika, sms u servizzi oħra simili u li l-ittri bil-posta ma kinux għadhom jinkitbu iktar ħlief f’każijiet eċċezzjonali, hemm lok li jiġi rrilevat li dan ma ġiex sostnut bi provi. F’dak li jikkonċerna, f’dan ir-rigward, dokument tal-awtorità regolatorja Ġermaniża ta’ Novembru 2014, għandu jiġi kkonstatat li, peress li dan ġie prodott fl-istadju tar-replika mingħajr ebda ġustifikazzjoni dwar għaliex ġie ppreżentat tard, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont l‑Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Barra minn hekk, diġà tfakkar li l-legalità ta’ att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat (ara l-punt 64 hawn fuq). Barra minn hekk, ir‑rikorrenti lanqas ma tiddikjara li d-dokument tal-awtorità regolatorja Ġermaniża jirreferi għas-sitwazzjoni tal-Awstrija. Fl-aħħar nett, kif tiddikjara l‑Kummissjoni, mill-punt 5.2.2.2 tat-talba tar-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar, fl-2012, bagħtet madwar [kunfidenzjali] ittri ta’ individwi.

147

Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li huwa sinjifikattiv għad-delimitazzjoni tas-suq li d-disponibbiltà tal-internet għall-impriżi fl‑Awstrija kienet ta’ kważi 100 % fl-2012, jekk jitqies li dan huwa stabbilit, għandu jitfakkar li, fis-suq C2X, huwa partikolarment sinjifikattiv li l-individwi jkollhom internet sabiex ikunu jistgħu jibagħtu l-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom.

148

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni la l-istudji li hija pproduċiet, la l-evoluzzjoni kostanti u lanqas s-sostituzzjoni elettronika preżenti kullimkien. F’dan ir‑rigward, hija tirreferi għar-rapport ġenerali tagħha tal-evoluzzjoni tas‑suq B2X fir-rikors, għall-istudju WIK 2013, għall-istudju ACM, għall-punt 5 tal-ittra tagħha tat-8 ta’ Novembru 2013 lill-Kummissjoni u għall-punti 3 u 4 tal-ittra tagħha lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni skorrettament evalwat biss l-istudju WIK 2013 li hija pproduċiet.

149

Dan l-argument lanqas ma jindika li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest sa fejn ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

150

Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-argument tagħha relatat mad-delimitazzjoni tas-suq B2X, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Kummissjoni kkunsidratha fil-kuntest tal-eżami tagħha tas-suq B2X tagħha, kif jirriżulta mill-premessi 14 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, u li kien ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma żiedet l-ebda element addizzjonali. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, kif tiddikjara l‑Kummissjoni, li r-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet li l-istħarriġ mal‑impriżi u l-istudji relatati mal-istruttura tad-domanda tal-impriżi kienu japplikaw ukoll għall-istruttura tad-domanda tal-individwi u li għalhekk dawn kienu jikkostitwixxu data rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-eżami tad-definizzjoni tas-suq C2X.

151

It-tieni nett, fir-rigward tar-riferiment globali għall-istudju WIK 2013, għall-istudju ACM, għall-punt 5 tal-ittra tar-rikorrenti lill-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2013 u għall-punti 3 u 4 tal-ittra tagħha lill‑Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal‑Artikolu 44(1)(c) tar‑Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u jagħti espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u ssupplimentat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal testi partikolari ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, annessi wkoll mar‑rikors, ma jistgħux jagħmlu tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal‑argumenti legali li għandhom jidhru fir-rikors, għaliex ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il‑motivi u l‑argumenti li tista’ tikkunsidra bħala l-bażi tar-rikors, peress li l‑funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il‑Kummissjoni, T‑175/12, EU:T:2015:148, punt 354 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Marzu 2015, Slovenská posta vs Il-Kummissjoni, T‑556/08, EU:T:2015:189, punt 434 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, dan ir-riferiment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

152

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

153

Fir-rigward tat-talba sabiex jinstema’, bħala xhud, l-espert tar-rikorrenti (ara l-punt 137 hawn fuq), fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, abbażi tal-atti tal-proċess u minħabba t-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li taf biżżejjed u għalhekk hija f’pożizzjoni li tifhem il‑kwistjonijiet ekonomiċi kkonċernati kollha sabiex tiddeċiedi jekk l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żball manifest. Konsegwentement, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda dan il-motiv.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, rigward l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tas-suq tas-servizzi postali ta ’ ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il-livell internazzjonali

154

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 u vvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil-premessi 43 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi postali tal-ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il‑livell internazzjonali ma kinux direttament esposti għall‑kompetizzjoni fl-Awstrija. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddelimitat is-suq inkwistjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tas-swieq nazzjonali B2X u C2X. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, is-sehem tagħha fis-suq tal-ittri bil-posta inkwistjoni kien naqas b’[kunfidenzjali] % u li, minħabba kompetizzjoni qawwija, din kompliet tonqos kontinwament bejn l-2010 u l-2012, fatt li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha billi kkunsidrat b’mod żbaljat u mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti li separazzjoni tas-suq inkwistjoni f’oqsma sussidjarji B2X internazzjonali u C2X internazzjonali kienet neċessarja. Fi kwalunkwe każ, hija pprovdiet lill-Kummissjoni stimi ta’ ishma tas‑suq tas-swieq B2X internazzjonali u C2X internazzjonali rispettivament. Il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn, fl-opinjoni tagħha, dawn l-stimi ma kinux kredibbli. Mill-inqas, skont l‑argument tagħha stess, il-Kummissjoni kellha teżenta s-suq B2X internazzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17. Sabiex issostni l-argument tagħha u tispjega l-istudju ACM u l-ittra tagħha lill‑Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti titlob li jinstema’, bħala xhud, l‑espert tagħha, li huwa fost l-oħrajn l-awtur tal-istudju ACM.

155

Mill-premessi 43 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 ma kienx japplika għall-kuntratti intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju ta’ servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il-livell internazzjonali fl‑Awstrija. Skont il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni rrifjutat id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-mod ta’ tqassim tal-posta transkonfinali kien newtrali fuq il-pjan teknoloġiku u li s-servizzi ta’ tqassim elettroniku u postali kienu jappartjenu lill-istess suq inkwistjoni, essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dak li jirrigwarda s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il-livell nazzjonali. Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li l-kompetizzjoni għall-ittri postali transkonfinali kienet differenti ħafna għall-persuni privati u għall‑impriżi, li l-persuni privati ġeneralment ma kellhomx għażla reali oħra ħlief li jibagħtu l-posta internazzjonali tagħhom mal-fornitur tas-servizz universali nazzjonali tagħhom u li l-volumi mibgħuta mill‑persuni privati kienu ġeneralment baxxi wisq sabiex jinkoraġġixxu parteċipanti ġodda biex jidħlu fis-suq. Skont il-premessa 47 tad‑deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni kompetittiva kienet tiddependi wkoll mid-daqs u mill-popolazzjoni ta’ kull belt minħabba l-fatt li l‑fornituri ta’ servizzi transkonfinali ma kinux joperaw netwerk ta’ aċċess fuq livell nazzjonali, iżda ġeneralment kienu jiġbru l-posta direttament mill‑indirizz tal-klijent. Fil-premessi 48 u 49 ta’ din id-deċiżjoni, il‑Kummissjoni indikat li l-prassi preċedenti tagħha kienet tagħmel distinzjoni bejn is-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz B2X u s-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz C2X u li ma hemm l-ebda evidenza li s-sitwazzjoni hija differenti fl-Awstrija. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, għandhom jiġu kkunsidrati żewġt iswieq ta’ prodotti separati, jiġifieri s-servizzi postali transkonfinali għall-ittri bl-indirizz B2X għal barra u s-servizzi postali transkonfinali għall-ittri bl-indirizz C2X għal barra. Skont il‑premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar l-ishma tagħha tas-suq fuq kull suq inkwistjoni, lanqas dwar l-ishma tas-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fl-assenza ta’ informazzjoni dwar il-grad ta’ kompetizzjoni f’kull wieħed minn dawn is-swieq, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall‑għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2014/17 għas‑servizzi postali transkonfinali għall-ittri bl-indirizz B2X għal barra u għas-servizzi postali transkonfinali għall-ittri bl-indirizz C2X għal barra fl-Awstrija kienu ssodisfatti.

156

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball billi ddelimitat is-suq inkwistjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dak li jirrigwarda s-swieq nazzjonali B2X u C2X, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn ir-raġunijiet diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u t-tielet motivi, li jikkonċernaw preċiżament is-swieq B2X u C2X nazzjonali.

157

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha billi kkunsidrat b’mod żbaljat u mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward li separazzjoni tas-suq inkwistjoni f’oqsma sussidjarji B2X internazzjonali u C2X internazzjonali kienet neċessarja.

158

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r‑rikorrenti, il-Kummissjoni ma rreferietx biss b’mod globali, fil‑premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi preċedenti tagħha. Fil-fatt, minn naħa, min-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża mal-imsemmija premessa, li tirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet għal kawża preċedenti speċifika. Min-naħa l-oħra, hija indikat, fil‑premessi 46, 47 u 49 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet li għalihom, fl‑opinjoni tagħha, kellha tiġi stabbilita distinzjoni bejn is-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz B2X u s-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz C2X. Fl-opinjoni tagħha, il-kompetizzjoni kienet differenti ħafna u kellu jiġi kkunsidrat il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni kienet ukoll dipendenti fuq id‑daqs jew il-popolazzjoni ta’ kull belt. Ma kien hemm l-ebda prova, skont il-Kummissjoni, li s-sitwazzjoni kienet differenti fl-Awstrija. Tali motivazzjoni hija, fid-dawl tar-rekwiżiti msemmija fil-punti 20 u 46 hawn fuq, biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

159

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li s-separazzjoni tas-suq inkwistjoni f’żewġ oqsma sussidjarji B2X internazzjonali u C2X internazzjonali kienet neċessarja, ir-rikorrenti essenzjalment sempliċement iddikjarat li l-informazzjoni li tikkonċerna l-ishma tas-suq isseparati f’dawn l-oqsma sussidjarji ma tistax tiġi pprovduta. Issa, tali argument ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabilixxiet distinzjoni bejn is-servizzi postali transkonfinali għas‑suq tal-ittri bl-indirizz B2X u s-servizzi postali transkonfinali għas‑suq tal-ittri bl-indirizz C2X. Fil-fatt, minn naħa, dan l‑argument bl-ebda mod ma jikkontesta r-raġunijiet ipprovduti mill‑Kummissjoni fil‑premessi 46 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata favur tali distinzjoni (ara l-punt 155 hawn fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l‑istudju WIK 2013, li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni mir-rikorrenti, kien jikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil‑premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, filwaqt li r-rikorrenti użat, fit-talba tagħha, distinzjoni bejn is-swieq B2X u C2X fuq il-livell nazzjonali, hija ma tat l-ebda raġuni li għaliha hija ma kellhiex tagħmel l-istess fir-rigward tas-swieq B2X u C2X fuq il-livell internazzjonali, la fit-talba tagħha u lanqas fl-ittra tagħha lill-Kumissjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014, li tirrifjuta preċiżament din id‑distinzjoni, kif tiddikjara l-Kummissjoni.

160

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni stimi ta’ ishma tas-suq rispettivi tas-swieq tal-ittri bl-indirizz B2X u C2X internazzjonali fil-punt 2.1 tal-ittra tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2013 u li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn, fl-opinjoni tagħha, l-stimi tagħha ma kinux kredibbli. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 2.1.3 ta’ din l-ittra, ir-rikorrenti tat biss stimi għal suq globali B2X u C2X internazzjonali, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet distinzjoni bejn is-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz B2X u s-servizzi postali transkonfinali għas-suq tal-ittri bl-indirizz C2X. Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija kkomunikat, fil‑punt 5 tal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, l-istimi mitluba mill‑Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan il-punt jinkludi s-sehem tal‑posta C2X fil-volum ġenerali tal-ittri tar-rikorrenti, li ma jippermetti l-ebda konklużjoni fir-rigward tas-sehem tas-suq fis-suq tal-posta C2X fuq il-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk tikkonstata, ġustament u mingħajr ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma setgħetx tagħti informazzjoni ddettaljata dwar l-ishma tas-suq tagħha f’kull suq inkwistjoni, u lanqas dwar l-ishma tas-suq tal‑kompetituri ewlenin tagħha.

161

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tiddikjara li, mill-inqas, skont l‑argument tagħha stess, il-Kummissjoni kellha teżenta s-suq B2X internazzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17. Skont ir‑rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li, skont il-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi tagħha ma kinux sostitwibbli fis-suq C2X internazzjonali, minn dan kien jirriżulta li s-sehem tagħha tas-suq B2X internazzjonali kellu jkun ħafna inqas minn [kunfidenzjali] %, li jikkorrispondi wkoll mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil‑premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetituri tar-rikorrenti kienu jinstabu prinċipalment fis-setturi urbani.

162

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, il‑Kummissjoni ma kkontestatx li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fis-suq tas-servizzi postali tal-ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il-livell internazzjonali kien inqas minn [kunfidenzjali] %, kif jirriżulta mill‑punt 5.2.2.2 tat-talba tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, kif tiddikjara r-rikorrenti, mill-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s‑servizzi inkwistjoni tagħha ma kinux sostitwibbli fis-suq C2X internazzjonali għaliex, skont il-Kummissjoni, il-persuni privati ġeneralment ma jkollhomx għażla oħra reali ħlief li jibagħtu l-posta internazzjonali tagħhom mal-fornitur tas-servizz universali nazzjonali tagħhom. Minn dan isegwi li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fis-suq tas‑servizzi postali tal-ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali kellu jkun ħafna inqas minn [kunfidenzjali] %, fatt li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li dawn is-servizzi postali ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni. Fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma eżentatx is-servizzi postali tal-ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17.

163

Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jikkonċerna s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali. Huwa għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz C2X fuq il-livell internazzjonali.

164

Fir-rigward tat-talba sabiex jinstema’, bħala xhud, l-espert tar-rikorrenti (ara l-punt 154 hawn fuq), fid-dawl tal‑kunsiderazzonijiet preċedenti, abbażi tal-atti tal-proċess u minħabba t-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li taf biżżejjed u għalhekk hija f’pożizzjoni li tifhem il‑kwistjonijiet ekonomiċi kkonċernati kollha sabiex tiddeċiedi jekk l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żball manifest. Konsegwentement, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda dan il-motiv.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, rigward l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali

165

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil-premessi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali ma kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni fl‑Awstrija. Skont ir-rikorrenti, wara l-liberalizzazzjoni kompleta tas‑servizzi postali, ma baqax iġġustifikat li ssir distinzjoni bejn ittri bl-indirizz B2X nazzjonali u reklamar bl-indirizz. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddelimitat is-suq inkwistjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti għas-suq B2X nazzjonali. Barra minn hekk, bosta studji wrew li s-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz kien naqas b’mod drastiku minħabba s‑sostituzzjoni elettronika. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-istudji ppreżentati mir‑rikorrenti, iżda sempliċement irreferiet għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha li jikkonċernaw suq ieħor ġeografiku u ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-dinamika tal-evoluzzjoni tas-suq tal‑komunikazzjoni.

166

Mill-premessi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi postali għal reklamar bl‑indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija u li, konsegwentement, l‑Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 ma kienx japplika għall-kuntratti intiżi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn is-servizzi fl-Awstrija. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil‑premessa 51 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-posta ta’ reklamar bl-indirizz kienet iddefinita bħala l-posta li tikkonsisti biss f’dokumenti ta’ reklamar jew ta’ marketing u li jkun fiha messaġġ identiku. Skont din il-premessa, dan it-tip ta’ posta ta’ reklamar, li setgħet tiġi indirizzata lil impriżi jew lil persuni privati, kellu jkollu l-isem u l-indirizz tal-klijent fuqu, u kien suġġett għall-qbil tal-klijent, li kellu jaċċetta li jirċievi din l-informazzjoni. Fil‑premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet id‑dikjarazzjoni tar-rikorrenti li s-suq tal-posta ta’ reklamar bl-indirizz seta’ jkun inkluż fis-suq tas-servizzi postali B2X għall-ittri bl-indirizz, minħabba l-fatt li, fl-opinjoni tagħha, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova empirika f’dan ir-rigward u li din id-dikjarazzjoni ma kinitx konformi mad-Deċiżjoni 2007/564/KE, tas-6 ta’ Awwissu 2007, li teżenta xi servizzi fis-settur postali fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 215, p. 21) tagħha. Hija għalhekk ikkonstatat, fil-premessi 53 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tal-prodotti inkwistjoni kien is-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz li minnu r-rikorrenti kellha sehem fis‑suq ta’ [kunfidenzjali] %.

167

Għandu jkun irrilevat li, anki jekk jingħad li, kif tallega r-rikorrenti, l-ittri bl‑indirizz B2X nazzjonali u l-posta ta’ reklamar bl-indirizz jappartjenu għall-istess suq, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jikkontesta l‑fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li s-suq tal-prodotti inkwistjoni għas-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali kien is-suq tas-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X li fih ir-rikorrenti kellha sehem fis-suq stmat bħala [kunfidenzjali] % (ara t‑tieni motiv) u peress li huwa stabbilit li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fis-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali kien ukoll ta’ [kunfidenzjali] %, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx direttament esposta għall-kompetizzjoni fl-Awstrija f’dan is-suq.

168

Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fil‑premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq ta’ prodotti inkwistjoni kien is-suq tas-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz. Fil‑fatt, insostenn tal-argument tagħha li, wara l‑liberalizzazzjoni kompleta tas‑servizzi postali, ma baqax iġġustifikat li ssir distinzjoni bejn ittri bl-indirizz B2X nazzjonali u reklamar bl-indirizz, ir-rikorrenti tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-premessa 17 tad-Direttiva 2008/6 li tipprovdi li posta ta’ reklamar li tikkonsisti unikament minn materjal ta’ pubbliċità jew kummerċjalizzazzjoni u li fiha messaġġ identiku, ħlief għall-isem tal‑indirizzat, l-indirizz u n‑numru ta’ identifikazzjoni tiegħu, tista’ tkun ikkunsidrata bħala oġġett ta’ korrispondenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li l-fatt li d‑Direttiva 2008/6 tikkunsidra, minn perspettiva regolatorja, il-posta ta’ reklamar bl-indirizzat bħala oġġett ta’ korrispondenza ma tippreġġudikax id-definizzjoni korretta tas-suq inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami tal‑Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17. Barra minn hekk, kif tiddikjara l‑Kummissjoni, l-istudju WIK 2013, prodott mir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva, lanqas ma jikkunsidra li l-ittri bl-indirizz B2X nazzjonali u l-posta ta’ reklamar bl-indirizz jappartjenu għall-istess suq. Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li l-istudju ACM jikkunsidra l-posta ta’ reklamar bl-indirizz l-istess bħal prodott speċifiku u li minn dan l-istudju jirriżulta li t-tariffikazzjoni tar-rikorrenti għall-posta ta’ reklamar b‑indirizz u għall-posta B2X hija differenti.

169

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li bosta studji urew li s-suq tas‑servizzi postali għal reklamar bl-indirizza naqas b’mod qawwi minħabba s-sostituzzjoni elettronika. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-istudji ppreżentati mir-rikorrenti fit-talba tagħha u l-Kummissjoni sempliċement irreferiet għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha li jikkonċernaw suq ieħor ġeografiku u li ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-dinamika tal-evoluzzjoni tas-suq tal-komunikazzjoni.

170

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn ir-rikorrenti sempliċement irreferiet, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex teżamina l-kwistjoni dwar jekk teżistix sostituzzjoni mit-tqassim elettroniku għat-tqassim postali f’dak li jikkonċerna s-servizzi postali għal reklamar bl-indirizz fuq il‑livelli nazzjonali u internazzjonali, għal argumenti u studji ppreżentati fit-talba tagħha, diġà tfakkar li s-sempliċi riferiment għall‑annessi ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argumenti legali li għandhom jidhru fir-rikors, għaliex ma huwiex id-dmir tal‑Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l‑argumenti li tista’ tikkunsidra bħala l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara l-punt 151 hawn fuq). Konsegwentement, dan ir-riferiment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

171

Fi kwalunkwe każ, huwa stabbilit li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti għall‑posta ta’ reklamar bl-indirizz fl-Awstrija kien ta’ [kunfidenzjali] %, kif jirriżulta mill-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-ittra tar-rikorrenti tat-2 ta’ Diċembru 2013. Fid-dawl ta’ tali perċentwali u tal-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat, fil‑premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-liberalizzazzjoni tas-suq postali tal-posta għal reklamar bl-indirizz minn Jannar 2011 kienet, fil‑mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, wasslet għal żieda fis-sehem tas-suq globali għall-kompetituri stmata ta’ [kunfidenzjali] % biss, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li ma kienx hemm espożizzjoni diretta għall‑kompetizzjoni fl-Awstrija tas-servizzi postali għal reklamar bl‑indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali. Fil-fatt, billi sempliċement irreferiet, b’mod ġenerali, għat-tnaqqis fis-suq ta’ servizzi postali għal reklamar bl-indirizz, ir-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ element rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tkun evalwata s-sitwazzjoni tas-suq inkwistjoni fir-rigward tal‑ishma tas-suq imsemmija hawn fuq.

172

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni sempliċement irreferiet għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha li jikkonċernaw suq ieħor ġeografiku u li ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-dinamika tal-evoluzzjoni tas-suq tal‑komunikazzjoni, dan għandu wkoll jiġi rrifjutat. Fil-fatt, fil‑premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra r-riferiment għad‑Deċiżjoni tagħha 2007/564, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li r‑rikorrenti ma kienet ipprovdiet l-ebda prova empirika insostenn tad‑dikjarazzjoni li s-suq tal-posta ta’ reklamar bl-indirizz seta’ jkun inkluż fis-suq tas-servizzi postali B2X għall-ittri bl-indirizz.

173

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tad‑Direttiva 2004/17 u fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, rigward l‑espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali għal reklamar mingħajr indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali

174

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/17 u wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil-premessi 57 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi postali għal reklamar mingħajr indirizz fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali ma kinux esposti direttament għall-kompetizzjoni fl‑Awstrija. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti, din kienet tasal għall-konklużjoni li r‑rikorrenti kellha fl-2012 sehem mis-suq stmat ta’ [kunfidenzjali] % biss mis-suq ta’ reklamar mingħajr indirizz. Fir-replika, ir-rikorrenti talbet li jinstema’, bħala xhud, l-espert tagħha.

175

Mill-premessi 57 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija u li, konsegwentement, l‑Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 ma kienx japplika għall-kuntratti intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fl-Awstrija. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil‑premessa 57 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-posta ta’ reklamar mhux indirizzat kienet ikkaratterizzata mill-assenza ta’ indirizz ta’ destinazzjoni preċiża u li kienet tikkonsisti f’posta ta’ reklamar mhux mitluba, li tissodisfa ċerti kriterji, bħall-piż, il-format, il‑kontenut u l‑preżentazzjoni uniformi minħabba t-tqassim għal grupp ta’ destinatarji. Fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li r-rikorrenti kienet tat definizzjoni lis-suq tal‑posta ta’ reklamar mhux indirizzat bħala li jinkludi reklamar permezz ta’ mezzi ieħor, bħar-reklamar fil-gazzetti ta’ kuljum, kif ukoll fil-gazzetti reġjonali ta’ kull ġimgħa. Il-punt ta’ tluq tal-argument tar‑rikorrenti kien, skont il‑Kummissjoni, il-fatt li fl-2009 deċiżjoni tal‑qorti Awstrijaka b’kompetenza fil-qasam tal-kontroll tal-akkordji, aċċettat li kemm ir‑reklamar dirett kif ukoll ir-reklamar mhux indirizzat setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-istess suq inkwistjoni għall‑gazzetti li jitqassmu b’xejn. Madankollu din il-qorti rrikonoxxiet is-sostitwibbiltà għall-klijenti l‑kbar biss u għamlet bosta distinzjonijiet fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Fil-premessa 59 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti estendiet din il-konklużjoni għall-gazzetti kollha u tat x’tifhem li t-tqassim b’xejn tal-posta mhux indirizzata kien f’kompetizzjoni mar-reklamar fil‑gazzetti kollha. Ir-rikorrenti wettqet ukoll test-MI li tiegħu l‑Kummissjoni eżaminat debitament ir-riżultati. Skont il‑Kummissjoni, l‑interpretazzjoni wiesgħa mir-rikorrenti tad-deċiżjoni tal-qorti Awstrijaka inkwistjoni ma tikkorrispondix madankollu mad‑deċiżjonijiet preċedenti tagħha, li jipprovdu li t-tipi ta’ mezzi differenti kienu komplementari għal xulxin iktar milli interkambjabbli. Skont il‑premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq stedina tal‑Kummissjoni sabiex jagħtu l-perspettiva tagħhom f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni proposta tas-suq tal-posta ta’ reklamar mhux indirizzat, b’kunsiderazzjoni xierqa tad-deċiżjoni tal-qorti Awstrijaka inkwistjoni u s-sitwazzjoni ġuridika u fattwali fl-Awstrija, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jipprovdu informazzjoni addizzjonali sabiex isostnu d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti. Fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat għalhekk li l-infomazzjoni li kellha fid-dispożizzjoni tagħha ma kinitx konklużiva biżżejjed sabiex issostni d-definizzjoni tas-suq proposta mir-rikorrenti. Skont il-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-prodotti inkwistjoni ġie ddefinit bħala s-suq ta’ servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat li minnu r-rikorrenti kellha sehem tas-suq ta’ [kunfidenzjali] %.

176

Preliminarjament, għandu jitfakkar (ara l-punti 38 sa 41 hawn fuq), minn naħa, li, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, il‑Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ ristrett mill-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-oneru tal-prova sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni jaqa’ fuq ir‑rikorrenti. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il‑Kummissjoni ma kinitx għalhekk obbligata li twettaq l-analiżi tagħha stess, kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 125 hawn fuq). Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat ukoll li suq tal-prodotti inkwistjoni jinkludi l‑prodotti jew is-servizzi kollha li l-konsumatur jikkunsidra li huma interkambjabbli jew sostitwibbli minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il‑prezzijiet tagħhom u l-użu li għalih huma intiżi.

177

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għall-istudju tal‑kumpannija ta’ konsulenti E., intitolat “Austrian print advertising market” (Suq Awstrijak tar-reklamar stampat), ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem, l-istudju “APAM”), anness mat-talba tagħha rigward l-applikazzjoni tal‑Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑fatt li kemm il-posta ta’ reklamar mhux indirizzat u l-mailings kif ukoll ir-reklami fil-gazzetti b’xejn għandhom, f’għajnejn l-applikanti, l‑istess karatteristiċi u l-istess destinazzjoni u li, għalhekk, is-suq inkwistjoni kien jiġbor kemm il-posta ta’ reklamar mhux indirizzat u l-mailings kif ukoll ir-reklami fil-gazzetti b’xejn. Skont ir-rikorrenti, mill‑perspettiva tad-domanda, il-mailings u r-reklami fil-gazzetti b’xejn huma sostitwibbli bħala forma ta’ reklamar, peress li kemm il-prezz ta’ din il-forma ta’ reklamar kif ukoll l-aċċessibbiltà lill-klijenti potenzjali huma simili ħafna. Fir-rigward tal-aċċessibiltà, ir-rikorrenti tikkunsidra li wriet li, minbarra ż-żewġ gazzeti kbar ippubblikati fl-Awstrija, mill‑2009 kien hemm kooperazzjoni bejn il-gazzetti ta’ kull ġimgħa b’xejn fl-Awstrija li, flimkien, kienu jkopru parti kbira tat-territorju Awstrijak. Skont ir-rikorrenti, ir-reklamar permezz ta’ gazzetti b’xejn seta’ għalhekk ikollu portata wiesgħa. F’dak li jikkonċerna l-prezz, ir‑rikorrenti tiddikjara li l-prezzijiet ta’ bosta kuntatti għall-forom ta’ reklamar inkwistjoni kienu bejn EUR [kunfidenzjali] għar-reklami fis‑supplimenti ta’ gazzetti ta’ kuljum sa EUR [kunfidenzjali] għall‑posta ta’ reklamar mhux indirizzat u għall-mailings. Id‑differenza fil-prezz bejn ir-reklami fil-gazzetti ta’ kuljum (EUR [kunfidenzjali]) u reklami mingħajr indirizz taħt forma ta’ fuljett (EUR [kunfidenzjali]) ma kienx ħlief ta’ bejn wieħed u ieħor EUR erba’. Skont l-istudju APAM, l-uniku element rilevanti huwa li l‑informazzjoni ta’ reklamar fil-mailings jew fl-avviż jaslu għand l‑unitajiet domestiċi.

178

Dan l-argument ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellhiex informazzjoni konklużiva biżżejjed sabiex issostni d-definizzjoni tas-suq proposta mir-rikorrenti. Fil-fatt, kif tiddikjara l-Kummissjoni, mill-istudju APAM jirriżulta li jeżistu differenzi sinjifikattivi fuq il-livell ta’ karatteristiċi bejn, minn naħa, l-istampar ta’ reklamar mhux indirizzat u, min-naħa l-oħra, ir‑reklamar fil-gazzetti.

179

L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mill-istudju APAM ma jirriżultax li l-uniku element rilevanti huwa li l-informazzjoni ta’ reklamar li tinsab fil-mailings jew fl-avviż jasal għand l-unitajiet domestiċi. Kif tiddikjara l-Kummissjoni, skont il-punt2.2.2 ta’ dan l‑istudju, il-kriterji l-iktar sinjifikattivi għar-reklamar huma l-użu, il‑kredibbiltà u l-kwistjoni dwar jekk ir-reklamar huwiex informattiv. Minkejja li huwa minnu li, f’dan il-passaġġ tal-istudju APAM, ma hemmx paragun bejn il-posta ta’ reklamar mhux indirizzat u s-supplimenti ta’ reklamar tal-gazzetti u l-avviżi ta’ reklami fil-gazzetti, kif tiddikjara r‑rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-kriterji jikkonċernaw il‑karatteristiċi ta’ forom differenti ta’ reklamar. Mill-imsemmi studju jirriżulta li huwa eżattament fuq il-livell ta’ dawn il-karatteristiċi li jeżistu differenzi bejn is-servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat u reklamar fil-gazzetti. B’dan il-mod, skont il-punt 2.2.1 tal‑istudju APAM, il-problema prinċipali tal-mailings hija l-assenza ta’ kuntest u ta’ konnessjoni b’mezz bħal gazzetta, peress li r-reklamar mhux indirizzat huwa ta’ sikwit meqjus bħala mistieden mhux mixtieq fid-dar. Skont il‑punt 2.2.1 ta’ dan l-istudju, fil-qosor, filwaqt li [kunfidenzjali] % destinatarji ta’ gazzetti jieħdu l-gazzetti inklużi l-paġni ta’ reklamar f’darhom, [kunfidenzjali] % biss tad-destinatarji ta’ reklamar mhux indirizzat jagħmlu l-istess. L-istudju APAM jikkonkludi għalhekk li huwa inqas probabbli li r-reklamar mhux indirizzat jinqara milli r-reklamar fil-gazzetti. Kif tiddikjara l-Kummissjoni, l-istudju APAM jindika wkoll li r-reklamar fil-gazzetti jibbenefika minn aspettattiva għolja mingħand il-qarrejja u li l-kredibbiltà hija element importanti mhux ħażin għar-reklamar.

180

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-prezzijiet tal-mailings u tar‑reklami fil-gazzetti b’xejn huma simili ħafna, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq il-konstatazzjonijiet relatati mal-prezzijiet ta’ madwar elf kuntatt li jinsabu fl-istudju APAM. Skont il-punt 1.2 ta’ dan l‑istudju, f’kull wieħed mill-4.3 miljuni ta’ unitajiet domestiċi fl‑Awstrija, medja ta’ 2.3 persuni jaqraw il-posta ta’ reklamar. Issa, peress li l-popolazzjoni Awstrijaka f’Jannar 2013 kienet ta’ madwar 8.51 miljuni ta’ abitanti, kif tiddikjara l-Kummissjoni, u dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti waqt is-seduta bħala tweġiba għall‑mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi konkluż li r‑rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq il-fatt li kull waħda mill‑4.3 miljuni ta’ unitajiet domestiċi fl-Awstrija tinkludi medja ta’ 2.3 persuni. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont il-punt 2.2.1 tal‑istudju APAM, il-posta ta’ reklamar mhux indirizzat tintrema’ minn [kunfidenzjali] % tad-destinatarji.

181

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika ġustament li r-rikorrenti bbażat il-kalkolu tagħha fuq l-iktar tariffa baxxa tagħha fost it-tliet tariffi applikabbli, kif jirriżulta mill-punt 1.2 tal-istudju APAM. Sa fejn ir-rikorrenti tiġġustifika l-għażla ta’ din it-tariffa bil-fatt li, fl-opinjoni tagħha, il-maġġoranza tal-mailings jitqassmu fiż-żoni ta’ konċentrazzjoni urbana li fihom it-tariffa magħżula hija applikabbli, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt 2.2.1 tal-istudju APAM, id‑destinatarju medju ta’ mailings jgħix f’reġjun rurali. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li mill‑punt 1.2 ta’ dan l-istudju jirriżulta li r-rikorrenti għażlet il-prezz għall-kategorija ta’ piż l-iktar baxxa mingħajr ma spjegat għalfejn din hija speċifikatament rilevanti. Barra minn hekk, huwa stabbilit, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li l-prezzijiet meħuda inkonsiderazzjoni mir-rikorrenti ma kinux jinkludu l-istampar tal-materjal ta’ reklamar b’mod differenti mill-prezz ta’ madwar elf kuntatt ta’ avviżi ta’ reklamar fil‑gazzetti.

182

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/299 tagħha, l‑eżistenza ta’ suq komuni li jinkludi kemm il-posta ta’ reklamar mhux indirizzat kif ukoll ir-reklami fil-gazzetti b’xejn, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna s-settur postali fis-suq Ungeriż. Minkejja li huwa minnu li, fil-premessa 16 tal-imsemmija deċiżjoni, il‑Kummissjoni ddefinixxiet is-suq inkwistjoni bħala dak tas-servizzi tat-tqassim tar‑reklamar mhux indirizzat ipprovdut minn operaturi postali, jibqa’ l-fatt li din id-definizzjoni kienet speċifikatament ibbażata fuq l-informazzjoni relatata mas-suq Ungeriż imsemmi fil‑premessi 11 sa 15 tad-Deċiżjoni 2014/299. Ir-rikorrenti la ddikjarat u lanqas stabbilixxiet li s-sitwazzjoni tas-suq Awstrijak u dik tas-suq Ungeriż li kien ġie eżaminat mill-Kummissjoni fid‑Deċiżjoni 2014/299 huma komparabbli. Għalhekk dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

183

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-komunikazzjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq, hija studjat is-sostitwibbiltà fil-livell tad‑domanda u fil-livell tal-offerta u li hija pproċediet, fl-istudju APAM, għal test-MI li kkonferma li fl-Awstrija kien jeżisti suq komuni ta’ mailings mhux indirizzat u ta’ avviżi jew supplimenti ta’ gazzetti fil‑gazzetti b’xejn. Ir-rikorrenti tiddikjara li, skont it-test-MI mwettaq fuq 248 impriża u mhux fuq 248 persuna, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, żieda fil-prezz ta’ 5 % twassal għal tnaqqis ta’ reklamar permezz ta’ mailings ta’ [kunfidenzjali] %. Dan it-tnaqqis fid-domanda huwa tant qawwi li żieda tali ta’ prezz ma tagħti l-ebda gwadann lir‑rikorrenti. Ir-rikorrenti tiddikjara li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-argument tagħha u r-riżultati tal-istudju APAM, u b’mod partikolari l-istruttura tas-suq Awstrijak tar-reklamar u t-test-MI. Mill-istudju APAM jirriżulta li, mill‑perspettiva tal-applikanti, il-mailings u r-reklami fil-gazzetti huma interkambjabbli. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-tribunal Awstrijak imsemmija fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi biss punt ta’ tluq għad-delimitazzjoni tas-suq esposta mir‑rikorrenti u ma kinitx intiża sabiex tissostitwixxi l-analiżi u l-istudji prodotti. Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni illimitat ruħha, fil‑premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx konklużiva biżżejjed sabiex issostni d-delimitazzjoni tas-suq espost mir-rikorrenti, hija kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, peress li ma eżaminatx l-argumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll id-dritt għal smigħ tar‑rikorrenti.

184

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li l-evalwazzjoni tal‑Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest minħabba l-fatt li test‑MI stabbilixxa li fl-Awstrija kien jeżisti suq komuni ta’ mailings mhux indirizzat u ta’ avviżi jew ta’ supplimenti ta’ gazzetti fil-gazzetti b’xejn, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil‑premessi 59 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li, wara li debitament eżaminat ir-riżultati ta’ dan it-test li l-kwestjonarji tiegħu kienu ntbagħtu lilha mir-rikorrenti f’ittra tat-2 ta’ Diċembru 2013, hija ma kellhiex biżżejjed informazzjoni konklużiva sabiex issostni d‑definizzjoni tas-suq proposta mir-rikorrenti.

185

Minn naħa, fid-dawl tal-fatt li minn statistika Awstijaka pprovduta mill-Kummissjoni jirriżulta li fl-2011 fl-Awstrija kien hemm madwar 311000 impriża u li n-numru ta’ impriżi intervistati kien biss ta’ 248, il‑Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li esprimiet dubji dwar ir‑rappreżentattività tal-istħarriġ imwettaq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li mit-tabella 52 tal-istudju APAM jirriżulta li t-tqassim skont id-daqs tal-impriżi kkunsidrati għall-istħarriġ inkwistjoni ma kienx jirrispetta t-tqassim tal-impriżi fl-ekonomija Awstrijaka. Dwar l‑argument li huma qabel kollox l-impriżi tal-kummerċ bl-imnut li ħafna drabi għandhom iktar minn 250 kollaboratur li jużaw fuljetti bħala forma ta’ reklamar, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi l‑ebda prova li tippermetti li jintwera li l-għażla tagħha kienet rappreżentattiva, iktar u iktar għaliex, skont ir-rikorrenti, l-għażla ta’ 248 impriża minn fost il-klijenti tagħha li għandhom l-ikbar dħul mill‑bejgħ kienet tiddependi biss fuq id-disponibbiltà tagħhom.

186

Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tikkonstata l-Kummissjoni fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew intervistati impriżi u mhux individwi, biżżejjed jiġi rrilevat li t-terminu “individwi” jinkludi kemm il-persuna fiżika kif ukoll il‑persuna ġuridika. L-użu tat-terminu “individwu” għalhekk ma jurix ineżattezza mwettqa mill-Kummissjoni.

187

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn sempliċement ikkonstatat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx konklużiva biżżejjed sabiex issostni d-delimitazzjoni tas-suq esposta mir-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, din il-kunsiderazzjoni saret mingħajr ma ġie speċifikat jekk hijiex ibbażata biss fuq l-istħarriġ imwettaq minnha jew ukoll fuq l-informazzjoni addizzjonali miġbura mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mit-terminu “konsegwentement” użat fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑konstatazzjoni mwettqa f’din il-premessa tinkludi konklużjoni li hija bbażata fuq il-premessi 57 sa 60 ta’ din id-deċiżjoni, li jinkludu kemm l‑evalwazzjoni tal-istħarriġ imwettaq mir-rikorrenti kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet Awstrijaċi.

188

It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tiddikjara li d-dritt għal smigħ tagħha ggarantit permezz tal-Artikolu 6 TFUE u permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġie miksur minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni ma analizzatx l-argumenti u l-provi li hija kienet ipproduċiet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. Skont l‑Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. Skont il‑ġurisprudenza rigward il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil‑każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza jerġa’ iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm inkluż, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14). Kif jirriżulta mill‑punti 176 sa 187 hawn fuq, il-Kummissjoni ma kisritx dan l‑obbligu.

189

Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

190

Fir-rigward tat-talba sabiex jinstema’, bħala xhud, l-espert tar-rikorrenti (ara l-punt 174 hawn fuq), dan għandu jinstema’, skont ir-rikorrenti, sabiex jiġi spjegat l-istudju APAM u l-kriterji relatati mal-aċċessibbiltà u mal-prezzijiet ta’ eluf ta’ kuntatti kif ukoll ir-riżultati li juru s‑sostitwibbiltà tal-posta ta’ reklamar mhux indirizzat u l-avviżi fil‑gazzetti b’xejn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li peress li din it-talba saret fl-istadju tar-replika mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni għad-dewmien tagħha, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skont l‑Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, abbażi tal-atti tal-proċess u minħabba t-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li taf biżżejjed u li għalhekk hija f’pożizzjoni li tifhem il‑kwistjonijiet ekonomiċi kkonċernati kollha sabiex tiddeċiedi jekk l-evalwazzjoni tal‑Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żball manifest. Konsegwentement, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda dan il‑motiv.

Fuq is-seba ’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni u fuq ksur tal‑obbligu ta ’ motivazzjoni, rigward l-espożizzjoni diretta għall‑kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi postali ta ’ tqassim standard ta ’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz

191

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn ikkonstatat, fil‑premessi 65 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, din kienet tasal għall-konklużjoni li kien jeżisti suq komuni tat-tqassim standard ta’ gazzetti ppubblikati kuljum, ta’ gazzetti ppubblikati darba fil-ġimgħa u ta’ gazzetti ppubblikati darba fix-xahar u li r-rikorrenti kienet direttament esposta għall-kompetizzjoni f’dan is-suq. B’hekk, il‑Kummissjoni kisret ukoll id-dritt tagħha għal smigħ. Sabiex issostni l‑argument tagħha u sabiex tispjega l-istudju tal-kumpannija ta’ konsulenti E., intitolat “Austrian delivery market for newspapers” (suq Awstrijak tat-tqassim ta’ gazzetti), ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem l-istudju “ADMN”), ir-rikorrenti talbet li jinstema’, bħala xhud, l-espert tagħha li huwa l-awtur tal-istudju ADMN.

192

Mill-premessi 65 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l‑Kummissjoni kkonkludiet li s-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija u li, konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17 ma kienx japplika għall-kuntratti intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fl-Awstrija. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil‑premessa 65 tad‑deċiżjoni kkontestata, li d-Deċiżjoni 2007/564 għamlet distinzjoni bejn it-tqassim bikri ta’ gazzetti u tqassim standard. Skont il‑premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinitx tipprattika t-tqassim bikri tal-gazzetti, imma t-tqassim standard tal‑gazzetti. Fil-premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat li s-suq tal-prodotti inkwistjoni kien is-suq tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz u li r-rikorrenti kellha [kunfidenzjali] % ta’ dan is-suq. Il‑kompetituri prinċipali huma n-netwerks nazzjonali jew reġjonali, organizzati mill-pubblikaturi, li jwasslu gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz lill-unitajiet domestiċi. Madankollu, dawn il-kompetituri b’kollox għandhom sehem tas-suq akkumulat ta’ [kunfidenzjali %] biss.

193

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li r-riferiment ġenerali għal deċiżjoni preċedenti fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti. Fl-opinjoni tagħha, din id‑deċiżjoni preċedenti tirreferi għas-suq ta’ tqassim fil-Finlandja u l‑Kummissjoni ma tatx raġuni għaliex teżisti relazzjoni bejn is‑sitwazzjoni fis-suq Finlandiż u s-sitwazzjoni tas-suq partikolari fl‑Awstrija u l-ebda raġuni li tiġġustifika li l-Kummissjoni kienet għamlet distinzjoni bejn it-tqassim bikri ta’ gazzetti u t-tqassim standard ma kienet tinstab f’din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti tiddikjara li, peress li l‑istrutturi tas-swieq tal-Istati Membri differenti kienu parzjalment kunsiderevolment differenti, il-Kummissjoni kellha turi similarità bejn is-suq Finlandiż u dak Awstrijak tat-tqassim ta’ gazzetti biex d-deċiżjoni tagħha tinftiehem. Il-Kummissjoni kellha wkoll tanalizza s-sitwazzjoni konkreta tas-suq fl-Awstrija u konsegwentement timmotiva d-deċiżjoni tagħha.

194

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda raġuni sostanzjali li tiġġustifika l-fatt li l‑Kummissjoni stabbilixxiet distinzjoni bejn it-tqassim bikri ta’ gazzetti u t-tqassim standard, jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni tirreferi għall-prattika ta’ din tal-aħħar kif riflessa fid‑Deċiżjoni 2007/564, li permezz tagħha hija eżentat ċerti servizzi tas‑settur postali fil-Finlandja skont id-Direttiva 2004/17. Mill‑premessi 13 u 14 tad-Deċiżjoni 2007/564 jirriżulta li, fil-prattika tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn it-tqassim bikri tal‑gazzetti u t-tqassim standard ta’ gazzetti. Diġà ġie kkonstatat li r‑rikorrenti kienet involuta mill-qrib fil-proċedura amministrattiva u li l‑Kummissjoni kienet saħansitra bagħtet l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-espert ingaġġat mir‑rikorrenti u li hija kienet iddiskutietu ma’ din tal-aħħar waqt laqgħa li saret fit-28 ta’ Marzu 2014 (ara l-punt 83 hawn fuq). L‑abbozz ta’ deċiżjoni eżaminat waqt din il-laqgħa kien diġà jinkludi t‑test tal‑premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata.

195

Barra minn hekk, mill-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2013 lir-rikorrenti u dik tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2013 lir‑Repubblika tal-Awstrija jirriżulta li din informat lir-rikorrenti u lil dan l-Istat Membru dwar il-fatt li, fil-prassi preċedenti tagħha, hija kienet tagħmel distinzjoni bejn it-tqassim bikri ta’ gazzetti u t‑tqassim standard. Fl-ittra tagħha tal-13 ta’ Jannar 2014 lill-espert ingaġġat mir‑rikorrenti, il-Kummissjoni semmiet b’mod espliċitu l‑imsemmija distinzjoni.

196

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 3.1.6 tat-talba tagħha, li tikkonċerna s-suq tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz, ir-rikorrenti essenzjalment sempliċement iddikjarat li s-suq ta’ prodotti inkwistjoni kien jinkludi t-tqassim fl‑Awstrija ta’ gazzetti ppubblikati kuljum, ta’ gazzetti ppubblikati kull ġimgħa u oħrajn ippubblikati kull xahar, bl-indirizz u mingħajr indirizz, filwaqt li rreferiet, b’mod ġenerali, għall-istudju ADMN. B’dan il-mod, hija ma indikat l-ebda raġuni għaliex id-distinzjoni mwettqa mill‑Kummissjoni fil-prassi tagħha bejn it-tqassim bikri ta’ gazzetti u t‑tqassim standard hija żbaljata. Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija stabbilixxiet parametri ta’ definizzjoni tas-suq f’paġna speċifika tal‑istudju ADMN, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-passaġġ indikat minnha f’dan ir-rigward jinkludi biss deskrizzjoni tal-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Bronner (C‑7/97, Ġabra, EU:C:1998:264). Issa, mill-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-kwistjoni tad-definizzjoni preċiża tas-suq kienet tħalliet miftuħa f’din il-kawża. Fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra, EU:C:1998:569, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex teżamina l-kwistjoni tad-delimitazzjoni tas-suq.

197

Konsegwentement, peress li r-rikorrenti kienet informata dwar il‑prassi tal-Kummissjoni, li, kif tiddikjara wkoll il-Kummissjoni, hija ma pprovdietx raġunijiet sostanzjali sabiex tapplika definizzjoni differenti għas-suq inkwistjoni u li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali (ara l-punt 46 hawn fuq), ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżiti tal‑obbligu ta’ motivazzjoni msemmija fil-punti 20 u 46 hawn fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, Ġabra, EU:T:2010:266, punt 81 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

198

It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll ksur tad-dritt tagħha għal smigħ (ara f’dan ir-rigward il-punt 188 hawn fuq), hija tiddikjara essenzjalment li l-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed l-argument tagħha u l-istudju ADMN li hija kienet ipproduċiet waqt il-proċedura amministrattiva. Skont ir-rikorrenti, fit-talba skont l‑Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, hija esponiet b’mod iddettaljat il‑fatt li s-suq tal-prodotti inkwistjoni kien jinkludi t-tqassim fl-Awstrija ta’ gazzetti u ta’ gazzetti ta’ kull ġimgħa ppubblikati kuljum, kull ġimgħa u kull xahar, bl-indirizz u mingħajr indirizz. Filwaqt li tirreferi għall‑istudju ADMN, hija tiddikjara li, minbarra hi, kien hemm żewġ netwerks li kienu jagħmlu parti mill-fornituri ta’ tqassim ta’ gazzetti u ta’ rivisti fil-livell tal-pajjiż kollu. Barra minn hekk, fit-talba tagħha, hija esponiet li kull kompetitur kellu aċċess liberu għat-tqassim ta’ gazzetti u ta’ rivisti u li, fis-settur ta’ gazzetti ppubblikati kuljum, il‑parti tagħha tas-suq kienet ta’ [kunfidenzjali] %. Anki jekk jingħaqdu t-tqassim ta’ gazzetti u ta’ rivisti li huma ppubblikati kull ġimgħa u kull xahar, ir-rikorrenti tkun, b’parti mis-suq ta’ [kunfidenzjali] %, direttament esposta għall-kompetizzjoni ma’ distributuri oħra. Skont ir‑rikorrenti, fid-dawl tal-istudju ADMN, il-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, twettaq delimitazzjoni eżatta tas-suq inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li hija kienet għamlet fil-premessa 6 tad‑deċiżjoni kkontestata u skont dak previst fil-punt 41 tal‑komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq. Barra minn hekk, fl‑opinjoni tagħha, in-netwerks tal-kompetituri tagħha kienu diġà jeżistu fl-Awstrija u dawn tal-aħħar setgħu jidħlu fis-suq kull ħin.

199

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jurix li l‑Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddefinixxiet, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal‑prodotti inkwistjoni bħal dak tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz u billi eskludiet is-servizzi ta’ tqassim bikri ta’ gazzetti. Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 196 hawn fuq) li, fl-argumenti tagħha inklużi fit-talba tagħha u fl-istudju ADMN, li għalihom hija rreferiet quddiem il-Qorti Ġenerali, ir‑rikorrenti ma tagħti l-ebda raġuni li għaliha d-distinzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-prassi tagħha u fid-deċiżjoni kkontestata bejn it‑tqassim bikri ta’ gazzetti u t-tqassim standard kienet żbaljata.

200

Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment tar-rikorrenti b’mod ġenerali għat-talba tagħha u għall-istudju ADMN, diġà tfakkar li s-sempliċi riferiment għall-annessi ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argumenti legali li għandhom jidhru fir-rikors, għaliex ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl‑annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala l-bażi tar‑rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara l-punt 151 hawn fuq). Konsegwentement, dan l‑argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l‑istudju ADMN fih ukoll kunsiderazzjonijiet li, għad-definizzjoni tas‑suq tal-prodotti inkwistjoni, għandu jkun hemm distinzjoni bejn it‑tqassim bikri ta’ gazzetti u t-tqassim standard ta’ gazzetti. Fil-fatt, skont l-ewwel punt ta’ dan l-istudju, it-tqassim tal-gazzetti jsir f’ħinijiet differenti u jikkostitwixxi element ta’ kwalità. Dejjem skont l-imsemmi punt tal-istess studju, il-gazzetti ppubblikati kuljum għandhom ikunu fil‑kaxxa tal-ittri filgħodu qabel ma n-nies jitilqu minn djarhom, filwaqt li l-gazzetti ppubblikati kull ġimgħa u dawk reġjonali li huma ffinanzjati prinċiparjament mir-reklamar jitqassmu matul il-ġurnata għaliex ma għandhomx sensittività għall-fattur tal-ħin.

201

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx l‑konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 66 u 68 tad‑deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx tipprattika t-tqassim bikri ta’ gazzetti u li hija kellha parti mis-suq ta’ [kunfidenzjali] % fis‑suq tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz.

202

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-istudju ADMN, il‑Kummissjoni kellha twettaq, fi kwalunkwe każ, delimitazzjoni eżatta tas‑suq f’dak li jikkonċerna servizzi postali ta’ tqassim ta’ gazzetti bl‑indirizz u mingħajr indirizz. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil‑premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li definizzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni setgħet titħalla miftuħa, kienu ineżatti. Skont ir-rikorrenti, delimitazzjoni eżatta tas-suq, skont il-metodi preskritti mill-ġurisprudenza u fil-punt 41 tal-komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq, kienet indispensabbli.

203

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-istudju ADMN biex tiddefinixxi s-suq tal-prodotti inkwistjoni, l‑argument tagħha diġà ġie miċħud (ara l-punt 200 hawn fuq). Imbagħad, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, fl-opinjoni tagħha, li tidher fil-parti relatata mal-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li definizzjonijiet iktar ristretti tas-suq jistgħu jiġu kkunsidrati f’ċerti każijiet, id-definizzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni tista’ titħalla miftuħa għall‑finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ir-riżultat tal-analiżi jibqa’ mhux mibdul, kemm jekk definizzjoni stretta jew definizzjoni wiesgħa tittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan il-każ, filwaqt li l-kwistjoni tad‑definizzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni kienet tħalliet miftuħa mill‑Kummissjoni f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari s-servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell nazzjonali, kif jirriżulta mill‑premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, dan madankollu ma kienx il-każ tas-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz.

204

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kellha twettaq delimitazzjoni eżatta tas-suq skont il-metodi preskritti mill‑ġurisprudenza u mill-punt 41 tal-komunikazzjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq li jipprovdi li l-kriterju ta’ preferenzi tal‑konsumaturi jikkostitwixxi element rilevanti sabiex tiġi evalwata s‑sostitwibbiltà ta’ żewġ prodotti fil-livell tad-domanda, għandu jitfakkar li l-oneru tal-prova relatata mal‑fatt li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30(1) tad‑Direttiva 2004/17 huma ssodisfatti jaqa’ fuq min jagħmel it-talba u fuq l-Istat Membru kkonċernat, peress li f’dan il-każ, il‑Kummissjoni, kuntrarjament għas-setgħat ta’ stħarriġ wiegħa mogħtija fil-kuntest tal‑applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni mir-Regolament Nru 1/2003 u mir-Regolament Nru 139/2004, għandha biss setgħat limitati (ara l-punt 41 hawn fuq). F’dan il-każ, kienet għalhekk ir-rikorrenti li kellha tipprovdi biżżejjed provi sabiex tiddefinixxi s-suq ta’ prodotti inkwistjoni.

205

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li n-netwerks tal-kompetituri kienu diġà jeżistu fl-Awstrija u li dawn tal-aħħar setgħu jidħlu fis-suq f’kull ħin peress li ma kienx hemm ostakolu għad-dħul, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ishma tas-suq għolja ħafna tar-rikorrenti kemm fis-suq tat-tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz, jiġifieri [kunfidenzjali] %, kif ukoll fis-swieq ta’ servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X u C2X fuq il-livell nazzjonali, jiġifieri rispettivament [kunfidenzjali] % (ara l-punti 99 u 139 hawn fuq), ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li s-servizzi postali ta’ tqassim standard ta’ gazzetti bl-indirizz u mingħajr indirizz ma kinux direttament esposti għall-kompetizzjoni fl-Awstrija.

206

Għaldaqstant is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

207

Fir-rigward tat-talba sabiex jinstema’, bħala xhud, l-espert tar-rikorrenti (ara l-punt 191 hawn fuq), fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, abbażi tal-atti tal-proċess u minħabba t-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li taf biżżejjed u għalhekk hija f’pożizzjoni li tifhem il‑kwistjonijiet ekonomiċi kkonċernati kollha sabiex tiddeċiedi jekk l‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni kinitx ivvizzjata bi żball manifest. Konsegwentement, ma hemmx lok li din it-talba tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda dan il‑motiv.

208

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi parzjalment milqugħ sa fejn jikkonċerna s-servizzi postali ta’ ittri bl‑indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali (ara l-punt 163 hawn fuq). Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tindika li d-Direttiva 2004/17 għandha tkompli tapplika fis-suq tas‑servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali fl-Awstrija. Il‑kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

209

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

210

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti sa fejn huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn id‑Direttiva 2004/17 għandha tkompli tiġi applikata għas-suq tas‑servizzi postali ta’ ittri bl-indirizz B2X fuq il-livell internazzjonali fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna s-swieq l-oħrajn ta’ servizzi postali inkwistjoni. Issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmienja minn għaxra ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/184/UE tal‑Kummissjoni, tat-2 ta’ April 2014, li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali, hija annullata sa fejn hija tindika li din id-direttiva tkompli tapplika għas-suq tas-servizzi postali ta’ ittri b’indirizz bejn klijenti professjonisti, u bejn klijenti professjonisti u klijenti privati fuq livell internazzjonali fl-Awstrija.

 

2)

Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 

3)

Österreichische Post AG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll tmienja minn għaxra ta’ dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati tnejn minn għaxra tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ April 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.

Top