Help Print this page 

Document 62014CJ0591

Title and reference
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni 2011/678/UE – Għajnuna mill-Istat favur il-finanzjament tal-iskrining tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE) fl-annimali tal-ifrat – Għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni.
Kawża C-591/14.
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:670
Languages and formats available
Language of the case
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf FR
 Document published in the digital reports
Multilingual display
Text

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Settembru 2017 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni 2011/678/UE – Għajnuna mill-Istat favur il-finanzjament tal-iskrining tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE) fl-annimali tal-ifrat – Għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑591/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, imressaq fid-19 ta’ Diċembru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, B. Stromsky, S. Noë u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u L. Van den Broeck kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn L. Van den Hende u J. Charles, avukati,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħax, fit-termini stabbiliti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tal-Artikolu 1(3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/678/UE, tas-27 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-iskrining għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE) fil-bovini [annimali tal-ifrat] implimentata mill-Belġju [Għajnuna mill-Istat C 44/08 (ex NN 45/04)] (ĠU 2011, L 274, p. 36) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjużaˮ), u billi ma informax lill-Kummissjoni, fit-terminu mogħti, bil-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprevedi, fl-Artikolu 14 tiegħu intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni].

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] skond l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-[Unjoni].”

 Il-linji gwida TSE

3        Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, matul is-sena 2002, il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat marbuta mat-testijiet TSE, mal-annimali li jinsabu mejta u mal-iskart tal-biċċeriji (ĠU 2002, C 324, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida TSE”). Il-punti 23 sa 25 ta’ dawn il-linji gwida kienu jipprevedu:

“23.      Sabiex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem, il-Kummissjoni ddeċidiet li ser tkompli tawtorizza l-għajnuna mill-Istat li tkopri sa 100 % tal-ispejjeż marbuta mat-testijiet TSE, skont il-prinċipji esposti fil-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli.

24.      Madankollu, mill-1 ta’ Jannar 2003, sa fejn għandhom x’jaqsmu t-testijiet obbligatorji għall-BSE tal-annimali tal-ifrat maqtula għall-konsum mill-bniedem, l-għajnuna pubblika diretta u indiretta, inklużi l-ħlasijiet tal-Komunità, ma jistgħux ikunu iktar minn EUR 40 għal kull test. L-obbligu għat-testijiet jista’ jkun ibbażat fuq leġiżlazzjoni tal-Komunità jew nazzjonali. Dan l-ammont jirreferi għall-ispejjeż totali tat-testijiet, li jinkludu: kitt tat-testijiet, it-teħid, it-trasport, l-ittestjar, il-ħażna u l-qerda tal-kampjun. Dan l-ammont ikun jista’ jitnaqqas fil-futur, ladarba l-ispejjeż marbuta mat-testijiet jonqsu.

25.      L-għajnuna mill-Istat intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tat-testijiet TSE għandha titħallas lill-operatur fuq is-sit fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu. Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna, il-ħlas jista’ isir lill-laboratorji, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jiġi pprovat li l-ammont sħiħ tal-għajnuna għadda għand l-operatur. Fi kwalunkwe każ, għajnuna mill-Istat riċevuta direttament jew indirettament minn operatur fuq is-sit fejn il-kampjuni għall-finijiet tat-test għandhom jittieħdu għandha tiġi riflessa fi tnaqqis ekwivalenti tal-prezzijiet mitluba minnu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4        Matul is-snin 2001 sa l-2006, ir-Renju tal-Belġju assuma l-ispejjeż kollha jew parti minnhom tat-testijiet tal-iskrining tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli fl-annimali tal-ifrat (iktar ’il quddiem it-“testijiet BSE”).

5        Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2001, l-ispejjeż tat-testijiet BSE ġew iffinanzjati kompletament mit-Teżor Pubbliku.

6        Mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2004, dawn it-testijiet kienu ffinanzjati minn qabel mill-Bureau d’intervention u de restitution belge (uffiċċju ta’ intervent u restituzzjoni Belġjan) (BIRB), istituzzjoni pubblika federali li għandha personalità legali.

7        Mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Novembru 2004, it-testijiet ta’ skrining BSE ġew iffinanzjati mill-Agence fédérale pour la sécurité de la chaîne alimentaire (aġenzija federali għas-sigurtà tal-katina alimentari) (FASFC), istituzzjoni pubblika li għandha personalità legali.

8        Wara lmenti li hija kienet irċeviet, il-Kummissjoni indirizzat, fis‑27 ta’ Jannar 2004, lir-Renju tal-Belġju, talba għal informazzjoni dwar il-miżuri ta’ finanzjament tat-testijiet BSE. L-awtoritajiet Belġjani rrispondew għal din it-talba fis-6 ta’ Frar u fl-14 ta’ Mejju 2004.

9        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2004, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni b’miżura ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tal-iskrining għal BSE fl-annimali. Permezz ta’ din il-miżura, kien maħsub li jitwettaq prefinanzjament tal-ispejjeż tat-testijiet BSE, li s-somma tiegħu kellha tiġi rrimborsata iktar ’il quddiem permezz ta’ taxxi parafiskali. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament innotifikat kien jikkostitwixxi biss, ir-riformulazzjoni ta’ abbozz ta’ digriet irjali li, matul is-sena 2001, kien ġie approvat mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma kien ġie implementat. Peress li l-miżura nnotifikata kienet diġà ġiet implementata, hija ġiet imniżżla fir-reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata bin-numru NN 45/04.

10      Fis-16 ta’ Settembru 2004, l-awtoritajiet Belġjani nnotifikaw abbozz ġdid ta’ digriet irjali, li sar id-digriet irjali tal-15 ta’ Ottubru 2004 dwar il-finanzjament tal-iskrining tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli fl-annimali (Moniteur belge tat-8 ta’ Novembru 2004, p. 75290). Dan id-digriet kien jistabbilixxi sistema ta’ ħlas ta’ EUR 10.70 għal kull annimal tal-ifrat ippreżentat għall-qatla.

11      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE.

12      Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat li l-ammont massimu tal-għajnuna awtorizzata fil-kuntest tal-finanzjament tat-testijiet BSE, stabbilit fil-linji gwida TSE għas-somma ta’ EUR 40 għal kull test, kien inqabeż bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ammont tal-għajnuna li kien qabeż l-imsemmi ammont massimu awtorizzat kien jammonta għal EUR 6 619 810.74 euros.

13      Fil-premessa 92 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni fil-fatt qieset li “[...] il-miżuri ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat fosthom il-kontribuzzjonijiet, joħolqu vantaġġ selettiv għall-bdiewa, il-biċċeriji u l-entitajiet l-oħrajn li jipproċessaw, jimmanipulaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti tal-bovini [tal-annimali tal-ifrat] soġġetti għat-test obbligatorju għall-BSE skont il-liġi applikabbli, minħabba li dawn itaffu l-piżijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarji. Dawn il-vantaġġi ma jingħatawx permezz ta’ pagamenti diretti, iżda permezz tal-ħlas tal-kostijiet tat-testijiet għall-BSE mill-awtoritajiet pubbliċi, li jħallsu direttament l-kost tat-testijiet lil-laboratorji li jagħmluhom fuq talba tal-biċċeriji u li jgħaddu l-kostijiet lill-FASFC.ˮ

14      Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 99 u 100 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, li l-finanzjament tat-BSE permezz ta’ kontribuzzjonijiet kien jikkostitwixxi vantaġġ iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat favur il-bdiewa, il-biċċeriji u entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmanipulaw, ibiegħu jew jikkummerċjalizzaw il-prodotti tal-annimali tal-ifrat sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE skont il-liġi applikabbli u, min-naħa l-oħra, li dan il-vantaġġ jaqa taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. Wara li semmiet li r-Renju tal-Belġju ma kienx innotifikalha din l-għajnuna, din l-istituzzjoni rrilevat li l-imsemmija għajnuna kienet illegali.

15      Fil-premessi 126 sa 128 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mħallsa bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004, is-sistema ta’ rkupru tal-għajnuna permezz ta’ kontribuzzjonijiet miġbura għall-finanzjament tal-FASFC, kif propost mir-Renju tal-Belġju, li jipprovdi li r-raġuni li ttieħed dan l-approċċ globali kien il-fatt li fil-prattika kien diffiċli li jsir irkupru individwali ta’ din l-għajnuna.

16      Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kontenzjuża il-Kummissjoni enfasizzat li s-sistema ta’ rkupru tal-għajnuna kif implementata mir-Renju tal-Belġju ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn, bil-kontra ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċjarju reali ta’ din l-għajnuna ma huwiex obbligat jagħti lura huwa nnifsu l-vantaġġ li bbenefika minnu fuq is-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

17      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża li ġiet innotifikata lir-Renju tal-Belġju fit-28 ta’ Lulju 2011, kif ġej:

“Artikolu 1

1.      Il-miżuri ffinanzjati permezz tar-retribuzzjonijiet mhumiex għajnuna.

2.      Il-finanzjament tat-testijiet għall-BSE permezz tar-riżorsi tal-Istat jikkostitwixxi għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini [annimali tal-ifrat] u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002 u għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2005.

3.      Il-finanzjament tat-testijiet għall-BSE permezz tar-riżorsi tal-Istat għall-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004 huwa għajnuna kumpatibbli mas-suq intern li tingħata lill-bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkumerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-bovini [annimali tal-ifrat] u sottomessi għal test obbligatorju għall-BSE għall-ammonti taħt EUR 40 għal kull test. L-ammonti li jaqbżu EUR 40 għal kull test mhumiex kumpatibbli mas-suq intern u għandhom jiġu rkuprati, minbarra l-għajnuna mogħtija lil proġetti speċifiċi li, meta ngħatat l-għajnuna, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis applikabbli.

4.      Il-Belġju implimenta b’mod illegali għajnuna għall-finanzjament tat-testijiet għall-BSE bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE matul il-perjodu li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2004.

Artikolu 2

1.      Il-Belġju għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna illegali u mhux kumpatibbli msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), mingħand il-benefiċjarji.

2.      L-għajnuna li għandha tkun irkuprata għandha tinkludi l-interessi kkalkulati mid-data li fiha ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħha.

3.      L-interessi għandhom ikunu kkalkulati fuq bażi komposta skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu V tar-Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 794/2004[, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8. Vol. 4, p. 3)].

4.      L-irkupru għandu jsir minnufih skont il-proċeduri previsti mil-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), huwa immedjat u effettiv.

Il-Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.      Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Belġju għandu jippreżenta din l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)      il-lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), u l-ammont totali tal-għajnuna li rċieva kull wieħed minnhom;

(b)      l-ammont totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jkun irkuprat mingħand il-benefiċjarji;

(ċ)      deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu jew dawk previsti sabiex jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)      dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.      Il-Belġju għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar wara li jkunu ġew adottati l-miżuri nazzjonali sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni, u dan sakemm tkun ġiet irkuprata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4).

3.      Wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1, il-Belġju għandu jippreżenta, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, rapport dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk previsti sabiex jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-interessi tal-irkupru diġà miġbura mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

18      Fis-27 ta’ Settembru 2011, ir-Renju tal-Belġju informa lill-Kummissjoni bin-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-deċiżjoni kontenzjuża.

19      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett huwa indika li kien tal-fehma li l-finanzjament tal-ispejjeż tat-testijiet mill-Istat ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat inkwantu “ma teżisti ebda regola tal-Unjoni li tobbliga lill-Istati Membri jirkupraw, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż tat-testijiet BSE mingħand l-atturi ekonomiċi u b’mod partikolari, dawn li huma attivi fis-settur agrikoluˮ. Imbagħad, ir-Renju tal-Belġju enfasizza l-importanza tal-investigazzjoni li kienu qegħdin imexxu l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni dwar suspetti ta’ prattiki antikompetittivi min-naħa ta’ laboratorji fir-rigward tat-testijiet BSE.

20      Għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa sostna li, fid-dawl taċ-ċirku wiesa’ ta’ persuni msemmija mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, jiġifieri l-bdiewa, il-biċċeriji u l-entitajiet l-oħrajn li jipproċessaw, jimmanipulaw, ibiegħu jew jikkummerċjalizzaw prodotti tal-annimali tal-ifrat suġġetti għat-test obbligatorju għall-BSE, kien impossibbli “li tinstab konnessjoni oġġettiva bejn l-annimal ittestjat oriġinarjament għall-[BSE] u l-benefiċjarji f’kull stadju sal-bejgħ tal-prodott finali.ˮ

21      Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju sostna li, fi kwalunkwe każ, kien suffiċjenti li jitqassam b’mod ugwali l-ammont tal-imsemmija għajnuna bejn setturi kkonċernati (bdiewa, bejjiegħa ta’ annimali ħajjin, biċċiera, produzzjoni u trasformazzjoni ta’ prodotti, bejgħ bl-ingrossa u bejgħ bl-imnut) u jiġi diviż bin-numru ta’ operaturi ekonomiċi li jaħdmu f’dan is-settur sabiex jiġi kkonstatat li ma kienx hemm lok li din tiġi rkuprata, b’applikazzjoni tar-regola de minimis.

22      Fit-18 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni indikat lir-Renju tal-Belġju li l-benefiċjarju tal-għajnuna “huwa l-operatur suġġett għal obbligu ta’ test BSE, u li lilu l-biċċerija toħroġ fattura għal retribuzzjoni għall-ispejjeż tat-BSE” u li kien l-obbligu ta’ dan l-Istat Membru li “jivverifika matul il-perijodu kkonċernat jekk il-benefiċjarji individwali tas-servizz ta’ test BSE mwettaq fuq il-bovini tagħhom kinux ibbenefikaw minn għajnuna inkompatibbli ([jiġifieri] li tmur lil hinn mill-EUR 40) li teċċedi d-de minimisˮ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet metodu ta’ kalkolu li jikkonsisti, jekk jiġi preżunt li ma ngħatatx għajnuna oħra, fid-diviżjoni tal-ammont de minimis bl-ammont li jeċċedi l-limitu ta’ EUR 40 għal kull test imwettaq, sabiex finalment jinkiseb in-numru ta’ testijiet BSE minn kull operatur li lil hinn minnu l-għajnuna taqbeż il-limiti awtorizzati.

23      Wara diversi skambji ta’ messaġġi elettroniċi dwar, b’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ għajnuna li għandhom jiġu rkuprati, il-Kummissjoni, peress li qieset li r-Renju tal-Belġju ma kienx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni kontenzjuża, bdiet, permezz ta’ rikors tad-19 ta’ Diċembru 2014, l-azzjoni preżenti.

24      Wara li nbdiet tali azzjoni, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T‑538/11, EU:T:2015:188), ir-rikors għal annullament ippreżentat preċedentement mir-Renju tal-Belġju kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:489), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mir-Renju tal-Belġju mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni tesponi li ma seħħ ebda rkupru tal-għajnuna inkwistjoni fit-terminu ta’ erba’ xhur ta’ wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri mhux iktar tard mit-28 ta’ Novembru 2011, u li barra minn hekk ir-Renju tal-Belġju ma jipprovdi ebda prova li huwa assolutament impossibbli għalih li jeżegwixxi din id-deċiżjoni.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju tal-Belġju, id-deċiżjoni kontenzjuża tippermetti li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma tirrigwardax globalment lill-bdiewa, bdiewa, lill-biċċeriji u lil entitajiet oħrajn li jipproċessaw, jimmaniġġjaw, ibiegħu jew jikkummerċjalizzaw prodotti li jkunu ġejjin mill-annimali tal-ifrat, iżda tispeċifika li, fost dawn il-persuni, jibbenefikaw minn din l-għajnuna dawk li huma obbligati li jwettqu test BSE u li l-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna ppermettiet li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom.

27      Għaldaqstant, il-benefiċjarji reali tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern huma, fil-parti l-kbira tal-każijiet u fl-assenza ta’ kull ċirkustanza partikolari, il-produtturi primarji, iżda jistgħu jkunu, f’ċirkustanzi oħrajn u skont il-każ, jew il-biċċeriji, jew l-entità li pproċessat jew immaniġġjat l-annimal, jew dik li biegħet jew ikkummerċjalizzat il-prodotti tal-annimali tal-ifrat.

28      Din l-istituzzjoni żżid tgħid li, matul l-iskambji tal-messaġġi elettroniċi mar-Renju tal-Belġju, hija ma waqfitx tissuġġerixxi metodi prattiċi u li jistgħu jitwettqu sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni kontenzjuża u li, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-istat, il-pożizzjoni tagħha qatt ma nbidlet għal dak li jikkonċerna l-persuni li, fis-sens ta’ din id-deċiżjoni, kellhom jitqiesu li huma l-benefiċjarji tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

29      Hija tenfasizza li r-Renju tal-Belġju ma jistax jinvoka r-regoli de minimis, peress li naqas milli jidentifika l-benefiċjarji individwali tal-għajnuna u li konsegwentement ma huwiex f’pożizzjoni, minn naħa, li jipprova li l-kumulu ta’ din l-għajnuna ma kienx effettivament jaqbeż il-limitu awtorizzat mill-imsemmija regoli u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti minnhom kienu ġew osservati.

30      Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-Renju tal-Belġju kien żbaljat meta invoka l-impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża u li huwa jsostni li, matul il-proċedura kollha, huwa wera lealtà kbira, minkejja li dan l-Istat ma waqafx jopponi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża permezz ta’ argumenti kuntrarji.

31      Bħala risposta, ir-Renju tal-Belġju jsostni, fl-ewwel lok, li l-finanzjament tat-testijiet BSE ma jistax jiġi kklassifikat bħala li huwa għajnuna mill-Istat, inkwantu l-obbligu li jsiru dawn it-testijiet jitnissel mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li konsegwentement huma ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu piż li jolqot normalment il-baġit ta’ impriża.

32      Huwa jsostni, fit-tieni lok, li teżisti ċertezza raġonevoli li l-limiti de minimis ma kinux inqabżu, b’tali mod li huwa bl-ebda mod ma naqas mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li, peress li l-BSE hija marda li taffettwa il-katina alimentari kollha, mill-istadju tal-produzzjoni għal dak tal-bejgħ tal-prodott finali, huwa impossibbli li tiġi identifikata rabta oġġettiva bejn l-annimal ittestjat u d-diversi benefiċjarji f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-prodott finali. Din hija r-raġuni għaliex l-imsemmi Stat Membru dejjem sostna, b’konformità mad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-premessa 92 tagħha, li l-ispiża tat-testijiet BSE għandha tkun riflessa fuq is-sitt setturi ekonomiċi kkonċernati mill-laħam tal-annimali tal-ifrat, b’mod partikolari peress li, kieku l-għajnuna li trid tiġi rkuprata kienet attribwita b’mod ugwali lil dawn is-setturi, l-ammont medju tal-vantaġġ għal kull benefiċjarju u għal kull settur ikun jinsab ferm taħt il-limiti de minimis, b’tali mod li ma jkunx raġonevoli li Stat Membru jiġi mitlub iwettaq kompiti estremament diffiċli li, ovvjament, ikunu inutli.

33      Ir-Renju tal-Belġju jżid jgħid li, fi kwalunkwe każ, ma jkunx possibbli li jiġi vverifikat jekk il-limiti de minimis inqabżux skont kull benefiċjarju tal-għajnuna ħlief bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża tippermetti li jiġu identifikati effettivament l-imsemmija benefiċjarji u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

34      F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-eżistenza ta’ inkonsistenzi fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli għandux isir biss mingħand il-proprjetarji tal-annimal jew mingħand l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fis-setturi identifikati f’din id-deċiżjoni. Minn dawn l-inkonsistenzi għandu jiġi dedott jew l-ineżistenza tal-imsemmija deċiżjoni jew l-impossibbiltà tal-eżekuzzjoni tagħha.

35      F’dan ir-rigward, dan l-istat Membru jsostni li ma jistax jiġi kkritikat li ma kkooperax b’mod leali mal-Kummissjoni, inkwantu l-adozzjoni tal-metodu globali li huwa kien irrakkomanda sabiex jeżegwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża biss kien tali li kien jippermetti tali eżekuzzjoni, iżda dan ma kienx permess mill-Kummissjoni, li ma waqfitx tbiddel l-ispjegazzjonijiet tagħha għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li l-finanzjamenti jikklassifikaw bħala għajnuna, skont l-Artikolu 1(3) u (4) tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma kienu suġġetti għal ebda rkupru, u lanqas li l-informazzjoni msemmija fil-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni ma kinux ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fit-termini mogħtija.

37      Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-motivi ta’ difiżi li r-Renju tal-Belġju jressaq sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet li fihom deċiżjoni ta’ rkupru tkun ġiet annullata taħt l-Artikolu 263 TFUE, l-uniċi motivi ta’ difiża li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huma dawk ibbażati fuq impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni li tagħha huwa destinatarju (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑63/14, EU:C:2015:458, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-ineżistenza tad-deċiżjoni ta’ rkupru, jekk jiġi preżunt li l-imsemmija deċiżjoni tkun ivvizzjata b’difetti partikolarment gravi u evidenti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C‑353/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:651, punt 43 u tat‑22 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, EU:C:2001:179, punt 19).

39      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjament tat-testijiet BSE bħala għajnuna mill-Istat, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument fir-realtà jikkontesta l-eżistenza stess ta’ għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, il-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr madankollu ma jasal sabiex isostni li din hija ineżistenti. Għaldaqstant, l-imsemmi argument jista’ jiġi invokat biss fil-kuntest proċedurali tal-kontenzjuż tar-rikors għal annullament, kif previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li dan l-istess argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 79 sa 81 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T‑538/11, EU:T:2015:188) li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Renju tal-Belġju kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, fejn din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:489).

41      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-argument ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjament tat-testijiet BSE bħala għajnuna mill-Istat huwa inammissibbli.

42      Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju li jipprovdi li d-deċiżjoni kontenzjuża hija ineżistenti, imqajjem fl-ipoteżi li l-għajnuna inkwistjoni tkun trid tiġi rkuprata esklużivament mingħand il-bdiewa, għandu jiġi rrilevat li, kemm fil-premessi 90, 92 u 99 kif ukoll fl-Artikolu 1(3) din id-deċiżjoni tindika l-benefiċjarji tal-għajnuna bħala dawk li għandhom l-obbligu li jwettqu test obbligatorju għall-BSE.

43      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kontenzjuża, anki jekk hija ma identifikatx b’mod iktar preċiż il-benefiċjarji skont settur speċifiku jew skont karatteristiċi oġġettivi li ma humiex dawk imsemmijin fil-punt preċedenti, hija madankollu tippermetti li jiġu ddeterminati l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma tillimita lil dawn il-benefiċjarji għall-bdiewa biss. Konsegwentement, din id-deċiżjoni ma tistax titqies li hija ineżistenti.

44      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq id-diffikultajiet marbuta mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji reali tal-għajnuna inkwistjoni, imqajjem fl-ipoteżi li l-obbligu li din l-għajnuna tiġi rkuprata ma jkunx limitat għall-bdiewa, għandu jitfakkar li l-biżgħa ta’ diffikultajiet interni, anki insurmontabbli, marbuta b’mod partikolari mal-verifika tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna illegali jew mal-firxa wiesa’ tal-iskema tal-għajnuna fil-qasam tal-produzzjoni nazzjonali ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑99/02, EU:C:2004:207, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju ma pprovax li kien impossibbli għalih li jidentifika fil-prattika l-benefiċjarji reali tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, huwa seta’ jindirizza, pereżempju, lil-laboratorji jew lill-operaturi li fuq is-sit tagħhom ittieħdu l-kampjuni għall-finijiet tat-test BSE, li huma entitajiet imsemmija fil-punt 25 tal-linji gwida TSE, sabiex jiddetermina l-operaturi l-oħra li lilhom ġiet ittrasferita l-imsemmija għajnuna.

46      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ eċċess tal-limiti de minimis, għandu jitfakkar li sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu identifikati l-impriżi li effettivament ibbenefikaw minnha (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, EU:C:2003:387, punt 55, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza teskludi l-possibbiltà li jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata billi jiġi diviż, b’mod ugwali, l-ammont globali ta’ din l-għajnuna bejn is-setturi ekonomiċi msemmija mid-deċiżjoni kontenzjuża, bħalma jipproponi r-Renju tal-Belġju sabiex tintwera l-assenza ta’ eċċess tal-limiti de minimis.

47      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas mill-obbligu ta’ rkupru, billi tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, huwa, min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, meta tkun ġiet stabbilita l-assenza ta’ rkupru ta’ parti jew tat-totalità tal-għajnuna inkwistjoni, li jiġġustifika r-raġunijiet li għalihom dan l-irkupru ma huwiex mitlub għal dak li jikkonċerna ċerti benefiċjarji (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 71). Issa, apparti l-metodu ta’ kalkolu, eskluż mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, il-Gvern Belġjan ma jipprovdi ebda informazzjoni preċiża u konkreta li tippermetti li jitqies li, għall-benefiċjarji kkonċernati, il-limiti de minimis huma osservati.

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern mill-Artikolu 1(3) u (4) tad-deċiżjoni kontenzjuża, u billi ma informax lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

49      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern mill-Artikolu 1(3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/678/UE, tas-27 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-iskrining għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE) fil-bovini [annimali tal-ifrat] implimentata mill-Belġju [Għajnuna mill-Istat C 44/08 (ex NN 45/04)], u billi ma informax lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

2)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top