EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0439

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
SC Star Storage SA et vs Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI) et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti u Curtea de Apel Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Directives 89/665/KEE u 92/13/KEE – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-atti tal-awtorità kontraenti għall-kostituzzjoni ta’ ‘garanzija ta’ kondotta tajba’ – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv.
Kawżi magħquda C-439/14 u C-488/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:688

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE — Kuntratti pubbliċi — Proċeduri ta’ reviżjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-atti tal-awtorità kontraenti għall-kostituzzjoni ta’ ‘garanzija ta’ kondotta tajba’ — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47 — Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawżi magħquda C‑439/14 u C‑488/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bucarest, ir-Rumanija) u l-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ Settembru 2014 u tat-8 ta’ Ottubru 2014, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2014 u fl-4 ta’ Novembru 2014 rispettivament, fil-proċeduri

SC Star Storage SA

vs

Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI) (C‑439/14),

u

SC Max Boegl România SRL,

SC UTI Grup SA,

Astaldi SpA,

SC Construcții Napoca SA

vs

RA Aeroportul Oradea,

SC Porr Construct SRL,

Teerag-Asdag Aktiengesellschaft

SC Col-Air Trading SRL,

AVZI SA,

Trameco SA,

Iamsat Muntenia SA (C‑488/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský, M. Safjan u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SC Star Storage SA, minn A. Fetiță, avukat,

għal SC Max Boegl România SRL, minn F. Irimia, avukat,

għall-Gvern Rumen, irrappreżentat minn R.-H. Radu, kif ukoll minn R. Haţieganu, D. Bulancea u M. Bejenar, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, irrappreżentat minn K. Georgiadis u K. Karavasili, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), u tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), kif emendata bid-Direttiva 2007/66 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu, fil-Kawża C‑439/14, fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Star Storage SA (iktar ’il quddiem “Star Storage”) u l-Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI) [istitut nazzjonali tar-riċerka u tal-iżvilupp tal-informatika (ICI)], dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat mal-ksib ta’ infrastruttura tal-informatika u servizzi marbuta mal-preparazzjoni, mal-ġestjoni, mal-iżvilupp u mal-implementazzjoni ta’ pjattaforma ta’ cloud computing u, fil-Kawża C‑488/14, fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, SC Max Boegl România SRL, SC UTI Grup SA, Astaldi SpA u SC Construcţii Napoca SA (iktar ’il quddiem “Max Boegl et”) u, min-naħa l-oħra, RA Aeroportul Oradea SA, Asocierea SC Porr Construct SRL, Teerag-Asdag Aktiengesellschaft, SC Col-Air Trading SRL, AZVI SA, Trameco SA u Iamsat Muntenia SA dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat max-xogħlijiet ta’ estensjoni u ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport ta’ Oradea (ir-Rumanija).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 89/665

3

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad- distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

Id-Direttiva 92/13

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri ta’ appalti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u l-posta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315)], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

Il-kuntratti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħol u ta’ servizzi, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi, ftehim qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jista’ jagħti l-każ li jagħmlu talba fir-rigward ta’ danni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat ta’ distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u regoli oħra nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

Id-Direttiva 2007/66

5

Il-premessa 36 tad-Direttiva 2007/36 tesponi:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-[Karta].”

Id-Direttiva 2004/17

6

L-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi:

“Minbarra fejn ikunu mwarrba mill-esklużjonijiet fl-Artikoli 19 sa 26 jew skont l-Artikolu 30, rigward is-segwiment tal-attività msemmija, din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti li għandhom valur li jeskludi t-taxxa tal-valur miżjud (VAT) stmat li mhuwiex inqas mill-livelli minimi li ġejjin:

[…]

(b)

5186000 EUR fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet.”

Id-Direttiva 2004/18

7

L-Artikolu 7(b) u (c) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti publiċi li mhumiex esklużi skont l-eċċezzjonijiet provduti fl-Artikoli 10 u 11 u l-Artikoli 12 sa 18 u li għandhom valur esklussiv ta’ valur addizzjonali ta’ taxxa (VAT) stmat li hu ugwali jew akbar minn dawn il-limiti massimi li ġejjin:

[…]

(b)

EUR 207000:

għal kuntratti ta’ forniment pubbliku u ta’ servizz mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti barra dawk elenkati fl-Anness IV,

għal kuntratti ta’ forniment pubbliku mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li huma elenkati fl-Anness IV u li joperaw fil-qasam tad-difiża, fejn dawn il-kuntratti jinvolvu prodotti mhux koperti fl-Anness V,

għal kuntratti ta’ forniment pubbliku mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi elenkati f’Kategorija 8 ta’ l-Anness II A, Kategorija 5 servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li l-posizzjoni tagħhom fis-CPV huma ekwivalenti għal CPC Numri ta’ referenza 7524, 7525 u 7526 u/jew is-servizzi elenkati fl-Anness II B;

(c)

EUR 5186000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi.”

Id-dritt Rumen

8

L-Artikoli 271a u 271b tal-Ordonanța de Urgență a Guvernului no34/2006, privind atribuirea contractelor de achiziţie publică, a contractelor de concesiune de lucrări publice şi a contractelor de concesiune de servicii (digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 34/2006, dwar proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi), kif emendat u kkompletat bl-Ordonanța de Urgență a Guvernului no51/2014 (digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 51/2014) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 34/2006”), jipprovdu:

“Artikolu 271a

(1)   Għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-awtorità kontraenti kontra r-riskju ta’ kondotta mhux xierqa, ir-rikorrent għandu jagħti garanzija ta’ kondotta tajba li tkopri l-perijodu kollu mid-data li fiha l-kontestazzjoni/t-talba/l-azzjoni titressaq sad-data li fiha d-deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim/is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun saret finali.

(2)   Il-kontestazzjoni/It-talba/L-azzjoni għandha tiġi miċħuda jekk ir-rikorrent jonqos milli jġib prova li l-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet iddepożitata.

(3)   Il-garanzija ta’ kondotta tajba għandha tingħata permezz ta’ trasferiment bankarju jew strument ta’ garanzija maħruġ f’konformità mar-rekwiżiti legali minn istituzzjoni bankarja jew kumpannija ta’ assigurazzjoni; il-garanzija oriġinali għandha tiġi ddepożitata fl-uffiċċji tal-awtorità kontraenti u kopja tagħha għandha tingħata lill-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-istess ħin meta tiġi ppreżentata l-kontestazzjoni/t-talba/l-azzjoni.

(4)   L-ammont totali tal-garanzija ta’ kondotta tajba għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-valur stmat tal-kuntratt li għandu jingħata, skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun inqas mill-ammonti massimi msemmija fl-Artikolu 55(2)(a) u (b)

(b)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun inqas mill-ammonti massimi msemmija fl-Artikolu 55(2), iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’[leu Rument (RON)] ta’ EUR 10000, skont ir-rata tal-kambju tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija

(c)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun ugwali għal jew iktar mill-ammonti massimi stabbiliti fl-Artikolu 55(2)(a) u (b), iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 25000 skont ir-rata tal-kambju tal-Bank Nazzjonali tar-Rumenija applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija

(d)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun ugwali għal jew iktar mill-ammonti massimi stabbiliti fl-Artikolu 55(2)(c), iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 100000 skont the rata tal-kambju tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija.

(5)   Il-garanzija ta’ kondotta tajba għandha tkun valida għal perijodu ta’ mill-inqas 90 jum, tkun irrevokabbli u tipprevedi l-ħlas mingħajr ebda kundizzjoni meta jintalab l-ewwel darba mill-awtorità kontraenti meta l-kontestazzjoni/t-talba/l-azzjoni tiġi miċħuda.

(6)   Jekk, fil-jum li fih il-garanzija ta’ kondotta tajba tkun waslet biex tiskadi, id-deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim jew is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja ma tkunx saret finali u l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun naqset milli testendi l-validità tal-garanzija ta’ kondotta tajba skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5, l-awtorità kontraenti għandha żżomm il-garanzija. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 271b(3) sa (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

(7)   Id-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 6 japplikaw ukoll mutatis mutandis fil-każ fejn l-azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim tkun tressqet minn persuna li ma tkunx l-awtorità kontraenti jew ir-rikorrent, konformement mal-Artikolu 281.

Artikolu 271b

(1)   Jekk il-kontestazzjoni tiġi miċħuda mill-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim jew mill-awtorità ġudizzjarja, meta l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun ressqet proċeduri direttament quddiem din tal-aħħar, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li żżomm il-garanzija ta’ kondotta tajba minn meta d-deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim/is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja ssir finali. Ir-rekwiżit li l-garanzija tinżamm tapplika għal-partijiet tal-kuntratt li fir-rigward tagħhom il-kontestazzjoni tkun ġiet miċħuda.

(2)   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll meta l-parti li tikkontesta d-deċiżjoni tirrinunzja għall-kontestazzjoni/għat-talba/għall-azzjoni.

(3)   Il-miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika meta l-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim/l-awtorità ġudizzjarja tiċħad il-kontestazzjoni bħala nieqsa minn motivazzjoni jew meta jkun hemm rinunzja għall-kontestazzjoni/għat-talba/għall-azzjoni wara li l-awtorità kontraenti tkun adottat miżuri korrettivi meħtieġa skont l-Artikolu 256c(1).

(4)   Meta l-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim jilqa’ l-kontestazzjoni, jew l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tilqa’ l-azzjoni mressqa kontra d-deċiżjoni tal-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim li tkun ċaħdet il-kontestazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tħallas lura l-garanzija ta’ kondotta tajba lill-parti li tkun ikkontestat id-deċiżjoni mhux iktar tard minn ħamest ijiem wara d-data li fiha d-deċiżjoni/is-sentenza tkun saret finali.

(5)   Meta l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun ressqet proċeduri direttament quddiem l-awtorità ġudizzjarja u din tal-aħħar tilqa’ t-talba, il-paragrafu 4 għandu japplika mutatis mutandis.

(6)   L-ammonti rċevuti mill-awtorità kontraenti skont il-garanzija ta’ kondotta tajba għandhom jiġu kklassifikati bħala dħul ta’ dik l-awtorità kontraenti.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C-439/14

9

L-ICI, bħala awtorità kontraenti, ippubblikat fl-1 ta’ April 2014, fis-Sistemul Electronic de Achiziţii Publice (pjattaforma elettronika tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iktar ’il quddiem is-“SEAP”) avviż li jagħti bidu għal proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat mal-ksib ta’ infrastruttura tal-informatika u servizzi marbuta mal-preparazzjoni, mal-ġestjoni, mal-iżvilupp u mal-implementazzjoni ta’ pjattaforma ta’ cloud computing kif ukoll il-fajl tas-sejħa għal offerti korrispondenti. Il-kriterju tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, ta’ valur stmat fl-ammont ta’ RON 61287713.71 (madwar EUR 13700000), mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud kien il-“prezz l-iktar baxx”.

10

Wara t-talbiet imressqa minn operaturi ekonomiċi, l-ICI ppubblikat fis-SEAP serje ta’ kjarifiki tal-istipulazzjonijiet tal-fajl tas-sejħa għal offerti.

11

Fit-30 ta’ Ġunju 2014, Star Storage kkontestat il-kjarifiki Nri 4 u 5 tal-24 ta’ Ġunju 2014 u Nru 7 tas-26 ta’ Ġunju 2014 quddiem il-Consiliul Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor (kunsill nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, iktar ’il quddiem iċ-“CNSC”).

12

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2014, iċ-CNSC, fuq il-bażi, partikolarment, tal-Artikolu 271a(2) tal-OUG Nru 34/2006, ċaħdet din il-kontestazzjoni bħala li kienet inammissibbli, peress li Star Storage ma kinitx ikkostitwixxiet il-garanzija ta’ kondotta tajba.

13

Fil-5 ta’ Awwissu 2014, Star Storage adixxiet lill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’azzjoni intiża, speċifikament, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, billi enfasizzat li l-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija ta’ kondotta tajba previst mil-leġiżlazzjoni Rumena kien imur kontra kemm il-Kostituzzjoni Rumena u kif ukoll id-dritt tal-Unjoni.

14

Il-qorti tar-rinviju qieset li, minħabba l-importanza tagħha u r-regoli li jirregolawha, il-garanzija ta’ kondotta tajba hija ta’ natura li tippreġudika serjament id-dritt tal-operaturi ekonomiċi għal proċedura ta’ rimedju effikaċi kontra l-atti tal-awtoritajiet kontraenti.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 1(3) tad-[Direttiva 89/665] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-aċċess għall-proċeduri ta’ [reviżjoni] kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għall-obbligu ta’ depożitu bil-quddiem ta’ “garanzija ta’ kondotta tajba”, bħal dik irregolata mill-Artikolu 271a u mill-Artikolu 271b tal-[OUG Nru 34/2006]?”

Il-Kawża C-488/14

16

RA Aeroportul Oradea, bħala awtorità kontraenti, ippubblikat fil-21 ta’ Jannar 2014 fis-SEAP avviż li jagħti bidu għal proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku marbut max-xogħlijiet ta’ estensjoni u ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport ta’ Oradea (ir-Rumanija). L-ammont stmat tal-kuntratt jitla’ għal RON 101232054 (madwar EUR 22800000), mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li l-kriterju tal-għoti miżmum kien l-“offerta l-iktar vantaġġuża mill-perspettiva ekonomika”.

17

Skont ir-rapport li sar wara l-evalwazzjoni tal-offerti, l-offerta mressqa mill-assoċjazzjoni fformata minn SC Max Boegl România SRL, SC UTI Grup SA u Astaldi SpA ġiet iddikjarata mhux konformi, filwaqt li dik imressqa mill-assoċjazzjoni fformata minn SC Construcţii Napoca SA, SC Aici Cluj SA u CS Icco Energ SRL ġiet ikklassifikata, skont il-kriterju tal-għoti miżmum, fit-tieni post.

18

Kull waħda minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet offerenti ressqet kontestazzjoni kontra dan ir-rapport quddiem iċ-CNSC. Permezz ta’ deċiżjoni tiegħu, tal-10 ta’ Lulju 2014, dawn il-kontestazzjonijiet ġew miċħuda bħala infondati. Kull waħda minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ressqet, konsegwentement, azzjoni kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea).

19

Waqt is-seduta li nżammet fl-10 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-fatt li, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Lulju 2014, tal-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006, dawn kienu marbuta li jikkostitwixxu “garanzija ta’ kondotta tajba”. Għalhekk Max Boegl et talbu li l-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija) tiġi adita b’eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) tad-Direttiva 89/665 u tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) tad-[Direttiva 92/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti għall-obbligu li tiġi ddepożitata minn qabel “garanzija ta’ kondotta tajba”, bħal dik irregolata bl-Artikolu 271a u bl-Artikolu 271b [tal-OUG Nru 34/2006]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Permezz ta’ digrieti tat-13 ta’ Novembru 2014 u tal-10 ta’ Diċembru 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talbiet tal-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) u tal-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea) fis-sens li l-Kawżi C‑439/14 u C‑488/14 ikunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2014, il-Kawżi C‑439/14 u C‑488/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u orali tal-proċedura u kif ukoll tas-sentenza.

23

Permezz tas-sentenza Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015, il-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) laqgħet parzjalment l-eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006 ssollevata minn Star Storage u Max Boegl et rispettivament.

24

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, lill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) u lill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea) talba għal kjarifiki, billi stednithom iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 u l-effetti possibbli tagħha fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari rispettiva tagħhom.

25

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Awwissu 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2015, il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea) indikat, essenzjalment, li s-sentenza tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 laqgħet l-eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità relatata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 271b(1) u (2) tal-OUG Nru 34/2006, iżda ċaħdet dik relatata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 271a u tal-Artikolu 271b(3) sa (6) tal-OUG Nru 34/2006, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha kienet issa tirrigwarda biss dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

26

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2015, il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) indikat ukoll, essenzjalment, li s-sentenza tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 kienet ikkonfermat il-kostituzzjonalità tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija ta’ kondotta tajba bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà għal kwalunkwe azzjoni u li jibqa’, konsegwentement, neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006, iddikjarati konformi mal-Kostituzzjoni Rumena, li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ rimedji legali fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-kundizzjoni li tiġi kkostitwita “garanzija ta’ kondotta tajba”, jistgħux jitqiesu li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif protett mill-Artikolu 1(1) sa (2) tad-Direttiva 89/665 u mill-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

27

Hija tqis, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni Rumena teħtieġ analiżi dettaljata, minn naħa, tal-fatt li l-garanzija ta’ kondotta tajba tiżdied mal-“garanzija tal-offerta” li l-offerent għandu wkoll, skont l-Artikolu 43a tal-OUG Nru 34/2006, jikkostitwixxi u li tagħha l-ammont jirrapreżenta sa 2 % tal-valur stmat tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li la huwa possibbli li ssir deroga mill-ammont tal-garanzija ta’ kondotta tajba, li huwa, skont l-Artikolu 271a(4) tal-OUG Nru 34/2006, awtomatikament stabbilit fil-livell ta’ 1 % tal-valur stmat tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż sa ammont massimu ekwivalenti għal EUR 100000, u lanqas li jkun hemm tnaqqis jew li ssir skeda ta’ ħlasijiet skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari.

28

Il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) konsegwentement tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 89/665 u tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-proċeduri legali kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti għal depożitu ta’ “garanzija ta’ kondotta tajba” favur l-awtorità kontraenti, bħal dik irregolata mill-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006?”

29

Finalment, permezz tas-sentenza Nru 750 tal-4 ta’ Novembru 2015, il-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) iddikjarat ukoll mhux konformi mal-Kostituzzjoni Rumena l-Artikolu 271a(5) tal-OUG Nru 34/2006, li kien jipprevedi l-ħlas mhux kundizzjonat għall-ewwel talba tal-garanzija ta’ kondotta tajba lill-awtorità kontraenti fil-każ taċ-ċaħda tal-kontestazzjoni, tat-talba jew tal-azzjoni.

Osservazzjonijiet preliminari

30

Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-Kawża C‑439/14 jirrigwarda provvisti u servizzi li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, id-Direttiva 89/665 għandha tiġi applikata fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

31

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ma jaqblux fir-rigward tan-natura tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-Kawża C‑488/14, billi l-ewwel parti tqis li dan il-kuntratt jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18 u, konsegwentement, taħt id-Direttiva 89/665, u t-tieni parti tqis li dan il-kuntratt jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/17, u għalhekk taħt id-Direttiva 92/13.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑488/14 ipprovdiet biss ftit informazzjoni dwar il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex possibbli għall-qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk dan jaqax taħt id-Direttiva 2004/17 jew taħt id-Direttiva 2004/18.

33

Madankollu, ladarba ppreċiżat li hija l-qorti ta-rinivju li għandha tiddeċiedi dan il-punt, għandu jingħad li din l-impreċiżjoni tibqa’ ma taffettwax il-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑488/14, sa fejn, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ammont tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jilħaq il-limiti stabbiliti għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet kemm mill-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll mill-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17.

34

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja se tirrispondi fl-istess ħin għad-domanda mressqa fil-Kawża C‑439/14 u għad-domanda mressqa fil-Kawża C‑488/14, billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 89/665 u 92/13 li l-interpratazzjoni tagħhom hija mitluba huma, fi kwalunkwe każ, redatti f’termini identiċi ħafna.

Fuq id-domandi preliminari

35

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti miż-żewġ qrati tar-rinviju bi tweġiba għat-talba għal kjarifiki indirizzata lilhom mill-qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet ippreżentati fis-seduta, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 271b(1) u (2), kif ukoll tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 271a(5) tal-OUG Nru 34/2006 ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni Rumena permezz tas-sentenzi tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 u Nru 750 tal-4 ta’ Novembru 2015, rispettivament.

36

Iż-żewġ qrati tar-rinviju speċifikaw li, konsegwentement, huma ma setgħux iktar japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, u dan ġie kkonfermat mill-Gvern Rumen fis-seduta. Madankollu, huma indikaw espressament li huma kienu qed iżommu d-domanda preliminari tagħhom, sa fejn id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-leġiżlazzjoni Rumena inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu dejjem applikabbli.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba ġie ppreċiżat li huma biss il-qrati tar-rinviju li għandhom jisiltu l-konsegwenzi mis-sentenzi tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 u Nru 750 tal-4 ta’ Novembru 2015, fl-ambitu tar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet li bihom ġew aditi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jipprevedu biss id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Rumena relatati mal-garanzija ta’ kondotta tajba meqjusa konformi mal-Kostituzzjoni Rumena.

38

Minn dan isegwi li, bid-domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ kull azzjoni kontra att tal-awtorità kontraenti għall-obbligu fuq ir-rikorrent li jikkostitwixxi garanzija ta’ kondotta tajba li hija tipprevedi favur l-awtorità kontraenti, filwaqt li ġie speċifikat li din il-garanzija għandha tintradd lura lir-rikorrent ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13 jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18 ikunu suġġetti għal rimedji effikaċi u, b’mod partikolari, l-iktar espedjenti possibbli, minħabba li dawn ikunu kisru id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

40

Kemm l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 jipprevedu, barra minn hekk, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-proċeduri ta’ rimedju legali jkunu aċċessibbli, tal-inqas lil kull persuna li għandha jew kellha interess li tieħu kuntratt partikolari u li ġiet jew li tista’ tiġi ppreġudikata minn allegat ksur, skont il-modalitajiet li huma għandhom jiddeterminaw.

41

Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma intiżi sabiex jipproteġu l-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, għandhom l-għan għalhekk li jiżguraw l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji legali effikaċi, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, partikolarment fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi kkoreġut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 71; tal-11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 50).

42

Mandankollu, la d-Direttiva 89/665 u lanqas id-Direttiva 92/13 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament il-kundizzjonijiet li fihom dawn ir-rimedji legali jistgħu jiġi eżerċitati. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li d-Direttiva 89/665 tistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet minimi li għalihom għandhom iwieġbu l-proċeduri legali stabbiliti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 47; tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C‑315/01, EU:C:2003:360, punt 45, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et, C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 33).

43

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttivi 89/665 u 92/12, li għandhom l-għan li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jkunu suġġetti għal rimedji effikaċi u l-iktar espedjenti possibbli (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 72; tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 51; tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C 34/03, EU:C:2005:127, punt 42; digriet tal-4 ta’ Ottubru 2007, Consorzio Elisoccorso San Raffaele, C‑492/06, EU:C:2007:583, punt 29; is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 40, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 47).

44

Għandu, b’mod partikolari, jiġi żgurat li la tiġi ppreġudikata l-effikaċità tad-Direttivi 89/665 u 92/13 (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, EU:C:2002:379, punti 58 u 59, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia, C‑440/13, EU:C:2014:2435, punt 40) u lanqas id-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni [sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 72, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 49].

45

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 36 tagħha, id-Direttiva 2007/66, u għalhekk id-Direttivi 89/665 kif ukoll 92/13 li hija emendat u kkompletat, għandhom l-għan li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

46

Konsegwentement, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-Direttivi 89/665 u 92/13 lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, l-Istati Membru għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta.

47

F’dan il-każ, l-Artikolu 271a(1) sa (5) tal-OUG Nru 34/2006 jimponi, fuq kull persuna li tipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li tintendi li tikkontesta deċiżjoni tal-awtorità kontraenti quddiem iċ-CNSC jew direttament quddiem qorti, l-obbligu li tikkostitwixxi garanzija ta’ kondotta tajba bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ kull azzjoni. Din il-garanzija, f’ammont li jikkorrispondi għal 1 % tal-valur stmat tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, b’limitu ta’ EUR 25000 għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi u ta’ EUR 100000 għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għandha tiġi kkostitwita favur l-awtorità kontraenti, permezz ta’ ħlas bankarju jew permezz ta’ strument ta’ garanzija maħruġ minn stabbiliment bankarju jew kumpannija tal-assigurazzjoni, għal perijodu ta’ validità ta’ mill-inqas 90 jum.

48

Din il-garanzija għandha, madankollu, tintradd lura, jekk l-azzjoni tintlaqa’, sa mhux iktar tard minn ħamest ijiem mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun saret definittiva, konformement mal-Artikolu 271b(4) u (5) tal-OUG Nru 34/2006, iżda wkoll jekk l-azzjoni tiġi rtirata jew miċħuda, peress li ż-żamma tal-garanzija mill-awtorità kontraenti tkun issa nieqsa minn bażi legali, fid-dawl tas-sentenzi tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 u Nru 750 tal-4 ta’ Novembru 2015.

49

Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, il-garanzija ta’ kondotta tajba tikkostitwixxi għalhekk, bħala kundizzjoni preliminari għall-eżami ta’ kull azzjoni, limitazzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta hija ġġustifikata biss jekk din tkun prevista mil-liġi, jekk din tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u twieġeb b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 160).

50

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, il-bażi legali tal-garanzija ta’ kondotta tajba hija kjarament u speċifikament stabbilita permezz tal-OUG Nru 34/2006, b’mod li din għandha titqies bħala li hija prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 47, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81). Barra minn hekk, il-fatt li l-garanzija ta’ kondotta tajba tista’ tilħaq l-ammont ta’ EUR 25000 jew ta’ EUR 100000 ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-obbligu li tiġi kkostitwita tali garanzija jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv, ladarba li, fi kwalunkwe każ, din il-garanzija ma tistax tinżamm mill-awtorità kontraenti, ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni ta’ rimedju.

51

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk il-garanzija ta’ kondotta tajba tirriflettix l-għan ta’ interess ġenerali u jekk, fl-affermattiv, tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

52

L-Artikolu 271a(1) tal-OUG Nru 34/2006 jispeċifika li l-għan tal-garanzija ta’ kondotta tajba huwa li jipproteġi lill-awtorità kontraenti mir-riskju ta’ mġiba mhux xierqa li tista’ tirriżulta. Il-Gvern Rumen indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll matul is-seduta, li l-garanzija ta’ kondotta tajba kellha l-għan prinċipali li tiffaċilita t-tmexxija tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi billi tipprekludi l-eżerċizzju abbużiv ta’ rimedji u kull dewmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ġlieda kontra l-eżerċizzju abbużiv tar-rimedji tikkostitwixxi, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, għan leġittimu li jgħin mhux biss li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttivi 89/665 u 92/13, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

54

Fil-fatt, rekwiżit finanzjarju bħall-garanzija ta’ kondotta tajba inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tiddisswadi l-kontestazzjonijiet abbużivi u tiggarantixxi lill-individwi kollha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, it-trattament tal-azzjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

55

Madankollu, minkejja li l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ restrizzjoni finanzjarja għall-aċċess ta’ persuna għal rimedju ġudizzjarju, din ir-restrizzjoni għandha madankollu tibqa’ f’relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi applikati u l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 4760).

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-obbligu li tiġi kkostitwita l-garanzija ta’ kondotta tajba tikkostitwixxi miżura inqas dissważiva fil-verżjoni attwali tagħha milli fil-verżjoni inizjali tagħha, billi din ma tistax iktar tinżamm b’mod awtomatiku u mingħajr kundizzjoni mill-awtorità kontraenti fil-każ ta’ ċaħda jew ta’ rtirar tal-azzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu huwa adatt sabiex jilħaq l-għan tal-ġlieda kontra r-rimedji abbużivi mfittex mil-leġiżlazzjoni Rumena.

57

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-kostituzzjoni tal-garanzija ta’ kondotta tajba tikkostitwixxi, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, oneru finanzjarju għar-rikorrent, billi dan tal-aħħar għandu jagħmel ħlas bankarju jew jikkostitwixxi garanzija bankarja.

58

L-ammont tal-garanzija ta’ kondotta tajba huwa stabbilit fil-forma ta’ perċentwali tal-prezz tal-kuntratt pubbliku kkunsidrat, li tista’ tilħaq EUR 25000 għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi u EUR 100000 għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.

59

Issa, il-mobilizzazzjoni ta’ somma ta’ dan il-kobor permezz ta’ ħlas bankarju meħtieġa sabiex jitwettqu l-passi rikjesti sabiex tiġi kkostitwita garanzija bankarja u l-ħlas tal-ispejjeż marbuta ma’ din il-kostituzzjoni huma ta’ natura li jinċitaw lir-rikorrenti għal ċerta prudenza fit-tressiq tal-azzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn hija taffettwa r-riżorsi jew, tal-inqas il-possibbiltajiet ta’ kreditu tar-rikorrenti sakemm din tiġi lliberata, il-garanzija ta’ amministrazzjoni tajba hija ta’ natura li tinċitahom sabiex jeżerċitaw diliġenza fl-ambitu tal-proċeduri li huma jibdew, b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ espedjenza tar-rimedji previst fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13. Fil-fatt, kif il-Gvern Rumen jenfasizza fis-seduta, ma jistax jiġi eskluż li tali rekwiżit finanzjarju jinċita lir-rikorrenti potenzjali sabiex jevalwaw b’mod serju l-interess tagħhom li jagħtu bidu għal proċedura ġudizzjarja u l-possibbiltà tagħhom li jirbħuha u, għalhekk, li jiddiswadihom milli jintroduċu talbiet li jkunu manifestament infondati u li jkunu biss intiżi sabiex itawlu l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 73).

60

It-tieni nett, sa fejn, skont is-sentenzi tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) Nru 5 tal-15 ta’ Jannar 2015 u Nru 750 tal-4 ta’ Novembru 2015, iż-żamma awtomatika u mingħajr kundizzjoni tal-garanzija ta’ kondotta tajba mill-awtorità kontraenti u l-ħlas tagħha fuq l-ewwel talba ma humiex possibbli iktar, ma jistax jitqies li s-sempliċi obbligu li tiġi kkostitwita din il-garanzija, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-azzjonijiet abbużivi li huwa jfittex.

61

Fil-fatt, il-garanzija ta’ kondotta tajba, fl-ammont ta’ 1 % tal-valur tal-kuntratt pubbliku, b’limitu skont in-natura tal-kuntratt, jibqa’ modest (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 58), b’mod partikolari għall-offerenti li huma normalment meħtieġa li jkollhom ċerta kapaċità finanzjarja. Din il-garanzija tista’, imbagħad u fi kwalunkwe każ, tiġi kkostitwita fil-forma ta’ garanzija bankarja. Finalment, hija għandha tiġi kkostitwita biss għall-perijodu bejn it-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja u r-riżoluzzjoni definittiva tagħha.

62

Finalment, fit-tweġiba tagħha għat-talba ta’ kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja bagħtitilha, il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell ta’ Bukarest) stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kumulu tal-garanzija ta’ kondotta tajba u tal-garanzija tal-offerta, li l-offerent għandu wkoll jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 43a tal-OUG Nru 34/2006. Madankollu, hija ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward, la fuq is-sistema attwali tal-garanzija tal-offerta u lanqas fuq ir-rabta tagħha mal-garanzija ta’ kondotta tajba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 89/665 u tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja kontra att tal-awtorità kontraenti għall-obbligu fuq ir-rikorrent li jikkostitwixxi l-garanzija ta’ kondotta tajba li hija tipprevedi favur l-awtorità kontraenti, ladarba din il-garanzija għandha tintradd lura lir-rikorrent ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, u l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja kontra att tal-awtorità kontraenti għall-obbligu fuq ir-rikorrent li jikkostitwixxi l-garanzija ta’ kondotta tajba li hija tipprevedi favur l-awtorità kontraenti, ladarba din il-garanzija għandha tintradd lura lir-rikorrent ikun xi jkun l-eżitu tal-azzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top