EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0058

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Lulju 2014.
Angelo Alberto Torresi u Pierfrancesco Torresi vs Consiglio dell’Ordine degli Avvocati di Macerata.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio Nazionale Forense.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Aċċess għall-professjoni ta’ avukat — Possibbiltà li tiġi rrifjutata l-iskrizzjoni fil-lista tal-ordni tal-avukati liċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu kisbu l-kwalifika professjonali ta’ avukat fi Stat Membru ieħor — Abbuż ta’ dritt.
Kawżi magħquda C‑58/13 u C‑59/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2088

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Aċċess għall-professjoni ta’ avukat — Possibbiltà li tiġi rrifjutata l-iskrizzjoni fil-lista tal-ordni tal-avukati liċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu kisbu l-kwalifika professjonali ta’ avukat fi Stat Membru ieħor — Abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawżi magħquda C‑58/13 u C‑59/13,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio Nazionale Forense (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Settembru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Frar 2013, fil-proċeduri

Angelo Alberto Torresi (C-58/13),

Pierfrancesco Torresi (C-59/13)

vs

Consiglio dell’Ordine degli Avvocati di Macerata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), E. Juhász u M. Safjan (Presidenti ta’ Awla), A. Rosas, D. Šváby, M. Berger, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. A. Torresi u P. Torresi, minn C. Torresi, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu kif ukoll minn R.‑I. Hatieganu u A.‑L. Crişan, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn M. Gómez-Leal u L. Visaggio, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Vitro u P. Mahnič Bruni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni [kwalifika] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, min-naħa, A. A. Torresi u P. Torresi u, min-naħa l-oħra, il-Consiglio dell’Ordine degli Avvocati di Macerata (Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Macerata, iktar ’il quddiem il-“Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Macerata”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ l-applikazzjonijiet tagħhom għal iskrizzjoni fit-taqsima speċjali tal-lista tal-avukati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 6 tad-Direttiva 98/5 hija fformulata kif ġej:

“Billi azzjoni hija wkoll iġġustifikata fil-livell ta’ Komunità għaliex ftit Stati Membri biss diġà jippermettu l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ avukati fit-territorju tagħhom, inkella imbagħad permezz ta’ provvista ta’ servizzi, minn avukati minn Stati Membri oħra li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom; billi, madanakollu, fl-Istati Membri fejn teżisti l-possibbiltà, d-dettalji prattiċi li jikkonċernaw, ngħidu aħna, l-qasam ta’ attività’ u l-obbligazzjoni sabiex issir ir-reġistrazzjoni [l-iskrizzjoni] ma’ l-awtoritajiet kompetenti tvarja konsiderevolment; billi diversità bħal din ta’ sitwazzjonijiet twassal għal inugwaljanzi u tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn avukati mill-Istati Membri u tikkostitwixxi tfixkil għall-moviment liberu; billi Direttiva biss li tistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-prattika tal-professjoni, barra minn permezz ta’ provvista ta’servizzi, minn avukati li jipprattikaw taħt it-titolu tal-professjoni ta’ pajjiżhom tista’ tirrisolvi dawn id-diffikultajiet u li tipprovdi l-istess opportunitajiet lill-avukati u konsumaturi ta’ servizzi legali fl-Istati Membri kollha.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, din għandha bħala għan li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fil-kapaċità ta’ ħaddiem għal rasu jew bis-salarju fi Stat Membru minbarra dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali.

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/5, intitolat “Id-dritt għall-prattika taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż tiegħu”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Kull avukat għandu jkun intitulat li jsegwi fuq bażi permanenti, f’kull Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ir-reġistrazzjoni [l-iskrizzjoni] ma’ l-awtorità kompetenti”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li:

“1.   Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra [japplika għall-iskrizzjoni tiegħu] ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat [attestazzjoni] li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat.”

Id-dritt Taljan

7

Ir-Repubblika Taljana ttrasponiet id-Direttiva 98/5 fid-dritt intern tagħha permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96 tat-2 ta’ Frar 2001 (suppliment ordinarju fil-GURI Nru 79, tal-4 ta’ April 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 96/2001”). L-Artikolu 6 tiegħu, intitolat “Iskrizzjoni”, jipprevedi li:

“1.   Għall-finijiet tal-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Italja, iċ-ċittadini ta’ Stat Membri li jkollhom wieħed mit-titoli msemmija fl-Artikolu 2 għandhom japplikaw għall-iskrizzjoni tagħhom f’taqsima speċjali tal-lista stabbilita fil-qorti distrettwali fejn huma jkunu stabbilixxew, b’mod permanenti, ir-residenza tagħhom jew id-domiċiju professjonali tagħhom, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar l-obbligi fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

2.   L-iskrizzjoni fit-taqsima speċjali tal-lista għandha tkun suġġetta għall-iskrizzjoni tal-applikant mal-organizzazzjoni professjonali kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

3.   L-applikazzjoni għal iskrizzjoni għandha tinkludi d-dokumenti segwenti:

a)

ċertifikat ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew dikjarazzjoni li sservi bħala ċertifikat;

b)

ċertifikat ta’ residenza jew dikjarazzjoni li sservi bħala ċertifikat, jew dikjarazzjoni tal-applikant li tinkludi indikazzjoni tad-domiċilju professjonali;

c)

attestazzjoni ta’ iskrizzjoni mal-organizzazzjoni professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini, maħruġa sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ preżentazzjoni, jew dikjarazzjoni li sservi bħala attestazzjoni.

[…]

6.   Fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jew ta’ suppliment għall-applikazzjoni, il-Kunsill tal-ordni tal-avukati, wara li jkun ivverifika li l-kundizzjonijiet neċessarji ġew issodisfatti u li ma hemm ebda raġunijiet li jżommuh milli jagħmel dan, għandu jordna l-iskrizzjoni fit-Taqsima Speċjali u għandu jinnotifika dan lill-awtorità korrispondenti fl-Istat Membru ta’ oriġini.

7.   L-applikazzjoni ma tistax tiġi miċħuda qabel ma tkun instemgħat il-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tkun motivata u, f’terminu ta’ ħmistax-il jum, għandha tiġi nnotifikata fil-verżjoni sħiħa tagħha lill-persuna kkonċernata u lill-prosekutur tar-Repubblika [...]

8.   Jekk il-Kunsill tal-ordni tal-avukati jonqos milli jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni fit-terminu stabbilit fil-paragrafu 6, il-persuna kkonċernata tista’, fi żmien għaxart ijiem mill-iskadenza ta’ dan it-terminu, tippreżenta rikors quddiem il-Consiglio Nazionale Forense [Kunsill nazzjonali tal-ordni tal-avukati] li għandu jiddeċiedi fuq il-mertu tal-applikazzjoni.

9.   Permezz tal-iskrizzjoni fit-taqsima speċjali tal-lista, l-avukat stabbilit jingħata d-dritt tal-vot, bl-esklużjoni tad-dritt ta’ eliġibbiltà.

[…]”

8

Bis-saħħa tad-Digriet Liġi Rjali Nru 1578, tas-27 ta’ Novembru 1933, mibdul f’liġi, wara emendi, permezz tal-Liġi Nru 36 tal-1934, kif emendata sussegwentement (Gazzetta Ufficiale Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 1934), kull deċiżjoni tal-Consiglio Nazionale Forense tista’ tiġi appellata fuq motivi ta’ legalità quddiem l-assemblea plenarja tal-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ kassazzjoni).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Wara li kisbu d-diploma universitarja tagħhom fid-dritt fl-Italja, A. A. Torresi u P. Torresi kisbu diploma universitarja fid-dritt fi Spanja u, fl-1 ta’ Diċembru 2011, ġew inklużi bħala avukati fil-lista tal-Ilustre Colegio de Abogados de Santa Cruz de Tenerife (kamra tal-avukati ta’ Santa Cruz de Tenerife, Spanja).

10

Fis-17 ta’ Marzu 2012, A. A. Torresi u P. Torresi ppreżentaw, skont l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96/2001, applikazzjoni quddiem il-Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Macerata għal iskrizzjoni fit-taqsima speċjali tal-lista tal-avukati li tirrigwarda l-avukati li jkollhom titolu professjonali li jkun ingħata fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana u li jkunu stabbiliti f’din tal-aħħar (iktar ’il quddiem l-“avukati stabbiliti”).

11

Il-Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Macerata ma ħax deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal iskrizzjoni fit-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 6(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96/2001.

12

Għalhekk, A. A. Torresi u P. Torresi ppreżentaw, fid-19 u fl-20 ta’ April 2012 rispettivament, rikorsi quddiem il-Consiglio Nazionale Forense sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet tagħhom għal iskrizzjoni. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma sostnew li l-iskrizzjonijiet mitluba kienu suġġetti għal kundizzjoni unika imposta mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, jiġifieri l-preżentazzjoni ta’ “attestazzjoni ta’ iskrizzjoni mal-organizzazzjoni professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini”, li, f’dan il-każ, huwa r-Renju ta’ Spanja.

13

Madankollu, il-Consiglio Nazionale Forense jqis li s-sitwazzjoni ta’ persuna li, wara li tkun kisbet diploma fid-dritt fi Stat Membru, tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tikseb hemmhekk it-titolu ta’ avukat sabiex immedjatament wara tirritorna fl-ewwel Stat Membru sabiex teżerċita hemmhekk attività professjonali, tidher li tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 98/5 u tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

14

Billi għandu dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, il-Consiglio Nazionale Forense, filwaqt li jfakkar li ġie ddikjarat kompetenti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iressaq talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1) Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt u tal-Artikolu 4(2) TUE dwar ir-rispett tal-identitajiet nazzjonali, l-Artikolu 3 tad-[Direttiva 98/5], għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jirreġistraw [jwettqu l-iskrizzjoni] fil-lista tal-avukati stabbiliti [ta’] ċittadini Taljani li jkunu adottaw imġiba abbużiva tad-dritt tal-Unjoni u jipprekludi prassi nazzjonali li tippermetti lil tali awtoritajiet li jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fil-lista tal-[ordni tal-]avukati stabbiliti fil-każ li jeżistu ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw li jkun twettaq abbuż tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara, minn naħa, għar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, għad-dritt tal-persuna kkonċernata li tressaq proċeduri ġudizzjarji sabiex tasserixxi eventwali ksur tad-dritt ta’ stabbiliment u, għaldaqstant, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni amministrattiva?

2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE, interpretat b’dan il-mod, għandu jiġi kkunsidrat invalidu fid-dawl tal-Artiklu 4(2) TUE sa fejn jippermetti li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat għall-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-Istat meta tali eżami jkun previst fil-Kostituzzjoni tal-imsemmi Stat u jifforma parti mill-prinċipji fundamentali ta’ protezzjoni tal-utenti ta’ attivitajiet professjonali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Preliminarjament, A. A. Torresi u P. Torresi jsostnu, b’mod partikolari, li l-Consiglio Nazionale Forense ma huwiex korp ġudizzjarju u li għalhekk ma għandux id-dritt iressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. B’mod partikolari, huwa jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji biss meta jintervjeni fil-qasam dixxiplinari u mhux meta jaġġorna l-lista tal-avukati, f’liema qasam huwa jeżerċita biss funzjoni purament amministrattiva. Għalhekk, meta titressaq kawża quddiem il-Consiglio Nazionale Forense bis-saħħa tal-Artikolu 6(8) tad-Digriet Leġiżlattiv 96/2001, huwa għandu jiddeċiedi dwar l-iskrizzjoni bħala korp amministrattiv li huwa ġerarkikament superjuri għall-Kunsill tal-ordni tal-avukati li ma jkunx ħa d-deċiżjoni tiegħu fit-terminu previst fil-paragrafu 6 tal-istess artikolu.

16

Billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587), A. A. Torresi u P. Torresi jsostnu wkoll li l-Consiglio Nazionale Forense ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ imparzjalità peress li l-membri tiegħu huma avukati eletti minn kull Kunsill tal-ordni tal-avukati, inkluż dak li huwa parti fil-kawżi prinċipali. Konsegwentement, jeżisti r-riskju li l-eżitu tal-kawża mressqa quddiemu jiġi influwenzat minn interess prattiku, bħal dak li jiġu llimitati l-iskrizzjonijiet, minflok ma jkun ispirat mill-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt.

17

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Belov, C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 38).

18

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, l-indipendenza tal-korp tar-rinviju, din il-kundizzjoni tippreżupponi li l-imsemmi korp ikun protett minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jqiegħdu fil-perikolu l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemu (ara s-sentenza Wilson, EU:C:2006:587, punt 51).

19

Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, mogħti funzjonijiet ta’ natura differenti mil-liġi, għandux jiġi kkwalifikat bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li tiġi vverifikata n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun qiegħed jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fiha ssir it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qrati nazzjonali jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm kawża pendenti quddiemhom u jekk jissejħu sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara s-sentenza Belov, EU:C:2013:48, punti 39 u 41).

20

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ħames elementi mfakkra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Consiglio Nazionale Forense ġie stabbilit mil-liġi u għandu natura permanenti. Barra minn hekk, peress li l-kompetenza ta’ dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi l-kawżi kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsilli tal-ordni tal-avukati lokali hija prevista mil-liġi, peress li tali kompetenza ma għandhiex natura fakultattiva u peress li d-deċiżjonijiet li huwa jieħu fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu għandhom saħħa eżekuttiva, minn dan jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ din l-istanza hija obbligatorja. Fl-aħħar nett, huwa minnu li, minn naħa, il-proċedura applikabbli quddiem il-Consiglio Nazionale Forense, li hija bbażata primarjament fuq ir-regoli tal-proċedura ċivili, għandha natura kontradittorja kemm fil-fażi bil-miktub kif ukoll f’dik orali u, min-naħa l-oħra, li dan il-korp jiddeċiedi skont id-dritt.

21

Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ indipendenza, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Taljan jirriżulta b’mod partikolari li, għalkemm il-Consiglio Nazionale Forense huwa korp li jikkonsisti minn membri tal-kunsill eletti mill-membri ta’ varji Kunsilli tal-ordni tal-avukati lokali fost l-avukati awtorizzati jidhru quddiem il-Corte suprema di cassazione, fejn il-membri ta’ dawn il-kunsilli jkunu ġew huma stess eletti mill-avukati iskritti fil-lista tal-ordni tal-avukati kkonċernata, il-kariga ta’ membru tal-Kunsill nazzjonali hija inkompatibbli, b’mod partikolari, ma’ dik ta’ membru tal-Kunsill tal-ordni tal-avukati lokali.

22

It-tieni nett, jidher li l-Consiglio Nazionale Forense huwa suġġett għall-garanziji previsti mill-Kostituzzjoni Taljana fil-qasam tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qorti. Minbarra dan, huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija assoluta, mingħajr ebda rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili Taljan fil-qasam tal-astensjoni u tar-rikuża huma applikabbli għalih b’mod sħiħ.

23

It-tielet nett, hekk kif ikkonferma l-Gvern Taljan waqt is-seduta, għad-differenza ta’ Kunsill tal-ordni tal-avukati lokali li, fil-kuntest tal-proċedura mibdija permezz tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, huwa parti quddiem il-Consiglio Nazionale Forense, dan tal-aħħar ma jistax jkun parti fil-proċedura quddiem il-Corte suprema di cassazione kontra l-Kunsill tal-ordni tal-avukati kkonċernat. Għaldaqstant, il-Consiglio Nazionale Forense għandu, hekk kif tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Wilson, EU:C:2006:587, punt 49), il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni milquta b’kontestazzjoni.

24

Fl-aħħar nett, mill-proċess jirriżulta li, skont prattika stabbilita, il-membru tal-Kunsill nazzjonali li jkun jaqa’ taħt il-Kunsill tal-ordni tal-avukati kkonċernat bl-iskrizzjoni ma jagħmilx parti mill-kulleġġ ġudikanti tal-Consiglio Nazionale Forense, bla ħsara għall-applikabbiltà sħiħa tar-regoli dwar l-astensjoni u r-rikuża previsti mill-Kodiċi ta’ proċedura ċivili Taljan. Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan iddikjara li, għalkemm wieħed mill-membri tal-Consiglio Nazionale Forense kien iskritt mal-ordni tal-avukati ta’ Macerata, huwa madankollu astjena milli jipparteċipa fil-proċeduri li jirrigwardaw A. A. Torresi u P. Torresi.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Consiglio Nazionale Forense jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jikkaratterizzaw qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

26

Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit imfakkar fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak li jipprevedi li korp tar-rinviju jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fl-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu A. A. Torresi u P. Torresi, meta jiġi ppreżentat, bis-saħħa tal-Artikolu 6(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96/2001, rikors quddiem il-Consiglio Nazionale Forense kontra l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-ordni tal-avukati fit-terminu ta’ 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal iskrizzjoni fit-taqsima speċjali tal-lista tal-avukati, huwa ma jillimitax ruħu li jiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni minflok il-Kunsill tal-ordni tal-avukati kkonċernat. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Taljan u mill-proċessi verbali tas-seduti dwar ir-rikorsi ppreżentati minn A. A. Torresi u P. Torresi kontra l-Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Macerata, li nżammu fid-29 ta’ Settembru 2010 quddiem il-Consiglio Nazionale Forense, dan tal-aħħar jissejjaħ sabiex jiddeċiedi fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni impliċita tal-Kunsill tal-ordni tal-avukati kkonċernat, sa fejn din tiċħad l-applikazzjoni għall-iskrizzjoni tal-persuna kkonċernata. F’dan il-każ, jekk ir-rikors jintlaqa’, il-Consiglio Nazionale Forense jkollu jiddeċiedi fuq il-mertu tal-applikazzjoni għal iskrizzjoni.

27

Huwa minnu wkoll li l-preżentata tar-rikors fis-sens tal-Artikolu 6(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96/2001 tagħti lok għal proċedura li fiha l-partijiet huma mitluba jressqu l-argumenti tagħhom bil-miktub u oralment, waqt seduta pubblika u bl-assistenza ta’ avukat. L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jintervjeni fis-seduta sabiex iressaq it-talbiet tiegħu. F’dan il-każ, mill-proċessi verbali msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku talab sabiex ir-rikorsi ta’ A. A. Torresi u P. Torresi jiġu miċħuda. Il-Consiglio Nazionale Forense jiddeċiedi in camera, permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-forma, id-denominazzjoni u l-kontenut ta’ deċiżjoni mogħtija f’isem il-poplu Taljan.

28

Fl-aħħar nett, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, filwaqt li l-Kunsill tal-ordni tal-avukati lokali, li d-deċiżjoni tiegħu huwa s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Consiglio Nazionale Forense, huwa parti fil-proċedura quddiem dan tal-aħħar, meta d-deċiżjoni dwar l-imsemmi rikors tiġi, sussegwentement, appellata quddiem il-Corte suprema di cassazione, il-Consiglio Nazionale Forense ma jkunx parti fil-proċedura quddiemha. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza ta’ din il-qorti, mogħtija mill-assemblea plenarja fit-22 ta’ Diċembru 2011, li ġiet invokata minn A. A. Torresi u P. Torresi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa l-Kunsill tal-ordni tal-avukati li tibqa’ parti fil-proċedura quddiem il-Corte suprema di cassazione.

29

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, tressqet fil-fatt kawża quddiem il-Consiglio Nazionale Forense u li dan huwa mitlub jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni li għandha natura ġudizzjarja.

30

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Consiglio Nazionale Forense, sa fejn iwettaq stħarriġ skont l-Artikolu 6(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 96/2001, jikkostitwixxi qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula minnu.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

31

A. A. Torresi u P. Torresi kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostnu li, fid-dawl tal-ġurisprudenza inekwivoka tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, id-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio Nazionale Forense jaqgħu taħt id-duttrina tal-acte éclairé u huma, konsegwentement, inammissibbli.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja l-fatt li tkun teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun (ara s-sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punti 13 sa 15), u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma ċċaħħadx lil din tal-aħħar mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Boxus et, C‑128/09 sa 131/09, 134/09 u 135/09, EU:C:2011:667, punt 32).

33

Minn dan jirriżulta li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-awtoritajiet milli jirrifjutaw, billi jinvokaw abbuż ta’ dritt, l-iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stabbiliti lil ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li, wara li jkunu kisbu diploma universitarja f’dan tal-aħħar, ikunu marru fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jiksbu l-kwalifika professjonali ta’ avukat u li, sussegwentement, irritornaw lura lejn l-ewwel Stat Membru sabiex hemmhekk jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet il-kwalifika professjonali.

35

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/5, din għandha bħala għan li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor minn dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika professjonali.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ titoli professjonali ta’ avukati migranti li jkunu jixtiequ jipprattikaw il-professjoni tagħhom bis-saħħa tat-titolu miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara s-sentenza Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑168/98, EU:C:2000:598, punt 56).

37

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 98/5, permezz ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, b’mod partikolari, iġib fi tmiem id-disparità fir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ iskrizzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, li kienet l-oriġini ta’ inugwaljanzi u ta’ ostakoli għall-moviment liberu (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑193/05, EU:C:2006:588, punt 34, u Wilson, EU:C:2006:587, punt 64).

38

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jarmonizza kompletament il-kundizzjonijiet minn qabel meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment mogħti minn din id-direttiva, billi jipprovdi li l-avukat li jkun jixtieq jipprattika l-professjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak li fih ikun kiseb il-kwalifika professjonali għandu japplika għall-iskrizzjoni tiegħu mal-awtorità kompetenti f’dan l-Istat Membru, liema awtorità għandha twettaq tali iskrizzjoni “mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat [attestazzjoni] li jixhed ir-reġistrazzjoni [l-iskrizzjoni] tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2006:588, punti 35 u 36, kif ukoll Wilson, EU:C:2006:587, punti 65 u 66).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ attestazzjoni ta’ iskrizzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tidher għaldaqstant li hija l-unika kundizzjoni li għaliha għandha tkun suġġetta l-iskrizzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti li tippermettilha tipprattika hemmhekk il-professjoni tagħha bis-saħħa tat-titolu professjonali ta’ oriġini tagħha (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2006:588, punt 37, u Wilson, EU:C:2006:587, punt 67).

40

Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li ċittadini ta’ Stat Membru bħal A. A. Torresi u P. Torresi, li jippreżentaw lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru l-attestazzjoni tal-iskrizzjoni tagħhom mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-iskrizzjoni tagħhom, bis-saħħa tat-titolu professjonali tagħhom miksub f’dan l-aħħar Stat Membru, fil-lista tal-avukati stabbiliti tal-ewwel Stat Membru.

41

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, A. A. Torresi u P. Torresi ma setgħux, f’dan il-każ, jinvokaw l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, peress li l-kisba tal-kwalifika professjonali ta’ avukat fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana għandha biss l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dritt ta’ din tal-aħħar li jirregola l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u għalhekk jikkostitwixxi użu abbużiv tad-dritt ta’ stabbiliment, bi ksur tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux b’mod qarrieqi jew abbużiv jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Halifax et, C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68, kif ukoll SICES et, C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 29).

43

B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-libertà ta’ stabbiliment, Stat Membru jista’ jieħu miżuri intiżi li jwaqqfu ċerti ċittadini tiegħu milli, bis-saħħa tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat FUE, jipprovaw jevitaw b’mod abbużiv ir-regoli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom (ara s-sentenza Inspire Art, C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 136).

44

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ il-kombinazzjoni ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv (ara s-sentenza SICES et, EU:C:2014:145, punt 31).

45

Fir-rigward tal-element oġġettiv, minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi għandu jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li ried jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx (ara s-sentenza SICES et, EU:C:2014:145, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għal dak li jirrigwarda l-element suġġettiv, għandu jkun evidenti li teżisti l-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ inġust li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-għan tad-Direttiva 98/5 huwa li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor minn dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika professjonali.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jagħżlu, minn naħa, l-Istat Membru li fih jixtiequ jiksbu l-kwalifiki professjonali tagħhom u, min-naħa l-oħra, dak fejn għandhom l-intenzjoni li jipprattikaw il-professjoni tagħhom huwa inerenti fl-eżerċizzju, f’suq wieħed, tad-drittijiet fundamentali garantiti mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑286/06, EU:C:2008:586, punt 72).

49

Għalhekk, il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li jkun kiseb diploma universitarja f’dan l-istess Stat, imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jikseb il-kwalifika professjonali ta’ avukat u li, sussegwentement, jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni ta’ avukat bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet din il-kwalifika professjonali jikkostitwixxi wieħed mill-każijiet fejn l-għan tad-Direttiva 98/5 ikun intlaħaq u ma jistax jikkostitwixxi, fin innifsu, użu abbużiv tad-dritt ta’ stabbiliment li jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5.

50

Barra minn hekk, il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru għażel li jikseb kwalifika professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak li fih huwa jirrisjedi sabiex jibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar favorevoli ma jippermettix, fih innifsu, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 91 u 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt.

51

Barra minn hekk, tali ċirkustanza ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stabbiliti mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti saret ftit wara l-kisba tat-titolu professjonali fl-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-fatt, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3 ta’ Direttiva 98/5 bl-ebda mod ma jipprevedi li l-iskrizzjoni ta’ avukat li jkun jixtieq jipprattika l-professjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak li fih ikun kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tiġi suġġetta għall-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ esperjenza prattika bħala avukat fl-Istat Membru ta’ orġini.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jikseb il-kwalifika professjonali ta’ avukat wara li jkun għadda mill-eżamijiet universitarji u li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni ta’ avukat bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet din il-kwalifika professjonali ma jistax jikkostitwixxi prattika abbużiva.

Fuq it-tieni domanda

53

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 huwiex invalidu fid-dawl tal-Artiklu 4(2) TUE.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, L-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom.

55

Il-Consiglio Nazionale Forense jqis li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, sa fejn huwa jippermetti liċ-ċittadini Taljani, li jkunu kisbu t-titolu professjonali tagħhom ta’ avukat fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana, li jipprattikaw il-professjoni tagħhom f’din tal-aħħar, għandu bħala effett li jiġi evitat l-Artikolu 33(5) tal-Kostituzzjoni Taljana, li tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat għall-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-Istat. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tad-dritt derivat tal-Unjoni, sa fejn hija tippermetti li tiġi evitata leġiżlazzjoni li hija parti mill-identità nazzjonali Taljana, tikser l-Artikolu 4(2) TUE u għandha għalhekk titqies li hija invalida.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jirrigwarda unikament id-dritt li persuna tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru sabiex tipprattika hemmhekk il-professjoni ta’ avukat bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini. Din id-dispożizzjoni ma tirregolax l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u lanqas il-prattika ta’ din il-professjoni bis-saħħa tat-titolu professjonali mogħti fl-Istat Membru ospitanti.

57

Minn dan jirriżulta neċessarjament li applikazzjoni għal iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stabbiliti, ippreżentata skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, ma hijiex ta’ natura li tippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat.

58

Għaldaqstant, hekk kif irrikonoxxa l-Gvern Taljan waqt is-seduta, għandu jitqies li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, sa fejn jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru, li jkunu kisbu t-titolu professjonali ta’ avukat fi Stat Membru ieħor, jipprattikaw il-professjoni tagħhom fl-Istat li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini, ma jista’, f’kull każ, la jaffettwa l-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali u lanqas il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.

59

Minn dan jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda magħmula ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni [kwalifika], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jikseb il-kwalifika professjonali ta’ avukat wara li jkun għadda mill-eżamijiet universitarji u li jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni ta’ avukat bis-saħħa tat-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet din il-kwalifika professjonali ma jistax jikkostitwixxi prattika abbużiva.

 

2)

L-eżami tat-tieni domanda magħmula ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top