EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0689

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2015.
Puligienica Facility Esco SpA (PFE) vs Airgest SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Proċeduri ta’ reviżjoni – Rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ppreżentat minn offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx – Azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ – Regola ġurisprudenzjali nazzjonali li timponi li l-azzjoni inċidentali tiġi eżaminata minn qabel u, jekk din tkun fondata, l-azzjoni prinċipali tiġi ddikjarata inammissibbli, mingħajr eżami dwar il-mertu – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju tad-dritt stabbilit b’deċiżjoni tas-seduta plenarja tal-qorti amministrattiva suprema ta’ Stat Membru – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni għall-awli ta’ din il-qorti – Obbligu tal-awla adita bi kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni tas-seduta plenarja, li din il-kwistjoni tintbagħat lura lilha – Fakultà jew obbligu tal-awla li tadixxi, b’mod preliminari, lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-689/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:263

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑689/13

Puligienica Facility Esco SpA (PFE)

vs

Airgest SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana (l-Italja)]

“Direttiva 89/665/KEE — Kuntratti pubbliċi — Rikors għal annullament kontra l-att tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku — Rikorsi inċidentali li jikkontestaw il-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku ta’ offerenti mhux magħżula — Regola ġurisprudenzjali nazzjonali li l-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors prinċipali biss jekk ir-rikors inċidentali huwa infondat — Natura vinkolanti tal-prinċipji stabbiliti mis-seduta plenarja tal-qorti amministrattiva suprema nazzjonali, anki f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni — Sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) — Artikolu 267 TFUE — Supremazija — Interpretazzjoni konformi”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa waħda, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal‑Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall‑għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħolijiet] ( 2 ), kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Diċembru 2007 ( 3 ), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), u min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll tal‑prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-interpretazzjoni konformi.

2.

Fil-fatt, id-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana (Kunsill tal-Ġustizzja Amministrattiva tar-Reġjun ta’ Sqallija, l-Italja), jirrigwardaw żewġ problemi ġuridiċi distinti. L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-portata tas-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) filwaqt li t-tieni tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 267 TFUE f’każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lil qorti tirrinvija l-kawża għas-seduta plenarja tagħha f’każ ta’ dubju dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ prinċipju tad-dritt stabbilit minnha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU L 134, p. 114) ] sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id‑deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]”

4.

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni” jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal‑proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

[…]

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment […]”

B – Id-dritt Taljan

1. Il-Kostituzzjoni

5.

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, “l-appell ta’ kassazzjoni jista’ jsir kontra d-deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato [...] għal raġunijiet li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni”.

2. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

6.

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 104, tat-2 ta’ Lulju 2010 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2010), stabbilixxa l-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

7.

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan il-kodiċi, “[il]-Consiglio di Stato huwa l-korp tal-qorti amministrattiva li jagħti l-aħħar deċiżjoni”. Il‑paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li “r-rikorsi kontra d‑deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativa regionale della Sicilia [(Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Sqallija)] għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana, b’konformità mad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti speċjali u mad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni korrispondenti”.

8.

L-Artikolu 42 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li “l-konvenuti u l-intervenjenti jistgħu jippreżentaw talbiet li l-interess tagħhom huwa marbut mat-talba prinċipali, permezz ta’ rikors inċidentali”.

9.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 99 tiegħu:

“1.   Jekk l-awla li quddiemha jitressaq ir-rikors tikkonstata li l-punt tad-dritt suġġett għall-eżami tagħha ta lok jew jista’ jagħti lok għal diverġenzi fil-ġurisprudenza, hija tista’, permezz ta’ digriet mogħti wara talba tal‑partijiet jew ex officio, tirrinvija r-rikors quddiem is-seduta plenarja. Is-seduta plenarja, jekk hija tqis xieraq, tista’ tirrinvija l-atti lill-awla.

2.   Qabel ma tingħata sentenza, il-President tal-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat), fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jista’ jiddiferexxi għas-seduta plenarja kull rikors sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet ta’ prinċipju tal-ikbar importanza jew sabiex iwaqqaf diverġenzi tal‑ġurisprudenza.

3.   Jekk l-awla li quddiemha jitressaq ir-rikors tqis li hija ma taqbilx ma’ prinċipju tad-dritt stabbilit mis-seduta plenarja, hija tirrinvija lil din tal-aħħar id-deċiżjoni tar-rikors, permezz ta’ digriet immotivat.

4.   Is-seduta plenarja tiddeċiedi dwar it-tilwima kollha, ħlief jekk hija tiddeċiedi li tistabbilixxi prinċipju tad-dritt jew li tirrinvija l-kumplament tal-kawża lill-awla tar-rinviju.

5.   Jekk hija tqis li l-kwistjoni hija partikolarment importanti, is-seduta plenarja tista’ fi kwalunkwe każ tistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt fl‑interess tal-liġi, anki jekk hija tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tar‑rikors jew dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew l-estinzjoni tal‑proċedura. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tas-seduta plenarja ma għandhix effett fuq il-miżura appellata.”

3. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, tal-24 ta’ Diċembru 2003

10.

Fl-24 ta’ Diċembru 2003, il-leġiżlatur Taljan adotta d-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, intitolat “Modalitajiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti speċjali tar-Reġjun ta’ Sqallija dwar l-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tal-Consiglio di Stato fir-reġjun” (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 10, tal-14 ta’ Jannar 2004).

11.

Konformement mal-Artikolu 1(2) tiegħu, “[i]l-Consiglio di Giustizia amministrativa [per la Regione siciliana] għandu s-sede tiegħu f’Palermo u huwa kompost minn żewġ awli li għandhom funzjonijiet konsultattivi u ġudizzjarji rispettivament, li jikkostitwixxu awli separati mill-Consiglio di Stato”.

III – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali

12.

Permezz ta’ avviż ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2012, Airgest SpA, il‑kumpannija li tamministra l-ajruport ċivili ta’ Trapani-Birgi (l-Italja) nediet proċedura miftuħa li bħala għan kellha l-għoti ta’ servizz ta’ tindif u manutenzjoni taż-żoni ħodor ta’ dan l-ajruport ċivili.

13.

Il-kuntratt ingħata, permezz ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt definittiva tat-22 ta’ Mejju 2012, lill-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi”) maħluqa bejn il‑kumpannija Gestione Servizi Ambientali Srl (iktar ’il quddiem “GSA”) u l-kumpannija Zenith Services Group Srl.

14.

Puligienica Facility Esco SpA (PFE) (iktar ’il quddiem “PFE”), li kienet ipparteċipat ukoll fis-sejħa għal offerti u kienet ikklassifikat it-tieni, ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia. Hija talbet, b’mod partikolari, l-annullament tad‑deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt u, konsegwentement, li l-kuntratt jingħata lilha.

15.

Insostenn tar-rikors tagħha, PFE kkunsidrat li l-awtorità kontraenti kellha teskludi lill-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li ngħatat il-kuntratt minħabba ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(h) u (m) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, tat-12 ta’ April 2006, dwar Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi ta’ Xogħlijiet, Servizzi u Provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006) u tal-Punt III.2.1 tal-avviż ta’ kuntratt kif ukoll tal-punt (ċ) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

16.

GSA, kap tal-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, saret għalhekk parti fil-kawża u ppreżentat rikors inċidentali sabiex targumenta n-nuqqas ta’ interess ta’ PFE fl-azzjoni tagħha. Dan ir-rikors inċidentali kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, skont GSA, PFE ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissjoni fis-sejħa għal offerti minħabba l-impreċiżjoni tal-offerta tagħha u kellha, għalhekk, tkun eskluża mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

17.

It-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia eżaminat l-argumenti taż-żewġ partijiet u laqgħet iż-żewġ rikorsi.

18.

Wara din is-sentenza, l-awtorità kontraenti eskludiet lill-impriżi kkontestati. Skont l-istħarriġ imwettaq b’eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, hija eskludiet ukoll l-impriżi l-oħra inizjalment inklużi fil‑klassifikazzjoni minħabba l-istess difett relatat man-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika tal-ispejjeż ta’ garanzija. Għalhekk infetħet proċedura nnegozjata għall-għoti tas-servizzi ċċitati iktar ’il fuq.

19.

PFE appellat mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia quddiem il-qorti tar‑rinviju, filwaqt li GSA ressqet appell inċidentali, b’mod partikolari għar-raġuni li l-imsemmija qorti ma kinitx osservat l-ordni ta’ eżami tar‑rikorsi stabbilita fis-sentenza Nru 4/2011 tas-seduta plenarja tal‑Consiglio di Stato (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 4/2001”) li tipprovdi li f’każ ta’ rikors inċidentali li jikkontesta l-ammissibbiltà tar‑rikors prinċipali, ir-rikors inċidentali għandu jkun eżaminat qabel ir‑rikors prinċipali.

20.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-prinċipju stabbilit mis-sentenza Nru 4/2011 kien diġà fiċ‑ċentru tad-dibattitu fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għas-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448).

21.

Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, żewġ offerenti kienu magħżula minn qabel mill-awtorità kontraenti u kienu mistiedna jippreżentaw l-offerti tagħhom. Peress li kkunsidra li l-offerta tal‑offerent rebbieħ ma tosservax l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l‑offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx ippreżenta rikors. B’reazzjoni għal dan, l-offerent rebbieħ, min-naħa tiegħu, ippreżenta rikors inċidentali billi argumenta li l-offerta mhux magħżula kellha tiġi eskluża għar-raġuni li ma tissodisfax lanqas wieħed mir-rekwiżiti minimi previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

22.

Skont il-qorti nazzjonali adita minn din il-kawża, it‑Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (Qorti amministrattiva reġjonali tal-Piemonte), iż-żewġ offerti kienu inadegwati u għalhekk kellhom jintlaqgħu ż-żewġ rikorsi, kemm ir-rikors prinċipali kif ukoll ir-rikors inċidentali, bil-konsegwenza tal-annullament tal-proċedura kollha tal‑għoti tal-kuntratt. Madankollu, skont il-prinċipju tad-dritt stabbilit mis-sentenza Nru 4/2011, ir-rikors inċidentali kellu jiġi eżaminat qabel ir-rikors prinċipali peress li tal-ewwel kien jirrigwarda l‑locus standi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi kien jikkontesta l‑ammissjoni tiegħu fil-proċedura tas-sejħa għal offerti.

23.

Adita preliminarjament mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ ma tistax twassal għar-rifjut tar-rikors prinċipali ta’ offerent meta r-regolarità tal-offerta ta’ kull wieħed mill-operaturi tiġi kkontestata fil-kuntest tal-istess proċedura u għal raġunijiet ta’ natura identika. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal‑oħrajn ( 4 ).

24.

Għaldaqstant, hija ddeċidiet li l-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 89/665 jipprekludi li r-rikors ippreżentat mill-offerent li l‑offerta tiegħu ma ntgħażlitx, jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-eżami minn qabel ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill‑offerent rebbieħ, mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar il‑konformità mal-imsemmijin speċifikazzjonijiet tekniċi kemm tal‑offerta tal-offerent rebbieħ, kif ukoll ta’ dik tal-offerent li jkun ippreżenta r-rikors prinċipali ( 5 ).

25.

Minkejja li tfakkar din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tiġbed l‑attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li, fil-kawża prinċipali, għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), l-impriżi parteċipanti huma iktar minn tnejn, anki jekk tnejn minnhom biss huma partijiet fil-kawża prinċipali.

26.

Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għar-regola stabbilita mill-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, li jipprovdi, li jekk hija tixtieq tirrifjuta l-linja ġurisprudenzjali stabbilita mis-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato, hija obbligata tirrinvija d-deċiżjoni kkontestata għal din l-istess seduta plenarja.

27.

Għaldaqstant, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kawża li dwarha hija għandha tiddeċiedi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 89/665 u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

28.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2013, li waslet lill‑Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2013, il-Consiglio di Giustizia amministrattiva per la Regione siciliana ddeċieda li jissospendi l-proċedura u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l‑Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari s-segwenti:

“1)

Il-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas‑sentenza [Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448)], sa fejn din tikkonċerna l-każ speċifiku, li huwa s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fejn kienu biss żewġ impriżi li pparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, japplikaw ukoll, minħabba xebh fis-sustanza mal-każ odjern, fil-każ, li huwa suġġett għall-istħarriġ ta’ dan il-Consiglio, fejn l-impriżi parteċipanti fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, għalkemm ammessi f’numru ta’ iktar minn tnejn, ġew esklużi kollha mill‑awtorità kontraenti, mingħajr ma ġie ppreżentat l-ebda appell minn l-imsemmija esklużjoni min-naħa tal-impriżi ħlief minn dawk involuti f’din l-istanza, b’tali mod li l-kawża li hija adita biha din il-qorti hija de facto limitata għal żewġ impriżi biss?

2)

Billi jillimita ruħu għad-domandi li jistgħu jiġu deċiżi permezz tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva, sa fejn din id‑dispożizzjoni tistabbbilixxi n-natura vinkolanti, għall-awli kollha u għall-kulleġġi kollha tal-Consiglio di Stato, ta’ kull prinċipju ta’ dritt stabbilit mis-seduta plenarja, anki meta jkun jidher ċar li l‑imsemmija seduta tkun ikkonfermat jew setgħet ikkonfermat prinċipju li jikser jew li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, imur kontra l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u b’mod partikolari kontra l-Artikolu 267 TFUE? U b’mod partikolari,

Il-Consiglio di Stato (l-awla jew il-kulleġġ) adit bil-kawża, f’każ ta’ dubju dwar il-konformità jew il-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni [...] ta’ prinċipju tad-dritt diġà ddikjarat mis-seduta plenarja, huwa obbligat li jibgħat lura l-kawża quddiem din tal-aħħar, permezz ta’ digriet immotivat, ipotetikament anki qabel ma jkun jista’ jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jistabbilixxi l-konformità u l‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-prinċipju tad-dritt kontenzjuż, jew inkella, għall-kuntrarju, il-Consiglio di Stato (l-awla jew il-kulleġġ) jista’ jew aħjar għandu, bħala qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, jagħmel ex officio, bħala qorti ordinarja tad-dritt tal-Unjoni, domanda preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni korretta ta’ dan id‑dritt?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda magħmula fil-paragrafu preċedenti tkun fis-sens li tirrikonoxxi l-fakultà jew l-obbligu ta’ kull awla u kulleġġ tal-Consiglio di Stato li jagħmlu ex officio domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew, fil‑każijiet kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun esprimiet ruħha, iktar u iktar jekk dan tkun għamlitu wara s-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato, billi tikkonferma l-eżistenza ta’ differenza jew ta’ konformità mhux kompluta bejn l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni [...] u l-prinċipju tad-dritt intern stabbilit mis-seduta plenarja — il-Consiglio di Stato (kull awla u kull kulleġġ), bħala qorti komuni tal-aħħar istanza tad-dritt tal‑Unjoni [...], jista’ jew għandu japplika immedjatament l‑interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni [...] kif mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jew, għall-kuntrarju, anki f’dan il-każ, ikun obbligat li jibgħat lura, permezz ta’ digriet immotivat, il-kawża quddiem is-seduta plenarja, u konsegwentement li jħalli għall-evalwazzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar u għas-setgħa diskrezzjonali tagħha l-applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni [...], kif diġà ġie ddikjarat mill-Qorti tal‑Ġustizzja b’mod vinkolanti?

Finalment, interpretazzjoni tas-sistema proċedurali amministrattiva tar-Repubblika Taljana fis-sens li l-eventwali deċiżjoni marbuta ma’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja titħalla għall-evalwazzjoni esklużiva tas‑seduta plenarja – jew anki l-unika soluzzjoni tal-kawża, meta din tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni diġà ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja – ma tmurx kontra, minbarra l-prinċipju ta’ żmien raġjonevoli għal smigħ xieraq u tar-riżoluzzjoni f’qasir żmien ta’ kawża fil-qasam tal‑proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ukoll ir-rekwiżit li d-dritt tal-Unjoni [...] jirċievi applikazzjoni sħiħa u diliġenti minn kull qorti ta’ kull Stat Membru, b’mod obbligatorjament konformi mal-interpretazzjoni korretta tiegħu kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki bil-għan li jissaħħu l-prinċipji tal-effett utli u tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni [...] fuq id-dritt (mhux biss sostantiv iżda wkoll proċedurali) intern ta’ kull Stat Membru (f’dan il-każ, fuq l-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi tal‑proċedura amministrattiva tar-Repubblika Taljana)?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn PFE, GSA, il-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, kollha esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Marzu 2015.

V – Analiżi

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

30.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) tapplikax fil-każ fejn l-impriżi li jipparteċipaw fil‑proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkontestata, għalkemm inizjalment inkludiet iktar minn tnejn, dawn kienu kollha esklużi mill-awtorità kontraenti mingħajr appell kontra l-imsemmija esklużjoni min-naħa ta’ impriżi oħra li ma humiex dawk involuti fil-kawża prinċipali, li kienet limitata biss għal tnejn minn dawn l-impriżi.

31.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, jidhirli li huwa neċessarju li fl-ewwel lok nara l-effett konkret tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448) sabiex fit-tieni lok niddetermina jekk in-numru ta’ kandidati jaffettwahiex jew huwiex rekwiżit. Fil-fatt, jekk jidher li n‑numru ta’ impriżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaffettwax l‑effetti tal-applikazzjoni tar-regola kif interpretata mill-Qorti tal‑Ġustizzja, għandha tingħata risposta pożittiva lill-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448) ma jistax jestendi l-effetti tiegħu għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, allura r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun negattiva.

1. Id-determinazzjoni tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448)

32.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), l-element determinanti jinsab fil-fatt li l-offerta magħżula ma kinitx, bi żball, ġiet eskluża fl-istadju tal-verifika tal‑offerti minkejja li ma kinitx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ( 6 ).

33.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata minn offerent, “l-azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ ma tistax twassal għaċ-ċaħda tar-rikors ta[l-]offerent, fiċ-ċirkustanza fejn ir‑regolarità tal-offerta ta’ kull wieħed mill-operaturi tiġi kkontestata fil‑kuntest tal-istess proċedura u għal raġunijiet ta’ natura identika [għaliex], f’tali sitwazzjoni, kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, li jista’ jwassal għall-konstatazzjoni tal-impossibbiltà, għall-entità kontraenti li tagħżel offerta regolari” ( 7 ).

34.

L-obbligu li jirriżulta minn dawn il-konstatazzjonijiet huwa għalhekk il-projbizzjoni li r-rikors prinċipali tal-offerent tellief jiġi ddikjarat inammissibbli abbażi tal-eżami minn qabel tal-eċċezzjoni tal‑inammissibbiltà ppreżentata b’mod inċidentali mill-offerent rebbieħ, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-konformità taż-żewġ offerti ( 8 ). Jekk iż‑żewġ offerti jiġu ddikjarati mhux konformi, il-konsegwenza konkreta ta’ dan l-obbligu hija l-impossibbiltà, li l-awtorità kontraenti, tkompli bis-selezzjoni ta’ offerta regolari, li neċessarjament twassal għal sejħa għal offerti ġdida.

2. L-applikabbiltà tal-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448)

35.

Fil-kawża prinċipali, l-impriżi ammessi sabiex jipparteċipaw fil‑proċedura kkontestata kienu iktar minn tnejn. Madankollu, mill‑ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li bl-eċċezzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali (u, permezz tar-rikors inċidentali, tal‑impriża offerent rebbieħ), ħadd mill-impriżi l-oħra esklużi mis-sejħa għal offerti ma kkontestaw l-esklużjoni tagħhom quddiem l‑amministrazzjoni jew fil-qrati.

36.

F’tali każ, jekk il-qorti adita għandha tikkonstata l-irregolarità taż-żewġ offerti inkwistjoni, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata tipproċedi għal sejħa għal offerti ġdida iżda tista’, jekk ikun il-każ, tagħżel li tagħti l-kuntratt lil impriża oħra li tinsab fil-klassifikazzjoni stabbilita mill-awtorità kontraenti.

37.

Madankollu, ma huwiex eskluż li waħda mill-irregolaritajiet li jwasslu għall-annullament tal-offerti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-offerent rebbieħ tivvizzja wkoll kull offerta sottomessa. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-awtorità kontraenti jkollha mbagħad, neċessarjament tibda proċedura ġdida ( 9 ).

38.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 33, tas-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), “kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, li jista’ jwassal għall-konstatazzjoni tal-impossibbiltà, għall-entità kontraenti li tagħżel offerta regolari”.

39.

F’dan ir-rigward, nirrileva wkoll li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tillimita l-konstatazzjoni tagħha għall-każ ta’ sejħa għal offerti li qajmet biss l-interess ta’ żewġ impriżi (u għalhekk, għar-rimedju ta’ żewġ offerenti biss) għaliex hija tipprevedi b’mod ġenerali l-interess leġittimu ta’ “kull wieħed mill‑kompetituri” ( 10 ) esklużi mill-offerta, u mhux tal-ieħor iżda “tal‑oħrajn” ( 11 ).

40.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-obbligu li waslet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) u li jipprovdi li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, jipprojbixxi li r-rikors prinċipali ta’ offerent tellief jiġi ddikjarat inammissibbli abbażi tal‑eżami minn qabel tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà ppreżentata b’mod inċidentali mill-offerent rebbieħ, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il‑konformità taż-żewġ offerti ( 12 ), japplika wkoll fiċ-ċirkustanzi tal‑kawża prinċipali.

3. L-effett eventwali tad-differenza tal-motivi ta’ irregolaritajiet invokati insostenn tar-rikors prinċipali u tar-rikors inċidentali

41.

Formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat il-kuntest fattwali rilevanti għall-fatt li l-impriżi li pparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, għalkemm ammessi f’numru ferm ikbar minn tnejn, kienu kollha esklużi mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma kien hemm appella kontra l-imsemmija esklużjoni min-naħa tal-impriżi l-oħra ħlief dawk involuti f’din il-kawża, b’tali mod li l-kawża li għandha quddiemha hija limitata għal żewġ impriżi.

42.

Ser nispjega kif dan il-fatt ma jaffettwax l-applikazzjoni tar‑regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

43.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ikkonfermati fis-seduta, GSA tinvoka madankollu t-tieni kriterju ta’ distinzjoni meta mqabbla mas-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448). Fil-fatt, hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni mogħtija f’din is-sentenza tapplika biss jekk id-difetti invokati insostenn tar-rikors prinċipali u tar-rikors inċidentali jkunu identiċi.

44.

Skont l-ispjegazzjonijiet tagħha, ir-rikors inċidentali tagħha huwa bbażat fuq raġuni differenti minn dik invokata mill-PFE insostenn tar‑rikors prinċipali. PFE titlob l-annullament tal-għoti tal-kuntratt lil GSA minħabba ksur tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni imposti fuq l-offerenti; hija tinvoka għalhekk motiv ta’ irregolarità formali. Mill-banda l-oħra, GSA titlob l-esklużjoni ta’ PFE minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal‑offerta tagħha, jiġifieri irregolarità relatata mal-mertu tal-kawża.

45.

Qabel xejn nosserva, f’dan ir-rigward, li l-użu tal-plural fil‑lingwa tal-proċedura (it-Taljan) (“nell’ambito del medesimo procedimento e per motivi identici” ( 13 )) u tal-espressjoni iktar ġenerali “ta’ natura identika” fil-lingwa tas-sentenza (il-Franċiż), jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “identità tal-motivi” (u mhux tal-motiv) invokat insostenn ta’ kull wieħed miż-żewġ rikorsi ( 14 ). In-natura eċċezzjonali ta’ identità perfetta tal-motivi tikkonferma din l‑interpretazzjoni.

46.

Sussegwentement, naħseb li l-identità tal-ilmenti invokati insostenn tar‑rikors prinċipali u tar-rikors inċidentali, bħan-numru ta’ offerenti, ma huwiex element determinanti fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

47.

Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, fil-punt 33 ta’ din is-sentenza li “l-azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ ma tistax twassal għaċ-ċaħda tar-rikors ta[l-]offerent, fiċ-ċirkustanza fejn ir-regolarità tal‑offerta ta’ kull wieħed mill-operaturi tiġi kkontestata fil-kuntest tal‑istess proċedura u għal raġunijiet ta’ natura identika”, l-essenzjali jinsab, kif diġà spjegajt preċedentement, fil-fatt li, “f’tali sitwazzjoni, kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, li jista’ jwassal għall‑konstatazzjoni tal-impossibbiltà, għall-entità kontraenti li tagħżel offerta regolari” ( 15 ).

48.

Dawn iż-żewġ frażijiet jikkostitwixxu, flimkien, punt wieħed u uniku tas-sentenza u għalhekk ma jistgħux jinqraw indipendentement minn xulxin.

49.

Għalhekk jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni fejn hija kitbet, fl-osservazzjonijiet tagħha, li huwa determinanti l-fatt li r-rikors prinċipali u r-rikors inċidentali joħolqu interess leġittimu ekwivalenti għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura tas-sejħa għal offerti.

50.

Madankollu, fil-kawża prinċipali, jidher – bla ħsara għall-eżami iktar profond mill-qorti tar-rinviju – li l-motivi mqajma minn PFE u GSA, għalkemm ma humiex identiċi, jistgħu jkunu tal-istess natura (u dan peress li jirrigwardaw ir-regolarità tal-offerta tal-parti l-oħra) u, fi kwalunkwe każ, joħolqu f’kull operatur preżenti quddiem il-qorti tar‑rinviju “interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn”, fis-sens tas-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

51.

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2015, minbarra l-preżervazzjoni tal-interessi tal‑offerenti, ir-regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448), tippreżerva l-interess tal-entità kontraenti li trid tagħżel l-aħjar offerta regolari. Madankollu, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni stretta tal-kriterju ta’ “identità tal-motivi” invokata insostenn tar-rikors prinċipali u tar-rikors inċidentali, jistgħu jwasslu lill-awtorità kontraenti tagħti l-kuntratt lill-impriża li l-offerta tagħha kienet, madankollu, irregolari.

4. Konklużjoni intermedjarja

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 mogħtija fis‑sentenza Fastweb (C-100/12, EU:C:2013:448) hija applikabbli wkoll fil-każ fejn, minn naħa waħda, rikors jiġi ppreżentat minn offerent wieħed filwaqt li diversi impriżi kienu ġew ammessi sabiex jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti u li, min-naħa l-oħra, l‑offerent rebbieħ jippreżenta min-naħa tiegħu rikors inċidentali fil‑kuntest tal-istess proċedura u li kemm l-offerent rikorrent kif ukoll l‑offerent rebbieħ għandhom interess leġittimu ekwivalenti għall‑esklużjoni tal-operatur l-ieħor.

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

53.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, li jipprovdi rinviju obbligatorju għas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato minn kull awla ta’ din il-qorti meta din tal-aħħar tikkunsidra neċessarju li ma ssegwix prinċipju tad-dritt stabbilit mis-seduta plenarja. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-mekkaniżmu jipprekludix, l-ewwel nett, li titressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew, it-tieni nett, li tingħata deċiżjoni konformement mad-dritt tal-Unjoni b’mod dirett u awtonomu billi ma jiġix osservat dan il-mekkaniżmu.

54.

Peress li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tad-Direttiva applikabbli, il-bżonn li tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari jista’ jkun ikkontestat.

55.

Madankollu, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għażlet li tirrispondi għad-domandi kollha mressqa fil-kawża li tat lok għas‑sentenza Cartesio (C-210/06, EU:C:2008:723), jiena nikkunsidra li “[j]kun kuntrarju għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fir‑relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk jintalab li qorti nazzjonali għandha l-ewwel tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem biss il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti taqax taħt dawk imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu [267 TFUE] qabel ma eventwalment tagħmel, sussegwentement u permezz tat-tieni talba għal deċiżjoni preliminari, domandi dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju relatati mal-mertu tal-kawża mressqa quddiemha” ( 16 ).

56.

Madankollu, qabel nirrispondi għal dan l-aspett tad-domanda preliminari, ser neżamina t-tieni parti tagħha, jiġifieri l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi direttament b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

1. Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi direttament b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni

57.

Peress li l-qorti tar-rinviju kienet iddeċidiet li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ir-risposta għat-tieni aspett imqajjem mit-tieni domanda preliminari tinsab fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-qorti hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti b’risposta għall-ewwel domanda mressqa. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha, tiskarta l-prinċipju tad-dritt stabbilit fis-sentenza Nru 4/2011 jekk hija tqis li, wara l-interpretazzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 17 ).

58.

Barra minn hekk nirrileva li s-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato emendat, permezz tas-sentenza nru 9/2014, tal-25 ta’ Frar 2014, (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 9/2014”), il-prinċipju tad-dritt li hija kienet iddikjarat fis-sentenza Nru 4/2011. Jekk l-imsemmi prinċipju tad‑dritt, kif emendat, jista’ jkun interpretat b’mod konformi fis-sens mogħti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) u f’din il-kawża, huwa ma għandux ikun skartat. Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għat-Trattat peress li jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta hija tiddeċiedi l‑kawża li għandha quddiemha ( 18 ).

59.

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 89/665 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal‑għan imfittex minnha ( 19 ).

60.

Jekk, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tad-dritt stabbilit fis-sentenza Nru 4/2011, kif emendat mis-sentenza Nru 9/2014, ma jistax jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex għażla oħra ħlief li tħallih inapplikat ( 20 ) skont is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

61.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-problema ma tqumx f’dan il‑każ – peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita minn domanda preliminari – mingħajr dubju ma huwiex inutili li jitfakkar li l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li tħalli inapplikata r-regola nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fejn l-interpretazzjoni konformi tagħha tirriżulta impossibbli ma jbiddel xejn mill-prinċipju li l-qorti nazzjonali ma tistax tkun “kostretta jew prekluża milli qabel kollox tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” ( 22 ).

62.

Madankollu tibqa’ d-domanda dwar l-effett li jista’ jkollu l‑Artikolu 267 TFUE fuq il-modalitajiet proċedurali kif previsti fl‑Artikolu 99 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

2. L-effett tal-Artikolu 267 TFUE fuq il-mekkaniżmu tar-rinviju obbligatorju għas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato

63.

Preliminarjament, ma nistax ma naqbilx mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali Mazák li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jillimitaw il-possibbiltà li qorti nazzjonali tressaq domanda preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, “sistematikament iddeċidiet fis-sens tal‑possibbiltà l-iktar wiesgħa għall-qrati nazzjonali li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni” ( 23 ).

64.

Tliet kunsiderazzjonijiet isostnu din ir-riflessjoni ġenerali:

l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, għal dak li jirrigwarda l-qrati li ma humiex tal-aħħar istanza, li għandhom “[i]kun[u] liber[i], jekk [j]ikkunsidra[w] li l-evalwazzjoni tad‑dritt magħmula minn qorti superjuri tista’ twassal[hom] jagħtu sentenza li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni], li jressqu[lha] […] id-domandi li jikkonfondu[hom]” ( 24 );

it-tieni nett, il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern għandhom l-obbligu, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 267 TFUE, iressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jiffaċċjaw kwistjoni dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u billi jagħmlu dan “jevitaw li fi Stat Membru tiġi stabbilita ġurisprudenza nazzjonali mhux konformi mar-regoli tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 25 ); u

it-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’difetti ta’ antikostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il‑validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali ( 26 ).

65.

Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li għandha tingħata r-risposta għat-tieni domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju.

66.

Konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, tal-24 ta’ Diċembru 2003, il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana huwa kompost minn żewġ awli li jikkostitwixxu awli separati mill-Consiglio di Stato. In-natura ġudizzjarja tiegħu fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ma hijiex għalhekk dubjuża u l-possibbiltà li huwa jressaq domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex diskussa ( 27 ).

67.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika kwistjoni li tista’ tqum hija dik dwar jekk, fir-rigward tal-obbligu tar-rinviju għas-seduta plenarja stabbiliti fl-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, il‑Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana għandux jitqies li huwa qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 267 TFUE jew jekk id-deċiżjoni ta’ din il-qorti tistax tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju.

68.

Fit-tieni każ, il-qorti tar-rinviju hija libera li tressaq lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi li jinkwetawha jekk hija tikkunsidra li l‑evalwazzjoni tad-dritt magħmula minn qorti superjuri tista’ twassalha tagħti sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, fl‑ewwel każ, il-qorti tar-rinviju għandha tindirizza lill-Qorti tal‑Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta jkollha dubju dwar il‑konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ prinċipju tad-dritt stabbilit mis‑seduta plenarja tal-Consiglio di Stato.

69.

Kif għadni kif fakkart, l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 373, tal-24 ta’ Diċembru 2003, jistabbilixxi li l-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana jkun kompost minn żewġ awli li jikkostitwixxu awli separati mill-Consiglio di Stato.

70.

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, “[i]l-Consiglio di Stato huwa l-korp tal-qorti amministrattiva tal‑aħħar istanza”.

71.

Għalkemm, skont l-aħħar inċiż tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, l-appell ta’ kassazzjoni jista’ jsir kontra deċiżjonijiet tal‑Consiglio di Stato, dan huwa madankollu limitat għall-aspetti biss marbuta mat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Taljani differenti.

72.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat reċentement li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti kostituzzjonali limitata għall-eżami ta’ ksur eventwali tad-drittijiet u libertajiet żgurati mill-Kostituzzjoni nazzjonali jew minn konvenzjoni internazzjonali, ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li qorti suprema ma tistax tikklassifika bħala qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 267 TFUE ( 28 ), jiena ma nikkontestax il-klassifikazzjoni tal-Consiglio di Stato u tal-awli separati li jikkostitwixxuh bħala qorti tal-“aħħar istanza”.

73.

Il-Corte suprema di cassazione stess ikkunsidrat, fis-sentenza Nru 2403 mogħtija fl-4 ta’ Frar 2014 fl-awli magħquda, li, fis-sistema ġudizzjarja amministrattiva Taljana, huwa l-Consiglio di Stato, u l-awli tiegħu u s‑seduta plenarja mingħajr distinzjoni, li għandhom jiddeċiedu bħala qorti tal-aħħar istanza fis-sens tal-Artikolu 367(3) tat-Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

74.

Ir-rinviju obbligatorju għas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato prevista fl-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva ma jidhirlix li huwa tali li jibdel din l-analiżi peress li ma jistax ikun ikklassifikat bħala “rikors” fis-sens tat-tielet inċiż tal‑Artikolu 267 TFUE.

75.

Fil-fatt, din il-modalità proċedurali ma hijiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet iżda biss għall-awla tal-Consiglio di Stato li għandha quddiemha l-kawża. Barra minn hekk, l-eżerċizzju tagħha lanqas jippermetti li tiġi rriformulata d-deċiżjoni li tingħata minn qorti inferjuri iżda, għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tas-seduta plenarja tal‑Consiglio di Stato.

76.

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato ċċitata mill-Gvern Taljan, in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva ma jwassalx għal sanzjoni proċedurali ( 29 ).

77.

Għaldaqstant, konformement mal-għan li fuqu huwa bbażat l-obbligu tat‑tielet inċiż tal-Artikolu 267 TFUE, il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana, li jkollu quddiemu kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jadixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja b’mod li jevita li tiġi stabbilita (jew mitlufa) ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

78.

Huwa minnu li r-riskju li tiġi żviluppata ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni huwa limitat għall-fatt li jekk ir-rinviju ta’ deċiżjoni tas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato, abbażi tal‑Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, huwa bbażat fuq il-kontestazzjoni ta’ prinċipju tad-dritt minħabba li huwa preżunt li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija seduta plenarja ma tistax, a fortiori, tevita l-obbligu tagħha li preliminarjament tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

79.

Madankollu, minkejja din il-partikolarità proċedurali, jiena nara tal-inqas żewġ raġunijiet li jipprekludu l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 267 TFUE bħala li jipprojbixxi lil awla tal-Consiglio di Stato li għandha quddiemha kawża milli tistaqsi hija stess lill-Qorti tal‑Ġustizzja, qabel possibbiltà ta’ rinviju lis-seduta plenarja.

80.

Minn naħa waħda, li r-rifjut lill-awla ta’ qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell fid-dritt intern il‑possibbiltà li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni biss li s-seduta plenarja ta’ din l-istess qorti għandha tagħmel dan tmur kontra l‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li dejjem irrikonoxxiet “lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill‑Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeżiġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal‑validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemhom” ( 31 ).

81.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad‑dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’difett kostituzzjonali, ma hijiex imċaħħda mill-possibbiltà jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il‑qorti Kostituzzjonali ( 32 ).

82.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-artikolu tat-Trattat jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali jekk in‑natura prijoritarja ta’ din il-proċedura għandha l-effett li tipprevjeni lill-qorti nazzjonali milli teżerċita s-setgħa tagħha jew tissodisfa l‑obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari kemm qabel it-tressiq ta’ talba ta’ kostituzzjonalità lill-qorti nazzjonali li għandha r-responsabbiltà li teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġijiet kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti fuq l‑imsemmija talba ( 33 ).

83.

Din is-soluzzjoni hija imposta iktar u iktar hawnhekk fejn id‑dispożizzjoni inkwistjoni tobbliga lill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana ma tibqax adita mill-kawża għall-benefiċċju tas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato, għall-kuntrarju tal-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363). Fil-fatt, skont l‑Artikolu 99(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, meta s-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato hija adita, hija “tiddeċiedi dwar il‑kawża kollha, ħlief jekk hija tiddeċiedi li tistabbilixxi prinċipju tad‑dritt u li tirrinvija l-kumplament tal-kawża lill-awla tar-rinviju”.

84.

Il-fatt waħdu li, fis-sistema proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma huwiex rinviju obbligatorju u preliminari għal qorti oħra iżda għas-seduta plenarja tal-qorti li għandha quddiemha l-kawża prinċipali ma jidhirlix li huwa tali li jiġġustifika deroga għall-prinċipji differenti li taw forma lill-interpretazzjoni wiesgħa tal‑Artikolu 67 TFUE u għal-libertà ta’ din il-qorti nazzjonali li tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

85.

Huwa minnu li, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ntalbet tiddeċiedi dwar din il-partikolarità Madankollu, is-soluzzjoni sostnuta fis-sentenza Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517) jidhirli li tikkonferma l-analiżi proposta u tista’ tiġi applikata, mutatis mutandis fil-każ li fih tinsab il-qorti tar-rinviju.

86.

Fil-fatt, f’din il-kawża fejn il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, hux hija stess jew il-Cour Benelux, li għandha titqies li hija l-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għar-rikors ġudizzjarju tad-dritt intern u li, f’dan ir-rigward, hija għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal‑Artikolu 267(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li ż-żewġ qrati jistgħu jitqiesu li huma obbligati li jadixxu lill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 367(3) TFUE meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha.

87.

Madankollu, f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żewġ qrati effettivament ma għandhomx jadixxu lilha, għaliex l-awtorità tal-interpretazzjoni mogħtija skont l‑Artikolu 267 TFUE tista’ “tneħħi r-raġuni tal-obbligu [tar-rinviju preliminari] u ċċaħħdu mill-kontenut tiegħu” ( 34 ).

88.

Għalkemm dik tirrigwarda żewġ qrati distinti, din is-sitwazzjoni partikolari ma hijiex inqas simili għal każ li jirrigwarda awla tal‑Consiglio di Stato u s-seduta plenarja tiegħu: it-tnejn huma qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju intern.

89.

Għalhekk, ir-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis‑sentenza Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517) jidhirli li jista’ jkun traspost, jekk neċessarju, għal din il-kawża: “jekk qorti bħal [l-awla tal-Consiglio di Stato] qabel [ir-rinviju għas-seduta plenarja], użat is-setgħa tagħha li tressaq il-kwistjoni mqajma lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità tal-interpretazzjoni mogħtija minnha tista’ tnaqqas minn qorti bħas-[seduta plenarja tal-Consiglio di Stato] l‑obbligu tagħha li tressaq domanda materjalment identika qabel tagħti s-sentenza tagħha. Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti bħal [l-awla tal-Consiglio di Stato], qorti bħas-[seduta plenarja tal-Consiglio di Stato] għandha tressaq il‑kwistjoni mqajma lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni tagħha tista’ mbagħad tneħħi [lill-awla tal-Consiglio di Stato] l-obbligu li tressaq kwistjoni materjalment identika qabel tagħti s-sentenza tagħha” ( 35 ).

3. Konklużjoni intermedjarja

90.

L-ewwel nett, jekk il-prinċipju tad-dritt stabbilit fis-sentenza Nru 4/2011 u emendat fis-sentenza Nru 9/2014 ma jistax jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 kif kien speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) u f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha tħallih inapplikat.

91.

It-tieni nett, nikkunsidra li l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, interpretata bħala li timponi lill-awla tal-qorti li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, meta hija ma taqbilx mal-prinċipju tad-dritt stabbilit mis‑seduta plenarja ta’ din l-istess qorti, li tirrinvija lilha d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tressaq preliminarjament domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

92.

Għalhekk, sabiex l-Artikolu 99 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni, awla tal-Consiglio di Stato li tixtieq tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE ma għandhiex tapplika l-Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva. Fil-fatt, “[s]kont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt [tal-Unjoni], il-kunflitt bejn dispożizzjoni tal‑liġi nazzjonali u dispożizzjoni tat-trattat direttament applikabbli huwa solvut, għal qorti nazzjonali, skont id-dritt [tal‑Unjoni], billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, u mhux bil-konstatazzjoni tan-nullità tad‑dispożizzjoni nazzjonali, peress li l-kompetenza tal-korpi u tal-qrati hija f’dan ir-rigward ta’ kull Stat Membru” ( 36 ).

VI – Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nistieden lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana kif ġej:

1)

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet], kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448) hija applikabbli wkoll fil-każ fejn, minn naħa waħda, rikors jiġi ppreżentat minn offerent wieħed filwaqt li diversi impriżi kienu ġew ammessi sabiex jipparteċipaw fil‑proċedura tas-sejħa għal offerti u li, min-naħa l-oħra, l‑offerent rebbieħ jippreżenta min-naħa tiegħu rikors inċidentali fil-kuntest tal-istess proċedura u li kemm l-offerent rikorrent kif ukoll l-offerent rebbieħ għandhom interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-operatur l-ieħor.

2)

Meta d-dispożizzjoni ta’ direttiva tkun diġà ġiet interpretata mill‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju intern għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement mas-sens speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u meta tali interpretazzjoni tkun impossibbli, tħalli d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inapplikata mingħajr ma hija kostretta jew prekluża milli qabel kollox tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem din il-qorti tal-aħħar.

L-Artikolu 267 TFUE jipprekludi dispożizzjoni bħal dik tal‑Artikolu 99(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Taljan interpretata bħala li timponi fuq awla ta’ qorti li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, meta hija ma taqbilx mal-prinċipju tad-dritt stabbilit mis-seduta plenarja ta’ din l-istess qorti, li tirrinvija lilha d‑deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors mingħajr ma jkollha l‑possibbiltà li tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 6, Vol. 1, p. 246.

( 3 ) ĠU 2009, L 335, p. 31.

( 4 ) Sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33).

( 5 ) Ibidem (punt 34 u d-dispożittiv).

( 6 ) Ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza.

( 7 ) Ibidem (punt 33). Enfasi miżjuda minni.

( 8 ) Ara s-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 34 u d-dispożittiv).

( 9 ) Hija barra minn hekk din is-sitwazzjoni, li donnha tinsab fi-kawża prinċipali skont id-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju (ara l-punt C4, p. 12 tat-talba għal deċiżjoni preliminari) u l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet fil-kawża prinċipali (ara p. 2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ PFE u l-punt 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ GSA).

( 10 ) Sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33). Enfasi miżjuda minni.

( 11 ) Ibidem, enfasi miżjuda minni. Skont il-verżjoni Taljana tal-imsemmija sentenza (lingwa awtorevoli tal-proċedura), “ciascuno dei concorrenti può far valere un analogo interesse legittimo all’esclusione dell’offerta degli atri, che può indurre l’amministrazione aggiudicatrice a constatare l’impossibilità di procedere alla scelta di un’offerta regolare” (enfasi miżjuda minni).

( 12 ) Ara l-punt 34 u d-dispożittiv tas-sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

( 13 ) Sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33). Enfasi miżjuda minni.

( 14 ) Kif diġà rrileva l-Avukat Ġenerali Kokott fir-rigward ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, meta l-verżjoni Franċiża ma hijiex awtorevoli (għaliex ma hijiex il‑lingwa tal-proċedura) iżda hija iktar preċiża minn dik redatta fil-lingwa tal‑proċedura, din il-verżjoni lingwistika, “li biha s-sentenza ġiet abbozzata u mogħtija, fiha indikazzjonijiet addizzjonali dwar dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza riedet fil-fatt tirreferi għalih” (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2007:790, punt 253).

( 15 ) Sentenza Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 34).

( 16 ) Punt 70. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat hija stess, hija kienet “diġà rrispondiet għal domanda dwar in-natura tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tat‑tielet paragrafu tal-Artikolu [267 TFUE] f’kuntest li jixbah il-kuntest ta’ din it‑talba għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma ddaħħlet inkwistjoni l‑ammissibbiltà ta’ din id-domanda [fis-sentenza Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329)]” (punt 71). Dan kien il-każ ukoll fil-kawża li tat lok għas‑sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363).

( 17 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 30) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 69).

( 18 ) Ara s-sentenzi Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 114); Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48); Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24), kif ukoll Amia (C‑97/11, EU:C:2012:306, punt 28). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha għandha l-obbligu tagħmel dan, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħqu r-riżultati mfittxija minn din tal‑aħħar [minbarra s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, ara wkoll, is-sentenzi principe von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26) kif ukoll Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8)].

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27) u Amia (C‑97/11, EU:C:2012:306, punt 29).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 89/665, is-sentenza Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 49). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ikkunsidrat b’mod kostanti li “l-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tibqa’ inapplikata tqum biss jekk jirriżulta li ebda interpretazzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni ma tkun possibbli” [sentenzi Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 23) u Amia (C‑97/11, EU:C:2012:306, punt 27) jew anki reċentement is-sentenza Spedition Welter (C‑306/12, EU:C:2013:650, punt 28)], l-obbligu “li tħalli mhux applikata”, ikkonfermat fis-sentenza Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24), ma huwiex ikkontestat. Ara, f’dan ir-rigward, id-dispożittiv tas-sentenza Amia (C‑97/11, EU:C:2012:306), kif ukoll is-sentenza A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 36).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 54).

( 22 ) Ibidem (punt 53).

( 23 ) Pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawżi Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:319, punt 62). Ara wkoll, għall-konferma tal‑prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza Rheinmühlen-Düsseldorf (166/73, EU:C:1974:3, punt 3) u, għall-konferma stabbilita tiegħu, is-sentenzi Mecanarte (C‑348/89, EU:C:1991:278, punt 44); Palmisani (C‑261/95, EU:C:1997:351, punt 20), kif ukoll Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 88). Il-ġurisprudenza segwenti għat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák ma tikkontradixxix din il-konstatazzjoni: ara s-sentenzi Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41); Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26); Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 61); Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 64), jew anki, iktar reċenti, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 35).

( 24 ) Ara s-sentenza Rheinmühlen-Düsseldorf (166/73, EU:C:1974:3, punt 4) u, għall-konferma stabbilita tagħha, is-sentenzi Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 94); ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 32); Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 42); Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 27); Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 61); kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 68).

( 25 ) Sentenza Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara s-sentenzi Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45), li jirreferu għall-punti 39, 45 u 46 tas-sentenza Mecanarte (C‑348/89, EU:C:1991:278), kif ukoll A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 38).

( 27 ) Barra minn hekk, nirrileva, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal diversi domandi preliminari li kienu indirizzati lilha mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana [ara s-sentenza Valvo (C‑78/07, EU:C:2008:171); id-digriet Rizzo (C‑107/11, EU:C:2012:96), kif ukoll is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo (C‑539/11, EU:C:2013:591)].

( 28 ) Ara s-sentenza Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 72).

( 29 ) Sentenza Nru 4185, tas-6 ta’ Awwissu 2014, tat-Tielet Awla tal-Consiglio di Stato.

( 30 ) Sentenza Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 32 ) Ara s-sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45), li tirreferi għall-punti 39, 45 u 46 tas-sentenza Mecanarte (C‑348/89, EU:C:1991:278), kif ukoll A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 38).

( 33 ) Sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 57 u d‑dispożittiv). Ara wkoll is-sentenza A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 46 u d‑dispożittiv).

( 34 ) Sentenza Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 29).

( 35 ) Sentenza Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 29). Fil-fatt ninnota li, skont l-Artikolu 99(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, is‑seduta plenarja tista’ tiddeċiedi fuq il-kawża kollha jew tiddeċiedi li tistabbilixxi biss prinċipju tad-dritt u tirrinvija l-kumplament tal-kawża għall-awla tar-rinviju.

( 36 ) Sentenza Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 82).

Top