EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0480

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Frar 2010.
Maria Teixeira vs London Borough of Lambeth u Secretary of State for the Home Department.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Moviment liberu tal-persuni - Dritt ta’ residenza - Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li mietet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha - Minuri li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti - Nuqqas ta’ mezzi ta’ għixien - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 12 - Direttiva 2004/38/KE.
Kawża C-480/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:83

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Frar 2010 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza — Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li baqgħet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha — Tifel li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti — Nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE”

Fil-Kawża C-480/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Maria Teixeira

vs

London Borough of Lambeth,

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Teixeira, minn R. Gordon, QC, u A. Berry, barrister, b’mandat minn N. Clarkson, solicitor,

għal-London Borough of Lambeth, minn T. Vanhegan, barrister,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn C. Lewis, QC,

għall-Gvern Daniż, minn J. Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. F. Pinheiro, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA, minn N. Fenger kif ukoll minn L. Armati u I. Hauger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69), u tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Teixeira u l-London Borough of Lambeth (muniċipalità ta’ Lambeth f’Londra) u s-Secretary of State for the Home Department, dwar iċ-ċaħda tal-imsemmija muniċipalità tat-talba ta’ M. Teixeira intiża sabiex tikseb il-benefiċċju ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

3

Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“Billi d-dritt għall-libertà tal-moviment, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat, bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, jeħtieġ li ugwaljanza ta’ trattament għandha tkun assigurata fil-fatt u fil-liġi fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni mpjegati u għall-eliġibilità għal dar fejn joqogħodu, u ukoll li ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha.”

4

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“1.   Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)

il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)

qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.   Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

5

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“Fejn ċittadin ta’ xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala mpjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-konjuġi tagħha u t-tfal li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu għandu jkollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna mpjegata fit-territorju kollu ta’ dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta’ xi Stat Membru.”

6

L-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 tħassru, b’effett mit-30 ta’ April 2006, abbażi tal-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2004/38.

7

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li mhuwiex fost id-dispożizzjonijiet imħassra mid-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Stati Membri għandhom jinkoraġġixu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

8

It-tlett u s-sittax-il premessa tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu:

“(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.”

9

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jirregola d-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għal residenti tal-Unjoni fi Stat Membru fejn mhumiex residenti. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).”

10

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat: “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

11

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li ċittadin tal-Unjoni li għex legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

12

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi, b’mod partikolari, li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu skont din id-direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

13

Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta li l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi skont din id-Direttiva qabel it-30 ta’ April 2006.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ġew trasposti fl-ordni ġuridiku tar-Renju Unit permezz tal-leġiżlazzjoni tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006].

15

F’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni soċjali, il-liġi tal-1996 dwar l-akkomodazzjoni (Housing Act 1996), tipprovdi, fit-taqsima VII tagħha, akkomodazzjoni soċjali għall-persuni eliġibbli li m’għandhomx dar u li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

16

Id-dettalji ta’ din l-akkomodazzjoni huma mniżżla fil-leġiżlazzjoni tal-2006 dwar l-allokazzjoni ta’ djar u l-persuni li m’għandhomx dar (Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà) (l-Ingilterra) [Allocation of Housing and Homelessness (Eligibility) (England) Regulations 2006].

17

Skont l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, sabiex ikollu dritt għall-akkomodazzjoni soċjali abbażi tal-Artikolu 6 ta’ din il-leġiżlazzjoni, dwar persuni minn pajjiż barrani li mhumiex suġġetti għall-kontroll tal-immigrazzjoni, l-applikant għandu jkollu kemm dritt ta’ residenza u jgħix abitwalment fir-Renju Unit.

18

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari, bħala d-detenturi ta’ dritt ta’ residenza fir-Renju Unit, barra ċ-ċittadini Britanniċi, iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jeżerċitaw, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt li jidħlu fit-territorju tar-Renju Unit u jirrisjedu fih għal żmien prolongat.

19

Mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jirriżulta li d-dritt għall-akkomodazzjoni soċjali ta’ M. Teixeira jiddependi fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk din tal-aħħar tibbenefikax minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

M. Teixeira, ċittadina Portugiża, waslet fir-Renju Unit fl-1989 flimkien mar-raġel tagħha, li huwa wkoll ċittadin Portugiż, u ħadmet f’dan l-Istat Membru bejn l-1989 u l-1991. It-tifla tagħhom, Patricia, twieldet fit-2 ta’ Ġunju 1991. M. Teixeira u r-raġel tagħha sussegwentement iddivorzjaw, iżda t-tnejn li huma baqgħu fir-Renju Unit.

21

Wara l-1991, M. Teixeira ħadmet b’mod intermittenti fir-Renju Unit. M. Teixeira ma kienet twettaq l-ebda attività professjonali fid-data li fiha Patricia bdiet l-iskola fir-Renju Unit, iżda ħadmet waqt perijodi differenti li fihom Patricia kienet qegħda l-iskola. L-aħħar impjieg tagħha fir-Renju Unit imur lura għall-bidu tas-sena 2005.

22

Fit-13 ta’ Ġunju 2006, qorti partikolari ddeċidiet li Patricia kellha tmur tgħix ma’ missierha, iżda li seta’ jkollha l-kuntatt kollu ma’ ommha li hija xtaqet ikollha. Fix-xahar ta’ Novembru 2006, Patricia bdiet taħriġ fil-kura tat-tfal fil-Vauxhall Learning Centre f’Lambeth. Fix-xahar ta’ Marzu 2007, Patricia marret tgħix ma’ ommha.

23

Fil-11 ta’ April 2007, M. Teixeira ppreżentat applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali għall-persuni li m’għandhomx dar abbażi tat-Taqsima VII tal-liġi tal-1996 dwar l-akkomodazzjoni. Sabiex titlob dritt ta’ residenza fir-Renju Unit, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091).

24

L-uffiċjal kompetenti tal-London Borough of Lambeth qies li M. Teixeira ma setatx tiddependi fuq akkomodazzjoni soċjali u, konsegwentement, ċaħad it-talba tagħha.

25

M. Teixeira kkontestat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-uffiċjal responsabbli għall-eżami tat-talbiet għar-reviżjoni, li kkonferma l-ewwel deċiżjoni billi kkunsidra li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kien ġie emendat bid-Direttiva 2004/38 u li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ awtonomija ekonomika tagħha, M. Teixeira ma setgħetx tippretendi li tikseb dritt ta’ residenza fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu.

26

M. Teixeira ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-County Court.

27

Quddiem din il-qorti, M. Teixeira rrikonoxxiet li hija ma kinitx tibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva sabiex titqies li żammet il-kwalità ta’ ħaddiem u li ma kinitx tiddisponi minn dritt ta’ residenza permanenti abbażi tal-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva.

28

Hija sostniet li s-sempliċi bażi li fuqha qieset li kienet fondata li titlob li tingħata d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit, kienet tikkonsisti fil-fatt li t-tifla tagħha kienet qed issegwi xi studji hemmhekk u kienet tiddisponi minn dritt ta’ residenza awtonomu li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, u li mix-xahar ta’ Marzu 2007, hija kellha l-kustodja effettiva tat-tifla tagħha.

29

Peress li l-County Court ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2007, M. Teixeira ppreżentat appell quddiem il-qorti tal-appell.

30

Quddiem din il-qorti, M. Teixeira ssostni b’mod partikolari li t-tifla tagħha tiddisponi minn dritt ta’ residenza awtonomu fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament 1612/69, li hija stess tiddisponi wkoll minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, peress li hija għandha l-kustodja effettiva tat-tifla tagħha, u li mhuwiex meħtieġ li minuri jew il-persuna li għandha l-kustodja tiegħu jkunu kapaċi jħallsu l-ispejjeż tal-bżonnijiet tagħhom sabiex ikollhom dritt ta’ residenza abbażi tal-imsemmi Artikolu 12.

31

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-Direttiva 2004/38 tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom, fis-sens li kull eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza, anki jekk dan jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, jeżiġi li l-persuni kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza elenkati f’din id-direttiva. Peress li M. Teixeira stess irrikonoxxiet li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikoli 7 u 16 tal-imsemmija direttiva jissuġġettaw l-għoti ta’ dritt ta’ residenza, il-London Borough of Lambeth kien fondat meta kkonkluda li ma kinitx kisbet tali dritt u li għaldaqstant lanqas ma setgħet tiddependi fuq akkomodazzjoni soċjali.

32

Sussidjarjament, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, jekk teżisti possibbiltà għal M. Teixeira li tikseb dritt ta’ residenza mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, anki jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva Nru 2004/38, tali dritt jeħtieġ għaldaqstant li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun kapaċi tħallas l-ispejjeż tal-bżonnijiet tagħha, li hawnhekk mhuwiex il-każ. Barra minn hekk, id-dritt ta’ residenza mogħti lil ġenitur li għandu l-kustodja ta’ minuri tiskadi fid-data li fiha dan jagħlaq 18-il sena. Fl-aħħar, peress li M. Teixeira ma kellhiex il-kwalità ta’ ħaddiem meta t-tifla tagħha bdiet l-istudji tagħha u sussegwentement bdiet taħdem biss għal perijodi qosra, mhijiex fondata titlob dritt ta’ residenza billi tinvoka biss il-fatt li t-tifla tagħha qed issegwi xi studji.

33

Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), li kienet diġà ressqet domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, Ġabra p. I-1065), li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ ġenitur li m’għandux il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, iżda li t-tfal tiegħu huma ta’ ċittadinanza Daniża u qed isegwu xi studji fir-Renju Unit, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-kawża prinċipali u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’ċirkustanzi fejn:

ċittadina tal-Unjoni Ewropea waslet fir-Renju Unit,

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet matul ċerti perijodi fir-Renju Unit,

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea waqfet milli taħdem, iżda ma telqitx mir-Renju Unit,

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma żammitx l-istatus tagħha bħala ħaddiem u m’għandha l-ebda dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE […] u lanqas id-dritt li tirrisjedi b’mod permanenti taħt l-Artikolu 16 ta’ din l-istess direttiva,

it-tifel taċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea beda l-edukazzjoni fi żmien meta din iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma kinitx taħdem, iżda segwa l-istudji tiegħu fir-Renju Unit matul perijodi li fihom iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet fir-Renju Unit,

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea hija l-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel tagħha u

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea u t-tifel tagħha mhumiex fil-pożizzjoni li jmantnu lilhom infushom:

1)

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/38 […]?

jew

2)

a)

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament […] Nru 1612/68 […] kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkollha tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/38 […]?

u

b)

jekk iva, hija għandu jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza maħsub u assigurazzjoni tal-mard kompluta fl-Istat Membru ospitanti?

ċ)

jekk iva, it-tifel għandu jkun beda l-istudji f’mument meta ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea kienet taħdem, sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament […] Nru 1612/68 […], kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew huwa suffiċjenti li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tkun ħadmet f’ċerti mumenti wara li t-tifel beda l-istudji tiegħu?

d)

id-dritt ta’ residenza li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minnu minħabba l-fatt li hija tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel li jsegwi l-istudji, jispiċċa meta t-tifel jilħaq l-età ta’ tmintax-il-sena?

3)

jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, is-sitwazzjoni hija differenti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti fejn it-tifel beda l-istudji qabel id-data li fiha d-Direttiva 2004/38 […], kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri, iżda li l-omm ma saritx il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel u ma talbitx id-dritt ta’ residenza minħabba li hija kienet il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel sa Marzu 2007, jiġifieri wara d-data li fiha d-direttiva kellha tiġi trasposta?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda u l-paragrafu (a) tat-tieni domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda u l-paragrafu (a) tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ċittadina ta’ Stat Membru li kienet impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih it-tifel tagħha jsegwi xi studji, tista’, fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tat-tifel tiegħu, tinvoka, fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, mingħajr ma tkun marbuta tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/38, jew jekk id-dritt ta’ residenza tagħha jista’ jiġi rrikonoxxut biss jekk tissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet.

35

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jikkonferixxi fuq it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li kien jew li huwa impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru, id-dritt ta’ aċċess għal korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali fl-istess kundizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, jekk dawn it-tfal jirrisjedu fit-territorju tiegħu.

36

Fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, flimkien mad-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ residenza tat-tifel tal-ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant, meta dan it-tifel jixtieq isegwi xi studji fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan it-tifel.

37

Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tfal ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru filwaqt li l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru, għandhom id-dritt li jgħixu hemmhekk sabiex isegwu korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Il-fatt li fil-frattemp il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ikunu ddivorzjaw, il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri jkun ċittadin tal-Unjoni u li dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti jew il-fatt li l-tfal mhumiex huma stess ċittadini tal-Unjoni m’għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

38

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fejn it-tfal igawdu, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mid-dritt li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li l-ġenituri tagħhom li għandhom il-kustodja tagħhom jirriskjaw li jitilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom, iċ-ċaħda li l-imsemmija ġenituri jingħataw il-possibbiltà li jibqgħu f’dan l-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, dan jista’ jwassal sabiex dawn it-tfal jiġu mċaħħda minn dritt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi fir-rigward tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

39

Wara li fakkret, fil-punt 72 tal-imsemmija sentenza Baumbast u R, li r-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ħtieġa tar-rispett għall-ħajja fil-familja kif previst mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 73 tal-istess sentenza, li d-dritt irrikonoxxut mill-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tat-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li effettivament tkun responsabbli għall-kura tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun tista’ tgħix miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu.

40

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tfittex li ssir taf jekk id-drittijiet li ġew għaldaqstant irrikonoxxuti lit-tifel u lill-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tiegħu huma bbażati fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jew fuq applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 10 u 12 tal-istess regolament.

41

F’dan l-aħħar każ, peress li l-imsemmi Artikolu 10 ġie mħassar u ssostitwit bir-regoli ddikjarati fid-Direttiva 2004/38, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni stabbilita mis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, baqgħatx tapplika wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/48, u jekk id-dritt favur il-persuna li għandha l-kustodja effettiva tat-tifel hijiex issa suġġetta għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza stabbiliti minn din id-direttiva.

42

F’dak li jirrigwarda persuna bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li wafqet taħdem u ma żammitx il-kwalità ta’ ħaddiem, dawn il-kundizzjonijiet jirriżultaw mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li ċittadin ta’ Stat Membru għandu d-dritt jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma jwettaq attività ekonomika, jekk jiddisponi, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, minn riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti.

43

F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif isostnu M. Teixeira, il-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, anki wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jippermetti li jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ residenza ta’ persuna li, fl-Istat Membru ospitanti, għandha l-kustodja effettiva tat-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi xi studji fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

44

L-ewwel nett, id-dritt tat-tfal tal-ħaddiema migranti għat-trattament ugwali fl-aċċess għall-edukazzjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1612/68, japplika biss lit-tfal li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru li fih, wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa jew kien impjegat.

45

Għaldaqstant, l-aċċess għall-edukazzjoni jiddependi mill-istabbiliment minn qabel tat-tifel fl-Istat Membru ospitanti. It-tfal li stabbilixxew ruħhom fl-Istat Membru ospitanti fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ ħaddiem emigrant, l-istess bħal, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tifel ta’ ħaddiem migrant, bħat-tifla ta’ M. Teixeira fil-kawża prinċipali, li ilu jgħix minn meta twieled fl-Istat Membru li fih missieru jew ommu kienu jew huma impjegati, jistgħu jinvokaw dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni f’dan l-Istat.

46

Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-London Borough of Lambeth u l-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Daniż, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/98, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, jippermetti r-rikonoxximent għat-tifel, flimkien mad-dritt tiegħu għall-aċċess għall-edukazzjoni, dritt ta’ residenza awtonomu. B’mod partikolari, l-eżerċizzju tad-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li t-tifel żamm, waqt id-dewmien kollu tal-istudju tiegħu, dritt ta’ residenza speċifiku abbażi tal-Artikolu 10(1)(a) tal-imsemmi regolament, meta din id-dispożizzjoni kienet għadha fis-seħħ.

47

Fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C-7/94, Ġabra p.I-1031), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li jipprovdi li teżisti rabta stretta bejn l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, minn naħa, u l-Artikolu 12 tal-istess regolament, min-naħa l-oħra, fis-sens li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tagħti d-dritt għal trattament ugwali għall-aċċess għall-edukazzjoni fl-Istat Membru ospitanti biss lit-tfal li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11. Fil-punt 23 tal-imsemmija sentenza Gaal, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod espliċitu li l-Artikolu 12 ma fih l-ebda riferiment għall-imsemmija Artikoli 10 u 11.

48

Fil-fatt, imur kontra l-kuntest li fih għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ukoll l-għanijiet li dan l-artikolu jsegwi, jekk id-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni jkun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza distint tat-tfal evalwat fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

49

Minn dan jirriżulta li, peress li jinkiseb id-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni invokat mit-tifel mill-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, permezz tal-istabbiliment tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li fih wieħed mill-ġenituri tiegħu huwa jew kien impjegat, id-dritt ta’ residenza jibqa’ għand it-tifel, u ma jistax jiddaħħal inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-istess regolament.

50

It-tieni nett, id-dritt tat-tfal għal trattament ugwali f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni ma jiddependix fuq il-fatt li missierhom jew ommhom żammew il-kwalità ta’ ħaddiem migranti fl-Istat Membru ospitanti. Hekk kif mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 12 jirriżulta, dan id-dritt mhuwiex limitat għat-tfal tal-ħaddiema migranti, iżda japplika wkoll għat-tfal tal-ex ħaddiema migranti.

51

Fil-punt 69 tas-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk indikat b’mod espress li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li t-tfal ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jkunu jistgħu, anki jekk huwa ma jkunx għadu jeżerċita attività bħala impjegat fl-Istat Membru ospitanti, isegwu u, jekk ikun il-każ, jispiċċaw l-edukazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jeżiġi biss li t-tifel ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru waqt li mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu jkunu jgħixu hemm fil-kwalità ta’ ħaddiem (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 1998, Brown, 197/86, Ġabra p. 3205, punt 30, u Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

53

L-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandha b’hekk titwettaq b’mod awtonomu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw b’mod espress il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor.

54

Tali awtonomija tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-istess regolament, li issa huwa mħassar, ikkostitwiet il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, u ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38.

55

Il-London Borough of Lambeth kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Daniż isostnu li d-Direttiva 2004/38 tikkostitwixxi, wara d-dħul fis-seħħ tagħħa, is-sempliċi bażi tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom u li, konsegwentement, ebda dritt ta’ residenza ma jista’ issa jiġi dedott mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

56

F’dan ir-rigward, xejn ma jagħti x’jinftiehem li, meta adotta d-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jemenda l-imsemmi Artikolu 12 hekk kif kien ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jirrestrinġi minn hemm ’il quddiem il-kontenut regolatorju għal sempliċi dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni.

57

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, l-Artikolu 12 tiegħu la ma ġie mħassar u lanqas emendat bid-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux intenzjoni jintroduċi, permezz ta’ din id-direttiva, xi restrizzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58

Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta li ġiet mfassla b’mod koerenti mas-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq [COM(2003) 199 finali, p. 7].

59

Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li sempliċement, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, jikkonferixxi d-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni mingħajr ma jipprovdi ebda dritt ta’ residenza għall-benefiċċju tat-tfal tal-ħaddiema migranti, iż-żamma fis-seħħ tiegħu tidher superfluwa wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 24(1) tad-direttiva jipprovdi li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat u, f’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-aċċess għall-edukazzjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Gravier, 293/83, Ġabra p. 593, punti 19 u 25).

60

Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li, skont it-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 2004/38 għandha bħala għan partikolari li tissemplifika u li ssaħħaħ id-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 59). Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-issuġġettar tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jkollu bħala effett li d-dritt ta’ residenza tat-tfal tal-ħaddiema migranti fl-Istat Membru ospitanti fid-dawl li jibdew jew isegwu l-istudji tagħhom u d-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tagħhom jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu japplikaw għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

61

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda u għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda hija li ċittadin ta’ Stat Membru li kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih it-tifel tiegħu jsegwi xi studji jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jinvoka, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan it-tifel, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr ma jkun neċessarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/38.

Fuq il-paragrafu (b) tat-tieni domanda

62

Permezz tal-paragrafu (b) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ residenza fl-Istati Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tat-tifel li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, huwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan il-ġenitur għandu jiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru waqt il-perijodu ta’ residenza tiegħu u minn assigurazzjoni komprensiva f’dan l-Istat.

63

Il-London Borough of Lambeth, flimkien mal-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Daniż isostnu li l-possibbiltà għall-ġenituri sabiex jiksbu dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ġiet biss irrikonoxxuta fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari taż-żewġ kawżi li taw lok għal din is-sentenza, fejn fihom ġiet sodisfatta l-kundizzjoni li teżiġi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiddisponu minn riżorsi suffiċjenti għalihom infushom u għall-membri tal-familja tagħhom. Konsegwentement, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata f’sitwazzjonijiet fejn din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta.

64

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

65

F’waħda mill-kawżi li taw lok għas-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, is-Sur Baumbast, missier ta’ tfal li kellhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li kien is-suġġett ta’ din il-kawża, kien jiddisponi minn ċerti riżorsi li kienu jippermettulu, kif ukoll lill-familja tiegħu, ma jkunux piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan il-pajjiż. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk is-Sur Baumbast kienx kapaċi jmantni lilu nnfisu tqajmet biss fil-kuntest tat-tielet domanda ppreżentata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża tagħha, fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 18 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26).

66

Bil-kontra, ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel żewġ domandi preliminari, li kienu jirrigwardaw id-dritt ta’ residenza tat-tfal u ta’ ommhom li kellha l-kustodja tagħhom, kienu bbażati mhux fuq l-awtonomija ekonomika tagħhom, iżda fuq il-fatt li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi, sabiex dan il-moviment liberu jkun żgurat filwaqt li jkunu mħarsa l-libertà u d-dinjità, kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fi ħdan l-Istat Membru ospitanti u r-rifjut li tingħata lill-ġenituri tat-tfal li għandhom il-kustodja tagħom, il-possibbiltà li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti waqt il-perijodu skolastiku ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun ta’ natura li jċaħħadhom minn dritt li ġie rrikonoxxut mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 71).

67

F’kull każ, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 74 tas-sentenza Baumbast u R li, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1612/68, u b’mod partikolari tal-Artikolu 12 tiegħu, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv u m’għandux jiċċaħħad mill-effett utli tiegħu, ma jistax jiġi sostnut, fuq il-bażi ta’ din is-sentenza, li l-għoti tad-dritt ta’ residenza inkwistjoni huwa suġġett għal kundizzjoni ta’ awtonomija finanzjarja, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod, lanqas b’mod impliċitu, ma bbażat ir-raġunament tagħha fuq tali kundizzjoni.

68

L-interpretazzjoni li tipprovdi li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tat-tfal li jsegwu fih l-istudji u tal-ġenituri li għandhom il-kustodja effettiva tagħhom mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni medika komprensiva hija sostnuta mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li t-tluq ta’ ċittadin tal-Unjoni jew il-mewt tiegħu ma jirriżultawx fit-telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tagħhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, sakemm dawn jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma rreġistrati f’istituzzjoni skolastika sabiex isegwu tagħlim, sat-tmiem tal-istudji tagħhom.

69

Din id-dispożizzjoni, minkejja li ma tapplikax għall-kawża prinċipali, turi l-importanza partikolari li d-Direttiva 2004/38 tagħti lis-sitwazzjoni tat-tfal li jsegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ospitanti u tal-ġenituri li għandhom il-kustodja tagħhom.

70

Għaldaqstant, ir-risposta għall-paragrafu (b) tat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ġenitur għandu jiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru waqt ir-residenza tiegħu, u minn assigurazzjoni medika komprensiva.

Fuq il-paragrafu (ċ) tat-tieni domanda

71

Permezz tal-paragrafu (ċ) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant, meta dan it-tifel isegwi xi studji f’dan Istat Membru, huwiex suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel wettaq, fid-data li fiha dan tal-aħħar beda l-istudji tiegħu, attività professjonali bħala ħaddiem migrant fl-imsemmi Istat Membru.

72

Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 japplika għat-tfal ta’ ċittadin li “hu […] impjegat” fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll għal dawk li l-ġenitur tagħhom “kien impjegat”. Xejn fit-test ta’ dan l-artikolu ma jindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom wieħed mill-ġenituri tat-tfal kellu l-kwalità ta’ ħaddiem migrant fil-mument preċiż li fih dan it-tifel beda l-istudji tiegħu u lanqas li t-tfal tal-ex ħaddiema migranti għandhom biss dritt ta’ aċċess limitat għall-edukazzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

73

Hekk kif ġie indikat fil-punt 50 tas-sentenza preżenti, id-dritt għall-aċċess tat-tifel għall-edukazzjoni abbażi tal-imsemmi Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jiddependix miż-żamma tal-kwalità ta’ ħaddiem migrant tal-ġenitur ikkonċernat. It-tfal tal-ex ħaddiema migranti jistgħu għaldaqstant jinvokaw id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 fuq l-istess bażi tat-tfal ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema migranti.

74

Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa suffiċjenti li t-tifel li jsegwi xi studji fl-Istat Membru ospitanti jkun stabbilixxa ruħu f’dan tal-aħħar filwaqt li wieħed mill-ġenituri tiegħu kien jeżerċita dritt ta’ residenza bħala ħaddiem migrant. Għaldaqstant, id-dritt tat-tifel li jgħix f’dan l-Istat sabiex isegwi xi studji, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, u, konsegwentement, tad-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tagħhom, ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel ikun wettaq, fid-data li fiha dan tal-aħħar ikun beda l-istudji tiegħu, attività professjonali bħala ħaddiem migranti fl-Istat Membru ospitanti.

75

Konsegwentement, ir-risposta għall-paragrafu (ċ) tat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant, waqt li dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel kien iwettaq, fil-ġurnata li fiha dan tal-aħħar beda l-istudji tiegħu, attività professjonali fil-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-imsemmi Stat Membru.

Fuq il-paragrafu (d) tat-tieni domanda

76

Permezz tal-paragrafu (d) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant meta dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, jintemm, meta dan it-tifel jagħlaq tmintax-il sena.

77

Mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni dwar l-effett tal-għeluq ta’ tmintax-il sena tat-tifel fuq id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur tiegħu fil-kwalità tal-persuna li għandha l-kustodja effettiva hija motivata mill-fatt li t-tifla ta’ M. Teixeira kellha 15-il sena meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u fil-frattemp għalqet 18-il sena, u għaldaqstant saret maġġorenni skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Renju Unit. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, peress li din id-dispożizzjoni hija, hekk kif mir-risposta għall-ewwel domanda u għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, dik li tippermetti li jiġi invokat dritt ta’ residenza favur persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira.

78

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-għeluq ta’ età maġġorenni ma għandu l-ebda effett dirett fuq id-drittijiet mogħtija lit-tifel mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

79

Fil-fatt, fir-rigward tal-għan u tal-iskop tagħhom, kemm id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrelattiv ikomplu jeżistu sakemm it-tfal ikunu spiċċaw l-istudji tagħhom.

80

Sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jinkludi wkoll l-istudji superjuri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punti 29 u 30, kif ukoll Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24), id-data li fiha t-tifel itemm l-istudji tiegħu tista’ tkun wara li dan jilħaq l-età maġġorenni.

81

Fis-sentenza Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kunċett ta’ “tfal” fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 huwiex limitat għat-tfal ta’ età ta’ inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti ta’ ħaddiem migrant, sabiex tiddeċiedi jekk id-dritt ta’ trattament ugwali, stabbilit f’dan l-artikolu jistax jiġi invokat, flimkien ma’ allokazzjoni ta’ għajnuna għat-taħriġ, mit-tifel ta’ ħaddiem li għandu 21 sena jew iktar dipendenti fuq dan tal-aħħar.

82

Wara li fakkret, fil-punt 24 tas-sentenza Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, jeżiġi li t-tifel ta’ ħaddiem migrant jista’ jsegwi l-istudji tiegħu fid-dawl li jispiċċawhom b’suċċess, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 25 tal-istess sentenza, li l-Artikolu 12 ikopri l-għajnuna finanzjarja li jistgħu jibbenefikaw minnha l-istudenti li diġà jinsabu f’fażi avvanzata tal-istudju tagħhom, anki jekk ikunu diġà għalqu 21 sena jew iktar u m’għadhomx dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom.

83

Skont din il-ġurisprudenza, jekk l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 12 tiġi suġġetta għal limitu ta’ età jew ta’ status tat-tifel, dan imur kontra mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-ispirtu tagħha (sentenza Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

84

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li d-drittijiet li jirriżultaw għat-tifel mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 huma b’hekk irrikonoxxuti, mingħajr kundizzjoni ta’ età, għat-tfal maġġorenni jew li m’għadhomx dipendenti fuq il-ħaddiem migrant, jippermetti għal ġenitur li jieħu ħsieb tifel maġġorenni, li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti sat-tmiem tal-istudji tiegħu.

85

Fil-punt 73 tas-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun ta’ ħsara għad-dritt ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jekk il-persuna li għandha l-kustodja effettiva tiegħu ma tkunx tista’ tirrisjedi miegħu fl-imsemmi Stat Membru waqt l-istudji tiegħu.

86

Anki jekk it-tifel li sar maġġorenni huwa, bħala prinċipju, preżunt li jista’ jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu stess, id-dritt ta’ residenza għall-ġenitur li għandu l-kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt tiegħu li jsegwi l-istudji tiegħu fi Stat Membru ospitanti, jista’ madankollu jiġi estiż iktar minn din l-età meta t-tifel jibqa’ jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur tiegħu sabiex isegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

87

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għall-paragrafu (d) tat-tieni domanda tkun li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnha l-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant meta dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan it-tifel isir maġġorenni, sakemm it-tifel ma jibqax ikollu bżonn tal-preżenza u l-kura ta’ dan il-ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu.

Fuq it-tielet domanda preliminari

88

Din id-domanda ġiet ippreżentata mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ fejn l-ewwel domanda tirċievi risposta affermattiva, jiġifieri fil-każ fejn persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira ma tkunx tista’ tinvoka dritt ta’ residenza ħlief bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

89

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ċittadin ta’ Stat Membru li kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih it-tifel tiegħu jsegwi xi studji jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jinvoka, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ dan it-tifel, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il Komunità, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992, mingħajr ma jkun neċessarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

 

2)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ġenitur għandu jiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru waqt ir-residenza tiegħu, u minn assigurazzjoni medika komprensiva.

 

3)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant, waqt li dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tat-tifel kien iwettaq, fil-ġurnata li fiha dan tal-aħħar beda l-istudji tiegħu, attività professjonali fil-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-imsemmi Stat Membru.

 

4)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnha l-ġenitur li għandu l-kura effettiva ta’ tifel ta’ ħaddiem migrant meta dan it-tifel isegwi xi studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan it-tifel isir maġġorenni, sakemm it-tifel ma jibqax ikollu bżonn tal-preżenza u l-kura ta’ dan il-ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top