EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0451

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-30 ta' Marzu 2006.
Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti Srl vs Giuseppe Calafiori.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Corte d'appello di Milano - l-Italja.
Libertà ta' stabbiliment - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi - Għajnuna mogħtija mill-Istat - Ċentri ta' assistenza fiskali - Eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fiskali - Dritt esklużiv - Rimunerazzjoni għal dawn l-attivitajiet.
Kawża C-451/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:208

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta' Marzu 2006 (*)

"Libertà ta' stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi – Għajnuna mogħtija mill-Istat – Ċentri ta' assistenza fiskali – Eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fiskali – Dritt esklużiv – Rimunerazzjoni għal dawn l-attivitajiet"

Fil-kawża C-451/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte d’appello di Milano (L-Italja), permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Ottubru 2003, fil-kawża

Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti Srl

vs

Giuseppe Calafiori,

fil-preżenza ta':

Pubblico Ministero,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr (Relatur), A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Mejju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti Srl, minn F. Capelli u M. Valcada, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4 KE, 10 KE, 82 KE, 86 KE u 98 KE dwar il-kompetizzjoni, ta' l-Artikoli 43 KE, 48 KE u 49 KE dwar id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u ta' l-Artikolu 87 KE dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti Srl (iktar 'il quddiem "ADC Servizi") u s-Sur Calafiori, nutar, dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jirreġistra fir-reġistru ta' l-impriżi ta' Milan id-deċiżjoni, meħuda f'laqgħa ġenerali ta' din il-kumpannija, li jiġu emendati l-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni ta' din ta' l-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Il-kuntest ġuridiku nazzjonali, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, jista' jinġabar fil-qosor kif ġej.

4       Id-Digriet leġiżlattiv Nru 241 tad-9 ta' Lulju 1997, kif ikkompletat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 490 tat-28 ta' Diċembru 1998 (iktar 'il quddiem id-"Digriet leġiżlattiv Nru 241/97"), jirriżerva esklużivament liċ-ċentri ta' assistenza fiskali (iktar 'il quddiem iċ-"ĊAF") id-dritt li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali, fosthom attivitajiet relatati mad-dikjarazzjoni annwali tad-dħul ta' ħaddiema impjegati u persuni f'pożizzjoni simili.

5       L-Artikolu 34(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 jagħti kompetenza esklużiva liċ-ĊAF għall-kalkolu tad-dikjarazzjoni fiskali tad-dħul magħmula skond il-mudell issemplifikat (mudell 730), inklużi l-għoti lill-persuna li tħallas it-taxxa ta’ kopja tad-dikjarazzjoni mimlija u tan-nota ta' ħlas tat-taxxa, kif ukoll il-komunikazzjoni lil min iħaddem, li huwa inkarigat bil-ġbir tat-taxxa, tar-riżultat tad-dikjarazzjoni sabiex tiġi riveduta t-taxxa mħallsa f’ras il-għajn u l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet lill-awtorità tat-taxxa.

6       L-Artikolu 35(2)(b) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 jirriżerva wkoll liċ-ĊAF il-kompetenza sabiex jivverifikaw li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni hija konformi ma’ l-annessi tagħha.

7       Iċ-ĊAF għandhom ikunu kkostitwiti bħala kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li jeżerċitaw l-attività tagħhom bl-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Huma jistgħu jkunu kkostitwiti biss mill-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 32 u 33 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97. Dawn huma, b'mod partikolari, jew assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, jew assoċjazzjonijiet sindakali jew assoċjazzjonijiet territorjali nominati minn dawn u li għandhom mill-inqas 50000 membru, jew persuni li jħaddmu, inkarigati bil-ġbir tat-taxxa u li jimpjegaw mill-inqas 50000 impjegat, jew inkella assoċjazzjonijiet ta' ħaddiema li jkunu stabbilixxew istituzzjonijiet ta' patrunat ("istituti di patronato") u li għandhom mill-inqas 50000 membru. Għal dak li jikkonċerna wħud mill-persuni ġuridiċi, imsemmija fid-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, jidher li l-possibbiltà li jinħolqu ĊAF hija limitata għal dawk li huma stabbiliti fl-Italja.

8       Barra minn hekk, l-Artikolu 33(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 jipprovdi li ċ-ĊAF għandhom jaħtru persuna waħda jew iktar fost il-persuni rreġistrati mal-kamra tal-kontabilisti esperti jew mal-kamra tal-kontabilisti sabiex tkun responsabbli għall-assistenza fiskali.

9       Il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tipprovdi, għall-attivitajiet irriżervati liċ-ĊAF, il-ħlas lil dawn ta' l-aħħar, mill-baġit ta' l-Istat, ta' indennizz stabbilit inizjalment għal LIT 25000 għal kull dikjarazzjoni mimlija u mibgħuta, u li żdied sussegwentement għal madwar EUR 14.

 Il-kawża prinċipali

10     ADC Servizi, stabbilita f'Milan, kellha bħala l-għan tagħha l-għoti ta' assistenza u ta' pariri fl-oqsma tal-kontabbiltà u ta' l-amministrazzjoni.

11     Fil-25 ta' Frar 2003, il-laqgħa ġenerali straordinarja ta' din il-kumpannija ddeċidiet li tapprova l-adozzjoni ta' memorandum u statut ta' assoċjazzjoni ġodda sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kumpannija kienet teżerċita wkoll attivitajiet ta' assistenza fiskali għal impriżi, ħaddiema u persuni f'pożizzjoni simili kif ukoll pensjonanti.

12     In-nutar li ħa l-minuti tal-laqgħa, is-Sur Calafiori, irrifjuta li jirreġistra din id-deċiżjoni fir-reġistru ta' l-impriżi ta' Milan peress li l-modifika tal-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni li tawtorizza l-kumpannija teżerċita l-imsemmija attivitajiet ta' assistenza fiskali kienet tikser, skond hu, l-Artikolu 34 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97.

13     ADC Servizi talbet lit-Tribunale di Milano jordna r-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni fir-reġistru ta' impriżi ta' Milan. Permezz ta' digriet tal-15 ta' Mejju 2003, din il-qorti ċaħdet ir-rikors.

14     ADC Servizi appellat minn dan id-digriet quddiem il-Corte d’appello di Milano peress illi d-dispożizzjonijiet tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, billi jirriżervaw b'mod esklużiv ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fiskali liċ-ĊAF, jmorru kontra t-Trattat KE.

15     Il-Corte d’appello di Milano tikkunsidra li s-soluzzjoni għall-kawża miġjuba quddiemha tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

16     L-ewwel nett, hija tindika li l-ħaddiema impjegati, il-pensjonanti u l-persuni f'pożizzjoni simili għandhom jikkonsultaw liċ-ĊAF anki għal kwistjonijiet li mhumiex irriżervati lil dawn ta' l-aħħar mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, fatt li għandu bħala riżultat id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Għaldaqstant, is-sistema li nħolqot tikser l-Artikoli 10 KE, 81 KE, 82 KE u 86 KE.

17     It-tieni nett, il-Corte d’appello di Milano ssostni li l-fatt li l-kalkolu u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul huma rriżervati esklużivament għal ċerti persuni ġuridiċi, li jissodisfaw kriterji preċiżi, jikkostitwixxi mhux biss għall-operatur ekonomiku nazzjonali, iżda wkoll għall-operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, ostaklu għall-eżerċizzju ta' l-attività tiegħu li jista' jikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita mill-Artikoli 43 KE, 48 KE u 49 KE.

18     Fl-aħħar nett, skond l-imsemmija qorti nazzjonali, jidher li l-indennizz imsemmi fil-punt 9 ta' din is-sentenza, previst esklużivament favur iċ-ĊAF u li jitħallas mill-baġit ta' l-Istat, jaqa' taħt il-projbizzjoni fl-Artikoli 87 KE u 88 KE.

 Id-domandi preliminari

19     Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Corte d’appello di Milano ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikoli 4 KE, 10 KE, 82 KE, 86 KE u 98 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-[Digriet leġiżlattiv Nru 241/97] ikkunsidrata, b'mod partikolari, fid-dawl tal-liġijiet ikkonsolidati dwar it-taxxi fuq id-dħul (DPR [Digriet tal-President tar-Repubblika] Nru 917, tat-22 ta' Diċembru 1986) u tal-liġi Nru 413 tat-30 ta' Diċembru 1991, li tirriżerva b'mod esklużiv id-dritt li jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet ta' konsulenza fiskali lil kategorija waħda biss ta' persuni ġuridiċi, iċ-[…] ĊAF […], u ċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi l-oħra tas-settur, għalkemm huma kkwalifikati biex jeżerċitaw professjoni fil-qasam tal-konsulenza fiskali u tal-kontabbiltà (il-kontabilisti esperti, avukati u konsulenti oħrajn tax-xogħol u ta' l-impjieg), mid-dritt li jeżerċitaw, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess modalitajiet ta' eżerċizzju, l-attivitajiet irriżervati liċ-ĊAF?

2)      L-Artikoli 43 KE, 48 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-[Digriet leġiżlattiv Nru 241/97] ikkunsidrata, b'mod partikolari, fid-dawl tal-liġijiet ikkonsolidati dwar it-taxxi fuq id-dħul (DPR Nru 917 […]) u tal-liġi Nru 413 tat-30 ta' Diċembru 1991, li tirriżerva b'mod esklużiv id-dritt li jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet ta' konsulenza fiskali lil kategorija waħda biss ta' persuni ġuridiċi, iċ-ĊAF, u ċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi l-oħra tas-settur, għalkemm huma kkwalifikati biex jeżerċitaw professjoni fil-qasam tal-konsulenza fiskali u tal-kontabbiltà (il-kontabilisti esperti, avukati u konsulenti oħrajn tax-xogħol u ta' l-impieg), mid-dritt li jeżerċitaw, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess modalitajiet ta' eżerċizzju, l-attivitajiet irriżervati liċ-ĊAF?

3)      L-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħal dik li tirriżulta mid-[Digriet leġiżlattiv Nru 241/97], b'mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu, li tipprovdi għall-ħlas ta' indennizz mill-baġit ta' l-Istat liċ-ĊAF għat-twettiq ta' attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 34(4) u l-Artikolu 37(2) ta' l-imsemmi Digriet, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija lill-Istat?"

 Fuq l-ewwel domanda

20     B'mod preliminari, għandu jiġi indikat li l-Artikoli 4 KE u 98 KE jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika tas-sistema Komunitarja u jipprovdu l-kuntest li fih jinsabu r-regoli tal-kompetizzjoni fl-Artikoli 82 KE u 86 KE. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-referenza magħmula mill-qorti nazzjonali għall-Artikoli 4 KE u 98 KE, ma titlobx tweġiba differenti minn dik li ser tingħata fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 82 KE u 86 KE.

21     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 82 KE u 86 KE jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżerva b'mod esklużiv liċ-ĊAF id-dritt li jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali.

22     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 82 KE, huwa pprojbit li impriża waħda jew iktar tuża b'mod abużiv pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali tiegħu.

23     Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti permezz ta' l-għoti ta' drittijiet speċjali jew esklużivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 86(1) KE mhuwiex, fih innifsu, inkompatibbli ma' l-Artikolu 82 KE. Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet ipprovduti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet biss meta l-impriża in kwistjoni tiġi indotta, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jew esklużivi li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b'mod abużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż (sentenza tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 39).

24     Għaldaqstant, għandu jiġi aċċertat mhux biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellhiex bħala effett li tagħti liċ-ĊAF drittijiet speċjali jew esklużivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 86(1) KE, iżda wkoll jekk tali leġiżlazzjoni setgħetx twassal għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti.

25     Għandu jiġi osservat li, indipendentement minn jekk tali drittijiet speċjali jew esklużivi ngħatawx liċ-ĊAF mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub ma jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi ta' fatt u ta' dritt li jippermettulha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti jew ta' mġiba abużiva, skond l-Artikolu 82 KE, humiex sodisfatti.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta utli għall-ewwel domanda.

 Fuq it-tieni domanda

27     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprojbixxux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal in kwistjoni dik fil-kawża prinċipali, li tirriżerva b'mod esklużiv liċ-ĊAF id-dritt li jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali.

28     B'mod preliminari, għandu jingħad li l-Gvern Taljan isostni li din id-domanda hija inammissbbli, inkwantu l-elementi kollha ta' l-attività in kwistjoni fil-kawża prinċipali jseħħu ġewwa Stat Membru wieħed biss.

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li risposta tista' madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b'mod partikolari, f'każ li d-dritt nazzjonali tagħha jimponi, fi proċedura bħal dik f'dan il-każ, li ċittadini Taljani għandhom jibbenefikaw mill-istess drittijiet li jgawdi minnhom, abbażi tad-dritt Komunitarju, ċittadin ta' Stat Membru ieħor fl-istess sitwazzjoni (ara d-digriet tas-17 ta' Frar 2005, Mauri, C-250/03, Ġabra p. I-1267, punt 21).

30     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, jipprojbixxux l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, safejn hija ser tiġi applikata fir-rigward ta' persuni li jirrisjedu fi Stati Membri oħrajn.

31     B'mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jimponu t-tneħħija ta' restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment u għal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi u li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet ta' dan it-tip (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22).

32     F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 jattribwixxi kompetenza esklużiva liċ-ĊAF sabiex joffru lil persuni li jħallsu t-taxxa ċerti servizzi ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali u, b'mod partikolari, servizzi ta' assistenza fiskali lill-ħaddiema impjegati u lil persuni f'pożizzjoni simili dwar kif għandhom jimlew il-mudell issemplifikat tad-dikjarazzjoni tat-taxxa.

33     Għal dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, billi tirriżerva dawn l-attivitajiet liċ-ĊAF, twaqqaf totalment l-aċċess għas-suq tas-servizzi in kwistjoni ta' l-operaturi ekonomiċi li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

34     Għal dak li jirrigwarda l-libertà ta' stabbiliment, tali leġiżlazzjoni, billi tillimita l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti ĊAF għal ċerti persuni ġuridiċi li jissodisfaw kundizzjonijiet stretti u, kif jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija, lil ċerti persuni li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-Italja, tista' tirrendi iktar diffiċli, jekk mhux timpedixxi totalment, l-eżerċizzju mill-operaturi ekonomiċi li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn tad-dritt tagħhom li jistabbilixxu rwieħhom fl-Italja bl-għan li jipprovdu s-servizzi in kwistjoni.

35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta' kompetenza esklużiva liċ-ĊAF li joffru ċerti servizzi ta' konsulenza u ta' assistenza fiskali jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ipprojbita, bħala regola, mill-Artikoli 43 KE u 49 KE.

36     Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jillimitaw il-possibbiltà li jinħolqu ĊAF għal ċerti persuni ġuridiċi li huma diġà stabbiliti fl-Italja huma diskriminatorji. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika u ta' saħħa pubblika, previsti fl-Artikoli 46 KE u 55 KE, li ma ġewx invokati f'dan il-każ (sentenza tad-29 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-263/99, Ġabra p. I-4195, punt 15).

37     Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni li japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti jistgħu jiġu ġġustifikati meta dawn isiru għal raġunijiet mandatorji ta' interess pubbliku, bil-kundizzjoni li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenza tas-17 ta' Ottubru 2002, Payroll et, C-79/01, Ġabra p. I-8923, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi in kwistjoni kontra d-danni li dawn jistgħu jsofru minħabba servizzi pprovduti minn persuni li m'għandhomx il-kwalifiki professjonali jew morali neċessarji jista' jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-25 ta' Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punti 15 sa 17).

39     Kif l-Avukat Ġenerali jenfasizza fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, uħud mis-servizzi rriżervati liċ-ĊAF, bħall-għoti ta’ kopja tad-dikjarazzjoni tat-taxxa u tan-nota ta' ħlas tat-taxxa, il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa lill-awtorità tat-taxxa kif ukoll il-komunikazzjoni lil min iħaddem, li huwa inkarigat bil-ġbir tat-taxxa, tar-riżultat tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, huma essenzjalment ta' natura sempliċi u m'għandhomx bżonn kwalifiki professjonali speċifiċi.

40     Huwa ċar li n-natura ta' dawn is-servizzi ma tistax tiġġustifika l-fatt li l-eżerċizzju tagħhom ikun limitat biss għal min ikollu kwalifika professjonali speċifika.

41     Għalkemm ċerti kompiti rriżervati liċ-ĊAF huma madankollu iktar kumplessi, jiġifieri, b'mod partikolari, il-kontroll tal-konformità ta' l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tat-taxxa mad-dokumenti annessi magħha, ma jidhirx li l-korpi awtorizzati biex jikkostitwixxu ĊAF joffru xi garanziji ta' kompetenzi professjonali partikolari sabiex jitwettqu dawn il-kompiti.

42     Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skond l-Artikolu 33(2) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, iċ-ĊAF jaħtru l-persuni responsabbli għat-twettiq ta' dawn il-kompiti minn fost il-persuni rreġistrati mal-kamra tal-kontabilisti esperti jew mal-kamra tal-kontabilisti, jiġifieri professjonisti li ma jistgħux joffru, f'isimhom, is-servizzi rriżervati liċ-ĊAF.

43     Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhrix li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, billi jattribwixxu kompetenza esklużiva liċ-ĊAF sabiex joffru ċerti servizzi ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali, huma idonei sabiex jiggarantixxu l-interess pubbliku msemmi fil-punt 38 ta' din is-sentenza.

44     Fis-seduta, il-Gvern Taljan sostna li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni hija, f'kull każ, iġġustifikata permezz ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 45 KE u l-Artikolu 55 KE li jipprovdu li l-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika.

45     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, billi jidderogaw mir-regola fundamentali tal-libertà ta' stabbiliment, l-Artikoli 45 KE u 55 KE għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-iskop tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istati Membri jipproteġu (sentenzi tal-15 ta' Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 7, u tad-29 ta' Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 34).

46     Għaldaqstant, skond ġurisprudenza kostanti, id-deroga prevista f'dawn l-Artikoli għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika (sentenzi tal-21 ta' Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 45; tat-13 ta' Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 8; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u tal-31 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/99, Ġabra p. I-4363, punt 20).

47     Għandu jiġi kkonstatat li l-kontroll tal-konformità ta' l-informazzjoni mniżżla fid-dikjarazzjoni tat-taxxa mad-dokumenti annessi magħha, anki jekk fir-realtà huwa rari li dan jiġi vverifikat mill-awtorità tat-taxxa, ma jikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika, iżda miżura intiża sabiex tipprepara jew tiffaċilita t-twettiq tal-kompiti ta' l-awtorità tat-taxxa.

48     L-istess jista' jingħad għal dak li jikkonċerna l-kompiti l-oħra, indikati fl-Artikoli 34 u 35 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 u msemmija mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri l-għoti lill-persuna li tħallas it-taxxa ta’ kopja tad-dikjarazzjoni tat-taxxa mimlija u tan-nota ta' ħlas tat-taxxa, kif ukoll il-komunikazzjoni lil min iħaddem, li huwa inkarigat bil-ġbir tat-taxxa, tar-riżultat tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet lill-awtorità tat-taxxa.

49     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li attivitajiet irriżervati liċ-ĊAF bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-Artikoli 45 KE u 55 KE.

50     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżerva b'mod esklużiv liċ-ĊAF id-dritt li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali.

 Fuq it-tielet domanda

51     B'mod preliminari, għandu jingħad li, fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tkopri fl-istess ħin id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 38 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 dwar il-ħlas ta' rimunerazzjoni liċ-ĊAF, dawk ta' l-Artikolu 34(4) ta' l-istess Digriet dwar l-attivitajiet ta' assistenza fiskali pprovduti miċ-ĊAF, u dawk ta' l-Artikolu 37(2) ta' l-imsemmi Digriet dwar l-attivitajiet ta' assistenza fiskali pprovduti minn entitajiet oħrajn.

52     Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' din l-istess qorti tirrigwarda biss il-ħlas ta' rimunerazzjoni liċ-ĊAF.

53     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tat-tielet domanda għandu jiġi limitat għar-rimunerazzjoni mħallsa liċ-ĊAF skond l-Artikoli 34(4) u 38(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97.

54     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk rimunerazzjoni bħal dik li rċevew iċ-ĊAF għall-ikkompletar u l-komunikazzjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa, skond l-Artikoli 34(4) u 38(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) KE.

55     B'mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kwalifika bħala "għajnuna" tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f'din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti (ara s-sentenzi tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Tubemeuse", C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; ta' l-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 20; tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 68, u ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74).

56     L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent ta' l-Istat jew permezz tar-riżorsi ta' l-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn Stat Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba' nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

57     Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, din hija sodisfatta peress li r-rimunerazzjoni prevista fl-Artikolu 38(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 titħallas mill-baġit ta' l-Istat.

58     Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, għandu jingħad li jistgħu jitħallsu ammonti sostanzjali liċ-ĊAF skond l-Artikolu 38(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 u li l-operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħrajn jistgħu jkunu awtorizzati jikkostitwixxu ĊAF li jibbenefikaw minn dawn l-ammonti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura in kwistjoni tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

59     Għal dak li jirrigwarda t-tielet u r-raba' kundizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq, huma kkunsidrati bħala għajnuna (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 84).

60     Min-naħa l-oħra, fejn intervent ta' Stat għandu jiġi kkunsidrat bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jiġu eżegwiti obbligi ta' servizz pubbliku, b'tali mod li fir-realtà dawn l-impriżi ma jibbenefikawx minn vantaġġ finanzjarju u li, għaldaqstant, l-imsemmi intervent m'għandux bħala effett li jpoġġi lil dawn l-impriżi f'pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla ma' impriżi li jikkompetu magħhom, tali intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 87(2) KE (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 87).

61     Madankollu, f'każ konkret, sabiex tali kumpens ma jiġix ikkwalifikat bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, ċertu numru ta' kundizzjonijiet iridu jiġu sodisfatti (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88).

62     L-ewwel nett, l-impriża li tibbenefika minn tali kumpens għandha effettivament tkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b'mod ċar (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 89).

63     F'dan ir-rigward, mhuwiex eskluż li Stat Membru jista' jikkwalifika s-servizzi ta' assistenza fiskali pprovduti miċ-ĊAF, skond l-Artikolu 34(4) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97, lill-ħaddiema impjegati u lil persuni f'pożizzjoni simili, li huma intiżi sabiex jgħinu l-persuni li jħallsu t-taxxa jissodisfaw l-obbligi fiskali tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti ta' l-awtoritajiet tat-taxxa, bħala "servizz pubbliku".

64     It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista' jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma' impriżi li jikkompetu magħha (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 90).

65     F'dan ir-rigward, jidher li l-kumpens li ġie stabbilit għal madwar EUR 14 għal kull dikjarazzjoni kkompletata u kkomunikata lill-awtorità tat-taxxa jista' jissodisfa din il-kundizzjoni.

66     It-tielet nett, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom imġarrba fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 92).

67     Ir-raba' nett, huwa għandu jiġi ddeterminat abbażi ta' analiżi ta' l-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta' servizz pubbliku meħtieġa, tkun ġarrbet fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi tagħha, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 93).

68     L-eżami ta' dawn l-aħħar żewġ kundizzjonijiet għal dak li għandu x'jaqsam mal-livell tar-rimunerazzjoni in kwistjoni tirrikjedi evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali.

69     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex il-kompetenza tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali jew tapplika r-regoli Komunitarji li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dan jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tad-19 ta' Diċembru 1968, Salgoil, 13/68, Ġabra p. 661, 672; tat-23 ta' Jannar 1975, Van der Hulst, 51/74, Ġabra p. 79, punt 12; tat-8 ta' Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 11; tal-5 ta' Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, C-175/98 u C-177/98, Ġabra p. I-6881, punt 38, u tal-15 ta' Mejju 2003, RAR, C-282/00, Ġabra p. I-4741, punt 47).

70     Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, jekk ir-rimunerazzjoni prevista fl-Artikolu 38(1) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 241/97 tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

71     F'dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li l-qorti nazzjonali m'għandhiex il-kompetenza tevalwa l-kompatibbiltà ta' miżuri ta' għajnuna jew ta' sistema ta' għajnuna mas-suq komuni. Din l-evalwazzjoni taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qorti Komunitarja (ara s-sentenzi tal-21 ta' Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 14; tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 42, u tas-17 ta' Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 31).

72     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li miżura li permezz tagħha Stat Membru jipprovdi għall-ħlas ta' kumpens mill-baġit ta' l-Istat lil ċerti impriżi li huma responsabbli sabiex jassistu l-persuni li jħallsu t-taxxa, f'dak li jikkonċerna l-ikkompletar u l-komunikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet tat-taxxa lill-awtorità tat-taxxa, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE meta:

–       il-livell ta' kumpens jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom imġarrba fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi, u

–       il-kumpens ma jkunx iddeterminat abbażi ta' analiżi ta' l-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta' servizz pubbliku meħtieġa, tkun ġarrbet fl-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi.

 Fuq l-ispejjeż

73     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżerva b'mod esklużiv liċ-ċentri ta' assistenza fiskali d-dritt li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta' konsulenza u ta' assistenza fil-qasam fiskali.

2)      Miżura li permezz tagħha Stat Membru jipprovdi għall-ħlas ta' kumpens mill-baġit ta' l-Istat lil ċerti impriżi li huma responsabbli sabiex jassistu l-persuni li jħallsu t-taxxa, f'dak li jikkonċerna l-ikkompletar u l-komunikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet tat-taxxa lill-awtorità tat-taxxa, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE meta:

–       il-livell ta' kumpens jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjez kollha jew parti minnhom imġarrba fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi, u

–       il-kumpens ma jkunx iddeterminat abbażi ta' analiżi ta' l-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta' servizz pubbliku meħtieġa, tkun ġarrbet fl-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawn l-obbligi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top