EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0293

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Novembru 2005.
Jersey Produce Marketing Organisation Ltd vs States of Jersey u Jersey Potato Export Marketing Board.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Royal Court of Jersey - il-Gżejjer Channel.
Regoli dwar l-esportazzjoni ta' patata minn Jersey lejn ir-Rejnu Unit - Att ta' Adeżjoni ta' l-1972 - Protokoll Nru 3 dwar il-Gżejjer Channel u l-Gżira ta' Man - Regolament Nru 706/73 - Artikoli 23 KE, 25 KE u 29 KE - Piż li għandu effett ekwivalenti għal dazji doganali - Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.
Kawża C-293/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:664

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta' Novembru 2005 (*)

"Regoli dwar l-esportazzjoni ta' patata minn Jersey lejn ir-Rejnu Unit – Att ta' Adeżjoni ta' l-1972 – Protokoll Nru 3 dwar il-Gżejjer Channel u l-Gżira ta' Man – Regolament Nru 706/73 – Artikoli 23 KE, 25 KE u 29 KE – Piż li għandu effett ekwivalenti għal dazji doganali – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi"

Fil-kawża C-293/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Royal Court of Jersey (il-Gżejjer Channel), permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Awwissu 2002, fil-proċedura

Jersey Produce Marketing Organisation Ltd

vs

States of Jersey,

Jersey Potato Export Marketing Board,

fil-preżenza ta':

Top Produce Ltd,

Fairview Farm Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric (Relatur), S. von Bahr, G. Arestis, u A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Jersey Produce Marketing Organisation Ltd, minn T. Le Cocq, advocate, kif ukoll M. Sheridan u J. Simor, barristers,

–       għal States of Jersey, S. Nicolle, QC, R. Plender, QC, W. Bailhache, HM Attorney General for Jersey, u M. Jarvis, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn Jersey Produce Marketing Organisation Ltd (iktar 'il quddiem «JPMO») kontra l-Istates of Jersey u Jersey Potato Export Marketing Board (iktar 'il quddiem il-"PEMB") fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-liġi ppromulgata mill-Istates of Jersey li tadotta s-sistema ta' kummerċjalizzazzjoni għall-esportazzjonijiet ta' patata minn Jersey (Jersey Potato Export Marketing Scheme Act 2001, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-2001").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 23(1) KE jipprovdi li:

"Il-Komunità hija bażata fuq unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b' effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi."

4       L-Artikolu 25 KE jipprovdi li:

"Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali."

5       L-Artikolu 28 KE jistipula li:

"Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri."

6       Skond l-Artikolu 29 KE:

"Kull restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni u kull miżura li jkollha effett ekwivalenti għandha tkun projbita bejn l-Istati Membri."

7       L-Artikolu 299(4) KE jipprovdi li ġej:

"Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat għandhom jgħoddu għal territorji Ewropej li r-relazzjonijiet barranin tagħhom huma r-responsabbiltà ta' Stat Membru."

8       Skond l-Artikolu 299(6):

"Minkejja l-paragrafi preċedenti:"

[…]

c)       Dan it-Trattat japplika għaċ-Channel Islands u l-Gżira ta' Man sal-limitu biss li hu meħtieg biex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer stipulati fit-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Komunita' Ekonomika Ewropeja u mal-Komunita' Ewropeja ta' l-Enerġija Atomika iffirmat fit-22 ta' Jannar 1972."

9       L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 dwar il-Gżejjer Channel u l-Isle of Man (ĠU L 1972, L 73, p. 164, iktar 'il quddiem il-"Protokoll Nru 3) anness ma' l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq u l-aġġustamenti għat-trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14, iktar il-quddiem l-"Att ta' l-adeżjoni ta' l-1972") jipprovdi li:

"1. Ir-regoli dwar kwistjonijiet doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari dawk ta' l-Att ta' l-adeżjoni, għandhom japplikaw għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man taħt l-istess kondizzjonijiet kif japplikaw għar-Renju Unit. B’mod partikolari, id-dazji doganali u l-piżijiet li jkollhom effet ekwivalenti bejn dawk it-territorji u l-Komunità kif oriġinarjament kostitwita u bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri l-ġodda għandhom jiġu mnaqqsa progressivament skond l-iskeda stabbilita fl-Artikoli 32 u 36 ta' l-Att ta' l-adeżjoni.

2. Fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti pproċessati minnhom li huma s-suġġett ta' reġim kummerċjali speċjali, l-imposti u l-miżuri oħrajn fuq l-importazzjoni stabbiliti fir-regoli Komunitarji u applikabbli mir-Renju Unit għandhom jiġu applikati għal pajjiżi terzi.

Dawn id-disposizzjonijiet ta’ regoli Komunitarji, b’mod partikolari dawk ta' l-Att ta' l-adeżjoni, li huma neċessarji sabiex jippermettu l-moviment liberu u l-osservanza ta’ kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fil-kummerċ f’dawn il-prodotti għandhom ukoll ikunu applikabbli.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxu b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina il-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet imsemmija fis-subparagrafi preċedenti għandhom ikunu applikabbli għal dawn it-territorji."

10     Adottat fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 3, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 706/73 tat-12 ta' Marzu 1973, dwar l-arranġamenti tal-Komunità applikabbli għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man għan-negozju fi prodotti agrikoli (ĠU L 68, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1174/86 tal-21 ta’ April 1986 (ĠU L 107, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 706/73"), jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

"1.      Regoli tal-Komunità applikabbli għar-Renju Unit għal kummerċ fi prodotti agrikoli koperti mill-Anness II mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u f’oġġetti koperti mir-Regolament Nru 170/67/KEE u r-Regolament (EEC) [KEE] Nru 1059/69, għandhom jgħoddu għall-gżejjer, bl-eċċezzjoni ta’ regoli fuq rifużjoni u ammonti ta’ kumpens mogħtija fuq esportazzjonijiet mir-Renju Unit.

2.      Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli riferiti f’ paragrafu 1, ir-Renju Unit u l-gżejjer għandhom jiġu trattati bħala Stat Membru wieħed.

[…]"

11     Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (JO L 302, p. 1):

"It-territorju [...] doganali tal-Komunità għandu jiġbor fih:

–       it-territorju tar-Renju tal-Belġju,

[…]

–       it-territorju tar-Repubblika Portugiża,

–       it-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Gżejjer tal-Kanal [Channel] u l-Isle of Man."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju li l-liġi ta' l-2001 ġiet adottata minħabba l-ilmenti ta' l-agrikolturi dwar marġni baxxi ta' profitti li kienu qed ikollhom mill-bejgħ ta' patata Jersey Royal, li tikkostitwixxi l-koltivazzjoni prinċipali fuq barra tal-Gżira u li l-prodott tagħha hija kkummerċjalizzata l-iktar fir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni hija dovuta b'mod partikolari għall-kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u għall-inabilità ta' l-agrikolturi li jinnegozjaw jew jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta' bejgħ tal-prodotti tagħhom minn dawn l-organizzazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet kummerċjali offerti minn dawn l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni huma kkaratterizzati minn nuqqas ta' trasparenza.

13     L-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-2001 jiddefinixxi l-"esportazzjoni" bħala "il-ġarr għall-bejgħ ta' patata 'l barra mill-Gżira kemm direttament jew via post ieħor lejn destinazzjoni fir-Renju Unit, fil-Bailiwick of Guernsey jew fl-Gżira ta' Man għall-konsum hemmhekk", il-kunċett ta' "patata" jinkludi, skond din id-dispożizzjoni, "kull prodott magħmul jew u pproċessat mill-patata li jista' jiġi kkunsmat jew le".

14     Skond l-imsemmija liġi, il-produtturi mhumiex awtorizzati "jesportaw patata" jekk ma jkunux irreġistrati mal-PEMB u jkunu daħlu fi ftehim għall-kummerċjalizzazzjoni miegħu. Min-naħa tagħhom, l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma jistgħux jaċċettaw "patata" għall-"esportazzjoni" jekk ma jkunux laħqu ftehim ta' tmexxija mal-PEMB.

15     Skond l-Artikolu 23(1)(a) tal-liġi dwar il-Kummerċjalizzazzjoni Agrikola ta' Jersey [Agricultural Marketing (Jersey) Law 1953, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1953»], kull persuna li tbiegħ jew li tipproponi għall-bejgħ jew li titlob li tixtri prodott regolat bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' sistema, tkun liema tkun, tikkommetti reat punibbli b'ammenda massima ta' 200 Lira u/jew piena ta' priġunerija massima ta' sitt xhur.

16     Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikoli 32 sa 39 kif ukoll mill-Artikolu 56 tal-liġi ta' l-2001, u mill-Artikolu 23 tal-liġi ta' l-1953, li l-PEMB jista' jimponi sanzjonijiet fuq il-produtturi rreġistrati li ma josservawx il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu laħqu ma dik l-organizzazzjoni, u, wara żewġ infrazzjonijiet, jgħarraf lill-Kummissjoni ta' l-Agrikoltura u s-Sajd ta' l-Istates of Jersey dwar l-identità ta' dawn il-produtturi li tista', f'dan il-każ, tħassar il-persuni kkonċernati mir-reġistru, u b'hekk tneħħilhom id-dritt li jilħqu tali ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni.

17     Skond l-osservazzjonijiet ippreżentati minn JPMO, l-Istates of Jersey u il-PEMB, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni milħuqa bejn dan ta' l-aħħar u l-produtturi jridu jinkludu b'mod partikolari regoli dwar is-superfiċji li se tintuża għall-koltivazzjoni ta' patata intiża għall-"esportazzjoni", dwar l-identità tal-persuni awtorizzati mill-PEMB sabiex jirċievuhom, u dwar l-istandards ta' kwalità u l-kriterji ta' tmexxija tajba li għandhom jiġu osservati.

18     Jirriżulta wkoll mill-imsemmija osservazzjonijiet li l-ftehim ta' tmexxija milħuqa bejn il-PEMB u l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jridu jkunu fihom b'mod partikolari dispożizzjonijiet dwar l-identità tal-produtturi rreġistrati mal-PEMB li l-patata tagħhom tista' tiġi kkummerċjalizzata minn dawn l-organizzazzjonijiet, dwar l-istandards ta' kwalità li għandhom jiġu rrispettati u dwar il-proċeduri applikabbli f'każ ta' "esportazzjoni" jew ta' trattament ieħor ta' kwantitajiet ta' patata li jeċċedu l-bżonnijiet attwali jew stmati tas-suq. Tali ftehim għandhom jispeċifikaw ukoll fuq liema bażi l-organizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni titħallas għas-servizzi tagħha lill-produtturi, tbiegħ il-patata lix-xerreja, tirċievi l-ħlas għal dawn ta' l-aħħar u tqassam il-flus lill-produtturi. L-imsemmija ftehim għandhom ukoll jidentifikaw il-fatturi kollha li jistgħu jwasslu l-organizzazzjoni tilħaq ftehim ma terza persuna, fuq bażi oħra barra l-prezz fis-suq, il-bonusijiet jew is-sanzjonijiet marbuta mal-prestazzjoni li japplikaw għall-imsemmija organizzazzjoni, kif ukoll l-obbligi pubbliċitarji jew promozzjonali li għandhom jitwettqu jew l-ispejjeż imħallsa mill-PEMB jew mill-organizzazzjoni.

19     Mingħajr ebda kontestazzjoni min-naħa ta' l-Istates of Jersey, JPMO sostniet li, skond il-liġi ta' 2001, huwa fid-diskrezzjoni tal-PEMB jekk jilħaqx jew le ftehim ta' tmexxija ma' organizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni. Jirriżulta wkoll minn din il-liġi li l-PEMB jista' b'mod partikolari jixtri patata sabiex jipproċessaha, jbiegħha, jittrasportaha, jippromwovi l-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tagħha, kif ukoll il-kooperazzjoni, ir-riċerka u l-istħarriġ fir-rigward tagħha, isellef lil xi produtturi rreġistrati u jitlob lil dawn ta' l-aħħar jagħtu informazzjoni dwar statistiki.

20     Skond l-Artikolu 24 tal-liġi ta' l-2001, il-PEMB jista', b'riżoluzzjoni, jirrikjedi li l-produtturi rreġistrati kollha jikkontribwixxu għal fond speċjali intiż sabiex ikopri l-infiq u l-ispejjeż prinċipali u li jikkontribwixxu għat-telf ta' flus eventwali tagħha, irrispettivament jekk l-imsemmija produtturi humiex parti jew le fil-ftehim mal-PEMB.

21     Mingħajr ebda kontestazzjoni min-naħa ta' l-Istates of Jersey, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u JPMO, waqt is-seduta, sostnew li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll li dan il-kontribut huwa kkalkulat, skond id-deċiżjonijiet minn żmien għal żmien tal-PEMB, jew b'riferenza għall-piż f'tunnellati tal-patata mibjugħa mill-produttur għall-"esportazzjoni", jew b'riferenza għas-superfiċji użati minnu għall-koltivazzjoni tal-patata, matul is-sena kalendarja preċedenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22     JPMO u Top Produce Ltd, rispettivament ir-rikorrenti u l-ewwel intervenjenti fil-kawża prinċipali, huma tnejn minn erba' organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li joperaw f'Jersey. Flimkien, iwettqu madwar 80 % ta' l-esportazzjonijiet ta' patata tat-tip Jersey Royal lejn ir-Renju Unit. Fairview Farm Ltd, li hija t-tieni intervenjenti fil-kawża prinċipali u l-kunpannija parent ta' Top Produce Ltd, hija waħda minn xi 80 produtturi ta' patata tat-tip Jersey Royal tal-Gżira.

23     Quddiem il-qorti tar-rinviju, JPMO, Top Produce Ltd u Fairview Farm Ltd sostnew, l-ewwel nett, li għalkemm il-liġi ta' l-2001 hija magħrufa li tikkonċerna esklussivament l-esportazzjonijiet lejn ir-Renju Unit, din il-liġi tista' jkollha effetti restrittivi attwali u potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan bi ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 29 KE. B'mod partikolari, din il-liġi tapplika mhux biss għall-esportazzjonijiet diretti lejn ir-Renju Unit, iżda wkoll għal meta tintbagħat patata lejn Stat Membru ieħor sabiex tiġi pproċessata jew sempliċement sabiex tittranżita qabel ma tasal fir-Renju Unit.

24     Madankollu, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat f'dan ir-rigward li l-espressjoni "direttament jew via post ieħor" imsemmija fl-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-2001 għandha biss bħala għan li tiggarantixxi li ma ssir ebda distinzjoni, f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' dik il-leġiżlazzjoni kkonċernata, bejn il-patata mibgħuta permezz ta' vapuri li jmorru dritt lejn ir-Renju Unit u dik li tiġi mibgħuta via portijiet li jinsabu fi Franza jew fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ddeċidiet li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-patata tintbagħat lejn Stat Membru ieħor sabiex tiġi pproċessata, bħal, per eżempju, il-ħasil, l-ippakkjar, it-tqegħid f'basktijiet, sabiex tiġi ttrasportata lejn ir-Renju Unit bl-għan li tinbiegħ u tiġi kkunsmata hemmhekk. Skond il-qorti tar-rinviju, l-unika domanda għalhekk hija jekk il-liġi ta' l-2001 tiksirx jew le l-Artikolu 29 KE peress li tapplika għal patata li tintbagħat direttament minn Jersey lejn ir-Renju Unit u li tgħaddi minn Stat Membru ieħor mingħajr ma tinħatt mill-merkanzija mgħobbija.

25     It-tieni nett, JPMO, Top Produce Ltd u Fairview Farm Ltd isostnu li l-liġi ta' 2001 tikser l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE peress li tostakola l-kummerċ bejn Jersey u r-Renju Unit.

26     Skond dawn il-kumpanniji, id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Artikoli japplikaw f'każ ta' tali kummerċ bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 3, b'mod partikolari l-Artikolu 1(1) tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk Jersey u r-Renju Unit kellhom jiġu kkunsidrati bħala Stat Membru wieħed għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi wkoll sabiex ikopru żewġ territorji ta' l-istess Stat Membru (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625; tad-9 ta' Awwissu 1994, Lancry et, C-363/93, C-407/93 u C-411/93, Ġabra p. I-3957, u ta' l-14 ta' Settembru 1995, Simitzi, C-485/93 u C-486/93, Ġabra p. I-2655).

27     Fil-kawża prinċipali, il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet lill-PEMB u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet f'każ li tinkiser il-liġi ta' l-2001 jikkostitwixxu piżijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali pprojbiti mill-Artikolu 25 KE. Barra minn hekk, is-sistema stabbilita mil-liġi ta' l-2001, safejn tissuġġetta l-possibbiltà li jitwettaq kummerċ għar-reġistrazzjoni u għall-eżistenza ta' ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni u tmexxija bħal dawk li hija tipprovdi, toħloq ostakli għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni li huma pprojbiti mill-Artikoli 28 KE u 29 KE.

28     L-Istates of Jersey u l-PEMB joġġezzjonaw li, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 299 KE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 706/73, il-kummerċ ta' patata bejn Jersey u r-Renju Unit huwa purament intern għal dak l-Istat Membru u mingħajr ebda konnessjoni għas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE. Barra minn hekk, is-sentenzi Legros et, Lancry et u Simitzi, iċċitati iktar 'il fuq, ma jikkonċernawx l-Artikoli 28 KE u 29 KE, filwaqt li l-imposti in kwistjoni f'dawn is-sentenzi applikaw mingħajr distinzjoni bejn il-kummerċ intern jew estern ta' Stat Membru.

29     Barra minn hekk, l-Artikoli 23KE u 25 KE ma jistgħux japplikaw għall-kawża prinċipali peress li l-kontribuzzjonijiet u s-sanzjonijiet previsti fil-liġi ta' l-2001 ma ġewx miġbura u imposti rispettivament minħabba l-fatt li l-prodotti qasmu fruntiera.

30     Huwa f'dawn il-ċirkustanzi li r-Royal Court of Jersey iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Sistema legali bħal dik li tirregola l-esportazzjoni ta' patata minn Jersey lejn ir-Renju Unit għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, bi ksur ta' l-Artikolu 29 KE, peress li l-patata ttrasportata direttament minn Jersey lejn ir-Renju Unit tista' tgħaddi minn Stat Membru ieħor, mingħajr ma tinħatt mill-merkanzija mgħobbija?

2)      Sistema legali bħal dik li tirregola l-esportazzjoni ta' patata minn Jersey lejn ir-Renju Unit għandha titqies li hija inkompatibbli ma' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE safejn hija tista' taffettwa l-kummerċ bejn din il-Gżira u r-Renju Unit (kif ukoll Guernsey u l-Gżira ta' Man) jew tista' twassal għal impożizzjoni ta' piżijiet marbuta ma' dan il-kummerċ?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

31     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata l-ewwel kif issuġġerixxew kemm il-JPMO kif ukoll il-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu sistema bħal dik stabbilita mil-liġi ta' 2001.

32     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat qabel kollox jekk dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE humiex intiżi sabiex japplikaw għal prodotti bħal dawk koperti mil-liġi ta' l-2001, jiġifieri patata kkoltivata f'Jersey kif ukoll il-prodotti magħmula jew ipproċessati mill-patata li jistgħu jiġu kkunsmati jew le.

33     Jekk dan huwa l-każ, huwa neċessarju mbagħad li jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-kummerċ ta' tali prodotti bejn Jersey u r-Renju Unit għandux jiġi kkunsidrat bħala kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri, kif issostni l-JPMO, jew jekk, għall-finijiet ta' l-imsemmija applikazzjoni, Jersey u r-Renju Unit għandhomx jiġu kkunsidrati bħala Stat Membru wieħed, kif isostni l-Istates of Jersey.

34     Ladarba dan it-tieni aspett ikujn ġie kjarifikat, huwa neċessarju fl-aħħar nett li jiġi vverifikat jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet tat-Trattat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu sistema li jkun fiha karatteristiċi bħal dawk tal-liġi ta' l-2001.

 Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE għal prodotti bħal dawk koperti mil-liġi ta' l-2001

35     Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 3, il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam doganali u fil-qasam ta' restrizzjonijiet kwantitattivi tapplika għall-Gżejjer Channel u għall-Gżira ta' Man bl-istess kundizzjonijiet tar-Renju Unit. Din il-leġiżlazzjoni tinkludi b'mod partikolari l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE.

36     L-imsemmi Artikolu 1(1) ma jagħmel ebda distinzjoni skond in-natura tal-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni li għaliha jirreferi hija intiża li tapplika għall-merkanziji kollha li normalment huma koperti minnha. Peress li l-prodotti agrikoli li jinsabu fl-Anness II tat-Trattat KEE (li sar Anness I tat-Trattat KE) m'huma suġġetti għall-ebda trattament partikolari f'dan ir-rigward, huma jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

37     L-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 3 ma jqajjimx dubju fuq din il-konklużjoni. Skond din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti pproċessati minnhom li huma s-suġġett ta' sistema kummerċjali speċjali, l-imposti u l-miżuri oħrajn fuq l-importazzjoni stabbiliti fir-regoli Komunitarji u applikabbli mir-Renju Unit għandhom jiġu applikati għal pajjiżi terzi. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ regoli Komunitarji li huma neċessarji sabiex jippermettu l-moviment liberu u l-osservanza ta’ kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fil-kummerċ f’dawn il-prodotti għandhom ukoll ikunu applikabbli. Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet ikkorċernati japplikaw skond il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Kunsill.

38     L-imsemmi Artikolu 1(2) juri essenzjalment xewqa li jiġi kkunsidrat il-fatt li, fi ħdan il-Komunità, il-prodotti agrikoli jaqgħu taħt Politika Agrikola Komuni u li jistgħu jkunu suġġetti f'dan ir-rigward għal ċertu numru ta' regoli speċifiċi. Huwa minħabba dan il-fatt li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri kkunsidrati bħala neċessarji sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita f'dak li jikkonċerna l-Gżejjer Channel u l-Gżira ta' Man, b'mod partikolari billi ċerti regoli msemmija jkunu applikabbli għal dawn it-territorji.

39     Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata li tfisser li l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE għall-prodotti agrikoli hija suġġetta għall-adozzjoni ta' tali miżuri mill-Kunsill jew għall-eżistenza, fi ħdan il-Komunità, ta' organizzazzjoni komuni tas-swieq li għandhom x'jaqsmu magħhom.

40     Barra minn hekk, f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, in-nuqqas ta' organizzazzjoni komuni tas-suq f'settur agrikolu partikolari huwa irrilevanti għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE u 29 KE għall-kummerċ ta' prodottti ta' dan is-settur u li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan kien partikolarment il-każ għal dak li jikkonċerna l-Istati Membri fl-adeżjoni tagħhom mal-Komunitajiet skond l-Att ta' l-adeżjoni ta' l-1972 (ara, f'dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-patata, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1977, il-Kummissjoni vs Franza, 68/76, Ġabra p. 515, punti 17 sa 21; tad-29 ta' Marzu 1979, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, 231/78, Ġabra p. 1447, punti 12 sa 18, u tal-11 ta' Ġunju 1985, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, 288/83, Ġabra p. 1761, punt 23).

41     Minn dan kollu li ntqal jirrriżulta li l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE huma intiżi sabiex japplikaw għall-patata kkoltivata fuq il-Gżira ta' Jersey, u għall-prodotti pproċessati minnha fuq din il-Gżira, li huma wkoll koperti mil-liġi ta' l-2001.

 Fuq id-domanda dwar jekk it-territorju tar-Renju Unit, il-Gżejjer Channel u l-Gżira ta' Man jistgħux jiġu inkorporati fit-territorju ta' Stat Membru wieħed għall-finijiet ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE

42     Jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta' kawża preċedenti, li Jersey huwa dipendenza semi-awtonoma tal-Kuruna Britannika, li f'Jersey hija rrappreżentata mil-Lieutenant Governor. Il-Gvern tar-Renju Unit, f'isem tal-Kuruna, huwa responsabbli għad-difiża u r-relazzjonijiet internazzjonali (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta' Lulju 1998, Pereira Roque, C 171/96, Ġabra p. I-4607, punt 11).

43     Jersey mhuwiex parti tar-Renju Unit. Skond l-Artikolu 299(4) KE huwa territorju li r-relazzjonijiet barranin tiegħu huma r-responsabbiltà ta' l-imsemmi Stat Membru.

44     B'deroga għall-Artikolu 299(4), li jgħid li d-dipożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għal tali territorji, l-Artikolu 299(6)(c) KE jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat japplikaw għall-Gżejjer Channel u l-Gżira ta' Man biss, sal-limitu li hu meħtieg biex tiġi aċċertata l-implementazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer stipulati fl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1972. L-arranġamenti speċifiċi msemmija f'dik id-dispożizzjoni huma deskritti fil-Protokoll Nru 3.

45     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat preċedentement li, kif id-distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Gżejjer Channel u ċ-ċittadini Britanniċi ma tistax tiġi mqabbla mad-differenza ta' ċittadinanza bejn iċ-ċittadini ta' żewġ Stati Membri, l-elementi l-oħra ta' l-istatus tal-Gżejjer Channel ma jippermettux lanqas li relazzjonijiet bejn dawn il-Gżejjer u r-Renju Unit jiġi kkunsidrati bħala simili għal dawk li jeżistu bejn żewġ Stati Membri (sentenza Pereira Roque, iċċitata iktar 'il fuq, punti 41 u 42).

46     Għandu jiġi osservat li mill-ifformular ta' l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll 3 jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam doganali u fil-qasam ta' restrizzjonijiet kwantitattivi tapplika għall-Gżejjer Channel u għall-Gżira ta' Man "bl-istess kundizzjonijiet tar-Renju Unit".

47     Tali fformular jissuġġerixxi li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni Komunitarja, ir-Renju Unit u l-Gżejjer għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala Stat Membru wieħed.

48     L-istess jista' jingħad dwar l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 3, li jirreferi għall-imposti u l-miżuri oħrajn fuq l-importazzjoni stabbiliti fir-regoli Komunitarji u "applikabbli mir-Renju Unit".

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 tat lok għall-azzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju.

50     Jirriżulta għalhekk mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2913/92 li t-territorju tar-Renju Unit kif ukoll il-Gżejjer Channel u l-Gżira ta’ Man jiffurmaw flimkien parti mit-territorju doganali tal-Komunità.

51     L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 706/73 jindika bl-istess mod li l-leġiżlazzjoni Komunitarja li għaliha tapplika l-estensjoni għall-imsemmija gżejjer hija dik "applikabbli għar-Renju Unit" u li għall-għanijiet ta’ din l-applikazzjoni "ir-Renju Unit u l-gżejjer għandhom jiġu kkunsidrati bħala Stat Membru wieħed".

52     Kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxiet il-JPMO, id-dikjarazzjoni fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 3 li d-dazji doganali u l-piżijiet li jkollhom effet ekwivalenti huma, skond l-iskeda stabbilita fl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1972, mnaqqsa progressivament bejn dawk l-istess Gżejjer u "l-komunità kif oriġinarjament kostitwita" u bejnhom "u l-Istati Membri l-ġodda" ma jmurx kontra tali interpretazzjoni.

53     Meta tittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni msemmija qabel li tinsab fl-istess dispożizzjoni u li tgħid li l-leġiżlazzjoni Komunitarja in kwistjoni għandha tapplika għall-Gżejjer Channel u għall-Gżira ta’ Man "bl-istess kundizzjonijiet tar-Renju Unit", ir-riferenza li tagħmel din id-dispożizzjoni għall-"Istati Membri l-ġodda" għandha tinftihem bħala riferenza għar-Renju tad-Danimarka u l-Irlanda, b’esklużjoni tar-Renju Unit. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li r-riferenza tidher fi frażi li għandha biss l-għan li jipprevedi t-tneħħija progressiva tad-dazji doganali u l-piżijiet li jkollhom effet ekwivalenti li kienu jeżistu fiż-żmien ta’ l-adeżjoni ta’ l-1972. Huwa paċifiku li f’dak iż-żmien il-kummerċ ta’ merkanziji bejn ir-Renju Unit u l-imsemmija Gżejjer ma kinux ġew issuġġettati għal dazji doganali.

54     Mid-dikjarazzjonijiet kollha msemmija qabel jirriżulta li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 29 KE, il-Gżejjer Channel, il-Gżira ta’ Man u r-Renju Unit għandhom jiġu inkorporati fi Stat Membru wieħed.

 Fuq l-Artikloli 23 KE u 25 KE

55     Skond ġurisprudenza kostanti, kull piż finanzjarju, ikun x'ikun l-isem tiegħu u l-mod ta' kif jiġi applikat, impost unilateralment fuq merkanziji minħabba li jkunu qasmu fruntiera, li mhuwiex dazju fil-veru sens, jikkostitwixxi piż li għandu effett ekwivalenti skond l-Artikoli 23 KE u 25 KE, anki jekk dak il-piż finanzjarju ma jiġix impost bħala qligħ ta' l-Istat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Lulju 1969, Sociaal Fonds voor de Diamantarbeiders, 2/69 u 3/69, Ġabra p. 211, punt 18; tad-9 ta' Novembru 1983, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, 158/82, Ġabra p. 3573, punt 18; tas-7 ta' Lulju 1994, Lamaire, C-130/93, Ġabra p. I-3215, punt 13; tal-21 ta' Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145, punt 15, u tat-23 ta' April 2002, Nygård, C-234/99, Ġabra p. I-3657, punt 19).

56     L-istess japplika jekk il-piż in kwistjoni jikkostiwixxi l-ħlas għal servizz, effettivament mogħti, ta' ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz, jew jekk tifforma parti minn sistema ġenerali ta' imposti interni applikata sistematikament, skond l-istess kriterji, għall-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati jew esportati, jew ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, jekk huwa impost abbażi ta' kontrolli effettwati sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi l-Kummissjoni vs id-Danimarka, punt 19, u Lamaire, punt 14, ċċitati iktar 'il fuq).

57     F'din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li jista' jimponi l-PEMB skond il-liġi ta' l-2001, kif ukoll is-sanzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-produtturi u għall-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jmorru kontra s-sistema stabbilita mill-imsemmija liġi, jistgħux jikkostitwixxu piżijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji skond l-Artikoli 23 KE u 25 KE.

58     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-PEMB fir-rigward tal-produtturi ta' patata li huma reġistrati skond is-sistema tal-liġi ta' l-2001, jirriżulta mill-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ammont ta' dawn jista' jiġi stabbilit mill-PEMB kemm b'relazzjoni għall-kwantità ta' patata prodotti mill-persuna kkonċernata, li jkunu ġew effettivament esportati lejn ir-Renju Unit, u kemm b'relazzjoni għas-superfiċji użata minnha għall-produzzjoni ta' patata.

59     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta' reġistrazzjoni mal-PEMB skond is-sistema stabbilita mil-liġi ta' l-2001 u, għalhekk, l-obbligu li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet li f'kull każ huma determinati mill-imsemmija organizzazzjoni, huma imposti fir-rigward tal-produtturi kollha ta' patata ta' Jersey li jesportaw jew li jinkarigaw lil ħaddieħor sabiex jesporta l-prodotti tagħhom lejn ir-Renju Unit.

60     Kontribuzzjoni imposta fuq il-produtturi rreġistrati li hija kkalkulata mill-PEMB b'relazzjoni għall-kwantità ta' patata prodotta mill-persuna kkonċernata li kienet esportata minn Jersey lejn ir-Renju Unit tikkostitwixxi ċertament piż finanzjarju mitlub minħabba l-imsemmija esportazzjonijiet, li jaffettwa esklussivament lilhom mingħajr ebda relazzjoni ma' sistema ġenerali ta' kontribuzzjonijiet interni, imposti sistematikament, skond l-istess kriterji, indipendentement mill-oriġini, mill-provenjenza jew mid-destinazzjoni tal-merkanziji suġġetti għalihom, u li ma tikkostitwixxix vantaġġ, speċifiku jew individwali, għall-kummerċjant f'ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz (ara, b'analoġija, is-sentenza Lamaire, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

61     L-Istates of Jersey sostna madankollu li safejn il-liġi ta' l-2001 tirregola esklussivament l-"esportazzjonijiet" ta' patata ta' Jersey lejn ir-Renju Unit sabiex jiġu kkunsmati f'dak l-Istat Membru u li għalhekk tapplika biss għal sitwazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kummerċ intern ta' Stat Membru, l-Artikoli 23 KE u 25 KE mhumiex intiżi li japplikaw għall-kawża preżenti.

62     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 32 tas-sentenza Lancry et, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li piż proporzjonali għall-valur doganali ta' prodotti, impost minn Stat Membru fuq il-merkanziji kollha li jiġu importati f'reġjun li jinsab fit-territorju tiegħu, jikkostitwixxi piż li għandu effett ekwivalenti għal dazju fuq l-importazzjoni, mhux biss għaliex jaffettwa l-merkanziji importati f'dan ir-reġjun minn Stati Membri oħrajn, iżda wkoll minħabba l-fatt li huwa impost fuq il-merkanziji importati f'dan ir-reġjun minn parti oħra ta' l-istess Stat Membru.

63     Barra minn hekk, fil-punti 26 u 27 tas-sentenza Simitzi, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-istess raġunar għandu japplika fil-każ ta' piż li jolqot il-merkanziji li jintbagħatu minn reġjun għal ieħor ta' l-istess Stat, qabel ma jiġi kkunsidrat li piżijiet ad valorem imposti minn Stat Membru fuq il-merkanziji li jintbagħatu biss minn reġjun fit-territorju tiegħu lejn reġjuni oħrajn ta' l-istess Stat.

64     It-Trattat, f'dan ir-rigward, ipprova jagħti lir-regola dwar it-tneħħija ta' dazji u ta' piżijiet li għandhom effett ekwivalenti skop u effett ġenerali sabiex jiġi assigurat il-moviment liberu ta' merkanziji. L-unjoni doganali timplika neċessarjament li jkun assigurat il-moviment liberu ta' merkanziji bejn l-Istati Membri u, b'mod iktar ġenerali, ġewwa l-unjoni doganali (ara s-sentenza tat-23 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-30/01, Ġabra p. I-9481, punti 52 u 53).

65     F'din il-kawża, għandu jiġi osservat li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-konklużjoni li tinsab fil-punt 54 ta' din is-sentenza, tali kontribuzzjoni bħal dik fil-kawża preżenti li hija ikkalkulata mill-PEMB b'relazzjoni għall-kwantità ta' patata prodotta mill-persuna kkonċernata li ġiet esportata minn Jersey lejn ir-Renju Unit, tikkostitwixxi tali piż li jolqot il-merkanziji li jintbagħatu minn parti tat-territorju ta' Stat Membru għal ieħor. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad ukoll li għalkemm il-liġi ta' l-2001 tkopri biss, skond l-ifformular tagħha, il-patata li tintbagħat lejn ir-Renju Unit sabiex tiġi kkunsmata hemmhekk, xejn ma jeskludi li din, malli tinsab fuq it-territorju tar-Renju Unit, tkun esportata mill-ġdid lejn Stati Membri oħrajn, anki jekk il-kontribuzzjoni in kwistjoni tista' taffettwa l-prodotti li, wara ma jgħaddu mir-Renju Unit, jiġu esportati lejn dawn l-Istati Membri l-oħrajn.

66     F'din il-kawża, l-iżvilupp eventwali ta' tali fluss ta' esportazzjonijiet mill-ġdid mir-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħrajn jidher ċertament probabbli peress li, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, kważi l-patata kollha ta' Jersey li hija prodotta f'Jersey hija tradizzjonalment esportata lejn ir-Renju Unit.

67     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li kontribuzzjoni bħal dik fil-kawża preżenti li hija kkalkulata mill-PEMB, b'relazzjoni għall-kwantità ta' patata prodotta mill-persuna kkonċernata li ġiet esportata lejn ir-Renju Unit, tikser l-Artikoli 23 KE u 25 KE.

68     Min-naħa l-oħra, jekk il-PEMB jiddeċiedi li jimponi kontribuzzjoni kkalkulata abbażi ta' superfiċji użati għall-koltivazzjoni ta' patata, mingħajr ebda distinzjoni dwar jekk dik il-patata hijiex ikkunsmata fuq il-Gżira jew inkella esportata, tali kontribuzzjoni ma tidhirx li tkun tikkostitwixxi, bħala prinċipju, piż finanzjarju impost minħabba l-fatt li l-patata hija esportata.

69     Huwa veru li l-Kummissjoni sostniet li tali kontribuzzjonijiet huma ddestinati li jiffinanzjaw, b'mod ġenerali, l-attivitajiet varji mwettqa mill-PEMB, li huma ddedikati prinċipalment għall-ħolqien ta' qafas ta' esportazzjonijiet ta' patata ta' Jersey lejn ir-Renju Unit. Madankollu, tali ċirkustanza ma tibbastax sabiex jingħad li l-imsemmija kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkwalifikati bħala piżijiet li għandhom effett ekwivalenti ta' dazju pprojbiti mill-Artikolu 25 KE.

70     It-tieni nett, fir-rigward ta' sanzjonijiet finanzjarji li jistgħu jiġu imposti fuq kummerċjanti f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' l-2001, tali sanzjonijiet, li l-uniku skop tagħhom huwa li tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta' l-imsemmija dispożizzjonijet, ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dispożizzjonijiet li għalihom huma komplementari.

71     L-imsemmija sanzjonijiet finanzjarji mhumiex konnessi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' l-2001 dwar il-kontribuzzjonijiet u lanqas mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn li jimponu piż li għandu effett ekwivalenti għad-dazji skond l-Artikolu 25 KE.

 Fuq l-Artikolu 29 KE

72     Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-liġi ta' l-2001 li tapplika għall-"esportazzjonijiet" ta' patata u ta' prodotti pproċessati minnhom tidher li ma fiha ebda miżura li għandha x'taqsam ma' xi restrizzjoni fuq l-importazzjoni, u għalhekk m'hemmx il-bżonn, fil-kawża preżenti, li jiġi interpretat l-Artikolu 28 KE.

73     F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 29 KE, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, din id-dispożizzjoni tkopri l-miżuri li għandhom bħala suġġett jew effett ir-restrizzjoni b'mod speċifiku tal-flussi ta' esportazzjoni kif ukoll li tinħoloq distinzjoni fit-trattament tal-kummerċ intern ta' Stat Membru u dak tal-kummerċ ta' esportazzjoni tiegħu, b'mod li jiġi assigurat vantaġġ partikolari għall-produzzjoni nazzjonali jew fis-suq intern ta' l-Istat ikkonċernat, bi ħsara għall-kummerċ jew għall-produzzjoni ta' Stati Membri oħrajn (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Novembru 1979, Groenveld, 15/79, Ġabra p. 3409, punt 7, u ta' l-10 ta' Novembru 1992, Exportur, C-3/91, Ġabra p. I-5529, punt 21).

74     Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-obbligazzjonijiet imposti mil-liġi ta' l-2001 huma intiżi speċifikament sabiex jirregolaw il-kummerċ ta' patata għall-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit filwaqt li l-prodott intiż sabiex jiġi kkunsmat fis-suq ta' Jersey ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi.

75     B'mod partikolari, l-imsemmija liġi tipprojbixxi lill-produtturi ta' Jersey milli jesportaw jew milli joffru għall-esportazzjoni l-patata tagħhom lejn is-swieq tar-Renju Unit, jekk dawn il-produtturi mhumiex irreġistrati mal-PEMB u jekk ma jkunux daħlu fi ftehim għall-kummerċjalizzazzjoni magħha li jiddetermina, b'mod partikolari, is-superfiċji li jistgħu jiġu kkoltivati sabiex jiġu esportati prodotti tar-raba' kif ukoll l-identità tal-persuni awtorizzati li jixtruhom. In-nuqqas ta' osservanza ta' dawn l-obbligi hija suġġetta għal pieni u tista' twassal, f'każ ta' reċidività, għas-sospensjoni tad-dritt ta' affiljazzjoni u, konsegwentement, tad-dritt ta' esportazzjoni. Il-liġi ta' l-2001 tipprojbixxi wkoll lill-organizzazzjonijiet kollha ta' kummerċjalizzazzjoni milli jwettqu tali esportazzjonijiet, ukoll taħt piena ta' sanzjonijiet, jekk ma jkunux laħqu ftehim ta' tmexxija mal-PEMB li jiddetermina b'mod partikolari l-identità tal-bejjiegħa li minnhom huma jistgħu jiksbu l-provvisti tagħhom.

76     L-ewwel nett, huwa ċar li tali leġiżlazzjoni hija ta' natura li tostakola l-flussi ta' esportazzjoni ta' patata li tiġi minn Jersey lejn is-swieq tar-Renju Unit. Għalhekk, għandha bħala effett li tistabbilixxi distinzjoni fi trattament bejn il-kummerċ intern ta' Jersey u l-kummerċ ta' esportazzjoni ta' dan it-territorju lejn ir-Renju Unit, b'mod li jiġi assigurat vantaġġ partikolari għall-produzzjoni tal-Gżira jew fis-suq intern tiegħu, bi ħsara għall-kummerċ tar-Renju Unit.

77     F'dan ir-rigward, jirriżulta b'mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju li l-adozzjoni tal-liġi ta' l-2001 kienet intiża sabiex tissodisfa l-ilmenti ta' produtturi ta' patata Jersey Royal li kkunsidraw lilhom innifishom bħala vittmi ta' nuqqas ta' trasparenza u ta' kompetizzjoni eċċessiva bejn l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u li kienu jemmnu li l-marġni ta' profitti mill-prodott tar-raba' tagħhom, li l-parti l-kbira tiegħu tiġi esportata lejn is-suq tar-Renju Unit, kienu insuffiċjenti.

78     Barra minn hekk, l-effett ta' din il-liġi li tostakola l-esportazzjonijiet lejn ir-Renju Unit ma ġiex ikkontestat mill-Istates of Jersey li sostna biss, f'dan ir-rigward, li safejn, min-naħa, il-liġi ta' l-2001 kienet tikkonċerna biss l-imsemmija dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-kummerċ bejn Jersey u r-Renju Unit kellu jkun inkorporat fil-kummerċ intern ta' Stat Membru għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' Artikoli 28 KE u 29 KE, dawn id-dispożizzjonijiet ma kienux applikabbli għal din il-leġiżlazzjoni.

79     Madankollu, f'dan ir-rigward għandu jingħad li tali analiżi ma tikkunsidrax il-fatt, li diġà ssemma fil-punt 65 ta' din is-sentenza, li għalkemm il-liġi ta' l-2001 tkopri biss, skond l-ifformular tagħha, il-patata li tintbagħat lejn ir-Renju Unit sabiex tiġi kkunsmata hemmhekk, xejn ma jeskludi li din, malli tinsab fuq it-territorju tar-Renju Unit, tiġi esportata mill-ġdid lejn Stati Membri oħrajn.

80     Minn dan jirriżulta li r-restrizzjonijiet introdotti mil-liġi ta' l-2001 fir-rigward ta' patata tat-tip Jersey Royal li tintbagħad lejn ir-Renju Unit, li, kif diġà ssemma fil-punti 75 u 76 ta' din is-sentenza, għandhom l-effett prinċipali li tostakola tali flussi ta' esportazzjoni, huma wkoll ta' natura li jostakolaw l-esportazzjoni ta' l-imsemmija prodotti lejn Stati Membri oħrajn u li jkollom l-istess effett negattiv fuq is-swieq ta' dawn kif għandhom fuq is-suq tar-Renju Unit.

81     Kif issemma fil-punt 66 ta' din is-sentenza, l-iżvilupp eventwali ta' tali fluss ta' esportazzjonijiet mill-ġdid mir-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħrajn jidher ċertament probabbli peress li kważi l-patata kollha tat-tip Jersey Royal hija esportata minn Jersey lejn ir-Renju Unit u li s-sistema stabbilita mill-liġi ta' l-2001 li tifforma l-qafas ta' dan is-suq tikkontribbixxi għaż-żamma ta' tali sitwazzjoni. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni milħquha bejn il-PEMB u l-agrikolturi rreġistrati għandhom jispeċifikaw minn qabel is-superfiċji li se jintużaw għall-koltivazzjoni ta' patata li tiġi esportata lejn ir-Renju Unit.

82     Barra minn hekk, l-Istates of Jersey sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li s-sistema stabbilita mill-imsemmija liġi mhijiex sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għan li jrid jintlaħaq, li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza fir-relazzjonijiet bejn il-produtturi u l-organizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

83     Madankollu, f'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jingħad li tali għanijiet jistgħu f'kull każ jintlaħqu permezz ta' mezzi oħrajn li, b'differenza ta' dawk li jinsabu fil-liġi ta' l-2001, ma jikkonsistux fit-twaqqif ta' miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattivà fuq l-esportazzjoni li hija pprojbita mill-Artikolu 29 KE.

84     Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li kontribuzzjoni li hija imposta fuq produtturi mill-PEMB abbażi ta' superfiċji użati għall-koltivazzjoni ta' patata tikser id-dritt Komunitarju safejn din isservi bħala finanzjament ta' attivitajiet ta' din l-organizzazzjoni li jmorru kontra l-Artikolu 29 KE (ara s-sentenza tat-13 ta' Diċembru 1983, Apple and Pear Development Council, 222/82, Ġabra p. 4083, punti 32 u 33).

85     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li għandhom jingħataw ir-risposti li ġejjin għat-tieni mistoqsija:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikolu 29 KE u ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li:

–       min-naħa, tipprojbixxi, taħt piena ta' sanzjonijiet, lill-produtturi ta' Jersey milli jesportaw jew milli joffru għall-esportazzjoni il-patata tagħhom lejn is-swieq tar-Renju Unit, jekk dawn il-produtturi ma jkunux irreġistrati ma' organizzazzjoni bħall-PEMB u jekk ma jkunux daħlu fi ftehim għall-kummerċjalizzazzjoni magħha, sabiex jiddetermina, b'mod partikolari, is-superfiċji li jistgħu jiġu kkoltivati sabiex jiġu esportati prodotti tar-raba' kif ukoll l-identità tal-persuni awtorizzati li jixtruhom, u,

–       min-naħa l-oħra, tipprojbixxi wkoll, taħt piena ta' sanzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet kollha ta' kummerċjalizzazzjoni milli jwettqu tali esportazzjonijiet, jekk ma jkunux laħqu ftehim ta' tmexxija ma' din l-organizzazzjoni, li jiddetermina b'mod partikolari l-identità tal-bejjiegħa li minnhom huma jistgħu jiksbu l-provvisti tagħhom.

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE kif ukoll ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tagħti lil organizzazzjoni bħall-PEMB is-setgħa li timponi fuq il-produtturi ta' patata ta' Jersey kontribuzzjoni li l-ammont tagħha huwa stabbilit abbażi ta' kwantitajiet ta' patata prodotti mill-persuna kkonċernata u li huma esportati lejn ir-Renju Unit.

Id-dritt Komunitarju jipprojbixxi kontribuzzjoni imposta taħt l-istess kundizzjonijiet, iżda li l-ammont tagħha huwa stabbilit minn tali organizzazzjoni abbażi tas-superfiċji agrikola użata mill-persuna kkonċernata għall-koltivazzjoni ta' patata, safejn id-dħul li jirriżulta huwa użat għall-finanzjament ta' attivitajiet imwettqa mill-imsemmija organizzazzjoni bi ksur ta' l-Artikolu 29 KE.

 Fuq l-ewwel domanda

86     Kif jirriżulta mit-tweġiba għat-tieni domanda, peress li l-Artikolu 29 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni bħal m'hija l-liġi ta' l-2001 safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jaffettwaw l-esportazzjonijiet minn Jersey lejn ir-Renju Unit, m'huwiex neċessarju li tingħata risposta separata għall-ewwel domanda. Jidher b'mod ċar li dik l-interpretazzjoni għandha tiġi applikata, irrispettivament mill-fatt jekk il-merkanziji esportati jintbagħtu direttament lejn ir-Renju Unit jew inkella jekk jgħaddux, skond il-każ, minn port ta' Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

87     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikolu 29 KE u ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 dwar il-Gżejjer Channel u l-Isle of Man anness ma' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq u l-aġġustamenti għat-trattati għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li:

–       min-naħa, tipprojbixxi, taħt piena ta' sanzjonijiet, lill-produtturi ta' Jersey milli jesportaw jew milli joffru għall-esportazzjoni il-patata tagħhom lejn is-swieq tar-Renju Unit, jekk dawn il-produtturi ma jkunux irreġistrati ma' organizzazzjoni bħall-Jersey Potato Export Marketing Board u jekk ma jkunux daħlu fi ftehim għall-kummerċjalizzazzjoni miegħu li jiddetermina, b'mod partikolari, is-superfiċji li jistgħu jiġu kkoltivati sabiex jiġu esportati prodotti tar-raba' kif ukoll l-identità tal-persuni awtorizzati li jixtruhom, u,

–       min-naħa l-oħra, tipprojbixxi wkoll, taħt piena ta' sanzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet kollha ta' kummerċjalizzazzjoni milli jwettqu tali esportazzjonijiet, jekk ma jkunux laħqu ftehim ta' tmexxija ma' din l-organizzazzjoni, li jiddetermina b'mod partikolari l-identità tal-bejjiegħa li minnhom huma jistgħu jiksbu l-provvisti tagħhom.

2)      Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE kif ukoll ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 3 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li tagħti lil organizzazzjoni bħall-Jersey Potato Export Marketing Board is-setgħa li timponi fuq il-produtturi ta' patata ta' Jersey kontribuzzjoni li l-ammont tagħha huwa stabbilit abbażi ta' kwantitajiet ta' patata prodotti mill-persuna kkonċernata u li huma esportati lejn ir-Renju Unit.

3)      Id-dritt Komunitarju jipprojbixxi kontribuzzjoni imposta taħt l-istess kundizzjonijiet, iżda li l-ammont tagħha huwa stabbilit minn tali organizzazzjoni abbażi tas-superfiċji agrikola użata mill-persuna kkonċernata għall-koltivazzjoni ta' patata, safejn id-dħul li jirriżulta huwa użat għall-finanzjament ta' attivitajiet imwettqa mill-imsemmija organizzazzjoni bi ksur ta' l-Artikolu 29 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top