EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC0215(02)

Avviż lill-impriżi li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw sustanzi kkontrollati li jnaqqsu s-saff tal-ożonu lejn jew mill-Unjoni Ewropea fl-2019 u lill-impriżi li fl-2019 biħsiebhom jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal għal użi essenzjali fil-laboratorju u użi analitiċi

OJ C 57, 15.2.2018, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 57/8


Avviż lill-impriżi li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw sustanzi kkontrollati li jnaqqsu s-saff tal-ożonu lejn jew mill-Unjoni Ewropea fl-2019 u lill-impriżi li fl-2019 biħsiebhom jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal għal użi essenzjali fil-laboratorju u użi analitiċi

(2018/C 57/08)

1.

Dan l-Avviż huwa indirizzat lill-impriżi li huma kkonċernati mir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1) (ir-Regolament) u li fl-2019 biħsiebhom:

(a)

jimportaw jew jesportaw lejn jew mill-Unjoni Ewropea s-sustanzi elenkati fl-Anness I tar-Regolament, jew

(b)

jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi.

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-29 ta’ Marzu 2019, il-kumpaniji li jinsabu f’wieħed mis-27 Stat Membru l-ieħor se jkunu jeħtieġu liċenzja biex jimportaw sustanzi kkontrollati mir-Renju Unit jew biex jesportaw sustanzi kkontrollati lejn ir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-kumpaniji li jinsabu fir-Renju Unit u li biħsiebhom iwettqu dawn l-attivitajiet qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jibqgħu jeħtieġu l-liċenzji sad-29 ta’ Marzu 2019. Konsegwentement, dawn il-kumpaniji kollha huma meħtieġa li jsegwu l-istruzzjonijiet stipulati f’dan l-Avviż u li jipprovdu l-informazzjoni rikjesta sad-data tal-iskadenza ppubblikata.

2.

Huma kkonċernati l-gruppi ta’ sustanzi li ġejjin:

Grupp I: CFC 11, 12, 113, 114 jew 115

Grupp II: CFCs oħrajn kompletament aloġenati

Grupp III: alon 1211, 1301 jew 2402

Grupp IV: tetraklorur tal-karbonju

Grupp V: 1.1.1 trikloroetan

Grupp VI: bromur tal-metil

Grupp VII: idrobromofluworokarburi

Grupp VIII: idroklorofluworokarburi

Grupp IX: bromoklorometan

3.

Kull importazzjoni jew esportazzjoni ta’ sustanzi kkontrollati (2) teħtieġ liċenzja maħruġa mill-Kummissjoni, għajr f’każijiet ta’ proċedura ta’ tranżitu, ta’ ħażna temporanja, ta’ ħażna doganali jew ta’ proċedura ta’ żona libera kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (3), li ma ddumx iktar minn 45 jum. Kull produzzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel.

4.

Barra minn hekk, l-attivitajiet li ġejjin huma soġġetti għal limiti kwantitattivi:

(a)

Il-produzzjoni u l-importazzjoni għal użi fil-laboratorju u għal użi analitiċi,

(b)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għal użi kritiċi (aloni),

(c)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għall-użu bħala materja prima,

(d)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar.

Il-Kummissjoni talloka kwoti għal (a), (b), (c) u (d). Il-kwoti huma stabbiliti fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet tal-kwoti u:

skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 537/2011 tal-1 ta’ Ġunju 2011 dwar il-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet ta’ sustanzi kkontrollati li jistgħu jintużaw fil-laboratorji u għal skopijiet ta’ analiżi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (4) għall-każ (a) ta’ hawn fuq

skont l-Artikolu 16 tar-Regolament għall-każijiet (b), (c) u (d) ta’ hawn fuq.

Għall-attivitajiet elenkati fil-paragrafu 4

5.

Kull impriża li fl-2019 tixtieq timporta jew tipproduċi sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi, jew li tixtieq timporta sustanzi kkontrollati għal użi kritiċi (aloni), għall-użu bħala materja prima, jew għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar għandha ssegwi l-proċedura deskritta fil-paragrafi 6 sa 9.

6.

Kull impriża li għadha ma rreġistratx fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS (https://webgate.ec.europa.eu/ods2) għandha tagħmel dan qabel it-8 Mejju 2018.

7.

L-impriża trid tlesti u tippreżenta l-formola ta’ applikazzjoni għall-kwota li hija disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.

Il-formola ta’ applikazzjoni għall-kwota se tkun disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS mit-8 ta’ Mejju 2018.

8.

Il-formoli ta’ applikazzjoni għall-kwota mimlija kif suppost u mingħajr żbalji li jaslu sat-8 ta’ Ġunju 2018 biss jitqiesu validi mill-Kummissjoni.

L-impriżi huma mħeġġa jippreżentaw il-formoli ta’ applikazzjoni għall-kwota tagħhom kemm jista’ jkun malajr u jħallu biżżejjed żmien qabel id-data tal-iskadenza sabiex ikunu jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet u s-sottomissjonijiet mill-ġdid li jista’ jkun hemm bżonn qabel id-data tal-iskadenza.

9.

Is-sottomissjoni ta’ formola ta’ applikazzjoni għall-kwota weħidha ma tagħti l-ebda dritt ta’ importazzjoni jew ta’ produzzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi, jew ta’ importazzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi kritiċi (aloni), għall-użu bħala materja prima, jew għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar. Qabel ma sseħħ importazzjoni jew produzzjoni ta’ dan it-tip fl-2019, jeħtieġ li l-impriżi japplikaw għal-liċenzja billi jużaw il-formola ta’ applikazzjoni għal liċenzja, li hija disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.

Għall-importazzjoni għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 u għall-esportazzjoni

10.

Kull impriża li fl-2019 tkun tixtieq tesporta s-sustanzi kkontrollati jew timporta s-sustanzi kkontrollati għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 trid issegwi l-proċedura spjegata fil-paragrafi 11 u 12.

11.

Kull impriża li għadha ma rreġistratx fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS, għandha tagħmel dan mill-iktar fis possibbli.

12.

Qabel ma ssir importazzjoni għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 jew qabel ma sseħħ esportazzjoni fl-2019, jeħtieġ li l-impriżi japplikaw għal-liċenzja billi jużaw il-formola ta’ applikazzjoni għal liċenzja disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.

(2)  Għandu jiġi nnotat li huma permessi biss l-importazzjoni jew l-esportazzjoni eżentati mill-projbizzjoni ġenerali dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni skont l-Artikoli 15 u 17.

(3)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 147, 2.6.2011, p. 4.


Top