EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017SC0303

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet ta' investiment

SWD/2017/0303 final

Brussell, 13.9.2017

SWD(2017) 303 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet ta' investiment

{COM(2017) 493 final}
{SWD(2017) 302 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-Rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiftaħ negozjati għal Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

F’dawn l-aħħar snin, l-inklużjoni ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) fi ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment saret soġġett għal aktar skrutinju u interrogazzjoni mill-pubbliku. In-nuqqas jew il-limitazzjoni ta’ leġittimità, konsistenza u t-trasparenza kif ukoll in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rieżami ġew identifikati bħala problemi li jirriżultaw minn ISDS ad hoc li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-arbitraġġ. Biex jindirizza dawn il-limitazzjonijiet, l-approċċ tal-UE ilu mill-2015 jistituzzjonalizza s-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE permezz tal-inklużjoni ta’ Sistema ta’ Qorti tal-Investiment (ICS). Madankollu, minħabba n-natura bilaterali tagħha, l-ICS ma tistax tindirizza bis-sħiħ il-problemi kollha msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, aktar ma jiġu inklużi ICSs fil-ftehimiet tal-UE, aktar tkun kumplessa l-ġestjoni għall-Kummissjoni u akbar se jkunu l-ispejjeż għall-baġit tal-UE, li se jerfa’ parti mill-ispejjeż operattivi tal-ICS.

X'mistenni jinkiseb b’din l-inizjattiva?

L-inizjattiva għandha l-għan li twaqqaf qafas għal soluzzjoni tat-tilwim li jkun permanenti, indipendenti u leġittimu; prevedibbli fit-twassil tal-każistika stabbilita; Jippermetti l-appell mid-deċiżjonijiet; kosteffikaċi; trasparenti u effiċjenti. Ifittex li jallinja l-politika tal-UE rigward is-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment mal-approċċ globali tal-UE f’oqsma oħra ta’ governanza internazzjonali u soluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali li jiffavorixxu soluzzjonijiet multilaterali.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Riforma multilaterali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment ma tistax issir fil-livell tal-Istati Membri, peress li ma tkoprix it-trattati ta’ investiment eżistenti kollha, u tħalli barra dawk konklużi mill-UE. L-Istati Membri ma għandhomx il-kompetenza għall-kwistjonijiet kollha li jiġu trattati f’din l-inizjattiva, li huma jew ta’ kompetenza esklużiva jew dik kondiviża mal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla preferuta jew le? Għalfejn? 

L-Opzjoni 1 (xenarju ta’ referenza) tfisser li l-UE se tkompli tinnegozja l-ICSs fil-ftehimiet ta’ investiment bilaterali tagħha filwaqt li l-ISDS ikompli jeżisti sakemm it-trattati li jużawha ma jiġux eliminati.

L-Opzjoni 2 tipprevedi li l-UE u l-Istati Membri jerġgħu jinnegozjaw it-trattati bilaterali tal-investiment tal-Istati Membri u t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ECT) biex jallinjaw id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim li fiha ma’ tal-ICS.

Skont l-Opzjoni 3, ir-regoli tal-arbitraġġ li jirregolaw l-ISDS ikunu rriformati biex ikunu konformi mal-prinċipji tal-ICS.

L-Opzjoni 4 tipprevedi l-ħolqien ta’ istanza permanenti multilaterali tal-appell.

L-Opzjoni 5 tipprevedi l-ħolqien ta’ qorti permanenti multilaterali tal-investiment. Skont il-karatteristiċi preferuti tiegħu, il-qorti tkun tinkludi Prim Istanza u Qorti ta’ Appell komposti minn għadd ta’ ġudikaturi li għandu jkun determinat skont l-ammont ta’ xogħol. Huma jinħatru għal perjodu fiss ta’ żmien u jissodisfaw ir-rekwiżiti għoljin ta’ kwalifiki u dawk etiċi. Huma jinħatru minn korp indipendenti u jisimgħu l-kawżi allokati fuq bażi aleatorja. Se jkun possibbli li wieħed jirrikorri għal Tribunal tal-Appell f’każijiet ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti, kif ukoll f’każ ta’ żbalji proċedurali u żbalji sostanzjali ta’ liġi. Il-Qorti tkun tista’ tistrieħ fuq segretarjat u l-istati jkunu f’pożizzjoni li jsiru Partijiet Kontraenti skont sistema ta’ inklużjoni fakultattiva. Għandha tiġi kkunsidrata għajnuna lill-SMEs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-ispejjeż għandhom jiġu allokati skont il-livell tal-iżvilupp tal-Partijiet Kontraenti u ma għandhiex tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu imposti tariffi tal-utent.

L-Opzjoni 6 timplika n-negozjati ta’ regoli sostantivi multilaterali dwar il-protezzjoni tal-investiment bħala qafas usa’ għan-negozjar ta’ dispożizzjonijiet dwar soluzzjoni multilaterali tat-tilwim.

L-Opzjoni 7 tipprevedi titjib tal-ISDS fil-ftehimiet bilaterali ta’ investiment tal-UE u fl-ECT.

Skont l-Opzjoni 8, l-ISDS titneħħa gradwalment u t-tilwim bejn l-investituri barranin u l-istati ospitanti jista’ jiġi deċiż mill-qrati domestiċi tal-istat ospitanti.

Min jappoġġa liema għażla? 

B’mod ġenerali s-settur non-profit jappoġġja l-prinċipji li jirfdu l-opzjoni li tiġi stabbilita qorti permanenti tal-investiment multilaterali, b’mod partikolari l-permanenza, l-indipendenza u d-distakk tal-ġudikaturi mill-partijiet litiganti. Il-gruppi kummerċjali jaraw il-potenzjal ta’ din l-opzjoni iżda jinkwetaw li r-reġim il-ġdid għall-ħatra tal-ġudikaturi jista’ jwassal għal telf ta’ għarfien espert ta’ valur u li l-possibbiltà ta’ appell tista’ ttawwal il-proċedimenti. L-akkademja u l-prattikanti legali huma ġeneralment favur riforma tas-sistema attwali sabiex din tkun f’konformità mal-prinċipji ta’ sistemi ġudizzjarji domestiċi u internazzjonali.

C. L-impatti tal-alternattivi preferuti

X'inhuma l-benefiċċji tal-opzjoni preferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment multilaterali li jinkludi l-opzjonijiet sekondarji preferuti se jżid il-leġittimità tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment billi jifred lill-ġudikaturi mill-partijiet litiganti u jissalvagwardja l-indipendenza tagħhom. Il-proċeduri jiġu ssimplifikati u b’hekk jiġu ffrankati l-ispejjeż għall-investituri u l-istati. Il-permanenza tal-qorti tikkontribwixxi wkoll għal prevedibbiltà akbar ta’ każistika li tgħin ukoll biex id-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr u fil-fatt jista’ jiġi evitat it-tilwim mill-bidu. L-istanza tal-appell tikkontribwixxi għall-korrettezza legali u tippromwovi l-konsistenza.

Il-qorti tal-investiment multilaterali tindirizza l-kwistjonijiet fil-livell globali mqajma mill-ISDS li huma indirizzati biss mill-ICS fil-livell bilaterali. Din tippromwovi koperazzjoni multilaterali b’saħħitha u governanza globali tajba, peress li l-qorti jkollha l-għan li tiżgura l-inklussività tal-pajjiżi interessati kollha u tiżgura li l-livell tal-iżvilupp tal-pajjiżi ma jkunx ostaklu għal użu effettiv tal-qorti. Din tissimplifika t-tfassil tal-politika tal-UE peress li progressivament tissostitwixxi l-ICSs bilaterali li jkun hemm bżonn li jiġu inklużi fil-ftehimiet tal-UE u l-mekkaniżmi tal-ISDS inklużi fit-trattati dwar l-investiment tal-Istati Membri.

X'inhuma l-ispejjeż tal-opzjoni preferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

L-impatti baġitarji annwali ta’ qorti tal-investiment multilaterali bil-karatteristiċi preferuti tagħha huma stmati li jkunu ta’ madwar EUR 5.4 miljun għall-UE u għall-Istati Membri. Din l-istima tkopri r-rimunerazzjoni ta’ 14-il ġudikatur permanenti (9 fil-Prim Istanza u 5 fl-Appell) u 42 membru tal-persunal (3 membri tal-persunal għal kull ġudikatur) li huwa preżunt bħala numru raġonevoli minn fejn wieħed jibda. Dawn is-suppożizzjonijiet huma bbażati fuq qrati u tribunali internazzjonali oħra u metodu tat-tqassim tal-ispejjeż totali bejn 45 Parti Kontraenti (inkluża l-UE, it-28 Stat Membru u 16-il pajjiż terz) filwaqt li jitqies il-livell tal-iżvilupp tagħhom (skont is-sistema tal-kwoti tal-FMI). L-ispejjeż attwali jiddependu fuq l-għadd ta’ ġudikaturi, id-daqs tas-segretarjat u n-numru tal-Partijiet Kontraenti (fost l-oħrajn) li ma jistgħux jiġu stabbiliti preċiżament f’dan l-istadju. Barra minn hekk, dawn il-parametri aktarx jistgħu jevolvu maż-żmien, u dan iwassal għal varjazzjonijiet fl-ispejjeż.

Peress li l-inizjattiva tal-qorti multilaterali tindirizza biss ir-regoli proċedurali (jiġifieri s-soluzzjoni ta’ tilwim) u mhux ir-regoli sostantivi (inklużi fil-ftehimiet ta’ investiment sottostanti), u għalhekk mhux se tagħti raġunijiet addizzjonali biex iġġib il-kawżi, l-implikazzjonijiet finanzjarji relatati mal-pagament ta’ danni huma kkunsidrati irrilevanti.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-opzjoni preferuta se tiggarantixxi l-aċċess tal-investituri għal sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim leġittima, indipendenti u effettiva, ikun xi jkun id-daqs u/jew il-fatturat tagħhom. Il-proċedimenti quddiem il-qorti huma mistennija li jkunu iqsar u għalhekk irħas għall-investituri, filwaqt li jiġi kkunsidrat li ma jkollu jinħela ebda ħin fil-ħatra tal-ġudikaturi u li l-argumenti se jkunu aktar iffukati grazzi għal prevedibbiltà msaħħa u konsistenza tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi ta’ investiment. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna addizzjonali li tikkunsidra l-livell ta’ dħul aktar baxx tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati hawn fuq, huwa stmat li l-Qorti se tiġi tiswa madwar EUR 2.7 miljun mill-baġits tal-Istati Membri tal-UE kull sena. Dan se jkun inqas mill-ispejjeż tax-xenarju bażi għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri (stmati għal madwar EUR 9 miljun).

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Il-qorti tal-investiment multilaterali għandha ttaffi l-piż amministrattiv billi tiċċentralizza t-tilwim kollu skont sett wieħed ta’ regoli proċedurali. Peress li l-inizjattiva tal-qorti tal-investiment multilaterali tindirizza biss regoli proċedurali u mhux regoli sostantivi, l-ebda impatt ambjentali jew soċjali mhuwa mistenni li jirriżulta minnha. Fir-rigward tal-opportunitajiet professjonali tal-komunità tal-arbitri/tal-imħallfin biex isiru ġudikanti skont il-qorti, huma antiċipati impatti soċjali minuri. L-istess japplika għall-opportunitajiet professjonali tal-persunal potenzjali tas-segretarjat tal-qorti.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?

Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ regolari annwali ladarba l-qorti multilaterali tibda taħdem. Se tagħmel ukoll eżerċizzji ta’ awditjar b’mod regolari tal-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-ispejjeż tal-qorti. Se ssir evalwazzjoni tal-funzjonament tal-qorti tal-investiment multilaterali meta tkun ilha fis-seħħ għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien li jippermetti d-disponibbiltà ta’ dejta sinifikanti.

Top