EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0489

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA

COM/2017/0489 final - 2017/0226 (COD)

Brussell, 13.9.2017

COM(2017) 489 final

2017/0226(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA

{SWD(2017) 298 final}
{SWD(2017) 299 final}


WERREJ

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI    3

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA3

1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta3

1.2.Il-ħtieġa li jiġu implimentati standards u obbligi internazzjonali rilevanti u jiġu indirizzati l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti b’mod effettiv4

1.3.Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika5

1.4.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE7

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ8

2.1.Bażi ġuridika8

2.2.Ġeometrija varjabbli8

2.3.Sussidjarjetà9

2.4.Proporzjonalità9

2.5.Għażla tal-istrument10

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT10

3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti10

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati11

3.3.Valutazzjoni tal-impatt13

3.4.Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja15

3.5.Drittijiet fundamentali15

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI16

5.ELEMENTI OĦRAJN16

5.1.Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rapportar16

5.2.Dokumenti ta’ spjegazzjoni16

6.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA17

6.1.Sommarju tal-azzjoni proposta17

6.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta20

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA    29

TITOLU I: Suġġett u definizzjonijiet    30

TITOLU II: Reati    31

TITOLU III: Ġurisdizzjoni u investigazzjoni    34

TITOLU IV: Skambju ta’ informazzjoni u rapportar ta’ reati    34

TITOLU V: Assistenza lill-vittmi u prevenzjoni    35

TITOLU VI: Dispożizzjonijiet finali    36

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE li tipprovdi regoli minimi komuni għall-kriminalizzazzjoni tal-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti hija d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti 1 .

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 2 tirrikonoxxi li d-Deċiżjoni Qafas ma għadhiex tirrifletti r-realtajiet tal-lum u ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi u l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda bħall-muniti virtwali u l-pagamenti bil-mowbajl.

Fl-2013, il-frodi bl-użu ta’ kards maħruġa fiż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) laħqet EUR 1,44 biljun, li tirrappreżenta tkabbir ta’ 8 % fuq is-sena preċedenti. Minkejja li d-dejta dwar il-frodi tezisti biss għall-pagamenti bil-kards, il-kards huma l-iktar strument ta' pagament importanti fl-UE f’temini ta’ għadd ta’ tranżazzjonijiet 3 .

Huwa importanti li l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti tiġi indirizzata b’mod effikaċi peress li din tirrappreżenta theddida għas-sigurtà. Il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti tipprovdi dħul għall-kriminalità organizzata u għaldaqstant tiffaċilita attivitajiet kriminali oħra, bħat-terroriżmu, it-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin. B’mod partikolari, skont l-Europol, il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti tintuża biex jiġu ffinanzjati:

·Vjaġġar:

·titjiriet: l-esperjenza miksuba mill-operazzjonijiet tal-Jum ta’ Azzjoni Globali tal-Linji tal-Ajru 4 mill-2014 sal-2016 tindika rabta ċara bejn il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, il-frodi tal-biljetti tal-ajru u tipi oħra ta’ kriminalità serja u organizzata, inkluż it-terroriżmu. Xi persuni li vvjaġġaw b’biljetti miksuba b’mod frodulenti kienu jew suspettati li kienu involuti f’reati oħra;

·frodi oħra tal-ivvjaġġar (jiġifieri l-bejgħ u l-ivvjaġġar b’biljetti li nkisbu b’mod frodulenti). Il-mod prinċipali biex jinxtraw biljetti illegali kien permezz tal-użu ta’ karti ta’ kreditu kompromessi. Metodi oħra inkludew l-użu ta’ kontijiet ta’ punti ta’ fedeltà kompromessi, il-phishing ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar u l-frodi ta’ vawċers. Barra mill-kriminali, dawk li vvjaġġaw b’biljetti miksuba b’mod frodulenti kienu jinkludu vittmi tat-traffikar u persuni li kienu qed jaġixxu bħala kurriera ta' flus miksuba illegalment 5 .

·Akkomodazzjoni: l-infurzar tal-liġi jirrapporta wkoll li l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti hija użata wkoll biex jiġu ffaċilitati reati oħra li jeħtieġu akkomodazzjoni temporanja bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin, l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tad-drogi.

L-Europol irrapporta wkoll li s-suq kriminali għall-frodi ta’ kards tal-pagament fl-UE huwa ddominat minn organizzazzjonijiet kriminali strutturati sew u attivi globalment 6 .

Barra minn hekk, il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti xxekkel l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali b’żewġ modi:

·din tikkawża telf ekonomiku dirett importanti, kif jindika l-livell stmat ta’ frodi tal-kards ta’ EUR 1,44 biljun imsemmija hawn fuq. Pereżempju, il-linji tal-ajru jitilfu madwar USD 1 biljun kull sena b’mod globali fi frodi bil-kards 7 ;

·dan inaqqas il-fiduċja tal-konsumaturi, li jista’ jirriżulta fi tnaqqis tal-attività ekonomika u parteċipazzjoni limitata fis-suq uniku diġitali. Skont l-aħħar Ewrobarometru dwar iċ-Ċibersigurtà 8 , il-maġġoranza l-kbira tal-utenti tal-Internet (85 %) tħoss li r-riskju li tisfa' vittma taċ-ċiberkriminalità qed jiżdied. Barra minn hekk, 42 % tal-utenti huma mħassba dwar is-sigurtà tal-pagamenti onlajn. Minħabba t-tħassib dwar is-sigurtà, 12 % huma inqas probabbli li jidħlu fi tranżazzjonijiet diġitali bħal servizzi bankarji onlajn.

Evalwazzjoni tal-qafas leġislattiv attwali tal-UE 9 identifikat tliet problemi li qed jixprunaw is-sitwazzjoni kurrenti rigward il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti fl-UE:

1.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv bil-qafas legali attwali.

2.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv minħabba ostakli operazzjonali.

3.Il-kriminali jieħdu vantaġġ minn lakuni fil-prevenzjoni biex iwettqu frodi.

Din il-proposta għandha tliet objettivi speċifiċi li jindirizzaw il-problemi identifikati:

1.Jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas ta’ politika / legali ċar, robust u teknoloġikament newtrali.

2.Jiġu eliminati l-ostakli operazzjonali li jfixklu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

3.Titjieb il-prevenzjoni.

1.2.Il-ħtieġa li jiġu implimentati standards u obbligi internazzjonali rilevanti u jiġu indirizzati l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti b’mod effettiv

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Konvenzjoni ta’ Budapest) 10 , fit-Titolu 2 tagħha, li jkopri reati relatati mal-kompjuters, teżiġi li l-Partijiet għall-Konvenzjoni jistabbilixxu l-falsifikazzjoni relatata mal-kompjuters (l-Artikolu 7) u l-frodi relatata mal-kompjuters (l-Artikolu 8) bħala reati kriminali taħt il-liġijiet domestiċi rispettivi. Id-Deċiżjoni Qafas attwali hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-reviżjoni tar-regoli attwali se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u bejn l-infurzar tal-liġi u entitajiet privati, u b’hekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Konvenzjoni, filwaqt li jibqgħu konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha.

1.3.Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-objettivi ta’ din il-proposta huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet leġislattivi u ta’ politika segwenti fil-qasam tal-liġi kriminali:

1.Mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni pan-Ewropej f’materji kriminali li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni (il-liġi kriminali proċedurali):

·Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri 11 ;

·Il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea 12 ;

·Id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali 13 ;

·Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal pieni finanzjarji 14 ;

·Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali 15 ;

·Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali 16 ;

·Id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità 17 ;

·Ir-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Europol 18 ;

·Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA li tistabbilixxi Eurojust 19 ;

·Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju 20 .

Bħala prinċipju, din il-proposta ma tintroduċix dispożizzjonijiet speċifiċi għall-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti li jistgħu jiddevjaw minn dawn l-istrumenti usa’, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni li tista’ tikkomplika t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri. L-unika eċċezzjoni hija d-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, li din il-proposta tikkomplementa.

2.Atti legali li jikkriminalizzaw l-imġiba relatata mal-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux fi flus kontanti (il-liġi kriminali sostantiva):

·Id-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni 21 :

·din il-proposta hija komplementari għad-Direttiva 2013/40, billi tindirizza aspett differenti ta’ ċiberkriminalità 22 . Iż-żewġ strumenti jikkorrispondu għal settijiet differenti ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità 23 , li tirrappreżenta l-bażi ġuridika internazzjonali ta’ referenza għall-UE 24 ;

·din il-proposta hija wkoll konsistenti mad-Direttiva 2013/40, peress li hija bbażata fuq approċċ simili fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi bħall-ġurisdizzjoni jew tiddefinixxi livelli minimi ta’ pieni massimi.

·Id-Direttiva 2014/62/UE dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali 25 :

·Din il-proposta tikkomplementa d-Direttiva 2014/62/UE peress li tkopri l-falsifikazzjoni ta’ strumenti ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, filwaqt li d-Direttiva 2014/62/UE tkopri l-iffalsifikar ta’ flus kontanti;

·hija wkoll konsistenti mad-Direttiva 2014/62/UE peress li tuża l-istess approċċ rigward xi dispożizzjonijiet bħal dawk dwar l-għodod investigattivi.

·Id-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu:

·din il-proposta tikkomplementa d-Direttiva 2017/541/UE peress li għandha l-għan li tnaqqas l-ammont ġenerali ta’ fondi li jkunu ġejjin mill-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, li l-biċċa l-kbira minnhom imorru għand l-organizzazzjonijiet kriminali li jikkommettu reati serji, inkluż it-terroriżmu.

·Il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali:

·din il-proposta u l-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali huma komplementari peress li din tal-aħħar tipprovdi l-qafas legali neċessarju biex jiġi miġġieled il-ħasil tar-rikavat mill-kriminalità ġġenerat mill-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti (kurriera ta’ flus miksuba illegalment) bħala reat predikat.

1.4.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Din il-proposta hija konsistenti mal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà u mal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE minħabba li dawn għandhom it-tisħiħ tas-sigurtà bħala objettiv ewlieni.

Barra minn hekk, din il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-utent fis-suq diġitali, objettiv ewlieni ieħor tal-proposta. Fil-kuntest tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, jeżistu diversi strumenti legali biex jiġu ffaċilitati l-pagamentijiet fl-UE kollha, u li din il-proposta hija wkoll konsistenti magħhom:

·Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas riveduta (PSD2) 26 tinkludi għadd ta’ miżuri li għandhom itejbu r-rekwiżiti ta’ sigurtà għall-pagamenti elettroniċi u se tipprovdi qafas legali u superviżorju għall-atturi emerġenti fis-suq tal-pagamenti.

·Id-Direttiva 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu 27 , (ir-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus) tkopri s-sitwazzjoni fejn il-kriminali jabbużaw minn strumenti ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti bil-ħsieb li jaħbu l-attivitajiet tagħhom. Din il-proposta tikkomplementaha billi tindirizza s-sitwazzjoni fejn strumenti ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, pereżempju, ikunu ġew approprjati illegalment jew iffalsifikati mill-kriminali.

·Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu 28 , li minnha din il-proposta tieħu l-istess definizzjoni ta’ muniti virtwali. Jekk din id-definizzjoni tinbidel matul il-proċess ta’ adozzjoni tal-proposta ta’ qabel, id-definizzjoni f’din il-proposta jenħtieġ li tiġi allinjata skont dan.

·Atti legali rilevanti oħra jinkludu r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi 29 ; Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern 30 ; Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro 31 ; kif ukoll id-Direttiva (UE )2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (id-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà) 32 .

B’mod ġenerali, dawn l-atti legali jgħinu jiddaħħlu fis-seħħ miżuri preventivi aktar b’saħħithom. Din il-proposta tikkomplementahom billi żżid miżuri li jimponu sanzjonijiet fuq l-attivitajiet kriminali u jawtorizzaw il-prosekuzzjoni meta tkun falliet il-prevenzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jsemmi b’mod espliċitu l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata bħala oqsma ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

Dawn l-oqsma ta' kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta' armi, il-money laundering, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata...”

2.2.Ġeometrija varjabbli

Id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti tapplika għall-Istati Membri kollha.

Skont il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja anness mat-Trattati, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jiddeċiedu li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din il-proposta. Għandhom ukoll din l-għażla wara l-adozzjoni tal-proposta.

Minħabba li fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. B’konsegwenza ta’ dan, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-deskrizzjoni msemmija hawn fuq dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’din il-proposta tapplika biss sakemm ir-Renju Unit ikun għadu Stat Membru.

Skont il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri skont it-Titolu V tat-TFUE (bl-eċċezzjoni tal-politika dwar il-viżi). Għalhekk, skont l-arranġamenti attwalment fis-seħħ, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din il-proposta u mhux se tkun marbuta biha.

2.3.Sussidjarjetà

Il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti għandha dimensjoni transfruntiera importanti ħafna, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha. Każ tipiku jista’ jinvolvi l-ikkupjar (skimming) tad-dejta ta’ kard f’pajjiż tal-UE, il-ħolqien ta’ kard falza li tuża dik id-dejta, u l-ġbid ta’ flus bil-kard falza barra mill-UE biex jiġu evitati l-istandards għoljin ta’ sigurtà. Aktar ma jmur, dawn ir-reati qed isiru kompletament onlajn.

Għaldaqstant, l-objettiv ta’ ġlieda effettiva kontra reati bħal dawn ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom jew b’mod mhux ikkoordinat:

·dawn ir-reati joħolqu sitwazzjonijiet fejn il-vittma, l-awtur tar-reat u l-evidenza kollha jistgħu jiġu taħt oqfsa legali nazzjonali differenti fl-UE u lil hinn minnha. B’riżultat ta’ dan, jekk ma jkunx hemm regoli minimi komuni jkun diffiċli ħafna u jieħu ħafna żmien biex il-pajjiżi individwali jiġġieldu b’mod effettiv dawn l-attivitajiet kriminali;

·il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE diġà ġiet rikonoxxuta permezz tal-ħolqien tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti (id-Deċiżjoni Qafas).

·il-ħtieġa għal intervent tal-UE hija riflessa wkoll fl-inizjattivi attwali biex jiġu kkoordinati l-miżuri tal-Istati Membri f’dan il-qasam fil-livell tal-UE, bħal pereżempju tim speċifiku tal-Europol li jaħdem fuq il-frodi ta’ pagamenti 33 u l-prijorità taċ-Ċiklu tal-Politika EMPACT dwar il-kooperazzjoni operattiva kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti 34 . Il-valur miżjud ta’ dawn l-inizjattivi biex jgħinu lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra dawn ir-reati ġie rikonoxxut bosta drabi fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati matul it-tħejjija ta’ din il-proposta, b’mod partikolari matul il-laqgħat tal-esperti.

Valur miżjud ieħor tal-azzjoni tal-UE huwa li din tiffaċilita l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux l-UE peress li d-dimensjoni internazzjonali tal-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti spiss tmur lil hinn mill-fruntieri tal-UE. L-eżistenza ta’ regoli komuni minimi fl-UE tista’ tkun ta’ ispirazzjoni wkoll għal soluzzjonijiet leġiżlattivi effettivi fil-pajjiżi mhux fl-UE u b’hekk tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera fuq livell dinji.

2.4.Proporzjonalità

B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, id-Direttiva l-ġdida proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u l-adattament ta’ reati eżistenti f’dan il-qasam għal theddid ġdid. Il-miżuri relatati mal-użu ta’ għodod investigattivi u mal-iskambju tal-informazzjoni huma inklużi biss sal-punt meħtieġ sabiex il-qafas tal-liġi kriminali propost jiffunzjona b’mod effettiv.

Il-proposta tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati kriminali sabiex ikopri l-imġiba rilevanti kollha filwaqt li jiġi limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.

2.5.Għażla tal-istrument

B’konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, ir-regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera, inkluż il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament u l-kriminalità tal-informatika, jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni 35 tal-qafas leġislattiv attwali tal-UE flimkien mal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta (għal aktar informazzjoni ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni korrispondenti).

L-evalwazzjoni identifikat tliet problemi prinċipali, kull waħda b’għadd ta’ sottomotivaturi:

Il-kawżi

Is-sottokawżi

1.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv taħt il-qafas legali attwali;

a.Ċerti reati ma jistgħux jiġu pproċessati b’mod effettiv minħabba li reati li jsiru b’ċerti strumenti ta’ pagament (b’mod partikolari dawk mhux korporali) huma kriminalizzati b’mod differenti fi Stati Membri differenti jew mhumiex kriminalizzati.

b.Atti preparatorji għall-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti ma jistgħux jiġu proċessati b’mod effettiv minħabba li dawn huma kriminalizzati b’mod differenti fi Stati Membri differenti jew mhumiex kriminalizzati.

c.Investigazzjonijiet transfruntiera jistgħu jiġu mfixkla minħabba li l-istess reati huma kriminalizzati b’livell ta’ pieni differenti fost l-Istati Membri.

d.Nuqqasijiet fl-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni jistgħu jxekklu milli jsiru investigazzjoni u prosekuzzjoni transfruntieri effettivi.

2.Ċerti reati ma jistgħux jiġu investigati u pproċessati b’mod effettiv minħabba ostakli operattivi. 

a.L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jistgħu jiġu ostakolati għax jieħu wisq ħin biex tiġi pprovduta l-informazzjoni f’talbiet għal kooperazzjoni transfruntiera.

b.Is-sottorapportar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi minħabba limitazzjonijiet fil-kooperazzjoni pubblika privata huwa ostakolu għal investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effettivi.

3.Il-kriminali jieħdu vantaġġ mil-lakuni fil-prevenzjoni biex iwettqu frodi.

a.Il-lakuni fil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fil-kooperazzjoni pubblika privata jfixklu l-prevenzjoni.

b.Il-kriminali jisfruttaw in-nuqqas ta’ għarfien tal-vittmi.

Il-kawżi tal-problemi jindikaw li l-kwistjoni preżenti hija l-aktar falliment regolatorju, fejn il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE (id-Deċiżjoni Qafas) sar parzjalment skadut, prinċipalment minħabba żviluppi teknoloġiċi. L-evalwazzjoni indikat li din il-lakuna regolatorja ma ġiex koperta suffiċjentement minn leġiżlazzjoni aktar riċenti.

3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Attivitajiet ta’ konsultazzjoni:

Saru tliet tipi ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni: konsultazzjoni pubblika miftuħa, konsultazzjoni mmirata organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u konsultazzjoni mmirata organizzata minn kuntrattur:

1. Konsultazzjoni pubblika miftuħa

Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni pubblika miftuħa bil-għan li tinġabar ir-reazzjoni mill-pubbliku inġenerali dwar id-definizzjoni tal-problema, ir-rilevanza u l-effikaċja tal-qafas legali attwali fil-qasam tal-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, kif ukoll l-għażliet u l-impatti possibbli tagħhom fl-ittrattar tal-kwistjonijiet eżistenti. Il-konsultazzjoni għalqet wara 12-il ġimgħa, fl-24 ta’ Mejju 2017.

Il-kwestjonarji ta’ konsultazzjoni weġbuhom 33 prattikant u 21 membru tal-pubbliku ġenerali. Erba' prattikanti pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ kontributi bil-miktub. Il-prattikanti kienu jinkludu:

·kumpaniji privati (settur privat);

·awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jew internazzjonali (aġenziji tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet ġudizzjarji u istituzzjonijiet u korpi tal-UE);

·assoċjazzjonijiet kummerċjali, tan-negozju jew professjonali (pereż. federazzjonijiet bankarji nazzjonali);

·organizzazzjonijiet, pjattaformi jew netwerks nongovernattivi;

·konsulenzi professjonali, ditti legali, konsulenti indipendenti.

2. Konsultazzjoni mmirata organizzata mill-Kummissjoni Ewropea:

·laqgħat kbar tal-esperti b’rappreżentanti mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji mill-pajjiżi kollha tal-UE (magħżula mill-Istati Membri) u esperti mis-settur privat (istituzzjonijiet finanzjarji, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, negozjanti, skemi ta’ kards);

·diversi laqgħat mal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati mid-dinja akkademika, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, industriji tal-muniti virtwali, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji privati, rappreżentanti ta’ regolaturi finanzjarji.

3. Konsultazzjoni mmirata organizzata minn kuntrattur

Kuntrattur organizza konsultazzjonijiet immirati li kienu jinkludu stħarriġ online kif ukoll intervisti. Ir-riżultati preliminari ġew ippreżentati lil grupp fokus ta’ validazzjoni li mbagħad ipprovda reazzjonijiet u ivverifika r-riżultati tal-konsultazzjoni.

B’kollox, kien hemm 125 parti kkonċernata involuti minn 25 Stat Membru.

Riżultati ewlenin:

·Dimensjoni tal-kriminalità

Il-kostijiet relatati ma’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti kienu ġeneralment meqjusa bħala għoljin u kienu mistennija jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Il-partijiet ikkonċernati mill-kategoriji kollha ffaċċjaw diffikultajiet meta ntalbu jikkwantifikaw il-fenomenu kriminali. L-istatistika hija rari u mhijiex dejjem aċċessibbli. Ftit minnhom, madankollu, pprovdew evidenza bbażata fuq każijiet li timplika s-sinifikat ta’ ċerti tipi ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti.

·Qafas tal-liġi kriminali:

Ħafna mill-partijiet ikkonċernati qiesu li l-qafas legali attwali tal-UE huwa biss parzjalment rilevanti għall-ħtiġijiet attwali ta’ sigurtà, speċjalment fir-rigward tad-definizzjoni ta’ strumenti ta’ pagament u ta’ reati kriminali. Uħud ikkonfermaw li l-oqfsa legali nazzjonali se jkollhom bżonn jiġu emendati.

·Id-dritt proċedurali kriminali:

Minkejja l-qafas legali attwali, il-livell attwali ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-investigazzjonijiet u għall-prosekuzzjonijiet kien meqjus li huwa biss parzjalment sodisfaċenti. L-appoġġ tal-Europol fil-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera kien ferm rikonoxxut.

·Rapportar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi:

L-opinjonijiet dwar ir-rapportar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jvarjaw: uħud huma sodisfatti bil-livell attwali ta’ rapportar, filwaqt li oħrajn jemmnu li dan jenħtieġ li jitjieb. Hemm kunsens fost il-kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa li l-opzjonijiet ta’ politika futuri dwar ir-rapportar jenħtieġ li jkunu bbilanċjati mal-kapaċitajiet li fil-fatt għandhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex isegwu l-każijiet.

·Kooperazzjoni pubblika-privata

Il-partijiet kkonċernati ħassew li l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati kienet ta’ benefiċċju ġenerali u qablu li dan għandu jitħeġġeġ sabiex tiġi indirizzata aħjar il-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet kkonċernati qiesu li l-kooperazzjoni pubblika privata għandha tittejjeb biex tiġi miġġielda l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti. Ir-rappreżentanti tas-settur privat dehru l-inqas sodisfatti. Huma jaraw li l-ostakli ewlenin għall-koperazzjoni jinkludu, pereżempju, limitazzjonijiet fil-possibbiltà li tiġi kondiviża l-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u fl-għodod relatati li jintużaw biex ikun jista’ jsir l-iskambju.

Il-maġġoranza kbira tal-partijiet kkonċernati qablu li sabiex il-kriminali jiġu investigati u pproċessati, l-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jitħallew jikkondividu b’mod spontanju ċerta informazzjoni personali dwar il-vittma (pereżempju l-isem, il-kont bankarju, l-indirizz, eċċ.) mal-pulizija nazzjonali jew mal-pulizija ta’ pajjiż ieħor tal-UE.

Kooperazzjoni fqira bejn l-awtoritajiet privati u dawk pubbliċi ssemmiet ukoll minn diversi partijiet kkonċernati bħala ostaklu fil-ġlieda kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti.

L-intrapriżi privati, l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali, tan-negozju u dawk professjonali qiesu l-leġiżlazzjoni, l-allinjament ħażin tal-prijoritajiet u n-nuqqas ta’ fiduċja flimkien ma’ kwistjonijiet prattiċi u organizzattivi bħala ostakli biex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u entitajiet privati tirnexxi meta l-parteċipanti jkunu bbażati f’pajjiżi differenti tal-UE. In-nuqqas ta’ teknoloġija xierqa (pereż. mezzi ta’ komunikazzjoni) issemma wkoll bħala ostaklu mill-intrapriżi privati u mill-awtoritajiet pubbliċi.

·Drittijiet tal-vittmi:

Il-partijiet kkonċernati enfasizzaw l-importanza tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ frodi. Uħud minnhom ħassew li l-vittmi mhumiex protetti biżżejjed, minkejja li l-inizjattivi li jittieħdu fil-livell ta’ Stat Membru biex jipproteġuhom huma ġeneralment apprezzati. L-assoċjazzjonijiet tal-vittmi żviluppaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni tajbin mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Bosta partijiet kkonċernati jqisu neċessarju li l-vittmi jkunu protetti aħjar kontra s-serq tal-identità, li huma jqisu li jaffettwaw kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi. Għalhekk jenħtieġ li l-vittmi jkunu protetti irrispettivament min-natura ġuridika tagħhom.

3.3.Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar 36 , il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt 37 sabiex tevalwa l-ħtieġa għal proposta leġiżlattiva.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata u diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fit-12 ta’ Lulju 2017. Il-Bord irrikonoxxa l-isforzi biex jiġu kkwantifikati l-kostijiet u l-benefiċċji. Huwa ta opinjoni pożittiva 38 , b’rakkomandazzjoni għal titjib ulterjuri tar-rapport fir-rigward tal-aspetti ewlenin li ġejjin:

1.Ir-rapport ma spjegax biżżejjed il-kuntest tal-politika, inkluża r-relazzjoni mal-mekkaniżmi eżistenti u previsti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u pan-Ewropea u l-komplementarjetà tagħhom.

2.L-objettiv tal-inizjattiva relatat mat-tkabbir jidher kien sopravvalutat

Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie rivedut filwaqt li tqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord fl-opinjoni pożittiva tiegħu.

Wara l-immappjar tal-miżuri ta’ politika possibbli biex tiġi indirizzata kull waħda mill-problemi identifikati fl-evalwazzjoni, u wara li ġie analizzat liema miżuri għandhom jinżammu u liema għandhom jiġu skartati, il-miżuri tpoġġew fi gruppi ta’ opzjonijiet ta’ politika. Kull opzjoni ta’ politika ġiet mibnija biex tindirizza l-problemi kollha identifikati. L-opzjonijiet varji tal-politika li ġew ikkunsidrati kienu kumulattivi, jiġifieri b’livell jiżdied ta’ azzjoni leġiżlattiva tal-UE. Peress li l-problema inkwistjoni hija bażikament falliment regolatorju, kien importanti li tiġi stabbilita l-firxa sħiħa ta’ għodod regolatorji biex tiġi determinata l-aktar reazzjoni proporzjonata tal-UE.

Id-diversi opzjonijiet li tqiesu kienu:

·opzjoni A: titjieb fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u li tiġi ffaċilitata l-awtoregolamentazzjoni għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

·opzjoni B: jiġi introdott qafas leġiżlattiv ġdid u tiġi ffaċilitata l-awtoregolamentazzjoni għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

·opzjoniC: l-istess bħal opzjoni B imma b’dispożizzjonijiet dwar l-inkoraġġiment tar-rappurtar għal kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat minflok l-awtoregolamentazzjoni, u dispożizzjonijiet ġodda dwar is-sensibilizzazzjon;

·opzjoni D: l-istess bħall-opzjoni C iżda b’dispożizzjonijiet addizzjonali ta’ ġuriżdizzjoni li jikkomplementaw l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u r-regoli ta’ mandat ta’ inibizzjoni.

L-opzjoni C kienet l-aktar waħda approvata, kemm kwalitattivament kif ukoll f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji.

F’termini ta’ benefiċċji, l-opzjoni preferuta tkun twitti t-triq lejn azzjoni ta’ infurzar tal-liġi aktar effettiva u effiċjenti kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, permezz ta’ applikazzjoni aktar koerenti tar-regoli madwar l-UE, kooperazzjoni transfruntiera aħjar u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn is-settur pubbliku u dak privat u skambju ta’ informazzjoni. L-inizjattiva għandha tinkoraġġixxi wkoll il-fiduċja fis-suq uniku diġitali, billi tissaħaħ is-sigurtà.

F’termini ta’ spejjeż, l-ispejjeż għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ inizjattiva ġdida għall-Istati Membri huma stmati li jkunu madwar EUR 561 000 (ta’ darba). L-ispejjeż kontinwi għall-implimentazzjoni u l-infurzar għall-Istati Membri huma stmati li jkunu madwar EUR 2 285 140 fis-sena (it-total għall-Istati Membri kollha).

Peress li l-proposta ma tipprevedi l-ebda regola mandatorja dwar ir-rappurtar, ma għandux ikun hemm impatt f’dak li jirrigwarda spejjeż addizzjonali għan-negozji, inklużi l-SMEs. Id-dispożizzjonijiet l-oħra li jkunu inklużi fil-proposta ukoll ma għandhomx effett fuq l-SMEs.

Kollox ma’ kollox, l-impatt kumulattiv tal-miżuri proposti fuq l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji, mistenni li jkun ogħla mil-livelli attwali, hekk kif l-għadd ta’ każijiet li għandhom jiġu investigati se jpoġġi pressjoni fuq ir-riżorsi tal-infurzar tal-liġi f’dan il-qasam, li jkollhom bżonn jiżdiedu. Ir-raġunijiet prinċipali għal dan huma:

·definizzjoni usa’ tal-mezzi ta’ pagament u tar-reati addizzjonali li għandhom jiġu indirizzati (atti preparatorji) x’aktarx li żżid l-għadd ta’ każijiet li huma responsabbli għalihom il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

·ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali biex tiżdied il-kooperazzjoni transfruntiera;

·obbligu għall-Istati Membri biex jiġbru l-istatistika joħloq piż amministrattiv addizzjonali.

Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ qafas legali ċar biex jindirizza l-faċilitaturi għall-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti jipprovdi opportunità għad-detezzjoni, l-ipproċessar u s-sanzjonar ta’ attivitajiet relatati mal-frodi minn punt aktar kmieni. Barra minn hekk, filwaqt li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat għandu kost f’termini ta’ riżorsi, ir-redditu fuq l-investiment f’termini ta’ effettività u effiċjenza tal-azzjoni tal-infurzar tal-liġi huwa immedjat.

3.4.Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

Kwalitattivament, din il-proposta għandha potenzjal għal simplifikazzjoni fi ftit oqsma, pereżempju:

·l-approssimazzjoni ulterjuri tal-oqfsa kriminali nazzjonali (pereż. billi tipprovdi definizzjonijiet komuni u livell minimu komuni ta’ sanzjonijiet għall-piena massima) għandha tissimplifika u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet transfruntieri;

·b’mod partikolari, regoli aktar ċari dwar il-ġurisdizzjoni, rwol imsaħħaħ għall-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-kondiviżjoni ta’ dejta u informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali u l-Europol jistgħu jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri u prattiki għall-kooperazzjoni.

Mhuwiex possibbli li jiġi kkwantifikat il-potenzjal tas-simplifikazzjoni minħabba nuqqas ta’ dejta (u f’xi każijiet impossibbiltà biex jiġu iżolati l-effetti tad-Deċiżjoni Qafas).

B’mod ġenerali, l-idoneità regolatorja potenzjali ta’ din l-inizjattiva hija limitata ħafna:

1.L-ewwel nett, id-Deċiżjoni Qafas tal-2001 diġà hija att legali relattivament sempliċi b’potenzjal limitat għal aktar simplifikazzjoni.

2.It-tieni nett, din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid is-sigurtà billi tindirizza l-lakuni attwali. Normalment dan ikun jinvolvi aktar spejjeż amministrattivi biex jiġu investigati u pproċessati reati li attwalment mhumiex koperti, pjuttost milli jsir tfaddil sinifikanti li jirriżulta mis-simplifikazzjoni fil-kooperazzjoni transfruntiera.

3.It-tielet nett, l-inizjattiva ma għandhiex l-għan li timponi obbligi legali addizzjonali fuq in-negozji u fuq iċ-ċittadini. Hija titlob lill-Istati Membri sabiex iħeġġu u jiffaċilitaw ir-rappurtar permezz tal-mezzi adatti (minflok ma jiġi impost rappurtar obbligatorju), f’konformità ma’ strumenti oħrajn tal-UE, bħalma hija d-Direttiva 2011/93 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (l-Artikolu 16(2)).

3.5.Drittijiet fundamentali

Il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet biex il-qafas legali dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti jiġi adattat għal theddidiet ġodda u emerġenti u biex jirregola forom ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti li bħalissa mhumiex koperti.

L-għan aħħari ta’ dawn il-miżuri huwa li jipproteġu d-drittijiet tal-vittmi u tal-vittmi potenzjali. It-twaqqif ta’ qafas legali ċar għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jaġixxu fuq attivitajiet kriminali li jaffettwaw direttament dejta personali tal-vittmi, inklużi l-kriminalizzazzjoni ta’ atti preparatorji, jista’ b’mod partikolari jkollu effetti pożittivi fuq il-protezzjoni tad-dritt tal-vittmi u tal-vittmi potenzjali għall-privatezza u fuq id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Fl-istess ħin, il-miżuri kollha kif previst f’din il-proposta jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jiġu implimentati skont dan. Kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet fundamentali u libertajiet hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri li tkun soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-iskopijiet leġittimi li l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jintlaħqu b’mod ġenwin u jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. Il-limitazzjonijiet iridu jkunu previsti mil-liġi u jkunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Karta.

F’dan ir-rigward iridu jitqiesu diversi drittijiet fundamentali u libertajiet stipulati fil-Karta, inkluż: id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà; ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja; il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol; il-libertà ta' intrapriża; id-dritt għall-proprjetà; id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali; il-preżunzjoni ta' innoċenza u dritt tad-difiża; il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali.

B’mod partikolari, din il-proposta tirrispetta l-prinċipju li r-reati kriminali u l-pieni għandhom ikunu stabbiliti fil-liġi u jkunu proporzjonati. Dan jillimita l-ambitu tar-reati għal dak li hu neċessarju biex tkun tista’ ssir prosekuzzjoni effettiva tal-atti li jippreżentaw theddida partikolari għas-sigurtà u jintroduċi regoli minimi dwar il-livell ta’ sanzjonijiet f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, b’kunsidrazzjoni għan-natura tar-reat.

Din il-proposta hija mfassla wkoll biex tiżgura li d-dejta ta’ persuni suspettati bir-reati elenkati minn din id-Direttiva tiġi trattata b’konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali u mal-leġiżlazzjoni applikabbli eżistenti, inkluż fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata għall-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

5.1.Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex dawn ikunu jikkonformaw mad-Direttiva.

Sentejn wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tal-impatti ta’ din id-Direttiva sitt snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha, biex ikun żgurat li jkun hemm perjodu twil biżżejjed biex jiġu evalwati l-effetti tal-inizjattiva wara li tkun ġiet kompletament implimentata fl-Istati Membri kollha.

5.2.Dokumenti ta’ spjegazzjoni

L-ebda dokument dwar it-traspożizzjoni ma huwa kkunsidrat meħtieġ.

6.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

6.1.Sommarju tal-azzjoni proposta

Din il-proposta, filwaqt li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA, taġġorna l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet attwali tagħha u hija konsistenti mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u tal-valutazzjoni tal-impatt (pereż. rigward l-opzjoni ppreferuta).

It-tabella li ġejja turi kif din il-proposta tikkorrispondi mad-Deċiżjoni Qafas u tindika liema Artikoli huma ġodda u liema ġew aġġornati mid-Deċiżjoni Qafas:

DIRETTIVA

DEĊIŻJONI QAFAS

Kummenti

Artikolu

Premessa

Artikolu

Premessa

I. Suġġett u definizzjonijiet

1. Suġġett

1-6

Ebda

1-7

Ġdid

2. Definizzjonijiet

7-8

1. Definizzjonijiet

10

Aġġornat

II. Reati

3. L-użu frodulenti ta’ strumenti ta’ pagament

9

2. Reati konnessi ma’ strumenti ta' pagament

8-10

4. Reati preparatorji għall-użu frodulenti ta’ strumenti ta’ pagament

5. Reati relatati mas-sistemi tal-informazzjoni

3. Offiżi konnessi ma' kompjuters

6. Għodod li jintużaw għat-twettiq ta’ reati

4. Offiżi konnessi ma' strumenti adattati b'mod speċifiku

7. Tixwix, għajnuna u kompliċità u tentattiv

5. Partiċipazzjoni, u tentattiv

8. Pieni għal persuni fiżiċi

10-11

6. Pieni

9

9. Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

Ebda

7. Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

Ebda

10. Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

8. Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

III. Ġurisdizzjoni u investigazzjoni

11. Ġurisdizzjoni

12-14

9. Ġurisdizzjoni

10. Estradizzjoni u Prosekuzzjoni

11

12. Investigazzjonijiet effettivi

15

Ebda

Ebda

Ġdid

IV. Skambju ta’ informazzjoni u rapportar ta’ reati

13. Skambju ta’ informazzjoni

16-18

11. Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

12. Skambju ta’ informazzjoni

11

Aġġornat

14. Rappurtar ta’ reati

19

Ebda

Ebda

Ġdid

V. Assistenza u appoġġ għall-vittmi u prevenzjoni

15. Assistenza u appoġġ għall-vittmi

20-22

Ebda

16. Prevenzjoni

23

Ebda

VI. Dispożizzjonijiet finali

17. Monitoraġġ u statistika

24

Ebda

18. Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas

25

Ebda

19. Traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

Ebda

14. Implimentazzjoni [14(1)]:

Aġġornat

20. Valutazzjoni u rapportar

14. Implimentazzjoni [14(2)]:

21. Dħul fis-seħħ

15. Dħul fis-seħħ

Ebda

26-29

13. Applikazzjoni territorjali

Imħassar

B’mod speċifiku, din il-proposta:

·tiddefinixxi l-istrumenti ta’ pagament b’mod aktar komprensiv u robust li jinkludi wkoll strumenti intanġibbli ta’ pagament kif ukoll mezzi ta’ skambju diġitali.

·tagħmel reat awtonomu, apparti l-użu ta’ tali strumenti, li persuna jkollha fil-pussess, tbiegħ, takkwista għall-użu, timporta, tiddistribwixxi jew inkella tagħmel disponibbli strument ta’ pagament falz jew iffalsifikat li jkun misruq jew b’xi mod ieħor approprjat illegalment;

·tespandi l-ambitu tar-reati relatati mas-sistemi ta’ informazzjoni biex jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha ta’ pagament, inklużi tranżazzjonijiet permezz ta’ mezzi ta’ skambju diġitali;

·tintroduċi regoli dwar il-livell ta’ pieni, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ pieni massimi;

·tinkludi reati aggravati għal:

·sitwazzjonijiet fejn l-atti kriminali jsiru fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, irrispettivament mill-pieni previsti fiha;

·sitwazzjonijiet fejn l-att kriminali jikkawża dannu konsiderevoli aggregat jew jipprovdi benefiċċju ekonomiku konsiderevoli għal min jikser il-liġi. Dan għandu l-għan li jindirizza każijiet ta’ volum għoli ta’ livell baxx ta’ telf individwali, b’mod partikolari fi frodi tat-tip kard mhux preżenti.

·tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tar-reati msemmija fil-proposta billi tiżgura li l-Istati Membri jkollhom ġurisdizzjoni f’każijiet jew fejn ir-reat ikun sar permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li t-trasgressur jista' jkun barra minnu jew jekk it-trasgressur ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru iżda s-sistema tal-informazzjoni tista’ tkun tinsab barra minnu;

·tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-effetti tar-reat billi tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni jekk ir-reat jikkawża dannu fit-territorju tagħhom, inkluż dannu li jirriżulta mis-serq tal-identità ta’ persuna;

·tintroduċi miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-ġustizzja kriminali madwar l-Unjoni billi ssaħħaħ l-istruttura eżistenti u l-użu tal-punti ta’ kuntatt operattivi;

·ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-vittmi u għall-entitajiet privati li jirrapportaw reat kriminali;

·tindirizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta dejta statistika dwar frodi u falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkollhom sistema xierqa fis-seħħ għar-reġistrazzjoni, għall-produzzjoni u għall-provvista ta’ dejta statistika dwar ir-reati msemmija fid-direttiva proposta;

·tipprovdi li l-vittmi jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-assistenza u l-appoġġ disponibbli, irrispettivament minn jekk il-pajjiż ta’ residenza tagħhom ikunx differenti minn dak tal-awtur tal-frodi jew fejn isiru l-investigazzjonijiet kriminali.

6.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1: Suġġett  dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tal-proposta.

Artikolu 2: Definizzjonijiet— dan l-Artikolu jistabbilixxi definizzjonijiet li japplikaw għall-istrument kollu. L-Artikolu 2 jinkludi l-istess definizzjoni ta’ muniti virtwali kif hemm fil-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE 39 . Jekk din id-definizzjoni tinbidel matul il-proċess ta’ adozzjoni tal-proposta ta’ hawn fuq, id-definizzjoni ta’ muniti virtwali f’dan l-Artikolu jenħtieġ li tiġi allinjata skont dan.

Artikolu 3: L-użu frodulenti ta’ strumenti ta’ pagament — dan l-Artikolu jelenka r-reati kriminali relatati ma’ mġiba li direttament u immedjatament tikkostitwixxi frodi, jiġifieri l-użu frodulenti tal-istrumenti ta’ pagament, inkluż kemm strumenti misruq kif ukoll dawk iffalsifikati. Ir-reati japplikaw għall-istrumenti kollha ta’ pagament, sew jekk korporali jew le, għalhekk dan ikopri wkoll frodi bl-użu ta’ kredenzjali ta’ pagament jew ta’ rekords oħra misruqa jew iffalsifikati li jippermettu jew li jintużaw biex tinbeda ordni ta’ pagament jew trasferiment monetarju ieħor inklużi trasferimenti ta’ muniti virtwali.

Artikolu 4: Reati preparatorji għall-użu frodulenti ta’ strumenti ta’ pagament — dan l-Artikolu jistabbilixxi reati relatati ma’ mġiba kriminali li, filwaqt li ma tkunux immedjatament tikkostitwixxi frodi reali li twassal għal telf ta’ proprjetà, isseħħ fit-tħejjija għal frodi. Dawn jinkludu s-serq jew il-falsifikazzjoni ta’ strument ta’ pagament u atti varji involuti fit-traffikar ta’ dawn l-istrumenti misruqa jew falsifikati. Dan jinkludi l-pussess, id-distribuzzjoni jew id-disponibbiltà tagħhom biex jintużaw b’mod frodulenti, inklużi każijiet fejn l-awtur tar-reat ikun jaf dwar il-possibilità ta’ użu frodulenti (dolus eventualis). L-istess bħall-Artikolu 3, dan ikopri r-reati kollha li jinvolvu strumenti ta’ pagament, kemm jekk korporali jew mhux, u għalhekk japplika wkoll għal imġiba bħal kummerċ fil-kredenzjali misruqa (“carding”) u phishing 40 .

Artikolu 5: Reati relatati ma’ sistemi ta’ informazzjoni — dan l-Artikolu jistabbilixxi r-reati relatati mas-sistemi ta’ informazzjoni li għandhom jiġu kriminalizzati mill-Istati Membri. Il-lista fiha l-elementi li jiddistingwu r-reati minn interferenza illegali fis-sistema jew interferenza illegali fid-dejta skont id-Direttiva 2013/40/UE, bħat-trasferiment ta’ valur monetarju għall-akkwist ta’ qligħ illegali. Din id-dispożizzjoni ġiet inkluża bil-għan li tiġi kriminalizzata mġiba bħal dħul mhux awtorizzat fil-kompjuter jew fl-apparat tal-vittma sabiex it-traffiku tal-vittma jiġi ridirezzjonat lejn sit web bankarju online falz, biex b’hekk il-vittma tasal biex tagħmel pagament fuq kont bankarju li jkun ikkontrollat mit-trasgressur (jew mill-kurriera ta’ flus miksuba illegalment) 41 . Hija tkopri wkoll forom oħra ta’ mġiba kriminali, bħal pharming 42 , li jisfruttaw sistemi ta’ informazzjoni biex jittieħed vantaġġ illegali għall-awtur jew għal persuna oħra.

Artikolu 6: Għodod li jintużaw għat-twettiq ta’ reati — dan l-Artikolu jistabbilixxi r-reati relatati mal-għodod li jintużaw biex jitwettqu r-reati msemmija fl-Artikolu 4(a) u 4(b) u fl-Artikolu 5, li għandhom jiġu kriminalizzati mill-Istati Membri. L-għan tiegħu huwa li jiġu kriminalizzati l-produzzjoni, il-bejgħ, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni b’intenzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mod ieħor ta’ pereżempju apparat ta’ kkupjar li jintuża għas-serq ta’ kredenzjali, kif ukoll malwer u siti web falsifikati li jintużaw għall-phishing. Dan l-Artikolu huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA u fuq l-Artikolu 3(d)(i) tad-Direttiva 2014/62/UE dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali.

Artikolu 7: Tixwix, għajnuna u kompliċità u tentattiv — dan l-Artikolu japplika għal imġiba li tirrigwarda r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 6 u jeżiġi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw kull forma ta’ tħejjija u parteċipazzjoni. Ir-responsabbiltà kriminali għal tentattiv hija inkluża għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6.

Artikolu 8: Pieni għall-persuni fiżiċi — biex jiġġieldu l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti b’mod effettiv, il-pieni jridu jkunu deterrent fl-Istati Membri kollha. F’konformità ma’ strumenti oħra tal-UE li japprossimaw il-livell tal-pieni kriminali, dan l-Artikolu jistipula li l-piena massima skont il-liġi nazzjonali għandha tkun ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija ħlief għar-reati taħt l-Artikolu 6, fejn il-piena massima jeħtieġ li tkun minn tal-inqas sentejn. Huwa jipprevedi pieni aktar ħorox għal reati aggravati, jiġifieri piena massima ta’ mill-inqas ħames snin, meta r-reat ikun twettaq minn organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata 43 , jew fejn reat isir fuq skala kbira, u b’hekk jikkawża dannu estensiv jew konsiderevoli, b’mod partikolari inklużi każijiet b’impatt individwali baxx iżda b’volum kbir ta’ dannu kumplessiv, jew fejn reat jinvolvi vantaġġ aggregat għat-trasgressur ta’ mill-inqas EUR 20 000.

F’ħafna mill-Istati Membri fejn kien hemm informazzjoni disponibbli jidher li r-reati elenkati fl-Artikoli 2 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA huma punibbli permezz ta’ pieni speċifiċi. Madankollu, b’mod ġenerali, ma teżisti l-ebda approssimazzjoni: filwaqt li l-Istati Membri kollha stabbilixxew pieni li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà (għall-inqas f’każijiet serji), il-livell ta’ pieni għall-istess imġiba jvarja b’mod sinifikanti. Għaldaqstant l-effett dissważiv huwa aktar baxx f’xi Stati Membri milli f’oħrajn.

Id-differenzi fil-livell ta’ pieni jistgħu wkoll ifixklu l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Jekk Stat Membru jkollu livell baxx ta’ pieni minimi fil-kodiċi kriminali tiegħu, dan jista’ jwassal biex l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jagħtu prijorità baxxa lill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi tat-tip kard mhux preżenti. Dan min-naħa tiegħu jista’ jimpedixxi l-kooperazzjoni transfruntiera, meta Stat Membru ieħor jitlob assistenza, f’termini tal-ipproċessar f’waqtu tat-talba. Dawk li jibbenefikaw l-aktar minn differenzi bħal dawn f’livelli ta’ sanzjonijiet x’aktarx li jkunu l-aktar trasgressuri gravi, jiġifieri gruppi ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali b’bażijiet operattivi f’bosta Stati Membri.

Artikoli 9 u 10: Responsabbiltà u l-pieni għal persuni ġuridiċi — dawn l-Artikoli japplikaw għar-reati kollha msemmija fl-Artikoli 3 sa 7. Dawn jesiġu li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi, mingħajr ma tiġi eskluża r-responsabbiltà ta’ persuni fiżiċi, u li japplikaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-persuni ġuridiċi. L-Artikolu 10 jelenka eżempji ta’ sanzjonijiet.

Artikolu 11: Ġurisdizzjoni — ibbażata fuq il-prinċipji ta’ territorjalità u personalità, dan l-Artikolu jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ġuriżdizzjoni għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

Huwa għandu elementi meħuda mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. F’każijiet ta’ frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti li jseħħu onlajn, ir-reat x’aktarx li jkun mifrux f’bosta ġuriżdizzjonijiet: ir-reat spiss jiġi mwettaq bl-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni barra mit-territorju li fih ikun jinsab fiżikament it-trasgressur u jkollu konsegwenzi f’pajjiż ieħor fejn tista’ tkun tinsab ukoll l-evidenza. Għalhekk, l-għan tal-Artikolu 11 huwa li jiġi żgurat li l-ġurisdizzjoni territorjali tkopri sitwazzjonijiet li fihom it-trasgressur u s-sistema ta’ informazzjoni li t-trasgressur juża biex iwettaq ir-reat ikunu jinsabu f’territorji differenti.

Dan l-Artikolu jinkludi element ġdid li jindirizza l-ħtieġa li tiġi invokata l-ġurisdizzjoni jekk id-dannu jiġi kkawżat f’ġurisdizzjoni differenti minn dik li fiha saret l-azzjoni, inkluż dannu li jirriżulta minn serq tal-identità ta’ persuna. L-għan huwa li jiġu koperti sitwazzjonijiet li mhumiex indirizzati fid-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni, li huma komuni għal reati ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti. Dawn jinkludu każijiet fejn l-ebda wieħed mir-reati marbutin mar-reat (pereż. serq tal-kredenzjali tal-kard, l-ikklonjar tal-kard, irtirar illegali minn magna ATM) ma jkun seħħ fl-Istat Membru fejn iseħħ id-dannu (pereż. fejn l-vittma jkollha kont bankarju, li minnu nsterqu l-flus). F’dawn il-każijiet il-vittma x’aktarx tirreferi l-inċident lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih it-telf ekonomiku ikun ġie individwat. Dak l-Istat Membru jrid ikun kapaċi jeżerċita l-ġurisdizzjoni biex jiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi, li jservi bħala punt ta’ tluq għal investigazzjonijiet li jistgħu jinvolvu diversi Stati Membri u pajjiżi mhux tal-UE.

Artikolu 12: Investigazzjonijiet effettivi — l-għan ta’ dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li l-għodod investigattivi previsti fil-liġi nazzjonali għall-kriminalità organizzata jew għal każijiet oħra ta’ kriminalità serja jistgħu jintużaw ukoll f’każijiet ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, tal-inqas f’każijiet serji. Dan l-Artikolu għandu l-għan ukoll li jiżgura li, wara li jsiru l-inġunzjonijiet skont il-liġi, l-informazzjoni tingħata lill-awtoritajiet mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 13: Skambju ta’ informazzjoni — dan l-Artikolu għandu l-għan li jħeġġeġ aktar l-użu tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali operattivi.

Artikolu 14: Rappurtar tar-reati — dan l-Artikolu għandu l-għan li jindirizza l-ħtieġa identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt biex jiżdied u jiġi ffaċilitat ir-rappurtar. huwa għandu l-għan li jiżgura d-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa għall-vittmi u għall-entitajiet privati li jirrappurtaw ir-reati, u li jinkoraġġixxi rappurtar mingħajr dewmien żejjed f’konformità ma’ dispożizzjoni simili skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija. Eżempji ta’ azzjonijiet li għandhom jitwettqu huma mogħtija fil-Premessa 19.

Artikolu 15: Assistenza u sostenn lill-vittmi — dan l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li l-vittmi ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti jiġu offruti informazzjoni u mezzi biex jiġi rrapportat ir-reat u pariri dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra l-konsegwenzi negattivi ta’ frodi u kontra dannu għar-reputazzjoni li jirriżulta minn dan.

Dan l-Artikolu jkopri kemm persuni fiżiċi kif ikoll ġuridiċi, li huma affettwati wkoll mill-konsegwenzi tar-reati koperti mill-proposta. Huwa jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet li jestendu għadd ta’ drittijiet speċifiċi stabbiliti għal persuni fiżiċi skont id-Direttiva 2012/29/UE lil persuni ġuridiċi.

Artikolu 16: Prevenzjoni — dan l-Artikolu jindirizza l-ħtieġa li tinħoloq sensibilizzazzjoni u b’hekk jitnaqqas ir-riskju li persuna tisfa vittma ta’ frodi permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll programmi ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat il-lakuni fil-prevenzjoni bħala kawża ta’ problema għall-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti. Dan l-Artikolu jimxi fuq approċċ simili għall-Artikolu 23 (Prevenzjoni) tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.

Artikolu 17: Monitoraġġ u statistika — Dan l-Artikolu jindirizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta dejta statistika dwar il-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti billi jagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jiżguraw li jkollhom sistema xierqa fis-seħħ għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-provvista ta’ dejta statistika dwar ir-reati msemmija fid-direttiva proposta, u dwar il-monitoraġġ tal-effettività tas-sistemi tagħhom (li jkopru l-fażijiet ġudizzjarji kollha) biex jiġġieldu l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti.. Dan isegwi approċċ simili għall-Artikolu 14 (Monitoraġġ u Statistiċi) tad-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni, u l-Artikolu 44 tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus). Huwa għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi biex jindirizza d-disponibbiltà limitata li hemm bħalissa ta’ dejta dwar il-frodi, li tista’ tassisti fl-evalwazzjoni tal-effettività tas-sistemi nazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti.

Artikolu 18: Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA — dan l-Artikolu jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet attwali fil-qasam tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw f’din id-Direttiva.

L-Artikoli 19, 20, u 21 — dawn l-Artikoli jinkludu dispożizzjonijiet ulterjuri dwar it-traspożizzjoni mill-Istati Membri, l-evalwazzjoni u r-rappurtar mill-Kummissjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

2017/0226 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-frodi u l-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti huma theddida għas-sigurtà, peress li jirrappreżentaw sors ta’ dħul għall-kriminalità organizzata u b’hekk jippermettu t-twettiq ta’ attivitajiet kriminali oħrajn bħalma huma t-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin.

(2)Il-frodi u l-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti huma wkoll ostaklu għas-suq uniku diġitali, peress li jdgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi u jikkawżaw telf ekonomiku dirett.

(3)Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA 44 jenħtieġ li tiġi aġġornata u komplementata b’dispożizzjonijiet ulterjuri dwar reati, pieni u l-kooperazzjoni transfruntiera.

(4)Lakuni u differenzi sinifikanti fil-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti jistgħu jfixklu l-ġlieda kontra din it-tip ta’ kriminalità kif ukoll kriminalità organizzata u serja oħra relatata magħha u ffaċilitata permezz tagħha, u jistgħu jikkumplikaw il-kooperazzjoni effettiva tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’dan il-qasam.

(5)Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti għandhom ukoll dimensjoni transfruntiera sinifikanti aċċentwata minn żieda dejjem tikber fil-komponent diġitali, li tenfasizza l-ħtieġa għal għal aktar azzjoni biex tiġi approssimata l-leġiżlazzjoni kriminali f’dan il-qasam.

(6)L-aħħar snin ma ġabux biss żieda esponenzjali fl-ekonomija diġitali iżda anke proliferazzjoni ta’ innovazzjoni f’ħafna oqsma, inkluż fit-teknoloġiji tal-pagament. Teknoloġiji ġodda ta’ pagament jinvolvu l-użu ta’ tipi ġodda ta’ strumenti ta’ pagament, li, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji, iżidu wkoll l-opportunitajiet għall-frodi. Għaldaqstant, il-qafas legali għandu jibqa’ rilevanti u aġġornat fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi teknoloġiċi.

(7)Id-definizzjonijiet komuni f’dan il-qasam huma importanti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom ta’ din id-Direttiva. Hemm bżonn li d-definizzjonijiet ikopru tipi ġodda ta’ strumenti ta’ pagament, bħal flus elettroniċi u muniti virtwali.

(8)Permezz tal-protezzjoni mogħtija mil-liġi kriminali primarjament lil strumenti ta’ pagament li jiġu pprovduti b’forma speċjali ta’ protezzjoni kontra l-imitazzjoni jew l-abbuż, l-intenzjoni hi li tħajjar lill-operaturi biex jipprovdu tali forom ta’ protezzjoni lil strumenti ta’ pagament maħruġa minnhom, u b’hekk jiżdied element ta’ prevenzjoni għall-istrument ta’ pagament.

(9)Miżuri effettivi u effiċjenti tal-liġi kriminali huma essenzjali għall-protezzjoni tal-mezzi ta’ pagament bi flus mhux kontanti kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. B’mod partikolari, hemm bżonn ta’ approċċ komuni mil-liġi kriminali fir-rigward tal-elementi kostitwenti ta’ mġiba kriminali li jikkontribwixxu jew iħejju t-triq għall-użu frodulenti effettiv tal-mezzi ta’ pagament. Imġiba bħall-ġbir u l-pussess ta’ strumenti ta’ pagament b’intenzjoni li titwettaq frodi, pereżempju permezz ta’ phishing jew skimming, u d-distribuzzjoni tagħhom, pereżempju permezz tal-bejgħ ta’ informazzjoni dwar karti ta’ kreditu fuq l-internet, jenħtieġ għalhekk li ssir reat kriminali fiha nfisha mingħajr ma tkun direttament marbuta mal-użu frodulenti effettiv ta’ mezzi ta’ pagament. Għalhekk tali mġiba kriminali jenħtieġ li tinkludi wkoll ċirkostanzi fejn il-pussess, l-akkwist jew id-distribuzzjoni ma jwasslux neċessarjament għall-użu frodulenti ta’ dawn l-istrumenti ta’ pagament, jekk it-trasgressur ikun konxju minn tali possibbiltà (dolus eventualis). Din id-Direttiva ma tissanzjonax l-użu leġittimu ta’ strument ta’ pagament, inkluż f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi innovattivi tal-pagament, bħal servizzi li spiss jiġu żviluppati minn kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja.

(10)Is-sanzjonijiet u l-pieni għall-frodi u għall-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi madwar l-Unjoni kollha.

(11)Huwa xieraq li jkunu previsti pieni aktar ħorox meta r-reat jitwettaq minn organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI 45 , jew fejn reat jitwettaq fuq skala kbira, u b’hekk ikun jinvolvi dannu estensiv jew konsiderevoli għall-vittmi jew vantaġġ aggregat għat-trasgressur ta’ mill-inqas EUR 20 000.

(12)Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li r-reati stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu pproċessati b’mod effettiv. B’mod ġenerali, ir-reati l-aħjar jiġu trattati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li iseħħu fih. L-Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom fuq reati mwettqa fit-territorju tagħhom, fuq reati mwettqa miċ-ċittadini tagħhom u fuq reati li jikkawżaw dannu fit-territorju tagħhom.

(13)Is-sistemi ta’ informazzjoni jisfidaw il-kunċett tradizzjonali ta’ territorjalità għaliex fil-prinċipju jistgħu jintużaw u jiġu kkontrollati mill-bogħod minn kullimkien. Fejn l-Istati Membri jasserixxu ġurisdizzjoni abbażi ta’ reati mwettqa fit-territorju tagħhom, jidher xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħhom jiġi vvalutat ukoll għal reati mwettqa bl-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni. F’każijiet bħal dawn il-ġurisdizzjoni jenħtieġ li tkopri sitwazzjonijiet fejn is-sistema ta’ informazzjoni tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru minkejja li t-trasgressur jista’ jkun jinsab barra minnu u sitwazzjonijiet fejn it-trasgressur ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru minkejja li s-sistema tal-informazzjoni tista’ tkun tinsab barra minnu.

(14)Hemm bżonn tiġi indirizzata l-kumplessità tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-effetti tar-reat f’ġurisdizzjoni differenti minn fejn tkun seħħet l-imġiba effettiva. Il-ġurisdizzjoni jenħtieġ għalhekk li tiġi asserita għal reati mwettqa minn trasgressuri irrispettivament min-nazzjonalità u mill-preżenza fiżika tagħhom, iżda fid-dawl ta’ kull dannu kkawżat minn tali mġiba fit-territorju tal-Istat Membru.

(15)Minħabba l-ħtieġa ta’ għodda speċjali għal investigazzjoni effettiva tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, u r-rilevanza tagħha għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri investigatorji li normalment jintużaw għal każijiet li jinvolvu kriminalità organizzata u kriminalità serja oħra biex jinvestigaw dawn ir-reati. B’kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-użu ta’ din l-għodda skont il-liġi nazzjonali jenħtieġ li tkun proporzjonat man-natura u mal-gravità tar-reati taħt investigazzjoni. Barra minn hekk, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet kompetenti oħra jenħtieġ li jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni rilevanti sabiex jinvestigaw u jipproċessaw ir-reati stabbiliti f’din id-Direttiva.

(16)F’ħafna każijiet, l-attivitajiet kriminali huma l-bażi ta’ inċidenti li jeħtieġ jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti skont id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 46 . Inċidenti bħal dawn jistgħu jiġu suspettati li jkunu ta’ natura kriminali anki jekk l-evidenza ta’ reat kriminali ma tkunx ċara biżżejjed mill-bidu nett. F’dan il-kuntest, l-operaturi ta’ servizzi essenzjali u l-fornituri ta’ servizzi diġitali jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu r-rapporti meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2016/1148 mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jissawwar rispons effettiv u komprensiv u biex jiġu ffaċilitati l-attribuzzjoni u responsabbiltà tat-trasgressuri għall-azzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ ambjent bla periklu, sigur u aktar reżiljenti teħtieġ rapportar sistematiku lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-inċidenti ssuspettati li huma ta’ natura kriminali serja. Barra minn hekk, fejn rilevanti, Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters maħtura skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/1148 jenħtieġ li jkunu involuti fl-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li jipprovdu informazzjoni, kif meqjus xieraq fil-livell nazzjonali, kif ukoll jipprovdu kompetenza esperta f’sistemi ta’ informazzjoni.

(17)Inċidenti serji ta’ sigurtà kif definiti fl-Artikolu 96 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 47 jista’ jkollhom oriġini kriminali. Fejn rilevanti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi r-rapporti li huma meħtieġa jippreżentaw lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/2366.

(18)Fil-livell tal-UE jeżistu għadd ta’ strumenti u mekkaniżmi li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex jinvestigaw u jipproċessaw reati. Biex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tiżgura li dawn l-istrumenti u mekkaniżmi jintużaw sal-limitu massimu tagħhom, din id-Direttiva jeħtieġ li ssaħħaħ l-importanza tal-punti operattivi ta’ kuntatt introdotti bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu min-netwerk eżistenti tal-punti ta’ kuntatt operattivi bħal dak stabbilit fid-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 . Għandhom jagħtu assistenza effettiva, pereżempju, jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti u l-għoti ta’ pariri tekniċi jew ta’ informazzjoni legali. Biex jiġi żgurat li n-netwerk jaħdem bla xkiel, kull punt ta’ kuntatt jeħtieġ li jkun jista’ jikkomunika malajr mal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat Membru ieħor. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera sinifikanti ta’ dan il-qasam ta’ kriminalità u b’mod partikolari, in-natura volatili tal-evidenza elettronika, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jittrattaw fil-pront it-talbiet urġenti minn dan in-netwerk ta’ punti ta’ kuntatt u jipprovdu rispons fi żmien tmien sigħat.

(19)Ir-rappurtar tar-reati mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet pubbliċi huwa ta’ importanza kbira fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, peress li ħafna drabi dan huwa l-punt tat-tluq tal-investigazzjoni kriminali. Għandhom jittieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu r-rappurtar minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu msejsin fuq tipi diversi ta’ azzjonijiet, inkluż dawk leġiżlattivi, bħall-obbligi tar-rappurtar ta’ suspett ta’ frodi, jew dawk mhux leġiżlattivi, bħat-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet jew mekkaniżmi li jiffavorixxu l-iskambju ta’ informazzjoni jew appoġġ għalihom, jew kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Kull miżura bħal din li tinvolvi l-ipproċessar ta’ dejta personali ta’ persuni fiżiċi jeħtieġ li ssir b’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 . B’mod partikolari, kull trażmissjoni ta’ informazzjoni rigward il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati li jirrigwardaw il-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari r-raġunijiet legali għall-ipproċessar.

(20)Il-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament jista’ jirriżulta f’konsegwenzi ekonomiċi u mhux ekonomiċi serji għall-vittmi. Meta frodi bħal din tinvolvi s-serq tal-identità, il-konsegwenzi tagħha huma ħafna drabi aggravati minħabba l-ħsara li ssir lir-reputazzjoni u l-ħsara emozzjonali serja. L-Istati Membri jeħtieġ li jadottaw miżuri ta’ assistenza, appoġġ u protezzjoni bil-għan li jittaffew dawn il-konsegwenzi.

(21)Persuni fiżiċi li jisfaw vittmi ta’ frodi b’rabta ma’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti għandhom drittijiet mogħtija skont id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 50 . L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri ta’ assistenza u appoġġ għal tali vittmi li jibnu fuq il-miżuri rikjesti mid-Direttiva 2012/29/UE iżda li jirreaġixxu b’mod aktar dirett għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ frodi relatata mas-serq tal-identità. Miżuri bħal dawn jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, appoġġ psikoloġiku speċjalizzat u pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji, prattiċi u legali, kif ukoll assistenza dwar kif wieħed jirċievi l-kumpens disponibbli. Informazzjoni speċifika u pariri dwar il-protezzjoni kontra l-konsegwenzi negattivi ta’ reati bħal dawn għandha tingħata lill-persuni ġuridiċi wkoll.

(22)Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi d-dritt ta’ persuni ġuridiċi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri għat-tressiq ta’ lmenti. Dan id-dritt huwa meħtieġ b’mod partikolari għall-intrapriżi 51 żgħar u ta’ daqs medju u jeħtieġ li jikkontribwixxi biex jinħoloq ambjent tan-negozju iktar favorevoli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-persuni fiżiċi diġà jibbenefikaw minn dan id-dritt skont id-Direttiva 2012/29/UE.

(23)L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u/jew isaħħu politiki għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, u miżuri biex jitnaqqas ir-riskju li jsiru vittmi ta’ tali reati, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni u programmi ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni.

(24)Hemm il-ħtieġa li tinġabar dejta komparabbli dwar ir-reati stabbiliti f’din id-Direttiva. Id-dejta rilevanti jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-aġenziji u korpi speċjalizzati kompetenti tal-Unjoni, bħall-Europol, f’konformità mal-kompiti u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom. L-għan ikun li tinkiseb stampa aktar kompleta tal-problema tal-frodi u tal-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-pagamenti fil-livell tal-Unjoni, u b’dan il-mod jingħata kontribut għat-tiswir ta’ rispons aktar effettiv. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-mandat tal-Europol u l-kapaċità li jipprovdu assistenza u appoġġ lill-investigazzjonijiet rilevanti, billi jibagħtu informazzjoni dwar il-modus operandi tat-trasgressuri lill-Europol għall-fini li jitwettqu analiżijiet strateġiċi u valutazzjonijiet tat-theddid tal-frodi u tal-iffalsifikar tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 . L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jiffaċilita fehim aħjar tat-theddid preżenti u futur u jgħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fit-twaqqif ta’ prijoritajiet strateġiċi u operattivi tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità u fl-implimentazzjoni operattiva ta’ dawk il-prijoritajiet.

(25)Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA. Billi l-emendi li jridu jsiru huma ta’ għadd u ta’ natura sostanzjali, id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA jenħtieġ li, fl-interessi ta’ ċarezza, tiġi sostitwita fl-intier tagħha fir-rigward tal-Istati Membri li huma marbutin b’din id-Direttiva,

(26)F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

JEW

(26)F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika [,permezz tal-ittra li ġġib id-data ta'…,] ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

JEW

(26)F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat [,permezz tal-ittra li ġġib id-data ta'…,] ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

U/JEW

(26)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhux qed jipparetċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

JEW

(26)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

JEW

(26)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jippareteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(27)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(28)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti jsiru soġġett għal pieni kriminali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li titjieb u tiġi mħeġġa kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi u l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(29)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod speċjali d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew punit darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li jiġi żgurat rispett sħiħ lejn dawn id-drittijiet u l-prinċipji u jenħtieġ li tiġi implimentata skont dan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:


TITOLU I: SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“strument ta’ pagament” tfisser apparat, oġġett, jew rekord protett, minbarra b’valuta legali, li, waħdu jew ma’ proċedura jew sett ta’ proċeduri, jippermetti lid-detentur jew lill-utent jittrasferixxi flus jew valur monetarju jew li jagħti bidu għal ordni ta’ pagament, inkluż permezz ta’ mezzi ta’ skambju diġitali;

(b)“apparat, oġġett jew rekord protett” tfisser apparat, oġġetti jew rekord protett kontra imitazzjoni jew użu frodulenti, pereżempju permezz ta’ disinn, kodiċi jew firma;

(c)“ordni ta’ pagament” tfisser ordni ta’ pagament kif iddefinita fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(d)“mezz ta’ skambju diġitali” tfisser kwalunkwe tip ta’ flus elettroniċi kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 , kif ukoll muniti virtwali;

(e)“muniti virtwali” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li la tinħareġ minn bank ċentrali jew minn awtorità pubblika, u lanqas ma neċessarjament hija marbuta ma’ muniti fiduċjarji, iżda li hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta’ pagament u tista’ tiġi trasferita, maħżuna jew negozjata b’mod elettroniku;

(f)“servizz ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament kif iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva UE 2015/2366;

(g)“utent ta’ servizzi ta’ pagament” servizz ta’ pagament; kif iddefinit fil-punt (10) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva UE 2015/2366;

(h)“kont ta’ pagament” tfisser kont ta’ pagament kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva UE 2015/2366

(i)“tranżazzjoni ta’ pagament’ tfisser tranżazzjoni ta’ pagmanet kif iddefinita fil-punt (5) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva UE 2015/2366;

(j)“pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ pagament u li jippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, fejn ma jkunx hemm kont ta’ pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ pagament jew tittrasferixxi munita virtwali;

(k)“benefiċjarju” tfisser benefiċjarju kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(l)“sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema tal-informazzjoni kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE;

(m)“dejta tal-kompjuter” tfisser dejta tal-kompjuter kif iddefinita fil-punt b tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/KE.


TITOLU II: REATI

Artikolu 3
L-użu frodulenti tal-istrumenti ta’ pagament

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jitwettqu intenzjonalment, l-atti li ġejjin ikunu punibbli bħala reat kriminali:

(a)l-użu frodulenti ta’ strument ta’ pagament misruq jew approprjat illegalment b’xi mod ieħor;

(b)l-użu frodulenti ta’ strument ta’ pagament falz jew iffalsifikat,

Artikolu 4
Reati preparatorji għall-użu frodulenti ta’ strumenti ta’ pagament

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jitwettqu intenzjonalment, l-atti li ġejjin ikunu punibbli bħala reat kriminali:

(a)is-serq jew l-approprjazzjoni illegali oħra ta’ strument ta’ pagament;

(b)l-iffalsifikar jew il-falsifikazzjoni ta’ strument ta’ pagament sabiex jintuża b’mod frodulenti;

(c)il-pussess, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, it-trasport, id-distribuzzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ apparat misruq jew approprjat illegalment b’mod ieħor, jew ta’ strument ta’ pagament falz jew iffalsifikat biex jintuża b’mod frodulenti.

Artikolu 5
Reati relatati ma’ sistemi ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għamil jew ikkawżar ta’ trasferiment ta’ flus, valur monetarju jew muniti virtwali sabiex jittieħed vantaġġ illegali għar-trasgressur jew għal terza persuna, ikun punibbli bħala reat kriminali, meta jitwettaq intenzjonalment permezz ta’:

(a)it-tfixkil jew l-interferenza mal-funzjonament ta’ sistema ta’ informazzjoni;

(b)l-introduzzjoni, it-tibdil, it-tħassir, it-trażmissjoni jew it-trażżin ta’ dejta tal-kompjuter,

Artikolu 6
Għodod li jintużaw għat-twettiq ta’ reati

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jitwettqu intenzjonalment għal skop frodulenti, il-produzzjoni, il-bejgħ, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mod ieħor ta’ apparat jew ta’ strument, ta’ dejta tal-kompjuter jew ta’ xi mezzi oħra speċifikament ddisinjati jew adattati għall-fini tat-twettiq ta’ xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 4(a) u (b) jew L-Artikolu 5, ikunu punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 7
Tixwix, għajnuna u kompliċità u tentattiv

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tixwix jew l-għajnuna u l-kompliċità fir-rigward ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jkun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 8
Pieni għal persuni fiżiċi

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 huma punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li r-reati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 huma punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikolu 6 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sentejn.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 jkunu punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas ħames snin jekk:

(a)isiru fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, kif definita fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, irrispettivament mill-pieni previsti f’dik id-Deċiżjoni;

(b)Jinvolvu dannu estensiv jew konsiderevoli jew vantaġġ aggregat ta’ mill-inqas EUR 20 000.

Artikolu 9
Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika;

(c)awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn xi persuna msemmija fil-paragrafu 1 li tkun ħalliet jitwettaq, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

3.Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu wettqu jew inċitaw, jew li jkunu kompliċi f’xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

Artikolu 10
Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 9(1) tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji jew għajnuna pubblika;

(b)l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

(c)it-tqegħid taħt sorveljanza tal-qorti;

(d)l-istralċ ġudizzjarju;

(e)l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat.


TITOLU III: ĠURISDIZZJONI U INVESTIGAZZJONI

Artikolu 11
Ġurisdizzjoni

1.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 fejn:

(a)ir-reat ikun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

(b)il-ħati huwa wieħed miċ-ċittadini tiegħu;

(c)ir-reat jikkawża ħsara fit-territorju tiegħu inkluża ħsara li tirriżulta mis-serq tal-identità ta’ persuna.

2.Meta jistabbilixxi ġurisdizzjoni skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, Stat Membru għandu jiżgura li għandu ġurisdizzjoni fejn:

(a)it-trasgressur ikun wettaq ir-reat meta kien fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu, kemm jekk ir-reat ikun sar permezz ta’ kompjuters jew sistema ta’ informazzjoni fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le;

(b)ir-reat ikun sar permezz ta’ kompjuters jew sistema ta’ informazzjoni fit-territorju tiegħu, kemm jekk it-trasgressur ikun wettaq ir-reat meta kien fiżikament preżenti fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le.

3.Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni fuq reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 li jkun sar barra mit-territorju tiegħu, inkluż fejn:

(a)it-trasgressur ikollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tiegħu;

(b)ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu;

(c)ir-reat ikun sar kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew kontra persuna li għandha r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu.

Artikolu 12
Investigazzjonijiet effettivi

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ikollhom miżuri investigatorji effettivi disponibbli, bħal dawk li jintużaw f’każijiet ta’ kriminalità organizzata jew f’każijiet oħra ta’ reati kriminali serji.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta liġi nazzjonali tobbliga lil persuni fiżiċi u ġuridiċi biex jippreżentaw informazzjoni dwar ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, tali informazzjoni tasal għand l-awtoritajiet li jkunu qed jinvestigaw jew jipproċessaw dawk ir-reati mingħajr dewmien żejjed.


TITOLU IV: SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI U RAPPORTAR TA’ REATI

Artikolu 13
Skambju ta’ informazzjoni

1.Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom punt ta’ kuntatt operattiv nazzjonali disponibbli 24 kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom proċeduri fis-seħħ sabiex jittrattaw minnufih talbiet urġenti għall-assistenza u l-awtorità kompetenti twieġeb fi żmien tmien siegħat minn meta tirċievi t-talba, billi tal-inqas tindika jekk hux ser ikun hemm tweġiba għat-talba, kif ukoll il-forma u ż-żmien stmat għal tali tweġiba. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn netwerks eżistenti ta’ punti ta’ kuntatt operattivi.

2.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, lill-Europol u lill-Eurojust dwar il-punt ta’ kuntatt maħtur tagħhom imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 14
Rappurtar ta’ reati

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli mezzi xierqa ta’ rappurtar sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra mingħajr dewmien bla bżonn.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdi l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lil persuni ġuridiċi oħra li joperaw fit-territorju tagħhom sabiex jirrapportaw mingħajr dewmien bla bżonn il-frodi suspettata lill-awtoritajiet kompetenti, bil-għan tad-detezzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija f’Artikoli 3 sa 7.


TITOLU V: ASSISTENZA LILL-VITTMI U PREVENZJONI

Artikolu 15
Assistenza u appoġġ lill-vittmi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li sofrew dannu minn reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, li jitwettqu billi jsir użu ħażin tad-dejta personali, jiġu offruti informazzjoni speċifika u pariri dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra l-konsegwenzi negattivi tar-reati, bħall-ħsara għar-reputazzjoni tagħhom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi li huma vittmi tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-Direttiva għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara l-ewwel kuntatt tagħhom mal-awtorità kompetenti, jiġu offruti informazzjoni dwar:

(a)il-proċeduri dwar kif isiru lmenti fir-rigward tar-reat u l-irwol tagħhom b’rabta ma’ proċeduri bħal dawn;

(b)il-proċeduri disponibbli biex isiru l-ilmenti, jekk l-awtorità kompetenti ma tirrispettax id-drittijiet tagħhom tul il-proċeduri kriminali;

(c)    id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom;

Artikolu 16
Prevenzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, inkluż permezz tal-Internet, bħal kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni ma’ partijiet kkonċernati, bil-għan li titnaqqas il-frodi inġenerali, tinħoloq sensibilizzazzjoni u jitnaqqas ir-riskju li persuni jisfaw vittmi ta’ frodi.


TITOLU
 VI: DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17
Monitoraġġ u statistika

1.Sa mhux aktar tard minn [3 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ din id-Direttiva. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, ser tinġabar id-dejta u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir, fil-kondiviżjoni u fl-analiżi tad-dejta u ta’ evidenza oħra.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta’ dejta statistika li tkejjel il-fażijiet ta’ rapportar, investigattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

3.Id-dejta statistika msemmija fil-paragrafu 2 għandha, bħala minimu, tkopri l-għadd ta’ reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 irrapportati lill-Istati Membri, u l-għadd ta’ persuni li jkunu ġew imħarrka u misjuba ħatja tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, kif ukoll id-dejta dwar il-funzjonament tal-fażijiet ta’ rapportar, investigattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw dawn ir-reati.

4.L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-dejta miġbura skont il-paragrafi 1, 2 u 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fuq bażi annwali jiġi ppubblikat rieżami konsolidat tar-rapporti statistiċi u jiġi ppreżentat lill-aġenziji u lill-korpi kompetenti speċjalizzati tal-Unjoni.

Artikolu 18
Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA

Id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawn l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 19
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [24 xahar mid-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 20
Evalwazzjoni u rapportar

1.Il-Kummissjoni għandha, sa [48 xahar wara d-dħul fis-seħħ], tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-rapport.

2.Il-Kummissjoni għandha, sa [96 xahar wara d-dħul fis-seħħ], twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 21
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ġurnal Uffiċjali L 149, 02.06.2001 p.1 .
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa,  COM(2015) 192 final . 
(3) Bank Ċentrali Ewropew “ Fourth report on card fraud ”, Lulju 2015 (l-aħħar dejta disponibbli).
(4) Aktar dettalji hawn .
(5) It-terminu taġixxi bħala kurrier ta’ flus miksuba illegalment jindika persuna li tittrasferixxi r-rikavat tal-kriminalità bejn pajjiżi differenti. Kurriera ta’ flus miksuba illegalment jirċievu r-rikavat fil-kont tagħhom; imbagħad jintalbu jiġbdu l-flus u jittrasferuhom f’kont differenti, ħafna drabi wieħed barrani, u jżommu ftit mill-flus għalihom.
(6) Europol, Situation Report: Payment Card Fraud in the European Union , 2012.
(7) IATA , 2015.
(8) Il-Kummissjoni Ewropea, Special Eurobarometer 423 — Cyber Security, Frar 2015.
(9) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Impact Assessment accompanying the Proposal for a Directive on combating fraud and counterfeiting of non-cash means of payment, SWD(2017)298.
(10) Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185).
(11) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri
(12) Att tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea
(13) Id-Direttiva 2014/41/UE tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali
(14) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal pieni finanzjarji
(15) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali.
(16) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali
(17) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI
(18) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI.
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja
(20) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2016 dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju.
(21) Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI.
(22) L-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, tindika li “ċ-ċiberkriminalità ġeneralment tirreferi għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali differenti fejn il-kompjuters u s-sistemi tal-informazzjoni jkunu involuti jew bħala għodda primarja jew bħala mira primarja. Iċ-ċiberkrimaniltà tinkludi reati tradizzjonali (pereż. frodi, falsifikazzjoni u serq ta’ identità), reati relatati mal-kontenut (pereż. distribuzzjoni onlajn ta’ pedopornografija jew inċitament għall-mibiegħda razzjali) u reati speċifiċi fuq kompjuters u sistemi tal-informazzjoni (pereż. attakki kontra sistemi tal-informazzjoni, ċaħda ta' servizz u softwer malizzjuż).”
(23) Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185). Id-Direttiva 2013/40 tikkorrispondi għall-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni, filwaqt li inizjattiva ġdida tkun tikkorrispondu għall-Artikoli 7 u 8 tal-Konvenzjoni
(24) Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà — Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur .
(25) Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI.
(26) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE.
(27) Id-Direttiva 2015/849/UE tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE.
(28) Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE.
(29) Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006.
(30) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE
(31) Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009.
(32) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni.
(33) Ara l- websajt tal-Europol
(34) Aktar informazzjoni tinsab hawn .
(35) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Impact Assessment accompanying the Proposal for a Directive on combating fraud and counterfeiting of non-cash means of payment, SWD(2017)298.
(36) Aktar informazzjoni dwar il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar hija disponibbli hawn .
(37) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Impact Assessment accompanying the Proposal for a Directive on combating fraud and counterfeiting of non-cash means of payment, SWD(2017)298.
(38) Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni Ewropea – Opinjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt – Il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, SEC(2017)390.
(39) COM(2016) 450 final .
(40) Phishing huwa metodu li l-frodaturi jużaw biex jaċċessaw dettalji personali importanti, bħal usernames u passwords. L-aktar metodu komuni huwa email li tidher li tkun ġejja minn kumpanija magħrufa sew u fdata li tintbagħat lil lista kbira ta’ indirizzi tal-email. L-email tista’ tidderieġi lir-riċevitur lejn Sit web qarrieqi, fejn jintalab jipprovdi informazzjoni personali.
(41) It-terminu “taġixxi bħala kurrier ta’ flus miksuba illegalment” jindika persuna li tittrasferixxi r-rikavat tal-kriminalità bejn pajjiżi differenti. Kurriera ta’ flus miksuba illegalment jirċievu r-rikavat fil-kont tagħhom; imbagħad jintalbu jiġbdu l-flus u jittrasferuhom f’kont differenti, ħafna drabi wieħed barrani, u jżommu ftit mill-flus għalihom (ActionFraudUK, 2017). Xi drabi jkunu jafu li l-fondi huma rikavati minn attività kriminali; xi drabi jiġu mqarrqa biex jemmnu li l-fondi huma ġenwini.
(42) Il-pharming hija prattika qarrieqa fejn jiġi installat kodiċi malizzjuż fuq kompjuter personali jew server, li jibgħat lill-utenti f’siti Web frodulenti mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tagħhom.
(43) ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42 .
(44) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA tat-28 ta' Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1)
(45) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).
(46) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
(47) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(48) Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).
(49) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(50) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(51) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(52) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(53) Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
Top