EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0469

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand

COM/2017/0469 final

Brussell, 13.9.2017

COM(2017) 469 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand

{SWD(2017) 289 final}
{SWD(2017) 290 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

·Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha relazzjonijiet politiċi eċċellenti u relazzjonijiet maturi fil-kummerċ u l-investiment ma’ New Zealand ibbażati fuq valuri kondiviżi ta’ demokrazija u drittijiet tal-bniedem. New Zealand ikkonkludiet għadd ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTA) ma’ pajjiżi oħra. L-UE ma għandhiex FTA bilaterali ma’ New Zealand u dan iħalli lill-impriżi tal-UE komparattivament b’kundizzjonijiet inqas favorevoli għall-aċċess tas-suq ta’ New Zealand.

Id-dikjarazzjoni Konġunta tad-29 ta’ Ottubru 2015 1 mill-mexxejja tal-UE u New Zealand impenjaw ruħhom li jibdew il-proċess għal negozjati biex jintlaħaq malajr FTA profond u komprensiv ta’ kwalità għolja.

L-objettiv ewlieni għall-proposta huwa li jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għal aktar żieda fil-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u New Zealand. L-objettivi ġenerali ta’ din il-proposta huma:

·promizzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz tal-espansjoni tal-kummerċ;

·il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u xogħol u benefiċċji soċjali;

·żieda fil-benefiċċji għall-konsumatur;

·titjieb il-kompetittività tal-Ewropa fis-swieq globali; kif ukoll

·it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ ma’ sieħeb tal-istess fehma.

Dan huwa konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” 2 . Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li mmexxu ‘l quddiem ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna biex noħolqu l-impjiegi u t-tkabbir billi jiġu indirizzati l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment b’mod komprensiv. Fl-istess ħin, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali tal-UE u li jikkontribwixxi għal għanijiet oħra ta’ politika relatati mal-kummerċ, inkluż l-iżvilupp sostenibbli u l-ħtiġijiet speċjali ta’ Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SME).

B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, enfasizzat li "L-Awstralja u n-New Zealand huma sħab mill-qrib tal-Ewropa, jaqsmu l-valuri u fehmiet tal-Ewropa dwar bosta kwistjonijiet, u jaqdu rwol importanti fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku u f’ambitu multilaterali. Rabtiet ekonomiċi aktar qawwija ma’ dawn il-pajjiżi se jipprovdu wkoll pjattaforma solida għal integrazzjoni aktar profonda b’katini ta’ valur usa’ tal-Asja-Paċifiku. It-tisħiħ ta’ dawn ir-relazzjonijiet għandu jkun prijorità.”

Barra minn hekk, l-għanijiet huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-21 ta’ Novembru 2014 3 li ssottolinjaw li l-kummerċ fl-oġġetti, servizzi u investiment jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jinkisbu l-għanijiet fil-qalba tal-“Aġenda Strateġika għall-Unjoni fi żminijiet ta’ bidla”. Il-konklużjonijiet iddikjaraw ukoll li, abbażi tal-progress tanġibbli li sar fl-aġenda bilaterali tal-UE dwar il-kummerċ, għandhom jiġu ddedikati sforzi biex isiru ftehimiet mas-sħab ewlenin. Bl-istess mod, dan l-għan huwa wkoll konformi mal-konklużjoni tal-Kunsill dwar il-kummerċ u l-investiment, tas-27 ta’ Novembru 2015 4 , li appoġġjaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment ta’ benefiċċju reċiproku li huma ambizzjużi u komprensivi u jistieden lill-Kummissjoni biex tavvanza n-negozjati fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku.

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

L-għanijiet imsemmija hawn fuq huma kompletament konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li fih hemm minqux li l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali 5 .

Dawn l-objettivi huma wkoll konsistenti mal-Komunikazzjoni “Ewropa 2020 - Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” 6 li stipulat li l-istrateġija Ewropea għall-kummerċ se tinkludi “proposti għal djalogi strateġiċi ta’ livell għoli ma' sħab ewlenin, biex issir diskussjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi li jvarjaw mill-aċċess għas-suq, il-qafas regolatorju, l-iżbilanċi globali, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, l-aċċess għal materja prima, il-faqar globali, sal-edukazzjoni u l-iżvilupp”.

L-objettivi huma wkoll konsistenti b’mod sħiħ mal-objettivi stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” 7 (2008) u “Negozju Żgħir, Dinja Kbira” 8 (2011). L-appoġġ għall-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs barra l-UE huwa integrat ukoll fl-istrateġija ġenerali tal-UE għall-kompetittività, kif deskritta fil-qosor fil-Komunikazzjoni “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” 9 (2014).

L-objettivi huma wkoll konformi mal-prinċipji stabbiliti fit-TUE li jistipula li jenħtieġ li kull politika u azzjoni tal-UE jkollha l-għan li "tikkonsolida u tappoġġa d-drittijiet tal-bniedem 10 u "li tgħin sabiex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi miżmuma u mtejba l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali globali" 11 .

L-objettivi huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, l-għanijiet huma konsistenti mal-prijorità tal-Kummissjoni Juncker biex l-Ewropa terġa’ taqbad tikber u żżid l-għadd ta’ impjiegi mingħajr ma jinħoloq dejn ġdid, il-"Pjan ta’ Investiment" (jew "Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) 12 kif ukoll prijoritajiet speċifiċi stabbiliti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 13 .

Din ir-rakkomandazzjoni tikkonċerna ftehim li jkopri l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-akkwist pubbliku u tal-investiment dirett barrani, flimkien ma' akkumpanjament ta' regoli li jittrattaw, pereżempju, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Deskrizzjoni tal-kwistjoni ta’ konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika hija disponibbli fit-taqsima ta’ hawn fuq dwar “Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika”.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

L-Artikoli 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklussiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta' kompetenza esklussiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tat-TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali skont, fost l-oħrajn, l-Artikolu 207 TFUE.

·Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għażliet ta’ politika raġonevoli kollha ġew ikkunsidrati sabiex jiġu vvalutati l-effetti possibbli ta’ dawn l-interventi ta’ politika, kif deskritt fid-dettall fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt.

·Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni kienet involuta b’mod attiv mas-sħab interessati u wettqet konsultazzjoni pubblika 14 komprensiva onlajn biex tiġbor fehmiet dettaljati rigward ir-relazzjonijiet futuri kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u New Zealand 15 .

Il-konsultazzjoni pubblika onlajn kienet miftuħa mill-11 ta’ Marzu sat-3 ta’ Ġunju 2016. Din tnediet fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u tpoġġiet fuq il-websajt “EU Survey” (il-portal tal-konsultazzjonijiet pubbliċi onlajn tal-Kummissjoni). Il-partijiet interessati kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-UE kienu mistiedna biex iwieġbu l-mistoqsijiet li jkopru firxa wiesgħa ta’ temi dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u n-New Zealand.

Il-Kummissjoni rċeviet 108 tweġibiet mingħand firxa wiesgħa ta’ dawk li wieġbu. Sommarju tat-tweġibiet huwa inkluż fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt u t-tweġibiet individwali ġew ippubblikati sakemm il-parteċipant ma indikax mod ieħor.

·Ġbir u użu tal-kompetenzi

Konsulent estern kien ukoll assenjat biex iwettaq analiżi ex-ante fuq l-impatti potenzjali ta’ xenarji previsti għall-FTA.

Il-Kummissjoni kienet ukoll f’kuntatt ma’ diversi partijiet interessati li taw il-fehmiet tagħhom dwar l-aċċess għas-suq speċifiku u ostakoli oħrajn għall-kummerċ li huma jiffaċċjaw fir-relazzjoni ta’ kummerċ u investiment tagħhom ma’ New Zealand.

·Valutazzjonijiet tal-impatt

Għalkemm il-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt, li jkopri l-kummerċ, l-investiment u kwistjonijiet oħra, kien usa' mir-Rakkomandazzjoni preżenti, il-konklużjonijiet tagħha għadhom validi fir-rigward ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt u s-sommarju eżekuttiv li jakkumpanjah u l-opinjoni pożittiva b’riżervi tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju se jiġu ppubblikati.

Barra minn hekk għall-valutazzjoi tal-impatt, l-impatti ekonomiċi, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali tal-FTA se jiġu eżaminati f'Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibilità indipendenti, li se titwettaq minn konsulenti esterni. Il-Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà se ssir b’mod parallel man-negozjati tal-FTA u se tiddependi fuq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, b’mod partikolari s-soċjetà ċivili. Il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà se tiġi ffinalizzata qabel l-inizjalar tal-FTA u s-sejbiet tagħha se jitqiesu fil-proċess ta’ negozjar.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-SMEs għandhom jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda ta’ negozju u jaraw iffrankar mill-FTA minħabba l-liberalizzazzjoni, qafas legali mtejjeb, proċeduri doganali mtejba u aktar trasparenza regolatorja. Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt fih informazzjoni dettaljata dwar l-impatti potenzjali fuq il-partijiet interessati u s-setturi ekonomiċi.

·Drittijiet fundamentali

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt jindirizza l-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali taħt aspetti soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem.

L-FTA għandu jinkludi kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli skont il-politika tal-UE stabbilita.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-FTA se jkollu impatt negattiv limitat fuq il-baġit tal-UE fil-forma ta’ dazji doganali minħabba l-liberalizzazzjoni tat-tariffi. Huwa mistenni li jkun hemm impatti pożittivi indiretti f’termini ta’ żidiet f’riżorsi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-introjtu nazzjonali gross.

5.ELEMENTI OĦRA

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

F’konformità mal-impenn magħmul fil-Komunikazzjoni tal-2015 “Kummerċ għal kulħadd” se jkun hemm evalwazzjoni ex post fil-fond tal-effetti tal-FTA konkluż ma’ New Zealand meta dan ikun ilu fis-seħħ għal biżżejjed żmien biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ dejta sinifikanti. Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt fih informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni previsti.

   Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux applikabbli

·Aspetti proċedurali

Il-Kummissjoni se tinnegozja f’isem l-UE.

F’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE, huwa ssuġġerit li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaħtar il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali bħala l-kumitat li f'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati.

Il-Parlament Ewropew se jinżamm informat fl-istadji kollha tal-proċedura, f'konformità mal-Artikolu 218 (10) TFUE.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar fi stadju bikri mal-parlamenti tagħhom dwar in-negozjati kummerċjali f’konformità mal-prattiki istituzzjonali tagħhom. Hija tħeġġeġ lill-Membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu l-istess fir-rigward ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill b’kont meħud tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE 16 .

Il-Kummissjoni se tinforma lil New Zealand dwar ir-regoli interni tal-UE għat-trasparenza u l-aċċess mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għad-dokumenti ta' negozjati.

Il-Kummissjoni tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u d-Dokument mehmuż magħha pubblika immedjatament wara l-adozzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi tan-negozjati jkunu disponibbli għall-pubbliku immedjatament wara li jiġu adottati.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

BILLI n-negozjati għandhom jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand.

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjar huma stipulati fid-Dokument Mehmuż.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-15-5947_en.htm  
(2) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/october/tradoc_153846.pdf  
(3) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/145908.pdf  
(4) http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/fac/2015/11/st14688_en15_pdf/
(5) Il-paragrafu 2 (e) tal-Artikolu 21 TUE.
(6) http://ec.europa.eu/eu2020/pdf/COMPLET%20EN%20BARROSO%20%20%20007%20-%20Europe%202020%20-%20EN%20version.pdf  
(7) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52008DC0394
(8) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/ALL/?uri=CELEX:52011DC0702
(9) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52014DC0014
(10) Il-paragrafu 2 (b) tal-Artikolu 21 TUE.
(11) Il-paragrafu 2 (f) tal-Artikolu 21 TUE.
(12) http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_mt.htm
(13) https://ec.europa.eu/info/publications/work-programme-commission-key-documents-2017_en
(14) http://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=195
(15) Il-konsultazzjoni pubblika onlajn kopriet ukoll ir-relazzjoni ekonomika u kummerċjali futura bejn l-UE u l-Awstralja
(16) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013D0488  
Top

Brussell, 13.9.2017

COM(2017) 469 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' New Zealand

{SWD(2017) 289 final}
{SWD(2017) 290 final}


DOKUMENT MEHMUŻ

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA' FTEHIM TA' KUMMERĊ ĦIELES MA' NEW ZEALAND

A.    NATURA U AMBITU TAL-FTEHIM

Il-Ftehim għandu jkunu fih esklussivament dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-investiment dirett barrani u oqsma relatati applikabbli bejn il-partijiet.

Il-Ftehim għandu jkun ambizzjuż, komprenżiv u konsistent għal kollox mar-regoli u mal-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). In-negozjati għandhom jitwettqu u jitlestew b'kunsiderazzjoni għall-impenji tad-WTO. Il-Ftehim għandu jkollu livell għoli ta’ ambizzjoni li jmur lil hinn mill-impenji eżistenti tad-WTO.

Il-Ftehim għandu jipprevedi l-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ fl-oġġetti u fis-servizzi, u tal-investiment dirett barrani. Se jkun fih regoli dwar oqsma oħra marbuta mal-kummerċ biex jiffaċilita jew jirregola dan il-kummerċ u l-investiment dirett barrani. L-impenji kollha skont il-Ftehim isiru bil-ħsieb li jkollhom impatt dirett u immedjat fuq il-kummerċ u fejn rilevanti, fi ħdan ir-regoli komuni tal-UE.

Il-Ftehim għandu jinkludi obbligazzjonijiet fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet u l-entitajiet applikabbli kollha taż-żewġ partijiet fil-Ftehim.

B.    KONTENUT PROPOST TAL-FTEHIM

Preambolu, il-Prinċipji Ġenerali

Il-preambolu għandu jfakkar li s-sħubija ma' New Zealand hija bbażata fuq prinċipji u valuri komuni kif riflessi fil-Ftehim ta' Sħubija Ġdid tal-2016 bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC). Il-Ftehim għandu jkun parti mill-qafas globali tar-relazzjoni politika u istituzzjonali stipulat fil-PARC.

Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni bilaterali tal-kummerċ u tal-investiment dirett barrani, il-Ftehim għandu, fost l-oħrajn, jirreferi għal:

·il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE;

·L-impenn tal-partijiet għal żvilupp sostennibbli u l-kontribut tal-kummerċ internazzjonali għall-iżvilupp sostennibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, inkluż l-iżvilupp ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar, l-okkupazzjoni sħiħa u produttiva u xogħol diċenti għal kulħadd, il-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali;

·L-impenn tal-partijiet li jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mis-sħubija fid-WTO;

·L-impenn tal-partijiet li jtejbu l-benessri tal-konsumaturi permezz ta' politiki li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u saħħa ekonomika;

·Id-dritt li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, li jiksbu objettivi ta' politika pubblika leġittimi bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sigurtà, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

·L-objettiv li l-Ftehim għandu joħloq qafas ġdid għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet u fuq kollox għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment dirett barrani;

·L-objettiv kondiviż tal-partijiet li jqisu l-isfidi partikolari li jaffrontaw l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) meta jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment dirett barrani;

·L-impenn tal-partijiet li jikkomunikaw mal-partijiet interessati rilevanti kollha inkluż is-settur privat u l-organizzazzjonijiet/ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Objettivi

Il-Ftehim għandu jikkonferma l-objettiv li jiġi liberalizzat progressivament u reċiprokament u sostanzjalment il-kummerċ kollu fl-oġġetti u s-servizzi u l-investiment dirett barrani, f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO, speċjalment l-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-GATT) u l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dawr il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

Il-Ftehim għandu jiżgura livell għoli ta' aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku, u għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (IPR) marbuta mal-kummerċ, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-kooperazzjoni fl-oqsfa tekniċi u regolatorji.

Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi li l-iżvilupp sostennibbli huwa objettiv globali tal-partijiet u għandu jiżgura u jiffaċilita r-rispett tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent u dawk soċjali u tal-istandards internazzjonali biex jippromwovi l-kummerċ. L-iżvilupp sostennibbli għandu jitqies fil-ftehim kollu u jkopri kemm il-kwistjonijiet soċjali kif ukoll ambjentali. Il-Ftehim għandu jiżgura li l-partijiet ma jinkoraġixxux il-kummerċ jew l-investiment dirett barrani billi jnaqqsu l-leġiżlazzjoni u l-istandards domestiċi dwar l-ambjent, ix-xogħol jew is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jew billi jnaqqsu l-istandards jew il-liġijiet fundamentali tax-xogħol li għandhom l-għan li jipproteġu u jippromwovu d-diversità kulturali.

Kummerċ fl-Oġġetti

Dazji fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u miżuri mhux tariffarji

L-għan tal-Ftehim huwa li jiżgura l-ogħla grad possibbli ta' liberalizzjoni kummerċjali. Il-Ftehim għandu jkopri sostanzjalment il-kummerċ kollu fl-oġġetti bejn il-partijiet. It-tariffi fuq il-biċċa l-kbira tal-linji għandhom jiġu eliminati mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. L-għan tal-Ftehim għandu jkun li jitneħħew id-dazji u t-tariffi fuq l-importazzjonijiet li għandhom l-istess effett fuq iż-żewġ partijiet, bħala regola ġenerali sa mhux aktar minn seba' snin. L-eċċezzjonijiet għandhom jinżammu minimi u l-aktar prodotti sensittivi għandhom ikunu koperti minn dispożizzjonijiet speċifiċi. Pereżempju xi prodotti agrikoli li għalihom għandhom jitqiesu kwoti tar-rati tariffarji, perjodu tranżizzjonali itwal jew arranġamenti oħra.

In-negozjati fuq it-tnaqqis fit-tariffi għandhom isiru fuq il-bażi tad-dazji applikati mill-erga omnes tal-UE fid-data tat-tnedija tan-negozjati u tad-dazji applikati mill-erga omnes ta' New Zealand fid-data tat-tnedija tan-negozjati.

Id-dazji dogonali kollha jew it-taxxi fuq l-esportazzjonijiet jew kwalunkwe miżura b'effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti u ma għandhomx jiddaħħlu oħrajn ġodda.

Regoli tal-oriġini

Ir-regoli tal-oriġini u d-dispożizzjonijiet li jipprevedu kooperazzjoni amministrattiva għandhom ikunu jiffaċilitaw il-kummerċ u jkunu aktar sempliċi u għandhom iqisu r-regoli tal-oriġini preferenzjali standard tal-UE u l-interessi tal-produtturi tal-UE.

Miżuri kontra l-frodi

Fil-Ftehim għandu jkun hemm klawżola dwar il-kooperazzjoni amministrattiva mtejba u miżuri xierqa li l-partijiet jistgħu jieħdu meta jiġu stabbiliti nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet dogonali, irregolaritajiet jew frodi.

Ġestjoni tal-iżbalji amministrattivi

Għandhom ikunu inklużi wkoll dispożizzjonijiet biex tiġi eżaminata b'mod konġunt il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri xierqa f'każ ta' żbalji magħmula mill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tar-regoli preferenjali tal-oriġini.

Faċilitazzjoni dogonali u tal-kummerċ

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-partijiet, filwaqt li jiżguraw kontrolli effettivi. Għal dan il-għan il-Ftehim għandu jinkludi kummenti dwar ir-regoli, ir-rekwiżiti, il-formalitajiet u l-proċeduri tal-partijiet relatati mal-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tranżitu. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Dogonali u l-Assistenza Reċiproka inzijalat bejn l-UE u New Zealand jew l-emendi li jistgħu jsiru fih fil-futur.

Il-Ftehim għandu jippromwovi l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni effettivi tar-regoli u tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-dwana u proċeduri oħra marbuta mal-kummerċ, fosthom dispożizzjonijiet tad-WTO, il-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO u strumenti tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Konvenzjoni ta' Kyoto riveduta.

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prassi, b'rabta ma' oqsma partikolari ta' interess reċiproku. Dawn l-oqsma jistgħu jinkludu kwistjonijiet bħall-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, dokumentazzjoni standardizzata, klassifikazzjoni tat-tariffi, trasparenza, rikonoxximent reċiproku u kooperazzjoni bejn l-aġenziji.

Il-Ftehim għandu jippromwovi l-konverġenza fil-faċilitazzjoni tal-kummerċ billi jibbaża fuq standards u strumenti internazzjonali kif xieraq.

Il-Ftehim għandu jippromwovi l-infurzar effettiv u effiċjenti tal-IPR mill-awtoritajiet tad-dwana fuq l-oġġetti kollha taħt il-kontroll tad-dwana.

Il-Ftehim għandu jqis, fid-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-isfidi tal-SMEs filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi kollha.

Il-Ftehim għandu jimmira li jistabbilixxi Protokoll dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Dogonali, li jkopri l-assitenza f'investigazzjonijiet dogonali kontra l-frodi (fosthom assistenza fuq talba, assistenza spontanja u l-kunfidenzjalità) jew alternattivament il-Ftehim għandu jirreferi għall-Protokoll tal-Ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar il-Kooperazzjoni Dogonali u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka.

Ostakli nontariffarji

Il-Ftehim għandu jindirizza kwistjonijiet regolatorji marbuta mal-kummerċ u l-ostakli nontariffarji (ONT) Il-Ftehim għandu għalhekk jipprojbixxi kwalunkwe projbizzjoni, restrizzjoni jew ONT oħra fuq il-kummerċ, li ma tkunx iġġustifikata mill-eċċezzjonijiet ġenerali stabbiliti hawn taħt, u li jkunu jistgħu jsarrfu f'mezzi arbitrarji ta' diskriminazzjoni jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn il-partijiet. Għandha tingħata prijorità lid-dispożizzjonijiet u lill-proċeduri li għandhom jiġu inklużi biex ikun żgurat li jitneħħew l-ostakli nontariffarji mhux iġġustifikati fuq il-kummerċ. Il-Ftehim għandu wkoll jipprevedi proċeduri xierqa biex jipprevjeni ONT u ostakli oħra bla ħtieġa fuq il-kummerċ. Il-Ftehim għandu wkoll jindirizza r-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni.

L-ONT speċifiċi għal xi prodott għandhom jissolvew fuq bażi ta' talba u offerta, b'mod parallel ma' skambji fuq konċessjonijiet tariffarji. Minħabba l-importanza li l-objettivi tal-Ftehim jiżdiedu u biex jitjieb l-aċċess għas-suq fuq livell ogħla minn dak li jippermettu r-regoli orizzontali, il-Ftehim għandu jinkludi impenji speċifiċi skont is-settur fuq l-ONT.

Dan il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-intrapriżi kummerċjali tal-istat, billi jivvaluta kwalunkwe distorsjoni possibbli fuq il-kompetizzjoni u l-ostkali għall-kummerċ li dawn jistgħu joħlqu.

Regolamenti, standards u proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità tekniċi

Minn barra li jikkonfermaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, il-partijiet għandhom ukoll jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jibbażaw fuq u jikkumplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq ta' xulxin.

Il-Ftehim għandu jkun fih għadd ta' prinċipji ġenerali (bħall-proporzjonalità, l-ebda restrizzjoni bla bżonn, it-trasperenza, in-nondiskriminazzjoni) u dispożizzjonijiet li jibnu fuq ir-regoli tad-WTO u jikkumplimentawhom. Fost l-oħrajn, l-għanijiet għandhom jinkludu dejjem aktar trasparenza, il-promozzjoni ta' prassi regolatorja tajba, l-adozzjoni ta' standards internazzjonali rilevanti, sforz lejn il-kompattibbiltà u l-konverġenza tar-regolamenti tekniċi fuq il-bażi ta' standards internazzjonali, is-simplifikazzjoni tal-ittestjar u tar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, permezz pereżempju tal-applikazzjoni ta' approċċ abbażi tar-riskju għall-valutazzjoni tal-konformità (inkluż l-applikazzjoni u l-awtoċertifikazzjoni f'setturi fejn dan huwa possibbli u xieraq) u dispożizzjonijiet li jimmiraw lejn il-kompattibbiltà tar-rekwiżit tal-ittestjar f'għadd ta' setturi ta' prijorità u l-promozzjoni tal-użu tal-akkreditazzjoni.

Il-Ftehim għandu jkun fih dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu d-disseminazzjoni tal-informazzjoni mal-importaturi u l-esportaturi.

In-negozjati għandhom jindirizzaw ir-relazzjoni bejn il-Ftehim u l-Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku eżistenti bil-għan li jtejbu l-implimentazzjoni tiegħu u jwasslu għall-kooperazzjoni aktar effiċjenti.

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS)

Il-partijiet għandhom jibnu fuq u jmorru lil hinn mill-Ftehim tad-WTO fuq il-miżuri SPS, bl-objettiv li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq ta' xulxin filwaqt li jipproteġu l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, tal-bhejjem u tal-pjanti. Il-kapitolu tal-SPS għandu jkopri kwistjonijiet bħat-trasparenza, il-proporzjonalità, id-dewmien bla bżonn, l-armonizzazzjoni, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza u miżuri alternattivi, ir-reġjonalizzazzjoni, il-kontroll, il-proċeduri tal-ispezzjonijiet u tal-approvazzjoni, l-awditi, il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet, il-miżuri tal-emerġenza, l-approvazzjoni tal-istabbilimenti mingħajr spezzjoni minn qabel, iħares lejn l-applikazzjoni tal-proċessi tal-awtorizzazzjoni mal-UE kollha (entità waħda), il-kooperazzjoni regolatorja, il-kooperazzjoni mtejba fuq ir-resistenza antimikroba u l-ħolqien ta' mekkaniżmu li jindirizza b'ħeffa kwistjonijiet kummerċjali speċifiċi marbuta mal-miżuri SPS.

In-negozjati għandhom isegwu d-dispożizzjonijiet tad-direttivi tan-negozjar adottati mill-Kunsill fl-20 ta' Frar 1995 (id-dokument tal-Kunsill 4976/95). In-negozjati għandhom jindirizzaw ir-relazzjoni bejn il-Ftehim u l-Ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar il-miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u tal-prodotti tal-annimali, filwaqt li jippriżervaw il-kontenut tiegħu u jipporvdu għal kooperazzjoni effikaċi.

Il-benessri tal-annimali

Il-Ftehim għandu jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambji kontinwi fuq il-benessri tal-annimali, ħalli ssir diskussjoni fost l-oħrajn dwar impenji possibbli dwar l-ekwivalenza tal-benessri tal-annimali bejn il-partijiet.

Salvagwardji

Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola dwar il-miżuri ta' salvagwardja li tgħid li kull parti tista' tieħu miżuri xierqa f'konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu XIX tal-GATT 1994 jew il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Il-Ftehim għandu jipprevedi wkoll li dawn il-miżuri ta' salvagwardja għandu jkollhom l-inqas effett ta' distorsjoni fuq il-kummerċ bilaterali.

Sabiex jimmassimizza l-impenji lejn il-liberalizzazzjoni u sabiex jiżgura protezzjoni kollha meħtieġa, filwaqt li jqis l-ispeċifikazzjonijiet tas-setturi sensittivi, il-Ftehim għandu fil-prinċipju jkun fih klawżola ta' salvagwardja bilaterali li permezz tagħha kwalunkwe parti tkun tista' tneħħi, totalment jew parzjalment, preferenzi fejn żieda fl-importazzjonijiet ta' prodott mingħand il-parti l-oħra tkun qed tikkawża jew thedded li tikkawża ħsara serja lill-industrija domestika tagħha.

Miżuri antidumping u kompensatorji

Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola dwar miżuri antidumping u kompensatorji li tgħid li kull parti tista' tieħu miżuri xierqa kontra d-dumping u/jew ta' kumpens għal sussidji f'konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 jew il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. Il-Ftehim għandu wkoll jintegra impenji li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, f'konformità mar-regoli tal-UE u ma' ftehimiet preċedenti.

Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi li l-pagamenti mill-kaxxa l-ħadra mhumiex distorsivi għall-kummerċ u għalhekk fil-prinċipju ma għandhomx ikunu fil-mira ta' miżuri antidumping jew antisussidji.

Kummerċ fis-Servizzi, Investiment Dirett Barrani u Kummerċ Diġitali

F'konformità mal-Artikolu V tal-GATS, il-Ftehim għandu jkollu kopertura settorjali sostanzjali u għandu jkopri l-modi kollha tal-forniment. Il-Ftehim ma għandu jkollu l-ebda esklużjoni a priori mill-ambitu tiegħu, ħlief bl-esklużjoni tas-servizzi awdjoviżivi, mill-impenji tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-investiment u servizzi pprovduti u attivitajiet magħmula fl-eżerċizzju tal-awtorità governattiva. In-negozjati għandhom jimmiraw lejn il-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ fis-servizzi u l-investiment dirett barrani billi jeliminaw ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali, lil hinn mill-impenji tad-WTO tal-Partijiet u l-offerti sottomessi fil-kuntest tan-negozjati tal-Ftehim tal-Kummerċ fis-Servizzi. Il-Ftehim għandu jinkludi regoli dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni marbuta mal-investiment dirett barrani.

Aktar minn hekk, il-Ftehim għandu jkun fih dixxiplini regolatorji. Għal dak il-għan, in-negozjati għandhom ikopru kwistjonijiet bħal:

·Dispożizzjonijiet regolatorji dwar it-trasparenza u r-rikonoxximent reċiproku;

·Dispożizzjonijiet orizzontali fuq ir-regolamentazzjoni domestika, bħal dawk li jiżguraw l-imparzjalità u l-proċess ġust fir-rigward tal-liċenzjar u r-rekwiżiti u l-proċedimenti tal-kwalifikazzjoni; u

·Dispożizzjonijiet regolatorji għal setturi speċifiċi fosthom is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta’ konsenja u s-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

Fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni dejjem tiżdied tal-kummerċ, in-negozjati għandhom jirriżultaw f'regoli li jkopru l-kummerċ u l-flussi transfruntiera tad-dejta, il-fiduċja elettronika u s-servizzi tal-awtentifikazzjoni, il-komunikazzjoni diretta mhux mitluba ta' kummerċjalizzazzjoni, u jindirizzaw it-talbiet mhux ġustifikati ta' dejta ta' lokalizzazzjoni, filwaqt li la jinnegozjaw u lanqas ma jaffettwaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta personali tal-UE.

Il-Ftehim jista' jinkludi impenji proċedurali għad-dħul u s-soġġorn ta' persuni fiżiċi għal skopijiet ta' negozju skont l-impenji tal-Partijiet fil-Modulu 4. Mandankollu, xejn fil-Ftehim ma għandu jżomm lill-Partijiet milli japplikaw il-liġijiet, ir-regolamentazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali tagħhom dwar id-dħul u s-soġġorn, sakemm, meta jagħmlu dan ma jinnullifikawx jew ma jxekklux il-benefiċċji li jirriżulatw mill-Ftehim. Il-liġijiet, ir-regoli u r-rekwiżiti li jeżistu fl-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol għandhom jibqgħu japplikaw.

Il-Ftehim għandu jirriaffirma d-dritt li tiġi rregolata l-attività ekonomika fl-interess pubbliku biex jiksbu objettivi ta' politika pubblika leġittimi bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sigurtà, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali. Il-kwalità għolja tas-servizzi pubbliċi tal-UE għandha tiġi ppriżervata skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari mal-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali, u għandhom jitqiesu r-riżervi tal-UE f'dan il-qasam, inkluż il-GATS.

Moviment Kapitali u Pagamenti

Il-Ftehim għandu l-għan li jneħħi r-ristrezzjonijiet fuq il-pagamenti kurrenti u l-movimenti kapitali marbuta ma’ tranżazzjonijiet liberalizzati minn dan il-Ftehim, u jinkludi klawżola ta' status quo. Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet ta' salvagwardja u ta' konċessjoni (pereż. dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja u l-bilanċ tal-pagamenti), li għandhom ikunu skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali

Il-Ftehim għandu jikkumplimenta u jibni fuq il-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPs), bil-għan li jiżgura livell adegwat u effettiv ta' protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

Il-kapitolu tal-IPR għandu jkopri suġġetti, bħad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, trademarks, disinn, privattivi, drittijiet tal-varjetà tal-pjanti, informazzjoni mhux żvelata inkluż is-sigrieti kummerċjali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u l-infurzar imsaħħaħ. Il-Ftehim għandu jimmira li jtejjeb l-effikaċja tal-infurzar tal-IPR, inkluż fl-ambjent diġitali u fuq il-fruntiera (inkluż l-esportazzjonijiet).

Il-Ftehim għandu jistabbilixxi mekkaniżmi xierqa ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet biex isostni l-implimentazzjoni tal-kapitolu tal-IPR, kif ukoll bħala djalogu regolari dwar il-proprjetà intelletwali biex jippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-progress leġiżlattiv rispettiv, l-iskambju tal-esperjenzi tal-infurzar u l-konsultazzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi.

Mingħajr preġudizzju għad-diskuzzjonijiet multilaterali rilevanti f'dan ir-rigward, in-negozjati għandhom jesploraw il-kwistjoni tar-riżorsi ġenetiċi, l-għarfien tradizzjonali u l-folklor.

Indikazzjonijiet ġeografiċi

Il-Ftehim għandu jipprovdi protezzjoni diretta, permezz tal-Ftehim, lil-lista ta' IĠ (inbejjed, spirti, prodotti argrikoli u affarijiet tal-ikel), f'livell għoli ta' protezzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tat-TRIPs, inkluż l-evokazzjoni, l-infurzar imsaħħaħ, il-koeżistenza ma' trademarks "bona fede" preċedenti, il-protezzjoni kontra ġeneriċi sussegwenti u l-possibbiltà li jiżdiedu IĠ ġodda. Kwistjonijiet dwar drittijiet individwali preċedenti marbuta mal-varjetajiet tal-pjanti, it-trademarks, użi ġeneriċi jew oħrjan leġittimi preċedenti, għandhom jiġu indirizzati. Barra minn dan, in-negozjati se jinkludu arranġamenti dwar il-protezzjoni tal-IGs fi swieq ta' pajjiżi terzi.

Akkwist Pubbliku

Abbażi tal-impenji tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA), il-Ftehim għandu jimmira lejn aċċess komprenżiv u mtejjeb għas-suq tal-akkwist pubbliku. Dan għandu jinkludi kopertura komprensiva u aċċettabbli għaż-żewġ naħat ta' akkwisti pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern, tal-entitajiet tal-kuruna, intrapriżi tal-istat u impriżi bi drittijiet speċjali jew esklussivi, u l-akkwist pubbliku ta' oġġetti, servizzi u xogħolijiet pubbliċi. Meta jagħmlu hekk, il-partijiet jirrikonoxxu l-partikolaritajiet u s-sensittivitajiet tal-ambjent tal-akkwist pubbliku rispettiv tagħhom. Il-Ftehim għandu jqis ukoll li jkopri l-impenji għal sħubijiet pubbliċi privati / konċessjonijiet f'konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva f'dan il-qasam. Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali sabiex jiżguraw trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti lil fornituri ta' oġġetti jew servizzi stabbiliti lokalment.

L-impenji proċedurali għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli, il-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti fil-GPA tad-WTO. B'mod partikolari, l-impenji għandhom jiżguraw proċess ġust (bħal jinkludu mekkaniżmi effettivi ta' rieżami) u trasparenza fl-akkwist kopert. Għandha titqies lingwa speċifika dwar it-trasparenza sabiex tkun żgurata ċ-ċarezza dwar l-applikabbiltà tar-regoli tal-akkwist u dwar l-opportunitajiet ta' akkwist li jkun hemm sabiex in-negozji jkollhom informazzjoni disponnibli b'mod faċli.

Kummerċ u Kompetizzjoni

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni li jindirizzaw ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-infurzar tagħhom.

Il-Ftehim għandu jkun fih dispożizzjonijiet dwar is-sussidji. Barra minn dan għandu wkoll jindirizza l-Intrapriżi tal-Istat, il-monopolji deżignati u l-intrapriżi li ngħatawlhom drittijiet jew privileġġi speċjali.

Intrapriżi żgħar u medji

Il-Ftehim għandu jinkludi kapitolu speċifiku dwar l-SMEs. Il-Ftehim għandu jgħin lill-SMEs jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kummerċjali li se jinħolqu mill-Ftehim, inkluż permezz ta' qsim ta' informazzjoni dwar ir-rekwiżit tal-aċċess għas-suq u struttura istituzzjonali xierqa.

Kummerċ u Żvilupp Sostennibbli

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aspetti tax-xogħol u l-aspetti ambjentali tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostennibbli, li huma ta' rilevanza fil-kuntest kummerċjali u tal-investiment dirett barrani. Għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippromwovu l-aderenza ma' prinċipji u regoli rilevanti miftiehma internazzjonalment u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, inkluż l-istandards fundamentali tax-xogħol u l-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u ftehimiet ambjentali multilaterali fosthom dawk marbuta mat-tibdil fil-klima.

Il-Ftehim għandu jafferma mill-ġdid id-dritt tal-partijiet li jirregolaw il-qasam tax-xogħol u l-qasam ambjentali, b'mod konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħhom u skont livelli għolja ta' protezzjoni. Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet biex il-livelli ta' protezzjoni tax-xogħol u ambjentali ma jitbaxxewx biex jgħinu l-kummerċ u l-invetsiment dirett barrani. Dan għandu jinkludi impenn li ma jingħatawx derogi mill-infurzar tal-liġijiet domestiċi tax-xogħol u ambjentali jew li dawn il-liġijiet ma jiġux infurzati.

Il-Ftehim għandu jippromwovi kontribuzzjoni akbar mill-kummerċ u mill-investiment dirett barrani lejn l-iżvilupp sostennibbli, inkluż billi jindirizza oqsma bħall-faċilitazzjoni tal-kummerċ f'oġġetti u f'servizzi ambjentali u li ma jagħmlux ħsara lill-klima, u l-promozzjoni ta' skemi volontarji ta' żgurar tas-sostennabbiltà u tar-responsabbiltà korporattiva u soċjali, b'rispett għall-istrumenti rikonoxxuti internazzjonalment.

Il-Ftehim għandu jkun fih ukoll impenji li jippromwovu l-kummerċ fir-riżorsi naturali miksuba legalment u ġestiti b'mod sostennibbli, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-biodiversità, il-ħajja selvaġġa, il-prodotti tal-forestrija, is-sajd u jkopri l-istrumenti u l-prassi internazzjonali rilevanti. Għandu jippromwovi wkoll il-kummerċ li jiffavorixxi l-iżvilupp b'emissjonijiet baxxi u reżiljenti għall-klima.

Il-Ftehim għandu jipprevedi dispożizzjonijiet adattati għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll proċeduri li jindirizzaw kwalunkwe tilwim li jqum bejn il-partijiet, u għandu jipprevedi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

Enerġija u Materja Prima

Il-Ftehim għandu jinkludi diżpożizzjonijiet li jindirizzaw l-aspetti tal-enerġija u tal-materja prima relatati mal-kummerċ u mal-investiment dirett barrani. Il-Ftehim għandu jimmira lejn li jiżgura ambjent kummerċjali miftuħ, nondiskriminatorju u prevedibbli u lejn li jillimita l-prassi antikompetittivi f'dan il-qasam. Il-Ftehim għandu wkoll jinkludi regoli li jsostnu u jippromwovu aktar il-kummerċ u l-investiment dirett barrani fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Il-Ftehim għandu wkoll isaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq.

Trasparenza tar-Regolamenti

Il-Ftehim għandu jkun fih dispożizzjonijiet dwar:

·Il-pubblikazzjoni, inkluż li l-miżuri ta' applikazzjoni ġenerali jkunu disponibbli għall-pubbliku, b'mod nondiskriminatorju u b'biżżejjed ħin għall-kummenti dwar il-proposti ta' miżuri ta' applikazzjoni ġenerali.

·Mistoqsijiet u punti ta' kuntatt, b'mekkaniżmi biex iwieġbu għall-mistoqsijiet mingħand partijiet interessati dwar miżuri propsoti jew fis-seħħ.

·Procedimenti amministrattivi bbażati fuq il-liġi u skontha, li jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-operat ta' miżuri ta' applikazzjoni ġenerali tkun disponibbli għall-persuni interessati u tingħata biżżejjed opportunità lil dawk milquta mill-proċediment biex jippreżentaw opinjonijiet qabel ma tittieħed xi azzjoni amministrattiva finali.

·Opportunitajiet xierqa biex azzjoni amministrattiva fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim tiġi rieżaminata u appellata.

·Promozzjoni tar-regolamentazzjoni tal-kwalità u tal-prassi amministrattiva tajba.

Kooperazzjoni regolatorja

Il-Ftehim għandu jinkludi dixxiplini trażversali dwar il-koerenza regolatorja u t-trasparenza għall-iżvilupp, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' regolamenti effiċjenti, kosteffikaċi u aktar kompatibbli biex jiffaċilitaw il-kummerċ. Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni, użu aħjar ta' prassi regolatorji tajbin, u kooperazzjoni regolatorja msaħħa.

Għal dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat jekk għandhomx jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja f'xi oqsma speċifiċi, u jekk għandhomx jiddaħħlu mekkaniżmi biex jiġu identifikati ostakli potenzjali ħalli jiġu indirizzati permezz tal-kooperazzjoni regolatorja.

Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finali

Għandha tiġi stabbilita rabta ċara legali u istituzzjonali bejn il-Ftehim u l-PARC. Dan għandu jiżgura koerenza esterna b'mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza, l-applikazzjoni, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi.

Il-Ftehim għandu joħloq korp ġenerali speċifiku biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jistgħu jinħolqu kumitati jew gruppi ta' ħidma fuq oqsma speċifiċi skont il-bżonn u dawn għandhom joperaw skont qafas tal-korp ġenerali.

Soluzzjoni tat-Tilwim u l-Medjazzjoni

Il-Ftehim għandu jinkludi mekkaniżmu effettiv u vinkolanti biex jissolva t-tilwim bi proċedura mħaffa, partikolarment għall-kompożizzjoni tal-bord u għat-twettiq tal-proċedimenti tal-bord. Il-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun trasparenti, miftuħ u innovattiv. Għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal mekkaniżmu tal-medjazzjoni flessibbli u rapidu.

Eċċezzjonijiet ġenerali

Il-Ftehim għandu jinkludi eċċezzjonijiet ġenerali, applikabbli għall-partijiet rilevanti tal-Ftehim, inkluż dwar is-sigurtà, il-bilanċ tal-pagamenti, is-superviżjoni prudenzjali u t-tassazzjoni.

Lingwi awtentiċi

Il-Ftehim, li għandu jkun awtentiku bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, għandu jinkludi klawżola dwar il-lingwa għal dak l-għan.

Kwistjonijiet oħrajn

Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi l-importanza tal-kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u jsostni l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur, inkluż fl-ambjent diġitali.

Wara l-analiżi mill-Kummissjoni u qabel il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali u skont it-Trattati tal-UE, il-Ftehim jista' jinkludi dispożizzjonijiet addizzjonali dwar il-kummerċ u r-relazzjoni ekonomika fejn, matul in-negozjati jiġi espress interess reċiproku li jsir hekk.

Waitangi

Il-Ftehim għandu jindirizza l-obbligazzjonijiet tal-gvern ta' New Zealand marbuta mat-Trattat ta' Waitangi. F'dan ir-rigward, kwalunkwe miżura meħuda skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex tintuża bħala mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata kontra persuni min-naħa l-oħra jew bħala restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi u l-investiment dirett barrani.

Top