EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0555

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nindirizzaw il-kontenut illegali online Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online

COM/2017/0555 final

Brussell, 28.9.2017

COM(2017) 555 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nindirizzaw il-kontenut illegali online

Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online


1.Introduzzjoni

1 Il-pjattaformi online huma xprunaturi importanti tal-innovazzjoni u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali. Ippermettew aċċess bla preċedent għall-informazzjoni u l-iskambju kif ukoll opportunitajiet ġodda tas-suq, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Il-pjattaformi online jipprovdu wkoll il-punt ta' aċċess ewlieni għall-informazzjoni u kontenut ieħor għal ħafna min-nies fuq l-internet tal-lum, kemm permezz tal-magni tat-tiftix, in-netwerks soċjali, is-siti tal-mikroblogging kif ukoll fil-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-vidjows. Dan l-aħħar il-mudelli kummerċjali tal-pjattaformi evolvew ukoll lejn rabtiet iktar mill-qrib bejn l-utenti u l-kontenut – b'mod partikolari għar-reklamar immirat. Dawn il-pjattaformi jgħaqqdu biljuni ta' utenti ma' kwantitajiet vasti ta' kontenut u informazzjoni u jipprovdu servizzi innovattivi liċ-ċittadini u lill-impriżi.

2 Madankollu, it-tixrid sinifikanti ta' kontenut illegali li jista' jittella' u b'hekk anki li jiġi aċċessat online jqajjem tħassib serju li jitlob rispons qawwi u effettiv. Kulma huwa illegali offline huwa illegali online wkoll. Inċitament għat-terroriżmu, taħdit ksenofobiku u razzista li pubblikament jinċita l-mibegħda u l-vjolenza kif ukoll il-materjal relatat mal-abbuż sesswali tat-tfal huma illegali fl-UE. Iż-żieda fid-disponibbiltà online ta' materjal relatat mat-terroriżmu u t-tixrid ta' tali kontenut huma theddida serja għas-sigurtà u s-sikurezza kif ukoll għad-dinjità tal-vittmi. L-Unjoni Ewropea wieġbet għal dan it-tħassib b'għadd ta' miżuri. Madankollu, il-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali online jirrappreżentaw sfida urġenti li trid tindirizza s-soċjetà diġitali llum.

3 4 Imħasseb minħabba sensiela ta' attakki terroristiċi fl-UE u l-proliferazzjoni tal-propaganda terrorista, il-Kunsill Ewropew tat-22–23 ta' Ġunju 2017 iddikjara li huwa "jistenna li l-industrija ... tiżviluppa teknoloġija u għodod ġodda li jtejbu l-kxif awtomatiku u t-tneħħija ta' kontenut li jinċita atti terroristiċi. Dan għandu jiġi kkomplementat bil-miżuri leġislattivi rilevanti fil-livell tal-UE, jekk meħtieġ". Dawn is-sejħiet ittennew b'dikjarazzjonijiet maħruġa mill-mexxejja tal-G7 u l-G20 fis-summits reċenti tagħhom. B'mod simili, il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pjattaformi online ta' Ġunju 2017 ħeġġeġ lil dawn il-pjattaformi sabiex "jsaħħu l-miżuri li jindirizzaw kontenut illegali u ta' ħsara" filwaqt li talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

Dawn il-pjattaformi online li permezz tagħhom isir l-aċċess għall-kontenut tal-parti l-kbira tal-utenti tal-internet jerfgħu responsabbiltà soċjetali sinifikanti rigward il-protezzjoni tal-utenti u tas-soċjetà inġenerali u l-prevenzjoni tal-isfruttar tas-servizzi tagħhom minn persuni kriminali u oħrajn involuti f'attivitajiet illegali online. L-ispazji diġitali miftuħa ipprovduti minnhom m'għandhomx isiru art fertili għal, pereżempju, terrur, diskors ta' mibegħda illegali, abbuż tat-tfal jew traffikar ta' bnedmin, jew spazji li jevadu l-istat tad-dritt. Huwa ċar li t-tixrid ta' kontenut illegali online jista' jdgħajjef il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-ambjent diġitali, iżda jista' jhedded ukoll l-iżvilupp ekonomiku ulterjuri ta' ekosistemi ta' pjattaformi u tas-Suq Uniku Diġitali. Ikun tajjeb li l-pjattaformi online jżidu l-azzjonijiet tagħhom b'mod sinifikanti biex jindirizzaw din il-problema, bħala parti mir-responsabbiltà inerenti fir-rwol ċentrali tagħhom fis-soċjetà.

Il-battalja kontra l-kontenut illegali online trid tiġi miġġielda permezz ta' salvagwardji xierqa u b'saħħithom li jiżguraw il-protezzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali f'riskju. Minħabba r-rwol aktar u aktar importanti fil-provvista ta' aċċess għall-informazzjoni, il-pjattaformi online għandhom ukoll rwol prinċipali x'jaqdu fl-ilħuq ta' dan il-bilanċ. Jenħtieġ li l-ġlieda kontra l-kontenut illegali online fi ħdan l-UE tibni fuq azzjonijiet tal-UE fil-livell globali u tqishom ukoll.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi sett ta' linji gwida u prinċipji għall-pjattaformi online għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali online 5 f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-Istati Membri u ma' partijiet interessti oħra relevanti. Timmira li tiffaċilita u tintensifika l-implimentazzjoni ta' prattiki tajba għall-prevenzjoni, il-kxif, it-tneħħija u l-imblukkar ta' kontenut illegali sabiex ikunu żgurati t-tneħħija effikaċi ta' kontenut illegali, it-trasparenza miżjuda u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali online. Timmira wkoll li tipprovdi kjarifiki lill-pjattaformi rigward ir-responsabbiltà tagħhom meta jieħdu passi proattivi għall-kxif, it-tneħħija jew l-imblukkar ta' kontenut illegali (l-hekk imsejħa azzjonijiet "tas-Samaritan it-Tajjeb").

2.Kuntest

6 7 8 9 L-Unjoni Ewropea diġà wieġbet għall-isfida tal-kontenut illegali online, b'miżuri kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti. Dan ir-rispons permezz ta' politiki jinkludi d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-miżuri proposti fil-kuntest tar-riforma tad-drittijiet tal-awtur u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

10 11 12 13 14 15 16 17 Dawn il-miżuri leġiżlattivi eżistenti u proposti ġew ikkomplementati minn firxa ta' miżuri mhux leġiżlattivi bħall-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Ġlieda Kontra d-Diskors ta’ Mibegħda Illegali online, il-ħidma tal-Forum tal-UE dwar l-Internet rigward il-propaganda terrorista, il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar is-sorveljanza tas-suq ta’ prodotti mibjugħa online, il-bejgħ online ta' prodotti tal-katina tal-ikel, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, il-gwida dwar id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali jew l-azzjonijiet konġunti tal-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan in-Netwerk ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. L-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal hija inizjattiva ta' awtoregolamentazzjoni mmirata għat-titjib tal-ambjent online għat-tfal u ż-żgħażagħ, minħabba r-riskji ta' esponiment għal materjal bħall-kontenut vjolenti jew ta' sfruttament sesswali, jew għall-bullying fuq l-internet.

18 Fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-2016 u l-2017, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-pjattaformi online jaġixxu b'mod aktar responsabbli u jżidu l-isforzi ta' awtoregolamentazzjoni madwar l-UE għat-tneħħija ta' kontenut illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wkoll impenjat ruħha li ttejjeb il-koordinazzjoni tad-diversi djalogi speċifiċi għas-setturi mal-pjattaformi u li tesplora l-ħtieġa ta' gwida dwar proċeduri formali ta' avviż u azzjoni. Dan irid isir f'sinerġija ma', u mingħajr preġudizzju għal, djalogi diġà għaddejjin u xogħol imniedi f'oqsma oħra, bħal pereżempju fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u fil-qasam tal-diskors ta’ mibegħda illegali.

19 20 21 22 Rapporti reċenti dwar xi wħud minn dawn l-inizjattivi speċifiċi għas-setturi wrew li sar ċertu progress. Rigward il-każ tad-diskors ta’ mibegħda illegali, rapporti ta' Ġunju 2017 indikaw żieda fit-tneħħijiet minn 28 fil-mija għal 59 fil-mija minn kampjun ta' kontenut innotifikat madwar xi pajjiżi tal-UE tul perjodu ta' sitt xhur, iżda ġew innutati differenzi sinifikanti bejn il-pjattaformi. Tul l-istess perjodu, ġie rreġistrat ukoll ċertu titjib rigward kemm issir malajr it-tneħħija, għalkemm 28 fil-mija tat-tneħħijiet damu ġimgħa biex saru. Dan juri li approċċ mhux regolatorju jista' jipproduċi ċerti riżultati, b'mod partikolari meta jiġi applikat flimkien ma' miżuri li jiżguraw l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi kkonċernati. Fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet li jindirizza kontenut terroristiku, madwar 80-90 fil-mija tal-kontenut immarkat mill-Europol tneħħa minn mindu tnieda. Fil-kuntest tal-materjal li jinvolvi abbuż sesswali tat-tfal, diġà fl-2015, is-sistema ta' hotlines INHOPE rrappurtat effiċjenza rigward it-tneħħija ta' 91% fi żmien 72 siegħa, filwaqt li 1 minn 3 oġġetti tneħħew fi żmien 24 siegħa.

Id-diversi djalogi speċifiċi għas-setturi li għaddejjin żvelaw ukoll ammont sinifikanti ta' xebh madwar is-setturi differenti rigward il-proċeduri li jirregolaw il-kxif, l-identifikazzjoni, it-tneħħija u l-prevenzjoni tat-tlugħ mill-ġdid tal-materjal imneħħi. Dawn is-sejbiet ġew inkorporati fil-Komunikazzjoni preżenti.

23 Fil-livell tal-UE, il-qafas legali ġenerali għat-tneħħija ta' kontenut illegali huwa d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li fost l-oħrajn tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom pjattaformi online jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għal kontenut illegali li jilqgħu madwar is-Suq Uniku Diġitali.

24 25 26 Kontenut illegali fuq pjattaformi online jista' jiġi pproliferat b'mod partikolari permezz ta' servizzi online li jippermettu li jittella' kontenut ta' partijiet terzi. Tali servizzi ta' 'hosting' huma, taħt ċerti kundizzjonijiet, koperti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Dan l-artikolu jistabbilixxi li l-fornituri ta' servizzi ta' ospitar ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta' partijiet terzi, bil-kundizzjoni li (a) ma jkollhomx tagħrif ta' attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta' ħsarat, ma jkunux konxji tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti u (b), malli jakkwistaw it-tagħrif jew meta jsiru konxji, jaġixxu mingħajr dewmien biex ineħħu jew iwaqqfu l-aċċess għall-informazzjoni. Fl-istess ħin, id-Direttiva għandha "tikkostitwixxi l-bażi xierqa għall-iżvilupp ta' proċeduri mħaffa u ta' min jorbot fuqhom għat-tneħħija u ż-żamma ta' aċċess għal informazzjoni illegali".

Barra minn hekk, l-Artikolu 15 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponi"obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-[Artikolu 14], li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali." Fl-istess ħin, il-Premessa 47 tad-Direttiva tfakkar li dan jikkonċerna biss obbligi ta' monitoraġġ ta' natura ġenerali u "ma jkoprix awtomatikament obbligi ta' monitoraġġ f'każ speċifiku u, b'mod partikolari, ma jaffettwax ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali."

F'dan il-kuntest, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar il-pjattaformi online, il-Kummissjoni impenjat ruħha li żżomm reġim tar-responsabbiltà ibbilanċjat u prevedibbli għal pjattaformi online, bħala qafas regolatorju ewlieni li jappoġġja l-innovazzjoni diġitali madwar is-Suq Uniku Diġitali.

Il-gwida f'din il-Komunikazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-acquis tal-UE u tirrelata mal-attivitajiet tal-pjattaformi online, u b'mod partikolari għas-servizzi ta' hosting ipprovduti minn dawk il-pjattaformi 27 bit-tifsira tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, u tkopri l-kategoriji kollha ta' kontenut illegali.

Bħalissa fl-UE ma jeżistix approċċ armonizzat u koerenti rigward it-tneħħija ta' kontenut illegali. Tabilħaqq, hawn approċċi differenti fl-UE li jiddependu mill-Istati Membri, il-kategorija ta' kontenut jew it-tip ta' pjattaforma online. Approċċ aktar allinjat kieku jagħmel il-ġlieda kontra l-kontenut illegali aktar effikaċi. Kien ikun ta' benefiċċju wkoll għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali u jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità ma' għadd kbir ta' regoli għall-pjattaformi online, inkluż għal min jidħol ġdid.

28 Ta' min wieħed jenfasizza li dan il-qafas legali ma jiddefinixxix, aħseb u ara kemm jarmonizza, id-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi kontenut "illegali". X'inhu illegali jiġi ddeterminat kemm minn leġiżlazzjoni speċifika fil-livell tal-UE u kemm mil-liġi nazzjonali. Filwaqt li, pereżempju, in-natura, il-karatteristiċi u l-ħsara marbuta mal-materjal relatat mat-terroriżmu, id-diskors ta’ mibegħda illegali jew il-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal jew dawk relatati mat-traffikar ta' bnedmin huma differenti ħafna meta mqabbla mal-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew ir-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti, prattiċi kummerċjali illegali online jew attivitajiet online ta' natura malafamanti, dawn it-tipi kollha ta' kontenut illegali jaqgħu taħt l-istess qafas legali komprensiv stabbilit mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Barra minn hekk, minħabba x-xebh sinifikanti fil-proċess ta' tneħħija ta' dawn it-tipi differenti ta' kontenut, din il-Komunikazzjoni tkopri l-firxa kollha ta' kontenut illegali online, filwaqt li tagħti lok għal differenzi speċifiċi għas-setturi fejn ikun xieraq u ġġustifikat.

Fl-UE, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, huma kompetenti biex iwettqu l-prosekuzzjoni ta' reati u jimponu sanzjonijiet kriminali fil-qafas ta' proċess dovut tal-liġi relatat mal-illegalità ta' ċerta attività jew informazzjoni online. Fl-istess ħin, il-pjattaformi online huma intitolati jipprevjenu milli l-infrastruttura u n-negozju tagħhom jintużaw għat-twettiq ta' reati, għandhom responsabbiltà ta' protezzjoni tal-utenti tagħhom u ta' prevenzjoni ta' kontenut illegali fil-pjattaformi tagħhom, u normalment ikunu fil-pussess tal-mezzi tekniċi biex jidentifikaw u jneħħu tali kontenut. Dan huwa importanti aktar u aktar billi l-pjattaformi online investew bil-kbir biex jiżviluppaw teknoloġiji elaborati għall-ġbir proattiv ta' informazzjoni dwar il-kontenut li qed jiċċirkola fl-infrastruttura tagħhom u dwar l-imġiba tal-utenti. Filwaqt li d-deċiżjonijiet rapidi dwar it-tneħħija ta' kontenut illegali huma importanti, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu applikati salvagwardji xierqa. Dan jitlob ukoll bilanċ tar-rwoli bejn il-korpi pubbliċi u dawk privati.

Il-linji gwida u l-prinċipji stipulati f'din il-Komunikazzjoni għalhekk jimmiraw mhux biss lejn il-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali; huma maħsuba biex jindirizzaw ukoll it-tħassib rigward it-tneħħija ta' kontenut legali, li ġieli tissejjaħ tneħħija żejda (‘over-removal’) u li min-naħa tagħha taffettwa l-libertà ta' espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja. Għaldaqstant, ikun tajjeb li wieħed jipprovdi għal salvagwardji adegwati u jadattahom għat-tip speċifiku ta' kontenut illegali li jkun.

29 Bla dubju hemm tħassib ta' interess pubbliku dwar kontenut li mhux neċessarjament huwa illegali, iżda potenzjalment huwa ta' ħsara, bħall-aħbarijiet foloz jew kontenut ta' ħsara għall-minuri. Madankollu, il-fokus ta' din il-Komunikazzjoni huwa fuq il-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali.

3.Il-kxif u n-notifika ta' kontenut illegali 

L-għan ta' din it-taqsima huwa li tispjega x'jenħtieġ li jagħmlu l-pjattaformi online, l-awtoritajiet kompetenti u l-utenti sabiex il-kontenut illegali jinkixef malajr u b'mod effiċjenti.

Il-pjattaformi online jistgħu jsiru konxji tal-eżistenza ta' kontenut illegali b'għadd ta' modi differenti, permezz ta' kanali differenti. Kanali ta' notifikazzjoni bħal dawn jinkludu (i) ordnijiet tal-qorti jew deċiżjonijiet amministrattivi, (ii) avviżi jew minn awtoritajiet kompetenti (pereżempju korpi tal-infurzar tal-liġi), notifikaturi speċjalizzati ("trusted flaggers") jew utenti normali, jew (iii) permezz ta' investigazzjonijiet imwettqa mill-pjattaforma jew l-għarfien tagħha stess.

B'żieda mal-obbligi ġuridiċi li joriġinaw mil-liġi tal-UE u dik nazzjonali u l-'obbligu ta' diliġenza' tagħhom fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom, jentħieġ li l-pjattaformi online jiżguraw ambjent online sikur għall-utenti, ostili għall-isfruttament kriminali u ieħor illegali, li jiskoraġġixxi wkoll attivitajiet kriminali u attivitajiet oħra ta' ksur online.

4.Qrati u awtoritajiet kompetenti

30 Skont il-liġi tal-UE u/jew dik nazzjonali, il-qrati nazzjonali u, f'ċerti każijiet, awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu inġunzjonijiet vinkolanti jew deċiżjonijiet amministrattivi indirizzati lill-pjattaformi online li bihom jobbligawhom ineħħu kontenut illegali jew jimblukkaw l-aċċess għalih. 

Billi t-tneħħija rapida ta' materjal illegali ta' spiss hija essenzjali sabiex jiġi limitat tixrid u ħsara usa', jenħtieġ li l-pjattaformi online jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet rapidi rigward azzjonijiet possibbli b'rabta mal-kontenut illegali online mingħajr ma jintalbu jagħmlu dan abbażi ta' inġunzjoni jew deċiżjoni amministrattiva, b'mod partikolari f'każijiet fejn awtorità tal-infurzar tal-liġi tidentifika kontenut allegatament illegali u tgħarrafhom bih. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-pjattaformi online jimplimentaw salvagwardji adegwati, meta jdaħħlu fis-seħħ ir-responsabbiltajiet tagħhom f'dan ir-rigward, bil-għan li jiggarantixxu d-dritt tal-utenti għal rimedju effettiv.

31 Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pjattaformi online jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jifhmu l-oqfsa legali li fihom joperaw. Jenħtieġ ukoll li jikkooperaw mill-qrib ma' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u oħrajn kompetenti fejn jixraq, b'mod partikolari billi jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu kkuntattjajti b'mod rapidu u effikaċi dwar talbiet għat-tneħħija bla dewmien ta' kontenut illegali u, fejn jixraq, sabiex iwissu s-servizzi tal-infurzar tal-liġi b'sinjali ta' attività kriminali online. Sabiex jiġu evitati l-isforzi u l-avviżi doppji, li jnaqqsu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess tat-tneħħija, ikun tajjeb li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u kompetenti oħrajn jagħmlu kull sforz sabiex jikkooperaw ma' xulxin dwar id-definizzjoni ta' interfaċċi diġitali effikaċi li jiffaċilitaw is-sottomissjoni rapida u affidabbli ta' avviżi u sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni u r-rappurtar effiċjenti ta' kontenut illegali. L-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt mill-pjattaformi u mill-awtoritajiet huwa essenzjali għall-funzjonament xieraq ta' tali kooperazzjoni.

32 Rigward il-kontenut terroristiku, ġiet stabbilita Unità ta’ Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) fi ħdan l-Europol, fejn esperti tas-sigurtà jivvalutaw u jindikaw lill-pjattaformi online kontenut terroristiku (filwaqt li xi Stati Membri għandhom l-IRUs nazzjonali tagħhom stess).

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jtejbu sistematikament il-kooperazzjoni tagħhom ma' awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, filwaqt li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati jkunu f'pożizzjoni jirreaġixxu b'mod effikaċi kontra l-kontenut illegali online, kif ukoll kooperazzjoni (transfruntiera) aktar b'saħħitha bejn awtoritajiet.

Jenħtieġ li l-pjattaformi online u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u oħrajn kompetenti jaħtru punti ta' kuntatt effikaċi fl-UE u, fejn xieraq, jiddefinixxu interfaċċi diġitali effikaċi li jiffaċilitaw l-interazzjoni tagħhom.

Il-pjattaformi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huma mħeġġin ukoll jiżviluppaw interfaċċi tekniċi li jippermettuhom jikkooperaw b'mod aktar effikaċi tul iċ-ċiklu kollu ta' governanza tal-kontenut. Kooperazzjoni anki mal-komunità teknika tista' tkun ta' ġid biex wieħed jimxi 'l quddiem lejn soluzzjonijiet effikaċi u teknikament sodi għal din l-isfida.

5.Avviżi

6.Trusted flaggers

It-tneħħija ta' kontenut illegali online sseħħ b'mod aktar veloċi u affidabbli fejn pjattaformi online jistabbilixxu mekkaniżmi li jiffaċilitaw kanal ipprivileġġjat għal dawk in-notifikaturi li joffru għarfien espert partikolari fin-notifikazzjoni tal-preżenza ta' kontenut potenzjalment illegali fuq il-websajt tagħhom. Dawn huma l-hekk imsejħa "trusted flaggers" (notifikaturi fdati), bħala entitajiet speċjalizzati b'għarfien espert fl-identifikazzjoni ta' kontenut illegali u strutturi ddedikati għall-kxif u l-identifikazzjoni ta' tali kontenut online.

Meta mqabbla ma' utenti normali, mingħand in-notifikaturi fdati wieħed jista' jistenna li jwasslu l-għarfien espert tagħhom u jaħdmu bi standards ta’ kwalità għoljin, li hu probabbli li jirriżultaw f'avviżi ta' kwalità ogħla u tneħħijiet aktar rapidi. Il-pjattaformi online huma mħeġġin jagħmlu użu minn netwerks eżistenti ta' "trusted flaggers". Pereżempju, dwar il-kontenut terroristiku, l-Unità ta’ Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol għandha l-għarfien espert meħtieġ biex tivvaluta jekk ċertu kontenut jikkostitwixxix kontenut terroristiku u estremist vjolenti online u tuża dan l-għarfien espert biex taġixxi bħala notifikatur fdat, barra r-rwol tagħha fl-infurzar tal-liġi. In-netwerk ta' hotlines INHOPE għar-rappurtar ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal huwa eżempju ieħor ta' notifikatur fdat; fejn jidħol kontenut ta' diskors ta' mibegħda illegali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew korpi semipubbliċi huma speċjalizzati fl-identifikazzjoni u r-rappurtar ta' kontenut online illegali razzista u ksenofobiku.

Bil-għan li tiġi żgurata kwalità għolja tal-avviżi u tneħħija aktar veloċi ta' kontenut illegali, jistgħu kieku jiġu miftiehma, mill-industrija fil-livell tal-UE, kriterji bbażati b'mod partikolari fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi. Dan jista' jsir permezz ta' mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni jew fil-qafas ta' standardizzazzjoni tal-UE, li taħtu entità partikolari tista' titqies bħala notifikatur fdat, biex b'hekk jingħata lok għall-flessibbiltà li jkun hemm bżonn b'mod li jingħata kas tal-karatteristiki speċifiċi għall-kontenut u tar-rwol ta' notifikatur fdat. Kriterji oħrajn bħal dawn jistgħu kieku jinkludu standards ta' taħriġ intern, standards ta' proċeduri u garanzija tal-kwalità kif ukoll salvagwardji ġuridiċi rigward l-indipendenza, kunflitti ta' interess, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, bħala lista mhux eżawrjenti. Dawn is-salvagwardji huma ta' importanza partikolari fl-għadd limitat ta' każijiet fejn jista' jkun li pjattaformi jneħħu xi kontenut minn avviż min-notifikatur fdat mingħajr ma jerġgħu jivverifikaw il-legalità tal-kontenut huma stess. F'dawn il-każijiet limitati, in-notifikaturi fdati jistgħu wkoll isiru verifikabbli abbażi ta' dawn il-kriterji, u skema ta' ċertifikazzjoni tista' kieku sservi ta' prova tal-istatus fdat. Fil-każijiet kollha, irid ikun hemm salvagwardji suffiċjenti disponibbli għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-sistema, kif deskritt fit-taqsima 4.3.

Ikun tajjeb li tiġi offruta l-possibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw fil-mekkaniżmi ta' rappurtar tan-notifikaturi fdati, fejn rilevanti.

Hemm bżonn li jinbena bilanċ raġjonevoli bejn l-iżgurar ta' kwalità għolja tal-avviżi li ġejjin minn notifikaturi fdati, l-ambitu tal-miżuri addizzjonali meħuda mill-kumpaniji b'rabta man-notifikaturi fdati u l-piż tal-ħtieġa li jiġu żgurati dawn l-istandards ta' kwalità. Fejn isir abbuż ta' standards stabbiliti minn mekkaniżmi ta' notifikaturi fdati, jenħtieġ li jitneħħa l-privileġġ tal-istatus ta' notifikatur fdat.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pjattaformi online u t-"trusted flaggers". Jenħtieġ li l-pjattaforma jkollha possibbiltà ta' segwitu rapidu għall-avviżi minn notifikaturi fdati. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni tipprovdi għal skambju reċiproku ta' informazzjoni biex b'hekk il-proċess ta' tneħħija jiġi vvalutat u jitjieb maż-żmien.

Il-Kummissjoni se tesplora aktar, b'mod partikolari fi djalogi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-potenzjal għal qbil madwar l-UE dwar kriterji għan-notifikaturi fdati.

7.Avviżi minn utenti

Fil-qafas tal-ġlieda effettiva kontra l-kontenut illegali online, jenħtieġ li l-utenti normali jingħataw is-setgħa li jindikaw kontenut illegali lill-pjattaformi online u jkollhom il-fiduċja li avviżi ġġustifikati se jiġu kkunsidrati u se jwasslu għal azzjoni mill-aktar fis.

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jistabbilixxu mekkaniżmu aċċessibbli faċilment u faċli biex jintuża mill-utent li jippermetti lill-utenti tagħhom jinnotifikaw kontenut meqjus illegali li ntlaqa' fuq il-pjattaformi.

Fil-każijiet fejn il-kontenut ikun pubblikament aċċessibbli, jenħtieġ li tali mekkaniżmi ta' rappurtar ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali, mingħajr il-bżonn li wieħed jilloggja bħala utent. Sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-preċiżjoni tal-valutazzjoni tal-kontenut potenzjalment illegali, dawn il-mekkaniżmi jridu jippermettu notifika faċli permezz ta' mezzi elettroniċi.

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva timmira li toħloq l-obbligu li l-fornituri ta' pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-filmati jistabbilixxu u jħaddmu mekkaniżmi li bihom l-utenti jistgħu jirrappurtaw jew jindikaw kontenut awdjoviżiv li jista' jxekkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali ta' minuri kif ukoll kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda.

8.L-iżgurar ta' kwalità għolja tal-avviżi

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi biex jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi u ssostanzjati biżżejjed kif jixraq sabiex il-pjattaformi jkunu f'pożizzjoni jieħdu deċiżjoni rapida u infurmata dwar is-segwitu. B'hekk għandu jiġi ffaċilitat il-forniment ta' avviżi li jinkludu spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex min jippreżenta l-avviż iqis il-kontenut bħala illegali u indikazzjoni ċara tal-post fejn jinsab il-kontenut potenzjalment illegali (pereżempju l-indirizz tal-URL).

Jenħtieġ li tali mekkaniżmi ta' rrappurtar ikunu viżibbli, aċċessibbli faċilment, faċli biex wieħed jużahom u bbażati fuq il-kuntest. Għandhom jippermettu wkoll ir-rappurtar faċli ta' tipi differenti ta' kontenut, pereżempju billi wieħed jagħżel minn lista ta' kategoriji ta' raġunijiet għaliex il-kontenut jitqies illegali. Fejn dan ikun teknikament fattibbli, jistgħu jintużaw elementi li jippermettu li n-notifiki jsiru mill-ewwel fil-kuntest tal-ewwel darba li wieħed jiltaqa' mal-materjal jew li joffru r-riutilizzazzjoni tal-kredenzjali li bihom wieħed ikun illoggja.

Tali avviżi ssostanzjati u ddettaljati biżżejjed jippermettu lill-pjattaforma ssib malajr il-kontenut potenzjalment illegali, twettaq valutazzjoni soda tal-illegalità tal-kontenut u tieħu azzjoni mill-aktar fis fejn jixraq. Il-livell preċiż ta' kemm il-pjattaformi jirrikjedu dettalji fl-avviżi sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati malajr, jista' jvarja konsiderevolment minn tip ta' kontenut għal ieħor.

Normalment, l-utenti m'għandhomx ikunu obbligati jidentifikaw ruħhom meta jirrappurtaw dak li jqisu illegali, ħlief jekk din l-informazzjoni tkun meħtieġa biex tiġi ddeterminata il-legalità tal-kontenut (pereżempju, meta wieħed jippretendi li huwa sid id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali). Dan huwa l-każ b'mod partikolari meta tista' tkun f'riskju s-sikurezza tagħhom jew meta l-iżvelar tal-identità tal-persuna jista' jikkawża implikazzjonijiet legali. Jenħtieġ li l-utenti jiġu mħeġġin iressqu n-notifika tagħhom permezz ta' notifikaturi fdati fejn dawn jeżistu, kull meta huma jixtiequ jżommu l-anonimità tagħhom quddiem il-pjattaformi online.

Madankollu, ikun tajjeb li dawk li joħorġu avviż ikollhom l-opportunità jissottomettu, b'mod volontarju, id-dettalji tal-kuntatt tiegħu f'notifika, sabiex il-pjattaforma online jkollha l-possibbiltà titlob informazzjoni addizzjonali jew tinforma lil min ikun ressaq in-notifika bi kwalunkwe segwitu intiż. F'dan il-każ, jenħtieġ li min ikun ressaq avviż jingħata konferma tal-irċevuta u komunikazzjoni li tindika s-segwitu li tingħata n-notifika.

Konferma tal-irċevuta tippermetti li min iressaq avviż mhux biss ma jkollux għalfejn jiċċekkja jekk it-talba tiegħu ngħatatx xi segwitu, iżda tista' wkoll isservi ta' evidenza fi proċeduri ġudizzjarji jew barra l-qorti, b'konformità mar-regoli applikabbli għal dawn il-proċeduri.

9.Miżuri proattivi mill-pjattaformi online

10.Miżuri proattivi u l-eżenzjoni mir-responsabbiltà

Il-pjattaformi online għandhom, fid-dawl tar-rwol u tal-kapaċitajiet ċentrali u r-responsabbiltajiet assoċjati tagħhom, jadottaw miżuri proattivi effikaċi għall-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali online u ma jillimitawx ruħhom għas-sempliċi reazzjoni għal kwalunkwe avviż li jistgħu jirċievu. Barra minn hekk, għal ċerti kategoriji ta' kontenut illegali, jista' ma jkunx possibbli li l-mira ta' tnaqqis ta' danni serji tintlaħaq għal kollox mingħajr pjattaformi li jieħdu miżuri proattivi bħal dawn.

Il-Kummissjoni tqis li tali miżuri proattivi volontarji ma jwasslux awtomatikament biex il-pjattaforma online titlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà pprovduta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

L-ewwel nett, din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà hija disponibbli biss għal min jipprovdi servizzi ta' 'hosting' li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva; tali fornituri ta' servizzi jkunu dawk li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu fil-ħżin ta' informazzjoni fuq talba ta' partijiet terzi u li ma jkollhomx rwol attiv ta' natura li tagħtihom tagħrif dwar dik l-informazzjoni jew kontroll fuqha 33 . 

Il-premessa 38 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali tal-14 ta' Settembru 2016 tistipula f'dan ir-rigward: "Fir-rigward tal-Artikolu 14 [tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku], għandu jiġi vverifikat jekk il-fornitur tas-servizz għandux rwol attiv, inkluż bit-titjib tal-preżentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet jew suġġetti jew il-promozzjoni tagħhom, tkun xi tkun in-natura tal-mezzi użati għal dan."

B'mod speċifiku, rigward l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, fil-Kawża L'Oréal v eBay, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li “[s]-sempliċi fatt li [pjattaforma online taħżen] fuq is-server [tagħha] l-offerti għall-bejgħ, [t]istabbilixxi l-modalitajiet tas-servizz [tagħha], [t]itħallas għal dan tal-aħħar, u [t]agħti pariri ta’ natura ġenerali lil klijenti [tagħha], ma jistax ikollu l-effett li jelimina d-derogi fil-qasam tar-responsabbiltà previsti [mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku]” 34 . Madankollu, skont is-sentenza tal-Qorti hemm tali effett, “[g]ħall-kuntrarju meta l-[pjattaforma online] [t]kun ta assistenza li tkun b’mod partikolari sabiex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni jew sabiex tippromwovi dawk l-offerti” 35 . 

Dan jissuġġerixxi li s-sempliċi fatt li pjattaforma online tieħu ċerti miżuri relatati mal-provvista tas-servizzi tagħha, ġeneralment ma jfissirx li jkollha rwol attiv rigward l-oġġetti ta' kontenut individwali maħżuna minnha u li l-pjattaformi online ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għal din ir-raġuni. Skont il-Kummissjoni, tali miżuri jistgħu, u tabilħaqq għandhom, jinkludu wkoll miżuri proattivi għall-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali online, b'mod partikolari fejn dawn il-miżuri jittieħdu bħala parti mill-applikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaforma online. Dan għandu jkun konformi mal-bilanċ bejn l-interessi differenti involuti li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tfittex tilħaq 36 . Fil-fatt, hija tfakkar li huwa fl-interess tal-partijiet involuti kollha li jadottaw u jimplimentaw proċeduri rapidi u affidabbli għat-tneħħija u l-imblukkar tal-informazzjoni illegali 37 . Minkejja li dik id-Direttiva tipprekludi obbligu tal-pjattaformi online li jimpenjaw ruħhom fil-ġbir attiv ta' informazzjoni ġenerali, 38 hija tirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-miżuri volontarji. 39  

It-tieni, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-fornituri ta' servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà b'żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri: (a) ma jkollhomx għarfien attwali ta' attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta' pretensjonijiet għal ħsarat, ma jkunux konxji tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti jew (b), malli jakkwistaw it-tagħrif jew meta jsiru konxji, jaġixxu mingħajr dewmien biex ineħħu jew iwaqqfu l-aċċess għall-informazzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li dawn il-kundizzjonijiet ikopru “kull sitwazzjoni fejn il-[pjattaforma online kkonċernata] [t]kun sar[et] konxj[a], b’mod jew ieħor, minn [fatti jew [...] ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità inkwistjoni]” u li din tinkludi – barra n-notifika minn parti terza – is-sitwazzjoni fejn il-pjattaforma “[t]iskopri l-eżistenza ta’ attività jew informazzjoni illegali wara eżami mwettaq fuq l-inizjattiva [tagħha]” 40 . 

Minn dan jirriżulta li miżuri proattivi meħuda minn pjattaforma online għall-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali jistgħu jwasslu biex dik il-pjattaforma takkwista tagħrif dwar attivitajiet illegali jew informazzjoni illegali jew issir konxja tagħhom, u b'hekk possibbilment għat-telf tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà skont il-punt (a) tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Madankollu, f'każijiet bħal dawn, il-pjattaforma online jibqa' jkollha l-possibbiltà taġixxi mingħajr dewmien biex tneħħi jew timblokka l-informazzjoni inkwistjoni malli takkwista tali tagħrif jew kuxjenza. Fil-każijiet fejn tagħmel dan, il-pjattaforma online tibqa' tibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà skont il-punt (a) tal-Artikolu 14(1). Għaldaqstant, it-tħassib relatat mat-telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà m'għandux jiskoraġġixxi jew jipprekludi l-applikazzjoni tal-miżuri volontarji proattivi li din il-Komunikazzjoni tfittex li tinkoraġġixxi.

11.L-użu ta' teknoloġija għall-kxif ta' kontenut illegali

Minħabba l-volum ta' materjal intermedjat minn pjattaformi online kif ukoll minħabba l-progress teknoloġiku fl-ipproċessar tal-informazzjoni u l-intelliġenza tal-magni, l-użu ta' teknoloġiji ta' kxif u ffiltar awtomatiku jsir għodda aktar u aktar importanti fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online. Ħafna pjattaformi kbar bħalissa jagħmlu użu minn xi forma ta' algoritmi ta' tqabbil ibbażati fuq firxa ta' teknoloġiji, mill-iffiltrar sempliċi ta' metadata sal-'hashing' u l-'fingerprinting' ta' kontenut.

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tikkjarifika li d-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà ma jipprekludux l-iżvilupp u t-tħaddim effikaċi ta' sistemi tekniċi ta' protezzjoni u ta' identifikazzjoni u ta' strumenti tekniċi ta' monitoraġġ li saru possibbli bis-saħħa tat-teknoloġija diġitali. 41 Madankollu, bħalma turi b'mod ċar id-Direttiva, dan it-tħaddim irid isir fil-limitazzjonijiet tal-liġi applikabbli tal-UE u tal-liġi nazzjonali, b'mod partikolari fejn jidħlu l-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali u l-projbizzjoni lill-Istati Membri li jimponu obbligi ta' monitoraġġ ġenerali 42 .

Leġiżlazzjonijiet speċifiċi għas-settur jistgħu jistabbilixxu regoli obbligatorji għal pjattaformi online sabiex jieħdu miżuri, eż. fuq drittijiet tal-awtur biex jgħinu fl-iżgurar tal-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali, anki meta jkunu eleġibbli għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

B'mod ġenerali, l-użu u l-iżvilupp ulterjuri ta' tali teknoloġiji huwa mħeġġeġ b'mod partikolari meta jkun hemm riskju ta' dannu serju, bħalma jitolbu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2017 43 . Għall-identifikazzjoni ta' kontenut bi ksur potenzjali jistgħu jintużaw għodod awtomatiċi u filtri, u r-riċerka privata u pubblika qed tavvanza l-iżvilupp ta' tali għodod. Pereżempju, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, ir-rikonoxximent awtomatiku ta' kontenut ilu li wera għal għadd ta' snin li huwa għodda effikaċi.

Il-Kummissjoni tappoġġja riċerka ulterjuri u approċċi innovattivi li jmorru lil hinn mill-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, bil-għan li tittejjeb il-preċiżjoni tal-mezzi tekniċi ta' identifikazzjoni ta' kontenut illegali 44 . Tinkoraġġixxi wkoll lill-industrija sabiex tiżgura li tuża b'mod effettiv innovazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal effiċjenza miżjuda tal-proċeduri awtomatiċi ta' żvelar.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-aħjar prattika attwali tal-industrija hija li jintużaw għodod awtomatiċi biex inaqqsu l-ammont ta' kontenut kontenzjuż li jrid jiġi eżaminat minn esperti umani, li mbagħad jista' jkun li jkollhom jivvalutaw in-natura illegali ta' tali kontenut. Dan il-prinċipju tal-involviment ta' persuna umana fiċ-ċirkwit, b'mod ġenerali huwa element importanti tal-proċeduri awtomatiċi li jfittxu li jiddeterminaw l-illegalità ta' xi kontenut konkret, b'mod partikolari f'oqsma fejn ir-rati ta' erruri huma għolja u t-tqegħid fil-kuntest huwa neċessarju. 

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri proattivi meħuda minn dawk il-pjattaformi online li jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku għall-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali li huma jospitaw – inkluż l-użu ta' għodod awtomatiċi u għodod maħsuba biex jiżguraw li l-kontenut imneħħi preċedentement ma jerġax jittella' – fihom infushom ma jwasslux għat-telf tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà.

B'mod partikolari, it-teħid ta' tali miżuri mhux neċessarjament jimplika li l-pjattaforma online kkonċernata għandha rwol attiv, li ma jippermettix iktar li hija tibbenefika minn dik l-eżenzjoni. Kull meta t-teħid ta' tali miżuri jkun wassal biex il-pjattaforma online takkwista t-tagħrif jew issir konxja ta' attivitajiet illegali jew informazzjoni illegali, jeħtieġ li taġixxi mingħajr dewmien biex tneħħi jew timblokka l-informazzjoni illegali inkwistjoni u b'hekk tissodisfa l-kundizzjoni għad-disponibbiltà kontinwa ta' dik l-eżenzjoni.

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex b'mod proattiv jikxfu, jidentifikaw u jneħħu l-kontenut illegali online. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pjattaformi online bil-qawwa kollha biex jużaw miżuri proattivi volontarji mmirati għall-kxif u t-tneħħija ta' kontenut illegali u biex iżidu l-kooperazzjoni, l-investimenti f'teknoloġiji ta' kxif awtomatiku u l-użu tagħhom.

12.It-tneħħija ta' kontenut illegali 

45 Huwa fl-interess tas-soċjetà kollha li l-pjattaformi jeħtiġilhom ineħħu l-kontenut illegali mill-aktar fis. Fl-istess ħin, it-tneħħija ta' tali kontenut ma tridx tfixkel il-prosekuzzjoni jew segwitu ieħor ta' kwalunkwe ksur tal-liġi sottostanti. Il-kondiviżjoni tal-evidenza fost l-awtoritajiet pubbliċi u l-pjattaformi online hija politika importanti f'dan ir-rigward. Jenħtieġ li l-aċċess transfruntier għall-evidenza jiġi ffaċilitat mill-inizjattiva leġiżlattiva li ġejja dwar din il-kwistjoni. It-tneħħija ta' kontenut illegali mill-pjattaformi ma għandhiex taffettwa investigazzjonijiet dwar reati jew il-prosekuzzjoni tagħhom abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Jenħtieġ li jkunu wkoll disponibbli salvagwardji b'saħħithom li jillimitaw ir-riskju tat-tneħħija ta' kontenut legali, megħjuna minn sett ta' obbligi ta' trasparenza sinifikanti, bil-għan li tiżdied l-akkontabbiltà tal-proċessi ta' tneħħija.

13.L-iżgurar tat-tneħħija mingħajr dewmien u r-rappurtar ta' reati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tirrikjedi li l-pjattaformi online jaġixxu "mingħajr dewmien" biex ineħħu l-kontenut illegali wara li jkunu akkwistaw tagħrif dwaru jekk jixtiequ jibqgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà. Dak li jfisser dan fil-prattika, jiddependi mid-dettalji speċifiċi tal-każ inkwistjoni, b'mod partikolari mit-tip ta' kontenut illegali, il-preċiżjoni tal-avviż u l-ħsara potenzjali kkawżata.

Fil-prattika, it-tipi differenti ta' kontenut jitolbu ammont differenti ta' informazzjoni kuntestwali biex tkun tista' tiġi ddeterminata l-legalità ta' ċertu oġġett. Pereżempju, filwaqt li huwa eħfef li wieħed jiddetermina n-natura illegali ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, id-determinazzjoni tal-illegalità ta' stqarrijiet malafamanti ġeneralment jirrikjedi analiżi bir-reqqa tal-kuntest li fih ikunu saru.

Fejn hemm riskju ta' dannu serju, pereżempju f'każijiet ta' inċitament ta' atti terroristiċi, it-tneħħija rapida hija partikolarment importanti u tista' tkun soġġetta għal skedi ta' żmien speċifiċi.

Xi proċessi volontarji bħall-Kodiċi ta’ Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online pprovdew miri indikattivi għaż-żmien sat-tneħħija – fil-każ ta' dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, tkun ta' 24 siegħa għall-maġġoranza tal-każijiet.

It-tneħħija jew is-sospensjoni għalkollox awtomatika ta' kontenut tista' tkun partikolarment effettiva u għandha tiġi applikata fejn iċ-ċirkustanzi ftit li xejn iħallu dubju dwar l-illegalità tal-materjal, bħal pereżempju f'każijiet ta' materjal li t-tneħħija tiegħu tiġi nnotifikata minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew ta' kontenut magħruf bħala illegali li diġà tneħħa qabel, soġġett għas-salvagwardji msemmija fit-taqsima 4.3.

Bħala regola ġenerali, ikun tajjeb li tneħħija li toriġina minn avviżi ta' notifikaturi fdati tiġi indirizzata aktar malajr minħabba l-kwalità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-istatus fdat tan-notifikaturi.

F'każijiet fejn hemm riskju ta' dannu ekonomiku minħabba l-ksur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali, id-dannu ekonomiku potenzjalment ikkawżat mill-ksur jista' jkollu rabta intima ma' kemm dan jitneħħa malajr.

Rappurtar ċar mill-pjattaformi dwar iż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar tat-talbiet għal tneħħija skont it-tip ta' kontenut se jiffaċilita l-valutazzjoni tan-nuqqas ta' dewmien rigward l-azzjoni meħuda u se jżid l-akkontabbiltà ġenerali tal-pjattaformi. 

F'ċerti każijiet, b'mod partikolari dawk li fihom il-pjattaformi online jsibuha bi tqila jivvalutaw il-legalità ta' xi oġġett partikolari u li jinvolvu deċiżjoni potenzjalment kontenzjuża, jista' jkun li jibbenefikaw mill-preżentazzjoni ta' każijiet ta' dubju lil parti terza biex jieħdu parir. Korpi awtoregolatorji jew awtoritajiet kompetenti jkollhom dan ir-rwol fid-diversi Stati Membri. Bħala parti mill-kooperazzjoni msaħħa bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet kompetenti, kooperazzjoni hija mħeġġa ħafna.

46 Finalment, jentħieġ li l-pjattaformi online jirrappurtaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kull meta jsiru konxji ta' reati kriminali jew oħrajn jew jiltaqgħu ma' evidenza relatata, bil-għan li jwissu lill-awtoritajiet rilevanti u jagħtuhom il-possibbiltà jinvestigaw u jixlu individwi li jiġġeneraw tali kontenut , jew tal-abbuż tas-servizzi minn gruppi kriminali organizzati jew terroristiċi. Huma u jagħmlu dan, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni ta' data personali. Dan jista' jkun xieraq anki f'każijiet ta' bejgħ ta' prodotti u ta' prattiki kummerċjali li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-ħtieġa ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati tista' wkoll, f'xi każijiet, twassal biex il-pjattaformi jżommu lura milli jneħħu l-kontenut illegali inkwistjoni meta dan ikun meħtieġ fil-qafas ta' investigazzjoni speċifika li tkun għaddejja, taħt monitoraġġ mill-qrib mill-awtoritajiet nazzjonali u b'konformità sħiħa mar-regoli ta' proċedura kriminali nazzjonali.

47 48 49 Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa biex jieħdu azzjoni adegwata rigward dawn ir-rapporti. Eżempju ta' prattika tajba rigward punti ta' kuntatt huwa l-portal SIRIUS stabbilit mill-Europol biex jappoġġja lill-Istati Membri fl-investigazzjonijiet online kontra t-terroriżmu, inkluż billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi tal-UE

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-pjattaformi online jeħtiġilhom ineħħu l-kontenut illegali mingħajr dewmien malli jakkwistaw it-tagħrif jew isiru konxji tal-eżistenza tiegħu jekk huma jixtiequ jkunu eżentati mir-responsabbiltà. It-tneħħija partikolarment rapida hija importanti fil-każ ta' kontenut illegali b'riskju ta' dannu serju, pereżempju f'każijiet ta' inċitament għal atti ta' terroriżmu. Iż-żmien u l-proċedura għat-tneħħija ta' diversi forom ta' kontenut illegali jrid jiġi rrappurtat b'mod ċar fir-rapporti ta' trasparenza.

Il-kwistjoni ta' skedi ta' żmien fissi għat-tneħħija sejra tiġi analizzata aktar mill-Kummissjoni.

L-evidenza ta' reati kriminali miksuba fil-kuntest tat-tneħħija ta' kontenut illegali trid tiġi trażmessa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, diment li jkun hemm konformità b'mod partikolari mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679, speċjalment il-motivi xierqa għall-ipproċessar tad-data personali.

14.Titjib tat-trasparenza 

15.Trasparenza rigward il-politika ta' kontenut tal-pjattaformi online

Il-mistoqsija ta' jekk kontenut huwiex legali jew illegali huwa regolat mil-liġijiet tal-UE u mil-liġijiet nazzjonali. Fl-istess ħin, it-termini ta' servizz tal-pjattaformi online stess jistgħu jikkunsidraw tipi speċifiċi ta' kontenut mhux mixtieq jew oġġezzjonabbli.

50 Jenħtieġ li l-pjattaformi online jiżvelaw il-politiki ta' kontenut iddettaljati tagħhom fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizz tagħhom u jikkomunikaw dan lill-utenti tagħhom b'mod ċar. Jenħtieġ li dawn it-termini mhux biss jiddefinixxu l-politika rigward it-tneħħija jew l-imblukkar ta' kontenut, iżda wkoll jispeċifikaw is-salvagwardji li jiżguraw li l-miżuri relatati mal-kontenut ma jwasslux biex jitneħħa wisq kontenut. B'mod partikolari, jenħtieġ li t-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizz tal-pjattaformi online jispeċifikaw b'mod ċar kwalunkwe possibbiltà tal-utenti li jikkontestaw deċiżjonijiet ta' tneħħija fil-qafas ta' trasparenza msaħħa tal-politiki ġenerali dwar it-tneħħija tal-pjattaformi. Dan ikun ta' għajnuna biex jitnaqqas l-effett potenzjalment negattiv fuq id-dritt fundamentali tal-utenti għal-libertà ta' espressjoni u l-informazzjoni.

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jipprovdu spjegazzjoni ċara, li tinftiehem faċilment u ddettaljata biżżejjed tal-politika ta' kontenut tagħhom fit-termini tas-servizz. Dawn iridu jirriflettu t-trattament kemm ta' kontenut illegali kif ukoll ta' kontenut li ma jirrispettax it-termini tas-servizz tal-pjattaforma. Ir-restrizzjonijiet kollha rigward it-tip ta' kontenut permess fi pjattaforma partikolari jridu jkunu ddikjarati b'mod ċar u jridu jiġu kkomunikati lill-utenti tagħhom. Din l-ispjegazzjoni trid tkopri wkoll il-proċeduri applikabbli biex wieħed jikkontesta deċiżjonijiet ta' tneħħija, inklużi dawk li joriġinaw minn notifikaturi fdati.

16.It-trasparenza tal-proċeduri ta' avviż u azzjoni

Ir-rappurtar ta' trasparenza jrid ikopri wkoll ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-politiki ta' ġestjoni tal-kontenut tal-pjattaformi.

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jippubblikaw rapporti ta' trasparenza b'informazzjoni suffiċjentement iddettaljata dwar l-għadd u t-tip ta' avviżi rċevuti u l-azzjonijiet meħuda kif ukoll iż-żmien meħtieġ għall-ipproċessar u s-sors tan-notifika 51 . Dawn ir-rapporti jridu jinkludu wkoll informazzjoni dwar avviżi ta' kontestazzjoni, jekk ikun hemm, u r-rispons li ngħataw. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni fuq bażi regolari mill-inqas darba fis-sena.

Billi wieħed jieħu kont xieraq tad-differenzi speċifiċi għall-kontenut, dawn ir-rapporti ta' trasparenza kieku jibbenefikaw minn ċertu livell ta' standardizzazzjoni madwar is-Suq Uniku Diġitali. Dan jippermetti monitoraġġ aħjar, jiffaċilita l-ġbir elettroniku ta' tali informazzjoni u jista' jkun ta' għajnuna biex jiġu evitati ostakli żejda għall-provvista transfruntiera ta' servizzi ta' hosting.

Trid tingħata attenzjoni speċjali biex il-pjattaformi online u l-SMEs ikollhom il-possibbiltà li jipprovdu tali data ta' trasparenza, u kwalunkwe attività ta' appoġġ, bħall-istandardizzazzjoni, trid tiżgura li l-piż amministrattiv jinżamm f'livell minimu.

Il-Kummissjoni se tesplora aktar, fi djalogi strutturati mal-industrija, il-potenzjal ta' standardizzazzjoni rigward il-proċeduri ta' notifika u r-rappurtar ta' trasparenza dwar sistemi ta' tneħħija u riżultati.

17.Salvagwardji kontra t-tneħħijiet żejda u l-abbuż tas-sistema

L-azzjoni rapida, bl-inklużjoni ta' miżuri ta' filtrazzjoni tal-materjal imtella' jew kxif awtomatizzat immirat biex jiżgura t-tneħħija immedjata ta' kontenut illegali, b'mod partikolari fejn ma jkunx hemm persuni umani involuti fiċ-ċirkwit, tista' taffettwa l-preċiżjoni tad-deċiżjoni, inkluż ir-riskju tat-tneħħija ta' kontenut legali. Għaldaqstant huwa importanti li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' salvagwardji suffiċjenti sabiex kontenut imneħħi bi żball ikun jista' jintradd lura.

18.Kontestazzjoni ta' avviż

B'mod ġenerali, jenħtieġ li dawk li jkunu pprovdew il-kontenut jingħataw l-opportunità jikkontestaw din id-deċiżjoni permezz ta' avviż ta' kontestazzjoni. L-istess jgħodd fil-każijiet fejn it-tneħħija tkun seħħet b'mod awtomatizzat.

Pereżempju, skont l-Artikolu 28a tal-proposta li temenda d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli mekkaniżmi ta' lment u rimedju għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-utenti u l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing b'rabta mal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa li jridu jittieħdu minn dawk il-pjattaformi.

Jekk l-avviż ta' kontestazzjoni jkun ipprovda raġunijiet raġjonevoli biex jitqies li l-attività jew l-informazzjoni nnotifikata mhijiex illegali, jenħtieġ li l-fornituri tal-pjattaformi jroddu lura l-kontenut imneħħi mingħajr dewmien żejjed jew jippermettu li l-utent jerġa' jtellagħhom.

Huwa probabbli li l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet jiġu kkontestati twassal għal tnaqqis fl-għadd ta' tneħħijiet mhux iġġustifikati ta' kontenut legali u tista' daqstant ieħor tipprovdi evidenza dokumentarja għall-mekkaniżmi straġudizzjarji għas-soluzzjoni tat-tilwim jew il-proċeduri ta' appell ġudizzjarju.

F'ċerti ċirkustanzi, ma jkunx xieraq li jiġi infurmat il-fornitur ta' kontenut u/jew jingħata lok għal avviż ta' kontestazzjoni – b'mod partikolari fejn dan kieku jinterferixxi mas-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri meħtieġa għall-prevenzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, bħal fil-każ ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal.

Jenħtieġ li pjattaforma online toffri proċeduri sempliċi online għall-avviżi ta' kontestazzjoni. Meta jitressaq avviż ta' kontestazzjoni, il-pjattaformi online jridu jipprovdu risposta, u fil-każ ta' deċiżjoni negattiva jridu jiġu speċifikati r-raġunijiet. Meta jkunu disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, il-pjattaformi huma mħeġġin jippermettu l-użu ta' korpi straġudizzjarji għas-soluzzjoni ta' tilwim relatat ma' avviżi ta' kontestazzjoni.

19.Miżuri kontra avviżi ta' mala fede u avviżi ta' kontestazzjoni

52 Fl-istess ħin, xi drabi jista' jseħħ abbuż mill-proċeduri ta' avviż u azzjoni bi prattiki ħżiena jew mala fede. Jenħtieġ li dawn il-prattiki jiġu skoraġġuti bil-qawwa kollha, pereżempju permezz tat-tbaxxija tal-prijorità rigward it-trattament tal-avviżi mressqa minn persuna li tibgħat proporzjon għoli ta' avviżi invalidi jew li tirċievi għadd kbir ta' avviżi ta' kontestazzjoni, jew bl-irtirar tal-istatus ta' notifikatur fdat, skont kriterji stabbiliti sew u trasparenti. Jenħtieġ li dawn il-politiki jiġu deskritti wkoll b'mod ċar fit-termini tas-servizz ta' pjattaforma online u jiffurmaw parti mir-rappurtar ġenerali ta' trasparenza tal-pjattaformi online, bil-għan li tiżdied l-akkontabbiltà quddiem il-pubbliku. Miżuri simili jridu jiġu stabbiliti rigward avviżi ta' kontestazzjoni abbużivi.

20.Il-prevenzjoni tal-Feġġa mill-ġdid ta' kontenut illegali mneħħi

Malli jkun inkixef u tneħħa, il-kontenut illegali online m'għandux jerġa' jidher online. Il-prevenzjoni effiċjenti u effikaċi tal-feġġa mill-ġdid abbażi ta' prattiki tajba eżistenti kif ukoll salvagwardji xierqa hija essenzjali għal sistema li taħdem tajjeb. Il-prevenzjoni tat-tixrid, madwar il-pjattaformi, ta' materjal illegali magħruf tirrikjedi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fornituri tas-servizzi online, b'rispett sħiħ għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. Huwa importanti wkoll li tiżdied il-kooperazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma' kumpaniji żgħar, inqas reżiljenti, li jistgħu jsiru l-pjattaforma preferuta minn persuni kriminali u oħrajn involuti f'attivitajiet bi ksur online jekk ikunu kkunsidrati aktar vulnerabbli minn oħrajn.

21.Miżuri kontra min iwettaq ksur ripetut

53 Bil-għan li jiġi evitat li jerġa' jidher kontenut illegali mneħħi li jkun ġej minn utenti li jibqgħu jibagħtu kontenut tal-istess natura li jkun qed jikser ir-regoli, ħafna pjattaformi online diġà stabbilixxew miżuri kontra min iwettaq ksur ripetut, bħas-sospensjoni jew it-twaqqif tal-kontijiet jew l-esklużjoni b'tali mod li l-persuna stess ma tindunax li qed tiġi imblukkata ("shadow-banning").

Jenħtieġ li l-pjattaformi online jieħdu miżuri li jiskoraġġixxu lill-utenti milli jtellgħu b'mod ripetut kontenut illegali tal-istess natura u jimmiraw li jfixklu b'mod effikaċi t-tixrid ta' tali kontenut illegali.

Dan irid japplika wkoll fil-każijiet fejn min qed jikser ir-regoli huwa l-istess persuna u s-sustanza tal-kontenut inkwistjoni hija tal-istess natura u, fejn iġġustifikat, l-utent ikun ġie nnotifikat bla dewmien bl-avviż(i) rċevut(i) kontrih u bis-sospensjoni intiża jew it-terminazzjoni futur tal-kont. Dan jippermetti lill-utent jikkontesta d-deċiżjoni u jiffaċilita l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju kontra l-miżura, jekk xieraq skont il-kuntratt bejn l-utent u l-pjattaforma u d-dritt applikabbli. Anki f'dawn il-każijiet, kwalunkwe pproċessar ta' data personali jrid jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data.

Għal darb'oħra, m'għandha tiġi pprovduta l-ebda informazzjoni jew notifika lill-fornitur ta' kontenut fejn dan kieku jinterferixxi mas-setgħat investigattivi tal-Istati Membri meħtieġa għall-prevenzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, meta tkun ipprovduta l-bażi legali neċessarja.

22.Filtri awtomatiċi li jipprevjenu li l-istess kontenut jerġa' jittella'

Barra t-teknoloġiji użati biex jiġi identifikat kontenut potenzjalment illegali, imsemmija fit-taqsima 3.3, jistgħu jintużaw għodod teknoloġiċi bi grad ogħla ta' affidabbiltà għall-'fingerprinting' u l-filtrazzjoni (kemm għat-tneħħija kif ukoll biex il-materjal ma jkunx jista' jerġa' jittella') ta' kontenut diġà identifikat u vvalutat bħala illegali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi ħafna l-użu ulterjuri ta' tali għodod, suġġett għal salvagwardji bħar-reversibbiltà u l-eċċezzjonijiet kif deskritti hawn taħt.

Huwa dan li bħalissa qed isir bil-"Bażi ta' data ta' 'hashes'" li qed tintuża b'rabta mal-kontenut terroristiku u li ġiet żviluppata fil-kuntest tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, jew fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur jew rigward materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, iżda wkoll dwar prodotti mmarkati minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bħala mhux konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti. Dawn il-prattiki wasslu għal riżultati tajbin. Madankollu, l-effikaċja tagħhom tiddependi fuq titjib ulterjuri biex tiġi limitata l-identifikazzjoni żbaljata ta' kontenut u li jiġu ffaċilitati deċiżjonijiet konxji tal-kuntest, kif ukoll is-salvagwardji meħtieġa ta' reversibbiltà.

Pereżempju, billi tibbaża lilha nfisha fuq il-prattika fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fil-kuntest tar-rikonoxximent awtomatiku ta' kontenut, il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali tirrikonoxxi tali teknoloġiji – sakemm ikunu adegwati u proporzjonati – bħala mezzi possibbli, fost l-oħrajn, għall-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' kontenut mhux liċenzjat fis-servizzi online rilevanti.

Proċeduri "stay-down" awtomatiċi għandhom jippermettu għal eċċezzjonijiet relatati mal-kuntest u meta kontenut li jkun tneħħa jinbidel u jinġieb konformi mar-rekwiżiti legali jew ma' rekwiżiti oħrajn. Jenħtieġ li l-ambitu u t-twaqqit tal-eċċezzjonijiet relatati mal-kontenut iqisu n-natura speċifika tal-kontenut u kwalunkwe theddida relatata għas-sigurtà kif ukoll il-possibbiltà tas-sospensjoni temporanja ta' tali kontenut sakemm issir evalwazzjoni aktar fil-fond.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi ħafna l-użu u l-iżvilupp ulterjuri ta' teknoloġiji awtomatiċi li jipprevjenu li jerġa' jidher online kontenut illegali.

Fejn jintużaw għodod awtomatiċi biex jiġi pprevenut li kontenut illegali jerġa' jidher, jenħtieġ li tkun disponibbli salvagwardja ta' reversibbiltà għal deċiżjonijiet żbaljati u li tinżamm trasparenza rigward l-użu u l-prestazzjoni ta' din it-teknoloġija fit-termini tas-servizz.

Jenħtieġ li għall-pjattaformi online kollha jkun hemm disponibbli possibbiltà ta' aċċess għall-bażijiet ta' data użati għat-tqabbil awtomatiku u l-identifikazzjoni ta' kontenut illegali li jerġa' jidher, soġġett għall-konformità ta' kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kompetizzjoni. Il-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji jridu jinkludu informazzjoni trasparenti dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-każ ta' tali bażijiet ta' data.

Jenħtieġ ukoll li l-pjattaformi online jiżguraw l-aġġornament kontinwu tal-għodod tagħhom, biex jiġi żgurat li jinqabad kull kontenut illegali, b'mod li jirrifletti t-tattika u l-imġiba tinbidel tal-persuni kriminali u persuni oħrajn involuti f'attivitajiet ta' ksur online. Fejn jidħlu l-għodod użati għall-kontenut terroristiku, jentħieġ li dawn jiġu adattati biex jaqbdu kontenut ġdid u storiku u jiżguraw l-evalwazzjoni u t-tneħħija veloċi tiegħu. Jenħtieġ li tali kontenut jiżdied mal-għodod li jintużaw bejn pjattaformi differenti, bħall-bażi ta' dejta ta' 'hashes' diġà msemmija (li bħalissa qed tintuża b'rabta mal-kontenut terroristiku). Jenħtieġ li tali żvilupp teknoloġiku jitwettaq b'kooperazzjoni bejn il-pjattaformi online, l-awtoritajiet kompetenti u partijiet ikkonċernati oħra, inkluża s-soċjetà ċivili.

23.Konklużjonijiet

Iż-żieda fil-kontenut illegali li jintlaqa' mill-pjattaformi online tikkawża dannu reali fis-soċjetà, inklużi riskji għall-integrità, id-dinjità u s-saħħa taċ-ċittadini tagħna; jekk dan id-dannu ma jiġix indirizzat kif jixraq, se tiddgħajjef il-fiduċja fis-servizzi diġitali fis-sens usa', u eventwalment fis-Suq Uniku Diġitali – xprunatur ewlieni ta' innovazzjoni, tkabbir u impjiegi. Anki jekk tali kontenut jinħoloq u jittella' minn partijiet terzi, l-influwenza dejjem tiżdied tal-pjattaformi online fis-soċjetà, inerenti fir-rwol tagħhom bħala gwardjani ta' kontenut u informazzjoni, iżżid ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-utenti tagħhom u s-soċjetà inġenerali. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu proattivi rigward l-eliminazzjoni tal-kontenut illegali, il-prevenzjoni tal-feġġa mill-ġdid tiegħu, jimplimentaw proċeduri effettivi ta' avviż u azzjoni, u flimkien ma' partijiet terzi jibnu interfaċċi li jaħdmu tajjeb (bħat-"trusted flaggers") u jagħtu prijorità lill-avviżi li ġejjin minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Meta l-pjattaformi online jiddeċiedu fuq liema kontenut jenħtieġ li jitqies illegali, b'konformità mal-liġi, ikun tajjeb li tiġi stabbilita sistema adegwata ta’ kontrokontrolli.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida u ma tbiddilx il-qafas legali applikabbli u ma tinkludix regoli legalment vinkolanti; timmira primarjament li tipprovdi gwida lill-pjattaformi online dwar il-modi ta' kif jistgħu jaqdu r-responsabbiltà tagħhom rigward is-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-kontenut illegali li jilqgħu. Timmira wkoll li tintegra l-prattiki proċedurali tajba fil-forom differenti ta' kontenut illegali, bil-għan li tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet kompetenti. F'dan is-sens, tiddeskrivi approċċ Ewropew għall-pjattaformi online għall-indirizzar tal-kontenut illegali li jgħaqqad flimkien il-ħtieġa ta' tneħħija veloċi u effettiva ta' kontenut illegali u l-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati, b'salvagwardji għad-dritt għal-libertà ta' espressjoni online. Din il-gwida se tikkomplementa u ssaħħaħ id-djalogi speċifiċi għas-setturi li hemm għaddejjin.

Trid tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-pjattaformi online ż-żgħar ikunu kapaċi jimplimentaw dawn il-proċeduri, u ħafna elementi ta' din il-Komunikazzjoni ġew ikkonċeputi b'kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni se tesplora mezzi ulterjuri li jappoġġjaw l-assorbiment tal-gwida anki mill-pjattaformi ż-żgħar.

Is-Suq Uniku Diġitali jirrikjedi aktar koerenza fir-rispons tal-politika pubblika lil hinn mill-fruntieri ġeografiċi. Għaldaqstant, b'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda għaldaqstant, bħala l-ewwel pass, tipprovdi għodod komuni għall-indirizzar tal-isfida komuni tat-tneħħija tal-kontenut illegali.

L-ittra ta' intenzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jiġi ggarantit spazju ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażati fuq il-fiduċja reċiproka, ħabbret miżuri ulterjuri għall-iżgurar tal-kxif rapidu u proattiv ta' kontenut illegali li jinċita l-vjolenza u t-terroriżmu. Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-ewwel elementi li se jiffurmaw dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni tistenna li l-pjattaformi online jieħdu azzjoni rapida tul ix-xhur li ġejjin, inkluż fil-kuntest ta' djalogi relevanti, b'mod partikolari fil-qasam tat-terroriżmu u tad-diskors ta' mibegħda illegali.

Il-Kummissjoni sejra tkompli bl-iskambji u bid-djalogi ma' pjattaformi online u partijiet ikkonċernati relevanti. Hija sejra timmonitorja l-progress u sejra tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat kemm il-kxif kif ukoll it-tneħħija veloċi u proattiva ta' kontenut illegali online, inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli maħsuba biex jikkumplimentaw il-qafas regolatorju eżistenti. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sa Mejju 2018.

(1)

Bħalissa, kull sekonda jiġu ppubblikati madwar 8,000 tweets fuq Twitter, u 1,000 ritratt fuq Instagram, jitwettqu 60,000 tiftixa bil-Google u jintwerew 70,000 vidjow fuq YouTube. Ara http://www.internetlivestats.com/    

(2)

Ara t-taqsima 2.

(3)

Konklużjonijiet tal-Kunsill, ST 8 2017 INIT, 22 u 23 ta' Ġunju 2017, Dikjarazzjoni tal-G7 ta' Taormina, 26 ta' Mejju 2017, u tal-mexxejja tal-G20, 8 ta' Lulju 2017

(4)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online (2016/2274(INI))

(5)

L-elementi ppreżentati hawnhekk kienu ispirati minn sensiela wiesgħa ta' konsultazzjonijiet pubbliċi kif ukoll immirati u sessjonijiet ta' ħidma ma' partijiet ikkonċernati.

(6)

Ara r-Rapport reċenti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tneħħija fil-pront ta’ kontenut online li jkun jikkostitwixxi provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku (Artikolu 21). F'dan il-qasam, fil-kuntest tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, il-pjattaformi b'mod volontarju jneħħu kontenut terroristiku abbażi ta' indikazzjonijiet mibgħuta mill-Unità ta’ Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (EU IRU).

(8)

COM(2016) 593

(9)

COM(2016) 287

(10)

http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/hate_speech_code_of_conduct_en.pdf

(11)

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6243_en.htm

(12)

http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2016/EN/3-2016-3724-EN-F1-1.PDF

(13)

ĠU C 250 tal-1.8.2017

(14)

  http://ec.europa.eu/environment/cites/pdf/WAP_EN_WEB.pdf  

(15)

SWD(2016)163 tal-25.5.2016

(16)

http://ec.europa.eu/internal_market/scoreboard/performance_by_governance_tool/consumer_protection_cooperation_network/index_en.htm

(17)

Komunikazzjoni COM(2012) 196 final (Internet Aħjar għat-Tfal): https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/alliance-better-protect-minors-online  

(18)

COM(2016) 288 u COM(2017) 228.

(19)

  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-1471_mt.htm  

(20)

http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=71674

(21)

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-544_en.htm.

(22)

http://www.inhope.org/Libraries/Annual_reports/INHOPE_Annual_Report_2015.sflb.ashx?download=true

(23)

Direttiva 2000/31/KE tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(24)

Ta' min wieħed jinnota li fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, dawk il-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni biss jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-Artikoli 12 u 14 li jikkwalifikaw bħala intermedjarji li jipprovdu servizz (jiġifieri ta' sempliċi konduttur jew 'caching' jew 'hosting' rispettivament). Il-premessa 42 tikkjarifika li biex attività tkun koperta mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà, trid tkun "sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna".

(25)

Il-parti l-kbira tal-pjattaformi online joffru servizzi ta' hosting ta' kontenut imtella' mill-utenti tagħhom.

(26)

Premessa 40 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Innota li din il-Komunikazzjoni tiffoka aktar fuq il-fornituri ta' servizzi ta' hosting milli fuq is-sempliċi kondutturi (Artikolu 12) jew il-fornituri ta' servizzi ta' caching (Artikolu 13).

(27)

Servizz ta' hosting huwa servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-ħżin ta' informazzjoni pprovduta mir-riċevitur tas-servizz. Din il-kategorija tista' tkopri varjetà ta' atturi, mill-postijiet tas-suq elettroniku, il-pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-filmati, in-netwerks soċjali u l-websajts tal-blogging jew tal-evalwazzjonijiet sat-taqsimiet tal-kummenti tal-utenti fil-paġni tal-aħbarijiet.

(28)

Eżempji ta' oqsma koperti (jew proposti) fil-qafas tal-liġi tal-UE jinkludu t-tixwix għat-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda illegali, l-abbuż sesswali tat-tfal, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, is-sigurtà tal-prodotti, l-offerta u l-bejgħ ta' ikel u ta' prodotti tat-tabakk u ta' prodotti mediċinali ffalsifikati, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jew il-miżuri dwar is-sigurtà tal-prodotti eċċ. Fl-2016, il-Kummissjoni kkjarifikat ukoll l-obbligi ta' trasparenza u ta' diliġenza professjonali fil-qafas tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fejn il-pjattaformi jaġixxu bħala kummerċjanti vis-à-vis konsumaturi.

(29)

Il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva tindirizza dan fil-kuntest tal-kontenut awdjoviżiv.

(30)

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jikkjarifika li l-Artikolu 14 "m'għandux jaffettwa l-possibbiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta' Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur". Pereżempju, id-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tistipula fl-Artikolu 11 tagħha li "[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f'pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE."

(31)

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jistabbilixxi li "[l]-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li malajr kemm jista' jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma."

(32)

Bit-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(33)

Premessa 42 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Ara Google France, 114 u 120; Sentenza tat-12 ta' Lulju 2011, Kawża C-324/09, L'Oréal vs eBay, para. 113.

(34)

eBay 115

(35)

eBay 116

(36)

Premessa 41 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(37)

Premessa 40 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(38)

Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(39)

Premessa 40 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(40)

eBay 120-121

(41)

Premessa 40 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(42)

Premessa 40 u Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(43)

http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/06/22-euco-security-defence/

(44)

L-isforzi attwali ta' riċerka u innovazzjoni mill-industrija huma indirizzati lejn l-iżvilupp ta' għodod analitiċi għal fehim aħjar tal-lingwa naturali, kaskati ta' informazzjoni fin-netwerks soċjali, l-identifikazzjoni ta' sorsi ta' informazzjoni, mudelli ta' tixrid u identitajiet foloz. Il-Kummissjoni appoġġjat ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni f'dan il-qasam billi ffinanzjat proġetti mmirati għall-iżvilupp ta' għodod awtomatiċi ta' verifika għall-eżami tal-veraċità ta' kontenut iġġenerat mill-utenti fin-netwerks soċjali. Dawn l-għodod jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni ta' falsitajiet potenzjali f'testi, immaġnijiet jew filmati u jappoġġjaw l-intraċċar ta' aħbarijiet foloz. Madankollu, id-determinazzjoni tan-natura illegali ta' tali kontenut tmur lil hinn mill-kapaċitajiet funzjonali attwali tagħhom.

(45)

Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-3896097_en u https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/organized-crime-and-human-trafficking/e-evidence_mt għal aktar informazzjoni.

(46)

Artikolu 6(1)(c) flimkien mal-Artikolu 6(4).

(47)

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, "[l]-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li malajr kemm jista' jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma."

(48)

It-tiswir ta' Sistema Unifikata ta' Investigazzjonijiet ta' Riċerka fuq l-Internet

(49)

L-Europol se tiffaċilita aktar il-ħolqien ta' Punti Uniċi ta' Kuntatt ġodda billi tipprovdi taħriġ rilevanti lil awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'pajjiżi fejn għadhomx ma ġewx stabbiliti punti uniċi ta' kuntatt.

(50)

Fil-każ li tiġi pproċessata data personali, jenħtieġ li l-pjattaformi jiżguraw stqarrija ta' privatezza trasparenti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(51)

Rapportar dwar investigazzjonijiet proprji, avviżi minn utenti ġenerali, avviżi minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi eċċ.

(52)

Hemm evidenza li tissuġġerixxi li tali informazzjoni tintuża mill-kompetituri (Notice and Takedown in Everyday Practice, J Urban et al., UC Berkeley, 2016), u li sar abbuż mill-prattika tal-ħolqien awtomatiku ta' avviżi bil-għan li jillinkjaw ma' kontenut ikkreat b'mod artifiċjali (Rapport ta' trasparenza minn Google).

(53)

"Shadow-banning" hija l-azzjoni li biha utent jitwaqqaf minn komunità online mingħajr ma jinduna dan l-istess utent li huwa ġie eskluż.

Top