EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0249

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-monitoraġġ tal-gradwati

COM/2017/0249 final - 2017/0100 (NLE)

Brussell, 30.5.2017

COM(2017) 249 final

2017/0100(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-monitoraġġ tal-gradwati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-għan tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta huwa li titjieb id-disponibilità tal-informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar dak li jagħmlu l-gradwati mill-edukazzjoni terzjarja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) fl-Ewropa wara li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Din l-informazzjoni tista’ tintuża mis-servizzi li jgħinu lill-istudenti l-ġodda jagħmlu għażliet informati dwar dak li se jistudjaw, mill-għalliema u l-maniġment istituzzjonali bħala input għat-tfassil tal-korsijiet u mill-awtoritajiet tal-gvern biex jinfurmaw deċiżjonijiet dwar l-orjentament tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja u tal-ETV. Il-proposta għandha l-għan li tistimula l-iżvilupp u l-isfruttament ulterjuri ta’ forom differenti ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-gradwati fil-livell tas-sistema edukattiva fl-Istati Membri individwali u li tħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn l-atturi nazzjonali involuti fil-monitoraġġ biex tiġi kondiviża l-prattika tajba u, finalment, titjib il-komparabbiltà tad-dejta tal-istħarriġ li nġabret.

L-impjegabbiltà tal-gradwati hija ta’ tħassib f’ħafna Stati Membri tal-UE. F’xi partijiet tal-UE, sehem sinifikanti ta’ gradwati terzjarji huma qiegħda jew qed jaħdmu f’impjiegi li huma jkunu kwalifikati żżejjed għalihom. Għal gradwati riċenti minn programmi tal-ETV, is-sitwazzjoni hija aktar kumplessa. F'ċerti pajjiżi, bħad-Danimarka, l-Estonja u l-Ġermanja, il-gradwati reċenti tal-ETV għandhom rati ta’ impjieg għolja li saħansitra jaqbżu dawk tal-gradwati terzjarji. Madankollu, f’ħafna pajjiżi oħrajn, inkluż Franza, Spanja u l-Italja, ir-rati ta’ impjieg ekwivalenti għall-gradwati tal-ETV huma ferm inqas u għadhom lura sew minn dawk għal gradwati terzjarji 1 .

Informazzjoni ta’ kwalità tajba dwar dak li jagħmlu l-gradwati wara li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u dwar kif jivvalutaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li kisbu fl-iskola, fil-kulleġġ jew fl-università hija essenzjali biex wieħed jifhem kemm il-kawżi tal-problemi fl-impjegabbiltà tal-gradwati kif ukoll il-fatturi ta’ suċċess f’reġjuni u f’setturi ekonomiċi partikolari jew għall-gradwati minn dixxiplini tal-edukazzjoni għolja u tal-ETV partikolari. Din l-informazzjoni mbagħad tista’ tintuża biex jiġu identifikati s-soluzzjonijiet.

Din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u l-inizjattivi proposti fil-livell tal-UE li jakkumpanjawha se jirrispondu tliet problemi ewlenin fl-Ewropa:

·Nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata. Informazzjoni bażika dwar l-impjieg tal-gradwati u l-eżiti soċjali hija disponibbli, inkluż fil-livell tal-UE, minn eżerċizzji eżistenti tal-ġbir tad-dejta, bħall- Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol . Barra minn hekk, xi Stati Membri żviluppaw stħarriġ dwar il-gradwati jew stabbilew sistemi addizzjonali biex janalizzaw id-dejta minn bażijiet tad-dejta u minn reġistri tal-edukazzjoni, tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali (dejta amministrattiva) biex jiġu segwiti l-karrieri u l-qligħ sussegwenti tal-gradwati. Madankollu, f’ħafna partijiet tal-UE, is-sistemi għall-ġbir, l-analiżi u l-użu tad-dejta dwar l-eżiti tal-gradwati mill-edukazzjoni terzjarja u mill-ETV mhumiex żviluppati sew. Ir-riżultat huwa li ħafna drabi ma hemmx evidenza solida disponibbli.

·Sinerġiji mitlufin. Minkejja li ħafna Stati Membri tal-UE bħalissa qed jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ jew għandhom il-pjanijiet li jagħmlu dan, attwalment hemm skambju limitat tal-għarfien dwar il-prattika tajba u t-tagħlim reċiproku dwar x’jaħdem fil-prattika.

·Nuqqas ta’ dejta komparabbli. Id-dejta komparabbli eżistenti hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u d-dejta miġbura fuq livell nazzjonali mhijiex komparabbli bejn il-pajjiżi u din tagħmilha diffiċli li jinsiltu tagħlimiet mid-differenzi fix-xejriet u fl-eżiti osservati madwar il-pajjiżi u r-reġjuni.

Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta u l-inizjattivi relatati fil-livell tal-UE għandhom l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

·Li jħeġġu l-bidu jew l-iżvilupp u t-titjib ulterjuri ta’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati mill-edukazzjoni terzjarja u mill-ETV fil-livell nazzjonali fl-Ewropa. Biex tissawwar stampa aktar sħiħa tal-eżiti tal-edukazzjoni terzjarja u tal-ETV, l-Istati Membri huma mħeġġa li fis-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom jinkludu persuni li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ mingħajr ma jiggradwaw.

·Li jħeġġu u jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni u skambju ta’ prattika tajba bejn l-atturi nazzjonali involuti fl-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati dwar l-implimentazzjoni tal-istħarriġ dwar il-gradwati u s-sistemi ta’ monitoraġġ li jużaw dejta amministrattiva, u l-isfruttar tar-riżultati tagħhom permezz tan-netwerking, it-tagħlim reċiproku u l-attivitajiet ta’ konsulenza fil-livell tal-UE.

·Li jtejbu d-disponibbiltà tal-informazzjoni komparabbli dwar l-impjiegi u l-eżiti soċjali tal-gradwati. Dan l-għan se jiġi segwit permezz tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni enfasizzati hawn fuq, fejn it-titjib tal-komparabbiltà se jkun wieħed mill-aspetti li se jitqiesu biex jiġu żviluppati aktar is-sistemi ta’ monitoraġġ nazzjonali. Barra minn hekk, din is-sena l-Kummissjoni se tniedi fażi pilota ta’ sħarriġ Ewropew dwar il-gradwati biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-ġbir tal-informazzjoni dwar l-eżiti tal-gradwati terzjarji, li jibni fuq ir-riżultati tal-Istudju tal- Istudju tal-Fattibbiltà tal-Eurograduate , u biex jitkomplew l-isforzi għall-armonizzazzjoni tal-mistoqsijiet tal-istħarriġ soċjali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Fl-Inizjattiva Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa , adottata fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ta’ kwalità għolja biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni tagħhom għal impjieg ta’ kwalità għolja. F’konformità mal-programm ta’ ħidma tal-2017 tal-Kummissjoni, bħala parti mill-ħidma li għandha ssegwi l-Inizjattiva għaż-Żgħażagħ u l- Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa , adottata f’Ġunju 2016, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “taħdem mal-Istati Membri biex itejbu d-disponibbiltà ta’ dejta dwar l-impjiegi u l-eżiti soċjali tal-gradwati (“stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati”) li tkopri wkoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali”. Dan l-impenn huwa bi tweġiba għar-rikonoxximent, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, tal-importanza tat-titjib tal-għarfien dwar l-eżiti tal-gradwati, u għalhekk huwa l-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika u l-prattika fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Din l-informazzjoni tista’ tinforma t-tfassil tal-azzjonijiet biex titjieb il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni tal-istudenti u għalhekk tikkontribwixxi għall-ġestjoni aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet jew tal-ispariġġ fil-ħiliet attwali u futuri.

Ir- Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) jipproponi l-promozzjoni tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà bħala qasam għal aktar kooperazzjoni, inkluż permezz ta’ informazzjoni u antiċipazzjoni aħjar dwar il-ħtiġijiet u l-eżiti tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiġu segwiti l-karrieri tal-gradwati. Fil-qasam tal-ETV, fil- Konklużjonijiet ta’ Riga tal-2015 l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiżguraw ċikli kontinwi ta’ tagħrif u ta’ feedback, li ppreżentaw riżultati fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-20.

Il-kwistjonijiet tal-indirizzar tal-ispariġġi fil-ħiliet, tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tat-titjib tal-feedback dwar l-eżiti tal-gradwati huma rilevanti wkoll għar-:

· Riżoluzzjoni dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 , li jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet u d-diskrepanzi fil-ħiliet;

·Il- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni tal-2014, li fihom l-Istati Membri qablu li, fejn ikun possibbli, jużaw l-informazzjoni tal-istħarriġ meta ssir valutazzjoni tal-kwalità u tal-effikaċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali;

· Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Edukazzjoni Għolja tal-2013, li fihom l-Istati Membri qablu li jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-eżiti edukattivi u dawk relatati mas-suq tax-xogħol; kif ukoll

· Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-2012, li fihom l-Istati Membri qablu li jimmonitorjaw is-sehem ta’ gradwati impjegati, bil-għan li tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza għall-iżvilupp tal-politika dwar l-interfaċċa bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjieg, filwaqt li l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu li jiġbru informazzjoni kwalitattiva u eżempji ta’ prattika tajba bil-għan li jiġi kkomplimentat il-monitoraġġ kwantitattiv u tissaħħaħ il-bażi għat-tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza.

Barra minn hekk, l- Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’Edukazzjoni Għolja (ESG) u l- Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) jenfasizzaw il-valur tal-informazzjoni oġġettiva u ta’ kwalità tajba dwar dak li jagħmlu l-gradwati meta jlestu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ tagħhom.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Billi jipprovdi informazzjoni li tista’ tintuża minn dawk li jfasslu l-politika biex jiġu mmonitorjati u mkejla l-eżiti tal-gradwati, jinforma l-analiżi tal-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni li rċevew il-gradwati, jieħu azzjoni biex isolvi kwalunkwe spariġġ fil-ħiliet jew diskrepanza fil-ħiliet u jfassal kurrikuli biex titjieb l-impjegabbiltà, l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati se jikkontribwixxi għat-twettiq tal-prijorità tal-Kummissjoni biex l-impjiegi u t-tkabbir jingħataw spinta .

Dan jappoġġja wkoll il-mira ewlenija tal- Ewropa 2020 li mill-inqas 40 % tal-persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena se jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja, peress li l-inizjattiva ta’ monitoraġġ se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-gwida għall-karrieri għal studenti prospettivi u għall-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja li tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet edukattivi, tal-impjiegi u tas-soċjetà.

Kemm fl-edukazzjoni għolja kif ukoll fl-ETV, il-proposta hija konsistenti mal- Linji Gwida dwar l-Impjiegi , li jagħtu prijorità għat-titjib tal-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet billi jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kif ukoll il-qgħad fost iz-zgħażagħ u l-qgħad fit-tul. Fil-fatt, il-proposta se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, hekk kif aktar informazzjoni dwar il-gradwati qiegħda se tgħin ukoll lill-fornituri tas-servizz tal-garanzija għaż-żgħażagħ biex jidentifikaw aħjar liż-żgħażagħ qiegħda li jkunu barra mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ (NEETs) fi ħdan dan il-grupp u jorjentaw aħjar l-intervent tagħhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-inizjattiva hija f’konformità mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 165 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom, filwaqt illi tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom. L-Artikolu 166 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt illi tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja jew l-impenji vinkolanti tal-UE fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri se jiddeċiedu kif jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Filwaqt li ħafna Stati Membri żviluppaw xi forma ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, bħalissa hemm skambju limitat ta’ prattiki tajba u ta’ dejta komparabbli bejn il-pajjiżi, li timpedixxi l-analiżi tal-eżiti u tal-isfidi tal-edukazzjoni madwar l-UE.

Il-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE jinsab fil-kapaċità tal-UE li:

·tiffaċilita l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-kompetenzi u tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet f’pajjiżi differenti biex jitjieb l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fil-livell nazzjonali; kif ukoll

·tniedi approċċ ikkoordinat li se jipprovdi dejta komparabbli ġdida dwar l-eżiti tal-gradwati madwar l-Istati Membri tal-UE u se jżid il-komparabbiltà tad-dejta mill-eżerċizzji tal-ġbir tad-dejta eżistenti, fejn ikun fattibbli u mixtieq.

Proporzjonalità

Il-proposta toħloq approċċ ikkoordinat għall-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, li se jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-kondiviżjoni tal-prattiki tajba u tal-informazzjoni, u fl-iżvilupp ta’ politiki kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Peress li l-impenji li l-Istati Membri se jagħmlu huma ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jiddeċiedi l-approċċ li se jieħu biex jiżviluppa s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati tiegħu stess, il-miżura titqies bħala proporzjonali.

Għażla tal-istrument

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ l-istrument xieraq huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, fejn l-UE għandha kompetenza ta’ appoġġ u hija strument li spiss tintuża għal azzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Bħala strument legali, din turi l-impenji tal-Istati Membri lejn il-miżuri fit-test u tipprovdi bażi politika aktar b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt illi tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Id-deċiżjoni li tiġi proposta inizjattiva tal-UE dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati ġiet informata minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar ir-reviżjoni tal-aġenda għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja tal-UE, li tlestiet fi Frar tal-2016. B’mod partikolari, din enfasizzat tħassib dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-gradwati u appoġġ wiesa’ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati għal aktar xogħol tal-UE biex titjieb id-disponibbiltà tal-evidenza tat-tfassil tal-politika u l-prattika, b’mod partikolari li tikkonċerna t-trasparenza madwar l-outputs u l-eżiti. Ir-riżultati kollha tal-konsultazzjoni jistgħu jinstabu fl- Anness II tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li qed jakkumpanja l-Aġenda l-Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa.

Fost it-tweġibiet ewlenin insibu li:

·71 % tal-istudenti jew tal-gradwati reċenti u 61 % tal-impjegati tal-edukazzjoni għolja ma qablux mad-dikjarazzjoni li “hemm qbil tajjeb bejn il-provvista ta’ gradwati b’edukazzjoni għolja u l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa mill-ekonomija”;

·55 % ta’ dawk li wieġbu ma qablux mad-dikjarazzjoni li “persuni li jfasslu l-korsijiet tal-edukazzjoni għolja huma konxji biżżejjed dwar il-ħiliet li aktarx huma meħtieġa fis-suq tax-xogħol”;

·47 % ta’ dawk li wieġbu ma qablux mad-dikjarazzjoni li “s-sistemi tal-edukazzjoni għolja qed jaħdmu tajjeb”; kif ukoll

·29 % biss tal-istudenti jew tal-gradwati reċenti qablu mad-dikjarazzjoni li “l-istudenti huma appoġġjati b’mod xieraq biex jagħmlu għażliet infurmati dwar x’għandhom jistudjaw”.

Mit-tlestija tal-konsultazzjoni pubblika, il-proposti speċifiċi għal inizjattiva tal-UE dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati ġew diskussi fil-laqgħa tad-Diretturi Ġenerali għall-Edukazzjoni Għolja fi Bratislava f’Ottubru 2016, fil-laqgħa ta’ Novembru 2016 tal- Grupp ta’ Ħidma dwar il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja tal-ET2020 u fil-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u tal-Edukazzjoni tal-2016, fejn ingħata appoġġ wiesa’ lil approċċ ikkoordinat f’dan il-qasam.

Stħarriġ reċenti tal-opinjoni pubblika Ewropea tas-CEDEFOP dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali indika sfidi simili f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE fir-rigward ta’ żgħażagħ li lestew l-ETV, fejn kważi terz minnhom irrappurtaw li f’xi stadju ltaqgħu ma’ diffikultajiet biex isibu xogħol. Stħarriġ Ewropew ieħor dwar il-ħiliet u l-impjiegi tas-CEDEFOP, ibbażat fuq ir-rispons ta’ 49,000 impjegat adult (bejn l-età ta’ 24 u 65), indika li 41 % minnhom kienu jemmnu li kellhom ftit opportunitajiet biex isibu impjieg li jaqbel mal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

L-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati ġie diskuss f’diversi okkażjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tal-ETV u s-suġġerimenti li rriżultaw mid-dibattitu ddaħħlu fil-preparazzjoni tal-proposta preżenti. B’mod partikolari, il-laqgħa annwali tan-netwerk tal-EQAVET ta’ Ġunju 2016, l-attività ta’ tagħlim bejn il-pari tal-EQAVET dwar indikaturi rilevanti ta’ Settembru 2016, u l-forum tal-EQAVET tal-2016, fejn l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati kien kwistjoni prinċipali, ipprovdew input mill-perspettiva tal-komunità tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-ETV.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Il-proposta hija bbażata fuq il-valutazzjoni tal-benefiċċji, tar-riskji u tal-impatt potenzjali ta’ inizjattiva Ewropea biex jiġu żviluppati aktar il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-promozzjoni tal-impjegabbiltà tal-gradwati u tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati kienu temi rikorrenti fl-iskambju tal-politika u tal-prattika b’appoġġ mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 u mill-Proċess ta’ Bolonja, flimkien ma attivitajiet riċenti ta’ tagħlim bejn il-pari dwar il-promozzjoni tal-impjegabbiltà tal-gradwati (Frar 2015) u l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati (Settembru 2015).

Ir-rapport finali tal- istudju tal-fattibbiltà tal-EUROGRADUATE , iffinalizzat fl-2016, magħmul f’isem il-Kummissjoni, ikkonferma li l-inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati fil-livell tas-sistema huma mifruxin fl-Ewropa, minkejja li l-approċċi u l-livelli tal-attività jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi. L-inizjattivi bbażati fuq stħarriġ reċenti jew regolari dwar il-gradwati, analiżi tad-dejta amministrattiva jew kombinament ta’ dawn ġew identifikati f’25 pajjiż mill-31 pajjiż mistħarrġa. Madankollu, 11-il pajjiż biss instabu li jwettqu stħarriġ regolari dwar il-gradwati (normalment kull sena jew kull sentejn) u 6 għandhom studji ta’ monitoraġġ li jintegraw id-dejta tal-istħarriġ u d-dejta amministrattiva. L-istħarriġ ikkonferma wkoll domanda fost il-partijiet ikkonċernati għal studju sostenibbli, regolari u Ewropew dwar il-gradwati.

Inġabret ukoll evidenza mir-riżultati tal-istudji ta’ HEGESCO u REFLEX (2010), (appoġġjati rispettivament mill-FP6 u mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja), li wettqu stħarriġ transnazzjonali fuq skala kbira tal-eżiti tal-gradwati terzjarji, kif ukoll l- Istudju tal-Impatt ta’ Erasmus (2015), rapport dwar l-Eżiti tas-Suq tax-Xogħol tal-ETV (CEDEOP 2013) u l- Istħarriġ Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Impjiegi (CEDEFOP 2015).

L-attività tat-tagħlim bejn il-pari tal-EQAVET dwar l-indikatur 5 tal-2016 (rata ta’ kollokamenti fil-programmi tal-ETV), li wkoll kienet ibbażata fuq każijiet ta’ studju nazzjonali, ikkonkludiet li l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati tal-ETV ipprovda informazzjoni kruċjali lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-fornituri tal-ETV biex jadattaw il-provvista tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jivvalutaw l-effikaċja tas-sistema tal-ETV. Il-Forum tal-EQAVET tal-2016 speċifikament iddiskuta l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati tal-ETV u ssuġġerixxa karatteristiċi għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ sistemi xierqa.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-approċċ kumplimentari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impatti mistennija, ma saritx valutazzjoni tal-impatt. Minflok, l-iżvilupp tal-proposta ġie infurmat minn studji preċedenti, ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk b’sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati żviluppati sew, u mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-aġenda tal-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

L-Istati Membri se jiimpenjaw ruħhom li jiżguraw li jiżviluppaw inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati li jirrispettaw l-Artikolu 8 tal- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea , li tiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha; li din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi; u li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

Permezz tal-għoti ta’ informazzjoni aħjar dwar l-eżiti tal-gradwati, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta se tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-Artikolu 14, dwar id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni u għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-Artikolu 15, dwar id-dritt ta’ aċċess għall-impjieg.

Il-miżuri għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari d- Direttiva 95/46/KE , li għandha tiġi sostitwita fil-25 ta’ Mejju 2018 bir- Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-istabbiliment ta’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati għandu implikazzjonijiet ta’ riżorsi fil-livell nazzjonali u se jeħtieġ finanzjament sostenibbli u adegwat. Kif muri fl-istudju ta’ Eurograduate, f’25 pajjiż mill-31 pajjiż mistħarrġa qed isir xi forma ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, li juri rikonoxximent tal-importanza tal-informazzjoni dwar l-eżiti tal-gradwati. Fejn xieraq u f’konformità mal-bażi ġuridika tagħhom kif ukoll mal-kapaċità finanzjarja rispettiva tagħhom, se jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni nazzjonali.

Fil-programm ta’ ħidma annwali Erasmus+ 2017 ġie riservat baġit ta’ €800,000 fuq sentejn għall-istħarriġ pilota dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. In-netwerk ta’ esperti propost se jiġi ffinanzjat permezz ta’ arranġamenti eżistenti għall-Gruppi ta’ Ħidma tal-ET2020. L-ebda riżorsa addizzjonali tal-baġit jew tal-persunal mhi se tkun meħtieġa mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-Istati Membri se jimpenjaw ruħhom li kull sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom tal-miżuri fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jibdew fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ġenerali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha.

Barra minn hekk, il-progress, inkluż kwalunkwe sfida, se jiġi mmonitorjat permezz ta’ laqgħat tan-Netwerk ta’ Esperti, li se jipprovdu forum għat-tagħlim reċiproku u għall-iskambju ta’ prattika tajba.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Dispożizzjonijiet tal-Istati Membri

Paragrafi 1-2

Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu d-disponibbiltà u l-kwalità tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-gradwati (individwi li temmew b’suċċess livell ta’ edukazzjoni u taħriġ partikolari), kif ukoll, fejn xieraq, il-persuni li jitilqu mill-edukazzjoni għolja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mingħajr ma jiggradwaw, billi sal-2020 jiġu stabbiliti sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati li jinkludu:

·Il-ġbir ta’ dejta amministrattiva rilevanti mill-bażijiet tad-dejta tal-edukazzjoni, tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

·L-iżvilupp ta’ stħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati; kif ukoll

·Il-possibbiltà li, b’mod anonimu, tingħaqad dejta minn sorsi differenti.

Ħafna mill-inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati eżistenti jiġbru l-informazzjoni dwar il-gradwati mingħandhom stess jew permezz ta’ stħarriġ speċifiku jew permezz tal-ġbir u tal-kontroreferenza ta’ tipi differenti ta’ dejta amministrattiva minn bażijiet tad-dejta tal-edukazzjoni, tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Eżerċizzji ta’ ġbir ta’ dejta aktar ġenerali, bħall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, ukoll jiġbru d-dejta dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-gradwati minn livelli differenti ta’ edukazzjoni, iżda l-informazzjoni ġġenerata hija aktar ġenerali minn dik li tinġabar permezz ta’ inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati speċifiċi. Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa 5, it-tranżizzjonijiet għas-suq tax-xogħol huma xprunati l-aktar mill-kuntest ekonomiku, mil-livell ta’ kwalifika u mill-qasam ta’ studju. Dawn huma influwenzati wkoll minn fatturi soċjodemografiċi bħas-sess, il-pajjiż tat-twelid, iċ-ċittadinanza jew l-oriġini etnika u l-isfond soċjoekonomiku tal-familja. Għalhekk, huwa importanti li s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati jiġbru wkoll din l-informazzjoni u jippreżentawha b’mod sinifikanti, pereżempju billi d-dejta titqassam skont is-sess.

Permezz tar-rakkomandazzjoni li tgħaqqad id-dejta minn sorsi differenti, fejn id-dejta kwantitattiva tingħaqad mad-dejta kwalitattiva, se jkun possibbli li tinbena stampa aktar dettaljata tal-eżiti tal-gradwati u tal-impatt tal-għażliet tal-istudju preċedenti tagħhom fuq l-għażliet sussegwenti tagħhom. Kif spjegat fit-test introduttorju qabel il-paragrafu 1, dan se jsir skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż ir-regolamenti nazzjonali u Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkustanzi nazzjonali.

Paragrafi 3-4

L-importanza li jiġi żgurat rispons qawwi, rappreżentattiv u kontinwu għall-istħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati hija ċara. Madankollu, fil-konsultazzjonijiet, xi Stati Membri ressqu t-tħassib tagħhom dwar id-diffikultajiet biex jagħmlu stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati li jkunu emigraw, jew minħabba l-edukazzjoni jew meta jtemmu l-edukazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri se jiġu mħeġġa jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw li l-eżiti tat-tagħlim ta’ dawn il-gradwati jkunu inklużi fil-ġbir tad-dejta, u li dawn jikkooperaw mal-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tiżviluppa dejta komparabbli dwar l-eżiti tal-gradwati. Filwaqt illi jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull Stat Membru li jiżviluppa sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati skont il-ħtiġijiet tiegħu stess, l-għan wara l-istabbiliment tan-netwerk ta’ esperti huwa li jipprovdi forum għall-esperti, li għandhom jiġu maħtura mill-Istati Membri, biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew biex itejbu l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku, jesploraw għażliet għall-iżvilupp ta’ dejta li tkun kompatibbli u komparabbli b’mod reċiproku, u biex jikkunsidraw l-aqwa frekwenza tal-istħarriġ lonġitudinali.

In-netwerk ta’ esperti se jiġi organizzat u ffinanzjat skont l-arranġamenti għall-Gruppi ta’ Ħidma tal-ET2020, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe struttura li tista’ tiġi żviluppata biex tissostitwixxi l-proċess tal-ET2020. Huwa previst li, fejn ikun xieraq, il-webinars jistgħu jissupplimentaw il-laqgħat wiċċ imb wiċċ.

Paragrafu 5

Id-disseminazzjoni u l-użu tad-dejta tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati se jkunu importanti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. It-test propost jiddeskrivi l-użi li għalihom għandha tintuża d-dejta: it-tisħiħ tal-gwida għall-karrieri, it-tfassil u l-aġġornament tal-kurrikuli, it-titjib tat-tlaqqigħ tal-ħiliet, l-ippjanar tal-ħtiġijiet tal-impjiegi, edukattivi u soċjali li qed jevolvu, u t-titjib tal-iżvilupp tal-politika fil-livelli nazzjonali u Ewropej.

Paragrafu 6

L-iżgurar ta’ finanzjament adegwat u sostenibbli għall-inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati se jkun kruċjali għas-suċċess tagħhom. Għal din ir-raġuni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tagħmel referenza kemm għal sorsi nazzjonali kif ukoll għal sorsi Ewropej ta’ finanzjament. Peress li l-istudju ta’ Eurograduate juri li bħalissa għaddejja xi forma ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati f’25 pajjiż mill-31 pajjiż mistħarrġa, huwa meqjus li l-Istati Membri diġà jirrikonoxxu l-valur tas-sistemi tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

Paragrafu 7

L-Istati Membri se jintalbu jaqblu li jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha. Mhux previst li dan ir-rappurtar se jkun oneruż: iżda, l-Istati Membri se jintalbu jirrappurtaw dwar sa liema punt qed jiġu żviluppati inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati, flimkien ma’ evalwazzjoni qasira tal-eżiti jew kwalunkwe sfida li jistgħu jaffaċċjaw. Ir-rappurtar regolari se jippermetti lin-netwerk ta’ esperti sabiex jadatta x-xogħol tiegħu għal ħtiġijiet speċifiċi.

Dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni

Paragrafu 8

Fl-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-fażi pilota ta’ stħarriġ Ewropew dwar il-gradwati, li se jtejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni komparabbli dwar l-eżiti tal-gradwati u tibni fuq ir-riżultati tal- Istudju tal-Fattibbiltà tal-EUROGRADUATE Dan l-istudju kkonkluda li kien hemm appoġġ fost dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet ikkonċernati fir-rigward tad-dejta komparabbli dwar l-eżiti tal-gradwati fis-sistemi Ewropej, u li stħarriġ Ewropew dwar il-gradwati jista’ jkun mezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati f’pajjiżi li fihom dawn l-istudji bħalissa ma jitwettqux jew hemm riformi għaddejjin.

Fid-dawl tal-valur miżjud potenzjali ta’ stħarriġ bħal dan, iżda anki tal-isfidi assoċjati, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssegwi approċċ bi stadji: fażi pilota, biex tiżviluppa u tittestja l-għodda tal-ġbir tad-dejta f’għadd limitat ta’ pajjiżi Ewropej, segwita minn deċiżjoni dwar jekk għandhomx jipproċedu għal stħarriġ Ewropew sħiħ dwar il-gradwati. L-istħarriġ huwa skedat li jibda f’Settembru 2017 u r-rapport fi żmien sentejn.

Paragrafu 9

Huwa rikonoxxut li s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, f’ħafna każijiet, huma inqas żviluppati minn dawk li jistħarrġu dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati tal-edukazzjoni għolja. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tiffoka fuq appoġġ għall-bini tal-kapaċità biex jiġu implimentati sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati, li jibbażaw fuq prattiki tajba identifikati permezz ta’ mmappjar madwar l-Istati Membri, u se jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rigward tal-użu tad-dejta tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

Paragrafu 10 - 13

L-aħħar erba’ paragrafi jistqarru l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi u tappoġġja n-netwerk ta’ esperti, tiżgura li d-dejta u l-analiżijiet relatati jkunu disponibbli, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod online, tappoġġja l-użu ta’ sorsi ta’ finanzjament Ewropej, fejn xieraq u f’konformità mal-bażi ġuridika tagħhom, u li tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha.

2017/0100 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-monitoraġġ tal-gradwati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)    L-impjegabbiltà tal-gradwati li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ hija kwistjoni ta’ tħassib f’ħafna Stati Membri, b’mod partikolari minħabba li r-rata ta’ impjieg tal-gradwati reċenti tal-edukazzjoni għolja fl-UE għadha ma rkupratx għalkollox wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 2 , u s-sitwazzjoni tal-impjieg tal-gradwati ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ vokazzjonali tvarja madwar l-Istati Membri.

(2)    Għalhekk, permezz tal-Linji Gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 3 , l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, ġew imħeġġa jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta’ provvista xierqa ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti.

(3)    Sabiex jinkiseb dak l-għan, informazzjoni ta’ kwalità tajba dwar dak li jagħmlu l-gradwati wara li jiksbu l-kwalifika tagħhom jew wara li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ hija essenzjali, kemm biex jiġu mifhuma l-kawżi tal-problemi relatati mal-impjegabbiltà tal-gradwati f’reġjuni, f’setturi ekonomiċi partikolari jew għal gradwati minn edukazzjoni għolja jew dixxiplini tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali partikolari, kif ukoll biex jiġu identifikati soluzzjonijiet għal dawk il-problemi relatati mal-impjegabbiltà. Il-valur ta’ din l-informazzjoni huwa enfasizzat kemm fl-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESG) 4 kif ukoll fil-Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) 5 .

(4)    Madankollu, peress li s-sistemi għall-ġbir, l-analiżi u l-użu tad-dejta dwar l-eżiti tal-gradwati mill-edukazzjoni għolja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex żviluppati sew f’ħafna partijiet tal-Unjoni, l-informazzjoni ħafna drabi ma tkunx biżżejjed biex l-istudenti jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar x’għandhom jistudjaw, jew għat-tfassil ta’ programmi edukattivi jew ta’ politika tal-gvern.

(5)    Barra minn hekk, it-tranżizzjonijiet għas-suq tax-xogħol huma xprunati l-aktar mill-kuntest ekonomiku, mil-livell ta’ kwalifika u mill-qasam ta’ studju. Dawn huma influwenzati wkoll minn fatturi soċjodemografiċi bħas-sess, il-pajjiż tat-twelid, iċ-ċittadinanza jew l-oriġini etnika u l-isfond soċjoekonomiku tal-familja 6 . Għalhekk, il-ġbir ta’ dejta dwar l-impatt ta’ dawn id-diversi fatturi huwa essenzjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni b’mod komprensiv.

(6)    Minkejja li ħafna Stati Membri qed jiżviluppaw sistemi ta’ monitoraġġ, l-iskambju ta’ għarfien, prattiki tajba u tagħlim reċiproku huwa limitat.

(7)    Peress li d-dejta komparabbli eżistenti hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u d-dejta miġbura fuq livell nazzjonali mhijiex komparabbli għal dik miġbura fi Stati Membri oħra, huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet minn differenzi fix-xejriet u fl-eżiti osservati madwar il-pajjiżi u r-reġjuni.

(8)    Ir-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika 7 dwar l-aġenda tal-modernizzazzjoni tal-Unjoni għall-edukazzjoni għolja wrew tħassib li l-edukazzjoni għolja mhix tipprovdi lill-gradwati bl-għarfien, bil-ħiliet u bil-kompetenzi li jeħtieġu biex ikollhom suċċess fl-ambjent edukattiv u fl-ambjent tal-impjiegi li qed jevolvu b’mod rapidu, u f’xi Stati Membri għad hemm spariġġ fil-ħiliet.

(9)    L-Istati Membri talbu sabiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni, immirata għat-titjib tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-impjegabbiltà, l-ispariġġi fil-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) 8 jipproponi l-promozzjoni tar-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà, inkluż permezz ta’ informazzjoni u antiċipazzjoni aħjar dwar il-ħtiġijiet u l-eżiti tas-suq tax-xogħol, pereżempju l-monitoraġġ tal-karrieri tal-gradwati.

(10)    Fil-Konklużjonijiet ta’ Riga tal-2015 l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll li jiżguraw ċikli kontinwi ta’ tagħrif u ta’ feedback dwar sett ġdid ta’ riżultati fuq terminu medju fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015 – 2020, permezz ta’ azzjonijiet bħall-użu tad-dejta dwar l-impjegabbiltà tal-gradwati tal-ETV u taħlita ta’ dejta dwar it-tagħlim, id-dħul fis-suq tax-xogħol u l-karrieri, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ atturi fil-livell nazzjonali biex id-dejta tal-gradwati tintuża għall-adattament tal-kurrikuli, l-profili okkupazzjonali u l-kontenut tal-kwalifiki tal-ETV għal rekwiżiti ekonomiċi u tekniċi ġodda.    

(11)    Sussegwentament, fir-Riżoluzzjoni dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016 9 , l-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet u d-diskrepanzi fil-ħiliet bħala kwistjoni ta’ prijorità.

(12)    Dan bena fuq xogħol preċedenti. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni 10 tal-2014, l-Istati Membri qablu li, fejn ikun possibbli, jużaw l-informazzjoni tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati meta ssir valutazzjoni tal-kwalità u tal-effikaċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali.

(13)    Fl-2013, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Edukazzjoni Għolja 11 , l-Istati Membri qablu li jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-eżiti edukattivi u dawk relatati mas-suq tax-xogħol.

(14)    Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ 12 tal-2012, l-Istati Membri qablu wkoll li jistabbilixxu parametru referenzjarju li sal-2020, 82 % tal-gradwati bejn l-età ta’ 20 u 34 sena, li jkunu telqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ mhux aktar minn tliet snin qabel is-sena bażi, għandhom jiġu impjegati, u li jimmonitorjaw is-sehem tal-gradwati impjegati mill-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-għan li titjieb il-bażi tal-evidenza għall-iżvilupp tal-politika dwar l-interfaċċa bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjieg, filwaqt li l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu li jiġbru informazzjoni kwalitattiva u prattiki tajbin sabiex jikkumplimentaw il-monitoraġġ kwantitattiv u jtejbu l-pedament għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.

(15)    Għalhekk, fil-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 13 , il-Kummissjoni Ewropea tat prijorità lit-titjib tal-analiżi dwar il-ħiliet u tal-informazzjoni relatata mat-titjib tal-għażliet tal-karriera billi pproponiet inizjattiva dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati terzjarji biex tappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tal-informazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-gradwati għas-suq tax-xogħol.

JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE li tikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali 14 , ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:

1.    Itejbu d-disponibbiltà u l-kwalità tad-dejta dwar l-attivitajiet tal-gradwati 15 u, fejn xieraq, tal-persuni li jitilqu mill-edukazzjoni għolja u mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mingħajr ma jiggradwaw, inkluż billi sal-2020 jistabbilixxu sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati li jinkludu:

(a)    il-ġbir ta’ dejta amministrattiva rilevanti mill-bażijiet tad-dejta tal-edukazzjoni, tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

(b)    l-iżvilupp ta’ stħarriġ lonġitudinali dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fil-livell tas-sistema edukattiva, fir-rikonoxximent tal-importanza tad-dejta kwalitattiva dwar it-tranżizzjoni tal-persuni għas-suq tax-xogħol, jew għall-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri, u l-karrieri sussegwenti tagħhom; kif ukoll

(c)    Il-possibbiltà li, b’mod anonimu, l-awtoritajiet pubbliċi jgħaqqdu dejta minn sorsi differenti, sabiex jibnu stampa magħmula mill-eżiti tal-gradwati.

Kontenut tad-dejta li trid tinġabar

2.    Jiġbru dejta li tinkludi:

(a) id-dejta kwantitattiva li ġejja

·(i) informazzjoni soċjobijografika u soċjoekonomika

·(ii) intensità tal-istudju

·(iii) metodu tal-istudju

·(iv) kwalifika(i)

·(v) krediti riċevuti

·(vi) qasam tal-istudju

·(vii) tranżizzjoni għal impjieg jew għal edukazzjoni u taħriġ ulterjuri

·(viii) qligħ

·(ix) tip ta’ kuntratt

·(x) status tal-impjieg

·(xi) okkupazzjoni, status professjonali u/jew attività

·(xii) mobbiltà ġeografika u/jew settorjali

 

(b) id-dejta kwalitattiva li ġejja

·(i) rilevanza tal-istudju għall-impjieg

·(ii) parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat jew ta’ impenn ċiviku

·(iii) progressjoni u sodisfazzjon tal-karriera

·(iv) perċezzjonijiet tal-kwalità u tar-rilevanza tal-esperjenza edukattiva u tal-esperjenza tat-taħriġ tagħhom

Stħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati

3.    Jinkoraġġixxu rata għolja ta’ rispons, rappreżentattiva u kontinwa għall-istħarriġ lonġitudinali dwar il-gradwati, inkluż l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati li emigraw, kemm għall-finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jew dwar meta lestew l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

Kooperazzjoni Ewropea

4.    Jipparteċipaw f’netwerk ta’ esperti, li għandu jiġi organizzat f’konformità mal-istrutturi ta’ governanza eżistenti għall-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe struttura ġdida li tista’ tiġi warajh, li se jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku, jesplora għażliet għall-iżvilupp ta’ dejta kompatibbli u komparabbli b’mod reċiproku u jikkunsidra l-aqwa frekwenza tal-istħarriġ lonġitudinali.

Disseminazzjoni u użu tad-dejta u sfruttament tar-riżultati

5.    Jiżguraw id-disseminazzjoni f’waqtha, regolari u mifruxa tad-dejta u l-isfruttament tar-riżultati, bl-għan li:

(a) tissaħħaħ il-gwida għall-karrieri għall-istudenti prospettivi, l-istudenti attwali u l-gradwati;

(b) jitfasslu u jiġu aġġornati l-kurrikuli biex jitjieb l-akkwist tal-ħiliet rilevanti u l-impjegabbiltà;

(c) jitjieb it-tlaqqigħ tal-ħiliet biex tiġi appoġġjata l-kompetittività u l-innovazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

(d) isir pjan għall-ħtiġijiet tal-impjiegi kif ukoll dawk edukattivi u soċjali li qed jevolvu; kif ukoll

(e) isir kontribut għall-iżvilupp tal-politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni.

Finanzjament

6.    Jiżguraw is-sostenibbiltà tal-inizjattivi ta’ monitoraġġ tal-gradwati billi jallokaw riżorsi adegwati u pluriennali, jużaw sorsi ta’ finanzjament nazzjonali jew Ewropej, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn xieraq u f’konformità mal-bażi ġuridika u l-prijoritajiet tagħhom definiti għall-perjodu 2014-2020, u mingħajr ebda preġudizzju għan-negozjati fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Rappurtar u Evalwazzjoni

7.    Jirrappurtaw lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u kull sena wara, dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

8.    Tiżviluppa l-fażi pilota ta’ stħarriġ Ewropew għall-gradwati fl-edukazzjoni terzjarja, bil-għan li tittejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni komparabbli dwar l-impjiegi u l-eżiti soċjali tal-gradwati u tkun ibbażata fuq ir-riżultati tal-Istudju tal-Fattibbiltà tal-EUROGRADUATE 16 .

9.    Tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif meħtieġ, għall-istabbiliment ta’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-gradwati bbażati fuq prattiki tajbin identifikati permezz ta’ mmappjar komprensiv madwar l-Istati Membri u tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u s-servizzi ta’ gwida fir-rigward tal-użu tad-dejta tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

10.    Tippromwovi t-tagħlim reċiproku u ssaħħaħ il-kooperazzjoni billi tistabbilixxi u tappoġġja n-netwerk ta’ esperti.

11.    Tiżgura li d-dejta miġubra u l-analiżijiet relatati jsiru disponibbli għall-użu mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati, inkluż permezz ta’ għodod tal-UE online eżistenti.

12.    Tappoġġja l-użu minn sorsi ta’ finanzjament Ewropej, bħall-Erasmus+ jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn xieraq u f’konformità mal-kapaċità finanzjarja, il-bażi ġuridika u l-prijoritajiet tagħhom definiti għall-perjodu 2014-2020, mingħajr preġudizzju għan-negozjati fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

13.    Tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ara l-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016: http://ec.europa.eu/education/policy/strategic-framework/et-monitor_mt  
(2) COM/2015/0690 final
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28)   
(4) ISBN 952-5539-04-0
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Garanzija tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ĠU C 155, 8.07.2009, p. 1)
(6) Dwar l-impatt tas-sess u l-isfond ta’ migrazzjoni fuq it-tranżizzjoni mill-iskola għas-suq tax-xogħol, ara OECD/Unjoni Ewropea (2015), Indicators of Immigration Integration 2015 – Settling In, Kapitolu 13
(7) COM(2016) 381 final
(8) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25
(9) Abbozz ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni: il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-Semestru Ewropew 2016, 5685/1/16 REV 1
(10) ĠU C 17, 20.1.2015, p. 2-7
(11) ĠU C 168, 14.6.2013, p. 2
(12) ĠU C 169, 15.6.2012, p 11
(13) SWD/2016/0195 final
(14) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(15) Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, “gradwat” tirreferi għal persuna li tkun lestiet kwalunkwe livell ta’ edukazzjoni għolja jew edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Madankollu, huwa rikonoxxut li xi Stati Membri għandhom inizjattivi ta’ monitoraġġ għal dawk li jitilqu mill-iskola wkoll.
(16) L-Istudju tal-Fattibbiltà tal-Eurograduate jkopri biss l-edukazzjoni għolja.
Top