IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.5.2017
COM(2017) 247 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja
{SWD(2017) 164 final}
1.
IMPETU ĠDID GĦALL-EDUKAZZONI GĦOLJA FL-UE
Aġenda ġdida tal-UE għall-edukazzjoni għolja ...
Is-suċċess tal-proġett Ewropew jiddependi fuq il-kapaċità tal-UE li tibni futur aħjar għaċ-ċittadini Ewropej. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u jinsab ukoll fil-qalba tal-inizjattiva “Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa” u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. Dawn għamluha ċara li sistemi effettivi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-pedament ta' soċjetajiet ġusti, miftuħa u demokratiċi u ta' tkabbir u żvilupp sostnut. Il-“pilastru tad-drittijiet soċjali” tal-UE u d-dokument ta’ riflessjoni reċenti dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni jidentifikaw l-edukazzjoni u l-ħiliet bħala ta' prijorità għall-kooperazzjoni Ewropea.
L-edukazzjoni għolja għandha rwol uniku. Id-domanda għal persuni b'ħiliet għolja u involuti soċjalment qiegħda tiżdied kif ukoll tinbidel. Fil-perjodu sal-2025, nofs l-impjiegi kollha huma mistennija li jkunu jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli. Diġà jeżistu diskrepanzi fil-ħiliet ta' livell għoli. Immexxija mit-teknoloġija diġitali, l-impjiegi qed isiru aktar flessibbli u kumplessi. Il-kapaċitajiet tan-nies li jkunu intraprenditorjali, jimmaniġġjaw informazzjoni kumplessa, jaħsbu b'mod awtonomu u b'mod kreattiv, jużaw riżorsi, inklużi dawk diġitali, b'mod intelliġenti, jikkomunikaw b'mod effettiv u jkunu reżiljenti huma aktar kruċjali minn qatt qabel. L-Ewropa teħtieġ ukoll aktar persuni li jiksbu riżultati eċċellenti li jistgħu jiżviluppaw teknoloġiji u soluzzjonijiet mill-aktar avvanzati li fuqhom tiddependi l-prosperità tagħna tal-ġejjieni. B'mod parallel, il-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dejjem tiżdied tas-soċjetajiet tagħna u n-nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi tistieden lil kulħadd — inklużi l-persunal u l-istudenti tal-edukazzjoni għolja — biex jinvolvu ruħhom b'mod aktar attiv fil-komunitajiet ta' madwarhom u jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà.
Mingħajr istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u sistemi li jkunu effettivi fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u li jkunu konnessi mas-soċjetajiet tagħhom, l-Ewropa ma tistax tindirizza dawn l-isfidi. Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u parti mill-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw edukazzjoni u taħriġ ta' klassi dinjija. L-UE tista' tgħin lill-Istati Membri bl-isforzi tagħhom ta' riforma edukattiva. Din l-aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja għandha l-għan li tiżgura li l-inizjattivi tal-UE biex tiġi appoġġjata l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja jkunu ffukati fuq kwistjonijiet importanti, filwaqt li tgħin fit-tħejjija għall-perjodu ta' finanzjament tal-UE li jmiss.
…li tibni fuq il-ħidma li saret diġà…
L-UE għandha rekord ta' suċċess fl-appoġġ tal-edukazzjoni għolja permezz tal-kooperazzjoni politika u l-programmi ta' finanzjament. Is-Semestru Ewropew huwa mutur ewlieni tar-riforma, jiġifieri permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-edukazzjoni. Bħala parti mill-istrateġija Ewropea 2020 u mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), il-Kunsill qabel dwar mira li sal-2020, 40 % taż-żgħażagħ għandu jkollhom kwalifika ta’ edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti. L-Aġenda tal-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja li ilha tappoġġja din il-mira sa mill-2011 ipprovdiet direzzjoni strateġika għall-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri biex:
·Tinbena evidenza dwar x'jaħdem fl-edukazzjoni għolja (fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-tfassil ta' sistemi) permezz ta' studji, gruppi ta' esperti u analiżi u monitoraġġ ta' parametri referenzjarji u indikaturi;
·Jiġu appoġġjati l-kooperazzjoni, it-tagħlim reċiproku u l-konsulenza politika mmirata bejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni għolja;
·Jissaħħu l-kapaċità u r-riżultati tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja billi jiġu ffinanzjati proġetti ta' kooperazzjoni innovattivi bejn l-istituzzjonijiet u s-sħab tagħhom (Erasmus+, Orizzont 2020) u, permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), l-investiment fl-infrastruttura, il-faċilitajiet, il-ħiliet u l-proġetti ta' innovazzjoni. Il-proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment appoġġjaw ukoll l-investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni għolja, fosthom permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);
·Tiġi appoġġjata l-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti, tal-persunal u tar-riċerkaturi bħala mod li bih huma jkunu jistgħu jiżviluppaw l-esperjenza u l-ħiliet tagħhom (Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Curie). kif ukoll
·Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozji.
…iżda terġa' tiffoka l-isforzi fuq l-opportunitajiet u l-isfidi attwali li qed jevolvu
L-impatt pożittiv tal-attivitajiet tal-UE, u d-dimensjoni internazzjonali li jġibu magħhom, ġew rikonoxxuti mis-sħab soċjali tal-Istati Membri u mis-settur tal-edukazzjoni għolja. L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta' 40 %, iżda kif enfasizzat mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-appoġġ futur tal-UE għall-edukazzjoni għolja li saret fl-2016, is-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa qed jaffaċċjaw xi sfidi, fosthom:
·Spariġġ bejn il-ħiliet li l-Ewropa teħtieġ u l-ħiliet li għandha: ħafna partijiet tal-UE qed jesperjenzaw nuqqasijiet f'ċerti professjonijiet ta' ħiliet għolja, kemm f'termini ta' kwalifiki kif ukoll ta' kwalità tal-ħiliet assoċjati. Fl-istess ħin, għadd kbir wisq ta’ studenti jiggradwaw b’ħiliet bażiċi baxxi (litteriżmu, numeriżmu, litteriżmu diġitali) u mingħajr il-firxa ta’ ħiliet trasversali (soluzzjoni tal-problemi, komunikazzjoni, eċċ.) li huma jeħtieġu għar-reżiljenza f’dinja li qed tinbidel.
·Diviżjonijiet soċjali persistenti u dejjem jiżdiedu: persuni li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi u migranti żvantaġġati għandhom ftit inqas probabbiltà li jidħlu fl-edukazzjoni għolja u jlestuha; l-akkademiċi u l-gradwati spiss jitqiesu bħala maqtugħin mill-bqija tas-soċjetà; u s-segregazzjoni tas-sessi skont il-qasam ta' studju għadha komuni ħafna.
·Distakk fl-innovazzjoni: l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja spiss ma jikkontribwixxux daqs kemm imisshom fl-innovazzjoni fl-ekonomija usa', b'mod partikolari fir-reġjuni tagħhom. Il-prestazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-innovazzjoni tvarja ħafna bejn ir-reġjuni tal-UE.
·Il-komponenti differenti tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja mhux dejjem jaħdmu flimkien mingħajr xkiel: il-mekkaniżmi ta’ finanzjament, ta’ inċentivi u ta’ premjazzjoni fl-edukazzjoni għolja mhux dejjem ikunu mfassla biex jinċentivaw il-kwalità fit-tagħlim u fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-impenn. Il-kooperazzjoni mal-iskejjel, ma’ dawk li jipprovdu t-taħriġ vokazzjonali u mas-settur tat-tagħlim tal-adulti spiss hija limitata.
2.
PRIJORITAJIET GĦAL AZZJONI
Wasal iż-żmien li tingħata direzzjoni ġdida lill-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni għolja. Dan se jindirizza l-erba' sfidi ta' hawn fuq billi ssir enfasi fuq erba' prijoritajiet għal azzjoni korrispondenti, appoġġjati minn attivitajiet fil-livell tal-UE:
1.L-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet futuri u l-promozzjoni tal-eċċellenza fl-iżvilupp tal-ħiliet;
2.Il-bini ta’ sistemi ta’ edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi;
3.L-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni;
4.L-appoġġ ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja effettivi u effiċjenti
2.1
L-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet u l-promozzjoni tal-eċċellenza fl-iżvilupp tal-ħiliet
L-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet ta' livell għoli tal-Ewropa jirrikjedi azzjoni. L-ewwel, jeħtieġ li jiġu attirati aktar nies lejn l-oqsma ta' studju li jħejju lill-istudenti għall-impjiegi li fihom jeżistu nuqqasijiet jew qegħdin jitfaċċaw nuqqasijiet. F'ħafna Stati Membri tal-UE hemm domanda mhux issodisfata għal gradwati fl-oqsma (STE(A)M) tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, (l-arti) u l-matematika, il-professjonijiet mediċi u t-tagħlim. It-tieni, l-istudenti kollha fit-tagħlim avvanzat, irrispettivament mid-dixxiplina, jeħtieġ li jiksbu ħiliet trasversali avvanzati u kompetenzi ewlenin li jippermettulhom li jirnexxu. Il-kompetenzi diġitali ta’ livell għoli, in-numeriżmu, l-awtonomija, il-ħsieb kritiku u l-kapaċità tar-riżoluzzjoni tal-problemi huma attributi li qed isiru dejjem aktar kruċjali.
Dak li l-persuni jagħżlu li jistudjaw fl-edukazzjoni għolja jiddependi fuq il-motivazzjoni personali, gwida tajba u d-disponibbiltà tal-għażliet ta' tagħlim u ta' karriera attraenti. Fl-aħħar mill-aħħar l-opportunitajiet ta' karriera jiddependu fuq l-impjegaturi u l-ekonomija usa', iżda l-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll għandhom rwol importanti. L-iskejjel jistgħu jimmotivaw lill-istudenti biex jieħdu interess fis-suġġetti kollha, inkluż il-matematika u x-xjenzi, u biex jiggwidaw l-għażliet tagħhom. Dawn huma importanti wkoll biex tiġi indirizzata s-sottorappreżentanza tan-nisa, tal-minoritajiet u gruppi oħra li huma sottorappreżentati fis-suġġetti xjentifiċi u tekniċi fl-edukazzjoni għolja u konsegwentement fi professjonijiet relatati. Informazzjoni tajba dwar dak li jagħmlu l-gradwati, il-kuntatti mal-alumni u l-previżjonijiet dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri huma lkoll importanti għall-konsulenti li jagħtu pariri dwar il-karriera. L-edukazzjoni għolja għandha d-dmir li tiżgura li l-kontenut ikun aġġornat, tipprovdi programmi ta' studju rilevanti fl-oqsma fejn jeżistu nuqqasijiet ta' ħiliet u tiżviluppa metodi ta' tagħlim li jippermettu lill-istudenti jiksbu l-profondità tal-ħiliet li jkunu jeħtieġu.
Programmi u kurrikulu tal-edukazzjoni għolja li jkunu mfasslin tajjeb, iċċentrati fuq il-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-istudenti, huma kruċjali għall-iżvilupp effettiv tal-ħiliet. Firxa aktar wiesgħa ta' għażliet ta' korsijiet, inklużi korsijiet universitarji ta' sentejn u għażliet għal żvilupp professjonali kontinwu, jgħinu sabiex l-edukazzjoni għolja tissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tan-nies. It-teknoloġija toffri modi ġodda biex jiġi strutturat il-mod li bih jiġi organizzat it-tagħlim, inkluż permezz ta' tagħlim miftuħ, online, u mħallat biex tiżdied il-flessibbiltà u l-interazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti. Ir-riżorsi edukattivi miftuħa (OER) u l-analitika tat-tagħlim għandhom il-potenzjal li jtejbu t-tagħlim, iżda għadhom mhumiex qed jintużaw biżżejjed. Filwaqt li ħafna mit-tagħlim fl-edukazzjoni għolja jsir f'istituzzjonijiet li jwettqu attivitajiet ta' riċerka, ir-riċerka ma tintużax biżżejjed bħala kontribut għat-tagħlim, filwaqt li l-istudenti li għadhom ma ggradwawx ħafna drabi mhumiex involuti fir-riċerka. Dan jillimita l-opportunitajiet tal-istudenti li jesploraw kwistjonijiet kontemporanji u jiżviluppaw il-ħiliet ta' riċerka tagħhom. Ix-xjenza miftuħa diġitalment abilitata tiftaħ possibbiltajiet ġodda biex dan jiġi indirizzat.
L-edukazzjoni għolja għandha tippermetti wkoll lill-istudenti biex jiksbu ħiliet u esperjenzi permezz ta' attivitajiet ibbażati fuq problemi li jirriflettu kundizzjonijiet reali, tinkludi it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u, fejn possibbli, toffri l-mobbiltà internazzjonali. Il-kooperazzjoni mal-impjegaturi tista’ tippermetti lill-HEIs iżidu r-rilevanza tal-kurrikuli tagħhom u jwettquhom b’mod effettiv, u jżidu l-opportunitajiet għall-istudenti biex jaċċessaw it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol ta’ kwalità għolja.
It-tfassil, il-bini u t-twassil ta’ programmi ta’ studju ta’ kwalità mhuwiex faċli. L-għalliema tajbin huma kruċjali. Għadd kbir ħafna ta’ għalliema tal-edukazzjoni għolja rċevew ftit taħriġ pedagoġiku jew xejn u l-investiment sistematiku fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema jibqa’ l-eċċezzjoni. L-istrateġiji nazzjonali u istituzzjonali biex jitjiebu l-opportunitajiet għall-karriera u l-inċentivi għal għalliema tajbin qed isiru aktar komuni iżda huma lil hinn minn dak li huwa l-istandard.
Il-Kummissjoni se:
1.Tibda inizjattiva Ewropea biex isir stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati sabiex jitjieb l-għarfien fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar kif qed javvanzaw fil-karrieri tagħhom jew ikomplu fl-edukazzjoni. Din se tappoġġja t-titjib fil-gwida għall-karrieri, fit-tfassil ta' programmi, fl-istrateġija istituzzjonali u fit-tfassil ta' politika. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta bħala parti minn dan il-pakkett se tiġi appoġġjata minn stħarriġ dwar il-gradwati fil-livell tal-UE u minn kooperazzjoni biex jitjiebu l-mekkaniżmi nazzjonali ta' stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.
2.Tniedi koalizzjoni STE(A)M tal-UE aġġornata li tlaqqa’ flimkien id-diversi setturi tal-edukazzjoni, negozji u impjegaturi tas-settur pubbliku biex jippromwovu l-għażla ta’ suġġetti STE(A)M rilevanti u biex STE(A)M u kurrikuli oħra jiġu modernizzati, inkluż permezz ta' programmi aktar multidixxiplinari, kooperazzjoni bejn il-fakultajiet rilevanti u l-HEIs.
3.Tħeġġeġ l-integrazzjoni ta’ kollokamenti f'impjieg, rikonoxxuti permezz tal-punti tal-ECTS, fil-programmi tal-edukazzjoni għolja, li jkomplu jsaħħu l-konsorzji kummerċjali ta' Erasmus+ biex tiżdied id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kollokamenti f'impjieg u jiġu appoġġjati l-kollokamenti f’impjieg tal-istudenti ta' Erasmus+ b'enfasi partikolari fuq il-ħiliet diġitali.
4.Tiżviluppa u tintroduċi mudell ta' kapaċità diġitali biex tgħin lill-HEIs, lill-persunal u lill-istudenti tagħhom jimplimentaw strateġiji ta' tagħlim diġitali u jisfruttaw il-potenzjal tal-aħħar teknoloġija, inkluża l-analitika tat-tagħlim. Dan se jkun akkumpanjat minn gwida dwar inizjattivi relatati mal-edukazzjoni miftuħa.
5.Issaħħaħ l-appoġġ strateġiku għall-għalliema tal-edukazzjoni għolja, għall-kandidati għad-dottorat u għall-gradwati tal-postdottorat permezz ta’ Erasmus+ biex tgħinhom jiżviluppaw ħiliet fit-tfassil pedagoġiku u tal-kurrikulu permezz ta' opportunitajiet immirati għall-mobbiltà tal-persunal għal taħriġ pedagoġiku u kooperazzjoni msaħħa bejn iċ-ċentri tat-taħriġ għall-għalliema madwar l-UE.
2.2.
Il-bini ta' sistemi tal-edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi
L-edukazzjoni għolja trid tagħmel il-parti tagħha billi tindirizza l-isfidi soċjali u demokratiċi tal-Ewropa. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-edukazzjoni għolja tkun inklużiva, miftuħa għal talenti minn kull sfond, u li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ma jkunux torrijiet tal-avorju, iżda komunitajiet ta' tagħlim ċiviku konnessi mal-komunitajiet tagħhom. L-akkademiċi u l-istudenti għandhom rwol kruċjali x'jaqdu sabiex jiddefendu l-fatti empiriċi u l-evidenza u jikkomunikaw ir-riżultati tar-riċerka b’mod effettiv u mifrux.
Il-profil tal-popolazzjoni tal-istudenti li jidħlu u jtemmu l-edukazzjoni għolja għandu jirrifletti s-soċjetà ġenerali. Dan jirrikjedi intervent mill-gvern, l-iskejjel u l-edukazzjoni għolja. Il-gruppi soċjali li huma l-anqas irrappreżentati fl-edukazzjoni għolja huma aktar probabbli li ma jkollhomx ħiliet bażiċi (fil-litteriżmu, fin-numeriżmu u fil-kompetenza diġitali), esperjenza ta' tagħlim b'mod indipendenti u idea ċara ta' dak li tinvolvi l-edukazzjoni għolja. Il-kooperazzjoni sistematika bejn l-HEIs, l-iskejjel u l-fornituri tal-ETV hija meħtieġa sabiex l-istudenti jiġu mħejjija u ggwidati abbażi tat-talenti tagħhom, u mhux l-isfond tagħhom, u jiġu pprovduti mogħdijiet flessibbli bejn it-tipi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ. Gwida għall-karrieri u mentoraġġ adegwati huma kruċjali.
Sabiex is-sistemi tal-edukazzjoni għolja jsiru inklużivi jeħtieġ ukoll li jkun hemm kondizzjonijiet xierqa għall-istudenti li jkunu ġejjin minn sfondi differenti biex dawn ikunu jistgħu jirnexxu. Dan imur lil hinn mill-kwistjoni ta' appoġġ finanzjarju għall-gruppi żvantaġġati, għalkemm dan huwa vitali għal dawk li ġejjin minn sfondi bi dħul baxx. Sabiex tiġi promossa t-tlestija b'suċċess tal-istudji, il-fornituri tal-edukazzjoni għolja għandhom jagħtu ħarsa olistika lejn kif jiġu organizzati t-tagħlim u l-valutazzjoni, jimplimentaw miżuri li jiggwidaw lill-istudenti u jipprovdu appoġġ akkademiku u mhux akkademiku. Il-kampusijiet tal-HEI għandhom ikunu postijiet sikuri għall-istudenti kollha, ħielsa mill-vjolenza bbażata fuq is-sess u mid-diskriminazzjoni. L-identifikazzjoni bikrija ta' problemi hija kruċjali sabiex jiġi identifikat l-appoġġ li jkunu jeħtieġu l-istudenti. Għażliet ta' studju flessibbli (part-time jew online) u rikonoxximent aktar estensiv ta' tagħlim preċedenti huma wkoll meħtieġa sabiex l-edukazzjoni għolja ssir aktar aċċessibbli, b'mod partikolari għall-istudenti adulti. L-istrateġiji biex jgħinu lill-istudenti żvantaġġati sabiex ikollhom aċċess u jtemmu l-edukazzjoni għolja huma mod promettenti biex jintlaħqu dawn l-objettivi.
It-tneħħija tal-ostakli bejn l-edukazzjoni għolja u l-bqija tas-soċjetà tista' tgħin lill-istudenti biex jiżviluppaw il-kompetenzi soċjali u ċiviċi tagħhom. Xi istituzzjonijiet qed jiżviluppaw il-profil tagħhom bħala "universitajiet ċiviċi" billi jintegraw kwistjonijiet lokali, reġjonali u soċjali fil-kurrikulu, jinvolvu lill-komunità lokali fit-tagħlim u l-proġetti ta' riċerka, jipprovdu tagħlim tal-adulti u jikkomunikaw u jibnu rabtiet mal-komunitajiet lokali. Xogħol volontarju u fil-komunità organizzat tajjeb jista' jkun mod partikolarment effettiv biex jgħin lill-istudenti jiżviluppaw l-esperjenza u l-ħiliet prattiċi estensivi tagħhom. L-HEIs għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp tal-ibliet u tar-reġjuni tagħhom, billi jikkontribwixxu fl-istrateġiji ta' żvilupp, fil-kooperazzjoni man-negozji, fis-setturi pubbliċi u volontarji jew billi jappoġġjaw id-djalogu pubbliku dwar il-kwistjonijiet soċjali. L-involviment lil hinn mill-komunità akkademika fil-lingwi lokali għandu jkun inċentivat u ppremjat, inkluż bħala parti mill-iżvilupp tal-karriera.
Il-Kummissjoni se:
6.Tidderieġi l-appoġġ ta’ Erasmus+ biex tgħin lill-HEIs jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji istituzzjonali integrati għall-inklużjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-suċċess fl-istudju mid-dħul sal-gradwazzjoni, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-iskejjel u mal-fornituri tal-ETV.
7.Tippromwovi l-iżvilupp u l-ittestjar tat-tfassil ta' korsijiet flessibbli u modulari biex jiġi appoġġjat l-aċċess għall-edukazzjoni għolja permezz ta' prijoritajiet speċifiċi għal sħubiji strateġiċi ta' Erasmus+.
8.Tappoġġja lill-HEIs fl-għoti ta' punti tal-ECTS lill-istudenti għal attivitajiet ta’ volontarjat u fil-komunità, abbażi ta' eżempji pożittivi eżistenti.
9.Tappoġġja r-rikonoxximent tal-kwalifiki tar-rifuġjati biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni għolja. L-attivitajiet se jibnu fuq proġett tal-Erasmus+ li għaddej bħalissa li jipprovdi linji gwida prattiċi u jinkludi attivitajiet ta' konsulenza bejn il-pari bejn NARICs u l-partijiet ikkonċernati u l-moduli ta' tagħlim elettroniku, u se jikkomplementa l-għodda tal-profil tal-ħiliet għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.
2.3
L-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni
Ħafna istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja qed jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għall-problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. L-iżgurar li dawn l-isforzi jkunu mmirati sew u jgħinu biex isolvu l-isfidi immedjati kif ukoll dawk fit-tul mhuwiex faċli. L-innovazzjoni hija l-aktar xprunatur importanti għat-tkabbir ekonomiku. L-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-universitajiet intensivi fir-riċerka u l-universitajiet tax-xjenza applikata jikkontribwixxu għall-innovazzjoni b'modi differenti u relatati ma' xulxin; u fi ħdan u madwar konfini ġeografiċi multipli. It-tisħiħ tal-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-innovazzjoni jirrikjedi azzjoni fl-attivitajiet kollha tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja — l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-involviment mal-bqija tad-dinja. L-istituzzjonijiet jeħtieġ li jibnu kultura ta' innovazzjoni u intraprenditorija li tħares 'il barra.
Ideat u skoperti ġodda qed joriġinaw mill-kurżità, il-kreattività u l-inizjattiva tal-bniedem. Il-forom kollha ta' edukazzjoni għolja għandu jkollhom l-għan li jipprovdu lill-istudenti bil-kapaċità li jifhmu kunċetti ġodda, jaħsbu b'mod kritiku u b'mod kreattiv u jaġixxu b'mod intraprenditorjali biex jiżviluppaw u japplikaw ideat ġodda. L-istudji postuniversitarji u t-taħriġ għad-dottorat ta' kwalità għolja huma importanti. Dawn jipproduċu riċerkaturi, żviluppaturi u "maniġers tal-innovazzjoni" li jmexxu l-iskoperta xjentifika u l-promozzjoni u l-adozzjoni ta' ideat ġodda. Meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun, fl-UE għadd żgħir ħafna minn dawk li għandhom PhD jaħdmu barra mill-akkademja. L-HEIs jeħtieġ li jippromwovu dan permezz ta' enfasi akbar fuq programmi ta' dottorat dwar l-applikazzjoni tal-għarfien u l-interazzjoni ma' impjegaturi futuri.
L-HEIs għandu jkollhom ukoll rwol akbar fl-iżvilupp lokali u reġjonali. L-investiment tal-UE fl-iżvilupp reġjonali permezz tal-innovazzjoni huwa ggwidat mill-prinċipju ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti — li jiffoka l-investiment u l-isforz reġjonali fuq l-innovazzjoni fis-setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir. L-HEIs jistgħu jagħmlu aktar biex jiffaċilitaw il-konnesjonijiet bejn l-akkademiċi, l-intraprendituri u l-awtoritajiet pubbliċi, biex jallinjaw l-offerta edukattiva tagħhom mal-ħtiġijiet identifikati fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, jaħtfu l-opportunitajiet għall-innovazzjoni fis-setturi prijoritarji, u jgħinu lin-negozji lokali u organizzazzjonijiet oħrajn jifhmu u jadottaw modi ġodda ta' ħsieb. L-implimentazzjoni ta' dan kollu għandha tkun parti minn bidla kulturali akbar, fejn l-HEIs isiru “atturi intraprenditorjali”. L-għodda HEInnovate appoġġjata mill-UE tgħin biex l-innovazzjoni u l-intraprenditorija jsiru parti prinċipali mill-istrateġija istituzzjonali ġenerali. It-tikketta ta’ eċċellenza tipprovdi opportunità addizzjonali għal investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni.
L-innovazzjonijiet ta' għada jiddependu fuq ir-riċerka li ssir illum u fuq it-talent kreattiv li jiġu sfruttati r-riżultati. Il-gvernijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja jeħtieġ li jinvestu b'mod intelliġenti biex jiżviluppaw oqsma ta' saħħa eżistenti fir-riċerka rivoluzzjonarja. Il-ksib ta' eċċellenza fir-riċerka huwa marbut mal-kooperazzjoni u l-mobbiltà internazzjonali: missjoni ewlenija tal-programm Orizzont 2020. Iżda l-UE tista' tagħmel aktar biex issaħħaħ iċ-ċentri tal-eċċellenza fir-riċerka f'bosta partijiet tal-Ewropa u biex tħeġġeġ it-tisrif ta' avvanzi xjentifiċi f'innovazzjonijiet kummerċjabbli.
Il-Kummissjoni se:
10.Tespandi l-mudell tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) skema ta' innovazzjoni reġjonali (EIT-RIS) u t-tikketta tal-EIT għal aktar universitajiet u reġjuni, biex issaħħaħ l-iżvilupp tal-intraprenditorija u l-ħiliet ta' innovazzjoni u tħejji aħjar lill-kandidati għad-dottorat u lill-gradwati biex jaħdmu f'negozji innovattivi.
11.Tappoġġja aktar żvilupp u ttestjar ta' metodi ta' tagħlim għall-kreattività u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, billi tibni fuq ħidma konġunta bejn l-OECD u l-Kummissjoni Ewropea fis-settur skolastiku.
12.Tkompli tintroduċi Edukazzjoni Għolja għal Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, biex tipprovdi pariri lill-awtoritajiet pubbliċi biex jinvolvu mill-qrib l-HEIs u, fejn possibbli, lill-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs) tal-EIT, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.
13.Tiżviluppa opportunitajiet fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie li jgħinu biex jitneħħa d-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u jgħinu biex jiġi indirizzat l-eżodu ta' mħuħ minn reġjuni anqas żviluppati.
14.Issaħħaħ l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni bejn l-università u n-negozju, billi tagħmel il-Forum bejn l-Unversità u n-Negozji biannwali punt fokali għall-iskambju dwar l-HEIs u l-iżvilupp reġjonali fil-livell Ewropew u jippromwovi l-istabbiliment ta' fora bejn l-università u n-negozju reġjonali u nazzjonali madwar l-UE.
2.4.
L-appoġġ ta' sistemi tal-edukazzjoni għolja effettivi u effiċjenti
Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet u tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja li jwettqu dak li teħtieġ l-Ewropa hija bbażata fuq ir-riżorsi umani u finanzjarji, l-inċentivi u l-premjazzjoni xierqa li jintużaw b’mod effiċjenti. Il-gvernijiet jibqgħu l-finanzjaturi ewlenin tal-edukazzjoni għolja f'ħafna mill-Istati Membri tal-UE u, fil-każijiet kollha, għandhom rwol kruċjali fl-istabbiliment ta' inċentivi, objettivi u standards ta' kwalità għas-sistema ta' edukazzjoni għolja kollha kemm hi.
Minħabba li l-edukazzjoni għolja hija mitluba biex tagħmel aktar, qed isir dejjem aktar ta' sfida għall-gvernijiet u l-HEIs biex jiddeterminaw l-aħjar modi biex jimmiraw u jibbilanċjaw l-investiment. Mistoqsija waħda hija jekk aktar flus privati jistgħux u għandhomx jintużaw biex jiffinanzjaw l-edukazzjoni għolja. It-tieni waħda hija kif għandhom jitfasslu s-sistemi ta’ finanzjament li jħeġġu l-edukazzjoni għolja biex twettaq dak li teħtieġ is-soċjetà u li jirrikonċiljaw l-objettivi tal-effettività, l-ekwità u l-effiċjenza. Ħafna Stati Membri qed jittestjaw il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni u l-ftehimiet istituzzjonali li jistabbilixxu għanijiet miftiehma li l-HEIs individwali se jilħqu bħala kumpens għall-fondi pubbliċi. Għalkemm ir-riżultati inizjali ta' dawn l-attivitajiet huma promettenti, id-definizzjoni b'mod xieraq ta' indikaturi wesgħin biex jitkejjel il-progress mhix faċli.
Minbarra l-miżuri strutturali fis-sistema ta' finanzjament ġenerali, xi pajjiżi qed jintroduċu inċentivi mmirati biex itejbu aspetti partikolari tal-edukazzjoni għolja. Biex iżidu l-prestiġju u l-inċentivi assoċjati mat-tagħlim ta’ kwalità, xi wħud introduċew forom ġodda ta’ boroż ta’ studju għat-tagħlim u oqfsa għall-eċċellenza fit-tagħlim. Inizjattivi oħrajn għandhom l-għan li jsaħħu r-relazzjoni bejn it-tagħlim u r-riċerka billi jintegraw aħjar oqfsa ta' kwalità u sistemi ta' finanzjament. L-inizjattivi ta' finanzjament intużaw ukoll biex jinbnew rabtiet bejn l-HEIs u sħab barranin, jiġi promoss it-tagħlim ibbażat fuq ir-riċerka, jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u r-riċerka interdixxiplinari u tiġi introdotta l-innovazzjoni prattika fil-klassi.
Filwaqt li l-HEIs joperaw f'qafas maħluq mill-awtoritajiet pubbliċi (finanzjament, akkreditazzjoni, assigurazzjoni tal-kwalità), l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħolqien ta' inċentivi fl-istituzzjonijiiet għandhom impatt kbir. Tmexxija istituzzjonali tajba u kooperazzjoni interna u ġestjoni tar-riżorsi effettivi jsiru aktar importanti meta l-firxa tal-kompiti tal-istituzzjonijiet tiżdied u ssir aktar enfasi fuq il-kejl u l-wiri tal-prestazzjoni.
Il-Kummissjoni se:
15.Tniedi r-rieżami tal-istrutturi ta’ finanzjament, ta’ inċentivi u ta’ premjazzjoni għas-sistemi tal-edukazzjoni għolja, f’kooperazzjoni mal-OECD u tibni fuq il-programm ta’ konsulenza bejn il-pari għall-Istati Membri tal-UE dwar it-tfassil tajjeb tal-inċentivi u l-finanzjament fl-edukazzjoni għolja.
16.Tiżgura li r-riċerkaturi jiġu mħeġġa jwettqu kompiti ta' tagħlim, u/jew jiġu mħarrġa biex jagħmlu dan, bħala parti integrali mill-azzjonijiet Marie Curie.
3.
IS-SIMPLIFIKAZZJONI TAL-APPOĠĠ TAL-UE GĦALL-EDUKAZZJONI GĦOLJA
Sabiex jinkiseb il-progress, l-attivitajiet u l-finanzjament tal-UE jridu jiġu kkoordinati aħjar ...
Il-prijoritajiet deskritti hawn juru sa liema punt ir-rwoli tal-edukazzjoni għolja fl-edukazzjoni, ir-riċerka, is-soċjetà u l-innovazzjoni — l-erba’ elementi tal-ispirali tal-għarfien — huma marbutin. Sabiex is-sistemi ta' edukazzjoni għolja jaħdmu b'mod effettiv, dawn ir-rabtiet iridu jiġu rikonoxxuti u msaħħa fl-istrateġiji tal-HEIs individwali, fil-politika tal-edukazzjoni għolja nazzjonali u reġjonali u fl-attivitajiet li twettaq l-UE.
...biex tiġi appoġġjata l-evidenza għat-tfassil tal-politika u l-prattika ...
Billi jiġu mkejla l-prestazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni għolja, is-sistemi u l-istituzzjonijiet individwali b'mod komparabbli, l-UE tgħin biex jiġi pprovdut għarfien dwar dak li qed jaħdem sew. Dan jista' jintuża biex iqajjem diskussjonijiet fi ħdan is-sistemi u l-istituzzjonijiet nazzjonali, u biex jipprovdi bażi sabiex jinstabu soluzzjonijiet aħjar għall-problemi.
Biex tikkonsolida u ttejjeb il-bini tal-evidenza fuq l-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni se:
17.Ittejjeb is-sinerġiji bejn l-għodod ta' evidenza tal-UE billi toħloq Ċentru ta' Għarfien dwar l-edukazzjoni għolja. L-inkorporazzjoni tar-Reġistru Ewropew tal-Edukazzjoni Terzjarja (ETER), U-Multirank u l-fażi pilota proposta tal-istudju relatat mal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati se ttejjeb il-kwalità tad-dejta, il-kumparabbiltà, il-ġbir tad-dejta u l-indikaturi u se jinsiltu tagħlimiet dwar il-mod kif ġew implimentati l-għodod tad-dejta dwar l-edukazzjoni għolja tal-UE sa issa.
18.Issaħħaħ ix-xogħol tan-netwerk Eurydice u l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-OECD u l-pajjiżi Membri tagħha fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi u tibbenefika minn ħidma konġunta.
...ikun żgurat li jintużaw ir-riżorsi disponibbli biex isir investiment strateġiku fl-edukazzjoni għolja
Minbarra l-finanzjament tal-Erasmus+, ġew allokati Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej sinifikanti biex jappoġġjaw l-edukazzjoni għolja f'ħafna partijiet tal-UE, b'mod partikolari fir-reġjuni l-anqas żviluppati. Il-proġett HESS huwa komponent importanti fl-istrateġija kontinwa tal-Kummissjoni biex tgħin lill-HEIs jottimizzaw dawn ir-riżorsi billi jtejjeb l-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji reġjonali u l-kapaċità tal-innovazzjoni. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) qed jibda jintuża wkoll biex jattira l-investiment privat għal attivitajiet speċifiċi relatati mal-edukazzjoni għolja li joffru prospetti tajbin ta' profitti finanzjarji iżda jiskoraġġixxu self mingħand il-mutwanti tas-settur privat tradizzjonali.
... u jiġu promossi l-kooperazzjoni internazzjonali, l-iskambju u l-mobbiltà sabiex tingħata spinta lill-kwalità
Permezz tal-azzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qed tfittex li jkun żgurat li l-prattiki tajbin u l-aħħar żviluppi fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu kondiviżi u applikati bl-aktar mod wiesa' possibbli fl-Ewropa u mad-dinja kollha. Din iċ-ċirkolazzjoni internazzjonali ta' ideat hija mmexxija minn kooperazzjoni bejn l-istudenti, ir-riċerkaturi, il-persunal, l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet; il-mobbiltà fiżika tal-individwi; u l-appoġġ għall-"internalizzazzjoni lokali" fl-HEIs Ewropej. Dan min-naħa tiegħu jgħin lill-istituzzjonijiet isiru aktar miftuħin għad-dinja u jgħin fit-twettiq tal-eżodu ta' mħuħ.
L-edukazzjoni għolja u l-programmi ta' riċerka tal-UE qed iżidu l-attenzjoni tagħhom fuq il-kooperazzjoni internazzjonali, li tirrifletti l-firxa ta' kompetenzi meħtieġa biex jiġu solvuti l-isfidi globali kumplessi. Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal billi tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva mfassla mill-ġdid dwar l-istudenti u r-riċerkaturi u tippromwovi l-iskambju elettroniku tad-dejta bejn l-HEIs Ewropej u l-istudenti u l-persunal mobbli. Fid-dawl tal-Konferenza Ministerjali dwar il-Proċess ta’ Bolonja fl-2018, il-Kummissjoni se tlaqqa' wkoll lill-Istati Membri tal-UE biex jiddiskutu d-direzzjoni tal-kooperazzjoni futura fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja.
Filwaqt li l-Kummissjoni qed tħejji għall-baġit multiannwali li jmiss tal-UE, hija se tesplora l-ġejjieni tal-miri kondiviżi tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-Istati Membri u se tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni f'dawn l-oqsma bħala bażi biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni.
Il-Kummissjoni se:
19.Tissimplifika l-mobbiltà tal-istudenti billi tibni fuq proġetti eżistenti tal-Erasmus+ għall-iskambju elettroniku tad-dejta dwar l-istudenti u tesplora l-fattibilità tat-twaqqif ta' sistemi elettroniċi għall-identifikazzjoni tal-istudenti sabiex ikun permess l-aċċess transfruntier għas-servizzi tal-istudenti u d-dejta dwarhom.
20.Tibda diskussjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Erasmus+, dwar l-appoġġ effiċjenti lill-istudenti, lill-persunal, lill-istituzzjonijiet u lis-sistemi ta' edukazzjoni għolja.
4.
KONKLUŻJONIJIET U L-PASSI LI JMISS
L-implimentazzjoni ta' din l-aġenda mġedda se tirrikjedi l-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni għolja u dawk esterni. Il-Kummissjoni se tibda djalogu dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet u se tkompli tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, biex tmexxi 'l quddiem l-aġenda u tiżgura l-konformità mal-prijoritajiet fil-programmi ta' finanzjament tal-UE attwali u futuri.
Din l-aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja tifforma parti mill-istrateġija usa’ tal-Kummissjoni biex tappoġġja liż-żgħażagħ u ssaħħaħ il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Filwaqt li tikkomplementa l-Komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, hija tirrikonoxxi r-rwol vitali tal-edukazzjoni għolja fl-istabbiliment ta' pedamenti għal soċjetajiet prosperużi, inklużivi u demokratiċi. L-għan aħħari li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jridu jżommu f’moħħhom huwa li din l-aġenda titmexxa ’l quddiem.