EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0219

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IT-TIELET RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-operazzjonalizzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

COM/2017/0219 final

Brussell, 2.5.2017

COM(2017) 219 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

IT-TIELET RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operazzjonalizzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta


1.IL-GWARDJA EWROPEA TAL-FRUNTIERA U TAL-KOSTA - NISTABBILIXXU ĠESTJONI INTEGRATA TAL-FRUNTIERI EWROPEA

Il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni li fuqha l-Unjoni Ewropea qed tagħti riżultati sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati, ta’ perjodu medju kif ukoll fit-tul identifikati fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Ir-rapport kurrenti jagħti rendikont tal-progress li sar mill-bidu ta’ Marzu 2017 fl-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u tevalwa l-implimentazzjoni ta’ kull pass identifikat fl-ewwel u fit-tieni rapporti ta’ progress. B’mod partikolari, ir-rapport jagħti aġġornament dwar l-istadji tal-proċess tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà li tlestew riċentament u dwar l-iskjeramenti li għadhom għaddejjin fl-Istati Membri l-iktar esposti. Jirrapporta wkoll dwar id-deċiżjonijiet u d-diskussjonijiet li saru fl-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni, bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2017.

Dan ir-rapport jispjega wkoll il-proċess importanti għall-iżvilupp tal-kunċett ċentrali tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, jiġifieri li jiġi żviluppat qafas strateġiku li jiżgura l-istabbiliment tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea fil-fruntieri esterni. Dan se jkompli jiżviluppa l-prinċipju ta’ sistema integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni msemmi fl-Artikolu 77(2)(d) tat-TFUE.

2.APPOĠĠ OPERAZZJONALI LIL STATI MEMBRI

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tkompli tagħti appoġġ operazzjonali tanġibbli lil Stati Membri fil-ġestjoni tal-fruntiera b’iktar minn 1 500 gwardji tal-fruntiera u persunal ieħor rilevanti jiġu skjerati mill-Aġenzija f’taqsimiet differenti tal-fruntieri esterni tal-UE.

2.1.    Skjerament fl-Istati Membri l-iktar esposti

Il-Greċja

L-Aġenzija timplimenta tliet operazzjonijiet differenti fil-Greċja. L-Operazzjoni Konġunta Poseidon fil-Baħar Eġew tappoġġa lill-Greċja fil-kontroll tal-fruntieri u fl-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot fuq il-gżejjer tal-Eġew u fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

Ġew skjerati mill-Aġenzija 866 uffiċjal fil-kuntest tal-Operazzjoni Konġunta Poseidon, inkluż l-appoġġ għal attivitajiet ta’ riammissjoni, u ġew skjerati 280 uffiċjal tas-sigurtà mill-Pulizija Griega, kofinanzjati mill-Aġenzija. L-iskjerament jinkludi wkoll tliet bastimenti ta’ pattulja offshore, żewġ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta, disa’ dgħajjes ta’ pattulja tal-kosta, inġenju tal-ajru bil-ġwienaħ fissi, żewġ ħelikopters, 20 karozza tal-pattulja, erba’ xarabanks u vettura mgħammra bit-termoviżjoni.

L-Aġenzija tappoġġa lill-Greċja wkoll permezz ta’ Attivitajiet Operazzjonali Flessibbli tal-Operazzjonijiet Konġunti u Punti Fokali f’attivitajiet ta’ kontroll fil-fruntieri, mal-iskjerament ta’ total ta’ 54 uffiċjal fil-fruntieri tal-art tal-Greċja mat-Turkija, l-Albanija u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. B’mod partikolari, l-attività operazzjonali fit-Tramuntana tal-Greċja ssaħħaħ is-sorveljanza tal-fruntieri u tipprevjeni movimenti sekondarji irregolari, u b’hekk issaħħaħ aktar ir-rispons tal-UE għall-isfidi fir-rotta tal-Balkani tal-Punent. L-iskjerament preżenti jikkonsisti minn 17-il uffiċjal filwaqt li l-pjan operazzjonali jipprevedi ’l fuq minn 60 uffiċjal, li jfisser nuqqas kontinwu ta’ madwar 40 uffiċjal.

L-Italja

Taħt l-umbrella tal-Operazzjoni Konġunta Tritoni skjerata fl-Italja u fil-Baħar Mediterran Ċentrali, l-Aġenzija skjerat 345 uffiċjal, inkluż membri tal-ekwipaġġ tal-assi skjerati kif ukoll esperti li jassistu fl-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot. L-iskjerament huwa appoġġat minn tliet inġenji tal-ajru, żewġ ħelikopters, żewġ bastimenti ta’ pattulja offshore, sitt bastimenti ta’ pattulja tal-kosta u tliet dgħajjes ta’ pattulja tal-kosta.

Il-Bulgarija

L-Aġenzija tkompli tassisti lill-Bulgarija fil-kontroll tal-fruntieri tal-art, kif ukoll bil-ħsieb li tipprevjeni movimenti sekondarji irregolari. L-appoġġ huwa pprovdut permezz ta’ Attivitajiet Operazzjonali Flessibbli tal-Operazzjoni Konġunta u Punti Fokali fil-fruntieri tal-art tal-Bulgarija mat-Turkija u s-Serbja. L-iskjerament kurrenti jinkludi 149 uffiċjal appoġġat minn 11-il tim tal-klieb, tmien vetturi mgħammra bit-termoviżjoni, 41 karozza ta’ pattulja, tmien detetturi tas-CO2, u 39 kamera Smartdeck.

Spanja

L-Operazzjoni Konġunta Indalo 2017 tnediet fit-3 ta’ Mejju 2017 biex tappoġġa attivitajiet operazzjonali kkoordinati fil-fruntieri esterni tal-baħar tar-reġjun Mediterranju tal-Punent sabiex tikkontrolla flussi ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE u sabiex tindirizza l-kriminalità transkonfinali. L-iskjerament f’Mejju jipprevedi 61 uffiċjal appoġġati minn inġenju tal-ajru u bastiment ta’ pattulja offshore.

Il-Balkani tal-Punent

Bħalissa hemm 135 uffiċjal skjerati fi Stati Membri oħra biex jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-iktar skjeramenti importanti jitwettqu fil-qafas tal-Attivitajiet Flessibbli tal-Operazzjonijiet Konġunti fil-fruntieri tal-art tal-Kroazja u l-Ungerija mas-Serbja. Huma appoġġati minn għaxar timijiet tal-klieb, erba’ vetturi mgħammra bit-termoviżjoni, 33 karozza ta’ pattulja, detettur tas-CO2, u 12-il kamera Smartdeck.

2.2.    Il-kondiviżjoni ta’ riżorsi u l-bini tal-kapaċitajiet tal-Aġenzija stess bil-għan li jiġi pprovdut appoġġ operazzjonali

Fil-laqgħa tiegħu li saret bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2017, il-Bord tal-Ġestjoni tal-Aġenzija ġie ppreżentat b’abbozz tar-rapport annwali tal-2017 dwar l-impenji tal-Istati Membri lejn it-Timijiet ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Grupp ta’ Tagħmir Tekniku li dalwaqt se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew f’konformità mal-obbligi ta’ rappurtar tal-Aġenzija 1 .

Ir-rapport saħaq dwar iż-żieda sinifikanti fl-involviment tal-Istati Membri fl-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija fl-2016 meta mqabbel mas-snin preċedenti. L-għadd ta’ membri tat-Tim ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li ġew skjerati, irduppja minn 3 584 fl-2015 għal 8 353 fl-2016, u t-tul ta’ żmien tal-iskjeramenti trippla, minn 128 607 persuna/jum f’2015 għal 411 939 persuna/jum fl-2016. Mill-2015 għall-2016, il-forniment ta’ assi tekniċi żdied ukoll: is-sigħat ta’ viġilanza ta’ bastimenti ta’ pattulja offshore żdiedu b’14 %, ta’ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta żdiedu b’41 % u ta’ karozzi ta’ pattulja żdiedu b’34 %.

Għad hemm differenzi sinifikanti fl-operazzjonijiet li għadhom għaddejjin, kemm f’termini ta’ riżorsi umani u tagħmir tekniku meta mqabbla mal-ħtiġijiet ivvalutati mill-Aġenzija f’konformità mal-analiżi tar-riskji tagħha. L-Aġenzija tikkalkula li b’kollox, id-differenza globali ta’ persuni/jiem ta’ skjeramenti tammonta għal kważi 60 000 għall-operazzjonijiet kollha tagħha fl-2017.

Sabiex jimtlew dawn il-lakuni, mill-aħħar ta’ Frar 2017, fuq bażi ta’ kull ġimgħa, l-Aġenzija kienet qed tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżorsi meħtieġa. L-Aġenzija qed iżżid il-kapaċitajiet tagħha stess ukoll biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri l-iktar esposti billi tikri jew tixtri tagħmir jew servizzi. Bħalissa l-Aġenzija qed tmexxi bosta proċeduri tal-akkwist għall-akkwist ta’ servizzi ta’ sorveljanza mill-ajru u uffiċċji mobbli.

Mill-2017, l-Aġenzija se tuża EUR 10 miljun kull sena (total ta’ EUR 40 miljun għall-2017-2020) biex takkwista t-tagħmir tagħha stess, b’mod partikolari assi ta’ daqs żgħar u medju. L-Aġenzija diġà qed teżamina l-mezzi kif tibni l-kapaċitajiet permanenti tagħha u/jew kif iżżommhom operabbli wara l-akkwist.

Huwa essenzjali li l-Aġenzija telabora strateġija komprensiva li trid tiġi approvata mill-Bord ta’ Ġestjoni, dwar kif il-kapaċitajiet tal-Aġenzija stess se jiġu żviluppati/użati fl-2017-2020 u fejn jitqiesu l-għażliet differenti disponibbli għall-Aġenzija (jiġifieri, ix-xiri, il-kiri u l-iskjeramenti fuq terminu twil).

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Tfittex b’mod proattiv il-kontribuzzjonijiet neċessarji għall-operazzjonijiet li għaddejjin fil-qafas ta’ kuntatti bilaterali ma’ Stati Membri.

·Tiżviluppa u tippreżenta strateġija komprensiva lill-Bord ta’ Ġestjoni għal approvazzjoni sa Novembru 2017 dwar kif il-kapaċitajiet tal-Aġenzija stess se jiġu żviluppati/użati fl-2017-2020.

L-Istati Membri għandhom

·Jiżguraw li r-riżorsi miftiehma jkunu disponibbli għall-Aġenzija għat-twettiq ta’ operazzjonijiet u għar-riżervi obbligatorji.

·Jipprovdu r-riżorsi li ġejjin abbażi tal-lakuni identifikati fil-preżent:

Lakuni għall-Greċja 

Operazzjoni Konġunta Poseidon

Mejju 2017: sas-16 ta’ Mejju 27 espert (ħtiġijiet operazzjonali: 197 espert), żewġ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (20 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), bastiment ta’ pattulja offshore (50 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), żewġ vetturi ta’ trasport (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

16 ta’ Mejju - 29 ta’ Ġunju 2017: tliet esperti (ħtiġijiet operazzjonali:197 espert)

Ġunju 2017: tliet bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (30 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija parzjalment koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), bastiment ta’ pattulja offshore (50 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), żewġ vetturi ta’ trasport (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

27 ta’ Ġunju – 17 ta’ Awwissu 2017: 53 uffiċjal, (ħtiġijiet operazzjonali: 197 espert)

Lulju 2017: erba’ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (40 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), ħelikopter, (50 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), bastiment ta’ pattulja offshore (50 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), żewġ vetturi ta’ trasport (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

Attivitajiet Operazzjonali Flessibbli tal-Operazzjoni Konġunta u Punti Fokali fil-fruntiera tal-art fit-Tramuntana tal-Greċja

26 ta’ April – 24 ta’ Mejju 2017: 34 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 61 uffiċjal), vettura mgħammra bit-termoviżjoni (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), 14-il karozza tal-pattulja (54 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), żewġ timijiet tal-klieb (67 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), żewġ vetturi ta’ trasport (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

24 ta’ Mejju - 21 ta’ Ġunju 2017: 35 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 61 uffiċjal), 16-il karozza tal-pattulja (62 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), tliet timijiet tal-klieb (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), żewġ vetturi ta’ trasport (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

21 ta’ Ġunju – 19 ta’ Lulju 2017: 42 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 62 uffiċjal), 20 karozza tal-pattulja (77 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), tliet timijiet tal-klieb (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), żewġ vetturi ta’ trasport (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

Lakuni għall-Bulgarija (Attivitajiet Operazzjonali Flessibbli tal-Operazzjoni Konġunta u Punti Fokali)

26 ta’ April – 24 ta’ Mejju 2017: 45 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 175 uffiċjal - minħabba nuqqas ta’ offerti, 24 uffiċjal minn Stat Membru ospitanti għandhom jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), 19-il karozza ta’ pattulja (32 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, 12-il karozza ta’ pattulja minn Stat Membru ospitanti għandhom jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), disa’ timijiet tal-klieb (43 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

24 ta’ Mejju - 21 ta’ Ġunju 2017: 45 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 175 uffiċjal - minħabba nuqqas ta’ offerti, 24 uffiċjal minn Stat Membru ospitanti għandhom jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), żewġ vetturi mgħammra bit-termoviżjoni (25 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), 14-il karozza ta’ pattulja (23 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), 11-il tim tal-klieb (52 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

21 ta’ Ġunju – 19 ta’ Lulju 2017: 68 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 175 uffiċjal - minħabba nuqqas ta’ offerti, 24 uffiċjal minn Stat Membru ospitanti għandhom jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), tliet vetturi mgħammra bit-termoviżjoni (38 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), 25 karozza ta’ pattulja (42 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, 12-il karozza ta’ pattulja minn Stat Membru ospitanti għandhom jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), 11-il tim tal-klieb (52 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

Lakuni għall-Italja (Operazzjoni Konġunta Tritoni)

Mejju 2017: 14-il uffiċjal, żewġ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (67 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), erba’ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (67 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), bastiment ta’ pattulja offshore (50 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

Ġunju 2017: 27 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 126 uffiċjal, bastiment ta’ pattulja tal-kosta (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija), erba’ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (67 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija)

Lulju 2017: 23 uffiċjal (ħtiġijiet operazzjonali: 126 uffiċjal), bastiment ta’ pattulja tal-kosta (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), erba’ bastimenti ta’ pattulja tal-kosta (67 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), 0,5 xahar ta’ inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi (25 % tal-ħtiġijiet operazzjonali), bastiment ta’ pattulja offshore (33 % tal-ħtiġijiet operazzjonali)

Lakuni għal Spanja (Operazzjoni Konġunta Indalo)

Mejju 2017: 5 uffiċjali (ħtiġijiet operazzjonali: 11-il uffiċjal - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija parzjalment koperta minn tliet uffiċjali minn Stat Membru ospitanti li jridu jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), bastiment ta’ pattulja offshore (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, id-differenza hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija)

Ġunju 2017: 4 uffiċjali (ħtiġijiet operazzjonali: 11-il uffiċjal - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija parzjalment koperta minn tliet uffiċjali minn Stat Membru ospitanti li jridu jiġu kofinanzjati mill-Aġenzija), bastiment ta’ pattulja offshore (100 % tal-ħtiġijiet operazzjonali - minħabba nuqqas ta’ offerti, il-lakuna hija koperta minn assi ta’ Stat Membru ospitanti ffinanzjati mill-Aġenzija)

Lulju 2017: tliet uffiċjali (ħtiġijiet operazzjonali: 11-il uffiċjal)

3.PROGRESS LI SAR FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-OQSMA TA’ PRIJORITÀ

3.1.    It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ reazzjoni rapida tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta, inkluż il-kondiviżjoni mandatorja ta’ riżorsi

Ir-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida

Filwaqt li d-disponibbiltà sħiħa ta’ aktar minn 1 500 gwardji tal-fruntiera u uffiċjali oħra diġà ġiet ikkonfermata, żewġ kwistjonijiet xorta għadhom jaffettwaw id-disponibbiltà sħiħa tar-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida f’konformità mar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta:

1) In-nomina tal-gwardji tal-fruntieri

Ir-rekwiżit għan-nomina tal-gwardji tal-fruntieri huwa definit b’mod ċar fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-Aġenzija għandha bżonn l-ismijiet tal-uffiċjali biex tiżgura l-kwalità tar-riżerva billi tivverifika jekk il-gwardji tal-fruntieri nominati jikkorrispondux mal-profili definiti u billi tiżgura li huma mħarrġa b’mod adegwat qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet operazzjonali. S’issa numru limitat biss ta’ Stati ta’ Schengen (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, ir-Rumanija u l-Iżvizzera) taw l-ismijiet tal-esperti li jikkorrispondu għad-daqs tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom previsti fl-Anness 1 tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fis-27 ta’ Marzu 2017. Bosta Stati Membri esprimew tħassib u argumentaw li d-disponibbiltà sħiħa tal-gwardji tal-fruntieri nominati ma tistax tiġi garantita minħabba vaganzi, liv minħabba mard jew assenzi oħra.

Fil-laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Aġenzija li saret bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni saħqet li għandha tiġi esplorata soluzzjoni prattika b’konformità sħiħa mal-bażi legali. Elementi ġenerali ta’ tali soluzzjoni prattika 2 ġew ippreżentati fil-laqgħa tan-Netwerk tal-Kondiviżjoni ta’ Riżorsi li saret bejn il-25 u s-26 ta’ April 2017. Madanakollu, kien hemm għadd ta’ kwistjonijiet li ħtieġu iktar kjarifiki. Fil-bidu ta’ Mejju l-Aġenzija se tiċċirkola dokument kunċettwali li jiddefinixxi modalitajiet dettaljati tas-soluzzjoni proposta. L-Istati Membri se jingħataw flessibilità fil-limiti tal-kontribuzzjonijiet tagħhom stess għall-parti regolari tar-riżerva tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li fl-istess ħin l-Aġenzija tista’ tivverifika konformità mal-profili u tiżgura t-taħriġ.

2) L-Armonizzazzjoni ta’ profili

L-Aġenzija għadha trid tqabbel in-numru ta’ esperti għal xi profili mwiegħda mill-Istati Membri f’konformità mal-limiti stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-Bord tal-Ġestjoni. Minkejja li kien hemm wisq wegħdiet, jiġifieri, 143 uffiċjal ta’ sorveljanza fil-fruntieri u bosta uffiċjali għal profili oħra, hemm nuqqas ta’ 167 espert tar-reġistrazzjonijiet/tat-teħid tal-marki tas-swaba’ u 38 esperti tal-iskrinjar tan-nazzjonalità. L-Aġenzija għandha tindirizza din il-kwistjoni b’mod proattiv f’kuntatti bilaterali mal-Istati Membri, b’mod partikolari ma’ dawk li l-iktar li kkontribwew għall-iktar profili mwiegħda, sabiex ibiddlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f’uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet/tat-teħid tal-marki tas-swaba’ f’esperti tal-iskrinjar tan-nazzjonalità.

Ir-Riżerva ta' Tagħmir tar-Reazzjoni Rapida

Wara l-ewwel u t-tieni rapporti ta’ progress, matul ix-xahar ta’ Marzu, l-Aġenzija reġgħet nediet sejħa għal kontribuzzjonijiet kumplimentari fir-Riżerva. B’riżultat ta’ dawn l-isforzi, sa nofs April 2017 ma kienx hemm iktar lakuni għal karozzi ta’ pattulja u saru iżjed wegħdiet għal bastimenti ta’ pattulja tal-kosta, bastimenti ta’ pattulja offshore u vetturi mgħammra bit-termoviżjoni. Madanakollu, xorta għad hemm lakuni konsiderevoli għall-maġġoranza ta’ tipi ta’ tagħmir. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma hemmx wegħdiet ġodda mill-Istati Membri fir-Riżerva, li għadha żgurata biss minn 14-il Stat Membru biss (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja).

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Tipparteċipa f’diskussjonijiet bilaterali b’mod urġenti mal-Istati ta’ Schengen, b’mod partikolari ma’ dawk li għadhom ma kkontribwewx fir-Riżerva ta' Tagħmir tar-Reazzjoni Rapida (il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Greċja, Malta, in-Norveġja, il-Lussemburgu, il-Litwanja, Spanja, is-Slovakkja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera) bil-għan li jissolvew il-lakuni identifikati fit-tagħmir.

·Tiżgura li sal-aħħar ta’ Mejju 2017, l-esperti nominati fir-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida, speċjalment l-uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet/tat-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-uffiċjali tal-iskrinjar tan-nazzjonalità jiġu pprovduti skont iċ-ċifri tal-profili speċifiċi ddefiniti mill-Bord tal-Ġestjoni.

·Tivverifika, sal-aħħar ta’ Ġunju 2017, id-disponibbiltà fir-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida tal-1 500 gwardjani kollha tal-fruntieri, u sal-aħħar ta’ Ottubru 2017, twettaq skjerament fittizju ta’ riżorsi umani u tekniċi mir-Riżervi.

L-Istati Membri għandhom

·Jimlew il-lakuni identifikati fir-Riżerva ta' Tagħmir tar-Reazzjoni Rapida sal-aħħar ta’ Mejju 2017. Għandhom isiru sforzi partikolari minn dawk l-Istati Membri li għadhom ma kkontribwewx.

·Jikkomunikaw l-ismijiet tal-esperti lir-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida sal-aħħar ta’ Ġunju 2017.

3.2.    It-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà preventivi bbażati fuq metodoloġija komuni

It-tisħiħ ta’ kontroll ta’ valutazzjonijiet preventivi li jiggarantixxu l-funzjonament taż-żona Schengen għadu prijorità politika ewlenija għall-Unjoni Ewropea. L-Aġenzija għamlet sforzi intensivi biex tipprepara l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà li huma essenzjali għall-proċess tal-kontroll ta’ kwalità ta’ Schengen skont il-metodoloġija komuni u l-kalendarju miftiehem.

Apparti d-Danimarka 3 , l-Istati Membri kollha pprovdew l-Aġenzija b’dejta dwar il-kapaċitajiet eżistenti. Għall-maġġoranza tal-Istati Membri, il-kompletezza tad-dejta kienet sodisfaċenti. Iżda ngħatat informazzjoni parzjali biss (bejn 50-75 % tad-dejta meħtieġa) minn tmien Stati Membri [Franza, l-Ungerija, l-Italja, Malta, in-Norveġja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, Spanja]. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom fit-terminu twil biex jiġbru din id-dejta.

F’Marzu-April 2017, l-Aġenzija wettqet l-hekk imsemmija valutazzjonijiet tal-linja bażi għall-Istati Membri kollha (ħlief għad-Danimarka u għall-Ġermanja minħabba s-sottomissjoni tard tad-dejta), jiġifieri, analiżi fil-fond tal-kapaċitajiet eżistenti tal-Istati Membri flimkien mal-indikaturi kurrenti tat-theddid ma’ sett ta’ kriterji oġġettivi. Il-valutazzjonijiet tal-linja bażi abbozzati kienu diġà ġew ikkonsultati mal-Istati Membri. Fl-aħħar ta’ April 2017, ir-rapporti individwali finali bir-riżultati ewlenin tal-valutazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li identifikaw l-iktar vulnerabbiltajiet urġenti, ġew ikkomunikati lit-tmien Stati Membri. Ir-rapporti individwali finali lill-bqija tal-Istati Membri huma mistennija li jiġu kkomunikati fil-bidu ta’ Mejju minħabba s-sottomissjoni tardiva ta’ kummenti mill-Istati Membri kkonċernati.

Skont ir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-linja bażi, sal-aħħar ta’ Mejju 2017 id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija se jiddeċiedi fuq ir-rakkomandazzjoni(jiet) possibbli li għandhom jiġu indirizzati lill-Istati Membri kkonċernati. Peress li l-objettiv tal-valutazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà huwa li jiġu identifikati, speċjalment għal dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi u disproporzjonati, il-konsegwenzi immedjati possibbli fil-fruntieri esterni u l-konsegwenzi sussegwenti dwar il-funzjonament taż-żona Schengen, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom - bħala kwistjoni ta’ prijorità - jiffukaw fuq l-iktar vulnerabbiltajiet urġenti meta mqabbla mal-isfidi kurrenti fil-fruntieri esterni li qed jaffettwaw il-funzjonament taż-żona ta’ Schengen.

Huwa essenzjali wkoll li r-rakkomandazzjonijiet bil-miżuri proposti huma preċiżi, operazzjonali u jibnu fuq l-informazzjoni teknika dettaljata akkwistata mill-Istati Membri. L-Aġenzija se tkun tista’ tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri mill-Istati Membri b’mod effettiv taħt dawn il-kundizzjonijiet biss. Fil-każ tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri fil-limitu ta’ żmien stabbilit, id-Direttur Eżekuttiv irid jirreferi l-kwistjoni iktar fil-fond mal-Bord tal-Ġestjoni u jinnotifika lill-Kummissjoni.

Il-valutazzjonijiet tal-linja bażi se jirriżultaw ukoll fl-identifikazzjoni ta’ bosta Stati Membri li fir-rigward tagħhom l-Aġenzija se twettaq l-hekk imsemmija eżerċizzi ta’ simulazzjoni biex tivvaluta l-kapaċitajiet tagħhom biex jiffaċċjaw sfidi futuri bil-fruntieri esterni. Dawn l-eżerċizzji jeżaminaw u jittestjaw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom kontra r-riskji u x-xenarji li ma seħħewx imma li jistgħu jiġu vijabbilment preżunti abbażi tal-analiżi tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi ġirien u fil-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Ladarba r-riżultati tal-eżerċizzji ta’ simulazzjoni jkunu disponibbli sal-aħħar ta’ Ottubru 2017, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jindirizza sensiela oħra ta’ rakkomandazzjonijiet possibbli għall-Istati Membri kkonċernati.

Minn April 2017, l-Aġenzija hija mistennija twettaq l-hekk imsemmija Valutazzjoni tat-Theddid Emerġenti. Abbażi tal-iskenjar ta’ kull xahar tal-Istati Membri permezz ta’ indikaturi rilevanti, fi kwalunkwe ħin, l-Aġenzija tista’ tagħti bidu għal valutazzjoni/simulazzjoni speċifika biex teżamina l-kapaċitajiet ta’ Stat Membru fit-trattament ta’ theddid ġdid emerġenti li possibbilment jista’ jwassal għal iktar rakkomandazzjonijiet dwar il-vulnerabbiltajiet li ma tqisux fil-valutazzjonijiet tal- linja bażi preċedenti jew f’eżerċizzi ta’ simulazzjoni.

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Tipprijoritizza l-identifikazzjoni tal-iktar vulnerabbiltajiet urġenti abbażi tal-ewwel riżultati dwar il-proċess tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u informazzjoni oħra.

·Tiżgura li sas-sajf tal-2017 ikun hemm persunal adegwat fit-tim li qed jittratta l-proċess tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà.

·Tagħmel rakkomandazzjonijiet sal-aħħar ta’ Mejju abbażi tar-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-linja bażi lill-Istati Membri rilevanti biex tindirizza l-iktar vulnerabbiltajiet urġenti bħala kwistjoni ta’ prijorità.

·Tittrasmetti l-ewwel riżultati dwar il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà sal-15 ta’ Ġunju 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

·Twettaq eżerċizzji ta’ simulazzjoni fuq l-isfidi futuri minn Ottubru 2017.

·Tadotta l-metodoloġija riveduta komuni sal-aħħar ta’ Novembru 2017, għal valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà abbażi tal-esperjenzi miksuba.

L-Istati Membri għandhom

·Id-Danimarka għandha tissottometti d-dejta meħtieġa sal-15 ta’ Mejju 2017 sabiex tippermetti lill-Aġenzija biex twettaq il-valutazzjoni tal-linja bażi.

·L-Istati Membri li ma pprovdewx id-dejta kompluta dwar il-kapaċitajiet eżistenti għandhom itejbu l-proċessi rispettivi nazzjonali tagħhom tal-ġbir ta’ dejta.

·L-Istati Membri li se jirċievu rakkomandazzjonijiet wara l-valutazzjoni tal-linja bażi għandhom jistabbilixxu l-pjanijiet ta’ azzjoni neċessarji u jirrappurtaw lill-Aġenzija regolarment.

·L-Istati Membri kollha li jintgħażlu għall-eżerċizzju ta’ simulazzjoni għandhom jirrispondu malajr għat-talbiet mill-Aġenzija għal dejta u informazzjoni addizzjonali.

3.3.    Appoġġ għar-ritorn

Ir-rata ta’ operazzjonijiet tar-ritorn appoġġati mill-Aġenzija tkompli tiżdied. Bejn l-1 ta’ Jannar u s-7 ta’ April 2017, l-Aġenzija tat appoġġ għal 92 operazzjoni ta’ ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fejn irritornaw 3 879 ċittadin ta’ pajjiżi terzi.

Sa dan il-punt, 48 minn dawn it-92 operazzjoni kienu jikkonċernaw titjiriet lejn il-Balkani tal-Punent. Seħħew numru limitat biss ta’ operazzjonijiet fil-pajjiżi Afrikani tat-Tramuntana u tal-Punent. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mill-fatt li bosta pajjiżi terzi ma jaċċettawx titjiriet charter u jippermettu r-ritorn taċ-ċittadini tagħhom stess permezz ta’ titjiriet kummerċjali biss. Għal din ir-raġuni, l-Aġenzija għandha tibda toffri appoġġ lill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun għal operazzjonijiet ta’ titjiriet kummerċjali.

Mis-7 ta’ Jannar 2017, tliet riżervi ġodda ta’ kontrolluri tar-ritorn furzat, skorti għar-ritorn furzat u speċjalisti tar-ritorn se jkunu disponibbli għal operazzjonijiet. Sas-7 ta’ April 2017, 25 Stat Membru kkontribwew għal dawn ir-riżervi billi pprovdew 536 mis-690 espert li kienu meħtieġa. L-Istati ta’ Schengen li għadhom ma kkontribwew għall-ebda waħda mir-riżervi - Ċipru u l-Iżvizzera - għandhom jagħmlu dan b’urġenza.  

L-Istati Membri kollha għandhom bżonn jimlew il-lakuni, b’mod partikolari għar-riżerva ta’ skorti għar-ritorn furzat fejn ġew offruti 416-il espert minn total tas-600 li ntalbu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija, li l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex isiru attivitajiet relatati mar-ritorn huma irrappreżentati b’mod xieraq fir-riżerva ta’ speċjalisti ta’ ritorn. Dan huwa ta’ importanza partikolari fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn meta mqabbla mas-snin preċedenti, filwaqt li jitqies il-bżonn għal interventi ta’ ritorn li jista’ jkun hemm fix-xhur li ġejjin.

Ir-riżervi ta’ ritorn tqiegħdu fil-prattika. Sas-7 ta’ April 2017, 19-il operazzjoni ta’ ritorn ġew issorveljati permezz tal-parteċipazzjoni ta’ kontrollur tar-ritorn furzat mir-riżerva. S’issa, 10 skorti għar-ritorn furzat mir-riżerva ġew skjerati f’appoġġ operazzjonali.

Aspett li jistħoqqlu attenzjoni partikolari huwa li jiġu ċċarati l-modalitajiet u r-regoli prattiċi dwar l-iskjerament tal-membri tar-riżerva kif ukoll il-kompiti operazzjonali u r-responsabbiltajiet legali tagħhom. L-Aġenzija għandha tistinka biex tiddefinixxi dawn l-elementi billi tipprovdi qafas solidu għar-riżervi u tiżgura li jkunu lesti għall-iskjerament sal-aħħar ta’ Mejju 2017 kif mitlub fir-rapport preċedenti.

Biex taffaċċja l-ammont ta’ xogħol addizzjonali u biex tilħaq totalment l-aspettattivi marbutin mal-mandat il-ġdid, l-Aġenzija għandha tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li jintlew pożizzjonijiet disponibbli tal-persunal u li jintuża l-baġit allokat għall-attivitajiet tar-ritorn.

Fil-Komunikazzjoni “Dwar politika ta’ ritorn iktar effettiva fl-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni mġedded” 4 , il-Kummissjoni pproponiet miżuri u azzjonijiet addizzjonali sabiex l-Aġenzija żżid l-attivitajiet tar-ritorn. Il-progress relatat se jiġi ssorveljat fir-rapport li jmiss.

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta  għandha

·Tiddefinixxi l-modalitajiet, regoli, kompiti operazzjonali u responsabbiltajiet legali prattiċi għall-iskjerament tal-membri tar-riżerva biex tiżgura li r-riżervi huma lesti għall-iskjerament sħiħ sal-aħħar ta’ Mejju 2017 sal-iktar tard.

·Timla’ l-pożizzjonijiet disponibbli tal-persunal allokati lill-attivitajiet tar-ritorn sa Ġunju 2017.

·Tiżgura li r-riżorsi finanzjarji allokati lill-attivitajiet tar-ritorn għall-2017 jintużaw kollha.

L-Istati Membri għandhom

·Jikkontribwixxu mill-ewwel għar-riżervi jekk m’għadhomx għamlu dan s’issa (Ċipru u l-Iżvizzera).

·Jimlew il-lakuni li għad fadal fir-riżervi.

·Jibdew jagħtu informazzjoni mill-ewwel, fuq bażi ta’ kull xahar, dwar l-ippjanar indikattiv ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn nazzjonali, inkluż dwar in-numru ta’ persuni mibgħuta lura u l-pajjiżi terzi ta’ ritorn.

3.4.    L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għall-ilmenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Mill-aħħar rapport, ma ġewx sottomessi lmenti ġodda. L-Aġenzija għadha trid ittejjeb it-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-mekkaniżmu, inkluż l-aċċessibbiltà tal-formoli għall-ilmenti fis-sit web tal-Aġenzija. L-Aġenzija se tiżgura wkoll ġestjoni aħjar tal-ilmenti li jidħlu fil-futur, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kawżi bl-IT li hija mistennija li tkun lesta sa Ġunju 2017. Ladarba l-infrastruttura neċessarja kollha hija stabbilita sew, l-Aġenzija għandha tniedi kampanja ta’ informazzjoni biex il-mekkaniżmu għall-ilmenti jkun iktar viżibbli.

Fir-rigward ta’ persunal addizzjonali għal appoġġ lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, f’Marzu ġie impjegat aġent temporanju wieħed u huwa mistenni li jibda jaħdem mal-Aġenzija f’Mejju 2017. F’Mejju 2017 se jibdew żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ għal żewġ assistenti (persunal b’kuntratt). Barra minn hekk, l-Aġenzija hija mistennija li timpjega persunal ieħor għall-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali.

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Timpjega żewġ membri oħra tal-persunal sal-aħħar ta’ Lulju 2017 biex jappoġġaw l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali.

·Tlesti l-infrastruttura tal-IT sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 biex il-formoli tal-ilmenti jkunu iktar aċċessibbli.

·Tmexxi kampanja ta’ informazzjoni bil-għan li jkun hemm tixrid aħjar tal-mekkaniżmu għall-ilmenti.

3.5.    Inwittu t-triq għal kooperazzjoni operazzjonali aħjar ma’ pajjiżi terzi ta’ prijorità permezz tat-twaqqif ta’ ftehim ta’ status ta’ mudell

Fir-rigward tal-kooperazzjoni operazzjonali tal-Aġenzija ma’ pajjiżi terzi ta’ prijorità, fil-laqgħa tiegħu li saret bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2017, il-Bord ta’ Ġestjoni ġie infurmat bl-intenzjoni tad-Direttur Eżekuttiv biex jerġgħu jinfetħu n-negozjati għal arranġament tax-xogħol għal kooperazzjoni mal-Libja.

L-Aġenzija ppreżentat ukoll dokument kunċettwali dwar kooperazzjoni bejn l-Uffiċjali ta’ Kollegament tal-Aġenzija, l-Uffiċjali ta’ Kollegament tal-Istati Membri u l-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropew għall-Migrazzjoni li huma skjerati fl-istess postijiet.

L-Uffiċjal ta’ Kollegament li għandu jiġi skjerat fin-Niġer se jiġi impjegat mill-Aġenzija fis-16 ta’ Mejju 2017. Il-proċedura tal-għażla għall-Uffiċjal ta’ Kollegament għall-Balkani tal-Punent ukoll ġiet iffinalizzata u l-kandidat magħżul huma mistenni li jiġi impjegat mal-Aġenzija fl-1 ta’ Lulju 2017. Iż-żewġ kandidati se jagħmlu taħriġ ta’ qabel l-iskjerament qabel ma jiġu skjerati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, jiġifieri fin-Niġer (f’Ġunju 2017) u fis-Serbja (fis-sajf tal-2017).

Fit-8 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet rilevanti li jawtorizzaw il-Kummissjoni biex tibda negozjati mas-Serbja u mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex jiftiehmu fuq il-ftehimiet dwar l-istatus li huma meħtieġa għall-iskjerament tat-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorji tagħhom. L-ewwel sensiela ta’ negozjati mas-Serbja seħħet fis-7 ta’ April 2017 u s-sensiela li jmiss se ssir bejn il-11 u t-12 ta’ Mejju 2017. Il-Kummissjoni timmira li tikkonkludi l-arranġamenti mas-Serbja u mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mill-iktar fis possibbli.

Il-passi li jmiss:

Il-Kummissjoni se

·Tiftaħ in-negozjati formali mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ladarba din tal-aħħar tkun lesta li tibda n-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Tiffinalizza r-reklutaġġ u l-iskjerament tal-Uffiċjali ta’ Kollegament għan-Niġer u s-Serbja sa Ġunju u sa Awwissu 2017 rispettivament.

3.6.    Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali

Fit-8 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni laqgħet il-firma tal-ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u mill-Ministru Pollakk tal-Intern. Il-ftehim se jidħol fis-seħħ tliet xhur wara l-aħħar notifika mill-partijiet meta jitlestew il-proċeduri interni. Il-proċedura tal-Aġenzija tlestiet bl-approvazzjoni tal-ftehim tal-Bord ta’ Ġestjoni u bil-firma finali tad-Direttur Eżekuttiv. Il-ftehim għad irid jiġi rratifikat min-naħa Pollakka.

Il-pass li jmiss:

·Il-Polonja għandha tirratifika l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali mill-iktar fis possibbli.

3.7. L-iskjerament ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament fi Stati Membri

L-Aġenzija għanda tissorvelja l-ġestjoni tal-fruntieri esterni mill-Istati Membri b’mod regolari, mhux biss permezz tal-analiżi tar-riskji, l-iskambju ta’ informazzjoni u s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), imma wkoll permezz tal-preżenza tal-Uffiċjali ta’ Kollegament tagħha stess fl-Istati Membri.

Fil-laqgħa tal-Bord ta’ Ġestjoni li saret bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2017, id-Direttur Eżekuttiv ppreżenta abbozz ta’ deċiżjoni għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni fejn iddefinixxa r-rwol u l-kompiti tal-Uffiċjali ta’ Kollegament, l-aċċess tagħhom għal informazzjoni u r-raggruppament ta’ bosta Stati Membri taħt Uffiċjal wieħed ta’ Kollegament. Uffiċjal wieħed ta’ Kollegament jista’ jkopri sa erba’ Stati Membri li qegħdin ġeografikament qrib xulxin. Huwa mistenni li jiġi ffirmat Memorandum ta’ Qbil tul is-sitt xhur tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni fejn l-Istati Membri kollha huma mistennija jindirizzaw il-modalitajiet tal-iskjerament. Sadattant, l-Aġenzija se timpjega u tħarreġ il-kandidati adegwati.

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

 

·Tipproponi l-abbozz finali tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni finali li jrid jiġi approvat mill-Bord ta’ Ġestjoni sal-aħħar ta’ Ġunju 2017.

·Tniedi l-proċedura tal-għażla rilevanti għar-reklutaġġ tal-Uffiċjali ta’ Kollegament fid-dawl tar-reklutaġġ, tat-taħriġ u tal-iskjerament effettiv eventwali tagħhom sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2017.

L-Istati Membri għandhom

·Jaqblu mal-Aġenzija dwar il-Memorandum ta’ Qbil li tistabbilixxi l-modalitajiet tal-iskjerament tal-Uffiċjali ta’ Kollegament sa Ottubru 2017.

3.8.    Iż-żieda fil-persunal tal-Aġenzija

Fl-ewwel 90 jum kalendarju tal-2017, l-Aġenzija impjegat 91 membru ġdid tal-persunal. Għaddejjin kważi 100 proċedura ta’ reklutaġġ u 132 proċedura ta’ dan it-tip se jitniedu fix-xhur li ġejjin. Sal-aħħar tal-2017, mistennija li se jkun hemm 655 membru tal-persunal li se jaħdmu għall-Aġenzija, ċifra li hija kważi d-doppju tal-2015.

L-Aġenzija ssib diffikultajiet biex tiżgura r-reklutaġġ fuq l-iktar bażi ġeografika wiesa’ possibbli minn fost l-Istati Membri, kif stipulat fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Aġenzija qed tiffaċċja sfidi wkoll biex timla’ pożizzjonijiet ġodda previsti għal Esperti Nazzjonali Sekondati (madwar 25 % tal-pożizzjonijiet ġodda kollha) minħabba rispons limitat mill-Istati Membri.

Il-passi li jmiss:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

 

·Tniedi proċeduri ta’ reklutaġġ sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 għall-pożizzjonijiet kollha previsti, skont il-pjan ta’ stabbiliment miftiehem għall-2017.

·Tiżgura l-assorbiment effettiv ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali f’konformità mal-prijoritajiet approvati mill-awtorità baġitarja.

Il-Kummissjoni se

·Tesplora, flimkien mal-Aġenzija, mezzi kif jiġu indirizzati l-isfidi tar-reklutaġġ.

L-Istati Membri għandhom

·Jiżguraw riżultati aħjar fir-rigward tal-iskjerament ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati.

4.ĠESTJONI INTEGRATA TAL-FRUNTIERI EWROPEA: IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

4.1. Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

Ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilixxa l-prinċipji ġenerali għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea u b’hekk ippromulga legalment għall-ewwel darba l-kunċett stabbilit fl-Artikolu 77(2)(d) tat-TFUE.

Ir-Regolament jiddefinixxi lista ta’ 11-il komponent strateġiku, inkluż il-kontroll tal-fruntieri, it-tfittxija u s-salvataġġ f’sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu waqt operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera marittimi, l-analiżi tar-riskji, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità ta’ Schengen u mekkaniżmi ta’ solidarjetà, b’mod partikolari strumenti ta' finanzjament tal-Unjoni. Din hija l-bażi li tippermetti għall-istabbiliment ta’ qafas strateġiku strutturat sew għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea fuq livell nazzjonali u tal-Unjoni.

L-operazzjonalizzazzjoni tal-kunċett tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandha titwassal permezz ta’ proċess strateġiku magħmul minn tliet taqsimiet (1) id-definizzjoni ta’ Strateġija Integrata Ewropea għall-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-livell politiku mill-istituzzjonijiet tal-UE, (2) l-adozzjoni ta’ strateġija teknika u operazzjonali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u (3) l-istabbiliment ta’ strateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri f’kull Stat Membru biex tiġi garantita implimentazzjoni unifikata tal-kunċett. Din għandha tirriżulta fil-ħolqien ta’ qafas strateġiku interoperabbli u unifikata għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

4.2.    Il-Qafas politiku mill-istituzzjonijiet tal-UE

Skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-iżvilupp ta’ strateġija tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea huwa responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-istabbiliment tal-Istrateġija Integrata Ewropea għall-Ġestjoni tal-Fruntieri se tkun essenzjali. Sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiffurmaw l-istrateġija politika, il-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija, se torganizza żewġ sessjonijiet ta’ ħidma li se jsiru bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew, li jwasslu għat-twassil tal-qafas politiku għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea fil-forma ta’ Komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jiġu mistiedna biex japprovaw din il-Komunikazzjoni.

4.3.    Strateġija teknika u operazzjonali mill-Aġenzija

B’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija hija inkarigata biex tistabbilixxi strateġija teknika u operazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea. Filwaqt li l-Aġenzija għandha tibda taħdem fuq dan il-kompitu mill-iktar fis possibbli, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar, il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Aġenzija għandu jadotta l-istrateġija operazzjonali u teknika wara li l-qafas politiku korrispondenti jiġi approvat mit-tliet istituzzjonijiet.

4.4.    Strateġiji nazzjonali tal-Istati Membri

Sforzi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea teħtieġ li tiġi tradotta permezz ta’ sforzi nazzjonali. L-Artikolu 3(3) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tistabbilixxi li l-Istati Membri se jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri skont l-istrateġija teknika u operazzjonali stipulata mill-Aġenzija.

Kull Stat Membru għandu jniedi proċess preparatorju kemm jista’ jkun malajr fejn ilaqqgħu flimkien l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn sabiex jistabbilixxu strateġija nazzjonali waħda appoġġata minn pjan ta’ azzjoni. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-programm ta’ taħriġ żviluppat mill-Kummissjoni u l-Aġenzija, li jiffoka fuq il-metodoloġija għall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri. Sessjonijiet sussegwenti huma ppjanati għal Mejju, Lulju, Settembru u Novembru 2017.

Ladarba l-qafas politiku jiġi approvat mill-istituzzjonijiet tal-UE u tiġi stipulata l-istrateġija operazzjonali u teknika tal-Aġenzija, l-Istati Membri se jkollhom jibnu l-istrateġija nazzjonali tagħhom b’mod xieraq.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se

·Torganizza żewġ sessjonijiet ta’ ħidma f’Ġunju u f’Settembru 2017 ma’ rappreżentattivi tal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti l-iżvilupp tal-qafas politiku għal Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea.

·Tadotta, sa Ottubru 2017, Komunikazzjoni li tiddefinixxi l-elementi ewlenin tal-qafas politiku għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea.

·Tinkludi evalwazzjoni ta’ Schengen dwar strateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-2018.

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha

·Tniedi l-proċess għall-iżvilupp ta’ strateġija Integrata Ewropea għall-Ġestjoni tal-Fruntieri operazzjonali u teknika f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2017.

·Tadotta strateġija teknika u operazzjonali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea mill-Bord ta’ Ġestjoni ladarba l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu ftehmu fuq l-istrateġija politika Integrata għall-Ġestjoni tal-Fruntieri sa Frar 2018.

·Tistabbilixxi taħriġ ta’ evalwazzjoni speċjali ta’ Schengen għal esperti Integrata għall-Ġestjoni tal-Fruntieri magħżula f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom

·Iniedu proċessi nazzjonali biex jistabbilixxu l-istrateġiji nazzjonali Integrati għall-Ġestjoni tal-Fruntieri tagħhom bejn Ġunju u Diċembru 2017.

·Jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali Integrati għall-Ġestjoni tal-Fruntieri rispettivi tagħhom mal-istrateġija politika u l-istrateġija teknika u operazzjonali fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

·Ikunu ppreparati għal evalwazzjoni ta’ Schengen tal-istrateġiji nazzjonali Integrati għall-Ġestjoni tal-Fruntieri tagħhom (li tibda fl-aħħar tal-ħarifa 2018).

5.KONKLUŻJONIJIET

It-tielet rapport juri li tkompliet l-introduzzjoni tal-attivitajiet u tal-għodod tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiġi żgurata kemm jista’ jkun malajr kapaċità msaħħa tal-UE għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni.

B’mod partikolari, l-Aġenzija wettqet l-ewwel valutazzjonijiet tal-linja bażi lil kważi l-Istati Membri kollha, u dalwaqt se tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kkonċernati b’miżuri konkreti biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet identifikati. B’mod ugwali, l-adozzjoni rapida tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-ftehim dwar l-istatus mas-Serbja u mal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-ewwel sensiela immedjata tan-negozjati mas-Serbja juru l-prijorità politika kontinwa mogħtija lill-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Madanakollu, l-Istati Membri ma għamlux biżżejjed progress biex jiiżguraw il-kapaċità operazzjonali sħiħa tar-riżervi ta’ reazzjoni rapida, b’mod partikolari biex jimtlew il-lakuni għar-Riżerva ta’ Tagħmir ta’ Reazzjoni Rapida. B’mod simili, hemm bżonn ta’ iktar sforzi konġunti biex jingħalqu lakuni li għadhom jeżistu għall-iskjeramenti tal-Operazzjonijiet Konġunti li għadhom għaddejjin, b’appoġġ għall-Istati Membri l-aktar esposti fil-ġestjoni effettiva tal-fruntiera esterni. Dawn il-lakuni għandhom jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ prijorità. L-Istati Membri huma inkoraġġuti wkoll biex jagħmlu użu aħjar tal-kapaċità msaħħa tal-Aġenzija biex tassisti fil-qasam tal-operazzjonijiet ta’ ritorn.

Il-Kummissjoni hija ħerqana biex taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Aġenzija fl-elaborazzjoni ta’ qafas strateġiku għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea.

Sabiex tħaffef il-progress fuq l-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jivvaluta l-progress li sar s’issa u biex jieħu l-passi proposti.

Il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta fis-sajf dwar il-progress li sar biex issaħħaħ mill-ġdid il-fruntieri esterni.

(1)

     L-Artikoli 20(12) u 39(13) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(2)

2     Il-5 000 uffiċjal fir-Riżerva regolari tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kollha se jiġu nnominati (irreġistrati bl-isem) u l-Istati Membri se jindikaw liema minn dawk il-5 000 uffiċjal se jiffurmaw parti mir-Riżerva ta' Reazzjoni Rapida ta’ 1 500 ruħ. Din l-indikazzjoni tista’ tiġi aġġustata fi kwalunkwe żmien tas-sena, jew f’każ li jiġi attivat intervent rapidu fil-fruntieri bis-sostituzzjonijiet, fl-istess profili mill-parti regolari tar-riżerva tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. 

(3)

     B’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-TUE u mal-TFUE, id-Danimarka notifikat li mill-14 ta’ Marzu 2017 kienet se timplimenta r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(4)

     COM(2017) 200 final.

Top