Help Print this page 

Document 52017DC0173

Title and reference
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE, dwar il-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid u dwar ir-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2012/49/UE dwar il-WEEE

COM/2017/0173 final
Multilingual display
Text

Brussell, 18.4.2017

COM(2017) 173 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE,
dwar il-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid u
dwar ir-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-miri ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2012/49/UE dwar il-WEEE


1. Introduzzjoni

Id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku( 1 ) (id-Direttiva WEEE), li hija riformulazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE preċedenti ("id-Direttiva WEEE l-antika") daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2012 u kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-14 ta’ Frar 2014.

Id-Direttiva WEEE tistabbilixxi r-regoli dwar il-ġestjoni tal-WEEE bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli billi, bħala l-ewwel prijorità, ikun hemm prevenzjoni tal-WEEE u, addizzjonalment, billi jsir użu mill-ġdid, riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ skart bħal dan sabiex jonqos ir-rimi tal-iskart u ssir kontribuzzjoni għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u għall-irkupru ta’ materja prima sekondarja prezzjuża.

F’dan il-kuntest, id-Direttiva WEEE, fl-Artikolu 11 u fl-Anness V, tintroduċi tħejjija kkombinata għall-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ kif ukoll il-miri tal-irkupru għall-WEEE u fl-Artikolu 11(2) tissettja l-metodoloġija għall-kalkolu ta’ dawn il-miri.

Dan ir-rapport iwieġeb ir-rekwiżiti li ġejjin għall-Kummissjoni li huma stabbiliti fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva WEEE:

1.Rieżami tal-miri ta’ rkupru msemmija fl-Anness V, il-Parti 3 tagħha;

2.Eżami tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid;

3.Rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 11(2) bil-ħsieb li tiġi analizzata l-fattibbiltà tal-issettjar ta' miri abbażi tal-prodotti u tal-materjali li jirriżultaw (output) mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid.

Il-Kummissjoni, biex tħejji dan ir-rapport, ikkuntrattat konsulenti indipendenti biex jeżaminaw mill-ġdid id-dejta statistika rilevanti, id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni teknika u kkonsultat partijiet ikkonċernati maġġuri (Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-industrija, sistemi ta’ konformità tar-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR), NGOs u esperti indipendenti)( 2 ).

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet.



2. Rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE

2.1. Għan

It-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva WEEE bħalissa huwa kklassifikat taħt 10 kategoriji “orjentati skont il-prodott” stabbiliti fl-Annessi I u II tagħha( 3 ). Mill-15 ta’ Awwissu 2018, l-EEE se jkun ikklassifikat taħt 6 kategoriji “orjentati skont il-ġabra” stabbiliti fl-Annessi III u IV( 4 ). Il-miri ta’ rkupru li għandhom jintlaħqu mill-produtturi skont l-Artikolu 11(1) huma applikabbli skont kull kategorija EEE kif stabbilit fl-Anness V.

Minħabba l-fatt li l-miri ta’ riċiklaġġ u rkupru huma kontinġenti fuq il-massa u l-kompożizzjoni tal-materjal tal-kategoriji individwali, il-bidla fil-kategorizzazzjoni tista’ taffettwa l-massa kumplessiva u l-kompożizzjoni tal-materjal tal-kategoriji ġodda. Għalhekk, ir-raġuni ewlenija għar-rieżami tal-miri ta’ rkupru hija l-valutazzjoni dwar jekk il-bidla fil-kategoriji tal-EEE irriżultatx f’bidliet sinifikanti fil-livell ta’ ambizzjoni ta’ dawn il-miri.

2.2. Valutazzjoni fir-rigward tar-rieżami tal-miri ta’ rkupru tal-WEEE

L-analiżi ffukat fuq it-tqabbil bejn il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ta’ rkupru applikabbli għal kull waħda mill-10 kategoriji mill-15 ta’ Awwissu 2015 sal-14 ta’ Awwissu 2018, kif stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness V, u l-miri ta’ rkupru applikabbli għal kull waħda mis-6 kategoriji mill-15 ta’ Awwissu 2018 ’il quddiem, kif stabbilit fil-Parti 3 ta’ dak l-Anness V. 

L-istudju wasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

Għall-maġġoranza l-kbira tal-prodotti ma hemmx bidla fil-valur assolut tal-miri ta’ riċiklaġġ u ta’ rkupru minħabba t-tranżizzjoni minn 10 kategoriji għal 6 tal-EEE. Fejn teżisti, il-bidla mhix sinifikanti. Barra minn hekk, il-veru ftit prodotti affettwati mill-bidla fil-miri (eż. għodod professjonali, tagħmir mediku, tagħmir ta’ monitoraġġ u kontroll), jiffurmaw biss parti żgħira ħafna tal-fluss kumplessiv tal-WEEE, u għalhekk l-impatt fuq ir-rata kumplessiva ta’ rkupru u ta’ riċiklaġġ huwa negliġibbli.

Il-bidla fil-kategoriji tirriżulta f’żieda ta’ iktar minn 7% tal-massa li trid tiġi riċiklata, li jfisser li l-miri ta’ riċiklaġġ applikabbli mill-2018 ’il quddiem (taħt 6 kategoriji) huma aktar ambizzjużi mill-miri applikabbli mill-2015 sal-2018 (taħt 10 kategoriji). Dan huwa mixtieq għaliex il-miri jenħtieġ li jipprogressaw matul iż-żmien u l-infurzar tal-miri tal-2018 (6 kategoriji) se jwassal għal żieda żgħira fil-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi, minħabba ż-żieda fil-materjali rkuprati u riċiklati.

Il-ġabra skont 6 kategoriji hija ħafna eqreb għall-operazzjonijiet fil-livell tal-ġbir u tat-trattament. Għalhekk tista’ wkoll iżżid ir-rapportar tad-dejta u tillimita l-piż amministrattiv kemm għall-faċilitajiet tal-ġbir u tat-trattament tal-WEEE kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali meta jikkonsolidaw u jivverifikaw il-konsistenza tad-dejta.

2.3. Konklużjoni

Abbażi tal-valutazzjoni li twettqet, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx ġustifikazzjoni biex il-miri ta’ rkupru jiġu riveduti fir-rigward tas-6 kategoriji ġodda tal-EEE imsemmija fl-Anness V, il-Parti 3 għaliex dawn il-miri jżommu livell simili ta’ ambizzjoni għall-miri stabbiliti skont l-10 kategoriji preżenti tal-EEE kif jissemma fl-Anness V, il-Parti 2.

3.Eżami tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid

3.1. Għan

L-adattezza li jiġu ssettjati miri separati biex jitħejjew għall-użu mill-ġdid ġiet eżaminata permezz tal-kompilazzjoni tal-prattiċi rilevanti applikati fl-Istati Membri, fejn ġew analizzati l-ixprunaturi u l-ostakli għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, valutazzjoni dwar jekk hux fattibbli u prattikabbli li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejja għall-użu mill-ġdid.

3.2. Valutazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu ssettjati miri separati biex il-WEEE jitħejjew għall-użu mill-ġdid

Fl-2012, l-Istati Membri rrapportaw lil Eurostat madwar 70,000 tunnellata ta’ WEEE bħala li ġew użati mill-ġdid / tħejjew għall-użu mill-ġdid fl-UE. Madankollu, ir-rapportar tad-dejta separata dwar l-użu mill-ġdid / it-tħejjija għall-użu mill-ġdid huwa volontarju għall-Istati Membri u kienu ħmistax-il Stat Membru biss li rrapportaw dejta relatata fl-2012, kif ippreżentata fit-tabella hawn taħt.

Tabella: Kwantitajiet ta’ WEEE miġbur u użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid fl-2012 5

Stat Membru

WEEE miġbur (tunnellati)

WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid

(tunnellati)

Rata tal-użu mill-ġdid / tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid abbażi tal-WEEE miġbur

L-Awstrija

77,402

1,248

2 %

Il-Belġju

116,458

4,068

3 %

Il-Bulgarija

38,431

292

1 %

Il-Kroazja

16,187

0

0 %

Ċipru

2,514

42

2 %

Ir-Repubblika Ċeka

53,685

0

0 %

Id-Danimarka

76,200

0

0 %

L-Estonja

5,465

0

0 %

Il-Finlandja

52,972

557

1 %

Franza

470,556

9,568

2 %

Il-Ġermanja

690,711

11,845

2 %

Il-Greċja

37,235

0

0 %

L-Ungerija

44,262

0

0 %

L-Irlanda

41,177

360

1 %

L-Italja

497,378

-

-

Stat Membru

WEEE miġbur (tunnellati)

WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid (tunnellati)

Rata tal-użu mill-ġdid / tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid abbażi tal-WEEE miġbur

Il-Latvja

4,694

37

1 %

Il-Litwanja

14,259

0

0 %

Il-Lussemburgu

5,010

0

0 %

Malta

1,506

0

0 %

In-Netherlands

123,684

475

0 %

Il-Polonja

175,295

791

0 %

Il-Portugall

43,695

33

0 %

Ir-Rumanija

23,083

0

0 %

Is-Slovakkja

22,671

0

0 %

Is-Slovenja

9,430

30

0 %

Spanja

157,994

351

0 %

L-Iżvezja

168,612

0

0 %

Ir-Renju Unit

503,611

41,630

8 %

TOTAL

3,474,177

71,327

2 %

B’konsiderazzjoni tal-fatt li għadd kbir ta’ Stati Membri ma rrapportawx separatament il-kwantitajiet ta’ WEEE użat mill-ġdid / imħejji għall-użu mill-ġdid, iżda wkoll in-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet dwar l-attivitajiet li ġew ikkunsidrati bħala użu mill-ġdid u tħejjija għall-użu mill-ġdid fir-rapporti tal-Istati Membri, din l-informazzjoni mhix rappreżentattiva b’mod suffiċjenti. Din id-dejta tikkonkludi li, madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ ftit Stati Membri, l-użu mill-ġdid u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid mhumiex żviluppati sew fil-livell tal-UE. L-istudju sab li hemm differenzi sinifikanti fix-xejriet tal-konsum bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ prodotti użati / li jkunu reġgħu inbiegħu għat-tieni darba li effettwaw il-livell ta’ żvilupp tas-settur. Dan jagħmilha kemxejn diffiċli biex jiġi vvalutat il-potenzjal għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid madwar l-UE.

L-istudju analizza l-fattibbiltà tal-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid. Fir-rigward tal-impatti ekonomiċi, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid jista’ jirriżulta f’introjtu u tfaddil sinifikanti għall-ekonomija. Minħabba l-effetti pożittivi fuq il-ħolqien tal-impjiegi u minħabba l-opportunità mogħtija lil partijiet tal-popolazzjoni li għandhom dħul baxx biex jixtru apparat domestiku li ma jiswiex ħafna, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid għandha impatti soċjali pożittivi wkoll. L-impatti ambjentali possibbli għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid huma marbuta mal-evitar li jiġi manifatturat EEE ġdid, u mal-prevenzjoni tal-iskart. Madankollu, il-konsum tal-enerġija jrid jiġi kkunsidrat għaliex apparat ġdid huwa normalment iktar effiċjenti minn tagħmir eqdem użat mill-ġdid.

Min-naħa l-oħra, l-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tkun tirrikjedi għarfien tajjeb tal-kwantitajiet ta’ WEEE li jistgħu jitħejjew għall-użu mill-ġdid fl-UE u tal-fattibbiltà ekonomika ta’ bdil fil-loġistika, sabiex ikun żgurat li l-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-WEEE jista’ fil-fatt jiġi realizzat. B’mod partikolari fl-Istati Membri fejn it-tħejjija għall-użu mill-ġdid hija sottożviluppata, din tkun teħtieġ bidliet fl-istrutturi tal-ġbir u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-ittestjar tal-WEEE meta jinġabar u qabel kwalunkwe trasferiment ulterjuri. Tkun teħtieġ ukoll l-iżvilupp ta’ sistema ta’ rapportar għall-eliminazzjoni tar-riskju tal-għadd doppju għaliex il-WEEE jista' jinġabar u jitħejja għall-użu mill-ġdid diversi drabi qabel ir-riċiklaġġ. Is-sistema ta’ rapportar jenħtieġ li tiddistingwi wkoll bejn il-flussi reali tal-WEEE mħejji għall-użu mill-ġdid u t-tagħmir li jintuża mill-ġdid mingħajr ma kien skart. Addizzjonalment, jekk tidħol fis-seħħ mira separata dwar il-mira tal-użu mill-ġdid, hemm riskju li l-produtturi tal-EEE jikkontribwixxu b’mod mhux ekwu għall-kisba tal-mira għaliex id-domanda għall-prodotti li inbiegħu diġà mhix l-istess għall-kategoriji tal-EEE kollha u f’xi każijiet hija differenti ukoll għal ditti differenti tal-istess tip ta’ tagħmir. Filwaqt li r-riskju ta’ kontribuzzjoni mhux indaqs jeżisti wkoll taħt mira kombinata, xorta waħda jikkontribwixxi għal iktar flessibbiltà biex jikkumpensa għad-differenza fid-domanda għal prodotti li inbiegħu diġà li teżisti bejn il-kategoriji tal-EEE.

Bħala konklużjoni, l-istudju kkonferma li l-issettjar ta’ mira separata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid se joħloq obbligi addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri (eż. rapportar, monitoraġġ) u żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv. Il-mira tat-tħejjija kombinata għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ applikabbli mill-2015 ’il quddiem (l-Anness V, il-Parti 2 u 3), tagħmilha possibbli għall-Istati Membri biex jilħqu din il-mira billi jiffavorixxu kemm ir-riċiklaġġ kif ukoll it-tħejjija għall-użu mill-ġdid. Madankollu, l-Istati Membri li jissettjaw il-miri nazzjonali għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-WEEE għandhom probabbiltà ikbar li jippromwovu l-prattiki b’mod attiv biex tiżdied it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, inkluż il-promozzjoni tal-aċċess għall-WEEE għall-persunal miċ-ċentri tal-użu mill-ġdid, kif jirrikjedi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, biex b’hekk jinkisbu iktar riżultati pożittivi fir-rigward tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE għall-WEEE.

3.3. Konklużjoni

Abbażi tas-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhux xieraq f’dan l-istadju li jiġu ssettjati miri separati għall-WEEE biex jitħejja għall-użu mill-ġdid fid-Direttiva WEEE. Il-Kummissjoni, madankollu, se tippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri biex tidentifika l-prattiki tajbin fl-Istati Membri fejn il-miri tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-WEEE ġew issettjati fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew taħt skemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

4.Rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta' rkupru stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE

4.1. Għan

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva WEEE jiddefinixxi l-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru billi jiddividi l-piż tal-WEEE deħlin fil-faċilità ta’ rkupru jew ta' riċiklaġġ / tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-input) bil-piż tal-WEEE kollha miġbura separatament għal kull kategorija, espressi bħala persentaġġ.

Ir-rieżami ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu kkunsidra jekk hux fattibbli u prattikabbli li jiġu ssettjati miri abbażi tal-prodotti u tal-materjali li jirriżultaw mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-output).

4.2. Valutazzjoni fir-rigward tar-rieżami tal-metodu għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru

L-ewwel studju analizza d-dejta disponibbli relatata mal-output fil-livell tal-Istat Membru minn diversi sorsi( 6 ) differenti ta’ informazzjoni inkluż konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Ikkonkluda li fil-livell tal-Istat Membru kważi ma teżisti l-ebda dejta dwar materjali li jirriżultaw (output) mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (“frazzjonijiet marbuta mal-output” jew inkella msemmija bħala “frazzjonijiet tal-materjali”) u teżisti biss bażi tad-dejta limitata, b’mod partikolari fejn l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur japplikaw għodod tar-rapportar żviluppati skont speċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi( 7 ).

Abbażi ta’ dawn ġie konkluż li l-iktar approċċ promettenti għall-ġbir tad-dejta relatata mal-output hija li l-Istati Membri jkomplu jinforzaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva WEEE biex jiżguraw li l-produtturi jew il-partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom iżommu rekords dwar id-dejta relatata mal-output ukoll, u biex jippromwovu għodod li għandhom jintużaw għall-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-rekords.

Fir-rigward tal-benefiċċji ambjentali dovuti għall-introduzzjoni tal-miri ta’ rkupru bbażati fuq l-output, dan l-istudju aċċenna li dan jista’ jagħti l-inċentiva biex tiżdied l-effiċjenza tar-riċiklaġġ permezz tat-titjib tekniku. Madankollu, b’konsiderazzjoni tal-fatt li materjali prezzjużi, li huma preżenti f'ammonti sinifikanti fil-WEEE, diġà kważi jiġu kompletament riċiklati minħabba l-valur ekonomiku tagħhom, il-miri totali bbażati fuq l-output jista’ jkollhom biss influwenza limitata fuq il-prattiċi ta’ riċiklaġġ reali. L-istudju kkonkluda wkoll li l-miri bbażati fuq l-output (jew ibbażati fuq il-materjali) mhux se jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-monitoraġġ tat-tneħħija tat-tniġġis tal-WEEE, minħabba l-fatt li normalment dan iseħħ fi stadju bikri tal-proċess tar-riċiklaġġ, bħala operazzjoni ta’ qabel it-trattament. Għalhekk, mill-perspettiva ambjentali, għandha tingħata prijorità lill-infurzar mill-Istati Membri ta’ trattament selettiv inkluż it-tneħħija tat-tniġġis, kif diġà meħtieġ skont l-Artikolu 8 u l-Anness VII tad-Direttiva WEEE. Kumplessivament, l-implimentazzjoni stretta, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-miri tal-ġbir tal-WEEE għandhom impatt qawwi fuq ir-riċiklaġġ / l-irkupru reali, għaliex intwera li l-WEEE dieħel fl-iskemi tal-ġbir normalment qed jiġi irkuprat / riċiklat f’rati għoljin f’termini tal-piż tiegħu.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni ħadmet biex tippromwovi l-iżvilupp tal-istandards Ewropej għar-riċiklaġġ effiċjenti tal-materjali WEEE, kif ukoll ta' batteriji moħlija u ta' prodotti fi tmiem il-ħajja tagħhom kumplessi rilevanti oħrajn, biex iżżid ir-riċiklaġġ tal-materja prima kritika. Dan huwa kkunsidrat bħala approċċ iktar pragmatiku milli jiġu ssettjati miri tar-riċiklaġġ vinkolanti bbażati fuq l-output.

4.3. Konklużjoni

Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx ġustifikazzjoni prevalenti biex jinbidel il-metodu bbażat fuq l-input għall-kalkolu tal-kisba tal-miri ta’ rkupru billi jiġu ssettjati miri abbażi tal-prodotti u l-materjali li jirriżultaw mill-proċessi ta’ rkupru, riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid (approċċ ibbażat fuq l-output).

(1)

 Ġurnal Uffiċjali L 197, 24.7.2012, p. 38.

(2)

Study on WEEE recovery targets, preparation for re-use targets and on the method for calculation of the recovery targets”: http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/events_weee_en.htm  .

(3)

 Dawn il-kategoriji huma li ġejjin: 1) apparat domestiku kbir, 2) apparat domestiku żgħir, 3) tagħmir ta’ IT u telekomunikazzjoni, 4) tagħmir tal-konsumaturi, 5) dwal, 6) għodod elettriċi u elettroniċi, 7) ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u sport, 8) apparat mediku, 9) strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll, 10) dispensers awtomatiċi.

(4)

Dawn il-kategoriji huma li ġejjin: 1) tagħmir li jibdel it-temperatura; 2) skrins, moniters, u tagħmir li fih skrins b'wiċċ akbar minn 100 cm2; 3) lampi; 4) tagħmir kbir (kwalunkwe dimensjoni esterna akbar minn 50cm); 5) tagħmir żgħir (bl-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50cm); 6) tagħmir żgħir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni (bl-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50cm).

(5)

Sors: “Study on WEEE recovery targets, preparation for re-use targets and on the method for calculation of the recovery targets”: http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/events_weee_en.htm  . (Sors tad-dejta: Eurostat)

(6)

 Dejta ta’ EUROSTAT, Rapporti ta’ Implimentazzjoni tal-Istati Membri għad-Direttiva Qafas tal-Iskart 2008/98/KE u d-Direttiva WEEE, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali

(7)

 Dokument tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ WEEELABEX u l-istandard Ewropew EN 50625-1 dwar ir-rekwiżiti tal-ġbir, tal-loġistika u tat-trattament għall-WEEE - Parti 1 u TS 50625-3-1 -- Parti 3-1

Top