Help Print this page 

Document 52017DC0171

Title and reference
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva WEEE ġdida) u dwar ir-rieżami tad-dati ta' skadenza biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta' tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness III tad-Direttiva

COM/2017/0171 final
Multilingual display
Text

Brussell, 18.4.2017

COM(2017) 171 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva WEEE ġdida) u dwar ir-rieżami tad-dati ta' skadenza biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta' tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness III tad-Direttiva


Introduzzjoni

Dan ir-rapport jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin tad-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ( 1 ) (id-Direttiva WEEE ġdida):

1.Rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida kif stabbilit fil-punt (b) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 2. Dan jinkludi l-parametri għad-distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir fl-Anness III (Artikolu 2(5)).

2.Jeżamina mill-ġdid id-dati tal-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar fl-Anness III, b'mod partikolari tagħmir ta’ tkessiħ u ffriżar, pannelli fotovoltajċi, tagħmir żgħir, tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni żgħir u lampi li fihom il-merkurju (Artikolu 7(6)).

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq iż-żewġ kwistjonijiet.

1. Rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida inkluż il-parametri sabiex issir distinzjoni bejn tagħmir kbir u żgħir

1.1.Introduzzjoni

Ir-rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida, meħtieġ skont l-Artikolu 2(5), kien sostunut minn studju dwar "Rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE" mwettaq għall-Kummissjoni( 2 ) . Ġew imwettqa l-kompiti li ġejjin:

I.l-identifikazzjoni tal-bidliet fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida bħala riżultat tal-bidla tal-kategoriji ta' tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) u l-valutazzjoni dwar jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida għandux bżonn jinbidel b'konsegwenza ta' bidliet bħal dawn;

II.rieżami tal-parametri sabiex issir distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir;

III.it-tqabbil tad-differenzi potenzjali bejn il-kamp ta' applikazzjoni miftuħ tad-Direttiva WEEE ġdida u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva RoHS( 3 ), u l-valutazzjoni dwar jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida għandux bżonn jinbidel b'konsegwenza ta' differenzi bħal dawn;

IV.il-valutazzjoni tal-impatt ekonomiċi, soċjali u ambjentali possibbli ta' kwalunkwe bidla possibbli għall-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida;

V.jekk hu xieraq, abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-proposta ta' kwalunkwe bidla li tkun teħtieġ issir fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida;

Ir-rieżami involva konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u tal-esperti f'intervisti mmirati( 4 ) u analiżi tad-dokumentazzjoni fir-rigward tal-bidla tal-kamp ta' applikazzjoni, b'mod partikolari billi identifika gruppi ta' prodotti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni miftuħ tad-Direttiva WEEE ġdida.

Dan li ġej jirrifletti s-sejbiet ewlenin tar-rieżami.

1.2.Rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni

L-istudju ffoka fuq tliet aspetti tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida.

Il-bidliet li saru fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha (mill-10 kategoriji attwali fl-Anness I tad-Direttiva WEEE ġdida, li xorta għadhom applikabbli waqt il-perjodu tranżitorju, għal 6 kategoriji ġodda fl-Anness III. Dawn jinkludu żewġ kategoriji "mifutħin", ta' tagħmir kbir u żgħir).

Id-distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir.

Id-differenzi bejn il-kamp ta' applikazzjoni miftuħ tad-Direttiva WEEE ġdida u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva RoHS.

1.2.1.Bidliet fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida li jirriżultaw mill-bidla tal-kategoriji ta' tagħmir elettriku u elettroniku

L-Artikolu 2(1), flimkien mal-Annessi I, II, III u IV, jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida.

Skont id-Direttiva l-ġdida, waqt il-perjodu tranżitorju, mit-13 ta' Awwissu 2012 sal-14 ta' Awwissu 2018, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-Direttiva 2002/96/KE (id-Direttiva WEEE l-antika)( 5 ). L-unika bidla hija l-inklużjoni tal-pannelli fotovoltajċi fil-kategorija 4. Minħabba li din l-inklużjoni kienet diġà vvalutata fil-valutazzjoni tal-impatt imwettqa qabel ir-riformulazzjoni tad-Direttiva l-antika( 6 ), ma kinitx analizzata aktar bħala parti minn din il-valutazzjoni.

Il-"kamp ta' applikazzjoni miftuħ" se japplika mill-15 ta' Awwissu 2018. It-tagħmir elettriku u elettroniku se jitpoġġa f'sitt kategoriji ġodda stabbiliti fl-Anness III u IV tad-Direttiva l-ġdida ( 7 ). Dan jinkludi żewġ kategoriji "miftuħin", ta' tagħmir kbir u żgħir, li ma kinux jeżistu qabel.

L-istudju l-ewwel analizza jekk it-tagħmir il-ġdid kollu attwalment kopert mid-Direttiva WEEE ġdida jibqax taħt dan il-kamp ta' applikazzjoni. Dan ikkonkluda jekk id-Direttiva l-ġdida tkoprix il-kategoriji kollha ta' tagħmir li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-antika. Dan ikkonkluda wkoll li l-"ftuħ" tal-kamp ta' applikazzjoni huwa mistenni li jelimina l-problemi li ġejjin mill-klassifikazzjoni differenti tal-prodotti mill-Istati Membri. Għalhekk, dan mistenni li jżid iċ-ċertezza tad-dritt u jġib armonizzazzjoni akbar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

It-tagħmir elettriku u elettroniku li d-Direttiva l-ġdida se tkopri mill-2018 'il quddiem kien identifikat bħala tagħmir li jagħti d-dawl domestiku u vetturi elettriċi b'żewġ roti li mhumiex ta' tip approvat. L-istudju sab li dawn il-kategoriji tal-prodott iġibu benefiċċji addizzjonali ambjentali, amministrattivi u ekonomiċi, filwaqt li l-ispejjeż ta' implimentazzjoni mistennija jkunu żgħar.

L-istudju kkonkluda wkoll li d-Direttiva l-ġdida ma tintroduċix eżenzjonijiet ġodda. Dan jikkonferma l-eżenzjonijiet b'mod espliċitu mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha li ħafna mill-Istati Membri diġà japplikaw fil-prattika. Dan jiżgura l-armoninazzazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha. Dan huwa konformi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni( 8 ) li t-tagħmir li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-antika m'għandux jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha fil-futur.

Fl-aħħar nett, l-istudju jikkonferma li ma hemm l-ebda bidla sinifikanti fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida bħala riżultat tal-bidla fil-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku. It-tranżizzjoni mill-10 għal 6 kategoriji "miftuħin" mistennija li żżid iċ-ċertezza tad-dritt u ġġib armonizzazzjoni akbar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

1.2.2.Valutazzjoni tal-parametri sabiex issir distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir

L-istudju eżamina wkoll dwar jekk id-distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir (jiġifieri tagħmir bi kwalunkwe dimensjoni esterna anqas jew akbar minn 50cm) hijiex xierqa fid-Direttiva WEEE.

Filwaqt li jagħraf li l-ebda kriterju tal-klassifikazzjoni mhuwa perfett, l-istudju kkonkluda li l-limitu ta' dimensjoni esterna ta' 50cm għad-distinzjoni bejn tagħmir żgħir u kbir huwa prattikabbli u skont il-limiti prattiċi ta' operaturi ta' tmiem il-ħajja. Il-kriterju tad-daqs jidher ukoll li huwa fattur ewlieni fil-ġbir, fil-ġestjoni tal-iskart u fit-trattament ta' tmiem il-ħajja ta' tagħmir elettriku u elettroniku. Skemi ta' ġbir ta' skart u trattament ta' tmiem il-ħajja u l-infrastruttura relatata huma differenti skont id-daqs tat-tagħmir, li huwa fattur saħansitra aktar importanti mill-piż.

1.2.3.Valutazzjoni tad-differenzi bejn il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE ġdida u dak tad-Direttivi RoHS

Id-differenza bejn iż-żewġ Direttivi hija d-definizzjoni ta' tagħmir elettriku u elettroniku: a) tagħmir li jiddependi mill-kurrenti elettriċi jew mill-kampijiet elettromanjetiċi għal "kwalunkwe funzjoni intiża" (RoHS), jew b) tagħmir li jiddependi mill-kurrenti elettriċi jew mill-kampijiet elettromanjetiċi għal "funzjoni primarja (bażika)" biss (WEEE). Dan ifisser li xi tipi ta' tagħmir li bħalissa jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva RoHS huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE (eż. magni għall-qtugħ tal-lawn li jaħdmu bil-petrol, kuċinieri tal-gass bi tqabbid tal-elettriku biss).

Il-possibbiltà li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE jiġi allinjat ma' dak tad-Direttiva RoHS kienet meqjusa bl-użu tal-eżempju ta' tagħmir tal-ġnien bil-magna tal-kombustjoni. Il-konklużjoni kienet li l-inklużjoni ta' tagħmir bħal dan fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE se ġġib benefiċċji ambjentali limitati. Dan għaliex fil-prattika, mill-anqas 80% ta' tagħmir bħal dan diġà huwa rriċiklat fit-tmiem il-ħajja tiegħu. Minn lat ekonomiku, l-inklużjoni ta' tagħmir bħal dan se tirriżulta fi spejjeż addizzjonali għall-produtturi (eż. spejjeż amministrattivi għar-reġistrazzjoni ta' produtturi fir-reġistru nazzjonali ta' kull Stat Membru fejn tagħmir elettriku u elettroniku jitqiegħed fis-suq).

Fil-qosor, l-iżvantaġġi li tagħmir bħal dan li juża l-elettriku għal funzjoni sekondarja biss jiġi inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE huma akbar mill-vantaġġi possibbli. L-għanijiet differenti u n-natura differenti tagħhom jiġġustifikaw id-differenza bejn il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE u dak tad-Direttivi RoHS. Għaldaqstant aktar allinjament mal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva RoHS mhuwiex iġġustifikat.

1.3.Konkużjoni dwar proposta leġiżlattiva possibbli

Filwaqt li jitqiesu s-sejbiet ewlenin tal-istudju mwettaq għal rieżami potenzjali tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva WEEE, mhijx ġġustifikata l-ebda bidla oħra fih. Il-bidliet ikunu ta' xkiel ukoll fi żmien meta l-Istati Membri għadhom f'perjodu ta' tranżizzjoni, fejn qed jaġġustaw għad-definizzjonijiet u l-kamp ta' applikazzjoni ġodda tad-Direttiva WEEE.

2.Eżami mill-ġdid tad-dati tal-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida u dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta’ tagħmir elettriku u elettroniku fl-Anness III tad-Direttiva WEEE ġdida

2.1.Introduzzjoni

Sabiex tħejji dan ir-rapport, meħtieġ skont l-Artikolu 7(6) tad-Direttiva WEEE ġdida, il-Kummissjoni qabbdet konsulenti indipendenti sabiex jirrevedu dejta statistika, letteratura u informazzjoni teknika rilevanti. Kellha konsultazzjonijiet, inkluż sessjoni ta' ħidma, mal-partijiet ikkonċernati ewlenin (Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-industrija, skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, NGOs u esperti indipendenti)( 9 ) . Ġew imwettqa l-kompiti li ġejjin:

a.deskrizzjoni tad-diffikultajiet li l-Istati Membri jistgħu jaffaċċjaw fl-ilħuq tal-miri tal-ġbir stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE ġdida;

b.analiżi tal-aktar impatt probabbli tal-bidliet possibbli fid-dati tal-iskadenzi għall-ilħuq tal-miri ta' ġbir stabbiliti fl-Artikolu 7(1);

c.analiżi tal-aktar impatt probabbli tar-rieżami tal-miri ta' ġbir abbażi tal-ammont ta' WEEE ġġenerat, kif propost fl-Artikolu 7(7);

d.analiżi tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta’ tagħmir elettriku u elettroniku stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva WEEE ġdida u jekk meqjusa xierqa, li jiġu ppreżentati proposti sabiex isir dan.

Dan li ġej jistabbilixxi s-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni.

2.2.Eżami mill-ġdid tad-dati tal-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u l-valutazzjoni tal-livell ta' ġbir li l-Istati Membri rrappurtaw għall-aħħar ftit snin( 10 ) juru li xi Stati Membri jistgħu jsibuha diffiċli li jilħqu l-miri ta' ġbir tal-2019. Dan se jkun il-każ jekk jinżammu l-pass attwali ta' ġbir u l-prattiki ta' ġbir. Id-distanza mill-mira u l-pass ta' progress ġew meqjusa sabiex jiġu identifikarti l-Istati Membri li qegħdin f'riskju li ma jilħqux il-mira ta' ġbir WEEE.

Problema li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin jirrappurtaw hija r-rata għolja ta' ġbir li ma hemmx rendikont tagħha fl-istatistika ta' ġbir tal-WEEE. B'mod partikolari dan huwa l-każ fejn il-ġbir iseħħ barra mill-qafas ta' sistemi ta' konformità ta' responsabbiltà estiża tal-produttur jew meta l-WEEE mhuwiex immaniġġjat minn riċiklaturi awtorizzati tal-WEEE. Kapaċitajiet tal-infurzar u tal-monitoraġġ limitati fl-Istati Membri jaggravaw din is-sitwazzjoni. Il-grupp kbir diversifikat ta' nies involuti f'diversi attivitajiet ta' ġestjoni ta' WEEE, sensibilizzazzjoni pubblika limitata u infrastruttura mhux adegwata ta' ġbir kienu identifikati bħala ostakli addizzjonali biex jintlaħqu l-miri.

Sabiex tindirizza d-diffikultajiet li għandhom xi Stati Membri fl-ilħuq tar-rata ta' ġbir tal-2019, ġew meqjusa żewġ aġġustamenti:

I.Il-posponiment tad-data ta' skadenza tal-2019 sabiex l-Istati Membri jingħataw aktar żmien sabiex jilħqu l-mira ta' ġbir, mingħajr preġudizzju għad-derogi eżistenti( 11 );

II.It-tnaqqis tal-mira ta' ġbir ta' 85% ta' WEEE ġġenerat mingħajr ma tinbidel id-data ta' skadenza.

Il-posponiment tad-data ta' skadenza jagħti aktar żmien lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir u għat-trattament ta' WEEE. Jistgħu jagħmlu dan billi jżidu l-għadd ta' punti ta' ġbir, itejbu l-loġistika bejn iċ-ċentri ta' ġbir u trattament, jiżviluppaw il-kapaċitajiet sabiex jittrattaw materjali prezzjużi u jimmassimizzaw il-benefiċċji, u jżidu l-monitoraġġ tal-flussi li qegħdin jinġabru. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fl-2008( 12 ) għar-rieżami tad-Direttiva tal-WEEE l-antika wriet li kien possibbli li tintlaħaq mira ta' ġbir ta' 65% tat-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fuq is-suq sal-2016. Għaldaqstant ma jkunx xieraq li tiġi estiża d-data ta' skadenza attwali.

Fir-rigward tar-rieżami possibbli tal-mira ta' ġbir ta' 85% għal WEEE ġġenerat, tqiesu ir-rati ta' ġbir irrapportati mill-Istati Membri għal dawn l-aħħar snin u l-pass tal-progressjoni biex jintlaħqu dawn il-miri. Il-konklużjoni hija li jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-problema ta' kwantitajiet mhux rapportati ta' WEEE miġbur b'mod informali, minħabba li dan huwa fattur sinifikanti fl-ilħuq tal-mira. Għaldaqstant mhuwiex xieraq li jiġi meqjus rieżami tal-mira ta' ġbir mingħajr dejta affidabbli dwar kwantitajiet mhux irrappurtati ta' WEEE( 13 ). Il-posponiment tad-data ta' skadenza jew it-tnaqqis tal-mira ta' ġbir jipperikolaw l-ilħuq tal-għanijiet tad-Direttiva WEEE ġdida u jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' riżorsi u dħul mir-riċiklar ta' materjali ta' valur. Madankollu t-tnaqqis tal-mira ta' ġbir tbaxxi l-ispejjeż tat-trattament tal-WEEE. Dan għaliex ikun hemm anqas WEEE għat-trattament u jista' jinkludi skart li huwa aktar faċli li jiġi ttrattat u riċiklat. Madankollu, l-ispejjeż totali tat-trattament mhumiex mistennija li jvarjaw b'mod sinifikanti minħabba l-ħtieġa kontinwa għall-investiment sabiex ikun aġġornat mal-iżvilupp teknoloġiku u l-ekonomiji ta' skala li jistgħu jikkumpensaw għal dawn l-ispejjeż.

Għaldaqstant l-analiżi kkonkludiet li r-rieżami bi tnaqqis tal-mira ta' ġbir jew l-estensjoni tad-data ta' skadenza se jirriżultaw f'telf sinifikanti ta' benefiċċji ekonomiċi u ambjentali. Filwaqt li l-mira ta' ġbir tal-2019 hija ambizzjuża, hija fattibbli jekk l-Istati Membri jagħmlu aktar sabiex gradwalment jindirizzaw il-problemi identifikati, speċjalment il-kwantitajiet mhux irrapportati ta' WEEE miġbur tul ir-rotot kollha u n-nuqqas ta' kapaċitajiet tal-infurzar u tal-monitoraġġ effettivi. Il-progress li sar minn xi Stati Membri li diġà laħqu rati ta' ġbir għoljin huwa xhieda ta' dan. Miżuri nazzjonali biex jiġu stabbiliti attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-WEEE matul il-proċess, bħar-rapportar obbligatorju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva WEEE, u kontrolli regolari mill-awtoritajiet nazzjonali, huma kruċjali għall-ilħuq tal-mira.

Il-Kummissjoni se tagħti appoġġ u gwida lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-kwistjonijiet wara d-diffikultajiet li għandhom sabiex jilħqu l-miri. Dan se jkun parti minn inizjattiva ffukata sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu konformi mad-Direttiva WEEE, imnedija flimkien ma' dan ir-rapport u li tiffoka fuq ir-rekwiżiti ewlenin tad-Direttiva l-ġdida.

Abbażi ta' din il-valutazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhemmx ġustifikazzjoni għar-rieżami tad-dati ta' skadenza għall-ilħuq tal-mira ta' ġbir attwali fid-Direttiva WEEE, jew għar-rieżami tal-mira ta' ġbir abbażi tal-ammont ta' WEEE ġġenerat. F'dan il-mument, ir-rieżami tad-Direttiva WEEE b'dan il-mod se twassal ukoll għal piż amministrattiv sinifikanti, meta l-attenzjoni għandha tkun fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

2.3.Eżami tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar ta' tagħmir elettriku u elettroniku

Fil-valutazzjoni tal-impatti u l-fattibbiltà tal-iffissar ta' miri ta' ġbir individwali għal kategorija waħda jew aktar mis-sitta ta' tagħmir elettriku u elettroniku stabbilita fl-Anness III tad-Direttiva WEEE ġdida, ġew meqjusa żewġ xenarji. Ix-xenarju bażi, li jirrifletti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ġdida, kien jinvolvi l-iffissar ta' mira ta' ġbir ġenerali ta' 85% tal-piż ta' WEEE ġġenerat, applikabbli mill-2019, mingħajr miri ta' ġbir individwali għal kull kategorija ta' tagħmir elettriku u elettroniku. Huwa preżunt li l-mira ta' ġbir ġenerika ta' 85% se tintlaħaq l-aktar billi jiżdied il-ġbir ta' WEEE tqil u faċilment aċċessibbli li għandu valur ekonomiku pożittiv u hu anqas għali (jew aktar profittabbli) sabiex jiġi ttrattat. Fit-tieni xenarju ngħatat ħarsa lejn il-miri ta' ġbir individwali ta' 85% tal-piż ta' WEEE ġġenerat f'kull kategorija ta' tagħmir elettriku u elettroniku.

L-analiżi mwettqa kellha l-mira li tidentifika l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ammonti differenti ta' WEEE ġġenerat f'kull kategorija f'dawn iż-żewġ xenarji. Din uriet li filwaqt li l-iffissar ta' miri ta' ġbir individwali jista' jġib xi benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali, huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-fattibbiltà tal-iffissar ta' miri bħal dawn fil-livell tal-UE. Il-konklużjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. F'xi każijiet id-distanza mill-mira ta' ġbir ta' 85% ta' WEEE ġġenerat f'kull kategorija hija sinifikanti. Għandu jkun hemm ukoll obbligi addizzjonali għall-partijiet ikkonċernati u Stati Membri (eż. rappurtar, monitoraġġ) u żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv. Il-bidla tal-mira eżistenti f'dan l-istadju tista' tkun kontroproduttiva u tikkawża l-konfużjoni.

Meta wieħed iqis is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex xieraq li jiġu ffissati miri ta' ġbir individwali fid-Direttiva WEEE f'dan l-istadju.

(1)

 Ġurnal Uffiċjali L 197, 24.7.2012, p. 38.

(2)

 Ir-rapport finali huwa disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/events_weee_en.htm .

(3)

 Id-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (Ġurnal Uffiċjali L 174, 1.7.2011, p. 88).

(4)

 Pereżempju, l-intervisti ma' esperti mill-Istati Membri (eż. ADEME - l-Aġenzija Franċiża għall-Ambjent u l-Ministeru Franċiż tal-Ambjent), ma' esperti mill-Assoċjazzjoni tal-Iskemi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (jiġifieri l-Forum WEEE), ma' esperti min-Netwerk Ewropew tar-Reġisti ta' WEEE, u ma' partijiet ikkonċernati speċjalizzati fil-gruppi tal-prodotti li l-istudju ffoka fuqhom (b'mod partikolari tagħmir li jagħti d-dawl domestiku, tagħmir tal-ġonna u roti elettriċi).

(5)

 Id-Direttiva WEEE l-antika kienet tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta' tagħmir elettriku u elettroniku: 1) apparat domestiku kbir, 2) apparat domestiku żgħir, 3) tagħmir tal-IT u telekomunikazzjonijiet, 4) tagħmir tal-konsumatur, 5) tagħmir li jagħti d-dawl, 6) għodda tal-elettriku u elettroniku (bl-eċċezzjoni ta' għodda industrijali fissi fuq skala kbira), 7) ġugarelli, tagħmir ta' għal waqt il-mistrieħ u ta' l-isport , 8) mezzi mediċi (bl-eċċezzjoni tal-prodotti kollha impjantati u infettati), 9) strumenti ta' monitorjar u ta' kontroll, 10) apparat ta' distribuzzjoni awtomatiku.

(6)

 Studju dwar il-Pannelli Fotovoltajċi: li Jissupplimenta l-Valutazzjoni tal-Impatt għar-riformulazzjoni tad-Direttiva WEEE (2011). Ir-rapport finali huwa disponibbli b'mod pubbliku: http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/pdf/Study%20on%20PVs%20Bio%20final.pdf .

(7)

Dawn il-kategoriji huwa dawn li ġejjin: 1) tagħmir ta’ tkessiħ u ffriżar; 2) skrins, moniters, u tagħmir li fih skrins b'wiċċ akbar minn 100 cm2; 3) lampi; 4) tagħmir kbir (kwalunkwe dimensjoni esterna akbar minn 50cm); 5) tagħmir żgħir (l-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50cm); 6) tagħmir żgħir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni (l-ebda dimensjoni esterna akbar minn 50cm).

(8)

 COM(2011) 478 finali (11.8.2011).

(9)

 "Studju dwar ir-rati ta' ġbir ta' WEEE":  http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/events_weee_en.htm .

(10)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/waste/key-waste-streams/weee .

(11)

Skont l-Artikolu 7(3), il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja, permezz ta' deroga, u minħabba li m'għandhomx l-infrastruttura meħtieġa u għandhom livell baxx ta' tagħmir elettriku u elettroniku, jistgħu jiddeċiedu li:

(a)mill-14 ta' Awwissu 2016, jilħqu mira ta' ġbir aktar baxxa minn 45%, imma ogħla minn 40%, tal-piż medju ta' tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq fit-tliet snin preċedenti; u

(b)jipposponu l-ilħuq tal-mira ta' ġbir tal-2019 sa data tal-għażla tagħhom, li ma tkunx aktar tard mill-14 ta' Awwissu 2021.

Ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja għamlu użu minn din id-deroga.

(12)

Il-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva proposta dwar tagħmir elettriku u elettroniku (Dec 2008) (SEC(2008) 2933).

(13)

Skont l-Artikolu 16(4), l-Istati Membri se jiġbru l-informazzjoni fuq il-kwantitajiet u l-kategoriji ta' tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-swieq tagħhom u miġbur tul ir-rotot kollha. Dan iwassal sabiex l-Istati Membri jiġbru l-informazzjoni fuq il-WEEE miġbur bl-użu tal-metodi kollha.

Top