EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0139

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla

COM/2017/0139 final

Brussell, 23.3.2017

COM(2017) 139 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Pjan ta' Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla


Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur Prodotti Aħjar, Aktar Għażla

WERREJ

1.Introduzzjoni

2.Il-fiduċja tal-konsumaturi u l-awtonomizzazzjoni tagħhom

2.1.Restrizzjonijiet territorjali

2.2.It-trasparenza u t-tariffi fi tranżazzjonijiet transfruntieri

2.2.1.Tariffi ta’ tranżazzjoni

2.2.2.Ir-rati tal-konverżjoni tal-munita

2.3.It-titjib tat-trasparenza u s-simplifikazzjoni tal-bdil ta’ fornituri jew prodotti tas-servizzi finanzjarji

2.4.It-titjib tal-assigurazzjoni ta' vetturi

2.5.Ipprezzar trasparenti ta’ assigurazzjoni għall-kiri tal-karozzi

2.6.Suq Uniku aktar profond u aktar sikur għall-kreditu għall-konsumatur

3.L-ostakli legali u regolatorji għan-negozji

3.1.Limitazzjonijiet regolatorji nazzjonali

3.2.L-iffaċilitar ta’ kreditu transfruntier

4.Lejn dinja diġitali innovattiva

4.1.Is-Suq Uniku mmexxi mit-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur

4.2.Relazzjonijiet diġitali mal-klijenti

4.2.1.Identifikazzjoni remota

4.2.2.Il-bejgħ diġitali mill-bogħod

5.Konklużjoni



1.Introduzzjoni

Is-Suq Uniku tal-UE jippermetti li l-persuni, is-servizzi, l-oġġetti u l-kapital jiċċaqalqu liberament f’ekonomija li tipproduċi madwar EUR 15-il triljun kull sena. Huwa joffri opportunitajiet ġodda lin-negozji Ewropej, isaħħaħ il-kompetizzjoni u jwassal għal aktar għażla, servizzi aħjar, kif ukoll prezzijiet orħos għal aktar minn 500 miljun konsumatur. Prijorità ewlenija tal-Kummissjoni Juncker hija l-kisba ta’ Suq Uniku aktar profond u aktar ġust, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali.

Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huma parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Dawn is-servizzi jinkludu kontijiet bankarji, karti tal-ħlas, kreditu tal-konsumatur u kreditu ipotekarju, prodotti tal-assigurazzjoni u prodotti ta’ tfaddil għat-tul, l-aktar għat-tħejjija għall-irtirar. Is-swieq għal dawn is-servizzi għadhom frammentati, minkejja l-grad għoli ta’ armonizzazzjoni li nkiseb f’dawn l-aħħar snin. Kienu biss 7 % tal-konsumaturi li xtraw servizz finanzjarju minn Stat Membru ieħor tal-UE 1 . L-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi finanzjarji fi Stati Membri oħra jtejjeb l-għażla. Il-klijenti kieku jibbenefikaw aktar malajr mill-innovazzjoni; il-prezzijiet jonqsu, u l-kwalità tas-servizzi titjieb. Anke dawk li ma jixtrux servizzi finanzjarji minn barra mill-pajjiż, jibbenefikaw minn suq aktar integrat għall-finanzi tal-konsumatur b’aktar għażla. Servizzi innovattivi online qed jibdlu l-mod kif in-nies jużaw is-servizzi finanzjarji. Dawn jirrappreżentaw ukoll opportunità kbira biex l-Ewropej kollha jibbenefikaw minn Suq Uniku integrat aktar fil-fond għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur.

Il-Kummissjoni għarfet dan il-momentum għall-bidla, u f’Diċembru 2015 ippreżentat Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur biex tikkonsulta dwar il-potenzjal ta’ suq aktar integrat għal dawn is-servizzi u dwar l-azzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dan l-għan 2 . Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jislet il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-konsultazzjoni; dan huwa wieħed mill-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali 3 , u jittratta ħafna mill-kwistjonijiet imqajma mill-Parlament Ewropew fir-Rapport tiegħu dwar il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur 4 .

Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi passi ulterjuri lejn Suq Uniku ġenwin li jaħdem bis-saħħa tat-teknoloġija għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fejn il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-aħjar offerti filwaqt li jkunu mħarsa sew. Fit-tul, id-distinzjoni bejn fornituri domestiċi u fornituri transfruntiera ta’ servizzi finanzjarji m’għandhiex tibqa' tgħodd. Dan għandu implikazzjonijiet ukoll għal fornituri li jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal ta’ Suq Uniku vast.

Ħafna kumpaniji innovattivi diġà qed jaħsbu a la “Ewropea”, u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali jagħmluha faċli li jintlaħqu l-klijenti fl-Istati Membri kollha. Madankollu t-teknoloġija waħedha ma tkunx biżżejjed biex tindirizza l-ostakoli kollha għal Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji.

Il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma ta’ xogħol ewlenin li għandhom ikunu l-attenzjoni ewlenija matul is-snin li fadal tal-mandat preżenti biex nersqu pass eqreb għall-viżjoni stabbilita hawn fuq:

Iż-żieda tal-fiduċja tal-konsumaturi u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi meta jiġu biex jixtru servizzi lokalment jew minn Stati Membri oħra;

It-tnaqqis tal-ostakoli legali u regolatorji li jaffettwaw in-negozju meta jipprovdu servizzi finanzjarji barra l-pajjiż; kif ukoll

Appoġġ lill-iżvilupp ta’ dinja diġitali innovattiva li tista’ tegħleb xi ostakoli eżistenti għas-Suq Uniku.

L-azzjonijiet individwali identifikati f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jkunu ppreparati skont il-proċeduri ta’ regolamentazzjoni aħjar, inkluż konsultazzjonijiet pubbliċi u valutazzjonijiet tal-impatt. Il-Kummissjoni se toqgħod lura milli tieħu azzjoni regolatorja meta d-dinamiċi tas-suq jistgħu jwasslu fi swieq aktar integrati u kompetittivi għas-servizzi finanzjarji, iżda tinsab lesta li tuża r-regoli tal-kompetizzjoni biex meta meħtieġ tieħu azzjoni korrettiva. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għalhekk huwa stedina lill-parteċipanti tas-suq, fornituri u konsumaturi, biex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ Suq Uniku aktar profond għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur.

2.Il-fiduċja tal-konsumaturi u l-awtonomizzazzjoni tagħhom

Ir-raġunijiet għall-livell baxx ta’ xiri transkonfinali għas-servizzi finanzjarji jistgħu jkunu kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista. Ħafna konsumaturi huma sodisfatti bil-fornituri tas-servizzi domestiċi tagħhom. Anke dawk li huma interessati f’servizzi disponibbli fi Stati Membri oħra għad għandhom nuqqas ta’ fiduċja u jinsabu mħassba dwar:

tariffi potenzjalment eċċessivi;

in-natura ta’ prodotti disponibbli f’pajjiżi oħra;

il-proċeduri ta’ rimedju barra mill-pajjiż;

termini u kundizzjonijiet mhux ċari (b’mod partikolari meta jkunu miktubin f’lingwa barranija).

L-UE diġà ħadet passi sinifikanti lejn suq tas-servizzi finanzjarji kompetittiv u sigur madwar l-UE kollha. Dawn jinkludu l-għoti ta’ aċċess madwar l-UE kollha għal kontijiet tal-bank bażiċi, il-faċilitazzjoni tat-tqassim transkonfinali tal-kreditu tal-assigurazzjoni u ipotekarju, il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-kuntratti ta’ kreditu tal-konsumaturi u t-titjib tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumaturi għall-investimenti f’titoli, kreditu ipotekarju u assigurazzjoni. Madankollu, ħafna minn dawn il-miżuri legali għadhom pjuttost riċenti, li jfisser li għadhom ma żviluppawx l-impatt sħiħ tagħhom. Is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa wkoll suġġett għal regoli ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li jiżguraw livell konsistentement għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur madwar is-setturi kollha, l-aktar meta jkunu nieqsa d-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur. Ħafna minn dawn ir-regoli bħalissa qed jiġu evalwati taħt il-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 5  

Madankollu, qafas legali komprensiv waħdu mhuwiex biżżejjed. Dan għandu wkoll jiġi infurzat b’mod effettiv. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) biex tesplora kif tista’ ttejjeb il-konsistenza u l-effiċjenza tal-infurzar u l-prattiki superviżorji madwar l-UE. Il-Kummissjoni tikkoordina wkoll ix-xogħol tan-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) li partikolarment jieħu ħsieb l-azzjonijiet ta’ infurzar komuni (eż. fuq kiri ta’ karozzi, ara hawn taħt). Barra minn hekk, il-Kummissjoni implimentat FIN-NET, netwerk li jgħin lill-konsumaturi jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, mingħajr ma jkollhom għalfejn jidħlu l-qorti, billi jsib korp ta’ soluzzjoni tat-tilwim alternattiv (ADR) 6 Il-Kummissjoni qed tħejji kampanja biex tqajjem il-kuxjenza dwar FIN-NET.

2.1.Restrizzjonijiet territorjali

Il-Kummissjoni tirċievi diversi lmenti minn konsumaturi li jinżammu milli jixtru servizzi finanzjarji barra mill-pajjiż minħabba restrizzjonijiet territorjali ("imblukkar ġeografiku", rekwiżiti ta’ residenza). Ħafna tweġibiet tal-konsumaturi għall-Green Paper enfasizzaw dawn l-ostakoli għax-xiri transfruntier. L-imblukkar ġeografiku huwa ostakolu għall-integrazzjoni tas-swieq. Skont il-proposta dwar l-imblukkar ġeografiku adottata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Mejju 2016, l-operaturi tas-suq jistgħu jkomplu jiddeċiedu fejn u meta joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-klijenti. Il-proposta madankollu tintroduċi obbligi mmirati biex l-operaturi tas-suq ma jiddiskriminawx bejn klijenti fuq il-bażi ta’ residenza f’ċirkostanzi speċifiċi. Il-proposta ma tindirizzax l-ipprezzar innifsu, u l-operaturi tas-suq jibqgħu ħielsa li jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom sakemm dan isir b’mod mhux diskriminatorju.

Għalhekk, ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni mhux ġustifikata ta’ klijenti bbażata fuq ir-residenza tagħhom, l-aktar meta dan ifisser li l-konsumaturi jkollhom jixtru servizz anqas attraenti mill-istess fornitur f’pajjiżhom stess. Id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas diġà qed titratta l-imblukkar ġeografiku għal kontijiet ta’ pagament. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-impatt ta’ din id-Direttiva kif ukoll il-prattiki tal-imblukkar ġeografiku f’servizzi finanzjarji oħra. Jekk ikun hemm evidenza ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata, il-Kummissjoni se tqis miżuri xierqa li għandhom jiksbu l-għanijiet tagħhom mingħajr ma jimponu piż regolatorju eċċessiv fuq il-kumpaniji.

2.2.It-trasparenza u t-tariffi fi tranżazzjonijiet transfruntieri

Ir-rispons għall-Green Paper indika li t-tariffi mhux ċari u potenzjalment eċċessivi huma deterrent għat-tranżazzjonijiet transfruntieri fi ħdan l-UE, l-aktar meta dawn jinvolvu l-muniti oħra ħlief l-euro.

2.2.1.Tariffi ta’ tranżazzjoni

Ir-Regolament dwar il-pagament transfruntieri 7 ġab tariffi uġwali għal pagamenti transfruntieri u nazzjonali bl-euro fi ħdan l-UE. Il-pagamenti li jinvolvu muniti tal-UE li mhumiex l-euro mhumiex koperti mir-Regolament. It-tariffi għal tranżazzjonijiet transfruntieri bħal dawn tipikament jibqgħu għoljin ħafna, ħafna ogħla mil-livell ta’ tariffi għal tranżazzjonijiet purament nazzjonali f’muniti oħra ħlief l-euro, b’tariffi minimi għolja li jrendu tranżazzjonijiet żgħar għaljin ħafna. Estensjoni tar-Regolament għall-muniti kollha fl-UE tbaxxi l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet transfruntieri fl-Istati Membri kollha.

Azzjoni 1

Kif diġà tħabbar, il-Kummissjoni wara rieżami REFIT, se tipproponi emenda tar-Regolament dwar il-ħlas transkonfinali biex jitnaqqsu l-imposti għat-tranżazzjonijiet transfruntierifl-Istati Membri kollha.

2.2.2.Ir-rati tal-konverżjoni tal-munita

Ir-rati tal-konverżjoni tal-munita ġeneralment ma jkunux trasparenti għall-konsumaturi meta jħallsu b’karta tal-kreditu jew bil-mowbajl f’ħanut, jew jiġbdu l-flus minn distributur awtomatiku. Ir-rati jvarjaw skont ir-rati tal-kambju barranin, u l-marġini intern tal-bank applikat għar-rati ta’ konverżjoni tal-munita tal-banek ivarjaw minn bank għall-ieħor. 

Is-sitwazzjoni qed tkompli ssir anqas trasparenti minħabba li n-negozjanti qed joffru lil aktar konsumaturi l-għażla li jħallsu bil-munita tagħhom. Din tissejjaħ ‘konverżjoni dinamika tal-munita’. Billi l-konsumaturi jingħataw l-għażla, tkun qed tiġi stimolata l-kompetizzjoni fil-konverżjoni tal-munita. Madankollu, fil-prattika, huwa diffiċli ħafna li l-konsumaturi jkunu jafu liema offerta ta’ konverżjoni tal-munita taqblilhom l-aktar.

Aktar trasparenza kemm għaż-żewġ għażliet tal-konverżjoni tal-munita (dik tan-negozjant u dik tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-klijenti) tippermetti li l-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u jista’ jnaqqas il-kostijiet. Id-Direttivi dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD1 8 , li għandha tiġi sostotwita minn PSD2 9 ), fihom rekwiżiti ta’ żvelar għal tranżazzjonijiet f’munita barranija. Linji gwida addizzjonali għall-infurzar xieraq tar-rekwiżiti ta’ trasparenza mill-awtoritajiet nazzjonali jista’ jtejjeb it-trasparenza ta’ dawn it-tariffi.

Qabel ma tiddeċiedi dwar azzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni se twettaq studju biex tiżviluppa bażi ta’ evidenza usa' u fehim aħjar dwar il-prattiki u r-rati tal-konverżjoni dinamika tal-munita.

Azzjoni 2

Il-Kummissjoni se twettaq rieżami tal-prattiki tajba u ħżiena fil-konverżjoni dinamika tal-munita u fuq dik il-bażi, tqis l-aktar mezzi xierqa (infurzar ta’ leġiżlazzjoni eżistenti, approċċi volontarji, leġiżlazzjoni rinfurzata) biex tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu l-aħjar rata.

2.3.It-titjib tat-trasparenza u s-simplifikazzjoni tal-bdil ta’ fornituri jew prodotti tas-servizzi finanzjarji

Il-konsumaturi rarament ibiddlu l-fornitur tas-servizzi finanzjarji tagħhom, kemm għal raġunijiet ta’ konvenjenza (problemi amministrattivi), fiduċja jew nuqqas ta’ għarfien ta’ offerti aħjar 10 . Dan jirrappreżenta ostaklu għad-dħul għall-atturi tas-suq il-ġodda u għall-iżvilupp ta’ swieq transfruntieri, 11 li jirriżulta f’anqas għażla u ftehimiet anqas vantaġġjużi għall-konsumaturi kollha.

Biex tiffaċilita l-bdil tal-kontijiet tal-ħlas, l-UE, bid-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas 12 , introduċiet dritt tal-konsumatur li jibdel il-kontijiet ta’ ħlas fi żmien 14-il jum, fejn il-fornituri jieħdu ħsieb l-aspetti operazzjonali. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess għal mill-anqas sit web wieħed li jqabbel it-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas fuq livell nazzjonali.

Fil-liġi tal-UE ma jeżistux drittijiet simili għal servizzi finanzjarji oħra. Dawn jista’ jkun li jsibuha diffiċli li jibdlu l-fornitur, spiss minħabba termini kuntrattwali kumplessi li jimponu tariffi għolja ta’ bdil u terminazzjoni jew li jillimitaw l-għażliet tal-konsumaturi biex jinnotifikaw lill-fornitur tagħhom bit-terminazzjoni. Xi drabi l-konsumaturi lanqas biss jistgħu jagħżlu prodott differenti offrut mill-istess fornitur.

Anke meta jkollhom id-dritt li jibdlu l-fornitur, il-konsumaturi spiss ma jagħżlux prodott b’aktar vantaġġi. Dan jista’ jkun mhux biss minħabba kwistjonijiet ta’ mġiba, iżda wkoll minħabba nuqqas ta’ informazzjoni oġġettiva u kredibbli dwar prodotti finanzjarji disponibbli. Siti web tat-tqabbil, bħal dawk previsti taħt id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, jistgħu jkollhom sehem ewlieni biex jgħinu lill-konsumaturi jiksbu informazzjoni imparzjali u jqabblu l-kostijiet. Biex titjieb il-kwalità ta’ siti web tat-tqabbil, Grupp Magħmul minn Diversi Partijiet Interessati dirett mill-Kummissjoni żviluppa “Key Principles for Comparison Tools” 13 . Aktar xogħol ikun qiegħed jibni fuq dawn il-prinċipji.

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas previst għall-2019, il-Kummissjoni se tanalizza l-ostakoli fl-imġiba, dawk legali u kummerċjali li jżommu lill-konsumaturi milli jibdlu l-fornituri 14 . Din l-analiżi se tkopri wkoll servizzi finanzjarji oħra minbarra l-kontijiet tal-ħlas.

Azzjoni 3

Il-Kummissjoni se tesplora aktar passi biex tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jaqilbu għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur aktar vantaġġjużi, u jkomplu jibnu fuq dak li diġà nkiseb permezz tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas.

Azzjoni 4

Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet interessati biex ittejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà ta’ siti web tat-tqabbil tas-servizzi finanzjarji, billi tippromwovi l-adozzjoni ta’ prinċipji eżistenti u permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji.

2.4.It-titjib tal-assigurazzjoni ta' vetturi

Il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku bħalissa huma intitolati għall-kumpens għal korriment personali jew dannu materjali anke fil-każ li l-vettura li kkaġunat l-inċident ma tkunx assigurata, jew f’każijiet meta karozza tibqa’ sejra wara inċident, irrispettivament minn fejn jiġri l-inċident fl-UE. Madankollu, m’hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ kumpens armonizzat f’sitwazzjoni transfruntiera jekk assiguratur isir insolventi. Il-Kummissjoni, wara r-rieżami REFIT tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur 15 , se teżamina kif jista’ jiġi żgurat li l-vittmi ta’ inċidenti jiġu kkumpensati f’każ ta’ insolvenza tal-assiguratur.

Kwistjoni oħra marbuta mal-assigurazzjoni ta’ vetturi tikkonċerna l-portabbiltà ta’ bonuses fin-nuqqas ta’ talbiet. Id-detenturi tal-poloz tal-assigurazzjoni huma intitolati għal dikjarazzjoni mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħhom dwar talbiet ta’ obbligazzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili jew fin-nuqqas ta’ dawn, għall-ħames snin preċedenti. Sewwieqa tajbin jistgħu jippreżentaw dawn id-dikjarazzjonijiet lil assiguratur ġdid biex jiksbu skont, li jista’ jkun sa 50-60% fuq il-primjums tagħhom (“is-sistema ta’ bonus-malus" jew “bonus/skont fin-nuqqas ta’ talbiet”). Madankollu, xi drabi dikjarazzjonijiet bħal dawn ma jitqisux minn assiguraturi oħra, l-aktar meta jibdlu għal assiguratur fi Stat Membru ieħor. Ir-rikonoxximent tad-dikjarazzjonijiet tar-rekord tat-talbiet se jkun rieżaminat ukoll wara l-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur.

Azzjoni 5

Il-Kummissjoni se tlesti r-rieżami REFIT tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur u se tiddeċiedi dwar kwalunkwe emendi meħtieġa biex tittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku u biex jittejjeb ir-rikonoxximent transfruntier tad-dikjarazzjonijiet tar-rekord tat-talbiet (li jintużaw biex jiġu kkalkulati l-bonuses fin-nuqqas ta’ talbiet),

2.5.Ipprezzar trasparenti ta’ assigurazzjoni għall-kiri tal-karozzi

Ħafna konsumaturi jilmentaw li huwa diffiċli li jsiru jafu l-prezz sħiħ tal-kiri ta’ karozza qabel ma jaslu fl-uffiċju tal-kiri, anke meta ssir prenotazzjoni online. Kost addizzjonali li spiss ikun meħtieġ huwa prodott ta’ “damage waiver” addizzjonali għal kwalunkwe danni li mhumiex koperti minn assigurazzjoni bażika inkluża fil-prezz tal-kirja muri. Dawn il-kostijiet addizzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti (bejn il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi, sensara u fornituri tal-assigurazzjoni), u l-konsumaturi jistgħu jiffrankaw il-flus jekk jirċievu informazzjoni aktar ċara. Id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni 16 teżenta lil “intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari” mill-kamp ta’ applikazzjoni u minn kwalunkwe rekwiżiti ta’ informazzjoni tagħha bħal kiri ta’ karozzi jew bejgħ ta’ żidiet fuq l-assigurazzjoni.

In-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC), taħt it-tmexxija tal-awtorità tal-konsumatur tar-Renju Unit u b’appoġġ mill-Kummissjoni, kiseb impenji mill-akbar ħames kumpaniji tal-kiri tal-karozzi (li jkopru 65 % tas-suq) biex itejbu l-prattiki ta’ bejgħ tagħhom 17 . B’riżultat ta’ dan, dawk il-kumpaniji issa għandhom jiżvelaw informazzjoni sħiħa dwar id-diversi għażliet disponibbli skont il-post, inklużi prodotti ta’ assigurazzjoni anċillari u prodotti u prodotti ta’ assigurazzjoni anċillari oħra.

Azzjoni 6

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim mal-kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi, b’mod partikolari dwar l-ipprezzar trasparenti ta’ elementi relatati mal-assigurazzjoni u se tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattia ulterjuri biex il-prattiki trasparenti jiġu estiżi għas-suq kollu.

2.6.Suq Uniku aktar profond u aktar sikur għall-kreditu għall-konsumatur

Fis-snin riċenti, is-suq tal-kreditu għall-konsumatur żviluppa malajr, anke b’mod transfruntier, l-aktar permezz ta’ pjattaformi onlajn ta’ self u s-self bejn il-pari. Il-leġiżlazzjoni tal-UE (b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur 18 ) kienet imfassla għal forom aktar tradizzjonali ta’ self u mhux dejjem tkopri b’mod xieraq dawk il-forom il-ġodda ta’ self, b’mod partikolari s-self onlajn transfruntier. In-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni armonizzata u ta’ rekwiżiti superviżorji fil-livell tal-UE (li jeżistu għal ħafna servizzi finanzjarji oħra), jista’ jxekkel ukoll l-iżvilupp tas-suq tal-kreditu għall-konsumatur, minħabba li l-konsumaturi u min isellef ma jkunux ċerti liema rekwiżiti japplikaw u liema superviżur (jekk ikun hemm) qed jissorvelja l-attivitajiet ta’ kreditu għall-konsumatur, kemm jekk isiru domestikament kif ukoll b’mod transfruntier.

Filwaqt li d-disponibbiltà miżjuda u l-aċċess eħfef għall-kreditu għall-konsumatur joħolqu opportunitajiet għan-negozji u jirriżultaw f’kostijiet aktar baxxi għal min jissellef, jeżisti wkoll riskju akbar ta’ self u tislif irresponsabbli li jikkawża dejn eċċessiv. Dan ir-riskju jrid jittaffa.

Valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja previsti kemm fid-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju kif ukoll fid-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju 19 għandhom l-iskop li jevitaw self u tislif irresponsabbli. Madankollu, d-dejn eċċesiv għadu kwistjoni serja fl-UE. Skont il-Eurostat, bħala medja (l-Istatistika dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (SILC)), madwar 10% tal-unitajiet domestiċi Ewropej huma fi stat ta’ dejn eċċessiv, fil-biċċa l-kbira tiegħu minħabba attivitajiet ta’ kreditu. Unitajiet domestiċi bi dħul baxx huma partikolarment vulnerabbli għax-xokkijiet ekonomiċi meta jkunu midjuna, minħabba li dħul aktar baxx jew rati ta’ mgħax ogħla jistgħu jwasslu malajr għal piżijiet ta’ dejn insostenibbli u diffikultajiet ekonomiċi 20 .

Studju tal-Kummissjoni tal-2013 ikkonferma l-effikaċja tal-pariri dwar id-dejn, flimkien ma’ edukazzjoni finanzjarja biex jittaffew il-piżijiet tad-dejn u jiġi indirizzat id-dejn eċċessiv 21 . Madankollu, hemm diversità kbira fil-mod kif il-pariri tad-dejn jingħataw fl-UE bħalissa. L-għoti ta' pariri dwar id-dejn huwa ġeneralment sottożviluppat f’xi pajjiżi u reġjuni u, f’xi każijiet, l-effettività tiegħu tista’ tkun baxxa minħabba l-għarfien limitat dwar kif għandu jingħata dan il-parir jew minħabba li l-konsumaturi jkollhom għarfien limitat dwar dawn il-pariri.

Azzjoni 7

Il-Kummissjoni se tesplora modi kif jiġi faċilitat l-aċċess għal self transfruntier filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll modi kif tista’ tindirizza b’mod iktar effiċjenti, id-dejn eċċessiv tal-konsumatur marbut mal-attivitajiet ta’ kreditu.

3.L-ostakli legali u regolatorji għan-negozji

In-negozji li wieġbu għall-Green Paper enfasizzaw li ma jistgħux jibnu argument għall-vijabbiltà biex jipprovdu servizzi barra minn pajjiżhom minħabba nuqqas ta’ talba flimkien ma’ inċertezza regolatorja, jiġifieri r-riskji (u l-kostijiet) li jkollhom jirrispettaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor li jistgħu jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali tal-UE. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni fuq in-naħa tal-provvista sabiex jiġu identifikati u indirizzati xi restrizzjonijiet regolatorji nazzjonali għall-fornituri.

Għażla minnhom biex titnaqqas l-inċertezza li tirriżulta minn reġimi nazzjonali differenti hija permezz tal-iżvilupp ta’ reġimi separati fil-livell Ewropew għal ċerti prodotti flimkien ma’ sistemi nazzjonali eżistenti. Pereżempju, il-ħidma tal-Kummissjoni biex tiżviluppa prodott tal-pensjoni personali tal-UE (PEPP) sempliċi, effiċjenti u kompetittiv — prodott finanzjarju portabbli li jista’ jakkumpanja lin-nies li jkunu qed jiċċaqalqu b’mod transfruntier fi ħdan l-UE — hija rilevanti. Il-PEPP ser jimmira li joħloq Suq Uniku ġenwin għal prodotti tal-pensjoni personali, biex jiffaċilita l-bejgħ transfruntier (mill-fornituri tal-assigurazzjoni jew maniġers tal-assi) u l-portabbiltà transfruntiera għal min ifaddal. Fl-istess ħin, dan jikkostitwixxi mudell għal prodotti tal-pensjoni domestiċi tat-tielet pilastru fi Stati Membri fejn dawn huma sottożviluppati. Għalhekk dan għandu jgħin biex jitnaqqas id-distakk fil-pensjoni u jiġi meħlus tfaddil ġdid għall-investiment.

3.1.Limitazzjonijiet regolatorji nazzjonali

Id-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali, kif ukoll tendenza li jiżdiedu regoli nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE, jistgħu jgħawwġu l-kompetizzjoni għad-detriment ta’ operaturi ġodda, li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ta’ konformità għoljin. Il-liġi tal-UE għandha l-għan li ssib bilanċ bejn il-libertà li tipprovdi servizzi finanzjarji u salvagwardji suffiċjenti għall-konsumaturi u l-istabbiltà tas-suq. Dan, flimkien ma’ regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-istat ta’ domiċilju u ta’ dak ospitanti u l-liġi applikabbli, jippermetti passaportar, jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti ċerti servizzi finanzjarji fi Stati Membri oħra. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tħalli xi spazju għall-Istati Membri biex jadattaw il-qafas għall-partikolaritajiet tas-swieq tagħhom. Pereżempju, ċerti regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri. Madankollu, ir-rispons għall-Green Paper jissuġġerixxi li d-differenzi bejn l-Istati Membri huma tali li jfixklu l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku.

Madankollu, hija meħtieġa aktar evidenza dettaljata fuq ir-regoli u l-prattiċi partikolari li jistgħu jikkostitwixxu ostakoli mhux ġustifikati għal kumpaniji li jkunu qed ifittxu li joffru s-servizzi tagħhom fuq livell transfruntier, u li ma jistgħux ikunu iġġustifikati minn tħassib nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur. diġà għaddej eżerċizzju biex jitneħħew ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital minn grupp ta’ esperti mill-Istati Membri li qed jidentifikaw l-ostakoli u jiskambjaw prattiki tajbin. Ir-riżultati ta’ din il-ħidma ser jiġu ppubblikati f’rapport li għandu jistipula wkoll l-ewwel pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jadottaw sa mhux aktar tard mill-2019. L-ostakli transfruntieri fil-qasam partikolari tad-distribuzzjoni tal-fondi kienu indirizzati f’konsultazzjoni reċenti li l-Kummissjoni se tistabbilixxi r-rispons tagħha għaliha fl-2017. Madankollu, fadal distakk qawwi ta’ għarfien fir-rigward tar-regoli ta’ ħarsien tal-konsumatur u tal-kondotta nazzjonali.

Azzjoni 8

Il-Kummissjoni se teżamina r-regoli ta’ kondotta nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumaturi biex tevalwa jekk dawn joħolqux ostakli mhux ġustifikati fuq in-negozju transfruntier.

3.2.L-iffaċilitar ta’ kreditu transfruntier

Rekwiżit ewlieni biex jinħareġ kreditu għall-konsumatur skont il-liġi tal-UE huwa li jipproteġi kemm il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, kif ukoll il-mutwant u lill-mutwatarju. Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja hija wkoll miżura ta’ prevenzjoni effettiva kontra d-dejn eċċessiv. Madankollu, il-fornituri ta’ kreditu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jivvalutaw l-affidabbiltà finanzjarja ta’ mutwatarji minn Stati Membri oħra, minħabba d-disponibilità u l-komparabbiltà foqra tad-dejta rilevanti f’pajjiżi oħra.

Il-kummenti li waslu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur u permezz ta’ lmenti wrew valutazzjonijiet bħal dawn fil-qasam tal-kreditu tal-konsumatur huma mwettqa b’modi li jvarjaw b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri. Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja standardizzati u armonizzati tiffaċilita s-self transfruntier li jista’ jwassal għal prezzijiet aktar baxxi u aktar għażla għall-konsumaturi. Barra minn hekk, din tipprevjeni lill-konsumaturi vulnerabbli milli jispiċċaw vittmi ta’ “nassa tad-dejn” u jiżgura li l-konsumaturi li jixtru krediti minn Stati Membri oħra jkunu kif protetti daqslikieku jixtru l-kreditu domestikament.

Meta tiġi vvalutata applikazzjoni għal kreditu, il-kredituri spiss jiddependi fuq diversi sorsi tad-dejta interni u esterni, inkluża dejta minn reġistri tal-kreditu. Il-fornituri ta’ kreditu li wieġbu għall-Green Paper saħqu li dawn ma jistgħux joffru servizzi transfruntier minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal dejta rilevanti fi Stati Membri oħra. Dan jagħmilha aktar diffiċli li tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarji. L-istandardizzazzjoni tad-dejta dwar il-kreditu tista’ tagħmel l-għoti ta’ kreditu online pan-Ewropew aktar faċli. Il-FinTech 22 u żviluppi tal-Big Data wasslu għall-użu ta’ elementi u sorsi alternattivi ta’ dejta li għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa mill-perspettiva ta’ konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali 23 u fid-dawl tar-rilevanza tagħhom għad-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni tad-debitur jew l-ipprezzar tas-servizzi finanzjarji.

Sistemi ta’ rappurtar ta’ kreditu effiċjenti jistgħu jipprovdu lill-kredituri b’aċċess għal informazzjoni li tikkomplimenta dejta riċevuta mill-mutwatarji nfushom, li jippermettu li jsiru deċiżjonijiet tal-kreditu infurmati tajjeb (speċjalment jekk ibbażati fuq il-valutazzjoni standardizzata tal-affidabilità kreditizja kif imsemmi hawn fuq) li jirriżultaw f’titjib fid-disponibbiltà ta’ kreditu għal mutwatarji b’affidabilità kreditizja. Kemm id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju kif ukoll id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi diġà jagħtu lill-kredituri aċċess ugwali għal reġistri ta’ kreditu fi Stati Membri oħra. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta tvarja: f’xi Stati Membri, ir-reġistri ta’ kreditu jirrapportaw biss dwar il-pagamenti li ma sarux (jiġifieri rappurtar negattiv); f’każijiet oħra, jirrapportaw ukoll dwar ir-regolarità ta’ pagamenti (jiġifieri rappurtar pożittiv). Barra minn hekk, dejta ta’ kreditu hija normalment maqsuma biss reċiprokament. Bħala riżultat, ir-reġistri ta’ kreditu mhumiex interoperabbli, ir-rilevanza tad-dejta disponibbli għal valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ma tkunx ċara, u l-informazzjoni ma tintużax ħafna b’mod transfruntier.

Diġà għaddejja ħidma biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. Hemm ftehimiet ta’ skambju ta’ informazzjoni reċiproċi mmexxija mis-suq bejn reġistri tal-kreditu fi Stati Membri differenti fejn it-tradizzjonijiet ta’ rappurtaġġ nazzjonali huma simili. Madankollu, dan xorta jħalli ħafna lakuni. Il-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq l-AnaCredit, sett tad-dejta ġdid b’informazzjoni dettaljata dwar is-self bankarju individwali taż-żona tal-euro, għandha twassal għal aktar standardizzazzjoni tad-dejta dwar l-għoti ta' self. Skont il-pjan ta’ Azzjoni tas-CMU, il-Kummissjoni qed tesplora modi kif tista’ tittejjeb id-disponibbilità ta’ informazzjoni finanzjarja u ta’ kreditu dwar impriżi żgħar u ta’ daqs medju għal mutwanti u investituri (alternattivi). Dan jippermettilhom jifhmu aħjar il-profil ta’ riskju tal-SMEs li qegħdin ifittxu finanzjament u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Azzjoni 9

Il-Kummissjoni se tfittex li tintroduċi standards u prinċipji komuni ta’ valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja għal self lil konsumaturi u se taħdem biex tiżviluppa sett minimu ta’ dejta li għandha tiġi skambjata bejn ir-reġistri tal-kreditu f’valutazzjonijiet ta’ affidabbiltà kreditizja finanzjarja transfruntiera.

4.Lejn dinja diġitali innovattiva

Dawk li wieġbu għall-Green Paper raw potenzjal kbir għal servizzi finanzjarji fil-qasam tal-innovazzjoni u t-teknoloġija (FinTech), anke biex jingħelbu x-xkiel fix-xiri u l-bejgħ ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur b’mod transfruntier. It-tielet għan ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa l-appoġġ għall-iżvilupp fid-dinja diġitali innovattiva, li għandu jagħmilha aktar faċli għas-settur privat biex jegħleb ċerti ostakli eżistenti fis-Suq Uniku, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà.

Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li toħloq ambjent regolatorju u superviżorju madwar l-UE li jappoġġja l-innovazzjoni diġitali. Pass importanti huwa r-Regolament adottat reċentement dwar l-identifikazzjoni elettronika (eIDAS) 24 li jippermetti r-rikonoxximent transfruntier tal-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal servizzi pubbliċi madwar is-Suq Uniku tal-UE. Qafas interoperabbli ta’ identifikazzjoni elettronika jista’ jgħin ukoll lil-kumpaniji jiżviluppaw relazzjonijiet diġitali mal-klijenti. Fuq medda ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni jeħtieġ li tiżviluppa strateġija wiesgħa biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tal-innovazzjoni teknoloġika fis-settur tas-servizzi finanzjarji kollha kemm huma filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali u dik tal-konsumatur u l-istandards ta’ sigurtà, kif ukoll l-istabbiltà tas-suq.

4.1.Is-Suq Uniku mmexxi mit-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur

Sfida ewlenija għas-snin li ġejjin se tkun li jinħoloq ambjent fejn l-innovazzjoni finanzjarja għall-benefiċċju tal-konsumaturi tkun tista’ tavvanza. Kumpaniji innovattivi regolarment jesprimu tħassib li l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri u l-prattiki superviżorji jillimitaw il-ħila tagħhom li jinnovaw u li joffru servizzi transfruntieri. Dawn jinsabu inċerti dwar kif servizzi ġodda tagħhom jidħlu fir-regolamenti eżistenti, u dawn jistgħu jesperjenzaw l-applikazzjoni sproporzjonata, inkonsistenti jew wisq prudenti ta’ rekwiżiti regolatorji li mhumiex adattati għal dawn is-servizzi innovattivi. Fl-istess waqt, fost iċ-ċittadini hemm mifruxa t-tħassib dwar is-sigurtà tal-pagament u l-biża’ ta’ frodi diġitali. Jeħtieġ li dan it-tħassib jiġi indirizzat b’mod adegwat meta l-innovazzjoni tiġi avvanzata ulterjorment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, 25 il-Kummissjoni Ewropea għarfet il-ħtieġa li jiġi rivedut il-qafas legali eżistenti tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas mhux f’kontanti, 26 u li jiġi aġġornat fejn meħtieġ. Proposta leġiżlattiva hija ppjanata għall-ħarifa 2017.

L-innovazzjoni toħloq sfidi ġodda għar-regolaturi u s-superviżuri tas-servizzi finanzjarji li jridu jiżguraw li l-konsumaturi huma protetti u li tiġi mħarsa l-istabbiltà tas-suq mingħajr ma wieħed jibbaża fuq il-prassi u l-esperjenza preċedenti. Diversi regolaturi tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji bdew ikunu aktar proattivi, jiżviluppaw metodi ġodda biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ negozji innovattivi filwaqt li jitgħallmu minn dawn il-kumpaniji. Dawn l-inizjattivi jinkludu ċentri li jipprovdu gwida dwar ir-regolament applikabbli u timijiet li jħarsu lejn l-implikazzjonijiet ta’ politika tat-teknoloġija. Xi regolaturi u s-superviżuri nazzjonali qed jaħdmu partikolarment mill-qrib ma’ kumpaniji innovattivi, jiddirieġu l-attivitajiet tagħhom fl-hekk imsejħa ambjenti ta’ sperimentazzjoni regolatorji.

Il-bini ta’ Suq Uniku veru li jaħdem bit-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji jkun jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-partijiet interessati kollha (konsumaturi, operaturi, fornituri alternattivi ta’ FinTech). Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi approċċi regolatorji u superviżorji ġodda u kooperazzjoni transfruntiera meta wieħed jitratta ma’ kumpaniji innovattivi, sakemm il-konsumaturi jibqgħu mħarsa sew.

Il-Kummissjoni nediet ukoll Task Force interna dwar il-FinTech li tinvolvi lis-servizzi rilevanti kollha li qegħdin jaħdmu fuq ir-regolamentazzjoni, it-teknoloġija, id-dejta u l-kompetizzjoni finanzjarja biex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tagħna tirrifletti l-approċċ multidixxiplinarju mitlub mill-iżviluppi ta’ FinTech. Flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni pubblika biex tirċievi kontribut minn partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa aktar l-approċċ tal-politika tal-Kummissjoni lejn l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Il-konsultazzjoni hija strutturata fuq erba’ għanijiet politiċi wesgħin li jirriflettu l-opportunitajiet u l-isfidi relatati mal-FinTech:

(1)It-trawwim tal-aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi u n-negozji;

(2)It-tnaqqis tal-kost operattiv u ż-żieda tal-effiċjenza għall-industrija;

(3)Iż-żieda fil-kompetizzjoni tas-suq uniku billi jnaqqsu l-ostakli għad-dħul; kif ukoll

(4)Bilanċ b’aktar iskambju ta’ dejta u trasparenza akbar għall-ħtiġijiet ta’ privatezza.

Din il-ħidma se tibbenefika wkoll minn finanzjament speċifiku mill-Parlament Ewropew għal proġett pilota mmirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċità u l-kompetenza esperta teknika tar-regolaturi nazzjonali fir-rigward tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit.

Azzjoni 10

Ibbażata fuq ix-xogħol tat-Task Force dwar il-FinTech u fuq il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tiddetermina liema azzjonijiet huma meħtieġa biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-FinTech u Suq Uniku immexxi mit-teknoloġija għas-servizzi finanzjarji.

4.2.Relazzjonijiet diġitali mal-klijenti

Wieħed mill-benefiċċji prinċipali tal-FinTech f’perjodu ta’ żmien qasir huwa l-potenzjal tagħha biex tiffaċilita r-relazzjonijiet onlajn mal-klijenti. Kif il-mexxejja tal-banek Ewropej ewlenin ikkonfermaw f’Novembru 2016 waqt laqgħa organizzata mill-Kummissjoni 27 , li d-l-kumpaniji jitħallew jistabbilixxu relazzjonijiet mal-klijenti kompletament diġitali huwa ċentrali għall-bini ta’ Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Il-forniment transfruntier ta’ servizzi finanzjarji mhux se jaqbad sakemm il-konsumaturi jkollhom jibqgħu jidhru fl-uffiċċji tal-fornituri biex jiġu identifikati, jirċievu d-dokumenti ta’ divulgazzjoni u jiffirmaw fuq il-kuntratti.

4.2.1.Identifikazzjoni remota

L-innovaturi qed jiżviluppaw modi ġodda kif il-klijenti jiġu identifikati u awtentikati. “RegTech” 28 tista’ tibdel is-swieq billi tawtomatizza l-kontrolli fuq il-kumpaniji, n-nies u d-dokumenti tal-identità biex tissodisfa r-rekwiżiti kun-af-il-klijent-tiegħek permezz tal-identifikazzjoni remota u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ frodi 29 . L-użu ta’ skemi ta’ identità elettronika, kif stipulat fl-eIDAS, jagħmilha possibbli li jinfetaħ kont bankarju onlajn filwaqt li jiġu ssodisfati rekwiżiti stretti għall-prova tal-identità u l-verifika tal-klijent għall-kun-af-il-klijent-tiegħek jew għal skopijiet ta’ diliġenza dovuta tal-klijent. Iċ-ċertezza tad-dritt u l-validità ta’ firem elettroniċi kkwalifikati, kif previst taħt eIDAS, jistgħu wkoll issaħħu s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet elettroniċi; Din għandha taħdem b’mod transfruntier u bejn is-setturi, u għandu jkollha l-istess effett legali bħall-proċessi tradizzjonali bbażżati fuq il-karta.

Ir-raba’ direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li dalwaqt tiġi trasposta 30 , bl-emendi proposti tagħha 31 , tirrikonoxxi dawn l-iżviluppi ġodda u taċċetta mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-eIDAS bħala għodod li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti. In-notifiki ta’ skemi ta’ identità elettronika huma mistennija minn nofs l-2017, u huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi li jkunu qed iħejju għan-notifika jkunu interoperabbli u disponibbli wkoll għall-użu mis-settur privat. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-użu tal-identità elettronika fl-Istati Membri u tħeġġeġ in-notifika tagħhom.

Ir-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima u għalhekk tħalli spazju għal applikazzjoni li tvarja fost l-Istati Membri. Id-deċiżjonijiet dwar kif jistgħu jintużaw l-għodod diġitali innovattivi għall-identifikazzjoni tal-klijenti jistgħu jintużaw jibqgħu f’idejn l-Istati Membri, li jridu jiżguraw ukoll li dawn l-għodod ikunu sikuri, li ma jintroduċux riskji ġodda għall-konsumaturi jew għas-sistema u jkunu konformi mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni se tniedi grupp iddedikat ta’ esperti biex jesplora aktar dawn il-kwistjonijiet u jiżviluppa linji gwida komuni. Il-grupp se jkun magħmul minn regolaturi, superviżuri, istituzzjonijiet finanzjarji u l-grupp eżistenti ta’ esperti dwar l-identità mill-Istati Membri.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed twettaq studju biex tivvaluta l-qafas regolatorju u superviżorju attwali u l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni mill-bogħod u d-diliġenza dovuta tal-klijenti madwar l-UE. B’mod parallel, il-Kummissjoni dalwaqt se tagħmilha possibbli, taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jiġi ttestjat l-użu transfruntier mill-banek ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika. Se tressaq ukoll pjan ta’ implimentazzjoni u tiddefinixxi s-soluzzjonijiet tal-arkitettura tas-sistemi tal-informazzjoni bl-għan li jsir progress lejn komponent speċifiku tas-servizzi bankarji elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni b’mod remot tal-klijenti tal-bank.

Azzjoni 11

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-użu transfruntier tal-identifikazzjoni elettronika u l-portabilità kun-af-il-klijent-tiegħek abbażi eIDAS biex il-banek ikunu jistgħu jidentifikaw il-klijenti b’mod diġitali.

4.2.2.Il-bejgħ diġitali mill-bogħod

Il-bidla fl-imġiba tal-konsumatur flimkien ma’ mudelli ġodda ta’ negozju ta’ fornituri tas-servizzi finanzjarji jistgħu jwasslu għal riskji ġodda għall-protezzjoni tal-konsumatur (eż. kwistjonijiet ta’ kunsens onlajn, l-esklużjoni finanzjarja, kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni/superviżjoni f’dan is-suq, eċċ.). S’issa dawn ma jistgħux jiġu indirizzati biżżejjed. Għalhekk, tinħtieġ evalwazzjoni biex tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur u orizzontali eżistenti (eż. id-Direttiva dwar ir-Reklamar mill-Bogħod ta’ Servizzi Finanzjarji 32 ) għadhiex adattata għall-għan tagħha.

Pereżempju, qabel ix-xiri ta’ prodott tas-servizzi finanzjarji, il-konsumaturi għandhom jingħataw tagħrif dwar il-prodott jew f’verżjoni stampata jew onlajn biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Kummenti mill-industrija jissuġġerixxu li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni prekuntrattwali attwali jistgħu ma jkunux tajbin għad-dinja diġitali. Dawk li wieġbu għall-Green Paper issuġġerew l-użu ta’ pjattaformi aktar interattivi u li jżommu l-attenzjoni, addattati għal smartphones u tablets, biex isaħħu l-fehim tal-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji.

Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni huma inklużi f’diversi direttivi u regolamenti, inklużi dawk dwar is-self ipotekarju u kreditu għall-konsumatur, dwar il-kontijiet tal-ħlas, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prodotti ta’ investiment għall-konsumaturi aggregati bbażati fuq l-assigurazzjoni u investimenti kollettivi f’titoli trasferibbli. Il-Kummissjoni se tissorvelja kif dawn ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni se jiġu applikati minn fornituri diġitali qabel ma tissuġġerixxi xi emendi għal dawn il-liġijiet. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-industrija biex tippreżenta kif xieraq soluzzjonijiet ġodda li jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jiksbu fehim aħjar ta’ prodotti jew servizzi finanzjarji u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Il-Kummissjoni qiegħda twettaq valutazzjoni komprensiva tas-swieq Ewropej għall-prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsum, b’attenzjoni fuq il-mezzi ta’ distribuzzjoni u fuq il-pariri dwar l-investiment. L-għan huwa li jiġu identifikati modi biex titjieb l-effiċjenza tal-mezzi ta’ intermedjazzjoni ħalli l-investituri fil-livell tal-konsumaturi ikunu jistgħu jaċċessaw prodotti xierqa b’termini kosteffettivi tal-investiment. Ir-riżultati huma mistennija fil-bidu tal-2018.

Azzjoni 12

Il-Kummissjoni se tissorvelja s-suq tal-bejgħ mill-bogħod biex tidentifika l-potenzjal ta’ riskji u opportunitajiet kummerċjali f’dan is-suq u, fuq dik il-bażi, tiddeċiedi dwar il-bżonn li jiġi emendat il-bejgħ b’distanza (inklużi r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni).

5.Konklużjoni

Irrispettivament mit-tendenzi tax-xiri attwali tagħhom, il-konsumaturi kollha għandhom ħafna x’jiggwadanjaw minn Suq Uniku ġenwin fis-servizzi finanzjarji. Madankollu, l-ostakli għall-integrazzjoni jibqgħu sostanzjali. Jeħtieġ li dawn jitneħħew qabel il-frammentazzjoni tas-suq tkun tista’ titnaqqas sal-punt li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aktar għażla u kwalità aħjar flimkien ma’ livell għoli ta’ sigurtà. Ladarba jinkiseb dan u x-xiri ta’ servizzi finanzjarji b’mod transfruntier isir realtà għal għadd dejjem ikbar ta’ Ewropej, il-pressjoni kompetittiva li tirriżulta se tibbenefika lill-konsumaturi kollha, inklużi lil dawk li jkomplu jixtru servizzi finanzjarji domestikament.

Il-Kummissjoni diġà ttrattat bosta ostakli regolatorji permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi pjanijiet għal aktar ħidma, il-konsolidazzjoni tal-acquis u t-trawwim tal-innovazzjoni. Il-FinTech se ġġib opportunitajiet ġodda biex jiġu indirizzati xi wħud mill-ostakoli li fadal għal integrazzjoni u għall-ftuħ ulterjuri tas-swieq nazzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti wkoll salvagwardji adegwati. Madankollu, biex tassew jiġi sfruttat dan il-potenzjal hemm bżonn qafas u metodi ta’ ħidma li jkunu adattati għal dinja li qed tinbidel b’mod rapidu fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex iwaħħdu l-isforzi tagħhom fil-bini ta’ Suq Uniku li jaħdem bit-teknoloġija ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur.

(1)  Ewrobarometru Speċjali 446 ta’ Lulju 2016:  http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/SPECIAL/surveyKy/2108 . Aktar evidenza dwar l-istat attwali tas-Suq Uniku Ewropew għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tinsab fil-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur:
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2015:630:FIN
(2)  Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2015:630:FIN  
(3)  Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52015DC0468  
(4)  2016/2056(INI) adottat fis-17/10/2016
(5)  Ara http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/review  
(6)  Ara http://ec.europa.eu/finance/fin-net/index_mt.htm  
(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001, ĠU L 266 9.10.2009, p. 11-18
(8)  Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1-36.
(9)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35-127.
(10)  Ewrobarometru 446, Paġna 12 'il quddiem tas-Sommarju
(11) Il-Kummissjoni Ewropea, Studju dwar ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni fil-ħolqien ta’ Suq Uniku veru għas-servizzi finanznarji għall-konsumatur u l-assigurazzjoni. Sommarju Eżekuttiv, Lulju 2016, disponibbli f’: https://ec.europa.eu/info/publications/study-impact-digitalisation-eu-single-market-consumer-financial-services_en , (Digitalisation study), page 5
(12)  Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214-246
(13) Ara http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/unfair-trade/comparison-tools/index_en.htm
(14) L-istudju se jibni fuq ir-riżultati ta’ studju dwar l-imġiba li għaddej dwar is-servizzi tal-assigurazzjoni li fost l-oħrajn għandu l-għan li jipprovdi evidenza kwantitattiva robusta dwar l-esperjenza tal-konsumaturi fis-suq tal-assigurazzjoni, l-impatt tal-karatteristiċi ta’ kuntratti differenti, l-impatt ta’ kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni, u l-ostakoli għax-xiri transfruntier tal-assigurazzjoni.
(15) Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11-31
(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni), ĠU L 26 2.2.2016 p. 19-59
(17)  Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-86_mt.htm  
(18)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66-92
(19)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
(20)  The Eurosystem Household Finance and Consumption Survey, Eurosystem Household Finance and Consumption Network, 2013, disponibbli fuq:  https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/ecbsp2en.pdf?2180f869d12ccc366869c9419b3da32e , paġna 71
(21)  Disponibbli fuq  http://ec.europa.eu/consumers/financial_services/reference_studies_documents/docs/part_1_synthesis_of_findings_en.pdf  
(22)  FinTech tirreferi għall-għoti ta' servizzi finanzjarji bis-saħħa tat-teknoloġija, inklużi minn fornituri alternattivi li jużaw sistemi bbażati fuq it-teknoloġija li b’xi mod jew ieħor jew jipprovdi servizzi finanzjarji direttament jew sabiex jagħmlu s-sistema finanzjarja aktar effiċjenti.
(23)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta u mill-25 ta’ Mejju 2018, ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.
(24) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE,ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73–114 
(25)   https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/e-library/documents/basic-documents/docs/eu_agenda_on_security_en.pdf  
(26)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32001F0413&from=EN
(27)  Il-kwistjonijiet diskussi kienu jinkludu l-identifikazzjoni elettronika u l-inklużjoni diġitali, iċ-ċibersigurtà, id-dejta u l-cloud, il-pjattaformi u l-ħlasijiet kif ukoll ħiliet diġitali relatati mal-FinTech.
(28)  RegTech tfisser “teknoloġija regolatorja” u mudell tan-negozju fejn it-teknoloġija tippermetti lil-kumpaniji biex jikkonformaw aħjar mar-regolamentazzjoni; Ir-RegTecht tista’ tippermetti wkoll lil korpi governattivi biex jimplimentaw, jissorveljaw, jew jinfurzaw ir-regolament b’mod aktar effettiv, aktar effiċjenti, jew b’mod aktar faċli għall-utent.
(29)  Imafidon, C., The spiralling costs of KYC for banks and how FinTech can help, ITPro Portal, June 2016, disponibbli fuq: http://www.itproportal.com/2016/06/06/the-spiralling-costs-of-kyc-for-banks-and-how-fintech-can-help  
(30)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73-117
(31)  Ara http://ec.europa.eu/justice/criminal/document/files/aml-directive_en.pdf  
(32) Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE,ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16-24
Top

Brussell, 23.3.2017

COM(2017) 139 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur


Anness 1: Ħarsa Ġenerali lejn l-Azzjonijiet u l-Iskeda Indikattiva

Azzjoni

Data

1

Imposti orħos fuq tranżazzjonijiet mhux tal-euro

Kif diġa tħabbar, il-Kummissjoni, wara rieżami REFIT, se tipproponi emenda għar-Regolament dwar il-pagamenti transfruntieri biex jitnaqqsu l-imposti għat-tranżazzjonijiet transfruntieri fl-Istati Membri kollha.

2017

Q4

2

Trasparenza fil-konverżjoni tal-munita

Il-Kummissjoni se teżamina l-prattiki tajba u ħżiena fil-konverżjoni dinamika tal-munita u fuq dik il-bażi, tqis l-aktar mezzi xierqa (infurzar ta’ leġiżlazzjoni eżistenti, approċċi volontarji, leġiżlazzjoni msaħħa) biex tippermetti lill-konsumaturi jagħżlu l-aħjar rata.

2018
L-ewwel nofs

3

Bdil tal-prodotti aktar faċli

Il-Kummissjoni se tesplora aktar passi biex tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jaqilbu għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur aktar vantaġġjużi, u jkomplu jibnu fuq dak li diġa’ nkiseb permezz tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas.

2018

It-tieni nofs

4

Siti web tat-tqabbil tal-kwalità

Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex ittejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà ta’ siti web tat-tqabbil tas-servizzi finanzjarji, billi tippromwovi l-adozzjoni ta’ prinċipji eżistenti u permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji.

2018

L-ewwel nofs

5

Assigurazzjoni aħjar ta' vetturi

Il-Kummissjoni se tlesti r-rieżami REFIT tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur u se tiddeċiedi dwar kwalunkwe emendi meħtieġa biex ittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku u biex ittejjeb ir-rikonoxximent transfruntier tad-dikjarazzjonijiet tar-rekord tat-talbiet (li jintużaw biex jiġu kkalkulati l-bonuses fin-nuqqas ta’ talbiet).

2017

Q4

6

Ipprezzar trasparenti tal-kiri tal-karozzi

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim mal-kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi, b’mod partikolari dwar l-ipprezzar trasparenti ta’ elementi relatati mal-assigurazzjoni u se tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattia ulterjuri biex il-prattiki trasparenti jiġu estiżi għas-suq kollu.

2017

Q4

7

Suq Uniku aktar profond għall-kreditu għall-konsumatur

Il-Kummissjoni se tesplora modi kif tiffaċilita l-aċċess għal self b’mod transfruntier filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll modi kif tista’ tindirizza b’mod iktar effiċjenti id-dejn eċċessiv tal-konsumatur marbut mal-attivitajiet ta’ kreditu.

2018
L-ewwel nofs

8

Regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur ġusti

Il-Kummissjoni se teżamina r-regoli dwar il-kondotta u l-protezzjoni tal-konsumaturi biex tevalwa jekk dawn joħolqux ostakli mhux ġustifikati għan-negozju transfruntier.

2018
It-tieni nofs

9

Valutazzjoni aħjar tal-affidabbiltà kreditizja

Il-Kummissjoni se tfittex li tintroduċi standards u prinċipji komuni ta’ valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja għal self lil konsumaturi u se taħdem biex tiżviluppa sett minimu ta’ dejta li għandha tiġi skambjata bejn ir-reġistri tal-kreditu f’valutazzjonijiet ta’ affidabbiltà kreditizja transfruntieri.

2018
It-tieni nofs

10

FinTech għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur

Ibbażata fuq ix-xogħol tat-Task Force dwar il-FinTech u fuq il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tiddetermina liema azzjonijiet huma meħtieġa biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-FinTech u Suq Uniku ibbażat fuq it-teknoloġija għas-servizzi finanzjarji.

Q4 tal-2017

11

Kontrolli tal-identità diġitali

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-użu transfruntier tal-identifikazzjoni elettronika u l-portabilità kun-af-il-klijent-tiegħek abbażi tal-eIDAS biex il-banek ikunu jistgħu jidentifikaw il-klijenti b’mod diġitali.

Q4 tal-2017

12

Bejgħ onlajn ta’ servizzi finanzjarji

Il-Kummissjoni se tissorvelja s-suq tal-bejgħ mill-bogħod biex tidentifika l-potenzjal ta’ riskji u opportunitajiet kummerċjali f’dan is-suq u, fuq dik il-bażi, tiddeċiedi dwar il-bżonn li jiġi emendat il-bejgħ b’distanza (inklużi r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni).

2018
L-ewwel nofs

Top