EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0031

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

COM/2017/031 final

Brussell, 19.1.2017

COM(2017) 31 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

{SWD(2017) 17 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

Fl-1 ta’ Awwissu, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu ("TFTP") daħal fis-seħħ 1 .

Aspetti proċedurali

L-Artikolu 13 tal-Ftehim jipprevedi rieżami konġunt regolari tas-salvagwardji, il-kontrolli, u d-dispożizzjonijiet tar-reċiproċità, li għandu jitwettaq minn timijiet responsabbli għar-rieżami mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti tal-Amerika, inklużi l-Kummissjoni Ewropea, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, u rappreżentanti ta’ żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta minn Stati Membri tal-UE, u jistgħu jinkludu wkoll esperti tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-dejta u persuni b’esperjenza ġudizzjarja.

Dan ir-rapport jirrigwarda r-raba’ rieżami konġunt tal-Ftehim minn mindu dan daħal fis-seħħ, u jkopri perjodu ta’ 22 xahar, mil-1 ta’ Marzu 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2015. L-ewwel rieżami konġunt tal-Ftehim imwettaq fi Frar 2011 2 kopra l-perjodu tal-ewwel sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim (mill-1 ta’ Awwissu 2010 sal-31 ta’ Jannar 2011) u t-tieni rieżami konġunt li twettaq f’Ottubru 2012 3 kopra l-perjodu sussegwenti ta’ 20 xahar (mill-1 ta’ Frar 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012). It-tielet rieżami konġunt imwettaq f’April 2014 kopra perjodu ta’ 17-il xahar (mill-1 ta’ Ottubru 2012 sat-28 ta’ Frar 2014) 4 . Fis-27 ta’ Novembru 2013 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim 5 .

F’konformità mal-Artikolu 13(3), għall-finijiet tar-rieżami, l-Unjoni Ewropea kienet irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti kienu rrappreżentati mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. It-tim tal-UE responsabbli għar-rieżami kien immexxi minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni u b’kollox kien jikkonsisti minn żewġ membri tal-persunal tal-Kummissjoni, rappreżentanti ta’ żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta u espert ġudizzjarju mill-Eurojust.

Ir-raba’ rieżami konġunt twettaq f’żewġ stadji ewlenin: fl-1 ta’ Marzu 2016, f’The Hague fil-bini tal-Europol, u fil-15 u fis-16 ta’ Marzu 2016 f’Washington fid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti (minn hawn ’il quddiem “it-Teżor”).

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni li tinsab fit-tweġibiet bil-miktub li t-Teżor ta għall-kwestjonarju tal-UE mibgħut qabel ir-rieżami, fuq l-informazzjoni miksuba minn diskussjonijiet ma’ persunal tat-Teżor kif ukoll informazzjoni li tinsab f’dokumenti oħra tat-Teżor disponibbli pubblikament. Barra minn hekk, intużat informazzjoni pprovduta mill-persunal tal-Europol matul ir-rieżami u minn Settembru 2015 tqies ir-rapport ta’ spezzjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza Konġunta (JSB - Joint Supervisory Body) tal-Europol. Sabiex titlesta l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ltaqgħet mal-Fornitur Magħżul u rċeviet informazzjoni mingħandu.

Rakkomandazzjonijiet u konklużjoni

Fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet li waslu mit-Teżor, mill-Europol, mill-Fornitur Magħżul u mis-sorveljanti indipendenti u fuq il-verifika tad-dokumenti rilevanti u ta’ kampjun rappreżentattiv tat-tfittxijiet li saru fuq id-dejta pprovduta mit-TFTP, il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-Ftehim u s-salvagwardji u l-kontrolli tiegħu qed jiġu implimentati sew, u li t-Teżor għamel segwitu tal-konklużjonijiet tat-tielet rieżami konġunt. B’mod partikolari, il-Kumissjoni hija sodisfatta bir-riżultat tad-diskussjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 rigward id-dritt għall-aċċess u l-mod li bih it-Teżor ikompli jivvaluta kemm hu meħtieġ li tinżamm id-dejta estratta skont l-Artikolu 6(7) tal-Ftehim.

L-Europol qed twettaq il-kompiti ta’ verifika tagħha f’konformità sħiħa mal-Artikolu 4 fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn iddettaljata u aġġornata regolarment li tasal mit-Teżor. Il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza qed jaħdem bla xkiel u b’mod effikaċi jiżgura li l-ipproċessar tad-dejta jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5. Id-dejta kollha li ma ġietx estratta titħassar fuq bażi ta’ kull sitt xhur sabiex jiġi żgurat li din id-dejta kollha titħassar mhux aktar tard minn ħames snin minn meta tkun waslet, skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim. L-evalwazzjoni regolari tat-Teżor rigward id-dejta estratta tinkludi valutazzjoni tal-perjodi taż-żamma tad-dejta. L-informazzjoni rilevanti dwar il-proċess ta’ rettifika tad-dejta ġiet inkluża fis-sit web tat-Teżor.

F’termini ta’ potenzjal għal aktar titjib, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu feedback regolari dwar id-dejta tat-TFTP li tasal mit-Teżor li jista' jtejjeb aktar il-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 9 u 10. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Europol biex tissokta bl-isforzi tagħha biex tippromwovi b’mod attiv is-sensibilizzazzjoni tat-TFTP u biex tappoġġa lill-Istati Membri li jfittxu l-parir u l-esperjenza tagħha fil-formulazzjoni ta' talbiet skont l-Artikolu 10. Huwa importanti li l-Europol ikompli jaqdi r-rwol tiegħu ta’ verifika skont l-Artikolu 4 bl-istess reqqa u indipendenza bħal fil-preżent.

Fil-kuntest tar-rieżami, it-Teżor kkonferma bil-miktub il-validità tal-aċċertamenti mogħtija waqt il-konsultazzjonijiet tal-2013. It-Teżor qal li minn mindu daħal fis-seħħ il-Ftehim tat-TFTP f’Awwissu 2010, il-Gvern tal-Istati Uniti – inklużi d-dipartimenti u l-aġenziji kollha – ma ġabarx messaġġi marbutin ma’ pagamenti finanzjarji mingħand il-Fornitur Magħżul fl-Unjoni Ewropea, ħlief kif awtorizzat permezz tal-Ftehim tat-TFTP. It-Teżor qal ukoll li matul dak iż-żmien, il-Gvern tal-Istati Uniti ma ħarrikx lill-Fornitur Magħżul fl-UE jew lill-Fornitur Magħżul fl-Istati Uniti b’xi ċitazzjoni li titlob li jingħata dejta maħżuna fl-UE, ħlief kif awtorizzat mill-Artikolu 4 tal-Ftehim tat-TFTP. It-Teżor kkonferma wkoll li l-Istati Uniti baqgħu u bi ħsiebhom jibqgħu konformi bis-sħiħ mal-impenji kollha li ħadu skont il-Ftehim tat-TFTP.

It-TFTP jibqa’ strument importanti biex tingħata informazzjoni f’waqtha, preċiża u affidabbli dwar l-attivitajiet assoċjati ma’ atti suspettati li jippjanaw u li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Jgħin biex jiġu identifikati u ttraċċati t-terroristi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda kontinwa fit-trasparenza tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni li turi l-valur tat-TFTP fl-isforzi internazzjonali kontra t-terroriżmu. L-informazzjoni ddettaljata dwar kif id-Dejta Pprovduta mit-TFTP tista’ tintuża u qiegħda tintuża, u l-każijiet konkreti ta' dan mogħtija fir-Rapport Konġunt dwar il-Valur u fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami jikkostitwixxu pass 'il quddiem konsiderevoli sabiex ikompli jiġi spjegat ulterjorment it-tħaddim u l-valur miżjud tat-TFTP.

Fil-perjodu rieżaminat, l-UE rnexxielha tibbenefika aktar mit-TFTP milli matul il-perjodi li tqiesu f’rieżamijiet preċedenti. F’xi każijiet, l-informazzjoni mogħtija skont il-Ftehim kienet strumentali biex investigazzjonijiet speċifiċi marbutin ma’ attakki terroristiċi fuq art Ewropea jitmexxew ’il quddiem. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti, skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim, għamlu użu estensiv mill-possibilità li jagħtu informazzjoni b’mod spontanju mit-TFTP lill-Awtoritajiet tal-UE. Barra minn hekk, l-Europol b’mod proattiv għamel sensiela ta’ talbiet skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim fil-perjodu rieżaminat. Dan għen biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tat-TFTP fost l-awtoritajiet tal-UE, li rriżulta f’żieda fl-użu tat-TFTP minn dawn l-awtoritajiet.

Huwa essenzjali rieżami regolari tal-Ftehim sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tiegħu, sabiex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-partijiet kontraenti u sabiex tingħata riassigurazzjoni lill-partijiet ikkonċernati dwar l-utilità tal-istrument TFTP. Ġie miftiehem bejn il-Kummissjoni u t-Teżor biex ir-rieżami konġunt li jmiss skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim jitwettaq fil-bidu tal-2018.

It-tħaddim tal-Ftehim, il-proċess ta’ rieżami konġunt, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu huma deskritti fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ dan ir-Rapport.

(1)

ĠU L 195/5 tas-27.7.2010

(2)

SEC(2011) 438 final

(3)

SWD(2012) 454 final

(4)

COM (2014) 513 final u SWD (2014) 264 final tal-11.8.2014

(5)

COM (2013) 843 final tas-27.11.2013

Top