EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0045

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b’mod konġunt minn bosta Stati Membri” (COM(2016) 662 final — 2016/0325 (COD))

OJ C 125, 21.4.2017, p. 80–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b’mod konġunt minn bosta Stati Membri”

(COM(2016) 662 final — 2016/0325 (COD))

(2017/C 125/12)

Relatur:

Emilio FATOVIC

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 18.10.2016, Kunsill, 9.11.2016, Parlament, 27.10.2016

Bażi legali

L-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

REX

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

164/3/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni fil-programm PRIMA sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi komuni biex il-provvista tal-ilma u s-sistemi alimentari fir-reġjun Mediterranju jkunu aktar sikuri, effettivi, effiċjenti u sostenibbli f’termini ambjentali u mil-lat ta’ spejjeż.

1.2

Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni fil-programm PRIMA tirrappreżenta valur miżjud għall-UE kollha kemm hi, peress li tagħmilha possibbli li jiġu indirizzati b’mod integrat uħud mill-kawżi ewlenin li huma l-qofol tan-nuqqas ta’ stabbiltà fiż-żona tal-Mediterran u li qed joħolqu l-migrazzjoni tal-massa. Min-naħa l-oħra, is-sħubija kuntrattwali u li tingħeleb il-loġika bilaterali, favur waħda multilaterali u konġunta, jistgħu jfissru li PRIMA jkun mudell importanti fis-snin li ġejjin.

1.3

Il-Kumitat jemmen li approċċ verament olistiku, multisettorjali u f’diversi livelli, flimkien ma’ objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu fir-rigward tas-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma kundizzjonijiet essenzjali għas-suċċess tal-PRIMA.

1.4

Il-KESE jaqbel mal-proposta li l-parteċipazzjoni fil-programm PRIMA tkun imsejsa fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE sabiex tkun żgurata l-ikbar integrazzjoni possibbli fil-livell xjentifiku, ġestjonarju u finanzjarju u li tinvolvi 'l-Istati Membri u 'l-pajjiżi terzi, għall-ewwel darba fuq l-istess livell. Dan kollu, fi ħdan Strateġija Makroreġjonali għall-Mediterran usa’ li tieħu inkonsiderazzjoni l-linji ta’ politika l-oħra kollha (PEV), inizjattivi u sħubijiet (UgħM) diġà fis-seħħ f’dak ir-reġjun, se jgħin biex ikunu indirizzati b’mod aktar effikaċi l-problemi komuni ma’ pajjiżi terzi fuq approċċ ta’ kożvilupp u kodeċiżjoni.

1.5

Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-finanzjament tal-Unjoni għall-programm PRIMA għandu jkun ekwivalenti għal dak nazzjonali u, f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament jew ta’ kontribuzzjoni differita mill-Istati promoturi, ikun hemm il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonali l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien tal-PRIMA-IS bħala struttura eżekuttiva responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programm PRIMA. Il-KESE jittama li dan il-korp ikun ikkaratterizzat minn governanza miftuħa u mekkaniżmi ta’ sħubija inklużivi, b’mod partikolari għall-adeżjoni ta’ Stati terzi ġodda jew Stati Membri. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella għall-involviment tal-partijiet interessati kollha potenzjalment ikkonċernati (reġjuni, awtoritajiet lokali, universitajiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) fi ħdan il-PRIMA-IS, sabiex tissaħħaħ il-governanza u jikkontribwixxu biex jiġu identifikati u monitorjati l-impatti ekonomiċi, fuq l-impjiegi u soċjali tal-programm.

1.7

Il-KESE, f’konformità mal-prinċipju tal-intersezzjonalità ma’ politiki oħra tal-UE, jirrakkomanda li l-PRIMA jiġi integrat mal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari u l-inizjattivi relatati kollha tagħha (eż. l-użu tal-ħamrija u fertilizzanti).

1.8

Il-Kumitat itenni l-urġenza ta’ direttiva qafas dwar il-ħamrija, li tieħu kont tad-diversità bejn id-diversi pajjiżi tal-UE, sabiex tkun iffokata bl-aħjar mod il-ħidma fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-programm PRIMA.

1.9

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-programm jindirizza l-kwistjoni tal-ilma b’mod komprensiv, filwaqt li jqis id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll iċ-ċiklu tal-ilma kollu, inklużi l-fażijiet artifiċjali, fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli. Fil-fatt, jeħtieġ jiġi żviluppat approċċ aktar ġust tal-estrazzjoni tal-ilma, fejn jinstab bilanċ bejn l-esiġenzi u l-kompetizzjoni bejn is-setturi ekonomiċi u tal-enerġija, il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-ekosistemi tal-ilma ħelu u l-bżonn li jiġi garantit dritt fundamentali taċ-ċittadini.

1.10

Il-KESE jemmen li l-programm Orizzont 2020 huwa l-istrument l-aktar adatt għat-tqassim ta’ fondi, kif ukoll jappoġġja l-għażla tal-inklużjoni mill-ġdid ta’ ħafna mill-attivitajiet previsti mill-programm PRIMA fost l-hekk imsejħa “Sfidi tas-soċjetà”. B’mod partikolari, il-Kumitat jirrakkomanda li jingħataw preferenza proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni fis-settur agrikolu u ta’ produzzjoni tal-ikel b’impatt soċjali qawwi, irħas u faċilment trasferibbli, iżda li jipprovdu wkoll il-valorizzazzjoni tal-għarfien tradizzjonali, bħala mezz biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-eżodu tal-imħuħ u l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-impjegabbiltà, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

1.11

Fil-każ li proġett wieħed jew iżjed ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati b’fondi nazzjonali għaliex tkun ġiet eżawrita l-allokazzjoni nazzjonali, il-KESE jaqbel li jiġu ffinanzjati bl-appoġġ tal- PRIMA-IS. Dan il-finanzjament, li ma jistax ikun ogħla minn 20 % tal-kontribuzzjoni kollha tal-UE għall-programm PRIMA, għandu jiggarantixxi t-twettiq ta’ proġetti ta’ kwalità għolja.

1.12

Il-KESE huwa favur il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet li jiġu minn pajjiżi tal-UE li mhumiex imsieħba tal-programm PRIMA fil-każ li l-kompetenzi tagħhom mhumiex disponibbli f’pajjiżi li huma msieħba fil-programm PRIMA. F’dak il-każ, l-ammont ta’ finanzjament tagħhom ma jistax ikun ogħla minn 50 % fl-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, u jkun jilħaq bejn 35 % u 50 % għall-azzjonijiet ta’ innovazzjoni. Dan għandu jippermetti li jitwettqu proġetti ambizzjużi skont il-mod ta’ ħsieb tal-UE u jiġu appoġġjati dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu u jinvestu fil-programm PRIMA.

1.13

Il-Kumitat, fid-dawl tad-diffikultajiet kbar li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna pajjiżi terzi li diġà qed jieħdu sehem fil-programm Orizzont 2020 biex malajr u b’mod effiċjenti jissodisfaw ir-rekwiżiti formali tal-programm, jitlob li jkun hemm semplifikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, fejn dan huwa possibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, fir-reġjun tal-Mediterran jgħixu 180 miljun ruħ “fqar fir-riżorsi tal-ilma”, li jikkorrispondu għal 50 % ta’ dawk kollha fid-dinja li huma “fqar fl-ilma” (1). Dan iħalli konsegwenzi serji ħafna fuq in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-mezzi tal-għajxien, il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri.

2.2

Ir-rapport tal-FAO Mediterra 2016 juri kif fl-aħħar snin dan il-fenomenu ggrava iżjed minħabba nuqqas ta’ stabbilità politika, it-tibdil fil-klima u żieda qawwija fil-popolazzjoni. Wieħed jista’ jżid ma’ dawn il-fatturi “il-ħela triplu”, jiġifieri użu ħażin tar-riżorsi naturali, mill-ħela tal-ikel għall-għajbien gradwali tal-għarfien tradizzjonali (2).

2.3

Il-problemi tal-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma u tal-produzzjoni tal-ikel aċċessibbli u sostenibbli huma fost il-kawżi prinċipali tal-mewġa migratorja li qed tilħaq l-Ewropa. Jekk dawn il-fenomeni ma jiġux solvuti fejn joriġinaw, se jkun impossibbli li niffaċċjaw il-konsegwenzi, kemm fi żmien qasir kif ukoll fuq medda twila ta’ żmien.

2.4

L-investimenti fir-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Istati Membri fiż-żona tal-Mediterran f’dak li jirrigwarda l-forniment tal-ilma u l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel qatt ma kienu biżżejjed biex jindirizzaw il-bżonnijiet u ġieli kienu limitati għal tipi ta’ kooperazzjoni regolata minn ftehimiet bilaterali u għalhekk frammentata.

2.5

L-idea ta’ Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) bdiet waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni f’Barċellona fl-2012. L-għan huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja fir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala parti mill-objettivi usa’ tal-politika esterna tal-Unjoni fir-rigward tal-Viċinat tan-Nofsinhar (3).

2.6

Il-Kummissjoni Ewropea abbozzat valutazzjoni tal-impatt dettaljata (4) u proposta għal parteċipazzjoni fil-programm (5), li hija analizzata fl-Opinjoni msemmija hawn fuq, wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” fil-5 ta’ Diċembru 2014 u wara proposta formali mressqa f’Diċembru tal-istess sena mill-Istati Membri u pajjiżi terzi tal-baċir Mediterranju (6).

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-parteċipazzjoni fil-programm PRIMA għandha bħala bażi legali l-Artikolu 185 tat-TFUE. Dan l-istrument jippermetti lill-Unjoni, fl-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali, li tipparteċipa fi programmi tar-riċerka u l-iżvilupp imħaddma minn bosta Stati Membri, bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-involviment fl-istrutturi maħluqa għat-twettiq ta’ dawk il-programmi.

3.2

Il-programm itul għaxar snin, u se jitnieda b’mod konġunt f’14-il pajjiż:

9 Stati Membri tal-UE: Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka u Spanja;

2 pajjiżi terzi assoċjati mal-Orizzont 2020: l-Iżrael u t-Tuneżija;

3 pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Orizzont 2020: l-Eġittu, il-Libanu u l-Marokk.

3.2.1

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Orizzont 2020 se tiddependi minn ftehim internazzjonali mal-UE sabiex tiġi estiża s-sistema legali tal-PRIMA.

3.3

L-objettiv tal-PRIMA huwa li jiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi komuni għall-provvista tal-ilma u għas-sistemi tal-ikel li r-reġjun tal-Mediterran jeħtieġ b’mod urġenti. Dawn is-soluzzjonijiet ser jagħmlu s-sistemi ta’ aċċess għall-ilma u l-ikel aktar sikuri, effikaċi, effiċjenti u sostenibbli f’termini ambjentali u ta’ spejjeż.

3.4

Il-programm PRIMA se jiġi inkorporat f’qafas usa’ u akbar ta’ azzjonijiet ta’ livell għoli u se jintegra inizjattivi Ewropej oħra differenti mir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dawn jinkludu:

Id-diplomazija permezz tax-xjenza

Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)

Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli

Il-migrazzjoni

Diplomazija Ewropea dwar il-klima wara l-COP21.

3.5

Il-programm PRIMA, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni  (7), għandu l-għan li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni billi juża l-politiki kollha disponibbli tal-UE (8), permezz ta’ mekkaniżmu ta’ sħubija kuntrattwali.

3.6

Fir-rigward tas-sussidjarjetà, il-PRIMA huwa strutturat bħala programm konġunt ibbażat fuq u magħmul minn programmi nazzjonali mħaddma u attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi assoċjati, bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-UE. L-approċċ multilaterali u multisettorjali, flimkien ma’ investiment importanti f’termini ta’ riżorsi, għandu jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-objettivi tekniċi kif ukoll politiċi fuq perjodu ta’ żmien medju u twil li s’issa l-Istati Membri ma rnexxilhomx jiksbu waħedhom.

3.7

F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità, l-Unjoni se tipparteċipa fil-programm PRIMA fl-ambitu tal-kompetenzi previsti skont it-TFUE u se tkun limitata għall-għajnuna u l-appoġġ biss, inkluż finanzjarjament, lejn it-twettiq tal-objettivi tal-PRIMA mill-istati parteċipanti. L-istati parteċipanti se jkollhom jaħdmu flimkien biex jikkoordinaw, jallinjaw u jintegraw aħjar il-programmi jew l-attivitajiet nazzjonali rilevanti, u finalment jiżviluppaw aġenda strateġika tar-riċerka komuni fit-tul.

3.8

L-Unjoni se tipprovdi appoġġ finanzjarju billi tqabbel l-investimenti nazzjonali. Il-kontribuzzjoni tal-UE għandha tkun sa massimu ta’ EUR 200 miljun, inkluża l-kontribuzzjoni tal-EFTA. Il-kontribuzzjoni se tkun disponibbli permezz tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020. Dan l-impenn ser ikopri s-seba’ snin ta’ ħidma annwali matul il-perjodu 2018-2024.

3.9

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE ma tistax taqbeż l-ammont allokat mill-Istati promoturi. Barra minn hekk, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda kontribuzzjoni jew kontribuzzjoni mnaqqsa mill-Istati parteċipanti tal-programm PRIMA, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas proporzjonalment il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

3.10

Il-Kummissjoni tipprevedi li għall-implimentazzjoni tal-programm fuq perjodu ta’ għaxar snin huwa neċessarju li jitfassal programm strateġiku ta’ riċerka komplet u jkun implimentat bis-sħiħ permezz ta’ sensiela ta’ sejħiet biex jiġu ppreżentati proposti transnazzjonali, imwettqa minn bosta Stati parteċipanti u implimentati permezz ta’ struttura ddedikata ta’ implimentazzjoni. Il-kontribuzzjoni tal-UE se tiġi ġestita fil-biċċa l-kbira mill-istruttura ta’ implimentazzjoni primarja tal-PRIMA, imsejħa PRIMA-IS.

3.11

Il-Kummissjoni tistenna li l-pjani ta’ ħidma annwali se jiżguraw il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-PRIMA u se jkunu orjentati lejn il-ksib tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti f’dan il-programm. Il-programm ta’ ħidma annwali, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni se jinkludi:

sejħiet għal proposti transnazzjonali li għandhom jiġu ffinanzjati mill-PRIMA-IS bil-kontribuzzjoni tal-UE, skont ir-regoli tal-Orizzont 2020;

attivitajiet iffinanzjati biss mill-Istati parteċipanti, u jgħoddu biex jintlaħaq ekwilibriju mal-kontribuzzjoni tal-UE.

Dawn l-attivitajiet se jiġu evalwati minn kumitat ta’ esperti esterni qabel ma jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali.

3.12

Ir-rapport annwali tal-PRIMA-IS se jkopri ż-żewġ tipi ta’ azzjoni u se jkun strumentali biex isiru l-emendi u l-bidliet, inkluż f’termini ta’ impenn finanzjarju wara deċiżjoni mill-Kummissjoni, fejn meħtieġ. Barra minn hekk, il-programm PRIMA se jkun soġġett għal evalwazzjoni intermedja fl-2022 u evalwazzjoni finali fl-2028.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Għandu jiġi kkunsidrat li:

Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-ilma (9) u s-sostenibilità fil-katina tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel (10) għandhom jirrappreżentaw temi ewlenin fil-politiki Ewropej tal-preżent u tal-futur.

Il-Kumitat wissa wkoll li l-kriżi tal-ilma u tal-ikel fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran (11) hija, flimkien mal-gwerer u n-nuqqas ta’ ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, waħda mill-kawżi ewlenin tal-mewġa migratorja li qed tolqot l-Ewropa.

Il-KESE diversi drabi tenna l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), sabiex l-isfidi komuni  (12) jiġu ttrattati b’mod aktar effettiv skont il-loġika ta’ kożvilupp  (13).

Il-Kumitat irrakkomanda diversi drabi azzjonijiet deċiżivi u determinati biex il-problemi jiġu indirizzati u riżolti fil post tal-oriġini tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja fiż-żona tal-Mediterran (14).

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm PRIMA bil-kundizzjoni li jiġi żviluppat skont approċċ verament olistiku (15), f’diversi livelli (16), u transettorjali (17), li huma kundizzjonijiet essenzjali biex jirnexxi b’mod li jinkludi l-kisba ta’ standards konkreti u li jitkejlu f’termini ta’ sostenibilità (18), reżiljenza, il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

4.2

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni, appoġġjata mill-gvernijiet nazzjonali, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali, l-universitajiet, is-soċjetà ċivili organizzata u l-partijiet interessati kollha (19), li l-programm PRIMA jkun imsejjes fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE biex tiġi żgurata l-ikbar integrazzjoni possibbli fil-livell xjentifiku, ġestjonarju u finanzjarju u bl-involviment tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

4.3

Il-Kumitat jemmen li l-programm PRIMA jista’ jirrappreżenta inizjattiva importanti kif ukoll mudell eċċellenti biex tingħeleb il-loġika tal-ftehimiet ta’ sħubija bilaterali li s’issa, flimkien mal-iskarsezza ta’ fondi, fixklu l-indirizzar b’mod koerenti ta' wħud mill-kwistjonijiet prinċipali li qed tiffaċċja ż-żona tal-Mediterran, fi ħdan l-ambitu usa’ tal-Istrateġija Makroreġjonali għall-Mediterran  (20).

4.4

Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-finanzjament tal-Unjoni għall-programm PRIMA għandu jkun ekwivalenti għal dak nazzjonali u, f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament jew ta’ kontribuzzjoni differita mill-Istati promoturi, ikun hemm il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonali l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

4.5

Il-Kumitat jemmen li l-PRIMA-IS huwa struttura ta’ implimentazzjoni essenzjali u kruċjali għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programm PRIMA u l-fondi Ewropej allokati lilu, u għalhekk huwa jitlob li jkun ikkaratterizzat minn governanza miftuħa.

4.6

Il-KESE jemmen li l-programm Orizzont 2020 huwa l-istrument l-aktar adatt għat-tqassim ta’ fondi, kif ukoll jappoġġja l-għażla tal-inklużjoni mill-ġdid ta’ ħafna mill-attivitajiet previsti mill-programm PRIMA fost l-hekk imsejħa “Sfidi tas-soċjetà”, minħabba l-għamla globali u transnazzjonali tagħhom (21).

4.6.1

Il-Kumitat jinnota li s’issa ħafna pajjiżi terzi li diġà jipparteċipaw fl-Orizzont 2020 qed jirrapportaw diffikultajiet kbar biex jissodisfaw b’ħeffa u b’mod effettiv ir-rekwiżiti formali tal-programm. Il-KESE, għaldaqstant, jitlob semplifikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti fejn dan ikun possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni u jiġu massimizzati r-riżultati.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jinnota li mhux l-Istati Mediterranji kollha huma involuti f’dan il-proċess. Fil-prinċipju, kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew pajjiż terz għandu jkun jista’ jieħu sehem fl-inizjattiva PRIMA bil-kundizzjoni li jikkontribwixxi għall-finanzjament tiegħu. Madankollu, il-KESE jinnota li ser tkun l-Assemblea Ġenerali tal- PRIMA-IS, fejn jiltaqgħu rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali, li għandha tapprova b’mod unanimu d-dħul ta’ pajjiżi terzi ġodda (22). F’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ politika u soċjali tal-pajjiż terz kandidat, il-Kumitat jirrakkomanda li l-UE jkollha approċċ aktar inklużiv u li tevita l-mekkaniżmu ta’ votazzjoni unanima, billi jista’ jiġi trasformat f’veto min-naħa ta’ xi Stati lejn Stati oħrajn. Għandu jiġi sostitwit b’maġġoranza kwalifikata. Huwa rrakkomandat ukoll li fl-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-implimentazzjoni tal-Programm, jiġu ttrattati firxa wiesgħa ta’ livelli teknoloġiċi (TRL) sabiex jiġu koperti l-istadji kollha tal-produzzjoni xjentifika.

5.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-programm ikun trasversali mal-linji ta’ politika u inizjattivi oħra tal-UE li diġà huma fis-seħħ jew li għad iridu jiġu implimentati sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta’ impatt. Il-Kumitat, b’mod partikolari, jara l-bżonn li l-pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari jiġi indirizzat b’mod koerenti (23). Dan il-fattur ser ikollu rwol kruċjali għall-użu sostenibbli tal-ilma u għall-produzzjoni tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli (pereżempju l-isfruttar tal-ħamrija u l-fertilizzanti (24)).

5.2.1

Il-Kumitat iqis li l-inizjattiva PRIMA ttenni l-urġenza ta’ direttiva qafas dwar il-ħamrija  (25), li tieħu kont tad-diversità bejn id-diversi pajjiżi tal-UE, li huwa essenzjali sabiex il-ħidma fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni tkun iffokata bl-aħjar mod.

5.3

Il-KESE jirrakkomanda approċċ f’diversi livelli li jipprevedi l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata. Dan jista’ jkollu rwol ċentrali mhux biss biex jinkisbu l-objettivi speċifiċi u għat-tixrid tagħhom, iżda wkoll biex jintlaħqu dawk aktar ġenerali tad-demokratizzazzjoni u t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’numru ta’ pajjiżi terzi (26). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jittama li jkun hemm il-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili organizzata fil-forma ta’ kumitat konsultattiv, anke fi ħdan il-PRIMA-IS sabiex issaħħaħ il-governanza u sabiex tgħin biex tidentifika u timmonitorja b'mod konġunt l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-programm (27).

5.4

Fil-każ li proġett wieħed jew iżjed ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati b’fondi nazzjonali permezz ta’ aġenziji nazzjonali ta’ finanzjament għaliex tkun ġiet eżawrita l-allokazzjoni nazzjonali, il-Kumitat jipproponi li dawn il-proġetti jiġu ffinanzjati bl-appoġġ tal- PRIMA-IS. Dan il-finanzjament tal-UE ma jistax ikun ogħla minn 20 % tal-kontribuzzjoni kollha tal-UE u jekk il-fond addizzjonali ma jkunx biżżejjed, jintgħażel il-proġett li jmiss fil-klassifika. Din il-miżura se tkun ta’ importanza fundamentali sabiex jinżamm għoli l-livell tal-kwalità tal-proġetti mwettqa.

5.5

Il-KESE huwa favur il-possibilità li l-entitajiet li jiġu minn pajjiżi tal-UE li mhumiex imsieħba tal-programm PRIMA jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament fil-każi li l-kompetenzi tagħhom mhumiex disponibbli f’pajjiżi li huma msieħba fil-programm PRIMA. F’dak il-każ, l-ammont ta’ finanzjament tagħhom għandu jkun limitat għal 50 % tal-ispejjeż disponibbli għall-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, u bejn 35 % u 50 % tal-ispejjeż disponibbli għall-azzjonijiet ta’ innovazzjoni. Dan huwa adatt sabiex jinżamm livell għoli għall-proġetti mwettqa skont il-mod ta’ ħsieb tal-UE u fl-istess waqt jiġu appoġġjati dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu u jiffinanzjaw il-programm PRIMA.

5.6

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ilma b’mod globali, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali, u filwaqt li jiġi kkunsidrat iċ-ċiklu kollu tal-ilma, inkluż fażijiet artifiċjali li huma possibbli permezz ta’ teknoloġiji ġodda, fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli. Fil-fatt, jeħtieġ li niżviluppaw approċċ aktar ġust tal-estrazzjoni tal-ilma li jwieġeb għall-esiġenzi u għall-kompetizzjoni bejn is-setturi ekonomiċi u tal-enerġija, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu ppreservati l-ekosistemi tal-ilma ħelu u għall-bżonn li jiġi garantit dritt fundamentali taċ-ċittadini (28).

5.7

Il-KESE jirrimarka li waħda mill-problemi ewlenin fiż-żona tal-Mediterran, b’mod partikolari fin-naħa tal-Afrika, hija t-telf ta’ tekniki sostenibbli ta’ biedja tradizzjonali marbut mal-“eżodu ta’ mħuħ” (b’mod partikolari ż-żgħażagħ). Il-Kumitat jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-istudji u r-riċerka li għandhom valur miżjud għoli fil-qafas tal-programm Orizzont 2020, naħsbu dwar proċessi b’impatt soċjali qawwi, karatterizzati minn vijabbiltà ekonomika u li jkunu faċilment trasferibbli, sabiex dan l-għarfien jiġi sfruttat u jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-impjegabbiltà.

Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  UNEP/MAP-Plan Bleu, State of the Environment and Development in the Mediterranean, Ateni, 2009. Fil-baċir tal-Mediterran hemm disponibbli biss madwar 3 % tar-riżorsi tal-ilma kollha fid-dinja. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, kull persuna għandha bżonn tal-inqas 1 700 m3 ilma fis-sena biex tgħix b’dinjità. Fil-baċir tal-Mediterran, fejn jgħixu 460 miljun persuna, 180 miljun huma meqjusa bħala “fqar fl-ilma” billi għandhom inqas minn 1 000 m3 ilma r-ras/fis-sena, u minn dawn 80 miljun ma jilħqux 500 m3, li jfisser li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar estrem f’dak li jirrigwarda r-riżorsi tal-ilma.

(2)  CIHEAM/FAO. Mediterra 2016. Zero Waste in the Mediterranean. Natural Resources, Food and Knowledge, Paris, Presses de Sciences Po, 2016.

(3)  COM(2016) 385. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

(4)  SWD(2016) 332 final.

(5)  COM(2016) 662 final.

(6)  Din il-proposta saret f'19-il pajjiż.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(8)  L-edukazzjoni, ir-riċerka, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-ambjent, l-agrikoltura.

(9)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 147; ĠU C 12, 15.1.2015, p. 33).

(10)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64).

(11)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 347, 18.12.2010, p. 41).

(12)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 91).

(13)  Riżoluzzjoni dwar il-kontribut tal-KESE għall-programm ta' ħidma 2017 tal-Kummissjoni Ewropea, 2016. Punt 9.4 “L-evalwazzjoni tal-PEV għandha tkun prijorità. Ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran m'għandhomx jiffokaw fuq approċċ difensiv ibbażat fuq aspetti ta' sigurtà jew il-kriżi tar-refuġjati, iżda pjuttost isiru politika reali ta' kożvilupp bejn imsieħba indaqs.”

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar ““Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta l-iżjed reċenti tal-Kummissjoni li ‘[tindirizza] d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-refuġjati’ (…). Jidher li din il-proposta tirrikonoxxi li l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni huwa usa’ mill-affarijiet interni u s-sigurtà, iżda huwa marbut ma’ oqsma oħra ta’ politika bħalma huma l-kummerċ, l-iżvilupp, il-politika barranija u l-integrazzjoni. Dan huwa konformi mal-prinċipju tal-koerenza fil-politika f'dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp internazzjonali.” (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 75, Punt 1.7).

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar L-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 1, Punt 1.4).

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar L-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran: “Il-KESE jqis li minkejja s-sitwazzjoni estremament fraġli (…) li qed tiddomina r-reġjun Mediterranju, issa nħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jitnieda djalogu f’diversi livelli bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi li jipparteċipaw fis-sħubija Ewro-Mediterranja, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili biex tinħoloq strateġija makroreġjonali fil-Mediterran, maqsuma f’żewġ partijiet, li tkopri l-ħtiġijiet tar-reġjun billi ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tiegħu.” (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 1, Punt 1.1).

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-politika Ewropea tal-viċinat: il-każ Ewro-Mediterranju (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 1, Punti 1.3, 1.10 u 1.11). Opinjoni tal-KESE dwar Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 28, Punti 1.1, 1.2.3 u 1.3). Opinjoni tal-KESE dwar L-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU C 43, 15.2.2012, p. 56).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 44).

(19)  Valutazzjoni tal-impatt PRIMA – Avveniment tal-partijiet interessati. Malta, 17 ta’ April 2016.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 1).

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) u s-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPPs) (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 24).

(22)  COM (2016) 662 final. Artikolu 12.2.

(23)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98).

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar L-Ekonomija Ċirkolari — fertilizzanti (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 80).

(25)  Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija Tematika għall-protezzjoni tal-ħamrija (ĠU C 168, 20.7.2007, p. 29). Opinjoni tal-KESE dwar L-Ekonomija Ċirkolari — fertilizzanti (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 80, punti 1.4 u 3.6).

(26)  Opinjoni tal-KESE dwar Soċjetajiet ċivili fir-reġjun Ewro-Mediterranju (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 32).

(27)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 64).

(28)  Opinjoni tal-KESE dwar L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 43, punt 1.13).


Top