EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XG0614(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

OJ C 212, 14.6.2016, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/5


KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2016

dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

(2016/C 212/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR:

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

B’KONT MEĦUD TA’:

Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, adottata fis-17 ta’ Marzu 2015 (1), li tenfasizza l-importanza tat-“tisħiħ tal-kapaċità tat-tfal u ż-żgħażagħ li jaħsbu b’mod kritiku u jiġġudikaw sabiex, partikolarment fil-kuntest tal-internet u l-media soċjali, ikunu kapaċi jagħrfu r-realtajiet, jiddistingwu fatt minn opinjoni, jagħrfu l-propaganda u jieqfu għal kull tip ta’ indottrinazzjoni u diskors ta’ mibegħda”;

Ir-Rapport Konġunt ET2020 tal-15 ta’ Diċembru 2015 (2), li jindika s-segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi bħala prijorità ewlenija fiċ-ċiklu ta’ ħidma l-ġdid (2015-2020) permezz ta’ “analiżi konġunta, tagħlim bejn il-pari, laqgħat, tixrid ta’ prattiki tajbin u miżuri konkreti bbażati fuq finanzjament”;

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2016 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-inklużività soċjoekonomiċi fl-UE permezz tal-edukazzjoni (3), li fiha l-impenn biex “jissaħħu l-litteriżmu diġitali u tal-media taż-żgħażagħ kif ukoll l-abbiltà tagħhom li jaħsbu b’mod kritiku, flimkien mal-ħiliet soċjali u l-kompetenzi ta’ ċittadinanza tagħhom”;

U FID-DAWL TA’:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (4), li tidentifika bħala kompetenzi ewlenin li ċ-ċittadini kollha għandhom jiksbu: “kompetenza diġitali”, li tirrikjedi “attitudni kritika u ta’ riflessjoni lejn it-tagħrif disponibbli u użu responsabbli tal-media interattiva”; “kompetenzi soċjali u ċiviċi” li jinkludu il-kapaċità “li wieħed jifhem fehmiet differenti u r-rieda li jirrispetta il-valuri tal-oħrajn”; u “għarfien u espressjoni kulturali” li jinkludu “sens ta’ identità” bħala “l-bażi għal attitudni miftuħa lejn id-diversità u r-rispett għaliha”;

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar strateġija Ewropea għal internet Aħjar għat-Tfal (5), li jissottolinjaw li “s-settur tal-edukazzjoni kif ukoll il-ġenituri għandhom rwol importanti xi jwettqu biex jgħinu lit-tfal jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-internet b’mod kreattiv u ta’ benefiċċju, kif ukoll li jidentifikaw u jittrattaw ir-riskji li jiltaqgħu magħhom fuq l-internet u li l-għalliema u l-ġenituri nfushom jeħtieġu l-appoġġ u t-taħriġ mhux biss biex ilaħħqu mal-bidliet rapidi u imprevedibbli fil-ħajja virtwali tat-tfal, iżda wkoll mat-teknoloġiji l-ġodda li qed jevolvu l-ħin kollu”;

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2014 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti (6), li tenfasizza partikolarment il-“kooperazzjoni iktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati onlajn u jsir aktar biex iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jaħsbu b’mod kritiku dwar il-messaġġi estremisti” fost l-azzjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2014 dwar il-Politika Awdjoviżiva Ewropea fl-Era Diġitali (7), li jistiednu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri “jippromwovu prattiki tajba u riċerka dwar l-inklużjoni tal-litteriżmu medjatiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali, kif ukoll f’tagħlim mhux formali u informali”;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ, li jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw liż-żgħażagħ fil-“ġlieda kontra l-influwenzi estremisti fuq l-internet u l-media soċjali fl-iżvilupp ta’ ħsieb kritiku u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti biex jifhmu s-sorsi u l-aġendi differenti wara l-informazzjoni li tingħata, inklużi l-propaganda u d-diskors ta’ mibegħda” (8);

JIKKUNSIDRA LI:

L-internet — u l-media soċjali b’mod partikolari — joffru opportunitajiet mingħajr preċedent u kważi bla limitu f’termini ta’ kondiviżjoni ta’ għarfien u ta’ ideat. Bl-għoti ta’ aċċess immedjat għal ammonti vasti ta’ informazzjoni, kif ukoll aċċess għal firxa wiesgħa ta’ sorsi, huma jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq l-opinjonijiet, l-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet. Joffru wkoll lil kulħadd pjattaforma biex joħolqu, jikkondividu u jippubblikaw kontenut huma stess, u b’hekk jgħinu biex jiġi żviluppat it-talent, titrawwem il-kreattività u tiġi promossal-innovazzjoni.

Id-dinja tal-lum hija kkaratterizzata minn aċċess faċli u kontinwu għall-internet, fejn in-nies, speċjalment iż-żgħażagħ, qed iqattgħu dejjem aktar ħin fuq l-internet (9). L-importanza tal-komunitajiet virtwali u l-kuntatti — b’mod partikolari permezz tal-media soċjali u s-servizzi ta’ Instant Messaging — qiegħda tikber.

F’DAN L-ISFOND, JINNOTA WKOLL LI:

Il-litteriżmu fil-media — jiġifieri, il-kapaċitajiet tekniċi, konjittivi, soċjali, ċiviċi u kreattivi kollha li jippermettulna aċċess għal u li jkollna fehim kritiku tal-forom kemm tradizzjonali kif ukoll dawk ġodda ta’ media (10) u li ninteraġixxu magħhom — huwa ta’ importanza dejjem akbar. Dan għandu rabta mill-qrib mal-impenn attiv fil-ħajja demokratika, iċ-ċittadinanza u l-kapaċità li wieħed jiġġudika b’mod kritiku u indipendenti kif ukoll li jirrifletti fuq azzjonitu, u b’hekk ikun jista’ jtejjeb ir-reżiljenza taż-żgħażagħ għall-messaġġi estremisti u diżinformazzjoni.

Il-kompetenza diġitali, li tinkludi l-użu kunfidenti, kreattiv u kritiku tal-ICT, hija komponent kruċjali tal-litteriżmu fil-media. Livell baxx ta’ kompetenza diġitali jista’ jħalli persuna fi żvantaġġ, mhux biss fis-suq tax-xogħol fejn kważi l-impjiegi kollha jeħtieġu xi livell ta’ kompetenza diġitali, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali. Bħala tali, hemm rabta ċara bejn it-tisħiħ tal-kompetenza diġitali u l-isforzi biex jinħolqu soċjetajiet aktar inklużivi u koeżivi.

Il-litteriżmu fil-media — marbut mal-litteriżmu u ħiliet ta’ komunikazzjoni inġenerali — jinvolvi wkoll kompetenzi ewlenin oħrajn, b’mod partikolari l-kompetenzi soċjali u ċiviċi li għandhom rabta ċara mal-ħsieb kritiku, jiżguraw li n-nies jgħożżu d-diversità u jirrispettaw il-fehmiet u l-valuri tal-oħrajn, iżda wkoll l-għarfien u l-espressjoni kulturali li huma mirfuda mill-kapaċità li wieħed jirrelata l-mod li bih jesprimi l-fehmiet tiegħu ma’ dak tal-oħrajn, inklużi dawk bi sfondi kulturali differenti.

JIRRIKONOXXI LI:

Filwaqt li l-kompetenza diġitali qed issir dejjem aktar indispensabbli, għadd allarmanti ta’ nies għadhom neqsin minn livell bażiku ta’ kompetenza diġitali (11), li jpoġġihom f’riskju ta’ qgħad u ta’ esklużjoni soċjali. Dan jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ “distakk diġitali”, li jista’ jwassal għal inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u li joħloq sfida ċara għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna.

Minbarra l-benefiċċji u l-opportunitajiet li jistgħu jġibu magħhom, l-internet u l-media soċjali huma wkoll ta’ theddida u periklu potenzjali, b’mod partikolari billi jagħmlu disponibbli kontenut fuq l-internet li ma jkunx adatt jew saħansitra ta’ ħsara għat-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż diskors ta’ mibegħda u kontenut li jimminimizza l-gravità tal-vjolenza. Fenomeni mhux mixtieqa oħra jinkludu l-grooming fuq l-internet u l-bullying fuq l-internet, li jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal, kif ukoll ikollhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni edukattiva tagħhom.

L-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa u inċidenti oħra ta’ estremiżmu vjolenti qajmu tħassib partikolari dwar il-possibbiltajiet uniċi li l-internet u l-media soċjali jipprovdu għal gruppi estremisti ta’ kull tip biex ixerrdu l-mibegħda u l-messaġġi li jinċitaw il-vjolenza b’mod liberu u biex iqanqlu interess fost iż-żgħażagħ diżinteressati. Ir-radikalizzazzjoni tat-tip li twassal għall-vjolenza sikwit ikollha dimensjoni transnazzjonali, fejn in-netwerks ta’ estremisti jikkomunikaw maż-żgħażagħ vulnerabbli, irrispettivament mill-fruntieri. Filwaqt li mhuwiex probabbli li ż-żieda fil-kisbiet edukattivi twaqqaf il-forom kollha ta’ estremiżmu vjolenti, l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

JAQBEL LI:

Bħala parti mill-missjoni ġenerali tagħhom biex iħejju liż-żgħażagħ għas-soċjetà u s-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jagħtuhom appoġġ biex jiksbu sodisfazzjon personali, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti biex jgħinu liż-żgħażagħ isiru litterati fil-media u ċittadini responsabbli tal-ġejjieni.

Element ewlieni tal-missjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ hu li jitnisslu fiż-żgħażagħ valuri fundamentali bħal dawk li jinsabu fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u biex huma jiżviluppaw u jżommu mentalità miftuħa u inkwiżittiva, filwaqt li jkunu kapaċi jaħsbu b’mod indipendenti u kritiku, ikollhom ġudizzju sod billi jużaw għarfien ibbażat fuq il-fatti u jirreżistu u jikkumbattu l-messaġġi estremisti, l-indottrinazzjoni u d-diżinformazzjoni.

Biex jibqgħu rilevanti, huwa kruċjali li l-persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha jlaħħaq ma’ dawn l-iżviluppi rapidi u jagħti l-kompetenzi lil min qed jitgħallem — l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet — u l-valuri meħtieġa għall-aċċess, l-interpretazzjoni, il-produzzjoni u l-użu tal-informazzjoni u kontenut ieħor tal-media, b’mod partikolari fil-kuntest tal-internet u l-media soċjali, b’mod sigur u responsabbli.

Approċċi komprensivi tal-“iskola kollha” li jinvolvu l-komunità kollha tal-iskola kif ukoll partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jistgħu jkunu ta’ importanza kbira, minħabba li sikwit wieħed jitgħallem juża l-internet u l-midja soċjali b’mod responsabbli barra mill-klassi f’ambjenti mhux formali u informali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

1.

Jinkoraġġixxu li tingħata attenzjoni suffiċjenti għall-iżvilupp tal-litteriżmu tal-media u l-ħsieb kritiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, inkluż permezz tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u l-media.

2.

Jaraw li jiżdiedu l-livelli ta’ kompetenza diġitali fost il-persuni ta’ kull età li qed jitgħallmu, f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, bħala prekondizzjoni importanti għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja demokratika tas-soċjetajiet moderni tagħna kif ukoll għat-titjib tal-impjegabbiltà tagħhom.

3.

Jikkunsidraw li jużaw, flimkien mal-oqfsa u l-għodod nazzjonali, il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, il-Qafas ta’ Kompetenzi għal Kultura Demokratika tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Qafas ta’ Valutazzjoni tal-Litteriżmu tal-Media u l-Informazzjoni Globali tal-Unesco.

4.

Jinkoraġġixxu ambjenti ta’ tagħlim soċjalment siguri, kemm online kif ukoll offline, fejn jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet kontroversjali b’mod miftuħ u tiġi mħarsal-libertà tal-espressjoni, u jagħtu s-setgħa lill-għalliema biex jibdew u jimmoderaw tali diskussjonijiet.

5.

Jappoġġaw lill-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iżvilupp, permezz ta’ taħriġ inizjali u żvilupp professjonali kontinwu, tal-kompetenza diġitali tagħhom stess kif ukoll tal-ħiliet pedagoġiċi meħtieġa fl-użu tat-teknoloġiji ġodda u ta’ riżorsi edukattivi miftuħa fit-tagħlim tagħhom, u biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku b’mod effettiv ma’ persuni ta’ kull età u sfond li lesti jitgħallmu.

6.

Jimpenjaw ruħhom mal-ġenituri u partijiet ikkonċernati oħrajn fis-soċjetà inġenerali, bil-ħsieb li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet u li titrawwem kultura kondiviża ta’ djalogu u fehim reċiproku.

7.

Isaħħu d-djalogu, il-kooperazzjoni u s-sħubiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-settur tal-media — inklużi l-ġurnalisti — kif ukoll il-partijiet ikkonċernati l-oħrajn kollha, inklużi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, peress li l-iżvilupp effettiv tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku jitlob approċċ multidixxiplinari u jfakkru fir-rwol importanti li jista’ jkollu t-tagħlim mhux formali u informali f’dan ir-rigward.

8.

Jinkoraġġixxu modi innovattivi, kreattivi u parteċipattivi ta’ żvilupp tal-litteriżmu fil-media u tal-ħsieb kritiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ, pereżempju billi ssir riċerka u billi jiġi esplorat il-potenzjal li l-kultura u l-arti, l-approċċi interkulturali u l-produzzjoni tal-media fl-iskejjel jistgħu joffru, bħala mezz ta’ tisħiħ tal-ftuħ lejn kulturi oħrajn u ċittadinanza attiva.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

1.

Fil-kuntest tal-qafas strateġiku ET2020, ikomplu jippromwovu t-tagħlim bejn il-pari, inkluż permezz tal-ġbir u l-tixrid ta’ prassi tajba fil-qasam tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku, u joqogħdu attenti b’mod speċjali biex jikkomunikaw b’mod effettiv ma’ persuni li qed jitgħallmu li huma żvantaġġati u dawk fir-riskju li jiġu emarġinati.

2.

Jiżguraw koerenza politika fil-livell tal-UE fil-qasam tal-litteriżmu fil-media, biex il-ħidma esperta li qed issir fid-diversi oqsma rilevanti ta’ politika, bħall-edukazzjoni, il-politika taż-żgħażagħ, il-kultura u dik awdjoviżiva, kif ukoll fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tkun komplementari, waqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.

Jappoġġaw l-isforzi biex l-għalliema jingħataw il-ħiliet u l-għodod meħtieġa biex jittrattaw il-kwistjonijiet tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku b’mod effettiv ma’ persuni ta’ kull età u sfond li qed jitgħallmu, fost l-oħrajn billi jintuża l-Portal tal-Edukazzjoni Skolastika (School Education Gateway) u permezz tal-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari permezz tal-pjattaforma ta’ Ġemellaġġ elettroniku.

4.

Ikomplu jikkooperaw ma’, u jieħdu kont tal-ħidma li saret minn, fora multilaterali oħrajn, bħall-Kunsill tal-Ewropa (12), l-Unesco u l-OECD, peress li l-isfidi jaqsmu l-fruntieri u jaffettwaw pajjiżi kemm fl-Unjoni Ewropa kif ukoll barra minnha.

5.

Jinkoraġġixxu l-użu tal-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-fondi u l-programmi rilevanti kollha tal-UE — partikolarment Erasmus+, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini — biex jiġu appoġġati dawn l-isforzi.


(1)  Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015.

(2)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.

(3)  ĠU C 105, 19.3.2016, p. 1.

(4)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(5)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 11.

(6)  Dok. 5451/14.

(7)  ĠU C 433, 3.12.2014, p. 2.

(8)  Dok. 9640/16.

(9)  Aktar minn nofs l-Ewropej jużaw in-netwerks soċjali; il-biċċa l-kbira tal-utenti huma żgħażagħ. 84 % tal-Ewropej taħt it-30 sena jużaw il-media soċjali u għal dawk iżgħar, din il-perċentwali toqrob il-100 %.

(10)  Dawn il-kapaċitajiet jippermettulna neżerċitaw il-ħsieb kritiku, waqt li nipparteċipaw fl-aspetti ekonomiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà u jkollna rwol attiv fil-proċess demokratiku. Il-kunċett ikopri media differenti: ix-xandir, filmati, ir-radju, l-istampa, permezz ta’ mezzi differenti: tradizzjonali, l-internet, il-media soċjali u taqdi l-bżonnijiet tal-etajiet kollha.

(11)  Fl-UE, 40 % taċ-ċittadini m’għandhomx ħiliet diġitali jew għandhom livell baxx, filwaqt li huwa stmat li 90 % tal-impjiegi jeħtieġu tal-inqas livell ta’ ħiliet diġitali fl-UE. B’hekk, l-akkwist ta’ dawk il-ħiliet qed rapidament isir prekondizzjoni biex il-ħaddiema jsiru u jibqgħu impjegabbli.

(12)  B’mod partikolari fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 2016-2021, kif adottata fit-2 ta’ Marzu 2016 mill-Kumitat tal-Ministri, li tindirizza l-kwistjoni tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali.


Top