EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016XC1108(01)
Commission Notice on certain articles of Directive 98/44/EC of the European Parliament and of the Council on the legal protection of biotechnological inventions
Avviż tal-Kummissjoni dwar ċertu artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi
Avviż tal-Kummissjoni dwar ċertu artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi
C/2016/6997
OJ C 411, 8.11.2016, p. 3–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 411/3 |
Avviż tal-Kummissjoni dwar ċertu artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi
(2016/C 411/03)
DAĦLA
Id-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva”) tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-jedd għall-privattiva ta’ invenzjonijiet marbutin mal-materjal bijoloġiku. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi l-prinċipji dwar il-jedd għall-privattiva ta’ ġisem il-bniedem u l-partijiet tiegħu, u tal-annimali u tal-pjanti.
Il-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva dam għaddej iktar minn għaxar snin, li matulhom il-proposta inizjali, li tmur lura għall-1988 (2), ġiet miċħuda mill-Parlament Ewropew kmieni fl-1995 (3). Il-Kummissjoni ressqet proposta ġdida f’Diċembru tal-1995 (4), li ppermettiet lill-koleġiżlaturi tal-UE (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-leġiżlatur”) jiftehmu bejniethom kmieni fl-1998, b’mod partikulari dwar is-suġġetti tat-tali invenzjonijiet li għandhom jedd għall-privattiva u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni.
Id-Direttiva tkopri bosta kategoriji differenti ta’ materjal bijoloġiku, li jvarjaw minn elementi iżolati tal-ġisem tal-bniedem għall-pjanti (5) u l-annimali u t-tkabbir tal-pjanti (inkluż il-jedd għall-privattiva tal-organiżmi ġenetikament immodifikati). Sa mill-aħħar tas-snin disgħin ’l hawn, sar progress teknoloġiku sinifikanti fis-settur tal-pjanti permezz tal-introduzzjoni ta’ markaturi ġenetiċi (6) fl-inkroċjar u fl-għażla ta’ pjanti ġodda jew ta’ varjetajiet ġodda tal-pjanti. Dawn il-markaturi jippermettu li jinkisbu riżultati ħafna aktar malajr u ħafna aħjar milli setgħu jinkisbu bit-tekniki klassiċi tal-għażla u tal-inkroċjar tal-pjanti. Billi l-markaturi ġenetiċi kienu għadhom qed jiġu żviluppati fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva, din ma indirizzatx b’mod speċifiku l-kwistjoni tal-jedd għall-privattiva tal-prodotti li joriġinaw mill-użu tal-markaturi ġenetiċi.
F’Marzu tal-2015, il-Bord tal-Appell Estiż (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Bord Estiż”) tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (“l-UEP”) iddeċieda li l-prodotti mnisslin minn proċessi li huma essenzjalment bijoloġiċi jista’ jkollhom jedd għal privattiva, anke jekk il-proċess użat biex jinkisbu dawk il-prodotti (jiġifieri l-għażla u l-inkroċjar tal-pjanti) ikun essenzjalment bijoloġiku u għalhekk ma jkollux jedd għal privattiva (7). Madankollu, jista’ jkun hemm kunflitt bejn il-jedd għall-privattiva tat-tali prodotti u l-protezzjoni legali li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-varjetajiet tal-pjanti tagħti lill-varjetajiet tal-pjanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi (8).
F’Diċembru tal-2015, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li fiha talab lill-Kummissjoni tinvestiga l-jedd għall-privattiva tal-prodotti mnisslin minn proċessi li huma essenzjalment bijoloġiċi; il-kwistjoni ta’ liċenzji inkroċjati bejn il-privattivi u d-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti; u l-aċċess għall-materjal bijoloġiku ddepożitat, possibbilment permezz ta’ linji gwida interpretattivi (9). Min-naħa tiegħu, il-Kunsill qies din il-kwistjoni f’diversi laqgħat tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd (10) u tal-Kunsill Kompetittività (11). Barra minn hekk, fit-18 ta’ Mejju 2016 il-Presidenza Netherlandiża organizzat simpożju dwar dan f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni (12). Il-partijiet interessati li ħadu sehem f’dan is-simpożju qablu li kien hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet pragmatiċi u ta’ malajr biex tiġi indirizzata l-inċertezza legali li ġiet identifikata. Qabel is-simpożju, ġie ppubblikat ir-rapport finali tal-grupp ta’ esperti dwar il-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika (13).
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, dan l-Avviż jistabbilixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar il-jedd għall-privattiva tal-prodotti li joriġinaw minn proċessi li huma essenzjalment bijoloġiċi (indirizzat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva). Huwa jsemmi wkoll il-kwistjonijiet ta’ liċenzji inkroċjati obbligatorji bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti u dawk tal-privattivi (indirizzati fl-Artikolu 12) u l-aċċess għall-materjal bijoloġiku minn parti terza (indirizzat fl-Artikolu 13). Dan l-Avviż huwa maħsub biex jgħin fl-applikazzjoni tad-Direttiva u ma jippreġudikax kull pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu dwar din il-kwistjoni fil-ġejjieni. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.
Minbarra dan l-Avviż, l-atturi rilevanti jistgħu jfittxu li jwettqu wkoll ċertu miżuri biex jgħinu biex tiżdied iċ-ċertezza f’dan il-qasam. Dawn jinkludu t-titjib fit-trasparenza (permezz tal-bażi tad-dejta PINTO (14)), l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi (permezz tal-Pjattaforma internazzjonali tal-liċenzji (15)), u l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti u l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.
1. L-ESKLUŻJONI MILL-JEDD GĦALL-PRIVATTIVA TA’ PRODOTTI MIKSUBIN PERMEZZ TA’ PROĊESSI ESSENZJALMENT BIJOLOĠIĊI
1.1. Il-kwistjonijiet ikkonċernati
L-Artikolu 4 tad-Direttiva jindirizza l-jedd għall-privattiva tal-pjanti u tal-annimali, u jeskludi b’mod speċifiku l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-suġġetti li għandhom jedd għall-privattiva (16). Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li “il-proċessi bijoloġiċi essenzjalment għall-produzzjoni tal-pjanti jew l-annimali” m’għandhomx jedd għall-privattiva (17). L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddefinixxi proċess essenzjalment bijoloġiku bħala proċess li jikkonsisti fl-intier tiegħu minn fenomena naturali bħalma huma l-inkroċjar jew l-għażla (18). Madankollu, id-Direttiva ma tispeċifikax jekk il-pjanti jew il-materjal tal-pjanti (il-frott, iż-żerriegħa, eċċ.), jew l-annimali jew il-materjal tal-annimali miksub permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi, jistgħux jingħataw privattiva.
Għalkemm, minn naħa tagħha, l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi ma kinitx obbligata tittrasponi d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva fil-qafas ġuridiku tagħha, fis-16 ta’ Ġunju 1999 il-Kunsill Amministrattiv tagħha xorta waħda ddeċieda li jemenda r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (il-KEP) f’dan is-sens (19). Filwaqt li l-Artikolu 53(b) tal-KEP diġà kien jeskludi l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali u l-proċessi essenzalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali mill-jedd għall-privattiva, il-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li jdaħħal id-dispożizzjonijiet rilevanti ewlenin l-oħrajn tad-Direttiva fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-KEP minflok fit-test tal-KEP. Minħabba f’hekk, meta l-UEP jivvaluta l-jedd għall-privattiva tal-invenzjonijiet relatati mal-pjanti, iridu jitqiesu d-dispożizzjonijiet taż-żewġ testi (20). Madankollu, jekk ikun hemm xi kunflitt bejn dawn iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet, huwa t-test tal-KEP li jipprevali (21).
Abbażi ta’ dan il-qafas legali, f’Diċembru tal-2010, il-Bord Estiż iddikjara, fid-deċiżjonijiet tiegħu, li l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi li fihom jintużaw il-markaturi ġenetiċi għall-għażla ma kinux suġġetti li għandhom jedd għall-privattiva, għalkemm f’dawn id-deċiżjonijiet huwa ma qal xejn dwar il-prodotti miksubin minn dawk il-proċessi (22). Permezz tad-deċiżjonijiet sussegwenti tiegħu ta’ Marzu tal-2015, il-Bord Estiż ikkonkluda (23) li tista’ tingħata privattiva għall-pjanti jew għall-materjal tal-pjanti miksub minn proċessi essenzalment bijoloġiċi jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti bażiċi tal-jedd għall-privattiva (24). Ir-raġunament ewlieni għad-deċiżjonijiet ta’ Marzu tal-2015 tal-Bord Estiż huwa li dawk l-esklużjonijiet mill-prinċipju ġenerali tal-jedd għall-privattiva jridu jiġu interpretati b’mod ristrett fil-liġi. Mill-analiżi tiegħu tad-dokumenti uffiċjali ta’ sfond għan-negozjati li wasslu għall-KEP fl-1973, il-Bord Estiż iddeċieda li xejn ma seta’ jiġi interpretat b’mod li l-pjanti jew il-materjali tal-pjanti miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi kellhom jiġu esklużi mill-jedd għall-privattiva.
Filwaqt li dawn id-deċiżjonijiet ta’ Marzu tal-2015 huma konformi mal-intenzjonijiet ta’ dawk li abbozzaw il-KEP, hemm dubji dwar kemm kien se jintlaħaq l-istess riżultat fil-kuntest tal-UE. Id-Direttiva 98/44/KE ma tagħmilx distinzjoni bejn livelli differenti tad-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu interpretati fl-intier tagħhom. Meta wieħed ikun qed jipprova jivvaluta l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-UE meta jkun qed jadotta d-Direttiva, ix-xogħol preparatorju rilevanti li dan għandu jqis mhuwiex ix-xogħol li sar qabel ma ġiet iffirmata l-KEP fl-1973, iżda x-xogħol marbut mal-adozzjoni tad-Direttiva.
1.2. In-negozjati dwar id-Direttiva
Wara li f’Marzu tal-1995 il-Parlament Ewropew irrifjuta t-test konġunt li ppropona l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (abbażi tal-proposta oriġinali tal-1988), il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida f’Diċembru tal-1995. Il-jedd għall-privattiva tal-pjanti u tal-annimali kien kopert minn ċertu Artikoli u premessi.
L-Artikolu 4 tal-proposta tal-1995, li huwa l-iktar Artikolu rilevanti għall-jedd għall-privattiva tal-prodotti li joriġinaw minn proċessi li huma essenzjalment bijoloġiċi, kien jgħid hekk:
“1. |
Is-suġġett ta’ invenzjoni m’għandux jitqies li m’għandux jedd għall-privattiva minħabba li jkun magħmul minn materjal bijoloġiku jew minħabba li jkun juża dan it-tip ta’ materjal jew minħabba li jkun applikat għal dan it-tip ta’ materjal biss. |
2. |
Il-materjal bijoloġiku, inklużi l-pjanti u l-annimali, kif ukoll l-elementi tal-pjanti u tal-annimali miksubin permezz ta’ proċess li mhux essenzjalment wieħed bijoloġiku, minbarra l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali bħala tali, għandu jkollu jedd għall-privattiva.” |
Flimkien ma’ dan l-Artikolu li ġie propost kien hemm tliet Artikoli rilevanti oħrajn u żewġ premessi, li pprovdew l-isfond għall-jedd għall-privattiva tal-materjal bijoloġiku b’enfasi fuq il-pjanti u l-annimali (25). Minn dan il-kliem propost wieħed bir-raġun jista’ jifhem li l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li l-pjanti u l-annimali miksubin permezz ta’ proċess essenzjalment bijoloġiku ma jitqisux bħala suġġetti li għandhom jedd għall-privattiva. Madankollu, dawn jista’ jkollhom jedd għall-privattiva jekk il-proċess essenzjalment bijoloġiku jkun fih tal-inqas pass wieħed li mhuwiex bijoloġiku (bħal pereżempju pass mikrobijoloġiku (26)). B’kuntrast mad-diskussjonijiet iddettaljati sussegwenti tal-Istati Membri dwar il-possibbiltà li tingħata privattiva għal varjetà tal-pjanti permezz ta’ invenzjoni li tkun tkopri l-pjanti, li saru fl-ewwel nofs tal-1996, fil-proposta tal-Kummissjoni ma ntqal xejn, jew ftit li xejn intqal, dwar il-proċessi essenzjalment bijoloġiċi u l-prodotti ta’ dawn il-proċessi.
Madankollu, f’Ġunju tal-1997 il-Parlament Ewropew, wara l-ewwel qari tiegħu, ippropona li jiġu emendati ħafna minn dawn l-Artikoli u dawn il-premessi tal-proposta ta’ Diċembru tal-1995 jew li dawn jitħassru (27). Il-Parlament ivvota favur emenda tal-Artikolu dwar id-definizzjonijiet, fosthom dik tat-terminu “proċessi essenzjalment bijoloġiċi”. Dan ippropona wkoll Artikoli dwar il-jedd għall-privattiva tal-materjal bijoloġiku u dispożizzjoni speċifika dwar il-jedd għall-privattiva tal-pjanti u tal-annimali u l-limiti tagħha. Flimkien ma’ dawn l-Artikoli kien hemm premessi li kienu jispjegaw l-intenzjonijiet tal-Parlament f’aktar dettall.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ din id-dispożizzjoni ġenerali speċifika li tittratta l-jedd għall-privattiva tal-materjal bijoloġiku, ta’ min jinnota li l-materjal bijoloġiku li jkun iżolat mill-ambjent naturali tiegħu jew li jkun ipproċessat permezz ta’ proċess tekniku jista’ jkun is-suġġett ta’ invenzjoni. Għalhekk, ir-referenza speċifika għan-nuqqas ta’ jedd għall-privattiva tal-pjanti u tal-annimali miksuba permezz ta’ proċess essenzjalment bijoloġiku tneħħiet mit-test. Madankollu, dawn it-tibdiliet ma jfissrux li l-Parlament kien beħsiebu jelimina l-esklużjoni tal-pjanti jew tal-annimali miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-jedd għall-privattiva. Fin-nota spjegattiva li takkumpanja r-rapport tal-Parlament, ir-relatur qal li:
Il-“proċeduri essenzjalment bijoloġiċi”, jiġifieri l-inkroċjar u l-għażla tal-ġenoma kollha […] ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ġenerali tal-jedd għall-privattiva, minħabba li la huma attivitajiet inventivi u lanqas ma huma attivitajiet riproduċibbli. It-tkabbir huwa proċess repetittiv, li fih jinkiseb biss prodott finali li jkun ġenetikament stabbli u li jkollu l-karatteristiċi meħtieġa wara ħafna inkroċjar u għażla. Dan il-proċess tant huwa influwenzat mill-individwalità tal-materjal inizjali u tal-materjal intermedju li jekk jiġi ripetut ma jinkisibx l-istess riżultat. Il-protezzjoni tal-privattivi mhijiex xierqa għat-tali proċeduri u għall-prodotti tagħhom (28).
Fil-proposta emendata tagħha, il-Kummissjoni aċċettat ir-rapport u ħafna mill-emendi li ppropona l-Parlament (29) u waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament, il-Kummissarju responsabbli qal li l-emendi kollha li ppropona r-relatur setgħu jiġu approvati kif inhuma jew b’emendi żgħar.
B’mod ġenerali l-Kunsill approva l-proposta emendata sussegwenti tal-Kummissjoni (jiġifieri dik li fiha kienet tqieset il-pożizzjoni tal-Parlament) (30). Din l-approvazzjoni kienet tidher fit-test tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 (31). Id-diskussjonijiet fil-Kunsill iffukaw l-iktar fuq id-definizzjoni tal-proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u l-ebda Stat Membru ma kkontesta l-interpretazzjoni tal-Parlament tal-prodotti miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi.
1.3. Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva
Il-kliem finali tad-Direttiva ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar il-jedd għall-privattiva tal-prodotti miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi.
Minn naħa waħda, wieħed jista’ jargumenta li, li kieku l-leġiżlatur kien beħsiebu jeskludi dan is-suġġett mill-jedd għall-privattiva, l-Artikolu 4(1)(b) seta’ jirreferi b’mod espliċitu għat-tali esklużjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) jiddikjara b’mod ċar li l-invenzjonijiet ġodda li jinvolvu pass inventiv u li huma suxxettibbli li jiġu applikati industrijalment għandhom jedd għall-privattiva anke jekk jirrigwardaw prodott li jikkonsisti minn materjal bijoloġiku jew li jkun fih it-tali materjal. Pereżempju l-pjanti jew il-frott miksub permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi ovvjament jikkonsistu minn materjal bijoloġiku; għalhekk, wieħed jista’ jargumenta li m’hemm l-ebda raġuni għala għandhom jiġu pprojbiti l-privattivi fuq it-tali prodotti.
Min-naħa l-oħra, filwaqt li jitqies ix-xogħol preparatorju marbut mad-Direttiva, kif spjegat fil-qosor hawn fuq, ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma konsistenti biss jekk il-pjanti jew l-annimali miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi jitqiesu li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
L-ewwel nett, l-Artikolu 3(2), li daħħlu l-Parlament u li aċċettawh il-Kummissjoni u l-Kunsill, igħid dan li ġej:
“Il-materjal bijoloġiku li jiġi iżolat mill-ambjent naturali tiegħu jew prodott permezz ta’ proċess tekniku jista’ jkun soġġett għal invenzjoni anke jekk ikun ġara qabel fin-natura.”
Dan l-Artikolu jista’ jiġi interpretat fis-sens li, biex ikun is-suġġett ta’ invenzjoni, il-materjal bijoloġiku jrid jiġi iżolat mill-ambjent naturali tiegħu, li żgur li mhux il-każ għall-prodotti miksubin permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi. U lanqas it-tieni għażla ta’ din id-dispożizzjoni (jiġifieri l-produzzjoni permezz ta’ proċess tekniku) ma tapplika f’dan il-każ: il-prodotti li joriġinaw minn proċessi li huma essenzjalment bijoloġiċi ma jistgħux jitqiesu bħala materjal bijoloġiku prodott permezz ta’ proċessi tekniċi. Mid-definizzjoni tiegħu stess, proċess bijoloġiku li jikkonsisti minn għażla u inkroċjar mhuwiex proċess tekniku. Għalhekk, il-pjanti jew l-annimali li huma koperti mit-terminu ġeneriku “materjal bijoloġiku” iżda li jinkisbu permezz ta’ proċess mhux tekniku (jiġifieri proċess essenzjalment bijoloġiku), ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ invenzjoni u għaldaqstant ma jistgħux iwasslu għal privattiva. Huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-leġiżlatur qies li ma kienx hemm bżonn li jsemmi din l-esklużjoni b’mod espliċitu.
It-tieni nett, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jispjega biċ-ċar il-prinċipju bażiku tal-esklużjoni tal-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali u tal-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali mill-jedd għall-privattiva. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 4(2) igħid li l-invenzjonijiet li jirrigwardaw il-pjanti jew l-annimali għandhom jedd għall-privattiva jekk il-probabbiltà tas-suċċess tagħhom ma tkunx limitata biss għal varjetà partikolari ta’ pjanta (jiġifieri grupp ta’ pjanti li jkun akbar minn varjetà ta’ pjanti). Din l-eċċezzjoni ma xxejjinx l-esklużjoni mogħtija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu. Eżempju tal-Artikolu 4(2) huwa l-każ ta’ ġene li tiddaħħal fil-ġenoma ta’ ċertu pjanti u twassal biex jinħoloq grupp ġdid ta’ pjanti li jkun ikkaratterizzat minn din il-ġene speċifika (jiġifieri l-inġinerija ġenetika). Mill-banda l-oħra, l-inkroċjar tal-ġenoma kollha tal-varjetajiet tal-pjanti li jikkorrispondi għal proċess bijoloġiku essenzjali se jkun eskluż mill-jedd għall-privattiva (32).
It-tielet nett, il-premessa 32 tipprovdi l-ispjegazzjoni tal-leġiżlatur dwar l-Artikolu 4. Din il-premessa tgħid dan li ġej:
“jekk invenzjoni tikkonsisti biss f’li tiġi mmodifikata ġenetikament varjetà partikolari ta’ pjanta, u jekk il-pjanta l-ġdida titkabbar, għandha xorta waħda tibqa’ eskluża milli tkun tista’ tiġi ppatentjata anke jekk il-modifikazzjoni ġenetika tkun ir-riżultat mhux ta’ proċess essenzjalment bijoloġiku imma ta’ proċess bijoteknoloġiku (33);”
Minn din il-premessa jista’ jinftiehem li, jekk titnissel varjetà ġdida ta’ pjanti minn proċess essenzjalment bijoloġiku, allura din il-varjetà ta’ pjanti (jiġifieri l-prodott miksub) tkun eskluża mill-jedd għall-privattiva. Din il-premessa tiċċara l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Il-punt kruċjali biex wieħed jiżgura l-jedd għall-privattiva ta’ pjanta jew ta’ annimal huwa l-proċess tekniku, bħal, pereżempju, l-inserzjoni ta’ ġene f’ġenoma. Il-proċessi essenzjalment bijoloġiċi mhumiex proċessi ta’ natura teknika u għalhekk ma jistgħux jiġu koperti minn privattiva skont il-pożizzjoni li ħa l-leġiżlatur.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jispeċifika li l-privattivi huma permessi għall-invenzjonijiet li jirriżultaw minn proċess mikrobijoloġiku. Din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 4(1)(b), jiġifieri l-esklużjoni tal-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti u tal-annimali mill-jedd għall-privattiva. Il-leġiżlatur kien iqis li kellu bżonn isemmi li proċess mikrobijoloġiku huwa suġġett li għandu jedd għall-privattiva biss li kieku qies li l-prodott miksub minn proċess bħal dan kien wieħed li kellu jedd għall-privattiva. Minn naħa waħda, il-fatt li jeżisti l-Artikolu 4(3) jenfasizza l-jedd għall-privattiva tal-prodotti miksubin minn proċessi mikrobijoloġiċi, u min-naħa l-oħra, dan huwa konsistenti mal-fehma li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi l-prodotti li jinkisbu minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-jedd għall-privattiva.
Ta’ min jinnota li l-istess raġunament igħodd għall-annimali wkoll. Anke jekk, fil-verità, ma hemm l-ebda dritt tal-proprjetà intellettwali li jkopri l-varjetajiet tal-annimali fil-livell tal-UE, l-istess eċċezzjoni tapplika għall-varjetajiet tal-annimali, jiġifieri li la l-varjetajiet tal-annimali u lanqas il-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-annimali ma jistgħu jingħataw privattiva. Għalhekk, l-istess approċċ, jiġifieri l-esklużjoni mill-jedd għall-privattiva, għandu japplika għall-annimali li jinkisbu direttament minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, meta l-leġiżlatur tal-UE adotta d-Direttiva 98/44/KE, l-intenzjoni tiegħu kienet li jeskludi mill-jedd għall-privattiva l-prodotti (il-pjanti jew l-annimali u l-partijiet tal-pjanti jew tal-annimali) li jinkisbu permezz ta’ proċessi essenzjalment bijoloġiċi. |
2. LIĊENZJI INKROĊJATI OBBLIGATORJI
Il-proposta tal-1995 daħħlet sistema ta’ liċenzji inkroċjati obbligatorji għall-każijiet fejn wieħed li jrabbi ma jkunx jista’ jikseb jew jisfrutta dritt fuq varjetà mingħajr ma jikser privattiva ta’ qabel u bil-kontra (34). L-Artikolu 14(3) propost kien igħid dan li ġej:
“L-applikanti għal-liċenzji msemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandhom juru illi:
(a) |
ikunu applikaw mingħajr suċċess lid-detentur tal-privattiva jew tad-dritt fuq il-varjetà tal-pjanta sabiex jiksbu liċenzja kontrattwali; |
(b) |
l-isfruttament tal-varjetà tal-pjanta jew tal-invenzjoni li għaliha qed tintalab il-liċenzja huwa ddettat mill-interess pubbliku u l-varjetà tal-pjanta jew l-invenzjoni jikkostitwixxu progress tekniku sinifikanti.” |
Dawn il-prinċipji bażiċi dwar l-isfruttament ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ invenzjoni ġew spjegati fil-premessi 32 u 33 proposti, kif ġej:
“(32) |
Billi, fil-qasam tal-isfruttament tal-karatteristiċi tal-pjanti l-ġodda li jirriżultaw mill-inġinerija ġenetika, l-aċċess iggarantit għandu, bi ħlas ta’ miżata, jiġi konċess lil Stat Membru fil-għamla ta’ liċenzja obbligatorja meta, fejn għandu x’jaqsam il-ġenu jew l-ispeċe inkwistjoni, l-interess pubbliku jiddetta l-isfruttament tal-varjetà tal-pjanta li għaliha qed tintalab il-liċenzja u l-varjetà tal-pjanta tirrappreżenta progress tekniku sinifikanti; |
(33) |
Billi, fil-qasam tal-użu tal-karatteristiċi tal-pjanti l-ġodda li jirriżulta mill-varjetajiet tal-pjanti l-ġodda fl-inġinerija ġenetika, l-aċċess iggarantit għandu, bi ħlas ta’ miżata, jiġi konċess fil-għamla ta’ liċenzja obbligatorja meta l-interess pubbliku jiddetta l-isfruttament tal-invenzjoni li għaliha qed tintalab il-liċenzja u l-invenzjoni tirrappreżenta progress tekniku sinifikanti;” |
Ġew stabbiliti żewġ kundizzjonijiet li jiskattaw l-aċċess għal-liċenzji obbligatorji fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (35). L-ewwel obbligu previst għall-applikanti kien li dawn juru li huma applikaw mingħajr suċċess lid-detentur tal-privattiva jew tad-dritt fuq il-varjetà tal-pjanta sabiex jiksbu liċenzja kontrattwali. It-tieni kundizzjoni tfisser li l-isfruttament tad-dritt tal-varjetà tal-pjanta jrid jikkostitwixxi progress tekniku sinifikanti ta’ interess ekonomiku konsiderevoli li jista’ jintwera.
Madankollu, il-kriterju tal-obbligu li l-applikant juri l-progress tekniku “sinifikanti” ta’ varjetà tal-pjanti (meta mqabbel mat-“tagħlim tekniku ta’ privattiva”) huwa rekwiżit aktar b’saħħtu mill-kriterju ta’ “distintività” li huwa meħtieġ skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti (36).
Fil-każ tal-varjetajiet tal-pjanti jista’ jkun iktar diffiċli li wieħed juri progress tekniku sinifikanti milli fil-każ tal-privattivi. Skont l-Artikolu 12(3), il-liċenzji inkroċjati obbligatorji se jkollhom jingħataw biss f’każijiet fejn il-varjetà l-ġdida tkun tirrappreżenta kisba agrikola ġenwina. It-titjib inkrimentali fil-varjetajiet li inizjalment ikunu ġew żviluppati minn pjanta bi privattiva se jkun suġġett għal liċenzja inkroċjata obbligatorja. Bl-istess mod, dawk li jrabbu li jkunu żviluppaw varjetà essenzjalment imnissla wkoll iridu jiksbu l-kunsens tad-detentur tal-ewwel varjetà biex jikkummerċjalizzaw il-varjetà l-ġdida tal-pjanta.
Ta’ min jinnota li l-kundizzjoni marbuta ma’ interess ekonomiku konsiderevoli ddaħħlet matul id-diskussjonijiet tal-Kunsill. Dan sar fil-kuntest tal-Ftehim TRIPS (37), li dak iż-żmien kien għadu kemm daħal fis-seħħ.
Wara li ġiet adottata d-Direttiva, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (38) dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità ġie emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 873/2004 (39), sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu marbutin mal-liċenzji obbligatorji jiġu allinjati mad-Direttiva.
Detentur ta’ dritt ta’ varjetà tal-pjanti jista’ jsibha bi tqila biex juri l-kundizzjoni doppja marbuta mal-progress tekniku u mal-valur ekonomiku. L-Artikolu 31(l) tal-Ftehim TRIPS, li jittratta s-sitwazzjoni fejn privattiva ma tistax tiġi sfruttata mingħajr ma tikser privattiva oħra, ispira “l dan il-kliem. Madankollu, il-mod kif l-uffiċċji tal-varjetajiet tal-pjanti jivvalutaw il-varjetajiet tal-pjanti jvarja ferm mill-approċċ li jieħdu l-uffiċċji tal-privattivi: filwaqt li l-uffiċċji tal-varjetajiet tal-pjanti jiżguraw li l-varjetà l-ġdida tkun distinta (minn varjetajiet oħrajn ġeneralment magħrufin), u li din tkun uniformi, stabbli u ġdida meta mqabbla ma” varjetajiet eżistenti oħrajn, l-uffiċċji tal-privattivi jiffukaw sempliċiment fuq it-tagħlim tekniku li joħroġ mill-invenzjoni mil-lat teoretiku. Barra minn hekk, qabel ma varjetà ta’ pjanta ġdida titqiegħed fis-suq, huwa diffiċli li wieħed igħid jekk din hix se jkollha suċċess mil-lat ekonomiku jew le.
Minkejja dawn l-isfidi, il-liċenzji inkroċjati obbligatorji mhumiex mistennija joħolqu problemi kbar għall-varjetajiet protetti minħabba fl-eżenzjoni obbligatorja ta’ dawk li jrabbu prevista, minn naħa, fl-Artikolu 27(c) tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 15(c) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti. L-Artikolu 15(c) jistipula li l-“atti magħmula għall-għanijiet ta’ tkabbir, jew għall-iskoperta jew l-iżviluppar ta’ varjetajiet oħrajn” huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt. B’dan il-mod, huwa żgurat aċċess liberu għall-ikbar ammont ta’ sorsi ta’ materjal ġenetiku possibbli, u b’hekk tiġi xprunata l-innovazzjoni.
Madankollu, tista’ tinqala’ xi ftit inċertezza meta talba għal privattiva jkollha fil-mira karatteristiċi nattivi, minħabba li mbagħad jista’ jkun li dawk li jrabbu ma jitħallewx jiżviluppaw varjetajiet ġodda. Din il-kwistjoni partikolari tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż, u tibbenefika minn iktar riflessjoni, fosthom, jekk ikun il-każ, mill-pubblikazzjoni ta’ rapport ieħor dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tal-liġi dwar il-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u tal-inġinerija ġenetika (40).
F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji inkroċjati obbligatorji stabbiliti fl-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 98/44/KE, il-Kummissjoni tista’ tkompli tanalizza l-kwistjonijiet marbutin mal-“progress tekniku sinifikanti ta’ interess ekonomiku konsiderevoli” għall-varjetà tal-pjanta jew għall-invenzjoni. |
3. L-AĊĊESS GĦALL-MATERJAL BIJOLOĠIKU U D-DEPOŻITU TIEGĦU
Il-proposta tal-1995 irregolat id-depożitu, l-aċċess u d-depożitu mill-ġdid ta’ materjal bijoloġiku għall-għanijiet tal-proċeduri tal-privattivi. Dawn ir-regoli kienu bbażati fuq il-prinċipji rregolati mit-Trattat tal-1977 tad-WIPO, magħruf bħala t-Trattat ta’ Budapest dwar ir-Rikonoxximent Internazzjonali tad-Depożitu ta’ Mikrorganiżmi għall-għanijiet ta’ Proċeduri ta’ Privattivi (41).
Biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit fundamentali li jkun hemm żvelar f’applikazzjoni għal privattiva li jippermetti lil persuna kompetenti fil-mestier twettaq l-invenzjoni, il-liġi dwar il-privattivi teżiġi li jiġi ddepożitat il-materjal bijoloġiku li għalih tkun qed tintalab il-protezzjoni tal-privattivi. Fil-każ tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-deskrizzjoni bil-miktub tal-invenzjoni għandha tiġi ssupplimentata b’element fiżiku, li jrid ikollhom aċċess għalih tal-inqas l-awtoritajiet internazzjonali depożitarji li jkunu kisbu dan l-istatus bis-saħħa tal-Artikolu 7 tat-Trattat ta’ Budapest.
Billi l-Istati Membri ma kinux kollha Partijiet Kontraenti tat-Trattat ta’ Budapest meta ġiet innegozjata u adottata d-Direttiva, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE kienet li jarmonizza l-proċeduri tal-privattivi għall-applikazzjonijiet għall-privattivi bijoteknoloġiċi fl-Istati Membri. Huwa kiseb dan billi eżiġa li jiġi ddepożitat il-materjal bijoloġiku bħala rekwiżit addizzjonali għal dak li tingħata deskrizzjoni adegwata tal-invenzjoni.
B’segwitu għar-rekwiżit ta’ depożitu, il-proposta tal-1995 stabbiliet ukoll ir-regoli tal-aċċess għall-materjal bijoloġiku meta invenzjoni tkun tinvolvi l-użu ta’ materjal bijoloġiku jew tkun tirrigwarda materjal bijoloġiku li ma jkunx disponibbli għall-pubbliku u li ma jistax jiġi deskritt b’mod suffiċjenti f’applikazzjoni għal privattiva.
L-aċċess għall-materjal bijoloġiku ddepożitat jiġi pprovdut billi jiġi fornut kampjun:
(a) |
lil dawk il-persuni li huma awtorizzati skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi sal-ewwel pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għall-privattiva; |
(b) |
lil kull min jitolbu jew, fuq talba tal-applikant, lil espert indipendenti biss bejn l-ewwel pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u l-konċessjoni tal-privattiva; u |
(c) |
lil kull min jitolbu wara li tkun ġiet konċessal-privattiva, sakemm din ma tkunx ġiet irrevokata jew ikkanċellata (42). |
L-Artikolu 15(3) tal-proposta tal-1995 stabbilixxa d-dmirijiet ta’ dawk li jitolbu kampjun tal-materjal iddepożitat u d-drittijiet tal-applikant għall-privattiva jew tal-proprjetarju tagħha li jirrinunzja b’mod espliċitu għall-użu tiegħu jew ta’ kull materjal imnissel minnu biss għal finijiet sperimentali, kif ġej:
“Il-kampjun għandu jiġi fornut biss jekk il-persuna li titolbu timpenja ruħha, għall-iskond li matulu l-privattiva tkun fis-seħħ:
(a) |
li ma tagħmlux jew ma tagħmilx kull materja mnissla minnu disponibbli għal partijiet terzi; u |
(b) |
li ma tużahx jew kull materja ta’ materjal bijoloġiku mnissla minnu minbarra għal finijiet sperimentali, għajr jekk l-applikant jew id-detentur ta’ privattiva, skont kif applikabbli, espressament ikun irrinunzja għal dan l-impenn.” |
Il-Kunsill xtaq iżid premessa ġdida dwar l-Artikoli 15 u 16 biex jispjega li d-depożitu ta’ materjal bijoloġiku għand istituzzjoni depożitarja rrikonoxxuta kien maħsub biex issir disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar il-materjal li għalih kienet qed tintalab il-protezzjoni tal-privattivi. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar din l-idea ma nżammitx.
L-Artikolu 15 tal-proposta, innumerat mill-ġdid bħala l-Artikolu 13(3) fil-proposta emendata tal-Kummissjoni, sarulu emendi testwali żgħar matul id-diskussjonijiet sussegwenti tal-Kunsill u tal-Parlament. B’mod partikulari, il-klawżola li tibda bil-kelma “għajr”, li qabel kienet tapplika għall-punti (a) u (b), issa tapplika biss għall-punt (b):
“Il-kampjun għandu jiġi fornut biss jekk il-persuna li titolbu timpenja ruħha, għall-iskond li matulu l-privattiva tkun fis-seħħ:
(a) |
li ma tagħmlux jew ma tagħmilx kull materjal imnissel minnu disponibbli lil partijiet terzi; u |
(b) |
li ma tużahx jew kull materjal bijoloġiku mnissel minnu minbarra għal finijiet sperimentali, għajr jekk l-applikant jew il-proprjetarju ta’ privattiva, skont kif applikabbli, espressament ikun irrinunzja għal dan l-impenn.” |
Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill indikat li l-Artikolu 13 (l-Artikolu 15 tal-proposta tal-1995) baqa’ ma nbidilx. Billi l-kliem tal-Artikolu huwa pjuttost ovvju, ma għandux jagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kliem tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 98/44/KE jipprevedi aċċessibbiltà bbilanċjata u suffiċjenti għal kampjun ta’ materjal bijoloġiku bi privattiva ddepożitat għand istituzzjoni depożitarja rrikonoxxuta skont it-Trattat ta’ Budapest tad-WIPO. |
(1) ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.
(2) COM(88) 496 final (ĠU C 10, 13.1.1989, p. 3).
(3) ĠU C 68, 20.3.1995, p. 15.
(4) COM(95) 661 final tat-13 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 296, 8.10.1996, p. 4).
(5) F’dak li għandu x’jaqsam mal-pjanti, in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva ffukaw b’mod ewlieni fuq il-jedd għall-privattiva tal-organiżmi ġenetikament immodifikati (l-OĠM) (fejn ġene speċifika tiddaħħal fi pjanta u tagħtiha karatteristika marbuta magħha). Filwaqt li d-Direttiva ma tindirizzax aspetti regolatorji bħall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-UE, hija stabbiliet li t-tali OĠM jistgħu jingħataw privattiva jekk ikunu ssodisfati l-kriterji tal-jedd għall-privattiva, minħabba li, minnhom infushom, dawn il-prodotti huma materjal bijoloġiku.
(6) Markatur ġenetiku huwa ġene jew sekwenza tad-DNA li għandhom post magħruf fuq kromożoma u li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati l-individwi jew l-ispeċijiet u l-karatteristiċi tagħhom (karatteristiċi speċifiċi). Dan il-markatur jista’ jiġi deskritt bħala varjazzjoni li tista’ tiġi nnutata (li tista’ sseħħ minħabba mutazzjoni jew alterazzjoni tal-lokusijiet ġenomiċi).
(7) OJ EPO 2016, A27 (G 2/12) u A28 (G 2/13).
(8) L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1).
(9) P8_TA-PROV(2015)0473: Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta’ min inissel il-pjanti, 2015/2981(RSP).
(10) Il-laqgħat tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2015 u tat-22 ta’ Ottubru 2015.
(11) Il-laqgħat tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2016 u tad-29 ta’ Settembru 2016.
(12) http://english.eu2016.nl/events/2016/05/18/finding-the-balance---exploring-solutions-in-the-debate-surrounding-patents-and-plant-breeders%E2%80%99-rights
(13) Ir-rapport jinsab fuq is-sit web li ġej: http://ec.europa.eu/growth/industry/intellectual-property/patents_mt Dan il-grupp inħoloq bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 7686 finali tas-7 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tal-liġi dwar il-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u tal-inġinerija ġenetika.
(14) http://pinto.euroseeds.eu
(15) http://www.ilp-vegetable.org
(16) L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva.
(17) L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva.
(18) L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva.
(19) OJ EPO 7/1999, p. 437.
(20) L-Artikolu 53(b) tal-KEP u r-regoli 27 sa 34 tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħha.
(21) Hekk kif stabbilit fl-Artikolu 164(2) tal-KEP.
(22) OJ EPO 2012, p. 130 (G 2/07) u OJ EPO 2012, p. 206 (G 1/08).
(23) Id-Deċiżjonijiet G2/12 (“It-tadam”) u G2/13 (“Il-brokkoli II”) tal-25 ta’ Marzu 2015 tal-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP (OJ EPO 2016, p. 28), li fihom il-Bord qal hekk: “F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux rilevanti l-fatt li l-protezzjoni li tagħti l-pretensjoni tal-prodott tkopri l-ġenerazzjoni tal-prodott li saret prentesjoni għalih permezz ta’ proċess essenzjalment bijoloġiku għall-produzzjoni tal-pjanti eskluż bħala tali skont l-Artikolu 53(b) tal-KEP”.
(24) L-Artikolu 52(1) tal-KEP jistipula r-rekwiżiti bażiċi li ġejjin: in-novità (l-invenzjonijiet ma għandhomx ikunu żvelati bħala tali bil-“mod ta’ qabel”, jiġifieri l-pubblikazzjonijiet kollha huma disponibbli għall-pubbliku); l-oriġinalità (l-invenzjonijiet għandhom ikunu faċilment dedotti minn persuna mħarrġa fl-arti, jiġifieri minn persuna b’għarfien tekniku medju); u l-applikazzjoni industrijali (l-invenzjonijiet huma suxxettibbli li jintużaw fl-industrija, fosthom fl-agrikultura).
(25) Ara l-Anness ta’ dan l-Avviż għat-test sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
(26) Ara l-premessa 17 tal-proposta tal-1995 mogħtija fl-Anness.
(27) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 286, 22.9.1997, p. 87).
(28) Il-korsiv żdied għal dan l-avviż. In-nota numru 5 f’qiegħ il-paġna 38 tan-nota spjegattiva li takkumpanja r-rapport imsejjaħ “ROTHLEY” tal-25 ta’ Ġunju 1997 (A4-0222/97).
(29) COM(97)446 final tad-29 ta’ Awwissu 1997 (ĠU C 311, 11.10.1997, p. 12). Il-Kummissjoni daħħlet emendi marbutin mal-materjal bijoloġiku u ma’ kwistjonijiet relatati mal-pjanti li l-Parlament ivvota favurihom wara l-ewwel qari. F’dan il-kuntest, l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 tal-proposta inizjali tħassru skont l-emendi 50, 51, 52 u 53 tal-Parlament. Dawn l-Artikoli ddaħħlu fl-Artikoli 2, 3 u 4 tal-proposta emendata. Il-Kummissjoni emendat l-Artikolu 2 billi użat il-paragrafi 2, 3a, 3b u 3c kif propost mill-Parlament u ħolqot Artikolu 3 ġdid billi użat il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 2 emendat tal-Parlament. Barra minn hekk, fil-proposta emendata ddaħħal Artikolu 2a ġdid, skont l-emenda 47 tal-Parlament, bħala l-Artikolu 4 abbozzat mill-ġdid. Fl-aħħar nett, fil-proposta emendata ddaħħlu l-emendi tal-Parlament għall-premessi 17 u 18 (l-emendi 18 u 22) u l-premessi l-ġodda 17a, 17b u 17c.
(30) Id-dokument tal-Kunsill 10130/97, Codec 428, PI31.
(31) ĠU C 110, 8.4.1998, p. 17. Wara, il-Parlament approva din il-pożizzjoni komuni fit-12 ta’ Mejju 1998, u b’hekk twittiet it-triq għall-adozzjoni finali tad-Direttiva fis-6 ta’ Lulju 1998.
(32) Dan l-approċċ huwa l-approċċ li ħadu Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom dwar il-privattivi.
(33) Il-korsiv żdied għal dan l-avviż.
(34) L-Artikolu 14(3) tad-dokument COM(95) 661 final.
(35) L-abbozz tal-Artikolu 14(3) fil-proposta tal-1995.
(36) Ara l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94.
(37) Ara l-Artikolu 31(l)(i) tal-Ftehim tal-1994 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS).
(38) ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.
(39) ĠU L 162, 30.4.2004, p. 38.
(40) Hekk kif previst fl-Artikolu 16(c) tad-Direttiva.
(41) Ara s-sit web li ġej: http://www.wipo.int/budapest/en
(42) L-Artikolu 15(2) tal-proposta tal-1995.
ANNESS
L-evoluzzjoni tad-diskussjonijiet interistituzzjonali fil-qafas tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni
(It-tipa grassa tindika t-tibdil li sar)
Il-proposta tal-Kummissjoni (tat-13 ta’ Diċembru 1995) (1) |
L-emendi tal-Parlament Ewropew (tas-16 ta’ Lulju 1997) (2) |
Il-proposta emendata tal-Kummissjoni (tad-29 ta’ Awwissu 1997) (3) |
Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (tas-26 ta’ Frar 1998) (4) |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Il-premessa 17 Billi, sabiex jiġi stabbilit sa liema punt il-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali għandhom jiġu esklużi mill-jedd għall-privattiva, għandu jiġi speċifikat li l-esklużjoni tikkonċerna dawk il-varjetajiet bħala tali u li, bħala konsegwenza ta’ dan, ma tippreġudikax il-jedd għall-privattiva tal-pjanti jew tal-annimali miksubin permezz ta’ proċess li jkollu tal-inqas stadju wieħed tiegħu li jkun essenzjalment mikrobijoloġiku, irrispettivament mill-bażi tal-materjal bijoloġiku bażiku li għalih jiġi applikat dak il-proċess. |
Il-premessa 17 (l-emenda 18) Billi din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-esklużjoni li jkunu jistgħu jiġu bil-privattiva varjetajiet tal-pjanti u l-annimali; billi mill-banda l-oħra l-invenzjonijiet li jinteressaw il-pjanti u l-annimali b’mod ġenerali għandhom il-jedd għall-privattiva sakemm il-prattikabbiltà tal-invenzjoni ma tkunx teknikament limitata għal varjeta waħdiena ta’ pjanti jew annimali. |
Il-premessa 17 Billi din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-esklużjoni li jkunu jistgħu jiġu bil-privattiva varjetajiet tal-pjanti u l-annimali; billi mill-banda l-oħra l-invenzjonijiet li jinteressaw il-pjanti u l-annimali b’mod ġenerali għandhom il-jedd għall-privattiva sakemm l-applikazzjoni tal-invenzjoni ma tkunx teknikament limitata għal varjeta waħdiena ta’ pjanti jew annimali. |
Il-premessa 29 Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-esklużjoni li jkunu jistgħu jiġu bil-privattiva varjetajiet tal-pjanti u l-annimali; billi mill-banda l-oħra l-invenzjonijiet li jinteressaw il-pjanti u l-annimali għandhom il-jedd għall-privattiva sakemm l-applikazzjoni tal-invenzjoni ma tkunx teknikament limitata għal varjeta waħdiena ta’ pjanti jew annimali. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Il-premessa 17a l-ġdida (l-emenda 19) Billi l-kunċett ta’ “varjetà tal-pjanta” huwa ddefinit fil-liġi li tipproteġi l-varjetajiet il-ġodda, li skontha varjetà hija ddefinita bil-ġenomu kollu tagħha u għalhekk tipproċessal-individwalità; billi tista’ tiġi distinta biċ-ċar minn varjetajiet oħra. |
Il-premessa 17a Billi l-kunċett ta’ “varjetà tal-pjanta” huwa ddefinit fil-liġi li tipproteġi l-varjetajiet il-ġodda, li skontha varjetà hija ddefinita bil-ġenomu kollu tagħha u għalhekk tipproċessal-individwalità; billi tista’ tiġi distinta biċ-ċar minn varjetajiet oħra. |
Il-premessa 30 Billi l-kunċett ta’ “varjetà tal-pjanta” huwa ddefinit fil-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-varjetajiet il-ġodda, li skonthom varjetà hija ddefinita bil-ġenomu kollu tagħha u għalhekk tipproċessal-individwalità u tista’ tiġi distinta biċ-ċar minn varjetajiet oħra. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Il-premessa 17b l-ġdida (l-emenda 20) Billi t-totalità ta’ pjanta li tkun ikkaratterizzata b’ġene partikolari (u mhux il-ġenomu tagħha kollu) ma tkunx koperta bil-protezzjoni tal-varjetajiet ġodda u għalhekk mhix eskluża milli tista’ tiġi ppatentjata anke jekk tkun tikkonsisti minn varjetajiet ta’ pjanti. |
Il-premessa 17b Billi t-totalità ta’ pjanta li tkun ikkaratterizzata b’ġene partikolari (u mhux il-ġenomu tagħha kollu) ma tkunx koperta bil-protezzjoni tal-varjetajiet ġodda u għalhekk mhix eskluża milli tista’ tiġi ppatentjata anke jekk tkun tikkonsisti minn varjetajiet ta’ pjanti. |
Il-premessa 31 Billi t-tqegħid ta’ pjanta fi grupp li jkun ikkaratterizzat b’ġene partikolari (u mhux il-ġenomu tiegħu kollu) ma jkunx kopert bil-protezzjoni tal-varjetajiet ġodda u huwa għalhekk mhux eskluż milli jista’ jiġi ppatentjat anke jekk ikun jikkonsisti minn varjetajiet ġodda ta’ pjanti. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Il-premessa 17c l-ġdida (l-emenda 21) Billi, madankollu, jekk invenzjoni tikkonsisti biss f’li tiġi mmodifikata ġenetikament varjetà partikolari ta’ pjanta u li tiġi prodotta varjetà ġdida minnha, il-varjetà l-ġdida għandha tkun eskluża milli tkun tista’ tiġi ppatentjata anke jekk il-modifikazzjoni ġenetika tkun ir-riżultat mhux tat-tkabbir imma ta’ proċedura tal-inġinerija ġenetika. |
Il-premessa 17c Billi, madankollu, jekk invenzjoni tikkonsisti biss f’li tiġi mmodifikata ġenetikament varjetà partikolari ta’ pjanta, għandha tkun eskluża milli tkun tista’ tiġi ppatentjata anke jekk il-modifikazzjoni ġenetika tkun ir-riżultat mhux tat-tkabbir imma ta’ proċedura tal-inġinerija ġenetika. |
Il-premessa 32 Billi, madankollu, jekk invenzjoni tikkonsisti biss f’li tiġi mmodifikata ġenetikament varjetà partikolari ta’ pjanta, u jekk il-pjanta l-ġdida titkabbar, għandha xorta waħda tibqa’ eskluża milli tkun tista’ tiġi ppatentjata anke jekk il-modifikazzjoni ġenetika tkun ir-riżultat mhux ta’ proċess essenzjalment bijoloġiku imma ta’ proċess bijoteknoloġiku. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Il-premessa 18 Billi, sabiex jiġi stabbilit jekk tistax tingħata privattiva għall-proċessi essenzjalment bijoloġiċi biex jinkisbu l-pjanti jew l-annimali jew le, għandu jitqies l-intervent min-naħa tal-bniedem u l-effetti ta’ dak l-intervent fuq ir-riżultat miksub. |
Il-premessa 18 (l-emenda 22) Billi proċedura għat-tkabbir tal-pjanti u tal-annimali hija essenzjalment bijoloġika jekk tkun ibbażata fuq l-inkroċjar tal-ġenomi kollha (b’għażla sussegwenti u forsi aktar inkroċjar tal-ġenomi kollha). |
Il-premessa 18 Billi proċedura għat-tkabbir tal-pjanti u tal-annimali hija essenzjalment bijoloġika jekk tkun ibbażata fuq l-inkroċjar tal-ġenomi kollha (b’għażla sussegwenti u forsi aktar inkroċjar tal-ġenomi kollha). |
Il-premessa 33 Billi huwa meħtieġ illi għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva jiġi ddefinit meta proċess għat-tkabbir tal-pjanti u l-annimali huwa essenzjalment bijoloġiku. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 2 Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva:
|
L-Artikolu 2 (l-emenda 48)
|
L-Artikolu 2
|
L-Artikolu 2
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
L-Artikolu 3
|
L-Artikolu 3
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
L-Artikolu 2a l-ġdid (l-emenda 47)
|
L-Artikolu 4
|
L-Artikolu 4 Dawn li ġejjin ma għandhomx jedd għall-privattiva:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 4
|
L-Artikolu 4 (l-emenda 50) Imħassar |
Imħassar |
Imħassar |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 5 Il-proċessi mikrobijoloġiċi u l-prodotti miksubin permezz ta’ dawn il-proċessi għandu jkollhom jedd għall-privattiva. |
L-Artikolu 5 (l-emenda 51) Imħassar |
Imħassar |
Imħassar |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 6 Il-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali ma għandux ikollhom jedd għall-privattiva. |
L-Artikolu 6 (l-emenda 52) Imħassar |
Imħassar |
Imħassar |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 7 L-użijiet tal-varjetajiet tal-pjanti jew tal-annimali u tal-proċessi għall-produzzjoni tagħhom, minbarra l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali, għandu jkollhom jedd għall-privattiva. |
L-Artikolu 7 (l-emenda 53) Imħassar |
Imħassar |
Imħassar |
(1) Il-proposta tal-Kummissjoni, COM(95) 661 final tat-13 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 296, 8.10.1996, p. 4).
(2) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Lulju 1997 (ĠU C 286, 22.9.1997, p. 87).
(3) Il-proposta emendata tal-Kummissjoni, COM(97)446 final tad-29 ta’ Awwissu 1997 (ĠU C 311, 11.10.1997, p. 12).
(4) Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 (ĠU C 110, 8.4.1998, p. 17).