EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0018

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu

JOIN/2016/018 final

Brussell, 6.4.2016

JOIN(2016) 18 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu

reazzjoni tal-Unjoni Ewropea


1.Introduzzjoni

F’dawn l-aħħar snin, l-ambjent ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea nbidel b’mod drammatiku. Sfidi ewlenin għall-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE jkomplu jisħqu fuq il-ħtieġa għall-Unjoni biex tadatta u żżid il-kapaċitajiet tagħha bħala fornitur tas-sigurtà, b’enfasi qawwija fuq ir-relazzjoni mill-qrib bejn is-sigurtà esterna u dik interna. Ħafna mill-isfidi kurrenti għall-paċi, is-sigurtà u l-prosperità joriġinaw mill-instabilità fil-viċinat immedjat tal-UE u mill-forom ta’ theddid li qed jinbidlu. Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu tal-2014, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker saħaq dwar il-ħtieġa għal "ħidma għal Ewropa aktar b’saħħitha fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża” u l-kombinament ta' strumenti Ewropej u nazzjonali b’mod aktar effettiv milli fl-imgħoddi. Minbarra dan, wara l-istedina mill-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta’ Mejju 2015, ir-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, wettqet ħidma biex tippreżenta dan il-qafas konġunt bi proposti azzjonabbli li jgħinu biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u li jrawwmu r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll tas-sħab 1 . F’Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew fakkar fil-ħtieġa li jiġu mobilizzati strumenti tal-UE biex jgħinu biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu 2 .

Filwaqt li d-definizzjonijiet ta' theddid ibridu jvarjaw u jeħtieġ li jibqgħu flessibbli biex jirreaġixxu għan-natura tiegħu li dejjem tevolvi, il-kunċett jimmira li jkopri t-taħlita ta' attività koerċittiva u sovversiva, il-metodi konvenzjonali u mhux konvenzjonali (jiġifieri diplomatiċi, militari, ekonomiċi, teknoloġiċi), li jistgħu jintużaw b'mod koordinat minn atturi tal-istat jew mhux tal-istat biex jinkisbu objettivi speċifiċi filwaqt li jibqgħu 'l isfel mil-limitu ta' gwerra ddikjarata formalment. Normalment ikun hemm enfasi fuq l-isfruttar tal-vulnerabbiltajiet tal-mira u fuq il-ġenerazzjoni ta’ ambigwità biex jiġi ostakolat il-proċess deċiżjonali. Kampanji ta’ diżinformazzjoni enormi, u l-użu tal-midja soċjali biex tikkontrolla l-istorja politika jew biex tirradikalizza, tirrekluta u tidderieġi atturi li jaġixxu f'isem ħaddieħor jistgħu jkunu mezzi għal theddid ibridu.

Sakemm il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi tkun relatata mas-sigurtà u mad-difiża nazzjonali u maż-żamma tal-liġi u tal-ordni, ir-responsabbiltà primarja taqa’ f’idejn l-Istati Membri, billi ħafna vulnerabbiltajiet nazzjonali huma speċifiċi għall-pajjiż. Madankollu, ħafna Stati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw theddid komuni, li jista’ jolqot ukoll netwerks jew infrastrutturi transfruntiera. Dan it-theddid jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv b’reazzjoni kkoordinata fil-livell tal-UE bl-użu ta’ politiki u strumenti tal-UE, biex wieħed jibni fuq solidarjetà Ewropea, l-assistenza reċiproka u l-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-politiki u l-istrumenti tal-UE jistgħu u, sa ċertu punt sinifikanti diġà jaqdu rwol ewlieni permezz tal-valur miżjud fil-bini tas-sensibilizzazzjoni. Dan qed jgħin fit-titjib tar-reżiljenza tal-Istati Membri biex jirreaġixxu għal theddid komuni. L-azzjoni esterna tal-Unjoni proposta taħt dan il-qafas hija ggwidata mill-prinċipji stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali 3 .

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni Konġunta hu li tiffaċilita approċċ olistiku li jippermetti lill-UE, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, li tiġġieled b'mod speċifiku t-theddid ta' natura ibrida permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-istrumenti kollha rilevanti u t-trawwim ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi rilevanti kollha 4 . L-azzjonijiet jibnu fuq strateġiji eżistenti u politiki settorjali li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ sigurtà akbar. B'mod partikolari, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 5 , l-Istrateġija Globali li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-politika estera u ta' sigurtà komuni u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża 6 , l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE 7 , l-Istrateġija għas-Sigurtà tal-Enerġija 8 , l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea 9 huma għodod li jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu.

Billi n-NATO qed taħdem ukoll sabiex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u l-Kunsill Affarijiet Barranin ippropona t-titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni f’dan il-qasam, uħud mill-proposti jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

Ir-reazzjoni proposta tiffoka fuq l-elementi li ġejjin: it-titjib tas-sensibilizzazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u r-reazzjoni għall-kriżijiet u l-irkupru.

2.Ir-rikonoxximent tan-natura ibrida ta’ theddida

L-għan tat-theddid ibridu huwa li jisfrutta l-vulnerabbiltajiet ta' pajjiż bl-intenzjoni ta’ sikwit li jdgħajjef il-valuri u l-libertajiet demokratiċi fundamentali. Bħala l-ewwel pass, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jaħdmu flimkien mal-Istati Membri biex itejbu s-sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni permezz tal-monitoraġġ u l-ivvalutar tar-riskji li jista’ jkollhom fil-mira l-vulnerabbiltajiet tal-UE. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskji tas-sigurtà biex tinforma lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u tippromwovi formulazzjoni ta' politika bbażata fuq ir-riskju f’oqsma li jvarjaw mis-sigurtà tal-avjazzjoni sal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, għandu jkun utli li jsir stħarriġ mill-Istati Membri li jidentifika żoni vulnerabbli għat-theddid ibridu. L-għan ikun l-identifikazzjoni tal-indikaturi tat-theddid ibridu, l-inkorporazzjoni tagħhom f'mekkaniżmi eżistenti ta' twissija bikrija u ta’ valutazzjoni tar-riskju u li dawn jiġu kondiviżi kif xieraq.

Azzjoni 1: L-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, kif xieraq, huma mistiedna jniedu stħarriġ dwar ir-riskju ibridu biex jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet prinċipali, inklużi l-indikaturi speċifiċi relatati ma' aspetti ibridi, li potenzjalment jaffettwaw l-istrutturi u n-netwerks nazzjonali u pan-Ewropej.

3.L-organizzazzjoni tar-reazzjoni tal-UE: titjib tas-sensibilizzazzjoni

3.1.Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu

Huwa essenzjali li l-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha, tikseb livell suffiċjenti ta’ għarfien tas-sitwazzjoni biex tidentifika kull bidla fl-ambjent tas-sigurtà relatata ma’ attività ibrida kkawżata minn Stat u/jew atturi mhux statali. Biex jiġi miġġieled b’mod effettiv it-theddid ibridu, huwa importanti li jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u li jiġi promoss il-qsim tal-intelligence madwar is-setturi u bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u s-sħab tagħha.

Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu se toffri punt fokali uniku għall-analiżi ta’ theddid ibridu, stabbilit fiċ-Ċentru ta' Analiżi tal-Intelligence tal-UE (EU INTCEN) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Din iċ-Ċellola ta' Fużjoni tirċievi, tanalizza u tikkondividi informazzjoni klassifikata u informazzjoni minn sorsi miftuħa speċifikament relatata ma’ indikaturi u twissijiet dwar theddid ibridu minn partijiet konċernati differenti fi ħdan is-SEAE (inklużi d-delegazzjonijiet tal-UE), il-Kummissjoni (mal-aġenziji tal-UE 10 ), u l-Istati Membri. F’kollaborazzjoni ma’ korpi simili eżistenti fil-livell tal-UE 11 u f'dak nazzjonali, iċ-Ċellola ta' Fużjoni tanalizza l-aspetti esterni tat-theddid ibridu, li jaffettwaw l-UE u l-viċinat tagħha, sabiex tkun tista' tanalizza b'mod rapidu inċidenti rilevanti u tinforma l-proċessi strateġiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluż billi tipprovdi inputs għall-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà mwettqa fil-livell tal-UE. Il-prestazzjoni analitika taċ-Ċellola ta' Fużjoni tiġi pproċessata u ttrattata skont l-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta 12 . Iċ-Ċellola għandha tikkopera ma’ korpi eżistenti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali konnessi maċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-theddid ibridu. Il-persunal ġewwa u barra l-UE (inkluż dak mibgħut f’delegazzjonijiet, operazzjonijiet u missjonijiet tal-UE) u fl-Istati Membri għandu wkoll ikun imħarreġ biex jagħraf is-sinjali bikrija tat-theddid ibridu.

Azzjoni 2: Il-ħolqien ta’ Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu fi ħdan l-istruttura eżistenti tal-INTCEN tal-UE, li kapaċi tirċievi u tanalizza informazzjoni klassifikata u informazzjoni minn sorsi miftuħa dwar theddid ibridu. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fir-rigward tat-theddid ibridu biex jiżguraw kooperazzjoni u komunikazzjoni sikura maċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu.

3.2.Komunikazzjoni strateġika

L-awturi tat-theddid ibridu jistgħu b’mod sistematiku jxerrdu d-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta’ kampanji tal-midja soċjali mmirati, biex b'hekk ifittxu li jirradikalizzaw l-individwi, jiddistabbilizzaw is-soċjetà u jikkontrollaw l-istorja politika. Il-kapaċità ta’ reazzjoni għat-theddid ibridu bl-użu ta’ komunikazzjoni strateġika soda hija essenzjali. Li jkun hemm reazzjonijiet fattwali b’ħeffa u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-theddid ibridu huma fatturi ewlenin biex tinbena r-reżiljenza tas-soċjetà.

Il-komunikazzjoni strateġika għandha tagħmel użu sħiħ mill-għodod tal-midja soċjali kif ukoll mill-midja tradizzjonali viżiva, tal-awdjo u l-midja fuq l-internet. Is-SEAE, filwaqt li jibni fuq l-attivitajiet tat-Task Forces East Stratcom u Arab Stratcom għandu jagħmel l-aħjar użu mil-lingwisti b'għarfien tajjeb tal-lingwi rilevanti li mhumiex tal-UE u mill-ispeċjalisti tal-midja soċjali, li jistgħu jimmonitorjaw l-informazzjoni mhux tal-UE u jiżguraw komunikazzjoni mmirata li tirreaġixxi għad-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi kkoordinati ta’ komunikazzjoni strateġika li jappoġġaw l-attribuzzjoni u jiġġieldu d-diżinformazzjoni sabiex jinkixef it-theddid ibridu.

Azzjoni 3: Ir-Rappreżentant Għoli se tesplora mal-Istati Membri modi li jaġġornaw u jikkoordinaw il-kapaċitajiet li jwasslu komunikazzjonijiet strateġiċi proattivi u jottimizzaw l-użu ta’ monitoraġġ tal-midja u ta' speċjalisti lingwistiċi.

3.3.Ċentru ta’ Eċċellenza biex “jiġi miġġieled it-theddid ibridu”

Waqt li jibnu fuq l-esperjenza ta’ xi Stati Membri u tal-organizzazzjonijiet sħab 13 , istituzzjoni multinazzjonali waħda jew netwerk ta’ istituzzjonijiet multinazzjonali tkun tista' taġixxi/jkunu jistgħu jaġixxu bħala Ċentru ta’ Eċċellenza li jindirizza t-theddid ibridu. Tali Ċentru jkun jista’ jiffoka fuq ir-riċerka dwar kif ġew applikati strateġiji ibridi, u jista’ jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kunċetti u teknoloġiji ġodda fis-settur privat u fl-industrija biex jgħin lill-Istati Membri jibnu r-reżiljenza. Ir-riċerka tista’ tikkontribwixxi biex tallinja l-UE mal-politiki, mal-kunċetti, u mad-duttrini nazzjonali, u biex jiġi żgurat li t-teħid tad-deċiżjonijiet ikun jista' jqis il-kumplessitajiet u l-ambigwitajiet assoċjati mat-theddid ibridu. Ċentru bħal dan għandu jfassal programmi li javvanzaw ir-riċerka u l-eżerċizzji biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi eżistenti maħluqa minn theddid ibridu. Il-qawwa ta’ tali Ċentru tkun tiddependi fuq il-kompetenza żviluppata mill-parteċipanti multinazzjonali u transsettorjali mis-settur ċivili u militari, u mis-settur privat u dak akkademiku.

Tali Ċentru jkun jista’ jaħdem mill-qrib ma’ Ċentri ta’ Eċċellenza eżistenti tal-UE 14 u tan-NATO 15 sabiex jibbenefika minn għarfien dwar theddid ibridu li jkun inkiseb miċ-ċiberdifiża, mill-komunikazzjoni strateġika, mill-kooperazzjoni militari ċivili, mill-enerġija u mir-reazzjoni għall-kriżijiet.

Azzjoni 4: L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu Ċentru ta’ Eċċellenza biex“jiġi miġġieled it-theddid ibridu”.

4.L-organizzazzjoni tar-reazzjoni tal-UE: il-bini tar-reżiljenza

Ir-reżiljenza hija l-kapaċità ta' reżistenza fir-rigward tal-istress u l-irkupru u t-tisħiħ bħala konsegwenza tal-isfidi. Biex wieħed jiffaċċja l-ġlieda kontra t-theddid ibridu b’mod effikaċi, iridu jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet potenzjali tal-infrastrutturi ewlenin, tal-ktajjen tal-provvista u tas-soċjetà. Bl-użu tal-istrumenti u tal-politiki tal-UE, l-infrastruttura fil-livell tal-UE tista’ ssir aktar reżiljenti.

4.1.Il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika

Huwa importanti li jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi (eż. il-ktajjen tal-provvista tal-enerġija, it-trasport), billi xi attakk mhux konvenzjonali minn atturi tat-theddid ibridu fuq kwalunkwe “mira vulnerabbli” (“soft target”) jista’ jwassal għal tfixkil serju fl-ekonomija jew fis-soċjetà. Biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika, il-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika 16 (EPCIP) jipprovdi approċċ ta' sistemi transsettorjali li jikkunsidra l-perikli kollha, waqt li jħares lejn l-interdipendenzi, ibbażati fuq l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet fl-ambitu tal-kwistjonijiet ta' prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni. Id-Direttiva dwar l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej 17 tistabbilixxi proċedura għall-identifikazzjoni u għall-indikazzjoni tal-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (ECI), u approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-ħtieġa tat-titjib tal-ħarsien tagħhom. B’mod partikolari, il-ħidma għandha titnieda taħt id-Direttiva għat-tisħiħ tar-reżiljenza ta’ infrastrutturi kritiċi fir-rigward tat-trasport (eż. ajruporti u portijiet merkantili ewlenin tal-UE). Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għandhiex tiżviluppa għodod komuni, inklużi indikaturi, għat-titjib tar-reżiljenza ta’ infrastrutturi kritiċi kontra t-theddid ibridu fis-setturi rilevanti kollha.

Azzjoni 5: Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, se tidentifika għodod komuni, inklużi indikaturi, bl-għan li jtejbu l-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ infrastruttura kritika kontra theddid ibridu f’setturi rilevanti.

4.1.1.Netwerks tal-Enerġija

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni kontinwi tal-enerġija elettrika huma ta’ importanza vitali għall-UE u qtugħ sinifikanti fil-provvista tal-enerġija jista’ jkun ta’ dannu. Element essenzjali biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu huwa li jiġu diversifikati s-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija tal-UE, għal provvisti tal-enerġija aktar siguri u b’saħħithom. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll twettaq valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza (“stress tests”) fuq l-impjanti tal-enerġija tal-UE. Biex tkun żgurata d-diversifikazzjoni tal-enerġija, il-ħidma fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija qed tiġi intensifikata: pereżempju, il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar jista' jippermetti t-trasport tal-gass mir-reġjun tal-Kaspju għall-Ewropa u fl-Ewropa ta’ Fuq, l-istabbiliment ta’ ċentri tal-gass likwidu b’bosta fornituri. Dan l-eżempju għandu jiġi segwit fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fil-Mediterran, fejn qed jiġi żviluppat ċentru tal-gass. 18 L-iżvilupp tas-suq tal-gass naturali likwifikat se jikkontribwixxi wkoll b’mod pożittiv għal dan l-għan.

Dwar materjal u faċilitajiet nukleari, il-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-ogħla standards tas-sikurezza biex b’hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari 19 li tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni ta’ aċċidenti u t-tnaqqis ta’ konsegwenzi tal-aċċidenti u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza 20 fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali għat-tħejjija u r-reazzjoni għall-emerġenzi, b’mod partikolari bejn l-Istati Membri ġirien u ma’ pajjiżi ġirien.

Azzjoni 6: Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tappoġġa l-isforzi biex tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u tippromwovi l-istandards tas-sikurezza u s-sigurtà biex tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastrutturi nukleari

4.1.2 Is-sigurtà tal-katina tat-trasport u tal-provvista

It-trasport huwa essenzjali għall-funzjonament tal-Unjoni. Attakki ibridi fuq l-infrastruttura tat-trasport (bħalma huma l-ajruporti, l-infrastrutturi tat-toroq, il-portijiet u l-ferroviji) jista’ jkollhom konsegwenzi serji, li jwasslu għal tfixkil fil-katini tal-ivvjaġġar u tal-provvista. Fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni 21 , il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet regolari 22 u, permezz tal-ħidma tagħha fis-sigurtà tat-trasport bl-art, timmira li tindirizza theddid ibridu emerġenti. F’dan il-kuntest, qed jiġi diskuss qafas tal-UE skont ir-Regolament rivedut għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni 23 , bħala parti mill-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa 24 . Barra minn hekk, it-theddid għas-sigurtà marittima qed jiġi indirizzat fl-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha 25 . Dan tal-aħħar jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw b’mod komprensiv l-isfidi għas-sigurtà marittima, inkluża l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, permezz ta’ kooperazzjoni transettorjali bejn l-atturi ċivili u militari biex jipproteġu l-infrastruttura marittima kritika, il-katina ta’ provvista globali, il-kummerċ marittimu u r-riżorsi marittimi naturali u tal-enerġija. Is-sigurtà tal-katina tal-provvista internazzjonali hija indirizzata wkoll fl-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali tal-Unjoni Ewropea 26 .

Azzjoni 7: Il-Kummissjoni se ssegwi t-theddid emerġenti fis-settur tat-trasport u se taġġorna l-leġiżlazzjoni fejn ikun xieraq. Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġestjoni tar-Riskju Doganali tal-UE, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli (fil-kompetenzi rispettivi tagħhom), f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jeżaminaw kif wieħed jista' jirreaġixxi għat-theddid ibridu, b’mod partikolari dak li jirrigwarda infrastruttura kritika tat-trasport.

4.1.3 L-ispazju

It-theddid ibridu jista’ jolqot l-infrastrutturi spazjali b’konsegwenzi multisettorjali. L-UE fasslet il-Qafas ta' Appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju 27 biex toħloq netwerk bejn tali assi li huma proprjetà tal-Istati Membri sabiex jipprovdu servizzi ta’ Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju 28 lill-utenti identifikati (l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, is-sidien u l-operaturi tal-inġenji tal-ispazju u l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili). Fil-kuntest tal-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa li jmiss, il-Kummissjoni se tesplora l-iżvilupp ulterjuri tagħha, biex timmonitorja t-theddid ibridu lill-infrastrutturi spazjali.

Il-komunikazzjonijiet bis-satellita (SatComs) huma assi ewlenin għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet, għar-reazzjoni għal diżastri, għall-pulizija, għas-sorveljanza tal-fruntiera u kostali. Dawn huma s-sinsla tal-infrastrutturi fuq skala kbira, bħalma huma t-trasport, l-ispazju jew is-sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod. B’konformità mas-sejħa tal-Kunsill Ewropew għat-tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss tas-SatCom Governattiva (GovSatCom), il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, qed tevalwa metodi biex tgħaqqad id-domanda, fil-kuntest tal-Istrateġija Spazjali u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża.

Bosta infrastrutturi kritiċi jiddependu fuq informazzjoni ta' twaqqit preċiż għas-sinkronizzazzjoni tan-netwerks tagħhom (pereż. l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet) jew tranżazzjonijiet kronogrammi (pereż. is-swieq finanzjarji). Id-dipendenza fuq sinjal ta' sinkronizzazzjoni tal-ħin ta' Sistema Unika Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita ma toffrix ir-reżiljenza meħtieġa biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu. Galileo, is-sistema Ewropea ta’ navigazzjoni globali bis-satellita, toffri t-tieni sors ta’ twaqqit affidabbli.

Azzjoni 8: Fil-kuntest tal-Istrateġija Spazjali u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża li jmiss, il-Kummissjoni se tipproponi li tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali kontra t-theddid ibridu, b’mod partikolari, permezz ta’ estensjoni possibbli tal-ambitu tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju biex tkopri t-theddid ibridu, it-tħejjija għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ GovSatCom fil-livell Ewropew u l-introduzzjoni ta’ Galileo f’infrastrutturi kritiċi dipendenti fuq is-sinkronizzazzjoni tal-ħin.  

4.2.Il-kapaċitajiet tad-difiża

Il-kapaċitajiet ta’ difiża għandhom jiġu msaħħa sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tal-UE għat-theddid ibridu. Huwa importanti li jiġu identifikati oqsma ta’ kapaċità ewlenin rilevanti, pereż. is-sorveljanza u r-rikonoxximent tal-kapaċitajiet. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tista’ sservi ta' xprun fl-iżvilupp tal-kapaċità militari (pereżempju, billi jitqassru ċ-ċikli fl-iżvilupp tal-kapaċità tad-difiża, bl-investiment fit-teknoloġija, fis-sistemi u fil-prototipi, u bil-ftuħ tan-negozju tad-difiża għal teknoloġiji kummerċjali innovattivi) relatat mat-theddid ibridu. Azzjonijiet possibbli jistgħu jiġu eżaminati taħt il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża li jmiss.

Azzjoni 9: Ir-Rappreżentant Għoli, appoġġata kif xieraq mill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, se tipproponi proġetti dwar kif jistgħu jiġu adattati l-kapaċitajiet ta’ difiża u l-iżvilupp ta’ rilevanza għall-UE, speċifikament biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu kontra Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri.

4.3.Il-ħarsien tas-saħħa pubblika u s-sigurtà alimentari

Is-saħħa tal-popolazzjoni tista’ tiġi pperikolata bil-manipulazzjoni ta’ mard li jittieħed jew bil-kontaminazzjoni tal-ikel, tal-ħamrija, tal-arja u tal-ilma tax-xorb minn sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN). Barra minn hekk, it-tixrid ta’ mard tal-annimali jew tal-pjanti jista’ jaffettwa serjament lis-sigurtà alimentari fl-Unjoni u jkollu effetti ekonomiċi u soċjali kbar f’oqsma kruċjali fil-katina alimentari tal-UE. L-istrutturi eżistenti tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa, il-protezzjoni ambjentali u għas-sikurezza alimentari tista’ tintuża bħala reazzjoni għat-theddid ibridu bl-użu ta’ dawn il-metodi.

Skont il-liġi tal-UE dwar theddid transfruntier għas-saħħa 29 , il-mekkaniżmi eżistenti jikkoordinaw it-tħejjija għal theddid serju transfruntier għas-saħħa, li jgħaqqad flimkien lill-Istati Membri, lill-aġenziji tal-UE u lill-Kumitati Xjentifiċi 30 permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni. Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, li jikkoordina r-reazzjoni tal-Istati Membri għat-theddid, jista’ jaġixxi bħala punt fokali fil-konfront tal-vulnerabbiltajiet fis-saħħa pubblika 31 , biex inaqqax it-theddid ibridu (b’mod partikolari l-bijoterroriżmu) fil-linji gwida dwar il-komunikazzjoni fi żmien ta' kriżi u fl-eżerċizzji ta' bini tal-kapaċità (simulazzjoni ta’ kriżi) mal-Istati Membri. Fil-qasam tas-sikurezza alimentari, permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-Sistema Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskji (CRMS) għad-dwana, l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni dwar l-analiżi tar-riskju sabiex jikkontrollaw ir-riskji għas-saħħa kkawżati minn ikel kontaminat. Rigward is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-UE 32 se żżid elementi ġodda mas-“sett ta’ għodod” eżistenti  33 ,biex ikun ippreparat aħjar għat-theddid ibridu wkoll.

Azzjoni 10: Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se ttejjeb is-sensibilizzazzjoni u r-reżiljenza għat-theddid ibridu fi ħdan il-mekkaniżmi eżistenti ta’ tħejjija u ta' koordinazzjoni, notevolment il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa.

4.4.Iċ-ċibersigurtà

L-UE tibbenefika bil-kbir mis-soċjetà diġitizzata u interkonnessa tagħha. L-attakki ċibernetiċi jistgħu jfixklu s-servizzi diġitali madwar l-UE u attakki bħal dawn jistgħu jintużaw minn awturi ta’ theddid ibridu. It-titjib tar-reżiljenza tas-sistemi tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni fl-Ewropa huwa importanti għall-appoġġ tas-Suq Uniku Diġitali. L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà jipprovdu l-qafas strateġiku ġenerali għall-inizjattivi tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità. L-UE ilha attiva fl-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni, tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u tar-reazzjonijiet fl-ambitu tar-riżultati tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà. B’mod partikolari, id-Direttiva proposta dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) 34 , tindirizza r-riskji taċ-ċibersigurtà għal firxa wiesgħa ta’ fornituri tas-servizzi essenzjali fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport, tal-finanzi u tas-saħħa. Dawn il-fornituri, kif ukoll fornituri ewlenin ta’ servizzi diġitali (pereż. il-“cloud computing”) għandhom jieħdu miżuri xierqa ta’ sigurtà u jirrapportaw inċidenti serji lill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jieħdu nota ta' kull karatteristika ibrida. Meta d-Direttiva tiġi adottata mill-koleġiżlaturi, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tagħha jrawwmu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà madwar l-Istati Membri, filwaqt li jirrinforzaw il-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward taċ-ċibersigurtà permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar kif għandu jiġi miġġieled it-theddid ibridu. B'mod partikolari, id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ netwerk ta' 28 CSIRTs nazzjonali (Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters) u ta' CERT-EU 35 biex tinkiseb il-kooperazzjoni operattiva fuq bażi volontarja.

Biex jitħeġġu l-kooperazzjoni pubblika-privata u l-approċċi madwar l-UE kollha għaċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjattaforma tal-NIS, li tippubblika linji gwida dwar l-aħjar prattika f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tar-riskju. Filwaqt li l-Istati Membri jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ sigurtà u l-modalitajiet biex jinnotifikaw l-inċidenti nazzjonali, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi livell għoli ta’ konverġenza fl-approċċi tal-ġestjoni tar-riskju, waqt li tibni b’mod partikolari fuq l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA).

Azzjoni 11: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta'prijorità, jistabbilixxu u jutilizzaw bis-sħiħ netwerk bejn it-28 CSIRTs u s-CERT-UE kif ukoll qafas għall-kooperazzjoni strateġika. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura li l-inizjattivi settorjali fir-rigward tat-theddidiet ċibernetiċi (pereż. l-avjazzjoni, l-enerġija, il-politika marittima) ikunu konsistenti mal-kapaċitajiet transettorjali koperti mid-Direttiva NIS biex jinġabru l-informazzjoni, il-kompetenza u r-reazzjonijiet rapidi.

4.4.1.L-industrija

Aktar dipendenza fuq il-cloud computing u l-Big Data żiedet il-vulnerabbiltà għat-theddid ibridu. L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tipprevedi Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali dwar iċ-ċibersigurtà 36 , li se tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u se tgħin lill-Unjoni żżomm livell għoli ta’ kapaċità teknoloġija f’dan il-qasam. Is-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali se tibni l-fiduċja fost l-atturi differenti fis-suq, u se tiżviluppa sinerġiji bejn in-naħa tad-domanda u dik tal-provvista. Filwaqt li s-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali u l-miżuri ta’ akkumpanjament se jiffukaw primarjament fuq il-prodotti u s-servizzi taċ-ċibersigurtà ċivili, l-eżitu ta’ dawn l-inizjattivi għandhom jippermettu lill-utenti tat-teknoloġija li jkunu protetti aħjar kontra t-theddid ibridu.

Azzjoni 12: Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se taħdem flimkien mal-industrija fil-kuntest ta’ Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali għaċ-ċibersigurtà, biex tiżviluppa u tittestja t-teknoloġiji biex jipproteġu aħjar lill-utenti u lill-infrastrutturi kontra l-aspetti ċibernetiċi tat-theddid ibridu.

4.4.2.L-enerġija

Il-ħolqien ta’ djar u ta' apparat elettrodomestiku intelliġenti u l-iżvilupp tal-grilja intelliġenti, li żżid id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija jwasslu wkoll għal żieda fil-vulnerabbiltà għall-attakki ċibernetiċi. L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija 37 u l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija 38 jappoġġjaw approċċ kontra l-perikli kollha, li fih ir-reżiljenza għat-theddid ibridu hija integrata. In-Netwerk Tematiku dwar il-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika tal-Enerġija, irawwem kollaborazzjoni bejn l-operaturi fis-settur tal-enerġija (żejt, gass, elettriku). Il-Kummissjoni nediet pjattaforma fuq l-internet biex tanalizza u tikkondividi informazzjoni dwar theddid u inċidenti 39 . Flimkien mal-partijiet ikkonċernati 40 , qed tiżviluppa wkoll strateġija komprensiva tas-settur enerġetiku fir-rigward taċ-ċibersigurtà f’operazzjonijiet tal-grilja intelliġenti biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. Filwaqt li s-swieq tal-elettriku qed jiġu dejjem aktar integrati, ir-regoli u l-proċeduri dwar kif wieħed għandu jittratta s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi għadhom nazzjonali. Jeħtieġ li niżguraw li l-gvernijiet jikkooperaw ma’ xulxin fit-tħejjija għar-riskji u fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis tagħhom u li l-atturi rilevanti kollha jaġixxu abbażi ta’ sett ta’ regoli komuni.

Azzjoni 13: Il-Kummissjoni se toħroġ gwida għas-sidien tal-assi ta’ grilji intelliġenti sabiex titjieb iċ-ċibersigurtà tal-installazzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-inizjattiva dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi "pjanijiet ta’ tħejjija għar-riskju"u regoli proċedurali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iżgurar tas-solidarjetà madwar l-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi, inklużi regoli għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta' attakki ċibernetiċi.

4.4.3.L-iżgurar ta’ sistemi finanzjarji sodi

L-ekonomija tal-UE teħtieġ sistema finanzjarja u ta’ pagament sigura biex tiffunzjona. Il-protezzjoni tas-sistema finanzjarja u tal-infrastruttura tagħha minn attakki ċibernetiċi, tkun xi tkun ir-raġuni jew in-natura tal-aggressur, hija essenzjali. Biex tindirizza theddid ibridu kontra s-servizzi finanzjarji tal-UE, l-industrija teħtieġ li tifhem it-theddida, li tkun ittestjat id-difiżi tagħha u li jkollha t-teknoloġija neċessarja biex tipproteġi l-industrija minn attakk. Għalhekk, l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta' theddid fost il-parteċipanti tas-swieq finanzjarji u mal-awtoritajiet u l-fornituri ewlenin tas-servizzi rilevanti jew mal-klijenti huwa kruċjali iżda jeħtieġ li jkun ukoll mingħajr periklu u li jissodisfa r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta. F'konformità mal-ħidma f’fora internazzjonali, inkluż ix-xogħol tal-G7 f’dan is-settur, il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika fatturi li jostakolaw il-kondiviżjoni xierqa tal-informazzjoni dwar it-theddid u tipproponi soluzzjonijiet. Huwa importanti li jiġi żgurat l-ittestjar u l-irfinar ta’ protokolli biex jipproteġu infrastrutturi kummerċjali u rilevanti, inkluż aġġornament kontinwu ta’ teknoloġiji li jtejbu s-sigurtà.

Azzjoni 14: Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-ENISA 41 , mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet internazzjonali, Ewropej u nazzjonali rilevanti u mal-istituzzjonijiet finanzjarji, se tippromwovi u tiffaċilita l-pjattaformi u n-netwerks ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar it-theddid u se tindirizza l-fatturi li jxekklu l-iskambju ta’ tali informazzjoni.

4.4.4.It-trasport

Sistemi moderni ta’ trasport (ferrovjarju, bit-triq, bl-ajru, bil-baħar) jiddependu fuq sistemi ta’ informazzjoni li huma vulnerabbli għall-attakki ċibernetiċi. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera, hemm rwol partikolari li l-UE jeħtieġ li jkollha. Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se tkompli tanalizza t-theddid ċibernetiku u r-riskji relatati ma’ interferenzi illegali mas-sistemi tat-trasport. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa Pjan Direzzjonali dwar iċ-ċibersigurtà għall-avjazzjoni f’kooperazzjoni mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA)  42 . It-theddid ċibernetiku għas-sigurtà marittima huwa indirizzat ukoll fl-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha.

Azzjoni 15: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli (fl-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom), f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jeżaminaw kif wieħed għandu jirreaġixxi għat-theddid ibridu, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-attakki ċibernetiċi fis-settur tat-trasport.

4.5.Il-finanzjament tat-theddid ibridu mqiegħed fil-mira

L-awturi tat-theddid ibridu jeħtieġu l-finanzjament biex iżommu l-attivitajiet tagħhom. Il-finanzjament jista’ jintuża biex jappoġġa gruppi terroristiċi jew forom iktar sottili ta’ distabbilizzazzjoni, bħalma huwa l-appoġġ ta’ gruppi ta’ pressjoni u partiti politiċi radikali. L-UE żiedet l-isforzi kontra l-finanzjament tal-kriminalità u tat-terroriżmu, kif stabbilit fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, b’mod partikolari permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni 43 . F’dan il-kuntest, jiġifieri, il-qafas Ewropew rivedut dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus isaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus, jiffaċilita x-xogħol tal-Unitajiet Nazzjonali ta’ Intelligence Finanzjarja (FIUs) biex jiġu identifikati u segwiti trasferimenti suspettużi ta’ flus u skambji ta’ informazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tat-trasferimenti ta’ fondi fl-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Fil-kuntest ta’ strumenti tal-PESK, jistgħu jiġu esplorati miżuri restrittivi adattati u effettivi biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu.

Azzjoni 16: Il-Kummissjoni se tuża l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu biex tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu.

4.6.Il-bini tar-reżiljenza kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti

Għalkemm atti terroristiċi u ta’ estremiżmu vjolenti mhumiex fihom infushom ta’ natura ibrida, l-atturi tat-theddid ibridu jista’ jkollhom fil-mira u jirreklutaw membri vulnerabbli tas-soċjetà, filwaqt li jirradikalizzawhom permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni moderni (inklużi permezz tal-midja soċjali u ta' gruppi li jaġixxu f'isem ħaddieħor fuq l-internet) u tal-propaganda.

Sabiex tindirizza l-kontenut estremist fuq l-Internet, il-Kummissjoni – fi ħdan il-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali – qed tanalizza l-ħtieġa għal miżuri ġodda potenzjali, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Dan jista’ jinkludi proċeduri rigorużi biex jitneħħa l-kontenut illegali, waqt li jiġi evitat li jitneħħa l-kontenut legali (“avviż u azzjoni”) u għal responsabbiltà u diliġenza dovuta akbar mill-intermedjarji fit-tmexxija tan-netwerks u tas-sistemi tagħhom. Dan ikun jikkomplementa l-approċċ volontarju preżenti, fejn il-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali (b’mod partikolari taħt il-kappa tal-Forum tal-UE dwar l-Internet) u f’kooperazzjoni mal-Unità tal-Europol ta’ Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet, ineħħu mingħajr dewmien il-propaganda terroristika.

Fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, ir-radikalizzazzjoni qed tiġi indirizzata permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki, inkluża l-kooperazzjoni fil-pajjiżi terzi. Il-Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja għandu l-għan li jsaħħaħ l-iżvilupp u t-tixrid ta’ messaġġi alternattivi biex jiġġieled il-propaganda terroristika. In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni jappoġġja lill-Istati Membri u lill-prattikanti, li jkollhom bżonn jinteraġixxu ma’ individwi radikalizzati (inklużi ġellieda terroristi barranin) jew ma’ dawk meqjusa vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni. In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni jipprevedi attivitajiet ta’ taħriġ u pariri u se joffri appoġġ lil pajjiżi terzi ta’ prijorità, fejn ikun hemm ir-rieda li jikkollaboraw. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda trawwem kooperazzjoni ġudizzjarja bejn atturi tal-ġustizzja kriminali, inkluż il-Eurojust, biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni madwar l-Istati Membri, inkluż it-trattament ta’ ġellieda terroristi barranin u l-ġellieda barranin li jirritornaw lura f'pajjiżhom.

Filwaqt li tikkomplementa l-approċċi msemmija hawn fuq fl-azzjoni esterna tagħha, l-UE tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, inkluż permezz ta’ impenn u attivitajiet ta' komunikazzjoni esterni, tal-prevenzjoni (kontra r-radikalizzazzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu), kif ukoll permezz ta’ miżuri biex jindirizzaw fatturi ekonomiċi, politiċi u tas-soċjetà sottostanti li jipprovdu opportunitajiet biex il-gruppi terroristiċi jitkattru.

Azzjoni 17: Il-Kummissjoni qed timplimenta l-azzjonijiet kontra r-radikalizzazzjoni stipulati fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, u qed tanalizza l-ħtieġa li jissaħħu l-proċeduri għat-tneħħija ta’ kontenut illegali, filwaqt li titlob għad-diliġenza dovuta tal-intermedjarji fit-tmexxija tan-netwerks u tas-sistemi.

4.7.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Kif inhu ssottolinjat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-UE żiedet l-enfasi tagħha fuq il-bini tal-kapaċitajiet f’pajjiżi sħab fis-settur tas-sigurtà, fost l-oħrajn, permezz ta’ bini fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u l-iżvilupp tad-dimensjoni tas-sigurtà tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta 44 . Dawn l-azzjonijiet jistgħu wkoll jippromwovu r-reżiljenza tas-sħab għal attivitajiet ibridi.

Il-Kummissjoni biħsiebha tintensifika aktar l-iskambju tal-informazzjoni operattiva u strateġika mal-pajjiżi tat-tkabbir u fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Viċinat tan-Nofsinhar kif xieraq biex tiġġieled il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar ta’ armi ħfief. Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-UE qed issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi billi tistabbilixxi djalogi ta’ sigurtà mtejba u Pjanijiet ta’ Azzjoni aġġornati. 

L-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE għandhom l-għan li jibnu istituzzjonijiet funzjonali u responsabbli f’pajjiżi terzi 45 li huma prerekwiżit għal reazzjoni effettiva għat-theddid għas-sigurtà u għat-titjib tar-reżiljenza. F’dan il-kuntest, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-bini ta' kapaċità b’appoġġ għas-sigurtà u l-iżvilupp 46 huma għodod ewlenin. Taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 47 , il-Kummissjoni żviluppat azzjonijiet biex jiżdiedu ċ-ċiberreżiljenza u l-kapaċitajiet tas-sħab li jidentifikaw u jirreaġixxu għal attakki ċibernetiċi u għall-kriminalità ċibernetika, li jistgħu jiġġieldu t-theddid ibridu fil-pajjiżi terzi. L-UE qed tiffinanzja attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità fil-pajjiżi sħab biex jittaffew ir-riskji tas-sigurtà marbuta ma’ kwistjonijiet tas-CBRN 48 .

Fl-aħħar nett, fl-ispirtu tal-approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet, l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw għodod u missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), b’mod indipendenti jew biex jikkomplementaw l-istrumenti użati tal-UE, sabiex jassistu s-sħab fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom. L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati: (i) appoġġ għall-komunikazzjoni strateġika, (ii) appoġġ ta' konsulenza għall-ministeri ewlenin esposti għat-theddid ibridu; (iii) appoġġ addizzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri f'każ ta' emerġenza. Jistgħu jiġu esplorati aktar sinerġiji bejn l-istrumenti tal-PSDK u l-atturi fil-qasam tas-sigurtà, tad-dwana u tal- ġustizzja, inklużi l-aġenziji rilevanti tal-UE 49 , l-INTERPOL u l-Forza tal-Ġendarmerija Ewropea, skont il-mandati tagħhom.

Azzjoni 18: Ir-Rappreżentant Għoli, f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, se tniedi stħarriġ dwar ir-riskju ibridu fir-reġjuni tal-viċinat.

Ir-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jużaw l-istrumenti għad-dispożizzjoni rispettiva tagħhom biex jibnu l-kapaċitajiet tas-sħab tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għal theddid ibridu. Il-missjonijiet tal-PSDK ikunu jistgħu jintbagħtu, b’mod indipendenti jew biex jikkomplementaw l-istrumenti tal-UE, biex jassistu s-sħab fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom.

5. il-prevenzjoni tal-kriżijiet, ir-reazzjoni għalihom u l-irkupru minnhom

Kif spjegat fit-Taqsima 3.1, iċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu proposta għandha l-għan li tanalizza l-indikaturi rilevanti għall-prevenzjoni u għar-reazzjoni għat-theddid ibridu u li tinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE. Filwaqt li l-obbligazzjonijiet jistgħu jittaffew permezz ta’ linji politiċi fit-tul fil-livell nazzjonali u tal-UE, fit-terminu l-qasir jibqa’ essenzjali li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni sabiex jipprevjenu, jirreaġixxu u jirkupraw minn theddid ibridu b’ħeffa u b’mod ikkoordinat.

Reazzjoni rapida għall-avvenimenti xprunati minn theddid ibridu hija essenzjali. F’dan ir-rigward, il-faċilitazzjoni tal-azzjonijiet tal-protezzjoni ċivili u tal-kapaċitajiet nazzjonali permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza 50 tista' tkun mekkaniżmu ta' reazzjoni effikaċi għal aspetti ta’ theddid ibridu li jeħtieġu reazzjoni ta’ protezzjoni ċivili. Dan jista’ jinkiseb b’koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi ta’ reazzjoni tal-UE oħrajn u mas-sistemi ta’ twissija bikrija, b’mod partikolari mas-Situation Room tas-SEAE dwar id-dimensjonijiet tas-sigurtà esterna u maċ-Ċentru ta’ Analiżi Strateġika u ta’ Reazzjoni dwar is-sigurtà interna.

Il-klawsola ta’ solidarjetà (l-Artikolu 222 TFUE) tippermetti għal azzjoni tal-Unjoni, kif ukoll azzjoni bejn l-Istati Membri, jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem. L-azzjoni min-naħa tal-Unjoni biex tassisti lill-Istat Membru hija implimentata permezz tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE 51 . L-arranġamenti għall-koordinazzjoni fil-Kunsill għandhom jibbażaw fuq l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi 52 . Skont dawn l-arranġamenti, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli (fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom), jidentifikaw l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni u jippreżentaw proposti lill-Kunsill għal deċiżjonijiet dwar miżuri eċċezzjonali.

L-Artikolu 222 TFUE jindirizza wkoll sitwazzjonijiet li jinvolvu assistenza diretta minn Stat Membru wieħed jew aktar lil Stat Membru li jkun esperjenza attakk terroristiku jew diżastru. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE ma tapplikax. Minħabba l-ambigwità assoċjata ma’ attivitajiet ibridi, l-applikabbiltà tal-aħħar għażla possibbli tal-Klawżola ta’ Solidarjetà għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli (fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom), f’każ li Stat Membru tal-UE jkun suġġett għal theddid ibridu sinifikanti.

B'kuntrast mal-Artikolu 222 TFUE, jekk theddidiet ibridi multipli serji jikkostitwixxu aggressjoni armata kontra Stat Membru tal-UE, l-Artikolu 42(7) TUE jista' jiġi invokat biex jipprovdi reazzjoni xierqa u f'waqtha. Manifestazzjoni serja u b’firxa wiesgħa ta’ theddid ibridu tista’ tirrikjedi wkoll aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni man-NATO.

Meta jkunu qed iħejju l-forzi tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġin jieħdu f’kunsiderazzjoni t-theddid ibridu potenzjali. Sabiex ikunu ppreparati biex jieħdu deċiżjonijiet malajr u b’mod effettiv f’każ ta’ attakk ibridu, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu eżerċizzji regolari, fuq livell politiku u ta’ ħidma, biex jittestjaw il-ħila deċiżjonali nazzjonali u multinazzjonali. L-għan għandu jkun li jkun hemm protokoll operattiv komuni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, li jiddeskrivi l-proċeduri effettivi li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ theddid ibridu, mill-ewwel fażi ta’ identifikazzjoni għall-fażi finali ta’ attakk, u jimmappja r-rwol ta’ kull istituzzjoni u attur tal-Unjoni fil-proċess.

Bħala komponent importanti tal-PSDK, l-involviment jista’ jipprovdi (a) taħriġ ċivili u militari, (b) missjonijiet ta’ konsulenza u pariri biex jitjiebu s-sigurtà u l-kapaċità ta' difiża ta’ stat mhedded, (c) ippjanar ta’ kontinġenza biex jidentifika sinjali ta’ theddid ibridu u jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija, (d) appoġġ għal ġestjoni tal-kontroll fil-fruntieri, f’każ ta’ emerġenza, (e) appoġġ f’oqsma speċjalizzati, bħat-tnaqqis tar-riskju tas-CBRN u l-evakwazzjoni mhux tal-kumbattenti.

Azzjoni 19: Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se jistabbilixxu protokoll operattiv komuni u jwettqu eżerċizzji regolari biex itejbu l-kapaċità deċiżjonali strateġika b’reazzjoni għal theddid ibridu kumpless abbażi tal-proċeduri għall-Ġestjoni tar-Riskju u tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi.

Azzjoni 20: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, (fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom), se jeżaminaw l-applikabbiltà u l-implikazzjonijiet prattiċi tal-Artikoli 222 TFUE u tal-Artikolu 42(7) TUE f'każ li jseħħ attakk ibridu serju u b'firxa wiesgħa.

Azzjoni 21: Ir-Rappreżentant Għoli, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se tintegra, tisfrutta u tikkoordina l-kapaċitajiet ta’ azzjoni militari biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu fi ħdan il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

6.Aktar kooperazzjoni man-NATO

It-theddid ibridu jirrappreżenta sfida mhux biss għall-UE iżda wkoll għal organizzazzjonijiet sħab ewlenin oħra inklużi n-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u b’mod partikolari n-NATO. Reazzjoni effikaċi tirrikjedi djalogu u koordinazzjoni kemm fil-livell politiku kif ukoll fil-livell operattiv bejn l-organizzazzjonijiet. Interazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u n-NATO trendi liż-żewġ organizzazzjonijiet f’pożizzjoni aħjar biex iħejju u jirreaġixxu għat-theddid ibridu b’mod effettiv b’manjiera kumplimentari u ta’ appoġġ reċiproku bbażata fuq il-prinċipju ta’ inklużjoni, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija deċiżjonali u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta taż-żewġ organizzazzjonijiet.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet jikkondividu ċerti valuri u jiffaċċjaw sfidi simili. L-Istati Membri tal-UE u l-Alleati tan-NATO bl-istess mod jistennew li l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom jappoġġawhom, jaġixxu malajr, b’mod deċiżiv u kkoordinat fil-każ ta’ kriżi, jew idealment biex tiġi evitata kriżi. Ġew identifikati għadd ta’ oqsma għal kooperazzjoni u koordinazzjoni eqreb bejn l-UE u n-NATO, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċibersigurtà u l-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-reazzjoni għalihom. Id-djalogu informali li għaddej bejn l-UE u n-NATO dwar it-theddid ibridu għandu jissaħħaħ sabiex jissinkronizza l-attivitajiet taż-żewġ organizzazzjonijiet f’dan il-qasam.

Sabiex jiġu żviluppati reazzjonijiet UE/NATO kumplementari, huwa importanti li t-tnejn li huma jikkondividu l-istess stampa ta' għarfien tas-sitwazzjoni qabel u matul il-kriżi. Dan jista’ jsir permezz ta’ kondiviżjoni regolari ta’ analiżijiet u tagħlimiet identifikati, iżda wkoll permezz ta’ kollegament dirett bejn iċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u ċ-ċellola kontra t-theddid ibridu tan-NATO. Huwa daqstant importanti li jkun hemm sensibilizzazzjoni reċiproka tal-proċeduri tal-immaniġġar tal-kriżijiet rispettivi ta’ xulxin biex ikunu żgurati reazzjonijiet ta’ malajr u effettivi. Ir-reżiljenza tista’ tissaħħaħ billi tiżgura l-komplementarjetà fit-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment għal partijiet kritiċi tal-infrastrutturi tagħhom, kif ukoll kollaborazzjoni mill-qrib fil-komunikazzjoni strateġika u ċ-ċiberdifiża. Eżerċizzji konġunti kompletament inklużivi kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, jikkontribwixxu għat-titjib tal-effettività tal-kapaċità deċiżjonali rispettiva taż-żewġ organizzazzjonijiet. It-tiftix ta' aktar alternattivi fl-attivitajiet ta’ taħriġ jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ livell komparabbli ta’ kompetenza f’oqsma kritiċi.

Azzjoni 22: Ir-Rappreżentant Għoli, f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, se tkompli d-djalogu informali u t-titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni man-NATO dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, iċ-ċibersigurtà u "l-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-reazzjoni għalihom" sabiex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ inklużività u awtonomija tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull organizzazzjoni.

7.Konklużjonijiet

Din il-Komunikazzjoni Konġunta tiddeskrivi azzjonijiet imfassla biex jgħinu biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u titrawwem ir-reżiljenza fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, kif ukoll mas-sħab. Billi l-enfasi hija fuq it-titjib tas-sensibilizzazzjoni, qed jiġi propost li jiġu stabbiliti mekkaniżmi dedikati għall-iskambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri u għall-koordinazzjoni tal-kapaċità tal-UE biex twassal il-komunikazzjonijiet strateġiċi. Ġew deskritti azzjonijiet biex tinbena r-reżiljenza f’oqsma bħalma huma ċ-ċibersigurtà, l-infrastruttura kritika, il-protezzjoni tas-sistema finanzjarja minn użu illeċitu u sforzi biex jiġu miġġielda l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni. F’kull wieħed minn dawn l-oqsma, l-implimentazzjoni tal-istrateġiji miftehma mill-UE u l-Istati Membri, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Istati Membri se tkun l-ewwel pass ewlieni, filwaqt li tressqu xi azzjonijiet aktar konkreti biex ikomplu jsaħħu dawn l-isforzi.

Rigward il-prevenzjoni tat-theddid ibridu, ir-reazzjoni għalih u l-irkupru minnu, qed jiġi propost li wieħed jeżamina l-fattibbiltà tal-applikazzjoni tal-Klawżola ta' Solidarjetà tal-Artikolu 222 TFUE (kif speċifikat fid-Deċiżjoni rilevanti) u l-Artikolu 42(7) TUE, f'każ li jseħħ attakk ibridu serju u b'firxa wiesgħa. Il-kapaċità deċiżjonali strateġika tista’ tissaħħaħ permezz tal-istabbiliment ta’ protokoll operattiv komuni.

Fl-aħħar nett, qed jiġi propost li jitħaffu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO fi sforzi komuni biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu.

Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas Konġunt, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni huma impenjati fil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti rilevanti tal-UE għad-dispożizzjoni rispettiva tagħhom. Huwa importanti li l-UE, flimkien mal-Istati Membri, taħdem biex tnaqqas ir-riskji assoċjati mal-esponiment għat-theddid ibridu potenzjali minn atturi statali u mhux statali.

(1) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), Mejju 2015 [Consilium 8971/15]
(2) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Ġunju 2015   [EUCO 22/15].
(3) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet u fuq l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.
(4) Il-proposti leġiżlattivi possibbli se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, SWD(2015) 111.
(5) COM(2015) 185 final.
(6) Għandhom jiġi ppreżentati fl-2016.
(7) Il-Qafas ta’ Politika għaċ-Ċiberdifiża tal-UE [Consilium 15585/14] u l-Komunikazzjoni Konġunta dwar "L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur", Frar 2013 [JOIN(2013)1].
(8) Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija”, Mejju 2014 [SWD(2014) 330].
(9) Il-Komunikazzjoni konġunta “Għal qasam marittimu globali miftuħ u sigur: l-elementi għal Strateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea” — JOIN(2014) 9 final — 06/03/2014.
(10) Skont il-mandati tagħhom.
(11) Pereżempju, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità u ċ-Ċentru Kontra t-Terroriżmu tal-Europol, il-Frontex, l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERT)-EU).
(12) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995.
(13) Ċentri ta' Eċċellenza tan-NATO.
(14) Pereżempju, l-Istitut tal-UE għall-Istudji dwar is-Sigurtà (EU ISS), iċ-Ċentri tematiċi ta’ Eċċellenza tal-UE dwar kwistjonijiet CBRN.
(15) http://www.nato.int/cps/en/natohq/topics_68372.htm.
(16) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika,12.12.2006, COM(2006) 786 final.
(17) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjonital-infrastruttura kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom, ĠU L 345, 23.12.2008.
(18)

Dwar il-progress miksub s’issa, ara l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015 (COM(2015) 572 final.

(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat-8 ta' Lulju 2014.
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom.
(21) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002; Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet.  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1998 tal-5 ta' Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni; Id-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet;
(22)

 Skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni hija mitluba tagħmel spezzjonijiet biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u dawk marittimi. Dan jinkludi spezzjonijiet tal-awtorità xierqa fl-Istat Membru, kif ukoll spezzjonijiet fl-ajruporti, fil-portijiet, fuq il-linji tal-ajru, fuq il-bastimenti u fuq entitajiet li jimplimentaw miżuri ta' sigurtà. L-għan tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni huwa li jkun żgurat li l-istandards tal-UE jiġu implimentati kompletament mill-Istati Membri.

(23) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/4 tal-5 ta' Jannar 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti essenzjali għall-ħarsien tal-ambjent; Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-20/02/2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.
(24) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa, COM/2015/0598 final, 7.12.2015
(25) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-17002-2014-INIT/mt/pdf F’Diċembru 2014, il-Kunsill adotta Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea;  
(26) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ, COM (2014) 527 final.
(27) Ara d-Deċiżjoni Nru 541/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(28) Bħal pereżempju twissijiet għall-evitar ta’ kolliżjoni fl-orbita, allerti dwar tkissir jew ħabtiet u dħul mill-ġdid riskjuż ta' oġġetti spazjali fl-atmosfera tad-dinja.
(29) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, ĠU L 293/1, 05.11.2013.
(30) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5383 tas-7.8.2015 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-konsumatur u l-ambjent.
(31) f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, ĠU L 293/1.
(32) Ir-Regolament 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ("il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali"), ĠU L84), 31/3/2016. Rigward ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri Protettivi kontra l-pesti tal-pjanti (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”), intlaħaq ftehim politiku dwar it-test mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fis-16 ta’ Diċembru 2015.
(33) Pereż. banek tat-tilqim tal-UE, sistema ta’ informazzjoni elettronika sofistikata dwar il-mard tal-annimali, żieda fl-obbligu għal miżuri minn laboratorji u entitajiet oħra li jittrattaw ma’ patoġeni.
(34) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni COM(2013) 48 final - 7/2/2013. Intlaħaq ftehim politiku mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew dwar din id-Direttiva proposta, u d-Direttiva għandha tiġi adottata formalment f'qasir żmien.
(35) L-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) għall-istituzzjonijiet tal-UE.
(36) Għandha titnieda f’nofs l-2016.
(37) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija - COM/2014/0330 final.
(38) Komunikazzjoni dwar “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares’ il quddiem - COM/2015/080 final.
(39)  Ċentru tal-UE ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-Inċidenti u t-Theddid — ITIS.
(40) Fil-forma tal-Pjattaforma taċ-Ċibersigurtà ta’ Esperti fl-Enerġija (EECSP).
(41) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni
(42) Ir-Regolament il-ġdid tal-EASA li bħalissa qed jiġi diskuss bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill wara l-proposta tal-Kummissjoni f’Diċembru 2015. Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - COM(2015) 613 final, 2015/0277 (COD).
(43) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu - (COM(2016) 50 final)
(44) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, 18.11.2015, JOIN(2015) 50 final.
(45)

 Idem; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE dwar it-Tkabbir, 10.11.2015, COM(2015) 611 final; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, 13.10.2011, KUMM(2011) 637 final.

(46) Il-Komunikazzjoni Konġunta "It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp - L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet (JOIN(2015)17final).
(47) Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77/1, 15.3.2014.
(48) L-oqsma koperti jinkludu l-monitoraġġ tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-ewwel reazzjoni, it-traffikar illeċitu, il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, is-sorveljanza u l-kontroll tal-mard, il-forensika nukleari, l-irkupru wara l-inċidenti u l-protezzjoni tal-faċilitajiet ta’ riskju għoli. L-aħjar prattiki li ġejjin minn għodda żviluppati fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE, bħaċ-Ċentru Ewropew għat-taħriġ fis-sigurtà nukleari u s-sehem tal-UE fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Monitoraġġ tal-Fruntieri Internazzjonali, jistgħu jiġu kondiviżi ma’ pajjiżi terzi.
(49) EUROPOL, FRONTEX, CEPOL, EUROJUST
(50) http://ec.europa.eu/echo/what/civil-protection/emergency-response-coordination-centre-ercc_en.
(51) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà, ĠU L 192, 1.7.2014, p. 53.
(52) http://www.consilium.europa.eu/mt/documents-publications/publications/2014/eu-ipcr/   
Top