EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0831

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tielet rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina

COM/2016/0831 final

Brussell, 21.12.2016

COM(2016) 831 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tielet rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina


I.    INTRODUZZJONI

Dan huwa t-tielet rapport ta' kull xahar dwar il-progress li sar biex tinbena Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi taħt iż-żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta' reżiljenza kontra dan it-theddid. L-attakk beżżiegħ u ta’ min jistmerru ta’ Berlin fid-19 ta’ Diċembru u l-attakki terribbli l-oħrajn jerġgħu jfakkruna fid-dgħufija tagħna u fil-ħtieġa li nkomplu naħdmu flimkien biex insaħħu s-sigurtà kollettiva tagħna biex nipproteġu l-libertajiet u l-istil ta’ ħajja tagħna. Matul dan il-perjodu ta’ rappurtar sar progress konkret dwar il-limitazzjoni tal-ispazju li fih jistgħu jiċċaqalqu t-terroristi u dawk li jappoġġjawhom. Dan ir-rapport jenfasizza l-pakkett tal-finanzjament tat-terroriżmu ġdid adottat illum, u dan huwa pass importanti biex naslu għall-bażi tar-riżorsi finanzjarji li jsostnu t-terroriżmu. Sabiex ikompli jingħalaq l-ispazju għat-terroristi, il-Kummissjoni qed ittejjeb ukoll l-iskambju tal-informazzjoni, billi tadotta sett ta’ proposti biex issaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Matul dan il-perjodu ta’ rappurtar, kien hemm ukoll progress sinifikanti dwar fajls leġiżlattivi prinċipali tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri tagħna. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa laħqu ftehim politiku dwar id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar u r-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jippermettu kontrolli sistematiċi fuq ċittadini tal-UE.

Sar progress importanti wkoll fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni onlajn. It-tieni laqgħa ta’ livell għoli tal-Forum tal-UE dwar l-Internet wasslet l-aħbar  ta’ inizjattiva minn pjattaformi ewlenin tal-internet ta’ kondiviżjoni ta’ hashes, li tippermetti li l-kumpaniji parteċipanti jużaw “hashes” biex jidentifikaw il-preżenza ta’ kontenut terroristiku, sabiex jiżguraw it-tneħħija permanenti tiegħu. Din l-għodda l-ġdida hija mistennija li tkompli tnaqqas l-aċċess tal-organizzazzjonijiet terroristiċi għal mezz ewlieni użat għall-propaganda, għar-reklutaġġ u għar-radikalizzazzjoni. Waqt il-Forum, il-Kummissjoni nediet ukoll Programm ta’ Emanċipazzjoni tas-Soċjetà Ċivili, b’finanzjament ta’ EUR 10 miljun, biex tappoġġja lis-sħab tas-soċjeta ċivili biex iżidu l-volum ta’ narrattivi onlajn effettivi u alternattivi.

Kien hemm ukoll żviluppi ewlenin f’għadd ta’ oqsma oħra. Meta wieħed iqis l-importanza vitali ta’ implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-Direttiva tar-Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR - Passenger Name Record), il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ implimentazzjoni tal-PNR biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Pjan ta’ Azzjoni biex issaħħaħ ir-reazzjoni Ewropea kontra l-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi rakkomandazzjonijiet operazzjonali biex l-Istati Membri jindirizzaw il-problema li qed tikber ta’ frodi tad-dokumenti tal-ivjaġġar, inkluż ir-reġistrazzjoni tal-identità, il-ħruġ ta’ dokumenti, il-produzzjoni ta’ dokumenti u l-kontroll ta’ dokumenti.  Fl-aħħar nett, biex tgħin tipproteġi liċ-ċittadini u lill-infrastrutturi kritiċi, il-Kummissjoni indirizzat is-sigurtà tal-grilji enerġetiċi tagħna fil-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija adottat fit-30 ta’ Novembru. Il-pakkett huwa mfassal biex jappoġġja lill-Istati Membri rigward valutazzjonijiet tar-riskju, tħejjija għar-riskji u l-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi rigward is-sistemi tal-elettriku tal-Unjoni.

II.    LIĠIJIET ĠODDA TAL-UE GĦALL-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU U L-KRIMINALITÀ ORGANIZZATA

Reati terroristiċi

Wara negozjati intensivi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku fis-17 ta’ Novembru dwar il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2015 għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu 1 . Dan huwa pass kruċjali fil-ġlieda tagħna kontra t-terroristi u dawk li jappoġġjawhom. Id-Direttiva tikkonsolida l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-istandards internazzjonali 2 dwar il-kriminalizzazzjoni tar-reati terroristiċi u tinkorpora reati “ġodda” relatati mat-terroriżmu li jinkludu l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ivjaġġar barra mill-pajjiż biex iwettqu reat terroristiku jew jipparteċipaw f’kamp ta’ taħriġ – kif ukoll jirritornaw lura minn dawn l-attivitajiet, jagħtu jew jingħataw taħriġ. Dan huwa element ewlieni fil-ġlieda kontra l-ġellieda terroristi barranin. Id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jintlaħqu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu b’informazzjoni, appoġġ u protezzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa jridu jadottaw it-test formalment malajr u l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri se jkun ta’ 18-il xagħar.

Kontroll tal-armi tan-nar

Wara proposta tal-Kummissjoni f’Novembru 2015 u diversi sejħiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, intlaħaq ftehim politiku fit-13 ta’ Diċembru 2016 bejn il-koleġiżlaturi dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Armi tan-Nar 3 . Dan huwa pass vitali biex jitwaqqaf l-aċċess legali għal armi tal-assalt ta’ livell militari. Id-Direttiva riveduta twessa’ l-firxa ta’ armi projbiti u li għaldaqstant jaqgħu taħt l-aktar kontroll strett tal-Kategorija A, inkluż l-armi awtomatiċi kkonvertiti għal semiawtomatiċi u armi semiawtomatiċi mgħammra b’kompartimenti u apparat għall-ikkargar ta’ kapaċità għolja ta’ skrataċ. Fil-futur, mhux se jkun aktar possibbli li dawn l-armi jinbiegħu jew jiġu nnegozjati għajr għal grupp żgħir definit sew ta’ detenturi ta’ liċenzja – bħal mużewijiet jew tiraturi sportivi - li jkunu soġġetti għal rekwiżiti strinġenti ta’ sigurtà u ta’ monitoraġġ. Għall-ewwel darba, se jitpoġġew limiti fuq id-daqs tal-kompartimenti għall-iskrataċ kemm għall-armi semiawtomatiċi b’kanna qasira kif ukoll għal dawk b’kanna twila u l-komponenti essenzjali kollha tal-armi tan-nar iridu jiġu mmarkati u rreġistrati 4 .

Filwaqt li ssaħħu l-kontrolli fuq armi tan-nar b’pussess legali, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiħrax fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ armi tan-nar, speċjalment fil-Balkani tal-Punent, kif huwa previst fil-Pjan ta’ Azzjoni 2015-2019. Il-Laqgħa ministerjali mal-Balkani tal-Punent fis-16 ta’ Diċembru kienet stadju importanti għal din il-kwistjoni u l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent adottaw dikjarazzjoni konġunta sabiex jenfasizzaw il-passi li jeħtieġ li jittieħdu għal ġlieda aktar effettiva kontra t-traffikar illegali ta’ armi tan-nar kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-Balkani tal-Punent.

Il-Kummissjoni kompliet tirrestrinġi miżuri dwar prekursuri tal-isplussivi sabiex tagħmilha aktar diffiċli biex it-terroristi jaċċessaw il-materja prima użata fil-manifattura illeċita tal-isplussivi. Ir-regoli armonizzati dwar id-disponibbiltà, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jintużaw b’mod skorrett għall-manifattura illeċita tal-isplussivi huma definiti fir-Regolament (UE) Nru 98/2013 sabiex jillimitaw id-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u jiżguraw rappurtar adegwat ta’ tranżazzjonijiet suspettużi fil-katina tal-provvista kollha. Ġew adottati tliet Regolamenti Delegati 5 biex jikkontrollaw l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi fuq trab tal-aluminju, trab tal-manjeżju u nitrat tal-manjeżju. Ir-Regolamenti jpoġġu obbligu ta’ rappurtar strett fuq il-bejgħ ta’ sustanzi ta’ prekursuri biex jipprevjenu d-diverżjoni tagħhom lejn il-manifattura illeċita ta’ splussivi magħmulin id-dar.

Kontrolli sistematiċi mal-fruntiera

Filwaqt li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz diġà huma soġġetti għal kontrolli sistematiċi tad-dokumenti u ta’ sigurtà mal-bażijiet ta’ dejta rilevanti mad-dħul, ir-riforma mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 6 , miftiehma mal-koleġiżlaturi fil-5 ta’ Diċembru, tintroduċi kontrolli sistematiċi obbligatorji taċ-ċittadini tal-UE mal-bażijiet ta’ dejta rilevanti. Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz issa wkoll se jkollhom jiġu kkontrollati sistematikament mal-ħruġ mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u mal-bażi ta’ dejta tal-Interpol dwar Dokumenti Misruqa jew Mitlufa. Din l-emenda se tgħin biex jiġu identifikati l-individwi kollha mfittxija li jkun ħareġ allert għalihom - inkluż ġellieda terroristi barranin.

III.    TWETTIQ TAL-PJAN TA’ AZZJONI BIEX TIĦRAX IL-ĠLIEDA KONTRA L-FINANZJAMENT TAT-TERRORIŻMU

Sabiex tindirizza l-firxa wiesgħa ta’ mezzi użati mit-terroristi biex jiġbru u jċaqalqu l-fondi, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv biex tiħrax il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu fi Frar 2016 7 . Illum, il-Kummissjoni adottat pakkett ġdid ta’ proposti biex twettaq l-azzjonijiet li impenjat ruħha li tiffinalizza sa tmiem l-2016. L-istrumenti proposti se jagħmluha kemm aktar diffiċli biex il-kriminali jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom kif ukoll aktar faċli biex jiġu rintraċċati t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom, imwaqqfa u mressqa quddiem il-ġustizzja. Il-miżuri jiffukaw fuq l-indirizzar tal-ħasil tal-flus u ċ-ċaqliq illeċitu tal-flus kontanti b’rabta mat-terroriżmu u mal-kriminalità, billi jtejbu l-iffriżar u l-konfiska tal-assi, u billi jesploraw kif jistgħu jtejbu l-identifikazzjoni u l-finanzjament ta’ movimenti ta’ terroristi.

1.Kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u identifikazzjoni taċ-ċaqliq illeċitu tal-flus kontanti

Biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jipproċedu kontra l-kriminali u t-terroristi u jpoġġuhom il-ħabs, dawn jeħtieġu dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali. Id-Direttiva proposta li tikkriminalizza l-ħasil tal-flus 8  se tipprovdi definizzjoni komprensiva tar-reati tal-ħasil tal-flus u tas-sanzjonijiet madwar l-UE. Din id-Direttiva se ssaħħaħ il-qafas eżistenti li jiġġieled kontra l-ħasil tal-flus. Se tiżgura wkoll li l-UE tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha f’dan il-qasam, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Varsavja 9 , kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u għaldaqstant tgħin ukoll biex tindirizza l-ostakli eżistenti għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija transfruntiera fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u ttejjeb l-infurzar. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-proposta tipprevjeni li l-kriminali jisfruttaw id-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-vantaġġ tagħhom u taġixxi bħala deterrent effettiv.

Sabiex isegwu dan ir-reat b’mod effettiv, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu għodod xierqa biex jidentifikaw lit-terroristi u lil dawk li jappoġġjawhom. Ir-Regolament eżistenti dwar Kontrolli ta’ Flus Kontanti 10 jeħtieġ li dawk li joħorġu jew jidħlu fl-UE b’EUR 10 000 jew aktar jagħmlu dikjarazzjoni f'dak ir-rigward. Madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal flus kontanti li jintbagħtu bil-posta, jew b’konsenji ta’ merkanzija jew permezz ta’ kurrier u l-awtoritajiet kompetenti ġibdu l-attenzjoni li l-kriminali bdew jibagħtu jew jirċievu flus permezz ta’ dawn il-konsenji sabiex jaħarbu mill-obbligu li jagħmlu dikjarazzjoni skont dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar Kontrolli ta’ Flus Kontanti jitlob biss li d-dejta dwar dikjarazzjonijiet “tkun disponibbli” mill-awtoritajiet kompetenti għall-unità tal-intelligence finanzjarja (UIF) tal-Istat Membru li fih tkun inġabret. Dan ir-rekwiżit kemxejn passiv jista’ jintlaħaq billi l-formoli ta’ dikjarazzjoni mimlija jkunu sempliċiment disponibbli għal spezzjoni mill-UIF. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed billi jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi trażmessa b’mod attiv lill-UIF sabiex tkun tista’ tanalizzaha. Barra minn hekk, id-dejta dwar dikjarazzjonijiet tista’ tkun skambjata ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn biss meta jkun hemm indikazzjonijiet ta’ attività illegali, u anke f’dan il-każ hija fakultattiva. Dan wassal għal implimentazzjoni inkonsistenti u kondiviżjoni sistematika fjakka tad-dejta.

Barra minn hekk, ir-Regolament attwali ma jippermettix li l-awtoritajiet iżommu l-flus kontanti temporanjament meta jidentifikaw ċaqliq ta’ ammonti taħt il-limitu li jkun hemm indikazzjonijiet ta’ attività illegali fir-rigward tagħhom. Tqajjem ukoll tħassib dwar id-definizzjoni imperfetta ta’ “flus kontanti”. U l-livelli ta’ implimentazzjoni tar-regoli eżistenti jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, ir-Regolament propost biex jindirizza ċ-ċaqliq illeċitu ta’ flus kontanti 11 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar Kontrolli ta’ Flus Kontanti biex jinkludi flus kontanti mibgħuta b’konsenja ta’ merkanzija jew bil-posta u se jippermetti li l-awtoritajiet jaġixxu fuq ammonti iżgħar ta’ flus kontanti meta jkun hemm suspetti ta’ attività illeċita; Il-proposta testendi wkoll l-obbligu li tiddikjara f’deheb (f’forom li jistgħu jintużaw bħala ħażna ta’ valur likwidu ħafna) u tipprevedi sistema ta’ dikjarazzjoni fuq talba (l-hekk imsejħa sistema “ta’ żvelar”) għal flus kontanti mċaqalqa bil-posta jew b’konsenja ta’ merkanzija.

2.Iffriżar ta’ assi

L-iffriżar ta’ assi huwa għodda effettiva li tipprevjeni li t-terroristi jużaw u jirċievu fondi u tfixkel il-kapaċità tagħhom li joperaw. Konfiska effettiva tfixkel is-sorsi ta’ dħul tal-organizzazzjonijiet terroristiċi fit-tul u ttellef lill-kriminali milli jagħmlu qligħ mill-assi tagħhom li ggwadanjaw illegalment.

Iffriżar u miżuri ta’ konfiska fi proċessi ġudizzjarji

Wieħed mill-modi kif dan jista’ jsir huwa billi jiġu ffriżati u kkonfiskati assi kriminali matul il-proċessi ġudizzjarji. Dan ifixkel is-sorsi ta’ dħul tal-organizzazzjonijiet terroristiċi fit-tul u jtellef lill-kriminali milli jużaw l-assi tagħhom li ggwadanjaw illegalment.

Sabiex tikkomplementa d-Direttiva tal-2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska 12 (li tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali) u anke d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu li ntlaħaq qbil dwarha reċentement (li tinkludi l-iffinanzjar tat-terroriżmu bħala reat kriminali awtonomu), il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u konfiska ta’ assi kriminali 13 . Il-proposta se tippermetti l-iffriżar u l-konfiska transfruntiera effiċjenti ta’ assi kriminali maħruġa fil-qafas ta’ proċessi kriminali, mingħajr formalitajiet intermedji. Flimkien, dawn l-istrumenti se jżidu l-possibbiltajiet li jiffriżaw u jikkonfiskaw assi relatati mat-terroriżmu u mal-kriminalità permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Dan huwa partikolarment importanti, billi l-iffriżar ġudizzjarju tal-assi fil-kuntest ta’ proċess kriminali jipprovdi aktar salvagwardji mill-iffriżar amministrattiv tal-assi.

Iffriżar amministrattiv tal-assi

Meta jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet finanzjarji marbuta mat-terroriżmu u mal-kriminalità, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jintraċċawhom u, jekk meħtieġ, jimblukkawhom u jiffriżaw l-assi korrispondenti. L-iffriżar amministrattiv tal-assi huwa għodda temporanja ta’ natura preventiva li tista’ tiġi applikata fin-nuqqas ta’ proċessi kriminali biex tipprevjeni li t-terroristi suspettati jużaw u jirċievu fondi.

It-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) titlob li l-Istati Membri jkollhom dispożizzjonijiet fis-seħħ li jiffriżaw mingħajr dewmien l-assi ta’ persuni jew entitajiet b’rabtiet mat-terroriżmu. In-nuqqas ta’ skemi tal-iffriżar tal-assi f’għadd żgħir ta’ Stati Membri kif ukoll il-fatt li ċerti skemi nazzjonali eżistenti mhumiex kompluti jew effettivi qajmu tħassib rigward il-konformità sħiħa mar-rekwiżiti internazzjonali. F’analiżi reċenti 14 , il-FATF tqis li 14-il Stat Membru tal-UE mhumiex kapaċi japplikaw miżuri ta’ ffriżar tal-assi għal dawk li l-FATF issejjaħ “terroristi interni tal-UE” 15 . Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE kisbet kompetenza espliċita permezz tal-Artikolu 75 TFUE biex tadotta miżuri amministrattivi kontra individwi u persuni ġuridiċi, gruppi u entitajiet mhux Statali fejn meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Frar, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tivvaluta l-ħtieġa għal sistema amministrattiva supplementari għall-iffriżar tal-assi ta’ terroristi fl-UE.  

F’termini tas-sigurtà attwali fl-Ewropa, fil-ġurnata tal-lum, l-ikbar theddida għas-sigurtà Ewropea għadha t-terroriżmu ispirat mill-ġiħadisti 16 , filwaqt li l-valutazzjoni tat-theddida kumplessiva minn gruppi terroristiċi oħrajn - b’eċċezzjonijiet żgħar ħafna - għadhom baxxi 17 . Għaldaqstant, il-valur miżjud f’termini tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-ġlieda kontra t-terroriżmu ta’ sistema skont l-Artikolu 75 TFUE bħalissa huwa meqjus bħala wieħed baxx.

Barra minn hekk, it-theddida attwali mit-terroriżmu internazzjonali hija koperta minn dispożizzjonijiet eżistenti skont id-dritt tal-UE. L-iskemi ta’ ffriżar tal-assi adottati skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) jippermettu l-iffriżar ta’ fondi u assi oħrajn marbutin mat-terroriżmu. Dan l-aħħar dawn l-iskemi ġew aġġornati u għall-ewwel darba jippermettu l-istabbiliment awtonomu ta’ għadd ta’ miżuri inkluż l-iffriżar tal-assi ta’ persuni marbutin mal-ISIL (Da’esh) u ma' Al Qaeda 18 . Is-sistema l-ġdida tippermetti l-imblukkar tal-fondi ta’ persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet jew li jipparteċipaw f’attivitajiet bħall-iffinanzjar, it-taħriġ, ir-reklutaġġ, l-inċitament għat-twettiq ta’ atti terroristiċi, kif ukoll l-ivjaġġar lejn l-UE jew barra minnha biex jipparteċipaw f’attivitajiet tal-ISIL (Da’esh) jew tal-Al Qaeda. Dawn l-iskemi japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll għaċ-ċittadini tal-UE, sakemm ikollhom rabta mat-terroriżmu internazzjonali. Dan ifisser li l-UE tista’ timblokka l-assi ta’ kwaunkwe terrorist li jopera fl-Ewropa minħabba li jkollhom rabtiet ma’ dawn il-gruppi.

Għal gruppi oħra li joperaw fl-UE, il-qafas imsaħħaħ tal-liġi kriminali jipprovdi aktar opzjonijiet li jimblukkaw il-fondi marbutin mat-terroriżmu milli fil-passat, b’aktar salvagwardji milli ffriżar amministrattiv tal-assi filwaqt li xorta jippermetti azzjoni rapida u effettiva.

Filwaqt li tqis il-valur addizzjonali limitat f’termini tal-attivitajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi ta’ skema ġdida adottata skont l-Artikolu 75 TFUE, li l-istrumenti eżistenti diġà jkopru l-ħtiġijiet li jirriżultaw minn theddid attwali, u ż-żieda fil-possibbiltajiet fil-kuntest tal-liġi kriminali tal-UE biex jiġu ffriżati l-assi relatati mat-terroriżmu, il-Kummissjoni ma tqisx li jeħtieġ li jittieħdu aktar passi f’dan il-mument. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-evoluzzjoni tat-theddid terroristiku fl-UE u se tanalizza l-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri fuq il-bażi tal-Artikolu 75 TFUE fuq bażi regolari.

3.Intraċċar tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu enfasizza li, fir-rigward tal-intraċċar tal-moviment ta’ fondi permezz ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji jew l-identifikazzjoni ta’ netwerks terroristiċi u affiljati magħhom, kemm l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) kif ukoll is-sistemi ta’ rintraċċar bħall-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP - Terrorist Financing Tracking Programme) huma għodod ewlenin. Madankollu, jenħtieġ li l-kapaċitajiet eżistenti jissaħħu biex jiffukaw kemm fuq operazzjonijiet ta’ ffinanzjar kumplessi u fuq skala kbira, kif ukoll fuq operazzjonijiet terroristiċi “low cost” li jużaw modi ġodda ta’ pagament li huma diffiċli li jiġu rintraċċati. Il-veloċità tar-reazzjoni hija essenzjali wkoll, peress li servizzi finanzjarji attwali jippermettu li t-terroristi jċaqalqu malajr ħafna l-fondi minn post għall-ieħor. Dan juri b’mod ċar il-ħtieġa li jitjiebu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ intelligence finanzjarja u tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Ir-rintraċċar ta’ tranżazzjonijiet internazzjonali permezz tal-ftehim dwar il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) bejn l-UE u l-Istati Uniti jidher li qed jiffunzjona b’mod effettiv. Wara valutazzjoni tal-impatt, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Novembru 2013 kkonkludiet li t-twaqqif ta’ sistema bbażata fl-UE (imsemmija TFTS, Terrorist Finance Tracking System) li tirdoppja t-TFTP mhuwiex proporzjonali jew iġib miegħu valur miżjud.

Madankollu, minħabba d-disinn li jevolvi malajr ta’ ffinanzjar terroristiku, xorta waħda ta’ min janalizza l-ħtieġa ta’ mekkaniżmi komplementari għat-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu ssodisfati kwalunkwe nuqqasijiet potenzjali (jiġifieri tranżazzjonijiet li huma esklużi mill-ftehim TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti - speċjalment pagamenti f’euro fl-UE - u li jista’ ma jkunx possibbli li jiġu rintraċċati mod ieħor).

L-ewwel nett, sa mill-2013, is-sitwazzjoni evolviet: it-theddid terroristiku mexa u r-riżorsi finanzjarji użati mit-terroristi ta’ spiss huma iżgħar u mhux neċessarjament jgħaddu minn sistemi ta’ trasferiment bħal dik koperta mit-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti. Tfaċċaw ukoll ħafna mezzi ġodda ta’ pagament li joffru modi ġodda biex it-terroristi jiffinanzjaw lilhom infushom.

Id-diskussjonijiet bejn l-Europol u l-Istati Membri jissuġġerixxu li sistema Ewropea li tikkomplementa t-TFTP bejn l-UE u l-Istati Uniti tista’ tagħti lill-awtoritajiet kompetenti stampa aktar sħiħa tat-tranżazzjonijiet finanzjarji rilevanti li huma attwalment nieqsa, mingħajr ma jkollha għalfejn tikkonsulta diversi bażijiet tad-dejta (l-aktar dawk limitati għal informazzjoni miżmuma fil-livell nazzjonali) u r-riskju relatat li tinqabeż informazzjoni kruċjali. Tippermetti wkoll kontroverifika ta’ dik l-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn. Flimkien ma’ intelligence oħra, tista’ tidentifika suspetti aktar bikrin f’investigazzjoni bil-ħsieb li tipprevjeni attakki, tipprovdi intelligence utli eżatt wara attakk, tippermetti identifikazzjoni aktar mgħaġġla tal-awturi u ta’ dawk li jappoġġjawhom, u tipprovdi evidenza importanti għall-prosekuzzjoni tat-terroristi.

Madankollu, jeħtieġ li l-valur miżjud ta’ sistema komplementari Ewropea jiġi bbilanċjat ma' kunsiderazzjonijiet oħra. Dan ikun jenħtieġ li jinkludi b’mod speċjali: (i) valutazzjoni tar-riskji ta’ mezz partikulari li għandu jintuża għall-iffinanzjar tat-terroriżmu, u l-proporzjonalità tal-miżura preveduta; (ii) il-kumplessità teknika, il-fattibbiltà u l-kostijiet tal-ġbir u tal-ipproċessar ta’ ammonti kbar ta’ dejta minn firxa wiesgħa ta’ entitajiet u l-impatt ekonomiku fuq dawn l-entitajiet; u (iii) l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment il-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali.

Kwistjoni ewlenija tkun il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema, speċjalment liema servizzi ta’ pagamenti u ta’ trasferiment ta’ flus kontanti jistgħu jiġu konklużi u liema entitajiet li jżommu informazzjoni finanzjarja jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni għal din is-sistema.

Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għat-trasferimenti elettroniċi taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA - Single Euro Payments Area) diġà jistgħu jipprovdu ċertu valur miżjud f’termini tal-eżekuzzjoni tal-liġi: il-maġġoranza taċ-ċelloli terroristiċi fl-Ewropa rċevew xi dħul minn sorsi legali - normalment riċevuti permezz tas-sistema ta’ bbankjar formali - u jużaw kontijiet bankarji u karti tal-kreditu kemm għall-attivitajiet ekonomiċi ta’ kuljum tagħhom kif ukoll għal spejjeż relatati mal-attakki. Il-fornituri potenzjali tad-dejta jkunu fornituri tas-servizzi tal-messaġġi finanzjarji u kmamar tal-ikklirjar awtomatizzati, iżda jistgħu jinkludu wkoll istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, filwaqt li sistema li tkopri t-trasferimenti SEPA tibbenefika minn qafas regolatorju eżistenti u standards komuni, din teskludi tranżazzjonijiet madwar l-UE f’valuti oħra għajr l-euro u bl-użu ta’ mezzi oħra ta’ pagamenti.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu koperti trasferimenti f’valuti oħrajn kif ukoll pagamenti b’karti tal-kreditu, tad-debitu u karti mħallsa minn qabel, fornituri ta’ kartieri elettroniċi, rimessi ta’ flus jew valuti virtwali jistgħu jkomplu jżidu l-valur miżjud f’termini tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Fl-istess ħin, tinvolvi ammont ta’ dejta u fornituri addizzjonali sinifikanti, li jista’ jkollhom impatt sinifikanti addizzjonali dwar il-kostijiet tas-sistema u l-proporzjonalità tagħha.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni se tkompli l-valutazzjoni tagħha u se tqis opzjonijiet biex tistabbilixxi sistema Ewropea li titraċċa l-iffinanzjar terroristiku, b’mod komplementari għat-TFTP eżistenti, inkluż l-impatt ta’ dawn l-opzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali. Meta wieħed iqis il-kumplessità teknika u legali tal-kwistjonijiet involuti, se tkun meħtieġa konsultazzjoni dettaljata mal-fornituri tas-servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni se tirraporta dwar is-sejbiet tagħha fis-sajf tal-2017:

Meta wieħed iħares ‘il quddiem, il-ħidma tat-twettiq sħiħ tal-Pjan ta’ Azzjoni biex tiħrax il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu se tkompli fl-2017, speċjalment dwar il-possibbiltà li jissaħħu s-setgħat tal-awtoritajiet doganali fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, billi tippreżenta proposta li tindirizza l-iffinanzjar tat-terroriżmu permezz tal-kummerċ ta’ oġġetti u kummerċ illeċitu f’oġġetti kulturali, u teżamina l-possibbiltajiet ta’ estensjoni tal-eżekuzzjoni tal-liġi u tal-aċċess ta’ awtoritajiet oħrajn għar-reġistri tal-kontijiet bankarji. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jipprijoritizzaw ir-reġistri leġiżlattivi diġà ppreżentati u jilħqu ftehim dwar ir-raba’ Direttiva riveduta dwar il-Ħasil tal-Flus mingħajr aktar dewmien 19 .

IV.    TISĦIĦ TAS-SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI U INDIRIZZAR TAL-PUNTI INVIŻIBBLI

Skambju effettiv u sistematiku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u sistemi ta’ informazzjoni b’saħħithom u interkonnessi huma għodod ewlenin biex jissaħu d-difiżi tagħna kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni qed tmexxi din il-ħidma ‘l quddiem billi tiżgura implimentazzjoni aħjar ta’ strumenti eżistenti mill-Istati Membri, u billi tħaffef il-ħidma tagħha lejn sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u intelliġenti għall-fruntieri u għas-sigurtà kif imnedija f’April 2016 20 . Dan għandu l-għan li jiżgura li l-awtoritajitet kompetenti sistematikament jkollhom l-informazzjoni meħtieġa minn sistemi ta’ informazzjoni differenti għad-dispożizzjoni tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi ta’ sigurtà attwali.

Aspett ewlieni tat-titjib tal-ġestjoni tal-informazzjoni fil-livell tal-UE huwa l-indirizzar tan-nuqqasijiet f’sistemi eżistenti u l-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat sett ta’ proposti biex issaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) bħala l-aktar strument ta’ skambju ta’ informazzjoni importanti u użat b’mod mifrux illum 21 . Abbażi tal-evalwazzjoni komprensiva, il-proposti ġodda tal-Kummissjoni 22 għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonalitajiet tas-sistema biex jissodisfaw il-ħtiġijiet operazzjonali.

Il-proposta se ttejjeb u testendi l-użu tas-SIS u l-valur miżjud tagħha għall-eżekuzzjoni tal-liġi u ssaħħaħ id-drittijiet ta’ aċċess ta’ Aġenziji tal-UE kompetenti bħall-Europol u l-Eurojust. Se testendi wħud mill-kategoriji ta’ allerti eżistenti u tipi ta’ kontrolli, tintroduċi kategorija ġdida ta’ allerti dwar “persuni mfittxija mhux magħrufin” u allert preventiv dwar tfal f’riskju għoli ta’ sekwestru. Se tintroduċi wkoll obbligu li jinħoloq allert tas-SIS f’każ li persuna tkun imfittxija b’rabta ma’ reat terroristiku. Il-proposta se ttejjeb ukoll l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn irregolari billi tintroduċi kategorija ġdida ta’ allerti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn. Barra minn hekk, il-proposta se tikkontribwixxi għall-infurzar effettiv ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-fruntieri esterni billi tagħmel l-introduzzjoni tagħhom fis-SIS obbligatorja. Il-proposta se tipprovdi funzjonalitajiet ġodda għas-sistema, bħal użu aktar effettiv tad-dejta bħal teħid tal-immaġni tal-wiċċ u tal-marki tas-swaba’. Se ttejjeb ukoll is-sigurtà tad-dejta u l-kwalità tad-dejta rreġistrata fis-SIS, pereżempju billi tipprevedi rekwiżiti uniformi għall-uffiċjali fuq il-post dwar kif jipproċessaw id-dejta tas-SIS b’mod sigur.

Il-proposta se ssaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta billi tintroduċi salvagwardji addizzjonali biex tiżgura li l-ġbir, l-ipproċessar u l-aċċess għad-dejta jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ, b’rispett sħiħ għal-leġiżlazzjoni tal-UE u għad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal rimedji effettivi.

Apparti t-titjib fil-funzjonament tas-sistemi eżistenti, il-ħidma se tkompli wkoll dwar kif is-sistemi ta’ informazzjoni jinteraġixxu ma’ xulxin. Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f’Settembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2016 jirreferu għall-importanza li jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tal-informazzjoni u għat-titjib fl-interoperabbiltà u fl-interkonnessjoni bejn is-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà tal-Kummissjoni qed jivvaluta l-opzjonijiet biex jilħaq dan l-objettiv. L-approċċ ta’ kooperazzjoni multidixxiplinari u bejn diversi aġenziji tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli kif deskritt fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, inkluż is-sinerġiji possibbli ma’ sistemi ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-eżekuzzjoni tal-liġi u awtoritajiet doganali kif stabbiliti fil-governanza tal-Unjoni Doganli tal-UE.

Sabiex iħaffef it-twassil, il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà fil-21 ta’ Diċembru, ippreżenta rapport interim tal-president bi proposta biex jinħoloq portal ta’ tfittxija uniku li jippermetti li l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tal-liġi u tal-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-post ifittxu simultanjament bażijiet tad-dejta u sistemi tal-informazzjoni tal-UE. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll iwettqu tifittxijiet simultanji mal-bażijiet tad-dejta tal-Europol, bis-saħħa ta’ sistema ta’ interfaċċa li l-Europol qed tiżviluppa mal-Istati Membri. Ir-rapport jenfasizza wkoll l-importanza tal-kwalità tad-dejta u jirrakkomanda li tittejjeb il-kwalità tad-dejta fis-sistema tal-UE.

Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli se jippreżenta r-rapport finali tiegħu fl-ewwel nofs tal-2017. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet u d-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-Kummissjoni se tqis miżuri biex tkompli tixpruna l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u żżid l-effettività tagħhom biex tindirizza t-theddid tas-sigurtà attwali.

IV. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi ‘l quddiem il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, u se tirrapporta dwar aktar progress f’Jannar. Ir-rapport f’Jannar se jiffoka fuq it-tisħiħ tad-difiżi tagħna – inkluż it-tmexxija ‘l quddiem tar-rapport interim tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-sistemi ta’ informazzjoni u l-interoperabbiltà.

(1)  COM (2015) 625 final
(2)  Inkluż il-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, u l-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF - Financial Action Task Force).
(3)  COM(2006) 93 final
(4)  Waqt il-laqgħa tal-COREPER tal-20 ta’ Diċemmbru 2016 dwar it-test miftiehem mill-koleġiżlaturi dwar id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, il-Kummissjoni iddikjarat li ddispjaċiha li l-Parlament u l-Kunsill ma appoġġjawx ċerti partijiet mill-proposta oriġinali li ffissaw livell ogħla ta’ ambizzjoni, b’mod partikulari l-proposta għal projbizzjoni totali tal-aktar armi semiawtomatiċi perikolużi.
(5)  C(2016) 7647 final, C(2016) 7650 final u C(2016) 7657 final
(6)  COM (2015)670 final
(7)  COM(2016)050 final
(8)  COM(2016)xxx
(9)  Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu tal-2005, CETS Nru 198 [li titlob li l-pajjiżi jikkriminalizzaw il-ħasil tar-rikavati ta’ firxa wiesgħa ta’ reati predikati (tipprovdi lista ta’ kategoriji ta’ reati predikati) u jikkriminalizzaw attivitajiet anċillari, filwaqt li jagħmluha irrilevanti jekk ir-reat predikat kienx soġġett għall-ġurisdizzjoni kriminali tal-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat tal-ħasil tal-flus u li jitlob li l-pajjiżi jiżguraw li kundanna preċedenti u simultanja għar-reat predikat u l-istabbiliment preċiż tar-reat predikat mhumiex prerekwiżit għal kundanna għall-ħasil tal-flus]. 
(10)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2005:309:0009:0012:MT:PDF
(11) COM(2016)xxx
(12)  Id-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea
(13)  COM(2016) 826.
(14)  Ir-riżultati tal-Inizjattiva ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu, FATF/PLEN(2015)36
(15)  Madankollu, il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda bażi fid-dritt nazzjonali jew internazzjonali biex issir distinzjoni bejn it-terroriżmu intern u dak internazzjonali.
(16)  "Changes in Modus Operandi of IS revisited"; Europol, it-2 ta’ Diċembru 2016
(17)  Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT) 2016, Europol
(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaeda, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686 tal-20 ta’ Settembru 2016 li jimponi miżuri restrittivi addizzjonali kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaeda u persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.
(19)  https://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/joint-declaration-legislative-priorities-2017_en.pdf
(20)  Ara l-Komunikazzjoni dwar “Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’Saħħithom u aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà”, COM(2016) 205 final tas-6.4.2016.
(21)  Fl-2015, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkontrollaw persuni u oġġetti mad-dejta miżmuma fis-SIS fi kważi 2,9 biljun okkażjoni u skambjaw aktar minn 1,8 miljun biċċa ta’ informazzjoni supplimentari.
(22)  COM(2016) 883
Top