Help Print this page 

Document 52016DC0763

Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa

COM/2016/0763 final
Multilingual display
Text

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 763 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa


1.Introduzzjoni

L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju hija kemm ħtieġa urġenti kif ukoll opportunità kbira għall-Ewropa.

Din hija sfida ċentrali ta' żmienna. Il-falliment jista' jpoġġi l-benessri tagħna f'riskju. Is-suċċess jiftaħ opportunitajiet ekonomiċi bla preċedent u toroq ġodda għall-prosperità, il-benessri u t-tkabbir 1 .

L-Unjoni Ewropea tinsab f'pożizzjoni tajba sabiex tmexxi din it-tranżizzjoni, li rċeviet momentum u direzzjoni ġdida mill-Ftehim ta' Pariġi 2 . L-Ewropa mexxiet l-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kienet il-mutur ċentrali fl-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u tmexxi lid-dinja f’soluzzjonijiet ta’ effiċjenza enerġetika għall-industrija, it-trasport u l-bini. In-negozji tal-Ewropa bnew vantaġġ komparattiv f'ħafna swieq dinjija – fejn il-kompetizzjoni minn kompetituri globali qed tikber – u x-xjenzati u l-innovaturi Ewropej qed imorru lil hinn mill-fruntieri tal-għarfien 3 .

Skont dawn il-pedamenti b'saħħithom, il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett ta' miżuri leġiżlattivi biex tistabbilixxi qafas ta' azzjoni ċar, ibbażat fuq tliet għanijiet globali:

L-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel

L-Ewropa fuq quddiem nett fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

It-trattament ġust għall-konsumaturi

L-Ewropa teħtieġ li żżid l-investiment tagħha fl-effiċjenza enerġetika u fit-teknoloġiji rinnovabbli, u l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju fl-enerġija nadifa, it-tħaddin ta' opportunitajiet ġodda u l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur permezz tad-diġitizzazzjoni.

Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha 4 , l-innovazzjoni hija waħda mill-oqsma ewlenin fejn l-azzjoni konkreta tista' tissaħħaħ fi żmien qasir, tiġi ffokata mill-ġdid u s-sinerġiji jiġu mtejba sabiex jappoġġaw l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa. L-investiment ewlieni għandu jiġi mis-settur privat. Iżda l-Unjoni Ewropea tista' u għandu jkollha rwol deċiżiv. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija komprensiva għat-tliet għodod politiċi ewlenin li l-UE tista' tuża sabiex tagħti spinta lill-investiment privat fl-innovazzjoni tal-enerġija nadifa.

L-UE tista' tistabbilixxi l-ambizzjoni politika u toħloq l-ambjent kummerċjali xieraq permezz ta' sinjali, politiki, standards u regolamenti mmirati. Dan jikkonċerna t-twaqqif ta' inċentivi b'saħħithom u konsistenti għall-investiment privat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-użu tal-enerġija nadifa. L-oqfsa politiċi u regolatorji fil-livell tal-UE jeħtieġu li jagħtu prijorità lill-effiċjenza enerġetika, jistabbilixxu ambizzjoni għolja għal tmexxija globali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u jpoġġu lill-konsumatur fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija.

L-UE tista' tuża wkoll strumenti finanzjarji maħsuba sabiex inaqqsu r-riskju ta' investimenti privati f'teknoloġiji tal-enerġija nadifa mhux ittestjati iżda promettenti jew mudelli ta' negozju. Dan jikkonċerna l-użu ta' self pubbliku, investimenti ta' ekwità u garanziji finanzjarji fi proġetti li aktarx mhux se jsibu finanzjament sħiħ mis-settur privat minħabba inċertezza fis-swieq, teknoloġika jew xjentifika. B'dawn l-istrumenti tal-UE, kif muri mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa 5 , ir-riskju għas-settur privat huwa mnaqqas, b'hekk jista' jsir investiment privat li nkella ma kienx isir;

L-UE tista' tiffoka l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha, b'mod partikolari permezz ta' Orizzont 2020, sabiex tmur lil hinn mill-fruntieri tax-xjenza u l-għarfien. Dan jikkonċerna l-finanzjament ta' riċerka mmexxija mill-kurżità, riċerka orjentata lejn missjoni u proġetti ta' dimostrazzjoni sabiex tiġi mħeġġa u aċċellerata t-tranżizzjoni mil-laboratorju għal prodotti u servizzi ta' suċċess li joħolqu l-impjiegi u jiġġeneraw it-tkabbir.

Flimkien ma' dawn it-tliet kategoriji ta' azzjoni, l-Unjoni għandha rwol importanti li tinvolvi ruħha f'inizjattivi internazzjonali dwar l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, u li tippermetti sforzi kkoordinati ma' bliet, reġjuni u Stati Membri.

Din l-istrateġija b'mod espliċitu taqdi żewġ prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Unjoni Ewropea: il-bini ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem – li tagħha hija r-riżultat ewlieni – u l-għoti ta' spinta ġdida lill-impjiegi, t-tkabbir u l-investiment. Fil-qalba tagħha hemm sforz ikkoordinat sabiex jiġu promossi u żviluppati teknoloġiji abilitanti, servizzi, mudelli tan-negozju u innovazzjoni soċjali u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi u tagħmel l-industriji tal-UE aktar kompetittivi fis-swieq dinjija. B'dan, l-istrateġija se sservi wkoll bħala bank tat-test għall-approċċi orizzontali futuri sabiex tagħti spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività fl-UE.

2.Sistema ta' enerġija fi tranżizzjoni

Is-sistema tal-enerġija laħqet punt kritiku. Is-sorsi ta’ enerġiji rinnovabbli huma dejjem iżjed kompetittivi fl-ispejjeż u huma responsabbli għat-tkabbir fl-ishma tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ir-rati tal-intensità tal-enerġija – il-kejl tal-użu tal-enerġija b'rabta mal-produzzjoni ekonomika – qed jonqsu, b’mod partikolari fl-ekonomiji żviluppati. L-UE tista' tieħu ħafna mill-kreditu għal dawn is-suċċessi, għalkemm għad jonqos ħafna xi jsir. Ir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għamel l-industriji Ewropej l-aktar effiċjenti fl-enerġija fid-dinja, u għamlithom mexxejja fl-innovazzjoni globali li jipproduċu ħafna teknoloġiji, materjali u soluzzjonijiet ġodda. Mill-bidu l-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE segwiet disinn olistiku, immirat sabiex jikkoordina l-investimenti mill-UE, l-Istati Membri u l-industrija, kif ukoll sabiex jallinja oqfsa ta' politika u regolatorji rilevanti.

Aktar progress se jkun jeħtieġ sforzi dejjem akbar. Hemm ħtieġa għal soluzzjonijiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija, u l-iżvilupp ta' portafoll usa' ta' teknoloġiji rinnovabbli kosteffikaċi. B'mod simili, jeħtieġ li jkun hemm adozzjoni ħafna aktar mgħaġġla tat-teknoloġiji ta' effiċjenza fl-enerġija eżistenti fl-istokks tal-bini, is-sistemi ta' trasport u l-prattiki ta' manifattura. Il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija li ġie aġġornat dan l-aħħar għandu rwol importanti f'dan ir-rigward 6 .

B'mod aktar fundamentali, it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fl-enerġija u reżiljenti għat-tibdil fil-klima se teħtieġ sistema miftuħa u aktar deċentralizzata bl-involviment tas-soċjetà kollha. Is-sistema tal-enerġija tradizzjonalment kienet ikkaratterizzata mid-dominanza ta' kumpaniji kbar, operaturi stabbiliti u proġetti teknoloġiċi ċentralizzati fuq skala kbira. Iżda fil-futur il-konsumatur għandu jkun fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija: billi jitlob soluzzjonijiet kompetittivi b'livell baxx ta' karbonju; billi jipparteċipa bħala produttur u amministratur ta' netwerks tal-enerġija deċentralizzati; billi jaġixxi bħala investitur, permezz ta' pjattaformi deċentralizzati; u billi jmexxi l-bidla permezz tal-innovazzjoni għall-utenti.

Sistema tal-enerġija aktar axxendenti mmirata għall-utent tixpruna aktar innovazzjoni. U fl-istess ħin, din id-deċentralizzazzjoni ssir possibbli grazzi għal innovazzjonijiet oħrajn, l-ewlenija fosthom id-diġitizzazzjoni ta' aspetti ewlenin tas-suq tal-enerġija u s-sistema tat-trasport. Illum, u speċjalment fil-futur, id-diġitizzazzjoni tfisser anqas ostakli għad-dħul. Dan ifisser li l-konsumatur, il-komunità lokali u n-negozji żgħar li għadhom jibdew kollha jistgħu jipparteċipaw u jistgħu anki jkunu minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' innovazzjonijiet tal-enerġija.

It-trawwim ta' innovazzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju, proġetti ta' effiċjenza enerġetika u enerġija rinnovabbli jeħtieġ sistema ta' innovazzjoni miftuħa. Il-kumpaniji u l-industriji qegħdin jifhmu dejjem aktar li l-kumplessità tad-dinja tal-lum tfisser li l-ebda entità unika ma jista' jkollha soluzzjoni sħiħa. Barra minn hekk, l-aktar innovazzjonijiet interessanti li joħolqu s-swieq qed iseħħu fl-intersezzjoni ta' setturi, dixxiplini u approċċi differenti 7 .

3.Sinjali ta' politika u oqfsa regolatorji

Innovazzjoni fl-enerġija nadifa teħtieġ suq uniku li jiffunzjona tajjeb u politika tal-kompetizzjoni robusta, li tagħti lill-parteċipanti l-ġodda opportunità biex iġibu l-innovazzjonijiet tagħhom fis-suq fuq l-istess livell mal-operaturi.    . It-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 8 se tfisser aktar opportunitajiet għall-flussi transfruntiera ta' kapital u enfasi akbar fuq il-finanzjamenti sostenibbli permezz ta' strumenti bħall-bonds ħodor. Dan ifisser aktar opportunitajiet ta' finanzjament għal proġetti innovattivi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Enfasi akbar fuq l-innovazzjoni miftuħa u x-xjenza miftuħa se twassal għal aktar opportunitajiet, speċjalment għall-kumpaniji ż-żgħar, biex ir-riżultati tar-riċerka jingħaddew lis-suq 9 .

Flimkien ma' dawn il-prerekwiżiti ġenerali għal ekosistema ta' innovazzjoni aħjar, l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni ta' enerġija nadifa se teħtieġ tibdil importanti fis-sussidji tal-enerġija u regolamenti speċifiċi għall-enerġija.

Il-politiki li jifdal iżda li huma xorta sinifikanti li jibbenefikaw iż-żejt, il-faħam u l-fjuwils b'intensità ta' karbonju, inklużi s-sussidji minn xi Stati Membri, għandhom jitqiesu bħala ostaklu għall-innovazzjoni tal-enerġija nadifa. Dawn il-politiki jaħbu l-ispiża vera tas-soċjetà tal-fjuwils fossili u jbaxxu l-prezzijiet tagħhom b'mod artifiċjali. Dan jagħmel il-ħajja aktar diffiċli għall-proġetti b'enerġija nadifa li mbagħad iridu jaffaċċaw kundizzjonijiet tas-suq aktar diffiċli.

Dawn il-politiki huma f'kuntradizzjoni diretta mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, u fil-kuntest tal-G20 u l-G7. Ir-rapport tal-Kummissjoni Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa, 10 maħruġ ma' din il-Komunikazzjoni, sab li fl-2012 is-sussidji diretti annwali fuq il-fjuwils fossili kienu ta’ madwar EUR 41.9 biljun, li żdiedu għal EUR 300 biljun meta jiġu inklużi l-esternalitajiet ambjentali. F'kuntest ta' riżorsi skarsi, il-piż fiskali ta' dawn is-sussidji jfisser li potenzjalment jistgħu jiġu ddedikati anqas riżorsi għall-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa. Fl-Ewropa, għall-2014, tali finanzjament kien jammonta għal EUR 4.2 biljun min-naħa ta' 28 Stat Membru tal-UE. L-istrumenti tal-UE jappoġġaw ukoll l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, pereżempju permezz tal-EUR 1.1 biljun mill-programm Orizzont 2020 tal-UE. Għalhekk, l-indirizzar mill-ġdid ta' frazzjoni żgħira biss mill-EUR 41.9 biljun tas-sussidji ta' fjuwils fossili diretti jkollu impatt kbir.

Il-promozzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli hija parti ċentrali fit-tmexxija globali tal-UE għat-tranżizzjoni tat-teknoloġija nadifa. Id-Direttiva dwar id-Disinn tas-Suq tal-Elettriku 11 , flimkien mal-prezzijiet tal-karbonju msaħħaħ, għandha l-għan li toħloq suq adattat għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jnaqqas il-ħtieġa għal skemi ta' appoġġ speċifiċi. Dan għandu jippermetti li ssir enfasi b'mod progressiv fuq l-appoġġ pubbliku fuq teknoloġiji tal-elettriku rinnovabbli anqas maturi u jikkomplementa l-isforzi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni minn strumenti li jattiraw is-suq relatati ma' dawn it-teknoloġiji.

Wasal iż-żmien għal bidla. Il-prezzijiet taż-żejt u l-gass attwalment baxxi jipprovdu opportunità immedjata għat-tneħħija gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili mingħajr ebda effett negattiv fuq il-benessri soċjali.

Skont iċ-ċifri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, sehem sinifikanti tas-sussidji jirriżulta minn trattamenti fiskali preferenzjali tal-fjuwils fossili, xi ħaġa li l-Kummissjoni qiegħda teżamina fil-kuntest tar-riflessjoni usa' fuq it-tassazzjoni tal-enerġija fl-UE.

Fil-Komunikazzjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” 12 , il-Kummissjoni tistabbilixxi firxa ta' azzjonijiet sabiex jgħinu jindirizzaw mill-ġdid il-flussi finanzjarji lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa, inklużi miżuri sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fuq il-kwistjoni tas-sussidji u l-effett tagħhom fuq l-innovazzjoni.

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-innovazzjoni jinkludi l-istabbiliment ta' ambjent regolatorju stabbli, fit-tul, trasparenti u prevedibbli. F'Mejju tal-2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar rivedut 13 , li jagħraf il-ħtiġijiet ta' innovazzjoni li jeħtieġ li jiġu meqjusa bir-reqqa fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida. Dan ġie enfasizzat fil-konklużjonijiet riċenti tal-Kunsill li jirreferu għall-“prinċipju tal-innovazzjoni” 14 . Barra minn hekk, l-istandards, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija innovattiva 15 huma importanti ħafna wkoll.

Ir-regolamentazzjoni tista' taċċellera l-emerġenza ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju innovattivi u tixpruna aktar kompetittività, li tiffaċilita l-emerġenza ta' funzjonament aħjar, swieq kbar biżżejjed u ċertezza politika akbar. Il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta, flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, pakkett wiesa' ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi skont l-Unjoni tal-Enerġija. Dawn il-miżuri se jipprovdu qafas ċar għall-adozzjoni tal-innovazzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jinkiseb l-objettiv tal-ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju. Pereżempju, id-disinn mill-ġdid tas-suq tal-elettriku Ewropew se jappoġġa d-dħul ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jipperemetti l-immaniġġar effettiv tad-domanda, u jiftaħ swieq tal-enerġija integrati fuq livell reġjonali; id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 16 se toħloq inċentivi għall-iżvilupp ta' innovazzjonijiet sabiex jinkiseb stokk ta' bini Ewropew ta' djar b'użu ta' enerġija qrib iż-żero u ta' distretti b'enerġija pożittiva sal-2050; u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) riveduta se tixpruna, fost oħrajn, l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fir-rigward tat-tisħin u t-tkessiħ u fis-setturi tat-trasport u l-elettriku.

Il-proposti tal-Kummissjoni eżistenti sabiex jiġu riveduti l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) 17 , ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 18 , kif ukoll il-proposta għall-integrazzjoni tal-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) 19 fl-isforz ġenerali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra għandhom ukoll jistimulaw l-innovazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-pjan ta' azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari 20 se jikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta' użu aħjar ta' materja prima u r-riċiklaġġ ta' materja prima sekondarja u l-iskart. Ir-rwol korrispondenti tal-bijoekonomija se jitqies fir-reviżjoni li ġejja tal-Istrateġija tal-bijoekonomija u l-aġġornament possibbli tagħha. Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport se taġixxi bħala fattur ta' attrazzjoni għall-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni riċenti dwar Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi 21 tinkludi pjan ta' azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet u jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija.

Fl-aħħar nett, l-akkwist pubbliku jista' u għandu jservi bħala strument ieħor b'saħħtu għall-ħolqien ta' swieq għal prodotti innovattivi. L-istandardizzazzjoni Ewropea tista' tappoġġa aktar l-akkwist pubbliku ekoloġiku għal prodotti innovattivi, billi tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa. Kif imsemmi fl-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu (Start-up and Scale-up Initiative) 22 , fl-2017 il-Kummissjoni se tintroduċi miżuri dwar l-akkwist tal-UE sabiex fost l-oħrajn tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri ta' akkwist tal-innovazzjoni ambizzjużi.

Sinjali ta' politika u oqfsa regolatorji – Azzjonijiet proposti:

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll, meta tirrevedi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 kif dawk ir-regoli, flimkien mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għal investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, jippermettu lill-Istati Membri sabiex jistimulaw l-innovazzjoni f'teknoloġiji u soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli.

Fil-Komunikazzjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha”, il-Kummissjoni tistabbilixxi firxa ta' azzjonijiet sabiex jgħinu jindirizzaw mill-ġdid il-flussi finanzjarji lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa, inklużi miżuri sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fuq il-kwistjoni tas-sussidji u l-effett tagħhom fuq l-innovazzjoni.

Il-proposti leġiżlattivi li jmiss rilevanti għall-enerġija nadifa u t-tibdil fil-klima, fost oħrajn ir-reviżjoni tal-istrateġiji ta’ wara l-2020 dwar karozzi/vannijiet u dwar trakkijiet, xarabanks u kowċis, 23 se jiġu soġġetti għal analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-programmi ta' ħidma tal-Unjoni annwali futuri għall-istandardizzazzjoni Ewropea se jimmiraw lejn il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-appoġġ għall-akkwist pubbliku ekoloġiku 24 .

Il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet sabiex tagħti spinta lill-adozzjoni ta' swieq ta' soluzzjonijiet ta' enerġija nadifa innovattivi permezz tal-akkwist pubbliku, inkluż fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa (id-Direttiva 2009/33/KE), u permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-kriterji volontarju tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

4.Strumenti finanzjarji biex tingħata spinta lill-investiment tas-settur privat

Sabiex tibni ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju, l-Ewropa teħtieġ li timmobilizza ammonti sostanzjali ta' investiment 25 . Fl-2014, l-investimenti privati fil-pijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija huma stmati li laħqu EUR 22.9 biljun fl-UE. Filwaqt li dan in-numru jirrappreżenta żieda meta mqabbel mas-snin preċedenti, tali tkabbir għandu jseħħ b'pass ħafna aktar mgħaġġel sabiex jinkisbu l-objettivi tagħna.

L-UE tiddisponi minn firxa ta' finanzjamenti u ta' strumenti finanzjarji differenti sabiex tappoġġa l-innovazzjoni fl-użu ta' livell baxx ta' karbonju. Dawn ikopru l-katina tal-valur tal-innovazzjoni kollha, mir-riċerka u l-iżvilupp sal-użu ta' teknoloġiji maturi. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha”, fis-snin li ġejjin se jkun essenzjali li tingħata spinta lill-investimenti addizzjonali fl-użu ta' enerġiji rinnovabbli maturi u ta' soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika. Sabiex isir hekk, huwa importanti li jintuża l-appoġġ pubbliku sabiex jittejjeb il-profil tar-riskju ta' proġetti ewlenin, tiġi żgurata viżibbiltà akbar u aċċess aktar faċli u ssimplifikat u opportunitajiet ta' kombinamenti għall-iżviluppaturi tal-proġetti, f'konformità mal-isforzi orizzontali diġà mwettqa fil-kuntest tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa l-istrument ewlieni f'dan ir-rigward: aktar minn 25 % tal-investimenti attwali tiegħu f'aktar minn 40 proġett diġà qed iżidu l-finanzi fis-setturi ta' prijorità tal-Enerġija u l-Ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi, li jirrappreżentaw l-ammont stmat ta' investimenti skattati sa EUR 30 biljun. Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi  26 fl-ewwel sena tal-funzjonament tiegħu, il-Kummissjoni pproponiet li testendi t-tul tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sal-aħħar tal-2020 u li jkun meħtieġ li mill-inqas 40 % tal-proġetti fit-tieqa tal-infrastruttura u l-innovazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għandhom jikkontribwixxu għall-azzjoni tal-klima, l-enerġija u l-ambjent f'konformità mal-objettivi COP21. 27 Barra minn hekk, l-istrumenti finanzjarji huma disponibbli wkoll permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. L-Istati Membri u r-reġjuni diġà ppjanaw investimenti għall-użu b'livell baxx ta' karbonju (EUR 6 biljuni) u għall-innovazzjoni (EUR 5 biljuni) matul il-perjodu 2014-2020.

Madankollu, sabiex titħaffef l-innovazzjoni tal-enerġija nadifa huwa meħtieġ ukoll li mmorru lil hinn mill-użu ta' teknoloġiji maturi u li jintużaw riżorsi pubbliċi għall-appoġġ ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji u li jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-finanzjament privat fi stadji aktar bikrija taċ-ċiklu ta' innovazzjoni. L-investimenti ġodda għandhom jimmiraw lejn l-istadju kritiku tat-tkabbir tas-soluzzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-enerġija, fejn mill-istadju ta' dimostrazzjoni jgħaddu għas-suq. Dan l-istadju normalment jeħtieġ livelli għolja ta' investiment iżda l-inċertezzi li jibqgħu fir-rigward tal-ispiża, il-prestazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq joħolqu riskju kbir wisq għall-investituri tas-settur privat.

Il-proġetti ta' dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali li huma l-ewwel tat-tip tagħhom jippreżentaw riskju partikolarment għoli għas-setturi privati. Sabiex tindirizza dawn it-tipi ta' proġetti, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) is-sena li għaddiet nediet il-faċilità Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija 28 bħala parti mill-Orizzont 2020 InnovFin. Il-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija qed jiġġeneraw interess kbir għal self jew garanziji għal self għat-teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju li huma l-ewwel tat-tip tagħhom fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u taċ-ċelluli tal-fjuwil u tal-idroġenu.

Il-Kummissjoni tfittex li żżid il-fondi pubbliċi tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet qegd tipproponi Fond ta' Innovazzjoni bħala suċċessur għall-faċilità NER 300 attwali. L-implimentazzjoni mgħaġġla tal-Fond ta' Investiment għandha tappoġġa l-investimenti f'teknoloġiji innovattivi ħafna u b'livell baxx ta' karbonju għall-industriji intensivi fl-enerġija, kif ukoll għall-enerġija rinnovabbli u l-Ġbir, il-Ħżin u l-Użu tal-Karbonju. Dawn l-isforzi kollha se jeħtieġu rabtiet b'saħħithom ma' strumenti oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Proġett ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija InnovFin, il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Il-Fond ta' Innovazzjoni tas-Sistema futura għan-Negozjar ta' Emissjonijiet għandu jappoġġa l-investimenti fl-innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju fl-enerġija rinnovabbli; il-ġbir, il-ħżin u l-użu tal-karbonju; u f'industrija intensiva fl-enerġija. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Fond ta' Innovazzjoni għandu jkun jista' jibda qabel l-2021.

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment se jistabbilixxu Faċilità tat-Trasport Aktar Nadif biex tappoġġa l-użu ta' soluzzjonijiet tat-trasport b'enerġija alternattiva. Il-prodotti finanzjarji u s-servizzi ta' konsulenza tal-BEI se jsiru disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u privati. Il-proġetti jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew il-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku.

Sabiex tinkiseb skala u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku u ta' strumenti finanzjarji oħra, jeħtieġ li jkun hemm sensiela kbira ta' proġetti innovattivi li jilħqu l-investiment u s-suq. Fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku l-Kummissjoni żviluppat il-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment 29 li għandu l-għan li jgħaqqad il-promoturi ta' proġetti tal-UE u l-investituri minn madwar id-dinja. Il-Portal joffri viżibbiltà lill-promoturi tal-proġetti li qegħdin ifittxu investituri potenzjali, u aċċess għal sensiela trasparenti ta' proġetti vijabbli fi ħdan l-Unjoni Ewropea u aċċess faċli għall-iżviluppaturi u l-promoturi tal-proġetti għall-investituri.

Barra minn hekk, l-Isħubiji Pubbliċi-Privati ta' riċerka bħall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, CleanSky, ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, Shift2Rail, u l-Inizjattiva b'Bażi Bijoloġika, kif ukoll Sħubiji Pubbliċi-Privati kuntrattwali, eż. Vetturi Ekoloġiċi u Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fir-Riżorsi u fl-Enerġija, jirrappreżentaw sors importanti ta' investiment ġdid li jirriżulta mir-Riċerka u l-Iżvilupp ikkofinanzjati mal-industrija, u jipprovdu sensiela ta' proġetti. Sors ewlieni ieħor ta' investimenti ġodda fl-enerġija nadifa u proposti ta' proġetti sussegwenti li huma lesti għall-finanzjament mill-UE se jiġu mill-Komunitajiet tal-Konoxxenza u l-Innovazzjoni, b'mod partikolari l-Komunitajiet tal-Konoxxenza u l-Innovazzjoni tal-InnoEnergy u l-Komunitajiet tal-Konoxxenza u l-Innovazzjoni tal-Klima. Il-Komunitajiet tal-Konoxxenza u l-Innovazzjoni huma strumentali biex jiġu kkollegati flimkien is-sorsi Ewropej tal-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, bħall-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 30 , ma' sħab privati u l-attivitajiet reġjonali u lokali jiġu magħquda ma' intrapriżi, negozji ġodda u Intrapriżi Żgħar u Medji. Ix-xogħol tagħhom se jiġi estiż għal servizzi ta' konsulenza dwar l-aċċess għall-kapital, l-assistenza teknika jew il-proposti ta' mudelli ta' negozju.

Strumenti finanzjarji biex tingħata spinta lill-investiment privat – Azzjonijiet proposti

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem biex tal-anqas tirdoppja l-baġit tal-iskema ta' Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija InnovFin, kif ukoll biex tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bl-użu ta' fondi li ġejjin minn sorsi differenti, inkluż l-Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku u strumenti oħrajn. Qed jiġu żviluppati sinerġiji ma' strumenti oħrajn, li l-għan tagħhom hija li jkun hemm faċilità ta' punt uniku ta’ konsulenza biex torjenta lill-investituri u l-iżviluppaturi potenzjali lejn id-diversi strumenti disponibbli.

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment se jistabbilixxu Faċilità tat-Trasport Aktar Nadif sabiex jappoġġaw l-użu ta' soluzzjonijiet tat-trasport b'enerġija alternattiva. Sabiex tinbena sensiela ta' proġetti, se jiġu promossi inizjattivi ta' kollaborazzjoni mmirati, bħall-inizjattiva l-ġdida għall-użu ta' xarabanks nodfa (li jaħdmu bi fjuwil alternattiv).

Il-Kummissjoni, permezz tal-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u mezzi oħrajn, se ġġib sensiela ta' proġetti innovattivi għall-attenzjoni ta' investituri tas-Sħubiji Pubbliċi-Privati rilevanti appoġġati skont l-Orizzont 2020 u l-Komunitajiet tal-Konoxxenza u l-Innovazzjoni tal-InnoEnergy u tal-Klima tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

5.Il-finanzjament tax-xjenza u t-teknoloġija tal-enerġija u l-adozzjoni tas-suq tiegħu

L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-mexxejja globali u l-akbar finanzjatur pubbliku tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa. L-Orizzont 2020 jinkludi allokazzjoni ta' EUR 5.7 biljun għall-isfidi soċjali "enerġija sikura, nadifa u effiċjenti". Meta tiġi kkombinata ma' oqsma oħrajn tal-Orizzont 2020, aktar minn EUR 10 biljun f'finanzjament tal-enerġija huma ddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa.

Dan huwa kkomplementat minn investimenti sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inkluż permezz tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti 31 . Bl-involviment tal-industrija, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi, l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jservu biex jiffokaw l-appoġġ finanzjarju tal-Istati Membri f'oqsma b'potenzjal ta' tkabbir qawwi, bħall-enerġija b'livell baxx ta' karbonju.

Abbażi ta' dan is-suċċess, l-espansjoni tal-fruntieri tax-xjenza u l-għarfien hija kundizzjoni meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-kwalità u l-impatt tal-investimenti Ewropej futuri lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Dan huwa indirizzat permezz ta' diversi elementi tal-Orizzont 2020:

Riċerka fundamentali: L-Orizzont 2020 se jkompli jiffinanzja r-riċerka fundamentali innovattiva permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka 32 li jsegwi approċċ axxendenti fis-sejħiet għal proposti. Mill-2007 il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka alloka 248 għotja għall-proġetti ta' riċerka fil-qasam tal-enerġija, li jammontaw għal madwar EUR 500 miljun ta' finanzjament tal-UE.

Innovazzjoni li toħloq is-suq: Bħala miżura ġdida li għandha tiġi introdotta fil-perjodu li fadal tal-Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tikkunsidra li toħloq Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 33 sabiex jikkontribwixxi għall-iġġenerar ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonari li jistgħu jattiraw u joħolqu swieq ġodda. Billi jagħmel enfasi partikolari fuq in-negozji l-ġodda u l-Intrapriżi Żgħar u Medji, dan il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni potenzjali jikkumplimenta l-Inizjattiva proposta favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed Jespandu 34 . L-għan huwa li tittejjeb il-probabbiltà li jiġu attirati, appoġġati u jiżdiedu l-aktar eżempji interessanti ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u li joħolqu s-suq fl-Ewropa, b'mod axxendenti u interdixxiplinarju – inkluż fl-intersezzjoni tal-enerġija, it-trasport u t-teknoloġiji diġitali. L-ewwel sett ta' miżuri se jiġi introdott fl-2017 skont l-Orizzont 2020 u l-Kummissjoni se teżamina kif tista’ ssaħħaħ dan l-approċċ f'programmi futuri.

Riċerka u innovazzjoni mmexxija minn missjoni: il-Kummissjoni se tesplora approċċi ġodda ispirati mill-aqwa prattika fil-livell internazzjonali. Din tinkludi approċċi li jikkombinaw mod direttiv immexxi minn missjoni li permezz tiegħu jistgħu jiġu identifikati u magħżula proġetti b'impatt potenzjalment kbir; l-involviment dirett fl-immaniġġar ta' kuljum tal-proġett u diversi forom ta' assistenza mmirata u mfassla apposta; kif ukoll setgħat biex jiġi ristrutturat jew jintemm il-finanzjament jekk l-istadji importanti miftiehma ma jintlaħqux (eżempju ta' dan huwa l-programm Catapult tar-Renju Unit jew l-Advanced Research Projects Agency-Energy tal-Istati Uniti.

Premji ta' inkoraġġiment: Il-Kummissjoni se tuża premjijiet ta' inkoraġġiment bħala strument axxendenti sabiex twassal innovazzjonijiet rivoluzzjonari, filwaqt li tagħti lill-kontestanti l-libertà kollha sabiex joħolqu l-aktar soluzzjonijiet effettivi. Dan jibni fuq l-esperjenza miksuba sa issa fl-Orizzont 2020 (EUR 8.25 miljun għal ħames premjijiet għall-enerġija nadifa attwali).

Minbarra l-fokus fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, it-twassil ta' din il-Komunikazzjoni se jeħtieġ l-involviment ta’ oqsma oħrajn:

Riċerka dwar il-klima: L-Orizzont 2020 qed jappoġġa r-riċerka li se tikkontribwixxi għar-Rapport tal-2018 li ġej mill-Grupp Internazzjonali ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima. Dan ir-rapport se jippreżenta s-sejbiet tar-riċerka dwar ix-xenarju ta' tisħin globali ta' 1.5°C u mingħajr dubju 'l quddiem se jagħmel enfasi akbar fuq l-isforzi tal-UE. F'dan il-kuntest, Inizjattiva Ewropea għal Mogħdijiet għad-Dekarbonizzazzjoni, immexxija minn Grupp ta' Livell Għoli, se tiżviluppa x-xjenza skont l-Orizzont 2020 sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta' mogħdijiet fattibbli u kredibbli kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi.

Riċerka dwar l-ispazju: L-Orizzont 2020 qed jappoġġa r-riċerka sabiex l-Ewropa tiġi pprovduta b'kapaċità globali sabiex tissorvelja l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju antropoġeniċi.

Riċerka dwar it-trasport: L-Orizzont 2020 jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport, billi javvanza l-effiċjenza enerġetika tal-vetturi, l-elettromobbiltà u t-teknoloġiji tal-batteriji, jippromwovi l-bidla għal soluzzjonijiet ta' mobbiltà li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u jmexxi d-diġitizzazzjoni għal trasport u mobbiltà aktar effiċjenti. L-attivitajiet se jippromwovu l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju u ta' standards u regolamentazzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni ġodda, b'mod partikolari f'żoni urbani. L-azzjoni ta' riċerka u innovazzjoni se tikkomplementa l-azzjoni ta' politika li għaddejja bħalissa biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi maturi, bħal trasport pubbliku mingħajr ebda emissjoni jew sistemi tat-trasport intelliġenti.

Xjenzi soċjali u studji umanistiċi: Sabiex tapprofondixxi l-għarfien dwar kundizzjonijiet ta' mġiba jew soċjoekonomiċi oħrajn marbuta mal-aċċettazzjoni soċjali ta’ - jew oppożizzjoni għal - politiki marbuta mal-klima jew l-enerġija, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi pjattaforma ġdida għar-riċerka dwar l-enerġija. Billi tlaqqa’ flimkien speċjalisti fl-enerġija mix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi kif ukoll minn oqsma aktar tekniċi u tilħaq lir-reġjuni kollha tal-Ewropa, il-pjattaforma se tagħti spinta tant meħtieġa lix-xogħol interdixxiplinarju u transsettorjali. Din se taħdem sabiex tisfrutta aħjar il-potenzjal kbir għall-innovazzjoni soċjali fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll sabiex tegħleb l-ostakli li jeżistu fis-soċjetà, bil-ħsieb li tagħti suġġerimenti lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew b'appoġġ għat-twassil tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Eżempji ta' proġetti Ewropej ta' innovazzjoni ta' enerġija nadifa appoġġati minn Orizzont 2020:

1. Il-Faċilità ta' Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija InnovFin ipprovdiet self ta' EUR 10 miljun għal proġett ta' dimostrazzjoni fuq skala sħiħa li hu l-ewwel tat-tip tiegħu għall-kunċett WaveRoller tal-kumpanija Finlandiża AW-Energy. Il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad id-distakk bejn id-dimostrazzjoni u l-użu kummerċjali tal-konverżjoni tal-enerġija mill-mewġ f'enerġija elettrika, li juri l-potenzjal qawwi fis-suq globali.

2. Il-Bank Ewropew tal-Investiment ipprovda self ta’ kważi ekwità ta' EUR 20 miljun taħt il-programm ta' InnovFin għal Tkabbir fil-Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja lil Heliatek mill-Ġermanja. Il-kumpanija vvintat u għamlet privattiva fuq teknoloġija unika li tipproduċi riti solari li jiġġeneraw l-elettriku (Heliafilm®), permezz ta' fotovoltajċi organiċi (OPV) li jistgħu jkunu integrati f'elementi tal-ħġieġ jew tal-faċċata, jew jistgħu jiġu applikati fuq is-soqfa.

3. Il-proġett ELIPTIC (Elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku fil-bliet) irċieva EUR 6 miljun minn Orizzont 2020 sabiex jesplora modi sabiex is-sistemi tat-trasport pubbliku urbani jitħaddmu bl-elettriku, billi jottimizza l-użu tal-infrastruttura eżistenti fil-bliet Ewropej - filwaqt li jagħmel it-trasport pubbliku s-sinsla tal-elettromobbiltà, biex b'hekk iwassal għal tnaqqis fil-konsum ta' fjuwil fossili u għal titjib fil-kwalità tal-arja.

Sabiex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-ostakli ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati huma l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija, kif ukoll l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet avvanzati ta’ ħżin biex tkun żgurata provvista ta' enerġija stabbli għad-djar u l-industrija. Barra minn hekk, sabiex isir pass importanti fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel, għandha tiġi indirizzata d-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE, peress li hija responsabbli għal aktar minn 40 % tad-domanda tal-enerġija finali tal-UE. Barra minn hekk, is-sistema tat-trasport toħloq potenzjal enormi sabiex taqta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, iżda biex tagħmel dan teħtieġ soluzzjonijiet ta' ħżin u innovazzjoni diġitali biex tappoġġa s-servizzi ta' trasport u mobbiltà intelliġenti.

Prijoritizzazzjoni soda tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impatt sostnut u tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet għal emissjonijiet aktar baxxi ta' dijossidu tal-karbonju, iżżid il-kompetittività industrijali u tisfrutta l-opportunitajiet ta' esportazzjoni. Dan jeħtieġ fokus fuq dawk l-innovazzjonijiet li jippermettu penetrazzjoni ogħla ta' teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli u ffrankar akbar tal-enerġija; ikollu rilevanza diretta għaċ-ċittadini billi jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija jew billi jagħmilha aktar affordabbli. Filwaqt li tibni fuq il-progress diġà miksub taħt il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija, il-Kummissjoni beħsiebha tiffoka l-finanzjament futur disponibbli taħt l-Orizzont 2020 b'mod aktar ċar fuq erba' prijoritajiet strateġiċi interkonnessi, li kollha kemm huma jiddependu fuq id-diġitalizzazzjoni bħala xprun ewlieni:

1) Id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE sal-2050: Minn binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero għal distretti b'enerġija pożittiva: Kif indikat fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Bini tal-Kummissjoni, 35 il-binjiet huma parti essenzjali mit-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa tal-Ewropa. Filwaqt li l-UE diġà qiegħda minn ta' quddiem nett fis-sistemi ta' innovazzjoni għall-bini, ir-riċerka u l-innovazzjoni f'dan il-qasam għandhom jibqgħu prijorità ewlenija sabiex din it-tmexxija tkompli tespandi aktar fil-futur. L-istokk tal-bini tal-UE jirrappreżenta erja totali ta' art ta' madwar 25 biljun m² 36 . Il-bini jikkonsma 40 % tad-domanda tal-enerġija finali tal-UE, aktar minn kwalunkwe settur ieħor. Iżda l-bini jirrappreżenta wkoll potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija u ladarba jiġi rinnovat u ristrutturat (filwaqt li tiġi żgurata l-kunsiderazzjoni tal-enerġija inkorporata), dan jista' jgħin sabiex jiġi ġġenerat elettriku żejjed li ġej minn sorsi rinnovabbli jew jipprovdi kapaċità importanti ta' ħżin tal-enerġija.

2) It-tisħiħ tat-tmexxija tal-UE fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli: Aktar integrazzjoni tas-sistema u l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, inklużi dawk li potenzjalment jistgħu jġibu bidla radikali, huma meħtieġa sabiex is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jsiru s-sorsi dominanti ta' produzzjoni ta' enerġija primarja u ġenerazzjoni tal-elettriku. 37 . Dan huwa wkoll prerekwiżit għat-trasformazzjoni ta' setturi b'livell intensiv ta’ karbonju, bħat-trasport, fejn huma meħtieġa inċentivi sodi sabiex isiru innovazzjonijiet f'forom alternattivi ta' enerġija (eż. elettriku minn sorsi rinnovabbli, bijofjuwils avvanzati u fjuwils sintetiċi oħrajn derivati mill-użu tad-dijossidu tal-karbonju u gassijiet serra oħrajn użati mill-ġdid) huma meħtieġa. Dan jinkludi appoġġ iddedikat għar-riċerka u l-innovazzjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija, biex l-Ewropa żżomm it-tmexxija globali tagħha fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.

3) L-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija affordabbli u integrati: Sabiex tkun iffaċilitata u permessa t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju (inkluż it-trasport) ibbażata primarjament fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-UE teħtieġ li taċċellera l-integrazzjoni sħiħa ta' tagħmir ta' ħżin (kimiku, elettrokimiku, elettriku, mekkaniku u termali) fis-sistema tal-enerġija, fuq skala domestika, kummerċjali u tal-grilja 38 .

4) L-elettromobbiltà u sistema tat-trasport urban aktar integrata: L-iżvilupp mgħaġġel u l-użu ta' vetturi elettriċi tal-ġenerazzjoni li jmiss ibbażati fuq disinji ta' batteriji avvanzati u sistemi ta' motopropulsjoni ġodda, infrastruttura ta' ċċarġjar innovattiva u mudelli tan-negozju u servizzi assoċjati huma elementi primarji tal-mobbiltà futura b'livell baxx ta' karbonju, flimkien ma' sistema ta' trasport urban aktar integrata bl-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda u s-Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita Ewropej sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika.  39

L-impatt tal-Orizzont 2020 f'dawn l-erba' prijoritajiet strateġiċi interkonnessi se jittejjeb aktar permezz ta' sinerġiji mal-investimenti relatati tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

Il-finanzjament tax-xjenza u t-teknoloġija tal-enerġija u l-adozzjoni tas-suq tagħhom – Azzjonijiet proposti

Sabiex jintlaħaq l-għan li l-UE tkun mexxejja globali fis-soluzzjonijiet għal enerġija nadifa, il-finanzjament mill-baġit tal-UE jeħtieġ li jiffoka fuq innovazzjoni rivoluzzjonarja, innovazzjoni inkrementali u għadd ta' proġetti b'impatt qawwi. Sabiex tiġi implimentata din l-ambizzjoni:

Il-Kummissjoni se tfittex modi sabiex issaħħaħ l-approċċi axxendenti eżistenti għall-innovazzjoni taħt l-Orizzont 2020 u tesplora mekkaniżmi oħrajn, inkluż Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni potenzjali. Dan se jgħin sabiex jappoġġa aħjar it-teknoloġiji, l-innovazzjonijiet u l-mudelli ta' negozju li jkunu potenzjalment rivoluzzjonarji, inklużi l-innovazzjonijiet sinifikanti għall-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju li mhumiex previsti f'finanzjament strateġiku mmexxi minn missjoni.

Il-Kummissjoni beħsiebha tuża aktar minn EUR 2 biljun mill-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2018-2020 sabiex tappoġġa proġetti ta' riċerka u innovazzjoni f'erba' oqsma ta' prijorità: (1) Id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE sal-2050: minn binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero għal distretti b'enerġija pożittiva; (2) It-tisħiħ tat-tmexxija tal-UE fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES); (3) L-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija affordabbli u integrati; u (4) l-elettromobbiltà u sistema tat-trasport urban aktar integrata. Dan jirrappreżenta żieda fil-baġit ta' 35 % f'termini annwali mil-livelli tal-2014-2015 f'dawn l-erba' oqsma.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ ipprovdut mill-FSIE permezz ta' Pjattaformi ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tematiċi, b'mod partikolari dawk dwar il-modernizzazzjoni tal-enerġija u industrijali, bħala katalist għall-innovazzjoni reġjonali u raggruppamenti industrijali sabiex jaħdmu f'proġetti ta' investiment konkreti f'oqsma bħat-teknoloġiji diġitali u t-teknoloġiji abilitanti essenzjali u l-effiċjenza enerġetika. L-erba' oqsma ta' prijorità se jiġu mmirati aktar, filwaqt li jimmobilizzaw il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati f'sinerġija ma' strumenti tal-UE u skemi ta' finanzjament oħrajn.

Fil-kuntest tal-istrumenti u r-regoli eżistenti ta' finanzjament tal-Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tistabbilixxi skema pilota li tikkombina approċċ ta’ gwida mmexxi minn missjoni għall-identifikazzjoni u l-għażla ta' proġetti b'impatt li għandhom potenzjal qawwi; l-involviment dirett fl-immaniġġar ta' kuljum tal-proġett u diversi forom ta' assistenza mmirata u mfassla apposta; kif ukoll setgħat eżistenti għal strutturar mill-ġdid jew twaqqif tal-finanzjament jekk ma jintlaħqux l-istadji importanti miftiehma. L-iskema se tenfasizza l-impatti mgħaġġla u r-rilevanza tas-suq milħuqa.

Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi Premju emblematiku ta' inkoraġġiment għall-Innovazzjoni fl-Enerġija ta' EUR 5 sa EUR 10 miljun sabiex tippremja l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, pereżempju f'wieħed mill-oqsma li ġejjin: (1) Il-fotosinteżi artifiċjali; (2) L-ispiża baxxa, disinn u kostruzzjoni ta' bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero (NZEB); (3) L-iskema ta' skambju tal-enerġija bbażata fil-komunità; jew (4) L-innovazzjoni soċjali fl-enerġija u/jew trasport fil-livell ta' belt.

6.It-tisħiħ tar-rwol globali tal-Ewropa

F'konformità mal-prijorità tal-Kummissjoni li tkun attur globali aktar b'saħħtu, l-Ewropa teħtieġ li tislet valur akbar mir-rwol tagħha bħala promotur tal-klima globali u pijuniera ta' soluzzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-enerġija, sabiex tiżgura li tibqa' fiċ-ċentru tal-ktajjen tal-valur globali, b'benefiċċji assoċjati għall-industrija tal-manifattura tagħha u l-esportazzjonijiet dinjija tagħha. Il-finanzjament għall-klima u l-implimentazzjoni tal-impenji nazzjonali huma stimoli għall-kooperazzjoni globali fit-teknoloġija u għall-ħolqien ta' opportunitajiet tas-suq għan-negozji Ewropej. Il-Ftehim ta' Pariġi jenfasizza r-rwol ta' riċerka u innovazzjoni, b'mod partikolari f'kooperazzjoni ma' ekonomiji li qed jiżviluppaw jew emerġenti, ibbażati fuq osservazzjoni sistematika.

Il-ħtiġijiet tal-enerġija globali dejjem jikbru, b'mod partikolari fis-swieq emerġenti, jippreżentaw opportunitajiet ta' esportazzjoni sinifikanti għall-kumpaniji Ewropej sabiex jipprovdu teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi, inklużi, fejn applikabbli, innovazzjonijiet rurali li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali. Sħubiji strateġiċi ġodda, speċjalment ma' ekonomiji emerġenti, huma meħtieġa sabiex imexxu l-innovazzjoni u joħolqu s-swieq.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali hija ta' valur strateġiku għoli. Dan ġie enfasizzat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-2016 li tissieħeb, f'isem l-UE, mal-inizjattiva Missjoni Innovazzjoni 40 li tnediet fis-COP 21. Attwalment 22 pajjiż (li minnhom tmienja huma Stati Membri tal-UE) u l-UE huma membri, impenjati sabiex jirduppjaw il-finanzjament għar-riċerka tal-enerġija nadifa pubblika tagħhom fuq perjodu ta’ ħames snin. Missjoni Innovazzjoni se tgħin treġġa’ lura t-tnaqqis fl-infiq pubbliku għar-riċerka fl-enerġija nadifa, li għadu anqas mill-ogħla livell preċedenti tiegħu 41 u ferm anqas mil-livelli ħafna ogħla meħtieġa sabiex jinkisbu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi. Barra minn hekk, din se tallinja l-fokus tal-infiq pubbliku ma' investituri privati kbar, pereżempju permezz ta' interazzjoni mal-Breakthrough Energy Coalition 42 . L-UE se jkollha rwol ewlieni fil-Missjoni Innovazzjoni u se jkollha fokus speċifiku fit-twettiq ta' sinerġiji mal-Breakthrough Energy Coalition. Il-membri ta' Missjoni Innovazzjoni identifikaw seba' Sfidi ta’ Innovazzjoni li huma importanti ħafna għall-kisba ta' soċjetà b'livell baxx ta' karbonju. L-UE se tmexxi l-isfida ta' innovazzjoni relatata mat-trasformazzjoni tad-dawl tax-xemx biex jinħolqu fjuwils solari li jistgħu jinħażnu u l-isfida ta' innovazzjoni relatata mat-tisħin u t-tkessiħ affordabbli tal-bini. Hija se tipparteċipa b'mod attiv fl-Isfidi ta' Innovazzjoni l-oħrajn, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' membri oħra ta' Missjoni Innovazzjoni.

Permezz tal-involviment internazzjonali, it-tisħiħ tal-isħubiji ta' riċerka strateġiċi u l-iskambju tal-għarfien, il-kompetenzi, it-teknoloġija u l-persunal kwalifikat ma' pajjiżi primarji, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tappoġġa lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (b'mod partikolari numru 7 "Enerġija affordabbli u nadifa" u numru 13 "Azzjoni Klimatika"). B'mod partikolari, il-proposta adottata reċentament għal Pjan ta' Investiment Estern Ewropew bil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu 43 , timmira li tattira l-investiment privat lejn il-pajjiżi Afrikani, li jista' jkun ta' importanza kruċjali għall-introduzzjoni ta' infrastrutturi tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju u l-appoġġ ta' soluzzjonijiet tal-enerġija innovattivi. Dawn l-attivitajiet se jkunu marbuta mill-qrib mal-kooperazzjoni internazzjonali tal-Ewropa fil-qasam tal-klima, in-negozju u l-iżvilupp. B'mod simili, l-UE se tuża l-istrumenti ta' politika ta' negozju tagħha u assistenza teknika relatata sabiex tinkoraġġixxi lil pajjiżi terzi sabiex jadottaw soluzzjonijiet newtrali għall-klima.

Il-Kummissjoni Ewropea hija attiva f’għadd ta' kwistjonijiet sabiex tgħin tiżgura li r-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej huma "Miftuħin għad-Dinja" 44 . B'segwitu ta' dan l-approċċ, l-Orizzont 2020 għandu fil-mira tiegħu r-riċerkaturi u l-innovaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jaħdmu flimkien mal-Ewropej għall-iżvilupp ta' dawk it-teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju li huma l-aktar adattati għaċ-ċirkostanzi lokali. Dan se jagħti spinta lill-opportunitajiet tas-suq għal kumpaniji tal-UE u jgħin lill-esportazzjonijiet tal-UE, kif ukoll isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jaħsad il-benefiċċji ta' kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali biex idaħħlu teknoloġiji ġodda fis-suq.

In-Netwerk Enterprise Europe, maħluq fl-2008 sabiex jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji biex jużaw bl-aktar mod effiċjenti l-opportunitajiet ta' negozju fl-UE u lill hinn minnha, għandu jipprovdi wkoll aktar appoġġ għal negozji tal-UE li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' enerġija nadifa innovattivi permezz ta' kamp ta’ applikazzjoni estiż.

It-tisħiħ tar-rwol globali tal-Ewropa – Azzjonijiet proposti:

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri sabiex l-Unjoni Ewropea jkollha rwol ewlieni fl-inizjattiva Missjoni Innovazzjoni. Hija se tmexxi l-isfida ta' innovazzjoni relatata mat-trasformazzjoni tad-dawl tax-xemx sabiex jinħolqu fjuwils solari u l-isfida ta' innovazzjoni relatata mat-tisħin u t-tkessiħ affordabbli tal-bini, u se jkollha sehem attiv fl-isfidi ta' innovazzjoni li jifdal. Il-Kummissjoni se tiffoka biex twettaq sinerġiji mas-settur privat inkluż il-Breakthrough Energy Coalition.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tniedi programm jew tnejn ta' użu konġunt fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b'attenzjoni partikolari fuq l-Afrika bħala msieħba privileġġjata fid-dawl tas-summit UE-Afrika fl-2017. Programmi bħal dawn se jgħaqqdu r-riċerka u l-innovazzjoni mal-bini tal-kapaċità fil-pajjiż ospitanti peress li ż-żewġ komponenti huma elementi indispensabbli sabiex jintlaħaq is-suċċess fil-prattika. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE se tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet li ġejjin minn Orizzont 2020 u/jew minn Programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kif xieraq. L-inizjattiva se tkun ikkomplementata minn assistenza teknika fejn ikun meħtieġ.

In-Netwerk Enterprise Europe se jiġi estiż għal swieq ta' pajjiżi terzi addizzjonali sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni fin-negozju, it-trasferiment tat-teknoloġija, it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni fil-proġetti ta' riċerka għal Intrapriżi Żgħar u Medji, mal-ambjent, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-kostruzzjoni sostenibbli bħala l-aktar setturi importanti.

7.Atturi ewlenin fit-tranżizzjoni tal-enerġija

Sabiex jinħoloq impatt sostnut u tkun żgurata l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet innovattivi li se jkunu appoġġati mill-Kummissjoni permezz ta' din l-istrateġija, iċ-ċittadini, il-bliet, ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha għandhom rwol kruċjali.

Iċ-ċittadini huma ċentrali għall-adozzjoni b'suċċess ta' soluzzjonijiet innovattivi b'livell baxx ta' karbonju, minn miters intelliġenti fid-djar tagħhom għal parks eoliċi fuq skala kbira. Is-sejbien ta’ modi ġodda u aħjar biex jiġu involuti ċ-ċittadini tal-Ewropa fit-tranżizzjoni għal użu ta' livell baxx ta' karbonju u li tingħata vuċi lill-appoġġ popolari eżistenti ta' livelli għoljin huwa ta' importanza kbira. Iċ-ċittadini li jkunu aktar involuti jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tal-enerġija tagħhom u tal-UE, u jgħinu fit-tfassil ta' mudelli ta' negozju ġodda u oriġinali.

Ir-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini. Filwaqt li tibni fuq l-appoġġ speċifiku għar-reġjuni u l-bliet tal-politika reġjonali tal-UE, l-Aġenda Urbana għall-UE u li issa ssegwi Ħabitat III l-Aġenda Urbana Ġdida globali, il-Patt Globali tas-Sindki,  45 Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Bliet Intelliġenti, u n-netwerk CIVITAS 46 , il-bliet, l-irħula u r-reġjuni tal-Ewropa kienu strumentali fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija u biex tingħata spinta għal innovazzjoni relatata mal-klima u l-enerġija. Barra minn hekk, in-netwerks ta' viċinati, bliet u reġjuni jistgħu jgħinu sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jinġabru r-riżorsi u l-investimenti. F'dan ir-rigward l-appoġġ ipprovdut permezz tal-pjattaformi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-Orizzont 2020 għal bliet intelliġenti u sostenibbli, jeħtieġ li jiġi estiż sabiex jinkludi aspetti ta' bliet inklużivi sabiex jiġu żviluppati aktar ir-riżultati miksuba. Inizjattivi bħall-qasam ta' prijorità Bliet Intelliġenti u Sostenibbli tal-Orizzont 2020, l-Inizjattiva ta' Programmar Konġunt għal Ewropa Urbana u l-Azzjonijiet Urbani Innovattivi, 47 kif ukoll is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, għandhom jiġu ssimplifikati sistematikament u mkabbra sabiex jistimulaw aktar l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-enerġija fis-setturi kollha tas-soċjetà urbana. Il-kejl u l-iskambju ta' dejta aħjar, kif ukoll l-iżvilupp ta' aktar sistemi interoperabbli u s-sigurtà tad-dejta assoċjata u l-garanziji ta' privatezza, huma kruċjali sabiex dan iseħħ.

Permezz tal-ekosistemi urbani marbuta mal-innovazzjoni stabbiliti tagħhom ("bliet intelliġenti"), il-pjattaformi ta' investiment biex jiġu aggregati proġetti fl-effiċjenza fl-enerġija jew fl-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, u ħidma għal soluzzjonijiet ta' trasport urban aktar ekoloġiċi, l-ibliet huma indispensabbli sabiex jappoġġaw l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet tal-enerġija nadifa li huma promossi permezz tal-azzjonijiet ta' din il-Komunikazzjoni.

Flimkien mal-bliet u r-reġjuni, l-Istati Membri huma kruċjali sabiex tiġi avvanzata t-tranżizzjoni tal-enerġija. Jeżistu diversi mekkaniżmi sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni relatati mal-enerġija tal-UE ma' dawk tal-Istati Membri tagħha, jew sabiex jallinjaw aħjar l-appoġġ tas-settur pubbliku ma' dak ipprovdut mis-settur privat. Madankollu, hemm lok għal aktar effiċjenza u għat-twettiq ta' sinerġiji akbar.

Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija, li jinkludi 28 Stat Membru u erba' pajjiżi assoċjati, kif ukoll partijiet ikkonċernati industrijali u akkademiċi, huwa parti ċentrali tal-istruttura ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Filwaqt li kkoordina l-attivitajiet rispettivi tagħhom u ħoloq sinerġiji akbar, il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija ffaċilita l-irduppjar tal-investiment totali annwali fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji ta' prijorità tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija fl-aħħar ftit snin. Ġew stabbiliti miri konġunti ta' riċerka u innovazzjoni f'għaxar oqsma ta' azzjoni ta' prijorità, sabiex jissaħħu aktar l-investimenti kkoordinati jew konġunti, li jirriflettu livell dejjem jikber ta' impenn. B'mod analogu, fit-trasport, qed tiġi stabbilita l-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport, strutturata madwar  l-iżvilupp ta' seba' pjanijiet direzzjonali esperti u mekkaniżmu ta' governanza korrispondenti biex jappoġġaw u jħaffur-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu. Kemm il-Pjan Strateġiku tat-Teknoloġija tal-Enerġija kif ukoll l-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport se jipprovdu strutturi importanti għall-koordinazzjoni mal-azzjonijiet deskritti f'din il-Komunikazzjoni, li jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħhom u joħolqu sinerġiji sabiex jiksbu impatt.

Atturi ewlenin fis-sistema tal-enerġija - Azzjonijiet proposti:

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri permezz tal-istrutturi ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, u b'mod partikolari permezz tal-Pjan SET, sabiex tallinja l-investimenti tal-Istati Membri taħt l-erba' oqsma ta' prijorità msemmija fit-Taqsima 5 u sabiex tesplora l-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta' Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni rilevanti.

Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija se tiżgura li l-objettivi u l-miżuri nazzjonali rigward ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività, jiġu stabbiliti fi pjanijiet integrati nazzjonali tal-enerġija u l-klima u li l-objettivi, il-politiki u l-miżuri jkunu koerenti mal-objettivi tal-UE. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-progress integrati biennali u r-rapporti tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija se jiżguraw is-segwitu u l-monitoraġġ meħtieġa.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi struttura ta' governanza speċifika mal-Istati Membri dwar l-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u Innovazzjoni tat-Trasport, biex tallinja l-pjanijiet strateġiċi fit-tul għall-azzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni tat-trasport u biex tiggarantixxi l-kompatibilità mas-settur tal-enerġija u t-teknoloġiji diġitali.

Il-Kummissjoni se tistimula l-iskambju u t-tisħiħ tal-aħjar prattiki u proġetti ta’ dimostrazzjoni urbani intelliġenti, sostenibbli u inklużivi, inklużi dawk appoġġati taħt is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u taħt l-Azzjonijiet Urbani Innovattivi. Dan se jislet ukoll fuq data u prodotti mill-programm Copernicus tal-Kummissjoni Ewropea għall-osservazzjoni tad-Dinja.

8.Konklużjonijiet

Il-miżuri ta' politika stabbiliti f'dan id-dokument jikkostitwixxu l-qalba tal-pilastru tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Dawn jifformaw parti integrali mill-pakkett usa' ta' "miżuri ta’ faċilitazzjoni" meħtieġa sabiex jagħtu spinta lit-tranżizzjonijiet tal-enerġija nadifa, li huma deskritti fil-Komunikazzjoni "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha" maħruġa llum. Il-Kummissjoni se tistinka biex timplimenta dawn il-miżuri matul il-bqija tal-mandat tagħha u se tirrapporta dwar il-progress li sar fil-qafas tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija annwali.

(1) 1,600 biljun 4,400 biljun Il-projezzjonijiet tas-suq globali għal soluzzjonijiet b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-enerġija jvarjaw minn madwar EUR  sa EUR fis-sena, b'potenzjal għoli ta' tkabbir speċjalment barra l-Ewropa.
(2)

 Ara, Wara Pariġi, COM(2016) 110 final.

(3) Scaling up innovation in the Energy Union to meet new climate, competitiveness and societal goals (Żieda fl-innovazzjoni fl-Unjoni tal-Enerġija sabiex jintlaħqu miri ġodda marbuta mal-klima, il-kompetittività u s-soċjetà) L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fir-rigward tal-privattivi ta' valur għoli f'teknoloġiji ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Ara, (i24C, 2016), p.35.
(4) COM (2016)860  
(5) COM(2014) 903 dwar il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa
(6) C(2015) 6317 final dwar Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) integrat: l-aċċellerazzjoni tat-Trasformazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija Ewropea
(7) Fis-sistema tal-enerġija tal-UE, l-innovazzjoni mhijiex biss dwar teknoloġiji ġodda, iżda anke mudelli u servizzi ta' negozju rivoluzzjonarji ġodda, innovazzjoni tas-soċjetà u mekkaniżmi ġodda politiċi u finanzjarji. Ara, Scaling up innovation in the Energy Union to meet new climate, competitiveness and societal goals (Żieda fl-innovazzjoni fl-Unjoni tal-Enerġija sabiex jintlaħqu miri ġodda tal-klima, il-kompetittività u s-soċjetà) (i24C, 2016), p. 14.
(8) COM(2016) 601 final dwar L-Unjoni tas-Swieq Kapitali - Naċċelleraw ir-Riforma
(9)

Ara Open innovation, open science, open to the world, 2016 (L-innovazzjoni miftuħa, ix-xjenza miftuħa, approċċ miftuħ għad-dinja, 2016), Kummissjoni Ewropea, ISBN 978-92-79-57346-0.

(10) SWD(2016) 420
(11) COM (2016)864
(12) COM(2016)860  ]
(13) COM(2016) 615 final dwar Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha
(14) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività, Mejju 2016.
(15) Il-Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali tipprovdi verifika minn parti terza tal-prestazzjoni tat-teknoloġija. See http://ec.europa.eu/environment/ecoap/etv/
(16) Id-DIRETTIVA 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija
(17) COM/2015/0337 final - 2015/0148 (COD)
(18) COM/2016/0482 final - 2016/0231: Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi
(19) COM(2016) 479 final, 2016/0230 (COD)
(20) COM/2015/0614 final dwar L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari.
(21) COM(2016) 501 final  
(22) COM(2016) 733 final
(23) Ara l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017, Anness I, COM(2016)710 final),
(24) Ara COM(2008) 400.
(25) Ara World Energy Outlook, 2016
(26) COM(2014) 903 dwar il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa.
(27) COM(2016) 581 final  
(28) http://www.eib.org/products/blending/innovfin/ Fir-rigward tal-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-Qasam tal-Enerġija, ara
(29) www.ec.europa.eu/eipp Il-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment:
(30) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013
(31) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/  
(32) Rigward l-ERC https://erc.europa.eu
(33) Titolu ta’ ħidma
(34) Ara, il-Komunikazzjoni dwar il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, COM(2016) 733 final
(35) COM (2016) 860, Anness I
(36) Europe’s buildings under the microscope (Il-binijiet tal-Ewropa taħt skrutinju) Ara, (2011).
(37) Impact Assessment of Roadmap 2050 (Valutazzjoni tal-Impatt tal-Pjan Direzzjonali 2050), SEC(2011) 1565/2, Parti ½ Ara, xenarju High RES, fuq: .
(38) L-appoġġ attwali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-ħżin huwa pprovdut primarjament bħala parti mill-attivitajiet tal-grilja intelliġenti tal-Pjan SET u fil-kuntest tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwils u l-Idroġenu.
(39) COM(2016) 501 final Ara, Communication on a European Strategy for Low-Emission Mobility (Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet baxxi), .
(40) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-2063_it.htm Stqarrija għall-istampa, 3 ta’ Ġunju 2016, l-Unjoni Ewropea tissieħeb mal-Missjoni Innovazzjoni, inizjattiva globali dwar l-enerġija nadifa:
(41) Public energy RD&D spending in IEA member countries  , OECD/IEA (2015).
(42) Il-Breakthrough Energy Coalition tinkludi grupp ta' aktar minn 20 investitur minn pajjiżi differenti li nedew inizjattiva konġunta ma' Missjoni Innovazzjoni bil-għan li jinvestu fir-riċerka tal-enerġija nadifa.
(43) Ara COM/2016/0581
(44) Ara Open innovation, open science, open to the world, 2016 (Innovazzjoni miftuħa, xjenza miftuħa, miftuħa għad-dinja, 2016), Kummissjoni Ewropea, ISBN 978-92-79-57346-0.
(45) http://www.patttassindki.eu/index_mt.html Ara, .
(46) CIVITAS huwa mfassal bħala programm li jippermetti lill-ibliet jitgħallmu minn xulxin u li jiffaċilita l-iskambju tal-ideat.
(47) http://www.uia-initiative.eu/
Top

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 763 final

ANNESS

tal-


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-PJAN TA' INVESTIMENT EWROPEW
Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa


Anness

Deskrizzjoni tal-erba’ oqsma ta’ prijorità tat-teknoloġija

L-integrazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali, intelliġenti u avvanzati fl-aspetti kollha tas-sistema tal-enerġija, flimkien mad-diversi applikazzjonijiet tagħhom, hija prekundizzjoni sabiex nibqgħu fuq quddiem nett fil-bidla għall-mudell ta' prodotti u servizzi aktar iċċentrati lejn il-konsumatur li se jmexxi l-mewġa ta' innovazzjoni li jmiss fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, is-soluzzjonijiet ta' ħżin, l-elettromobbiltà, l-akkomodazzjoni avvanzata u s-settur tal-enerġija kollu.

a) Id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE sal-2050: Minn bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero għal distretti b’enerġija pożittiva

L-istokk tal-bini tal-UE jirrappreżenta erja totali ta' art ta' madwar 25 biljun m². Il-bini jikkunsma 40 % tad-domanda tal-enerġija finali tal-UE, aktar minn kwalunkwe settur ieħor. Iżda l-bini jirrappreżenta wkoll potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija u ladarba jiġi rinnovat u ristrutturat, jista’ jgħin sabiex jiġi ġġenerat surplus ta’ enerġija jew tiġi pprovduta kapaċità importanti ta' ħżin tal-enerġija. Kif indikat fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Bini tal-Kummissjoni, 1 l-UE diġà qiegħda fuq quddiem nett fis-sistemi ta' innovazzjoni għall-bini, iżda r-riċerka u l-innovazzjoni jridu jibqgħu prijorità ewlenija u din it-tmexxija għandha tkompli tespandi fil-futur. It-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE (it-tnaqqis tal-impatti ambjentali fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja) se tipprovdi ambjent ta' għajxien aħjar, toħloq impjiegi ġodda u tkabbir u tgħin sabiex jinkisbu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, hemm ħtieġa urġenti sabiex mill-anqas jiġu rduppjati r-rati ta' rinnovazzjoni tal-bini attwali (li b'0.4-1.2 % biss huma wisq baxxi) 2 u li jsiru rinnovazzjonijiet b'aktar reqqa u kompleti, abbażi ta' leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem, standards, teknoloġiji u mudelli ta' negozju innovattivi, u l-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kompetenzi ġodda.

Sabiex jinħoloq impatt sinifikanti, is-soluzzjonijiet innovattivi jridu jmorru lil hinn mill-proġetti b'użu ta' enerġija qrib iż-żero tal-lum. Dawn għandhom jindirizzaw l-aspetti tekniċi kollha (inkluż il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli domestika, proġetti għall-użu ottimizzat taċ-ċiklu tal-ħajja tal-enerġija u tal-materjali, sistemi diġitali ta' ġestjoni u ta' kontroll, u integrazzjoni tas-sistema enerġetika) kif ukoll kwistjonijiet regolatorji, li jistabbilixxu standards, finanzjarji, ta' governanza u soċjoekonomiċi. Dawn għandhom juru l-fattibbiltà tad-distretti b’enerġija pożittiva f'reġjuni klimatiċi u kuntesti ekonomiċi differenti, filwaqt li jinkludu l-ġestjoni integrata ta' kwistjonijiet ambjentali relatati (bħall-ilma u l-iskart) 3 .

b) It-tisħiħ tat-Tmexxija tal-UE fir-rigward ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Aktar integrazzjoni tas-sistema u l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, inkluż bidliet radikali potenzjali, huma meħtieġa sabiex is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jsiru s-sorsi dominanti ta' produzzjoni ta' enerġija primarja u ta' ġenerazzjoni tal-enerġija. 4 Huwa wkoll prerekwiżit għat-trasformazzjoni ta' setturi b'livell għoli ta' karbonju, bħat-trasport, 5 fejn hemm bżonn ta' inċentivi sodi għall-innovazzjoni f'enerġiji alternattivi (eż. elettriku minn sorsi rinnovabbli, bijokarburanti avvanzati). Dan jinkludi appoġġ immirat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija, biex l-Ewropa żżomm it-tmexxija globali tagħha fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.

Ir-riċerka se tiffoka fuq: (1) L-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għall-bini, bħal Fotovoltajċi Integrati fil-Bini għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u teknoloġiji rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ, sabiex ikun possibbli l-ħolqien fuq skala kbira ta' bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero; (2) Riċerka dwar l-ottimizzazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għas-sistemi tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta sabiex jiġi aċċellerat il-potenzjal għall-użu tar-riħ; u (3) L-intensifikazzjoni tal-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sabiex tiżdied il-produzzjoni u l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari ta' enerġija rinnovabbli varjabbli, fis-sistema tal-enerġija inkluż is-settur tat-trasport, permezz ta' ħżin termali u kimiku (gass bl-elettriku, likwidi bl-elettriku).

Sinerġiji akbar bejn il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija rinnovabbli se jagħtu s-setgħa lil konsumaturi – ċittadini, komunitajiet u negozji – u jinkoraġġixxu l-użu ta' servizzi ġodda li jipprovdu għall-ħtiġijiet u l-preferenzi li qed jinbidlu tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-flessibbiltà tas-sistema sabiex jiġu inkorporati volumi kbar ta' enerġija rinnovabbli varjabbli distribwita.

B'mod partikolari, dan jikkonċerna l-applikazzjoni kummerċjali u l-integrazzjoni effiċjenti ta' sistema ta' teknoloġiji aktar maturi (eż. l-enerġija mir-riħ, il-fotovoltajċi u l-bijoenerġija), flimkien mal-ħżin tal-enerġija jew soluzzjonijiet avvanzati oħrajn, bħall-integrazzjoni diġitali mal-elettromobbiltà u netwerks intelliġenti, sabiex jiġi akkomodat l-użu progressiv ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli li jvarjaw. Il-kompetittività fl-ispejjeż u t-titjib fl-effiċjenza tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli spedibbli, anqas maturi (eż. idroenerġija flessibbli, enerġija mill-oċeani u ġeotermali, enerġija solari kkonċentrata jew bijoenerġija sostenibbli avvanzata), bħala mezzi sabiex tiġi pprovduta enerġija ta’ tagħbija bażi u ta' riżerva b'livell baxx ta' karbonju, jeħtieġ ukoll li jiġu aċċellerati.

c) L-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' ħżin tal-enerġija affordabbli u integrati.

Sabiex tiġi ffaċilitata u tkun tista' ssir it-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju (inkluż it-trasport) ibbażata primarjament fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-UE teħtieġ li taċċellera l-integrazzjoni sħiħa tal-apparat għall-ħżin fis-sistema tal-enerġija, fuq skala domestika, kummerċjali u tal-utilità 6 . Il-batteriji, l-idroġenu u applikazzjonijiet oħra ta' ħżin – kemm mobbli kif ukoll fissi – huma kruċjali għall-elettromobbiltà fi żmien qasir iżda għandhom rwol sistematiku akbar għall-integrazzjoni tal-RES u l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet. Ir-riċerka f'dan il-qasam se tiftaħ it-triq għall-produzzjoni industrijali sussegwenti, il-promozzjoni ta' mudelli ta' negozju ġodda u aktar tnaqqis fl-ispejjeż, li jagħtu benefiċċji potenzjali kbar għall-UE f'termini ta' tkabbir u impjiegi.

It-tnedija mill-ġdid tal-produzzjoni ta' ċelloli tal-batteriji fl-Ewropa hija essenzjali: għandha għadd ta' benefiċċji f'termini ta' kompetittività industrijali, għarfien fil-manifattura avvanzata, sigurtà tal-provvista u s-sehem tal-Ewropa fil-ktajjen globali tal-valur. Batteriji li jkunu irħas, eħfef, aktar sikuri u bi prestazzjoni aħjar, flimkien ma' soluzzjonijiet ta' ċċarġjar aktar rapidi, huma rekwiżit ewlieni għall-bidla għal elettromobbiltà sħiħa, kif ukoll biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ħżin tal-enerġija fid-djar (b'benefiċċji assoċjati għall-istabbiltà u l-flessibbiltà tal-grilja). L-inizjattiva se tinkludi wkoll riċerka dwar il-materjali; il-ġestjoni tal-ħardwer u tas-softwer, il-kontroll u l-integrazzjoni tat-tagħmir tal-ħżin fis-sistema tal-enerġija; il-konnessjoni tal-grilji intelliġenti tal-elettriku u l-batteriji tal-vetturi u tekniki ta' manifattura avvanzata. Dan se jtejjeb il-prestazzjoni u jnaqqas l-ispiża ta' elettroniċi tal-enerġija meħtieġa sabiex jinżammu l-effiċjenzi tas-sistema tal-ħżin f'livell kompetittiv. Se jindirizza wkoll il-ħolqien ta' kundizzjonijiet tas-suq favorevoli għal aktar tixrid ta' soluzzjonijiet ta' ħżin kemm fil-livell tal-konsumatur kif ukoll tal-grilja, inkluż il-bini ta' pontijiet bejn il-grilja tal-elettriku, il-girlja tal-gass naturali u s-sistema tat-trasport bħala prekundizzjoni għal provvista tal-elettriku bbażata kompletament fuq is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Dan se jagħmel enfasi partikolari fuq flussi ta' skart ġodda mit-tranżizzjoni tal-enerġija (batteriji, pannelli solari, eċċ.), f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari.

d) Elettromobbiltà u sistema tat-trasport urban aktar integrata.

Ibbażati fuq disinji ta' batteriji avvanzati u fuq sistemi ta' motopropulsjoni ġodda, il-vetturi elettriċi tal-ġenerazzjoni li jmiss huma integrati sew fl-infrastrutturi u s-soluzzjonijiet ta' ċċarġjar mill-ġdid innovattivi. L-iżvilupp ta' batteriji li jkunu irħas, eħfef u aktar sikuri b'firxiet akbar, kif ukoll teknoloġiji u soluzzjonijiet ta' ċċarġjar aktar rapidi u aktar faċli għall-konsumatur, għalhekk jikkostitwixxu prijoritajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport, kif ukoll vantaġġi kompetittivi potenzjali għall-industrija tat-trasport tal-UE. Id-diġitizzazzjoni li se tippermetti servizzi ta' trasport u ta' mobbiltà intelliġenti konnessi u awtomatizzati, li attwalment tinsab fl-istadju dimostrattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi tekniċi u leġiżlattivi, se tipprovdi aktar opportunitajiet.

L-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport żviluppat l-ewwel approċċ strateġiku fit-tul biex tiġi mħejjija l-bidla prevista tas-sistema tat-trasport permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, bil-kombinament ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju innovattivi u ta' servizzi tat-trasport u tal-mobbiltà intelliġenti konnessi u awtomatizzati, bl-użu ta' teknoloġiji ġodda bħas-sistemi globali ta' navigazzjoni bis-satellita Ewropej (Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja). Hija identifikat ukoll il-ħtieġa ta' faċilitaturi u ta' kundizzjonijiet ta' qafas, b'mod partikolari f'termini ta' infrastruttura, aċċettazzjoni pubblika u attenzjoni akbar għall-ħtiġijiet tal-utenti. Il-bidla għal trasport aktar awtonomu u konness, appoġġata mill-Istrateġija C-ITS 7 – b’mod partikolari f'żoni urbani – u t-trasformazzjoni tal-mobbiltà f'servizz u f'loġistika bieb bieb aħjar huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkisbu livelli akbar ta' effiċjenza u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport.

Il-frammentazzjoni fis-suq il-ġdid li qed jiżviluppa tat-teknoloġija tat-trasport b'emissjonijiet baxxi għandha tiġi indirizzata u ż-żieda fl-użu tal-innovazzjoni għandha tiġi appoġġata permezz ta' lievi ta' politika differenti (eż. reviżjoni tar-regolamenti li jistabbilixxu l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet ta' gass serra għall-karozzi u l-vannijiet, reviżjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa), lievi finanzjarji (bħall-finanzjament tal-BEI) kif ukoll approċċ ta' pjattaforma maħsub sabiex ikun hemm skambju aħjar tal-informazzjoni u tiġi allinjata l-azzjoni fuq l-investiment.

(1) COM(2016) 860 Anness I
(2) Madwar 75 % tal-istokk tal-bini tal-UE huwa ferm ineffiċjenti fl-enerġija. Skont ir-rati ta' rinnovazzjoni attwali, dan se jieħu madwar seklu biex jiġi aġġornat skont l-aktar standards riċenti.
(3) http://susproc.jrc.ec.europa.eu/Efficient_Buildings/ Bl-applikazzjoni tal-prinċipji ta' Ekonomija Ċirkolari biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ambjentali tal-bini; ara,  
(4) Impact Assessment of Roadmap 2050 (Valutazzjoni tal-Impatt tal-Pjan Direzzjonali 2050), SEC(2011) 1565/2, Parti ½ Ara, ix-xenarju High RES, fuq: .
(5) COM(2016) 501 final Ara, Communication on a European Strategy for Low-Emission Mobility (il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi), .
(6) L-appoġġ attwali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-ħżin huwa pprovdut primarjament bħala parti mill-attivitajiet tal-grilja intelliġenti tal-Pjan SET u fil-kuntest tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu.
(7) COM(2016) 766
Top