EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0356

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva

COM/2016/0356 final

Brussell, 2.6.2016

COM(2016) 356 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva

{SWD(2016) 184 final}


1. Introduzzjoni

L-ekonomija kollaborattiva toħloq opportunitajiet ġodda għall-intraprendituri u għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-ekonomija kollaborattiva tista' tagħti kontribut importanti għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea, dment li titħeġġeġ u tiġi żviluppata b'mod responsabbli. Xprunati mill-innovazzjoni, il-mudelli tan-negozju ġodda għandhom potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-kompetittività u t-tkabbir. Is-suċċess ta' pjattaformi kollaborattivi kultant jippreżentaw sfida għall-operaturi u l-prattiki eżistenti tas-suq, iżda billi jippermettu lil ċittadini individwali biex joffru servizzi, dawn jippromwovu wkoll opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u sorsi ġodda ta' dħul. Għall-konsumaturi, l-ekonomija kollaborattiva tista' tipprovdi benefiċċji permezz ta' servizzi ġodda, forniment estiż, u prezzijiet aktar baxxi. Din tista' tħeġġeġ ukoll aktar kondiviżjoni tal-assi u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-aġenda ta' sostenibbiltà tal-UE u għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari.

Fl-istess ħin, l-ekonomija kollaborattiva kultant tqajjem kwistjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-oqfsa legali eżistenti, u ċċajpar il-linji stabbiliti bejn il-konsumatur u l-fornitur, l-impjegat u l-persuna li taħdem għal rasha, jew il-forniment professjonali u mhux professjonali ta' servizzi. Dan jista' jirriżulta f'inċertezza dwar ir-regoli applikabbli, b'mod speċjali meta jkunu magħquda mal-frammentazzjoni regolatorja li tirriżulta minn approċċi regolatorji diverġenti fil-livell nazzjonali jew lokali. Dan jostakola l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fl-Ewropa u ma jħallix il-benefiċċji tagħha jimmaterjalizzaw kompletament. Fl-istess ħin, hemm ir-riskju li ż-żoni regolatorji griżi jiġu sfruttati bil-għan li jiġu evitati r-regoli mfassla biex jippreżervaw l-interess pubbliku.

L-ekonomija kollaborattiva hija żgħira imma qed tikber b'mod mgħaġġel, u qed tikseb ishma tas-suq importanti f'xi setturi. Id-dħul gross fl-UE minn pjattaformi u fornituri kollaborattivi kien stmat għal EUR 28 biljun fl-2015. Id-dħul fl-UE f'ħames setturi prinċipali kważi rdoppja meta mqabbel mas-sena ta' qabel u mistenni jkompli jespandi sew 1 . It-tkabbir ilu b'saħħtu mill-2013 u aċċellera fl-2015 hekk kif pjattaformi kbar investew b'mod sinifikanti fl-espansjoni tal-operazzjonijiet Ewropej tagħhom. Jekk inħarsu 'l quddiem, xi esperti jistmaw li l-ekonomija kollaborattiva tista' żżid EUR 160-572 biljun mal-ekonomija tal-UE. Għalhekk hemm potenzjal għoli għan-negozji l-ġodda biex jaħsdu dawn l-ekonomiji li qed jikbru b'pass mgħaġġel 2 . L-interess tal-konsumatur huwa tabilħaqq b'saħħtu, kif ikkonfermat minn konsultazzjoni pubblika u sondaġġ tal-Ewrobarometru 3 .

Din il-Komunikazzjoni timmira li tgħin fil-ksib ta' dawn il-benefiċċji u li tindirizza t-tħassib dwar l-inċertezza dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li qed jieħdu sehem fl-ekonomija kollaborattiva. Hija tagħti gwida legali u orjentament ta' politika 4 lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-operaturi tas-suq u liċ-ċittadini interessati għall-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tal-ekonomija kollaborattiva, kif imħabbar fl-istrateġija tas-suq uniku 5 . Din il-gwida mhux vinkolanti tal-Kummissjoni dwar kif il-liġi eżistenti tal-UE għandha tkun applikata għall-ekonomija kollaborattiva tkopri kwistjonijiet prinċipali li jiffaċċjaw kemm l-operaturi tas-suq kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi 6 . Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi li l-Kummissjoni tista' tieħu fil-futur f'dan il-qasam u għall-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE

X'inhi l-ekonomija kollaborattiva?

Għall-fini ta' din il-Komunikazzjoni, it-terminu "ekonomija kollaborattiva" 7 jirreferi għal mudelli tan-negozju fejn l-attivitajiet huma ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li joħolqu suq miftuħ għall-użu temporanju ta' prodotti jew servizzi ta' spiss pprovduti minn individwi privati. L-ekonomija kollaborattiva tinvolvi tliet kategoriji ta' atturi: (i) fornituri tas-servizzi li jikkondividu assi, riżorsi, ħin u/jew ħiliet — dawn jistgħu jkunu individwi privati li qed joffru servizzi fuq bażi okkażjonali ("pari") jew fornituri tas-servizzi li jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom ("fornituri ta' servizzi professjonali"); (ii) l-utenti ta' dawn; u (iii) intermedjarji li jikkollegaw — permezz ta' pjattaforma online — fornituri mal-utenti u li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet bejniethom ("pjattaformi kollaborattivi"). It-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva ġeneralment ma jinvolvux bidla fis-sjieda u jistgħu jitwettqu għall-qligħ jew mingħajr skop ta' qligħ.  8

2. Kwistjonijiet prinċipali

2.1. Rekwiżiti tal-aċċess għas-suq

Flimkien mal-ħolqien ta' swieq ġodda u l-espansjoni ta' dawk eżistenti, in-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jidħlu fi swieq li sal-lum kienu servuti minn fornituri ta' servizzi tradizzjonali Kwistjoni ewlenija li tolqot lill-awtoritajiet u l-operaturi tas-suq l-istess hija jekk u sa liema punt, skont il-liġi eżistenti tal-UE, il-pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri tas-servizzi jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti tal-aċċess għas-suq. Dawn jistgħu jinkludu awtorizzazzjonijiet tan-negozju, obbligi ta' liċenzjar, jew rekwiżiti ta' standards minimi tal-kwalità (eż. id-daqs tal-kmamar jew it-tip ta' karozzi, obbligi ta' assigurazzjoni jew ta' depożitu, eċċ). Skont il-liġi tal-UE, jeħtieġ li rekwiżiti bħal dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati, billi wieħed iqis l-ispeċifiċitajiet tal-mudell tan-negozju u tas-servizzi innovattivi konċernati, filwaqt li mudell tan-negozju partikolari ma jiġix ippreferut minn ieħor.

Forniment professjonali ta' servizzi

L-approċċi regolatorji nazzjonali jvarjaw f'diversi setturi, b'uħud minnhom aktar restrittivi minn oħrajn. Skont it-tip ta' servizz, l-intervent regolatorju normalment huwa motivat b'referenza għall-objettivi differenti ta' interess pubbliku: il-protezzjoni tat-turisti; l-iżgurar tas-sikurezza pubblika; il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi; is-salvagwardja tas-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari; ir-rimedju tal-iskarsezza ta' akkomodazzjoni affordabbli għaċ-ċittadini, eċċ. F'ċerti Stati Membri, minbarra r-regolamentazzjoni eżistenti speċifika għas-settur, kien hemm interventi regolatorji mmirati, xprunati mid-dħul fis-suq ta' operaturi tal-ekonomija kollaborattiva.

Skont il-liġi tal-UE, b'mod partikolari l-libertajiet fundamentali tat-Trattat u d-Direttiva dwar is-Servizzi, 9 il-fornituri tas-servizzi mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq jew għal rekwiżiti oħra, bħal skemi ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti ta' liċenzjar, dment li jkunu nondiskriminatorji, meħtieġa biex jinkiseb objettiv ta' interess pubbliku identifikat b'mod ċar 10 u proporzjonati biex jinkiseb dan l-interess (jiġifieri li ma jkunu jimponu l-ebda rekwiżit ieħor minn dawk strettament meħtieġa) 11 . Dan japplika wkoll għar-regolazzjoni tal-professjonijiet 12 .

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti biex jiżguraw li r-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq ikomplu jkunu ġġustifikati minn objettiv leġittimu. Dawn għandhom ikunu wkoll meħtieġa u proporzjonati. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 13 , regolamentazzjoni aktar flessibbli tas-swieq tas-servizzi tkun twassal għal produttività ogħla u tista' tiffaċilita d-dħul fis-suq ta' atturi ġodda, tnaqqas il-prezz għas-servizzi, u tiżgura għażliet akbar għall-konsumaturi.

L-eżistenza ġdida tal-ekonomija kollaborattiva u d-dħul fis-suq ta' mudelli tan-negozju ġodda jipprovdu opportunità għal dawk li jfasslu l-politika u għal-leġiżlaturi fl-Istati Membri. Dawn jistgħu jikkunsidraw jekk l-objettivi segwiti fil-leġiżlazzjoni eżistenti jibqgħux validi, kemm fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva kif ukoll ta' fornituri ta' servizzi li qed joperaw b'mod tradizzjonali.

Meta jivvalutaw mill-ġdid il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ekonomija kollaborattiva, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ġeneralment jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva u l-għodod li jistgħu jistabbilixxu biex jindirizzaw tħassib dwar ta' politika pubblika, pereżempju fir-rigward tal-aċċess, il-kwalità jew is-sikurezza. Pereżempju, is-sistemi ta' klassifikazzjoni u reputazzjonali jew mekkaniżmi oħra biex jiskoraġġixxu mġiba li tagħmel il-ħsara mill-parteċipanti tas-suq jistgħu f'ċertu każijiet inaqqsu r-riskji għall-konsumaturi li jirriżultaw minn asimetriji tal-informazzjoni. Dan jista' jikkontribwixxi għal servizzi ta' kwalità ogħla u potenzjalment inaqqas il-ħtieġa għal ċerti elementi ta' regolamentazzjoni, sakemm tista' titpoġġa fiduċja adegwata fil-kwalità tar-reviżjonijiet u l-klassifikazzjonijiet.

Projbizzjonijiet assoluti u restrizzjonijiet kwantitattivi ta' attività normalment jikkostitwixxu l-aħħar rimedju. Dawn għandhom b'mod ġenerali jkunu applikati biss jekk u fejn ma jkunux jistgħu jintużaw rekwiżiti xejn inqas restrittivi biex jinkiseb objettiv ta' interess pubbliku leġittimu. Pereżempju, il-projbizzjoni ta' kiri b'terminu qasir ta' appartamenti ġeneralment jidher li huwa diffiċċli li tiġi ġġustifikata meta l-użu għal kiri b'terminu qasir ta' proprjetajiet jista' pereżempju jkun limitat għal numru massimu ta' jiem fis-sena. Dan jippermetti liċ-ċittadini jikkondividu l-proprjetajiet tagħhom fuq bażi okkażjonali mingħajr ma jirtiraw il-proprjetà mis-suq tal-kiri għal perjodu twil.

Barra dan, fejn il-fornituri ta' servizzi huma meħtieġa b'mod leġittimu li jiksbu awtorizzazzjonijiet fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet biex jiksbuhom huma, fost affarijiet oħra, ċari, proporzjonati u oġġettivi u li l-awtorizzazzjonijiet huma fil-prinċipju mogħtija għal perjodu ta' żmien mhux limitat 14 . Barra minn hekk, il-proċeduri u l-formalitajiet amministrattivi rilevanti jridu wkoll ikunu ċari, trasparenti u mhux komplikati aktar milli dovut, filwaqt li l-ispejjeż tagħhom għall-fornituri għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati għall-ispiża tal-proċedura inkwistjoni u l-proċeduri għandhom ikunu veloċi kemm jista' jkun possibbli u soġġetti għal approvazzjoni taċita 15 . L-użu tal-aħjar prattiki u prinċipji tal-gvern elettroniku jista' jbaxxi b'mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piż tal-konformità għall-fornituri tas-servizzi 16 .

Forniment ta' servizzi bejn il-pari

Fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, element importanti biex jiġi vvalutat jekk rekwiżit ta' aċċess għas-suq huwiex meħtieġ, ġustifikat u proporzjonat, jista' jkun jekk is-servizzi humiex offruti minn fornituri professjonali jew inkella minn individwi privati fuq bażi okkażjonali. Fil-fatt, karatteristika speċifika tal-ekonomija kollaborattiva hija li l-fornituri tas-servizzi ħafna drabi huma individwi privati li joffru assi jew servizzi fuq bażi okkażjonali bejn il-pari. Fl-istess ħin, intraprendituri mikro u negozji żgħar qegħdin dejjem iżjed jużaw pjattaformi kollaborattivi.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistabbilixxix espressament f'liema punt pari jsir fornitur ta' servizzi professjonali fl-ekonomija kollaborattiva 17 . L-Istati Membri jużaw kriterji differenti biex jiddifferenzjaw bejn servizzi professjonali u servizzi bejn il-pari. Xi Stati Membri jiddefinixxu s-servizzi professjonali bħala servizzi pprovduti b'remunerazzjoni mqabbla ma' servizzi bejn il-pari li għandhom l-għan li jikkumpensaw l-ispejjeż magħmula mill-fornitur tas-servizzi. Stati Membri oħra introduċew differenzjazzjoni bl-użu ta' limiti massimi. Dawn il-limiti massimi ta' spiss huma żviluppati fuq bażi speċifika għas-settur b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' dħul iġġenerat jew ir-regolarità li biha huwa pprovdut is-servizz. Taħt dawn il-limiti massimi, il-fornituri tas-servizzi normalment huma soġġetti għal rekwiżiti inqas restrittivi. Limiti massimi, stabbiliti b'mod raġonevoli, jistgħu jkunu approssimazzjoni utli u jistgħu jgħinu joħolqu qafas regolatorju ċar għall-benefiċċju ta' fornituri mhux professjonali.

Pereżempju, fis-settur tat-trasport, xi Stati Membri qed jippreparaw biex jeżentaw servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' skala żgħira — li jaqgħu taħt limitu massimu speċifiku ta' fatturat annwali — mir-rekwiżiti ta' liċenzjar. Fis-settur tal-akkomodazzjoni b' terminu qasir, ċerti bliet jippermettu kirjiet b'terminu qasir u servizzi ta' kondiviżjoni ta' djar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jew rekwiżiti ta' reġistrazzjoni. Dan huwa l-każ meta s-servizzi huma pprovduti fuq bażi okkażjonali, jiġifieri sa limiti massmi speċifiċi bħal inqas minn 90 jum fis-sena. Bliet oħra japplikaw regoli differenti skont jekk il-proprjetà hijiex residenza primarja jew sekondarja, bis-suppożizzjoni li r-residenza primarja ta' ċittadin tista' tinkera biss fuq bażi okkażjonali.

Pjattaformi kollaborattivi

Jekk huwiex il-każ jew le li – u sa liema livell – il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti tal-aċċess għas-suq jiddependi fuq in-natura tal-attivitajiet tagħhom. Dment li pjattaformi kollaborattivi jipprovdu "servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta' mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi," 18 dawn jipprovdu servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għalhekk, ma jistgħux ikunu soġġetti għal awtorizzazzjonijiet minn qabel jew għal kwalunkwe rekwiżit ekwivalenti li huwa mmirat speċifikament u esklussivament lejn dawk is-servizzi 19 . Barra dan, l-Istati Membri jistgħu jimponu biss rekwiżiti regolatorji fuq il-pjattaformi kollaborattivi li jipprovdu servizzi bħal dawn bejn fruntiera u oħra minn Stat Membru ieħor, f'ċirkostanzi limitati u soġġett għal proċedura speċifika 20 .

Madankollu, jista' jkun hemm każijiet fejn il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu jitqiesu li qed joffru servizzi oħrajn minbarra s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li joffru lil intermedjarji bejn il-fornituri tas-servizzi sottostanti u l-utenti tagħhom. B'mod partikolari, f'ċertu ċirkostanzi, pjattaforma tista' tkun ukoll fornitur tas-servizz sottostanti (eż. servizz ta' trasport jew ta' kiri b'terminu qasir). F'każ bħal dan, pjattaformi kollaborattivi jistgħu jkunu soġġetti għar-regolamentazzjoni rilevanti speċifika għas-settur, inkluż rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni u liċenzjar tan-negozju ġeneralment applikati għall-fornituri ta' servizzi, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet preċedenti 21 .

Jekk pjattaforma kollaborattiva tipprovdix ukoll is-servizz sottostanti normalment irid jiġi stabbilit fuq bażi ta' każ b'każ. Diversi kriterji fattwali u legali jistgħu jkollhom rwol f'dan ir-rigward. Il-livell ta' kontroll jew influwenza li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita fuq il-fornitur ta' servizzi bħal dawn ġeneralment ser ikunu ta' importanza sinifikanti. Dan jista' jiġi stabbilit b'mod partikolari fid-dawl tal-kriterji prinċipali li ġejjin:

Prezz: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tistabbilixxix il-prezz finali li jrid jitħallas mill-utent, bħala r-riċevitur tas-servizz sottostanti. Fejn il-pjattaforma kollaborattiva qiegħda biss tirrakkomanda prezz jew fejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti huwa liberu li jadatta l-prezz stabbilit minn pjattaforma kollaborattiva, dan jindika li dan il-kriterju jista' ma jintlaħaqx.

Termini kuntrattwali prinċipali oħra: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tistabbilixxix termini u kundizzjonijiet, minbarra l-prezz, li jiddeterminaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti u l-utent (bħal pereżempju l-istabbiliment ta' struzzjonijiet obbligatorji għall-forniment tas-servizz sottostanti, inkluż kwalunkwe obbligu għall-forniment tas-servizz).

Sjieda tal-assi prinċipali: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tipposjediex l-assi prinċipali użati għall-forniment tas-servizz sottostanti.

Meta dawn it-tliet kriterji jiġu ssodisfati kollha, hemm indikazzjonijiet ċari li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fornitur tas-servizz sottostanti, li jista' jindika li din għandha titqies li tipprovdi wkoll is-servizz sottostanti (minbarra servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni).

Skont il-każ involut, jista' jkun li kriterji oħrajn ikollhom rwol ukoll. Pereżempju, jekk il-pjattaforma kollaborattiva ġġarrabx l-ispejjeż u terfax ir-riskji kollha relatati mal-forniment tas-servizz sottostanti. Jew jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg bejn il-pjattaforma kollaborattiva u l-persuna li qed tipprovdi s-servizz sottostanti inkwistjoni (ara t-Taqsima 2.4). Dawn l-elementi jistgħu jindikaw li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita livell għoli ta' kontroll u influwenza fuq il-forniment tas-servizz sottostanti.

Bil-kontra ta' dan, il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu sempliċement jgħinu lill-fornitur tas-servizzi sottostanti billi joffru l-possibbiltà li dan iwettaq ċerti attivitajiet li huma anċillari għas-servizzi ċentrali tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti mill-pjattaforma biex tintermedja bejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti u l-utenti tagħhom (eż. permezz tal-forniment ta' faċilitajiet ta' ħlas, kopertura ta' assigurazzjoni, servizzi ta' wara l-bejgħ, eċċ). Dan, fih innifsu, ma jikkostitwixxix evidenza ta' influwenza u kontroll fir-rigward tas-servizz sottostanti. Bl-istess mod, li jingħataw mekkaniżmi tal-klassifikazzjoni jew tar-reviżjoni tal-utenti mhijiex fiha nnifisha prova ta' influwenza jew kontroll sinifikanti 22 . Madankollu, b'mod ġenerali, aktar ma l-pjattaformi kollaborattivi jiġġestixxu u jorganizzaw l-għażla tal-fornituri tas-servizzi sottostanti u l-mod li bih dawk is-servizzi sottostanti jitwettqu — pereżempju billi jivverifikaw u jiġġestixxu direttament il-kwalità tat-tali servizzi — aktar isir ovvju li l-pjattaforma kollaborattiva jista' jkollha titqies li qed tipprovdi wkoll is-servizzi sottostanti hi stess.

Għalhekk, pjattaforma kollaborattiva li tipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-settur tal-kiri b'terminu qasir tista' biss tipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u mhux flimkien ukoll mas-servizz tal-akkomodazzjoni jekk, pereżempju, il-fornitur tas-servizz tal-akkomodazzjoni jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu stess u l-pjattaforma ma tipposjedi l-ebda waħda mill-assi użati għal dak il-forniment ta' servizz. Il-fatt li l-pjattaforma kollaborattiva tista' toffri wkoll servizzi ta' assigurazzjoni u ta' klassifikazzjoni lill-utenti tagħha ma għandux għalfejn jaltera dik il-konklużjoni.

Meta jkunu qed jivvalutaw jekk ir-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq applikati għall-ekonomija kollaborattiva humiex meħtieġa, ġustifikati u proporzjonati biex jissodisfaw objettivi ta' interess pubbliku identifikati u leġittimi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva.

Għall-finijiet tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet inkwistjoni, individwi privati li joffru servizzi permezz ta' pjattaformi kollaborattivi bejn il-pari u fuq bażi okkażjonali ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod awtomatiku bħala fornituri ta' servizz professjonali. L-istabbiliment ta' limiti massimi (possibbilment speċifiċi għas-settur) li taħthom attività ekonomika titqies bħala attività bejn il-pari mhux professjonali jista' jkun soluzzjoni xierqa.

L-Istati Membri huma rakkomandati li jieħdu l-opportunità biex jirrevedu, jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq li huma ġeneralment applikabbli għall-operaturi tas-suq. Dawn għandhom jimmiraw li jtaffu l-piż regolatorju mhux meħtieġ fuq l-operaturi, irrispettivament mill-mudell tan-negozju li jadottaw, u li jevitaw il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku.

2.2. Reġimi ta' responsabbiltà

L-aktar regoli rilevanti dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u ekstrakuntrattwali huma stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, skont il-liġi tal-UE, il-pjattaformi online, bħala fornituri ta' servizzi intermedjarji tas-soċjetà tal-informazzjoni, huma eżentati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, mir-responsabbiltà għall-informazzjoni li jaħżnu 23 .

L-applikabbiltà ta' din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà ser tiddependi fuq l-elementi legali u fattwali marbuta mal-attività mwettqa mill-pjattaforma kollaborattiva u tapplika meta l-attivitajiet inkwistjoni jikkwalifikaw bħala servizzi ta' "hosting" skont it-termini tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 24 . Sabiex jagħmlu dan, ir-rwol tagħhom irid ikun sempliċement tekniku, awtomatiku u passiv 25 . L-eżenzjoni mir-responsabbiltà tapplika bil-kundizzjoni li l-pjattaforma kollaborattiva ma jkollhiex rwol attiv li jagħtiha għarfien dwar, kontroll fuq, jew konoxxenza tal-informazzjoni illegali - u, fejn minkejja dan xorta tikseb it-tali għarfien jew konoxxenza, għandha taġixxi rapidament biex tneħħiha jew biex tiddiżattiva l-aċċess għaliha 26 .

Jekk il-pjattaformi kollaborattivi jistgħux jibbenefikaw jew le minn tali eżenzjoni ta' responsabbiltà jeħtieġ li jiġi stabbilit fuq bażi ta' każ b'każ, skont il-livell ta' għarfien u kontroll tal-pjattaforma online fir-rigward tal-informazzjoni li tospita.

Punt importanti hu li, skont il-liġi tal-UE, , l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-pjattaformi kollaborattivi, safejn dawn jipprovdu servizzi ta' hosting, obbligu ġenerali li jimmonitorjaw jew li jfittxu b'mod attiv fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali 27 .

Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali 28 tispjega li ż-żamma tar-reġim ta' responsabbiltà tal-intermedjarji eżistenti huwa kruċjali għall-iżvilupp imsaħħaħ tal-ekonomija diġitali fl-UE. Dan jinkludi l-ekonomija kollaborattiva, billi l-pjattaformi onine jaġixxu bħala muturi prinċipali għat-tkabbir tagħha. Il-Kummissjoni, fl-istess ħin, tħeġġeġ imġiba responsabbli mit-tipi kollha ta' pjattaformi onine fil-forma ta' azzjoni volontarja, pereżempju billi tgħin biex tiġi ttrattata l-kwistjoni importanti ta' reviżjonijiet foloz jew qarrieqa. Azzjoni volontarja bħal din meħuda biex tiżdied il-fiduċja u biex jiġi offrut servizz aktar kompetittiv ma għandhiex awtomatikament titqies li tfisser li l-imġiba tal-pjattaforma kollaborattiva ma għadhiex aktar sempliċement teknika, awtomatika u passiva.

Minbarra s-servizzi ta' hosting, pjattaforma kollaborattiva tista' toffri wkoll għadd ta' attivitajiet oħra konnessi jew anċillari. Dawn jistgħu jinkludu faċilitajiet ta' reviżjonijiet jew ta' klassifikazzjoni, faċilitajiet ta' ħlas, assigurazzjoni, verifika tal-ID (ta' spiss imwettqa minn fornituri terzi) jew il-pjattaforma tista' saħansitra tipprovdi s-servizz sottostanti li qed jiġi offrut lill-utenti.

L-eżenzjoni ta' responsabbiltà msemmija qabel stabbilita fil-liġi tal-UE tibqa' limitata għall-forniment ta' servizzi ta' hosting u ma testendix għal servizzi jew attivitajiet oħrajn imwettqa minn pjattaforma ta' ekonomija kollaborattiva. Barra minn hekk l-eżenzjoni ta' responsabbiltà msemmija qabel ma teskludix ir-responsabbiltà tal-pjattaforma tal-ekonomija kollaborattiva li tirriżulta skont il-leġiżjazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali applikabbli, safejn huma kkonċernati l-attivitajiet proprji tal-pjattaforma. Bil-kontra ta' dan, is-sempliċi fatt li pjattaforma twettaq ukoll ċerti attivitajiet oħra - minbarra li tipprovdi servizzi ta' hosting - ma jfissirx neċessarjament li l-pjattaforma ma tistax iktar isserraħ fuq l-eżenzjoni tar-responsabbiltà fir-rigward tas-servizzi ta' hosting tagħha 29 . Fi kwalunkwe każ, il-mod li bih pjattaformi kollaborattivi jfasslu s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni tagħhom u jimplimentaw miżuri volontarji biex jittrattaw kontenut illegali online fil-prinċipju jibqa' deċiżjoni tan-negozju u l-kwistjoni ta' jekk dawn jibbenefikawx mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-intermedjarji għandha dejjem tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ.

Il-pjattaformi kollaborattivi huma mħeġġa jkomplu jieħdu azzjoni volontarja biex jiġġieldu l-kontenut illegali onine u jżidu l-fiduċja (pereżempju billi jgħinu jiżguraw il-kwalità tas-servizzi offruti mill-fornituri ta' servizzi sottostanti fuq il-pjattaforma tagħhom). Miżuri volontarji bħal dawn ma għandhomx awtomatikament jitqiesu li jfissru li l-pjattaformi kollaborattivi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-intermedjarji ma għadhomx aktar jagħmlu dan.

2.3 Protezzjoni tal-utenti

Tradizzjonalment, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni kienet imfassla biex tindirizza t-tranżazzjonijiet, li fihom hemm parti aktar dgħajfa li teħtieġ protezzjoni (tipikament il-konsumatur). Madankollu, l-ekonomija kollaborattiva tisfoka l-linji bejn il-konsumaturi u n-negozju billi hemm relazzjoni b'diversi aspetti li tista' tinvolvi tranżazzjonijiet bejn negozju u ieħor, bejn in-negozju u l-konsumatur, bejn il-konsumatur u n-negozju, u bejn il-konsumaturi. F'dawn ir-relazzjonijiet, mhux dejjem huwa ċar liema hija l-aktar parti dgħajfa li teħtieġ protezzjoni.

Fil-preżent, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn "kummerċjant" u "konsumatur". Kummerċjant huwa persuna li "taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha" 30 ; "konsumatur" huwa persuna li taġixxi "għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha" 31 . Dawn il-kriterji applikati għall-kategoriji ta' parteċipanti fl-ekonomija kollaborattiva, jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni 32 .

B'mod partikolari, il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur tapplika għal kwalunkwe pjattaforma kollaborattiva li tikkwalifika bħala "kummerċjant" u hija involuta f'"prattiki kummerċjali" fir-rigward tal-konsumaturi. Il-fornituri tas-servizzi sottostanti wkoll jikkwalifikaw bħala kummerċjanti jekk jaġixxu "għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni" tagħhom. Bil-kontra ta' dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ma tapplikax għal tranżazzjonijiet bejn il-konsumaturi. Għalhekk, jekk la l-fornitur tas-servizz kollaborattiv u lanqas l-utent ma jikkwalifikaw bħala kummerċjant, it-tranżazzjonijiet bejniethom jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni.

Dan iqajjem il-kwistjoni ċentrali ta' taħt liema kundizzjonijiet fi forniment ta' servizzi bejn il-pari, il-fornitur tas-servizz sottostanti jikkwalifika bħala kummerċjant. L-Istati Membri fil-preżent jittrattaw din il-kwistjoni b'mod differenti 33 . Skont il-liġi attwali tal-UE, din il-mistoqsija trid tiġi mwieġba fuq bażi ta' każ b'każ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni offriet xi orjentamenti ġenerali fil-Gwida riveduta dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali 34 . Fil-kuntest speċifiku tal-ekonomija kollaborattiva, il-fatturi li ġejjin huma importanti. Filwaqt li l-ebda wieħed minnhom fihom infushom ma jkunu biżżejjed biex jikkwalifikaw fornitur bħala kummerċjant, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, it-taħlita tagħhom tista' tindika f'dik id-direzzjoni:

Frekwenza tas-servizzi: huwa inqas probabbli li fornituri li joffru s-servizzi tagħhom sempliċement fuq bażi okkażjonali (jiġifieri fuq bażi purament marġinali u aċċessjorja għall-kuntrarju ta' regolarment) jikkwalifikaw bħala kummerċjant. Aktar ma tkun kbira l-frekwenza tal-forniment ta' servizz, aktar huwa evidenti li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant, għaliex dan jista' jindika li hu qed jaġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu.

Motivazzjoni ta' qligħ: motivazzjoni ta' qligħ tista' tkun indikazzjoni li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant għal tranżazzjoni partikolari. Fornituri li għandhom l-għan li jiskambjaw assi jew ħiliet (pereżempju, fil-każ ta' tpartit ta' djar jew banek tal-ħin) fil-prinċjipu ma jikkwalifikawx bħala kummerċjanti. Fornituri li sempliċement jiksbu kumpens għall-ispejjeż għal tranżazzjoni partikolari jistgħu ma jkunux qed ifittxu qligħ. Bil-kontra ta' dan, dawk il-fornituri li jiksbu remunerazzjoni lil hinn mill-kumpens għall-ispejjeż probabbilment għandhom motivazzjoni ta' qligħ.

Livell ta' fatturat: aktar ma jkun għoli l-fatturat iġġenerat mill-fornitur tas-servizz (huwiex minn pjattaforma kollaborattiva waħda jew iktar), aktar dan se jindika li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi vvalutat jekk il-livell ta' fatturat iġġenerat mill-fornitur joriġinax mill-istess attività (eż kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza) jew minn tipi differenti ta' attivitajiet (kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza, ġardinaġġ, eċċ). Fit-tieni xenarju, fatturat ogħla mhux neċessarjament jimplika li l-fornitur jikkwalifika bħala kummerċjant, għaliex dan mhux neċessarjament ikun inkiseb fir-rigward tan-negozju l-ieħor (prinċipali) tal-fornitur.

Persuna li toffri regolarment servizzi ta' ġardinaġġ — iffaċilitata minn pjattaformi kollaborattivi — u li qed tfittex li tikseb remunerazzjoni sostanzjali tista' taqa' fid-definizzjoni ta' kummerċjant. Madankollu, babysitter professjonali li okkażjonalment tipprovdi servizzi ta' ġardinaġġ — iffaċilitata minn pjattaformi kollaborattivi — fil-prinċjipju ma tikkwalifikax bħala kummerċjant safejn huma kkonċernati s-servizzi ta' ġardinaġġ okkażjonali. F'konformità mad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, il-kummerċjanti kollha għandhom jikkonformaw mad-doveri ta' diliġenza professjonali u ma jqarrqux bil-konsumaturi. Dan japplika wkoll għal pjattaformi kollaborattivi li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti safejn huma kkonċernati l-prattiki kummerċjali tagħhom stess (eż. servizzi ta' intermedjazzjoni, servizzi ta' ħlas, servizzi ta' klassifikazzjoni, eċċ). Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jiffaċilitaw li l-fornituri ta' servizzi sottostanti li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti, jikkonformaw mal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni, pereżempju billi jfasslu l-istrutturi tal-web tagħhom sabiex il-kummerċjanti terzi jkunu jistgħu jidentifikaw lilhom infushom bħala tali lill-utenti tal-pjattaformi. Barra dan, jistgħu jindikaw ukoll b'mod ċar lill-utenti kollha li huma ser jibbenefikaw biss mill-protezzjoni skont il-liġijiet tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fir-relazzjoni tagħhom mal-kummerċjanti. Jekk il-pjattaforma kollaborattiva tapplika kriterji biex tagħżel fornituri ta' servizzi sottostanti li joperaw permezz tagħha u jekk din twettaq kontrolli relatati mal-affidabbiltà tagħhom, din għandha tinforma lill-utenti dwar dan.

Barra dan, il-pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri ta' servizzi sottostanti jistgħu jkunu meħtieġa jikkonformaw ma' obbligi oħra ta' informazzjoni li japplikaw skont il-liġi tal-UE 35 , inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta' trasparenza tal-leġiżlazzjoni rilevanti speċifika għas-settur 36 .

Fi kwalunkwe każ, bħal kwalunkwe kontrollur ieħor li jiġbor u jipproċessa ulterjorament dejta personali fl-UE, il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jikkonformaw mal-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali 37 . L-iżgurar tal-aderenza mar-regoli għall-ipproċessar tad-dejta personali ser jgħin biex tiżdied il-fiduċja tal-individwi, kemm jekk humiex fornituri jew konsumaturi (inkluż bejn il-pari) li jużaw l-ekonomija kollaborattiva, biex ikunu jafu li f'dak li għandu x'jaqsam mad-dejta personali tagħhom ser ikollhom il-protezzjoni li jistħoqqilhom.

Mod kif tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi huwa li tiżdied il-fiduċja fis-servizzi bejn il-pari. Il-mekkaniżmi tal-bini tal-fiduċja bħal sistemi onine ta' klassifikazzjoni u reviżjoni u tikketti ta' kwalità jistgħu jkunu għodda essenzjali biex jingħeleb in-nuqqas ta' informazzjoni dwar fornituri ta' servizzi individwali. Mekkaniżmi bħal dawn għall-istabbiliment tal-fiduċja fl-ekonomija kollaborattiva ġew maħluqa jew mill-pjattaformi kollaborattivi infushom jew minn partijiet terzi speċjalizzati u jistgħu jkunu partikolarment importanti fejn ma tapplikax il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-konsumatur, kif spjegat hawn taħt.

F'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jfittxu approċċ bilanċjat biex jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta' protezzjoni minn prattiki kummerċjali żleali filwaqt li ma jimponux obbligi ta' informazzjoni sproporzjonati u piżijiet amministrattivi oħra fuq individwi privati li mhumiex kummerċjanti iżda li jipprovdu servizzi fuq bażi okkażjonali.

L-effettività u l-użu ta' mekkaniżmi ta' fiduċja online (eż. tikketti ta' kwalità) biex iżidu l-fiduċja u l-kredibbiltà għandhom jiġu mtejba biex iħeġġu parteċipazzjoni aktar kunfidenti fl-ekonomija kollaborattiva.

2.4 Persuni li jaħdmu għal rashom u ħaddiema fl-ekonomija kollaborattiva

L-ekonomija kollaborattiva tiġġenera opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, tiġġenera d-dħul lil hinn mir-relazzjonijiet tal-impjiegi lineari tradizzjonali, u tippermetti li persuni jaħdmu skont arranġamenti flessibbli. Din tagħmilha possibbli għalihom biex isiru ekonomikament attivi fejn forom aktar tradizzjonali ta' impjieg mhumiex adegwati jew disponibbli għalihom. Fl-istess ħin, l-arranġamenti tax-xogħol iżjed flessibbli jistgħu ma jkunux regolari jew stabbli daqs ir-relazzjonijiet ta' impjieg tradizzjonali. Dan jista' joħloq inċertezza dwar id-drittijiet applikabbli u l-livell ta' protezzjoni soċjali. L-arranġamenti tax-xogħol fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva ta' spiss huma bbażati fuq kompiti individwali mwettqa fuq bażi ad hoc minflok fuq kompiti mwettqa regolarment f'ambjent u perjodu ta' żmien definiti minn qabel.

Fil-fatt, din hija parti minn tranżizzjoni aktar strutturali. Qed jiċċajpru dejjem aktar il-linji stabbiliti bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema, hemm żieda fix-xogħol temporanju u part-time u fin-numru ta' persuni li għandhom iżjed minn impjieg wieħed 38 . Skont il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali 39 , il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif tiġi indirizzata bl-aħjar mod il-ħtieġa għal żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli. Din l-inizjattiva bħalissa hija soġġetta għal proċess ta' konsultazzjoni, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tfittex li tiġbor il-fehmiet tal-partijiet involuti dwar l-acquis soċjali attwali tal-UE, dwar il-futur tax-xogħol u dwar il-kopertura ta' skemi ta' protezzjoni soċjali.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-liġi dwar ix-xogħol taqa' fil-kompetenza nazzjonali, l-Unjoni Ewropea madankollu żviluppat ċerti standards minimi fil-qasam tal-politika soċjali 40 . Sabiex tipprovdi orjentazzjoni dwar kif id-distinzjoni tradizzjonali bejn dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema tapplika fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, din it-taqsima teżamina l-kundizzjonijiet skont liema tkun teżisti relazzjoni tal-impjieg f'konformità mal-liġi 41 u l-ġurisprudenza tal-UE dwar ix-xogħol.

Minħabba li, b'mod ġenerali, il-liġi tal-UE dwar ix-xogħol tistabbilixxi biss standards minimi u ma tkoprix l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni soċjali li tapplika għar-relazzjonijiet tax-xogħol, li jimplika li l-Istati Membri jistgħu fil-prinċipju jistabbilixxu oħrajn superjuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-atturi tal-ekonomija kollaborattiva huma rrakkomandati li jirreferu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol applikabbli fil-pajjiż fejn huwa pprovdut is-servizz.

Id-definizzjoni tal-UE ta' "ħaddiem"

Il-liġi tal-UE li tiggarantixxi drittijiet lill-ħaddiema tapplika biss għal persuni li huma f'relazzjoni ta' impjieg, jiġifieri li jitqiesu bħala "ħaddiema". Filwaqt li l-Istati Membri tal-UE huma responsabbli biex jiddeċiedu min għandu jitqies bħala ħaddiem fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom, fil-livell tal-UE l-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE)tat definizzjoni tal-kunċett ta' ħaddiem għall-fini tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE 42 . Din id-definizzjoni ġiet żviluppata primarjament fil-qafas tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-QtĠ-UE ddikjarat li "il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni" 43 . Il-QtĠ-UE kkonfermat b'mod partikolari li din id-definizzjoni għandha tintuża wkoll biex jiġi ddeterminat min għandu jitqies bħala ħaddiem meta jiġu applikati ċerti Direttivi tal-UE fil-qasam soċjali 44 .

Jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg jew le jrid jiġi stabbiliti fuq il-bażi ta' valutazzjoni każ b'każ, b'kunsiderazzjoni tal-fatti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-pjattaforma u l-fornitur tas-servizz sottostanti, u t-twettiq tal-kompiti relatati, b'ħarsa kumulattiva b'mod partikolari lejn it-tliet kriterji essenzjali li ġejjin: 45

-l-eżistenza ta' konnessjoni ta' subordinazzjoni;

-in-natura tax-xogħol; u

-l-preżenza ta' remunerazzjoni.

Sabiex jiġi ssodisfat il-kriterju ta' subordinazzjoni, il-fornitur tas-servizz għandu jaġixxi taħt id-direzzjoni tal-pjattaforma kollaborattiva, b'din tal-aħħar li tiddetermina l-għażla tal-attività, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol 46 . Fi kliem ieħor, il-fornitur tas-servizz sottostanti mhuwiex liberu li jagħżel liema servizzi ser jipprovdi u kif, pereż. skont ir-relazzjoni kuntrattwali li jkun daħal fiha mal-pjattaforma kollaborattiva 47 . Fejn il-pjattaforma kollaborattiva qiegħda sempliċement tipproċessa l-ħlas depożitat minn utent u tgħaddih lill-fornitur tas-servizz sottostanti, dan ma jimplikax li l-pjattaforma kollaborattiva qed tiddetermina r-remunerazzjoni. L-eżistenza ta' subordinazzjoni mhix neċessarjament dipendenti fuq l-eżerċizzju attwali ta' ġestjoni jew ta' superviżjoni fuq bażi kontinwa 48 .

Sabiex ikun issodisfat il-kriterju tan-natura tax-xogħol, il-fornitur tas-servizz sottostanti għandu jwettaq attività ta' valur ekonomiku li hija effettiva u ġenwina, minbarra servizzi fuq skala tant żgħira li jitqiesu bħala purament marġinali u aċċessorji 49 . Il-qrati nazzjonali adottaw approċċi diverġenti fl-identifikazzjoni ta' dak li huwa marġinali u aċċessorju anki fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-impjieg aktar tradizzjonali. Hemm taħlita tal-użu ta' limiti massimi (ibbażati fuq kull siegħa jew fuq il-paga) u valutazzjonijiet ad hoc tal-karatteristiċi ta' relazzjoni speċifika. Fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, fejn persuni fil-fatt jipprovdu servizzi purament marġinali u aċċessorji permezz ta' pjattaformi kollaborattivi, hemm indikazzjoni li persuni bħal dawn ma jkunux jikkwalifikaw bħala ħaddiema, għalkemm dewmien qasir 50 , siegħat ta' xogħol limitati 51 , xogħol mhux kontinwu 52 jew produttività baxxa 53 ma jistgħux fihom infushom jeskludu relazzjoni ta' impjieg. Fl-istess ħin, persuni li jipprovdu servizzi bi frekwenza aktar minn okkażjonali jistgħu jkunu jew ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, għaliex il-kwalifika attwali tal-istatus tagħhom tirriżulta minn test komprensiv tat-tliet kriterji kollha.

Il-kriterju tar-remunerazzjoni jintuża primarjament għad-distinzjoni bejn voluntier u ħaddiem. Għalhekk, fejn il-fornitur ma jirċievi l-ebda remunerazzjoni jew jirċievi biss kumpens tal-ispejjeż li jagħmel għall-attivitajiet tiegħu, il-kriterju tar-remunerazzjoni ma jintlaħaqx.

Filwaqt li l-kriterji ta' hawn fuq issir referenza għalihom meta tiġi applikata d-definizzjoni ta' ħaddiema tal-UE, il-qrati fl-Istati Membri għandhom tendenza jużaw sett simili ta' kriterji meta jwettqu l-valutazzjoni globali tagħhom ta' relazzjoni ta' impjieg partikolari fil-mandat nazzjonali.

Sabiex jgħinu lill-persuni jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tagħhom, iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jagħtu spinta lill-kompetittività, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli, l-Istati Membri għandhom:

- jivvalutaw l-adegwatezza tar-regoli tal-impjieg nazzjonali tagħhom filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet differenti tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom fid-dinja diġitali kif ukoll in-natura innovattiva tal-mudelli tan-negozju kollaborattivi;

- jipprovdu gwida dwar l-applikabbiltà tar-regoli tal-impjieg nazzjonali tagħhom fid-dawl tax-xejriet tax-xogħol fl-ekonomija kollaborattiva.

2.5 Tassazzjoni

L-adattament għal mudelli tan-negozju ġodda

Bħall-operaturi ekonomiċi kollha, dawk fl-ekonomija kollaborattiva huma soġġetti wkoll għar-regoli tat-tassazzjoni. Dawn jinkludu regoli dwar id-dħul personali, id-dħul korporattiv u t-taxxa fuq il-valur miżjud. Madankollu, feġġew kwistjonijiet relatati mal-konformità u l-infurzar tat-taxxa: diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti tat-taxxa u d-dħul taxxabbli, in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-fornituri tas-servizzi, ippjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva ggravat fis-settur diġitali, differenzi fil-prattiki tat-taxxa fl-UE u nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni.

F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn obbligi proporzjonati u kundizzjonijiet ekwi. Dawn għandhom japplikaw obbligi tat-taxxa li huma funzjonalment simili għan-negozji li jipprovdu servizzi komparabbli. Li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa, li l-amministraturi tat-taxxa jsiru jafu dwar mudelli tan-negozju kollaborattivi, li tinħareġ gwida, u li tiġi miżjuda t-trasparenza permezz ta' informazzjoni onine jistgħu kollha jkunu għodod biex jinfetaħ il-potenzjal tal-ekonomija kollaborattiva. Informazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa nazzjonali, inklużi dawk marbuta mal-istatus tal-impjieg, għandhom jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-partijiet involuti.

Biex iżidu l-kjarezza u t-trasparenza, xi Stati Membri ħarġu gwida dwar l-applikazzjoni tar-reġim tat-taxxa nazzjonali għal mudelli tan-negozju kollaborattivi, u xi wħud ikkunsidraw bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom 54 . Rigward it-taxxa korporattiva, il-Kummissjoni qed taħdem fuq approċċ ġenerali lejn l-evażjoni tat-taxxa.

Fl-istess ħin, l-ekonomija kollaborattiva ħolqot opportunitajiet ġodda li jgħinu lill-awtoritajiet tat-taxxa u l-kontribwenti tat-taxxa bl-obbligi tat-taxxa tagħhom. Dan huwa, b'mod partikolari, bis-saħħa taż-żieda fit-traċċabbilità permessa bl-intermedjazzjoni tal-pjattaformi onine. Diġà hija prattika li qed titħaddem f'ċerti Stati Membri li jkun hemm ftehimiet ma' pjattaformi għall-ġbir ta' taxxi. Pereżempju, fis-settur tal-akkomodazzjoni, il-pjattaformi jiffaċilitaw il-ħlas tat-taxxi tat-turisti f'isem il-fornituri tas-servizzi. Hemm ukoll każijiet fejn l-awtoritajiet tat-taxxa jużaw it-traċċabbiltà permessa mill-pjattaformi onine biex jiġbru t-taxxa mill-fornituri individwali.

Eżempju ta' kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u n-negozji kollaborattivi jiġi mill-Estonja. F'kooperazzjoni mal-pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza, l-għan huwa li jiġi ssimplifikat il-proċess tad-dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sewwieqa. It-tranżazzjonijiet bejn is-sewwieq u l-klijent huma rreġistrati mill-pjattaforma kollaborattiva, li mbagħad tibgħat biss id-dejta li hija rilevanti għal skopijiet ta' tassazzjoni lill-awtoritajiet, li mbagħad jimlew minn qabel il-formoli tat-taxxa tal-kontribwenti tat-taxxa. L-idea prinċipali hija li l-kontribwenti tat-taxxa jkunu megħjuna jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom b'mod effettiv u bl-inqas sforz.

Tnaqqis tal-piż amministrattiv

It-tkabbir ekonomiku huwa appoġġjat l-aħjar permezz ta' miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq individwi u negozji mingħajr diskriminazzjoni bejn il-mudelli tan-negozju. Għal dan il-għan, skambju effiċjenti ta' informazzjoni marbuta mat-taxxa fost il-pjattaformi, l-awtoritajiet u l-fornituri tas-servizzi jista' jnaqqas l-ispejjeż. Il-ħolqien ta' one-stop shops u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' feedback onine ukoll jistgħu joħolqu possibbiltajiet ġodda għal sħubiji u għal monitoraġġ tal-konformità.

Madankollu, approċċi differenti mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali lejn it-trattament tal-pjattaformi jistgħu jżidu l-piż amministrattiv fuq attivitajiet kollaborattivi. Dawn jistgħu jinkludu opinjonijiet differenti fuq il-kamp ta' applikazzjoni tan-negozju tal-pjattaformi fir-rigward tas-servizzi li jipprovdu; il-kriterji użati biex jikkollegaw l-attivitajiet tagħhom ma' ġurisprudenza tat-taxxa, ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-fornituri tas-servizzi u l-pjattaformi, kif ukoll rekwiżiti ta' konformità ġenerali u proċeduri ta' awditjar.

L-iżvilupp ta' standards miftiehma b'mod komuni biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet b'mod koerenti, b'kunsiderazzjoni tal-elementi ċċarati fit-taqsimiet preċedenti ta' din il-Komunikazzjoni, kif ukoll it-trasferiment ta’ aktar amministrazzjoni onine, jista' jgħin f'dan ir-rigward.

Taxxa fuq il-valur miżjud

Fornimenti ta' prodotti u servizzi pprovduti minn pjattaformi kollaborattivi u permezz tal-pjattaformi mill-utenti tagħhom huma fil-prinċipju tranżazzjonijiet soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Jistgħu jqumu problemi fir-rigward tal-kwalifikazzjoni tal-parteċipanti bħala persuni taxxabbli, b'mod partikolari rigward il-valutazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa, jew l-eżistenza ta' konnessjoni diretta bejn il-fornimenti u r-remunerazzjoni in natura (pereżempju fil-każ ta' arranġamenti tat-tip "bank" fejn il-parteċipanti jikkontribwixxu prodotti jew servizzi għal ġabra komuni bi tpartit għad-dritt li jibbenefikaw minn dik il-ġabra).

Il-Kummissjoni qed tipprepara diversi inizjattivi biex ittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT 55 . Dan jinkludi l-estensjoni għall-forniment ta' prodotti tal-one-stop shop tal-VAT għal servizzi elettroniċi, il-bidu ta' proġett pilota biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, u l-pubblikazzjoni ta' gwida għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u n-negozji fil-kummerċ elettroniku.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw u jtejbu l-ġbir tat-taxxa bl-użu tal-possibbiltajiet ipprovduti mill-pjattaformi kollaborattivi, għaliex dawn diġà jirreġistraw attività ekonomika.

Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jieħdu pożizzjoni proattiva fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa biex jistabbilixxu l-parametri għal skambju ta' informazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa, filwaqt li jiżguraw konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u mingħajr preġudizzju għar-reġim tar-responsabbiltà ta' intermedjarji tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

L-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw ir-regoli tat-taxxa tagħhom biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li jipprovdu l-istess servizzi. L-Istati Membri għandhom ikomplu wkoll bl-isforzi ta' simplifikazzjoni tagħhom, iżidu t-trasparenza u joħorġu gwida onine dwar l-applikazzjoni tar-regoli tat-taxxa għal mudelli tan-negozju kollaborattivi.

3. Monitoraġġ

L-ekonomija kollaborativa hija mifruxa fuq diversi setturi f'ambjent li qed jinbidel rapidament. Minħabba din in-natura dinamika u li qed tevolvi, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi qafas ta' monitoraġġ li jkopri kemm l-ambjent regolatorju li qed jevolvi kif ukoll l-iżviluppi ekonomiċi u kummerċjali. Il-monitoraġġ ser ikollu l-għan li jsegwi x-xejriet fil-prezzijiet u l-kwalità tas-servizzi, u li jidentifika ostakli u problemi possibbli ffaċċjati, b'mod partikolari meta dawn jirriżultaw minn regolamenti nazzjonali diverġeti jew lakuni regolatorji.

L-għodda ta' monitoraġġ ser tinkludi:

1.Stħarriġ perjodiku tal-konsumaturi u n-negozji dwar l-użu tal-ekonomija kollaborattiva 56 .

2.Immappjar kontinwu tal-iżviluppi regolatorji fl-Istati Membri.

3.Id-djalogu mal-partijiet involuti tal-Forum tas-Suq Uniku, b'forums darbtejn fis-sena biex jivvalutaw l-iżvilupp tas-settur fir-realtà u biex jidentifikaw prattiki tajbin.

4.Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ekonomija kollaborattiva ser jingħataw fil-qosor fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku.

L-attività ta' monitoraġġ 57 ser tikkontribwixxi wkoll għall-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni 58 dwar is-suq uniku bil-għan li jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Minħabba l-karattru dinamiku tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva u minħabba l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji diġitali ffokati fuq id-dejta, jista' jkun li jitfaċċaw kwistjonijiet ta' politika oħrajn minn ġbir ta' dejta u minn riċerki ġodda, u dawn possibbilment ikun jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet, inkluża l-Kummissjoni biex jiffaċilitaw l-aċċess għad-dejta u għall-informazzjoni statistika, f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta.

L-attività ta' monitoraġġ u l-għodda tagħha huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr preġudizzju għall-infurzar mill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li ser tkompli f'konformità mal-prinċipji espressi f'din il-Komunikazzjoni.

4. Konklużjoni

Minħabba l-benefiċċji sinifikanti li l-mudelli tan-negozju l-ġodda tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jġibu, l-Ewropa u s-suq uniku għandhom ikunu lesti jilqgħu dawn l-opportunitajiet ġodda. L-UE għandha tappoġġja b'mod proattiv l-opportunitajiet tal-innovazzjoni, tal-kompetittività u tat-tkabbir offruti mill-immodernizzar tal-ekonomija. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni tal-konsumatur u soċjali adegwata u sostenibbli. Sabiex dan iseħħ, in-negozji u ċ-ċittadini għandhom ikunu konxji tar-regoli u l-obbligi li japplikaw għalihom, kif ġie ċċarat f'din il-Komunikazzjoni. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mħeġġa jiċċaraw is-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom Il-Kummissjoni hija lesta li taħdem mal-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti biex tappoġġjahom f'dan il-proċess.

Il-gwida pprovduta f'din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tappoġġja l-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi biex jinvolvu ruħhom b'fiduċja fl-ekonomija kollaborattiva. Din ser tappoġġja wkoll lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod konsistenti l-liġi tal-UE fis-suq uniku. Il-Kummissjoni ser tirrevedi b'mod kontinwu l-iżviluppi fl-ekonomija kollaborattiva Ewropea, ser tiġbor dejta statistika u evidenza u ser taħdem mal-Istati Membri kif ukoll mal-partijiet involuti bil-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni hija ħerqana biex tidħol fi djalogu mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Istati Membri biex tiżgura l-aħjar ambjent possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji fl-ekonomija kollaborattiva.

(1)  Huwa stmat li fl-2015 il-pjattaformi kollaborattivi li joperaw f'ħames setturi prinċipali tal-ekonomija kollaborattiva ġġeneraw dħul ta' EUR 3.6 biljun fl-UE: l-akkomodazzjoni (kiri b'terminu qasir); it-trasport tal-passiġġieri; is-servizzi domestiċi; is-servizzi professjonali u tekniċi, u l-finanzi kollaborattivi. Iċ-ċifri kollha huma bbażati fuq stimi ta' PwC Consulting bħala parti minn studju kkuntrattat mill-Kummissjoni Ewropea.
(2)  EPRS: The cost of non-Europe in the Sharing Economy (L-ispiża tal-pajjiżi mhux Ewropej fl-Ekonomija tal-Kondiviżjoni). Jannar 2016.
(3)  Sondaġġ tal-opinjonijiet tal-Ewrobarometru sab li 52 % taċ-ċittadini tal-UE jafu bis-servizzi offruti mill-ekonomija kollaborattiva u 17 % użaw it-tali servizzi mill-inqas darba. Preżentazzjoni tar-riżultati tas-sondaġġ tal-Ewrobarometru u tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa minn Settembru 2015 sa Jannar 2016 tinsab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament.
(4)  Kwistjonijiet relatati ma' attivitajiet ta' finanzjament kollettiv (indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM/2014/0172) u s-servizzi mogħtija minn pjattaformi ta' tagħlim mhumiex koperti minn din il-Komunikazzjoni.
(5)  COM(2015) 550.
(6)  Il-gwida pprovduta f'din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-attivitajiet ekonomiċi. Is-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jiġu offruti mingħajr ħlas, fuq bażi ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż jew b'remunerazzjoni. Għal ħafna Stati Membri, attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma purament ta' kondiviżjoni tal-ispejjeż u li jagħmlu s-servizzi disponibbli bħala parti minn skambju, ma jinvolvux remunerazzjoni. Huma biss l-attivitajiet remunerati li jikkostitwixxu attività ekonomika skont il-liġi tal-UE. Ara l-Kawża C-281/06 Jundt [2007] ECR I- I-12231 §32, 33. Hu importanti li, anke jekk it-tranżazzjoni bejn fornitur ta' servizz u utent ma tikkostitwixxix attività ekonomika, dan xorta jista' jkun il-każ għar-relazzjoni rispettiva tagħhom mal-pjattaforma tal-ekonomija kollaborattiva. Kull relazzjoni (pjattaforma-utent; il-fornitur tal-pjattaforma tas-servizzi l-utent tal-fornitur tas-servizzi) għandha tiġi vvalutata separatament
(7)  It-terminu ekonomija kollaborattiva ħafna drabi jintuża b'mod interkambjabbli mat-terminu "konsum kondiviż". L-ekonomija kollaborattiva hija fenomenu li qed jevolvi b'mod rapidu u d-definizzjoni tagħha tista' tevolvi bl-istess mod.
(8)  Is-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jinvolvu xi trasferiment ta' sjieda ta' proprjetà intellettwali.
(9)  Ara l-Artikoli 9 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE ("id-Direttiva dwar is-Servizzi") u l-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(10)  Għal lista ta' raġunijiet sovrastanti relatati mal-interess pubbliku skont id-Direttiva dwar is-Servizzi ara l-Artikolu 4 (8) tagħha.
(11)  Ara l-Premessa 39 u l-Artikolu 4 (6) tad-Direttiva dwar is-Servizzi dwar il-kunċett ta' "awtorizzazzjoni".
(12)  Ara l-Artikolu 59 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali 2005/36/KE. Il-proporzjonalità u l-ħtieġa ta' regolamenti nazzjonali dwar professjonijiet regolati ser ikunu diskussi ulterjorament f'żewġ inizjattivi tal-Kummissjoni li ġejjin (gwida dwar il-ħtiġijiet ta' riforma dwar professjonijiet regolati u t-test tal-proporzjonalità għall-professjonijiet regolati).
(13)  COM(2015) 690 final, 26.11.2015, Komunikazzjoni dwar Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016: Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza
(14)  Ara l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
(15)  Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.
(16)  COM(2016) 179, 19.4.2016, Komunikazzjoni dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika
(17)  Id-Direttiva dwar is-Servizzi pereżempju tiddefinixxi l-fornituri tas-servizzi bħala kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri kwalunkwe attività ekonomika għal rasha, normalment għal remunerazzjoni (ara l-Artikolu 4(2)). Dan ifisser li kwalunkwe attività ekonomika tista' tgħodd għar-regoli ta' din id-Direttiva irrispettivament mill-frekwenza biha li tiġi offruta u mingħajr ma jkun meħtieġ li l-fornitur jaġixxi neċessarjament bħala "professjonist". Barra dan, l-acquis tal-konsumatur tal-UE jiddefinixxi "kummerċjant" ("trader") bħala kwalunkwe persuna li taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha (ara t-Taqsima 2.3).
(18)  Ara l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE (Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535. Ara wkoll l-Anness I ta' dik id-Direttiva għal lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti minn din id-definizzjoni.
(19)  Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(20)  Ara l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Jista' jkun hemm deroga biss mill-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini għal-libertà ta' forniment ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni b'mod transfruntier meta jkun hemm theddida jew riskju serju u gravi li l-erba' objettivi li ġejjin jiġu mminati: l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, inkluża s-salvagwardja tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali u l-protezzjoni tal-konsumaturi. F'dak il-każ il-miżuri nazzjonali inkwistjoni xorta għandhom ikunu proporzjonati u ċerti kundizzjonijiet proċedurali (inkluż in-notifika lill-Kummissjoni) ukoll għandhom ikunu rispettati.
(21)  jiġifieri li huma nondiskriminatorji, meħtieġa biex jinkiseb objettiv ta' interess pubbliku identifikat b'mod ċar u proporzjonati biex jinkiseb dan l-interess (jiġifieri ma jimponux iżjed rekwiżiti minn dawk strettament meħtieġa)
(22)  Il-klassifikazzjoni/reviżjoni nfushom jitwettqu mill-utenti, mhux mill-pjattaforma kollaborattiva.
(23)  L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(24)  Fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, il-(hosting jista' b'mod wiesa' jinftiehem bħala l-attività fejn wieħed jittratta l-ħżin ta' dejta tal-klijenti u jipprovdi l-post fejn l-utenti jiltaqgħu ma' fornituri tas-servizzi sottostanti. L-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku normalment ma japplikawx f'dan ir-rigward, billi l-pjattaformi kollaborattivi normalment ma jipprovdux servizzi ta' "mere conduit" jew "caching" skont it-tifsira ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
(25)  Skont it-Taqsima 4 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Fil-kawżi konġunti C-236/08 sa C-238/08 Google France/Louis Vuitton, il-QtĠ-UE ssottolinjat il-kriterju prinċipali meta pjattaforma online hija meqjusa bħala "intermedjarju li jipprovdi servizz", b'referenza għall-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31/KE. Skont din il-premessa, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għandhom l-għan li jipprovdu l-proċess tekniku ta' operat u l-għoti ta' aċċess għal qafas ta' komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija ta' natura sempliċement teknika, awtomatika u passiva.
(26)  Il-Każ C-324/09 L’Oréal/eBay. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jesiġu li l-pjattaforma kollaborattiva ttemm jew timpedixxi ksur. Ara l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Il-kuntest komprensiv dwar ir-reġim ta' responsabbiltà tal-intermedjarji jinsab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Online services, including e-commerce, in the Single Market", SEC(2011) 1641 final.
(27)  Kif stabbilit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(28)  COM(2016) 288/2 tal-25 ta' Mejju 2015, Komunikazzjoni dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa
(29)  F'dak ir-rigward, xi qrati jeskludu l-protezzjoni mir-responsabbiltà jekk l-aspetti relatati mal-hosting ta' servizz mhumiex l-aktar aspetti importanti tas-servizz. Ara f'dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti ta' Pariġi f'Louis Vuitton Malletier / Christian Dior Couture u Parfums Christian Dior, Kenzo, Givenchy et Guerlain v. eBay kollha maħruġa mill-Qorti Kummerċjali ta' Pariġi, Prim Awla, fit-30 ta' Ġunju 2008. Fehma opposta ttieħdet minn qorti Griega fil-kawża Griega Nru 44/2008 tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta' Rodopi, ippubblikata fl-(2009) Armenopoulos, 406.
(30)  L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29/KE ("Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali".
(31)  L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali.
(32)  Għal tranżazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur fl-ekonomija kollaborattiva, għandhom japplikaw id-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva 2011/83/UE dwar drittijiet tal-konsumatur u d-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur. Għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji, tapplika d-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv.
(33)  Studju kontinwu tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-konsumatur fl-ekonomija kollaborattiva ser jirrevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fit-28 Stat Membru.
(34)  SWD(2016) 163 final, of 25 May 2016, Guidance on the implementation/application of Directive 2005/29/EC on unfair commercial practices
(35)  Eżempju, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar Drittijiet tal-Konsumatur, l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(36) Eżempju, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
(37)  Ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, li attwalment jinsabu fid-Direttiva 95/46/KE, ġew riveduti reċentement. Ir-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data, (UE) 2016/679, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2018.
(38)  Ibbażat fuq statistika minn Eurostat.
(39)  COM(2016) 127 finali. Il- konsultazzjoni pubblika dwar il-pilastru Ewropew ta' drittijiet soċjali kienet imnedija fit-8 ta' Marzu 2016 u ser tibqa' għaddejja sal-31 ta' Diċembru 2016.
(40)  Skont il-kompetenzi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni.
(41)  Il-liġi tal-UE dwar ix-xogħol tinkludi d-Direttivi li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema. Dawn jirreferu għal-limiti fuq il-ħin tax-xogħol inkluż id-dritt għal liv annwali mħallas, għal mistrieħ ta' kuljum u fil-ġimgħa u għal protezzjoni fil-każ ta' xogħol billejl, kif ukoll għal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg individwali, id-drittijiet għal ħaddiema stazzjonati, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema f'forom ta' xogħol mhux standard (eż. part time, fuq terminu fiss jew ħaddiema impjegati minn aġenziji tal-imjieg temporanju), il-protezzjoni fil-każ ta' insolvenza ta' min iħaddem, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq raġunijiet protetti bħall-ġeneru, l-etniċità u l-orjentazzjoni sesswali. Dawn jinkludu wkoll protezzjoni fil-każ ta' sensji kollettivi jew fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi jew fil-każ ta' fużjonijiet transfruntiera. Dan jipprevedi l-involviment tal-ħaddiema — l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord f'ċerti ċirkostanzi. Fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, il-prinċipji ġenerali jikkonċernaw il-prevenzjoni ta' riskji okkupazzjonali u l-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
(42)  Għall-fini tal-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar ix-xogħol, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jestendu l-kunċett tal-UE ta' ħaddiem għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-UE. Jekk il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg hija marbuta mal-applikabbiltà ta' ċerti strumenti speċifiċi tal-liġi tal-UE (id-Direttiva 2003/88/KE dwar il-Ħin tax-Xogħol u d-Direttiva 98/59/KE dwar Redundancies Kollettivi), allura d-definizzjonijiet nazzjonali tal-ħaddiema mhumiex rilevanti. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet mogħtija mil-liġijiet nazzjonali huma dejjem soġġetti għall-valutazzjoni mill-qrati nazzjonali jew Ewropej.
(43)  COM(2010) 373 Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri. Punt I.1.1 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1453133735571&uri=CELEX%3A52010DC0373 .
(44)  Id-Direttivi dwar il-ħin tax-xogħol (Isère (C-428/09)), dwar redundancies kollettivi (Balkaya (C-229/14)) u l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ('O' (C-432/14)). Direttivi oħra dwar il-liġi tax-xogħol jirreferu espressament għall-intendiment tal-Istati Membri ta' min huwa ħaddiem, sakemm dawn jirrispettaw l-effettività tal-liġi tal-UE, b'referenza għall-kawża O'Brien (C-393/10).
(45)   Ara wkoll COM(2010) 373 final, paġni 4-6.
(46)  Jany and Others v Staatssecretaris van Justitie (C-268/99).
(47)  "The rise of the 'just-in-time workforce": on-demand work, crowdwork and labour protection in the 'gig economy', Valerio De Stefano, ILO Conditions of Work and Employment Series No. 71 , 2016, p. 17
(48)  Danosa (C-232/09); ara wkoll De Stefano, ibid, paġna 16
(49)  Għal aktar dettalji dwar il-valutazzjoni reali tal-"ġenwinità tax-xogħol" mill-QtĠ-UE, kif ukoll fl-Istati Membri (pereż. bl-użu ta' limiti massimi bbażati fuq il-qligħ jew is-siegħat) fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ara "Comparative Report 2015 - The concept of worker under Article 45 TFEU and certain non-standard forms of employment", in-netwerk FreSsco għall-Kummissjoni Ewropea
(50)  Ninni-Orasche (C-413/01)
(51)  Kempf (C-139/85)
(52)  Raulin (C-357/89)
(53)  Bettray (C-344/87)
(54)  Ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi tinsab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.
(55)

COM(2016) 148 final, of 7.04.2016, Communication on an action plan on VAT; Towards a single EU VAT area - Time to decide

(56)  Barra dan, ser tittieħed informazzjoni mill-istatistika uffiċjali u minn rapporti ta' partijiet terzi.
(57)   L-elementi ewlenin ser ikunu kkomplementati b'dejta u għarfien minn rapporti ta' partijiet terzi, possibbilment minn analitiki tad-dejta u mill-estrazzjoni tad-dejta tal-web, u minn statistika uffiċjali safejn l-informazzjoni tkun disponibbli.
(58)   L-eżerċizzji ta' REFIT eżistenti jew tal-ġejjieni jistgħu wkoll jidentifikaw oqsma fejn huwa meħtieġ intervent addizzjonali.
Top