Help Print this page 

Document 52016DC0288

Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa

COM/2016/0288 final
Multilingual display
Text

Brussell, 25.5.2016

COM(2016) 288 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali
Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa

{SWD(2016) 172 final}


1. Introduzzjoni

Il-pjattaformi online biddlu b'mod drammatiku l-ekonomija diġitali matul dawn l-aħħar żewġ deċennji u ġabu ħafna benefiċċji għas-soċjetà diġitali tal-lum. Dawn għandhom rwol prominenti fil-ħolqien ta' "valur diġitali" li jirfed it-tkabbir ekonomiku futur tal-UE u konsegwentement huma ta' importanza ewlenija għall-funzjonament effettiv tas-suq uniku diġitali.

F'Komunikazzjoni li tistabbilixxi strateġija għas-suq uniku diġitali (DSM), 1 il-Kummissjoni impenjat ruħha li twettaq valutazzjoni komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi, inkluż fl-ekonomija tal-iskambju, u tal-intermedjarji online. Sussegwentement, il-Kummissjoni wettqet sensiela ta' sessjonijiet ta' ħidma u studji 2 u konsultazzjoni pubblika wiesgħa, li waslet għal numru kbir ta' tweġibiet.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tnejn:

1.Li tiddeskrivi l-kwistjonijiet ewlenin identifikati fil-valutazzjoni tal-pjattaformi online.

2.Li tippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kemm dwar l-opportunitajiet ta' innovazzjoni kif ukoll dwar l-isfidi regolatorji ppreżentati mill-pjattaformi online, u li tistabbilixxi l-approċċ tagħha biex tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tagħhom fl-Ewropa.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal u rapport sommarju dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li jipprovdu analiżi addizzjonali u evidenza li ssostni l-proposti li jsegwu hawn taħt 3 .

2. L-importanza dejjem tikber tal-pjattaformi online fl-ekonomija diġitali

Il-pjattaformi online jiġu f'diversi forom u daqsijiet u jkomplu jevolvu b'pass li qatt ma rajna qabel fl-ebda settur ieħor tal-ekonomija. Fil-preżent, dawn ikopru sett wiesa' ta' attivitajiet li jinkludu 4 pjattaformi ta' reklamar online, swieq, magni tat-tiftix, midja soċjali u ħwienet ta' kontenut kreattiv, pjattaformi għad-distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet, servizzi ta' komunikazzjoni, sistemi ta' pagament, u pjattaformi għall-ekonomija kollaborattiva.

Il-pjattaformi online għandhom xi karatteristiċi importanti u speċifiċi li huma komuni. B'mod partikolari:

-għandhom il-kapaċità joħolqu u jiffurmaw swieq ġodda, jisfidaw swieq tradizzjonali, u jorganizzaw forom ġodda ta' parteċipazzjoni jew ta' twettiq tan-negozju fuq il-bażi tal-ġbir, l-ipproċessar, u l-editjar ta' ammonti kbar ta' dejta;

-joperaw fi swieq multilaterali imma b'livelli differenti ta' kontroll fuq interazzjonijiet diretti bejn gruppi ta' utenti;

-jibbenefikaw mill-"effetti tan-netwerk", fejn, b'mod ġenerali, il-valur tas-servizz jiżdied man-numru ta' utenti;

-spiss joqogħdu fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jilħqu lill-utenti tagħhom, istantanjament u faċilment;

-għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' valur diġitali, b'mod partikolari billi jinqabad valur sinifikanti (inkluż permezz tal-akkumulazzjoni tad-dejta), jiġu ffaċilitati impriżi tan-negozju ġodda, u jinħolqu dipendenzi strateġiċi ġodda.

Dawn il-karatteristiċi tal-pjattaformi online ġabu firxa ta' benefiċċji importanti għall-ekonomija diġitali u għas-soċjetà. Il-pjattaformi online jiffaċilitaw il-gwadanji fl-effiċjenza, u jaġixxu bħal kalamita għall-innovazzjoni mmexxija mid-dejta 5 . Il-pjattaformi online jżidu l-għażla għall-konsumatur, biex b'hekk jikkontribwixxu għal kompetittività mtejba tal-industrija u tisħiħ fil-benesseri tal-konsumatur.

Il-pjattaformi online joffru wkoll il-potenzjal biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà u fid-demokrazija, billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni, b'mod partikolari għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar 6 u b'mod transfruntier 7 .

Madankollu, l-importanza dejjem tikber tal-ekonomija diġitali marbuta mad-diversità u n-natura li tinbidel malajr tal-ekosistemi tal-pjattaformi wkoll iqajmu sfidi ġodda ta' politika u regolatorji. Din il-Komunikazzjoni tindirizza kemm id-dimensjoni tal-innovazzjoni kif ukoll tat-tkabbir, kif ukoll kwalunkwe sfida regolatorja.

3. Noħolqu ambjent tajjeb li jattira, iżomm u jkabbar innovaturi ġodda tal-pjattaformi online

Numru ta' pjattaformi kompetittivi fuq livell globali oriġinaw fl-Ewropa, pereżempju Skyscanner u BlaBlaCar. Madankollu, b'mod ġenerali, l-UE attwalment tirrappreżenta biss 4 % tal-kapitalizzazzjoni totali tas-suq tal-akbar pjattaformi online: il-maġġoranza l-kbira tal-pjattaformi joriġinaw mill-Istati Uniti u mill-Asja 8 .

L-ekonomija tal-pjattaformi tippreżenta opportunitajiet kbar ta' innovazzjoni għal negozji ġodda Ewropej, kif ukoll għal operaturi tas-suq stabbiliti biex jiżviluppaw mudelli tan-negozju, prodotti u servizzi ġodda. L-Ewropa għandha komunità ta' negozji ġodda li sejrin tajjeb b'imprendituri dinamiċi li għandhom fil-mira tagħhom opportunitajiet ġodda fl-ekonomija kollaborattiva, l-enerġija, is-saħħa, is-servizzi bankarji, il-kontenut kreattiv u lil hinn. Bħala eżempju, l-apps magħmula mill-iżviluppaturi Ewropej jammontaw għal 30 % tad-dħul globali fil-pjattaformi tad-distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet ewlenin 9 .

Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba ta' qafas u l-ambjent it-tajjeb huma essenzjali biex tinżamm, tikber u jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta' pjattaformi online ġodda fl-Ewropa.

L-ewwel u qabel kollox dan jinvolvi l-ħolqien ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona sew, li jelimina l-ostakoli biex in-negozji jkunu jistgħu jidħlu u jikbru malajr fl-Ewropa u ma jmorrux f'postijiet oħra. F'dan ir-rigward, l-aġenda Ewropea li ġejja għall-ekonomija kollaborattiva ser tipprovdi gwida dwar leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri, bil-għan li ssostni l-iżvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva.

L-istrateġija adottata reċentement għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea 10 tidentifika sensiela ta' miżuri li jgħinu biex dawn l-ambizzjonijiet jimxu 'l quddiem. Dawn jinkludu investiment f'infrastruttura tad-dejta u tal-kompjuters ta' klassi dinjija għax-xjenza u l-innovazzjoni, b'investiment stmat ta' EUR 50 biljun ta' fondi pubbliċi u privati biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni diġitali tal-Ewropa. Hemm ukoll miżuri inklużi f'dan il-pakkett għal approċċ issimplifikat għall-istandardizzazzjoni li għandu l-għan li jħeġġeġ l-interoperabbiltà transfruntiera u mifruxa fuq diversi oqsma meħtieġa.

Numru ta' inizjattivi li jinsabu għaddejjin bħalissa fl-arena tar-riċerka u azzjonijiet speċifiċi oħra ta' finanzjament diġà għandhom l-għan li jgħinu l-ħolqien ta' ekosistemi innovattivi bbażati fuq pjattaformi. Dawn jinkludu l-provvista ta' aċċess għall-internet b'veloċità għolja madwar l-UE 11 u appoġġ għal pjattaformi ta' servizz miftuħ 12 . F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tibda riflessjoni dwar kif għandu jitfassal l-internet tal-ġejjieni bħala ekosistema ta' pjattaform b'saħħitha, miftuħa, bl-utent fiċ-ċentru tagħha u interoperabbli, b'mod partikolari bl-appoġġ tal-Orizzont 2020 13 .

Finalment, proġetti bħall-inizjattiva Startup Europe 14 jipprovdu pariri u finanzjament, biex b'hekk jippromwovu opportunitajiet għal negozji ġodda biex jesperimentaw u jkabbru.

B'kollox, il-pjattaformi online jrawmu l-ħolqien ta' valur diġitali li jiġġenera tkabbir ekonomiku fis-suq uniku diġitali. L-importanza tagħhom timplika li l-iffaċilitar ta' u l-appoġġ għall-ħolqien ta' pjattaformi kompetittivi bbażati fl-UE huma imperattivi kemm b'mod ekonomiku kif ukoll strateġiku għall-Ewropa.

4. Qafas regolatorju bbilanċjat għall-pjattaformi online fis-suq uniku diġitali

Il-qafas regolatorju tajjeb għall-ekonomija diġitali għandu jwassal għat-twettiq ulterjuri ta' żvilupp sostenibbli u skalar tal-mudell kummerċjali tal-pjattaformi fl-Ewropa.

L-ewwel nett, sabiex l-Ewropa taħsad il-benefiċċji sħaħ mill-ekonomija tal-pjattaformi u tistimula t-tkabbir fin-negozji ġodda tal-pjattaformi Ewropej, evidentement, ma jistax ikun hemm 28 sett differenti ta' regoli għall-pjattaformi online f'suq uniku. Regoli nazzjonali jew anke lokali differenti għall-pjattaformi online joħolqu inċertezza għall-operaturi ekonomiċi, jillimitaw id-disponibbiltà ta' servizzi diġitali, u jiġġeneraw konfużjoni għall-utenti u n-negozji. Regoli armonizzati fil-livell tal-UE bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 15 li ġie adottat reċentement u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni 16 huma importanti biex jiġi ffaċilitat it-tkabbir u l-iskalar rapidu ta' pjattaformi innovattivi.

It-tieni nett, il-pjattaformi online huma soġġetti għar-regoli eżistenti tal-UE fl-oqsma bħall-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni ta' dejta personali u l-libertajiet tas-suq uniku. Il-konformità ma' dawn ir-regoli tal-pjattaformi li jinkludu kollox hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jikkompetu b'mod ġust. Dan joħloq il-fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-pubbliku ġenerali biex b'mod kunfidenti jinvolvu ruħhom fil-pjattaformi online.

L-infurzar effettiv huwa kruċjali. In-natura transfruntiera tal-pjattaformi tfisser li l-infurzar jeħtieġ kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet rilevanti, bħal dik prevista fir-riforma tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi 17 u kif previst fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jwieġbu b'mod effettiv għal żviluppi ġodda u possibbilment ta' tfixkil tas-suq u teknoloġiċi u l-mudelli kummerċjali wkoll ser ikunu kritiċi. Dan jista' jinkludi l-investiment f'teknoloġija ġdida li tappoġġja l-azzjoni pubblika, inkluż l-analitika tal-big data, biex tinġabar aktar informazzjoni dettaljata dwar ekosistemi ta' pjattaformi online 18 , bħala parti minn miżuri usa' li jiżguraw settur pubbliku mmexxi mid-dejta 19 . Il-Kummissjoni ser tesplora aktar, flimkien mal-Istati Membri u l-pjattaformi, kif dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu l-aħjar.

It-tielet, il-ħtieġa li jitrawwem ir-rwol tal-promozzjoni tal-innovazzjoni tal-pjattaformi teħtieġ li kwalunkwe miżura regolatorja futura proposta fil-livell tal-UE tindirizza biss il-problemi identifikati b'mod ċar relatati ma' tip speċifiku jew attività speċifika tal-pjattaformi online f'konformità ma' prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar. Dan l-approċċ immexxi mill-problemi għandu jibda b'evalwazzjoni ta' jekk il-qafas eżistenti għadux xieraq. L-ekonomija kollaborattiva hija eżempju tajjeb fejn ir-regoli ddisinjati bil-ħsieb tal-provvista ta' servizzi tradizzjonali u spiss lokali jistgħu jimpedixxu l-mudelli kummerċjali tal-pjattaformi online. Din il-kwistjoni ser tiġi indirizzata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġejja dwar l-ekonomija kollaborattiva.

Finalment, miżuri awtoregolatorji/koregolatorji bbażati fuq il-prinċipji 20 , li jinkludu għodod tal-industrija għall-iżgurar tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti legali u mekkaniżmi xierqa ta' monitoraġġ, jistgħu jkollhom rwol. Imsaħħa b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa, jistgħu jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn il-prevedibbiltà, il-flessibbiltà, l-effiċjenza, u l-ħtieġa li jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jilqgħu għall-ġejjieni.

Bħala regola ġenerali, meta telabora t-tweġibiet għal kwistjonijiet relatati ma' pjattaformi online, il-Kummissjoni ser tqis dawn il-prinċipji li ġejjin:

-kundizzjonijiet ekwivalenti għas-servizzi diġitali komparabbli;

-imġiba responsabbli tal-pjattaformi online biex jiġu żgurati l-valuri ewlenin;

-trasparenza u korrettezza biex tinżamm il-fiduċja tal-utenti u tiġi ssalvagwardjata l-innovazzjoni;

-swieq miftuħa u mhux diskriminatorji f'ekonomija mmexxija mid-dejta.

It-taqsima li jmiss turi kif il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssarraf dawn il-prinċipji f'politika.

5. L-implimentazzjoni tal-prinċipji ewlenin għall-iżvilupp tal-pjattaformi fl-UE

I)L-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-servizzi diġitali komparabbli

Il-messaġġi "over-the-top" (OTT) huma previsti li ser jilħqu sehem tas-suq ta' 90 % tas-suq totali tal-messaġġi fl-2020 21 .

B'reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu — inkluż numru ta' Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-operaturi, il-biċċa l-kbira tal-operaturi preeżistenti u l-bejjiegħa — iqisu li s-servizzi OTT jipprovdu lill-konsumaturi sostitut li jaħdem għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tradizzjonali 22 .

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika minn fost gruppi differenti ta' partijiet interessati qed jissuġġerixxu li għandu jkun hemm fokus fuq l-attivitajiet speċifiċi li jwettqu l-pjattaformi online u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni 23 .

Il-kompetizzjoni mill-mudelli kummerċjali bbażati fuq pjattaformi online tipprovdi inċentivi għall-parteċipanti tas-suq tradizzjonali biex jinnovaw u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Ħafna pjattaformi online sfidaw il-mudelli kummerċjali konvenzjonali u joffru servizzi li dejjem iżjed qed jidhru mill-utenti bħala sostituti għal servizzi offruti bil-mod konvenzjonali. Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet online OTT huma każ speċifiku hekk kif dejjem iżjed jikkompetu mal-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tradizzjonali 24 . Madankollu, dawn is-servizzi ġodda mhumiex soġġetti għall-istess regoli bħas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tradizzjonali.

Dak li huwa meqjus bħala servizz komparabbli jista' jvarja skont il-kuntest tal-ordni pubbliku. Għal ċerti ħtiġijiet (eż. bħala sigurtà u kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet), jista' jkun meħtieġ li jiġu indirizzati s-servizzi kollha li jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet interattivi bejn l-utenti tagħhom; għal oħrajn, l-utenti finali jistgħu jassoċjaw garanziji bħal assigurazzjonijiet tal-kwalità tas-servizz, jew interkonnessjoni bla problemi bejn il-fornituri tas-servizzi differenti, bl-użu tar-riżorsi pubbliċi bħan-numri tat-telefown.

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni f'oqsma rilevanti għandu jkun il-prinċipju ġenerali fis-suq uniku diġitali. Biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, jista' jkun hemm il-ħtieġa li r-regolamentazzjoni eżistenti tiġi ssimplifikata, immodernizzata u mħaffa. Dawn l-isforzi ta' modernizzazzjoni għandhom ifittxu li jevitaw li jimponu piż sproporzjonat fuq il-mudelli kummerċjali ġodda kif ukoll dawk tradizzjonali.

Bħala prinċipju ġenerali, is-servizzi diġitali komparabbli għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli jew għal regoli simili, billi jitqiesu kif xieraq l-opportunitajiet għat-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-firxa tar-regolamentazzjoni eżistenti. Bħala parti mir-reviżjoni tagħha tar-regoli tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE li għad għandha titlesta fl-2016, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-possibbiltà li tipproponi taħlita mmirata ta' proposti li jinvolvu livell ta' deregolamentazzjoni (li jqisu ċerti regoli li bħalissa huma applikabbli biss għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tradizzjonali bħal, pereżempju, xi obbligi ta' servizz universali), flimkien mal-applikazzjoni, fejn meħtieġ, ta' sett aktar limitat ta' regoli speċifiċi għall-komunikazzjonijiet għas-servizzi rilevanti u komparabbli kollha inkluż meta pprovduti mill-parteċipanti OTT.

Bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika fl-2016, il-Kummissjoni ser tqis is-simplifikazzjoni u l-aġġustament tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha u l-applikazzjoni potenzjali ta' xi wħud mir-regoli tagħha, pereżempju dawk relatati mal-kunfidenzjalità, anke għal servizzi tal-komunikazzjonijiet online OTT.

II)L-iżgurar tal-imġiba responsabbli tal-pjattaformi online

Wieħed minn kull tliet utenti tal-internet huwa tifel jew tifla 25 . Meta mqabbel mal-2010, it-tfal li għandhom bejn il-11 u s-16-il sena issa għandhom 20 % aktar probabbiltà li jkunu esposti għal messaġġi ta' mibegħda. It-tfal huma wkoll esposti aktar faċilment għal materjal tal-adulti online, spiss b'aċċess mhux ristrett (23 mill-aktar 25 sit web tal-adulti li jidħlu fihom l-utenti tal-internet fir-Renju Unit jipprovdu aċċess immedjat, mingħajr ħlas u mhux ristrett għal vidjows pornografiċi hard-core). 26

Fl-2015 biss, il-UK Internet Watch Foundation identifikat 68 092 URL uniku li fih kontenut ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, ospitati madwar id-dinja. 27

Madwar tliet kwarti minn dawk kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika, inkluż maġġoranza ta' konsumaturi, ċittadini u negozji, talbu għal trasparenza akbar fil-politika dwar il-kontenut tal-pjattaformi. Aktar minn żewġ terzi qiesu li kategoriji differenti ta' kontenut illegali jeħtieġu approċċi ta' politika differenti fir-rigward ta' proċeduri ta' avviż u azzjoni.

Minn Lulju 2015, aktar minn 400 siegħa ta' kontenut ta' vidjow kien qed jittella' fuq YouTube kull minuta 28 . Fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika, id-detenturi tad-drittijiet f'diversi setturi tal-kontenut (mużika, immaġnijiet, pubblikazzjonijiet għall-istampa u xandir) sostnew li l-kontenut tagħhom qed jintuża minn xi pjattaformi online mingħajr awtorizzazzjoni jew permezz ta' ftehimiet tal-liċenzja li, fil-fehma tagħhom, fihom termini inġusti.

Fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni u l-kontenut għal ħafna partijiet mis-soċjetà, il-pjattaformi qegħdin kull ma jmur isiru dejjem iktar importanti. Dan ir-rwol, neċessarjament, iġib miegħu responsabbiltà usa'.

Dan ir-reġim tar-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, ġie ddisinjat fi żmien meta l-pjattaformi online ma kellhomx il-karatteristiċi u l-iskala li għandhom illum. Madankollu, irnexxielu joħloq ambjent regolatorju teknoloġikament newtrali li ffaċilita b'mod konsiderevoli l-iskalar tagħhom. Dan huwa parzjalment dovut għall-armonizzazzjoni tal-eżenzjoni ta' ċerti tipi ta' pjattaformi online mir-responsabbiltà għall-kontenut u l-attivitajiet illegali, li fir-rigward tagħhom la għandhom kontroll u lanqas għarfien 29 . Filwaqt li tqajjem ċertu tħassib dwar kwistjonijiet ta' responsabbiltà, il-konsultazzjoni wriet appoġġ wiesa' għall-prinċipji eżistenti tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 30 .

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni ser iżżomm reġim ta' responsabbiltà bbilanċjat u prevedibbli għall-pjattaformi online. Dan huwa kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija diġitali fl-UE u biex jiġu sfruttati l-investimenti fl-ekosistemi tal-pjattaformi. Fl-istess ħin, numru ta' kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-kontenut illegali u ta' ħsara u mal-attivitajiet online ġew identifikati li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jagħmlu dan l-approċċ sostenibbli.

L-ewwel kwistjoni hija relatata mal-proliferazzjoni fuq pjattaformi online għall-qsim ta' vidjows ta' kontenut li huwa ta' ħsara għall-minorenni u ta' diskors ta' mibegħda. It-tfal huma dejjem iżjed esposti għal kontenut ta' ħsara permezz ta' pjattaformi għall-qsim ta' vidjows, 31 filwaqt li l-inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda permezz ta' materjal online awdjoviżiv huma problema partikolarment akuta. Il-Kummissjoni qed tindirizza dan permezz ta' regolamentazzjoni speċifika għas-settur bħala parti mill-emenda tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

It-tieni kwistjoni tikkonċerna l-allokazzjoni tad-dħul għall-użu ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur. Inħolqu forom ġodda ta' distribuzzjoni ta' kontenut online li jistgħu jagħmlu disponibbli b'mod wiesa' l-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti finali. Filwaqt li dawn is-servizzi qed jattiraw udjenza dejjem tikber u jiggwadanjaw benefiċċji ekonomiċi mid-distribuzzjoni tal-kontenut, hemm tħassib dejjem jikber dwar jekk il-valur iġġenerat minn xi wħud minn dawn il-forom ġodda ta' distribuzzjoni tal-kontenut huwiex maqsum b'mod ġust bejn id-distributuri u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tindirizza dan permezz ta' regolamentazzjoni speċifika għas-settur fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni ser timmira wkoll li tindirizza l-kwistjoni ta' remunerazzjoni ġusta tal-ħallieqa fir-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet oħra li jużaw il-kontenut tagħhom, inklużi l-pjattaformi online 32 . Fil-kuntest tal-evalwazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-infurzar ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni ser tivvaluta r-rwol li jista' jkollhom l-intermedjarji fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż fir-rigward ta' merkanzija falza, u se tqis l-emendar tal-qafas legali speċifiku għall-infurzar. Il-Kummissjoni se tissokta wkoll bil-ħidma mal-pjattaformi fit-twaqqif u l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni volontarji bil-għan li lil dawk li jwettqu ksur kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jitneħħewlhom il-modi tad-dħul finanzjarju mill-attivitajiet illegali tagħhom f'konformità mal-istrateġija "segwi l-flus".  

It-tielet, jeżistu oqsma importanti bħall-inċitament għat-terroriżmu, l-abbuż sesswali fuq it-tfal u d-diskors ta' mibegħda li fuqhom, it-tipi kollha ta' pjattaformi online għandhom jiġu inkoraġġiti jieħdu azzjoni volontarja aktar effettiva biex jitnaqqas l-esponiment għall-kontenut illegali jew ta' ħsara. Ħafna inizjattivi rakkomandabbli mill-industrija jeżistu f'dan il-qasam. Id-djalogu mal-kumpaniji tal-IT għal kodiċi ta' kondotta dwar id-diskors ta' mibegħda illegali online, il-Forum tal-Internet tal-UE dwar il-kontenut ta' terroriżmu u l-Koalizzjoni CEO biex l-internet ikun post aħjar għat-tfal huma eżempji importanti ta' proċessi ta' involviment b'diversi partijiet interessati mmirati biex isibu soluzzjonijiet komuni biex b'mod volontarju jiskopru u jiġġieldu l-materjal illegali jew ta' ħsara online. Hekk kif il-pjattaformi online jkomplu jiskalaw u jespandu f'setturi addizzjonali, dawn l-isforzi għandhom jiġu sostnuti u żviluppati madwar l-UE biex isaħħu r-rwol pożittiv tagħhom fis-soċjetà.

Ir-raba', numru ta' pjattaformi online fil-konsultazzjoni pubblika qajmu t-tħassib li l-introduzzjoni ta' miżuri volontarji tkun tfisser li ma jibqgħux jibbenefikaw iżjed mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà intermedjarja skont id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. L-għoti ta' aktar ċarezza għall-pjattaformi online fir-rigward tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-intermedjarji skont dik id-Direttiva fid-dawl ta' kwalunkwe miżura volontarja bħal din meħuda minnhom għandu, għalhekk, ikun importanti biex jippermettilhom jieħdu miżuri awtoregolatorji aktar effettivi.

Finalment, hemm il-ħtieġa li jiġu mmonitorjati l-proċeduri eżistenti għal avviż u azzjoni biex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza tar-reġim tar-responsabbiltà intermedjarja. Qabel tiġi kkunsidrata t-tnedija ta' inizjattiva, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivvaluta r-riżultati ta' riformi li għaddejjin bħalissa bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, ir-reviżjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-inizjattivi volontarji bħall-Forum tal-Internet tal-UE.

Il-Kummissjoni għandha żżomm ir-reġim eżistenti ta' responsabbiltà intermedjarja filwaqt li timplimenta approċċ settorjali, immexxi mill-problemi għar-regolamentazzjoni:

- bil-proposta tagħha għal Direttiva aġġornata dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva li għandha tiġi ppreżentata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ser tipproponi li l-pjattaformi għall-qsim tal-vidjows idaħħlu fis-seħħ miżuri li jipproteġu l-minorenni minn kontenut ta' ħsara u li jipproteġu lil kulħadd minn inċitament għall-mibegħda.

- fil-pakkett tad-drittijiet tal-awtur li jmiss, li għandu jiġi adottat fil-ħarifa tal-2016, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb allokazzjoni aktar ġusta tal-valur iġġenerat mid-distribuzzjoni online ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur minn pjattaformi online li jipprovdu aċċess għal tali kontenut.

Mill-2006, il-Kummissjoni ser tinkoraġġixxi aktar sforzi awtoregolatorji kkoordinati mifruxa mal-UE mill-pjattaformi online. Il-Kummissjoni ser tirrevedi b'mod regolari l-effikaċja u l-komprensività ta' dawn l-isforzi volontarji bil-ħsieb li tiġi ddeterminata l-ħtieġa possibbli għal miżuri addizzjonali u biex jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-utenti mhuwiex limitat.

Matul it-tieni nofs tal-2016 ,il-Kummissjoni għandha tesplora l-ħtieġa għall-gwida dwar ir-responsabbiltà ta' pjattaformi online meta ddaħħal fis-seħħ miżuri volontarji ta' bona fide biex tiġġieled il-kontenut illegali online.

Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-ħtieġa għal proċeduri formali ta' avviż u azzjoni, fid-dawl tar-riżultati, inter alia, tal-oqfsa tal-media awdjoviżiva u tad-drittijiet tal-awtur u tal-inizjattivi kontinwi awtoregolatorji u koregolatorji.

III)Trawwim ta' fiduċja, trasparenza u żgurar ta' korrettezza

-Iċ-ċittadini u l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni u s-setgħa

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fl-2016 dwar il-pjattaformi online 33 wera li 72 % tal-konsumaturi li wieġbu kienu mħassba dwar id-dejta miġbura dwarhom jew dwar l-attivitajiet tagħhom. 72 % kienu jqisu wkoll li l-pjattaformi online għandhom jiġu regolati biex jiġi llimitat il-punt sa fejn juru riżultati differenti lill-utenti abbażi tad-dejta miġbura dwar l-attivitajiet tagħhom. Fl-istess ħin, 56 % tal-konsumaturi li wieġbu indikaw li ma qrawx it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi online.

Aktar minn 75 % ta' dawk li wieġbu minn fost il-pubbliku ġenerali 34 jqisu li hija meħtieġa aktar trasparenza, b'mod partikolari dwar kif ir-remunerazzjoni tal-pjattaforma tinfluwenza l-elenkar tar-riżultati tal-magna tat-tiftix, dwar l-identifikazzjoni tal-fornitur attwali tas-servizzi jew prodotti, u dwar prattiki qarrieqa possibbli li jinkludu reċensjonijiet foloz.

L-aċċess għad-dejta jagħti spinta lill-effiċjenza u l-innovazzjoni tas-suq, imma jista' jgħin ukoll biex isalva l-ħajjiet, itejjeb l-edukazzjoni, u jtejjeb is-servizzi tal-gvern u l-iżvilupp tal-politika. L-internet tal-ġejjieni ma jistax ikun ta' suċċess mingħajr il-fiduċja tal-utenti fil-pjattaformi online, u mingħajr pjattaformi online li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni applikabbli kollha u l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u utenti oħra 35 . Ir-reviżjoni adottata reċentement tar-regoli tal-UE dwar l-aċċess għal u l-ipproċessar ta' dejta personali diġà tinkludi dispożizzjonijiet importanti biex tinforma u tipproteġi aħjar lill-utenti rigward il-ġbir ta' dejta personali, b'mod partikolari b'rekwiżiti espliċiti ta' kunsens u l-istabbiliment ta' prinċipji ġodda bħall-"protezzjoni tad-dejta b'mod awtomatiku" u l-"protezzjoni tad-dejta bid-disinn".

Madankollu, partijiet kbar mill-pubbliku jibqgħu beżgħana dwar il-ġbir tad-dejta u jqisu l-ħtieġa għal aktar trasparenza. Il-pjattaformi online għandhom iwieġbu għal dan it-tħassib billi b'mod aktar effettiv jinformaw lill-utenti dwar liema dejta personali qed tinġabar u kif qed titqassam u tiġi użata, f'konformità mal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta 36 . B'mod aktar ġenerali, din il-kwistjoni tinkludi l-modi kif l-utenti jidentifikaw lilhom infushom sabiex jaċċessaw il-pjattaformi u s-servizzi online. Qed jiġi rikonoxxut li għadd kbir ta' kombinazzjonijiet ta' username u password huwa kemm inkonvenjenti kif ukoll ta' riskju għas-sigurtà. Madankollu, il-prattika frekwenti li wieħed juża l-profil tal-pjattaforma tiegħu biex jaċċessa firxa ta' siti web u servizzi spiss tinvolvi skambji mhux trasparenti u rabtiet inkroċjati ta' dejta personali bejn diversi pjattaformi online u siti web. Bħala rimedju, sabiex l-identifikazzjoni tinżamm sempliċi u sigura, il-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jagħżlu l-kredenzjali li bihom jixtiequ jidentifikaw jew jawtentikaw lilhom infushom. B'mod partikolari, il-pjattaformi online għandhom jaċċettaw il-kredenzjali maħruġa jew rikonoxxuti minn awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, bħal IDs elettroniċi jew mobbli, karti tal-identità nazzjonali, jew kards tal-banek.

Trasparenza akbar hija meħtieġa wkoll għall-utenti biex jifhmu kif l-informazzjoni ppreżentata lilhom hija ffiltrata, iffurmata jew personalizzata, b'mod speċjali meta din l-informazzjoni tifforma l-bażi ta' deċiżjonijiet ta' xiri jew tinfluwenza l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika jew demokratika. Jekk il-konsumaturi jkunu informati kif xieraq dwar in-natura tal-prodotti li jaraw jew jikkunsmaw online, dan jgħin il-funzjonament effiċjenti tas-swieq u l-benesseri tal-konsumaturi.

Il-klassifikazzjonijiet online u r-reċensjonijiet tal-prodotti u s-servizzi huma ta' għajnuna u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, imma jeħtieġ li jkunu affidabbli u ħielsa minn kwalunkwe preġudizzju jew manipulazzjoni. Eżempju prominenti huma r-reċensjonijiet foloz, fejn it-telf tal-fiduċja jista' jimmina l-mudell kummerċjali tal-pjattaforma nnifisha, imma wkoll iwassal għal telf usa' ta' fiduċja, kif espress f'ħafna tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika 37 .

Finalment, il-liġi eżistenti tal-UE dwar il-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni diġà teħtieġ li l-pjattaformi online jkunu trasparenti u ma jiżgwidawx lill-konsumaturi, pereżempju fir-rigward ta' riżultati tat-tiftix u sistemi ta' klassifikazzjonijiet u reċensjonijiet online sponsorjati. Infurzar imtejjeb ta', u konformità aħjar ma' din il-leġiżlazzjoni se jrawmu aktar fiduċja, trasparenza u korrettezza.

Il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tirrevedi r-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, biex tiffaċilita aktar infurzar effiċjenti tal-liġi tal-UE tal-konsumatur f'sitwazzjonijiet transfruntiera.

Il-Kummissjoni rrevediet il-gwida dwar id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali biex tiġi adottata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni ser tivvaluta aktar kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' pjattaformi bħala parti mill-kontroll tal-idoneità regolatorju tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fl-2017. Il-Kummissjoni ser timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni tal-prinċipji għall-għodod ta' tqabbil li kienu tfasslu mid-djalogu ma' diversi partijiet interessati dwar l-għodod ta' tqabbil li l-Kummissjoni instigat 38 .

Sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi u jiġu ssalvagwardjati l-prinċipji tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni ser tippromwovi aktar azzjonijiet ta' interoperabbiltà, inkluż permezz tal-ħruġ ta' prinċipji u gwida dwar l-interoperabbiltà tal-eID l-iktar tard sal-2017. L-għan ser ikun li jinkoraġġixxi lill-pjattaformi online jirrikonoxxu mezzi oħra tal-eID — b'mod partikolari dawk notifikati skont ir-Regolament tal-eIDAS 39 — li joffru l-istess riassigurazzjoni bħal tagħhom.

Fil-kuntest tad-djalogu kontinwu mal-partijiet interessati kollha, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-industrija żżid l-isforzi volontarji, li l-Kummissjoni se tieħu biex tgħin fl-iffrejmjar, biex tevita prattiki li jnaqqsu l-fiduċja, b'mod partikolari — imma mhux limitati — billi tittratta r-reċensjonijiet online foloz jew qarrieqa.

-Salvagwardja ta' ambjent kummerċjali ġust u favur l-innovazzjoni

Disgħa minn kull għaxra li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika jqisu li hemm lok għal titjib fir-relazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) bejn pjattaformi u fornituri. Huma enfasizzaw eżempji allegatament problematiċi ta' klawżoli kuntrattwali u prattiki li jkopru numru wiesa' ta' setturi 40 .

Fost dawk li wieġbu li esprimew nuqqas ta' sodisfazzjon b'dawn ir-relazzjonijiet B2B, aktar minn 80 % jqisu li d-dinamika tas-suq mhumiex ser jindirizzaw il-kwistjoni u li hija meħtieġa taħlita ta' azzjonijiet regolatorji u mhux regolatorji.

Ħafna minn dawk li wieġbu jqisu li l-mekkaniżmi interni tal-ilmenti stabbiliti mill-pjattaformi mhumiex effettivi u kosteffiċjenti biex isolvu l-problemi li jirriżultaw bejn il-pjattaformi online u l-fornituri tagħhom.

Billi l-pjattaformi online għandhom rwol dejjem jikber fl-ekonomija, it-termini tal-aċċess għall-pjattaformi online jistgħu jkunu fattur importanti għall-kumpaniji online u offline. Għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, xi pjattaformi online jikkostitwixxu punti tad-dħul importanti, xi kultant prinċipali, għal ċerti swieq u dejta. Min-naħa tagħhom, il-pjattaformi online għandhom interess ewlieni f'relazzjoni sostenibbli u pożittiva mal-utenti kummerċjali tagħhom li fuqhom jiddependu għall-ħolqien tal-valur.

Il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat numru ta' tħassib minn ċerti partijiet interessati dwar prattiki kummerċjali żleali minn pjattaformi online. L-aktar problemi allegati komuni jinkludu dawn li ġejjin:

1.pjattaformi li jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti, b'mod partikolari għall-aċċess għal bażijiet tal-utenti jew għal bażijiet ta' dejta importanti;

2.pjattaformi li jirrifjutaw l-aċċess għas-suq jew b'mod unilaterali jimmodifikaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq, inkluż l-aċċess għal dejta kummerċjali essenzjali;

3.ir-rwol doppju li għandhom il-pjattaformi meta kemm jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq kif ukoll jikkompetu fl-istess ħin mal-fornituri, li jista' jwassal għal pjattaformi li jippromwovu b'mod inġust is-servizzi tagħhom stess għall-iżvantaġġ ta' dawn il-fornituri;

4.klawżoli ta' "parità" inġusti b'effetti detrimentali għall-konsumatur; u

5.nuqqas ta' trasparenza — b'mod partikolari dwar it-tariffi tal-pjattaformi, l-użu tad-dejta u r-riżultati tat-tiftix — li jista' jirriżulta fi ħsara għall-attivitajiet kummerċjali tal-fornituri.

Numru sinifikanti ta' dawk li wieġbu min-negozju għall-konsultazzjoni pubblika enfasizzaw il-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' dawn il-prattiki kummerċjali allegatament inġusti, u ssuġġerew li miżuri addizzjonali — taħlita ta' miżuri regolatorji u mhux regolatorji — huma meħtieġa 41 .

Finalment, il-konsultazzjoni wriet ukoll il-ħtieġa potenzjali li nesploraw kwistjonijiet dwar is-sjieda u l-użu ta', kif ukoll l-aċċess għad-dejta. Dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata relazzjoni kuntrattwali aktar xierqa u bbilanċjata bejn il-fornituri tas-servizzi u l-utenti kummerċjali, li hija importanti biex jiġi stimulat l-investiment.

Il-kompetizzjoni u l-politika tas-suq intern għandhom jidhru bħala politiki komplementarji li għandhom rwol importanti fil-funzjonament effettiv tas-suq uniku diġitali fir-rigward tal-pjattaformi online.

Il-liġi tal-kompetizzjoni tindirizza kwistjonijiet bejn il-parteċipanti tas-suq, u b'hekk toħloq għażla usa' għall-konsumaturi bi prezzijiet aktar baxxi u timmassimizza l-opportunitajiet għall-innovazzjoni. Il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni hija bbażata fuq prinċipji kostanti, imma l-għodod tagħha huma flessibbli u jistgħu jiġu effettivament applikati għall-ispeċifiċitajiet ta' swieq differenti, inkluż il-pjattaformi online.

Lil hinn mill-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, tqum mil-mistoqsija dwar jekk hijiex meħtieġa l-azzjoni fil-livell tal-UE biex tindirizza l-korrettezza fir-relazzjonijiet B2B. F'dan l-istadju, hija meħtieġa aktar informazzjoni li tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u l-fornituri jew is-sħab tagħhom sabiex jiġu vvalutati, u ddefiniti, in-natura u l-firxa tal-problemi li jistgħu jirriżultaw fi ħsara għal dawn l-attivitajiet kummerċjali tal-fornituri, b'mod partikolari fejn dan jista' jaffettwa l-innovazzjoni b'mod negattiv. Fejn il-mudelli kummerċjali ta' ekosistemi sħaħ ta' SMEs huma dipendenti fuq l-aċċess għal numru żgħir ta' pjattaformi online, jew fejn il-pjattaformi għandhom aċċess għal settijiet ta' dejta ta' daqs bla preċedent, jistgħu jinħolqu assimetriji ġodda. F'dawn is-sitwazzjonijiet, xi fornituri għall-pjattaformi jistgħu jkunu esposti b'mod sproporzjonat għal prattiki kummerċjali potenzjalment inġusti, anke fin-nuqqas ta' dominanza stabbilita ta' pjattaforma.

Il-Kummissjoni ser twettaq eżerċizzju mmirat ta' ġbir ta' informazzjoni 42 dwar il-prattiki B2B fl-ambjent tal-pjattaformi online. Dan ser jeżamina aktar mill-qrib il-kwistjonijiet imqajma fil-konsultazzjoni pubblika kif ukoll il-mezzi potenzjali ta' rimedju lil hinn mill-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, eż. mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim (volontarji), it-trasparenza u miżuri jew gwida aħjar dwar l-informazzjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ser tinvolvi ruħha mill-qrib mal-partijiet interessati u l-awtoritajiet pubbliċi. Sar-rebbiegħa tal-2017, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk hijiex meħtieġa azzjoni addizzjonali tal-UE.

IV)Inżommu s-swieq miftuħa u mhux diskriminatorji biex titrawwem ekonomija mmexxija mid-dejta

Il-maġġoranza ta' dawk kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika raw il-ħtieġa għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-pjattaformi online biex jindirizzaw il-bdil 43 . Ħafna negozji u individwi qajmu bħala kwistjonijiet id-disinn tal-interfaces ta' programmar (APIs) tal-pjattaformi online, jew il-bdil tal-kundizzjonijiet biex jiġu aċċessati.

F'suq uniku diġitali li jiffunzjona tajjeb huwa ta' benefiċċju li l-utenti jistgħu jibdlu l-pjattaformi kemm jista' jkun b'mod faċli. Id-deċiżjoni tal-utenti li jibqgħu ma' pjattaforma online u jaqsmu d-dejta tagħhom għandha tkun għażla libera marbuta mal-kwalità tas-servizz ipprovdut, u mhux minħabba ostakoli għall-bdil għal pjattaforma oħra, inkluż it-trasferiment tad-dejta tagħhom. Dan il-punt sar b'mod ċar mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2013, 44 u kien appoġġjat bil-qawwi fil-konsultazzjoni pubblika. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika pproponew, inter alia, l-iżvilupp ta' standards komuni għat-trasferimenti tad-dejta, u argumentaw favur il-portabbiltà ġenerali jew it-trasferibbiltà ta' dejta mhux ipproċessata personali u mhux personali. Għall-utenti kummerċjali, dan jidher bħala importanti għaliex huma jaħżnu u jipproċessaw id-dejta personali tal-klijenti u l-impjegati, imma jittrattaw ukoll volumi kbar ta' dejta mhux personali li huma vitali għall-kontinwità kummerċjali.

Mill-perspettiva tal-awtoritajiet pubbliċi, l-iffaċilitar u t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-bdil huma importanti. Il-portabbiltà tad-dejta, l-iżvilupp ta' standards u interoperabbiltà — inkluż permezz ta' ekosistemi miftuħa bbażati fuq l-APIs — huma faċilitaturi ewlenin għall-moviment liberu tad-dejta f'suq uniku diġitali. B'mod aktar ġenerali, l-APIs jistgħu jippermettu li impriżi iżgħar jużaw jew jerġgħu jużaw id-dejta kummerċjali. F'dan il-kuntest, l-aċċess li jiffunzjona tajjeb għad-dejta kummerċjali permezz ta' APIs faċli għall-utent u ddisinjati tajjeb jikkontribwixxi għall-ħolqien u l-espansjoni ta' ekosistemi bi prodotti ġodda u innovattivi bl-użu ta' dejta li tkun diġà nġabret, u li kultant ma tiġix sfruttata 45 .

Il-pjattaformi online ewlenin u s-servizzi ta' intermedjazzjoni bħall-app stores u s-swieq tal-kummerċ elettroniku jistgħu jieħdu l-forma ta' ekosistemi magħluqa. Dan jista' jkun għal varjetà ta' raġunijiet inkluż il-kontroll tal-kwalità, kwistjonijiet ta' responsabbiltà u sigurtà. L-ekosistemi magħluqa tal-pjattaformi jistgħu jwasslu wkoll għal effiċjenzi, inkluż kompetizzjoni akbar bejn il-pjattaformi imma jista' jkollhom ukoll effetti negattivi 46 . Meta l-fondi pubbliċi jintużaw biex jappoġġjaw l-innovazzjoni tal-pjattaformi, ġeneralment għandhom jiġu ppreferuti mudelli ta' pjattaformi miftuħa. Dawn jinkludu l-investimenti tal-UE fl-innovazzjoni f'oqsma emerġenti bħar-realtà virtwali, bliet intelliġenti u l-Internet tal-Oġġetti, u b'mod aktar ġenerali biex jiffurmaw il-bażi ta' internet tal-ġejjieni sostenibbli. Ekosistemi tal-pjattaformi miftuħa jistgħu joffru vantaġġi ewlenin f'termini ta' ffrankar fl-ispejjeż tal-bdil u effiċjenzi tas-suq. L-appoġġ mill-Kummissjoni biex tiżgura li l-iżviluppi fil-ġejjieni ta' teknoloġiji diġitali jibqgħu miftuħa huwa għalhekk partikolarment rilevanti.

Bħala parti mill-inizjattiva tal-"fluss liberu tad-dejta" skedata għall-aħħar tal-2016, il-Kummissjoni ser tqis għażliet għal approċċi effettivi, inkluż standards tekniċi, biex tiffaċilita l-bdil u l-portabbiltà tad-dejta fost pjattaformi online differenti u servizzi tal-cloud computing, kemm għall-utenti kummerċjali kif ukoll privati.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser teżamina wkoll l-ostakoli potenzjali għal suq tad-dejta uniku tal-UE li jista' jirriżulta minn inċertezzi legali rigward is-sjieda u l-użu ta' — jew l-aċċess għal — dejta, inkluż kwistjonijiet relatati mal-interfaces ta' programmar.




6. Konklużjoni

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-valutazzjoni globali tagħha tal-pjattaformi online bħala parti mill-istrateġija tagħha għas-suq uniku diġitali.

Il-pjattaformi online għandhom rwol ewlieni fl-innovazzjoni u t-tkabbir fis-Suq Uniku Diġitali. Il-pjattaformi online irrevoluzzjonaw l-aċċess għall-informazzjoni u wasslu biex ħafna swieq ikunu aktar effiċjenti billi jlaqqgħu aħjar lix-xerrejja u lill-bejjiegħa tas-servizzi u tal-prodotti. Filwaqt li hemm xi pjattaformi online li jilħqu numri storiċi ta' utenti madwar id-dinja, u li jespandu kontinwament f'oqsma ġodda tal-ekonomija, għad hemm ukoll ħafna opportunitajiet biex joħorġu pjattaformi Ewropej kompetittivi. L-istimulazzjoni effettiva tal-innovazzjoni f'dawn l-oqsma, filwaqt li jiġu protetti b'mod adegwat l-interessi tal-konsumaturi u ta' utenti oħra, hija forsi l-aktar sfida importanti li l-UE qed tiffaċċja llum f'termini tal-iżgurar tal-kompetittività tagħha fid-dinja fil-ġejjieni.

Din il-valutazzjoni identifikat ukoll numru ta' oqsma fejn l-interessi pubbliċi jew privati jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa u fejn konformità aħjar mal-istandards regolatorji tal-UE għandha tiġi żgurata.

F'dan ir-rigward, din il-Komunikazzjoni tissottolinja l-ħtieġa li jiġu adottati approċċi ta' politika u regolatorji li jwieġbu direttament għall-isfidi, u li huma flessibbli u jilqgħu għall-ġejjieni.

Fejn xieraq, l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni jistgħu spiss jiksbu riżultati aħjar biex jippermettu l-iżvilupp ta' ekosistemi tal-pjattaformi b'saħħithom fl-Ewropa u jistgħu jikkomplementaw jew jsaħħu l-leġiżlazzjoni eżistenti li diġà tirregola ċerti attivitajiet tal-pjattaformi online.

Il-konformità tal-industrija mal-liġi applikabbli tal-UE u l-effikaċja ta' miżuri volontarji meħuda biex tinżamm il-fiduċja tal-bażi tal-utenti tagħhom ser ikunu fatturi ewlenin fl-indirizzar tal-isfidi identifikati fil-valutazzjoni.

Finalment, sabiex tiġi sodisfatta l-wegħda ta' ekonomija diġitali għal kulħadd, il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet pubbliċi kollha u lill-partijiet interessati kkonċernati, u b'mod partikolari lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex jappoġġjaw dan l-approċċ sabiex l-UE tħaddan bis-sħiħ dan il-futur diġitali filwaqt li tippreserva l-valuri komuni tagħha.

(1)  COM(2015) 192 final.
(2)  Dawn jinkludu studju ekonomiku tal-pjattaformi online miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, żewġ studji tal-Ewrobarometru dwar l-impatt tal-pjattaformi online, seduta ta' smigħ dwar il-pjattaformi online organizzata miċ-Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika, kif ukoll il-konklużjonijiet ta' diversi interazzjonijiet ma' akkademiċi u partijiet ikkonċernati li kkontribwew għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Studji addizzjonali ser isegwu fit-tieni nofs tal-2016.
(3)  SWD(2016) 172 final.
(4)  Sett mhux eżawrjenti ta' eżempji: AdSense ta' Google, DoubleClick, eBay u Amazon Marketplace, Google u Bing Search, Facebook u YouTube, Google Play u App Store, Facebook Messenger, PayPal, Zalando Marketplace u Uber.
(5)  Rigward l-opportunitajiet offruti mill-innovazzjoni mmexxija mid-dejta, ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta", COM(2014) 442 final.
(6)  Ara d-dettalji fir-Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika tal-2015 dwar "EU Citizenship: Share your opinion on our common values, rights and democratic participation" (Iċ-Ċittadinanza tal-UE: Agħti l-opinjoni tiegħek dwar il-valuri, id-drittijiet u l-parteċipazzjoni demokratika komuni tagħna) (disponibbli minn http://ec.europa.eu/justice/citizen/document/files/2015_public_consultation_booklet_en.pdf), paġna 10. L-akbar grupp bil-bosta fost l-2 170 persuna li wieġbu kien dak taż-żgħażagħ li għandhom bejn it-18 u t-30 sena (29 %). Ara wkoll: Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-użu tal-midja fl-UE – Ħarifa 2014.
(7)  Disgħa minn kull għaxra li wieġbu (91 %) għall-konsultazzjoni pubblika dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jemmnu li l-aċċess għall-informazzjoni politika b'mod transfruntier jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jiffurmaw opinjonijiet aktar ċari dwar kwistjonijiet rilevanti għad-demokrazija fl-Ewropa. http://ec.europa.eu/justice/citizen/document/files/2015_public_consultation_booklet_en.pdf), paġna 10.
(8)  Ara SWD(2016) 172 final.
(9)  Plum (2016), A policy toolkit for the app economy — where online meets offline (Għodod ta' politika għall-ekonomija tal-apps — fejn l-online jiltaqa' mal-offline).
(10)  Ara: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea — Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali", COM(2016) 180 final.
(11)  L-infrastruttura diġitali hija waħda mis-setturi ta' importanza ewlenija identifikati bħala l-fokus tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, ara: http://www.eib.org/efsi/what-is-efsi/index.htm . L-innovazzjoni u r-riċerka, u l-aġenda diġitali huma wkoll tnejn mill-erba' oqsma ta' prijorità għall-investiment (inkluż fl-infrastruttura) taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/erdf/ .
(12)  Eżempju partikolari huwa l-proġett ta' ekosistema tas-softwer b'sors miftuħ, FIWARE, appoġġjat mill-proġett tal-UE ta' Internet tal-Ġejjieni. Il-missjoni tiegħu hija "li tinbena ekosistema sostenibbli miftuħa madwar standards ta' pjattaforma tas-softwer pubblika, ħielsa mir-royalties u mmexxija mill-implimentazzjoni li ser tiffaċilita l-iżvilupp ta' Applikazzjonijiet Intelliġenti ġodda f'diversi setturi". https://www.fiware.org/ .
(13)  Il-Kummissjoni ser tibda x-xogħol fuq l-elementi ta' inizjattiva ta' riċerka fuq l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż konsultazzjoni pubblika.
(14)  Ara: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/startup-europe.
(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 2016/679.
(16)  Maqbula mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2015, wara l-proposta tal-Kummissjoni mill-2013: COM/2013/048 finali - 2013/0027 (COD).
(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004.
(18)  Ara d-Dokument ta' Ħidma dwar l-Ekonomija Diġitali tal-JRC/IPTS "Perspettiva ta' politika ekonomika dwar il-pjattaformi online", 2016.
(19)  OECD Dikjarazzjoni Ministerjali Helsinki 2015 : "Aħna nħarsu 'l quddiem lejn l-użu strateġiku ta' għodod diġitali ġodda u ta' Big Data biex ikun possibbli settur pubbliku mmexxi mid-dejta", ara: http://www.oecd.org/governance/ministerial/chair-summary-2015.pdf.
(20)  Il-Kummissjoni ppubblikat il-prinċipji tal-aħjar prattika fuq  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/principles-better-self-and-co-regulation-and-establishment-community-practice .
(21)   http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/569979/IPOL_STU(2015)569979_EN.pdf .
(22)  Ara r-rapport sommarju: http://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=15294 .
(23)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(24)  Xi wħud minn dawn is-servizzi tal-komunikazzjoni online (eż. dawk li l-mudell tan-negozju tagħhom ikun ibbażat fuq dħul mir-reklami jew il-ġbir tad-dejta) juru karatteristiċi tipiċi tal-pjattaformi, jiġifieri joperaw fi swieq multilaterali u jibbenefikaw mill-"effetti tan-netwerk".
(25)  One in Three: Internet Governance and Children’s Rights, Sonia Livingstone, John Carr and Jasmina Byrne (Wieħed minn kull Tlieta: Il-Governanza tal-Internet u d-Drittijiet tat-Tfal) minn Sonia Livingstone, John Carr u Jasmina Byrne, Novembru 2015.
(26)  Stħarriġ tal-EU Kids Online [ www.eukidsonline.net/ ]. Fir-Renju Unit, l-Awtorità għat-Televiżjoni on Demand sabet li tal-inqas 44 000 tifel u tifla tal-iskola primarja aċċessaw sit web tal-adulti f'xahar wieħed biss. Rapport tal-2014 "For adults only? Underage access to online porn" (Għall-adulti biss? Aċċess taħt l-età għall-pornografija online).
(27)  Rapport Annwali tal-IWF għall-2015 https://www.iwf.org.uk/about-iwf/news/post/444-iwf-announce-record-reports-of-child-sexual-abuse-online . Ġie vvalutat li 69 % tal-vittmi għandhom 10 snin jew anqas, u 1 788 mill-vittmi għandhom sentejn jew anqas.
(28)  Ara: http://www.statista.com/statistics/259477/hours-of-video-uploaded-to-youtube-every-minute/ .
(29)  Id-Direttiva 2000/31/KE.
(30)  Il-maġġoranza l-kbira tal-utenti individwali, ta' dawk li jtellgħu l-kontenut u tal-intermedjarji jqisu li r-reġim tar-responsabbiltà huwa adatt għall-iskop maħsub għalih, filwaqt li dawk li wieġbu li mhumiex sodisfatti bir-reġim attwali (detenturi tad-drittijiet, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u fornituri tal-avviżi) jsibuh mhux ċar biżżejjed jew mhux implimentat tajjeb, ara: Ir-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(31) http://www.lse.ac.uk/media@lse/research/EUKidsOnline/EU%20Kids%20III/Reports/Intheirownwords020213.pdf EU Kids Online: .
(32)  Parti mill-valutazzjoni li tinsab għaddejja bħalissa tal-ħtieġa li tiżdied iċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-bilanċ fis-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti fl-UE – COM(2015) 626 finali.
(33)  Ewrobarometru Speċjali 447 dwar il-pjattaformi online (2016).
(34)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(35)  22 % biss tal-Ewropej għandhom fiduċja sħiħa f'kumpaniji bħal magni tat-tiftix jew netwerks soċjali, ara: Ewrobarometru 359 Speċjali, "Attitudnijiet dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Identità Elettronika fl-Unjoni Ewropea". Livell għoli ta' fiduċja huwa fl-istess ħin essenzjali għall-ekonomija mmexxija mid-dejta, ara: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta", COM(2014) 442 finali.
(36)  Attwalment id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u meta jkun applikabbli, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Il-GDPR ġie adottat f'April 2016 flimkien mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mill-Kunsill u l-Parlament.
(37)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(38)  Ara COM(2011) 942 finali.
(39)

 Regolament (UE) Nru 910/2014 tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern. 

(40)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(41)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(42)  Bl-involviment ta' sessjonijiet ta' ħidma tal-partijiet interessati, laqgħat tal-gruppi ta' esperti, stħarriġ u studji.
(43)  Ara r-rapport sommarju tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjattaformi online.
(44)  "Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konġestjonijiet biex wieħed jaċċessa "l-ħajja diġitali" minn pjattaformi differenti li jippersistu minħabba nuqqas ta' interoperabbiltà tal-kontenut u d-dejta. Dan ifixkel l-użu tas-servizzi diġitali u l-kompetizzjoni. Qafas miftuħ u mhux diskriminatorju għandu għalhekk jiddaħħal fis-seħħ biex jiżgura din l-interoperabbiltà u portabbiltà mingħajr ma jfixkel l-iżvilupp tal-isfera diġitali li miexja b'pass mgħaġġel u jevita piż amministrattiv bla bżonn, b'mod speċjali għall-SMEs".
(45)  Dan huwa b'mod partikolari l-każ għal pjattaformi fil-qasam tal-Internet tal-Oġġetti, kif spjegat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Navvanzaw l-Internet tal-Oġġetti fl-Ewropa, SWD(2016) 110/2.
(46)  Kif pereżempju nnutat ukoll mill-Monopolkommission tal-Ġermanja fir-rapport tagħha "Competition policy: The challenge of digital markets" (Il-Politika dwar il-Kompetizzjoni: L-isfida tas-swieq diġitali) tal-2015, para. 243.
Top