Help Print this page 

Document 52016DC0178

Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Cloud Ewropea - Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa

COM/2016/0178 final
Multilingual display
Text

Brussell, 19.4.2016

COM(2016) 178 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inizjattiva Cloud Ewropea - Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa

{SWD(2016) 106 final}
{SWD(2016) 107 final}


Introduzzjoni

Id-dinja qiegħda tesperjenza żieda drammatika fl-ammont u fil-varjetà ta' dejta li qiegħda tiġi prodotta. Flimkien mad-dejta li nħolqot minn biljuni ta' persuni li jużaw apparat u servizzi diġitali għal raġunijiet personali u professjonali, u d-dejta ġġenerata permezz tal-għadd dejjem jikber ta' oġġetti konnessi, hemm dejta mir-riċerka, mil-litteratura u mill-arkivji diġitizzati u minn servizzi pubbliċi bħal sptarijiet u reġistri tal-artijiet. Dan il-fenomenu ta' "Big Data" joħloq possibbiltajiet ġodda għall-kondiviżjoni tal-għarfien, għat-twettiq tar-riċerka u għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta' politiki pubbliċi.

Qed isir aktar faċli wkoll li din id-dejta tiġi sfruttata permezz tal-Cloud. Il-Cloud jista' jinftiehem bħala l-kombinazzjoni ta' tliet elementi interdipendenti: l-infrastrutturi tad-dejta li jaħżnu u jiġġestixxu d-dejta; in-netwerks b'medda ta' banda għolja li jittrasportaw id-dejta; u l-kompjuters li qegħdin isiru dejjem aktar b'saħħithom li jistgħu jintużaw biex jipproċessaw id-dejta. L-abbiltà li tiġi analizzata u sfruttata din il-Big Data qed ikollha impatt fuq l-ekonomija globali u fuq is-soċjetà, billi toħloq il-possibbiltà għal innovazzjonijiet industrijali u soċjali ewlenin. Parti ewlenija ta' dan l-impatt hija l-bidla fil-mod kif titwettaq ir-riċerka xjentifika, hekk kif qed nimxu b'mod rapidu lejn  Xjenza Miftuħa . 

Il-Cloud jagħmilha possibbli li wieħed iċaqlaq, jikkondivi u juża mill-ġdid id-dejta mingħajr xkiel madwar is-swieq globali u minn naħa għall-oħra tal-fruntieri, u fost l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini ta' riċerka. Bil-kapaċità preżenti disponibbli fl-Ewropa, id-dejta prodotta mir-riċerka u mill-industrija tal-UE spiss tiġi pproċessata x'imkien ieħor u r-riċerkaturi u l-innovaturi Ewropej għandhom it-tendenza li jmorru jgħixu f'postijiet fejn hija iktar immedjatament disponibbli l-kapaċità għolja tad-dejta u tal-informatika. Fl-istess waqt, peress li l-Ewropa hija l-akbar produttur tal-għarfien xjentifiku fid-dinja, tinsab f'pożizzjoni tajba sabiex tieħu t-tmexxija globali fl-iżvilupp ta' Cloud tax-xjenza.

Biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tad-dejta bħala xprunatur ewlieni tax-Xjenza Miftuħa u r- 4 rivoluzzjoni industrijali , l-Ewropa teħtieġ twieġeb bosta mistoqsijiet speċifiċi:

Kif għandhom jiġu massimizzati l-inċentivi għall-kondiviżjoni tad-dejta u għaż-żieda fil-kapaċità għall-isfruttar tagħhom?

Kif għandu jiġi żgurat li d-dejta tista' tintuża bl-aktar mod wiesa' possibbli, madwar id-dixxiplini xjentifiċi u bejn is-settur pubbliku u privat?

Kif għandhom ikunu interkonnessi aħjar l-infrastrutturi tad-dejta eżistenti u dawk ġodda madwar l-Ewropa?

Kif għandu jiġi kkoordinat bl-aħjar mod l-appoġġ disponibbli għall-infrastrutturi tad-dejta Ewropej hekk kif dawn jimxu lejn informatika fuq skala exa 1 ?

Il-gwadann potenzjali għax-xjenza, għat-teknoloġija, u għall-innovazzjoni mill-indirizzar ta' dawn l-isfidi ġie enfasizzat kemm mill- komunità xjentifika nfisha kif wkoll mill- Gvernijiet tal-OECD . L-importanza għall-ekonomija u għas-soċjetà inġenerali fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi ġiet ikkonfermata mill-Istati Membri tal-UE fl-2015 2 . Din il-Komunikazzjoni tipproponi bħala tweġiba diretta Inizjattiva Cloud Ewropea li tista' tiżgura l-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ekonomija globali xprunata mid-dejta 3 .

L-Inizjattiva Cloud Ewropea tibni fuq l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM), li timmira, fost l-oħrajn, li timmassimizza l-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea 4 . Timmira li tiżviluppa ambjent fdat u miftuħ għall-komunità xjentifika għall-ħażna, għall-kondiviżjoni u għall-użu mill-ġdid ta' dejta u riżultati xejntifiċi, il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa 5 . Timmira li tvara l-kapaċità li hija l-bażi tas-supercomputing, il-konnettività veloċi u s-soluzzjonijiet Cloud ta' kapaċità għolja li jeħtieġu permezz tal-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea 6 . Il-bażi tal-utenti, li inizjalment tiffoka fuq il-komunità xjentifika, se tiġi estiża għas-settur pubbliku u għall-industrija, fejn toħloq soluzzjonijiet u teknoloġiji li se jibbenefikaw l-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Il-kisba ta' din se tirrikjedi sforz kollaborattiv miftuħ għal dawk kollha interessati fl-isfruttar tar-revoluzzjoni tad-dejta fl-Ewropa bħala komponent essenzjali tat-tkabbir globali.

L-Inizjattiva Cloud Ewropea tibni fuq il-kisbiet tal-Istrateġija Cloud Ewropea 7 u l-Istrateġija tal-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja (HPC) 8 . Se tibni fuq inizjattivi bħall-Proġett Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI) imħabbar riċentament fuq applikazzjonijiet li jaħdmu bl-HPC u bil-Big Data 9 . Tavvanza l-politika żviluppata fil-Komunikazzjoni dwar il-Big Data 10 u tappoġġa l-aġenda tal-politika tax-Xjenza Miftuħa Ewropea li timmira li żżid il-kwalità u l-impatt tax-xjenza, 11 billi tibni fuq il-kisbiet tal-Aċċess Miftuħ 12 . Din il-Komunikazzjoni timmarka l-bidu ta' proċess li bih il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex tiżgura li l-Inizjattiva Cloud Ewropea tista' tikseb l-għanijiet tagħha. 

L-Inizjattiva Cloud Ewropea se tiġi kkumplimentata b'azzjoni ulterjuri skont l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li tkopri kuntratti Cloud għall-utenti tan-negozju u skambju tal-fornituri tas-servizzi Cloud, kif ukoll permezz tal-inizjattiva tal-Fluss Liberu tad-Dejta 13 .

Ħames raġunijiet għaliex l-Ewropa għadha mhijiex qiegħda tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tad-dejta

L-ewwel nett, ħafna negozji Ewropej, komunitajiet tar-riċerka u korpi pubbliċi għad iridu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-dejta u tal-effett transformattiv potenzjali tagħha fuq setturi tradizzjonali u dwar kif issir ir-riċerka 14 . Id-dejta li ġejja minn riċerka ffinanzjata pubblikament mhijiex dejjem miftuħa; bl-istess mod dejta ġġenerata jew miġbura min-negozji spiss ma tiġix kondiviża, u mhux dejjem għal raġunijiet kummerċjali. Filwaqt li wħud għadhom jaraw id-dejta bħala assi li għandu jiġi protett, ħafna fis-setturi tan-negozju (speċjalment SMEs), is-setturi akkademiċi u pubbliċi sempliċiment mhumiex konxji tal-valur tal-kondiviżjoni tad-dejta. Ir-raġunijiet jinkludu n-nuqqas ta' struttura ċara ta' inċentivi u gwadann għall-kondiviżjoni tad-dejta (prinċipalment fl-akkademja), ta' bażi legali ċara 15 (prinċipalment fis-settur pubbliku) u n-nuqqas ta' ħiliet relatati mad-dejta u n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-valur tagħhom (fis-setturi kollha). Il-qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE jipprevjeni r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tad-dejta personali abbażi tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali. Għad iridu jiġu indirizzati ostakli legali u tekniċi oħrajn għall-moviment liberu tad-dejta permezz tal-inizjattiva DSM dwar il-Fluss Liberu tad-Dejta, li ħierġa daqt.

It-tieni nett, in-nuqqas ta' interoperabbiltà jipprevjeni milli jiġu indirizzati sfidi soċjetali kbar li jirrikjedu kondiviżjoni effiċjenti tad-dejta u approċċ multidixxiplinarju u b'diversi atturi, eż. it-tibdil fil-klima li ma jistax jiġi indirizzat mill-klimatologi weħidhom. Filwaqt li f'xi setturi l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-dejta ġew indirizzati (eż. il-lokazzjoni tad-dejta permezz tad-Direttiva INSPIRE, 16 id-dejta dwar is-saħħa permezz tad-Direttiva 17 dwar id-drittijiet tal-pazjenti) ħafna settijiet tad-dejta jibqgħu mhux disponibbli għax-xjenzati, għall-industrija, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-fassala tal-politika. Filwaqt li l-interoperabbiltà tad-dejta amministrattiva primarjament tirrikjedi standards minimi, iċ-ċertezza legali f'termini ta' aċċess u użu u appoġġ prattiku, 18 il-kondiviżjoni tad-dejta tar-riċerka hija wkoll imfixkla mid-daqs tas-settijiet tad-dejta, il-formati varjati tagħha, il-kumplessità tas-softwer meħtieġ biex tiġi analizzata u diviżjonijiet li ilhom stabbiliti bejn id-dixxiplini. Hija meħtieġa 'meta-data' sempliċi 19 biex tiġi identifikata d-dejta u l-ispeċifikazzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-dejta biex issir aċċessibbli u disponibbli b'mod wiesgħa, biex tiġi pproċessata permezz ta' għodod ta' analiżi tad-dejta komuni u u li huma ta' sors miftuħ. Iridu jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet ta' preservazzjoni fit-tul u ta' organizzazzjoni tad-dejta. Diġà hemm inizjattivi tal-massa globali 20 u wħud mill-Istati Membri qegħdin javvanzaw f'dan il-qasam iżda l-parteċipazzjoni Ewropea f'dawn l-inizjattivi hija limitata u dawk l-isforzi huma fil-biċċa l-kbira frammentati.

It-tielet nett, il-frammentazzjoni tfixkel ix-xjenza xprunata mid-dejta 21 . L-infrastrutturi tad-dejta jitqassmu skont id-dominji xjentifiċi u dawk ekonomiċi, skont il-pajjiżi u skont il-mudelli ta' governanza. Il-politiki ta' aċċess għan-networking, il-ħażna tad-dejta u l-informatika ivarjaw. Dejta u infrastrutturi tal-informatika mhux konnessi u li jaħdmu bil-mod ixekklu l-iskoperta xjentifika, joħolqu nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet u jtellfu ċ-ċirkulazzjoni tal-għarfien. Dejta tar-riċerka li tista' tiġi kondiviża, għodod ta' analiżi tad-dejta miftuħa u faċilitajiet tal-informatika konnessi jeħtieġu jkunu disponibbli għall-maġġoranza l-kbira tar-riċerkaturi 22 fl-Ewropa, mhux biss għall-aqwa xjenzati ta' dixxiplini prinċipali minn istituzzjonijiet ta' riċerka ewlenin. Barra minn hekk, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka tal-Ewropa ġeneralment jaħdmu fi ħdan strutturi nazzjonali u huma nieqsa minn ambjent fuq skala Ewropea għall-analiżi komputazzjonali, ħażna u dejta. Dan jagħmel il-kooperazzjoni xjentifika fl-UE aktar diffiċli, b'mod partikolari il-kooperazzjoni multidixxiplinari bbażata fuq id-dejta 23 . F'konsultazzjoni pubblika riċenti, 24 il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu qalu li l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jagħmel ix-xjenza aktar effiċjenti permezz ta' kondiviżjoni aħjar tar-riżorsi fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

Fir-raba' każ, fl-Ewropa hemm domanda li qed tiżdied għal infrastruttura dwar l-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja (HPC) ta' klassi dinjija għall-ipproċessar tad-dejta 25 fix-xjenza u fl-inġinerija. Is-simulazzjoni ta' ajruplan komplut tal-ġenerazzjoni li jmiss; l-immudellar tal-klima; ir-rabta tal-ġenomu mas-saħħa; il-fehim tal-moħħ tal-bniedem; l-ittestjar in silico tal-kożmetiċi biex jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali - dawn kollha jeħtieġu kapaċitajiet ta' informatika fuq skala exa. Filwaqt li fuq perjodu ta' żmien twil, il-quantum computing iżomm il-wegħda li jsolvi l-problemi komputazzjonali li huma lil hinn mill-kapaċità tas-superkompjuters preżenti, 26 il-kompetittività tal-UE tiddependi wkoll fuq l-appoġġ tal-HPC għall-infrastrutturi tad-dejta pan-Ewropej.

Madwar id-dinja kollha, l-Istati Uniti tal-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Russja u l-Indja qegħdin javvanzaw b'ħeffa kbira. Huma ddikjaraw l-HPC bħala prijorità strateġika, jiffinanzjaw il-programmi biex jiżviluppaw ekosistemi ta' HPC nazzjonali (ħardwer, softwer, applikazzjonijiet, ħiliet, servizzi u interkonnessjonijiet) u jaħdmu fuq l-użu ta' superkompjuters fuq skala exa 27 . L-Ewropa mhijiex qiegħda tipparteċipa fit-tellieqa tal-HPC b'mod konformi mal-potenzjal ekonomiku u ta' għarfien tagħha; qiegħda taqa' lura wara reġjuni oħrajn għaliex qiegħda tonqos milli tinvesti fl-ekosistema tal-HPC tagħha u milli tikseb il-benefiċċji tal-proprjetà intellettwali f'dan il-qasam. Min-naħa tal-provvista, l-industrija tal-UE tipprovdi madwar 5% tar-riżorsi tal-HPC madwar id-dinja, filwaqt li tikkonsma terz minnhom. Peress li l-Ewropa tiddependi dejjem aktar fuq reġjuni oħrajn għat-tekonoloġija kritika, ir-riskju huwa li din tissakkar, taqa' lura jew tiċċaħħad teknoloġikament mill-kompetenza strateġika. L-Ewropa għadha lura wkoll f'termini tal-potenza komputazzjonali totali: infrastruttura tal-HPC waħda biss minn fost l-għaxra ewlenin tinsab fl-UE, Höchstleistungsrechenzentrum Stuttgart tal-Ġermanja, li qiegħda fit-tmien (8) post. L-Istati Uniti tal-Amerka għandha ħamsa filwaqt li ċ-Ċina għandha l-aktar superkompjuter veloċi fid-dinja sa mill-2013.

L-ebda Stat Membru waħdu ma għandu r-riżorsi finanzjarji biex jiżviluppa l-ekosistema tal-HPC meħtieġa, fi skedi ta' żmien kompetittivi meta mqabbla mal-Istati Uniti tal-Amerka, il-Ġappun jew iċ-Ċina 28 . Madankollu s'issa ma ttieħdet l-ebda azzjoni komuni biex jitnaqqas id-distakk bejn id-domanda interna u l-provvista tal-UE 29 . L-UE stabbiliet Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali dwar l-HPC biex tiżviluppa teknoloġija fuq skala exa, iżda ma hemm l-ebda qafas Ewropew biex tiġi integrata f'sistemi ta' informatika fuq skala kbira.

Finalment, il-produtturi u l-utenti tad-dejta xjentifika jridu jkunu jistgħu jerġgħu jużaw id-dejta mill-ġdid u jużaw tekniki analitiċi avvanzati, bħall-estrazzjoni tat-testi u tad-dejta, f'ambjent li huwa mill-inqas affidabbli daqs il-faċilitajiet tagħhom stess. L-Istati Membri għamlu referenza qawwija għall-importanza tad-dejta ta' riċerka tal-UE u biex ikun żgurat li x-xjenza xprunata mid-dejta tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà Ewropea 30 . Kull użu u użu mill-ġdid ta' dejta xjentifika jeħtieġu jiżguraw li d-dejta personali tkun protetta b'mod xieraq skont ir-regoli tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta 31 . Din ir-reviżjoni u r-reviżjoni li jmiss tal-Leġiżlazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Awtur 32 tal-UE jipprovdu oqfsa ġenerali li huma rilevanti f'dan il-kuntest.

X’inhuma s-soluzzjonijiet?

1.Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa

Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandu l-għan li jagħti lill-Ewropa tmexxija globali fl-insfrastrutturi dwar id-dejta xjentifika, li jiżguraw li x-xjenzati Ewropej jiksbu l-benefiċċji kollha tax-xjenza xprunata mid-dejta. Prattikament, dan se joffri lil 1.7 biljun riċerkatur Ewropew u 70 miljun professjonist fix-xjenza u t-teknoloġija ambjent virtwali bla ħlas fil-punt tal-użu, servizzi miftuħin u bla xkiel għall-ħażna, il-ġestjoni, l-analiżi u l-użu mill-ġdid tad-dejta ta' riċerka, bejn il-fruntieri u d-dixxiplini xjentifiċi. L-iżvilupp tiegħu se ikun xprunat mill-komunità xjentifika, li huma l-aktar utenti avvanzati u l-akbar produtturi tax-xjenza fid-dinja. Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jkun miftuħ ukoll għal skopijiet edukattivi u għal finijiet ta' taħriġ f'edukazzjoni ogħla u, maż-żmien, għall-gvern u għall-utenti tan-negozju għaliex it-teknoloġiji żviluppati se jiġu promossi għal applikazzjoni usa'.

Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jibda permezz tal-federazzjoni ta' infrastrutturi eżistenti tad-dejta xjentifika, li llum jinsabu imxerrda madwar id-dixxiplini u l-Istati Membri. Dan se jagħmel l-aċċess għad-dejta xjentifika aktar faċli, orħas u aktar effiċjenti. Se jippermetti l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda tas-suq u soluzzjonijiet ġodda f'oqsma ewlenin bħas-saħħa, bħall-ambjent, jew bħat-trasport. Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jipprovdi ambjent sigur fejn il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta jridu jiġu ggarantiti permezz tad-disinn, abbażi ta' standards rikonoxxuti, u fejn l-utenti jistgħu jħossuhom fiduċjużi dwar is-sigurtà tad-dejta u r-riskji tar-responsabbiltà. Se jieħu l-massimu minn azzjonijiet oħrajn meħudin mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tax-Xjenza Miftuħa fl-Ewropa, bħall-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u d-dejta f'Orizzont 2020, u jlaqqa' flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin biex jiddisinjaw flimkien l-azzjonijiet li jmiss. Il-governanza tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se tiġi ddeterminata mal-konklużjoni ta' proċess ta' preparazzjoni bir-reqqa li diġà qiegħed jitwettaq.

B'mod speċifiku, biex jiġi żviluppat il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jkun meħtieġ li:

Id-dejta xjentifika kollha prodotta mill-Programm Orizzont 2020 tkun miftuħa b'mod awtomatiku. Dan se jestendi l-proġett pilota preżenti, 33 fejn il-proġetti jimplimentaw Pjanijiet ta' Ġestjoni tad-Dejta biex jagħmlu d-dejta mir-riċerka traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tkun tista' tintuża mill-ġdid (prinċipji FAIR) 34 .

Ikun hemm sensibilizzazzjoni u tibdil fl-istrutturi tal-inċentivi għall-akkademiċi, l-industrija u s-servizzi pubbliċi biex jikkondividu d-dejta tagħhom, u jtejbu t-taħriġ tal-ġestjoni tad-dejta, il-litteriżmu u l-ħiliet tal-intendenza tad-dejta. B'mod parallel, il-prinċipji u l-linji gwida dwar l-aċċess għad-dejta tar-riċerka fl-Ewropa 35 se jiġu riveduti biex tissaħħaħ u tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tagħhom.

Jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet għall-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-dejta tul id-dixxiplini u l-infrastrutturi kollha, li jibnu fuq inizjattivi eżistenti bħar-Research Data Alliance u l-Belmont Forum u dispożizzjonijiet legali bħal INSPIRE. Maż-żmien, kwalunkwe ħtieġa ta' standardizzazzjoni emerġenti se tiġi indirizzata permezz tal-Prijoritajiet DSM għal Standardizzazzjoni tal-ICT.

Tinħoloq struttura ta' governanza pan-Ewropea li hija adattata għall-iskop maħsub biex toħloq federazzjoni bejn infrastrutturi tad-dejta xjentifika u tegħleb il-frammentazzjoni. L-istruttura istituzzjonali se tissorvelja l-finanzjament, is-sostenibbiltà, il-preservazzjoni tad-dejta u l-intendenza fit-tul. Se tibni fuq strutturi eżistenti biex tinvolvi lill-utenti xjentifiċi, il-finanzjaturi tar-riċerka u l-implimentaturi 36 .

Żviluppar ta' servizzi bbażati fuq il-Cloud tax-Xjenza Miftuħa. Appoġġati mill-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea, dawn se jippermettu lir-riċerkaturi jsibu u jaċċessaw dejta tar-riċerka kondiviża, iħaddmu softwer analitiku avvanzat, jużaw riżorsi ta' informatika li għandhom prestazzjoni għolja u jitgħallmu dwar l-aħjar prattiki tax-xjenza xprunati mid-dejta minn dixxiplini ewlenin.

Tkabbir tal-bażi xjentifika tal-utenti tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għar-riċerkaturi u l-innovaturi mid-dixxiplini u l-Istati Membri kollha, kif ukoll minn pajjiżi sħab u inizjattivi globali, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-eċċellenza u jipparteċipaw fil-benefiċċji tal-inizjattiva 37 .

L-inizjattiva se ssaħħaħ azzjonijiet oħrajn ta' Xjenza Miftuħa li l-Kunsill 38 u l-Parlament Ewropew 39 talbu għalihom, u azzjonijiet fil-kuntest tal-aġenda tal-politika tax-Xjenza Miftuħa li jmiss tal-Kummissjoni. Din se trawwem l-aħjar prattiki tat-traċċabilità u tal-aċċessibilità tad-dejta u tgħin lir-riċerkaturi biex il-ħiliet tad-dejta tagħhom jiġu rikonoxxuti u ppremjati; tippermetti replikabbiltà tar-riżultati aktar faċli u tillimita l-ħela tad-dejta, eż. dik tad-dejta tal-prova klinika (integrità tar-riċerka); tikkontribwixxi għall-kjarifika tal-mudell ta' finanzjament għall-ġenerazzjoni tad-dejta u għall-preservazzjoni, tnaqqas it-tfittxija għall-kiri u tħejji s-suq għal servizzi ta' riċerka innovattivi (eż. l-estrazzjoni avvanzata tat-testi u tad-dejta). L-inizjattiva tista' tgħin ukoll tindirizza kwistjonijiet ta' approvazzjoni tad-dejta u tal-protezzjoni tad-dejta personali 40 . Il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati u taħdem ma' fornituri tar-R&Ż dwar il-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-linji gwida għad-dominju xjentifiku fir-rigward tal-politika u d-dritt tal-Unjoni fil-Protezzjoni tad-dejta, u dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattiva timplimenta "intenzjonalment" il-prinċipji legali fl-aktar stadju bikri possibbli.

Azzjonijiet

Skeda ta’ żmien

Il-Kummissjoni se taħdem ma' sħab tal-politika globali u tar-riċerka biex trawwem il-kooperazzjoni u toħloq livell ta' opportunitajiet ugwali fil-kondiviżjoni tad-dejta xjentifika u tax-xjenza xprunata mid-dejta.

Mill-2016

Il-Kummissjoni se tagħmel użu mill-Programmi ta' Ħidma ta' Orizzont 2020 biex tipprovdi l-finanzjament fir-rigward tal-integrazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-pjattaformi ta' infrastruttura elettronċi, biex toħloq federazzjoni infrastrutturi tar-riċerka u Clouds xjentifiċi eżistenti u tappoġġa l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fuq il-Cloud ta' Xjenza Miftuħa.

Mill-2016

Il-Kummissjoni se tagħmel id-dejta tar-riċerka miftuħa l-opzjoni awtomatika, filwaqt li tiżgura l-possibbiltajiet ta' nuqqas ta' parteċipazzjoni, għall-proġetti kollha tal-programm Orizzont 2020.

Mill-2017

Il-Kummissjoni se tirrevedi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-aċċess għal u l-preservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika 41 biex tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tad-dejta xjentifika u l-ħolqien ta' skemi ta' inċentiva, sistemi ta' premji u programmi edukattivi u ta' taħriġ għar-riċerkaturi u għan-negozji biex jikkondividu d-dejta, b'rabta mill-qrib mal-inizjattiva DSM 'Fluss liberu tad-dejta'.

Mill-2017

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tgħaqqad l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej 42 ta' prijorità mal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa.

Mill-2017

Flimkien mal-partijiet ikkonċernati u inizjattivi globali rilevanti, il-Kummissjoni se taħdem lejn Pjan ta' Azzjoni għall-interoperabbiltà tad-dejta xjentifika, li jinkludi 'meta-data', speċifikazzjonijiet u ċertifikazzjoni.

Sal-aħħar tal-2017

2.Infrastruttura tad-Dejta Ewropea

Ladarba l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea tiġi implimentata bis-sħiħ, din se ssaħħaħ il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. L-Ewropa teħtieġ kapaċità tal-HPC ta' klassi dinjija integrata, konnettività b'veloċità għolja u dejta u servizzi tas-softwer mill-aktar avvanzati 43 għax-xjenzati tagħha u għal utenti oħrajn ewlenin mill-industrija (inkluż l-SMEs) u s-settur pubbliku. Din l-infrastruttura se tippermetti l-isfruttar bis-sħiħ tal-valur tal-Big Data u dak diġitali b'mod awtomatiku 44 . L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se tappoġġa wkoll lill-UE biex tikklassifika fost l-aqwa potenzi tas-supercomputing fid-dinja billi tirrealizza superkompjuters fuq skala exa madwar l-2022, ibbażati fuq it-teknoloġija tal-UE, li tikklassifika fl-ewwel 3 postijiet tad-dinja. L-Ewropa għandu jkollha l-għan li tipposjedi mill-inqas żewġ sorsi ta' din it-teknoloġija.

Filwaqt li l-istrateġija tal-HPC eżistenti 45 tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-HPC kummerċjabbli, din ma tipprevedix li tirrealizza superkompjuter fuq skala exa. L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se tiġbor ir-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa, biex tagħlaq il-katina mir-riċerka u l-iżvilupp għat-twassil u t-tħaddim tas-sistemi tal-HPC fuq skala exa ddisinjati bi sħab bejn l-utenti u l-fornituri. Din se tinkludi l-konnettività tad-dejta u l-ħażna ta' Big Data biex jiġi żgurat li s-servizzi tas-supercomputing huma disponibbli madwar l-UE, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu s-superkompjuters. Riċentament ittieħed l-ewwel pass mil-Lussemburgu, Franza, l-Italja u Spanja, bi Proġett Importanti ta' Interess Komuni Ewropew ( IPCEI ) dwar applikazzjonijiet li jaħdmu bl-HPC u bil-Big Data 46 .

Billi jibnu fuq l-infrastruttura u s-servizzi ta' Informatika Pan-Ewropea ta' Prestazzjoni Għolja (PRACE), in-netwerk trans-Ewropew ta' veloċità kbira (GÉANT), is-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali dwar l-HPC, 47 l-Impriża Konġunta ECSEL, 48 u l-IPCEI dwar l-HPC u l-Big Data, il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti se:

irawmu ekosistema tal-HPC li kapaċi tiżviluppa teknoloġija Ewropea ġdida bħal ċipep tal-HPC b'potenza baxxa 49 ;

jintegraw teknoloġiji fil-prototipi tas-sistema, jiddisinjaw bi sħab 50 soluzzjonijiet u jakkwistaw sistemi tal-HPC; l-infrastruttura tal-HPC li tirriżulta se tiffoka fuq superkompjuters ta' kapaċitajiet mill-aqwa mqabbdin ma' ċentri ta' informatika nazzjonali tal-UE ta' livell medju u ma' dejta pan-Ewropea u infrastruttura tas-softwer biex joffru supercomputing bħala servizz; 

jipprovdu konnettività bla xkiel, ta' veloċità kbira, affidabbli u sigura biex tagħmel l-HPC aċċessibbli madwar l-UE; in-netwerk trans-Ewropew ta' veloċità kbira (GÉANT) u n-Netwerks Nazzjonali għar-Riċerka u l-Edukazzjoni (NREN) diġà jikkollegaw 50 miljun riċerkatur u student; dawn l-infrastrutturi se jiġu aġġornati biex ilaħqu maż-żieda tal-volumi tad-dejta li għandhom jiġu ttrasferiti u l-estensjoni tal-bażi tal-utenti.

L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se tikkontribwixxi għad-diġitizzazzjoni tal-industrija, biex tiżviluppa pjattaformi Ewropej għal applikazzjoniji ġodda u strateġiċi (eż. riċerka medika, spazju tal-ajru, enerġija) u biex trawwem l-innovazzjoni industrijali. Se twessa' l-bażi tal-utenti tal-HPC, billi tipprovdi aċċess aktar faċli permezz tal-Cloud kemm għar-riċerkaturi f'dixxiplini xjentifiċi ewlenin kif ukoll għall-istruttura twila tax-xjenza. L-industrija, b'mod partikolari l-SMEs mingħajr kapaċitajiet interni u awtoritajiet pubbliċi (eż. bliet u trasport intelliġenti) se jibbenefikaw minn riżorsi, applikazzjonijiet u għodod analitiċi tal-HPC li huma bbażati fuq il-Cloud u faċli biex jintużaw 51 . F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se trawwem l-użu tal-ipproċessar u l-isfruttar tal-kapaċitajiet għad-dejta tas-satelliti Sentinel, l-informazzjoni dwar is-servizzi Copernicus u dejta oħra ta' Osservazzjoni tad-Dinja, sabiex tkun possibbli l-fertilizzazzjoni reċiproka ta' settijiet tad-dejta differenti, jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi innovattivi u jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tad-dejta ta' Osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa.

L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se taħdem flimkien maċ-ċentri tad-dejta nazzjonali u reġjonali, xjentifiċi u pubbliċi. Din se tiżviluppa u timplimenta l-aħjar prattiki bbażati fuq l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, standards u speċifikazzjonijiet 52 komuni Ewropej u globali biex tittratta n-nuqqas preżenti ta' interoperabbiltà bejn iċ-ċentri tad-dejta nazzjonali u dixxiplinari 53 .

L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se tinkludi struttura ta' governanza għall-ġestjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura tad-dejta u tas-servizzi, 54 teħid tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament, is-sostenibbiltà u s-sigurtà fit-tul. Il-governanza għandha tinvolvi utenti (il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u utenti oħrajn fit-tul bħas-settur pubbliku), implimentaturi (PRACE, GEANT) u finanzjaturi, u għandha tibbaża fuq strutturi ta' governanza eżistenti.

Azzjonijiet

Skeda ta’ żmien

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżviluppaw u jużaw infrastruttura Ewropea tal-HPC, tad-dejta u tan-netwerk fuq skala kbira, inkluż:

l-akkwist ta' żewġ superkompjuters prototipi fuq skala exa ddisinjati bi sħab u żewġ sistemi operazzjonali li se jikklassifikaw fl-aqwa tlieta tad-dinja;

l-istabbiliment ta' ċentru Ewropew tal-Big Data, 55

l-aġġornament tal-qafas tan-netwerk għar-riċerka u l-innovazzjoni (GEANT) u l-integrazzjoni tan-netwerks Ewropej tas-servizzi pubbliċi.

2016-2020

mill-2018

mill-2016

mill-2016

Sfruttar tal-potenzjal ta' teknoloġiji quantum

L-iżvilupp li jmiss fis-supercomputing u netwerking sigur jista' jkun ibbażat fuq teknoloġiji quantum. Kumpaniji ewlenin fl-Ewropa, fl-Asja/Paċifiku u l-Amerka ta' Fuq qegħdin jibdew jinvestu fi quantum, iżda hemm bżonn ta' livell ogħla ta' investiment biex jintlaħqu prodotti li jitqiegħdu fis-suq. L-Ewropa trid tkun quddiemnett f'dawn l-avvanzi futuri 56 . L-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea għandha tiġi kkumplimentata b'inizjattiva ewlenija li hija ambizzjuża, fit-tul u fuq skala kbira biex din tisfrutta l-potenzjal kollu ta' teknoloġiji quantum, taċċellera l-iżvilupp tagħhom u ġġib il-prodotti kummerċjali għall-utenti pubbliċi u privati. Il-Kummissjoni Ewropea se tibda l-passi preparatorji għall-inizjattiva ewlenija, inkluż konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Programm Orizzont 2020 sal-aħħar tal-2017 57 .

Azzjoni

Skeda ta’ żmien

Il-Kummissjoni Ewropea se tibda l-passi preparatorji għall-inizjattiva ewlenija, inkluż konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, valutazzjoni tal-impatt, 58 filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Programm Orizzont 2020 sal-aħħar tal-2017, 59 bl-għan li tniedi l-fażi tal-bidu fl-2018 60 .

2016-2019

3.Twessigħ tal-aċċess u l-bini tal-fiduċja

L-adozzjoni tas-servizzi Cloud fis-settur pubbliku mhijiex ugwali u miexja bil-mod 61 . Dan huwa dovut għan-nuqqas ta' fiduċja u għal sinerġiji limitati bejn is-settur pubbliku u l-akkademja. Il-frammentazzjoni f'termini ta' infrastrutturi tad-dejta hija ostaklu għall-bini tal-massa kritika u għal soluzzjonijiet komuni għal gruppi differenti ta' utenti. Il-bażi tal-utenti tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u tal-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se titwessa' għas-settur pubbliku, pereżempju permezz ta' proġetti pilota fuq skala kbira li jinvolvu l-Amministrazzjoni elettronika 62 u partijiet ikkonċernati tas-settur pubbliku u billi progressivament tinfetaħ l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea għal utenti mill-industrija u s-settur pubbliku biex tinkiseb dimensjoni Ewropea. Maż-żmien, il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jiżgura li d-dejta pubblika tkun tista' tiġi skoperta, tkun aċċessibbli u sfruttata bis-sħiħ minn xjenzati, fassala tal-politika u negozji. Il-lezzjonijiet mitgħallma se jipprovdu gwida konkreta għall-adozzjoni ta' servizzi bbażati fuq Cloud minn amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-Ewropa.

Peress li s-settur pubbliku jiġġenera ammonti enormi ta' dejta (eż. l-osservazzjoni tad-dinja Copernicus, id-dejta dwar il-lokazzjoni INSPIRE) u jeħtieġ kapaċità tal-informatika akbar (eż. għat-traffiku fil-ħin reali u għas-sistemi ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, għall-applikazzjonijiet tal-bliet intelliġenti jew għall-immudellar tal-politika), dan se jibbenefika minn ekonomiji ta' skala, flessibbiltà u kontinwità. Il-pubbliku b'hekk se jibbenefika minn servizzi pubbiċi li huma orħas, aktar veloċi, aħjar u interkonnessi u minn tfassil ta' politika aħjar abbażi ta' servizzi ta' komputazzjoni u intensivi mil-lat ta' dejta li jkunu għall-but ta' kulħadd u sikuri.

B'mod simili, il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se jibbenefikaw lin-negozji, inkluż l-SMEs, li huma nieqsa minn aċċess li huwa kost-effettiv u faċli għall-ħażna tad-dejta, għas-servizzi u għall-informatika avvanzata. Se jittieħdu azzjonijiet biex b'mod progressiv titwessa' l-bażi tal-utenti għall-SMEs u l-industrija innovattivi, permezz taċ-ċentri tad-dejta u tas-softwer ta' eċċellenza u hubs tal-innovazzjoni ta' servizzi tad-dejta għall-SMEs. Dawn l-azzjonijiet se jirrikjedu kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat: SMEs, utenti xjentifiċi u industrijali kbar tal-HPC u l-industrija tas-servizzi ta' Cloud, li jeħtieġ li tkun involuta mill-bidu.

Barra minn hekk, l-Inizjattiva Cloud Ewropea għandha bżonn li tissodisfa standards għoljin ta' kwalità, affidabbiltà u kunfidenzjalità biex tkun żgurata l-protezzjoni ta' dejta personali u l-proprjetà intellettwali, u sigurtà - f'termini ta' reżiljenza u protezzjoni kontra l-intrużjoni. Faċilitajiet tas-settur pubbliku eżistenti - b'mod partikolari l-pedamenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Infrastruttura tas-Servizz Diġitali (DSI) relatati mal-fiduċja u s-sigurtà - jistgħu jerġgħu jintużaw u jiġu varati mill-komunità xjentifika għall-iffrankar tal-ispejjeż, l-aċċess faċli, u l-konsistenza globali. Il-qafas ġenerali se jiġi pprovdut mir-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta, id-Direttiva NIS 63 u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Minħabba n-natura globali tal-Cloud Computing, huwa essenzjali li l-ekonomija tad-dejta Ewropea tibqa konnessa mal-bqija tad-dinja u l-istandards globali tal-protezzjoni tad-dinja jogħlew għal-livell għoli essenzjalment ekwivalenti għal dawk fl-Ewropa.

Il-ħidma fuq standards adattati hija parti mill-Prijoritajiet DSM għall-Pjan ta' Standardizzazzjoni tal-ICT 64 ; se tiġi ddiżinjata skema ta' ċertifikazzjoni adattata fil-livell tal-UE li tiggarantixxi s-sigurtà, il-portabbilità tad-dejta u l-interoperabbiltà f'konformità mar-rekwiżiti legali, 65 inkluż l-iskema ta' ċertifikazzjoni diġà prevista fir-Regolament Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Dejta għas-sigurtà tad-dejta personali. Filwaqt li jeżistu għadd ta' skemi ta' ċertifikazzjoni 66 , il-kamp ta' applikazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom jvarjaw b'mod konsiderevoli, u ma hemm l-ebda approċċ komuni dwar ir-rekwiżiti minimi fl-akkwist jew il-ġestjoni tar-riżorsi Cloud tas-settur pubbliku. F'dan ir-rigward, il-kollaborazzjoni mal-industrija u mal-awtoritajiet pubbliċi se tissodisfa l-kapaċità tal-industrija fir-rigward tar-rekwiżiti tas-settur tax-xjenza u dak pubbliku.

It-twessigħ ta' aċċess għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u l-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea se jitwettaq b'konformità mal-leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid ta' dejta għal skopijiet oħrajn.

Azzjonijiet

Skeda ta’ żmien

Bi sħubija mal-industrija u mas-settur pubbliku, il-Kummissjoni timpenja ruħha li:

-tadatta soluzzjonijiet tal-HPC u tal-Big Data għal ambjent ta' Cloud sabiex tippermetti aċċess wiesa', b'mod partikolari għall-SMEs;

-tiżviluppa ekosistema biex issaħħaħ l-industrija tal-Cloud fl-Ewropa, bl-użu tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħala test għal soluzzjonijiet ta' teknoloġija Cloud innovattivi;

-toħloq pjattaforma għall-awtoritajiet pubbliċi biex jiftħu d-dejta u s-servizzi tagħhom, u b'hekk tinħoloq il-bażi "Gvern bħal Servizz" (GaaS) għall-UE.

2016-20

Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-Big Data, il-Kummissjoni se tipprovdi ambjent ta' test tal-Big Data (proġetti pilota fuq skala kbira) għall-amministrazzjonijiet, inkluż fil-qafas tal-IPCEI propost.

Mill-2016

Il-Kummissjoni f'ħidma mal-industrija u mal-Istati Membri se tippromwovi l-użu ta' ċertifikazzjonijiet u standards rilevanti eżistenti, u - fejn xieraq - il-ħolqien ta' ċertifikazzjoni u ttikkettar ta' livell Ewropew, b'mod partikolari biex jiġi appoġġat l-akkwist pubbliku tas-servizzi ta' Cloud.

Mill-2016

Implikazzjonijiet finanzjarji

It-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa teħtieġ skala. Sorsi varji tal-finanzjament tal-UE jistgħu jiġu identifikati għall-Inizjattiva Cloud Ewropea:

Il-Programm Qafas Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020)

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)

Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE)

Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

Huma meħtieġa sorsi differenti ta' finanzjament biex jappoġġaw iċ-ċiklu sħiħ tal-investiment. Proġetti ta' infrastruttura kbira huma appoġġati inizjalment mill-għotjiet pubbliċi u, hekk kif jimmaturaw, mill-istrumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju u dawk ibbażati fis-suq. Madankollu, peress li tali inizjattivi jeħtieġu sforzi konsistenti u kkoordinati, il-frammentazzjoni tas-sorsi tal-baġit disponibbli hija ta' żvantaġġ.

Il-finanzjament eżistenti skont Orizzont 2020 se jippermetti appoġġ għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u t-tnedija għall-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea. Stima inizjali tal-investiment pubbliku u privat addizzjonali meħtieġ hija ta' EUR 4.7 biljun fil-perjodu ta' 5 snin. Dan jinkludi EUR 3.5 biljun għall-infrastruttura tad-dejta, 67 EUR 1 biljun għat-Teknoloġiji Quantum ewlenin mifruxin mal-Ewropa kollha u li huma ta' skala kbira u EUR 0.2 biljun għal azzjonijiet dwar it-twessigħ tal-aċċess u l-bini tal-fiduċja. Se jiġu diskussi dispożizzjonijiet addizzjonali mal-Istati Membri għat-tkabbir tal-appoġġ għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa lil hinn minn Orizzont 2020. Maż-żmien, l-inizjattiva se tiġġenera d-dħul proprju tagħha hekk kif jaqbad l-użu tagħha mill-komunità xjentifika, minn start-ups innovattivi u mis-settur pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi kif tħallat is-sorsi differenti ta' finanzjament fil-livell tal-UE u nazzjonali sabiex twettaq l-objettivi tal-Komunikazzjoni preżenti bis-sħiħ; se tiddiskutihom mal-Istati Membri wara evalwazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt u konsultazzjoni xierqa. Infrastruttura ta' dan il-livell ta' ambizzjoni se tirrikejdi l-involviment b'saħħtu tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta' ingranaġġ tal-fondi strutturali u garanzji tal-FEIS 68 , iżda wkoll investimenti sinifikanti mis-settur privat u mekkaniżmi kkoordinati xierqa. F'dan ir-rigward, il-Proġett Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI) dwar l-HPC u l-Big Data juri l-possibbiltajiet u l-effetti pożittivi tal-impenn tal-Istati Membri.

Azzjonijiet

Skeda ta’ żmien

F'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se tesplora l-governanza u l-mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa għall-Cloud tax-Xjenza Miftuħa u għall-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea u se tiddefinixxi Pjan Direzzjonali ta' implimentazzjoni.

Mill-2016

Il-Kummissjoni se tressaq approċċi biex tħallat flussi ta' finanzjament differenti, għad-diskussjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, sabiex jiġu rrealizzati l-objettivi ta' din il-Komunikazzjoni.

2016

KONKLUŻJONIJIET

L-Inizjattiva Cloud Ewropa hija mfassla biex tgħin lix-xjenza, lill-industrija u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa jaċċessaw l-infrastrutturi tad-dejta ta' klassi dinjija u servizzi bbażati fuq il-Cloud hekk kif dawn qed isiru l-fatturi deċiżivi għas-suċċess fl-ekonomija diġitali. 

Inizjattiva Cloud Ewropea għandha tiftaħ s-supercomputing ta' klassi dinjija, il-ħażna tad-dejta u l-kapaċità ta' analiżi li huma għandhom bżonn għal kull ċentru tar-riċerka, kull proġett tar-riċerka u kull riċerkatur fl-Ewropa biex jirnexxu fis-sistema globali u ta' innovazzjoni xprunata mid-dejta.

L-Inizjattiva se tagħmilha possibbli li titwessa' l-bażi tal-utenti tal-infrastrutturi u tas-servizzi għas-settur pubbliku u għall-industrija, inkluż l-SMEs, billi tiggarantixxi livell xieraq ta' sigurtà, portabbiltà tad-dejta, interoperabbiltà kif ukoll konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE. 

L-ammont ta' kemm l-Istati Membri u s-settur privat iħaddnu l-gwadann li jista' jinkiseb meta jindirizzaw din l-isfida, u meta jimpenjaw li jaħdmu flimkien biex jindirizzawhom se jiddetermina kemm din l-inizjattiva tkun ta' suċċess.

(1)

 Informatika fuq skala exa tirreferi għal sistemi ta' informatika li kapaċi jaħdmu mill-inqas exaFLOPS waħda - 1018 kalkoli kull sekonda - madwar 1.000 darba aktar veloċi mill-magni tal-lum.

(2)

Ara l- Konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetittività, 2015

(3)

Diskors tal-President Juncker f'Ottubru 2015; http://bit.ly/1Y52pGi

(4)

COM(2015) 192 final

(5)

Il-ħidma preparatorja bdiet permezz ta' Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni, inkarigat biex jagħti parir fuq l-istabbiliment tagħha: http://bit.ly/1RK7lhh

(6)

Ħidma preparatorja mwettqa, jiġifieri permezz ta' gruppi ta' konsulenza bħall-Grupp ta' Riflessjoni dwar l-infrastrutturi elettroniċi.

(7)

COM(2012) 529 final u riżultati tal-gruppi ta' ħidma http://bit.ly/1QVrvIb

(8)

COM(2012) 45 final

(9)

L-għan huwa li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' użi industrijali ġodda tal-HPC u li jiġi ggarantit l-aċċess għall-faċilitajiet tal-HPC għal riċerka pubblika u privata, http://bit.ly/1RMFq0i

(10)

COM(2014) 442 final

(11)

Dibattitu dwar il-politika tal-Kunsill (9385/15); Konklużjonijiet tal-Kunsill (8970/15)

(12)

COM(2012) 401 final    

(13)

Il-proposti leġiżlattivi possibbli se jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta' regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, SWD(2015) 111

(14)

Dan huwa l-każ eż. fis-saħħa health http://bit.ly/1XEeaTN (u proġetti tal-ERC, BIOTENSORS, DIOCLES, SMAC), fl-astronomija (eż. SparseAstro); fit-tibdil fil-klima, fil-migrazzjoni jew fl-Internet (eż. DIADEM, MIGRANT, RAPID, THINKBIG).

(15)

Id-Direttiva INSPIRE 2007/2/KE tipprovdi acquis għall-kondiviżjoni tad-dejta Ewropea dwar il-lokazzjoni. Madankollu, il-kamp ta' applikazzjoni tal-applikazzjoni ta' dawn il-liġijiet huwa limitat għal dejta u servizzi speċifiċi għall-politiki ambjentali, tad-diżastri naturali u tas-saħħa u mhux l-ostakli kollha fir-rigward ta' politiki dwar id-dejta tneħħew b'mod effettiv.

(16)

Ir-Regolament Nru 1089/2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE

(17)

Ħidma fuq in-Netwerk tas-Saħħa elettronika stabbilit skont id-Direttiva 2011/24 dwar id-drittijiet tal-pazjenti, l-Infrastruttura dwar is-Servizz Diġitali tas-Saħħa elettronika u servizzi tal-Preskrizzjoni elettronika u tas-Sommarju tal-Pazjenti għall-iskambju tad-dejta dwar is-saħħa u l-Azzjoni Konġunta riċenti li tappoġġa r-rapport dwar in-Netwerk tas-Saħħa elettronika dwar l-"Użu ta' Cloud computing fis-saħħa" għall-appoġġ tal-użu ta' dejta aktar milli għall-kura diretta ta' pazjent individwali.

(18)

Indirizzata mill-Programm ISA tal-Kummissjoni: http://bit.ly/24DxWUs

(19)

Dan jista' jinkludi meta-data statistika ta' kwalità għolja minn statistika uffiċjali għat-titjib tal-ħila tal-ibbrawżjar, tal-interoperabbiltà u tal-integrazzjoni tad-dejta.

(20)

Bosta inizjattivi globali jindirizzaw dan: il-prinċipji tad-dejta FAIR, il-Prinċipji G8 għax-Xjenza tad-Dejta tar-Riċerka Miftuħa, il-linji gwida tar-RDA, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Belmont Forum, il-prinċipji tal-OECD u l-linji gwida li jispeċifikaw id-dixxiplina.

(21)

Konsultazzjoni dwar Science 2.0 uriet in-nuqqas ta' integrazzjoni ta' infrastrutturi eżistenti bħala ostaklu għall-ħidma tax-xjenzati.

(22)

Ir-riċerkaturi mhumiex konxji (54%) jew ma għandhomx faċilità (37%) biex jaħżnu u jżommu d-dejta tagħhom (bit.ly/206u6hm).

(23)

http://bit.ly/1SkL9wm

(24)

http://bit.ly/1JEymCY

(25)

Talbiet għaċ-ċikli tal-informatika dwar id-disponibbiltà doppja ta' PRACE: http://bit.ly/1So2sgc

(26)

SWD(2016) 107

(27)

SWD(2016) 106

(28)

Id-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti tal-Amerka se jinvesti USD 525 miljun għax-xiri ta' 3 sistemi pre skala exa fl-2017/2018 ('CORAL'). Il-Ġappun qiegħed jippjana li jinvesti USD 1.38 biljun biex jinstalla sistema kważi skala exa fl-2019.

(29)

Filwaqt li PRACE tippermetti l-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-informatika ta' xi Stati Membri, l-akkwist ta' sistemi tal-HPC huwa deċiżjoni nazzjonali mingħajr koordinazzjoni jew finanzjament tal-UE.

(30)

Konklużjonijiet tal-Kunsill (8970/15).

(31)

COM (2012) 9 final

(32)

COM (2015) 626 final

(33)

Il-Proġett Pilota tad-Dejta tar-Riċerka Miftuħa ta' Orizzont 2020 preżentament ikopri: Teknoloġiji Futuri u Emerġenti, Infrastrutturi tar-Riċerka, Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, is-suġġetti tan-'nanosikurezza' u tal-'immudellar' fin-Nanoteknoloġiji, il-Materjali Avvanzati, il-Manifattura u l-Ipproċessar Avvanzati, u l-Bijoteknoloġija WP, suġġetti magħżula fl-Isfidi Soċjetali: Sigurtà tal-ikel, agrikoltura sostenibbli u forestrija, riċerka tal-baħar u marittima u tal-ilmijiet interni u l-bijoekonomija; Azzjoni Klimatika, Ambjent, Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u Materja prima - ħlief materja prima; l-Ewropa f'dinja li qiegħda tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi; ix-Xjenza ma' u għas-Soċjetà kif ukoll l-attività trasversali u l-qasam ta' prijorità Bliet Intelliġenti u Sostenibbli. Innota li proġetti li mhumiex parti minn dawn l-"oqsma ċentrali" xorta jistgħu jingħaqdu fuq bażi volontarja.

(34)

L-opzjonijiet ta' nuqqas ta' parteċipazzjoni eżistenti, fejn l-aċċess miftuħ għad-dejta jkun kuntrarju għall-applikazzjoni kummerċjali futura jew għall-privatezza tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta personali, is-sigurtà u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE se jinżammu. L-analiżi tal-proġett pilota wriet li l-maġġoranza tal-proġetti japplikaw dejta miftuħa, iżda li l-opzjonijiet ta' nuqqas ta' parteċipazzjoni huma importanti wkoll.

(35)

C(2012) 4890 final

(36)

Bħal ESFRI, INSPIRE, eIRG, GEANT, PRACE, ELIXIR, il-Belmont Forum u inizjattivi simili ta' federazzjoni.

(37)

Inizjattivi ġodda tal-Kummissjoni jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-FSIE sakemm l-Istati Membri jaqblu li jiffinanzjawhom u li jimmodifikaw il-programmi operazzjonali tagħhom skont dan.

(38)

Konklużjonijiet tal-Kunsill (8970/15).

(39)

Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew 2015/2147(INI).

(40)

Filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dispożizzjonijiet preżenti u futuri dwar l-użu tad-dejta għal skopijiet ta' riċerka, l-inizjattiva tista' tiżviluppa, pereżempju, servizzi għall-estrazzjoni tat-testi u d-dejta li huma sensittivi għall-IPR, kontroll ta' aċċess għal użi differenti, anonimizzazzjoni irriversibbli ta' dejta sensittiva qabel il-fużjoni tad-dejta, 'spazji tad-dejta personali' biex tiġi ppreservata l-privatezza u titrawwem l-adozzjoni ta' utenti innovattivi jew tiddependi fuq meta-data ta' liċenzjar u privatezza li jinqraw minn magna mehmuża ma' settijiet tad-dejta aċċessibbli permezz tal-Cloud u tipprovdi linji gwida u l-aħjar prattiki għal proċessi organizzazzjonali konformi li jappoġġaw l-inizjattiva. Filwaqt li dawn huma għodod u proċessi tekniċi, intenzjonati u awtomatiċi, dawn jistgħu jgħinu jnaqqsu l-inċidenza ta' prattika ħażina u jnaqqsu n-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet legali.

(41)

C(2012) 4890 final

(42)

Kif identifikat mill-Forum Strateġiku Ewropew dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) http://bit.ly/1pfqOe7

(43)

Inkluż servizzi eżistenti minn OpenAIRE, EUDAT, EGI, IndigoDataCloud, HelixNebula, PRACE, GÉANT.

(44)

'Diġitali b'mod awtomatiku' tirreferi għal servizzi u proċessi li huma magħmula disponibbli onlajn jew f'forma diġitali b'mod awtomatiku.

(45)

COM(2012) 45 final

(46)

47 http://bit.ly/1QxERan

(47)

http://bit.ly/1WZH8wF

(48)

http://www.ecsel-ju.eu

(49)

Magni fuq skala exa b'effiċjenza fl-użu tal-enerġija se joħolqu impatt fuq l-ispettru sħiħ tal-informatika u jġibu vantaġġi Ewropej tekniċi, ekonomiċi u soċjali. Bħalissa, magna fuq skala exa waħda teħtieġ impjant tal-enerġija ddedikat ta' 700 MW biex taħdem, biżżejjed potenza għal 140.000 dar għal sena. B'hekk teżisti l-ħtieġa għal ċipep b'potenza baxxa.

(50)

Disinn bi sħab huwa approċċ għad-disinn immirat li jinvolvi lill-klijenti u lill-utenti b'mod attiv fil-proċess tad-disinn biex jiżgura li r-riżultat jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom u jkun utilizzabbli.

(51)

http://bit.ly/1pqny20

(52)

RDA-Ewropa bdiet l-interazzjoni mal-grupp tal-istandardizzazzjoni tal-ICT magħmul minn diversi partijiet ikkonċernati biex jissottomettu l-aqwa prattiki ta' implimentazzjonijiet għall-interoperabbiltà tal-infrastruttura tad-dejta żviluppati fil-Alleanza tar-Riċerka tad-Dejta.

(53)

Bħad-dejta spazjali interoperabbli ta' INSPIRE u speċifikazzjonijiet tas-servizzi.

(54)

Tibni fuq servizzi eżistenti minn OpenAIRE, EUDAT, EGI, IndigoDataCloud, HelixNebula, PRACE, GÉANT.

(55)

Eż., ospitati minn JRC għad-dejta multidixxiplinari iżda ffukati fuq dejta spazjali INSPIRE/GEOSS/Copernicus.

(56)

https://goo.gl/zBVi8N

(57)

SWD(2016) 107

(58)

Il-valutazzjoni tal-impatt se tkun parti mill-proċess preparatorju għal programmi ta' finanzjament rilevanti skont il-perspettiva finanzjarja ta' wara l-2020. Kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni addizzjonali li għandha probabbiltà li jkollha impatti sinifikanti tista' teħtieġ valutazzjonijiet separati u ta' impatt individwali.

(59)

SWD(2016) 107

(60)

Inizjattivi FET Ewlenin kif deskritti fid-dokumenti ta' referenza ta' Orizzont 2020.

(61)

SMART 2013/0043: L-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku qegħdin lura meta mqabbla mas-settur privat, b'differenza ta' 10% fl-2013 fl-użu tas-servizzi ta' Cloud computing.

(62)

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar Amministrazzjoni elettronika 2016-2020 - l-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern

(63)

COM (2013) 48

(64)

COM(2016) 176

(65)

Ir-Regolament Nru 765/2008

(66)

https://resilience.enisa.europa.eu/cloud-computing-certification

(67)

SWD(2016) 106

(68)

Is-servizzi ta' konsulenza tal-BEI skont iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti se ikunu involuti wkoll.

Top