EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE5339
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Investment Bank Annual Growth Survey 2017’ [COM(2016) 725 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017” [COM(2016) 725 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017” [COM(2016) 725 final]
OJ C 173, 31.5.2017, p. 73–81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 173/73 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017”
[COM(2016) 725 final]
(2017/C 173/13)
Rapporteur: |
Etele BARÁTH |
Consultation |
Kummissjoni Ewropea, 8.12.2016 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Sottokumitat kompetenti |
SC/046 |
Adottata fis-sottokumitat |
17.1.2017 |
Adottata fil-plenarja |
22.2.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
523 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
181/5/36 |
Kooperazzjoni, approprjazzjoni u flessibbiltà
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-prijoritajiet enfasizzati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017, jiġifieri s-supremazija mogħtija lill-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, permezz tat-tliet pilastri tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, jiġifieri riformi strutturali, l-iżgurar ta’ politiki fiskali responsabbli u t-tisħiħ tal-investiment. Dan l-istħarriġ annwali jikkostitwixxi bażi xierqa għall-ftuħ tal-proċess tas-Semestru Ewropew u l-iżvilupp ulterjuri ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż. |
1.2. |
Is-Semestru Ewropew jitqies bħala strument tajjeb għal aktar progress fil-politiki u r-rifoma, li jwassal għall-irkupru u l-impjieg. Is-SAT 2017 jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali l-aktar urġenti, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi, madankollu, il-KESE jieħu b’serjetà kbira l-aspetti negattivi tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li huma applikati fuq livell nazzjonali biex jistabbilixxu l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro. |
1.3. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jirrikonoxxi l-ħafna żviluppi pożittivi u sinjali ta’ rkupru fl-UE. L-investiment beda jiżdied, inħolqu 8 miljun impjieg ġodda mill-2013, il-mira ta’ 75 % ta’ impjieg tista’ tintlaħaq, hemm titjib strutturali fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, u l-livell medju tad-defiċit pubbliku tnaqqas ftit f’uħud mill-Istati Membri. |
1.4. |
Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-garanzija għal futur ekonomiku promettenti għal kulħadd hija l-bażi tal-preżervazzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew, iżda jqis li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jgħid b’mod ċar li l-irkupru għadu fraġili. Il-qgħad għadu għoli, saħansitra żdied ir-riskju għall-faqar, il-PDG u r-rati ta’ tkabbir tal-produttività għadhom baxxi wisq, u l-investiment għadu wisq taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Għad hemm żbilanċi sinifikattivi u riskji usa’ fiż-żona tal-euro u fl-UE b’mod ġenerali. |
1.5. |
Il-KESE jemmen ukoll li l-globalizzazzjoni, l-iżviluppi demografiċi u teknoloġiċi, u b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni, huma sorsi importanti ta’ bidliet, li kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom. L-investiment fl-għarfien, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ICT – li jixprunaw it-tkabbir – għandu jkun fost l-isforzi ewlenin. |
1.6. |
Il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet dwar l-ugwaljanza, l-ekwità u l-inklużjoni, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ politiki koordinati u ta’ riformi. |
1.7. |
Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni u jingħelbu l-iżvantaġġi, huwa kruċjali li tissaħħaħ l-integrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-governanza Ewropea bbażata fuq il-kollaborazzjoni responsabbli, karatterizzata kemm mid-dixxiplina kif ukoll mill-flessibbiltà, tikkostitwixxi garanzija. Is-Semestru Ewropew juri biċ-ċar li l-istabbiliment ta’ sħubijiet ta’ livell għoli bejn l-Istati Membri huwa mod effettiv biex noħorġu mill-kriżi. |
1.8. |
Il-KESE japprova fil-prinċipju l-missjonijiet stabbiliti fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir tal-2017, kif ukoll it-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Itenni l-proposta tiegħu dwar l-arrikkiment tas-Semestru Ewropew, diġà fformulat fl-analiżi tiegħi dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016. Barra miż-żieda fl-investiment, ir-riformi strutturali u t-tisħiħ tal-ekwilibriju makroekonomiku, fost l-objettivi ewlenin huma l-progress li jrid isir fid-dawl tal-indikaturi lil hinn mill-PDG, l-għanijiet fil-qasam soċjali, ambjentali u s-sostenibbiltà. |
1.9. |
Fil-fehma tal-KESE, hija biss sistema ta’ indikaturi komprensiva – bħas-sistema attwali, li hija kapaċi wkoll tindirizza l-impatti soċjali u ambjentali – li verament tista’ tidentifika t-tkabbir ekonomiku reali orjentat lejn ir-riżultati (introjtu nazzjonali gross). |
1.10. |
Il-KESE jaħseb li rendikont ċar u komprensibbli tal-orjentamenti politiċi u strateġiċi dwar il-ġejjieni fil-qrib u fit-tul huwa indispensabbli. Jenħtieġ li l-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker kif ukoll l-objettivi għall-2030 ibbażati fuq l-Istrateġija Ewropa 2020, li jinkludu wkoll l-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli, għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-proċessi ta’ żvilupp. |
1.11. |
L-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (1) jindikaw li l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE m’għandux jinbidel b’mod sostanzjali bejn l-2016 u l-2018 meta mqabbel mal-2015 u li s-sors ewlieni ta’ tkabbir se jkun il-konsum mhux l-investiment. Din il-perspettiva, li hija relatata ma’ tkabbir u investiment baxx, ma tantx hi promettenti, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-tisħiħ tad-domanda domestika jibqa’ importanti daqs qatt qabel meta wieħed jiġi biex tingħata spinta lill-investiment. |
1.12. |
Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-kompetenzi tal-Unjoni, għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-istrumenti kollha tal-politika soċjali. Sistema ta’ punt ta’ riferiment imfassla tajjeb, li għandha tiġi proposta mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali futur, tista’ tistimola l-proċess ta’ riforma u tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-politiki soċjali fis-Semestru Ewropew. |
1.13. |
L-analiżi tal-livell ta’ adegwatezza bejn il-politika tradizzjonali ta’ koeżjoni li attwalment qed tgħaddi minn reviżjoni ta’ nofs it-terminu u l-finanzjament tagħha (FSIE) minn naħa, u l-istrumenti l-ġodda ta’ investiment (FEIS) min-naħa l-oħra, għandha tkun wieħed mill-kompiti tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Fid-dawl tal-fatt li dan huwa wieħed mit-tipi ta’ kooperazzjoni l-iżjed dinamiċi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar f’termini tal-implimentazzjoni tiegħu. Jeħtieġ li jkunu kkoordinati l-isforzi għal titjib. |
1.14. |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-funzjonament tas-Semestru Ewropew. Żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fit-tul jista’ jkun ibbażat fuq politiki fiskali adegwati u koordinati fil-livell tal-UE u l-istabbiltà baġitarja u l-funzjonament trasparenti u prevedibbli tas-sistemi finanzjarji. |
1.15. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bidliet strutturali meħtieġa biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġu fondi sinifikanti, li ser ikunu disponibbli biss jekk ir-riżorsi baġitarji jintużaw b’mod aktar effikaċi u jekk l-investimenti jiġu riveduti b’mod sinifikanti ‘l fuq. |
1.16. |
Jekk dan il-fond Ewropew ġdid, il-FEIS, jippermetti fundamentalment li jiżidiedu r-riżorsi fis-setturi produttivi u l-infrastrutturi fiżiċi, il-fatt li l-livelli ta’ investiment pubbliku u soċjali huma ferm anqas minn dak li hu meħtieġ huwa problematiku ħafna. F’dan ir-rigward jeħtieġ li tiġi żgurata flessibilità baġitarja suffiċjenti. |
1.17. |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li tingħata prijorità għal investiment f’sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ, saħħa u sistemi soċjali oħra, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati mill-medja. |
1.18. |
Il-governanza Ewropea jrid ikollha kemm ir-responsabbiltà konġunta kif ukoll il-flessibbiltà raġonevoli. Minn naħa, il-KESE jemmen li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-Unjoni, id-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet, iż-żieda sinifikanti fis-sehem tar-riżorsi u riżorsi proprji u t-titjib tal-effettività u l-effiċjenza fl-implimentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ sistema fejn il-flessibilità tista’ titqies ukoll bħala mod biex jiġu koperti r-riskji. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet imtejba tas-suq u r-regolamentazzjoni intelliġenti jistgħu jħeġġu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea f’sens wiesa’ (inkluż minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali). |
2. Kuntest
2.1. |
Ħafna aktar importanti minn rieda politika komuni biex nibnu l-futur, illum il-ġurnata huma fil-fatt il-garanziji legali u l-obbligu ta’ kooperazzjoni ekonomika li jżommu l-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni hija maqsuma u qed tiffaċċja kriżi multidimensjonali li dejjem qed tiġġedded. Il-votazzjoni marbuta mal-Brexit u l-inċertezza konsegwenti jikkostitwixxu sinjal ċar ta’ dan. Filwaqt li l-istaġnar politiku huwa ikbar minn dak ekonomiku, għad hemm disparitajiet ekonomiċi konsiderevoli minkejja l-irkupru ekonomiku li jista’ jiġi osservat f’xi Stati Membri. |
2.2. |
Il-kriżi tal-migrazzjoni tibgħat messaġġ traġiku ta’ impatt globali, li timponi fuq l-Ewropa minn naħa l-obbligu li tirrispetta l-impenn umanitarju tagħha li żżomm fis-seħħ is-sistemi soċjetali u soċjali Ewropej u min-naħa l-oħra li tikkonsolida r-rwol tagħha lil hinn mill-fruntieri tal-kontinent. |
2.3. |
Fir-rigward tal-funzjonament tal-Unjoni, kiber id-distakk bejn il-perċezzjoni tas-soċjetà u r-realtà. Ir-relazzjonijiet ta’ sħubija stabbiliti bejn is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha minn naħa, u s-sistema istituzzjonali tal-Unjoni min-naħa l-oħra, għadhom ‘il bogħod li jkunu sodisfaċenti; l-Ewropej jafu sew li s-sitwazzjoni qed tiggrava. Iċ-ċittadini u l-intrapriżi, żgħar, medji u kbar, jistennew inizjattivi effettivi. |
2.4. |
Il-forzi politiċi li qed iqiegħdu l-esiġenzi reali jew preżunti tal-indipendenza nazzjonali f’oppożizzjoni mal-kisbiet komuni tagħna qed jissaħħu. Fil-politika tal-lum sfortunatament qed issir enfasi fuq id-differenzi aktar milli fuq l-interazzjonijiet. |
2.5. |
Minn meta tfasslu l-proposti fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, kien deher ċar li kien essenzjali li jissaħħu l-proċessi ta’ żvilupp (u strumenti relatati) li jaffettwaw b’mod dirett liċ-ċittadini Ewropej, sabiex tingħata espressjoni lill-valuri Ewropej u jitmexxew ‘il quddiem l-interessi tal-Unjoni. |
2.6. |
Il-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fl-investiment sussegwenti dgħajfu l-unità bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq it-tkabbir, u kkawżaw tensjonijiet dejjem aktar profondi. Minkejja l-għan fundamentali tal-Unjoni, id-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri, u partikularment bejn ċerti reġjuni, qed jiżdiedu. |
2.6.1. |
Barra minn hekk, ir-regoli dwar id-defiċits tal-baġit stabbiliti fl-2005 għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali tal-UE, u għandhom iqisu li ċerti spejjeż pubbliċi, bħall-edukazzjoni, għandhom jitneħħew mill-kalkoli tad-defiċit, peress li huma importanti bħala investiment għall-futur. |
2.7. |
Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tibqa’ ġeneralment attraenti, għadha ma rkupratx ir-rwol tagħha bħala attrazzjoni għall-investituri. Fir-rigward ta’ investimenti produttivi, l-UE qed taqa’ lura progressivament meta tqabbel mal-Istati Uniti. Il-pajjiżi li waqgħu lura qegħdin iżommu lura lil dawk l-iktar dinamiċi. It-tnaqqis fil-livelli ta’ produttività u d-dgħufija tal-proċessi tal-innovazzjoni jnaqqsu l-livell ta’ valur miżjud Ewropew li għandu jintuża fil-kompetizzjoni globali. |
2.8. |
F’xi pajjiżi l-investimenti produttivi qed jonqsu minkejja bilanċ baġitarju pożittiv sinifikanti. Dan ixekkel l-isforzi biex jerġa’ jinkiseb il-progress. Ir-reazzjoni hija kajmana u burokratika. |
2.8.1. |
Madankollu, il-KESE jistma li l-investiment u l-konsum huma meħtieġa ħafna sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi favur it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli li jindirizza t-tibdil fil-klima. Għandu jkun hemm taħriġ ġdid u ħolqien tal-impjiegi li jagħtu spinta lill-kompetittività Ewropea. |
2.9. |
Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea nediet mudell ġdid ta’ żvilupp ekonomiku. L-objettivi fformulati, jiġifieri l-ħolqien ta’ impjiegi u l-promozzjoni tat-tkabbir, it-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew, is-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ regolaturi ekonomiċi, il-konsolidazzjoni tal-iżviluppi komunitarji prijoritarji, is-suq tal-enerġija, l-appoġġ għall-investimenti fis-suq u s-servizzi diġitali, it-trattament prijoritarju tan-netwerks intellettwali u fiżiċi għall-interkonnessjoni tal-Ewropa, u t-tisħiħ tar-responsabbiltà ambjentali jipprovdu dinamika ġdida kruċjali għall-ekonomija. |
2.10. |
Il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm, il-ħidma mwettqa fil-qafas tal-programm REFIT, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-qafas istituzzjonali relatat jidhru li jikkonfermaw il-validità tal-intenzjonijiet. Iżda, kif ġie indikat preċedentement, dawn il-prospetti ta’ tkabbir mhumiex biżżejjed. |
2.11. |
In-nuqqas ta’ politiki baġitarji orjentati lejn it-tkabbir għal pajjiżi affettwati minn livell għoli ta’ dejn pubbliku u defiċits baġitarji, li f’xi każijiet irriżultaw mill-kollass bankarju u finanzjarju, aktar milli mit-tberbiq fl-infiq tal-gvern, irriżulta li kien kontroproduċenti u kkontribwixxa biex jitwessa’ d-distakk bejn pajjiżi b’eċċess u dawk b’defiċit. Skont il-każ, jista’ jkun aktar effiċjenti li jingħata aktar żmien u li jkun permess aġġustament aktar gradwali, peress li żieda fit-tkabbir ekonomiku għandha rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn. |
2.12. |
Hemm lok li jiġi stabbilit sett ta’ għodod ta’ żvilupp biex jiġi żgurat it-tkabbir, biex jiġi stimolat l-aġġustament simetriku madwar l-UE u biex jittaffu t-tensjonijiet soċjali. Is-Semestru Ewropew jippermetti sabiex jitfassal proċess speċifiku għal pajjiż u biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni, iżda dan il-proċess għandu biss rwol koinċidentali fl-istabbiliment tal-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro, kif turi biċ-ċar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 726 final dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. |
2.13. |
L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom validi. Iċ-ċifri tal-qgħad jibqgħu inaċċettabbli, b’aktar minn 22 miljun ruħ qiegħda fl-Unjoni u aktar minn 17-il miljun fiż-żona tal-euro. L-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew fir-riskju jiżboq il-122 miljun. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa. Il-mobbiltà tal-ħaddiema hija baxxa. Is-sistema ta’ tagħlim tul il-ħajja mhux dejjem tkun fil-qalba tal-politiki. It-tendenzi, li jitbiegħdu mill-objettivi, mhumiex inkoraġġanti. Diġà hemm aktar minn 70 Direttiva dwar id-drittijiet soċjali fis-seħħ. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jargumenta li, bħala parti mill-preparazzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-konverġenza ‘l fuq trid tkun stabbilita bħala objettiv għal drittijiet soċjali fl-Ewropa. Bl-istess mod, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività madwar l-UE. F’dan il-kuntest, huwa jenfasizza l-interdipendenza neċessarja bejn il-politika ekonomika, tal-impjieg u dik soċjali (2). |
3. Kummenti speċifiċi
3.1. |
Investiment |
3.1.1. |
Il-Kummissjoni Ewropea tqiegħed il-ħarsa ġenerali tal-miżuri li għandhom l-għan li jiżviluppaw aktar is-sistema finanzjarja fil-qalba tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Dawn il-miżuri huma l-aktar sinifikanti f’termini tal-konsolidazzjoni ta’ kif jiffunzjona s-settur, it-titjib tal-effiċjenza tal-FEIS, it-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti, u l-espansjoni tar-rwol globali tal-ekonomija Ewropea. |
3.1.2. |
Il-KESE jaqbel mal-importanza kbira mogħtija lill-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali u ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas oħrajn, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, jinfirex ir-riskju, u l-kreditu jsir aktar aċċessibbli – b’mod partikolari billi jitneħħew l-ostakoli li qed jiffaċċja s-settur tal-SMEs – u t-traspożizzjoni fil-prattika tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs. |
3.1.3. |
F’dan ir-rigward, ta’ min isemmi pereżempju r-Regolament dwar fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-iżvilupp ulterjuri tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali, it- “tieni opportunità” għal intraprendituri li jfallu, it-titjib tal-proċeduri ta’ insolvenza jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ristrutturar preventiv. Li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-banek u tiżdied l-effiċjenza operattiva tagħhom għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ investiment. |
3.1.4. |
Kollox jindika li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi – minbarra t-tkabbir tiegħu, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni – għandu effett ta’ inċentiv ewlieni fuq is-suq Ewropew tal-investimenti. Dan jista’ jkun ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-kisba tal-miri sal-2030, li jinkludu wkoll kriterji dwar l-iżvilupp sostenibbli. It-tranżizzjoni gradwali lejn ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju se toħloq impjiegi ġodda, partikolarment fis-settur tas-servizzi, u l-prodotti li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà jistgħu jiftħu toroq ġodda għall-innovazzjoni. |
3.1.5. |
F’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat kien diġà enfasizza li l-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali se jiftħu opportunitajiet ta’ għażla għall-investimenti. Id-dinamizzazzjoni ta’ dawn l-oqsma tiddependi wkoll fuq ftehimiet kummerċjali internazzjonali, li wħud minnhom jistgħu jiġu affettwati ħażin ħafna minn attitudnijiet li qed jinbidlu fil-politiki globali, u l-aċċessibbiltà tas-swieq li tirriżulta minnhom. |
3.1.6. |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-fondi strutturali jistgħu jiġu użati iktar milli qed jiġu użati llum biex jappoġġjaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobbiltà marbuta magħhom. |
3.2. Lħiq ta’ riformi strutturali
3.2.1. |
Il-KESE jaqbel mal-impenn li jitwettqu riformi strutturali b’mod differenzjat, kif maqbul. Għandhom jiġu previsti fil-livell Ewropew u nazzjonali l-mezzi neċessarji għal dan il-għan. |
3.2.2. |
Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li suq tax-xogħol flessibbli li jiffunzjona tajjeb jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku pożittiv. Madankollu, huwa jaħseb li huwa neċessarju li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku Ewropew. |
3.2.3. |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li tingħata konsiderazzjoni dovuta għall-kapaċitajiet baġitarji tal-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw politiki biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-inklużjoni soċjali. |
3.2.4. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-KE tal-konsultazzjoni dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn Marzu 2016, u jaqbel li l-iżvilupp ekonomiku għandu jwassal għal aktar progress u koeżjoni soċjali. L-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ekonomiċi żviluppaw politiki soċjali aktar ambizzjużi u effiċjenti, iżda b’mod ġenerali, il-kompetittività u d-dimensjoni soċjali jeħtieġ li jiġu mtejba fl-Ewropa. |
3.2.5. |
Huwa importanti li r-riformi implimentati mill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi u riżultati ta’ kwalità. Barra minn hekk, it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-indukrar tat-tfal huwa kundizzjoni sine qua non tal-iżvilupp ekonomiku u se jkollu impatt dirett fuq l-iżvilupp tal-istil ta’ ħajja u l-inklużjoni soċjali. |
3.2.6. |
Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali huwa partikolarment importanti. Dan ir-rwol għandu jkun ibbażat fuq bidu ġdid għad-djalogu soċjali – ispirat mill-forma attwali ta’ djalogu iżda bi strumenti parteċipattivi msaħħa. L-impenn soċjali responsabbli jiddipendi minn komunikazzjoni ċara u diretta, u l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni mħabbra mill-KE li jiġu involuti l-imsieħba soċjali b’mod profond u sistematiku fiċ-ċiklu tas-semestru Ewropew. |
3.2.7. |
Approċċ u implimentazzjoni koerenti tar-riformi jippermettu wkoll konsiderazzjoni akbar tad-dimensjoni soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Huwa xieraq li jiġu arrikkiti l-għodod u l-metodoloġija tal-politika ekonomika b’viżjoni orjentata lejn riżultati sostenibbli, u valuri soċjali li jirriflettu wkoll is-sostenibbiltà. |
3.2.8. |
L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi, li toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti, tappoġġja aktar it-tkabbir u tillimita l-possibbiltajiet ta’ abbuż, għandha tagħmel parti integrali tal-proċess ta’ riforma. |
3.3. Politiki fiskali pożittivi
3.3.1. |
L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u ta’ x’inhu l-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri individwali, huma element importanti tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Hija ħasra li l-proċess tas-semestru wera li huwa strument unilaterali li jipproskrivi dejn u defiċits għoljin taħt piena ta’ sanzjonijiet, iżda jippreskrivi biss tnaqqis sempliċi ta’ bilanċ pożittiv kbir wisq. Il-KESE huwa favur il-flessibilità, speċjalment meta din tagħmilha possibbli li l-investimenti pubbliċi jagħtu spinta lis-setturi li wkoll huma utli fuq medda ta’ żmien twila (edukazzjoni, taħriġ u saħħa). |
3.3.2. |
Madankollu, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandu jiġi komplementat mill-introduzzjoni ta’ proċedura għall-iżbilanċi soċjali paragunabbli mal-proċedura eżistenti rigward l-iżbilanċi makroekonomiċi, li tidentifika u tanalizza l-impatt soċjali tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Kif intqal hawn fuq, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lid-defiċits tal-baġits nazzjonali meta dawn ikunu marbuta ma’ investimenti għall-futur, bħalma huma l-edukazzjoni, jew investimenti mmirati lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal tranżizzjoni ekonomika lejn ekonomija sostenibbli li tindirizza t-tibdil fil-klima. |
3.3.3. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tar-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-isforzi tal-Kummissjoni favur approċċ baġitarju pożittiv għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellu l-BĊE biex terġa’ tinkiseb l-istabbiltà wara l-kriżi. Dan għandu jiġi kkomplementat b’miżuri aktar b’saħħithom biex titħaffef ir-rata ta’ żieda fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi. F’dan il-kuntest, il-KESE huwa mħasseb u ddiżappuntat li l-Kunsill ċaħad ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal pożizzjoni fiskali pożittiva fiż-żona tal-euro. |
3.3.4. |
Ir-rati tal-imgħax baxxi li jikkaratterizzaw il-perjodu attwali joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiżdied l-investiment pubbliku, filwaqt li jonqos il-proporzjon tad-dejn tagħhom. Il-KESE huwa tal-fehma li, fi ħdan il-limiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-UE u l-preparazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, u l-introduzzjoni tal-“baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”, għandhom joffru opportunità li jiġu implimentati prattiki ta’ investiment oriġinali li jsostnu t-tkabbir ekonomiku u jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul. |
3.3.5. |
It-tbassir tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017 huwa ta’ importanza partikolari meta jiġi analizzat l-iżvilupp strutturali tas-soċjetà Ewropea. L-isforzi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-tixjiħ fuq is-soċjetà jżidu dejjem iżjed il-pressjoni fuq il-baġits tal-Istati Membri. Għandha tiġi enfasizzata għal darb’ oħra l-importanza ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid, ir-rwol ta’ prevenzjoni li huwa responsabbiltà tas-settur tas-saħħa u l-ħtieġa għal riforma tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali. |
4. Kummenti ġenerali
4.1. |
Huwa essenzjali u urġenti li jiġi żviluppat fid-dettall u implimentat programm prijoritarju li jipprevedi l-konsolidament sħiħ tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. Madankollu, dan m’għandux jirriżulta f’li jitwessa’ d-distakk bejn il-pajjiżi tal-Ewropa. |
4.2. |
L-ewwel perjodu ta’ żvilupp b’żewġ veloċitajiet imħabbar mill- “Ħames Presidenti” dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea jispiċċa fl-2017. “White Paper” twitti t-triq għat-tieni stadju. Fil-kuntest stabbilit permezz tal-Brexit, it-tisħiħ tal-erba’ unjonijiet – ekonomika, fiskali, finanzjarja u politika – huwa ta’ importanza partikolari ħafna. Jidher essenzjali, għall-perjodu ta’ wara l-Brexit, li jiġu riveduti ‘l fuq il-kapaċitajiet finanzjarji. |
4.2.1. |
Filwaqt li s’issal-attenzjoni kienet primarjament fuq it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja u ekonomika taż-żona tal-euro – l-istabbiliment ta’ bordijiet tal-kompetittività u l-produttività, it-tisħiħ tal-unjoni bankarja u qbil dwar it-tielet pilastru tagħha, skema ta’ garanzija tad-depożiti bankarji (EDIS), l-istabbiliment ta’ entità superviżorja biex tiġi infurzata d-dixxiplina baġitarja, u progress fit-triq lejn kooperazzjoni mill-qrib fis-swieq kapitali – ir-rieda li tiġi żviluppata kooperazzjoni politika għandha tiġi intensifikata wkoll. |
4.2.2. |
Jidher ċar li dan għandu jħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE biex jistabbilixxu approċċ strateġiku ġenerali msejjes fuq politika ekonomika flessibbli. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u l-qafas regolatorju li jirregola l-implimentazzjoni tiegħu, tali approċċ għandu jieħu iktar inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet soċjetali u soċjali kif ukoll il-kapaċità ta’ reżistenza ta’ kull pajjiż, anke f’każi fejn il-ftehimiet ta’ regolamentazzjoni ekonomika u l-istrumenti tagħhom jiffunzjonaw tajjeb |
(l-attitudni iktar flessibbli reċenti minn Franza, Spanja jew il-Portugall fit-tnaqqis tad-defiċit baġitarju tirrifletti dan l-iżvilupp possibbli).
4.3. |
F’perjodi baġitarji u finanzjarji preċedenti, ir-rekwiżit li jiġi identifikat “valur miżjud Ewropew” ħa importanza sinifikanti fil-kuntest tad-definizzjoni tal-programmi u l-missjonijiet. Id-diversi programmi appoġġjati mill-fondi Ewropej qed jimmiraw dejjem iżjed u iżjed lejn kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, fejn l-isforzi konġunti wasslu għal riżultati aqwa milli kien possibbli fil-livell purament nazzjonali (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, eċċ), li rawmu l-konverġenza ta’ interessi komuni Ewropej bejn il-livell lokali u dak tal-Istati Membri (il-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar, l-iżvilupp tal-infrastruttura, żvilupp reġjonali u urban, eċċ.). L-iskala tar-riżorsi disponibbli madankollu mhijiex proporzjonata mal-iskala tal-kompiti li għandhom jitwettqu. |
4.4. |
L-approssimazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ingħatat ukoll attenzjoni konsiderevoli fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi matul il-proċess tas-Semestru Ewropew. Minbarra r-riformi baġitarji u strutturali, il-programmi ta’ riforma tal-Istati Membri kellhom ukoll jifformulaw objettivi speċifiċi u jispeċifikaw il-modi tat-twettiq tagħhom. It-tliet pilastri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva – u s-sistema tagħha ta’ indikaturi jistgħu jibqgħu jservu ta’ referenza għas-soluzzjonijiet li jridu jinstabu quddiem sfidi ġodda li se jinqalgħu sal-2030. |
4.5. |
L-għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjoambjentali fit-tul għandhom jaqdu rwol aktar importanti fil-kuntest tal-mekkaniżmu tas-Semestru Ewropew. Dan il-proċess jista’ jħeġġeġ id-djalogu dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-promozzjoni ta’ investimenti differenti fis-settur soċjali u s-settur pubbliku, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-investimenti b’benefiċċji netti fit-tul meta tikkalkula d-defiċit tal-baġit, jew anke l-iżvilupp ta’ struttura istituzzjonali li sservi l-benesseri taċ-ċittadini. Irid ikun hemm “regola tad-deheb” ġdida li tiddefinixxi x’inhu l-konsum u x’inhu l-investiment. Huwa possibbli li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal dan l-għan billi tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-baġit tal-Unjoni u jiżdiedu s-sorsi ta’ dħul tagħha. |
4.6. |
Sens ta’ sjieda pubblika iżjed mifruxa, mill-istadju meta jiġu definiti l-missjonijiet sakemm jiġu implimentati, kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rwol dejjem jikber tal-benefiċjarji finali, huma ta’ importanza partikolari fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni. Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali jrid jissaħħaħ u t-tħassib tagħhom dwar is-sussidjarjetà rispettat. |
4.7. |
M’hemmx unità fil-viżjoni tal-futur, ir-rieda politika jew il-kapaċità ta’ governanza. L-arranġament legali huwa kumpless u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili hija purament formali, u dan jirrifletti n-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku. Dan iżid l-iżbilanċ demokratiku u jdgħajjef il-fiduċja. |
4.8. |
Bħalissa, żewġ settijiet kbar ta’ strumenti u istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji differenti ħafna, kull wieħed minnhom akkumpanjat bil-proċedura tiegħu stess, jiddeterminaw il-proċessi ta’ żvilupp. Għandha tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn dawn l-istrumenti u l-istituzzjonijiet; mhuwiex biżżejjed li jiġu definiti linji gwida għal dan l-għan. Hija meħtieġa soluzzjoni sistemika. |
4.8.1. |
L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali, li l-għan tagħhom huwa li jippromovu l-koeżjoni. Dawn jieħdu l-forma ta’ għajnuniet għall-investiment u għall-iżvilupp, li jiġu mmodernizzati b’mod kontinwu, minkejja li n-natura tagħhom ma tinbidilx. Dawn huma disponibbli permezz tat-tqassim mill-ġdid tal-baġit tal-Unjoni, li ġej mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri l-aktar żviluppati. F’ċertu numru ta’ każi, dawn il-fondi mhumiex stmati fil-valur ġust tagħhom mill-benefiċjarji, li jsostnu li “għandhom dritt” għalihom. |
4.8.2. |
Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu previst fil-proċess tal-qafas finanzjarju (QFP) ta’ seba’ snin li jispiċċa fl-2020, huwa indispensabbli, sabiex tiġi promossal-komplementarità msemmija hawn fuq, li tiġi kkompletata u ssemplifikata r-regolamentazzjoni. |
4.8.3. |
Huwa f’din il-perspettiva li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom l-għan li jsaħħu l-objettivi finanzjarji, jistimolaw l-investiment, jiġu indirizzati l-flussi migratorji, kif ukoll għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. |
4.8.4. |
It-tisħiħ tal-flessibilità u s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għall-finanzjament huma elementi ewlenin. |
4.8.5. |
It-tieni sett ta’ strumenti għall-implimentazzjoni tal-“Pjan Juncker” huwa l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), strument finanzjarju ġdid orjentat lejn is-suq kapaċi jipprovdi appoġġ għall-kapital ta’ riskju u li jimmobilizza fondi pubbliċi, bankarji u privati. L-ammont tal-FEIS diġà laħaq il-EUR 500 biljun u l-perjodu ta’ referenza għandu jkopri l-perjodu sal-2020. Huwa jista’ jaqdi rwol importanti fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. |
4.9. |
Jeħtieġ li jiġi integrat il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ governanza maħluq fil-governanza futura mmirata lejn l-iżvilupp. L-armonizzazzjoni taż-żewġ sistemi ta’ finanzjament għandu jkollha wkoll lok fil-livell ta’ kull Stat Membru. Aktar fit-tul, ikun għaqli li jiġu kkombinati ż-żewġ mekkaniżmi ta’ governanza. |
4.10. |
Il-KESE jqis pożittiv il-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, li tiġbor fil-qosor, għall-perjodu sal-2030, il-ħidmiet strateġiċi ta’ gwida mwettqa s’issa u li huma kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi tas-sostenibbiltà. |
4.11. |
Il-missjonijiet fil-qafas tal-proċess ġdid ta’ programmazzjoni għandhom jibbażaw fuq numru mnaqqas ta’ objettivi ċari. L-implimentazzjoni tinvolvi rikors għal strument ġdid strateġiku, fil-qafas tal-Kummissjoni Ewropea, sistema ta’ governanza bbażata fuq il-koordinazzjoni, li tqis ukoll il-kontroll soċjali. |
4.12. |
Abbażi tal-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-istrumenti finanzjarji differenti, diġà jidher meħtieġ li titħejja proposta għall-perjodu taa’ żmien sal-2030 għal tqassim aħjar tal-kompiti bejn l-għanijiet ta’ koeżjoni tradizzjonali u l-investimenti skont il-loġika tas-suq. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ proġett marbut mal-FEIS jipprovdi għajnuna metodoloġika ta’ kwalità, ukoll fil-każ ta’ użu ta’ strumenti ta’ koeżjoni tradizzjonali. |
4.13. |
Biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tas-Semestru Ewropew, jeħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tas-sħubija u dawn jiġu estiżi, skont id-dritt ta’ parteċipazzjoni pubblika, għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Iċ-ċittadini fil-fatt għandhom jiġu garantiti l-possibbiltà li jaċċessaw informazzjoni rilevanti u li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni. Għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-proġetti dwar programmi, sejħiet għal offerti u rapporti ta’ evalwazzjoni. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Kummissjoni Ewropea: Previżjonijiet Ekonomiċi Xitwa 2017 – Ħarsa ġenerali, 13 ta’ Frar 2017
(2) SOC/542 (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).
APPENDIĊI
għall-OPINJONI
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-sotto kumitat, li ġew sostitwiti minn emendi adottati mill-Assemblea, irċevew mill-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):
(a) Punt 1.9:
|
Fil-fehma tal-KESE, hija biss sistema ta’ indikaturi kumplessa, kapaċi wkoll tindirizza l-impatti soċjali u ambjentali, li verament tidentifika t-tkabbir ekonomiku reali orjentat lejn ir-riżultati (introjtu nazzjonali gross). |
Riżultat tal-vot:
Favur: |
111 |
Kontra: |
109 |
Astensjonijiet: |
13 |
(b) |
Punt 2.13: |
|
L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom validi. Iċ-ċifri tal-qgħad jibqgħu inaċċettabbli, b’aktar minn 22 miljun ruħ qiegħda fl-Unjoni u aktar minn 17-il miljun fiż-żona tal-euro. L-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew fir-riskju jiżboq il-122 miljun. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa. Il-mobbiltà tal-ħaddiema hija baxxa. Is-sistema ta’ tagħlim tul il-ħajja mhux dejjem tkun fil-qalba tal-politiki. It-tendenzi, li jitbiegħdu mill-objettivi, mhumiex inkoraġġanti. Diġà hemm aktar minn 70 Direttiva dwar id-drittijiet soċjali fis-seħħ. “Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn tkabbir u kompetittività fl-UE kollha. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-interkonnessjoni neċessarja bejn il-politika ekonomika, tal-impjieg u dik soċjali” (3). |
Riżultat tal-vot:
Favur: |
145 |
Kontra: |
62 |
Astensjonijiet: |
14 |
(c) Punt 3.2.2:
|
Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li suq tax-xogħol flessibbli li jiffunzjona tajjeb jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku pożittiv. Il-KESE jinnota li l-UE hija l-aktar reġjun żviluppat fid-dinja f’termini ta’ assistenza soċjali. |
Riżultat tal-vot:
Favur: |
141 |
Kontra: |
65 |
Astensjonijiet: |
16 |
(3) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (SOC/542) (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).