EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5211

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika” (COM(2016) 591 final — 2016/0286 (COD))

OJ C 125, 21.4.2017, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika”

(COM(2016) 591 final — 2016/0286 (COD))

(2017/C 125/09)

Relatur uniku:

Jorge PEGADO LIZ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 24.10.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 25.10.2016

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

118/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

F’għadd mill-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE jippromovi b’mod konsistenti li jiżdiedu r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u s-setgħat tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC), sabiex b’hekk jingħata l-kapaċità meħtieġa biex jaqdi rwol regolatorju effettiv għas-settur fil-livell Ewropew.

1.2

B’mod ġenerali, għalhekk, jappoġġja l-intenzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

1.3

Madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma għażlitx dik li ssejjaħ l-alternattiva 4, li ma tagħti l-ebda raġuni biex tkun eskluża, iżda tippreferi tillimita l-BEREC għall-qasam – għalkemm imsaħħaħ – ta’ kooperazzjoni jew koordinazzjoni.

1.4

Kif diġà stqarr, il-KESE huwa tal-fehma soda li hija biss għażla waħda, dik li l-BEREC jinbidel f’awtorità regolatorja ġenwina, li tista’ tieħu approċċ li jħares ’il quddiem u jipprovdi regolazzjoni xierqa tas-servizzi ta’ informazzjoni ġodda pan-UE jew globali, li bħalissa fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex regolati jew huma soġġetti għal oqfsa regolatorji mhux ċari (M2M, OTT u oqsma oħrajn ta’ importanza kbira għall-Unjoni, bħar-roaming jew is-swieq transnazzjonali) jew proċeduri ta’ assenjazzjoni vinkolanti pan-Ewropej, għal meded speċifiċi.

1.5

Punt li jistħoqqlu kunsiderazzjoni bir-reqqa u rieżami jirrigwarda l-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Bord tal-Appell, sabiex jiġu żgurati f’kull każ, indipendenza ġenwina u imparzjalità u sistema ta’ appell adegwata, b’mod speċjali fejn jidħlu deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tilwim transkonfinali.

2.   Sommarju fil-qosor ħafna tal-proposta

2.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 2015 dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (1) (“l-Istrateġija DSM”), il-Kummissjoni rrimarkat li s-suq li qed jinbidel u l-ambjent teknoloġiku jagħmlu neċessarju li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC). Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (2), il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex is-Suq Uniku Diġitali tintegrah aktar billi tiżgura li jkun hemm qafas istituzzjonali aktar effiċjenti. Dan tista’ twettqu billi ssaħħaħ ir-rwol, il-kapaċità u s-setgħat deċiżjonali tal-BEREC ħalli jkun jista’ jrawwem implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, sabiex tkun tista’ ssir sorveljanza effiċjenti tal-BEREC fejn jidħol l-iżvilupp tas-suq uniku, u jiġi megħjun isolvi t-tilwim transkonfinali.

2.2

Din il-proposta għandha titqies flimkien mal-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (3), li jafda lil BEREC b’kompiti addizzjonali li se jgħinu biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jiġi implimentat b’mod konsistenti u jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, il-BEREC se jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-aċċess u tal-adozzjoni ta’ konnettività tad-data b’kapaċità kbira ħafna u għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment ta’ servizzi u netwerks tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll għall-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

2.3

L-għan ewlieni tal-proposta huwa għalhekk li jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-BEREC u tissaħħaħ l-istruttura ta’ governanza tiegħu billi fl-istess ħin il-BEREC u l-uffiċċju tal-BEREC jinbidlu f’aġenzija vera u proprja b’mandat usa’ sabiex ikun kapaċi jwettaq il-kompiti tiegħu fil-futur. Dan se jiżgura l-kontinwità fix-xogħol imwettaq mill-BEREC u jkompli l-ġbir tal-għarfien espert mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali, u b’hekk jiġu allinjati l-istruttura u l-governanza, it-tħaddim, il-programmazzjoni u r-responsabilità tiegħu mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati (l-“Approċċ Komuni”) (4). Barra minn hekk, il-proposta tinkorpora wkoll fir-Regolament BEREC il-kompiti assenjati lill-BEREC fir-Regolament (UE) 2015/2120 li ġie adottat dan l-aħħar u li jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat internet miftuħ u biex jitneħħew il-ħlasijiet addizzjonali tar-roaming (5). Madankollu, ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (6), li l-Kummissjoni ħabbret għal tmiem l-2016, mhuwiex inkluż.

2.4

Sabiex jintlaħaq dan l-għan il-Kummissjoni kkunsidrat erba’ alternattivi: 1) l-ebda bidla; 2) rwol konsultattiv akbar u kompetenzi msaħħa biss; 3) rwol konsultattiv b’ċerti setgħat prenormattivi u proċess aħjar tar-rieżami tas-suq u ta’ assenjament tad-dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju – is-soluzzjoni preferuta li l-proposta tispjega fid-dettall; u 4) l-istabbiliment ta’ regolatur tal-UE, bħala aġenzija msaħħa bir-riżorsi neċessarji biex takkomoda t-trasferimenti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, inklużi setgħat ta’ superviżjoni u ta’ infurzar, li tista’ taġixxi b’setgħat vinkolanti f’oqsma fejn huwa neċessarju li tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE – alternattiva eskluża mill-Kummissjoni mill-bidu nett.

2.5

Il-punti li ġejjin jispjegaw l-aspetti legali tal-alternattiva magħżula, li huma diskussi hawn isfel.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

F’għadd mill-Opinjonijiet tiegħu (7), il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u s-setgħat tal-BEREC, sabiex b’hekk jingħata l-kapaċità meħtieġa biex jaqdi rwol regolatorju effettiv għas-settur fil-livell Ewropew. B’mod ġenerali, għalhekk, jappoġġja l-intenzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

3.2

Madankollu, il-KESE ffoka fuq soluzzjoni li hija eqreb lejn l-alternattiva 4 tal-Kummissjoni, peress li jemmen li sempliċi tibdil kożmetiku fl-istatus tal-BEREC mhuwiex biżżejjed sabiex jinbidel f’awtorità regolatorja ġenwina.

3.3

Kif stqarr b’mod espliċitu fl-Opinjoni TEN/534, “Fil-fehma tal-KESE, il-bidliet proposti dwar l-istatus tal-BEREC, pereżempju l-pożizzjoni ta’ President full-time tal-Bord tar-Regolaturi, jistgħu ma jkunux biżżejjed fid-dawl tal-isfidi tal-kompetittività u l-bżonn li jinħolqu inċentivi għall-investiment, b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni broadband u n-netwerk NGN/NGA” (Punt 4.7.1).

3.4

Fil-fatt, biex il-BEREC ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu f’qasam fejn in-nuqqas ta’ regolazzjoni tajba diġà huwa magħruf sew, bħalma huma s-servizzi ta’ informazzjoni ġodda pan-UE jew globali, li bħalissa fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex regolati jew huma soġġetti għal oqfsa regolatorji mhux ċari (M2M, OTT u oqsma oħrajn ta’ importanza kbira għall-Unjoni, bħar-roaming jew is-swieq transnazzjonali), jew proċeduri ta’ assenjazzjoni vinkolanti pan-Ewropej għal meded speċifiċi, kif ukoll li jwettaq ir-responsabbiltajiet il-ġodda li ngħatawlu, mhux biss minn din il-proposta iżda iżjed u iżjed mill-proposta għal Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika, ma jidhirx li huwa aċċettabbli li l-livell ta’ intervent tal-BEREC fil-qasam ikun limitat – anke jekk infurzat – għall-kooperazzjoni jew koordinazzjoni.

3.5

Din il-proposta ċertament tonqos milli tipprovdi approċċ li jħares ’il quddiem, fis-sens ta’ integrazzjoni akbar tas-suq uniku diġitali, peress li dan jibqa’ jippermetti l-frammentazzjoni regolatorja mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

3.6

Dan jista’ jispjega r-riżultati skoraġġanti tal-evalwazzjoni tal-BEREC rapportati fil-proposta mil-lat ta’ rilevanza, effettività, effiċjenza u l-valur miżjud tal-approċċ li fuqu tibqa’ tinsisti, minkejja kollox.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

B’mod ġenerali, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kompetenzi, l-organizzazzjoni u t-tħaddim, it-test tar-regolament isegwi l-approċċ komuni għall-aġenziji tal-istess tip definit fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati u ma jirrikjedi l-ebda kumment partikolari.

4.2

Madankollu, jeħtieġ li nikkummentaw dwar il-Bord tal-Appell fir-rigward tal-garanziji tal-“imparzjalità u l-indipendenza tal-membri tagħha, abbażi ta’ kriterji trasparenti u verifikabbli b’mod oġġettiv li għandhom ikunu definiti mill-aġenziji”; b’mod partikolari, fejn “ir-reklutaġġ tal-membri tal-Bord tal-Appell” huwa “minn fost il-membri tal-aġenzija u/jew il-Bord tat-Tmexxija tal-aġenzija” dan “m’għandux jikkomprometti l-prinċipji msemmijin hawn fuq ta’ imparzjalità u indipendenza” (punt 21 tad-Dikjarazzjoni Konġunta).

4.3

Meta mqabbla mal-arranġamenti f’korpi identiċi oħrajn, bħall-EUIPO (8), l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (9), l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (10), u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (11), biex insemmu biss xi ftit minnhom, il-KESE huwa sorpriż dwar in-natura vaga tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 sa 14 tal-proposta, li jiddefinixxu l-qafas legali tal-Bord tal-Appell.

4.4

Il-KESE jinnota li effettivament ir-regolamenti kollha dwar ir-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-bordijiet tal-appell tal-aġenziji msemmija hawn fuq jistabbilixxu fid-dettall il-proċeduri applikati f’dawn il-korpi u jiddikjaraw li d-deċiżjonijiet maħruġa huma soġġetti għal rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea, li s-sentenzi tagħha huma mbagħad soġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta’ dritt.

4.5

Jirriżulta li, għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-mandat tiegħu huwa biss konsultattiv, hemm każijiet fejn, meta jittieħdu flimkien id-dispożizzjonijiet tal-Proposta għal Direttiva u d-dispożizzjonijiet tal-proposta attwali, il-BEREC jispiċċa bis-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bl-implikazzjonijiet legali għal partijiet terzi; dan se jkun il-każ ta’ ċerti deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) sa (d) dwar:

l-identifikazzjoni tas-swieq transnazzjonali;

il-mudelli għall-kuntratti fil-qosor;

il-mudell ekonomiku biex jgħin lill-Kummissjoni tiddetermina r-rati massimi ta’ terminazzjoni fl-Unjoni;

opinjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali;

l-abbozzar ta’ miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri għar-regolamentazzjoni tas-swieq;

l-abbozzar ta’ miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-ispettru tar-radju;

l-abbozzar tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni.

4.6

Eżempju tajjeb huwa l-każ tat-tilwim transkonfinali, fejn “kull parti tista’ tirriferi t-tilwim lill-awtorità jew lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati”, li mbagħad iridu “jinnotifikaw it-tilwim lill-BEREC sabiex tinstab soluzzjoni konsistenti għat-tilwim, skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3”. F’dan il-każ, “Il-BEREC għandu joħroġ opinjoni biex jindika lill-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati biex jieħdu azzjoni speċifika ħalli jissolva t-tilwim jew biex ma jieħdu l-ebda azzjoni, fl-iqsar żmien possibbli u f’kull każ fi żmien erba’ xhur, għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali”.

4.7

F’sitwazzjoni bħal din, huwa diffiċli li kwalunkwe appell kontra d-deċiżjoni quddiem entità tal-appell tat-tip previst fil-proposta jipprovdi garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità.

4.8

Irrispettivament mill-istipulazzjoni li għadu possibbli li jsir appell quddiem il-qorti, il-proċedura fil-livell amministrattiv ma jidhirx li tinkludi appell quddiem korp indipendenti b’mod ġenwin.

4.9

Il-KESE jittama li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata mill-ġdid meta titfassal il-verżjoni finali tal-proposta.

Brussell, il-25 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 13, 15.1.2016, p. 176.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” (TA(2016)0009).

(3)  COM(2016) 590 final, li dwarha l-KESE ħareġ l-opinjoni TEN/612 Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012.

(5)  Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1), fir-rigward ta’ liema proposta l-KESE adotta l-Opinjoni TEN/534 (ĠU C 177, 11.6.2014, p. 64).

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37); sitwazzjoni diġà indirizzata fl-Opinjoni TEN/612 Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Pereżempju:

Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta li temenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 (COM(2016) 399 final) (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 162, punt 4.7);

Opinjoni tal-KESE dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar miżuri ġodda għas-suq uniku tal-UE tat-telekomunikazzjonijiet (COM(2013) 627 final u COM(2013) 634 final) (ĠU C 177, 11.6.2014, p. 64, punt 4.7.1);

Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern (COM(2012) 478 final) (ĠU C 133, 9.5.2013, p. 22, punt 4.10);

Opinjoni tal-KESE dwar is-suq uniku diġitali inklużiva (ĠU C 161, 6.6.2013, p. 8, punt 3.1.1.1);

Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-Internet miftuħ u n-newtralità fl-Ewropa (COM(2011) 222 final) (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139, punt 2.4.1);

Opinoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju (COM(2010) 471 final) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment (COM(2010) 472 final) (ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53, punti 2.13 u 2.14).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996 (ĠU L 28, 6.2.1996), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 360, 7.12.2004).

(9)  Artikolu 67 et seq tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1–30).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1–21).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 tal-1 ta’ Awwissu 2008 (ĠU L 206, 2.8.2008, p. 5–13).


Top