EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4511

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni biex jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020” [COM(2016) 388 final – 2016/0182 (COD)]

OJ C 34, 2.2.2017, p. 117–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni biex jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020”

[COM(2016) 388 final – 2016/0182 (COD)]

(2017/C 034/18)

Relatur:

is-Sinjura Reine-Claude MADER

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 22/06/2016

 

Kunsill, 11/07/2016

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

[COM(2016) 388 final – 2016/0182 (COD)]

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

04/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

223/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qieset l-interessi tal-konsumaturi u ta’ min ifaddal u l-appoġġ mogħti lill-organizzazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt huwa jqis li s-servizzi finanzjarji jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura teknika tagħhom tagħmilhom ftit li xejn aċċessibbli għall-persuni mhux intiżi u minħabba l-isfidi marbuta magħhom.

1.2.

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva meħuda fil-kuntest tal-proġett pilota mniedi fi tmiem l-2011 mill-Kummissjoni, biex jappoġġja l-ħolqien ta’ ċentru ta’ konsulenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-utenti finali tas-servizzi finanzjarji sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u jwassal sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema finanzjarja tal-UE.

1.3.

Il-KESE jinnota li ż-żewġ NGOs, Better Finance u Finance Watch jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għotjiet operattivi mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ sejħiet miftuħa għall-proposti u li l-azzjonijiet tagħhom kienu s-suġġett ta’ valutazzjoni ġeneralment pożittiva fl-2015.

1.4.

Madankollu, jidhirlu li hu utli li jinsisti fuq għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti.

Legalità

1.5.

Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li l-legalità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-membri tagħhom u l-governanza tagħhom, iżda wkoll fuq l-azzjonijiet meħuda sabiex il-pubbliku jifhem in-natura teknika tal-leġislazzjoni finanzjarja u tal-għodod finanzjarji.

1.6.

F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li għandu jitwettaq sforz partikolari biex l-utenti finali jiġu tassew involuti fil-ħidma ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet. Dan għandu jintwera fil-kompożizzjoni u l-governanza tal-Finance Watch u Better Watch u f’metodi ta’ ħidma ġodda adattati.

Indipendenza, trasparenza u responsabbiltà finanzjarji

1.7.

Il-KESE jilqa’ t-trasparenza finanzjarja murija minn Finance Watch (1). Min-naħa l-oħra huwa jqis li din tal-aħħar u Better Finance għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu aktar indipendenza finanzjarja, inkluża mill-Kummissjoni Ewropea, peress li minn dan tiddependi l-kredibbiltà tal-azzjoni tagħhom u tal-legalità fir-rigward tal-pubbliku ġenerali.

1.8.

Il-KESE jfakkar li r-responsabbiltà finanzjarja ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet tista’ tiġi applikata fil-każ ta’ irregolaritajiet: il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri fil-fatt għandhom is-setgħa ta’ awditjar abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod dirett jew indirett permezz tal-għotjiet mogħtija. Min-naħa tiegħu, l-OLAF jista’ jwettaq kontrolli u verifiki fuq il-post sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (2).

1.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon in-natura pluriennali tal-pakkett finanzjarju maħsub għat-twettiq tal-programm tal-Unjoni, li għandu l-għan li jrawwem il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti finali oħra tas-servizzi finanzjarji, peress li jippermetti li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jkollhom aktar stabbiltà finanzjarja. Dawn tal-aħħar jistgħu jorganizzaw il-ħidma tagħhom u jistabbilixxu l-programm tagħhom fuq perjodu itwal.

Viżibbiltà fost il-pubbliku ġenerali

1.10.

Il-KESE jinnota li minkejja l-isforzi ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà, partikolarment permezz ta’ artikli fl-istampa ekonomika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, Finance Watch u Better Finance għadhom fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa mill-pubbliku ġenerali u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi li suppost jirċievu direttament l-bullettini tagħhom.

1.11.

Huwa jieħu nota tar-riżultati tal-valutazzjoni ex-post tal-proġett pilota li għandu l-għan li jappoġġja l-ħolqien ta’ ċentru ta’ konsulenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-utenti finali tas-servizzi finanzjarji mniedi fi tmiem l-2011 mill-Kummissjoni (3). Huwa jistieden dawn l-NGOs jiżviluppaw l-isforzi tagħhom biex jissaħħu r-rwol, l-interess u l-informazzjoni tal-utenti finali u tal-konsumaturi fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni fis-settur finanzjarju.

Bilanċ bejn il-professjonisti u l-utenti

1.12.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żviluppat għarfien tekniku sabiex l-utenti ta’ servizzi finanzjarji jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod ugwali mal-esperti tal-industrija finanzjarja. Dan l-għarfien espert huwa importanti għall-kredibbiltà tal-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet ikkonċernati fil-konfront tad-dinja tal-finanzi li għandhom aċċess għal aktar riżorsi.

1.13.

Il-KESE jappella għal bilanċ ġust favur l-idea li jkun hemm finanzjament stabbli, sostenibbli u ċċentrat fuq il-perjodu fit-tul.

2.   Preżentazzjoni tal-proposta għal Regolament  (4)

2.1.

Il-proposta hija segwitu għall-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni Ewropea mill-2007 biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi wara l-kriżi finanzjarja.

2.2.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li jiġi żgurat li l-fehma tal-konsumaturi titqies iktar, u dan wassal għall-ħolqien tal-grupp tal-utenti tas-servizzi finanzjarji (GUSF) fl-2010, għall-parteċipazzjoni sistematika tal-konsumaturi u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-gruppi ta’ esperti li mbagħad inħolqu fl-2011 u għat-tnedija ta’ proġett pilota ta’ għotjiet bil-għan li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ ċentru ta’ konsulenza finanzjarja.

2.3.

Wara s-sejħa għall-proposti mill-Kummissjoni, intgħażlu żewġ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ: Finance Watch li twaqqfet fl-2011 bħala assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ taħt il-liġi Belġjana, li l-missjoni tagħha hija li tirrappreżenta l-interessi tas-soċjetà ċivili fis-settur finanzjarju, u Better Finance, li rriżultat mir-riorganizzazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej ta’ investituri u ta’ azzjonisti eżistenti mill-2009 u destinata biex tifforma ċentru ta’ konsulenza finanzjarja, ikkostitwita partikolarment minn investituri privati, minn dawk li jfaddlu u minn utenti finali oħra.

2.4.

Dawn l-organizzazzjonijiet ibbenefikaw minn għotjiet operattivi tal-Kummissjoni Ewropea bejn l-2012 u l-2015. Finance Watch rċeviet EUR 3,04 miljun bejn l-2012 u l-2014 u Better Finance EUR 0,90 miljun fi tliet snin. Dawn l-għotjiet jirrappreżentaw 60 % tal-ispejjeż eliġibbli tagħhom.

2.5.

L-evalwazzjoni tal-2015 ikkonkludiet li l-objettivi strateġiċi stabbiliti mill-Kummissjoni kienu ntlaħqu, filwaqt li ġie enfasizzat li għandu jsir titjib fir-rigward tal-aspetti relatati mal-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet tagħhom.

2.6.

Il-Kummissjoni tindika wkoll li, minkejja l-isforzi tagħhom, dawn l-impriżi ma rnexxilhomx jiksbu finanzjament stabbli u suffiċjenti minn donaturi indipendenti fis-settur finanzjarju, u dan iwassal sabiex ikun indispensabbli l-finanzjament tal-Unjoni sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom.

2.7.

Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi, għall-perjodu 2017-2020, programm ta’ riċerka, ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż għal pubbliku li mhuwiex magħmul mill-esperti, u ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kuntatti bejn il-membri tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ li jippromovu l-pożizzjonijiet tagħhom fi ħdan l-UE.

2.8.

L-għanijiet huma li jkomplu jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti finali tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni f’dan il-qasam u jikkontribwixxu biex jinformawhom dwar il-kwistjonijiet tar-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju.

2.9.

Il-finanzjament tal-Finance Watch u ta’ Better Finance huwa ffissat għal massimu ta’ EUR 6 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2.10.

Kull sena, il-benefiċjarji għandhom jipprovdu deskrizzjoni tal-attivitajiet li saru u ta’ dawk futuri.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Bil-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew huma konxji mill-iżbilanċ bejn ir-rappreżentanza tal-professjonisti tas-settur finanzjarju fid-diversi awtoritajiet u r-rappreżentanza tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

3.2.

Abbażi tal-Artikolu 169(2)(b) tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea stess tipproponi li tikkofinanzja l-attività ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

3.3.

Il-KESE ma jistax ħlief jingħaqad ma’ dan l-għan li stabbilixxa permezz ta’ numru mill-Opinjonijiet tiegħu, fejn enfasizza l-ħtieġa li jpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tal-politiki kollha, u dan jimplika li jagħti s-setgħa lir-rappreżentanti tiegħu (5).

3.4.

Il-KESE jappoġġja, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet dwar it-tfaddil u l-investiment, l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ konsulenza finanzjarja indipendenti mill-mezzi finanzjarji, disponibbli għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi, ta’ dawk li jfaddlu u tal-utenti finali li m’għandhomx għarfien espert fil-qasam finanzjarju, waqt li jitqiesu n-natura teknika ftit aċċessibbli tagħhom mill-persuni mhux intiżi u l-isfidi ikkonċernati.

3.5.

F’dan ir-rigward, iqis li jeħtieġ li wieħed ikun ferm viġilanti dwar in-nuqqas ta’ rabtiet finanzjarji jew ta’ tip ieħor li jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv l-azzjoni ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

3.6.

Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li l-legalità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-membri tagħhom u fuq il-governanza tagħhom, iżda wkoll fuq l-azzjonijiet meħuda sabiex il-pubbliku jifhem in-natura teknika tal-leġislazzjoni finanzjarja u tal-għodod finanzjarji.

3.7.

Il-KESE jenfasizza li minkejja l-isforzi ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà, partikolarment permezz ta’ artikli fl-istampa ekonomika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, Finance Watch u Better Finance għadhom fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa mill-pubbliku ġenerali u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi li jistgħu jirċievu direttament l-bullettini tagħhom.

3.8.

Il-Kumitat jemmen li l-esperti ma għandhomx l-għan li jissostitwixxu lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, iżda li huma għandhom jingħataw il-possibbiltà li jidentifikaw l-isfidi, jevalwaw il-miżuri li għandhom jittieħdu u jressqu proposti.

3.9.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li tiġi promossal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti finali oħra fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni, waqt li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja tagħhom fis-sistema finanzjarja Ewropea.

3.10.

Il-Kumitat jieħu nota tal-programm tal-Unjoni previst mill-proposta għal Regolament u tal-għanijiet tiegħu u jixtieq jenfasizza d-diffikultà estrema li jsibu l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet biex jilħqu lill-pubbliku.

3.11.

Il-KESE jinnota li l-ħolqien ta’ Finance Watch u ta’ Better Finance tikkoinċidi mal-implimentazzjoni tal-proġett pilota (6) u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza ta’ kull wieħed mill-membri tagħhom fir-rigward tal-ambjent industrijali, kummerċjali jew ekonomiku.

3.12.

Il-Kumitat iqis li t-tul taż-żmien u l-forma tal-finanzjament magħżula huma adegwati: huwa jilqa’ b’sodisfazzjon in-natura pluriennali tal-pakkett finanzjarju maħsub għat-twettiq tal-programm tal-Unjoni biex titrawwem il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti finali oħra ta’ servizzi finanzjarji, peress li dan jippermetti li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jkollhom aktar stabbiltà finanzjarja. Dawn tal-aħħar jistgħu b’hekk jorganizzaw il-funzjonament tagħhom u jistabbilixxu l-programm tagħhom fuq perjodu itwal, anke jekk l-ammont tal-għotja proposta huwa modest fir-rigward tal-ambizzjonijiet.

3.13.

Il-KESE jqis ukoll li huwa xieraq li dawn il-korpi jsibu sorsi ta’ finanzjament addizzjonali biex jiġu żgurati l-iżvilupp tagħhom, il-bilanċ tal-kontijiet u l-indipendenza tagħhom, b’mod partikolari fil-konfront tal-Kummissjoni.

3.14.

Il-KESE jisħaqq li r-Regolament għandu jiġi adottat malajr kemm jista’ jkun sabiex ma tinkisirx id-dinamika li nbdiet bil-proġett pilota.

3.15.

Il-KESE jappoġġja l-proċedura ta’ evalwazzjoni indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk l-għanijiet intlaħqux u jekk ġewx irrispettati r-regoli ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà finanzjarji msemmija fl-Anness Artikolu 8 tal-proposta għal Regolament (7).

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Riżorsi totali għall-2015 ta’ Finance Watch: donaturi u fondazzjonijiet: 32,1 %, proġetti ta’ riċerka: 7,4 %, għotjiet Ewropej: 56,4 %, organizzazzjoni ta’ avvenimenti: 1,3 %, kontribuzzjonijiet tal-membri: 2,7 %. Sors: http://www.finance-watch.org/a-propos/gouvernance-et-financement

(2)  L-Artikolu 8 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni biex jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020 u r-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(3)  http://ec.europa.eu/finance/finservices-retail/docs/users/151222-staff-working-document_en.pdf.

(4)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni li jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jtejbu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020 – COM(2016) 388 final – 2016/0182 (COD).

(5)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89.

(6)  Proġett pilota ta’ għotjiet li għandu l-għan li jappoġġja l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ konsulenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-utenti finali u ta’ partijiet oħra interessati esterni għas-settur finanzjarju u li jsaħħaħ il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar sabiex jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li tnieda fl-2011 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ programm tal-Unjoni biex jappoġġa attivitajiet speċifiċi li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn tas-servizzi finanzjarji fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-perjodu 2017-2020 COM(2016) 388 final – 2016/0182 (COD), paġna 2.

(7)  Iċċitata qabel.


Top