EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0137

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien u l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol” (Opinjoni esploratorja)

OJ C 303, 19.8.2016, p. 54–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien u l-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 303/07)

Relatur:

is-Sinjura Kathleen WALKER SHAW

F’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar

“In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien.”

F’ittra tal-14 ta’ Marzu 2016, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika Slovakka, li se tieħu l-Presidenza tal-Kunsill f’Lulju 2016, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jipprovdi Opinjoni esploratorja bi tħejjija għall-Kunsill informali EPSCO (14-15 ta’ Lulju 2016) dwar

L-impatt tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol.

(opinjoni esploratorja)

Billi t-talba kienet toqrob ħafna lejn il-ħidma li qed issir taħt l-Opinjoni mitluba mill-Presidenza Netherlandiża, u fid-dawl tal-limiti ta’ żmien għall-Kunsill, intlaħaq ftehim li ż-żewġ talbiet jiġu kkombinati f’Opinjoni waħda.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Mejju 2016.

Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'201 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

In-natura dejjem tinbidel tax-xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol qed tiżviluppa b’pass mgħaġġel. L-isfida għall-UE hija li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u l-kreattività biex tixpruna u timplimenta eżiti pożittivi għal ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u kompetittiva. Jeħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq is-suq tax-xogħol u l-istandards, l-ekonomija, is-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u l-paga li tiggarantixxi l-għajxien. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi u ekonomija diġitali ġusta għall-ħaddiema u għall-intrapriżi ta’ kull daqs u minn kull settur, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, huma wħud mill-aktar sfidi importanti li jeħtieġ li nindirizzaw. L-Ewropa u l-imsieħba soċjali tagħha għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jiżguraw li dan il-proċess iwassal għal riżultat pożittiv, ġust u sostenibbli, u li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux ċari fid-drittijiet u l-protezzjonijiet.

1.2

Il-KESE jqisha bħala prijorità li jipproteġi l-kwalità u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-servizzi soċjali madwar l-UE kollha, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali jwettqu riċerka dwar l-aħjar prattika bħala l-bażi għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ servizzi soċjali adattati biex ikopru forom aktar flessibbli ta’ xogħol, li jiżguraw il-parteċipazzjoni f’livelli adatti ta’ protezzjoni soċjali għall-forza tax-xogħol kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom li ma jagħmlux parti mis-sistema tradizzjonali tal-għajnuna soċjali. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp tal-Pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali. Aħna nilqgħu b’sodifazzjon il-fatt li l-KESE qed jindirizza din il-kwistjoni f’Opinjoni separata.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda aktar analiżi dwar l-impatt ta' dawn l-iżviluppi fuq il-ħiliet kif ukoll valutazzjoni ta’ liema dispożizzjonijiet għat-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u l-aġġornament tal-ħiliet huma disponibbli għall-ħaddiema taħt dawn ir-relazzjonijiet ġodda biex jiġi evitat kwalunkwe effett ta’ tnaqqis tal-ħiliet ta’ dawn l-innovazzjonijiet, jew effett negattiv fuq il-kwalifiki, u jiġu żgurati opportunitajiet aħjar ta’ impjieg. Il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali għal kulħadd għandhom ikunu prijorità fl-UE.

1.4

Il-KESE jemmen li huma meħtieġa aktar data u analiżi fil-livell tal-UE dwar il-firxa tal-esternalizzazzjoni miftuħa (crowd employment), il-karatteristiċi tal-crowd workers, il-varjetajiet ta’ forom ġodda ta’ xogħol bħal dawk li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (zero hours) u kuntratti fuq talba (on-demand), il-professjonijiet ġodda, il-kuntratti tal-liġi ċivili, ix-xogħol prekarju, id-daqs tal-“ekonomija tal-pjattaforma”, is-setturi li topera fihom u d-distribuzzjoni ġeografika tagħha madwar l-UE. Dan għandu jgħin biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tan-negozju u tal-ħaddiema, meta jintużaw dawn il-forom ta’ impjieg.

1.5

L-istatistika dwar dawn l-iżviluppi għandha tinġabar b’mod aktar regolari permezz ta’ stħarriġ dwar ix-xogħol fl-Ewropa u rapporti dwar is-suq tax-xogħol li jidentifikaw l-aqwa prattika, fejn din teżisti. Dan ser jippermetti li jsir monitoraġġ tal-impatt ta’ forom ġodda tax-xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol fuq is-suq tax-xogħol u fuq l-ekonomija, u li jiġi vvalutat il-kontribut tagħhom għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba u għat-tkabbir bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika tal-impjieg tal-UE, inklużi s-Semestru tal-UE u l-Istrateġija 2020. L-Orizzont 2020 u linji ta’ finanzjament tal-UE rilevanti oħra għandhom jiffinanzjaw din ir-riċerka.

1.6

Hija meħtieġa wkoll data lonġitudinali sabiex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet tul il-ħajja ta’ forom ġodda ta’ xogħol u l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol tul il-ħajja kollha (1). Huwa importanti wkoll li jiġi identifikat il-punt sa fejn dawn huma bbażati fuq is-sessi jew relatati ma' varjabbli demografiċi oħrajn (bħall-età, id-diżabilità, l-etniċità u l-istatus ta' migrant).

1.7

Tinħtieġ b’mod urġenti kjarifika tal-istatus legali tal-intermedjarji ġodda fis-suq tax-xogħol bħall-pjattaformi onlajn sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati fl-istatistika uffiċjali, sabiex jiġi traċċat it-tkabbir tagħhom u jiġi stabbilit liema standards, obbligi, responsabbiltajiet u regoli ta’ operat għandhom japplikaw u liema korpi regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-ispezzjoni u l-infurzar, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dawn il-pjattaformi jistgħu jkunu sors ta’ innovazzjoni, opportunatijiet ta’ impjieg u tkabbir ekonomiku.

1.8

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tikkonsulta dwar id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (2) u jantiċipa li l-indirizzar ta’ forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol ser jiġi inkluż fil-proposti jekk il-Kummissjoni tal-UE tiddeċiedi li tirrevedi din il-leġislazzjoni. B’mod partikolari, huwa ttamat li jkun hemm kjarifiki fir-rigward ta’ forom ġodda ta’ xogħol waqt li fl-istess ħin ikun evitat li jiżdied il-piż amminstrattiv speċjalment fuq l-SMEs. Tista’ tiġi kkunsidrata woll l-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni bil-għan li jkopri “l-ħaddiema”; sabiex jibdew jiġu pprovduti dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-ewwel ġurnata; u sabiex jiġi ddikjarat numru minimu ta’ sigħat bil-għan li jitwaqqfu l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li, b’rabta mal-pjattaformi onlajn, il-crowdsourcing, il-persuni li jaħdmu għal rashom li huma ekonomikament dipendenti u forom ġodda oħrajn ta’ impjieg indipendenti, il-kwistjonijiet relatati mar-regolazzjoni tal-attività tal-intermedjarju, ir-responsabbiltà għall-inċidenti, il-ħsara u n-nuqqasijiet fis-servizz għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġu protetti l-ħaddiema, il-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali. Tinħtieġ kjarifika tal-applikabbiltà tar-regolamenti eżistenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal dawn il-forom ġodda ta’ impjieg, il-proċeduri għall-indirizzar tal-ksur ta’ dawn ir-regolamenti, ir-responsabbiltajiet għall-ispezzjoni u għall-assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali.

1.10

Għandu jiġi żgurat li l-ispettorati tax-xogħol jaqdu rwol sabiex ikopru dawn il-forom ta’ impjieg fil-mandat tagħhom skont il-prattiki nazzjonali, u l-ispetturi tagħhom għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi, kompetenzi u taħriġ adatti. L-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ trejdunjins, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn jistgħu jkunu utli biex jindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku u biex isibu rimedju. L-iskambju tal-aqwa prattika ser ikun parti importanti minn dan il-proċess.

1.11

Għandu jiġi analizzat ukoll l-impatt fuq il-kopertura tan-negozjar kollettiv f’setturi affettwati, minħabba li ħafna ħaddiema jistgħu jitqiegħdu barra l-istrutturi tan-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza trejdjunjonistika. Il-KESE jinsab imħasseb li meta l-ħaddiema jitqiesu bħala ħaddiema għal rashom, id-dritt tagħhom li jassoċjaw ruħhom liberament jista’ jkun f’dubju jekk l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ titqies bħala li tifforma kartell, u b’hekk ikun hemm il-periklu li jitpoġġew f’kunflitt mar-regoli tal-UE dwar il-prattiki antikompetittivi. Dan it-tħassib, li jista’ jnaqqar dan id-dritt fundamentali, jeħtieġ li jiġi indirizzat u rrimedjat. Hija meħtieġa gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ impjegat. F'dan il-kuntest, l-użu tat-tifsira tal-ILO ta’ “ħaddiem” pjuttost milli d-definizzjoni aktar stretta ta’ “impjegat”, tista’ tgħin għal fehim aħjar ta’ kif japplikaw il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol (3), li t-tgawdija tagħhom m’għandhiex tiġi mfixkla mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

1.12

Il-KESE jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-crowd workers u ta’ forom ġodda oħra ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-obbligi tal-intermedjarji, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ta’ tali ħaddiema li jinnegozjaw jew li jiddeterminaw il-paga, is-sigħat u l-kundizzjonijiet, il-btajjel, il-pensjonijiet, id-drittijiet tal-maternità, l-assigurazzjoni tas-saħħa mħallsa mill-impjegatur u drittijiet oħra tal-impjieg u li jipproteġu s-sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. Jinħtieġu wkoll linji gwida biex jiċċaraw kwistjonijiet li jistgħu ma jkunux ċari marbuta mal-istatus tal-impjieg f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni u l-assigurazzjoni soċjali.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni għall-ħaddiema onlajn u għal ħaddiema taħt relazzjonijiet ġodda oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta’ approċċ fil-livell tal-UE jkun ta’ benefiċċju, filwaqt li jinnota li l-parti l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu f’livell nazzjonali, settorjali jew f’dak tal-post tax-xogħol.

1.14

Kif indikaw l-imsieħba soċjali Ewropej, huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tippjana l-aġenda tagħha dwar il-politika tal-impjieg b’mod li tirfed it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tagħna. Hija għandha, fl-istess ħin, timmira li toħloq l-aqwa opportunitajiet possibbli ta’ impjieg ta’ kwalità tajba li jistgħu jinbtu mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna. Il-politika dwar is-suq tax-xogħol għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-protezzjoni u l-kisba mill-ġdid u l-aġġornament tal-ħiliet ta’ dawk li ser ikunu affettwati mid-diġitalizzazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti drittijiet u protezzjonijiet effettivi, monitoraġġ u infurzar f’dan ir-rigward biex jiġi evitat li jikbru l-inugwaljanzi fid-dħul u t-tnaqqis fid-dħul disponibbli u jiġi żgurat il-potenzjal sostenibbli ta’ tkabbir ekonomiku madwar l-UE.

1.15

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tqis modi kif jista’ jiġi inkoraġġit l-iżvilupp tal-pjattaformi Ewropej b’tali mod li l-valur li jinħoloq jibqa’ fl-ekonomiji lokali, u jibni fuq it-tradizzjoni rikka tal-Ewropa ta’ reċiproċità u kooperazzjoni fil-koordinazzjoni tas-suq tax-xogħol, spiss imwettqa fil-livell komunitarju u bil-kooperazzjoni attiva tat-trejdjunjins, l-impjegaturi lokali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-persuni li jaħdmu għal rashom. Huwa importanti li wieħed jikkunsidra miżuri li jgħinu lill-intrapriżi joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba billi jipprovdu appoġġ wara l-fażi inizjali “tat-tnedija” sal-istadju tal-espansjoni – “move out” – fejn attwalment hemm ħafna intrapriżi ġodda li ma għandhom l-ebda aċċess għall-finanzjament.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji, flimkien ma’ żviluppi ekonomiċi u soċjetali oħra wasslu għal żieda f’forom ġodda ta’ xogħol u tar-relazzjonijiet tax-xogħol li qed jittrasformaw u joħolqu xenarju tas-suq tax-xogħol dejjem aktar kumpless. L-innovazzjoni u l-kreattività huma importanti biex tiġi xprunata ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u kompetittiva. Huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn il-promozzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta’ dawn l-iżviluppi ġodda li jiżguraw salvagwardji neċessarji għall-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji, waqt li jiġi evitat l-abbuż tagħhom bħala mezz biex jiġu evitati prattiki ġusti tax-xogħol.

2.2

Forom ġodda ta’ impjieg għandhom il-potenzjal li joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi, jagħmluha possibbli li s-swieq tax-xogħol jiffunzjonaw aħjar, joffru flessibbiltà akbar kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi, iżidu l-awtonomija tal-ħaddiema u l-adattabbiltà tal-postijiet tax-xogħol, jippromovu l-iżvilupp tal-ħiliet u jipprovdu ambitu akbar sabiex jiġi żviluppat bilanċ pożittiv bejn ix-xogħol u l-ħajja. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi promoss impjieg ta’ kwalità tajba, id-djalogu soċjali u strutturi ta’ negozjar kollettiv kull fejn possibbli u li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-impjegaturi u l-ħaddiema; l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiema; ir-responsabbiltà għall-inċidenti, l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà professjonali; u l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa, il-protezzjonijiet soċjali u regolamenti oħra. Tinħtieġ valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistemi eżistenti tas-suq tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali biex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi sabiex jiġu evitati inugwaljanzi akbar fid-dħul, jiġi żgurat li n-nies jistgħu jiksbu dħul deċenti u affidabbli u jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

2.3

Il-KESE kkunsidra kwistjonijiet relatati ma’ dawn ix-xejriet emerġenti f’għadd ta’ Opinjonijiet (4) li kienu utli sabiex jikkontribwixxu għal din l-opinjoni esploratorja. Fin-Netherlands u s-Slovakkja, li l-Presidenza tagħhom talbet din l-Opinjoni esploratorja, l-impjieg mhux standard huwa qrib is-60 % u l-20 % rispettivament (5).

2.4

Rapporti reċenti mill-Eurofound (6) u l-ILO (7) għenu sabiex tiġi identifikata t-tranżizzjoni mir-relazzjonijiet tax-xogħol tradizzjonali għal aktar forom mhux standard ta’ impjieg matul dawn l-aħħar għaxar snin. L-ILO tgħid li t-trasformazzjoni li għaddejja fir-relazzjonijiet tax-xogħol qed ikollha riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali importanti. Hija tikkontribwixxi għad-diverġenza dejjem tikber bejn id-dħul mix-xogħol u l-produttività u hemm mnejn qed tkattar l-inugwaljanzi fid-dħul (8). Skont l-ILO (9), fost il-pajjiżi b’data disponibbli, li jkopru 84 fil-mija tat-total globali tal-impjiegi, madwar kwart tal-ħaddiema biss (26,4 fil-mija) huma impjegati b’kuntratt permanenti, waqt li f’ekonomiji bi dħul għoli iktar minn tliet kwarti tal-ħaddiema għandhom kuntratt permanenti. Għalkemm il-mudell tal-impjieg standard qed issir inqas dominanti, dan jibqa’ element importanti tal-mudell tas-suq tax-xogħol Ewropew. Hija tenfasizza l-importanza għall-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali li jidentifikaw u jiddefinixxu l-forom ġodda ta’ impjieg, jiżviluppaw u jadattaw il-politika u l-leġislazzjoni biex jiġġestixxu l-bidla u jiżguraw eżiti pożittivi li jiggarantixxu ambjent favorevoli ta’ politika u dak regolatorju li jissalvagwardja l-interessi tal-intrapriżi u l-ħaddiema f’kull forma ta’ impjieg.

3.   Xejriet ġenerali fl-impjieg: il-kuntest

3.1

L-ekonomiji Ewropej esperjenzjaw żieda f’firxa ta’ prattiki tal-impjieg li, minn naħa, joħolqu sfida għan-norma tradizzjonali ta’ impjieg permanenti full-time b’sigħat tax-xogħol definiti, drittijiet u benefiċċji maqbula u inklużjoni sħiħa fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jwasslu għal aktar ħolqien ta’ impjiegi u modi innovattivi ta’ xogħol u huwa importanti li tkun żgurata l-kwalità ta’ dawn l-impjiegi b’konformità mal-mudelli l-ġodda tan-negozju. Uħud minn dawn il-forom huma assoċjati mal-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil tax-xejriet tal-produzzjoni, pereżempju l-esternalizzazzjoni ta’ xogħol li qabel kien isir internament, uħud bl-introduzzjoni ta’ prattiki ġodda fi ħdan il-kumpaniji u oħrajn b’mudelli ta’ impjieg kompletament ġodda.

3.2

Il-forom ġodda ta’ xogħol jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għall-individwi biex jistabbilixxu ruħhom bħala intraprendituri u biex jidħlu f’okkupazzjonijiet li qabel ma kinux aċċessibbli għalihom, jew biex joħorġu mill-ekonomija sewda ta’ xogħol mhux iddikjarat. Il-kejl tal-motivazzjonijiet intraprenditorjali juri li aktar nies jibdew negozju għal raġunijiet pożittivi (pereżempju, biex jisfruttaw idea tajba bl-aqwa mod) milli għal raġunijiet negattivi (pereżempju, għax ma kellhomx għażliet oħra ta’ xogħol) (10).

3.3

Ir-relazzjonijiet ġodda tax-xogħol jinkludu kuntratti “zero hours”, “on-call” jew “fly-time only”, “mini-jobs”, “portfolio work”, xogħol ibbażat fuq kupuni (“voucher based work”), kuntratti tal-liġi ċivili, u arranġamenti ta’ kondiviżjoni tax-xogħol (“job sharing”). Dan huwa akkumpanjat minn firxa ta’ forom kuntrattwali fejn ix-xogħol jiġi organizzat permezz ta’ intermedjarji inklużi “umbrella companies”, “aġenziji tal-impjieg indipendenti” (“self-employment agencies”), “aġenziji tal-impjieg konġunt” (“co-employment agencies”) jew pjattaformi onlajn tal-“crowd sourcing”. F’ħafna minn dawn il-forom, il-ħaddiema ssir referenza għalihom bħala kuntratturi indipendenti, “assoċjati”, “taskers”, “imsieħba” jew terminoloġija oħra li xi minn daqqiet toskura l-istatus tax-xogħol tagħhom. Għalkemm ta’ spiss jitqies bħala impjieg indipendenti, parti minn dan ix-xogħol tonqos milli tissodisfa l-kriterji assoċjati ma’ impjieg indipendenti ġenwin bħall-kapaċità li jiġu definiti l-kompiti, li jiġu ffissati r-rati tal-ħlas jew li jkun hemm sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. F’ċerti setturi, ix-xogħol intermittenti, okkażjonali jew staġonali huwa tipiku, pereżempju fit-turiżmu, is-servizzi tal-ikel u x-xorb u l-agrikoltura, u jinħtieġ livell ta’ flessibilità fir-rigward kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiem. Kemm jekk tali xogħol ikun ġestit permezz ta’ aġenzija kemm jekk b’mod indipendenti, jinħtieġu regolamenti dwar kuntratti bħal dawn biex tiġi evitata l-problema tax-xogħol mhux iddikjarat.

3.4

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn intraprenditorija ġenwina, professjonisti li jaħdmu għal rashom u forom ġodda ta’ xogħol awtonomu dipendenti, u li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol. Anke għall-ħaddiema b’kuntratti tax-xogħol formali, l-iżviluppi fl-organizzazzjoni tax-xogħol relatat mal-valutazzjoni fuq il-bażi tal-kompiti u x-xogħol abbażi ta’ proġetti qed jibdlu s-sigħat tax-xogħol tradizzjonali u jaffettwaw il-pass tal-ħajja u s-sigurtà tad-dħul. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv kienu ta’ suċċess f’ħafna postijiet tax-xogħol bħaċ-ċentri telefoniċi biex jindirizzaw kwistjonijiet mhux ċari u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

4.   Id-diġitalizzazzjoni

4.1

Id-diġitalizzazzjoni tista’ żżid il-produttività u l-flessibbiltà f’negozji eżistenti u tipprovdi l-bażi għal industriji ġodda u l-impjieg, li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività tal-Ewropa. Hija taqdi wkoll rwol importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija soċjali tas-suq u fil-promozzjoni tal-ħtiġijiet tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fit-tnaqqis tad-disparitajiet bejn is-sessi fl-impjieg u fis-sigurtà soċjali, jekk tiġi ġestita b’mod effettiv. Id-dikjarazzjoni konġunta adottata reċentement mill-KETU, BusinessEurope, CEEP u UEAPME hija referenza utli dwar din il-kwistjoni (11).

4.2

Id-diġitalizzazzjoni kellha impatt kbir ħafna fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-impjieg, li titlob aktar attenzjoni politika u ġestjoni. Hija bidlet ukoll ir-relazzjonijiet mal-konsumatur, peress li wasslet għal aċċess faċli għall-beni u s-servizzi. Il-livell ta’ sodisfazzjon fost il-konsumaturi huwa għoli, iżda hemm tħassib dwar l-impatt ta’ dan fuq l-ekonomija u jinħtieġ titjib rigward mekkaniżmi effettivi f’każijiet ta’ rimedju legali. It-tfassil proattiv tal-politika fil-livelli tal-UE u dak nazzjonali għandu jiżgura li jiġi lliberat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li jiġu evitati l-iżvantaġġi tagħha (12).

4.3

Proporzjon għoli ħafna tal-popolazzjoni għandu aċċess għall-internet minn diversi postijiet u jista’, fil-prinċipju, jiġi kkuntattjat fi kwalunkwe ħin u post għal finijiet relatati max-xogħol, li jwassal għal tkabbir fix-xogħol nomadiku u l-qerda tal-konfini spazjali u temporali bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Din il-flessibbiltà tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema, fejn l-interessi tat-tnejn jiġu rispettati. Tinħtieġ analiżi iżjed fil-fond dwar jekk, u sa liema punt, il-ħajja privata u tal-familja tal-impjegati jeħtiġux protezzjoni addizzjonali fi żmien ta’ komunikazzjoni diġitali mobbli kullimkien, u liema miżuri, kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, huma adatti biex jillimitaw din id-disponibbiltà/aċċessibbiltà universali (13).

4.4

It-tixrid tal-ħiliet fl-ICT u l-familjarità mas-softwer standard u l-lingwi globali saħħew il-ħila tal-impjegaturi li jisfruttaw is-swieq tax-xogħol globali għax-xogħol esternalizzat. Dan joħloq opportunitajiet għaċ-ċittadini Ewropej sabiex jaħdmu għal klijenti globali, irrispettivament mill-post fejn ikunu jinsabu, iżda jikkawża wkoll theddid ta’ kompetizzjoni inġusta għan-negozji u l-ħaddiema, fis-sens li huma jkollhom jikkompetu ma’ kontropartijiet minn ekonomiji b’salarji baxxi għal dawn l-impjiegi li jista’ jkun li mhux qed jaderixxu mal-istandards tax-xogħol fundamentali tal-ILO u jiggarantixxu xogħol deċenti.

5.   L-iżvilupp tal-ħiliet

5.1

It-tibdil teknoloġiku jista’ jsaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet, imma jista’ jkollu wkoll il-potenzjal li jnaqqas il-ħiliet tal-ħaddiema f’okkupazzjonijiet tradizzjonali. Għandu jitqies l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-ħiliet kif ukoll il-valutazzjoni ta’ x’dispożizzjonijiet għat-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet huma meħtieġa u disponibbli għall-ħaddiema taħt dawn ir-relazzjonijiet ġodda. In-negozji li jaħdmu flimkien mat-trejdjunjins, is-CEDEFOP u l-livelli tal-gvern għandhom jiżguraw li l-ħiliet jiġu żviluppati biex jissodisfaw it-talbiet tad-dinja tax-xogħol dejjem tinbidel. Huwa kruċjali l-użu effettiv tal-Fond Soċjali tal-UE u riżorsi oħra biex jingħelbu dawn l-isfidi.

5.2

Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jimxu ’l quddiem f’impjiegi ta’ kwalità tajba fil-konfront ta’ swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, u din għandha tkun fokus ċentrali tal-aġenda tal-UE dwar il-ħiliet fil-futur. Il-valutazzjoni ta’ kif l-aħjar jiġu adattati l-ħiliet, u l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali għal kulħadd għandhom ikunu prijorità għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi bis-sehem attiv tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha. Il-KESE jinnota li dan diġà huwa impenn fil-programm ta’ ħidma tad-Djalogu Soċjali tal-UE għall-2015-2017.

6.   Statistika

6.1

Hemm nuqqas ta’ statistika affidabbli dwar dawn l-iżviluppi. Tinħtieġ data dwar il-firxa tal-esternalizzazzjoni miftuħa, il-karatteristiċi tal-crowd workers, il-varjetajiet ta’ impjieg indipendenti, l-impjieg indipendenti dipendenti ekonomikament, l-impjieg indipendenti fittizju u l-impjieg prekarju; id-daqs tal-“ekonomija tal-pjattaforma”, is-setturi li topera fihom u d-distribuzzjoni ġeografika tagħha, biex tiġi pparagunata l-pożizzjoni tal-UE fil-kuntest globali.

6.2

L-istatistika hija meħtieġa wkoll biex tippermetti l-monitoraġġ tal-impatt ta’ forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol fuq is-suq tax-xogħol, il-polarizzazzjoni tax-xogħol, id-dħul u l-ekonomija u biex tiġi appoġġjata l-politika tal-impjieg tal-UE, inklużi s-Semestru tal-UE u l-Istrateġija 2020.

6.3

Tinħtieġ ukoll data lonġitudinali biex jiġu stabbiliti l-implikazzjonijiet tul il-ħajja ta’ forom ġodda ta’ xogħol, u l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol tul il-ħajja u biex jiġi identifikat il-punt sa fejn dawn huma bbażati fuq is-sessi jew relatati ma’ varjabbli demografiċi oħra (bħall-età, id-diżabilità, l-etniċità u l-istatus ta’ migrant). Għandu jiġi analizzat ukoll l-impatt fuq il-kopertura tan-negozjar kollettiv fl-aktar setturi affettwati, minħabba li ħafna ħaddiema li jixtiequ jkunu koperti jistgħu jitqiegħdu barra l-istrutturi tan-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza trejdjunjonistika.

6.4

L-Orizzont 2020 u linji ta' finanzjament tal-UE rilevanti oħra għandhom jappoġġjaw din ir-riċerka.

7.   L-Istatus Legali tal-Intermedjarji fis-Suq tax-Xogħol

7.1

Il-forom ġodda tax-xogħol qed jiżviluppaw tant malajr li r-relazzjonijiet kuntrattwali ma jistgħux ilaħħqu, li hija r-raġuni għala jeħtieġ li nħarsu lejn l-istatus legali tagħhom. Hija meħtieġa b’mod urġenti l-kjarifika tal-istatus tal-intermedjarji fis-suq tax-xogħol u l-pjattaformi onlajn biex ikunu jistgħu jiġu identifikati fl-istatistika uffiċjali, biex jiġi intraċċat it-tkabbir tagħhom u biex jiġi stabbilit liema standards, obbligi, responsabbiltajiet u regoli tal-operazzjoni għandhom japplikaw u liema korpi regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-ispezzjoni u l-infurzar. Id-differenzi fit-termini u d-definizzjonijiet ta’ ħaddiem, impjegat, persuna li taħdem għal rasha u internat madwar l-UE jkomplu jikkumplikaw il-valutazzjonijiet.

7.2

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tikkonsulta dwar id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (14) u jantiċipa li l-indirizzar ta’ forom ġodda ta’ impjieg ser jiġu inklużi fil-mandat.

7.3

Il-pjattaformi onlajn qed joktru b’pass mgħaġġel b’impatt ġeneralment pożittiv fuq l-ekonomija, l-impjieg u l-innovazzjoni filwaqt li, f’xi każijiet, qed jiżviluppaw fuq skala tant li tirriskja li toħloq monopolji bil-potenzjal li tgħawweġ is-suq u toħloq kompetizzjoni inġusta. L-“ekonomija kollaborattiva” u mudelli ġodda ta’ impjieg oħra m’għandhomx jiġu abbużati bħala mezz biex jiġi evitat li jitħallsu pagi deċenti, li jiġu ssodisfati l-obbligi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u jiġu żgurati drittijiet u kundizzjonijiet oħra tal-impjieg billi l-ispejjeż jiġu esternalizzati għall-utenti u l-ħaddiema, u jiġu evitati r-regolamenti imposti fuq in-negozji offlajn. Dan joħloq il-periklu li n-negozji u l-ħaddiema f’setturi oħra jiġu żvantaġġati, u b’hekk jiddgħajfu l-istandards li jkun intlaħaq qbil dwarhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ekwi.

8.   Is-saħħa u s-sigurtà

8.1

L-impjieg mhux fuq il-post jista’ jinvolvi riskji ta’ saħħa u sigurtà għall-ħaddiema, il-klijenti tagħhom u l-pubbliku inġenerali. Jista’ jsir xogħol fi spazji pubbliċi jew djar privati, bl-użu ta’ materjal u tagħmir perikolużi, mingħajr struzzjonijiet jew ilbies protettiv adegwat. Ir-responsabbiltà għall-assigurazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u r-responsabbiltà professjonali tista’ tkun ambigwa. Il-ħaddiema onlajn jistgħu jwettqu xogħol intensiv quddiem l-iskrin bl-użu ta’ għamara u tagħmir li ma jissodisfawx l-istandards ergonomiċi.

8.2

Ir-responsabbiltà għas-sigurtà u l-inċidenti hija kwistjoni mhux ċara fir-rigward ta’ xi pjattaformi onlajn u jeħtieġ li tissolva sabiex ikunu mħarsa l-ħaddiema, il-klijenti u l-pubbliku inġenerali.

8.3

Fis-seduta ta’ din l-Opinjoni (15) kien hemm referenza għal kwistjonijiet oħra li jeħtieġ li jiġu analizzati, inklużi l-eżawriment, minħabba sigħat tax-xogħol twal u mhux irregolati, u l-istress marbut man-natura imprevedibbli tax-xogħol u tad-dħul, l-assenza ta’ ħlas għal xogħol irrifjutat, meta persuna tirċievi klassifikazzjoni ħażina min-naħa tal-klijenti li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata, meta persuna tiġi “diżattivata” mill-pjattaforma jew mill-kuntratt, l-isfidi tal-ġestjoni tar-responsabbiltajiet ta’ kura mingħajr skeda tax-xogħol ċara, l-iżolament soċjali u l-effetti kkombinati meta persuna jkollha impjiegi differenti.

8.4

Tinħtieġ kjarifika dwar kemm dawn il-forom ġodda ta’ impjieg huma protetti mir-regolamenti eżistenti tal-UE u dawk nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u mill-proċeduri biex jiġi indirizzat kwalunkwe ksur ta’ dawn ir-regolamenti, ir-responsabbiltajiet għall-ispezzjoni u għall-assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali. L-EU-OSHA bbażata f’Bilbao tista tgħin bir-riċerka u l-analiżi f’dan il-qasam.

8.5

Għandu jiġi żgurat li l-ispettorati tax-xogħol jaqdu r-rwol li jkopru dawn il-forom ta’ impjieg fil-mandat tagħhom skont il-prattiki nazzjonali, u l-ispetturi tagħhom għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi, kompetenzi u taħriġ adatti biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom. L-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ trejdunjins, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew assoċjazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn jistgħu jkunu utli biex jindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku u biex isibu rimedju legali.

9.   Status tal-impjieg

9.1

Il-forom ġodda tal-impjieg jaffettwaw firxa wiesgħa u eteroġena ta’ okkupazzjonijiet, li jkopru x-xogħol li qabel kien fl-ekonomija informali, ix-xogħol freelance u x-xogħol li normalment isir minn impjegati diretti. L-introduzzjoni ta’ dan tista’ toħloq sitwazzjonijiet fejn kompiti identiċi jitwettqu f’ambjenti identiċi minn ħaddiema bi status differenti u jinħolqu inugwaljanzi b’rabta mal-protezzjonijiet, id-drittijiet u r-rati tal-ħlas.

9.2

L-introduzzjoni ta’ intermedjarji ġodda fir-relazzjonijiet tax-xogħol wasslet f’ċerti każijiet għal nuqqas ta’ trasparenza fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, u b’hekk fixklet in-negozjati individwali tat-termini tax-xogħol u rrestrinġiet l-aċċess tal-ħaddiema għan-negozjar kollettiv.

9.3

Jitqajmu dubji dwar liema parti għandha titqies bħala l-impjegatur u dwar kif għandu jiġi ddefinit l-impjieg indipendenti, inklużi d-definizzjoni legali u s-sistema ta’ penali għall-provvista illegali tax-xogħol u forom aktar serji ta’ sfruttament. Jeżistu bosta mudelli differenti ta’ impjieg fuq il-pjattaformi onlajn, inklużi eżempji ta’ pjattaformi li bdew joffru status ta’ impjegat lill-ħaddiema tagħhom fl-interessi tat-titjib tal-kwalità u t-tnaqqis tal-fatturat (16). L-istatus tal-impjegati jipprovdi aċċess għal drittijiet tax-xogħol oħrajn. Meta l-ħaddiema jitqiesu bħala ħaddiema għal rashom, id-dritt tagħhom li jassoċjaw ruħhom liberament jista’ jkun f’dubju jekk l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ titqies bħala li tifforma kartell, u b’hekk tpoġġihom f’kunflitt mar-regoli tal-UE dwar il-prattiki antikompetittivi. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet fejn ħaddiema li apparentement jaħdmu għal rashom ma jkollhomx awtonomija fid-definizzjoni tal-kompiti u r-rati tal-ħlas tagħhom.

9.4

Il-KESE jitlob sabiex issir investigazzjoni dwar l-istatus tax-xogħol tal-“crowd workers” u forom ġodda oħrajn ta’ relazzjonijiet tax-xogħol, billi tiġi kkunsidrata l-kapaċità tagħhom li jinnegozjaw it-termini, il-forma tal-ħlas (u min jiddeterminaha) u s-sjieda tal-proprjetà intellettwali prodotta. L-investigazzjoni għandu jkollha l-għan li tipprovdi gwida b’mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiċċaraw, b’konformità mal-prattiki nazzjonali tagħhom, l-istatus tat-taxxa, tal-assigurazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema, u l-obbligi ta’ dawn il-pjattaformi b’rabta mas-sigħat tax-xogħol, il-paga, il-btajjel, il-pensjonijiet, id-drittijiet tal-maternità, l-assigurazzjoni tas-saħħa mħallsa minn min iħaddem u drittijiet okkupazzjonali oħrajn.

10.   Id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-ħaddiema

10.1

Hija meħtieġa kjarifika tad-drittijiet tal-“crowd workers” u ta’ ħaddiema oħrajn f’relazzjonijiet tax-xogħol prekarji u varjabbli fir-rigward ta’ firxa ta’ kwistjonijiet, inklużi:

is-sigħat tax-xogħol;

in-negozjar kollettiv;

il-libertà tal-assoċjazzjoni;

informazzjoni u konsultazzjoni;

l-addattament tal-ħiliet;

waqfiet ta’ mistrieħ;

id-dritt għall-protezzjoni soċjali permezz tal-assigurazzjoni u l-benefiċċji;

id-dritt li jiġu kkontestati deċiżjonijiet inġusti tal-maniġment/klassifikazzjonijiet tal-utenti/tkeċċija inġusta de facto;

id-dritt li jiġi rrifjutat xogħol offrut fi żmien qasir mingħajr penali;

pagi ġusti; u

id-dritt għal ħlas għal xogħol mitmum.

10.2

Il-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO għandhom jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjonijiet għall-ħaddiema onlajn u għal ħaddiema taħt relazzjonijiet ġodda oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta’ approċċ fil-livell tal-UE jkun ta’ benefiċċju, filwaqt li jinnota li l-parti l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu f’livell nazzjonali, settorjali jew f’dak tal-post tax-xogħol.

10.3

It-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom dan l-aħħar bdew jingħaqdu flimkien sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal soluzzjonijiet aħjar u kopertura tal-ħarsien soċjali u l-benefiċċji.

11.   Iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien

11.1

Il-forom ġodda tar-relazzjonijiet tax-xogħol mhumiex ristretti għal impjiegi ta’ servizz jew impjiegi manwali li jirrikjedu ħiliet baxxi. Il-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol u forom oħrajn ta’ xogħol “fuq talba” qegħdin jinfirxu għal impjiegi b’pagi ogħla u li jirrikjedu ħiliet ogħla, inklużi lekċerers, bdoti tal-linji tal-ajru u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u oħrajn fis-servizz pubbliku, li qegħdin iwasslu għall-periklu li jitnaqqas il-potenzjal tad-dħul u s-sigurtà fl-impjieg.

11.2

Il-kapaċità għal wisq xogħol u servizzi bbażati fuq l-ICT u l-midja li jiġi prodott kullimkien fid-dinja toħloq iżjed kompetizzjoni inġusta għan-negozji u l-ħaddiema għaliex dan ix-xogħol qiegħed dejjem iżjed jiġi esternalizzat lejn ekonomiji b’salarji baxxi u b'hekk jitbaxxew ir-rati nnegozjati b’mod kollettiv.

11.3

Ir-riċerka (17) wriet li d-diġitalizzazzjoni qiegħda tippolarizza l-impjieg bejn dawk b’ħiliet għolja u mħallsa sewwa u dawk b’ħiliet baxxi u mħallsa pagi baxxi, u li huma l-ħaddiema meqjusa bħala li għandhom ħiliet moderati u bi dħul medju fil-qasam bankarju, fl-assigurazzjoni u fl-amministrazzjoni li huma l-vittmi f’suq tax-xogħol dejjem aktar inugwali. Ħafna jkunu sfurzati jagħmlu aktar minn xogħol wieħed sabiex ikollhom paga li tiggarantixxi l-għajxien tagħhom. Madankollu, xi wħud minn dawn il-ħaddiema indipendenti huma professjonisti bi kwalifiki għolja u b’esperjenza li huma konxji tal-pożizzjoni tagħhom fis-suq, jafu xi jsarrfu u jixtiequ jkomplu n-negozju ġenwinament għall-akkont tagħhom stess, jew qed iqisu x-xogħol indipendenti tagħhom bħala mod biex jiddiversifikaw il-fluss tad-dħul tagħhom, ikollhom alternattiva f’każ li jitilfu s-sors prinċipali tad-dħul tagħhom, jagħmlu l-flus minn qasam li ġenwinament iħobbu u jesploraw opportunitajiet ġodda ta’ karriera u negozju; iż-żewġ realtajiet jeżistu, u għandhom jiġu żgurati drittijiet u protezzjonijiet li huma meħtieġa għal kulħadd.

11.4

Xi forom ġodda ta' impjieg kienu xprunati minn xewqa li jiġu evitati l-ispejjeż u l-obbligi ta' forom iżjed standard ta' impjieg. Hemm riskju li mingħajr drittijiet u protezzjonijiet effettivi, u mingħajr monitoraġġ u infurzar, ħafna forom ġodda ta’ relazzjonijiet tax-xogħol iwasslu biex jitnaqqas il-livell tal-pagi u tal-kundizzjonijiet, u ser iżidu l-inugwaljanzi dejjem akbar tad-dħul, inaqqsu d-dħul disponibbli u jrażżnu d-domanda u l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku madwar l-UE u jwasslu għal iżjed sfidi makroekonomiċi fit-tul. Il-kapaċità ta’ dawn il-ħaddiema li jiddeterminaw il-livelli tal-ħlas u l-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ ftehimiet kollettivi hija vitali sabiex tinżamm paga li tiggarantixxi l-għajxien.

11.5

Il-ħlas f’forom ġodda ta’ impjieg ta’ spiss ikun ibbażat fuq l-ikkompletar ta’ kompiti speċifiċi minflok fuq ir-rati fis-siegħa. Il-prinċipju tar-remunerazzjoni ġusta għandu jinżamm f’dawn iċ-ċirkostanzi kollha u għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti rilevanti kollha tar-remunerazzjoni bħall-kwalità tax-xogħol prodott u l-kumpens għall-ħin tax-xogħol (18).

11.6

Billi s-sistemi ta’ appoġġ għall-familji u dawk tal-għajnuna soċjali jvarjaw madwar l-UE, huwa importanti li jiġi vvalutat l-impatt ta’ forom ġodda ta’ impjieg fuq il-finanzjament tal-politiki dwar l-appoġġ għall-familji, filwaqt li jiġi rikonoxxut li paga għall-għajxien waħda tista’ ma tkunx biżżejjed biex issostni familja bit-tfal.

11.7

Il-kwistjonijiet relatati mal-pagi ma jistgħux jitqiesu f’iżolament mill-interfaċċja problematika bejn il-pagi u s-sistemi tat-taxxi/tas-sigurtà soċjali u tal-benefiċċji f’relazzjonijiet tax-xogħol definiti b’mod inqas ċar. Għal darb’oħra, iċ-ċarezza dwar min huwa l-impjegatur, u l-istatus tal-ħaddiem huma kruċjali.

12.   Protezzjoni soċjali

12.1

Il-KESE jirrikonoxxi d-diversità tas-sistemi madwar l-Istati Membri, u jemmen li r-riċerka hija meħtieġa għall-iżvilupp ta’ mudelli ta’ servizzi soċjali adattati biex ikopru swieq tax-xogħol aktar flessibbli u jiżguraw dħul sostenibbli u adegwat li jiggarantixxi eżistenza dinjituża. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp tal-Pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali. Nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-KESE qed jindirizza din il-kwistjoni f’Opinjoni separata.

12.2

Hekk kif is-swieq tax-xogħol isiru aktar fluwidi, b’popolazzjoni dejjem tikber ta’ ħaddiema li ma jkunux jafu minn qabel meta u fejn ser ikunu qegħdin jaħdmu, qed ikun hemm inkompatibbiltajiet dejjem akbar mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali li huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li jistgħu jsiru distinzjonijiet ċari bejn l-istatus ta’ “persuna impjegata” u dak ta’ “persuna qiegħda”. Tali inkompatibbiltajiet la jibbenefikaw lin-negozji u lanqas lill-ħaddiema.

12.3

Sehem dejjem jikber tal-forza tax-xogħol jista’ ma jkunx qed jikkontribwixxi għal, jew jibbenefika minn, sistemi stabbiliti tas-sigurtà soċjali bħal benefiċċji jew assigurazzjoni tal-qgħad, tas-saħħa u tal-pensjoni. Dan diġà huwa s-suġġett ta’ dibattitu bejn l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet f’xi Stati Membri fejn l-imsieħba soċjali huma parteċipanti ewlenin, imma jeħtieġ li jiġi estiż madwar l-UE, u jinvolvi lill-awtoritajiet lokali, parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet u fornituri, bil-ħsieb li jiġu definiti miżuri ta’ politika u leġislazzjoni vijabbli u sostenibbli u miżuri komplementari li jiżguraw il-parteċipazzjoni f’livelli adatti ta’ protezzjoni soċjali għall-forza tax-xogħol kollha – inklużi l-ħaddiema għal rashom, il-crowd workers u l-ħaddiema fl-ekonomija kollaborattiva.

12.4

Il-KESE jirrikonoxxi li hemm differenzi sostanzjali fil-provvista ta’ sistemi ta’ għajnuna soċjali fl-Istati Membri. Filwaqt li hemm ħtieġa ċara li tiġi vvalutata l-vijabbiltà tas-sistemi tal-għajnuna soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li jinħolqu mill-iżviluppi ġodda fis-swieq tal-ekonomija u tax-xogħol, il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġi ssalvagwardjat id-dħul, u titjieb il-kwalità globali, l-affidabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-effettività tar-reġimi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali madwar l-UE, li f’ħafna Stati Membri attwalment jiddependu minn rati għolja ta’ xogħol standard u l-kontribuzzjonijiet relatati tagħhom. Dan it-telf fl-effettività jhedded in-nisġa tal-mudell soċjali Ewropew u tal-ekonomija soċjali tas-suq, li hija mibnija fuq impenn pubbliku qawwi fl-iffinanzjar u l-forniment ta’ servizzi ta’interess ġenerali u ta’ sistemi effettivi ta’ sigurtà soċjali.

12.5

Jeħtieġ li s-sistemi tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali jiġu eżaminati bir-reqqa biex jiġu żgurati livelli adatti ta’ tassazzjoni u kontribuzzjonijiet soċjali għall-forom kollha tad-dħul, sew jekk iġġenerat f’setturi organizzati b’mod konvenzjonali sew fl-ekonomija kollaborattiva/tal-pjattaformi. Il-KESE jemmen li r-rwol ta’ dawn il-pjattaformi jista’ jiġi ċċarat b’dispożizzjonijiet u leġislazzjoni, fejn meħtieġ, li jiddefinixxu l-protezzjoni kemm għall-impjegati kif ukoll għall-ħaddiema għal rashom, u jkunu inklużi fis-sistema tal-protezzjoni soċjali kemm mil-lat tar-regolazzjoni kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet. L-UE għandha tinkoraġġixxi u tikkoordina riformi fil-livell tal-Istati Membri, ibbażati fuq l-aħjar prattika.

13.   Niżguraw benefiċċji għall-UE mill-iżviluppi l-ġodda

13.1

Il-pjattaformi onlajn huma innovazzjoni li diġà hija realtà ekonomika fl-Ewropa. Madankollu, fil-preżent, proporzjonijiet għolja huma bbażati barra l-UE u jieħdu parti sostanzjali minn kull tranżazzjoni fl-UE, li xi drabi jammontaw għal 25 % tal-valur, il-biċċa l-kbira lil hinn mill-kosta. Jistgħu jħallsu ftit jew l-ebda taxxa jew kontribuzzjoni għall-edukazzjoni, l-infrastruttura jew is-servizzi pubbliċi fil-lokalitajiet fejn joperaw fl-Ewropa. Fejn il-ħaddiema mhumiex ġenwinament ħaddiema għal rashom, jista’ jkun hemm diskrepanzi fil-ħlasijiet tat-taxxa, il-pensjonijiet jew sistemi oħra ta’ protezzjoni soċjali. Jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u tkabbir fl-UE, u tal-kontribut tagħhom għalihom.

13.2

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra modi kif jista’ jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta’ pjattaformi Ewropej b’tali mod li l-valur li jinħoloq jibqa’ fl-ekonomiji lokali, abbażi tat-tradizzjoni rikka tal-Ewropa ta’ reċiproċità u kooperazzjoni fil-koordinazzjoni tas-suq tax-xogħol, ta’ spiss imwettqa fil-livell komunitarju u bil-kooperazzjoni attiva tat-trejdjunjins u tal-impjegaturi lokali. Huwa importanti li jiġu kkunsidrati miżuri li jgħinu lill-intrapriżi joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità tajba billi jingħata appoġġ wara l-fażi inizjali “tat-tnedija” sal-istadju tal-espansjoni – “move out” – , fejn attwalment hemm ħafna intrapriżi ġodda li ma għandhom l-ebda sostenn.

Brussell, 25 ta’ Mejju 2016

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  France Stratégie, “Le compte personnel d'activité de l'utopie au concret”, rapport finali.

OECD, “Employment Outlook 2014”, p. 179

(2)  Direttiva 91/533/KE

(3)  Kif turi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża FNV-KIEM (http://curia.europa.eu/juris/liste.jsf?num=C-413/13) fl-2015, hemm lok ċar għall-interpretazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ impjegat. Studju li sar fl-2014 dwar l-Arranġamenti Kuntrattwali għall-Awturi u l-Artisti minn IVIR enfasizza wkoll l-eżenzjonijiet settorjali bħala mod possibbli ’l quddiem billi enfasizza eżempju rilevanti mill-Ġermanja, fejn l-Artikolu 12a tal-Att dwar in-Negozjar Kollettiv jippermetti ċerti awturi u artisti li jaħdmu għal rashom li jibbenefikaw min-negozjar kollettiv. L-istudju jispeċifika li dawn l-eżenzjonijiet huma maħsuba li jaqdu l-interess pubbliku billi jagħtu protezzjoni lil grupp li ekonomikament u soċjalment jixraqlu din il-protezzjoni bl-istess mod bħall-impjegati.

(4)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 77; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 43; ĠU C 161, 6.6.2013, p.14; OJ C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

(5)  OECD, “Reducing labour market polarisation and segmentation”, preżentazzjoni ta’ S. Scarpetta, 2014.

ILO – Report for discussion of the meeting of Experts on non-standard forms of employment

ILO – Conclusions of the meeting of experts on non-standard forms of employment

(6)  Eurofound, “New forms of employment”

Eurofound, “Harnessing the crowd – A new form of employment”

(7)  ILO, “The changing nature of jobs – World Employment and Social Outlook 2015”.

ILO, “Regulating the employment relationship in Europe: A guide to Recommendation” – Employment Relationship Recommendation 2006 (no 198).

(8)  ILO, “The changing nature of jobs – World Employment and Social Outlook 2015”, p 13-14

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8, p. 30.

(10)  GEM 2015/2016 Global Report.

(11)  Statement of the European Social Partners on digitalisation.

(12)  ĠU C 13, 15.1.2016, p 161, punti 1.3, 1.5.8 u 5.6.

(13)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161, punt 4.4.

(14)  Ara nota nru 2 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Seduta pubblika dwar “L-evoluzzjoni tan-natura tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-ekonomija kollaborattiva, il-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol u paga li tiggarantixxi l-għajxien”, il-KESE, 31 ta’ Marzu 2016.

(16)  http://www.nytimes.com/2015/12/11/business/a-middle-ground-between-contract-worker-and-employee.html

(17)  http://www.liberation.fr/debats/2015/09/03/daniel-cohen-il-faut-une-societe-dans-laquelle-perdre-son-emploi-devienne-un-non-evenement_1375142

(18)  Il-ħin tal-ivvjaġġar jitqies bħala ħin tax-xogħol, ara Tyco, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, 10 ta’ Settembru 2015.


Top