EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0627

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

COM/2015/0627 final - 2015/0284 (COD)

Brussell, 9.12.2015

COM(2015) 627 final

2015/0284(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

(Test b'rilevanza taż-ŻEE)

{SWD(2015) 270 final}
{SWD(2015) 271 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-internet sar mezz prinċipali għad-distribuzzjoni tal-kontenut. Fl-2014, 49 % tal-utenti Ewropej tal-internet aċċessaw mużika, vidjows u logħob onlajn 1 u dan mistenni li jikber fil-futur. It-tablets u l-ismartphones ikomplu jiffaċilitaw dawn il-forom ta’ użu, b'51% ta' individwi fl-UE jużaw apparat mobbli biex jaqbdu mal-internet 2 .

L-involviment rapidu tas-servizzi tal-kontenut onlajn u l-użu li qed jiżdied tat-tagħmir portabbli, inkluż bejn il-fruntieri, ifisser li llum l-Ewropej jistennew li jużaw is-servizzi tal-kontenut onlajn minn kwalunkwe post li jkunu jinsabu fih fl-Unjoni. Wieħed mill-għanijiet tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni 3 huwa li jippermetti aċċess onlajn usa' għax-xogħlijiet fl-UE kollha.

Il-portabbiltà transkonfinali tikkonċerna servizzi tal-kontenut onlajn li l-konsumaturi għandhom aċċess legali għalihom, jew kontenut li xtraw jew krew onlajn fil-pajjiż tar-residenza tagħhom u li jridu jibqgħu jkollhom aċċess għalih meta jivvjaġġaw fl-UE. Id-domanda tal-konsumaturi għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn hija sostanzjali u mistennija tikber 4 . Madankollu, meta n-nies jivvjaġġaw fl-UE, spiss ma jkunux jistgħu jgawdu minn din il-portabbiltà transkonfinali jew ikunu jistgħu jagħmlu hekk biss b'mod limitat. In-nuqqas ta’ portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-UE, jew il-problemi assoċjati, jirriżulta mill-prattiki tal-liċenzjar tad-detenturi tad-drittijiet u/jew mill-prattiki kummerċjali tal-fornituri ta’ servizzi.

Din il-proposta għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali sabiex il-ħtiġijiet tal-utenti jkunu jistgħu jiġu ssodisfati b'mod iktar effettiv, kif ukoll li tippromwovi l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi, il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet. Il-proposta tintroduċi approċċ komuni fl-Unjoni, filwaqt li żżomm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet. B'hekk, tikkontribwixxi lejn il-funzjonament tas-suq intern bħala żona mingħajr fruntieri interni, fejn għandha tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam ta' politika

L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tipproponi medda ta' inizjattivi bl-għan li jinħoloq suq intern għall-kontenut u s-servizzi diġitali. Din il-proposta hija fost l-ewwel inizjattivi tal-Istrateġija. Hija se tiġi segwita minn inizjattivi oħra fl-oqsma identifikati fl-Istrateġija, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. It-tneħħija tal-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali hija l-ewwel pass sinifikanti li jindirizza ostaklu speċifiku għall-aċċess transkonfinali għall-kontenut li huwa importanti għall-konsumaturi. Intervent bikri mmirat f'dan il-qasam huwa wkoll f'waqtu peress li l-konsumaturi qegħdin joqorbu lejn id-data meta se jispiċċaw it-tariffi tar-roaming għall-vjaġġaturi fl-UE 5 .

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi, għall-għanijiet tal-portabbiltà transkonfinali fil-kamp tal-applikazzjoni ta' din il-proposta, il-post fejn iseħħ l-att tal-isfruttament tax-xogħlijiet u materjali protetti oħra għall-finijiet tad-Direttiva 96/9/KE 6 , id-Direttiva 2001/29/KE 7 , id-Direttiva 2006/115/KE 8 u d-Direttiva 2009/24/KE 9 .

Il-proposta tikkumplimenta d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern 10 u d-Direttiva 2000/31/KE dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 11 .

Din il-proposta tikkontribwixxi wkoll lejn it-titjib tat-twassil transkonfinali tas-servizzi tal-midja awdjoviżivi u għalhekk tikkumplimenta d-Direttiva 2010/13/UE 12 .

Konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tqis l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha skont it-Trattati. Din il-proposta ttejjeb l-aċċess għall-kontenut kulturali peress li tippermetti lill-konsumaturi jkollhom esperjenza aħjar tal-kontenut permezz ta' aċċess iktar faċli waqt li jivvjaġġaw fl-UE.

Din il-proposta tikkontribwixxi lejn il-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u għalhekk hija konsistenti mal-politiki tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-Artikolu 169 tat-TFUE.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dan l-Artikolu jagħti s-setgħa lill-UE biex tadotta miżuri li għandhom bħala għan it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern. Dan jinkludi l-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi.

Is-servizzi tal-kontenut onlajn fil-kamp tal-applikazzjoni tal-proposta, b'mod predominanti jiddependu fuq id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni. L-UE armonizzat il-qasam tad-drittijiet tal-awturi fir-rigward tad-drittijiet li huma rilevanti għat-tixrid onlajn ta’ xogħlijiet u ta' materjal ieħor protett (notevolment id-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-dispożizzjoni).

L-inizjattiva attwali tikkonċerna l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet armonizzati bejn il-fruntieri f'dak li jikkonċerna l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn. Peress li din taffettwa d-drittijiet armonizzati mill-qafas tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, għandha tiddependi fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi legali fejn l-istrument propost ikun regolament.

Ċerti elementi tas-servizzi tal-kontenut onlajn, bħall-avvenimenti sportivi, l-aħbarijiet u dibattiti politiċi mhux bilfors ikunu protetti bid-drittijiet tal-awtur. Madankollu, meta dan il kontenut jiġi inkluż fit-trażmissjonijiet bi kwalunkwe mod, inkluż minn organizzazzjonijiet tax-xandir, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jinvokaw drittijiet relatati armonizzati f'livell tal-UE, bħad-dritt tar-riproduzzjoni jew id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni. Barra minn hekk, it-trażmissjonijiet tal-avvenimenti sportivi, l-aħbarijiet u avvenimenti attwali, ta' spiss ikunu akkumpanjati minn elementi protetti mid-drittijiet tal-awtur, bħal sekwenzi ta' vidjows tal-ftuħ u l-għeluq jew mużika ta’ akkumpanjament. Dawn l-elementi jaqgħu fil-qafas armonizzat tal-UE. Barra minn hekk, ċerti aspetti ta' dawn it-trażmissjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà jew ta' interess kbir għall-pubbliku ġew armonizzati bid-Direttiva 2010/13/UE. Sabiex jitwasslu bis-sħiħ il-benefiċċji tal-portabbiltà transkonfinali lill-konsumaturi, huwa importanti li fil-proposta jiġu inklużi l-elementi kollha ta' dawn it-trażmissjonijiet.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Fl-essenza tagħha, il-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn hija kwistjoni ta' natura transkonfinali. Barra minn hekk, peress li d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati ġew armonizzati fil-livell tal-UE, l-Unjoni biss tista' temenda l-qafas legali. L-Istati Membri, għalhekk, ma jistgħux jintervjenu bil-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiżguraw il-portabbiltà transkonfinali. Għalhekk, din l-azzjoni tista' tittieħed biss fil-livell tal-UE.

F’termini ta’ effettività, intervent tal-UE biss jista' jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-konsumaturi għas-servizzi tal-kontenut onlajn ma jvarjawx fl-Unjoni Ewropea. L-azzjoni tal-UE se tipproduċi wkoll benefiċċji ċari għad-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi billi toħloq kundizzjonijiet uniformi għall-forniment ta’ portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Ewropa kollha. Din se tiżgura ċertezza legali ikbar u se telimina l-ħtieġa li jiġi nnegozjat mill-ġdid in-netwerk sħiħ ta' liċenzji eżistenti għall-għanijiet ta' portabbiltà transkonfinali.

Proporzjonalità

Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-forniment transkonfinali tas-servizz tal-kontenut onlajn (dispożizzjoni li tillokalizza l-post tal-forniment, kif ukoll l-aċċess għas-servizz u l-użu tiegħu) u timponi obbligu, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq il-fornitur tas-servizz biex jippermetti l-portabbiltà transkonfinali. Din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex issolvi l-problemi identifikati. Hija ma taffettwax il-liċenzjar tad-drittijiet b'mod sostanzjali u għalhekk għandha effett limitat fuq il-mudelli tan-negozju tad-detenturi tad-drittijiet u tal-fornituri tas-servizzi. Il-proposta mhux se tobbliga lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi jerġgħu jinnegozjaw kuntratti, peress li kwalunkwe dispożizzjonijiet fil-kuntratti li jmorru kontra l-obbligu li tiġi pprovduta l-portabbiltà transkonfinali se jkunu magħmula mhux infurzabbli minnha.

Barra minn hekk, il-proposta ma timponi l-ebda spejjeż sproporzjonati fuq il-fornituri tas-servizzi. Il-proposta ma teħtieġx li l-fornitur tas-servizzi tal-kontenut onlajn jieħu miżuri biex jiżgura l-kwalità tal-konsenja ta' dawn is-servizzi barra l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Barra minn hekk, il-proposta mhux se tobbliga lill-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi bla ħlas biex jipprovdu portabbiltà transkonfinali meta ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, peress li dan ir-rekwiżit jinvolvi bidla kbira fil-mod kif iwasslu s-servizzi tagħhom u jista' jinvolvi spejjeż sproporzjonati.

L-għażla tal-istrument

Regolament ikun direttament applikabbli fl-Istati Membri u jidħol fis-seħħ fl-istess ħin. Dan l-istrument ikun l-aħjar għall-ksib tal-għan li tiġi żgurata l-portabbiltà tal-kontenut onlajn fl-UE kollha. Huwa jippermetti applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-portabbiltà fl-Istati Membri kollha u jiggarantixxi li d-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi onlajn minn Stati Membri differenti jkunu soġġetti għall-istess regoli preċiżi.

3.IR-RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONIJIET EX-POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Saret konsultazzjoni pubblika kbira dwar ir-reviżjoni tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur tal-UE minn Diċembru tal-2013 sa Marzu tal-2014. Fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandhom x'jaqsmu mat-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur, gruppi differenti ta' partijiet ikkonċernati qajmu b'mod espliċitu l-kwistjoni tal-portabbiltà transkonfinali. Fl-2013, il-Kummissjoni wettqet id-djalogu "Liċenzji għall-Ewropa" mal-partijiet ikkonċernati 13 . Grupp ta' ħidma wieħed iffoka b'mod speċifiku fuq il-kwistjoni tal-portabbiltà transkonfinali.

Fl-ewwel għaxar xhur tal-2015, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati (konsumaturi, detenturi tad-drittijiet, organizzazzjonijiet sportivi, xandara, fornituri tas-servizzi onlajn), inkluż permezz ta' gruppi ta' ħidma ta' partijiet ikkonċernati speċifiċi, biex tivvaluta l-impatt ta' intervent tal-UE possibbli f'dan il-qasam, inkluż id-diskussjoni ta' għażliet disponibbli.

Biex ngħidu fil-qosor il-fehmiet dwar il-proposta tal-partijiet ikkonċernati affettwati, il-konsumaturi ġeneralment huma favur it-titjib tal-aċċess transkonfinali għall-kontenut onlajn, inkluża l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi onlajn; l-industrija tal-kontenut, ir-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet u tal-fornituri tas-servizzi mhumiex kontra l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn, iżda normalment huma favur soluzzjonijiet immexxija mill-industrija u strumenti legali mhux vinkolanti, u mhux għal obbligi legali f'dan il-qasam.

Filwaqt li strument mhux vinkolanti bħal rakkomandazzjoni li tinkoraġġixxi l-portabbiltà transkonfinali ma jistax jappoġġa l-iżviluppi tas-suq f'dan il-qasam, l-effettività ta' dan l-istrument tista' tkun limitata ħafna. Din tiddependi fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda mill-atturi tas-suq differenti. Għalhekk, ma twassalx għal implimentazzjoni omoġenja u mhux se tkun biżżejjed biex tiżgura li l-konsumaturi tal-UE jiġu offruti l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni kollha.

Il-proposta tinkorpora fiha numru ta' kwistjonijiet ta' tħassib indikati mill-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari: li ma jiġix impost dazju biex tiġi pprovduta l-portabbiltà fuq dawk il-fornituri tas-servizzi li jwasslu servizzi bla ħlas u mingħajr l-awtentikazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur; li l-fornituri tas-servizzi ma jiġux obbligati jwasslu s-servizz bejn il-fruntieri bl-istess kwalità tal-konsenja bħal fl-Istat Membru tar-residenza; li l-partijiet jitħallew jiddeċiedu kif jaqblu rigward il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li s-servizz jiġi pprovdut f'konformità mar-Regolament.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

F'dawn l-aħħar snin twettqu studji legali 14 u ekonomiċi 15 dwar diversi aspetti tar-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-awtur, inkluż fir-rigward tat-territorjalità tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur tal-UE kif applikata għat-trażmissjonijiet onlajn.

Twettqu iktar studji dwar l-impatti tad-diġitizzazzjoni fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut, kif ukoll dwar l-aċċess transkonfinali għall-kontenut 16 . Twettqu wkoll studji dwar l-isport 17 .

Impact assessment

Twettqet valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta 18 . Fit-30 ta' Ottubru 2015, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, bil-kundizzjoni li jittejbu ċerti elementi tar-rapport. Il-Valutazzjoni tal-Impatt finali tinkorpora dawn il-kummenti.

Il-valutazzjoni tal-impatt finali teżamina x-xenarju bażi (l-ebda intervent ta' politika) u tliet għażliet ta' politika. L-Għażla 1 ikkonsistiet fi gwida għall-partijiet ikkonċernati mill-Kummissjoni li tinkoraġġixxi l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut onlajn biex ifornu portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tagħhom fl-UE kollha. L-Għażla 2 involviet intervent tal-UE li għandu jistabbilixxi li l-forniment, l-aċċess u l-użu ta' servizz ta’ kontenut onlajn f'modalità ta' portabbiltà transkonfinali għandhom jitqiesu bħala li jseħħu fl-Istat Membru ta' residenza tal-konsumatur. L-Għażla 3, minbarra l-mekkaniżmu ta' hawn fuq, (i) timponi obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut onlajn biex tiżgura l-portabbiltà transkonfinali ta' dawn is-servizzi u (ii) tistabbilixxi li kwalunkwe dispożizzjonijiet fil-kuntratti li jillimitaw il-portabbiltà transkonfinali għandhom ikunu mhux infurzabbli.

Mill-perspettiva tal-konsumaturi, id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi, l-Għażla 3 tkun l-iktar effettiva għall-ilħiq tal-għan identifikat. Skont ix-xenarju bażi u l-Għażla 1, id-detenturi tad-drittijiet fis-settur awdjoviżiv u, fuq skala iżgħar, tal-kontenut tal-isports premium, x'aktarx joqogħdu lura milli jippermettu l-portabbiltà tal-kontenut tagħhom. Skont ix-xenarju bażi, l-Għażliet 1 u 2, il-fornituri tas-servizz jibqgħu ikunu jistgħu jirrestrinġu l-portabbiltà transkonfinali u ħafna minnhom jibqgħu jiltaqgħu ma' problemi (restrizzjonijiet kuntrattwali) meta jkunu jridu joffruha. Kemm id-detenturi tad-drittijiet kif ukoll il-fornituri tas-servizzi jkollhom spejjeż tat-tranżazzjoni ogħla biex jinnegozjaw mill-ġdid in-netwerk tagħhom tal-ftehimiet tal-liċenzjar. B'dawn l-għażliet, it-tranżizzjoni għall-portabbiltà transkonfinali tieħu iktar fit-tul. Barra minn hekk, dawn l-għażliet ma jiżgurawx servizzi omoġenji għall-konsumaturi. L-Għażla 3 biss tiżgura b'mod effettiv li jiġi offrut l-element tal-portabbiltà transkonfinali u li tiġi ssodisfata d-domanda tal-konsumaturi. Għalhekk, l-Għażla 3 ġiet ikkunsidrata bħala l-għażla tal-aħjar politika.

L-għażla ppreferuta tirrispondi għall-aspettattivi tal-konsumaturi. Il-fornituri tas-servizzi jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-lokalizzazzjoni tas-servizz għall-għanijiet tal-portabbiltà u jkunu kapaċi jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Fir-rigward tal-industriji tal-kontenut, is-setturi li se jkunu l-aktar milquta fir-rigward tal-mod kif jiġi liċenzjat il-kontenut se jkunu s-setturi tal-kontenut awdjoviżiv u tal-isport premium. Madankollu, peress li l-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn ma testendix il-medda tal-utenti tas-servizz u għalhekk ma topponix l-esklussività territorjali tal-liċenzji, l-impatt fuq l-industrija huwa mistenni li jkun marġinali.

L-ispejjeż potenzjali jistgħu jinqasmu bejn dawk l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu direttament mal-intervent, jiġifieri l-ispejjeż tal-fornituri tas-servizzi għall-awtentikazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati, u spejjeż li jistgħu jirriżultaw mill-intervent, iżda li huma relatati miegħu biss b'mod indirett, jiġifieri spejjeż tal-adattament tal-liċenzji mar-regoli l-ġodda u l-ispejjeż tal-fornituri tas-servizzi relatati mal-adattament tal-infrastruttura teknika. Spejjeż tekniċi bħal dawn marbuta direttament mal-intervent mhumiex mistennija li jkunu sinifikanti u jistgħu jiġu assorbiti fl-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-softwer ta' rutina tal-fornituri tas-servizzi. Huwa diffiċli li jiġu stimati l-ispejjeż marbutin mal-arranġamenti kuntrattwali. Madankollu, il-proposta mhux se teħtieġ in-negozjar mill-ġdid tal-kuntratti. Il-proposta ma tistabbilixxix rekwiżiti fir-rigward tal-kwalità tal-konsenja tas-servizzi f'modalità tal-portabbiltà transkonfinali, u għalhekk ma timponix spejjeż f'dak ir-rigward (il-fornituri tas-servizzi jibqgħu liberi li jagħmlu hekk b'mod volontarju jew jikkommettu għaliha f'kuntratti mal-konsumaturi jew mad-detenturi tad-drittijiet).

Idoneità u simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni

Il-proposta tapplika b'mod ugwali għall-intrapriżi kollha, inkluż il-mikrointrapriżi u l-SMEs. L-intrapriżi kollha jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-lokalizzazzjoni tas-servizz għall-għanijiet ta' portabbiltà stabbiliti bil-proposta. L-eżenzjoni tal-SMEs mir-regoli tista' ddgħajjef l-effiċjenza tal-miżura, peress li ħafna fornituri tas-servizzi onlajn huma SMEs. Peress li l-proposta ma tinvolvix spejjeż sostanzjali, mhuwiex meħtieġ li jiġu mminimizzati l-ispejjeż tal-konformità għall-mikrointrapriżi jew l-SMEs.

Il-proposta se jkollha effetti pożittivi fuq il-kompetittività peress li se tgħin l-innovazzjoni fis-servizzi tal-kontenut onlajn u tagħmilhom aktar attraenti għall-konsumaturi. Il-proposta mhu se jkollha l-ebda impatt sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali.

Il-proposta se tippromwovi l-użu onaljn tas-servizzi tal-kontenut. Hija tikkonċerna l-ambjent onlajn għaliex huwa hawn li tirriżulta b'mod predominanti d-domanda għall-portabbiltà. Il-proposta se tippromwovi l-innovazzjoni u l-progress fis-suq għaliex tapplika għas-servizzi kollha tal-kontenut onlajn, b'mod indipendenti mit-tagħmir jew mit-teknoloġiji użati. Għalhekk, il-proposta tqis l-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda u hija "diġitali u lesta għall-internet".

Drittijiet fundamentali

Il-proposta se jkollha impatt limitat fuq id-drittijiet tal-awtur bħala dritt tal-proprjetà jew fuq il-libertà ta' intrapriża, kif rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 16 u 17). Il-miżura tkun ġustifikata fir-rigward tal-libertà fundamentali, stipulata fit-Trattat, li jiġi pprovduti u riċevuti servizzi bejn il-fruntieri. Ir-restrizzjoni tal-libertajiet imsemmija hawn fuq (permezz tal-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-lokalizzazzjoni tas-servizz għal għanijiet ta' portabbiltà, l-obbligu li tiġi offruta portabbiltà transkonfinali, kif ukoll billi kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra dan l-obbligu ssir mhux infurzabbli) tkun ġustifikata fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta m'għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet tal-implementazzjoni u arranġamenti għar-rappurtar, monitoraġġ u valutazzjoni

Il-proċess tal-monitoraġġ tal-impatti tal-proposta se jikkonsisti minn żewġ fażijiet.

L-ewwel fażi se tibda eżatt wara l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv u se tkompli sa meta tibda l-applikazzjoni tagħha. Din se tiffoka fuq kif ir-Regolament jiġi stabbilit fl-Istati Membri mill-parteċipanti fis-suq, sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tara kif tgħin it-tranżizzjoni lejn ir-regoli l-ġodda.

It-tieni fażi tibda mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, u se tiffoka fuq l-effetti tar-regoli. Dan il-monitoraġġ se jagħti attenzjoni partikolari lill-impatti fuq l-SMEs u l-konsumaturi.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jispeċifika l-għan u l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta. Il-proposta se tintroduċi approċċ komuni biex tiżgura li l-abbonati tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, li huma mwassla fuq bażi portabbli, ikunu jistgħu jirċievu dawn is-servizzi meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor (portabbiltà transkonfinali).

L-Artikolu 2 jinkludi definizzjonijiet. Dawn id-definizzjonijiet iridu jiġu interpretati b'mod uniformi fl-UE. Huwa jiddefinixxi "abbonat", jiġifieri, konsumatur li fuq il-bażi ta' kuntratt għall-provvista ta' servizz ta’ kontenut onlajn, jista' jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu jew tagħha. "Konsumatur" huwa ddefinit bħala persuna fiżika li fil-kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li huma barra mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha.

L-Artikolu 2 jinkludi wkoll id-definizzjonijiet ta' "Stat Membru tar-residenza", "temporanjament preżenti", "servizz ta’ kontenut onlajn" u "portabbli". "Stat Membru tar-residenza" huwa l-Istat Membru li l-abbonat joqgħod fih abitwalment. "Temporanjament preżenti" tfisser li abbonat ikun preżenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tar-residenza tiegħu jew tagħha. "Servizz tal-kontenut onlajn" ikun kopert mill-proposta meta: (i) is-servizz ikun ipprovdut onlajn legalment fl-Istat Membru tar-residenza; (ii) is-servizz ikun ipprovdut fuq bażi portabbli; (iii) is-servizz huwa servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 jew servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu tkun il-provvista tal-aċċess għax-xogħlijiet, materji oħra jew trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "portabbli" tfisser li l-abbonat jista' effettivament jaċċessa u juża s-servizz ta’ kontenut onlajn fl-Istat Membru tar-residenza mingħajr limitazzjoni għal post speċifiku. Huma koperti żewġ xenarji fir-rigward tas-servizzi tal-kontenut onlajn: (i) servizzi li jiġu pprovduti bi ħlas ta' flus (b'mod dirett jew indirett); u (ii) servizzi li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta' flus, dejjem jekk l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat ikun verifikat mill-fornitur tas-servizzi. Eżempju ta' pagament indirett huwa meta abbonat iħallas għal pakkett ta' servizzi li jgħaqqad servizz tat-telekomunikazzjoni u servizz ta’ kontenut onlajn ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi ieħor. Jekk abbonat jirċievi servizz ta’ kontenut onlajn mingħajr ħlas ta' flus, il-fornitur ikun obbligat biss li jippermetti lill-abbonat igawdi minn portabbiltà transkonfinali, jekk il-fornitur jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Għalhekk, jekk pereżempju konsumatur jaċċetta biss it-termini u l-kundizzjonijiet ta' servizz ta’ kontenut onlajn bla ħlas mingħajr ma jirreġistra fuq sit web ta' dak is-servizz (u għaldaqstant il-fornitur ma jivverifikax l-Istat Membru tar-residenza ta' dan il-konsumatur), il-fornitur tas-servizzi ma jkunx obbligat jipprovdi portabbiltà transkonfinali għal dan is-servizz.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-obbligu li l-fornitur jippermetti lil abbonat juża s-servizz ta’ kontenut onlajn waqt li l-abbonat ikun temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Dan japplika għall-istess kontenut, fuq l-istess medda u numru ta' unitajiet ta' apparat, u fuq l-istess medda ta' funzjonalitajiet kif offruti fl-Istat Membru tar-residenza. Madankollu, dan l-obbligu ma jestendi għal ebda rekwiżiti dwar il-kwalità applikabbli għall-konsenja ta' dan is-servizz meta s-servizz jiġi pprovdut fl-Istat Membru ta' residenza. F'xenarji tal-portabbiltà transkonfinali, il-fornitur m'għandux ikun responsabbli jekk il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tkun iktar baxxa, pereżempju minħabba konnessjoni tal-internet limitata. Madankollu, jekk il-fornitur jaqbel espressament li jiggarantixxi ċerta kwalità ta' konsenja lill-abbonati waqt li jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra, il-fornitur għandu jkun marbut b'dan il-ftehim. Barra minn hekk, dan ir-Regolament se jobbliga lill-fornitur li jinforma lill-abbonat dwar il-kwalità tal-konsenja tas-servizz ta’ kontenut onlajn meta jiġi aċċessat u użat fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' residenza.

L-Artikolu 4 jistipula mekkaniżmu li jistabbilixxi l-lokalizzazzjoni tas-servizz għal għanijiet ta' portabbiltà: il-forniment, kif ukoll l-aċċess u l-użu tas-servizz minn abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor, jitqiesu li jseħħu biss fl-Istat Membru ta' residenza. Għal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, dan ifisser li l-attijiet tad-drittijiet tal-awtur rilevanti, li jseħħu meta s-servizz jiġi pprovdut lill-konsumaturi fuq bażi ta' portabbiltà transkonfinali, jitqiesu li jseħħu biss fl-Istat Membru ta' residenza. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-għanijiet l-oħra kollha marbuta mal-forniment, kif ukoll mal-aċċess u l-użu, tas-servizz f'modalità ta' portabbiltà transkonfinali.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 jistabbilixxi li kwalunkwe termini kuntrattwali kuntrarji għall-obbligu tal-portabbiltà transkonfinali, b'mod partikolari dawk li jillimitaw il-possibilitajiet tal-konsumatur fir-rigward tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn tiegħu jew tagħha, jew l-abbiltà tal-fornitur tas-servizz biex jikkonsenjaw il-kontenut, m'għandhomx ikunu infurzabbli. Barra minn hekk, anki termini kuntrattwali kuntrarji għall-mekkaniżmu legali li jippermetti lill-fornituri tas-servizz jikkonformaw mal-obbligu tal-portabbiltà transkonfinali m'għandhomx ikunu infurzabbli. Dan japplika għall-arranġamenti kuntrattwali kollha, inkluż dawk ta' bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi, kif ukoll bejn il-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi tagħhom. Madankollu, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jeħtieġu li l-fornitur tas-servizz jagħmel użu minn mezzi sabiex jivverifika li s-servizz ikun ipprovdut f'konformità mar-regolament. Il-proposta tistabbilixxi salvagwardja li dawn il-mezzi meħtieġa għandhom ikunu raġonevoli u għandhom imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan tagħhom.

L-Artikolu 6 jistipula li l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fil-qafas tar-Regolament għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi li r-Regolament għandu japplika wkoll għal kwalunkwe kuntratt konkluż u għad-drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, jekk dawn ikunu rilevanti għall-forniment, l-aċċess jew l-użu tas-servizz.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi li r-Regolament japplika sitt xhur minn wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

2015/0284 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

(Test b'rilevanza taż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 21 ,

Li jaġixxi f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Peress li s-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li tiddependi, inter alia, fuq il-moviment ħieles tas-servizzi u l-persuni, għandu jiġi stipulat li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-kontenut onlajn li joffru aċċess għal kontenut bħal mużika, logħob, films jew avvenimenti sportivi, mhux biss fl-Istat Membru tagħhom ta' residenza, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta' dawn is-servizzi tal-kontenut onlajn transkonfinali għandhom jiġu eliminati.

(2)L-iżvilupp teknoloġiku li wassal għall-proliferazzjoni ta' tagħmir portabbli bħal tablets u smartphones jiffaċilita dejjem iktar l-użu tas-servizzi tal-kontenut onlajn billi jipprovdi aċċess għalihom irrispettivament minn fejn jinsabu l-konsumaturi. Hemm domanda dejjem akbar mill-konsumaturi għall-aċċess għall-kontenut u għas-servizzi onlajn innovattivi, mhux biss f'pajjiżhom, iżda wkoll meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

(3)Il-konsumaturi qegħdin jidħlu dejjem aktar f'arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri tas-servizzi għall-forniment ta’ servizzi tal-kontenut onlajn. Madankollu, il-konsumaturi li huma temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ta' spiss ma jkunux jistgħu jaċċessaw u jużaw is-servizzi tal-kontenut onlajn li jkunu akkwistaw id-dritt li jużaw f'pajjiżhom.

(4)Hemm numru ta' ostakli li jfixklu l-forniment ta' dawn is-servizzi lill-konsumaturi temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Ċerti servizzi onlajn jinkludu kontenut bħal mużika, logħob jew films li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati skont il-liġijiet tal-Unjoni. B'mod partikolari, l-ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trażmissjoni tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati bħax-xogħlijiet awdjoviżivi ta' spiss jiġu lliċenzjati fuq bażi territorjali, kif ukoll mill-fatt li l-fornituri tas-servizzi onlajn jistgħu jagħżlu li jservu swieq speċifiċi biss.

(5)L-istess japplika għal kontenut ieħor bħal avvenimenti sportivi li mhuwiex protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati skont il-liġijiet tal-Unjoni, iżda li jistgħu jkunu protetti bid-drittijiet tal-awtur, bi drittijiet relatati jew permezz ta' leġiżlazzjoni speċifika oħra skont il-liġijiet nazzjonali u li spiss ikunu lliċenzjati wkoll mill-organizzaturi ta' dawn l-avvenimenti jew ikunu offruti mill-fornituri tas-servizzi onlajn fuq bażi territorjali. It-trażmissjonijiet ta' dan il-kontenut minn organizzazzjonijiet tax-xandir huma protetti bi drittijiet relatati li ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-trażmissjoni ta' dan il-kontenut ta' spiss tinkludi elementi protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħal mużika, sekwenzi ta' vidjows tal-ftuħ jew tal-għeluq jew elementi grafiċi. Barra minn hekk, ċerti aspetti ta' dawn it-trażmissjonijiet ta’ avvenimenti ta' importanza maġġuri għas-soċjetà jew avvenimenti ta' interess kbir għall-pubbliku għal rapporti ta' aħbarijiet qosra, ġew armonizzati bid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 . Fl-aħħar nett, is-servizzi tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE jinkludu servizzi li jipprovdu aċċess għal kontenut bħal avvenimenti sportivi, aħbarijiet jew avvenimenti attwali.

(6)Għalhekk, dejjem iktar, is-servizzi tal-kontenut onlajn qed jiġu kkummerċjalizzati f'pakkett li fih il-kontenut li ma jkunx protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati ma jistax jiġi separat mill-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati mingħajr ma l-valur tas-servizz ipprovdut lill-konsumaturi jitnaqqas b'mod sostanzjali. Dan huwa speċjalment il-każ tal-kontenut premium bħal avvenimenti sportivi jew avvenimenti oħra ta' interess sinifikanti għall-konsumaturi. Sabiex il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jwasslu lill-konsumaturi l-aċċess sħiħ għas-servizzi tal-kontenut onlajn tagħhom, huwa indispensabbli li dan ir-Regolament ikopri wkoll dan il-kontenut użat mis-servizzi tal-kontenut onlajn u, għalhekk, li japplika għas-servizzi tal-mezzi awdjoviżivi fit-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE, kif ukoll għat-trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir fl-intier tagħhom.

(7)Id-drittijiet fix-xogħlijiet u f'materjal protett ieħor huma armonizzati, inter alia, fid-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 , id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 u fid-Direttiva 2009/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 .

(8)Għalhekk, il-fornituri ta’ servizzi tal-kontenut onlajn li jagħmlu użu minn xogħlijiet jew materjal protett ieħor, bħal kotba, xogħlijiet awdjoviżivi, mużika rrekordjata jew xandiriet għandhom jingħataw id-drittijiet biex jużaw dan il-kontenut għat-territorji rilevanti.

(9)It-trażmissjoni mill-fornitur tas-servizz onlajn tal-kontenut li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti bħal awturi, artisti, produtturi jew organizzazzjonijiet għall-kontenut li jkun inkluż fit-trażmissjoni. Dan huwa daqstant minnu meta din it-trażmissjoni sseħħ għall-għan li l-konsumatur jitħalla jniżżel materjal sabiex juża servizz tal-kontenut onlajn.

(10)L-akkwist ta' liċenzja għad-drittijiet rilevanti mhuwiex dejjem possibbli, b'mod partikolari meta d-drittijiet fil-kontenut jiġu liċenzjali fuq bażi esklussiva. Sabiex tiġi żgurata l-esklussività territorjali, il-fornituri tas-servizzi onlajn ta' spiss jimpenjaw ruħhom, fil-kuntratti tal-liċenzji tagħhom mad-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet tax-xandir jew organizzaturi tal-avvenimenti, biex jipprevjenu lill-abbonati tagħhom milli jaċċessaw u jużaw is-servizzi tagħhom barra t-territorju li għandu l-liċenzja għalih il-fornitur tas-servizzi. Dawn ir-restrizzjonijiet kuntrattwali imposti fuq il-fornituri tas-servizzi jeħtieġu li l-fornituri jieħdu miżuri bħal li ma jippermettux aċċess għas-servizzi tagħhom mill-indirizzi tal-IP li jinsabu barra mit-territorju kkonċernat. Għalhekk, wieħed mill-ostakoli għall-portabbiltà tas-servizzi tal-kontenut onlajn jinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-fornituri tas-servizzi onlajn u l-abbonati tagħhom, li jirriflettu l-klawżoli tar-restrizzjonijiet territorjali inklużi f'kuntratti konklużi bejn dawk il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi tad-drittijiet.

(11)Barra minn hekk, fil-Kawżi Magħquda C-403/08 u C-429/08, Football Association Premier League et., EU:C:2011:631, il-Qorti ddeċidiet li ċerti restrizzjonijiet għall-forniment ta’ servizzi ma jistgħux jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(12)Għalhekk, l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jadatta l-qafas legali sabiex jiżgura li l-liċenzjar tad-drittijiet ma jibqax jippreżenta ostakli għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, u li l-portabbiltà transkonfinali tista' tiġi żgurata.

(13)Dan ir-Regolament għalhekk għandu japplika għas-servizzi tal-kontenut onlajn li fornitur tas-servizzi, wara li jkun kiseb id-drittijiet rilevanti mid-detenturi tad-drittijiet f'territorju partikolari, jipprovdi lill-abbonati tiegħu fuq il-bażi ta' kuntratt, bi kwalunkwe mezz inkluż streaming, tniżżil jew kwalunkwe teknika oħra li tippermetti l-użu ta' dak il-kontenut. Reġistrazzjoni biex jiġu riċevuti twissijiet tal-kontenut jew aċċettazzjoni sempliċi tal-cookies tal-HTML m'għandiex titqies bħala kuntratt għall-forniment ta’ servizz tal-kontenut onlajn għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

(14)Servizz onlajn li mhuwiex servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE u li juża xogħlijiet, materjal ieħor jew trażmissjonijiet ta' organizzazzjonijiet tax-xandir b'mod sempliċiment anċillari m'għandux ikun kopert b'dan ir-Regolament. Dawn is-servizzi jinkludu siti web li jużaw xogħlijiet jew materjal protett ieħor b'mod anċillari biss bħal elementi grafiċi jew mużika użata bħala sfond, fejn l-għan ewlieni ta' dawn is-siti web ikun, pereżempju, il-bejgħ ta' oġġetti.

(15)Dan ir-Regolament għandu japplika biss għas-servizzi tal-kontenut onlajn li l-abbonati jistgħu jaċċessaw u jużaw b'mod effettiv fl-Istat Membru li jgħixu fih b'mod abitwali, mingħajr ma jiġu limitati għal post speċifiku, peress li mhuwiex xieraq li l-fornituri tas-servizzi li ma joffrux servizzi portabbli f'pajjiżhom ikunu meħtieġa jagħmlu hekk bejn il-fruntieri.

(16)Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti bi ħlas ta' flus. Il-fornituri ta' dawn is-servizzi huma f'pożizzjoni li jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Id-dritt li tuża servizz ta’ kontenut onlajn għandu jitqies li huwa akkwistat bi ħlas ta' flus, kemm jekk dan il-ħlas isir direttament lill-fornitur tas-servizz jew lil parti oħra bħal fornitur li joffri pakkett li jgħaqqad servizz ta' telekomunikazzjoni u servizz ta’ kontenut onlajn operat minn fornitur ieħor.

(17)Is-servizzi tal-kontentut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta' flus huma inklużi wkoll fil-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-limitu li l-fornituri jivverifikaw l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom. Is-servizzi tal-kontenut onlajn li jiġu pprovduti mingħajr ħlas ta' flus u li l-fornituri tagħhom ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tagħhom għandhom ikunu barra l-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament peress li l-inklużjoni tagħhom tinvolvi bidla kbira fil-mod kif jitwasslu dawn is-servizzi u jinvolvu spejjeż sproporzjonati. F'dak li jirrigwarda l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, l-informazzjoni bħal ħlas ta' miżata ta' liċenzja għal servizzi oħra pprovduti fl-Istat Membru tar-residenza, l-eżistenza ta' kuntratt għall-konnessjoni tal-internet jew tat-telefon, l-indirizz tal-IP jew mezzi tal-awtentikazzjoni oħra għandom jiġu invokati, jekk jippermettu lill-fornitur ikollu indikaturi rigward l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonati tiegħu.

(18)Sabiex tiġi żgurata l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn, huwa meħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi onlajn ikunu meħtieġa jippermettu lill-abbonati tagħhom jużaw is-servizz fl-Istat Membru fejn ikunu temporanjament preżenti, billi jipprovdulhom aċċess għall-istess kontenut fuq l-istess medda u numru ta' apparat, għall-istess numru ta' utenti u bl-istess medda ta' funzjonalitajiet bħal dawk offruti fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Dan l-obbligu huwa obbligatorju u għalhekk il-partijiet ma jistgħux jeskluduh, jidderogaw minnu jew ivarjaw l-effett tiegħu. Kwalunke azzjoni minn fornitur tas-servizzi li tista' tipprevjeni lill-abbonat milli jaċċessa jew juża s-servizz waqt li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru, pereżempju, restrizzjonijiet fil-funzjonalitajiet tas-servizz jew fil-kwalità tal-konsenja tiegħu, jammonta għal evażjoni tal-obbligu biex jippermetti l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn u għalhekk imur kontra dan ir-Regolament.

(19)Ir-rekwiżit li l-konsenja tas-servizzi tal-kontenut onlajn għall-abbonati temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra mill-Istat Membru tar-residenza tkun tal-istess kwalità bħal fl-Istat Membru tar-residenza, jista' jirriżulta fi spejjeż kbar għall-fornituri tas-servizzi u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar għall-abbonati. Għalhekk, mhuwiex xieraq li dan ir-Regolament jeħtieġ li l-fornitur ta' servizzi tal-kontenut onlajn jieħu miżuri biex jiżgura l-kwalità tal-konsenja ta' dawn is-servizzi lil hinn mill-kwalità disponibbli permezz tal-aċċess onlajn lokali magħżul minn abbonat waqt li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. F'każijiet bħal dawn, il-fornitur m'għandux ikun responsabbli jekk il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tkun iktar baxxa. Madankollu, jekk il-fornitur jaqbel espressament li jiggarantixxi ċerta kwalità ta' konsenja lill-abbonati waqt li jkunu temporanjament preżenti fi Stati Membri oħra, il-fornitur għandu jkun marbut b'dan il-ftehim.

(20)Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-kontenut onlajn jikkonformaw mal-obbligu li jipprovdu portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tagħhom mingħajr ma jakkwistaw id-drittijiet rilevanti fi Stat Membru ieħor, huwa meħtieġ li jiġi stipulat li dawk il-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi tal-kontenut onlajn portabbli fl-Istati Membri tar-residenza tal-abbonati b'mod legali jkunu dejjem intitolati li jipprovdu dawn is-servizzi wkoll lil dawk l-abbonati meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru ieħor. Dan għandu jinkiseb billi jiġi stabbilit li l-forniment, l-aċċess u l-użu ta' dan is-servizz ta’ kontenut onlajn għandhom jitqiesu li jseħħu fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat.

(21)Għal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, dan ifisser li l-atti rilevanti tar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor, kif ukoll l-atti ta' estrazzjoni jew l-utilizzazzjoni mill-ġdid f'relazzjoni ma' databases protetti bi drittijiet sui generis li jseħħu meta s-servizz jiġi pprovdut lill-abbonati meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-residenza, għandhom jitqiesu li jseħħu fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi għandhom jitqiesu li jwettqu dawn l-atti fuq il-bażi tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi mid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati għall-Istat Membru tar-residenza ta' dawn l-abbonati. Kull meta l-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jwettqu atti ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew riproduzzjoni fl-Istat Membru tal-abbonat fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-residenza tiegħu għandu jkun jista' jaċċessa u juża s-servizz u meta jkun meħtieġ, għandu jkun jista’ jwettaq kwalunkwe att rilevanti ta’ riproduzzjoni bħat-tniżżil ta’ materjal kif ikun intitolat jagħmel fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu. Il-forniment ta’ servizz ta’ kontenut onlajn minn fornitur tas-servizz għal abbonat temporanjament preżenti fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-residenza tiegħu u l-użu tas-servizz minn dan l-abbonat f'konformità ma' dan ir-Regolament m'għandhomx jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jew kwalunkwe drittijiet oħrajn rilevanti għall-użu tal-kontenut fis-servizz.

(22)Il-fornituri tas-servizzi m'għandhomx jinżammu responsabbli għall-ksur ta' xi dispożizzjonijiet kuntrattwali li jmorru kontra l-obbligu biex jippermettu lill-abbonati tagħhom jużaw is-servizz fl-Istat Membru fejn ikunu preżenti temporanjament. Għalhekk, klawżoli fil-kuntratti mfassla biex jipprojbixxu jew jillimitaw il-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn m'għandhomx ikunu infurzabbli.

(23)Il-fornituri tas-servizzi għandhom jiżguraw li l-abbonati jkunu infurmati b'mod xieraq dwar il-kundizzjonijiet għat-tgawdija tas-servizzi ta' kontenut onlajn fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta' residenza tal-abbonati. Ir-Regolament jippermetti li d-detenturi tad-drittijiet jirrikjedu li l-fornitur tas-servizz jagħmel użu mill-mezzi, sabiex jivverifika li s-servizz ikun ipprovdut f'konformità ma' dan ir-Regolament. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-mezzi meħtieġa jkunu raġonevoli u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan tagħhom. Eżempji tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa jistgħu jinkludu kampjuni tal-indirizzi tal-IP minflok il-monitoraġġ kostanti tal-post, informazzjoni trasparenti lill-individwi dwar il-metodi użati għall-verifika u l-għanijiet tagħha u miżuri ta’ sigurtà adegwati. Meta wieħed jikkunsidra li għall-għanijiet tal-verifika ma jgħoddx il-post iżda f'liema Stat Membru l-abbonat ikun qiegħed jaċċessa s-servizz, m'għandhiex tinġabar u tiġi proċessata dejta preċiża dwar il-post għal dan l-għan. B'mod simili, meta l-awtentikazzjoni ta' abbonat tkun biżżejjed biex jitwassal is-servizz ipprovdut, m'għandiex tkun meħtieġa l-identifikazzjoni tal-abbonat.

(24)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' intrapriża. Kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE 27 u 2002/58/KE 28 . B'mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jkun meħtieġ u proporzjonat sabiex jikseb l-għan rilevanti.

(25)Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament m'għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra t-Trattat.

(26)Il-kuntratti li bihom jiġi liċenzjat il-kontenut normalment jiġu konklużi għal perjodu relattivament twil. Konsegwentament, u sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha li joqgħodu fl-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu l-karatteristika tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fuq bażi ugwali fil-ħin u mingħajr dewmien bla bżonn, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu jekk ikunu rilevanti għall-portabbiltà transkonfinali ta' servizz ta’ kontenut onlajn ipprovdut wara dik id-data. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-fornituri tas-servizzi li joperaw fis-suq intern, billi jiġi permess li l-fornituri li kkonkludew kuntratti mad-detenturi tad-drittijiet għal perjodu twil joffru portabbiltà transkonfinali lill-abbonati tagħhom, indipendentament mill-possibbiltà tal-fornitur li jerġa' jinnegozja dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni għandha tiżgura li meta l-fornituri tas-servizzi jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tagħhom, huma jkunu jistgħu joffru din il-portabbiltà fir-rigward tal-kontenut onlajn tagħhom kollu. Fl-aħħar nett, għandha tippermetti wkoll li d-detenturi tad-drittijiet ma jkollhomx bżonn jerġgħu jinnegozjaw il-kuntratti tal-liċenzjar eżistenti tagħhom, sabiex tippermetti li l-fornituri joffru l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi.

(27)Għalhekk, peress li r-Regolament se japplika għal xi kuntratti u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu, huwa wkoll xieraq li jingħata perjodu raġonevoli ta' żmien bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u d-data tal-applikazzjoni tiegħu li jippermetti lid-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, u li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi jemendaw it-termini tal-użu tas-servizzi tagħhom.

(28)Sabiex jinkiseb l-għan li tiġi żgurata l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, huwa xieraq li jiġi adottat regolament li japplika b'mod dirett fl-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi garantita applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-portabbiltà transkonfinali fl-Istati Membri kollha, u biex jiġi garantit id-dħul fis-seħħ tagħhom fl-istess ħin fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ kontenut onlajn. Regolament biss jista' jiżgura l-grad ta' ċertezza legali li huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-portabbiltà transkonfinali fl-Unjoni kollha.

(29)Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-adattament tal-qafas legali sabiex il-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn tiġi pprovduta fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikseb l-għan tiegħu. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax b'mod sostanzjali l-mod kif jiġu liċenzjati d-drittijiet u ma jobbligax lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi biex jerġgħu jinnegozjaw il-kuntratti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jeħtieġx li l-fornitur jieħu miżuri biex jiżgura l-kwalità tal-konsenja ta' dawn is-servizzi ta’ kontenut onlajn barra l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Fl-aħħar nett, dan ir-Regolament ma japplikax għall-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi bla ħlas ta' flus u li ma jivverifikawx l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Għalhekk, huwa ma jimponi l-ebda spejjeż sproporzjonati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni biex jiżgura li l-abbonati tas-servizzi tal-kontenut onlajn fl-Unjoni, meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru, ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw dawn is-servizzi.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)"Abbonat" tfisser kwalunkwe konsumatur li, fuq il-bażi ta' kuntratt għall-forniment ta' servizz ta’ kontenut onlajn ma' fornitur, jista' jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza;

(b)"Konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(c)"Stat Membru tar-residenza" tfisser l-Istat Membru li l-abbonat ikun qed joqgħod fih abitwalment;

(d)"Temporanjament preżenti" tfisser preżenza ta' abbonat fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru tar-residenza;

(e)"Servizz ta’ kontenut onlajn" tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li fornitur tas-servizzi jkun qed jipprovdi legalment onlajn fl-Istat Membru tar-residenza fuq bażi portabbli u li huwa servizz tal-midja awdjoviżiva skont it-tifsira tad-Direttiva 2010/13/UE jew servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’ aċċess u użu tax-xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta' organizzazzjonijiet tax-xandir, kemm jekk b'mod lineari jew fuq talba,

li jiġi pprovdut lil abbonat skont termini miftiehma kemm:

(1)bi ħlas ta' flus; jew

(2)mingħajr ħlas ta' flus sakemm l-Istat Membru tar-residenza jkun verifikat mill-fornitur;

(f)"Portabbli" tfisser li l-abbonati jkunu jistgħu effettivament jaċċessaw u jużaw is-servizz ta’ kontenut onlajn fl-Istat Membru tar-residenza mingħajr ma jkunu limitati għal post speċifiku.

Artikolu 3
Obbligu li jippermetti l-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn

(1)Il-fornitur ta' servizz ta’ kontenut onlajn għandu jippermetti lil abbonat li huwa temporanjament preżenti fi Stat Membru jaċċessa u juża s-servizz ta’ kontenut onlajn.

(2)L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 m'għandu jestendi għal ebda rekwiżit tal-kwalità applikabbli għall-konsenja ta' servizz ta’ kontenut onlajn li l-fornitur huwa soġġett għalih meta jipprovdi dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espress mill-fornitur.

(3)Il-fornitur ta' servizz ta’ kontenut onlajn għandu jinforma lill-abbonat dwar il-kwalità tal-konsenja tas-servizz ta’ kontenut onlajn imwassal, b'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 4
Il-lokalizzazzjoni tal-forniment, l-aċċess u l-użu tas-servizzi tal-kontenut onlajn

Il-forniment ta' servizz ta’ kontenut onlajn, kif ukoll l-aċċess u l-użu ta' dan is-servizz minn abbonat, skont l-Artikolu 3(1), għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru tar-residenza, inkluż għall-għanijiet tad-Direttiva 96/9/KE, id-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2006/115/KE, id-Direttiva 2009/24 u d-Direttiva 2010/13/UE.

Artikolu 5
Dispożizzjonijiet kuntrattwali

(1)Kwalunkwe dispożizzjonijiet kuntrattwali, inklużi dawk bejn id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor rilevanti għall-użu tal-kontenut f'servizzi tal-kontenut onlajn u fornituri tas-servizzi, kif ukoll bejn il-fornituri tas-servizzi u l-abbonati li jmorru kontra l-Artikoli 3(1) u 4 m'għandhomx ikunu infurzabbli.

(2)Minkejja l-paragrafu 1, id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe drittijiet oħra fil-kontenut tas-servizzi tal-kontenut onlajn jistgħu jeħtieġu li l-fornitur tas-servizzi jagħmel użu minn mezzi effettivi sabiex jivverifika li s-servizz ta’ kontenut onlajn jiġi pprovdut f'konformità mal-Artikolu 3(1), sakemm il-mezzi meħtieġa jkunu raġonevoli u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiksbu l-għan tagħhom.

Artikolu 6
Protezzjoni ta' dejta personali

L-ipproċessar ta’ dejta personali mwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament inkluż, b'mod partikolari, għal għanijiet ta' verifika skont l-Artikolu 5(2), għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 7
Applikazzjoni għall-kuntratti eżistenti u għad-drittijiet akkwistati

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu jekk ikunu rilevanti għall-forniment, l-aċċess u l-użu ta' servizz ta’ kontenut onlajn f'konformità mal-Artikolu 3 wara dik id-data.

Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finali

(1)Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2)Għandu japplika [data: 6 xhur minn wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu].

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Eurostat, ‘Stħarriġ Komunitarju dwar l-użu tal-ICT fl-Unitajiet Domestiċi u mill-Individwi’, 2014.
(2) Eurostat, 'Statistiċi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni - Unitajiet Domestiċi u Individwi'.
(3) COM(2015) 192 final.
(4) Fi stħarriġ riċenti, 33 % ta' dawk li wieġbu (ċifra li togħla għal 65 % fil-kategorija tal-età ta' bejn il-15 u l-24 sena) li bħalissa m'għandhomx abbonament bi ħlas biex jaċċessaw il-kontenut qalu li, li kieku kellhom jieħdu dan l-abbonament iqisu importanti li jkunu jistgħu jaċċessawh waqt li jivvjaġġaw jew joqgħodu temporanjament fi Stat Membru ieħor (‘Ewrobarometru Flash 411 — Aċċess Transkonfinali għall-Kontenut Onlajn’, Awwissu 2015).
(5) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5265_en.htm  
(6) Id-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta' databases, ĠU L 077, 27.03.1996, p. 20-28.
(7) Id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10–19.
(8) Id-Direttiva 2006/115/KE dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28–35.
(9) Id-Direttiva 2009/24/KE dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter, ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16–22.
(10) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36–68.
(11) ĠU L 178, 17.07.2000, p. 1-16.
(12) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1-24.
(13) Ara https://ec.europa.eu/licences-for-europe-dialogue/en/content/about-site
(14) http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/studies/131216_study_en.pdf
(15) http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/studies/1403_study1_en.pdf
(16) http://is.jrc.ec.europa.eu/pages/ISG/DigEcocopyrights.html ; http://ec.europa.eu/sport/news/2014/docs/study-sor2014-final-report-gc-compatible_en.pdf
(17) http://ec.europa.eu/sport/library/studies/study-contribution-spors-economic-growth-final-rpt.pdf  
(18) SWD(2015) 271, SEC(2015) 484
(19) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1–24.
(20) ĠU C , , p. .
(21) ĠU C , , p. .
(22) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1–24.
(23) Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases ĠU L 077, 27.03.1996, p. 20-28.
(24) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10–19.
(25) Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28–35.
(26) Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter, ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16–22.
(27) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31–50.
(28) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.07.2002, p 37), imsemmija, kif emendata bid-Direttivi 2006/24/KE u 2009/136/KE, "id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika".
Top