Help Print this page 

Document 52015PC0625

Title and reference
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

COM/2015/0625 final - 2015/0281 (COD)
  • No longer in force
Multilingual display
Text

Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 625 final

2015/0281(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-atti tat-terroriżmu jikkostitwixxu wieħed mill-iktar ksur serju tal-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u wieħed mill-attakki l-iktar serji fuq il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni Ewropea. Huwa importanti li jkun hemm fis-seħħ għodda adegwata biex tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE u n-nies kollha li jgħixu fl-UE u tiġġieled ksur bħal dan b’mod effettiv u proporzjonat, li tkun adegwata biex tilqa’ t-theddid li l-UE jkollha taffaċċja, filwaqt li tippreserva soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza jipprevalu.

Tul dawn l-aħħar snin, it-theddida terroristika kibret u evolviet. Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 1 l-Kummissjoni identifikat titjib tal-qafas tal-UE biex jiġi indirizzat it-terroriżmu bħala prijorità u ħabbret l-intenzjoni tagħha li taġġorna l-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali eżistenti f’dan il-qasam biex jintlaħqu dawn l-isfidi ġodda. Proposta leġiżlattiva biex tiġi rieżaminata d-Deċiżjoni Qafas dwar it-Terroriżmu ġiet imħabbra fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 2 , peress li l-Istati Membri dejjem qed jiffaċċjaw il-fenomenu ta’ għadd dejjem jikber ta’ individwi li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-theddida li jippreżentaw mar-ritorn tagħhom.

Dawn l-individwi huma ta’ sikwit imsejħa “ġellieda terroristiċi barranin”. Filwaqt li l-fenomenu bħala tali mhuwiex ġdid, l-iskala u l-ammont ta’ nies li jivvjaġġaw lejn żoni ta’ kunflitt, b’mod partikolari lejn is-Sirja u l-Iraq, biex jiġġieldu jew jitħarrġu ma’ gruppi terroristiċi huwa wieħed bla preċedent. L-aħħar Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-UE tal-Europol (TE-SAT) 3 analizza li l-iskala attwali tal-fenomenu qiegħda tikber: sal-aħħar tal-2014, in-numru globali ta’ persuni li telqu mill-UE lejn żoni ta’ kunflitt kien stmat li qabeż it-3 000 persuna u issa huwa stmat li laħaq il-5 000 persuna, filwaqt li fl-istess ħin n-numru ta’ ġellieda barranin li jirritornaw lura f’pajjiżhom kien irrapportat li kiber f’uħud mill-Istati Membri. L-Istati Membri rrappurtaw li dan jirrappreżenta theddida sinifikanti għas-sigurtà.

Kif enfasizzat mill-Europol, "għalkemm grupp żgħir ta' ġellieda li jirrritornaw jistgħu jkunu impenjati li jwettqu attakki fl-UE, individwi li vvjaġġaw lejn żoni ta' kunflitt se jkomplu joħolqu theddida għolja lill-Istati Membri kollha. Minbarra l-kuntatti, ġellieda li jirritornaw jistgħu jkunu kisbu esperjenza fil-ġlied u esperjenza operattiva — u konsegwentement ikunu kapaċi jagħmlu attakki li jħallu iktar impatt jew attakki multipli — u x’aktarx li jservu bħala mudelli għal żgħażagħ tal-istess fehma. Barra minn hekk, dawk li ma jkunux involuti fl-ippjanar ta’ attakki jistgħu minflok ikunu attivi fir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ oħrajn, f'attivitajiet ta’ faċilitazzjoni u fil-ġbir ta' fondi."

L-attakki li twettqu fuq art Ewropea matul l-2014 u l-2015, li laħqu l-qofol tagħhom fl-attakki ta’ dan l-aħħar f’Pariġi matul il-lejl tat-13 ta’ Novembru 2015, urew b’mod traġiku li dan ir-riskju jista’ jimmaterjalizza, għalhekk hemm il-ħtieġa li tiżdied ir-reazzjoni fil-livell tal-UE billi tiġi adattata għat-theddid. Filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, l-informazzjoni diġà disponibbli turi li ġellieda terroristiċi barranin kienu involuti f’mill-inqas sitt attakki jew ppjanar terroristiċi fl-2015: it-terroristi jew ivvjaġġaw b’mod dirett lejn iż-żoni ta’ kunflitt (pereż. il-Jemen, is-Sirja) jew kienu ispirati jew iggwidati biex jikkommettu atti ta’ terrur minn individwi oħra fis-Sirja.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-attakki li twettqu fl-UE fl-2014 kienu attakki terroristiċi “individwali”, ir-riskju ta’ modi operandi iktar sofistikati u attakki fuq skala ikbar (imwettqa minn bosta operaturi armati bi splussivi u armi tan-nar) intwerew bl-attakki terroristiċi f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru.

Filwaqt li l-ġellieda terroristiċi barranin jikkostitwixxu s-sors primarju ta’ tħassib, it-theddida li joħolqu t-terroristi li trabbew fil-pajjiż, l-aggressuri radikalizzati li jivvjaġġaw waħedhom u l-vjaġġaturi terroristiċi “ffrustrati” (pereżempju wara s-sekwestru tal-passaport tagħhom) ma għandhomx jiġu sottovalutati. F’dawn l-aħħar 12-il xahar, fl-UE u f’pajjiżi oħra tal-Punent (pereż. l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja) ġew irreġistrati bosta attakki u pjanijiet bħal dawn li ġew sfrattati.

Id-dimensjoni transfruntiera tat-theddida terroristika mhijiex limitata għal vjaġġi lejn żoni ta’ kunflitt f’pajjiżi terzi. It-terroristi jikkunsidraw tekniċi evażivi biex jevitaw li jqajmu suspett: jivvjaġġaw madwar l-UE u jistgħu jgħaddu minn pajjiżi oħra li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza / nazzjonalità tagħhom bil-għan li jaħarbu l-kontrolli u s-sorveljanza. Minbarra dan, l-attakki ta’ dan l-aħħar li saru fl-UE juru li t-terroristi jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra biex iwettqu attakki jew minħabba raġunijiet loġistiċi (pereż. finanzjament, akkwist ta’ armi).

Il-gruppi ta’ terroristi wrew ħiliet avvanzati fl-użu tal-Internet u fit-teknoloġiji ġodda ta’ kommunikazzjoni biex ixxerrdu l-propaganda, jinteraġixxu ma’ rekluti potenzjali, jaqsmu l-għarfien, jippjanaw u jikkoordinaw l-operazzjonijiet. L-Internet u l-midja soċjali offrew b’mod partikolari opportunitajiet ġodda għal gruppi terroristiċi u radikali biex jimmiraw udjenzi vulnerabbli u b’hekk jiffaċilitaw ir-reklutaġġ u / jew l-awtoradikalizzazzjoni.

L-użu ta’ materjal ta’ komunikazzjoni ta’ kwalità għolja (rivisti, vidjows) u approċċ deċentralizzat iffaċilitat minn netwerks ta’ kontijiet fuq varjetà sħiħa ta’ pjattaformi tal-midja soċjali jippermetti t-tixrid rapidu ta’ materjal terroristiku u radikali permezz ta’ adattament kostanti tal-użu tat-teknoloġiji tal-informatika. L-Internet sar il-mezz primarju użat mit-terroristi biex ixxerrdu l-propoganda, joħorġu theddid għall-pubbliku, jigglorifikaw atti terroristiċi orrendi bħal qtugħ ta’ rjus, u jerfgħu r-responsabbiltà tal-attakki.

Ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu allinjati b’mod li jqis it-tibdil fit-theddid terroristiku li l-Ewropa qiegħda tħabbat wiċċha miegħu. Dan jinkludi dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali xierqa li jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda terroristiċi barranin u r-riskji relatati mal-ivvjaġġar lejn pajjiżi terzi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet terroristiċi iżda wkoll theddid akbar minn dawk li jibqgħu fl-Ewropa.

Huma meħtieġa dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali nazzjonali iktar koerenti, komprensivi u allinjati għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati relatati ma’ ġellieda terroristiċi barranin u għal rispons b’mod xieraq għaż-żieda fl-isfidi prattiċi u legali transfruntieri.

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI 4 diġà tikkriminalizza ċerti atti terroristiċi, inkluż b’mod partikolari l-kummissjoni ta’ attakki terroristiċi, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, fosthom l-appoġġ finanzjarju għal dawn l-attivitajiet, il-provokazzjoni pubblika, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għat-terroriżmu kif ukoll ir-regoli dwar l-għajnuna u l-kompliċità, l-inċitament u l-attentat ta’ reati terroristiċi.

Madankollu, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI għandha bżonn tiġi riveduta biex jiġu implementati standards u obbligi internazzjonali ġodda meħuda mill-UE u biex tindirizza t-theddida terroristika li qiegħda tevolvi b’mod iktar effettiv, u b’hekk ittejjeb is-sigurtà tal-UE u s-sikurezza taċ-ċittadini tagħha.

Il-vittimi ta’ terroriżmu jeħtieġu protezzjoni, appoġġ u assistenza li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. B’mod partikolari, huma għandhom jirċievu aċċess immedjat għas-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat u professjonali li jipprovdu għal trattamenti fiżiċi u psikosoċjali. B’konsegwenza tal-attakki terroristiċi, l-aċċess għal informazzjoni affidabbli għall-vittmi tat-terroriżmu u dwar il-vittmi tat-terroriżmu huwa kruċjali. Peress li l-attakki terroristiċi għandhom jimmiraw gruppi kbar ta’ nies, il-vittmi ħafna drabi jistgħu jkunu minn pajjiżi differenti mill-pajjiż li fih sar l-attakk. Għalhekk, kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hija kruċjali biex tassigura li l-vittmi kollha ta’ terroriżmu jkunu infurmati sew u jirċievu l-assistenza meħtieġa, indipendentement minn fejn jgħixu fl-Unjoni Ewropea.

Id-Direttiva 2012/29/UE 5 tistabbilixxi għadd ta’ drittijiet vinkolanti għall-vittmi kollha ta’ reat, fosthom id-drittijiet ta’ protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza li jqisu wkoll il-bżonnijiet individwali ta’ kull vittma ta’ reat. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdu għal ebda miżura speċifika għall-vittmi ta’ terroriżmu. L-adozzjoni ta’ miżuri iktar speċifiċi li jirrispondu b’iktar preċiżjoni għall-bżonnijiet tal-vittmi tat-terroriżmu jġibu magħhom valur miżjud sinifikanti. Ir-regoli speċifiċi xierqa dwar il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza lill-vittmi tat-terroriżmu għandhom iżidu mal-proċess ta’ fejqan tal-vittmi superstiti u l-familji ta’ vittmi deċeduti, u b’hekk, indirettament, mal-proċess ta’ fejqan tas-soċjetajiet kollha.

Il-bżonn li jiġu implimentati standards u obbligi internazzjonali rilevanti u li tiġi indirizzata t-theddida terroristika li qiegħda tevolvi

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2178(2014) dwar it-theddid għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà kkawżata minn atti terroristiċi adottata fl-24 ta’ Settembru 2014 tistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri fil-ġlieda kontra l-fenomenu tal-Ġellieda Terroristi Barranin. Skont il-paragrafu operattiv 6, l-Istati Membri li jiffurmaw parti min-NU jeħtieġu jiżguraw li l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom jistabbilixxu reati kriminali serji li jkunu biżżejjed biex jieħdu azzjoni legali u jippenalizzaw b'mod li jirrifletti b’mod xieraq il-gravità tar-reat: a) ivvjaġġar jew tentattiv ta’ vvjaġġar lejn pajjiż terz bil-għan li wieħed jikkontribwixxi fit-twettiq ta’ atti terroristiċi jew biex jagħti jew jirċievi taħriġ; b) il-finanzjament ta’ dawn il-vjaġġi u c) l-organizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi.

Fir-Riżoluzzjoni 2178(2014) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà reġa’ afferma l-obbligu tal-Istati Membri kollha biex ikunu konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li enfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma essenzjali biex l-isforzi kontra t-terroriżmu jirnexxu. Dan innota li nuqqas ta’ konformità mad-drittijiet tal-bniedem u obbligi internazzjonali oħrajn, jikkontribwixxi għal żieda fir-radikalizzazzjoni u rawwem sens ta’ impunità.

L-UNSCR 2178(2014) tenfasizza b’mod ugwali l-ħtieġa tal-Istati biex jinvolvu komunitajiet lokali rilevanti u atturi mhux statali fl-iżvilupp ta’ strateġiji biex jaffrontaw in-narrattiva estremista vjolenta li tista’ tinċita atti terroristiċi, tindirizza l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-firxa ta’ estremiżmu vjolenti, li jista’ jwassal għal terroriżmu, inklużi wkoll is-setgħa taż-żgħażagħ, il-familji, in-nisa, ir-reliġjużi, il-mexxejja kulturali u edukattivi, u dawk il-gruppi kollha kkonċernati tas-soċjetà ċivili, u jadottaw approċċi mfassla apposta fir-reklutaġġ għall-ġlieda kontra dan it-tip ta’ estremiżmu vjolenti u jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni.

Barra minn hekk, l-UNSCR 2249(2015) tal-20 ta’ Novembru 2015 tħeġġeġ l-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu l-fluss ta’ ġellieda terroristi barranin lejn l-Iraq u s-Sirja u biex tipprevjeni u trażżan il-finanzjament tat-terroriżmu. F’tendenza simili, pereżempju l-UNSCR 2199 (2015) reġgħet affermat li “l-Istati kollha jridu jiżguraw li kull persuna li tipparteċipa fil-finanzjament, l-ippjanar, il-preparazzjoni jew it-twettiq ta’ atti terroristiċi jew fl-appoġġ ta’ atti terroristiċi għandha tidher quddiem il-ġustizzja u jassiguraw li tali atti terroristiċi jiġu stabbiliti bħala reati kriminali serji fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u li l-piena tirrifletti l-gravità ta’ tali atti terroristiċi, u tenfasizza li tali appoġġ jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ negozju fiż-żejt u prodotti ta’ żejt raffinat, raffineriji modulari u materjal relatat mal-ISIL, l-ANF u l-individwi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet l-oħra kollha assoċjati ma’ Al-Qaida.”

Wara n-negozjati fil-bidu tal-2015, f’Mejju 2015 ġie adottat Protokoll Addizzjonali tal-Kunsill tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, bl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-liġi kriminali tal-UNSCR 2178(2014), u b’mod partikolari fil-paragrafu operattiv 6 tiegħu. Il-Protokoll Addizzjonali jissupplimenta l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, li diġà jitlob il-kriminalizzazzjoni ta’ ċerti reati terroristiċi. Bħala riżultat, il-Protokoll Addizzjonali jitlob il-kriminalizzazzjoni ta’ dawn l-atti li ġejjin: Il-parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni jew grupp għall-iskop ta’ terroriżmu (l-Artikolu 2), li tirċievi taħriġ għat-terroriżmu (l-Artikolu 3), li tivvjaġġa jew tipprova tivvjaġġa għal skopijiet terroristiċi (l-Artikolu 4), li tagħti jew tiġbor fondi għal dawn il-vjaġġi (l-Artikolu 5) u l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi (l-Artikolu 6). Jitlob ukoll li l-partijiet isaħħu l-iskambju f’waqtu tal-informazzjoni f'waqtu bejniethom (l-Artikolu 7).

B’mod simili għall-UNSCR 2178(2014), il-Protokoll Addizzjonali jerġa’ jafferma l-obbligu ta’ kull Parti li tassigura li l-implimentazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali titwettaq filwaqt li wieħed jirrispetta l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt tal-libertà ta’ moviment, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà ta’ reliġjon, kif stabbilit fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u obbligi oħra skont il-liġi internazzjonali, u jfakkar il-ħtieġa biex jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-għanijiet leġittimi segwiti u għan-neċessità tagħhom f’soċjetà demokratika, u li tiġi eskluża kull forma ta’ arbitrarjetà jew trattament diskriminatorju jew razzista.

Fit-22 ta’ Ottubru 2015, l-UE ffirmat il-Protokoll Addizzjonali kif ukoll il-Konvenzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) li nħarġu fl-2012 jikkonċernaw il-finanzjament tat-terroriżmu u b’mod iktar speċifiku r-rakkomandazzjoni dwar il-kriminalizzazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu (Rakkomandazzjoni Nru 5) tipprovdi li “l-pajjiżi jridu jikkriminalizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu abbażi tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, u għandhom jikkriminalizzaw mhux biss il-finanzjament tal-atti terroristiċi iżda anki l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristi u t-terroristi individwali anki fin-nuqqas ta’ rabta ma’ att jew atti terroristiċi speċifiċi” 6 .

Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti biex tiġi indirizzata t-theddida li joħolqu l-ġellieda terroristi barranin, il-FATF rrevediet in-Nota Interpretattiva tar-Rakkomandazzjoni 5 dwar ir-reat kriminali tal-finanzjament tat-terroriżmu biex jiġi inkorporat l-element rilevanti tal-UNSCR 2178. Din tiċċara li r-Rakkomandazzjoni 5 titlob lill-pajjiżi jikkriminalizzaw il-finanzjament ta’ vjaġġi ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat li mhux l-Istat ta’ residenza jew nazzjonalità tagħhom għall-iskop li jwettqu, jippjanaw, jippreparaw, jew jipparteċipaw f’atti terroristiċi jew li jagħtu jew jirċievu taħriġ terroristiku.

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI tikkriminalizza ċerti atti terroristiċi, inkluża l-kummissjoni ta' attakki terroristiċi, il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż l-appoġġ finanzjarju għal dawn l-attivitajiet kif ukoll il-provokazzjoni pubblika, ir-reklutaġġ u t-taħriġ għat-terroriżmu (l-aħħar tliet reati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, CETS Nru 196). Madankollu, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI ma teħtieġx b’mod espliċitu l-kriminalizzazzjoni ta’ vjaġġar lejn pajjiżi terzi b’intenzjonijiet terroristiċi, u lanqas ma teħtieġ b’mod espliċitu l-kriminalizzazzjoni l-istħarriġ għal skopijiet terroristiċi msemmija f’UNSCR 2178(2014) u meħtieġa mill-Protokoll Addizzjonali. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI attwalment titlob biss il-kriminalizzazzjoni ta’ finanzjament tat-terroriżmu sal-punt li jingħata finanzjament lil grupp terroristiku iżda mhux pereż. jekk dan huwa pprovdut għar-reati kollha ta' attivitajiet terroristiċi, inkluż ir-reklutaġġ, it-taħriġ jew l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għat-terroriżmu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tesplora modi li permezz tagħhom jistgħu jingħelbu nuqqasijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI fid-dawl ta’, b’mod partikolari, tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2178(2014) 7 . Fid-Dikjarazzjoni Konġunta wara li l-Kunsill għall-Ġustizzja u Affarijiet Interni tlaqqa’ f’Riga, il-Ministri tal-UE qablu dwar l-importanza li jiġu kkunsidrati miżuri leġiżlattivi possibbli biex jiġi stabbilit ftehim komuni tar-reati terroristiċi fid-dawl tal-UNSCR 2178(2014). Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2015, il-bżonn li tiġi armonizzata l-kriminalizzzazzjoni tar-reati relatati mal-ġellied barrani u jiġu evitati n-nuqqasijiet ta’ prosekuzzjoni billi tiġi aġġornata d-Deċiżjoni Qafas dwar it-Terroriżmu. Il-Kunsill tal-ĠAI tal-20 ta’ Novembru 2015 laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal direttiva li taġġorna d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu qabel l-aħħar tal-2015.

Sabiex jiġu implimentati l-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll Addizzjonali kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-FATF rilevanti dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, huwa meħtieġ li tiġi rieżaminata d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI.

Minbarra l-emendi meħtieġa biex tkun assigurata konformità mal-obbligi u l-istandards internazzjonali, hemm il-ħtieġa li jiġu pprovduti miżuri komprensivi li jqisu t-theddida terroristika li qiegħda tevolvi u l-ħtieġa għall-għodda xierqa għall-faċilitazzjoni tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-modus operandi terroristiku rilevanti kollu, li jevitaw lakuni sinifikanti fir-rispons tal-ġustizzja kriminali.

F’dan l-ispirtu, l-abbozz tad-Direttiva jipproponi wkoll li tiġi kriminalizzata din l-imġiba li ġejja: it-tentattiv ta’ reklutaġġ u taħriġ, l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż bl-iskop li wieħed jipparteċipa fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, u l-finanzjament ta’ diversi reati terroristiċi ddefiniti fl-abbozz tad-Direttiva.

Barra minn hekk, minħabba t-theddida terroristika li qiegħda tevolvi li tissupplimenta t-theddida li toriġina minn ġellieda terroristiċi barranin li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi u li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet terroristiċi, il-proposta tipprevedi wkoll il-kriminalizzazzjoni ta’ vvjaġġar lejn kwalunkwe pajjiż, inkluż lejn dawk fl-UE u inkluż lejn il-pajjiż ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza ta’ dak li jwettaq l-att terroristiku.

Minbarra dan, u b’konformità man-neċessità li wieħed jiġbor flimkien forom differenti ta’ appoġġ għall-attivitajiet terroristiċi inklużi t-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti destinati biex jappoġġaw it-twettiq ta’ reati terroristiċi, il-proposta tinkludi kjarifika li tali materjal ta' appoġġ ikun kopert mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Il-proposta ttejjeb ukoll dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-għajnuna u l-kompliċità, l-inċitament u l-attentat, kif ukoll regoli dwar il-ġurisdizzjoni, filwaqt li tiżgura l-konsistenza u l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tevita lakuni.

Fl-aħħar nett, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet addizzjonali li jirregolaw il-miżuri ta’ appoġġ speċifiċi għall-vittmi ta’ terroriżmu.

Minbarra li timla n-nuqqasijiet ta’ nfurzar eżistenti, il-konsolidazzjoni tal-acquis fil-qasam sejra tassigura simplifikazzjoni u aċċessibbiltà. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri proposti u l-objettiv ta’ konsolidazzjoni, Direttiva tal-UE li tieħu post id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI hija meqjusa bħala l-aktar xierqa.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, hi u tagħmel referenza għall-iżviluppi fuq livell internazzjonali u Ewropew, impenjat lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Deċiżjoni Qafas dwar it-Terroriżmu, billi tistabbilixxi fehim komuni tar-reati terroristiċi u b’mod partikolari dawk relatati mal-ġellieda terroristi barranin 8 .

F’Ottubru 2015, fil-Programm ta’ Ħidma għall-2016, il-Kummissjoni enfasizzat li t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni jeħtieġu reazzjoni mill-UE u ħabbret li se tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-Terroriżmu biex tindirizza l-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin 9 .

Il-proposta attwali għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li timplimenta rekwiżiti skont il-Protokoll Addizzjonali, se twitti t-triq għall-konklużjoni tal-Protokoll Addizzjonali u l-Konvenzjoni, li għalihom se jiġu ppreżentati wkoll proposti speċifiċi minnufih.

Il-proposta attwali hija parti minn sforz usa’ li jinkludi wkoll sforzi akbar fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Biex ittejjeb u ssostni l-isforzi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu, il-Kummissjoni stabbilixxiet iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza RAN li jappoġġja netwerk kbir ta’ prattikanti lokali (in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni). Iċ-Ċentru RAN jiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki u kompetenzi, jikkonsolida l-għarfien u jidentifika u jiżviluppa l-aħjar prattiki, jipprovdi gwida konkreta u servizzi ta’ appoġġ imfassla apposta. Huwa jgħin biex iwassal riżultati b’rabta mad-diversi azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Nipprevjenu r-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: Insaħħu r-Rispons tal-UE”. It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE” 10 .

Diġà teżisti leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jiġifieri d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, 11 id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (id-Deċiżjoni ta’ Prüm), 12 b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera u d-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI 13 . Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, b’mod simili għall-Artikolu 7 tal-Protokoll Addizzjonali, l-obbligu għall-Istati Membri biex joħolqu punti ta’ kuntatt nazzjonali u spontanjament jagħmlu skambju ta’ informazzjoni fejn hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-informazzjoni tista’ tassisti fil-kxif, il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni tar-reati terroristiċi.

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin juri b’mod ċar l-importanza tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni għas-sigurtà interna tal-Unjoni. Fis-6 ta’ Frar 2015, ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President u l-Kummissjoni ppreżentaw Komunikazzjoni konġunta dwar l-Elementi għal Strateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida ta’ Da’esh 14 li għandha l-għan li twaqqaf il-fluss ta’ ġellieda barranin lejn is-Sirja / l-Iraq u twaqqaf il-fondi ta’ Da’esh u tibni l-kapaċità biex tiġi implimentata l-UNSCR 2178(2014) u jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-proposta attwali tikkomplementa r-reġim tal-UE dwar l-iffriżar tal-assi ta’ organizzazzjonijiet u individwi terroristiċi. Dan jinkludi, minn naħa, ir-Regolament tal-Kunsill 881/2002 li jimplimenta d-denominazzjonijiet tal-UNSC ta’ persuni u entitajiet marbuta ma’ Al-Qaeda (UNSCR 1267 u 1390) u, min-naħa l-oħra, l-hekk imsejħa miżuri “awtonomi” tal-UE li huma konformi mal-UNSCR 1373 li għandhom fil-mira tagħhom terroristi u organizzazzjonijiet oħrajn mhux marbuta ma’ Al-Qaeda.

Din il-proposta tikkumplimenta l-miżuri preventivi relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu tad-Direttiva 2015/849/UE.

Din il-proposta tikkumplimenta wkoll il-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi. B’mod partikolari d-Direttiva 2012/29/UE li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 2015 fl-Istati Membri, tipprovdi sett ta’ drittijiet għall-vittmi kollha tad-drittijiet. Id-Direttiva 2004/80/KE titlob li l-Istati Membri jiżguraw kumpens lill-vittmi ta’ atti intenzjonali ta’ vjolenza, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Din il-proposta tibni fuq ir-regoli tal-UE eżistenti relatati mad-drittijiet tal-vittmi, mingħajr, madankollu, ma tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, hija tiżviluppa u tapprofondixxi diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29/UE biex jipprovdu appoġġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-vittmi ta’ reati terroristiċi.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI u tfittex li ddaħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni aġġornata fil-livell tal-UE li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, reati marbuta ma’ grupp terroritiku jew attivitajiet terroristiċi u penali f’dan il-qasam. It-terroriżmu huwa reat serju b’dimensjoni transfruntiera minħabba n-natura tiegħu, l-impatt u l-bżonn li jiġi miġġieled fuq bażi komuni.

L-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa b’hekk il-bażi ġuridika xierqa għal din il-proposta. Dan l-artikolu jippermetti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu regoli minimi meħtieġa dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet permezz ta’ direttivi adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

L-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-vittmi jeħtieġu żieda tad-dispożizzjoni rilevanti bħala bażi ġuridika. L-Artikolu 82(2) TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jaġixxu b’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex jistabbilixxu regoli minimi li jikkonċernaw id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Għalhekk, għandu jiżdied punt c) tal-Artikolu 82(2) bħala bażi ġuridika addizzjonali.

Kemm l-Artikolu 83(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 82(2) TFUE jipprovdu għall-istess proċedura leġiżlattiva. Għaldaqstant, il-proposta trid tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 83(1) TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 82(2) TFUE.

Ġeometrija varjabbli

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI li qiegħda fis-seħħ attwalment tapplika għall-Istat Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, li b’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll numru 36 anness mat-TUE u mat-TFUE, eżerċita d-dritt tiegħu li ma jipparteċipax b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2014.

B’konformità mal-Protokoll numru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, is-sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattati, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jiddeċiedu li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din il-proposta. Huma wkoll għandhom din l-għażla wara l-adozzjoni tal-proposta.

Skont il-Protokoll 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri skont it-Titolu V tat-TFUE (bl-eċċezzjoni tal-"miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, jew miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ format uniformi għall-viżi"). Għalhekk, skont l-arranġamenti attwalment fis-seħħ, id-Danimarka mhux sejra tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din il-proposta u mhux se tkun marbuta minnha. Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, kif emendata mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI tkompli torbot u tapplika għad-Danimarka.

Is-sussidjarjetà

L-azzjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja taqa’ fi spazju ta’ kompetenza maqsum bejn l-UE u l-Istati Membri b’konformità mal-Artikolu 4(2) TFUE. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika minħabba l-Artikolu 5(3) TUE, skont liema l-Unjoni għandha taġixxi biss u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, jew fuq livell ċentrali jew fuq livell reġjonali jew lokali, iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell Ewropew.

Peress li ġew adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-UNSCR 2178(2014) jorbtu lill-Istati Membri tan-NU. L-Istati Membri tal-UE diġà bdew jirrevedu l-qafas legali rispettiv tagħhom u f’ċerti każijiet adottaw miżuri ġodda li jiżguraw konformità mal-UNSCR b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ta’ vvjaġġar u mġiba relatata ta’ terroristi barranin.

Il-Protokoll Addizzjonali jimplimenta l-parti tal-UNSCR 2178(2014) relatata mal-kriminalizzazzjoni tal-ivvjaġġar ta’ terroristi barrani. Fit-22 ta’ Ottubru 2015, bl-iffirmar tal-Protokoll Addizzjonali, l-UE esprimiet ir-rieda li tikkonkludi l-Protokoll Addizzjonali b’konformità mal-Artikolu 218(6) TFUE. Il-konklużjoni sejra titlob lill-UE tinkorpora l-istandards stabbiliti mill-Protokoll Addizzjonali fid-dritt tal-Unjoni, li kif imsemmi hawn fuq attwalment ma jitlobx il-kriminalizzazzjoni tal-imġiba kollha prevista fil-Protokoll Addizzjonali.

Bl-implimentazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali u l-aspetti tal-liġi kriminali rilevanti tal-UNSCR 2178(2014) permezz ta’ regoli minimi għall-UE kollha, u b’mod partikolari definizzjonijiet komuni addizzjonali ta’ reati kriminali u li wieħed iżomm f’moħħu l-evoluzzjoni tat-theddid terroristiku, jiġu evitati lakuni legali li jistgħu jirriżultaw minn approċċ frammentat u li jkun ta’ valur miżjud ċar biex wieħed itejjeb is-sigurtà tal-UE u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE u n-nies li jgħixu fl-UE. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet tal-UE kollha jistgħu jiffaċilitaw ftehim u punt ta’ referiment komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni transfruntiera u kooperazzjoni f’materji tal-pulizija u ġudizzjarji. F’tendenza simili, u kif enfasizzat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, regoli minimi dwar reati kriminali konformi mal-UNSCR 2178(2014) u l-Protokoll Addizzjonali jiffaċilitaw wkoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi jekk jiġi pprovdut punt ta’ riferiment komuni kemm fl-UE kif ukoll mal-imsieħba internazzjonali.

Raġunament simili japplika għall-inkorporazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-FATF dwar il-kriminalizzazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu fid-dritt tal-UE. Filwaqt li l-Istati Membri huma diġà obbligati li jkunu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-FATF u parti kbira tagħhom adottaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, l-estensjoni tar-reat tal-finanzjament tat-terroriżmu li attwalment huwa inkluż fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI fil-livell tal-UE jassigura li l-Istati Membri mhumiex soġġetti għal obbligi legali differenti u li d-differenzi fl-iskop tar-reati kriminali ma jaffettwawx l-iskambju ta’ informazzjoni transfruntier u l-kooperazzjoni operazzjonali.

B’mod simili, fid-dawl tan-natura transfruntiera tat-theddid terroristiku, l-iskop tar-reati, fosthom dawk mhux meħtieġa mill-obbligi u l-istandards internazzjonali, għandu jkun konformi biżżejjed biex ikun tassew effettiv.

Dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri tal-UE jekk jaġixxu waħedhom, peress li l-leġiżlazzjoni biss fil-livell nazzjonali ma jkollhiex l-effett li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjonijiet tar-reati terroristiċi u s-sanzjonijiet tagħhom li japplikaw madwar l-UE kollha. Jekk il-qafas legali tal-Unjoni ma jkunx konformi mal-Protokoll Addizzjonali, filwaqt li ċerti Stati Membri jkunu parti minnu, ir-riżultat ikun diverġenza possibbli bejn l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni u l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali.

Qafas legali suffiċjentement omoġenju u komprensiv jista’ b’hekk jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Il-proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-UE, id-Direttiva l-ġdida proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonali sabiex, minn naħa jiġu implimentati l-obbligi u l-istandards internazzjonali (b’mod partikolari fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-ivvjaġġar lejn pajjiż ieħor għal finijiet terroristiċi, l-istħarriġ għal finijiet terroristiċi, meħtieġa skont il-Protokoll Addizzjonali, u l-finanzjament tat-terroriżmu ma għandhomx ikunu limitati għal attivitajiet ta’ grupp terroristiku iżda estiżi għar-reati ta’ terroriżmu kollha u reati relatati terroristiċi mingħajr ma jkun hemm rabta ma' atti terroristiċi speċifiċi, (kif meħtieġ skont l-istandards tal-FATF)), u min-naħa l-oħra, biex jiġu adattati reati terroristiċi eżistenti għal theddidiet ġodda ta’ terroriżmu (li jirrikjedu pereżempju l-kriminalizzazzjoni tal-ivvjaġġar għal skopijiet terroristiċi fl-UE wkoll).

Il-proposta tiddefinixxi l-iskop tar-reati kriminali bil-ħsieb li tkopri l-imġiba kollha rilevanti filwaqt li jiġi limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonali.

L-għażla tal-istrument

B’konformità mal-Artikolu 82(2) u 83(1) TFUE, it-twaqqif tar-regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam ta’ kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera, inkluż it-terroriżmu, jista’ jintlaħaq biss permezz ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata b’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-istess jgħodd fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli minimi skont l-Artikolu 82(2) TFUE.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post / il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

It-transpożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi nazzjonali tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI kienet is-suġġett ta’ bosta rapporti ta’ implimentazzjoni 15 , fosthom ir-rapport ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-emendi introdotti mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI 16 .

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni sab ukoll li bosta Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI b’mod partikolari billi adottaw dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw li wieħed jirċievi taħriġ terroristiku li jindika lakuna fl-infurzar eżistenti, u billi jikkriminalizzaw tentattiv lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni Qafas.

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni kien appoġġjat minn studju estern li jeżamina mhux biss it-transpożizzjoni mill-Istati Membri tal-UE tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/919 ĠAI fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll billi jwettaq valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas legali adottat mill-Istati Membri tal-UE biex jiġġieldu t-terroriżmu fil-prattika. L-istudju jinkludi evalwazzjoni tat-tibdil introdott fl-2008, u jikkonkludi li dan it-tibdil kien rilevanti u effiċjenti għall-objettivi. Fehim komuni tar-reati relatati mat-terroriżmu bħal provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu assiguraw li speċjalment il-każijiet transfruntiera jiġu trattati b’mod iktar effiċjenti. B’mod iktar speċifiku, l-istudju kkonkluda li l-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati kkunsidraw li r-reati l-ġodda għenuhom jindirizzaw l-istadji preparatorji tal-attivitajiet terroristiċi. B’mod ġenerali, l-emendi introdotti fl-2008 ġew ikkunsidrati bħala utli biex jgħinu kontra t-tibdil naturali tat-theddid terroristiku li l-Istati Membri tal-UE qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu. Mill-perspettiva tal-infurzar tal-liġi u dik ġudizzjarja, l-istudju kkonkluda li każijiet relatati mar-reati ġodda li jinvolvu iktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod iktar effiċjenti grazzi għal approċċ komuni għall-kriminalizzazzjoni tar-reati. B’mod ġenerali, il-valur miżjud tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI tqies bħala għoli għall-Istati Membri tal-UE li qabel ma kellhomx qafas legali speċifiku biex jindirizzaw it-terroriżmu; għal dawk li kellhom, il-valur miżjud jinsab fit-tisħiħ tal-qafas għall-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn fl-indirizzar tal-istadji preparatorji ta’ azzjoni terroristika.

L-Eurojust intalbet teżamina jekk ir-reati kriminali eżistenti fl-Istati Membri humiex biżżejjed biex jindirizzaw fenomeni ġodda bħal, b’mod partikolari, il-fluss tal-ġellieda terroristiċi barranin lejn pajjiżi terzi. L-evalwazzjoni magħmula mill-Eurojust turi dubji dwar l-effettività ta’ miżuri bħal dawn, u b’hekk sejħet għal reviżjoni tal-qafas legali eżistenti 17 .

Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Matul in-negozjati fil-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protokoll Addizzjonali, saru disponibbli għall-pubbliku abbozzi ta’ testi biex jingħataw kummenti. Il-kummenti bil-miktub ġew riċevuti minn bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali (Amnesty International, il-Kummissjoni Internazzjonali ta' Ġuristi u l-Open Society). Dawn il-kummenti kienu diskussi bejn il-partijiet tan-negozjati u wħud mill-proposti wasslu għall-emendi tal-Protokoll Addizzjonali u r-rapport ta’ spjegazzjoni tiegħu.

B’mod ġenerali, il-kummenti enfasizzaw il-ħtieġa għal salvagwardji oħra għad-drittijiet tal-bniedem, ċarezza legali suffiċjenti kemm f’termini ta’ mġiba kkriminalizzata (actus reus) kif ukoll ta’ intenzjonijiet kriminalizzati (mens rea) u ċarezza tal-obbligi skont il-liġi umanitarja internazzjonali.

Il-kummenti kienu inkorporati fil-Protokoll Addizzjonali kif ukoll fir-rapport ta’ spjegazzjoni bil-mod li ġej. il-Protokoll Addizzjonali jenfasizza l-ħtieġa għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-preambolu, l-Artikolu 1 (dwar l-għan) u Artikolu 8 ġdid iddedikat kollu kemm hu għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkumplimentati minn spjegazzjonijiet oħra fir-rapport ta’ spjegazzjoni (b’referenza għal strumenti internazzjonali oħra inkluż b’mod espliċitu l-protokoll relatat mal-istatus ta’ refuġjati u l-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal).

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-ħtieġa urġenti biex jittejjeb il-qafas tal-UE biex tiżdied is-sigurtà fid-dawl tal-attakki terroristiċi ta’ dan l-aħħar inkluż billi jiġu inkorporati standards u obbligi internazzjonali, din il-proposta hija eċċezzjonalment ippreżentata mingħajr valutazzjoni tal-impatt.

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi obbligi u standards internazzjonali fl-ordni legali tal-UE u taġġorna l-qafas legali biex b’hekk jirrispondi b’mod adegwat għat-theddida terroristika li qiegħda tevolvi. L-istabbiliment ta’ reati kriminali varji f’artikoli distinti (minflok, pereżempju, iż-żieda tar-reati l-ġodda biss fis-sottoparagrafi u inċiżi tal-Artikolu 3 attwali tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI) u spjegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawn ir-reati (ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu IV) jiffaċilitaw il-fehim tal-kamp ta' applikazzjoni tar-reati rilevanti. Dan se jgħin lill-Istati Membri meta jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strumenti oħra tal-UE li jirreferu għal reati terroristiċi (bħalma huma b’mod partikolari strumenti dwar l-iskambju u l-kooperazzjoni ta’ informazzjoni transfruntieri) ukoll se jkun aktar ċar li mbagħad jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet rilevanti.

Id-drittijiet fundamentali

L-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq il-valuri stipulati fl-Artikolu 2 TUE u tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’konformità mal-Artikolu 6(1) TUE. Is-sigurtà u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali mhumiex miri kunfliġġenti, iżda għanijiet politiċi konsistenti u kumplimentari 18 . L-approċċ tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-valuri demokratiċi komuni tas-soċjetajiet miftuħa tagħna, fosthom l-istat tad-dritt, u għandu jħares u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tafferma mill-ġdid, b’kunsiderazzjoni xierqa tas-setgħat u l-kompiti tal-Komunità u tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, fosthom it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati tal-Komunità, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-miżuri kollha maħsuba biex isaħħu l-miżuri ta’ sigurtà għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, b’salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata r-responsabbilità u r-rimedju ġudizzjarju 19 .

Il-miżuri proposti jinkludu dispożizzjonijiet legali biex jirrispondu b’mod adegwat għat-theddid terroristiku li dejjem qiegħed jevolvi. Dawn l-azzjonijiet jgħinu biex inaqqsu r-riskju ta’ attakki terroristiċi u biex inaqqsu l-possibbiltajiet ta’ radikalizzazzjoni u reklutaġġ. Filwaqt li dawn il-miżuri għandhom bħala l-għan aħħari tagħhom il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi u tal-vittmi potenzjali, b’mod partikolari d-dritt tal-ħajja u d-dritt għall-integrità fiżika u mentali, kull leġiżlazzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali, neċesserjament għandha impatt fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali b’mod partikolari mill-persuni suspettati, akkużati jew ikkundannati minħabba reati terroristiċi u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi. It-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriminalizzazzjoni jridu jitwettqu b’ħarsien sħiħ tal-obbligi ta’ drittijiet fundamentali. Kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri li tkun soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità b’ħarsien tal-mira leġittima li jintlaħqu b’mod ġenwin l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, li jiġu pprovduti mil-liġi u li jħarsu l-essenzjal ta’ dawk id-drittijiet u libertajiet. 

F’dan ir-rigward iridu jitqiesu diversi drittijiet fundamentali u libertajiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-drittijiet li huma partikolarment rilevanti għal din il-miżura proposta jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, id-drittijiet inklużi fit-Titolu I tal-Karta dwar id-dinjità (l-Artikolu 1), id-dritt għall-ħajja u l-integrità ta' persuna (l-Artikolu 2 u 3), id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (l-Artikolu 6 tal-Karta), id-dritt għall-ħarsien tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon (l-Artikolu 10 tal-Karta), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta), il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni (l-Artikolu 12 tal-Karta), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta), id-dritt għall-asil u l-protezzjoni fil-każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni (l-Artikoli 18 u 19 tal-Karta), il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni, fosthom abbażi ta' razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fattizzi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra (l-Artikolu 21 tal-Karta), id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta), il-libertà ta’ moviment jew residenza (l-Artikolu 45 tal-Karta), id-dritt għar-rimedju effettiv u proċess ġust (l-Artikolu 47 tal-Karta), il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża (l-Artikolu 48 tal-Karta), il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali (l-Artikolu 49 tal-Karta) u d-dritt li wieħed ma jkunx iġġudikat jew ikkastigat darbtejn fil-proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali (ne bis in idem, l-Artikolu 50 tal-Karta).

Il-miżuri kollha adottati mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha b’rabta mal-inkriminazzjoni tar-reati terroristiċi u l-attivitijiet relatati mar-reati terroristiċi kif ipprovdut f’din id-Direttiva, u d-determinazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali tagħhom, iridu jkunu soġġetti għall-prinċipju ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u għad-dritt ta’ difiża, u jridu jeskludu kull forma jew arbitrarjetà. Barra minn hekk, huma jridu jkunu konformi mal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni, inkluż fuq bażi ta’ razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, fattizzi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, u jeskludu kull forma ta’ trattament diskriminatorju jew razzist, anki biex tiġi evitata l-istigmatizzazzjoni ta’ kwalunkwe grupp jew komunità.

Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitħares billi jiġi limitat l-iskop tar-reati għal dak li hu neċessarju biex tkun tista’ ssir prosekuzzjoni effettiva tal-atti li joħolqu theddida partikolari għas-sigurtà. Dan huwa rifless fil-premessi (ara pereżempju l-premessi 19 u 20).

B’mod iktar speċifiku, r-reat ġdid tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal-finijiet terroristiċi jista’ jillimita d-dritt tal-moviment liberu u għajxien fit-territorju tal-Istati Membri kif garantit skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2004/38/KE. Id-Direttiva 2004/38/KE tippermetti miżuri li jillimitaw il-libertà tal-moviment fuq il-bażi ta’ politika u sigurtà pubblika, fosthom il-prevenzjoni tal-kriminalità.

Id-dejta ta’ persuni suspettati għal reati definiti f’din id-Direttiva se tiġi trattata skont id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-leġiżlazzjoni applikabbli eżistenti. Id-Direttiva proposta ma tinvolvi l-ebda modifika ta’ dan it-tip ta’ reġim u lanqas, għaldaqstant, impatt fuq id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

Il-proposta attwali hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbilitajiet li jaqgħu fuq l-Istat Membru rigward iż-żamma tal-liġi u tal-ordni u l-ħarsien tas-sigurtà interna skont l-Artikolu 72 TFUE, li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet tal-Istati Membri jibqgħu marbuta bl-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom peress li jirriżultaw mil-liġijiet nazzjonali u l-kostituzzjonijiet tagħhom u minn ftehimiet internazzjonali li huma marbuta magħhom, b’mod partikolari dawk li jitnisslu mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li l-Istati Membri kollha huma parti minnha.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata għall-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-metodi ta’ monitoraġġ , ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

L-implimentazzjoni tad-Direttiva se tkun issorveljata mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda biex iddaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tintlaħaq konformità mad-Direttiva.

Il-Kummissjoni, sentejn wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni, erba’ snin wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa l-impatt u l-valur miżjud tad-Direttiva, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adegwati. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, b’mod partikolari mal-Europol, l-Eurojust u mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni tqis ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI.

Id-dokumenti ta ' spjegazzjoni

L-ebda dokument dwar it-traspożizzjoni mhuwa kkunsidrat meħtieġ.

Spjega dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Titolu I: Is-suġġett u d-definizzjonijiet

Artikolu 1: Is-suġġett – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan l-abbozz ta' Direttiva, b’mod partikolari li tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw ir-reati terroristiċi, ir-reati relatati ma’ grupp terroristiku u r-reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll ma’ miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu u l-assistenza tagħhom.

Artikolu 2: Definizzjonijiet – Din id-dispożizzjoni tipprovdi definizzjonjiet għal “fondi” (fir-rigward tar-reati tal-finanzjament tat-terroriżmu cf. Artikolu 11) u f’konformità mal-acquis tal-UE 20 “persuni ġuridiċi” (fir-rigward tal-obbligu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi cf. Artikolu 19) u “grupp terroristiku” (fir-rigward tar-reat relatat ma’ grupp terroristiku cf. Artikolu 4, identiku għad-definizzjoni li qabel kienet tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI).

Titolu II: Reati terroristiċi u reati relatati ma’ grupp terroristiku

Artikolu 3: Reati terroristiċi – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi liema reati għandhom jiġu kkunsidrati bħala reati terroristiċi fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni kienet diġà inkluża fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI u ma nbidlitx minn dak iż-żmien. L-għan ewlieni ta’ din id-dispożizzjoni prinċipali hija li tqarreb id-definizzjoni tar-reati terroristiċi fl-Istati Membri kollha billi tintroduċi kwalifika speċifika u komuni ta’ ċerti atti bħala reati terroristiċi. Atti terroristiċi huma reati serji li jsiru atti terroristiċi minħabba l-motivazzjoni ta’ dik il-persuna li wettqet ir-reat. Il-kunċett ta’ reati terroristiċi huwa għalhekk tlaqqigħa ta’ żewġ elementi: element oġġettiv, peress li jirreferi għal lista ta’ mġiba kriminali serja, kif definit b’referenza għal-liġi nazzjonali, u element suġġettiv, peress li dawn l-atti għandhom jitqiesu reat terroristiku meta jitwettqu b’intenzjoni speċifika.

Artikolu 4: Reati relatati ma’ grupp terroristiku – Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw it-tmexxija jew il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bl-għarfien tal-fatt li b’din il-parteċipazzjoni sejjer jingħata kontribut għall-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li t-tmexxija ta’ grupp terroristiku u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tiegħu minnhom nfushom jitqiesu bħala fatti kriminali indipendenti u huma ttrattati bħala reati terroristiċi. Kienet diġà inkluża fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI u ma nbidlitx bl-emendi tal-2008. L-adattament tal-qafas legali attwali għall-obbligi internazzjonali (b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Addizzjonali) ma jeħtieġx reviżjoni ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport ta’ spjegazzjoni għall-Protokoll Addizzjonali jiċċara li jitħalla f’idejn il-Partijiet biex jiddefinixxu l-grupp terroristiku.

Titolu III — Reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi 

Ir-reati definiti taħt dan it-titlu jikkonċernaw reati li huma ta’ natura gravi ħafna peress li għandhom il-potenzjal li jwasslu għat-twettiq ta’ reati terroristiċi u jippermettu lit-terroristi u l-gruppi ta’ terroristi milli jżommu u jiżviluppaw iktar l-attivitajiet kriminali tagħhom. Filwaqt li dawn ir-reati ma jeħtiġux li jitwettaq reat terroristiku, kif spjegat fl-Artikolu 15, huma jinkludu wkoll element oġġettiv, jiġifieri mġiba u ċirkostanzi ddefiniti b’mod ċar, u element suġġettiv, jiġifieri l-intenzjoni jew għarfien ta’ dak li jwettaq ir-reat jew ta’ dak li potenzjalment jista’ jwettaq ir-reat għaliex l-imġiba tiegħu jew tagħha għandha l-potenzjal li twassal għat-twettiq jew il-kontribuzzjoni f’reati terroristiċi. Dawn l-elementi għandhom jiġu pprovati b’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru permezz ta’ evidenza ppreżentata lil qorti jew tribunal indipendenti għall-iskrutinju b’konformità mal-proċeduri kriminali applikabbli u speċifiċi tal-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati fil-proċeduri kriminali b’ħarsien sħiħ tal-garanziji tad-dritt fundamentali ta’ proċess ġust, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Artikolu 5: Il-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku — Dan ir-reat ġie introdott mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/JHA (li introduċiet reat ġdid fl-Artikolu 3(1)(a)) biex timplimenta l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu.

Skont din id-dispożizzjoni jiġu kkunsidrati bħala atti punibbli, pereżempju, il-glorifikazzjoni tal-bombi suwiċida, l-inkoraġġiment biex wieħed jingħaqad ma’ jihad vjolenti, stedini diretti biex jinqatlu dawk li ma jemmnux, il-ġustifikazzjoni tat-terroriżmu jew it-tixrid ta’ messaġġi jew ritratti ta’ qtil brutali bħala mezz għall-ksib ta’ pubbliċità għall-kawżi terroristiċi jew biex jagħtu prova tal-qawwa tagħhom, sakemm tali mġiba fil-fatt toħloq ir-riskju li jitwettqu l-atti terroristiċi u sakemm li l-messaġġi jinxterdu bl-iskop li jkunu ta’ għajnuna gall-attivitajiet terroristiċi (mhux neċessarjament dawk ta’ organizzazzjoni terrorista speċifika). Dawn il-messaġġi u ritratti jistgħu jinkludu wkoll dawk li jmaqdru lill-vittmi tat-terroriżmu, inklużi l-familji tagħhom. Id-dispożizzjonijiet kellhom il-ħsieb ukoll li jiżguraw li t-tixrid ta’ messaġġi permezz tal-Internet li jinkoraġġixxu t-twettiq ta’ reati terroristiċi jew li jipprovdu kompetenza terroristika, isiru punibbli. Artikolu 6: Ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu — Dan ir-reat ġie introdott mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI (li introduċa reat ġdid fl-Artikolu 3(1)(b)) biex jimplimenta l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu. Kif iċċarat fin-noti ta’ spjegazzjoni għal din il-Konvenzjoni, il-piena skont din id-dispożizzjoni “teħtieġ li r-reklutatur ikollu fil-ħsieb li l-persuna jew il-persuni li hu jew hi jqabbad/tqabbad iwettaq jew kontribwixxi għat-twettiq ta’ reat terroristiku jew jingħaqad ma’ assoċjazzjoni jew grupp għal dak l-iskop, filwaqt li hu immaterjali “jekk id-destinatarji tas-solleċitazzjoni fil-fatt jipparteċipaw fit-twettiq ta’ reat terroristiku jew jingħaqdu ma’ assoċjazzjoni jew grupp għal dak l-iskop. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprovdi għodda ta’ ġustizzja kriminali adegwata bex jitwaqqfu l-attivitajiet ta’ reklutaġġ estensiv minn individwi jew netwerks ta’ reklutaġġ.

Artikolu 7: Taħriġ ipprovdut għal skopijiet ta’ terroriżmu – Dan ir-reat ġie introdott mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI (li introduċa reat ġdid fl-Artikolu 3(1)(c)) biex jiġi implimentat l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu. L-inklużjoni tagħha kellha l-ħsieb li tiġbor it-tixrid tal-istruzzjonijiet u l-manwali (onlajn) maħsuba għat-taħriġ jew l-ippjanar ta’ attakki u b’mod iktar speċifiku t-tixrid (permezz tal-internet) ta’ informazzjoni dwar mezzi u metodi terroristiċi, u b’hekk tiffunzjona bħala “kamp tat-taħriġ virtwali”. Filwaqt li saret enfasi partikolari dwar l-użu tal-internet, l-iskop tat-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu mhuwiex limitat għall-għoti ta’ taħriġ ibbażat fuq l-internet iżda jinkludi wkoll iktar taħriġ tradizzjonali.

Reati ġodda li jimplimentaw il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu — Ir-reati ta' meta jiġi riċevut taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu u l-organizzazzjoni jew inkella l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu huma introdotti biex jimplimentaw il-Protokoll Addizzjonali. Uħud mill-ispjegazzjonijiet ta’ hawn taħt huma bbażati fuq ir-rapport ta’ spjegazzjoni għall-Protokoll Addizzjonali.

Artikolu 8: Riċeviment ta' taħriġ - Il-proposta ma tkoprix biss l-għoti ta’ taħriġ għall-iskop tat-terroriżmu (li diġà jinsab fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ ĠAI), iżda wkoll meta wieħed jirċievi tali taħriġ, li jippermetti lil benefiċjarju biex iwettaq jew jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ reati terroristiċi.

Din id-dispożizzjoni timplimenta l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali. Din se tipprovdi l-infurzar tal-liġi u l-prosekuturi b’għodda oħra biex jittrattaw it-theddid li jirriżulta minn dawk in-nies li potenzjalment jistgħu jwettqu reat, fosthom dawk li fl-aħħar mill-aħħar jaġixxu waħedhom, billi toffri l-possibbiltà ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-attivitajiet ta’ taħriġ li jkollhom il-potenzjal li jwasslu għat-twettiq ta’ reati terroristiċi. Li wieħed jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu jista’ jseħħ personalment, pereż. billi wieħed jattendi kamp ta’ taħriġ immexxi minn assoċjazzjoni jew grupp terroristiku, jew permezz ta’ mezzi elettroniċi differenti, fosthom permezz tal-Internet. Madankollu, is-sempliċi fatt li wieħed iżur siti web li jkun fihom informazzjoni jew li jirċievi komunikazzjonijiet, li jistgħu jintużaw għal taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, mhux biżżejjed biex wieħed iwettaq ir-reat li jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu. Dak li jwettaq ir-reat irid normalment ikollu sehem attiv fit-taħriġ. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu, madankollu, li jikkriminalizzaw forom ta’ “studju-awtonomu” fid-dritt nazzjonali tagħhom.

Bara minn hekk, l-għan li wieħed jirċievi taħriġ għat-terroriżmu jrid ikun biex iwettaq jew jikkontribwixxi għall-kummissjoni ta' reat terroristiku, kif definit fl-Artikolu 3, u dak li jwettaq ir-reat irid ikollu l-intenzjoni jagħmel hekk. Il-parteċipazzjoni f’attivitajiet inkella legali, bħal li wieħed jieħu kors fil-kimika f’università, li jieħu lezzjonijiet ta’ titjir jew li jirċievi taħriġ militari pprovdut minn Stat, tista’ tiġi kkunsidrata bħala illegali peress li wieħed qiegħed iwettaq reat kriminali li jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, jekk jista’ jintwera li l-persuna li qiegħda tirċievi t-taħriġ għandha l-intenzjoni kriminali meħtieġa biex tuża t-taħriġ li tkun kisbet biex twettaq reat terroristiku.

Artikolu 9: Vjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu - Dan ir-reat jolqot primarjament il-fenomenu tal-ġellieda terroristiċi barranin billi jiġi kkriminalizzat l-ivvjaġġar lejn pajjiż ieħor għal skopijiet terroristiċi. L-Artikolu 9 huwa maħsub biex jimplimenta l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali.

L-għan tad-dispożizzjoni huwa li tobbliga Stat Membru jikkriminalizza l-att ta’ vvjaġġar lejn pajjiż ieħor, jekk jista’ jintwera li l-iskop maħsub ta’ dak il-vjaġġ huwa biex wieħed iwettaq, jikkontribwixxi fi jew jipparteċipa f’reati terroristiċi kif definit fl-Artikolu 3, jew li jagħti jew jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu kif definit fl-Artikolu 7 u 8. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-Protokoll Addizzjonali, id-dispożizzjoni tinkludi wkoll li l-ivvjaġġar bi skop ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku kif definit fl-Artikolu 4 irid jiġi kkriminalizzat ukoll. Il-krimininalizzazzjoni tal-ivvjaġġar għal dan l-għan hija daqstant importanti biex jiġi indirizzat t-theddid li joħolqu l-ġellieda terroristiċi barranin u se tipprovdi lill-investigaturi u l-prosekuturi bl-għodda meħtieġa biex jiġu segwiti b’mod effettiv l-iskopijiet u l-attivitajiet differenti li l-ġellieda terroristiċi barranin ikunu qegħdin isegwu.

Id-dispożizzjoni tkopri kemm l-ivvjaġġar lejn pajjiżi terzi, kif ukoll lejn l-Istati Membri tal-UE, inklużi dawk tan-nazzjonalità jew ir-residenza ta’ dak li jwettaq ir-reat. L-ivvjaġġar lejn l-Istat ta’ destinazzjoni jista’ jkun dirett jew billi wieħed jgħaddi minn Stati oħrajn matul il-vjaġġ.

L-individwi kollha li jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor se jkunu potenzjalment affettwati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kriminalizzazzjoni tal-att ta’ vvjaġġar barra mill-pajjiż għall-iskop ta’ terroriżmu skont id-Direttiva. Il-gravità tat-theddida li joħolqu l-ġellieda terroristi barranin tiggarantixxi reazzjoni b’saħħitha, min-naħa l-oħra, trid tkun kompatibbli bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet u l-istat tad-dritt. L-Artikolu 9 huwa kkonċernat biss mill-kriminalizzazzjoni tal-att ta’ vvjaġġar skont kundizzjonijiet partikolari ħafna, u b’intenzjoni speċifika b’rabta mal-iskop tal-ivvjaġġar.

Artikolu 10: L-organizzazzjoni jew inkella l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet terroristiċi - Din id-dispożizzjoni timplimenta l-Artikolu 6 tal-Protokoll Addizzjonali u teħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-imġiba li li tippermetti l-ivvjaġġar b’għan terroristiku, bħal atti ta’ organizzazzjoni jew faċilitazzjoni ta’ vjaġġar bħal dan. . It-terminu “organizzazzjoni” jkopri varjetà ta’ mġiba relatata ma’ arranġamenti prattiċi marbuta mal-ivvjaġġar, bħax-xiri ta’ biljetti u l-ippjanar ta’ itinerarji. It-terminu “faċilitazzjoni” qed jintuża biex ikopri kull imġieba oħra minn dawk li jaqgħu taħt “organizzazzjoni” li tassisti l-vjaġġatur meta jasal fid-destinazzjoni tiegħu jew tagħha. Bħala eżempju jista' jissemma l-att tal-assistenza lill-vjaġġatur meta jaqsam illegalment il-fruntiera. Barra milli jaġixxi intenzjonalment, l-awtur irid ikun jaf li l-għajnuna hija mogħtija għal skopijiet ta’ terroriżmu.

Artikolu 11: Finanzjament tat-terroriżmu - Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jikkriminalizzaw il-provvista ta’ fondi li huma użati biex jitwettqu reati terroristiċi u reati relatati ma’ gruppi terroristiċi jew attivitajiet terroristiċi. Id-definizzjoni hija konformi mad-definizzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu fid-Direttiva 2015/849/UE, li tkopri l-finanzjament tar-reati kollha kif definit fl-Artikolu minn 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, kif emendata mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI. Il-kunċett ta’ fondi huwa definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva proposta.

Barra minn hekk, l-inklużjoni tal-finanzjament tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu (reat li qabel ma kienx jinsab fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI) timplimenta l-Artikolu 5 tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni Nru 5 tal-FATF (peress li din ġiet iċċarata mill-emenda adottata dan l-aħħar għan-Nota Interpretattiva għar-Rakkomandazzjoni Nru 5). Skont l-Artikolu 15, mhuwiex neċessarju li r-reat effettivament jitwettaq jew li tiġi stabbilita rabta ma’ reat terroristiku speċifiku jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi. L-Artikolu 11 flimkien mal-Artikolu 15 jimplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-FATF imsemmija iktar 'il fuq li teħtieġ li l-finanzjament tat-terroriżmu jiġi kriminalizzat anki fin-nuqqas ta’ rabta ma’ att jew atti terroristiċi speċifiċi.

Il-fondi jistgħu jiġu minn sors waħdieni, pereż. bħala self jew rigal li jiġi pprovdut lill-vjaġġatur minn persuna jew entità legali, jew minn diversi sorsi permezz ta’ xi tip ta’ ġbir organizzat minn persuna jew iktar minn persuna waħda jew entitajiet legali.

L-Artikolu 12-14: serq aggravat, estorsjoni u frodi biex jitwettqu reati terroristiċi - Sett finali ta’ reati marbuta mat-terroriżmu (cf. l-Artikoli minn 12 sa 14 jikkonċernaw serq aggravat, estorsjoni u frodi bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 3 jew 4 (b)). Dawn ir-reati kienu diġà jiffurmaw parti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-atti preparatorji għat-twettiq ta’ dawn ir-reati bil-ħsieb li jitwettqu ċerti reati terroristiċi jkunu kriminalizzati bħala attività relatata mat-terroriżmu irrispettivament minn jekk ir-reat terroristiku jkunx twettaq, pereż. is-serq ta’ splussivi biex eventwalment jitwettaq att terroristiku iżda fejn l-attakk terroristiku ppjanat ma jitwettaqx.

Titolu IV: Dispożizzjonijiet ġenerali relatati ma’ reati terroristiċi, reati relatati ma’ grupp terroristiku jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi

Artikolu 15: Relazzjoni mar-reati terroristiċi - Din id-dispożizzjoni ta’ applikazzjoni orizzontali tagħmilha ċara li għal kull reat relatat ma’ grupp terroristiku jew attivitajiet terroristiċi (inklużi r-reati definiti fl-Artikolu 16), ma jridx ikun meħtieġ li reat terroristiku effettivament jitwettaq, kif diġà stipulat fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, kif emendat mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI. Pereżempju l-kriminalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristku ma titlobx li atti terroristiċi jkunu diġà twettqu jew li qegħdin jitwettqu. Barra minn hekk, ma jkunx neċessarju li tiġi stabbilita rabta ma' reat terroristiku speċifiku jew, sa fejn ir-reati fl-Artikoli minn 9 sa 11 huma kkonċernati, għal reati speċifiċi marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi. Pereżempju, għall-kriminalizzazzjoni tar-reklutaġġ għat-terroriżmu mhuwiex meħtieġ li l-persuna tiġi mitluba biex twettaq reat terroristiku speċifiku jew li l-persuna li tipprovdi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu tagħti struzzjonijiet lil persuna fit-twettiq ta’ reat terroristiku speċifiku. Fl-istess spirtu, għall-kriminalizzazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu, huwa biżżejjed li jkun hemm għarfien dwar l-użu tal-fondi għal skopijiet li jkunu ta’ għajnuna għall-attivitajiet terroristiċi b'mod ġenerali mingħajr ma jkun hemm irbit ma' pereżempju vjaġġ diġà maħsub barra mill-pajjiż.

Artikolu 16: Għajnuna jew kompliċità, inċitazzjoni u tentattiv – Din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati msemmija hawn fuq, li titlob lill-Istati Membri jikkriminalizzaw forom oħra ta’ għajnuna u kompliċità, inċitazzjoni u tentattiv ta’ ħafna mir-reati msemmija.

L-għajnuna u l-kompliċità ta’ reat terroristiku jista’ jinkludi varjetà sħiħa ta’ attivitajiet li jistgħu jvarjaw mill-forniment tar-riżorsi finanzjarji għall-eżekuzzjoni ta’ attakk terroristiku, l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ jew materjal bħal (permezz ta’) trasport, armi, splussivi jew kenn.

Minbarra r-rekwiżiti kif attwalment stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, kif emendat mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI, ġie propost li jiġu kkriminalizzati wkoll l-għajnuna u l-kompliċità b’rabta mar-riċeviment tat-taħriġ. Filwaqt li dan mhuwiex meħtieġ skont il-Protokoll Addizzjonali, il-kriminalizzazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ attivitajiet hija koerenti mal-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna u l-kompliċità ta’ attivitajiet preparatorji oħrajn. Tabilħaqq l-għoti ta’ għajnuna lil persuna biex titħarreġ (pereżempju billi tittraduċi kontenut terroristiku f’lingwa barranija b’għarfien sħiħ tal-kontenut kif ukoll l-użu intenzjonat ta’ tali struzzjoni) mhuwiex inqas kundanabbli milli jingħata appoġġ simili (traduzzjoni) lil persuna li qiegħda tipprovdi t-taħriġ.

Huwa propost li l-kriminalizzazzjoni ta’ inċitament tiġi estiża għar-reati kollha. Fil-fatt, dak li jinċita spiss huwa l-forza mexxejja tal-azzjonijiet magħmula minn dawk li jiksru l-liġi. Barra minn dak li kien diġà kriminalizzat skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, il-proposta attwali tikkriminalizza inċitament lil reati relatati mal-attivitajiet terroristiċi kif jinsabu fit-Titolu III. Pereżempju, il-persuna li tinstiga lil persuna oħra biex b'mod attiv tirrekluta oħrajn jew tivvjaġġa barra mill-pajjiż għal għanijiet terroristiċi għalhekk tkun koperta mill-Artikolu 16.

Meta mqabbel mad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, l-obbligi addizzjonali maħluqa għall-Istati Membri huma li jikkriminalizzaw it-tentattiv ta’ vvjaġġar barra mill-pajjiż għall-iskopijiet terroristiċi, skont l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll Addizzjonali. Barra minn hekk, obbligu addizzjonali jikkonsisti fil-kriminalizzazzjoni tat-tentattiv kif ukoll fl-għajnuna u l-kompliċità tal-finanzjament terroristiku, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-FATF Nru 5 u d-definizzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu fid-Direttiva 2015/48/UE. Huwa propost ukoll li jiġi kkriminalizzat it-tentattiv biex jiġi pprovdut it-taħriġ, kif ukoll ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu. Dan iqis ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll is-sitwazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li - kif wera r-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2014 - diġà kkriminalizzaw it-tentattiv għal dawn ir-reati.

Artikolu 17: Il-pieni għall-persuni fiżiċi — Din id-dispożizzjoni, li diġà tinsab fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, hija applikabbli għar-reati kollha u tirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu l-estradizzjoni. It-tieni paragrafu jenfasizza li r-reat terroristiku għandu jkun punibbli b’sanzjoni iktar severa minn dawk ir-reati simili fil-liġi nazzjonali mingħajr intenzjoni terroristika. Għal ċerti reati, huwa stabbilit minimu għall-piena massima li għandha tiġi imposta.

Huwa propost li din id-dispożizzjoni tibqa’ kif inhi. B’mod partikolari l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, li - skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Addizzjonali - japplika kif xieraq, ma jeħtieġ ebda tibdil.

Artikolu 18: Ċirkostanzi mitiganti - Din id-dispożizzjoni diġà kinet tinsab fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI (li tirreferi għal "ċirkostanzi partikolari"), wara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1996 fuq individwi li jikkooperaw mal-proċess ġudizzjarju fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali. Tippermetti lill-Istati Membri jqisu ċerti ċirkostanzi mitiganti li jnaqqsu l-penali imposta fuq it-terroristi. Huwa propost li s-sustanza ta' din id-dispożizzjoni tibqa’ kif inhi.

Artikolu 19: Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi – din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, filwaqt li jiġi eskluż li responsabbiltà bħal din hija alternattiva għal dik tal-persuni fiżiċi. Id-dispożizzjoni hija konformi mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, li - skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Addizzjonali - japplika kif meħtieġ.

Din id-dispożizzjoni hija meħuda mid-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, li ssegwi formula standard li tista’ tinstab fi strumenti legali oħra tal-UE, li tobbliga lill-Istati Membri jassiguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikoli minn 1 sa 4 mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna b’ċerta pożizzjoni ewlenija, f'persuna ġuridika. Mhuwiex meħtieġ li din ir-responsabbiltà tkun esklussivament kriminali.

Artikolu 20: It-tip ta’ sanzjonijiet minimi għall-persuni ġuridiċi — Din id-dispożizzjoni, li diġà tinsab fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, hija applikabbli għal sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi. Huwa propost li din id-dispożizzjoni tibqa’ kif inhi. B’mod partikolari l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, li - skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Addizzjonali - japplika kif xieraq, ma jeħtieġ ebda tibdil.

Artikolu 21: Ġurisdizzjoni u prosekuzzjoni - Din id-dispożizzjoni, li diġà ġiet stabbilita mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI u hija applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq, teħtieġ li jkun hemm bażi ta’ kompetenza għall-awtoritajiet ġudizzjarji li tippermittilhom jiftħu investigazzjoni, imexxu prosekuzzjonijiet u jtellgħu l-qorti r-reati definiti f’din id-Direttiva.

Il-punt tat-tluq huwa l-prinċipju tat-territorjalità fl-Artikolu 9(1)(a), skont liema kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reati ta’ terroriżmu li jitwettqu kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu. L-Artikoli 9(1)(b) u 9(4) jistgħu jiġu kkunsidrati bħala estensjoni ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu ġurisdizzjoni ekstraterritorjali fuq ir-reati msemmija fl-Artikolu minn 1 sa 4, meta l-persuna li wettqet ir-reat hija waħda miċ-ċittadini jew residenti tiegħu, jew ir-reat jitwettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu, jew kontra l-istituzzjonijiet jew il-poplu tiegħu, istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew korp imwaqqaf skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li huwa bbażat f’dak l-Istat Membru. L-Artikolu 9(3) jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-prinċipju “aut dedere aut iudicare”, liema jobbliga lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jwettqu prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi f’każijiet fejn dawn jirrifjutaw li jestradixxu l-persuna suspettata jew misjuba ħatja. Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali estiżi obbligaw ukoll li jiġu introdotti kriterji biex jiġu riżolti kunflitti pożittivi tal-ġurisdizzjoni li jistgħu jinqalgħu bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 9(2) jistabbilixxi lista ta’ fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sekwenzjali għal dan il-għan.

B'paragun mar-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, huwa propost li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni għar-reat għall-għotja ta' taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu kif definit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva proposta. Din id-dispożizzjoni speċjali hija meħtieġa biex jiġi żgurat li r-reat ikun jista' jiġi mressaq il-qorti b’mod effettiv fir-rigward ta’ dawk li (tipikament) mhumiex ċittadini tal-UE li qed jipprovdu taħriġ għal skopijiet terroristiċi. Fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni speċjali, l-apprendist (tipikament ċittadin / residenti tal-UE) jista' jiġi mħarrek għal reati ġodda introdotti minn meta jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu (skont l-Artikolu 21(1) a) jew c) tad-Direttiva proposta), iżda mhux dak li jħarreġ (tipikament ċittadin / residenti tal-UE). Dan joħloq lakuna mhux ġustifikata. Għaldaqstant jidher li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni għar-reati mwettqa mill-fornituri ta’ taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, fid-dawl tal-effetti possibbli ta’ mġiba bħal din fit-territorju tal-Unjoni u tal-konnessjoni materjali mill-qrib bejn reati ta’ forniment u riċeviment tat-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu.

Titolu V: Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni, l-appoġġ u d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu

Kif huwa ċċarat fil-premessa 16 tad-Direttiva proposta, il-miżuri previsti taħt dan it-titolu huma applikabbli għal “vittmi tat-terroriżmu” skont id-definizzjoni fid-Direttiva għad-Drittijiet tal-Vittmi. Il-valur miżjud tal-inkorporazzjoni ta’ din id-definizzjoni ma’ din id-Direttiva jinsab fit-tfakkir u l-iċċarar tal-istatus ta’ membri familjari tal-vittmi li mietu bħala riżultat ta’ reat terroristiku. Peress li ħafna drabi r-reati terroristiċi jirriżultaw f’diżgrazzji, huwa kruċjali li niċċaraw li l-membri familjari tal-vittmi, liema mewt ġiet ikkawżata direttament minn reati bħal dawn u li jsofru dannu bħala riżultat tal-mewt ta’ dik il-persuna huma assimilati mal-vittmi diretti u jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet. Id-Direttiva proposta tillimita l-vittmi tat-terroriżmu għal dawk li sofrew dannu direttament mir-reati terroristiċi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva proposta. Reati oħra koperti minn din id-Direttiva, b’mod partikolari reati relatati ma’ grupp terroristiku jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi ma għandhomx jiġu koperti mid-definizzjoni ta’ vittma ta’ terroriżmu, peress li huma iktar ta’ natura preparatorja u ma jirriżultawx f’vittmi diretti.

Artikolu 22: Protezzjoni ta’ u għajnuna lill-vittmi tat-terroriżmu -

L-ewwel paragrafu kien diġà inkluż fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI. Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati koperti minn din id-Direttiva ma jiddependux fuq rapport jew akkuża li tkun għamlet il-vittma, tal-inqas jekk ikunu twettqu fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni.

Fl-approċċ tal-Unjoni Ewropea kontra t-terroriżmu ngħatat importanza partikolari lill-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi. Minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom huwa propost li f’paragrafu 2 jiġu ċċarati l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jakkomodaw dawn il-ħtiġijiet bil-ħsieb li jkomplu jispeċifikaw l-obbligu għall-Istati Membri kif hemm stipulat bħalissa fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI biex jieħdu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri kollha possibbli biex jiżguraw assistenza xierqa.

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tapplika għal vittmi kollha tal-kriminalità, mingħajr ma toħolq ebda kategorija ta’ vittmi. Madankollu, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tirrikonixxi li ċerti vittmi għandhom bżonnijiet speċifiċi ta’ protezzjoni li għandhom jiġu vvalutati fuq livell individwali u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-vittmi li sofrew danni konsiderevoli, minħabba, inter alia, il-gravità tar-reat. Il-vittmi tat-terroriżmu għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq f’dan ir-rigward.

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ma tispeċifikax fid-dettall kif għandhom jiġu akkomodati l-bżonnijiet speċifici tal-vittmi tat-terroriżmu. Il-vittmi tat-terroriżmu għandhom bżonn b’mod partikolari appoġġ u assistenza. Għaldaqstant huwa kruċjali li tingħata assistenza organizzata sew u professjonali f’każ ta’ emerġenza, immedjatament wara attakk u sakemm ikun hemm bżonn wara. Assistenza immedjata bħal din tiġi deskritta ħafna drabi mill-vittmi tat-terroriżmu li salvaw bħala “għajnuna fundamentali”. Barra minn hekk, peress li l-vittmi tat-terroriżmu x’aktarx ibatu minn Disturb minn stress Postrawmatiku (Post-Traumatic Stress Disorder, PTSD) u dannu ieħor relatat ma’ trawma, huwa kruċjali li tiġi offruta assistenza psikosoċjali sakemm huwa meħtieġ f’kull każ individwali. Id-dispożizzjoni proposta tipprovdi għal servizzi ta’ appoġġ ikkwalifikati bħal dawn.

Aċċess għall-informazzjoni huwa element importanti ieħor f’sitwazzjonijiet wara attakk terroristiku li ġie kopert mill-midja b’mod qawwi filwaqt li l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet kriminali trid titħares. Il-vittmi ħafna drabi jitħawdu minħabba kontradizzjoni u nuqqas ta’ informazzjoni. Għalhekk, id-dispożizzjoni proposta titlob ukoll li jingħata aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-assistenza disponibbli u l-appoġġ kif ukoll informazzjoni dwar il-vittmi.

Id-dispożizzjonijiet proposti ma għandhomx l-għan li jemendaw id-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi, iżda li jikkwalifikawhom b’tali mod li jakkomodaw bl-aqwa mod il-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu.

Artikolu 23: Drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu residenti fi Stat Membru ieħor - L-attakki terroristiċi għandhom l-għan li jweġġgħu gruppi kbar ta’ nies u l-vittmi ħafna drabi jiġu minn jew ikollhom ir-residenzi tagħhom f’pajjiż differenti minn dak tal-attakk terroristiku. Huwa għalhekk li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-vittmi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u dwar l-aċċessibbiltà tal-iskemi ta’ kumpens. Barra minn hekk, l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tat-terroriżmu jkollhom aċċess għal appoġġ emozzjonali u psikoloġiku fit-tul u assistenza fil-post fejn jgħixu.

Titolu VI: Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 24: Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu - Din hija dispożizzjoni li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI.

Artikolu 25: Traspożizzjoni -Minħabba l-urġenza biex jiġu implimentati r-reati addizzjonali proposti, hija meħtieġa traspożizzjoni qasira. L-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ 12-il xahar ġiet stabbilita bil-preżunzjoni li n-negozjati jitwettqu b’mod rapidu.

 

2015/0281 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) u l-Artikolu 82(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri universali tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Hija mwaqqfa fuq il-prinċipju tad-demokrazija u l-prinċipju tar-regola tal-liġi, il-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

(2)L-atti tat-terroriżmu jikkostitwixxu wieħed mill-iktar ksur serju tal-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni Ewropea. Hija tirrappreżenta wkoll waħda mill-iktar attakki serji fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-prinċipji li huma komuni fl-Istati Membri u fuq liema l-Unjoni Ewropea hija bbażata.

(3)Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI 21 hija l-pedament tal-ġustizzja kriminali kontra t-terroriżmu. Qafas legali komuni għall-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari, definizzjoni armonizzata tar-reati terroristiċi, iservu bħala punt ta’ riferiment għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, 22 id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI 23 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, 24 ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 25 id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI 26 u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI 27 .

(4)Tul dawn l-aħħar snin, it-theddida terroristika kibret u evolviet b’mod rapidu. L-individwi msejħa “ġellieda terroristi barranin” jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom għal skopijiet ta’ terroriżmu. Ir-ritorn lura ta’ ġellieda terroristi barranin huma ta’ theddida qawwija għas-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-UE. Il-ġellieda terroristi baranin ġew assoċjati ma’ ħafna mill-attakki jew il-komplotti ta’ dan l-aħħar, inkluż l-attakk ta’ Pariġi tat-13 ta’ Novembru 2015. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid akbar minn individwi ispirati jew istruzzjonati minn gruppi terroristiċi barra mill-pajjiż iżda li jibqgħu fl-Ewropa.

(5)Meta titqies l-evoluzzjoni tat-theddid terroristiku u l-obbligi legali tal-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inkluż r-reati relatati ma’ grupp terroristiku u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata iktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri b’mod iktar komprensiv l-imġiba relatata b'mod partikolari mal-ġellieda terroristiċi barranin u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn il-forom ta’ mġiba għandhom ikunu punibbli anke jekk twettqu permezz tal-Internet, inkluż il-midja soċjali.

(6)Ir-reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi huma ta’ natura serja ħafna peress li għandhom il-potenzjal li jwasslu għat-twettiq ta’ reati terroristiċi u jippermettu lit-terroristi u gruppi terroristiċi jżommu u jkomplu jiżviluppaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, u dan jiġġustifika l-kriminalizzazzjoni ta’ mġiba bħal din.

(7)Ir-reati relatati mal-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq att ta' reat terroristiku jinkludu, inter alia, il-glorifikazzjoni u l-ġustifikazzjoni tat-terroriżmu jew it-tixrid ta’ messaġġi jew ritratti, fosthom dawk relatati mal-vittmi tat-terroriżmu bħala mezz sabiex tingħata pubbliċità għat-terroristi jew biex jintimidaw serjament lill-popolazzjoni, sakemm din l-imġiba tikkaġuna periklu li jistgħu jiġu mwettqa atti terroristiċi.

(8)Meta wieħed iqis is-serjetà tat-theddida u l-ħtieġa li b'mod partikolari jitwaqqaf il-fluss tal-ġellieda terroristiċi barranin, huwa neċessarju li l-ivvjaġġar ’il barra mill-pajjiż għal finijiet terroristiċi jiġi kkriminalizzat, li ma jkunx jinkludi biss it-twettiq ta’ reati terroristiċi u li wieħed jagħti jew jirċievi taħriġ, iżda anki l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku. Kull att ta’ faċilitazzjoni ta’ dan l-ivvjaġġar għandu jiġi kkriminalizzat.

(9)Il-kriminalizzazzjoni ta’ meta jirċievi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu jikkumplimenta r-reati eżistenti ta’ għoti ta’ taħriġ u tindirizza speċifikament it-theddid li jirriżulta minn dawk li jippreparaw b’mod attiv għat-twettiq tar-reati terroristiċi, inkluż dawk li fl-aħħar mill-aħħar jaġixxu waħedhom.

(10)Il-finanzjament tat-terroriżmu għandu jkun punibbli fl-Istati Membri u jkopri l-finanzjament tal-atti terroristiċi, il-finanzjament ta’ grupp terroristiku, kif ukoll ta’ reati oħrajn relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, bħar-reklutaġġ u t-taħriġ, jew ivvjaġġar għal finijiet terroristiċi, bil-għan li jfixkel l-istrutturi ta’ appoġġ li jiffaċilitaw it-twettiq tar-reati terroristiċi. L-għajnuna u l-kompliċità jew l-attentat ta’ finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu punibbli wkoll.

(11)Barra minn hekk, l-għoti ta’ appoġġ materjali għat-terroriżmu permezz ta’ persuni involuti fi, jew li jaġixxu bħala intermedjarji jew ta’ provvista jew moviment ta’ servizzi, assi u prodotti, fosthom tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu dħul fi jew ħruġ mill-Unjoni għandu jkun punibbli fl-Istati Membri, bħala għajnuna u kompliċità tat-terroriżmu jew finanzjament tat-terroriżmu jekk isiru bl-għarfien li dawn l-operazzjonijiet jew bid-dħul minnhom huma maħsuba biex jintużaw, kollha kemm huma jew parti minnhom, għal skopijiet terroristiċi jew jibbenefikaw gruppi terroristiċi.

(12)It-tentattiv ta’ vvjaġġar 'il barra mill-pajjiż għal finijiet terroristiċi għandu jkun punibbli, kif ukoll it-tentattiv li jiġi pprovdut taħriġ u reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu.

(13)Fir-rigward ta’ reati kriminali previsti f’din id-Direttiva, il-kunċett ta’ intenzjoni għandu jiġi applikat għall-elementi kollha li jikkostitwixxu dawk ir-reati. In-natura intenzjonali ta’ att jew ommissjoni jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi.

(14)Barra minn hekk, għandhom jingħataw pieni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li wettqu jew kienu responsabbli għal dawn it-tipi ta’ reati, li jirriflettu s-serjetà ta’ dawn ir-reati.

(15)Għandhom ikunu stabbiliti regoli ta' ġurisdizzjoni biex jiżguraw r-reati terroristiċi jkunu jistgħu jiġu persegwiti b'mod effettiv. B’mod partikolari, jidher meħtieġ li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni għal reati mwettqa mill-fornituri ta’ taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, fid-dawl tal-effetti possibbli ta’ mġibiet bħal dawn fit-territorju tal-Unjoni u tal-konnessjoni materjali mill-qrib bejn reati ta' għoti jew riċeviment ta' taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu.

(16)L-Istat Membru għandu jadotta miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni, appoġġ u assistenza li jirrispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu, li jikkwalifikaw iktar u li jsaħħu d-drittijiet li huma diġà inklużi fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 . Il-vittmi tat-terroriżmu huma dawk definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/29/UE, fir-rigward ta’ reati terroristiċi kif imsemmi fl-Artikolu 3. Il-miżuri li jridu jittieħdu mill-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta’ attakk terroristiku, il-vittmi tat-terroriżmu jiksbu appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, inkluż appoġġ u konsulenza għat-trawma, u kwalunkwe informazzjoni u parir legali, prattiku jew finanzjarju.

(17)L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom biex jiżguraw li dak l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, dwar is-servizzi tal-appoġġ disponibbli u dwar l-iskemi ta’ kumpens aċċessibbli jingħata lill-vittmi kollha tat-terroriżmu. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-terroriżmu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ fit-tul fil-pajjiż residenti tagħhom, anki jekk ir-reat terroristiku seħħ f’pajjiż ieħor tal-UE.

(18)Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti unilateralment mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-bżonn għal regoli armonizzati madwar l-Ewropa, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(19)Din id-Direttiva tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tħares id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk stabbiliti fil-Kapitoli II, III, V u VI tiegħu li jinkludu inter alia, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni b’mod partikolari abbażi ta’ razza, kulur, etniċità jew oriġini soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, politika jew kull opinjoni oħra, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u familjari u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-prinċipju tal-legalità u proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, u b’hekk tkopri wkoll r-rekwiżit tal-preċiżjoni, iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà fil-liġi kriminali, il-preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll il-libertà tal-moviment kif stipulat fl-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2004/38/KE. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(20)L-implimentazzjoni tal-kriminalizzazzjoni skont din id-Direttiva għandha tkun proporzjonata man-natura u ċ-ċirkostanzi tar-reat, b’ħarsien tal-miri leġittimi segwiti u n-neċessitajiet tagħhom f’soċjetà demokratika, u għandha teskludi kull forma ta’ arbitrarjetà jew diskriminazzjoni.

(21)Id-Direttiva għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI 29 għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

(22)[F'konformità mal-Artikoli 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.]

U/ JEW

(23)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(24)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI tkompli torbot u applikabbli għad-Danimarka.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Titolu I: Is-suġġett u d-definizzjonijiet

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tar-reati terroristiċi, reati relatati ma’ gruppi terroristiċi u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni u assistenza lill-vittmi tat-terroriżmu.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“fondi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, madankollu akkwistati, u dokumenti legali jew instrumenti ta’ kull forma, fosthom elettroniċi jew diġitali, li jixhdu titolu għal, jew interess fi, assi ta’ din ix-xorta, fosthom, iżda mhux limitati għal, krediti ta’ banek, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, ċekkijiet tal-banek, ordnijiet ta’ flus, ishma, titoli, bonds, abbozzi, ittri ta’ kreditu,

(b)“persuna ġuridika” tfisser kull entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

(c)“grupp terroristiku” tfisser: grupp li għandu struttura ta' aktar minn żewġ persuni, mwaqqaf fuq perjodu ta' żmien u li jaġixxi flimkien sabiex iwettaq reati terroristiċi.

(d)"Grupp strutturat" tfisser grupp li ma ġiex iffurmat bl-addoċċ għat-twettieq immedjat ta' reati u li ma għandux il-ħtieġà ta' rwoli definiti formalment għall-membri tiegħu, kontinwità tas-sħubija tiegħu jew struttura żviluppata.

Titolu II:
Reati terroristiċi u reati relatati ma’ grupp terroristiku

Artikolu 3
Reati terroristiċi

1.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-atti intenzjonati msemmija fil-paragrafu 2, kif definiti bħala reati skont il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu joħolqu dannu serju lil pajjiż jew lil organizzazzjoni internazzjonali li huma definiti bħala reati terroristiċi fejn twettqu bil-għan ta’ wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)jintimidaw b’mod serju lill-popolazzjoni;

(b)b’mod illeċitu jġiegħlu lill-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli tagħmel xi att,

(c)jiddestabilizzaw jew ikissru serjament l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta' pajjiż jew ta' organizzazzjoni internazzjonali;

2.L-atti intenzjonati msemmija fil-paragrafu 1 huma

(a)L-attakki fuq il-ħajja ta’ persuna li jistgħu jikkaġunaw il-mewt;

(b)attakki fuq l-integrità fiżika tal-persuna;

(c)(ċ) il-ħtif ta' persuna jew il-ħtif ta' ostaġġi;

(d)toħloq distruzzjoni estensiva lil faċilita governattiva jew pubblika, sistema ta’ trasport, facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva, post pubbliku jew proprjeta privata, x’aktarx li jqiegħed ħajja umana jew tirriżulta f’telf ekonomiku akbar;

(e)il-ħtif ta' ajruplani, vapuri, jew mezzi oħra tat-trasport pubbliku jew tal-merkanzija;

(f)il-manifattura, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-kunsinna jew l-użu ta' armi, splussivi jew ta' armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp ta' armi bijoloġiċi u kimiċi;

(g)il-ħelsien ta' sustanzi perikolużi, jew li joħolqu n-nirien, għargħar jew splussjonijiet li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem;

(h)jinterferixxi jew ifixkel il-provvista (jew fornitura) ta’ ilma, enerġija jew riżors naturali u fundamentali, liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(i)it-theddid li jitwettaq xi wieħed mill-atti msemmija fil-punti minn (a) sa (h).

Artikolu 4
Reati li għandhom x'jaqsmu ma' grupp terroristiku

Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-atti li ġejjin, meta jitwettqu intenzjonalment, huma punibbli bħala reat kriminali:

(a)it-tmexxija ta' grupp terroristiku;

(b)il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' grupp terroristiku, inkluż bl-għoti ta' informazzjoni jew riżorsi materjali, jew bl-iffinanzjar ta' l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bil-konoxxenza tal-fatt illi parteċipazzjoni bħal din se tgħin lill-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku.

Titolu III: Reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi

Artikolu 5
provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku;

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-distribuzzjoni, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ messaġġ lill-pubbliku, bl-intenzjoni li jinċita t-twettiq ta’ wieħed mir-reati fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 3(2), fejn din it-tip ta’ mġiba, kemm jekk tħeġġeġ direttament jew le reati ta’ terroriżmu, tikkawża periklu li jista’ jitwettaq reat wieħed jew aktar, ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 6
Reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tħajjir ta’ persuna oħra biex twettaq wieħed mir-reati elenkati fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 3(2), jew fl-Artikolu 4 ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 7
L-għoti ta’ taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għoti ta’ taħriġ fil-produzzjoni jew fl-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew f’sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew f’metodi jew tekniki oħra speċifiċi, għall-fini li jitwettaq jew jingħata sehem f’wieħed mir-reati elenkati fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 3(2), bl-għarfien li l-ħiliet ipprovduti huma maħsuba biex jintużaw għal dan l-iskop, ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 8
Ir-riċeviment taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li biex wieħed jirċievi taħriġ, mingħand persuna oħra fil-produzzjoni jew fl-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew f’sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew f’metodi jew tekniki oħra speċifiċi, għall-finijiet li jitwettaq jew tiġi offruta għajnuna fit-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 3(2) ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 9
Ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ivvjaġġar lejn pajjiż ieħor għall-fini li jitwettaq jew tiġi offruta għajnuna f’reat terroristiku msemmi fl-Artikolu 3, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku msemmi fl-Artikolu 4 jew l-għoti jew ir-riċeviment ta’ taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu msemmi fl-Artikoli 7 u 8 ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 10
Organizzazzjoni jew faċilitazzjoni xort’oħra tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull att ta’ organizzazzjoni jew faċilitazzjoni li jgħin kwalunkwe persuna biex tivvjaġġa barra mill-pajjiż għall-iskop ta’ terroriżmu, kif imsemmi fl-Artikolu 9, bl-għarfien li l-assistenza mgħotija hija għal dak il-għan, ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 11
Finanzjament tat-terroriżmu

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għoti jew il-ġbir ta’ fondi, b'kull mezz, direttament jew indirettament, bl-intenzjoni li jintużaw, jew bl-għarfien li sejrin jintużaw, b’mod sħiħ jew parzjali, biex jitwettaq kull wieħed mir-reat(i) imsemmi(ja) fl-Artikoli minn 3 sa 10 u minn 12 sa 14 jew 16 ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 12
Serq aggravat sabiex jitwettaq reat terroristiku

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li serq aggravat bil-ħsieb biex jitwettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 3 ikun punibbli bħala reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment.

Artikolu 13
Estorsjoni biex jitwettaq reat terroristiku

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li estorsjoni bil-għan li jitwettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 3 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment.

Artikolu 14
Tħejjija ta’ dokumenti amministrattivi foloz biex jitwettaq reat terroristiku

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tħejjija ta’ dokumenti amministrattivi foloz bil-ħsieb li jitwettaq wieħed mir-reati elenkati fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 3(2) u punt (b) tal-Artikolu 4 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment.

Titolu IV: Dispożizzjonijiet ġenerali relatati ma’ reati terroristiċi, reati relatati ma’ grupp terroristiku jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi

Artikolu 15
Relazzjoni mar-reati terroristiċi

Sabiex reat imsemmi fl-Artikolu 4 u t-Titolu II ikun punibbli, mhuwiex meħtieġ li reat terroristiku jkun effettivament twettaq, u lanqas mhuwa meħtieġ li tiġi stabilità rabta ma’ reat terroristiku speċifiku jew, sa fejn ir-reati fl-Artikoli 9 u 11 huma kkonċernati, għal reati speċifiċi relatati ma’ attivitajiet terroristiċi.

Artikolu 16
Għajnuna jew kompliċità, inċitazzjoni u tentattiv

1.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-għajnuna jew il-kompliċità f’reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 8 u minn 11 sa 14 issir punibbli.

2.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-inċitazzjoni ta’ reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 14 issir punibbli.

3.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li t-tentattiv li jitwettaq reat imsemmi fl-Artikoli 3, 6, 7, 9 u minn 11 sa 14, bl-eċċezzjoni tal-pussess kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 3(2) u r-reat imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 3(2), isir punibbli.

Artikolu 17
Pieni għal persuni fiżiċi

1.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16 ikunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi, u li jistgħu jinkludu l-estradizzjoni.

2.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li r-reati terroristiċi msemmija fl-Artikolu 1(3) u r-reati msemmija fl-Artikolu 16, safejn dawn ikollhom x'jaqsmu ma' reati terroristiċi, ikunu kastigabbli b'pieni ta' priġunerija eħrex minn dawk possibbli skont il-liġi nazzjonali għal reati bħal dawn fl-assenza ta' intenzjoni speċjali meħtieġa skont l-Artikolu 3(1), salv fejn il-piena imposta tkun diġà s-sentenza massima possibbli skont il-liġi nazzjonali.

3.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati elenkati fl-Artikolu 4 ikunu punibbli b’pieni ta’ kustodja, b’sentenza massima ta’ mhux inqas minn 15-il sena għar-reat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 4(a), u għar-reati elenkati fil-punt (b) tal-Artikolu 4(b) sentenza massimu ta’ mhux inqas minn tmien snin. Meta r-reat terroristiku elenkat fil-punt (i) tal-Artikolu 3(2) jitwettaq minn persuna li tmexxi grupp terroristiku kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 4, is-sentenza massima ma tkunx inqas minn tmien snin.

Artikolu 18
Ċirkostanzi mitiganti

Kull Stat Membru jista' jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 17 jistgħu jitnaqqsu jekk il-persuna li tkun qiegħda twettaq ir-reat:

(a)tieqaf mill-attività terroristika, u

(b)jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni li huma kieku ma kienux xort'oħra jkunu jistgħu jakkwistaw, filwaqt li jgħinhom biex:

(1)jiġu prevenuti jew imnaqqsa l-effetti tar-reat,

(2)jiġu identifikati jew imressqa quddiem il-ġustizzja l-ħatja l-oħra,

(3)isibu provi; jew

(4)tevita reati oħra msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16.

Artikolu 19
Responsabiltà tal-persuni ġuridiċi

1.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kull reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16 imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, billi taġixxi jew b’mod individwali jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(c)prokura tal-persuna legali,

(d)awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

(e)(ċ) awtorità sabiex teżerċita kontroll ġewwa l-persuna legali,

2.L-Istati Membri jieħdu wkoll l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamel possibbli t-twettiq ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma teskludix l-proċeduri kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu involuti bħala awturi, inċitaturi jew aċċessorji fi kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16.

Artikolu 20
Pieni għall-persuni ġuridici

Kull Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-persuna ġuridika li tinsab responsabbli skont l-Artikolu 19 ikollha piena effettiva, proporzjonali u dissważiva, li jinkludu multi kriminali kif ukoll mhux kriminali, u jistgħu jinkludu wkoll pieni oħra, bħal:

(a)l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;

(b)l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju ta' attivitajiet kummerċjali;

(c)it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d)ordni ġudizzjarja ta' stralċ;

(e)l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

Artikolu 21
Ġurisdizzjoni u Prosekuzzjoni

1.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq l-offiżi li jirreferu għalihom Artikoli 3, 14 u 16 fejn:

(a)Ir-reat jittwettaq fis-sħiħ jew parti minnu fit-territorju tiegħu.

(b)ir-reat jitwettaq fuq bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jew inġenju tal-ajru rreġistrat hemmhekk;

(c)il-persuna li wettqet ir-reat hija waħda miċ-ċittadini jew residenti tiegħu;

(d)il-persuna li wettqet ir-reat tipprovdi taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, kif imsemmi fl-Artikolu 7, lil ċittadini jew residenti;

(e)ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju.

(f)ir-reat jitwettaq kontra l-istituzzjonijiet jew il-poplu tal-Istat Membru inkwistjoni jew kontra xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea u hija bbażata f’dak l-Istat Membru.

Kull Stat Membru jista' jestendi l-ġurisdizzjoni tiegħu jekk ir-reat jitwettaq fit-territorju ta' Stat Membru;

2.Meta reat jaqa' fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni ta' iżjed minn Stat Membru wieħed u fejn xi wieħed mill-Istati konċernati jistgħu jmexxu l-prosekuzzjoni b'mod validu fuq il-bażi ta' l-istess fatti, l-Istati Membri konċernati jikkooperaw sabiex jiddeċiedu liema minnhom se jmexxi l-prosekuzzjoni kontra l-persuni li wettqu r-reat bl-iskop, jekk possibbli, li jiċċentralizzaw il-proċeduri fi Stat Membru wieħed. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-Eurojust sabiex jiffaċilitaw kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom. Jittieħed kont b'segwenza ta' dawn il-fatturi li ġejjin:

(a)l-Istat Membru jkun dak it-territorju fejn twettqu l-atti,

(b)l-Istat Membru jkun dak li fih min iwettaq ir-reat huwa ċittadin jew residenti,

(c)l-Istat Membru jkun l-Istat Membru ta’ oriġini tal-vittmi,

(d)l-Istat Membru jkun dak it-territorju li fih instabet il-persuna li wettqet ir-reat.

3.Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi wkoll l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 14 u 16 f’każijiet fejn jirrifjuta li jagħti jew jagħmel estradizzjoni tal-persuna suspettata jew li nstabet ħatja ta’ reat bħal dan lejn Stat Membru jew pajjiż terz.

4.Kull Stat Membru jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu tkopri l-każijiet fejn xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 4 u 16 twettqu fis-sħiħ jew parti minnhom fit-territorju tiegħu, kull fejn il-grupp terroristiku huwa bbażat jew iwettaq l-attivitajiet kriminali tiegħu.

5.Dan l-Artikolu ma jeskludix l-eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni fil-każijiet kriminali kif stabbilit minn Stat Membru skont il-liġi nazzjonali.

TITOLU V: Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni, l-appoġġ u d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu

 Artikolu 22

Protezzjoni ta’ u għajnuna lill-vittmi tat-terroriżmu

 

1.L-Istati Membri jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni ta’ reati koperti minn din id-Direttiva ma jiddependux fuq rapport jew akkuża li tkun saret minn persuna soġġetta għar-reat, tal-inqas jekk l-atti saru fuq it-territorju tal-Istati Membri.

2.L-Istati Membri jiżguraw li servizzi speċifiċi biex jassistu u jappoġġaw lill-vittmi tar-reati terroristiċi huma fis-seħħ. Dawn is-servizzi jkollhom il-kapaċità u l-istruttura organizzattiva meħtieġa sabiex jipprovdu assistenza u appoġġ għal dawn il-vittmi immedjatament wara attakk u sakemm ikun meħtieġ wara, skont il-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull vittma. Is-servizzi jkunu kunfidenzjali, bla ħlas u aċċessibbli faċilment għall-vittmi kollha tat-terroriżmu. Huma jinkludu b'mod partikolari:

(a)l-appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, bħal appoġġ u konsulenza għal trawma;

(b)l-għoti ta’ pariri u informazzjoni dwar kull suġġett rilevanti legali, prattiku jew finanzjarju.

3.Din id-Direttiva tkun applikabbli b’żieda u mingħajr preġudizzju għal miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2012/29/UE.

Artikolu 23

Drittijiet ta’ vittmi tat-terroriżmu residenti fi Stat Membru ieħor

1.L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi tat-terroriżmu li jkunu residenti ta’ Stat Membru minbarra dak fejn twettaq ir-reat terroristiku. L-aċċess għall-informazzjoni jinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli jew l-iskemi ta’ kumpens aċċessibbli.

2.L-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi kollha tat-terroriżmu jkollhom aċċess għall-assistenza u servizzi ta’ appoġġ kif stabbilit fl-Artikolu 22 fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom, anki jekk ir-reat terroristiku twettaq fi Stat Membru ieħor.

Titolu VI: Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 24
Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Rigward l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 25
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [12-il xahar wara l-adozzjoni]. Għalhekk huma jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26
Rapportar

1.Il-Kummissjoni, sa [24 xahar wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva], tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

2.Il-Kummissjoni, sa [48 xahar wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-impatt u l-valur miżjud ta’ din id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI.

Artikolu 27
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) COM(2015) 185 finali tat-28 ta' April 2015.
(2) COM(2015) 610 finali tas-27 ta' Ottubru 2015.
(3) https://www.europol.europa.eu/content/european-union-terrorism-situation-and-trend-report-2015  
(4) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3). Kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 330, 9.12.2008, p. 31).
(5) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU L 315, 14.11.2012 p. 37).
(6) Għar-Rakkomandazzjonijiet FATP kif ukoll nota interpretattiva akkumpanjata, ikkonsulta: http://www.fatf-gafi.org/media/fatf/documents/recommendations/pdfs/FATF_Recommendations.pdf  
(7) Id-Dokument tal-Kunsill 14160/14.
(8) COM(2015) 185 finali tat-28.4.2015.
(9) COM(2015) 610 finali tas-27.10.2015.
(10) COM(2013) 941 finali, 15.01.2014.
(11) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89)
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali (ĠU L 210, 06.08.2008, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).
(14) JOIN(2015) 2 finali tas-6.2.2015.
(15) Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu: COM(2004) 409 finali tat-8 ta’ Ġunju 2004 u COM(2007) 681 finali tas-6 ta’ Novembru 2007.
(16) COM(2014) 554 finali, 05.09.2014.
(17) Id-Dokument tal-Kunsill 15715/2/14.
(18) Ara l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014, fil-kawżi konġunti C-293/12 u C-594/12, paragrafu 42.
(19) L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014, ikkwotata hawn fuq.
(20) L-istess bħall-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70).
(21) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).
(22) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89)
(23) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(24) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).
(25) Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' dejta tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ( ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).
(26) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1)
(27) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1)
(28) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU L 315, 14.11.2012 p. 37).
(29) Kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI (ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21).
Top