Help Print this page 

Document 52015PC0594

Title and reference
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma

COM/2015/0594 final - 2015/0274 (COD)
Multilingual display
Text

Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 594 final

2015/0274(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1Il-Kuntest ġenerali

Bħalissa l-ekonomija tal-Unjoni qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali li jkun hemm fil-flussi tal-iskart. Fl-2013, it-total ta' skart iġġenerat fl-UE laħaq maż-2.5 biljun tunnellata, li minnhom 1.6 biljun tunnellata ma ġewx użati mill-ġdid jew riċiklati, u b'hekk mil-lat tal-ekonomija Ewropea ntilfu. Huwa stmat li jistgħu jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid 600 miljun tunnellata oħra. Bħala eżempju, mill-iskart muniċipali ġġenerat fl-Unjoni, ġie rriċiklat biss sehem limitat (43%), filwaqt li l-bqija ntrema f'miżbla (31 %) jew f'inċineratur (26%). B'hekk l-Unjoni qiegħda titlef opportunitajiet sinifikanti biex ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi u toħloq ekonomija iktar ċirkulari.

Fir-rigward tal-immaniġġar tal-iskart, l-Unjoni tħabbat wiċċha wkoll ma' differenzi kbar fost l-Istati Membri tagħha. Fl-2011, filwaqt li sitt Stati Membri rmew f'miżbla inqas minn 3% tal-iskart muniċipali tagħhom, 18-il Stat Membru rmew f'miżbla aktar minn 50%, u wħud irmew fil-miżbliet aktar minn 90%. Din is-sitwazzjoni żbilanċjata jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti.

Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart 1 , id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 2 , id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [miżbla] 3 , id-Direttiva 2000/53/KC dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw 4 , id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi 5 u d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku 6 jiffurmaw parti minn Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi wkoll Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari".

1.2Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ix-xejriet riċenti juru li l-effiċjenza tar-riżorsi tista' tkompli titjieb u din tista' toħloq bosta benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali kbar. Mod essenzjali kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi hu billi l-iskart jinbidel f'riżorsa u allura tissawwar ekonomija ċirkolari sħiħa.

Il-miri legalment vinkolanti fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart kienu xprun ewlieni biex jitjiebu l-prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart, tiġi stimulata l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ, jiġi limitat ir-rimi fil-miżbliet, u jinħolqu inċentivi biex tinbidel l-imġiba tal-konsumaturi. L-estensjoni tal-politika dwar l-iskart tista' ġġib magħha benefiċċji sinifikanti: tkabbir sostanzjali u ħolqien tal-impjiegi, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iffrankar dirett b'rabta ma' prattiċi aħjar ta' mmaniġġar tal-iskart, u ambjent aħjar.

Din il-proposta biex temenda d-Direttiva 2008/98/KE tindirizza l-obbligu legali ta' rieżami tal-miri tal-immaniġġar tal-iskart f'dik id-Direttiva. Il-proposti li jiffurmaw parti mill-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u li jemendaw is-sitt Direttivi msemmija hawn fuq jibnu parzjalment fuq il-proposta li l-Kummissjoni ressqet f'Lulju 2014 u mbagħad irtiratha f'Diċembru 2014. Il-proposti jaqblu mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Rizorsi 7 kif ukoll tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali 8 , fosthom l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-ġerarkija tal-iskart 9 fl-Istati Membri kollha, it-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart f'termini assoluti u per capita, l-iżgurar ta' riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u l-użu tal-iskart riċiklat bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni. Il-proposti jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE għall-Materja Prima 10 , u jindirizzaw il-bżonn li jiġi evitat l-iskart tal-ikel. Barra minn hekk, dawn il-proposti jissemplifikaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar inklużi fis-sitt Direttiva li huma.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1L-istudji

Il-proposti u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjahom jeżaminaw l-aspetti teknoloġiċi, soċjoekonomiċi u ta' kosteffiċjenza marbutin mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Tfassal suppliment għall-Valutazzjoni tal-Impatt sabiex janalizza l-effetti potenzjali ta' varjanti addizzjonali tal-għażliet ewlenin ta' politika ddefiniti fl-istess Valutazzjoni tal-Impatt.

2.2Il-konsultazzjoni interna

Fi ħdan il-Kummissjoni, Grupp ta' Tmexxija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, magħmul minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (SG, ECFIN, GROW, CLIMA, JRC u ESTAT), segwa t-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi.

2.3Il-konsultazzjoni esterna

Il-Kummissjoni ħejjiet lista indikattiva ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u l-ewwel intervisti mal-partijiet interessati ewlenin bdew fi Frar 2013. F'Ġunju 2013 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet, bi qbil mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni, u din intemmet f'Settembru 2013. B'kollox waslu 670 tweġiba, u dan juri ħafna tħassib fost il-pubbliku dwar il-qagħda tal-immaniġġar tal-iskart fl-UE u aspettattivi għoljin biex tittieħed azzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Saret konsultazzjoni speċifika mal-Istati Membri bejn Ġunju u Settembru 2015, kif ukoll konsultazzjoni usa' dwar l-ekonomija ċirkulari.

2.4Valutazzjoni tal-impatt

Mal-proposta adottata f'Lulju 2014 ġew ippubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv 11 . Il-valutazzjoni tal-impatt, li tibqa' tgħodd bħala l-bażi analitika ewlenija għall-proposti leġiżlattivi riveduti, tevalwa l-impatti ewlenin ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' għadd ta' għażliet ta' politika bil-għan li jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE. Qed jiġu vvalutati bosta livelli ta' ambizzjoni u qed jitqabblu max-"xenarju bażi" ħalli jinstabu l-aktar strumenti u miri xierqa filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji kemm jista' jkun.

Fit-8 ta' April 2014 il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jorqom ir-rapport. Il-Bord talab aktar kjarifika dwar id-definizzjoni tal-problema u l-ħtieġa ta' miri ġodda ta' nofs it-terminu, li jissaħħu l-argumenti favur projbizzjoni tal-miżbliet mil-lat ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u favur miri uniformi f'kull Stat Membru, u li jiġi spjegat f'aktar dettall kif il-proposta qed tqis il-bosta prestazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

Il-valutazzjoni tal-impatt wasslet għall-konklużjoni li kombinazzjoni ta' għażliet għandha ġġib magħha l-benefiċċji li ġejjin:

Jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-istabbilimenti jew l-impriżi ż-żgħar, tiżdied is-simplifikazzjoni u titjieb l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan;

Jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 170,000 impjieg dirett sal-2035, li l-biċċa l-kbira minnhom ma jkunx possibbli jiġu ddelokalizzati barra mill-UE;

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 600 miljun tunnellata ta' gassijiet serra jistgħu jiġu evitati bejn l-2015 u l-2035;

Jitħallew effetti pożittivi fuq il-kompetittività tas-setturi tal-UE tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ kif ukoll fuq is-settur tal-manifattura tal-UE (skemi aħjar ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, inqas riskji assoċjati mal-aċċess għall-materja prima);

Terġa' tiddaħħal il-materja prima sekondarja fl-ekonomija tal-UE u b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima.

Nota analitika li tissupplimenta l-valutazzjoni tal-impatt inħarġet flimkien mal-proposta leġiżlattiva. F'dik in-nota, ġew analizzati għadd ta' għażliet u varjanti addizzjonali bil-għan li jqisu aħjar il-pożizzjonijiet differenti ta' tluq ta' kull Stat Membru.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1Sommarju tal-azzjoni proposta

L-elementi ewlenin tal-proposti biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart huma:

L-allinjament tad-definizzjonijiet;

Żieda fil-mira tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta' skart muniċipali għal 65% sal-2030;

Żieda fit-tħejjija tal-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-iskart tal-imballaġġ, u s-semplifikazzjoni tas-sett ta' miri;

Limitazzjoni progressiva tar-rimi f'miżbiet tal-iskart muniċipali, sa 10% sal-2030;

Aktar armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-qafas legali dwar il-prodotti sekondarji u tat-tmiem tal-istadju tal-iskart;

Miżuri ġodda biex jippromwou l-prevenzjoni, inkluż għall-iskart tal-ikel, u l-użu mill-ġdid;

Introduzzjoni ta' kundizzjonijiet operattivi minimi ta' tħaddim għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

Introduzzjoni ta' Sistema ta' Twissija Bikrija għall-monitoraġġ tal-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ;

Simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar;

Allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

3.2Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi li jindirizzaw l-immaniġġjar ta' skart differenti. Il-proposti biex jemendaw id-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 1999/31/KE, id-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE huma msejsa fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, filwaqt li l-proposta biex temenda d-Direttiva 94/62/KE hija msemja fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi mira ta' 50% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u ta' skart simili u mira ta' 70% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjal tal-iskart mhux perikoluż mill-bini u t-twaqqigħ sal-2020. Skont l-Artikolu 11(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha teżamina dawk il-miri bil-għan li jekk ikun meħtieġ issaħħaħhom, u kellha tqis jekk tistabbilixxix miri għal flussi oħra ta' skart rilevanti skont kif dawn il-miri jolqtu l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Skont l-Artikolu 9(c), sa tmiem l-2014 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi għanijiet għall-prevenzjoni u d-diżakkoppjar tal-iskart għall-2020, skont l-aqwa prattiki disponibbli, inkluża, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 29(4). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 37(4), fl-ewwel rapport li jsir sat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha tivvaluta għadd ta' miżuri li jinkludu skemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi speċifiċi ta' skart, miri, indikaturi u miżuri relatati mar-riċiklaġġ, kif ukoll operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal u enerġija li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 b'mod aktar effettiv.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/31/KE jistabbilixxi tliet miri għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet u jipprojbixxi r-rimi ta' ċertu flussi ta' skart. L-Istati Membri jridu jilħqu l-aħħar mira għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet sas-16 ta' Lulju 2016. Skont l-Artikolu 5(2), din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid sas-16 ta' Lulju 2014 bil-ħsieb li tiġi konfermata jew emendata biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u fid-dawl tal-esperjenza prattika li kisbu l-Istati Membri meta laħqu ż-żewġ miri preċedenti.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE jistabbilixxi miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ li skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġu ffissati kull ħames snin skont l-esperjenza prattika li jiksbu l-Istati Membri u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u l-evalwazzjonijiet bħall-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

3.3Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposti jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huma limitati għall-emendar tad-Direttivi msemmija hawn fuq billi jipprovdu qafas li jistabbilixxi għanijiet komuni, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi tal-implimentazzjoni.

3.4Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti li jispjegaw il-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi.

Ħafna drabi fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tiġi trasposta b'mod deċentralizzat ħafna, inkluża fil-livell reġjonali jew lokali u f'bosta atti legali, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. Minħabba f'hekk, fit-traspożizzjoni tad-Direttivi emendati l-Istati Membri jaf ikollhom jemendaw varjetà wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-proposti jemendaw sitt Direttivi differenti dwar l-iskart, u jolqtu għadd importanti ta' obbligi legalment vinkolanti, inkluża emenda komprensiva tal-miri inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE, fid-Direttiva 1999/31/KE u fid-Direttiva 94/62/KE, kif ukoll semplifikazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE. Din hi reviżjoni kumplessa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li jaf tolqot għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-miri riveduti għall-immaniġġjar tal-iskart li hemm fid-Direttivi emendati huma interrelatati, u għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u aktar tard inkorporati fis-sistemi nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.

Id-dispożizzjonijiet proposti se jolqtu firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fl-Istati Membri, u se jħallu impatt importanti fuq l-investimenti futuri f'infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hi meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni fl-UE.

Ir-rekwiżit li jingħataw id-dokumenti ta' spjegazzjoni jaf joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta' spjegazzjoni hemm bżonnhom biex tkun tista' ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u tajba li hi essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri b'inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta' traspożizzjoni f'kull Stat Membru.

Fid-dawl ta' dan kollu, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

3.5Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huma identifikati, u l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta' dawn l-atti ġew stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6, 9, 11, 14, 15, 18, 19, 21, 22 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 2008/98/KE, il-paragrafi 4, 6, 7, 9, 10 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 94/62/KE, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 1999/31/EC u l-emendi proposti fl-Artikoli 1 u 3 tal-proposta dwar id-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposti mhux se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhumiex akkumpanjati bid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).

2015/0274 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni għandu jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali, u tiġi promossa ekonomija iktar ċirkolari.

(2)Il-miri stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE 14 li tistabbilixxi restrizzjonijiet fl-użu tal-miżbliet għandhom jiġu emendati sabiex jirriflettu aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija ċirkulari, u tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Materja Prima 15 billi tnaqqis ir-rimi f'miżbliet tal-iskart maħsub għall-miżbliet ta' skart mhux perikoluż.

(3)Biex jiġi żgurat li l-miri jiġu stipulati abbażi tad-dejta disponibbli, u biex ikun permess monitoraġġ tajjeb, l-iskart muniċipali għandu jiġi ddefinit biċ-ċar, u bi qbil mad-definizzjoni użata għal finijiet statistiċi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li abbażi tagħha l-Istati Membri ilhom is-snin jirrappurtaw id-dejta.

(4)Biex tiġi żgurata aktar koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, jeħtieġ li d-definizzjonijiet fid-Direttiva 1999/31/KE jiġu allinjati ma' dawk tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 .

(5)Żieda fir-restrizzjoni tar-rimi f'miżbliet, li tibda minn flussi tal-iskart li huma soġġetti għal ġbir separat (eż. plastik, metalli, ħġieġ, karta, bijoskart), tkun tissarraf f'benefiċċji ċari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali. Fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-restrizzjonijiet tar-rimi f'miżbliet, għandha titqies il-vjabbiltà teknika, ambjentali u ekonomika tar-riċiklaġġ, jew ta' rkupru ieħor tal-iskart residwali li jirriżulta mill-iskart miġbur b'mod separat.

(6)L-iskart muniċipali bijodegradabbli jirrappreżenta proporzjon kbir tal-iskart muniċipali. Ir-rimi f'miżbliet tal-iskart bijodegradabbli mingħajr trattament joħloq effetti negattivi ħafna fil-forma ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ, tal-ilma tal-pjan, tal-ħamrija u tal-arja. Filwaqt li d-Direttiva 1999/31/KE diġà tistipula miri ta' evitar tal-miżbliet għall-iskart bijodegradabbli, jixraq li jiġu implimentati aktar restrizzjonijiet fuq ir-rimi f'miżbliet tal-iskart bijodegradabbli billi jiġi pprojbit ir-rimi f'miżbliet tal-iskart bijodegradabbli li jkun inġabar b'mod separat skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(7)Għadd ta' Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. L-istabbiliment ta' miri ta' tnaqqis tar-rimi f'miżbliet għandu jkompli jiffaċilita l-ġbir separat, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, u għandu jevita li jsakkar materjali potenzjalment riċiklabbli f'qiegħ il-ġerarkija tal-iskart.

(8)Jeħtieġ tnaqqis progressiv tar-rimi fil-miżbliet sabiex jiġu pprevenuti impatti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-materjali ta' skart b'siwi ekonomiku jiġu rkuprati progressivament u b'mod effettiv, permezz ta' mmaniġġjar tajjeb tal-iskart, u bi qbil mal-ġerarkija tal-iskart. Dan it-tnaqqis għandu jevita l-iżvilupp ta' kapaċità eċċessiva għall-faċilitajiet ta' trattament tal-iskart residwali, fost l-oħrajn permezz tal-irkupru tal-enerġija jew it-trattament bijoloġiku mekkaniku ta' livell baxx tal-iskart muniċipali mhux ittrattat, billi dan jista' jhedded il-preparazzjoni fit-tul tal-Unjoni għall-ilħiq tal-miri ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ għall-iskart muniċipali, kif stipulat fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98/KE. B'mod simili, u sabiex jiġu pprevenuti impatti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jintrema fil-miżbliet biss dak l-iskart li jkun għadda minn trattament, il-konformità ma' dan l-obbligu ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' kapaċitajiet eċċessivi għat-trattament tal-iskart muniċipali residwali. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-miri stipulati fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98/KE u bejn il-mira ta' tnaqqis tar-rimi f'miżbliet kif iddefinita fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, u biex jiġi żgurat ippjanar ikkoordinat tal-infrastrutturi u l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawk il-miri, dawk l-Istati Membri li jistgħu jiksbu żmien addizzjonali biex jilħqu l-miri ta' riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandu jingħatalhom ukoll żmien addizzjonali biex jilħqu l-miri tat-tnaqqis tar-rimi f'miżbliet għas-sena 2030, kif stipulat f'din id-Direttiva.

(9)Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, f'waqtha u aktar uniformi ta' din id-Direttiva, u sabiex jiġu antiċipati d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni, għandha titwaqqaf sistema ta' twissija bikrija ħalli ssib in-nuqqasijiet u tkun tista' tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri.

(10)Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità u żgurata implimentazzjoni korretta, u dawn qed joħolqu piż amministrattiv żejjed. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti, u għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità, għandhom juża esklussivament id-dejta statistika rrappurtata mill-Istati Membri kull sena lill-Kummissjoni.

(11)Id-dejta statistika li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tal-istatistika għandhom jittejbu billi jiġi introdott punt ta' dħul wieħed għad-dejta kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta' rappurtar li m'għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta' verifika tal-kwalità tad-dejta. Ir-rappurtar affidabbli tad-dejta statistika dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa tal-akbar importanza għal implimentazzjoni effiċjenti u biex tkun żgurata l-paragunabbiltà tad-dejta fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jippreparaw ir-rapporti dwar il-konformità mal-miri stipulati fid-Direttiva 1999/31/KE, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jużaw l-aktar metodoloġija riċenti żviluppata mill-Kummissjoni u mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.

(12)Sabiex id-Direttiva 1999/31/KE tiġi supplimentata jew emendata, b'mod partikulari bil-għan li jiġu adattati l-Annessi tagħha skont il-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat fir-rigward tal-Artikolu 16. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Kull emenda fl-Annessi għandha ssir biss skont il-prinċipji stipulati f'din id-Direttiva. Għal dan il-għan, fejn jidħol l-Anness II, il-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipji ġenerali u l-proċeduri ġenerali għall-kriterji tal-ittestjar u tal-aċċettazzjoni kif jistipula l-Anness II. Barra minn hekk, għal kull klassi ta' miżbla għandhom jiġu stipulati kriterji speċifiċi u/jew metodi tal-ittestjar u valuri limiti assoċjati, inklużi, jekk ikun hemm bżonn, tipi speċifiċi ta' miżbliet fi ħdan kull klassi, inkluż il-ħżin taħt l-art. Fi żmien sentejn minn meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tadotta proposti għall-istandardizzazzjoni ta' metodi tal-kontroll, tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi rigward l-Annessi.

(13)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 3(3), l-Anness I, il-paragrafu 3.5 u l-Anness II, il-paragrafu 5. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 .

(14)Għaldaqstant, id-Direttiva 1999/31/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(15)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni 18 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata.

(16)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva – jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b'hekk tgħin fil-protezzjoni, fil-preżervazzjoni u fit-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll fl-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali –, ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 1999/31/KE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 hu emendat kif ġej:

(a) il-punt (a) jinbidel b'li ġej:

"(a) għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' "skart", "skart muniċipali", "skart perikoluż", "produttur tal-iskart", "detentur tal-iskart", "immaniġġjar tal-iskart", "ġbir separat", "irkupru", "riċiklaġġ" u "rimi" stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*);

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).";

(b) jitħassru l-punti (b), (c), (d) u (n);

(2) L-Artikolu 5 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 2 titħassar is-sentenza li ġejja:

"Sentejn qabel id-data riferuta fil-paragrafu (ċ) il-Kunsill irid jeżamina mill-ġdid l-iskopijiet ta' hawn fuq, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni fuq l-esperjenza prattika miksuba mill-Istati Membri magħmula fl-iskopijiet stipulati fil-paragrafi (a) u (b) flimkien, jekk ikun xieraq, ma’ proposta bi skop li jikkonfermaw jew jemendaw dan l-għan sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali."

(b) fil-paragrafu 3 jiżdied il-punt (f) li ġej:

"(f)    skart li jkun inġabar b'mod separat, skont l-Artikoli 11(1) u 22 tad-Direttiva 2008/98/KE.";

(c) jiżdiedu l-paragrafi 5, 6 u 7 li ġejjin:

"5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sas-sena 2030, l-ammont tal-iskart muniċipali mormi f'miżbliet ikun naqas sa 10% tal-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat.

6. L-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, Malta, ir-Rumanija u s-Slovakkja jistgħu jiksbu ħames snin addizzjonali biex jilħqu l-mira msemmija fil-paragrafu 5. L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li juża din id-dispożizzjoni sa mhux aktar tard minn 24 xahar qabel l-iskadenza stipulata fil-paragrafu 5. F'każ ta' estensjoni, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex inaqqas, sas-sena 2030, l-ammont tal-iskart muniċipali mormi f'miżbliet sa 20 % tal-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat.

In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta' implimentazzjoni li jippreżenta l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mal-miri qabel l-iskadenza l-ġdida. Il-pjan għandu jinkludi wkoll skeda taż-żmien iddettaljata għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, kif ukoll valutazzjoni tal-impatti mistennija tagħhom.

7. Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha teżamina l-mira stipulata fil-paragrafu 5 bil-għan li tnaqqasha u li ddaħħal restrizzjonijiet għar-rimi f'miżbliet ta' skart mhux perikoluż minbarra dak muniċipali. Għal dan il-għan, għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport tal-Kummissjoni, akkumpanjat bi proposta fejn ikun xieraq.";

(3) jiżdied l-Artikolu 5a li ġej:

"Artikolu 5a

Rapport ta' twissija bikrija

1. Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikolu 5(5)(6), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata f'dawk id-dispożizzjonijiet.

2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom li ġej:

(a)    stima dwar il-kisba tal-miri minn kull Stat Membru;

(b)    lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati.";

(4) fl-Artikolu 6(a), tiżdied is-sentenza li ġejja:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda skont dan il-punt ma jipperikolawx l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98/KE, speċifikament fir-rigward taż-żieda fit-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, kif stipulat fl-Artikolu 11 tal-istess Direttiva.";

(5) fl-Artikolu 11(2), jitħassar it-tieni subparagrafu;

(6) l-Artikolu 15 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 15

Rappurtar

1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena tal-kalendarju, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) u (5). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena] sal-31 ta' Diċembru [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena].

2. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 5(2) sal-1 ta' Jannar 2025.

3. Id-dejta li jirrapporta l-Istat Membru skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata b'rapport ta' verifika tal-kwalità.

4. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dejta rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-dinja, is-sorsi tad-dejta u l-metoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta' dik id-dejta. Il-valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal kull tliet snin.

5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-dejta skont il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2) ta' din id-Direttiva.";

(7) l-Artikolu 16 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 16

Emenda għall-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17a sabiex jiġu adattati l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku.";

(8) l-Artikolu 17 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 17

Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13).";

(9) jiżdied l-Artikolu 17a li ġej:

"Artikolu 17a

L-eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa biex tadotta atti delegati kif imsemmija fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 16 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.

4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.";

(10) fil-punt 2 tal-Anness III, jitħassar it-tieni subparagrafu.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data ta' 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva."

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34-43).
(5) Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.09.2006, p. 1-14).
(6) Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38-71).
(7) COM(2011) 571.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(9) Il-ġerarkija tal-iskart tagħti preferenza lill-prevenzjoni, u mbagħad warajha l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ qabel l-irkupru tal-enerġija, u r-rimi li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija.
(10) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(11) COM(2014) 397.
(12) ĠU C, , p. .
(13) ĠU C, , p. .
(14) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).
(15) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(16) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(18) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Top