EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0690

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza

COM/2015/0690 final

Brussell, 26.11.2015

COM(2015) 690 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016

Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW,
LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIEMNT

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016

Tis
ħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza

INTRODUZZJONI

L-ekonomija talUnjoni Ewropea qed tesperjenza rkupru moderat. Ir-ritmu tal-attività huwa mistenni jaċċelera gradwalment. Il-qgħad beda nieżel iżda għadu f'livell storikament għoli. L-irkupru jibbenefika minn fatturi pożittivi temporanji li jinkludu prezzijiet baxxi taż-żejt, euro relattivament dgħajjef u politiki monetarji akkomodanti. Huwa jirrifletti wkoll l-ewwel effetti tar-riformi implimentati fl-aħħar ftit snin. Fl-istess waqt, tħassib dwar is-sigurtà u tensjonijiet ġeopolitiċi intensifikaw u l-perspettiva ekonomika globali qed issir aktar ta' sfida, partikolarment fl-ekonomiji emerġenti.

Prestazzjoni ekonomika u kundizzjonijiet soċjali, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riforma, għadhom żbilanċjati madwar l-UE. Bosta ekonomiji għadhom qed jiffaċċjaw l-isfidi estensivi tal-qgħad fit-tul u fost iż-żagħżagħ. It-tkabbir fil-produttività għadu baxx, u jaffettwa l-kompetittività u l-livell ta' għajxien. Livelli għolja tad-dejn pubbliku u dak privat jikkontribwixxu biex iżommu l-investiment lura. It-tkabbir u l-impjiegi wkoll huma ristretti mill-persistenza ta' għadd ta' żbilanċi makroekonomiċi. Dawn huma sottolinjati fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2016 adottat flimkien ma' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 1 .

L-influss bla preċedent tar-refuġjati u l-applikanti għall-ażil matul l-aħħar sena rrapreżenta żvilupp ġdid sinifikanti f'xi Stati Membri. Dan l-iżvilupp għandu impatt immedjat fir-rigward ta' nefqa pubblika addizzjonali fuq żmien qasir. Fuq żmien medju u twil, jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-provvista ta' ħaddiema u t-tkabbir, sakemm jidħlu fis-seħħ il-politiki ġusti għall-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-proċess ta' integrazzjoni. 

F'dan il-kuntest, il-politiki għandhom ikunu diretti lejn il-konsolidazzjoni tal-irkupru u t-trawwim tal-konverġenza lejn dawk li huma l-aħjar fl-implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ mill-"imbuttaturi" kurrenti biex jimplimentaw b'mod effettiv riformi ambizzjużi u jaraw li jsegwu politiki fiskali responsabbli. Proċess imġedded ta' titjib tal-konverġenza ekonomika u soċjali huwa meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdan is-soċjetajiet.

Sejbiet ewlenin tat-tbassir tal-ħarifa tal-2015 tal-Kummissjoni

Għall-UE kollha kemm hi, it-tkabbir tal-prodott domestiku gross fi prezzijiet kostanti huwa mistenni li jiżdied minn 1,9 % fl-2015 għal 2,0 % fl-2016 u 2,1 % fl-2017.

L-impjieg fl-UE huwa mistenni li jiżdied b’1,0 % fl-2015 u 0,9 % fl-2016 u l-2017. Ir-rata tal-qgħad mistennija taqa' minn 9,5 % fl-2015 għal 9,2 % u 8,9 % fl-2016 u fl-2017 rispettivament.

L-inflazzjoni annwali għadha titla' minn 0 % fl-UE fl-2015, għal 1,1 % s-sena d-dieħla, u għal 1,6 % fl-2017.

Il-proporzjon tad-defiċit għall-PDG aggregat għall-UE kollha kemm hi huwa mbassar li jonqos minn madwar 2,5 % din is-sena għal 1,6 % fl-2017, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jinżel minn 87,8 % mistenni din is-sena għal 85,8 % fl-2017.

Matul l-ewwel sena tagħha, il-Kummissjoni tat riżultati skont id-dikjarazzjonijiet tagħha u ppreżentat inizjattivi ambizzjużi biex jappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir, tissaħħaħ il-konverġenza ekonomika u jissaħħaħ is-sens ta’ ġustizzja soċjali. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta' EUR 315-il biljun tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir huwa stabbilit u qed jiffunzjona. Il-Kummissjoni għamlet ukoll serje ta' proposti konkreti biex iddaħħal fis-seħħ l-element kostitwenti tas-Suq uniku, l-Istrateġija, 2 l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, 3 l-Unjoni tal-Enerġija, 4 u s-Suq Uniku Diġitali 5 . Ittieħdu passi importanti biex jiżguraw tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-kumpaniji 6 . Il-Kummissjoni żġurat segwitu rapidu għall-pjan direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) deskritta fir-Rapport tal-Ħames Presidenti.  7 Finalment, il-Kummissjoni tkompli taħdem b'mod konsistenti u kontinwu biex tippromwovi reazzjoni Ewropea kordinata għall-kwistjonijiet tar-refuġjati u tal-migrazzjoni.

Din il-Kummissjoni stabbilixxiet l-istrateġija dwar l-impjiegi u t-tkabbir is-sena l-oħra meta ppreżentat l-Istħarriġ Annwali tagħha dwar it-Tkabbir għall-2015. Illum hija qed tippreżenta l-prijoritajiet tagħha għas-sena d-dieħla permezz tal-Istħarriġ Annwali tagħha dwar it-Tkabbir għall-2016. It-treġġigħ tal-irkupru lura fi triq sostenibbli u t-tqajjim mill-ġdid tal-proċess ta’ konverġenza jistgħu jinkisbu biss jekk l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien. Dan jeżiġi l-involviment mill-qrib tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali. F’konformità mal-proposta tagħha stabbilita fil-Komunikazzjoni dwar l-ikkompletar tal-UEM, li l-Kummissjoni tkellmet mal-Parlament Ewropew qabel il-preżentazzjoni ta’ dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 8 . Il-Parlament Ewropew se jkompli bir-rwol tiegħu ta’ gwida u jipprovdi orjentazzjonijiet politiċi dwar prijoritajiet ekonomiċi u soċjali. Ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali huwa partikolarment ta' valur biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika, it-trasparenza u tkun promossa s-sjieda tar-riformi.

1. Prijoritajiet ta' politika

Il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 jibqgħu validi, iżda jeħtieġ li l-isforzi politiċi jiġu msaħħa sabiex l-irkupru jitqiegħed fuq triq sostenibbli, jinfetħu l-bibien għall-investiment, tissaħħaħ il-kapaċità ta’ aġġustament tal-Istati Membri tal-UE u jitħaffef il-proċess ta’ konverġenza. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-isforzi jkunu ffokati fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin għall-2016:

Il-varar mill-ġdid tal-investiment – (i) il-progress li sar dwar l-immobilizzar tal-investimenti privati u pubbliċi u l-għażla tal-proġetti strateġiċi skont il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn investiment imtejjeb u ambjent regolatorju fil-livell nazzjonali u kif ukoll f'dak Ewropew; (ii) l-Unjoni Bankarja teħtieġ li titlesta biex issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fiż-Żona tal-Euro u lil hinn minnha; ix-xogħol fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġ li jkun aċċellerat, sabiex il-kumpaniji jkollhom aċċess għal sorsi miżjuda u aktar diversifikati ta' finanzjament u s-settur finanzjarju jkun jista' jappoġġa bis-sħiħ l-ekonomija reali. stokks ta' dejn li jżomm lura deċiżjonijiet ta' finanzjament u investiment ukoll jeħtieġ li jkunu indirizzati;
(iii) prijoritajiet ta' investiment jridu jmorru lil hinn mill-infrastrutturi tradizzjonali u jestendu għall-kapital uman u l-investiment soċjali relatat.

Infittxu li niksbu riformi strutturali biex nimmodernizzaw l-ekonomiji tagħna – (i) ir-riformi jridu jkunu bbażati fuq kordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u jrid ikollhom l-għan li jiksbu produttività ogħla u konverġenza aħjar; (ii) il-politiki tas-suq tax-xogħol jeħtieġu li jibbilanċaw kunsiderazzjonijiet ta' flessibilità u sigurtà; għandha ssir enfażi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, (iii) swieq aktar integrati u kompetittivi tal-prodotti u s-servizzi għandhom jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

Politiki fiskali responsabbli – (i) hemm bżonn li jitkompla l-appoġġ għat-tkabbir u l-konsolidazzjoni fiskali li jiffavorixxi l-ekwità f’ħafna pajjiżi, (ii) is-sistemi tat-taxxa jridu jindirizzaw id-diżinċentivi għall-ħolqien tal-impjiegi u jsiru aktar ġusti u aktar effettivi, (iii) is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom ikunu modernizzati sabiex ikun hemm risposta effiċjenti għal riskji matul iċ-ċiklu tal-ħajja filwaqt li jibqgħu fiskalment sostenibbli fid-dawl tal-isfidi demografiċi tal-futur.

Dawn il-prijoritajiet jappoġġaw il-pjan direzzjonali stabbilit mill-Ħames Presidenti għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa. Jinkludu wkoll enfażi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali

Waqt li nibnu fuq l-esperjenza tal-aħħar sena, minn issa 'l quddiem is-Semestru Ewropew se jkun maqsum f'żewġ fażijiet suċċessivi li jiddistingwu b'mod aktar ċar bejn il-fażi Ewropea (minn Novembru sa Frar) u fażi nazzjonali (minn Frar sa Ġunju). Lil hinn mill-kordinazzjoni msaħħa u sorveljanza aktar b’saħħitha tal-politiki ekonomiċi u l-proċessi baġitarji tal-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro neċesarji, hemm bżonn li l-aggregat tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u fiskali taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi jkun immonitorjat u analizzat mill-qrib u li din l-analiżi tkun ikkunsidrata fil-formulazzjoni tal-politiki nazzjonali. Biex l-isfidi għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi jkunu kkunsidrati aħjar kmieni, il-Kummissjoni issa qed tippubblika il-proposta tagħha għal rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro flimkien ma' dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir  9

L-Istrateġija Ewropa 2020 — implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar

Varata fl-2010 bħala l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għall-Ewropa, l-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi ħames miri ambizzjużi fl-oqsma tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali sabiex jintlaħqu mill-UE sal-2020. Waqt li ninsabu fit-triq it-tajba biex nilħqu il-miri dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-edukazzjoni, il-kriżi fixklet il-progress fil-miri l-oħra, partikolarment għall-faqar u l-esklużjoni soċjali fejn is-sitwazzjoni marret għall-agħar. L-Istrateġija Ewropa 2020 serviet bħala qafas ta' referenza għal attivitajiet fil-livell tal-UE, fil-Parlament u f'formazzjonijiet varji tal-Kunsill, iżda wkoll fil-livelli nazzjonali u reġjonali: l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri nazzjonali b'reazzjoni għall-miri tal-UE; rappurtar dwar dawn il-miri seħħ fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma annwali; Eurostat ippubblika b’mod regolari rapporti komprensivi li jiddettaljaw il-progress li sar. 10 L-Istrateġija Ewropa 2020 ggwidat l-għażliet strateġiċi tal-ħidma tal-Kummissjoni. Dawn l-għażliet strateġiċi qed jiggwidaw ukoll in-nefqa tal-UE: Huma jipprovdu direzzjoni fit-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u fil-varar tal-programmi l-ġodda ta' finanzjament fil-livell tal-UE. Eżempju tajjeb huwa l-ħolqien tal-programm Orizzont 2020 għar-riċerka, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp teknoloġiku, li l-finanzjament tiegħu bbenefika minn żieda sostanzjali, minkejja r-riżorsi kumplessivament skarsi fil-livell tal-UE.

Fl-2014-15, kważi nofs triq lejn l-Orizzont 2020, il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ rieżami dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, li beda bill-Komunikazzjoni “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”. Saret konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess, li wera li l-Istrateġija Ewropa 2020 għadha meqjusa bħala qafas xieraq għall-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali. Filwaqt li mhux qed tagħti riżultati f’kull qasam, hija għandha valur miżjud u ħolqot effetti pożittivi, l-aktar billi tiskatta azzjoni kemm fil-livell Ewropew u wkoll fl-Istati Membri f’għadd ta’ oqsma li jirrappreżentaw l-ixpruni ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi. Madankollu, il-konsultazzjoni wriet wkoll li l-istrateġija għadha mhiex suffiċjentament imħaddna mill-Istati Membri, u li teħtieġ involviment aktar profond fir-realtà.

Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar użu mill-istrateġija eżistenti u l-għodod tagħha permezz ta’ titjib fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħha fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni aġġustat il-gwida għall-Istati Membri fuq it-tħejjija tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma biex tiżgura li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkompli jkollha rwol prominenti.

B’mod parallel, is-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tibda proċess għall-iżvilupp ta’ viżjoni aktar fit-tul li tmur lil hinn mill-orizzont tas-sena 2020, anki fid-dawl tal-Għanijiet ġodda ta’ Żvilupp Sostenibbli miftiehma min-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Il-lezzjonijiet tar-rieżami tal-Ewropa 2020 msemmi hawn fuq se jitqiesu f'dan l-eżerċizzju.

2. Il-varar mill-ġdid tal-investiment

F'dan il-kuntest ta' rati baxxi tal-imgħax, ħafna likwidità fis-swieq finanzjarji u d-diżengranaġġ mill-atturi pubbliċi u privati, l-investiment għadu baxx. Dan jissottolinja l-ħtieġa tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: azzjoni kordinata fuq l-investiment biex tinżamm il-kompetittività u tixpruna l-attività ekonomika. Il-miri tal-pjan li jistimulaw il-finanzjament għall-investiment, li jneħħu l-ostakoli, iżidu l-innovazzjoni u japprofondixxu s-Suq Uniku.

Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

Sena ilu, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ investiment, bil-għan li jimmobilizza mill-inqas EUR 315-il biljun ta’ investiment addizzjonali matul it-tliet snin u li jġib l-investiment lura għal-livelli sostenibbli ta’ qabel il-kriżi. L-għan tal-Pjan ta’ Investiment huwa li jimmobilizza aktar investimenti fl-Ewropa kemm permezz ta' għodod eżistenti u wkoll permezz ta' għodod ġodda, li joħolqu ambjent aħjar għall-investiment u t-tisħiħ ulterjuri tas-Suq Uniku.

Bis-saħħa tal-appoġġ rapidu tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-ħidma operazzjonali tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Pjan ta’ Investiment issa huwa operazzjonali. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), propost mill-Kummissjoni f'Jannar, huwa lest u qed jitħaddem biex jappoġġa riskju ogħla, proġetti b'redditu ogħla li kieku kienu jsibuha diffiċli li jsibu finanzjament. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, li għandu l-għan li jappoġġa investituri u promoturi tal-proġetti, sar operazzjonali. Il-portal tal-proġett Ewropew tal-Investiment se jkun imniedi kmieni s-sena d-dieħla: Dan se jservi biex ikunu rriklamati proġetti ta’ investiment lill-investituri fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ referenza sempliċi u affidabbli. Għadd kbir ta’ Stati Membri kkommettew ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji sostanzjali lejn l-attivitajiet tal-Fond permezz tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali tagħhom jew b'modi oħra.

Biex nibnu fuq dan il-progress, l-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jqajmu kuxjenza dwar il-FEIS, jappoġġaw l-iżvilupp ta' proġetti ta' investiment privati u pubbliċi u pjattaformi ta' investiment għall-preżentazzjoni lill-Bank ta' Investiment Ewropew għall-finanzjament potenzjali mill-FEIS u għall-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment, sabiex jattira investituri potenzjali. Is-servizzi ta’ Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment jistgħu jintużaw biex jinbnew proġetti ta’ investiment aħjar u aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jkunu għadhom ma impenjawx riżorsi għall-pjan ta’ investiment huma mħeġġa biex jagħmlu dan.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-possibiltà li jikkumbinaw il-FEIS ma' fondi oħra tal-UE f'Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, speċjalment minħabba li l-programmi tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 issa qabdu r-ritmu u qegħdin dejjem aktar jappoġġaw investimenti fil-post madwar l-Ewropa, fl-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-għarfien. Ostakli speċifiċi, amministrattivi jew regolatorji, li jxekklu t-twassil malajr ta’ finanzjament għandhom jiġu identifikati u indirizzati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-progress li sar bl-użu tal-fondi tal-UE fil-kuntest tar-rieżami li jinsab għaddej fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex jissimplifika u jistandardizza l-implimentazzjoni tagħhom u jżid is-sinerġiji mal-fondi nazzjonali u mal-finanzjament privat, biex b'hekk jimmassimizza l-ingranaġġ fuq l-investimenti nazzjonali.

Progress dwar il-FEIS 11 : Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-proġetti approvati 

Disa’ Stati Membri wegħdu kontribuzzjonijiet għall-pjan ta’ investiment, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet permezz tal-banek promozzjonali nazzjonali tagħhom: Il-Bulgarija (EUR 100 miljun), il-Ġermanja (EUR 8 biljun), Spanja (EUR 1,5 biljun), Franza (EUR 8 biljun), l-Italja (EUR 8 biljun), il-Lussemburgu (EUR 80 miljun), is-Slovakkja (EUR 400 miljun), il-Polonja (EUR 8 biljun) u r-Renju Unit (EUR 8,5 biljun / GBP 6 biljun).

Fir-rigward tal-SME u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, permezz tat-"tieqa għall-SMEs", il-FEIS ippermetta li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) isaħħaħ operazzjonijiet fil-programmi COSME u Orizzont 2020 u jagħti spinta fis-settur tal-SME. Sa issa, il-FEI approva 69 proġett ma’ intermedjarji finanzjarji fi 18-il pajjiż: Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Il-FEI diġà ffirma 65 operazzjoni, b'finanzjament totali mill-FEIS ta' madwar EUR 1,4 biljun, li mistenni jiskatta aktar minn EUR 22 biljun f'investimenti. Madwar 71 000 SME u kumpanija b'kapitalizzazzjoni medja mistennija jibbenefikaw, fosthom il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit.

Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment approva 32 proġett fl-"ispazju għall-infrastruttura u l-innovazzjoni" li għalihom huwa talab il-garanzija tal-UE skont l-FEIS. Dawn il-proġetti jinsabu fl-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit. Madwar nofs dawn il-proġetti jappoġġaw l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u investiment ieħor li jikkontribwixxu għaċ-ċaqliq lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Oħrajn huma fl-oqsma tar-R&D u l-innovazzjoni industrijali, l-infrastruttura diġitali u soċjali, it-trasport, kif ukoll l-aċċess għal finanzjament għal negozji iżgħar.

Abbażi tal-progress li sar sa issa taħt dawn iż-żewġ spazji, il-pjan ta’ investiment se jkun wassal għal aktar minn EUR 44 biljun ta’ finanzjament addizzjonali fl-UE. Il-BEI riċentament ħabbar li l-FEIS mistenni li jkun immobilizza madwar EUR 50 biljun ta' investimenti fl-Ewropa sa tmiem l-2015.

Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti li wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-ambjent tal-investiment: billi tkun ipprovduta aktar prevedibbiltà regolatorja; billi jkun hemm titjib u diversifikazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament; u billi jiġu msaħħa il-kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni Ewropea u jitneħħew l-ostakoli għall-investiment mill-UE kif ukoll minn barra l-UE. Diversi aspetti ta’ ħidma kienu mnedija fil-livell tal-UE, kif stipulat fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Uniku Diġitali. Dan l-isforz tal-UE jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn sforz fuq livell nazzjonali.

Biex tkun aċċelerata l-bidla f'dawn l-oqsma u biex tingħata spinta lill-attrattività tal-Istati Membri għall-investiment, informazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar sfidi ewlenin għall-investiment, informazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar sfidi ewlenin għall-investiment fuq livell nazzjonali hija ppubblikata flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 12 . Din l-analiżi preliminari tal-ostakoli għall-investiment f'kull Stat Membru tikkonferma li hemm ħafna diversità madwar l-Istati Membri fil-bixriet ta' investiment u l-ostakoli għall-investiment. Ma hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd. Bħala parti mis-Semestru Ewropew ġdid, il-Kummissjoni beħsiebha tidħol fi djalogu mal-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni ta’ dawn l-isfidi u t-tneħħija possibbli tagħhom, fosthom permezz ta’ diskussjonijiet tematiċi fil-Kunsill. Dawn l-isfidi se jiġu analizzati aktar fil-kuntest tar-Rapporti tal-Pajjiż previsti fi Frar 2016.

Intejbu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għall-ekonomija reali

Il-kundizzjonijiet tas-self tjiebu b’mod sostanzjali, iżda għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri; Il-kumpaniji għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament differenti skont il-post. Għalhekk hemm ħtieġa li nkomplu għaddejjin b’politiki mmirati biex jirrestawraw kundizzjonijiet ta’ finanzjament abbordabbli fl-Istati Membri kollha.

Barra minn hekk, ħafna Stati Membri jiffaċċaw l-isfida tad-dejn privat eċċessiv u livell għoli ta' self improduttiv li jfixklu l-funzjonament tal-intermedjazzjoni finanzjarja u jżommu lura d-deċiżjonijiet ta' investiment fis-settur korporattiv. F'xi Stati Membri, il-kapaċità limitata biex tkun iffaċilitata ir-riżoluzzjoni ta' self improduttiv hija ostakolu għall-banek biex jibdew is-self mill-ġdid.

Sfidi ulterjuri jinkludu l-ħtieġa li jkun ffaċilitat il-piż tas-servissajr tad-dejn fuq is-setturprivat. Dan jeħtieġ li jkun hemm oqfsa moderni u effettivi fis-seħħ biex jittrattaw insolvenza u falliment tan-negozju. Oqfsa tal-insolvenza li jaħdmu sew huma kruċjali għad-deċiżjonijiet ta' investiment minħabba li huma jiddefinixxu d-drittijiet tal-kredituri u tal-mutwatarji fil-każ ta' diffikultajiet finanzjarji.

L-Unjoni Bankarja hija kisba kbira biex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-Istati Membri kollha għandhom jittrasponu l-leġiżlazzjoni kollha relevanti malajr kemm jista’ jkun. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u l-aħħar reviżjonijiet tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti hija essenzjali. B'mod parallel, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri addizzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja billi tipproponi Skema ta' Garanzija tad-Depożiti Ewropea 13 . B'mod parallel, il-ħidma biex jitnaqqas ulterjorment ir-riskju fis-settur bankarju se tkompli.

Jinħtieġ li jsir xogħol ukoll biex inneħħu l-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital fis-suq uniku u biex niddiversifikaw u nespandu s-sorsi ta’ finanzjament għall-ekonomija reali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali ambizzjuż li jwassal għal Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019. Uħud mill-miżuri neċessarji biex jinkiseb dan huma ta’ natura legali u jeħtieġ li jkunu miftehma fuq livell Ewropew. Madankollu, dawn l-inizjattivi tal-UE għandhom ikunu kumplimentati minn azzjonijiet fil-livell nazzjonali, pereżempju permezz ta’ sforzi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv jew billi jiġi evitat li jiżdiedu aktar rekwiżiti meta jkunu qed jittrasponu d-direttivi fil-liġi nazzjonali (“gold-plating”), bħalma huma l-ostakli tat-taxxa għal investiment transfruntieri.

Ninvestu fil-kapital uman

Investimenti intelliġenti fil-kapital uman tal-Ewropa u riformi orjentati lejn il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma parti mill-isforz neċessarju sabiex jiġu restitwiti l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli. L-armar ta’ nies b’ħiliet rilevanti jixpruna l-innovazzjoni u l-kompetittività; din hija l-bażi għal produttività għolja u hija l-aħjar mod biex jiġi evitat li individwi jispiċċaw qiegħda, kif ukoll biex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Filwaqt li l-UE hija produttur ewlieni ta’ ħiliet u għarfien, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħha ma jmorrux tajjeb daqs kemm suppost fuq livell internazzjonali. Madwar 20 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol għandha biss ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u n-numeriżmu u 39 % tal-intrapriżi jsibuha diffiċli li jsibu persunal bil-ħiliet meħtieġa. Dawn id-diffikultajiet ġew aggravati kemm bħala riżultat ta’ snin ta’ kriżi u wkoll minħabba tendenzi tax-xogħol li qed jevolvu b’pass mgħaġġel fl-ekonomija diġitali: il-qgħad laqgħat partikolarment lil dawk b'ħiliet baxxi. In-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet żdied f'bosta setturi jew reġjuni.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-Istati Membri jippromwovu l-investiment soċjali b’mod aktar wiesa’, fosthoma fil-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-appoġġ fis-settur tal-abitazzjoni u fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni biex isaħħu l-kapaċitajiet attwali u futuri tal-persuni biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u biex jadattaw ruħhom. Jista’ jsir ħafna bl-appoġġ tal-programmi tal-UE, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. L-investiment soċjali joffri reddti soċjali u ekonomiċi maż-żmein, notevolment fir-rigward tal-possibilità ta' impjieg, introjtu tal-manodopera u l-produttività, prevenzjoni tal-faqar u tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. L-infrastruttura soċjali għandha tkun ipprovduta b'manjiera aktar flessibbli, personalizzata u integrata aħjar bex tippromwovi l-inklużjoni attiva ta' persuni bl-aktar rabta dgħajfa mas-suq tax-xogħol.

3. L-insegwiment ta’ riformi strutturali biex nimmodernizzaw l-ekonomiji tagħna

L-implimentazzjoni effettiva tar-riformi biex ikun żgurat ambjent regolatorju sod u istituzzjonali u l-funzjonament bla intoppi tal-ekonomija hija kruċjali biex tinkoraġġixxi l-investiment, trawwem impjiegi ġodda, tgħolli l-livell ta' għajxien u tippromwovi konverġenza fl-Unjoni Ewropea.

L-Istati Membri kollha għandhom jużaw il-momentum favorevoli attwali biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u dawk tal-kapital, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ta' kwalità, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali moderni u effiċjenti u sabiex jippromwovu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija.

Kordinazzjoni aħjar tar-riforma strutturali u l-appoġġ għalihom

L-Istati Membri qed ikomplu għaddejjin bl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati fis-snin preċedenti 14 iżda għad hemm oqsma ta' tħassib u qed jixirfu sfidi ġodda. Dan jidher fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2016, ippubblikat flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fejn għadd ta' pajjiżi huma identifikati għal analiżi fil-fond fil-qafas tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku.

Għalkemm il-konverġenza reġgħet bdiet mill-ġdid, il-prestazzjoni tal-Istati Membri tvarja b’mod sinifikanti f’xi oqsma li huma kruċjali għall-produttività u l-konverġenza. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tidħol f’diskussjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati ewlenin dwar l-isfidi ffaċċati u r-reazzjonijiet ta’ politika ottimali, billi tinkoraġġixi l-konverġenza lejn dawk li jmorru l-aħjar. Valutazzjoni komparattiva, jiġifieri l-kontroeżami fl-isfond ta' parametru referenzjarju partikolari 15 tal-indikaturi marbuta mal-prestazzjoni ekonomika u soċjali u mal-politiki f’kull Stat Membru, tista’ tkun għodda utli għall-identifikazzjoni ta’ prestazzjoni dgħajfa u l-ħtieġa għal azzjoni fi stadju bikri, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress u biex ikunu kkomunikati r-riżultati tal-azzjoni politika. Dan jista’ jikkontribwixxi biex tiżdied is-sjieda tar-riformi strutturali mill-Istati Membri u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom.

Progressivament il-Kummissjoni se tissuġġerixxi l-iżvilupp ta' punti ta' riferiment u l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-oqsma kollha ta' politika, filwaqt li tibni fuq l-analiżi tematika eżistenti żviluppata mal-Istati Membri f'diversi fora. Kif indikat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar it-"Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa", 16 standards komuni jistgħu jgħinu l-proċess ta' konverġenza lejn strutturi ekonomiċ aktar reżiljenti. Ir-Rapport jissuġġerixxi li tali standards komuni għandhom primarjament jiffukaw fuq is-swieq tax-xogħol, il-kompetittività, l-ambjent tan-negozju u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll ċerti aspetti tal-politika ta' tassazzjoni.

Barra minn hekk, il-finanzjament tal-UE jista' jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi u fl-injezzjoni tal-investiment direttament fl-ekonomija reali, jekk ikun immirat b'mod għaqli u applikat b'mod effettiv. F'dan il-kuntest, il-prijoritajiet stabbiliti f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż riċenti kienu kkunsidrati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2014-2020. Biex tappoġġa r-riformi strutturali, il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ l-użu tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej b'appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, inkluż permezz tal-użu ta' miżuri li jorbtu l-effikaċja ta' dawn il-Fondi mal-governanza ekonomika tajba. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jiżguraw li jintuża l-potenzjal sħiħ tal-finanzjament tal-UE. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tar-riforma se tkun appoġġata permezz ta' programmi ta' finanzjament relevanti tal-UE fl-oqsma ta' politika tagħhom u l-introduzzjoni progressiva ta' assistenza teknika offruta mis-Servizz ta' Appoġġ għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni. Dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa akkumpanjat minn proposta għal finanzjament għal assistenza teknika lill-Istati Membri 17 .

Trawwim ta' politiki soċjali u tal-impjiegi inklużivi

Il-ħolqien tal-impjiegi għandu jibqa' l-enfażi ewlenija tal-isforzi ta' riforma. Il-qgħad beda jonqos fil-kuntest ta' rkupru gradwali. Politiki makroekonomiċi favorevoli u l-impatt tar-riformi strutturali kellhom rwol f'dawn l-iżviluppi pożittivi. Madankollu, għal bosta persuni li qed ifittxu x-xogħol, għadu diffiċli li jsibu impjieg billi d-domanda għadha baxxa u billi l-ħiliet tagħhom jistgħu ma jkunux jaqblu ma' dawk meħtieġa għall-impjiegi vakanti.

Kif enfasizzat fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 18 , il-qgħad għadu għoli wisq, bi 23 miljun Ewropew bla xogħol f'Awwissu 2015. Barra minn hekk, madwar nofs in-nies qiegħda 19 ilhom hekk għal iktar minn sena. Il-qgħad fit-tul żdied kważi bid-doppju mill-2008 20 b'varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. Il-qgħad taż-żgħażagħ, minkejja li naqas b'mod kumplessiv, għadu għoli ħafna, u għadu fil-livell ta' madwar 20 % fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jippromwovu l-ħidma dwar il-qgħad taż-żgħażagħ f'konformità mal-Garanzija taż-Żgħażagħ permezz ta' bidliet sistemiċi għat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol, il-politiki tal-attivazzjoni u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg li jiffunzjonaw tajjeb.

Il-qgħad fit-tul persistenti għandu implikazzjonijiet għas-soċjetà kollha kemm hi, b'konsegwenzi soċjali gravi għall-persuni kkonċernati u impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-finanzi pubbliċi. Il-qgħad fit-tul huwa wieħed mill-fatturi li huma marbuta maż-żieda fil-faqar fl-UE sa mill-bidu tal-kriżi. Fl-2014, 21 kwart tal-popolazzjoni tal-UE kienet f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-qgħad fit-tul skont il-gwida proposta fir-Rakkomandazzjoni dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni qiegħda fit-tul. 22 B'mod partikolari, għandha ssir ħidma lejn ftehimiet ta' integrazzjoni tax-xogħol u punt ta' kuntatt uniku biex jiġi żgurat li l-persuni qiegħda fit-tul jibbenefikaw minn approċċ individwalizzat, aċċess simplifikat u appoġġ aktar trasparenti.

L-azzjoni ta' politika trid tkompli tindirizza d-diżinċentivi għall-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi inerenti fis-sistemi nazzjonali differenti. B'mod partikolari, it-tassazzjoni relatata mas-sistemi tal-impjiegi u tal-benefiċċji għandha tiġi mfassla u implimentata biex tinkoraġġixxi l-investiment u l-impjiegi. F'Settembru 2015, il-Grupp tal-Euro ħareġ prinċipji komuni li għandhom jiggwidaw l-isforzi tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex inaqqsu l-feles ta' taxxa fuq ix-xogħol. Il-Grupp tal-Euro qabel li jistabbilixxi parametri referenzjarji għall-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol fl-Istati Membri taż-Żona tal-Euro mqabbel mal-medja tal-UE peżata skont il-PDG. L-eżerċizzju ta' parametraġġ referenzjarju li għaddej bħalissa, flimkien ma' skambju tal-aħjar prattika, għandu jipprovdi impetu ġdid għal riforma tat-taxxa fuq ix-xogħol fil-livell nazzjonali u jappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-ispejjeż totali tal-impjiegi billi jnaqqsu l-feles ta' taxxa. 23 Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jistimulaw l-attività innovattiva tal-intrapriżi ġodda u jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi b'mod partikolari fl-SMEs.

Id-distakk bejn is-sessi fir-rata tal-impjiegi għadu partikolarment wiesgħa f'diversi Stati Membri. Minkejja l-fatt li n-nisa għandhom tendenza li jkollhom kisbiet akbar fl-edukazzjoni, għadhom mhux qed ikunu rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandu jkollhom approċċ komprensiv lejn it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, anki permezz ta' faċilitajiet tal-kura, il-liv u l-arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol flessibbli, kif ukoll sistemi ta' taxxi u benefiċċji ħielsa mid-diżinċentivi għal dawk li jaqilgħu t-tieni paga sabiex jaħdmu jew jaħdmu aktar. Hija meħtieġa attenzjoni partikolari għall-ġenituri waħedhom u nies b'responsabbiltajiet ta' kura.

Il-kisba kemm tal-flessibilità u wkoll tas-sigurtà fid-dinja tax-xogħol jitlob sforzi komprensivi ta' riforma li jindirizzaw fl-istess waqt is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, żviluppi adegwati tal-pagi, sistemi mfassla tajjeb ta' appoġġ tad-dħul, politiki li jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet lejn impjiegi ġodda, jgħammru lil dawk li qed ifittxu x-xogħol bil-ħiliet it-tajba u jqabbluhom aħjar mal-postijiet vakanti. Dan l-approċċ ikun ta' suċċess biss jekk ikun ibbażat fuq involviment qawwi tas-sħab soċjali. 24  

Biex jiġi żgurat livell għoli ta' impjiegi madwar l-UE u tiġi promossa l-konverġenza, il-pagi reali għandhom ikomplu jiċċaqalqu skont il-produttività fuq medda medja ta' żmien. Ir-rrwol tas-sħab soċjali huwa kruċjali f'dan ir-rigward. L-oqsfa tal-istabbiliment tal-pagi, inklużi l-ftehimiet kollettivi għandhom jippermettu ċertu grad ta' flessibilità għal żidiet differenzjati fil-pagi bejn is-setturi u fi ħdanhom, sabiex il-pagi reali u l-iżviluppi fil-produttività jkunu allinjati kif xieraq matul iż-żmien. F'dan il-kuntest, huwa importanti li tkun żgurata tajjeb ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema u li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-modalitajiet tan-negozjar bejn il-livelli varji u minn livell għall-ieħor.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jimmodernizzaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi, u jiżguraw protezzjoni effettiva tal-ħaddiema u l-promozzjoni ta' tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol bejn impjiegi u xogħlijiet differenti. Relazzjonijiet tax-xogħol stabbli u prevedibbli u partikolarment tipi aktar permanenti tal-kuntratti jwasslu biex l-impjegaturi u l-impjegati jinvestu aktar fil-ħiliet u tagħlim tul il-ħajja. Huma jippermettu lill-individwi biex jippjanaw għall-futur tagħhom billi jipprovdu prospetti sostenibbbli tal-progressjoni tal-karriera. Fi snin riċenti, iż-żieda fl-impjieg globali kienet xprunata l-aktar minn żieda fil-kuntratti temporanji li mhiex rari fl-istadji bikrija ta' rkupru. Iċ-ċaqliq akktar ġenerali lejn swieq tax-xogħol aktar flessibbli għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjieg iżda għandhom jippermettu wkoll it-trażizzjoni lejn aktar kuntratti permanenti. Ma għandux jirriżolti f'aktar impjiegi prekarji. L-Istati Membri għandhom ukoll iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

Sistemi ta' protezzjoni soċjali aktar effettivi huma meħtieġa sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jitħarsu s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u l-inċentivi biex wieħed jaħdem. Kull żvilupp bħal dan għandu jkompli jiżgura li t-tfassil ta' benefiċċji fuq ix-xogħol, benefiċċji tal-qgħad u skemi ta' introjtu minimu jikkostitwixxu inċentiv għad-dħul fis-suq tax-xogħol. Appoġġ adegwat u mfassal tajjeb għall-introjtu, bħall-benefiċċji tal-qgħad u l-iskemi tal-introjtu minimu, jippermetti lil dawk bla xogħol sabiex jinvestu fit-tiftix għax-xogħol u fit-taħriġ, u jżidilhom iċ-ċansijiet li jsibu impjieg adegwat li jaqbel mal-ħiliet tagħhom.

Fl-aħħar nett, miżuri ta' integrazzjoni komprensivi huma meħtieġa għal dawk aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol u speċjalment b'reazzjoni għall-wasla reċenti ta' għadd kbir ta' refuġjati. L-integrazzjoni tal-migranti, u b'mod partikolari r-refuġjati, titlob approċċ komprensiv għall-iffaċilitar tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u b'mod aktar ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Aktar titjib tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi u l-ambjent tan-negozju

It-titjib tal-funzjonament tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi jibqa' sfida għal bosta Stati Membri. L-isfidi jvarjaw bejn l-Istati Membri iżda jinkludu t-titjib tal-flessibilità tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, it-titjib tal-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv, it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika u t-titjib tas-sistema ġudizzjarja u l-oqfsa ta' insolvenza. Minħabba l-implimentazzjoni mhux konsistenti u ħafna drabi mhux ambizzjuża tagħhom tad-Direttiva tas-Servizzi fil-perjodu 2012-2014, bosta Stati Membri setgħu biss jieħdu parti mill-benefiċċji, filwaqt li għad hemm kisbiet sinifikanti xi jsiru.

Swieq miftuħa u kompetittivi tal-prodotti u tas-servizzi huma neċessarji sabiex tiġi inkoraġġita allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment. Regolamentazzjoni aktar flessibbli tas-swieq tas-servizzi tista' twassal għal produttività ogħla u tista' tiffaċilita d-dħul fis-suq ta' atturi ġodda, tnaqqas il-prezz tas-servizzi u tiżgura għażla usa' għall-konsumatur. Minbarra dan, il-produttività tas-servizzi tan-negozju hija kritika għall-kompetittività ta' ċerti setturi ekonomiċi, pereżempju l-manifattura. L-ostakoli għad-dħul f'dawn is-swieq huma għoljin f'xi Stati Membri. L-isforzi nazzjonali tar-riforma għandhom jiffukaw fuq l-eliminazzjoni ta' rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni sproporzjonati u mhux ġustifikati. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tneħħi dawn l-ostakoli.

Il-bejgħ bl-imnut għandu rwol importanti fl-ekonomija tal-UE (9,6 % tal-valur miżjud u 13,1 % tal-impjiegi). In-nuqqas ta' dinamiżmu f'dan is-settur iwassal għal prezzijiet bl-imnut għoljin, u dan effettivament inaqqas is-setgħa tal-akkwist tal-konsumaturi. Ir-riċerka tindika li, sa ċertu punt, dawn il-prezzijiet bl-imnut għoljin huma dovuti għall-ostakoli għad-dħul u għal restrizzjonijiet oħra li jnaqqsu l-livell ta' kompetizzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut f'ċerti Stati Membri. Produttività baxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ixxekkel l-effiċjenza tal-ekonomija kollha kemm hi.

Li tiżdied it-trasparenza, l-effiċjenza, u r-responsabbiltà fl-akkwist pubbliku li jammonta għal 19 % tal-PDG tal-UE, huwa kruċjali għall-investiment. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kapaċità amministrattiva adegwata u jiffukaw fuq użu akbar tal-akkwist elettroniku (l-għodod diġitali) u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Amministrazzjoni pubblika moderna u effiċjenti hija neċessarja sabiex jiġu żgurati servizzi rapidi u ta' kwalità għolja għall-intrapriżi u għaċ-ċittadini. It-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri huma prerekwiżit għal ambjent tajjeb għall-investiment u n-negozju. Huwa meħtieġ li jiġu żgurati proċedimenti rapidi, li jiġi indirizzat ix-xogħol b'lura tal-qrati, li jiżdiedu s-salvagwardji għall-indipendenza ġudizzjarja u tittejjeb il-kwalità tal-ġudikatura, fosthom permezz ta' użu aħjar tal-ICT fil-qrati u l-użu ta' standards ta' kwalità.

Barra minn hekk, l-użu ta' teknoloġiji u ta' mudelli kummerċjali ġodda jista' jiftaħ sorsi addizzjonali ta' tkabbir u jwassal għal ħolqien ta' impjiegi sinifikanti. Biex jagħmlu l-aħjar użu minn dawn is-sorsi, l-Istati Membri għandhom joħolqu ambjent tan-negozju u regolatorju xieraq u akkomodanti, u jsaħħu s-sħubijiet bejn in-negozji u l-universitajiet, notevolment għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u s-servizzi, l-applikazzjonijiet ta' "big data" u għall-ekonomija kollaborattiva.

Minbarra dan, azzjoni mill-Istati Membri hija neċessarja sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u sabiex tinħoloq ekonomija ħafna aktar ċirkolari. L-approċċ tal-ekonomija ċirkolari 25 għandu l-għan li tippreserva u żżomm il-valur ta' prodotti, materjali u riżorsi fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli filwaqt li jiġi minimizzat il-ħolqien ta' skart. Ekonomija aktar ċirkolari u titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi se jikkontribwixxu għall-istimular tal-investimenti b'benefiċċji kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fit-tul għall-ekonomija, l-ambjent u l-impjiegi.

4. Politiki fiskali responsabbli

Id-defiċits tal-baġit qed jitnaqqsu u d-dejn tal-gvern jidher li laħaq l-ogħla livell tiegħu. L-irkupru ekonomiku flimkien ma' rati tal-imgħax aktar baxxi, flimkien mat-tkomplija tal-isforzi tal-konsolidament f'xi pajjiżi, qegħdin jappoġġaw tnaqqis fid-defiċits nominali tal-baġit. Id-dejn tal-gvern fl-UE u fiż-Żona tal-Euro huwa mistenni li jonqos marġinalment fl-2015, wara bosta snin konsekuttivi ta' żidiet qawwija. It-tnaqqis fin-numru ta' pajjiżi bi proċedura ta' defiċit eċċessiv jirrifletti l-isforzi li saru matul l-aħħar snin. Madankollu, id-dejn pubbliku għadu għoli ħafna f'bosta Stati Membri. Dan qed iservi ta' ostaklu għat-tkabbir u jagħmilhom aktar vulnerabbli għal xokkijiet avversi.

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas it-tajjeb biex jiġi żgurat li l-finanzi pubbliċi jinġiebu u jinżammu fuq perkors sostenibbli filwaqt li jsir użu sħiħ mill-ispazju fiskali disponibbli. Il-Kummissjoni għadha kif ħarġet l-Opinjonijiet tagħha dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro 26 . Fl-applikazzjoni tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, kif ikkonfermat bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni se tqis l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati. L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri se tintuża fil-valutazzjoni (ex post) ta' devjazzjonijiet temporanji possibbli mir-rekwiżiti tal-PST fl-2015 u l-2016.

Il-qagħda fiskali għal din is-sena u għas-sena li ġejja hija fil-parti l-kbira tagħha newtrali kemm fiż-Żona tal-Euro kif ukoll fl-UE kollha kemm hi. Dan jidher li huwa xieraq fid-dawl taż-żewġ objettivi tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perjodu qasir.

Fil-livell tal-Istati Membri għandhom jinżammu politiki fiskali li jirrispettaw ir-regoli fiskali komuni. Dan huwa essenzjali sabiex jitnaqqas id-dejn pubbliku u jiġu stabbiliti mill-ġdid il-protezzjonijiet fiskali neċessarji filwaqt li jiġu evitati politiki proċikliċi. L-isforz fiskali għandu jkun differenzjat madwar l-Istati Membri, sabiex dan jirrifletti sfidi speċifiċi għall-pajjiżi f'termini tat-tnaqqis tad-dejn pubbliku u stabbilizzazzjoni tal-pożizzjoni ċiklika, filwaqt li jitqiesu l-effetti kollaterali, b'mod partikolari madwar il-pajjiżi taż-Żona tal-Euro. Qed isir progress lejn oqfsa fiskali nazzjonali aktar b'saħħithom, li huma essenzjali biex jinkisbu u jinżammu politiki fiskali xierqa. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippubblika r-rapport tagħha dwar l-inkorporazzjoni tal-Patt Fiskali fil-liġi nazzjonali kif kien previst fl-Artikolu 8(1) TSKG kmieni fl-2016.

Il-kompożizzjoni tal-istrateġiji fiskali għandha tkompli tagħti prijorità lil nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir u tħares l-investiment pubbliku produttiv.. L-akbar tnaqqis fl-infiq ippjanat mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għas-sena d-dieħla jaffettwa l-kont tal-pagi tas-settur pubbliku u x-xiri mill-gvern ta' oġġetti u servizzi. L-aġġustament ippjanat probabbilment ma jaffettwax il-prospetti tat-tkabbir fuq terminu medju, għalkemm jista' jkun hemm lok għal għażliet li jiffavorixxu aktar it-tkabbir fil-kompożizzjoni tal-infiq. Barra minn hekk, l-effiċjenza tal-programmi ta' nefqa eżistenti tal-Istati Membri fil-kisba tal-għanijiet tagħhom għandha tiġi rieżaminata b'mod sistematiku u, fejn xieraq, tissaħħaħ bl-adozzjoni ta' riformi.

Tiżdied l-effikaċja u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa

Fuq in-naħa tad-dħul, huwa importanti li tkun żgurata sistema tat-taxxa effiċjenti u favorevoli għat-tkabbir. Dan jinkludi ċaqliq tat-taxxi lil hinn mix-xogħol. Dan jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-impjiegi u għall-adattabilità tas-suq tax-xogħol.

Barra minn hekk, il-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata. Billi jistimula l-aċċess għall-finanzi u b'hekk għall-investiment, it-trattament fiskali preferenzjali tad-dejn, li jirriżulta minn tnaqqis mit-taxxa ta' ħlas tar-rata tal-imgħax, huwa waħda mir-raġunijiet li tispjega l-preferenza għad-dejn meta mqabbel mal-ekwità. Fil-livell tal-Istati Membri, din il-predispożizzjoni favur id-dejn fil-finanzjament tan-negozji tista' tiġi indirizzata billi jitneħħew id-distorsjonijiet mit-tassazzjoni differenzjali. Bħala parti mill-ħidma aktar wiesgħa li qed issir sabiex il-Bażi tat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (Common Consolidated Corporate Tax Base - CCTB) titmexxa 'l quddiem, il-Kummissjoni se teżamina modi kif tista' tiġi indirizzata din il-"predispożizzjoni favur id-dejn". Hija se tippreżenta proposta ġdida fl-2016.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq it-tnaqqis fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Dan jgħin biex jinkiseb dħul eż. għall-investiment pubbliku jew għat-tnaqqis tat-taxxi. L-Istati Membri jistgħu jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa permezz tal-infurzar, u billi jżidu t-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa differenti. Il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni f'Ġunju bil-għan li terġa' tiġi stabbilita r-rabta bejn it-tassazzjoni u l-post tal-attività ekonomika, li tiġi indirizzata l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti minn ċerti kumpaniji multinazzjonali u li tiżdied it-trasparenza tat-taxxa. Bl-istess mod, f'Marzu, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' miżuri biex titjieb it-trasparenza tat-taxxa, u element ewlieni tiegħu huwa l-introduzzjoni ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa tagħhom 27 relatati ma' kwalunkwe entità korporattiva.

Reazzjoni għall-isfida demografika

Ħajjiet itwal u aktar b'saħħithom huma kisba importanti għas-soċjetajiet tagħna. Issa huma meħtieġa politiki responsabbli biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul huma finanzjarjament sostenibbli u jistgħu jipprovdu protezzjoni adegwata għal kulħadd. Kien hemm progress konsiderevoli fir-riforma tal-mudelli soċjali Ewropej f'dawn l-aħħar 10 snin, b'mod partikolari fil-qasam tal-pensjonijiet. Maġġoranza adattaw is-sistemi tagħhom biex ikunu jistgħu jifilħu aħjar għall-impatt demografiku li se jsir apparenti fl-10 snin li ġejjin. Dan ma jinkludix biss żidiet ġenerali fl-etajiet tal-irtirar, iżda wkoll restrizzjonijiet fuq l-irtirar bikri.

Dawn ir-riformi tal-pensjonijiet li jsaħħu s-sostenibilità fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jistgħu jwasslu għal sfidi ġodda. Ġeneralment, ir-riformi mxew id f'id ma' simplifikazzjoni tal-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi. Sabiex dawn ir-riformi jgawdu appoġġ u suċċess fit-tul, huwa probabbli li jkunu meħtieġa miżuri oħra li jakkumpanjawhom sabiex jinżamm il-livell ta' introjtu ta' min jirtira, bħall-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-forniment ta' mezzi oħra biex jinkiseb introjtu għall-irtirar permezz ta' tfaddil kumplimentari għall-pensjonijiet. B'mod parallel, l-Istati Membri jeħtieġu li jappoġġaw l-iżvilupp ta' pjanijiet tal-pensjonijiet kollettivi u individwali sabiex jikkumplimentaw l-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi, fosthom billi jneħħu l-ostakoli fil-livell Ewropew. Is-sħab soċjali jistgħu jkollhom rwol importanti xi jwettqu hawn, skont il-prattiki nazzjonali.

Fir-rigward tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, jeħtieġ li jitkomplew ir-riformi sabiex tissaħħaħ il-kosteffettività tagħhom u jiġi żgurat aċċess adegwat. L-isfida demografika taffettwa mhux biss il-pensjonijiet imma wkoll in-nefqa relatata mal-kura tas-saħħa u mal-kura fit-tul. Popolazzjoni aktar b'saħħitha ttejjeb ukoll il-parteċipazzjoni tas-suq u l-produttività tal-ħaddiema. L-Istati Membri jeħtieġu li jintroduċu miżuri sabiex jiżguraw bażi ta' finanzjament sostenibbli, jinkoraġġixxu l-provvista ta' kura tas-saħħa primarja effettiva u l-aċċess għaliha, l-użu kosteffikaċi tal-mediċini, akkwisti pubbliċi aħjar, itejbu l-integrazzjoni tal-kura permezz ta' kanali ta' informazzjoni aġġornati (bħas-saħħa elettronika), jivvalutaw l-effikaċja relattiva tat-teknoloġiji tas-saħħa u jinkoraġġixxu l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard.

5. Il-passi li jmiss

L-UE teħtieġ li taġixxi b'mod ambizzjuż u kollettivament sabiex tegħleb l-isfidi ekonomiċi u soċjali tagħha. F'dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kummissjoni tipproponi li dan iseħħ abbażi tal-pilastri integrati tar-rilanċ tal-investiment, it-twettiq ta' riformi strutturali u l-modernizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, b'enfażi qawwija fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir iniedi s-Semestru Ewropew 2016. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-perspettivi tal-Parlament Ewropew kif ukoll ta' partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha sabiex tarrikkixxi d-dibattitu u tiffoka l-prijoritajiet għal azzjoni.

Flimkien mad-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet taż-Żona tal-Euro ppreżentati fir-rakkomandazzjoni ddedikata, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqblu dwar il-prijoritajiet tal-UE u ż-Żona tal-Euro għas-sena d-dieħla. Dawn għandhom imbagħad jipprovdu orjentament għall-Programmi Nazzjonali tar-Riforma u l-Istabilità jew tal-Konverġenza tal-Istati Membri f'April, u wkoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi speċifiċi għall-pajjiżi f'Mejju.

Is-suċċess jitlob impenn qawwi mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE flimkien. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-atturi kollha sabiex tiżgura li l-irkupru jitqiegħed fuq perkors sostenibbli, u li l-Ewropa tkun tista' tuża l-potenzjal sħiħ tagħha tal-impjiegi u t-tkabbir.



IL-VERŻJONI MTEJBA TAS-SEMESTRU EWROPEW

Il-Kummissjoni ssimplifikat b'mod sostanzjali s-Semestru Ewropew mis-sena l-oħra, fejn stabbiliet djalogu aktar ġenwin mal-Istati Membri, pereżempju billi ddjalogat b'mod proattiv mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, fejn tat direzzjoni lill-gwida pprovduta u ppubblikat Rapporti tal-Pajjiżi fi Frar, u ħalliet aktar żmien biex jitħejjew ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Ottubru 2015 28 , minn dan iċ-ċiklu tas-Semestru, se jkun hemm aktar titjib:

   Integrazzjoni aħjar tad-dimensjonijiet taż-Żona tal-Euro u nazzjonali. Ekonomija taż-żona tal-euro li taħdem sewwa u robusta hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UE kollha. Biex jiffaċilita din il-koordinazzjoni, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2016 huwa akkumpanjat minn sett ta' rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro; din hija bidla importanti miċ-ċikli semestrali preċedenti fejn ir-rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro kienu proposti flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lejn tmiem is-semestru.

   Enfażi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali L-aspetti tal-impjieg u dawk soċjali qed jiġu enfasizzati aktar fil-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi. It-tliet indikaturi ewlenin (ir-rata ta' attività, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-qgħad fit-tul) huma użati fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija għall-2016 li jakkumpanja dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Qed tingħata attenzjoni akbar lill-ġustizzja soċjali fil-kuntest tal-programmi ta' aġġustament makroekonomiku l-ġodda. L-abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jagħti fil-qosor l-isfidi u l-prijoritajiet. L-involviment mill-qrib tas-sħab soċjali huwa promoss fil-livelli kollha.

   Il-promozzjoni tal-konverġenza permezz ta' parametraġġ referenzjarju u t-twettiq tal-aħjar prattiki
Progressivament il-Kummissjoni se tissuġġerixxi parametri referenzjarji u ssaħħaħ l-iskambji tal-aħjar prattiki f'oqsma ta' politika jew tematiċi.

   Appoġġ aktar iffukat għal riformi permezz ta' fondi tal-UE u għajnuna teknika. Dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa akkumpanjat minn proposta għal finanzjament għal assistenza teknika għall-Istati Membri 29 .

Barra minn hekk, kif propost fil-21 ta' Ottubru, il-governanza ekonomika tal-UE se tittejjeb permezz ta' titjib prattiku għall-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi u għall-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, kif ukoll permezz tal-istabbiliment ta' Bord Fiskali Ewropew konsultattiv u ta' netwerk ta' Bordijiet tal-Kompetittività nazzjonali.

(1) COM(2015) 691
(2) COM(2015) 550
(3) COM(2015) 468
(4) COM(2015) 080
(5) COM(2015) 192
(6) COM(2015) 302
(7) COM(2015) 600
(8) Inkluż fis-sessjoni plenarja tal-11 ta’ Novembru 2015
(9) COM(2015) 692 u SWD(2015) 700.
(10) Aktar intelliġenti, aktar ekoloġika u aktar inklużiva? Indikaturi li jappoġġaw l-Istrateġija Ewropa 2020, EUROSTAT 2015.
(11) Is-sitwazzjoni fit-18 ta' Novembru 2015.
(12) SWD(2015) 400.
(13)  COM(2015) 586
(14) COM(2015) 691
(15) Ġeneralment, l-indikaturi huma evalwati kontra valur wieħed jew bosta valuri rilevanti, pereżempju l-medja, l-aħjar tliet xhur, l-aħjar fil-klassi, pajjiż ġar jew pajjiż li l-prestazzjoni tiegħu wieħed jixtieq jikkopja.
(16) Ir-Rapport tat-22 ta' Ġunju 2015. Ara wkoll COM(2015) 600.
(17)  COM(2015) 701
(18) COM(2015) 700
(19)  Aktar minn 12-il miljun.
(20)  Laħaq il-5,1 % fl-UE u s-6,1 % fl-2014 fiż-Żona tal-Euro
(21)  L-aktar dejta riċenti disponibbli
(22) Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni ta' dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol, COM(2015) 462
(23) Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro dwar l-aġenda tar-riforma strutturali – diskussjonijiet tematiċi dwar it-tkabbir u l-impjiegi: valutazzjoni tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, 638/15, 12/09/2015.
(24) Il-linji gwida dwar l-impjiegi (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11360/15 tal-5 ta' Ottubru 2015) jistiednu lill-Istati Membri biex isegwu prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u jippermettu l-ispazju ta' politika meħtieġ għal kunsiderazzjoni wiesgħa ta' kwistjonijiet soċjoekonomiċi, meta jkunu qed iwettqu riformi tas-suq tax-xogħol, inklużi l-mekkaniżmi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi.
(25) Kif previst fil-Programm ta' Ħidma tagħha, il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett ta' ekonomija ċirkolari fi tmiem l-2015.
(26) Għal aktar dettalji, ara COM(2015) 800.
(27) Deċiżjoni tat-taxxa tirreferi għal kif l-amministrazzjoni nazzjonali tiddetermina t-tassazzjoni għal struttura partikolari u prattika kummerċjali f'dak l-Istat Membru.
(28) COM(2015) 600
(29) COM(2015) 701
Top