EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0601

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL Dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro

COM/2015/0601 final

Brussell, 21.10.2015

COM(2015) 601 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu flimkien mal-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Filwaqt li hemm bżonn li titjieb il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-iżviluppi tal-kompetittività fl-Unjoni, bil-kriżi riċenti ħareġ fid-deher li l-Istati Membri li jużaw il-euro (“Stati Membri taż-żona tal-euro”) jistgħu jkunu partikolarment soġġetti għal żieda possibbli u f’daqqa ta’ żbilanċi makroekonomiċi li jistgħu jinxterdu fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Fin-nuqqas ta’ rati flessibbli tal-kambju nominali, jeħtieġu wkoll mekkaniżmi ta’ aġġustament adegwati għal xokkijiet li huma speċifiċi għall-pajjiżi. Dinamiki ta’ kompetittività huma ta’ rilevanza kemm għall-akkumulazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (eż. l-iżbilanċi tal-kummerċ u tal-kont kurrenti, l-istokkijiet ta’ passivi domestiċi u esterni), u aġġustament effettiv għal xokkijiet asimmetriċi. Id-deterjorament fil-kompetittività jista’ jkun responsabbli wkoll għal tnaqqis fit-tkabbir potenzjali, li jagħmilha anqas faċli biex id-dejn għoli jitħallas lura. Il-koordinazzjoni ta’ politiki li għandhom effett fuq id-dinamika tal-kompetittività tgħin biex jiġi żgurat li l-iżviluppi tal-kompetittività jkunu kompatibbli mal-objettiv ta’ funzjonament bla xkiel tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Filwaqt li din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-Istati Membri l-oħra huma mħeġġa wkoll biex jistabbilixxu korpi simili.

(2)Is-Semestru Ewropew, b’mod partikolari l-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi kif ġiet stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u r-Regolament (UE) Nru 1174/2011, jipprovdi qafas għal koordinazzjoni integrata tal-politika ekonomika u s-sorveljanza. Minħabba l-ħtieġa li jitrawwem progress bir-riformi strutturali għall-kompetittività, dawn il-mekkaniżmi eżistenti għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha ta’ aġendi ta’ riforma. Għal dan il-għan, jidher li hi meħtieġa żieda fl-għarfien espert indipendenti tal-politika fil-livell nazzjonali u li jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-Unjoni u l-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(3)It-twaqqif ta’ bordijiet ta' kompetittività nazzjonali inkarigati għat-traċċar tal-prestazzjoni u l-politiki fil-qasam tal-kompetittività jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sjieda ta’ politiki u riformi meħtieġa fil-livell nazzjonali, u biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE fil-qasam tal-kompetittività. Dawn il-bordijiet għandhom jivvalutaw l-iżviluppi tal-kompetittività u l-politiki, iżda jipprovdu wkoll pariri ta’ politika għal implimentazzjoni ta’ riformi, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-prattiċi stabbiliti.

(4)L-ambitu ta’ intervent tal-bordijiet ta' kompetittività għandu jinkludi l-kunċett ta’ kompetittività globali. Id-dinamiċi tal-pagi kif ukoll fatturi mhux relatati mal-pagi u l-katalizzaturi tal-produttività u kunsiderazzjonijiet ta' dinamika relatati mal-innovazzjoni u l-attrattività tal-ekonomija biex in-negozji jaqgħu taħt il-mandat ta’ dawn il-bordijiet.

(5)Il-bordijiet ta' kompetittività għandhom jingħataw il-kapaċità li jiżguraw kwalità għolja ta’ analiżi ekonomika bħala l-bażi għar-rwol konsultattiv tagħhom.

(6)Il-bordijiet ta' kompetittività għandhom ikunu indipendenti minn ministeri jew awtoritajiet pubbliċi li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-kompetittività. Il-bordijiet ta' kompetittività għandhom ikunu imparzjali, fis-sens li dawn m’għandhomx iwasslu biss jew prinċipalment opinjonijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ partijiet interessati. Tali rekwiżiti ta' indipendenza u imparżjalità huma mmirati biex jiżguraw li r-rwol konsultattiv tal-bordijiet tal-kompetittività jirrifletti adegwatament il-ġudizzju espert fformulat fl-interess ġenerali.

(7)Il-karatteristiċi tal-bordijiet ta' kompetittività għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 152 tat-Trattat u għandhom jikkunsidraw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-funzjonament tagħhom ma għandux jaffettwa d-dritt tal-ħaddiema u l-impjegaturi, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa u li jieħu azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.

(8)Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-bordijiet ta' kompetittività bil-ħsieb li jrawmu l-kisba ta’ objettivi u strateġiji mifruxa maż-żona kollha tal-euro filwaqt li jitqiesu l-inputs mis-sistema ta’ bordijiet ta' kompetittività f’koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Unjoni.

(9)Il-bordijiet ta' kompetittività għandhom jikkompilaw u jippubblikaw l-analiżi u l-pariri tagħhom f’rapport annwali. Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi tal-Unjoni u taż-żona tal-euro huma kkunsidrati fix-xogħol tal-konsultazzjonijiet tal-bordijiet bejn il-Kummissjoni u l-bordijiet, dawn għandhom isiru għall-produzzjoni ta’ dawn ir-rapporti u matul missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri. Ir-rapporti se jinfurmaw lill-Kummissjoni fl-analiżi mwettqa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku.

(10)Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni fil-livell supranazzjonali, għandu jkun hemm bord tal-kompetittività identifikabbli wieħed f’kull Stat Membru. Madankollu, biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod xieraq, il-bordijiet tal-kompetittività min-naħa tagħhom jistgħu jiddependu fuq korpi separati eżistenti differenti, sakemm dawn jissodisfaw il-prinċipji komuni esposti iktar ’il fuq.

(11)Il-monitoraġġ u l-infurzar tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) għandom jibqgħu fil-livell tal-Unjoni, fi ħdan is-Semestru Ewropew u l-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

ADOTTA DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET

I. Objettivi u kamp ta' applikazzjoni

1.L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa t-twaqqif ta’ bordijiet ta’ kompetittività nazzjonali biex jimmonitorjaw il-prestazzjoni u l-politiki fil-qasam tal-kompetittività, u b’hekk jikkontribwixxu biex titrawwem konverġenza ekonomika sostenibbli, u sabiex tissaħħaħ is-sjieda tar-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali.

2.Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. L-Istati Membri l-oħra huma mħeġġa wkoll biex jistabbilixxu korpi simili.

II. It-twaqqif ta' bordijiet ta’ kompetittività

3.Kull Stat Membru għandu jkollu l-bord ta' kompetittività fis-seħħ bil-kompitu li:

(a)    Jissorvelja l-iżviluppi tal-kompetittività fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jitqiesu fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u kontenut ta’ kwalità ta’ merkanzija u servizzi relatati ma’ kompetituri globali f’qasir żmien (inkluż l-ispejjeż tax-xogħol) kif ukoll għal xprunaturi bħalma huma l-produttività u l-kapaċità tal-innovazzjoni, li huma rilevanti mhux biss għall-prestazzjoni relattiva tal-ekonomija iżda wkoll għall-potenzjal ta’ tkabbir tagħha u l-kapaċità li tattira l-investiment, in-negozji u l-kapital uman;

(b)    Jinforma l-proċessi eżistenti li jistabbilixxu l-pagi fil-livell nazzjonali bl-għoti tal-informazzjoni rilevanti;

(c)    Jimmonitorja l-politiki marbuta mal-kompetittività fl-Istat Membru kkonċernat, inkluż il-kontribut għal evalwazzjoni ex post ta’ politiki; kif ukoll

(d)    Jivvaluta l-isfidi politiċi u jfassal il-parir ta’ politika fil-qasam tal-kompetittività. Il-parir tal-bordijiet ta' kompetittività għandu jieħu kont tad-dimensjoni usa' tal-Unjoni u taż-żona tal-euro. Il-bordijiet għandhom, fost oħrajn, jagħtu pariri dwar l-implimentazzjoni ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

4.Kull Stat Membru għandu jidentifika bord wieħed ta' kompetittività, li min-naħa tiegħu jista' jiddependi fuq entitajiet eżistenti differenti.

5.Il-bordijiet ta’ kompetittività għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq bażi kontinwa. Huma għandhom jippubblikaw l-analiżi u l-pariri tagħhom, f’rapport annwali. Dawn għandhom jiġu involuti f’kuntatti mal-Kummissjoni u l-bordijiet ta’ kompetittività ta’ Stati Membri oħra bil-għan li jikkoordinaw l-opinjonijiet.

III. Il-karatteristiċi tal-bordijiet ta’ kompetittività

6.Il-bordijiet ta’ kompetittività għandhom ikunu strutturalment indipendenti jew għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis kwalunkwe awtorità pubblika li tittratta kwistjonijiet relatati mal-kompetittività tal-Istat Membru (b’mod partikolari ministeri, amministrazzjonijiet, istituti pubbliċi, aġenziji pubbliċi). Dawn għandhom ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali, inklużi:

(a)reġim statutorju stabbilit f'liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali vinkolanti;

(b)ma jitteħdux struzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet relatati mal-kompetittività jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat;

(c)    il-kapaċità li jikkomunikaw pubblikament fil-mument xieraq;

(d)il-proċeduri għan-nomina ta' membri abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom;

(e)ir-riżorsi adegwati u l-aċċess xieraq għall-informazzjoni biex jitwettaq il-mandat tagħhom.

7.Il-bordijiet ta’ kompetittività għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati rilevanti (eż. atturi nazzjonali jew gruppi ta’ atturi, inklużi is-sħab soċjali, li jipparteċipaw fi djalogu soċjali u ekonomiċi tal-Istati Membri fuq bażi regolari) iżda m’għandhomx iwasslu biss jew prinċipalment l-opinjonijiet u l-interessi ta’ grupp partikolari ta’ partijiet interessati.

8.Il-bordijiet ta’ kompetittività għandu jkollhom il-kapaċità li jwettqu analiżi ekonomika u statistika b’livell għoli ta’ kwalità, inkluż kif rikonoxxut mill-komunità akkademika.

IV. L-artikolazzjoni mas-Semestru Ewropew

9.Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni bejn il-bordijiet tal-kompetittività nazzjonali u tiskambja l-fehmiet magħhom, b’mod partikolari biex tippromwovi l-kunsiderazzjoni taż-żona tal-euro u l-objettivi tal-UE fix-xogħol tal-bordijiet. Il-kuntatti għandhom jiġu previsti qabel il-produzzjoni tar-rapporti annwali tagħhom u matul missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri.

10.L-għarfien indipendenti pprovdut minn dawn il-bordijiet, inkluż permezz ta’ rapporti annwali, ser jintuża biex jinforma l-Istati Membri u l-analiżi tal-Kummissjoni fis-Semestru Ewropew u l-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku.

V. Responsabbiltà u trasparenza

11.Bħala regola, l-analiżi prodotta minn dawk il-bordijiet għandha ssir pubblika.

VI. Dispożizzjonijiet finali

12.L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni sa[data ta' adozzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni + 6 xhur].

13.Sa [data ta’ adozzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni + 12-il xahar], il-Kummissjoni hija mistiedna tħejji rapport ta’ progress, abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, dwar l-implimentazzjoni u l-adegwatezza ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jorbtu jidher li huwa meħtieġ.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top