IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2015
COM(2015) 550 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji
{SWD(2015) 202 final}
{SWD(2015) 203 final}
1.
Intejbu s-Suq Uniku
Is-Suq Uniku hu waħda mill-kisbiet il-kbar tal-Ewropa. Fl-aħħar ħamsin sena, dan ħoloq bosta opportunitajiet ġodda u ekonomiji ta’ skala għall-kumpaniji Ewropej li saħħew il-kompetittività industrijali, ħoloq l-impjiegi u wessa' l-għażla għall-konsumaturi bi prezzijiet orħos filwaqt li ċ-ċittadini setgħu jgħixu, jistudjaw u jaħdmu kull fejn xtaqu. Is-suq Uniku ta sehem ukoll biex tiżdied l-integrazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fil-ktajjen tal-valur internazzjonali u biex tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-kumpaniji Ewropej.
Iżda l-UE u s-Suq Uniku jeħtieġ jibqgħu jadattaw għal ambjent dejjem differenti. L-Ewropa qed taffaċċja sfidi ekonomiċi u soċjali. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet il-waqt tal-prova għall-ekonomiji tagħna u ħalliet bosta konsegwenzi soċjali kbar. Fl-Ewropa l-qgħad għadu għoli, l-aktar fost iż-żgħażagħ li għandhom ikunu fil-qalba tal-vitalità tal-Ewropa; filwaqt li l-livelli baxxi ta’ tkabbir laqtu il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Ewropa. Il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea ddgħajfu għax ma sarx investment biżżejjed u minħabba l-ostakli fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi. Ħafna drabi n-negozji ttaqqlu b'regolamentazzjoni skaduta u diffiċli żżejjed u għax ma setgħux isibu l-informazzjoni meħtieġa.
Fl-istess waqt, l-innovazzjoni u l-katini tal-valur globali qed joħolqu opportunitajiet ewlenin ġodda. It-teknoloġiji diġitali qed ibiddlu bosta setturi industrijali b'tali mod li dawn jibdew iħaddmu produzzjoni aktar effiċjenti u mudelli tan-negozju ġodda u innovattivi. Kulma jmur il-manifattura u s-servizzi qed jitwaħħdu f’offerti kummerċjali intelliġenti u nodfa li jipprovdu valur miżjud akbar lill-konsumaturi. Iżda din l-innovazzjoni hi wkoll sfida għall-mudelli kummerċjali tradizzjonali u għar-relazzjonijiet stabbiliti bejn il-konsumaturi u l-operaturi tan-negozji.
1.1.Suq Uniku aktar integrat u aktar ġust
Il-Kummissjoni Ewropea li bdiet taħdem f’Novembru 2014 qed taħdem biex tegħleb dawn l-isfidi: il-prijorità ewlenija tagħha hi li żżid l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment billi tintegra s-Suq Uniku fis-setturi u fl-oqsma ta’ politika.
Fi żmien xahar minn meta twaqqfet il-Kummissjoni l-ġdida, din nediet il-Pjan ta’ Investiment tagħha għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-pjan diġà qed jaħdem biex jegħleb it-tnaqqis fl-investiment u biex l-ekonomija jreġġagħha lura fuq saqajha. Wieħed mill-għanijiet tal-pjan hu li tiżdied il-prevedibbiltà regolatorja u jkompli jissaħħaħ is-Suq Uniku ħalli b'hekk jitjieb l-ambjent tan-negozju għall-investiment.
Barra minn hekk, fi Frar 2015 il-Kummissjoni ħolqot l-Unjoni tal-Enerġija Ewropea ħalli tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jkollhom aċċess għal enerġija sigura, bi prezz raġonevoli u ekoloġika ħalli s-suq intern tal-enerġija tassew jitwettaq madwar l-UE kollha.
F'Mejju l-Kummissjoni ħarġet bl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali biex tilqa' l-isfidi tal-ekonomija diġitali. Suq Uniku diġitali konness itejjeb l-aċċess għall-konsumaturi u għan-negozji għall-prodotti u għas-servizzi onlajn, u joħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex in-netwerks jirnexxu u jżidu kemm jista' jkun il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija diġitali tal-Ewropa.
U x-xahar li għadda ħareġ il-Pjan ta’ Azzjoni biex tissawwar Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jwassal biex jonqsu l-ispejjeż tas-self, jitjieb il-finanzjament biex jiftħu negozji ġodda u titwessa' l-bażi tal-investituri. Barra minn hekk, il-kumpaniji Ewropej se jsibuha eħfef biex jiksbu aċċess għall-finanzi meħtieġa biex jimmodernizzaw u jespandu għax se jqarreb l-investituri lejn min jeħtieġ il-finanzjament. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se żżid il-kompetizzjoni u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
Neħtieġu Ewropa miftuħa għad-dinja u dinja miftuħa għall-Ewropa. Kif tispjega fil-Komunikazzjoni tagħha Kummerċ għal Kulħadd li adottat fil-bidu tax-xahar, il-Kummissjoni fasslet mill-ġdid il-politika tagħha tal-kummerċ u l-investiment biex tkun aktar effettiva u trasparenti u skont il-valuri tagħna l-Ewropej. Il-Kummissjoni qed taħdem qatigħ biex tiżgura li s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment tagħti riżultati ambizzjużi, ġusti u effettivi.
Lill-Ewropa, il-pakkett pjanat tal-Ekonomija Ċirkolati se jagħtiha vantaġġi kompetittivi ġodda. Dan għandu l-għan li jiżgura li jitħarsu r-riżorsi naturali ta’ valur filwaqt li jitjiebu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fid-disinn, il-manifattura, l-użu, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-prodotti, u fl-immaniġġjar tal-iskart.
Sabiex ikun żgurat Suq Uniku aktar ġust, l-UE trid twieġeb b’mod effettiv it-tħassib taċ-ċittadini u n-negozji ħalli dawn ikunu żguri li s-Suq Uniku se jipproteġihom u jagħtihom aktar setgħa.
Iċ-ċittadini jeħtieġ ikunu fiduċjużi li mhux se jonqsulhom id-drittijiet tagħhom bħala impjegati. Sabiex jegħleb dan it-tħassib, il-pakkett dwar il-Mobbiltà tax-Xogħol li jmiss se jappoġġa l-mobbiltà tax-xogħol billi jtejjeb il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u jwettaq reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema.
Iċ-ċittadini u n-negozji jridu jaraw li hemm ġustizzja wkoll fejn tidħol it-tassazzjoni. Hu tassew importanti li l-kumpaniji li jgawdu mis-Suq Uniku ma jkunux jistgħu jibqgħu jisfruttaw id-differenzi u l-lakuni fir-reġimi tat-taxxa nazzjonali. Il-Kummissjoni qed tagħlaq l-investigazzjonijiet dettaljati li għamlet f’għadd ta’ Stati Membri fejn jidħlu d-deċiżjonijiet tat-taxxa u qed taħdem biex tiżgura li d-Direttiva dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa, li ġiet adottata dan l-aħħar, titwettaq malajr. Bil-Pjan ta’ Azzjoni riċenti għal tassazzjoni tal-kumpaniji ġusta u effiċjenti, il-Kummissjoni nediet programm ambizzjuż biex tiżgura li meta jsir il-qligħ, jitħallsu t-taxxi.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed timbotta għadd ta’ inizjattivi settorjali li huma rilevanti għas-Suq Uniku; fosthom qed tieħu aktar miżuri biex ittejjeb is-Suq Uniku għat-trasport bit-triq u b'hekk tgħin biex is-servizzi tat-trasport jitjiebu u jsiru aktar kompetittivi. B'mod partikolari l-Kummissjoni se tqis kif jistgħu jeħfiefu r-regoli dwar l-aċċess fis-suq tat-trasport tal-merkanzija, u kif jistgħu jsiru aktar infurzabbli. Se tikkunsidra modi biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri u żżid il-kompetizzjoni fil-kiri ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, kif ukoll biex issaħħaħ l-infurzar tar-regoli applikabbli f’dan is-settur u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u ambjent ugwali għal kulħadd.
Sabiex tirfed dawn l-azzjonijiet kollha, il-Kummissjoni għamlet l-ewwel pass għal regolamentazzjoni aħjar. Qed niffukaw fuq il-prijoritajiet reali tal-Ewropa u għalhekk qed noħolqu regoli aħjar li jaħdmu aħjar. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet qed nibdlu 28 regola nazzjonali differenti b'sett uniku ta' regoli tal-UE, u dan iħaffef il-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji, jissimplifika l-qafas legali, inaqqas il-piżijiet regolatorji fis-Suq Uniku kollu u jżid il-prevedibbiltà regolatorja.
1.2.Strateġija ġdida tas-Suq Uniku bbażata fuq l-opportunitajiet, il-modernizzazzjoni u r-riżultati
Dawn il-miżuri jeħtieġu Suq Uniku tassew Ewropew għall-prodotti u s-servizzi.
Minkejja l-progress kollu li sar, għad baqa' wisq ostakli ekonomiċi sinifikanti, l-aktar fil-qasam tas-servizzi. Il-Kummissjoni tistma li l-PDG tal-UE jiżdied b'1.8 % jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi titwettaq b'mod aktar ambizzjuż.
L-ostakli fl-iskambju liberu tal-prodotti u s-servizzi, in-nuqqas ta' infurzar xieraq tar-regoli eżistenti, il-livelli baxxi ta’ akkwisti pubbliċi transfruntiera u n-nuqqas ta' appoġġ politiku biżżejjed fir-riformi strutturali qed jillimitaw l-opportunitajiet tan-negozji u taċ-ċittadini, u għalhekk qed jonqsu l-impjiegi u jogħlew il-prezzijiet bla bżonn.
Dawn l-ostakli jolqtu wkoll politiki oħrajn f’oqsma ewlenin bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija; u lill-UE jagħmluha inqas attraenti għall-investimenti interni u esterni. Dawn joħonqu l-innovazzjoni u jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda fl-Ewropa, milli jimpjegaw iżjed persunal u milli jimirħu fi swieq ġodda.
Għalhekk is-Suq Uniku jeħtieġ reviżjoni u aġġornament b'tali mod li jitjieb il-funzjonament tas-swieq għall-prodotti u s-servizzi u jiżgura l-protezzjoni xierqa taċ-ċittadini. Din l-istrateġija għandha l-għan li tikseb dan kollu, u tistrieħ fuq azzjonijiet immirati fi tliet oqsma ewlenin, jiġifieri li:
toħloq l-opportunitajiet għall-konsumaturi, il-professjonisti u n-negozji;
tħeġġeġ u tippermetti l-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni li l-Ewropa teħtieġ;
tiżgura li titwettaq b'mod konkret għall-ġid tal-konsumaturi u tan-negozji fil-ħajja ta’ kuljum.
Din tiffoka fuq miżuri prattiċi li jgħinu lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda biex jikbru u jespandu, jippromwovu l-innovazzjoni, jiftħu t-triq għall-investimenti u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi. Dawn il-miżuri jikkumplimentaw għadd ta’ inizjattivi settorjali, bħal pereżempju inizjattivi li jtejbu l-funzjonament u l-infurzar tas-Suq Uniku għat-trasport bit-triq;u jirfduhom hemm l-evidenza ekonomika għax jisħqu fuq l-aktar ostakli importanti mil-lat ekonomiku. L-azzjonijiet leġiżlattivi se jkunu soġġetti għal aktar ħidma li tivvaluta l-impatt u wara jkunu l-bażi għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.
2.Noħolqu l-opportunitajiet għall-Konsumaturi, il-Professjonisti u n-Negozji
2.1.Nippermettu żvilupp bilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva
Il-mod li bih ħafna servizzi u assi qed jiġu pprovduti u kkunsmati qed jinbidel malajr: l-ekonomija kollaborattiva, ekosistema kumplessa ta’ servizzi on-demand u l-użu temporanju tal-assi bbażati fuq l-iskambji minn pjattaformi onlajn, qed tiżviluppa malajr. L-ekonomija kollaborattiva twessa' l-għażla u traħħas il-prezzijiet għall-konsumaturi u tipprovdi opportunitajiet ta’ tkabbir għan-negozji l-ġodda u għall-kumpaniji Ewropej eżistenti li jkunu innovattivi, kemm f’pajjiżhom kif ukoll lil hinn mill-fruntieri. Din iżżid l-impjiegi u l-benefiċċji tal-impjegati għax tippermetti skedi flessibbli, mill-impjiegi mikro mhux professjonali sal-intraprenditorija part-time. Ir-riżorsi jistgħu jintużaw b’aktar effiċjenza u b’hekk jiżdiedu l-produttività u s-sostenibbiltà.
Skont studju riċenti, il-ħames setturi ewlenin tal-ekonomija kollaborattiva (il-finanzi bejn il-pari, l-ingaġġar onlajn, l-użu konġunt tal-karozzi, l-akkomodazzjoni bejn il-pari, u l-istreaming tal-vidjows mużikali) għandhom il-potenzjal li jżidu d-dħul globali minn madwar EUR 13-il biljun illum għal EUR 300 biljun sal-2025. Terz tal-konsumaturi Ewropej jgħidu li qed jieħdu sehem dejjem aktar fl-ekonomija kollaborattiva.
Madankollu meta jfeġġu mudelli ġodda tan-negozju, ħafna drabi dawn iħallu impatt fuq is-swieq eżistenti u joħolqu tensjonijiet fost il-fornituri tal-prodotti u s-servizzi eżistenti. Iż-żewġ naħat jilmentaw fuq l-inċertezza regolatorja fejn tidħol l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, it-tassazzjoni, il-liċenzjar, in-normi tas-saħħa u s-sikurezza, tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni tal-impjiegi. Jekk ir-rispons regolatorju biex jingħelbu dawn l-isfidi jkun mgħaġġel jew inadegwat, nirriskjaw li noħolqu inugwaljanza u nifframmentaw is-suq.
Dawn id-diffikultajiet u din l-inċertezza jeħtieġ li jiġu indirizzati. Hemm bżonn ambjent regolatorju bilanċjat u ċar li jippermetti l-iżvilupp ta’ intraprenditorija f'ekonomija kollaborattiva; iħares lill-ħaddiema, lill-konsumaturi u interessi pubbliċi oħrajn; u jiżgura li ma jiġux imposti ostakli regolatorji bla bżonn fuq l-operaturi tas-suq eżistenti jew ġodda, ikun xi jkun il-mudell tan-negozju li jħaddmu.
L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali diġà bdiet il-ħidma biex jingħarbel ir-rwol tal-pjattaformi, inkluż fl-ekonomija kollaborattiva. Din l-inizjattiva se titwieżen bi studji transsettorjali oħrajn u b'impenn attiv mal-operaturi tas-suq, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.
Sabiex issejjes fuq din il-ħidma, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar kif il-liġi tal-UE tapplika għal mudelli tan-negozju fl-ekonomija kollaborattiva u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali. Din il-gwida se tibbaża fuq id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-konsumatur, kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. Din se tqis ukoll l-aqwa prattika internazzjonali u għandha tgħin lill-Istati Membri u lill-operaturi tas-suq biex jifhmu aħjar ir-regoli applikabbli. Barra minn hekk, din se tiggwida wkoll l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-liġi nazzjonali ma xxekkilx l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva b’mod mhux ġustifikat. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta jekk u kif għandhom jiġu indirizzati xi lakuni regolatorji. Din se tiżviluppa qafas ta’ monitoraġġ biex jiġi traċċat l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fil-livell lokali, nazzjonali, azjendali u settorjali.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tfassal Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva li tkun tinkludi gwida dwar kif il-liġi eżistenti tal-UE tapplika għal mudelli tan-negozju fl-ekonomija kollaborattiva. Din se tivvaluta xi diskrepanzi regolatorji possibbli u tissorvelja l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva.
2.2.Lill-SMEs u n-negozji l-ġodda ngħinuhom jikbru
L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Madankollu l-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-intraprendituri ż-żgħar li jippruvaw jikbru fis-Suq Uniku, għad għandhom wisq ostakli. Ħafna mill-SMEs jaqdu s-suq lokali jew reġjonali, u ftit huma dawk li jqisu l-UE bħala s-suq tagħhom jew li jkollhom ambizzjoni pan-Ewropea. Dan jillimita l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.
B’mod partikolari, l-SMEs jilmentaw fuq:
il-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT;
l-inċertezzi dwar il-liġi tal-kumpaniji;
il-fehim u l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji;
in-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi;
il-biża’ ta’ liġijiet ta’ falliment punittivi; u
l-ostakli għall-innovazzjoni.
Il-Kummissjoni hi determinata li tindirizza d-diffikultajiet ewlenin li l-SMEs — l-aktar in-negozji l-ġodda — jaffaċċjaw f'kull fażi tagħhom.
Ħafna intraprendituri jilmentaw fuq il-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT meta jippruvaw joperaw 'il barra mill-fruntieri. Fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ħabbret miżura leġiżlattiva ta’ simplifikazzjoni tal-VAT biex lin-negozji ż-żgħar tal-kummerċ elettroniku tgħinhom joperaw b’mod transfruntier. Barra minn hekk, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal sistema tal-VAT li tiflaħ għall-frodi, il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni għall-SMEs, bil-ħsieb li jonqsu l-piżijiet amministrattivi li jerfgħu dawn in-negozji. Dan hu tassew importanti għalihom biex jikbru u jkunu jistgħu joperaw b'mod transfruntier.
L-intraprendituri jilmentaw ukoll fuq l-inċertezzi dwar il-liġi tal-kumpaniji. Il-proposta tal-Kummissjoni ta' Kumpanija b’Membru Wieħed, li għandhom jadottaw il-koleġiżlaturi bla dewmien, se tnaqqas l-ispejjeż u tissimplifika l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji. Filwaqt li ssejjes fuq din l-inizjattiva, il-Kummissjoni se tgħarrex għal aktar modi biex lill-kumpaniji tkompli tissimplifikalhom ir-regoli u tnaqqsilhom il-piż tagħhom — filwaqt li tibqa' titħabat kontra l-kumpaniji tal-isem (il-“letterbox companies”) — anki billi tagħmel is-soluzzjonijiet diġitali disponibbli f'kull fażi, l-aktar fejn tidħol ir-reġistrazzjoni tal-kumpanija u tad-dokumenti tal-kumpanija u l-informazzjoni. Peress li l-kumpaniji ż-żgħar qed isibuha diffiċli ferm, speċjalment, biex joperaw b'mod transfruntier, il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-fużjonijiet transfruntiera u l-possibbiltà li tikkumplimentahom b’regoli dwar id-diviżjonijiet transfruntiera. B'hekk l-SMEs isibuha eħfef biex jagħżlu l-istrateġija kummerċjali tagħhom u jadattaw aħjar għall-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr ma tiddgħajjef il-protezzjoni soċjali u tal-impjiegi.
In-negozji l-ġodda jsibuha diffiċli wkoll biex jidentifikaw u jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji. Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni partikolari lir-regoli li jolqtu lill-SMEs meta tkun qed tikkunsidra s-soluzzjonijiet tal-politika jew meta tevalwa l-leġiżlazzjoni billi tibda bil-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”. L-Istati Membri ilhom jaħdmu biex joħolqu punti uniċi ta’ servizz (one-stop-shops) li jagħtu informazzjoni fuq kull rekwiżit regolatorju li jiltaqa' miegħu min ikun se jiftaħ negozju ġdid f’xi settur tal-ekonomija. Dawn l-isforzi l-Kummissjoni se tikkumplimentahom b'inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji li se tniedi biex tinvolvi l-atturi rilevanti kollha, fosthom l-intraprendituri, il-komunitajiet tal-bidu, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, bil-għan li jitjieb l-ambjent biex jinfetħu negozji ġodda fl-Ewropa. Parti minn din l-inizjattiva se tkun konsultazzjoni pubblika li se tiġi organizzata biex jinġabru l-ideat tal-intraprendituri. Il-Kummissjoni tista’ tħaddem ukoll il-Pjattaforma "REFIT" bil-ħsieb li tagħtiha ideat ħalli tieħu deċiżjonijiet infurmati. Id f'id mal-partijiet konċernati se teżamina kif il-Portal Diġitali Uniku, inizjattiva tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, jista' jindirizza l-ħtiġijiet tan-negozji l-ġodda bl-aħjar mod. Flimkien ma' min qed jieħu sehem fl-Inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji, il-Kummissjoni se tiżviluppa għadd ta' karatteristiċi speċifiċi għall-Portal biex jeħfiefu l-operazzjonijiet transfruntiera għall-kumpaniji l-ġodda u biex jgħinuhom jinfirxu madwar l-Ewropa.
L-SMEs u n-negozji l-ġodda qed isibuha diffiċli wkoll biex jassiguraw il-finanzjament. L-SMEs jinsabu sewwasew fil-qalba tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Ngħidu aħna, kwart tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (l-EFSI) se jwieżen lil SMEs innovattivi u lil kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja biex jiżguraw aktar aċċess u aċċess aktar malajr għall-finanzjament tar-riskju għan-negozji l-ġodda. Barra minn hekk, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qed tmexxi 'l quddiem firxa ta’ miżuri biex tappoġġa l-kapital tar-riskju u l-finanzjament tal-kapital tar-riskju fl-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tressaq proposti għal Fond Ewropew ta' finanzjamenti tal-kapital tar-riskju bl-appoġġ tal-baġit tal-UE u miftuħ għall-oħrajn sabiex jattiraw kapital privat f’konformità mal-Pjan ta’ Investiment. Il-fond se jkun apposta biex jippromwovi l-ftuħ ta' negozji ġodda u dawn jikbru fis-Suq Uniku.
Barra minn hekk, bosta programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħal Orizzont 2020, COSME u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fihom inizjattivi li jappoġġaw lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda. Il-programmi tal-UE jiffinanzjaw ukoll il-konsulenza u l-appoġġ lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda għall-għażliet ta’ finanzjament tagħhom u għall-operazzjonijiet transfruntiera. Il-Kummissjoni se tuża l-fondi tas-COSME għal kampanji tal-informazzjoni mmirati għall-SMEs żgħar innovattivi biex tħeġġiġhom jikbru 'l barra mill-fruntieri u biex jaħtfu l-opportunitajiet possibbli.
Anki l-effetti tal-falliment jiskoraġġixxu lin-nies mill-attività intraprenditorjali. Il-biża’ tal-istigma soċjali, tal-konsegwenzi legali u tal-inkapaċità li jitħallsu d-djun hija akbar fl-Ewropa milli hi f’ħafna mill-partijiet l-oħra tad-dinja, u dan pereżempju minħabba perjodi itwal ta' kwittanza tad-dejn. Dan hu diżinċentiv sinifikanti għall-intraprendituri biex jiftħu negozju. L-intraprendituri jridu jkunu ċerti li se jkollhom ċans ieħor. Filwaqt li ssejjes fuq il-ħidma li qed issir, il-Kummissjoni se tappoġġa intraprendituri bona fide u tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-intrapriżi, inkluż dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni ċans, ħalli tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu ambjent regolatorju li jkun jiflaħ jilqa' l-falliment mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-intraprendituri milli jippruvaw ideat ġodda.
Jeżistu wkoll bosta ostakli għall-innovazzjoni. Il-qafas tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar jistabbilixxi l-għodda meħtieġa biex tevalwa l-impatti li proposta ta' politika ġdida tista' tħalli fuq l-innovazzjoni u biex jinstabu l-ostakli eżistenti u modi possibbli kif jitneħħew. Il-pjattaforma REFIT tista' tgħin b'pariri fuq il-kwistjonijiet li jinqalgħu matul din il-ħidma. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni se tipprova wkoll issib swieq innovattivi fejn tkun tista' ssir prova ta' approċċi regolatorji innovattivi ħalli tingħaraf il-fattibbiltà u s-sostenibbiltà ta’ soluzzjonijiet innovattivi u l-kapaċità tagħhom li jgħinu fl-istimolu tal-investiment u allura fil-ħolqien tal-impjiegi.
L-Ewropa se tmur tajjeb għax se jirnexxilha tattira aktar innovaturi mill-bqija tad-dinja. Bħalma tisħaq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b'regoli dwar kif nistgħu nattiraw l-intraprendituri u b'miżuri ta' appoġġ li jgħinuhom joperaw fis-Suq Uniku, l-Ewropa tista' ssir destinazzjoni aktar attraenti għall-innovaturi minn barra l-UE. Dan jaf jagħti spinta għall-ftuħ ta’ negozji ġodda fl-Ewropa.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-intrapriżi, inkluż dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni ċans, ħalli tindirizza l-biża’ ta’ falliment u tiżgura li l-intraprendituri jkollhom ċans ieħor. Din għandha l-għan li tkompli xxejjen il-piżijiet amministrattivi tal-attivitajiet tal-kumpaniji biex jiftħu u jikbru, fosthom b’inizjattivi li jiffaċilitaw l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u fużjonijiet u diviżjonijiet transfruntiera. Il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji biex tibda valutazzjoni wiesgħa tar-rekwiżiti għan-negozji li jiftħu u
modi biex tnaqqas dawn ir-rekwiżiti u, meta dan ma jkunx possibbli, biex tiffaċilita l-konformità. Fost l-oħrajn se jiġu stabbiliti ċertu karatteristiċi speċifiċi biex il-Portal Diġitali Uniku jiffaċilita l-operazzjonijiet transfruntieri tal-kumpaniji, l-aktar tal-kumpaniji l-ġodda. Il-Kummissjoni se tuża l-fondi tas-COSME biex tagħti informazzjoni mmirata ħalli lill-SMEs innovattivi tħeġġiġhom jaqsmu l-fruntieri u jaħtfu l-opportunitajiet li jagħti s-Suq Uniku. Bil-Pjan ta’ Investiment u permezz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni se tħeffef l-aċċess għall-finanzjamenti lill-intraprendituri fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se titlob biex il-pjattaforma REFIT tiffoka fuq l-ostakli għall-innovazzjoni u se tiddiskuti kif jistgħu jonqsu jew jingħelbu għalkollox. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni se teżamina liema miżuri possibbli oħrajn jistgħu jgħinu biex jattiraw l-innovaturi, bħall-estensjoni possibbli tal-Karta l-Blu għall-intraprendituri.
2.3.Is-suq bla fruntieri tas-servizzi nwettquh fil-prattika
Id-Direttiva dwar is-Servizzi adottata fl-2006 wasslet biex issir modernizzazzjoni tal-ekonomija f’għadd ta’ setturi varji. L-Istati Membri adottaw aktar minn elf miżura li jneħħu ostakli bla bżonn fl-għoti tas-servizzi minn negozji u professjonisti.
Madankollu n-negozji u l-professjonisti għad għandhom ħafna diffikultajiet biex joperaw bejn il-fruntieri. Dawn isibuha diffiċli minħabba differenzi — u xi drabi inkonsistenzi — fir-regolamenti tal-professjonijiet u "attivitajiet riżervati" madwar l-UE, minħabba ostakli regolatorji bla bżonn fl-għoti tas-servizzi, u minħabba nuqqas ta’ ċarezza u prevedibbiltà f’ċertu setturi ewlenin għal min ikun jixtieq jipprovdi servizz fi Stati Membri oħra.
Jekk jingħelbu l-aktar restrizzjonijiet problematiċi, jitħalla impatt pożittiv fuq l-intraprenditorija u fuq l-impjiegi, u b'hekk jonqsu l-prezzijiet u tiżdied l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi fl-Ewropa. Dan jolqot kemm lill-professjonijiet kif ukoll lill-għoti tas-servizzi.
Is-servizzi professjonali jirrappreżentaw 9% tal-PDG tal-UE u l-professjonijiet regolati huma kważi 20% tal-forza tax-xogħol tal-UE. Is-servizzi professjonali huma marbutin mill-qrib ma’ setturi oħrajn. Għalhekk jekk is-settur tas-servizzi professjonali jkun aktar kompetittiv u effiċjenti, dan jgħin lill-kompetittività industrijali u lill-ekonomija b’mod ġenerali.
Illum l-Ewropa tiġbor aktar minn 5 000 professjoni regolata, li jinvolvu aktar minn 50 miljun ruħ. Filwaqt li r-regolamenti dwar l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet tfasslu biex iħarsu l-interess pubbliku u lill-benefiċjarju tas-servizz provdut, fi żmienna ħafna minn dawn ir-regolamenti saru sproporzjonati u joħolqu ostakli regolatorji żejda lill-mobilità tal-professjonisti u allura tonqos il-produttività.
Xi studji riċenti juru li r-riformi li wettqu xi Stati Membri biex ikomplu jiftħu l-professjonijiet regolati wasslu biex inħolqu l-impjiegi u tjiebu l-prezzijiet għall-konsumaturi.
Fil-livell tal-UE, id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprojbixxi għadd ta’ regolamenti, u l-Istati Membri jeħtieġ jevalwaw jekk hemmx oħrajn li huma ġustifikati u proporzjonati. Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali għandha l-għan li tiffaċilita l-mobbiltà tal-professjonisti mal-Unjoni Ewropea kollha, tipprovdi l-qafas leġiżlattiv biex jiħfief ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u torganizza proċess bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tevalwa r-regolamenti tal-professjonijiet fil-livell nazzjonali. Fl-aħħar snin, l-Istati Membri bdew proċess ta’ riforma li taffa jew neħħa għadd ta’ ostakli regolatorji.
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka li sar fl-aħħar sentejn wara r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali wera li fost l-Istati Membri, ir-regolamenti ta’ professjonijiet simili jvarjaw ġmielhom, bħalma jvarjaw ir-riżervi tal-attivitajiet.
Għalhekk permezz ta' gwida perjodika, il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet speċifiċi biex fil-livell nazzjonali u fl-UE kollha jitjieb l-aċċess għall-professjonijiet regolati u l-eżerċitar tagħhom. Dawn l-azzjonijiet se jidentifikaw ħtiġijiet konkreti ta’ riforma għal Stati Membri speċifiċi. Dan l-eżerċizzju se jqis il-kwistjonijiet kollha dwar l-aċċess għall-professjonijiet regolati u l-eżerċitar tagħhom.
Fl-ewwel fażi l-enfasi se tingħata lil ċertu professjonijiet f’setturi ta’ prijorità. Fit-tieni fażi se ssir evalwazzjoni tar-riformi u jingħlebu l-ostakli li jkun fadal. Kif xieraq, il-prijoritajiet tar-riforma se jiġu indirizzati fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew, skont l-Istat Membru partikolari u soġġetti għal valutazzjoni ta' prijoritizzazzjoni individwalizzata.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll qafas analitiku biex l-Istati Membri jużawh meta jkunu qed jirrevedu r-regolamenti attwali tal-professjonijiet jew meta jipproponu oħrajn ġodda. Dan il-qafas jinkludi metodoloġija għal valutazzjonijiet komprensivi tal-proporzjonalità tar-regolamenti tal-professjonijiet. L-Istati Membri jridu juru li l-għanijiet ta’ interess pubbliku ma jistgħux jintlaħqu b'mezzi oħra għajr b'restrizzjoni tal-aċċess għal dawn l-attivitajiet professjonali jew tal-eżerċitar tagħhom.
Fl-aħħar nett, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka se jgħin wkoll biex jiġi modernizzat il-qafas ġuridiku f’dan il-qasam billi jingħelbu l-problemi li joħolqu id-diverġenzi fil-forom ġuridiċi, ir-rekwiżiti għal parteċipazzjoni azzjonarja u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari li jiġu applikati għal ċertu servizzi tan-negozju. Aktarx bħala parti mill-inizjattiva tal-passaport tas-servizz, il-Kummissjoni se tipproponi azzjoni leġiżlattiva biex tindirizza l-ostakli regolatorji bħad-diverġenzi fil-forom ġuridiċi, ir-rekwiżiti għal parteċipazzjoni azzjonarja u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tan-negozju u, jekk ikun xieraq, ir-rekwiżiti organizzazzjonali fil-kumpaniji tal-bini.
Dwar is-servizzi b’mod aktar wiesa’, ħafna drabi l-aċċess għal informazzjoni affidabbli fuq ir-rekwiżiti applikabbli hu xkiel, l-aktar għall-fornituri tas-servizzi transfruntieri. Bl-istess mod, il-fornituri tas-servizzi tal-bini għandhom ċertu rekwiżiti fejn tidħol l-organizzazzjoni tagħhom fl-Istat tagħhom li jagħmluhielhom kumplessa wisq biex joffru s-servizzi tagħhom 'il barra mill-fruntiera. Ħafna drabi l-fornituri tas-servizzi tan-negozju u tal-bini jsibuha diffiċli jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni, u dan irid jiġi indirizzat.
Għalhekk se ssir proposta għal inizjattiva leġiżlattiva għall-fornituri tas-servizzi transfruntieri, l-aktar għas-settur tas-servizzi tal-bini u tan-negozju. B'din l-inizjattiva se jiġu armonizzati l-formoli tal-fornituri tas-servizzi biex lill-Istat ospitant jgħarrfuh minn post uniku bl-informazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż ħalli b'hekk il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jipprovdu servizzi transfruntieri f’dak il-pajjiż. Dan jiżgura li n-negozji jkollhom ċertezza sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli f’kull Stat Membru fl-oqsma ewlenin għall-provvista transfruntiera tas-servizzi. Dan iżid iċ-ċertezza wkoll fost il-konsumaturi. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu notifiki dwar il-ħaddiema stazzjonati, il-kwalifiki professjonali u rekwiżiti oħra diment li jkunu jaqblu mal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ Infurzar dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema.
Dan isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-oriġini u l-Istati Membri ospitanti fl-appoġġ għall-fornituri tas-servizzi transfruntieri. Meta jintalbu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom joħorġu passaport tas-servizzi ħalli jkunu jistgħu juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għalihom fl-Istat Membru fejn ikunu jixtiequ jipprovdu s-servizz tagħhom.
F'konformità mal-prinċipju ta' darba biss, il-passaport tas-servizzi se jneħħi l-bżonn li jsiru bosta talbiet għall-informazzjoni u għad-dokumentazzjoni diġà provduta lill-Istat Membru tal-oriġini, għax meta jitlobha l-fornitur tas-servizzi, l-amministrazzjoni tal-Istat tal-oriġini se toħloq arkivju elettroniku komuni bid-dokumenti. Flimkien, il-formoli ta’ notifika armonizzati u l-arkivju elettroniku tad-dokumenti se jiffaċilitaw il-konformità mar-rekwiżiti attwali ta’ notifika u kontroll ex ante.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva leġiżlattiva li ddaħħal passaport tas-servizzi b’formola ta’ notifika armonizzata u arkivju elettroniku tad-dokumenti ħalli żżid iċ-ċertezza u tnaqqas l-ostakli għall-fornituri tas-servizzi li jixtiequ jiksbu aċċess għal swieq oħra tal-UE u jwessgħu l-attivitajiet tagħhom. Din se tkompli ttejjeb l-aċċess għas-servizzi professjonali fil-livell nazzjonali u tal-UE billi toħroġ gwida perjodika li tagħraf il-ħtiġijiet konkreti ta’ riforma għal Stati Membri speċifiċi u professjonijiet li jkollhom regolamenti mhux ġustifikati. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll qafas analitiku biex l-Istati Membri jużawh meta jkunu qed jirrevedu r-regolamenti attwali jew meta jiġu biex jipproponu oħrajn ġodda. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tipproponi azzjoni leġiżlattiva biex jingħelbu l-ostakli regolatorji, bħad-diverġenzi fil-forom ġuridiċi, ir-rekwiżiti għal parteċipazzjoni azzjonarja u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari għas-servizzi ewlenin tan-negozju u, jekk ikun xieraq, ir-rekwiżiti organizzazzjonali fil-kumpaniji tal-bini. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-iżviluppi tas-suq u jekk meħtieġ tieħu azzjoni b’rabta mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni għan-negozju u l-fornituri tas-servizzi tal-bini.
2.4.Negħlbu r-restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut
L-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa huma wieħed mill-akbar setturi tas-servizzi fl-Ewropa, li jfisser 9,6% tal-valur miżjud u 13,1% tal-impjiegi kollha fl-2012. Mill-2010 sal-2012, it-tkabbir tal-produttività f’dan is-settur kien fiss fl-UE meta mqabbel mat-tkabbir ta' 3,9% fl-Istati Uniti. Xi studji riċenti jikkonkludu li r-regolamenti restrittivi jxekklu d-dħul b'mod sinifikanti, u dan iwassal biex jonqsu l-opportunitajiet li jinfetħu ħwienet ġodda ta' kull tip, tiddgħajjef il-kompetizzjoni u jogħlew il-prezzijiet għall-konsumaturi. Anke bl-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, dan se jibqa’ kwistjoni għax ħafna drabi l-preżenza fiżika hija importanti biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumaturi.
Primarjament l-Istati Membri huma responsabbli biex jirregolaw l-istabbiliment u t-tħaddim tas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Anki r-regoli reġjonali u lokali għandhom tendenza jaqdu rwol importanti. Iżda għal konformità ma’ din il-libertà fundamentali ta’ stabbiliment imsemmija fit-Trattat, dawn ir-regolamenti għandhom ikunu ġustifikati b'għanijiet ta’ politika pubblika, bħall-protezzjoni tal-ambjent, l-ippjanar tal-bliet u tal-irħula u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn għandhom ikunu xierqa u proporzjonati mal-għanijiet li jridu jintlaħqu. L-evalwazzjoni bejn il-pari dwar l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut turi li ħafna drabi l-bejjiegħa jsibu kundizzjonijiet u proċeduri sproporzjonati u inadegwati.
Meta jirregolaw is-settur tal-bejgħ bl-imnut, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni iżda dan ma għandux jirrestrinġi bla bżonn il-libertajiet tas-Suq Uniku. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw u jimmodernizzaw kif meħtieġ is-swieq bl-imnut tagħhom, billi meta rilevanti jitnebbħu minn soluzzjonijiet li sabu Stati Membri oħra u li ħadmu sew mingħajr ma kienu wisq ta' tfixkil.
Għalhekk il-Kummissjoni se tippreżenta l-aqwa prattiki dwar ir-restrizzjonijiet tal-istabbiliment u tat-tħaddim tal-bejgħ bl-imnut fis-Suq Uniku, f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika li jridu jilħqu l-Istati Membri. B’hekk il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex il-konsumaturi jingħataw l-għażla li jistħoqqilhom. Din l-inizjattiva se tipprovdi wkoll gwida għall-iffissar tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għal azzjoni ta’ infurzar b'rabta mar-restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-aqwa prattiki li jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut u jnaqqsu r-restrizzjonijiet operazzjonali fis-Suq Uniku. Dawn se jipprovdu gwida għar-riformi tal-Istati Membri u għall-iffissar tal-prijoritajiet għal politika ta’ infurzar fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
2.5.Nevitaw id-diskriminazzjoni tal-konsumaturi u tal-intraprendituri
Iż-żieda fil-kummerċ onlajn u fl-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri ħolqot opportunitajiet ġodda tan-negozju għall-intraprendituri u tat aċċess għal firxa usa’ ta’ offerti ta’ prodotti u servizzi għall-konsumaturi.
Madankollu ħafna drabi dawn jiġu diskriminati minħabba n-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom. Sikwit, il-Kummissjoni u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur jirċievu lmenti mingħand xi konsumaturi li huma miċħuda l-aċċess għal siti web orħos, offerti jew skontijiet. Ħafna drabi dawn iġarrbu prezzijiet ogħla jew isibuha diffiċli jiksbu l-istess servizz bħall-konsumaturi lokali. Dawn il-prattiki jikkonċernaw firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi, li jvarjaw minn biljetti tal-parks tad-divertiment għal imposti għall-użu ta’ servizzi pubbliċi.
Għalkemm id-differenzi fl-aċċess, fil-prezzijiet jew fil-kundizzjonijiet tal-bejgħ jaf ikunu minħabba d-differenzi oġġettivi (bħall-ispejjeż tal-konsenja jew rekwiżiti legali ġustifikat), dawn ħafna drabi jkunu motivati minn strateġiji ta’ frammentazzjoni tas-suq mhux ġustifikati fuq bażi territorjali.
U dan imur kontra l-idea proprja tas-Suq Uniku. Dan inaqqas il-fiduċja tal-konsumaturi u jtellef il-ħeġġa fix-xiri transfruntier, kemm personalment jew onlajn. L-opportunitajiet mitlufa għan-negozji u għall-ekonomija Ewropea jmorru lil hinn minn xiri individwali li minnu bejjiegħ individwali jaf jaqlagħha tajjeb.
L-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi diġà jipprojbixxi kull tip ta’ restrizzjoni territorjali, iżda jistabbilixxi biss prinċipji ġenerali li fil-prattika mhux dejjem jevitaw il-prattiki diskriminatorji. Għalhekk hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni biex dawk il-prinċipji jħallu effett u jissawru regoli konkreti kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tal-parteċipanti fis-suq.
Sabiex jispiċċaw il-blokok ġeografiċi mhux ġustifikati, fl-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni diġà ħabbret proposti leġiżlattivi sa nofs l-2016. Dan jixhduh il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015. Fost l-isforzi usa’ għal Suq Uniku aktar ġust, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiġġieled b’mod komprensiv kull forma ta’ trattament diskriminatorju mhux ġustifikat lix-xerrejja stabbiliti fi Stati Membri differenti, irrispettivament jekk dan ikunx waqt il-bejgħ dirett jew minn xi kanali tad-distribuzzjoni, u indipendentament mill-mod kif iseħħ u mit-teknoloġija użata.
F’Settembru l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-blokok ġeografiċi u restrizzjonijiet oħrajn fuq bażi ġeografika meta wieħed jiġi biex jixtri jew jaċċessa l-informazzjoni fl-UE. Minnha joħroġ għarfien importanti għal azzjoni leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni li tindirizza l-blokok ġeografiċi u għamliet oħrajn ta’ diskriminazzjoni mill-operaturi tas-suq minħabba l-post tar-residenza jew in-nazzjonalità. Dan kollu jimxi id f’id maż-żieda fl-infurzar f’kull Stat Membru li, bħalma tħabbar fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, se jkompli jissaħħaħ bir-riforma tar-Regolament tal-Koperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur.
L-azzjonijiet: Skont l-inizjattiva tal-blokok ġeografiċi tagħha fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u bħala parti minn approċċ komprensiv biex tiżdied il-ġustizzja fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tieħu miżuri — azzjonijiet leġiżlattivi u ta’ infurzar — biex titħabat kontra t-trattament differenti mhux ġustifikat lill-klijenti minħabba l-post tar-residenza jew in-nazzjonalità tagħhom fejn jidħlu l-aċċess, il-prezzijiet jew kundizzjonijiet tal-bejgħ oħrajn billi: tidentifika u tipprojbixxi għamliet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni minħabba l-post tar-residenza li ma jkunux imsejsa fuq elementi oġġettivi u verifikabbli; tagħmilha eħfef għall-konsumaturi u għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex isiru jafu jekk u kif ikun hemm diskriminazzjoni, fosthom bl-użu ta’ għodod tat-trasparenza; u ttejjeb l-infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali bir-riforma tar-Regolament tal-Koperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur.
3.Inħeġġu l-Modernizzazzjoni u l-Innovazzjoni
3.1.Nimmodernizzaw is-sistema tal-istandards tagħna
L-istandards huma kruċjali għall-innovazzjoni u għall-progress fis-Suq Uniku għax iżidu s-sikurezza, l-interoperabbiltà u l-kompetizzjoni u jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ. Dawn huma essenzjali għall-kompetittività Ewropea. Tul l-aħħar għexieren ta’ snin, is-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni tat sehemha wkoll f'dan is-suċċess. Studju riċenti li għamel ir-Renju Unit juri li l-użu tal-istandards ikkontribwixxa aktar minn 28% għat-tkabbir fil-produttività fir-Renju Unit, filwaqt li l-kumpaniji inġenerali bbenefikaw mill-użu tal-istandards sa 5% tad-dħul annwali tagħhom. Dan kollu seta' jirnexxi bi sħubija unika pubblika privata bejn ir-regolatur Ewropew u l-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni.
Iżda l-proċess tal-istandardizzazzjoni qed ikollu bosta sfidi għax in-natura tal-ekonomija qiegħda dejjem tinbidel u l-mudelli tan-negozju jiddiversifikaw, għax ir-rwol tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni qed dejjem jiżdied, u għax kompliet tiżdied l-importanza tas-servizzi fil-katini tal-valur globali ta' żmienna fejn kulma jmur il-prodotti u s-servizzi qed jingħataw f'daqqa bħala pakkett wieħed.
Is-Sistema Ewropea ta’ Standardizzazzjoni trid tilqa' dawn l-isfidi billi toħloq standards f'waqthom u mmexxija mis-suq b’mod inklużiv filwaqt li tikkonsolida t-tmexxija tal-Ewropa fl-istandardizzazzjoni internazzjonali. L-istandards Ewropej jeħtieġ jappoġġaw il-politiki tal-UE u fejn jidħlu l-innovazzjonijiet diġitali, dawn jeħtieġ joffru aktar sigurtà u interoperabbiltà. Din hija r-raġuni għalfejn l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali nediet pjan integrat ta' prijorità għall-istandardizzazzjoni li jisħaq fuq it-teknoloġiji tal-ICT u reviżjoni tal-qafas Ewropew għall-interoperabbiltà.
B’mod aktar ġenerali, dan ifisser modernizzazzjoni tas-sħubija attwali. Għalhekk il-Kummissjoni se tipproponi "Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni" bejn il-Kummissjoni, l-industrija kkonċernata, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u l-komunità tal-istandardizzazzjoni inġenerali. L-inizjattiva konġunta għandha l-għan li tħaffef l-iffissar tal-istandards u li tixħet il-prijoritajiet f'posthom f'dan kollu madwar l-UE kollha. Wara diskussjoni mal-partijiet konċernati, l-inizjattiva konġunta tista' tiġi miftiehma fil-bidu tal-2016.
Barra minn hekk għad hemm potenzjal ġmielu u mhux mittiefes fejn jidħol l-iżvilupp u l-użu ta’ standards ta’ servizz volontarju Ewropew li jindirizzaw is-servizzifikazzjoni u jsawru suq tas-servizzi Ewropew integrat. Dawn l-istandards jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u l-frammentazzjoni tas-suq, iżda s'issa dawn jirrappreżentaw biss 2% tal-istandards kollha tal-UE. Abbażi tal-esperjenza miksuba b’suċċess għall-prodotti, il-Kummissjoni se toħroġ gwida apposta li teżamina l-kwistjonijiet, fosthom biex tiżgura li dawn l-istandards jitmexxew mid-domanda u jiġu adottati meta jkunu l-aktar meħtieġa.
L-azzjonijiet: Sabiex timmodernizza s-sistema tal-istandardizzazzjoni tagħna, il-Kummissjoni se tipproponi u tilħaq ftehim mal-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni fuq "Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni". Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll gwida apposta fuq l-istandardizzazzjoni tas-servizzi. Dan kollu lin-negozji u lill-konsumaturi jagħtihom il-kunfidenza fis-servizzi transfruntieri u jtejjeb il-kummerċ transfruntier.
3.2.Akkwist pubbliku aktar trasparenti, effiċjenti u responsabbli
L-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 19% tal-PDG tal-UE u kull sena l-awtoritajiet u l-utilitajiet pubbliċi jonfqu aktar minn EUR 2,3 triljun. Fl-2014 l-UE adottat riforma maġġuri fil-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE li ssimplifikat il-proċeduri, għamlet ir-regoli aktar flessibbli u adattathom biex jaqdu aħjar lil politiki oħra tas-settur pubbliku, l-aktar lill-innovazzjoni. Din kellha l-għan li l-akkwist pubbliku jsir aktar effiċjenti u strateġiku ħalli jkun jissodisfa l-prinċipji tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni għall-ġid tax-xerrejja pubbliċi u tal-operaturi ekonomiċi, l-aktar l-SMEs.
Iżda la tista', l-UE għandha tkun aktar ambizzjuża. Ħafna drabi l-akkwist pubbliku jsir bla bżonn ta' ħiliet fin-negozju u mingħajr għarfien tekniku jew proċedurali u minħabba f'hekk ikun hemm nuqqas ta’ konformità u konsegwenzi ħżiena għan-negozji u għall-kontribwenti.
Sfida ewlenija hi n-nuqqas ta’ dejta u għodod analitiċi disponibbli li jgħinu biex jinstabu jew jiġu evitati ċertu problemi jew irregolaritajiet. Barra minn hekk, il-mod kif jaħdmu s-sistemi nazzjonali tar-reviżjoni jaf ivarja ġmielu, l-aktar fejn jidħol it-tul tal-proċedura. Jeżistu wkoll bosta differenzi fl-ammont ta’ miżati u spejjeż tal-litigazzjoni. U fl-aħħar nett, id-dejta dwar l-ilmenti ma tinġabarx b’mod strutturat.
B'mod partikolari fejn jidħlu l-proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, sfida oħra hija l-kumplessità u t-tul taż-żmien tal-proċess tal-akkwist pubbliku, li sikwit iwasslu għal dewmien. Disgħa minn kull għaxar proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira ma jimxux skont kif pjanat: hu komuni li jintefaq 50% aktar mill-ispiża ppjanata. Anki d-dewmien hu komuni fl-istadji kollha tal-proċess, mill-ippjanar sal-implimentazzjoni tal-proġett u t-twettiq tal-kuntratt.
Abbażi tad-dejta disponibbli, ġeneralment il-proġetti li jaqbżu s-EUR 700 miljun jieħdu ferm aktar żmien għall-kuntratt milli jieħdu proċeduri oħrajn u dan ma jiġrix għax il-proċess tal-offerta jieħu fit-tul. Jekk bħala medja, proċedura tipika (mill-ħruġ tas-sejħa għall-offerti sal-għoti tal-kuntratt) ittul tliet xhur u nofs, fejn jidħlu proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, il-proċeduri jtulu kważi 25 xahar jew saħansitra 35 xahar meta jkunu proċeduri negozjati.
Għalhekk il-Kummissjoni se tieħu bosta inizjattivi. Se tara li tiffaċilita l-ġbir, il-konsolidazzjoni, il-ġestjoni u l-analiżi tad-dejta dwar l-akkwist pubbliku filwaqt li twieżen l-isforzi tal-Istati Membri għal governanza aħjar fl-akkwist pubbliku. Filwaqt li ssejjes fuq il-politiki fis-seħħ, fosthom l-Akkwist Pubbliku elettroniku, il-Kummissjoni se trawwem l-iżvilupp ta’ għodod biex jitjiebu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-dejta billi jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti tal-ġbir tad-dejta u jkun appoġġat l-istabbiliment ta' reġistri tal-kuntratti. Dan se jippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ għodod għall-analiżi tad-dejta, l-aktar biex jinstabu anomaliji fil-proċess tal-akkwist pubbliku.
Il-Kummissjoni se tara li ttejjeb l-effettività, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tar-rimedji fl-akkwist pubbliku permezz tad-Direttiva dwar ir-Rimedji. Dawn id-Direttivi għandhom l-għan li jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku jkunu riveduti effettivament u kemm jista’ jkun malajr. Kull Stat Membru għandu proċeduri ta’ reviżjoni u l-operaturi ekonomiċi jużawhom bil-bosta.
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-korpi ta' reviżjoni tal-ewwel istanza biex jikkoperaw flimkien u jingħaqdu ħalli jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-aqwa prattiki. Trid tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tal-korpi speċjalizzati ta’ reviżjoni amministrattiva tal-ewwel istanza. Il-Kummissjoni se ttejjeb ukoll il-monitoraġġ tal-effettività tas-sistemi nazzjonali ta’ reviżjoni permezz ta’ valutazzjoni regolari, fosthom bit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku. Dan se jiġi kkumplimentat b'rapport ta' evalwazzjoni REFIT tad-Direttivi dwar ir-Rimedji.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jingħataw assistenza u pariri fuq il-legalità tal-aspetti tal-akkwist pubbliku fil-proġetti li jkun beħsiebhom iniedu. Din l-assistenza se tistrieħ fuq mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex-ante volontarja għall-proġetti ta’ infrastruttura b'valur totali ta' EUR 700 miljun jew aktar.
Se tinħoloq proċedura speċifika biex l-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku jkunu jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tas-sejħa għall-offerti prevista mar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE abbażi tan-notifika tal-proġett. Din in-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-proġett, u kull dokument ieħor rilevanti, fosthom l-abbozz tad-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. Il-Kummissjoni se tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien li fil-prinċipju ma għandux jaqbeż it-tliet xhur wara n-notifika tal-proġett. Din se tqis ukoll din l-esperjenza f'waqtha biex tara jekk hux qed titwettaq skont il-ħtiġijiet u l-aspettattivi.
L-azzjonijiet: Għall-aspetti tal-akkwist pubbliku ta' ċertu proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira, il-Kummissjoni se twaqqaf mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex ante volontarja. Lill-Istati Membri, dan se jħeġġiġhom itejbu r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-akkwist pubbliku billi jippromwovu rabtiet bejn il-korpi ta' reviżjoni tal-ewwel istanza, ħalli dawn jipprovdu assistenza legali u teknika speċjali lill-Istati Membri li jixtiequ joħolqu jew isaħħu l-korpi speċjalizzati ta’ reviżjoni amministrattiva tal-ewwel istanza, filwaqt li jtejbu l-monitoraġġ tal-effettività permezz ta’ valutazzjoni regolari, fosthom bit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb it-trasparenza u l-kwalità tas-sistemi nazzjonali tal-akkwist pubbliku b'dejta aħjar, billi tistabbilixxi reġistri tal-kuntratti li jkunu jkopru l-proċess kollu tal-kuntratti u tappoġġa l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod għall-analiżi tad-dejta u għas-sejba ta' anomaliji ħalli jinkixfu irregolaritajiet eżistenti jew prospettivi fl-akkwist pubbliku.
3.3.Nikkonsolidaw il-qafas tal-proprjetà intellettwali tal-Ewropa
Is-setturi intensivi fil-proprjetà intellettwali jirrappreżentaw 39% tal-PDG u 35% tal-impjiegi fl-UE u huma forza għall-innovazzjoni. Fl-Ewropa sar progress kbir fejn tidħol il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari bl-adozzjoni riċenti tas-sistema tal-Privattiva Unitarja u b'modernizzar tal-acquis tal-marki kummerċjali.
Is-sistema tal-privattivi unitarja se taqdi rwol kruċjali fl-innovazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti. Bħalissa l-Ewropa waslet fi stadju avvanzat biex din il-privattiva sseħħ fir-realtà u biex tistabbilixxi qorti speċjalizzata Ewropea tal-privattivi li l-industrija ilha titlob għexieren ta’ snin. Madankollu, issa l-isfida l-kbira hija li kollox jintemm kif maħsub, fosthom li jiġu indirizzati l-inċertezzi fuq kif il-Privattiva Unitarja se taħdem mal-privattivi nazzjonali u maċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari (SPC) nazzjonali mogħtija skont ir-reġim tal-SPC u l-istabbiliment possibbli ta’ titolu unitarju tal-SPC.
Iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (SPC) hu tassew importanti għall-produtturi tal-prodotti farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku, il-prodotti għas-saħħa tal-annimali u l-prodotti relatati mat-trattament tal-uċuħ tar-raba, iżda daqstant ieħor hu importanti għas-setturi l-ġodda li aktarx ikunu jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tas-suq għall-prodotti tagħhom.
B'titolu unitarju tal-SPC tiżdied iċ-ċertezza għall-industriji li l-prodotti tagħhom huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq. B’mod aktar speċifiku, titolu unitarju tal-SPC itejjeb it-trasparenza u ċ-ċertezza dwar il-protezzjoni tal-mediċini. Dan jagħmilha eħfef għall-manifatturi tal-mediċini l-ġodda ġeneriċi/biosimili biex jinvestu u għall-Istati Membri biex jottimizzaw il-baġits tas-saħħa tagħhom, ħalli b'hekk jitjieb l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini.
Sabiex jissaħħu l-manifattura bbażata fl-UE u l-kompetittività fis-setturi industrijali li l-prodotti tagħhom huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq, il-Kummissjoni se torqom ċertu aspetti tal-protezzjoni tal-privattivi u tal-SPCs. B'rinunzja ta' SPC tal-manifattura, l-industriji Ewropej tal-mediċini l-ġodda ġeneriċi/biosimili jkunu jistgħu joħolqu eluf ta’ impjiegi fit-teknoloġija avvanzata fl-UE u ħafna kumpaniji ġodda. Jekk jiġi aġġornat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tar-riċerka tal-privattiva tal-UE, fost l-oħrajn għandu jonqos bla xkiel il-forniment tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi fis-Suq Uniku kollu.
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn ukoll iżidu l-appoġġ tagħhom lill-SMEs ħalli jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ li jipproteġu l-investimenti tagħhom. Studju riċenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (l-UASI) juri li 9% biss tal-SMEs fl-Ewropa għandhom drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li bħala medja dawn l-SMEs jiġġeneraw żieda ta' 32% fid-dħul għal kull impjegat milli jiġġeneraw l-SMEs li m'għandhomx dawk id-drittijiet. Bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-2014 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-IPR), il-Kummissjoni se tgħin lill-kumpaniji ż-żgħar nett biex jiżguraw, jimmaniġġjaw u jinfurzaw b’mod aktar effettiv id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi jikkoordinaw aħjar id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-programmi ta’ assistenza finanzjarja. Il-Kummissjoni se tqis ukoll kif tista' taħfen aħjar l-għarfien tradizzjonali tal-Ewropa u ssegwi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli.
Fl-aħħar nett, kif ħabbret l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid il-qafas ta’ infurzar tal-IPR ħalli taħseb ukoll għall-ksur li qed isir dejjem aktar transfruntier. Din se taqbel mal-approċċ imsejjaħ “segwi l-flus” biex min jikser il-liġi fuq skala kummerċjali jiċċaħħad mid-dħul tiegħu. Fil-fatt dan il-ksur tal-IPR hu l-aktar wieħed li jagħmel ħsara lill-ekonomija tal-UE. F’konformità mal-għanijiet ta’ din l-Istrateġija, se tingħata attenzjoni speċifika lill-SMEs ħalli jkollhom l-għajnuna biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattivi biex tikkonsolida u timmodernizza l-qafas tal-proprjetà intellettwali, fosthom miżuri biex lill-SMEs tħeġġiġhom jużaw il-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni se tikkonsulta, tikkunsidra u tipproponi aktar miżuri, kif ikun jixraq, biex ittejjeb is-sistema tal-privattivi fl-Ewropa, l-aktar fejn jidħlu l-prodotti farmaċewtiċi u industriji oħrajn li l-prodotti tagħhom huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq. Kif tħabbar bl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, din se teżamina mill-ġdid il-qafas ta’ infurzar tal-proprjetà intellettwali tal-UE filwaqt li għall-ksur fuq skala kummerċjali se tħaddem l-approċċ “segwi l-flus”.
4.Niżguraw twettiq fil-prattika
4.1.Mentalità ta’ konformità u infurzar intelliġenti
Sabiex jinkisbu l-opportunitajiet u l-ġid tas-Suq Uniku, hemm bżonn konformità effettiva. F’nofs l-2015, fil-qasam tas-Suq Uniku kien hemm madwar 1090 proċediment ta’ ksur pendenti. Bħala medja, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, kellhom bżonn kważi 30 xahar biex isolvu proċediment ta’ ksur. Barra minn hekk, ħafna ċittadini u kumpaniji għadhom ma jafux il-possibilitajiet li għandhom fejn jidħol ir-rispett tad-drittijiet tagħhom. Dan kollu jdgħajjef is-Suq Uniku u jnaqqas il-kunfidenza tan-nies. U għalhekk hemm bżonn bidla.
Il-bidla tfisser li jrid jitħaddem approċċ ħolistiku li jiġbor l-istadji kollha tat-tfassil tal-politika mit-tfassil innifsu sal-implimentazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni, f’konformità mal-istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dan jinkludi integrazzjoni aħjar tal-aspetti tal-evalwazzjoni u tal-infurzar fit-tfassil tal-politika, assistenza u gwida aħjar lill-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku u infurzar aktar koerenti u effikaċi tal-politika maħsuba biex titjieb il-konformità ġenerali mar-regoli tas-Suq Uniku u mal-liġi tal-UE inġenerali. Il-Kummissjoni hi determinata li dan iseħħ.
Iżda sabiex dan iseħħ, il-Kummissjoni qed tibbaża fuq il-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar u qed tippromwovi sħubija msaħħa mal-Istati Membri b’għadd ta’ inizjattivi, bħal pjanijiet ta’ implimentazzjoni għal leġiżlazzjoni ġdida ewlenija; djalogi ta' konformità ma’ kull Stat Membru kull sena; u l-użu ta’ firxa komprensiva ta’ għodod li jippromwovu l-konformità. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tagħmel kontrolli sistematiċi ta' konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din se tara li tinħoloq għodda għall-analiżi tad-dejta biex ikun jista' jinstab aħjar in-nuqqas ta' konformità.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tfassal u tapplika strateġiji settorjali biex tissimplifika s-sistema ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Wara l-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-Governanza Aħjar għas-Suq Uniku, ittieħdu għadd ta’ miżuri ta’ infurzar biex iħaffu l-progress għal tkabbir f’oqsma ewlenin. Din l-Istrateġija tat bosta riżultati pożittivi. Mit-tagħlimiet li ħadet b'dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni se tirrifletti fuq il-possibbiltà li tkompli tespandi l-ambitu tas-setturi soġġetti għal dawn il-miżuri.
B’mod partikolari l-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva regolatorja għal għodda ta' informazzjoni fuq is-suq maħsuba għas-Suq Uniku biex tkun tista' tinġabar informazzjoni mingħand ċertu parteċipanti fis-suq magħżula. Jekk tkun tista' tinkiseb informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva f’waqtha, komprensiva u affidabbli mingħand ċertu parteċipanti fis-suq, il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja u tinforza aħjar ir-regoli tal-UE f’oqsma ta’ prijorità. Din tgħin lill-Kummissjoni wkoll biex tipproponi titjib meta l-evalwazzjoni tkun turi li hemm nuqqas ta' infurzar minħabba nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti. Din l-għodda l-ġdida tkun tista' tintuża biss ġaladarba jkun sar skrinjar xieraq ta' kull informazzjoni disponibbli, u dan joħroġ fid-dieher il-bżonn li l-informazzjoni komprensiva u affidabbli dwar l-imġiba fis-suq tal-kumpaniji tinġabar direttament mingħand il-parteċipanti fis-suq, filwaqt li tkun tqieset l-aqwa prattika fejn jidħlu l-prattiki attwali tal-Istati Membri li jolqtu l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku. Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni se tippubblika rapport, mingħajr ma tinsa li xi informazzjoni miġbura tkun kunfidenzjali. L-għodda l-ġdida ta’ informazzjoni fuq is-suq se tgħin lill-Kummissjoni biex timmira aħjar il-koperazzjoni tagħha mal-Istati Membri, issaħħaħ il-bażi għal azzjoni kontra l-ksur u tagħraf meta jkun hemm bżonn soluzzjonijiet regolatorji.
Id f'id mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se ssaħħaħ u tissimplifika l-għodod eżistenti tas-Suq Uniku għar-riżoluzzjoni tal-problemi fosthom is-SOLVIT. Ikun aħjar jekk il-problemi jissolvew kmieni u fil-livell nazzjonali. B’mod partikolari, din se tikkonsidra li ssegwi kif xieraq il-każijiet rikorrenti jew strutturali li s-SOLVIT ma setax isolvi. Barra minn hekk, b'hekk iżżid l-għarfien fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji dwar id-drittijiet tagħhom u l-użu tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rimedju, inkluż permezz tal-Portal Diġitali Uniku.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tapplika strateġija ta’ infurzar intelliġenti, inklużi strateġiji settorjali. Din se tipproponi inizjattiva regolatorja ħalli tkun tista' tiġbor informazzjoni affidabbli direttament mingħand ċertu parteċipanti fis-suq magħżula, bil-għan li tiggarantixxi u ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-Istati Membri bi pjanijiet ta’ implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni l-ġdida ewlenija, bi djalogi tal-konformità organizzati kull sena f'kull Stat Membru u bl-iżvilupp possibbli ta’ għodda għall-analiżi tad-dejta biex jitjieb il-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se ssaħħaħ u tissimplifika l-għodod tas-Suq Uniku għar-riżoluzzjoni tal-problemi, bħan-netwerk SOLVIT, u tippromwovi l-għarfien fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji dwar id-drittijiet tagħhom.
4.2.Id-Direttiva dwar is-Servizzi nwettquha aħjar billi nirriformaw il-proċedura ta’ notifika
Sabiex ikun żgurat li kull miżura regolatorja ġdida li jimponu l-Istati Membri ma tkunx diskriminatorja, tkun ġustifikata b'għanijiet ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata, id-Direttiva dwar is-Servizzi tobbliga lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar miżuri regolatorji ġodda li jaffettwaw is-servizzi.
Iżda minkejja dan kollu, jeżistu ħafna regoli u regolamenti nazzjonali differenti minn xulxin u ħafna drabi l-proċedura ta’ notifika ma tiġix rispettata. Minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar is-Servizzi fl-2009, seba’ Stati Membri naqsu milli jinnotifikaw xi regolamenti ġodda. Ħames Stati Membri nnotifikaw biss għadd żgħir ħafna ta’ regolamenti ġodda. B’kuntrast ma’ dan, Stati Membri oħrajn bagħtu ammont kbir ta’ notifiki.
Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-Kummissjoni jew xi Stat Membru ieħor jintervjeni hija limitata ħafna għax ħafna drabi l-Istati Membri jinnotifikaw il-liġijiet finali minflok l-abbozzi tal-liġijiet.
Barra minn hekk, in-notifiki mhumiex trasparenti: il-konsumaturi u n-negozji affettwati ma għandhom l-ebda aċċess u jistgħu jirreaġixxu biss billi jressqu lment aktar tard meta dawn ikunu diġà qed iġarrbu l-piż regolatorju u l-ispejjeż addizzjonali. Bla dubju, dan imur kontra d-Direttiva dwar it-Trasparenza, li tipprovdi għat-trasparenza tal-partijiet konċernati li joperaw fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.
Fl-aħħar nett, il-qafas ta' notifika eżistenti ma jipprovdix għal valutazzjoni dettaljata tal-proporzjonalità. Minħabba f'hekk, ħafna drabi l-Istati Membri jsibuha diffiċli biex jgħarblu l-proporzjonalità tar-rekwiżiti l-ġodda għas-servizzi. Għalhekk jekk titħaddem sistema ta’ prevenzjoni bħala parti minn sistema aħjar ta’ notifika għandha titjieb sew l-identifikazzjoni tal-alternattivi possibbli u l-għanijiet jintlaħqu b'miżuri inqas intrużivi.
Minħabba l-ħafna nuqqasijiet, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex titjieb il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi. Din il-proposta se testendi l-karatteristiċi li rnexxew tal-proċedura eżistenti tal-prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għal servizzi oħrajn, inkluż ir-rekwiżit ta' notifika tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni u ta' trasparenza għall-partijiet konċernati. Minħabba f'hekk, kull miżura li ma tkunx ġiet notifikata titqies nulla u jidħol fis-seħħ perjodu ta’ waqfien. Se jitqies ukoll il-bżonn li ssir valutazzjoni tajba tal-proporzjonalità.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva bbażata fuq il-karatteristiċi li rnexxew tal-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 għas-servizzi li għadhom mhumiex koperti b'dik id-Direttiva. Din se ttejjeb il-proċedura ta’ notifika eżistenti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi. Barra minn hekk, biha se tkun tista' ssir aktar verifika upstream tal-ġustifikazzjoni u tal-proporzjonalità tar-regolamenti nazzjonali l-ġodda li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi.
4.3.Insaħħu s-Suq Uniku għall-prodotti
Il-prodotti jiġġeneraw madwar 75% tal-kummerċ intra-UE. Fl-2014, il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri tal-UE ġie valutat li jilħaq l-EUR 2 900 biljun. Għal aktar minn 80% tal-prodotti industrijali tneħħew l-ostakli regolatorji bl-adozzjoni ta’ regoli komuni u, meta ma kinux jeżistu regoli tal-Unjoni bħal dawn, permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.
Għal ċertu oqsma li ma teżistix leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jfisser li l-prodotti li huma kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor igawdu d-dritt tal-moviment liberu u jistgħu jinbiegħu fi Stat Membru ieħor. Iżda meta r-rikonoxximent reċiproku ma jiġix applikat kif xieraq, il-kumpaniji jsibuha ferm aktar difficli biex ifittxu aċċess għas-swieq fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, iż-żieda fis-suq ta' prodotti li ma jkunux konformi mar-regoli tal-UE qed tixħet lill-operaturi li jħarsu l-liġi fi żvantaġġ u tagħmel ħsara lill-konsumaturi.
Minkejja l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-suq fil-qasam tal-prodotti, dan iwassal biex jintilfu l-opportunitajiet għall-ekonomija b’mod ġenerali.
Għalhekk il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex titjieb l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku u kontra l-prodotti illegali u mhux konformi.
L-adozzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fl-2008 kienet kruċjali biex minflok l-operaturi kummerċjali, l-awtoritajiet nazzjonali jibdew jieħdu ħsieb l-oneru tal-prova li l-prodotti jkunu kummerċjalizzati legalment fi bnadi oħra.
Madankollu, ir-regolamenti u l-prattiċi nazzjonali jibqgħu joħolqu xkiel. Ħafna drabi l-awtoritajiet nazzjonali jitolbu prova speċifika ta’ kummerċjalizzazzjoni legali jew sempliċement jirrifjutaw l-aċċess għas-suq nazzjonali tagħhom. U ħafna drabi l-operaturi ekonomiċi jintalbu jipproduċi dokumentazzjoni speċifika jew iwettqu testijiet addizzjonali għall-prodotti tagħhom. Dan iżid l-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi jew jiskoraġġihom milli jespandu fi swieq ġodda. Filwaqt li dawn il-problemi ssibhom f’bosta setturi industrijali, dawn jinqalgħu b'mod partikolari fis-setturi tal-bini, tal-prodotti tal-ikel, tas-supplimenti tal-ikel u tal-fertilizzanti. Minħabba f'hekk jintilfu l-opportunitajiet tan-negozju, tonqos il-kompetizzjoni u jogħlew il-prezzijiet għall-konsumaturi.
Għaldaqstant il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-UE kollha biex iżżid l-għarfien dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, inklużi azzjonijiet speċifiċi għas-setturi fejn ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jikseb l-akbar żieda fil-kompetittività tal-UE (eż. tal-bini). Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku biex tindirizza l-frammentazzjoni amministrattiva u tissimplifika d-dokumentazzjoni meħtieġa bħala prova li prodott ikun qed jiġi kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru.
Dan se jinkiseb jekk l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu joħorġu awtodikjarazzjoni dwar il-prodott li jkun qed jiġi kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor. Il-preżunzjoni ta’ konformità korrispondenti se tagħmilha eħfef għall-kumpaniji li jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq ta' Stat Membru ieħor, sakemm ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni uffiċjali u notifikata lill-Kummissjoni u lill-operatur ekonomiku rilevanti. Sabiex jitwieżnu l-offerti ta’ prodotti u servizzi integrati, se jiġu eżaminati sinerġiji mas-servizzi tal-passaport.
Il-Kummissjoni se tuża għodod tad-Direttiva dwar it-Trasparenza b’mod aktar strateġiku biex tippromwovi l-għarfien reċiproku u fiduċja fost l-Istati Membri.
Sabiex jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku għall-prodotti tas-saħħa, il-Kummissjoni se toħroġ b'inizjattiva ta’ valutazzjonijiet tat-teknoloġija tas-saħħa ħalli żżid il-koordinazzjoni u tevita li xi Stat Membru jtenni l-valutazzjoni ta' xi prodott partikolari li jkun wettaq Stat Membru ieħor.
Fis-suq qed jiżied l-għadd ta' prodotti illegali u mhux konformi, u dan ixekkel il-kompetizzjoni u jpoġġi lill-konsumaturi f’riskju. Ngħidu aħna fil-qasam tat-tagħmir tar-radju, l-evidenza turi li huma ftit ħafna l-prodotti konformi għalkollox. Ir-rata tvarja bejn it-28% u s-56%. Dawn il-persentaġġi baxxi fejn jidħol in-nuqqas ta' konformità jfeġġu wkoll għal kategoriji oħra tal-prodotti industrijali.
Għall-prodotti tal-konsumatur, fl-2014 l-Istati Membri bagħtu kważi 2 500 notifika minħabba prodotti perikolużi permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida tal-UE għall-prodotti perikolużi ir-"RAPEX". Dan juri żieda ta' 3% fuq l-2013, u kważi 90% tan-notifiki kollha kellhom x'jaqsmu ma' prodotti li joħolqu riskju serju għall-konsumaturi.
Ħafna operaturi ekonomiċi ma jimxux mar-regoli minħabba nuqqas ta’ għarfien jew bi ħsieb ħalli jiksbu vantaġġ kompetittiv. Hemm bżonn li jiżdied l-effett ta’ deterrent, u ħafna drabi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jinstabu neqsin mill-fondi u mxekkla bil-fruntieri nazzjonali filwaqt li l-operaturi ekonomiċi jkunu attivi fil-livell Ewropew jew saħansitra fil-livell globali. B'mod partikolari fil-każ tal-kummerċ elettroniku, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibuha ferm diffiċli biex jittraċċaw prodotti mhux konformi li jiġu importati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u biex jidentifikaw l-entità responsabbli fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom.
Għalhekk il-Kummissjoni se toħroġ b'inizjattiva biex issaħħaħ il-konformità tal-prodotti billi tipprovdi l-inċentivi meħtieġa lill-operaturi ekonomiċi, iżżid il-kontrolli tal-konformità u tippromwovi koperazzjoni transfruntiera eqreb fost l-awtoritajiet tal-infurzar, inkluż b’koperazzjoni mal-awtoritajiet doganali. Din se tikkonsolida l-qafas eżistenti għall-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq; tħeġġeġ l-azzjonijiet konġunti bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq minn bosta Stati Membri; u ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u tippromwovi l-koordinazzjoni tal-programmi tas-sorveljanza tas-suq.
Barra minn hekk, abbażi tal-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodott li jeżistu bħalissa, il-Kummissjoni se twaqqaf "l-ewwel post ta' riferiment" li jkun disponibbli għan-negozji fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti. Dan se jgħin biex jiżdied l-għarfien u l-fehim tal-leġiżlazzjoni applikabbli. L-operaturi ekonomiċi se jkunu offruti wkoll sistema li biha jkunu jistgħu juru l-konformità tal-prodott lill-awtoritajiet kompetenti, u potenzjalment anki lill-konsumaturi b'mod elettroniku (il-konformità elettronika). B'hekk jeħfiefu l-kontrolli tal-konformità għall-awtoritajiet, jonqsu l-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi, u lill-konsumaturi tgħinhom jerġgħu jiksbu l-kunfidenza.
L-azzjonijiet: Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-UE kollha biex iżżid l-għarfien dwar ir-rikonoxximent reċiproku u tirrevedi r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku. Sabiex ikun eħfef għall-kumpaniji biex ibigħu l-prodotti tagħhom fi Stat Membru ieħor, il-Kummissjoni se tintroduċi awtodikjarazzjoni voluntarja fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti, li l-kumpaniji jistgħu jużaw jekk ikunu jixtiequ. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex tkompli ssaħħaħ l-isforzi ħalli ma tħallix prodotti mhux konformi jidħlu fis-suq tal-UE billi żżid is-sorveljanza tas-suq u tipprovdi l-inċentivi meħtieġa għall-operaturi ekonomiċi.
5.Konklużjoni
Il-Kummissjoni stabbilixxiet li trid toħloq Suq Uniku aktar integrat u aktar ġust b’bażi industrijali msaħħa. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtiġilna ntejbu s-Suq Uniku tagħna skont ir-realtajiet ekonomiċi ta' żmienna, fosthom minħabba ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni, il-mudelli l-ġodda tan-negozju u ż-żieda fir-rabtiet bejn il-manifattura u s-servizzi fil-katini tal-valur globali tal-lum. L-Istrateġija tas-Suq Uniku tipproponi sett ta’ azzjonijiet konkreti u ambizzjużi biex jixxejnu ostakli ekonomikament sinifikanti li jxekklu l-aġenda tal-Ewropa għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Il-Kummissjoni qed tistrieħ fuq il-Parlament Ewropew u fuq il-Kunsill, kif ukoll fuq kull parti kkonċernata, biex tappoġġa bis-sħiħ dan il-programm tant ambizzjuż u meħtieġ malajr u biex tagħti spinta sinifikanti 'l quddiem fl-interess taċ-ċittadini u tan-negozji madwar l-Ewropa. L-aktar importanti iżda hu li dan il-programm jitwettaq mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, għax mingħajr l-appoġġ u l-impenn tagħhom is-Suq Uniku jisfaxxa.
L-azzjonijiet previsti f’din l-Istrateġija se jitniedu fl-2016 u fl-2017. Sa tmiem l-2017, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress tal-implimentazzjoni tagħha, u abbażi ta’ analiżi ekonomika komprensiva, tikkunsidra jekk ikunx hemm bżonn azzjoni addizzjonali biex tilħaq l-għan tagħha għal Suq Uniku tal-UE aktar integrat u aktar ġust.
Pjan direzzjonali biex titwettaq l-Istrateġija tas-Suq Uniku
Azzjonijiet
|
Skeda taż-żmien
|
Gwida dwar kif il-liġi tal-UE tapplika għal mudelli tan-negozju fl-ekonomija kollaborattiva
|
2016
|
Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT
|
2016
|
Inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-kumpaniji, inkluż dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni ċans
|
2016
|
Inizjattivi biex jeħfief l-użu tat-teknoloġiji diġitali tul il-fażijiet kollha ta' kumpanija u fużjonijiet u diviżjonijiet transfruntiera
|
2017
|
Inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji
|
2016
|
Gwida dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma għall-Istati Membri fir-regolament tal-professjonijiet
|
2016
|
Qafas analitiku biex l-Istati Membri jużawh meta jkunu qed jirrevedu r-regolamenti attwali tal-professjonijiet jew meta jiġu biex jipproponu oħrajn ġodda
|
2016
|
Azzjoni leġiżlattiva biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji mmirati fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tan-negozju u s-servizzi tal-bini
|
2016
|
Inizjattiva leġiżlattiva biex tintroduċi "passaport tas-servizzi" għal setturi ewlenin tal-ekonomija bħas-servizzi tal-bini u tan-negozju
|
2016
|
Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-aqwa prattiki li jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut u jnaqqsu r-restrizzjonijiet operazzjonali
|
2017
|
Azzjoni leġiżlattiva biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni lill-konsumaturi minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż tar-residenza
|
Nofs l-2016
|
Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni
|
2016
|
Gwida apposta dwar l-istandardizzazzjoni tas-servizzi
|
2016
|
L-akkwist pubbliku: il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex-ante volontarja għall-proġetti infrastrutturali l-kbar
|
2017
|
Inizjattivi għall-governanza aħjar tal-akkwist pubbliku bi twaqqif ta' reġistri tal-kuntratt, ġbir aħjar tad-dejta u rabtiet bejn il-korpi tar-reviżjoni
|
2017-2018
|
Inizjattivi biex jiġu modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-IPR), inkluża reviżjoni tal-qafas ta’ infurzar tal-proprjetà intellettwali tal-UE
|
2016-2017
|
Għodda għall-analiżi tad-dejta għall-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku
|
2017
|
Proposta għal għodod ta’ informazzjoni fuq is-suq li bihom il-Kummissjoni tkun tista' tiġbor informazzjoni mingħand parteċipanti fis-suq magħżula
|
2016
|
Proposta leġiżlattiva bbażata fuq il-karatteristiċi li rnexxew tal-proċedura ta’ notifika eżistenti skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 għas-servizzi li għadhom mhumiex koperti b'dik id-Direttiva
|
2016
|
Pjan ta’ Azzjoni biex jiżdied l-għarfien fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku
|
2016
|
Reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku
|
2017
|
Sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex ikomplu jissaħħu l-isforzi ħalli l-prodotti mhux konformi ma jitħallewx jidħlu fis-suq tal-UE (u dawn possibbilment ikunu jinkludu inizjattiva leġiżlattiva)
|
2016-2017
|