EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0120

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar: Azzjonijiet favur l-"istatus tajjeb" tal-ilma tal-UE u biex jitnaqqsu r-riskji tal-għargħar

COM/2015/120 final

52015DC0120

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar: Azzjonijiet favur l-"istatus tajjeb" tal-ilma tal-UE u biex jitnaqqsu r-riskji tal-għargħar /* COM/2015/0120 final */


1. Introduzzjoni

L-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)[1] tal-2000 tiddependi fuq li l-Istati Membri jieħdu firxa ta' miżuri kosteffettivi b’mod trasparenti u parteċipatorju. L-Istati Membri jridu jiġbru fil-qosor dawn il-miżuri (inklużi fil-“programmi ta’ miżuri” jew PoMs tagħhom) fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar (RBMPs), li jiġu aġġornati kull sitt snin. Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjoni tagħha tal-RBMPs disponibbli f’dak iż-żmien[2].

L-immaniġġjar effettiv tal-ilma, kif mitlub mid-WFD, jgħin lill-Istati Membri jħejju għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi li, minħabba t-tibdil fil-klima, qed isiru aktar frekwenti u jikkawżaw danni enormi[3]. Sabiex tikkumplimenta d-WFD, fl-2007 ġiet adottata d-Direttiva dwar l-Għargħar (FD), li teżiġi li l-Istati Membri jivvalutaw u jillokalizzaw ir-riskji u l-perikli tal-għargħar u jimmaniġġjawhom billi jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (FRMPs)[4].

Iż-żewġ Direttivi laħqu punt kruċjali fl-implimentazzjoni tagħhom. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta evalwazzjoni tal-progress li sar s’issa, u dan waqt li ġie kkunsidrat li ż-żewġ Direttivi huma marbuta ma' xulxin u li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun ikkoordinata. L-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-ewwel rapporti dwar l-azzjonijiet speċifiċi meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw il-miżuri miġbura fil-qosor fl-RBMPs tagħhom. Din tibni fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-RBMPs[5] disponibbli fl-2012 u tissodisfa r-rekwiżiti skont l-Artikolu 18.4 tad-WFD, li tirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika fl-2015 rapport interim dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-PoMs tagħhom.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-PoMs tal-Istati Membri u l-evalwazzjoni tagħha tal-valutazzjonijiet preliminari tar-riskji ta’ għargħar huma l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-aħħar ta’ dan id-dokument. Dawn qed jiġu ppreżentati hawnhekk fid-dawl tat-tieni RBMPs u tal-ewwel FRMPs li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri sa tmiem l-2015 u attwalment huma soġġetti għal konsultazzjonijiet pubbliċi.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn seba' Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Tnejn jinkludu valutazzjoni aktar dettaljata tal-progress li sar sal-lum fl-implimentazzjoni tad-WFD u tal-FD[6]. Il-ħamsa l-oħra jinkludu valutazzjonijiet tal-RBMPs tal-Belġju, il-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Kroazja[7], li ma ġewx adottati fl-2012.

2. Naħtfu l-opportunitajiet tal-politika tal-UE dwar l-ilma

Id-WFD u Direttivi oħrajn marbuta mal-ilma[8] ikkontribwew biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ilma fl-UE. B'mod ġenerali, l-Ewropej jistgħu jixorbu l-ilma tal-vit mingħajr periklu u jgħumu f’eluf ta’ żoni kostali, xmajjar u lagi mal-UE kollha. It-tniġġis minn sorsi urbani, industrijali u agrikoli huwa suġġett għal regolamentazzjoni.

Il-“kontroll tal-idoneità” tal-2012 tal-politika tal-UE dwar l-ilma ħelu[9] kkonferma li l-qafas tal-politika tal-ilma attwali jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċja l-ilma ħelu fl-Ewropa. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir qabel ma l-kwalità tal-ilmijiet kollha tal-UE tkun tajba biżżejjed, minħabba għexieren ta’ snin ta’ degradazzjoni preċedenti u mmaniġġjar mhux effettiv persistenti: skont il-“Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa”[10] tal-2012 tal-Kummissjoni, madwar nofs l-ilmijiet tal-wiċċ fl-UE x'aktarx li mhumiex se jilħqu status ekoloġiku tajjeb fl-2015. Barra minn hekk, id-distakki fil-monitoraġġ tal-istatus kimiku tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu tant sinifikanti li fl-2012, l-istatus ta’ 'l fuq minn 40 % tal-korpi tal-ilma ma kienx magħruf u kien impossibbli li tiġi stabbilita linja bażi. L-istampa tidher li hija aktar pożittiva għall-ilma tal-pjan, iżda l-problemi f’ċerti baċiri għadhom serji[11].

Kif iddikjarat fir-risposta tagħha għall-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma,[12] il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-ilma, billi tibni fuq l-impenji ppreżentati fis-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u fil-Blueprint dwar l-Ilma. Il-Blueprint ipproponiet firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ implimentazzjoni li ġew aċċettati fil-programm ta' ħidma tal-2013-15 għall-istrateġija ta’ implimentazzjoni komuni tad-WFD[13]. Barra minn hekk, mill-2012 il-Kummissjoni saħħet id-djalogu tagħha mal-Istati Membri u kellha laqgħat bilaterali estensivi magħhom biex tiddiskuti l-valutazzjoni tagħha tal-RBMPs tagħhom u biex jintlaħaq qbil dwar azzjonijiet speċifiċi biex titjieb l-implimentazzjoni.

L-istrateġija ta’ implimentazzjoni komuni u l-proċessi bilaterali għenu lill-Istati Membri billi ċċaraw ir-rekwiżiti tad-WFD, ħolqu għodod ta’ implimentazzjoni ġodda, u pproponew soluzzjonijiet ibbażati fuq esperjenzi preċedenti. Jekk l-Istati Membri jirnexxilhom jintegrawhom u jimplimentawhom fl-aġġornament tal-RBMP tal-2015, ma għandux ikun hemm bżonn ta' azzjoni ta’ infurzar ulterjuri[14]. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-każijiet ta’ ksur f’oqsma ta’ prijorità[15], fejn il-metodi msemmija hawn fuq ma jkunux effettivi fit-titjib tal-implimentazzjoni.

Il-politika tal-UE dwar l-ilma għamlitha possibbli għall-UE li tiżviluppa settur tal-ilma dinamiku u minn ta’ quddiem fid-dinja, li jinkludi 9 000 SME[16] attiva u jipprovdi kważi 500 000 impjieg ekwivalenti għal full-time[17]. Għaldaqstant, din tfisser ferm aktar minn rispons għal prinċipju ambjentali: hija element importanti għall-UE biex tistimola t-tkabbir blu u t-tkabbir ekoloġiku u biex issir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Pereżempju, it-teknoloġiji għall-immaniġġjar tal-ilma jinsabu fil-qalba tal-innovazzjoni ekoloġika u l-Kummissjoni nediet is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar l-Ilma fl-2012[18] biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi, li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku sostenibbli filwaqt li jadattaw għat-tibdil fil-klima.

3. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-'programmi ta' miżuri' (PoMs) tad-WFD

Il-PoMs jikkonsistu f’miżuri bażiċi obbligatorji, inklużi xi wħud meħuda taħt numru ta’ direttivi li ġew qabel id-WFD u speċifiċi oħra tad-WFD, bħall-kontrolli fuq l-estrazzjoni tal-ilma, l-iskarigi, it-tniġġis diffuż jew il-bdil fiżiku tal-korpi tal-ilma. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mitluba jieħdu miżuri supplimentari jekk ikunu meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi ambjentali.

Grafika 1. Illustrazzjoni simplifikata ta’ proċess biex jiġi identifikat u jitnaqqas id-distakk bejn iż-żamma tal-istatus quo u l-objettiv tal-2015 ta' status tajjeb tal-ilma.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li bosta Stati Membri ħejjew il-miżuri tagħhom abbażi ta' "dak li huwa fis-seħħ u/jew li huwa ppjanat diġà" u "dak li hu possibbli", mingħajr ma qiesu l-istatus attwali tal-korpi tal-ilma u l-pressjonijiet identifikati fl-RBMPs bħala prevenzjoni għall-ksib ta’ "status tajjeb". Minflok ma fasslu l-aktar miżuri adegwati u kosteffettivi biex jiżguraw li l-ilma tagħhom jikseb "status tajjeb", u b’hekk jindirizzaw id-distakk persistenti fil-prestazzjoni, bosta Stati Membri ħafna drabi stmaw biss sa fejn il-miżuri eżistenti kienu se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tad-WFD. Dan iwassal biex l-eżenzjonijiet jiġu applikati b’mod wiesa’ wisq u mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, meta jiġu applikati l-eżenzjonijiet u tiġi posposta l-kisba ta’ "status tajjeb", mhuwiex ċar jekk ikunux qed jittieħdu miżuri biex jintlaħaq l-objettiv, kif meħtieġ mid-Direttiva.

L-objettivi ambjentali tad-WFD huma kkwantifikati u marbuta ma’ skeda ta’ żmien ċara. Jidher biċ-ċar li l-approċċ meħud minn bosta Stati Membri – li "jimxu fid-direzzjoni t-tajba" abbażi (fil-biċċa l-kbira) fuq xenarju fejn jinżamm l-istatus quo – mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali għall-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ilma.

3.1.           It-tniġġis tal-ilma kkawżat mill-agrikoltura, l-industrija u l-unitajiet domestiċi

It-tnaqqis tat-tniġġis biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD jirrikjedi li l-ewwel jiġu implimentati b'mod korrett diversi direttivi u regolamenti oħra. Dan jinkludi d-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, id-Direttiva dwar in-nitrati, id-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li għandhom rwol ewlieni fl-indirizzar tat-tniġġis minn sorsi diffużi jew minn sors puntiformi u għalhekk għandhom jitqiesu fl-RBMPs u l-PoMs.   

Fis-settur agrikolu, l-aħħar rapport dwar id-Direttiva dwar in-nitrati[19] jindika titjib żgħir fit-tniġġis min-nitrati fl-ilma tal-pjan filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri biex jitnaqqas u jiġi evitat it-tniġġis.  Dan huwa kkonfermat mill-analiżi tal-PoMs irrappurtati mill-Istati Membri. Minkejja l-fatt li 63 % tad-distretti tal-baċiri tax-xmajjar irrapportaw li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati mhijiex biżżejjed biex tittratta t-tniġġis diffuż għal-livell meħtieġ biex jiġu żgurati l-objettivi tad-WFD, ma ġewx miżjuda miżuri meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li fadal. It-tniġġis diffuż jaffettwa[20] b’mod sinifikanti lil 90 % tad-distretti ta’ baċiri tax-xmajjar, 50 % tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u 33 % tal-korpi tal-ilma tal-pjan madwar l-UE. Is-settur agrikolu huwa s-sors prinċipali tat-tniġġis diffuż. Minkejja xi progress li twettaq fir-rigward tat-tnaqqis fil-konsum tal-fertilizzanti minerali[21], għad hemm bosta lakuni fil-miżuri bażiċi stabbiliti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pressjonijiet agrikoli, inkluż in-nuqqas ta’ miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-fosfat u tan-nitrati barra miż-żoni vulnerabbli għan-nitrati stabbilit skont id-Direttiva dwar in-Nitrati. Il-miżuri supplimentari rrapportati fl-agrikoltura huma fil-biċċa l-kbira volontarji, inklużi skemi ta' pariri u miżuri agroambjentali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħall-estensifikazzjoni tal-farms u l-agrikoltura organika.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-unitajiet domestiċi, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi kienet impenjattiva, l-aktar minħabba l-aspetti ta’ ppjanar u dawk finanzjarji relatati ma' investiment kbir fl-infrastruttura fis-sistemi tad-drenaġġ u fil-faċilitajiet ta’ trattament. L-implimentazzjoni tinsab fi stadju avvanzat fl-UE-15,[22] fejn bosta Stati Membri jikkonformaw kważi għalkollox. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-UE-13, il-perjodi tranżitorji nnegozjati fit-Trattati tal-Adeżjoni qed jersqu lejn tmiemhom u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għadhom 'il bogħod minn konformità sħiħa, minkejja l-ħidma sinifikanti mwettqa f’dawn l-aħħar għaxar snin. L-isfidi ewlenin għall-UE-15 jirrigwardaw iż-żamma u t-tiġdid tas-sistemi tal-ġbir u tat-trattament tad-drenaġġ, filwaqt li l-Istati Membri l-aktar ġodda jeħtieġ li jissoktaw ħidmiethom fil-ħolqien tal-infrastruttura minima meħtieġa. Barra minn hekk, l-għargħar tad-drenaġġ[23] jibqa' wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ tniġġis fiż-żoni urbani, u jeħtieġ investiment sinifikanti fis-snin li ġejjin madwar l-UE. Sabiex jiżdiedu r-rati ta’ konformità, l-Istati Membri ntalbu jissottomettu programmi ta’ implimentazzjoni dettaljati fl-2014, inkluż l-ippjanar tal-investiment għall-infrastruttura. Bħalissa dawn qed jiġu analizzati mill-Kummissjoni.

It-tniġġis ikkawżat minn attivitajiet industrijali jista' jkun partikolarment sinfikanti għal ċerti sustanzi niġġiesa u korpi tal-ilma. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tipprevedi l-modi prinċipali biex tiġi indirizzata din il-problema, b’mod partikolari permezz tal-obbligu għall-operaturi tal-installazzjonijiet industrijali li japplikaw "l-aqwa tekniki disponibbli" biex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu (jiġifieri l-ilma, l-arja u l-kwalità tal-art). L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jiżguraw li l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet fil-permessi għall-emissjonijiet industrijali huma konformi mal-"aqwa tekniki disponibbli'" u jqisu l-objettivi rilevanti fejn għandu x'jaqsam l-ilma. Għalkemm dan iseħħ sa ċertu punt, il-PoMs juru li dan ma jsirx b’mod sistematiku jew, jekk isir, dan ma jiġix irrapportat[24].

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bdew il-ħidma tagħhom fuq l-inventarji tal-emissjonijiet tagħhom ta’ sustanzi ta’ prijorità, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali. Dawn qed jużaw din il-ħidma u l-analiżi tagħhom tal-pressjonijiet u tal-impatti biex jidentifikaw is-sorsi ta’ tniġġis. Il-proporzjon ta’ korpi tal-ilma identifikati bħala li huma milquta minn sorsi puntiformi jew diffużi jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Għall-inventarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom mhumiex qed jikkwantifikaw l-emissjonijiet diffużi li joriġinaw minn varjetà ta’ sorsi. In-numru ta’ sustanzi niġġiesa identifikati mill-Istati Membri bħala li huma ta’ tħassib nazzjonali[25] ivarjaw b’mod sinifikanti wkoll. B’konsegwenza ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-miżuri identifikati mill-Istati Membri b'rabta mat-tniġġis kimiku huma ġenerali wisq, b’riżultati mhux kwantifikati, aktar milli speċifiċi għas-sustanzi jew għas-sors.

3.2. Użu eċċessiv tal-ilma: astrazzjoni żejda

L-astrazzjoni tal-ilma lil hinn mit-tiġdid tal-kapaċità tan-natura tpoġġi pressjoni qawwija fuq l-ilma tal-wiċċ u tal-pjan fl-UE, speċjalment minħabba irrigazzjoni fil-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed, iżda wkoll minħabba l-urbanizzazzjoni u attivitajiet ekonomiċi oħra f’partijiet differenti tal-UE. L-astrazzjoni eċċessiva taffettwa b'mod sinifikanti 10 % tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u 20 % tal-korpi tal-ilma tal-pjan. Fejn diġà teżisti astrazzjoni żejda f’baċiri tax-xmajjar soġġetti għal użu intens tal-ilma, id-WFD teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri li jirrestawraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-astrazzjoni, bħar-reviżjoni tal-permessi jew infurzar aħjar. Madankollu, l-ewwel PoMs urew li din il-problema hija indirizzata b'mod inadegwat, billi l-eżenzjonijiet intużaw b’mod estensiv fil-korpi tal-ilma affettwati, ħafna drabi mingħajr ġustifikazzjoni xierqa.

L-ewwel RBMPs urew ukoll li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma indirizzawx il-bżonnijiet fejn għandu x'jaqsam l-ilma tan-natura, u huma obbligati li jagħmlu dan jekk iridu jintlaħqu l-objettivi ambjentali tad-WFD. Ħafna drabi dawn qiesu biss il-flussi minimi li jridu jinżammu fil-perjodi tas-sajf, mingħajr ma qiesu l-fatturi differenti[26] li huma essenzjali biex l-ekosistemi jkunu jistgħu jiżviluppaw u jipprovdu l-benefiċċji kollha tagħhom. Dan ifisser li l-miżuri implementati ma jiggarantux il-kisba ta’ "status tajjeb" f’bosta korpi tal-ilma affettwati minn astrazzjonijiet sinfikanti jew minn regolazzjoni tal-flussi (eż. għall-irrigazzjoni, l-idroenerġija, il-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb, in-navigazzjoni). Fl-istess waqt, madankollu, l-Istati Membri appoġġjaw b’mod attiv l-iżvilupp ta’ fehim komuni tal-flussi ekoloġiċi u kif jistgħu jitqiesu aħjar fl-implimentazzjoni tad-WFD. Dan irriżulta f’dokument ta’ gwida li l-Istati Membri għandhom jibdew jimplimentaw fl-2015[27]. Permezz tal-istrateġija ta’ implimentazzjoni komuni tad-WFD setgħu jiġu skambjati prattiki tajba fl-użu tal-bilanċi tal-ilma li jinkludu l-ħtiġijiet ambjentali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-allokazzjoni tal-ilma[28], u fl-użu ta' teknoloġija tat-telerilevament biex tappoġġja l-ispezzjonijiet u tagħti segwitu għall-astrazzjonijiet illegali[29].

3.3. Tibdil tal-fluss u  tal-konfigurazzjoni tal-korpi tal-ilma

It-tibdil tal-flussi u tal-konfigurazzjoni ('l-idromorfoloġija') tal-korpi tal-ilma huma fost il-fatturi prinċipali li jipprevjenu l-kisba ta’ status tajjeb tal-ilma iżda, b’mod ġenerali, l-ewwel PoMs jipproponu azzjonijiet insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Ħafna drabi t-tibdil hu dovut għall-iżvilupp ta’ infrastruttura griża, bħal kanali tad-drenaġġ tal-art, digi għall-irrigazzjoni jew għall-idroenerġija, ilqugħ biex jiffaċilita n-navigazzjoni, imbankmenti jew digi għall-protezzjoni mill-għargħar, eċċ. Xi miżuri maħsuba biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni ġew definiti kważi fl-RBMPs kollha, iżda ħafna drabi jkunu ġenerali ħafna, ma hemm l-ebda prijoritizzazzjoni u l-miżuri ma għandhomx rabta ċara mal-pressjonijiet eżistenti jew mal-effetti mistennija. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma żviluppawx metodi ta’ valutazzjoni tal-istatus tal-ilma li huma sensittivi għat-tibdil idromorfoloġiku, u dan jillimita l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw il-kwistjoni b’mod effettiv.

4. Ir-rabta mad-Direttiva dwar l-Għargħar (FD)

Huwa ġeneralment magħruf li partijiet kbar tal-Ewropa se jiffaċċjaw żieda fl-okkorrenza u fil-frekwenza ta’ avvenimenti ta’ għargħar minħabba t-tibdil fil-klima. Fl-2007, l-FD ħolqot qafas pan-Ewropew li jista’ jappoġġja lill-Istati Membri biex jidentifikaw, jevalwaw u jindirizzaw ir-riskju ta’ għargħar.

Kif huwa ġeneralment il-każ fl-immaniġġjar tar-riskju, l-FD hija implimentata f’ċikli iterattivi. Fl-aħħar ta’ kull ċiklu ta’ sitt snin, jitħejjew il-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (FRMPs). L-ewwel sett ta’ pjanijiet għandu jitlesta sa tmiem l-2015 u għandu jiġi kkoordinat mal-RBMPs[30] skont id-WFD sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-istrumenti. Miżuri għar-ritenzjoni naturali tal-ilma[31] huma eżempju ta’ miżuri li jistgħu jikkontribwixxu simultanjament għall-ilħuq tal-objettivi skont id-WFD u l-FD permezz tat-tisħiħ u tal-preservazzjoni tar-ritenzjoni naturali u tal-kapaċità tal-ħżin tal-akwiferi, tal-ħamrija u tal-ekosistemi. Miżuri bħar-rikonnessjoni tal-pjanura mfawra max-xmara, ir-riserpeġġjar u r-restawr tal-art mistagħdra jistgħu jnaqqsu jew idewmu l-wasla tal-ogħla livelli tal-għargħar 'l isfel filwaqt li jtejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tal-ilma, jippreservaw il-ħabitats u jżidu r-reżistenza għat-tibdil fil-klima.

L-ewwel passi fil-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji stabbilit mill-FD kienu t-tħejjija ta’ valutazzjonijiet preliminari tar-riskji tal-għargħar sa tmiem l-2011 u l-identifikazzjoni ta’ żoni esposti għal riskji potenzjali sinifikanti ta' għargħar, li ppermettew lill-Istati Membri jikkonċentraw l-implimentazzjoni fuq żoni fejn ir-riskju huwa sinifikanti. Il-valutazzjonijiet preliminari kienu bbażati l-aktar fuq l-informazzjoni disponibbli dwar l-għargħar sinifikanti li seħħ fl-imgħoddi u fuq it-tbassir ta’ għargħar potenzjali sinifikanti fil-ġejjieni.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw valutazzjonijiet preliminari tar-riskji tal-għargħar filwaqt li oħrajn kienu jiddependu fuq valutazzjonijiet eżistenti jew fuq taħlita ta’ valutazzjonijiet ġodda u dawk eżistenti. Is-sors ta' għargħar irrapportat bħala l-aktar komuni fl-UE huwa x-xmajjar, segwit mill-ilma tax-xita u tal-baħar. Il-konsegwenzi rrapportati l-aktar spiss huma l-konsegwenzi ekonomiċi, segwiti minn dawk għas-saħħa tal-bniedem[32]. Il-kriterji għad-definizzjoni ta’ għargħar sinifikanti u l-metodi biex jiġu kkwantifikati l-impatti huma diversi; u f’xi każijiet mhumiex dettaljati sewwa.

Terz biss tal-Istati Membri jqisu espliċitament l-iżviluppi fit-tul (it-tibdil fil-klima u l-bidliet soċjoekonomiċi) fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji tal-għargħar. Dan huwa sorprendenti billi l-ħsara kkważata mill-għargħar fl-Ewropa żdiedet b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, primarjament minħabba fatturi soċjoekonomiċi bħalma huma ż-żieda tal-ġid fiż-żoni suġġetti għall-għargħar, u minħabba t-tibdil fil-klima.

It-tieni pass fi proċess ta’ mmaniġġjar tar-riskju tal-FD kien il-produzzjoni ta' mapep tal-perikli tal-għargħar u mapep ta’ riskji tal-għargħar għaż-żoni identifikati bħala żoni suġġetti għal riskji potenzjali sinifikanti ta’ għargħar, sa tmiem l-2013. Il-Kummissjoni bħalissa qed tevalwa l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri[33].

Minkejja l-lakuni msemmija hawn fuq, għall-ewwel darba l-Istati Membri kollha qegħdin jieħdu azzjoni fl-istess ħin, fi ħdan l-istess qafas, biex jipprevjenu jew inaqqsu l-ħsara soċjali, ekonomika u ambjentali mir-riskju tal-għargħar. Barra minn hekk, l-FD serviet bħala inċentiv qawwi għalihom biex jiffokaw fuq il-prevenzjoni u s-sensibilizzazzjoni, flimkien mal-protezzjoni[34]. Il-mapep tal-perikli tal-għargħar u l-mapep tar-riskji tal-għargħar issa għandhom jidderieġu lill-awtoritajiet u lil dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet lejn miżuri mmirati biex inaqqsu r-riskji tal-għargħar b’mod effettiv u sostenibbli għall-ilma u għas-soċjetà.

5. Kif jista' jsir dan: opportunitajiet ta’ investiment u pprezzar tal-ilma biex titnaqqas l-ineffiċjenza

Il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni aħjar u aktar integrazzjoni tal-objettivi tal-politika dwar l-ilma f’oqsma oħra ta’ politika, inklużi l-politiki ta’ finanzjament bħall-PAK u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, hija rikonoxxuta. Ir-riżultati tal-perjodu ta’ finanzjament 2007-13 juru li l-Istati Membri ma sfruttawx għal kollox il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-UE biex jappoġġjaw l-objettivi skont id-WFD[35] minkejja xi eżempji tajba[36]. Pereżempju, l-Artikolu 38 tar-Regolament preċedenti dwar l-Iżvilupp Rurali[37], li jista’ jservi biex jiġu ffinanzjati miżuri li jirriżultaw mid-WFD, ftit li xejn intuża[38]. Il-fondi disponibbli għall-bini tal-impjanti għat-trattament tal-ilma urban mormi, f’xi każijiet ma ġewx assorbiti jew iddewmet l-allokazzjoni tagħhom, parzjalment minħabba nuqqas ta’ ppjanar xieraq. Fl-2014 il-Kummissjoni obbligat lill-Istati Membri biex jippreżentaw programmi ta’ implimentazzjoni, inkluż ippjanar tal-investiment dettaljat, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom. B’mod aktar ġenerali, il-PoMs mhux dejjem jaħtfu l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE biex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-RBMPs.

Il-PoMs jikkonfermaw ukoll li l-inċentivi biex l-ilma jintuża b’mod effiċjenti u pprezzar trasparenti tal-ilma mhumiex applikati fl-Istati Membri kollha u fis-setturi kollha li jużaw l-ilma, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kejl. Sabiex jiġi implimentat ipprezzar inċentivat, l-użi li jimplikaw konsum tal-ilma għandhom awtomatikament jiġu soġġetti għal tariffi volumetriċi bbażati fuq l-użu reali. Dan jirrikjedi kejl mifrux, b’mod partikolari għall-agrikoltura f’baċiri fejn it-tisqija tirrappreżenta l-konsum prinċipali tal-ilma. Minkejja l-progress sinifikanti li sar f'xi Stati Membri fl-adattament tal-politiki dwar l-ipprezzar tal-ilma għar-rekwiżiti tad-WFD, il-miżuri biex jiġi żgurat l-irkupru tal-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi huma limitati. In-nuqqas tal-irkupru tal-ispejjeż, inkluż għall-ispejjeż ambjentali, tar-riżorsi u tal-infrastruttura, sempliċiment iżid mal-konsegwenzi li se jkollhom iġarrbu l-ġenerazzjonijiet futuri f’dawk iż-żoni li se jiffaċċjaw skarsezza kbira tal-ilma u nuqqas ta’ infrastruttura tal-ilma.

Sabiex titrawwem l-implimentazzjoni korretta tal-ipprezzar tal-ilma, ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni[39] stabbilixxa kundizzjonalitajiet ex-ante biex jinkiseb aċċess għall-fondi tal-politika għall-Iżvilupp Rurali u ta’ Koeżjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni tal-ipprezzar tal-ilma tal-Istati Membri u politiki ta’ rkupru ta’ spejjeż u teħtieġ pjanijiet ta’ azzjoni meta jiġu individwati nuqqasijiet. Kif rikonoxxut f’sentenza riċenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE,[40] l-irkupru tal-ispejjeż — bl-ipprezzar jew mezzi oħra — japplika potenzjalment għal firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-ilma li għandhom impatt fuq l-ilma. Meta Stat Membru jagħżel li ma japplikax l-irkupru tal-ispejjeż għal-attività speċifika tal-użu tal-ilma, irid jispjega b’mod ċar liema miżuri oħra hemm fis-seħħ biex jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi tad-WFD.

6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiddefinixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-PoMs ikunu jistgħu:

jirrikonċiljaw l-objettivi ambjentali u dawk ekonomiċi billi jserrħu fuq miżuri li joffru ilma nadif fi kwantitajiet suffiċjenti għan-natura, għan-nies u għall-industrija; jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul u l-vijabbiltà ekonomika tal-agrikoltura u tal-akkwakultura tal-UE; jappoġġjaw il-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport sostenibbli u l-iżvilupp tat-turiżmu, u b’hekk jikkontribwixxu għal tkabbir ġenwinament ekoloġiku tal-ekonomija tal-UE.

Il-ħtieġa għal bażi solida għall-PoMs

L-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jibbażaw il-PoMs tagħhom fuq valutazzjoni soda tal-pressjonijiet u tal-impatti fuq l-ekosistema akkwatika u fuq valutazzjoni affidabbli tal-istatus tal-ilma. Inkella, jekk il-valutazzjoni ta' bażi tal-pressjonijiet tkun difettuża, l-RBMPs kollha se jkunu bla bażi u hemm riskju li l-Istati Membri mhux se jwettqu l-ħidma tagħhom fejn din tkun l-aktar meħtieġa u b’mod kosteffettiv.

Il-monitoraġġ għandu jinżamm u/jew jittejjeb. B’mod partikolari, il-monitoraġġ tal-istatus tal-ilma għandu jittejjeb għall-ilma tal-wiċċ, speċjalment fir-rigward ta’ sustanzi ta’ prijorità. In-nuqqasijiet li fadal fil-metodi biex jiġi vvalutat l-istatus ekoloġiku tal-ilma għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti f’diversi Stati Membri. L-iżvilupp ta’ metodi sensittivi għall-alterazzjonijiet idroloġiċi u fiżiċi tal-korpi tal-ilma huwa partikolarment importanti, u xi Stati Membri diġà għamlu dan. Il-bażi ta’ għarfien akbar li tirriżulta għandha tiżgura li l-miżuri jkunu mmirati aħjar biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD.

Analiżi tad-distakk: x’jeħtieġ li jsir biex jinkisbu l-objettivi?

Sabiex il-PoMs jitfasslu b’mod korrett, jeħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw l-aktar kombinazzjoni kosteffettiva ta’ miżuri li jinħtieġu biex jitnaqqas id-distakk bejn l-istatus attwali u l-"istatus tajjeb" tal-ilma. Din l-analiżi tad-distakk hija meħtieġa biex wieħed jifhem x’jeħtieġ li jsir sabiex jintlaħqu l-objettivi, kemm se tieħu żmien u kemm se tiswa lil min. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet dovuti għal raġunijiet marbuta man-nuqqas ta' fattibbiltà teknika jew ma' spejjeż sproporzjonati jistgħu biss ikunu ġġustifikati b'mod xieraq abbażi ta' din l-analiżi. Barra minn hekk, anki jekk l-eżenzjonijiet ikunu ġġustifikati, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-miżuri jersqu kemm jista’ jkun lejn l-objettivi.

L-adattament tal-użu tal-ilma għall-objettivi ambjentali tad-WFD u l-infurzar tat-tibdil

Il-permessi eżistenti, eż. għall-estrazzjoni tal-ilma (inklużi d-drittijiet marbuta mal-ilma), l-iskariku, l-idroenerġija, eċċ., għandhom jiġu rieżaminati u, jekk meħtieġ, jiġu aġġornati bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-objettivi tad-WFD. Xi Stati Membri diġà qegħdin jagħmlu dan, u l-oħrajn għandhom isegwuhom.

Wara li jiġu rieżaminati l-permessi, l-Istati Membri jridu jiżguraw li jiġu rrispettati. Dan jista’ jinkludi spezzjonijiet abbażi ta’ approċċ imsejjes fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità u l-iżgurar ta’ kapaċità ta' infurzar adegwata.

Trattament tat-tniġġis

L-Istati Membri jridu jsaħħu l-miżuri bażiċi tagħhom biex jittrattaw it-tniġġis diffuż ikkawżat mill-agrikultura. Minkejja l-fatt li għad hemm ħafna xi jsir biex jintlaħaq "status tajjeb" u li l-miżuri ta’ qabel id-WFD mhumiex biżżejjed f’bosta distretti tal-baċiri tax-xmajjar, ħafna Stati Membri jiddependu biss fuq miżuri volontarji. Filwaqt li dawn jistgħu effettivament jagħlqu d-distakk li fadal, titjib sinifikanti jista’ jinkiseb biss permezz ta’ miżuri bażiċi obbligatorji.

L-Istati Membri għandhom jindirizzaw is-sorsi tat-tniġġis billi jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri tad-WFD u l-leġiżlazzjoni relatata mal-ilma, speċjalment id-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u d-Direttiva tat-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Dan hu ferm preferibbli mill-użu ta’ trattament fil-punt tar-rimi, pereżempju biex tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-ilma tajjeb għax-xorb filwaqt li jiġu evitati spejjeż għoljin għat-trattament u jitħares l-ambjent. L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jestendu l-ħolqien ta’ żoni ta’ salvagwardja biex jitħarsu ż-żoni użati għall-astrazzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb, b’mod partikolari fil-każ tal-ilmijiet tal-wiċċ. Barra minn hekk, għandhom jiżguraw li l-miżuri tagħhom jimmiraw lejn is-sorsi u s-sustanzi kimiċi li jwasslu biex il-korpi tal-ilma jonqsu milli jiksbu "status tajjeb".

L-indirizzar ta’ aspetti kwantitattivi, inkluża r-rabta mal-kwalità

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-PoMs turi l-ħtieġa li jiġu indirizzati aħjar ir-rabta bejn il-kwalità u l-kwantità fil-valutazzjoni tal-pressjonijiet fuq l-ekosistemi akkwatiċi u biex jiġu stabbiliti miżuri li jimmiraw lejn l-astrazzjonijiet u r-regolazzjonijiet tal-flussi.

L-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa huma problema li qed tiżdied f’bosta żoni tal-Ewropa, għall-inqas staġjonalment, minħabba t-tibdil fil-klima. Il-problemi kwantitattivi qed jaffettwaw progressivament aktar distretti tal-baċiri tax-xmajjar madwar l-UE u l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw li jmissu livelli mhux sostenibbli ta’ astrazzjoni. Fejn diġà hemm livelli eċċessivi ta’ astrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiġi rrestawrat l-użu tal-ilma għal livelli sostenibbli. Dan huwa partikolarment importanti għall-ilma tal-pjan, speċjalment f’każijiet fejn dan ikun konness ma’ ekosistemi importanti li jiddependu fuq l-ilma, ħafna drabi żoni protetti, bħal artijiet mistagħdra. Kull eżenzjoni għandha tkun ġustifikata kif xieraq fl-RBMPs, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-WFD.

L-indirizzar tal-flussi u t-tibdil fiżiku fil-korpi tal-ilma

Minkejja l-fatt li terz tal-korpi tal-ilma tal-UE huma affettwati b’mod sinifikanti mir-regolazzjonijiet (idroloġiċi) tal-flussi u mill-alterazzjonijiet (morfoloġiċi) fiżiċi, il-PoMs ta' bosta Stati Membri ma jiffissawx settijiet ta’ miżuri ċari li jindirizzaw din is-sitwazzjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-flussi ekoloġiċi skont il-gwida tas-CIS li ġiet adottata dan l-aħħar u jimplimentaw il-miżuri li se jħarsu u/jew jirrestawraw dawn il-flussi kemm għall-użi ġodda kif ukoll għal dawk eżistenti. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw metodi ta' monitoraġġ u ta’ valutazzjoni biex jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn l-alterazzjonijiet idroloġiċi x'aktarx jipprevjenu l-kisba ta’ status ekoloġiku tajjeb. Madankollu, l-aktar tibdil sinifikanti diġà jista' jiġi identifikat u indirizzat permezz tal-għodod u tal-miżuri disponibbli, u t-tnaqqis tal-impatt tal-astrazzjonijiet u tar-regolazzjonijiet tal-flussi għandu jingħata prijorità fil-PoMs li jmiss.

Għal ħafna korpi tal-ilma, it-tibdil fiżiku hu marbut ma’ alterazzjonijiet tal-flussi, u għalhekk il-flussi ekoloġiċi jistgħu ma jkunux biżżejjed u kapaċi jkun hemm bżonn jiġu akkumpanjati minn miżuri ta’ restawr jekk iridu jinkisbu l-objettivi tad-WFD.

L-użu għaqli ta' strumenti u inċentivi ekonomiċi

L-Istati Membri għandhom jaġġustaw l-ipprezzar inadegwat tar-riżorsi tal-ilma speċjalment fis-settur agrikolu għalkemm mhux hemm biss. Dan għadu qed jikkawża ħsara ekonomika u ambjentali sinifikanti ħafna, pereżempju l-użu ineffiċjenti ta’ riżorsi skarsi tal-ilma jew tniġġis li jirrikjedi trattament għali. Dan inaqqas id-disponibbiltà tagħhom għal firxa ta’ attivitajiet ekonomiċi u b’hekk jitnawru l-opportunitajiet għal tkabbir futur ta’ diversi reġjuni tal-UE. L-ipprezzar adegwat konformi mad-WFD ibbażat fuq il-kejl u l-irkupru tal-ispejjeż iwassal għal effiċjenza fl-użu tal-ilma, għal tnaqqis fil-konsum bla bżonn, jiffavorixxi l-għażla tal-għelejjel jew tas-sistemi ta’ biedja li jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u jtejbu l-bilanċ ekonomiku tal-farms kif ukoll jippermetti li jinġabru fondi sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-investimenti fl-infrastruttura u tiġi indirizzata l-ħela minħabba t-tnixxija[41].

Il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni biex jinkisbu bosta benefiċċji

Sabiex il-PoMs jirnexxu, il-kooperazzjoni hija essenzjali f’diversi livelli, u għandha tiddependi fuq strutturi eżistenti li wrew l-effettività tagħhom. Dan japplika l-ewwel nett għal distretti ta’ baċiri tax-xmajjar, fejn il-konfini amministrattivi jew nazzjonali ma għandhomx ikunu ostaklu għall-għażla tal-miżuri l-aktar kosteffettivi. Dan japplika wkoll għall-implimentaturi ta’ biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni ambjentali billi, pereżempju, il-PoMs tad-WFD huma essenzjali biex jinkisbu wħud mill-objettivi tal-FD, tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina jew tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità u tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

L-iskedi ta’ żmien armonizzati għall-pjanijiet ta’ mmaniġġjar li għandhom jiġu żviluppati skont id-WFD u l-FD huma opportunità eċċellenti biex tintuża l-informazzjoni disponibbli dwar l-istatus tal-ilma u l-pressjonijiet u biex jitfasslu PoMs li jgħinu biex jintlaħaq "status tajjeb" filwaqt li jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar. Dawn is-sinerġiji jridu jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

Fl-għażla tal-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskji skont l-FD, l-Istati Membri għandhom iqisu firxa wiesgħa ta’ benefiċċji fit-tul ta’ miżuri għar-ritenzjoni naturali tal-ilma. Dawn għandhom jitqiesu wkoll matul il-valutazzjoni tal-aħjar għażliet ambjentali meħtieġa skont l-Artikolu 4.7 tad-WFD għal proġetti li jbiddlu fiżikament il-korpi tal-ilma.

L-implimentazzjoni tal-FD s’issa turi sinjali inkoraġġanti ta’ progress. Meta wieħed iqis l-approċċ tal-qafas tad-Direttiva, is-suċċess finali tagħha se jiddependi fuq l-ambizzjoni tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni soda tal-pjanijiet tagħhom tal-2015 b’mod li jista’ jitkejjel[42]. Għandhom jitjiebu l-metodi użati għall-identifikazzjoni ta' għargħar sinifikanti potenzjali fil-ġejjieni u l-kwantifikazzjoni tal-impatti potenzjali fil-futur. Il-bidliet klimatiċi u soċjoekonomiċi (eż. it-tifrix urban u l-użu tal-art għall-issiġillar tal-ħamrija) għandhom jiġu kkunsidrati b’mod aktar ġenerali billi huma elementi importanti fl-immaniġġjar tar-riskju tal-għargħar.

It-tieni ċiklu tal-RBMPs jippermetti wkoll li jkun hemm sinerġiji mal-iżvilupp tal-ewwel programm ta’ miżuri skont id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marina. Din id-Direttiva u d-WFD huma kumplimentari u għandhom jiġu implimentati id f’id.

Naħtfu l-opportunitajiet ta’ investiment

L-Istati Membri għandhom jużaw il-ħafna possibbiltajiet biex jappoġġjaw finanzjarjament l-implimentazzjoni tal-PoMs. Dawn jinkludu l-pagamenti għall-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent skont il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali, il-finanzjament mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni skont l-objettivi marbuta mal-ilma u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-proġetti Integrati LIFE, l-appoġġ ta' Orizzont 2020, għall-innovazzjoni fis-settur tal-ilma kif ukoll l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq in-natura biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà relatati mal-ilma u mal-immaniġġjar tar-riskju tal-għargħar. Il-Kummissjoni kkummentat b’mod estensiv dwar il-ftehimiet ta’ sħubija, il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali u dawk operattivi proposti mill-Istati Membri biex jimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-ilħuq tal-objettivi tad-WFD, u b’mod aktar ġenerali l-benefiċċji ambjentali tagħhom, iżda l-użu effettiv tal-fondi huwa r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru u tar-Reġjuni.

Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jużaw l-innovazzjonijiet żviluppati fi ħdan is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni dwar l-ilma u l-produttività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura, u jorbtuhom mal-isfidi fl-implimentazzjoni tad-WFD.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu wkoll jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-Pjan ta' Investiment tal-UE[43] propost mill-Kummissjoni, partikolarment biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ilma.

[1] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L 327, 22.12.2000.

[2] Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52012DC0670.

[3] Fix-xenarju mingħajr adattament (jiġifieri jekk wieħed jassumi l-kontinwazzjoni tal-protezzjoni attwali kontra l-għargħar tax-xmajjar sa perjodu ta' ritorn li bħalissa huwa ta' 100 sena), id-danni tal-UE mill-effett ikkombinat ta’ bidliet klimatiċi u soċjoekonomiċi huma mistennija li jiżdiedu minn EUR 6,9 biljun fis-sena għal EUR 20,4 biljun fis-sena sas-snin 2020, EUR 45,9 biljun fis-sena sal-2050, u EUR 97,9 biljun fis-sena sas-snin 2080. Ara Rojas et al. (2013) Climate change and river floods in the European Union: Socio-economic consequences and the costs and benefits of adaptation, Global Environmental Change 23, 1737–1751 disponibbli fuq http://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378013001416#.

[4] Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji tal-għargħar, ĠU L 288, 6/11/2007.

[5] Ara http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/impl_reports.htm#third.

[6] Rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programmi ta' Miżuri tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; Rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Għargħar.

[7] Rapporti dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċiri tax-Xmajjar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

[8] Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament, ĠU L 372, 27/12/2006; Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L 348, 24/12/2008; Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ĠU L 375, 31/12/1991; Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, ĠU L 135, 30/05/1991; Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334, 17/12/2010; Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ĠU L 330, 5/12/1998; Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm, ĠU L 64, 4/3/2006; Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25/6/2008; Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, ĠU L 309, 24/11/2009.

[9] SWD(2012) 393 finali.

[10] COM(2012) 673 finali.

[11] Meta wieħed iqis is-sitwazzjonijiet differenti madwar il-baċiri tax-xmajjar Ewropej, il-medja tal-UE (madwar 90 % tal-korpi tal-ilma huma mistennija jilħqu status kwantitattiv tajjeb tal-ilma tal-pjan u 77 % status kimiku tajjeb tal-ilma tal-pjan fl-2015) taħbi problemi reġjonali sinifikanti. Barra minn hekk, iċ-ċifri għandhom jiġu interpretati b’kawtela minħabba d-distakki u d-dgħufijiet kbar fil-metodi ta’ valutazzjoni tal-istatus tal-ilma tal-pjan użati minn xi Stati Membri.

[12] COM(2014) 177 finali.

[13] L-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIS) hija proċess miftuħ u kooperattiv li jinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati. Din bdiet fl-2001 u għandha l-għan li tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-WFD.

[14] L-Anness tar-Rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programmi ta' Miżuri tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjonijiet li jridu jitwettqu mill-Istati Membri. Dawn jirriflettu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni u r-riżultati tal-proċess bilaterali.

[15] Dawn jinkludu l-infurzar tal-iskadenzi għall-adozzjoni tal-RBMPs, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni, it-tniġġis diffuż li jirriżulta mill-agrikoltura, l-infrastruttura li mhix konformi mad-WFD, eċċ. bil-koordinazzjoni tal-infurzar tad-Direttivi dwar in-Nitrati u dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi.

[16] COM(2012) 216 finali.

[17] ‘Potential for stimulating sustainable growth in the water industry sector in the EU and the marine sector — input to the European Semester’, RAPPORT Finali tal-Industrija tal-Ilma, Acteon — li għad irid jiġi ppubblikat.

[18] http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/about_en.htm.

[19] COM/2013/0683finali.

[20] Hemm riskju li korp tal-ilma affettwat minn pressjoni sinifikanti ma jiksibx status tajjeb bil-miżuri attwali.

[21]http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Agri-environmental_indicator_-_mineral_fertiliser_consumption.

[22] L-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-1 ta' Mejju 2004. Il-pajjiżi tal-UE-13 ssieħbu wara dik id-data.

[23] Kemm l-ilma tal-maltemp kif ukoll l-għargħar tad-drenaġġ (drenaġġ u ilma tal-maltemp).

[24] Il-miżuri biex jiġu aġġornati jew imtejba l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi industrijali huma rrappurtati bħala tipi ewlenin ta’ miżuri biss f’29 distrett ta’ baċiri tax-xmajjar fi tmien Stati Membri.

[25] Dawn huma jew sustanzi niġġiesa speċifiċi tal-baċiri tax-xmajjar tal-ilma tal-wiċċ jew sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-pjan li, fil-każ tagħhom, l-Istati Membri jistabbilixxu l-valuri ta' limitu.

[26] Eż. il-kobor, il-frekwenza, it-tul ta' żmien tal-flussi, il-mument meta jseħħu u r-rata ta’ tibdil tal-avvenimenti tal-għargħar.

[27] Ara d-dokument ta’ gwida tas-CIS dwar il-flussi ekoloġiċi fl-implimentazzjoni tad-WFD, disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/a3c92123-1013-47ff-b832-16e1caaafc9a.

[28] Fir-rebbiegħa 2015 mistenni joħroġ dokument ta’ gwida tas-CIS dwar il-bilanċi tal-ilma.

[29] Ara l-istudju mwettaq dwar l-applikazzjoni tal-osservazzjoni tad-dinja (Applying Earth observation) bħala appoġġ għall-identifikazzjoni ta’ astrazzjonijiet tal-ilma mhux awtorizzati, disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/fe1bf504-5dc4-4e12-a466-37c3a8c3eab4.

[30] Ara d-dokument tar-riżorsi tas-CIS dwar ir-rabta bejn id-Direttiva dwar l-Għargħar (FD 2007/60/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD 2000/60/KE) disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/b91b99c7-835f-48fe-b0f5-57740b973d4c.

[31] Ara d-dokument ta’ politika tas-CIS dwar l-NWRMs fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/2457165b-3f12-4935-819a-c40324d22ad3.

[32] Minn aktar minn 8 000 żona esposta għal riskji potenzjali sinifikanti ta’ għargħar irrappurtati mill-Istati Membri, bejn wieħed u ieħor disa' każijiet minn kull għaxra huma marbuta mal-għargħar tax-xmajjar u l-biċċa l-kbira jirrapportaw prinċipalement konsegwenzi ekonomiċi negattivi potenzjali.

[33] Sa minn Frar 2015, tliet Stati Membri ma rrapportawx il-mapep tarl-perikli u tar-riskji tal-għargħar.

[34] Il-qasam tal-immaniġġjar tar-riskju huwa qasam eliġibbli ġdid fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni 2014-20, sabiex il-proġetti li jittrattaw il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji marbuta mat-temp u d-diżastri naturali, jkunu jistgħu jiġu kofinanzjati.

[35] Ara r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri 04/2014, "L-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali", http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR14_04/SR14_04_MT.pdf.

[36] Pereżempju l-investimenti mhux produttivi skont l-eks Artikolu 41 tar-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali (1698/2005) użati biex itejbu l-kundizzjoni tax-xtut tal-kanali tal-ilma (eż. il-Fjandri) u biex jirrestawraw l-artijiet mistagħdra (eż. id-Danimarka).

[37] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), ĠU L 277, 21.10.2005.

[38] Għall-perjodu ta’ programmar 2007-2013, il-miżuri relatati mal-ilma skont l-Artikolu 38 tar-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali 1698/2005, ġew attivati fl-2010, meta saru disponibbli l-PoMs skont id-WFD. Fir-rigward tal-miżuri skont l-Artikolu 30 tar-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali 1305/2013, il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2014-2020 fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom ma ġewx approvati u wieħed għad irid jara jekk humiex se jkunu inklużi l-miżuri dwar l-ilma.

[39] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

[40] Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Kawża C-525/12, il-Kummissjoni vs. il-Ġermanja.

[41] Ara d-Dokument dwar l-Aħjar Prattika fil-qasam tat-Tnixxija fuq https://circabc.europa.eu/w/browse/bb786001-ed42-416d-836e-4835481ba508.

[42] Sabiex jitkejjel is-suċċess, huwa importanti li l-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw linji gwida għar-reġistrazzjoni tad-dejta marbuta ma' telf relatat mad-diżastri: http://drr.jrc.ec.europa.eu/LossDataWorkshopOctober2014.

[43] http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_en.htm.

Top