EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014SC0224

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE

/* SWD/2014/0224 final - 2014/ () */

52014SC0224

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE /* SWD/2014/0224 final - 2014/ () */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan is-sommarju eżekuttiv jorbot biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fil-preparazzjoni tiegħu u ma jippreġudikax is-sura finali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni.

1. Definizzjoni tal-Problema

L-iskop ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt huwa li teżamina kemm hemm bżonn ta’ azzjoni ulterjuri tal-UE biex ikompli jiġi żviluppat ambjent komuni ta’ qsim ta’ informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE. Il-funzjonijiet settorjali relevanti li għalihom huwa relevanti dan l-ambjent ta’ qsim huma (1) is-sikurezza marittima (inklużi t-tiftix u s-salvataġġ), is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis ikkawżat minn bastimenti, (2) il-kontroll tas-sajd, (3) it-tħejjija u r-rispons għal tniġġis marittimu, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu (4) id-dwana, (5) il-kontroll tal-fruntieri, (6) l-infurzar ġenerali tal-liġi u (7) id-difiża.

Il-perikli u r-riskji li dejjem qed jikbru u li għalihom huwa espost id-dominju marittimu tal-UE, qed jixħtu piżijiet addizzjonali fuq l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima tal-Istati Membri tal-UE biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-UE u l-popolazzjoni tagħha. Il-volum ta’ xogħol addizzjonali li dawn l-awtoritajiet jaffaċċjaw mhuwiex kopert minn riżorsi addizzjonali, u għalhekk dawn ikollhom isiru iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-kostijiet.

Il-qsim attwali ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima mhuwiex ottimali u jista’ jwassal għal nuqqas ta’ effiċjenza, sforzi doppji fil-ġbir ta’ dejta u kostijiet operazzjonali żejda. F’ħafna każijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni ma jseħħx għaliex (1) l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima ma jafux li l-informazzjoni hija disponibbli xi mkien; (2) l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima ma jafux li għandhom informazzjoni li tinteressa lil oħrajn u (3) jitqies li huwa kumpless wisq biex dan isir.

Rabta li tkun teħtieġ żvilupp ulterjuri, li tibni fuq soluzzjonijiet u żviluppi eżistenti, hija relatata ma’ standards komuni li jippermettu għall-interoperabilità ta’ sistemi settorjali u servizzi ta’ informazzjoni li tinqara minn magna. Dan ikompli jsaħħaħ il-possibbiltajiet sabiex dawn l-awtoritajiet ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ħidma operattiva tagħhom, bl-effett indirett li dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jsaħħu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tagħhom meta jwettqu l-kompiti operattivi tagħhom. Dan imur lil hinn minn sempliċi skambju ta’ dejta mhux ipproċessata (eż. pożizzjonijiet tal-bastimenti) fl-iżvilupp issoktat tas-servizzi ta’ informazzjoni (eż. stampa tas-sitwazzjoni marittima, rapport ta’ analiżi, lista ta’ bastimenti suspettużi, analiżi tar-riskju, identifikazzjoni ta’ anomaliji, informazzjoni estiża fuq inċidenti kbar, kapaċitajiet ta’ rispons, għodod kollaborattivi) bejn setturi u fruntieri li jħaffu l-kompiti tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali fil-kopiti tagħhom ta’ kuljum.

Għalkemm sar titjib lejn il-qsim aħjar ta’ informazzjoni u ħafna iktar setturi qed jibdew jaqsmu informazzjoni ma’ xulxin, mhux is-setturi kollha involuti fl-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima pprovdew għall-qsim tat-tali servizzi ta’ informazzjoni ma' setturi/funzjonijiet oħrajn. Qasam partikolari fejn l-iskambju ta’ informazzjoni għadu mhuwiex ottimali huwa l-iskambju bejn l-awtoritajiet ċivili u militari.

Ġew identifikati tliet kawżi ewlenin għal din is-sitwazzjoni mhux ottimali:

Kawża 1: Limitazzjonijiet legali reali jew perċepiti u inċertezza legali fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-setturi relevanti tas-sorveljanza marittima.

Kawża 2: Nuqqas ta’ ambjent informatiku xieraq li jiżgura l-interkonnettività ta’ sistemi eżistenti u futuri.

Kawża 3: Xkiel kulturali u amministrattiv kontra l-iskambju xieraq ta’ informazzjoni li għadu persistenti.

Il-partijiet ikkonċernati affettwati huma madwar 400 awtorità li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mal-informazzjoni tas-sorveljanza marittima. Essenzjalment, dawn huma awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE, iżda jinkludu wkoll għadd ta’ Aġenziji tal-UE (bħall-EFCA, il-FRONTEX, l-EMSA u l-EDA).

L-intervent pubbliku huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà aħjar bejn is-sistemi eżistenti ma’ standards komuni għall-iskambju ta’ servizzi ta’ informazzjoni li tinqara minn magna, li se jkunu kapaċi jissodisfaw sfidi ġodda u jindirizzaw il-problemi identifikati. Ir-riżultat tan-nuqqas ta’ intervent ikun li perikli u riskji ikbar ma jkunux indirizzati bl-iktar mod effettiv, jippersistu kunflitti potenzjali bejn objettivi politiki ċentrali tal-UE u jibqgħu jsiru sforzi doppji fil-ġbir ta’ dejta.

2. Analiżi tas-sussidjarjetà

L-għażliet preferiti fil-valutazzjoni tal-impatt huma għażliet li ma jorbtux legalment (Dokument ta’ komunikazzjoni u gwida) li ma jeħtiġux id-definizzjoni tal-bażi legali.

Il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE diġà ġie rikonoxxut sew f’konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’bosta avvenimenti u konsultazzjonijiet oħrajn; hemm rieda qawwija min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex dan il-proġett jimxi ’l quddiem. Barra minn hekk, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-qsim transnazzjonali ta’ informazzjoni, primarjament bejn l-awtoritajiet tal-istess settur, diġà huma rregolati fil-livell tal-UE. Barra dan, hemm għadd ta’ Aġenziji tal-UE involuti fl-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima.

Fl-istess ħin, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa ferm relevanti f’dan il-każ. Għalkemm l-azzjoni tal-UE fil-mira hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi attwali, l-aspetti operazzjonali ta’ kwalunkwe ambjent komuni futur ta’ qsim ta’ informazzjoni jridu jiġu deċentralizzati. Għalhekk, essenzjalment, ir-rwol tal-UE għandu jkun li taġixxi bħala faċilitatur u għandha tiffoka fuq aspetti transnazzjonali mingħajr ma tidħol fi kwistjonijiet organizzazzjonali nazzjonali.

3. Objettivi

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva politika huwa li tiżgura li l-informazzjoni u s-servizzi ta’ sorveljanza marittima miġburin minn settur marittimu wieħed u meqjusin neċessarji u siewja għall-attivitajiet ta’ setturi marittimi oħrajn jistgħu jiġu maqsuma b’mod effiċjenti ma’ dawk is-setturi.

Il-kisbiet attwali u l-istandards diġà eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni se jkunu l-punt ta’ tluq, u l-ħidma għandha tiffoka fuq l-iżgurar tal-interoperabbiltà tal-iskambji ta’ informazzjoni rregolati fil-livell tal-UE, bil-għan partikolari li jipprovdu lill-Istati Membri b’soluzzjonijiet interoperabbli li jistgħu japplikaw fil-livell nazzjonali. Objettiv partikolari jkun li jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet ċivili u militari.

Skambju ta’ informazzjoni msaħħaħ bejn is-setturi huwa mistenni jikkontribwixxi għal prospettiva aħjar tal-għarfien tad-dominju marittimu għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima f’livell nazzjonali u tal-UE u konsistenza ikbar bejn il-politiki tas-settur b’konformità mal-Politika Marittima Integrata tal-UE.

L-iskambju previst ta’ informazzjoni bejn is-setturi se jkollu jirrispetta l-istess regoli u prinċipji bħall-iskambji ta’ dejta fi ħdan is-setturi, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta din il-liġi tal-UE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti għall-protezzjoni ta’ dejta kummerċjali sensittiva.

L-ewwel objettiv speċifiku huwa li jiġu identifikati l-limitazzjonijiet legali reali jew perċepiti bejn is-setturi għall-iskambju ġġustifikat ta’ informazzjoni u servizzi ta’ sorveljanza marittima.

It-tieni objettiv speċifiku huwa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-soluzzjonijiet informatiċi relevanti użati mill-atturi fis-sorveljanza marittima bl-użu ta’ standards u speċifikazzjonijiet komuni.

It-tielet objettiv speċifiku huwa li tissaħħaħ il-kunfidenza sabiex l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima ta’ setturi differenti jingħaqdu flimkien u jfittxu kooperazzjoni aħjar, fost l-oħrajn permezz ta’ missjonijiet konġunti, taħriġ u proċeduri operazzjonali komuni u qsim tal-aħjar prattiki.

4. Għażliet Politiċi

Il-mistoqsija li trid titwieġeb f’din il-valutazzjoni tal-impatt hija kif jista’ jinkiseb skambju ta’ informazzjoni msaħħaħ bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima. Kien previst spettru sħiħ ta’ għażliet possibbli biex jiġi żgurat skambju ottimali ta’ informazzjoni tas-sorveljanza marittima fi ħdan u bejn is-setturi.

L-għażliet politiċi miżmumim policy tqassmu fi tliet kategoriji differenti

•        Ebda azzjoni ulterjuri tal-UE;

•        Miżuri volontarji; u

•        Miżuri li jorbtu legalment.

Ġew ivvalutati tliet subgħażliet differenti għall-miżuri volontarji:

L-istabbiliment ta’ Komunikazzjoni:

Essenzjalment, l-iskop ta’ dan l-istrument ikun li jipprovdi pjan direzzjonali biex ikompli jiġi żviluppat ambjent komuni ta’ qsim ta’ informazzjoni.

L-istabbiliment ta’ inizjattivi politiki mhux vinkolanti bħal dokument ta’ gwida u l-aħjar prattiki

L-iskop ta’ dan id-dokument ikun li jipprovdi rakkomandazzjonijiet, linji gwida u l-aħjar prattiki dwar il-qsim ta’ informazzjoni u jħeġġeġ il-kooperazzjoni ikbar bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE biex jiġi indirizzat ix-xkiel kulturali.

L-istabbiliment ta’ impriża konġunta skont l-Artikolu 187 tat-TFUE

L-iskop tat-tali impriża jkun li tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni u r-riċerka tal- partijiet interessati kollha biex jiżviluppaw ġenerazzjoni ġdida ta’ servizzi ta’ informazzjoni tas-sorveljanza marittima kif ukoll biex irawmu kooperazzjoni ċivili u militari biex b'hekk jissaħħu l-prestazzjoni u l-kosteffiċjenza tas-sorveljanza marittima.

Ġew ivvalutati tliet subgħażliet differenti għall-miżuri li jorbtu legalment:

L-istabbiliment ta’ pakkett politiku fi ħdan il-qafas leġiżlattiv eżistenti

L-iskop ta’ inizjattiva bħal din ikun li jiġu previsti emendi, jekk neċessarji, fir-regoli eżistenti tas-settur tal-UE li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mas-sorveljanza marittima. Ma tipprevedix l-adozzjoni ta’ strument ġdid fil-livell tal-UE, u lanqas ma tindirizza l-limitazzjonijiet legali fil-livell nazzjonali.

L-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv transettorjali għall-qsim ta’ informazzjoni (Regolament)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament ikun li jdaħħal fis-seħħ qafas leġiżlattiv li jorbot legalment li ma jfittixx biss li jindirizza l-limitazzjonijiet legali u jintroduċi standards tal-interoperabbiltà teknika tas-subgħażla preċedenti, iżda li jdaħħal fis-seħħ ukoll pedamenti oħrajn tas-CISE b’mod li jorbot legalment.

L-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv transettorjali għall-aspetti tekniċi

L-iskop ta’ dan ir-Regolament tekniku jkun li jidħlu fis-seħħ l-istandards neċessarji tal-interoperabbiltà għall-iskambju madwar l-UE ta’ servizzi ta' informazzjoni.

5. Valutazzjoni tal-Impatti

Il-valutazzjoni tal-għażliet politiċi differenti saret fl-erba’ passi li ġejjin:

•        Valutazzjoni kwalitattiva ta’ kull għażla politika.

•        Valutazzjoni kwantitattiva tal-valur miżjud potenzjali ta’ kull għażla politika u tal-implimentazzjoni tal-potenzjal sħiħ ta’ Ambjent Komuni għall-Qsim ta’ Informazzjoni bħala tali.

•        Valutazzjoni tal-impatti ta’ dawn l-għażliet fuq id-drittijiet fundamentali.

•        Valutazzjoni tal-ispejjeż.

Il-valutazzjoni kwalitattiva kkonkludiet li għażliet volontarji ta’ Komunikazzjoni u dokument ta’ gwida bl-aħjar prattiki jikkostitwixxu l-aħjar għażliet sabiex jiġu żgurati l-effettività, il-koerenza fil-kisba tal-objettivi, u b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ċivili u militari.

Fost l-għażliet li jorbtu legalment, l-emenda tal-leġiżlazzjoni settorjali tidher li hija l-għażla effiċjenti biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet legali fil-livell tal-UE. Regolament komplut sab appoġġ limitat fost il-partijiet ikkonċernati u jidher kumpless wisq għall-iskop maħsub, u għalhekk huwa sproporzjonat.

Il-valutazzjoni kwantitattiva tikkonkludi li l-potenzjal tal-impatt sħiħ ġenerali tas-CISE huwa stmat f’medda ta’ bejn EUR 1.6 biljun u EUR 4.2 biljun fuq għaxar snin.

Analiżi tar-riskju mwettqa fir-rigward tal-isfidi, ir-riskji, it-theddid u l-vulnerabbiltajiet fiż-żoni marittimi ta’ madwar id-dinja li huma ta’ interess għall-Ewropa (inkluż il-Baltiku, il-Baħar Ċeltiku tat-Tramuntana, Biscay/l-Iberja, il-Baħar l-Iswed, il-Mediterran, l-Oċean Artiku, l-ibħra barra l-Ewropa u l-Ibħra Miftuħa) ikkonkludiet li t-tisħiħ tal-għarfien u t-titjib tal-għarfien tas-sitwazzjoni marittima jistgħu jwasslu għat-tnaqqis tat-theddidiet u r-riskji b’medja ta’ 30%, filwaqt li ovvjament dan l-effett mhuwiex se jkun uniformi mat-tip ta’ riskju u ż-żoni marittimi differenti ta’ interess Ewropew.

Il-valutazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali kkonkludiet li l-ebda waħda mill-għażliet ma għandha xi impatt sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali. Madankollu, jekk iktar tard jittieħdu miżuri leġiżlattivi, l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali se jkollu jiġi vvalutat iktar f’dak l-istadju.

Il-valutazzjoni tal-ispejjeż ikkonkludiet li l-ispiża totali fuq 10 snin għall-għażla preferita hija stmata għal EUR 133 miljun. L-ispiża ċentrali tal-UE tammonta għal EUR 26 miljun u l-ispiża fil-livell tal-Istati Membri tammonta għal EUR 107 miljun fuq 10 snin.

 

L-ispiża għall-iżvilupp ulterjuri tas-CISE tiddependi ħafna fuq kif kull Stat Membru jixtieq jorganizza lilu nnifsu b’mod intern biex jiġi konness mal-ambjent, mill-għadd ta’ servizzi ta’ informazzjoni li se jiġu pprovduti fl-ambjent u mill-varjetà kbira ta’ sistemi informatiċi eżistenti u ppjanati.

6. Tqabbil tal-Għażliet

|| || Effettività fuq terminu qasir fil-kisba tal-objettivi || Benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq terminu qasir || Effettività fuq terminu twil fil-kisba tal-objettivi || Benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq terminu twil* || Spiża

Għażla 1 || Xenarju ta’ referenza || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Għażla 2 || Komunikazzjoni || +++ || +++ || +++ || +++ || €

Dokument ta’ gwida permezz ta’ rakkomandazzjoni || +++ || +++ || +++ || +++ || €€

Impriża konġunta || ++ || + || +++ || +++ || €€€

Għażla 3 || Emendi tal-leġiżlazzjoni settorjali || ++ || + || ++ || ++ || €€

Regolament transettorjali || + || + || +++ || +++ || €€

|| Regolament tekniku || ++ || ++ || ++ || ++ || €€

0: ebda bidla meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza; +: żieda limitata meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza; ++: żieda moderata meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza; +++: żieda qawwija meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza

Konklużjoni

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li mhuwiex se jkun possibbli li jintlaħaq l-objettiv definit permezz ta’ għażla politika waħda. L-għażliet li jorbtu legalment jistgħu jindirizzaw il-limitazzjonijiet legali u tekniċi iżda mhux għas-seba’ funzjonijiet settorjali kollha kemm huma u barra minn hekk ma jistgħux jeliminaw ix-xkiel kulturali. B’mod partikolari, l-iskambji msaħħa ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari ma jistgħux jiġu indirizzati b’din l-għażla. L-għażliet li ma jorbtux legalment huma l-iktar xierqa biex jiġi indirizzat ix-xkiel kulturali (li donnu huwa l-ikbar ostakolu għall-iskambju ta’ informazzjoni tal-inqas fit-terminu l-qasir) u jistgħu jitqiesu siewja fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet prattiċi li jistgħu jinvolvu s-seba’ funzjonijiet kollha kemm huma u b’hekk isaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari. Madankollu, dawn l-għażliet ma jirnexxilhomx jindirizzaw il-limitazzjonijiet legali u x-xkiel tekniku.

Għalhekk, l-aqwa soluzzjoni tidher li tinsab f’taħlita ta’ bosta għażliet f'terminu qasir, medju u twil.

 

Jidher li l-aħjar mod kif tiġi implimentata din il-ħidma f'terminu qasir huwa li tiġi kkunsidrata l-pubblikazzjoni ta’ Komunikazzjoni li tipprovdi pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni u tidentifika f’termini konkreti l-ħidma meħtieġa marbuta ma’ perjodu ta’ żmien korrispondenti.

Azzjoni bħal din għandha tkun segwita f'terminu qasir minn dokument ta’ gwida li jindirizza l-ewwel u qabel kollox ix-xkiel kulturali u li jistabbilixxi l-aħjar prattiki għall-qsim ta’ informazzjoni.

Is-subgħażla fuq l-indirizzar ta’ limitazzjoni legali u teknika permezz ta’ emendi tal-leġiżlazzjoni eżistenti maż-żmien tidher li hija l-iktar waħda proporzjonata u aċċettabbli għall-partijiet interessati sabiex tiġi evitata azzjoni eċċessiva tal-UE.

Regolament tekniku jista’ jkun soluzzjoni fit-tul sabiex jiġi skjerat standard b’mod koerenti.

Għaldaqstant, l-għażla preferita tkun taħlita tal-għażliet 2.1, 2.2, possibbilment flimkien ma’ 3.1 u 3.3 jekk it-tali azzjoni titqies li hija neċessarja.

Konsegwentement, huwa stmat li, meta mqabbla max-xenarju ta’ referenza, din it-taħlita ta’ politiki tista’ tilħaq 80 % tal-potenzjal sħiħ tal-proġett tas-CISE, filwaqt li jiġġarrbu EUR 133 miljun TCO li jsarrfu f’EUR 151 miljun fi spejjeż iffrankati, impatt ta’ benefiċċju ta’ EUR 460 miljun u b’hekk tista’ tipprovdi impatt pożittiv akkumulat progressiv minimu ta’ EUR 611 miljun tul l-ewwel għaxar snin li matulhom iseħħ it-twaqqif progressiv tas-CISE.

B’mod ġenerali huwa stmat li CISE se jġib impatt ta’ benefiċċju f’medda ta’ bejn EUR 160 miljun fis-sena u EUR 420 miljun fis-sena tul l-għaxar snin li ġejjin.

7. Monitoraġġ u Evalwazzjoni

L-inizjattiva tkun trid tiġi ssorveljata u evalwata kull ċertu żmien, billi jintużaw indikaturi biex titkejjel iż-żieda relattiva tal-flussi ta’ dejta u l-effiċjenza ikbar tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima.

Top