EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0163

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008

/* COM/2014/0163 final - 2014/0095 (COD) */

52014PC0163

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008 /* COM/2014/0163 final - 2014/0095 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-qafas tal-kooperazzjoni intergovernattiva ta’ Schengen, ġew stabbiliti regoli dettaljati dwar id-dħul u l-waqfien ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal mhux aktar minn tliet xhur f’perjodu ta’ sitt xhur (l-hekk imsejħa soġġorni qosra).[1] Dan sar bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà taż-żona Schengen[2] u d-dritt ta' moviment ħieles fi ħdanha, inkluż għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn ir-regoli kienu mbagħad żviluppati aktar u konsolidati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam. Għall-finijiet ta’ din il-proposta, l-elementi ewlenin tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ huma dawn li ġejjin:

– Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u l-emendi sussegwenti tiegħu[3], fost l-oħrajn, jistipulaw il-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorni qosra;

– Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 (ir-Regolament dwar il-Viża) u l-emendi sussegwenti tiegħu[4] jistabbilixxi lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni għal soġġorni qosra, u lista ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit;

– Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 (Kodiċi dwar il-Viżi) u l-emendi sussegwenti tiegħu[5] jistabbilixxu proċeduri u kundizzjonijiet armonizzati għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viża għal żjajjar qosra u l-ħruġ tal-viżi;

– Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen[6] (CISA), u l-emendi tagħha jistabbilixxu l-prinċipju ta’ "rikonoxximent reċiproku" ta’ viżi għal żjajjar qosra. Huma jipprovdu wkoll id-dritt ta’ moviment liberu għal mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza validu jew viża nazzjonali valida għal soġġorn fit-tul maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri.[7]

Naturalment iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibqgħu aktar minn tliet xhur jew 90 jum fiż-żona ta’ Schengen, iżda dan ma għandux isir fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar soġġorni qosra. Din l-estensjoni teħtieġ residenza f’wieħed mill-Istati Membri, għalhekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom japplikaw għal permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul mill-Istat Membru kkonċernat. Permessi bħal dawn huma marbuta b'għan, maħruġa għal skopijiet ta’ impjieg, negozju, studju, riunifikazzjoni tal-familja, eċċ., iżda fil-prinċipju, mhux għat-turiżmu. Ma hemm l-ebda regoli ġenerali, orizzontali fil-livell tal-UE li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew viżi għal soġġorn fit-tul, iżda hemm direttivi settorjali li jkopru kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, pereż. ħaddiema jew studenti. Madankollu, dawn id-Direttivi ma jipprovdux armonizzazzjoni sħiħa u jħallu lill-Istati Membri lok għall-immanuvrar biex jipprovdu għal eċċezzjonijiet u derogi u jispeċifikaw ċerti dettalji fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Il-“limitazzjoni” 90 jum/180 jum fl-acquis ta’ Schengen mhix unika fil-liġi tal-barranin. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-barranin tradizzjonalment tiddistingwi bejn l-entrati għal soġġorni qosra (xahar, tliet xhur, sitt xhur) - “viżitaturi” - partikolarment għat-turiżmu u b’inqas kundizzjonijiet stretti mehmuża, u l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jirrisjedu għal aktar żmien minħabba xogħol, studju, eċċ. fejn japplikaw kundizzjonijiet aktar stretti.  F'kull każ, irrispettivament mil-linja diviżorja bejn żjajjar qosra u residenza u l-kundizzjonijiet imposti dwar il-barranin, il-leġislazzjoni nazzjonali tipprovdi l-awtorizzazzjonijiet xierqa għad-dħul, is-soġġorn u r-residenza, minkejja t-tul ta’ soġġorn previst fit-territorju ta’ Stat Membru (viżi b’tulijiet differenti ta’ validità, l-estensjoni tal-viżi, permessi ta’ residenza temporanja, permessi ta’ residenza permanenti, eċċ.).

L-acquis attwali ta' Schengen u ta’ migrazzjoni tal-UE, madankollu, ma jipprovdux sistema li tkopri kull tip ta’ soġġorn previst komparabbli mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għal raġunijiet legali u politiċi, kif deskritt hawn fuq, l-acquis ta’ Schengen ikopri soġġorni qosra fit-territorju tal-Istati Membri kollha, filwaqt li strumenti legali tal-UE żviluppati fil-qasam tal-immigrazzjoni/politika tal-ammissjoni stabbilit il-qafas għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitħallew jidħlu għal waqfien ta’ aktar minn tliet xhur fit-territorju tagħhom stess.

Iż-żona Schengen espandiet għal 26 pajjiż u ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħat-turisti, l-artisti li jagħtu wirja diretta, ir-riċerkaturi, l-istudenti, eċċ., għandhom raġunijiet leġittimi biex jivvjaġġaw f'din iż-żona għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum mingħajr ma jitqiesu bħala "immigranti". Ma jridux u/jew ma għandhomx bżonn jirrisjedu fi Stat Membru partikolari għal perjodu itwal minn tliet xhur. Madankollu, ma hemm l-ebda viża ta' "Schengen" jew awtorizzazzjoni oħra li tippermetti soġġorn għal iktar minn tliet xhur jew 90 jum fiż-żona Schengen.

Matul is-snin, il-Kummissjoni rċiviet ħafna lmenti u talbiet għal soluzzjonijiet rigward din il-problema mingħand ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sew dawk li jeħtiġilhom viża u dawk li huma eżentati mill-obbligu ta' viża. Il-"limitazzjoni" ta' 90 jum/180 jum setgħet kienet xierqa għad-daqs tal-ħames membri fundaturi tal-kooperazzjoni ta’ Schengen. Madankollu, meta ż-żona Schengen issa hija ffurmata minn 26 Stat Membru, dan joħloq ostaklu konsiderevoli għal ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom interessi leġittimi li jivvjaġġaw fl-Istati Membri. Dan iwassal ukoll għat-telf ta' opportunitajiet ekonomiċi għall-Istati Membri.

Il-karatteristika ewlenija tal-vjaġġaturi li qed jirrapurtaw xi problemi hija li għandhom l-intenzjoni li “jduru madwar” l-Ewropa/l-Istati Membri. Huma jixtiequ jibqgħu aktar minn 90 jum (f'kull 180 ġurnata) fiż-żona Schengen. Għalhekk, jekk huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża, ma jistgħux japplikaw għal viża ta’ waqfa qasira, viża ta' "Schengen", peress li dawn jinħarġu biss għal vjaġġi ta’ massimu ta’ 90 jum konsekuttivi. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr viża, bħala regola, ukoll mhumiex intitolati li jagħmlu dan. Iżda l-ebda kategorija ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi ma għandha l-ħsieb li toqgħod għal aktar minn 90 jum fi kwalunkwe Stat Membru, għalhekk ma jistgħux jiksbu viża "nazzjonali" għal soġġorn fit-tul[8], jew permess ta’ residenza.

Din il-lakuna bejn l-acquis ta’ Schengen u r-regoli ta’ immigrazzjoni nazzjonali u tal-UE tfisser li dawn il-vjaġġaturi għandhom, fil-prinċipju, jitilqu miż-żona Schengen fl-aħħar jum tas-soġġorn ta’ 90 jum konsekuttivi tagħhom u "jistennew" għal 90 jum barra l-Istati Membri qabel ikunu jistgħu jerġgħu lura għal soġġorn legali ieħor. Din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mit-tħassib dwar is-sigurtà tal-Istati Membri u mhix fl-interessi ekonomiċi, kulturali u edukattivi tagħhom.

B’mod partikolari, assoċjazzjonijiet u gruppi ta’ interess tal-artisti li jagħtu wirja diretta jenfasizzaw li ta’ sikwit ikollhom diffikultajiet fl-organizzazzjoni ta’ żjarat fl-Ewropa minħabba l-"limitazzjoni" taż-żjara għal 90 jum/180 jum. Il-kumpaniji ta' dawn l-artisti ġeneralment ma jkunux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ residenza li tippermetti li l-artisti, il-persunal u l-membri tal-familja tagħhom jiksbu viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta’ residenza. Peress li l-persunal ta’ tali kumpaniji spiss ikun imħarreġ u speċjalizzat ħafna, mhix faċli biex jiġu sostitwiti, jew jiġu involuti bosta spejjeż u problemi. Skont l-eżempji pprovduti mill-Assoċjazzjoni Ewropea taċ-Ċirku (European Circus Association, ECA) it-telf ta’ dħul għal kull impenn (jiġifieri għal kull belt fejn jieħu sehem grupp magħruf) kien ta’ madwar EUR 380 000 f’eżempju wieħed u EUR 920 000 f’ieħor (l-impjieg lokali għall-ushers, konċessjoni, timijiet ta’ tindif, kiri ta' siti, taxxi u miżati, fornituri lokali, printers, il-kummerċjalizzazzjoni, servizzi, lukandi u ristoranti, servizzi tat-trasport lokali, pagi u salarji mħallsa f’kull belt). L-ECA irrappurtat ukoll każijiet fejn kumpanija kellha tissostitwixxi/iddawwar l-artisti u l-ekwipaġġ biex jikkonformaw mal-"limitazzjoni" taż-żjara. F’każ wieħed, is-sostituzzjoni ta' 36 membru tal-persunal swiet lill-kumpanija madwar EUR 110 000. Skont il-Performing Arts Employers Associations League Europe (Pearle*) in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni "alternattiva" lill-UE tiswiha bejn EUR 500 miljun u EUR 1 biljun fis-sena li hija sinifikanti fil-kuntest finanzjarju u ekonomiku attwali.

L-aġenziji tal-ivvjaġġar, kif ukoll għadd ta’ mistoqsijiet indirizzati lill-Kummissjoni, jissuġġerixxu li aktar u aktar vjaġġaturi "individwali" (studenti, riċerkaturi, artisti u professjonisti tal-kultura, pensjonanti, nies tan-negozju, il-fornituri tas-servizzi, eċċ.) għandhom ukoll interess qawwi sabiex ikunu permessi jiċċirkolaw għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fiż-żona Schengen.

Barra minn hekk, hemm ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà qed jgħixu fiż-żona Schengen b'viża għal soġġorn fit-tul jew permess ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru li jeħtieġu jew jixtiequ jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra matul is-soġġorn tagħhom jew wara. Pereżempju, studenti biċ-ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu jridu jivvjaġġaw fiż-żona Schengen wara li jtemmu l-istudji tagħhom, għal, pereżempju, sitt xhur qabel jirritornaw lura lejn pajjiżhom. Skont l-Artikolu 21 tas-CISA, dawn il-persuni, fil-prinċipju, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fl-Istati Membri fuq il-bażi tal-viża valida għal soġġorn fit-tul jew permess ta’ residenza tagħhom, iżda l-"limitazzjoni" ta' 90 jum/180 jum tapplika wkoll għalihom.

Ir-regola ġenerali ma toħloqx problemi għall-maġġoranza kbira ta’ vjaġġaturi u għandha tinżamm. Iżda sa mill-2001, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li tikkumplimentaha billi tintroduċi awtorizzazzjoni għal mawriet ta’ aktar minn tliet xhur fiż-żona Schengen. Hija pproponiet Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu ħielsa li jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu li ma' jaqbżux it-tliet xhur, u li tintroduċi awtorizzazzjoni speċifika għall-ivvjaġġar u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' dħul u ċaqliq għal perjodi li ma' jaqbżux is-sitt xhur[9].

Il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar speċifika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jippjanaw li jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur f'kull perjodu ta' 12-il xahar. L-awtorizzazzjoni kienet tippermetti soġġorn ta’ sitt xhur konsekuttivi fiż-żona Schengen, iżda l-benefiċjarji ma kienux se joqogħdu għal aktar minn tliet xhur fi Stat Membru wieħed. Il-proposta, — li kienet tkopri diversi kwistjonijiet oħra, pereż. it-tkeċċija — kienet irtirata formalment mill-Kummissjoni f'Marzu 2006. It-tħassib ewlieni tal-Istati Membri f’dak iż-żmien kienu l-bażi ġuridika u l-burokrazija antiċipata relatati mal-permess previst. Xi wħud minnhom ma qablux mal-pjan li jiġi introdott permess għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża għal żjara qasira għaliex huma qiesu li dan seta' jaffettwa l-integrità tar-reġim ta’ viżi għal żjajjar qosra.

Il-lakuna leġiżlattiva msemmija hawn fuq ma tħallix għażla oħra lill-Istati Membri ħlief li jkunu flessibbli bir-regoli u jużaw strumenti ġuridiċi mhux maħsuba biex jawtorizzaw l-"estensjoni" ta' soġġorn fiż-żona Schengen: l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)[10] tac-CISA jew il-ħruġ ta' viżi validi fuq territorju limitat (viżi LTV) skont l-Artikolu 25(1)(b) tal-Kodiċi tal-Viża[11]. Dawn il-prattiki huma deskritti fid-dettal fl-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt[12] li takkumpanja din il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Kodiċi tal-Viża)(recast)[13].

Huwa għalhekk mixtieq li jiġi introdott tip ġdid ta’ viża kemm għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma għandhomx bżonn visa u dawk li jeħtieġuha b’interess leġittimu li jivvjaġġaw madwar iż-żona Schengen għal aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum.

L-għan tal-proposta huwa li jimla l-lakuna leġiżlattiva li hemm fl-acquis ta’ Schengen fuq soġġorni qosra u l-liġi tal-UE/il-liġi nazzjonali dwar ir-residenza fi Stat Membru partikolari permezz ta':

– t-twaqqif ta' tip ġdid ta’ viża ("viża ta' żjara") għal soġġorn intenzjonat f’żewġ Stati Membri jew aktar li jdum iktar minn 90 jum, iżda mhux aktar minn sena (bil-possibbiltà ta’ estensjoni sa sentejn), sakemm l-applikant ma għandux l-intenzjoni li joqgħod għal aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum fl-istess Stat Membru, u

– tiddetermina l-proċeduri ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-viża ta' żjara.

Il-proposta ma tirregolax la l-kundizzjonijiet u l-proċeduri dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorni itwal minn tliet xhur fi Stat Membru, u lanqas il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol jew l-awtorizzazzjonijiet ekwivalenti (jiġifieri l-aċċess għas-suq tax-xogħol).

Għalkemm il-proposta tipprovdi li ħafna mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhom japplikaw għall-ipproċessar tat-tip il-ġdid ta’ viża, hija ġġustifikata proposta separata, aktar milli l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-proposta għall-emenda tal-Kodiċi dwar il-Viża, minħabba li l-ambitu ta’ dan tal-aħħar huma r-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża (ara l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 539/2001).

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Din hija deskritta fil-valutazzjoni tal-impatt (IA) imsemmija fit-Taqsima 1. B'mod ġenerali, il-gruppi ta' interess — b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-artisti — jikkonfermaw li l-lakuna fil-qafas ġuridiku attwali hija impediment serju għall-mobilità, kemm jekk professjonali jew ta’ divertiment u jilqgħu l-introduzzjoni ta’ tip ġdid ta’ viża. Il-maġġoranza tal-Istati Membri, madankollu, tidher li hija xettika dwar il-ħtieġa li jaġixxu minħabba l-grupp limitat ta’ applikanti li tikkonċerna din il-viża l-ġdida. Xi Stati Membri esprimew tħassib dwar il-bażi ġuridika (ara wkoll it-Taqsima 3).

· Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni ta' awtorizzazzjoni li tippermetti ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jibqgħu aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fiż-żona Schengen hija inkluża fil-IA li jakkumpanja l-proposta li temenda l-Kodiċi dwar il-Viżi.

L-IA iqis żewġ għażliet regolatorji.

Waħda mill-għażliet, tip ġdid ta' awtorizzazzjoni bil-ħsieb li żjara ppjanata fiż-żona Schengen li ddum aktar minn 90 jum, iżda mhux aktar minn 360 jum kienet prevista "biss" għal grupp limitat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi: artisti (jew sportivi), professjonisti tal-kultura u l-membri tal-ekwipaġġ tagħhom impjegati minn kumpaniji li jagħtu spettaklu dirett kredibbli u rikonoxxuti jew organizzazzjonijiet ewlenin u l-membri tal-familja li jivvjaġġaw magħhom.. Ir-restrizzjoni tal-benefiċjarji għal dan il-grupp kienet ibbażata fuq il-fatt li jidhru li huma l-grupp ewlieni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi affettwat mil-lakuna leġiżlattiva attwali.

Għażla ta' politika oħra kienet tipprevedi awtorizzazzjoni simili mhux biss għal dik il-kategorija speċifika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi iżda għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi (jiġifieri vjaġġaturi "individwali", pereż. turisti, riċerkaturi, studenti, nies tan-negozju). Minħabba li l-problema hija dovuta għal-lakuna leġiżlattiva bejn l-acquis ta’ Schengen fuq soġġorni qosra fiż-żona Schengen u l-leġiżlazzjoni dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorni itwal minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, ma ġietx żviluppata għażla politika mhux regolatorja.

L-istudju wera[14] li n-nuqqas ta' awtorizzazzjoni li tippermetti lil vjaġġaturi biex jibqgħu aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fiż-żona Schengen tirriżulta f’telf ekonomiku konsiderevoli għall-UE. Skont l-istudju li jappoġġa l-IA, l-għadd ta’ benefiċjarji potenzjali tal-awtorizzazzjoni l-ġdida huwa pjuttost limitat. L-implimentazzjoni tal-ewwel għażla tista' taffettwa madwar 60 000 applikant, filwaqt li t-tieni alternattiva tista’ tirdoppja l-għadd ta’ applikanti potenzjali. Dawn huma pjuttost numri żgħar, meta wieħed iżomm f’moħħu li kien hemm aktar minn 15-il miljun applikazzjoni tal-viża "Schengen" fl-2012 u l-għadd ta’ applikazzjonijiet għadu qed jiżdied b’mod kostanti.

Madankollu, dawn il-vjaġġaturi huma meqjusa bħala "l-aktar li jonfqu" u għalhekk probabbli li jiġġeneraw dħul konsiderevoli u jagħtu spinta lill-attività ekonomika fl-UE, mhux l-anqas għaliex jibqgħu aktar fiż-żona Schengen. L-ewwel għażla tista’ twassal għal stima ta’ EUR 500 miljun fi dħul addizzjonali għaż-żona Schengen kull sena. L-impatt ekonomiku tal-għażla oħra hija stmata għal madwar EUR 1 biljun. Fiż-żewġ għażliet, il-vantaġġ ekonomiku jkun dovut minħabba l-infiq ta’ vjaġġaturi "ġodda" attirati minn opportunità ġdida biex jibqgħu fiż-żona Schengen mingħajr l-"alternattivi" ineffiċjenti dwar linji ta’ demarkazzjoni tal-legalità, bħal pereżempju biex jiksbu viżi VTL.

L-IA wera wkoll li l-ispiża amministrattiva tal-ipproċessar tat-tip ġdid ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx sinifikanti, minħabba l-għadd limitat ta’ applikazzjonijiet mistennija u l-miżata li għandha tintalab. Għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi llum, l-applikazzjonijiet għal viża ġdida jew għal estensjonijiet diġà jfissru spejjeż. Dwar it-tieni għażla, l-IA indika riskju speċifiku: ċerti detenturi tal-awtorizazzjoni l-ġdida jista' jkun ifittxu xogħol fuq is-suq iswed.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

· SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA

L-għan tal-proposta huwa li timla lakuna leġiżlattiva. Għalhekk, l-Artikolu 1 tal-proposta jistabbilixxi tip ġdid ta’ viża, imsejjħa "viża ta' żjara" (viża tat-tip T). Dan l-Artikolu jispeċifika wkoll li r-Regolament ma jaffettwax l-acquis. tal-ammissjoni/l-immigrazzjoni. Dan ifisser, pereżempju, li r-Regolament ma jaffettwax il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-impatt ta’ "assenza" ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fuq il-permessi ta’ residenza tagħhom waqt li jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra fuq il-bażi ta’ viża itineranti. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeżerċitaw l-mobbiltà (intra-UE) skont ir-regoli tal-UE lanqas mhuma koperti mir-Regolament.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi prinċipju fundamentali billi jagħmel kontroreferenza għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS)[15]. Il-viża itineranti hija differenti mhux ħażin mill-viża ta' soġġorn qasir ħafna kif definit fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Viża. Madankollu, hija ferm simili għal viża uniformi għaliex fil-prinċipju, hija valida għat-territorju tal-Istati Membri kollha. It-tip il-ġdid ta’ viża għandu l-istess bażi ġuridika tal-viżi għal żjajjar qosra u permessi, jiġifieri l-Artikolu 77 TFUE. Għalhekk huwa ġġustifikat fil-prinċipju li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-viża għall-viża itineranti. Id-dispożizzjonijiet sussegwenti (l-Artikoli minn 4 sa 9) jispeċifikaw fid-dettall liema dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi japplikaw fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi itineranti, u jistabbilixxu d-derogi minn u r-regoli addizzjonali, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tip ġdid ta’ viża. Għal dak l-għan, l-artikoli sussegwenti jsegwu l-istruttura tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kapitolu b’kapitolu u jikkonfermaw għal kull dispożizzjoni jekk tapplikax u jekk hemmx xi żidiet jew derogi. Peress li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi[16], din il-proposta se tirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-regolament recast propost minflok ir-regolament attwali[17]. Ir-Regolament VIS, kif emendati minn din il-proposta, se japplika bis-sħiħ għall-viża itineranti mingħajr ebda bżonn għal żidiet jew derogi.

L-Artikolu 3 jipprovdi li ċerti definizzjonijiet fil-Kodiċi dwar il-Viżi (pereż. “ċittadin ta’ pajjiż terz”, “sticker tal-viża”, “applikazzjoni”, “konsulat)” japplikaw ukoll għal din il-proposta. Barra minn hekk, huwa jiddefinixxi "viża itineranti" bħala awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’ soġġorn maħsub f'żewġ Stati Membri jew aktar għal total ta' aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum, sakemm l-applikant mhux beħsiebu joqgħod għal aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum[18] fl-istess Stat Membru B'din tal-aħħar "limitazzjoni", l-ammissjonijiet għal soġġorni itwal minn tliet xhur fi Stat Membru wieħed huma esklużi.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tal-Viża dwar l-awtoritajiet li qegħdin jipparteċipaw fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet li għandhom japplikaw għal viża itineranti. L-Artikolu jeskludi l-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għall-viżi itineranti fil-fruntieri esterni, għaliex l-awtorizzazzjoni ta' soġġorn sa massimu ta' sentejn fiż-żona Schengen teħtieġ skrutinju bir-reqqa li qatt ma jista’ jsir fil-fruntieri esterni. Dan l-Artikolu jidderoga wkoll mill-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Viża billi jiddikjara li l-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal viża itineranti għandu jkun l-Istat Membru mal-fruntiera esterna li l-applikant biħsiebu jaqsam biex jidħol fit-territorju tal-Istati Membri. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li għal ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jżuru ż-żona Schengen għal żmien itwal minn 90 jum, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi (id-destinazzjoni ewlenija skont l-għan jew it-tul ta’ soġġorn) bilkemm ikunu japplikaw. L-għan taż-żjara hu, fil-prinċipju, l-istess fl-Istati Membri kollha (pereż. spettaklu dirett jew turiżmu), filwaqt li f’ħafna każijiet, l-applikanti jista’ ma jkunx jafu bil-quddiem it-tul tas-soġġorni tagħhom fi Stati Membri differenti. Fl-aħħar nett l-Artikolu 4 joffri l-possibilità lil ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jippreżentaw applikazzjoni għall-viża itineranti fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu legalment preżenti. Din il-possibiltà hija ġġustifikata, peress li ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ viża għal soġġorni sa massimu ta' 90 ġurnata (soġġorni qosra), għandhom mezzi finanzjarji suffiċjenti u interess leġittimu biex iduru fl-Istati Membri l-oħra għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum filwaqt li jirrisjedu/joqogħdu fi Stat Membru speċifiku (jew minnufih wara tali residenza). Mhuwiex fl-interess la tas-sigurtà u lanqas fl-interess ekonomiku tal-Unjoni li titlob lil dawn il-persuni jħallu ż-żona Schengen biex japplikaw għal viża tal-ivjaġġar fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

L-Artikolu 5 jispeċifika d-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tal-Viżi li huma applikabbli għall-proċess ta’ applikazzjoni għal viża itineranti u jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet addizzjonali u l-eċċezzjonijiet. Dan jeżiġi li l-applikant jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu rikonoxxut mill-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni u mill-inqas Stat Membru ieħor li se jiġi invistat. Kundizzjoni addizzjonali għall-applikanti hija li jippreżentaw kif xieraq prova li huma bi ħsiebhom joqogħdu fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għal aktar minn 90 jum b’kollox mingħajr ma joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ xi wieħed minn dawn l-Istati Membri. L-Artikolu ma jipprovdix derogi mill-Kodiċi dwar il-Viżi rigward it-tariffa tal-viża li se tkun ta’ EUR 60, (jiġifieri t-tariffa standard tal-viża għal applikazzjoni għal viża għal soġġorn qasir). Dan huwa ġġustifikat minħabba li l-kompiti tal-konsulati, irrispettivament minn jekk huma jipproċessawx applikazzjonijiet tal-viża għal soġġorni qosra jew viżi itineranti, huma bażikament l-istess. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward tat-tnaqqis u rinunzja tat-tariffa tal-viża għandhom japplikaw ukoll. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhom japplikaw fir-rigward tat-tariffa li tista’ tiġi imposta minn fornituri tas-servizz esterni u li ma għandhiex taqbeż nofs it-tariffa tal-viża li hija ta' EUR 60.

Kriterju importanti ieħor stabbilit f’dan l-Artikolu huwa li l-applikanti jridu juru li għandhom mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza u sitwazzjoni ekonomika stabbli permezz tad-dikjarazzjoni tas-salarju jew dikjarazzjonijiet bankarji li jkopru perjodu ta’ 12-il xahar qabel id-data tal-applikazzjoni, u/jew dokumenti ta’ sostenn li juru li se jiksbu legalment mezzi finanzjarji suffiċjenti matul is-soġġorn tagħhom (pereż. prova ta’ intitolament għal pensjoni). Skont dan l-Artikolu, l-applikanti fil-pussess ta’ viża itineranti jitħallew japplikaw fl-Istat Membru fejn ikunu legalment preżenti għal permess tax-xogħol (i) meħtieġa sussegwentement fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tfixkel id-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għas-suq tax-xogħol, u ma tirregolax jekk hux meħtieġ permess għax-xogħol jew le; lanqas ma taffettwa l-kundizzjonijiet tal-ħruġ. Din id-dispożizzjoni tirregola biss fejn għandha ssir l-applikazzjoni, sakemm ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jitħalla japplika għal permess tax-xogħol mingħajr ma joħroġ miż-żona Schengen. L-Artikolu jipprevedi ċerti faċilitazzjonijiet proċedurali (jiġifieri li ma jkunx hemm bżonn jiġu ppreżentati ċerti dokumenti ta' sostenn) għal kategoriji speċifiċi ta’ applikanti li jaħdmu għal jew huma mistiedna minn kumpanija, organizzazzjoni jew istituzzjoni affidabbli u rikonoxxuta, b’mod partikolari, f’livell maniġerjali jew bħala riċerkatur, artist, professjonisti tal-kultura, eċċ. Il-partijiet interessati jistqarru li għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, il-proċedura għandha tiffoka mhux biss fuq l-applikant "individwali", iżda wkoll fuq l-istatus affidabbli tal-kumpanija/organizzazzjoni/istituzzjoni li tibagħtu/tilqgħu/tistiednu.

Minbarra r-referenza għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi dwar l-eżaminazzjoni u d-deċiżjoni fuq applikazzjoni li se japplikaw għall-viżi itineranti, id-dispożizzjoni ewlenija fl-Artikolu 6 tgħid li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-istatus finanzjarju tal-applikant: jiġifieri mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-ħajja għall-perjodu kollu tas-soġġorn, inklużi mezzi suffiċjenti biex ikopru l-akkomodazzjoni. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll kalendarju ġenerali ta’ skadenza ta' 20 jum biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Dan huwa aktar miż-żmien tal-ipproċessar attwali għal applikazzjonijiet għal viża ta’ soġġorn qasir u ġġustifikat minħabba l-ħtieġa ta' skrutinju bir-reqqa tal-qagħda finanzjarja tal-applikant.

Hekk kif għandha tiġi ċċarata l-interazzjoni bejn iż-żjarat abbażi ta’ viżi eżistenti għal perjodu qasir, viżi uniformi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza kontra żjarat abbażi ta' viżi itineranti biex jinkorpora t-tip ġdid ta’ viża fis-"sistema", l-Artikolu 6 jippermetti taħlita ta’ vjaġġar abbażi ta’ viża itineranti b'soġġorni minn qabel/futuri soġġorni mingħajr viża, żjarat abbażi ta’ viżi għal żjajjar qosra, viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta’ residenza. Se jkunu introdotti dispożizzjonijiet simili fil-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

L-Artikolu 7 jittratta l-ħruġ tal-viża itineranti, fejn għandhom japplikaw ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kodiċi dwar il-Viżi  L-Artikolu jistipula li l-viża itineranti għandha dejjem tippermetti għadd ta’ daħliet. Rigward it-tul tas-soġġorn awtorizzat — flimkien mal-Artikolu 8 — il-Proposta tipprovdi l-possibbiltà ta’ soġġorn sa massimu ta' sentejn konsekuttivi fiż-żona Schengen għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jippruvaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal tali perjodu twil. Meta jivvaluta applikazzjoni, u b’mod partikolari meta jiġi definiti t-tul ta’ soġġorn awtorizzat, il-konsulati għandhom jikkunsidraw il-fatturi rilevanti kollha, pereżempju l-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża għal soġġorni qosra tradizzjonalment ma joħolqux problemi ta’ immigrazzjoni irregolari jew riskji għas-sigurtà. Il-perjodu ta’ validità tal-viża għandu jikkorrispondi mat-tul tas-soġġorn awtorizzat. Minħabba n-natura tal-viża l-ġdida, l-Artikolu jeskludi l-possibbiltà tal-ħruġ ta’ viża itineranti b’validità limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Viża itineranti, mit-tifsira tagħha, mistennija tippermetti lill-applikanti li jiċċirkolaw f’diversi Stati Membri.

Il-viża itineranti għandha tinħareġ fil-format uniformi (stiker tal-viża) stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1683/95, u għandu jkollu l-ittra "T" bħala indikazzjoni tat-tip tagħha. L-Artikolu 77(2)(a) TFUE jirreferi kemm għal "viżi" u għal "permessi ta’ residenza għal soġġorn qasir". Peress li l-permessi tar-residenza jinħarġu f’format ta’ kard (tal-plastik) skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002[19], u kkunsidrat li l-maġġoranza tal-konsulati tal-Istati Membri mhumiex mgħammra biex joħorġu permessi fil-forma ta’ kard, dan joħloq piż eċċessiv għall-Istati Membri biex ikunu meħtieġa joħorġu awtorizzazzjoni ġdida fil-forma ta’ kard.

L-Artikolu 8 jikkonċerna l-modifika ta’ viża maħruġa, jiġifieri l-estensjoni tagħha, l-annullament jew ir-revoka. Huwa jipprovdi l-possibbiltà li jiġi estiż it-tul ta’ soġġorn awtorizzat għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn. Kuntrarju għad-dispożizzjonijiet għall-estensjoni ta’ viża għal soġġorn qasir, l-applikanti ma għandhomx bżonn jiġġustifikaw ċirkostanzi "eċċezzjonali". Ħafna mill-applikanti potenzjali għal din it-tip ta’ viża (speċjalment artisti li jagħtu spettaklu dirett) spiss ikollhom bżonn jibqgħu għal perjodi twal fiż-żona Schengen mingħajr ma jistabbilixxu residenza f’xi wieħed mill-Istati Membri. Sabiex japplika għall-estensjoni tal-viża itineranti, l-applikant jagħti prova li għadu u jkompli jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul u tal-ħruġ tal-viżi u li s-soġġorn jikkonforma mar-rekwiżit li ma jibqax għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fi Stat Membru wieħed.

L-Artikolu 9 jispeċifika d-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu tal-Kodiċi dwar il-Viżi dwar "Il-ġestjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva” li għandhom japplikaw ukoll għall-fini tal-ħruġ ta’ viżi itineranti. Fil-qafas tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, il-konsulati għandhom jiskambjaw statistika u informazzjoni oħra dwar il-viża itineranti.

L-Artikoli minn 10 sa 16 huma l-hekk imsejħa Artikoli finali u/jew operattivi, li fost oħrajn, jittrattaw l-istruzzjonijiet operattivi dwar l-ipproċessar tal-viżi itineranti (li għaliha se tiġi pprovduta aktar kjarifika fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi u d-dispożizzjonijiet stipulati f’din il-Proposta), monitoraġġ, dħul fis-seħħ, eċċ. L-għan ewlieni tal-emendi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u r-Regolament tal-VIS huwa li “tiġi integrata” l-viża itineranti fl-acquis ta’ Schengen.

L-ewwel u qabel kollox, dan ifisser illi l-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen japplikaw ukoll bħala kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viża itineranti, u barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għall-viża itineranti/il-viżi jiġu rreġistrati fil-VIS. Għandu jiġi nnutat ukoll, madanakollu, li l-proposta tikkonċerna wkoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma eżentati mir-rekwiżit ta' viża għal soġġorn qasir (ara l-Anness II tar-Regolament dwar il-Viża u d-dejta tagħha li mhix irreġistrata fil-VIS) għaliex, fil-prinċipju, il-vjaġġaturi minn dawk il-pajjiżi ma jippreżentawx riskju għas-sigurtà u l-migrazzjoni għall-Istati Membri. Għalhekk, ikkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-ġbir tal-marki tas-swaba’ taċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi (pereż. l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti) mhux ġustifikat. Din l-eżenzjoni hija pprovduta fl-Artikolu 5 u twitti t-triq għall-Istati Membri biex jaċċettaw is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet elettroniċi jew bil-posta għall-viża itineranti minn ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi.

L-Artikolu 12 jitlob spjegazzjoni oħra. Dan parzjalment iħassar l-Artikolu 20(2) tas-CISA, li jgħid li jekk Stat Membru ikkonkluda ftehim bilaterali għall-eżenzjoni tal-viża ma’ pajjiż terz fil-lista fl-Anness II tar-Regolament dwar il-Viża (“il-lista ta' mingħajr viża”) qabel id-dħul fis-seħħ tas-CISA (jew id-data ulterjuri ta’ adeżjoni tal-Istat Membru mal-Ftehim ta’ Schengen), id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim bilaterali jistgħu jservu bħala bażi għal dak l-Istat Membru biex “jestendi” soġġorn mingħajr viża għal aktar minn tliet xhur fit-territorju tiegħu għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat.

Għalhekk, pereżempju, iċ-ċittadini tal-Kanada, New Zealand jew l-Istati Uniti jistgħu jibqgħu f’dawn l-Istati Membri għall-perjodu pprovdut mill-ftehim bilaterali għall-eżenzjoni tal-viża fis-seħħ bejn l-Istati Membri u dawn it-tliet pajjiżi (normalment tliet xhur), minbarra s-soġġorn ġenerali ta’ 90 jum fiż-żona Schengen. Fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi, il-Kummissjoni taf b'bosta ftehimiet bilaterali, jiġifieri li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jibqgħu legalment għal perjodu prattikament illimitat fiż-żona Schengen fuq il-bażi ta’ eżenzjoni ta’ viżi għal żjajjar qosra. New Zealand, pereżempju, għandu 16-il ftehim bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża, u għalhekk minbarra soġġorn mingħajr viża ta’ 90 jum fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-Viża, ċ-ċittadini tiegħu fil-prattika jistgħu jibqgħu fit-territorju taż-żona Schengen għal 51 xahar (tliet xhur flimkien ma’ 48 xahar).

Diġà fl-1998, l-Istati Membri kkunsidraw li soġġorn bla limitu bħal dan ma kienx kompatibbli mal-ispirtu ta’ żona mingħajr fruntieri. Il-Kumitat Eżekuttiv adotta Deċiżjoni dwar l-armonizzazzjoni ta’ ftehimiet dwar it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża[20]. Skont din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri kellhom jintroduċu klawżoli standard fil-ftehimiet bilaterali tagħhom biex jillimitaw it-tul ta’ soġġorn mingħajr viża għal tliet xhur għal kull perjodu ta’ sitt xhur fiż-żona Schengen (aktar milli fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat).

Wara l-inkorporazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qafas Komunitarju bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Artikolu 20(2) tas-CISA mar kontra mhux biss l-ispirtu ta' żona bla fruntieri, iżda sar inkompatibbli wkoll mat-Trattat: L-Artikolu 62(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) isemmi “miżuri li jistabilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri matul perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur". Għalhekk, fl-inizjattiva tal-2001 tagħha "Id-dritt li jivvjaġġaw” il-Kummissjoni pproponiet li jitħassar l-Artikolu 20(2).

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma għadux jillimita ż-“żjara qasira” fiż-żona Schengen għal tliet xhur; ma jispeċifikax it-tul ta’ żmien tagħha. Madankollu, l-Artikolu 20(2) u l-eżistenza ta’ "estensjonijiet ta’ żjarat" bilaterali għadhom inkompatibbli mal-Artikoli 77(2) (a) u (c) tat-Trattat, għaliex il-politika komuni dwar il-viżi ma tistax tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali mill-passat. L-ambitu tal-libertà ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw m’għandux jiddependu fuq in-numru u l-kontenut ta’ ftehim bilaterali konklużi fil-passat. L-istess regoli għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr viża kollha. L-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(2) tqajjem problemi prattiċi u toħloq inċertezza ġuridika kemm għall-awtoritajiet u l-vjaġġaturi, speċjalment meta dawn tal-aħħar jkunu se jitilqu miż-żona Schengen. Barra minn hekk, is-sistema futura ta’ Dħul/Ħruġ teħtieġ regoli ċari u għal raġunijiet tekniċi, ma tistax tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni kontinwa ta’ ftehimiet bilaterali ta’ rinunzja tal-viża meta l-perjodu ta’ soġġorn awtorizzat jrid jiġi vverifikat. Fl-aħħar nett, waħda mill-ideat wara l-introduzzjoni ta’ viża itineranti hija li tipprovdi qafas ġuridiku u awtorizzazzjoni xierqa li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr viża biex jibqgħu fiż-żona Schengen għal aktar minn 90 jum.

Il-proposta tipprovdi għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin sabiex l-Istati Membri "jneħħu" l-impatt tal-ftehimiet bilaterali tagħhom safejn it-tul totali tas-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jseħħ fiż-żona Schengen. Dan jieħu ż-żmien u għandu jiġi rikonoxxut ukoll li ċerti pajjiżi terzi jagħtu importanza kbira biex jinżamm l-istatus quo.

Mil-lat politiku, dan jista’ jiftiehem. Ftehim ta’ rinunzja għall-viża huwa fost dawk l-istrumenti ġuridiċi li jġibu magħhom benefiċċji konkreti u diretti għaċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat. Irid ikun iċċarat illi t-tħassir parzjali tal-Artikolu 20(2) ma jfissirx li dawn il-ftehimiet se jsiru immedjatament u għal kollox inapplikabbli. Barra minn hekk, is-sostituzzjoni tas-sistema eżistenti ta’ estenzjoni ta' soġġorni qosra fuq il-bażi ta’ ftehimiet bilaterali antiki ta’ rinunzja għall-viża b'viża ġdida sa massimu ta' sena— bil-possibilità ta' estensjoni sa massimu ta' sentejn — ma tħallix impatt negattiv fuq ħafna ċittadini Amerikani, Kanadiżi u tan-New Zealand, eċċ. fil-prattika. Ħafna minn dawk li jkunu jridu jibqgħu għal sena jew iktar, huma aktar probabbli li jaħdmu matul dak il-perjodu u għalhekk ikollhom bżonn jistabbilixxu residenza f’wieħed mill-Istati Membri u konsegwentement japplikaw għal viża għal soġġorn fit-tul jew permess ta’ residenza.

· Rabta mal-proposta mressqa fl-istess ħin għal Regolament li jirriformola l-Kodiċi dwar il-Viżi u proposti oħra

In-negozjati dwar il-proposta mressqa fl-istess ħin għal Regolament li jirriformola l-Kodiċi dwar il-Viżi se jkollha impatt fuq din il-proposta, għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati s-sinerġiji meħtieġa bejn dawn iż-żewġ proposti matul il-proċess tan-negozjar. Jekk matul dawn in-negozjati l-adozzjoni f’qafas ta’ żmien simili tidher li tista’ tinkiseb, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tgħaqqad iż-żewġ proposti f'proposta waħda ta’ riformulazzjoni.

Barra minn hekk, fi stadju ulterjuri, jridu jiġu żġurati wkoll sinerġiji mal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ biex tiġi rreġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[21]. Is-suġġett u l-ambitu tiegħu jista’ jeħtieġ bidliet jekk ikun deċiż li tintuża s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ għall-kontroll tad-dħul u l-ħruġ tad-detenturi tal-viża itineranti mal-fruntieri esterni[22].

· Bażi ġuridika

L-Artikolu 77 TFUE jagħti s-setgħa lill-Unjoni biex jaġixxi fuq “permanenza qasira” fiż-żona Schengen. Skont l-Artikolu 77(2) TFUE:

‘[…] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar:

(a) il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta' residenza għal permanenza qasira;

(b) il-kontrolli li huma suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

(c) il-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal żmien qasir;

Din il-proposta tinkludi miżuri dwar kull wieħed minn dawn it-tliet elementi. l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (c) TFUE Għalhekk jidher li huwa l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta.

L-Artikolu 79 TFUE jagħti s-setgħa lill-Unjoni, fil-qafas ta' politika tal-immigrazzjoni komuni, biex tgħaddi liġijiet dwar viżi għal permanenzi fit-tul u permessi ta' residenza li t-tnejn japplikaw għar-residenza ġuridika fl-Istati Membri, jiġifieri għal permanenzi fit-tul fi Stat Membru wieħed. Il-paragrafu introduttorju (1) tal-Artikolu 79 kif ukoll il-paragrafu (2)(b) jirreferu b’mod espliċitu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri. Il-grupp fil-mira ta’ din il-proposta la jrid u lanqas ma għandu għalfejn ikun residenti fi kwalunkwe mill-Istati Membri; pjuttost jixtiequ jivvjaġġaw madwar l-Ewropa, jiġifieri li jiċċirkulaw fiż-żona Schengen, qabel ma jitilqu mill-ġdid. L-Artikolu 79 TFUE għalhekk mhuwiex bażi ġuridika xierqa għall-proposta.

L-Artikolu 62 TKE, li jippreċedi l-Artikolu 77 TFUE, fit-tielet paragrafu tiegħu kien jirreferi għal "miżuri li jistabilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri matul perjodu ta’mhux aktar minn tliet xhur". L-Artikolu 77(2)(c) TFUE ma għadux jillimita "l-perjodu qasir" għal tliet xhur. Din il-bidla ċara fit-Trattat neħħiet ostakolu għall-adozzjoni ta' proposta simili li seta' kien hemm fit-Trattati preċedenti.

Bħala konklużjoni, l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (c) TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa għal din il-proposta, li hija intiża biex tirregola ċ-ċirkolazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żona Schengen u li minnha huma esklużi sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 79 TFUE (ammissjoni għal permanenzi fit-tul fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed). L-aħħar element huwa żgurata permezz tad-definizzjoni proposta skont liema d-detenturi ta’ viżi itineranti m’għandhomx jitħallew joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-istess Stat Membru.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

L-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjara li, f’oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ din il-proposta, il-bżonn għal intervent fil-livell tal-Unjoni huwa ċara ħafna. Kull awtorizzazzjoni li tkun valida fl-Istati Membri kollha tista' tiġi introdotta biss fil-livell tal-UE; ir-"rikonoxximent reċiproku" tal-viżi itineranti ta’ xulxin ma jistax jiġi stabbilit fil-livell nazzjonali. Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-ħruġ għandhom ikunu uniformi għall-Istati Membri kollha. Dan jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li azzjoni mill-Unjoni ma għandhiex teċċedi dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattat. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni tal-UE għandha tippermetti lill-proposta li tilħaq l-għan tagħha u li tkun implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli. Din il-proposta ma fiha l-ebda elementi li ma jkunux relatati direttament mal-għanijiet. Hija wkoll proporzjonali f’termini ta’ spejjeż. Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

· L-għażla ta’ strument

Din il-Proposta se tistabbilixxi tip ġdid ta’ viża li fil-prinċipju għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha u tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ din il-viża. Bħala konsegwenza, jista’ jingħażel biss Regolament bħala strument ġuridiku.

4.           ELEMENTI ADDIZZJONALI

· Parteċipazzjoni

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta' Schengen f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-politika komuna dwar il-viżi. Għalhekk għandhom ikunu kkunsidrati l-konsegwenzi li ġejjin f'relazzjoni mad-diversi protokolli mehmuża mat-trattati u l-ftehimiet ma' pajjiżi assoċjati:

Danimarka: Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri skont it-Titolu V tat-tielet parti tat-TFUE. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f’perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hix se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

Ir-Renju Unit u l-Irlanda: Skond l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 rigward t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ,u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi u b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi). Għalhekk, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhumiex marbutin bis-suġġett tar-Regolament jew l-applikazzjoni tiegħu.

L-Islanda u n-Norveġja: Il-proċeduri stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Kunsill u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-eżekuzzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis  ta’ Schengen huma applikabbli, peress illi l-proposta preżenti hija bbażata fuq l-acquis ta’ Schengen kif imfisser fl-Anness A ta' dan il-Ftehim[23].

L-Isvizzera: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis, ta’ Schengen kif stipulat mill-Ftehim ta’ bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni tal-Isvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis[24] ta’ Schengen.

Il-Liechtenstein: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen kif stipulat mill-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis[25] ta' Schengen.

Ċipru: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b'xi mod għandu x’jaqsam miegħu, kif stipulat mill-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

Il-Bulgarija u r-Rumanija: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b'xi mod għandu x’jaqsam miegħu, kif stipulat mill-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

Il-Kroazja: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b'xi mod għandu x’jaqsam miegħu, kif stipulat mill-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

2014/0095 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropean[26],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[27],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stabbilixxiet regoli armonizzati dwar id-dħul u l-permanenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri għal mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum.

(2)       Ġew adottati bosta Direttivi settorjali dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen[28] tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permessi ta’ residenza validi jew viżi nazzjonali għal permanenza fit-tul maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri d-dritt tal-moviment ħieles fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn għal massimu ta’ 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum.

(3)       Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-bżonn ta' viża u dawk li għandhom bżonn viża jista’ jkollhom interess leġittimu li jivvjaġġaw fiż-żona Schengen għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum mingħajr ma joqogħdu f’xi Stat Membru għal aktar minn 90 jum. Għaldaqstant, għandhom jiġu adottati regoli li jipprovdu għal din il-possibbiltà.

(4)       L-artisti li jagħtu spettaklu dirett, b’mod partikolari, ħafna drabi jesperjenzaw diffikultajiet fl-organizzazzjoni ta’ żjarat fl-Unjoni. L-istudenti, ir-riċerkaturi, il-professjonisti tal-kultura, il-pensjonanti, in-nies tan-negozju, il-fornituri tas-servizzi kif ukoll it-turisti jistgħu wkoll juru x-xewqa li jdumu aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fiż-żona Schengen. In-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni xierqa jwassal għal telf ta’ viżitaturi potenzjali u konsegwentement għal telf ekonomiku.

(5)       It-Trattat jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa waħda, il-kundizzjonijiet ta’ dħul fl-Istati Membri u l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar viżi għal permanenzi qosra, u min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ta’ dħul għall-iskop ta’ residenza legali fi Stat Membru u l-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni twal u permessi ta’ residenza għal dak l-għan. Madankollu, it-Trattat ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ soġġorn qasir.

(6)       Għandha tinħoloq tip ġdid ta’ viża (“viża itineranti”) kemm għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-bżonn ta' viża u dawk li għandhom bżonnha li qegħdin jippjanaw li jiċċirkolaw fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għal aktar minn 90 jum, sakemm huma ma għandhomx il-ħsieb li joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-istess Stat Membru. Fl-istess ħin ir-regola ta' 90 jum għal kull 180 ġurnata għandha tinżamm bħala linja ta' diviżjoni bejn soġġorni qosra u soġġorni twal, għaliex ma toħloqx problemi għall-maġġoranza kbira ta’ vjaġġaturi.

(7)       Fejn rilevanti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[29] u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[30] għandu japplika għall-applikazzjonijiet u l-ħruġ ta' viżi itineranti. Minħabba l-ħtiġijiet differenti u l-kundizzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal viża itineranti u minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà, madankollu għandhom jiġu introdotti regoli speċifiċi, fost oħrajn, fir-rigward tal-awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċeduri, il-fażi tal-applikazzjoni, l-eżami ta’ u d-deċiżjoni dwar applikazzjonijiet u għall-ħruġ u ċ-ċaħda ta’ viżi itineranti.

(8)       Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[31] għandhom jibbenefikaw minn ċerti faċilitajiet, bħal l-eżenzjoni mill-ġbir ta’ marki tas-swaba’.

(9)       L-interazzjoni bejn żjarat abbażi ta’ viżi għal permanenza qasira, viżi għal soġġorni twal u permessi ta’ residenza u soġġorni abbażi ta’ viża itineranti għandhom jiġu ċċarati sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika. Għandu jkun possibbli li wieħed jikkombina soġġorni abbażi ta’ viżi itineranti b'soġġorni minn qabel u soġġorni mingħajr viża futuri, soġġorni abbażi ta’ viżi għal permanenzi qosra, viżi għal soġġorni fit-tul jew permessi ta’ residenza.

(10)     Għandu jkun possibbli li soġġorn awtorizzat jiġi estiż, ikkunsidrati t-tendenzi speċifiċi tal-ivvjaġġar u ħtiġijiet tal-vjaġġatur, sakemm id-detenturi tal-viża jkomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża u jistgħu jagħtu prova li matul is-soġġorn twil tagħhom, kienu konformi mar-rekwiżit li ma jkunux joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-istess Stat Membru

(11)     L-iskema tal-viża itineranti għandha tiġi integrati fl-istrumenti ġuridiċi rilevanti tal-acquista’ Schengen. Għalhekk, għandhom jiġu introdotti emendi fir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[32] u fir-Regolament (KE) Nru 767/2008. Il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 għandhom japplikaw kif il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-viża. L-applikazzjonijiet għal viżi itineranti u d-deċiżjonijiet dwarhom għandhom jiġu rreġistrati fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża.

(12)     Wara l-introduzzjoni tal-viża itineranti, l-Artikolu 20(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi emendat għaliex huwa inkompatibbli mal-Artikolu 77(2) (a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea minħabba li politika komuni dwar il-viżi ma tistax tkun ibbażata fuq l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali ta’ rinunzja tal-viża konklużi mill-Istati Membri. It-tul awtorizzat tas-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ma għandux jiddependi fuq in-numru u l-kontenut ta' dawn il-ftehimiet bilaterali konklużi fl-imgħoddi.

(13)     Għandu jiġi prvvdut perjodu tranżitorju ta’ ħames snin għat-tneħħija gradwali tal-impatt ta’ ftehimiet bilaterali għar-rinunzja għall-viża fejn huwa kkonċernat it-tul totali tal-permanenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żona Schengen.

(14)     Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti struzzjonijiet operattivi dwar il-prattiċi u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri meta jipproċessaw l-applikazzjonijietgħall-viżi itineranti. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[33]. Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' tali atti ta' implimentazzjoni.

(15)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura r-rispett sħiħ tal-ħajja privata u tal-familja msemmija fl-Artikolu 7, il-protezzjoni ta’ dejta personali msemmija fl-Artikolu 8 u d-drittijiet tat-tfal msemmija fl-Artikolu 24 tal-Karta.

(16)     Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[34] tapplika għall-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali skont dan ir-Regolament

(17)     Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-introduzzjoni ta' tip ta' viża ġdida valida fl-Istati Membri kollha, u t-twaqqif ta' kundizzjonijiet ta' ħruġ u proċeduri uniformi, jista' jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(18)     F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hix se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(19)     Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE[35]; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(20)     Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li mhijiex qed tipparteċipa fih l-Irlanda, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE[36]; Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-addozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(21)     Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis[37] ta’ Schengen, li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[38].

(22)     Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis[39], ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[40].

(23)     Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis[41], ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE[42] dwar l-iffirmar ta’ dak il-Protokoll.

(24)     Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(25)     Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(26)     Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.         Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ tal-viżi itineranti

2.         Japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ċittadini tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-Trattat, mingħajr preġudizzju għal:

(a)        għad-drittijiet ta’ moviment liberu li jgawdu minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni;

(b)        għad-drittijiet ekwivalenti li jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, li, taħt ftehimiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u dawn il-pajjiżi terzi jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom.

3.         Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja jew dik nazzjonali applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar:

(a)        l-ammissjoni għal permanenzi itwal minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-mobilità sussegwenti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra;

(b)        l-aċċess għas-suq tax-xogħol u t-tmexxija ta' attività ekonomika.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (KE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)]

1.         Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 japplika għall-viżi itineranti.

2.         Ir-Regolament (KE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplika għal viżi itineranti, kif previst fl-Artikoli minn 4 sa 10.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1), u minn (11) sa (16) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

(2) "viża itineranti" tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’ soġġorn maħsub f'żewġ Stati Membri jew aktar għal total ta' aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum, sakemm l-applikant mhux beħsiebu joqgħod għal aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum fit-territorju tal-istess Stat Membru.

Kapitolu II – Kundizzjonijiet u proċeduri għall-ħruġ ta' viżi itineranti

Artikolu 4

Awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet

1.         L-Artikoli 4(1), (3), (4) u (5), l-Artikoli 6(1) u 7(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         L-applikazzjonijiet ma għandhomx għalfejn jiġu eżaminati jew tittieħed deċiżjoni dwarhom mal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

3.         L-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal viża itineranti ikun l-Istat Membru tal-fruntiera esterna li l-applikant bi ħsiebu jaqsam sabiex jidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

4.         L-applikazzjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mniżżla fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 preżenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiġu ppreżentati fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru sakemm il-konsulat tal-Istat Membru kompetenti jkollu mill-anqas 20 jum kalendarju biex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

5.         Applikazzjonijiet minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jkollhom permess ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul maħruġa minn Stat Membru jistgħu jiġu ppreżentatifit-territorju ta’ dak l-Istat Membru tal-inqas 20 jum kalendarju qabel l-iskadenza tal-permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul.

6.         Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 l-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal viża itineranti huwa l-Istat Membru fejn l-applikant beħsiebu jżur u juża l-viża itineranti.

Artikolu 5

L-Applikazzjoni

1.         L-Artikoli 8(1), (2), (5), (6) u (7), l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(1), u minn (3) sa (7), l-Artikolu 11, il-punti (b) u (c), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13(1), il-punti minn (a) sa (d), l-Artikolu 13(5), (6) u (7), l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         Il-formola tal-applikazzjoni tal-viża itineranti tkun kif stabbilit fl-Anness I.

3.         B’żieda mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11, il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], l-applikanti jippreżentaw dokument tal-ivvjaġġar li jkun rikonoxxut mill-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni u mill-inqas pajjiż wieħed ieħor li fih se ssir iż-żjara.

4.         Minbarra l-kategoriji ta' persuni elenkati fl-Artikolu 12(7) tar-Regolament (KE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 jkunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’. F'dawk il-każijiet, id-daħla “mhux applikabbli” tiġi introdotta fil-VIS konformement mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

5.         Minbarra d-dokumenti ta’ sostenn elenkati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], l-applikanti jippreżentaw:

(a)        provi xierqa li huma bi ħsiebhom joqogħdu fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għal aktar minn 90 jum b’kollox mingħajr ma joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ xi wieħed minn dawn l-Istati Membri;

(b)        prova li jkollhom assigurazzjoni tal-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li se jżuru.

6.         Il-prova ta’ mezzi biżżejjed ta’ sussistenza u sitwazzjoni ekonomika stabbli għandha tintwera permezz ta’ slips tas-salarju jew dikjarazzjonijiet bankarji li jkopru perjodu ta’ 12-il xahar qabel id-data tal-applikazzjoni, u/jew dokumenti ta’ sostenn li juru li l-applikanti ser igawdu minn jew se jakkwistaw mezzi finanzjarji suffiċjenti b'mod legali matul is-soġġorn tagħhom.

7.         Jekk l-għan taż-żjara teħtieġ permess tax-xogħol f’wieħed jew aktar Stati Membri, meta japplikaw għal viża itineranti, ikun biżżejjed li jiġi ppruvat il-pussess ta’ permess tax-xogħol fl-Istat Membru kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal viża itineranti. Id-detenturi ta’ viża itineranti jitħallew japplikaw fl-Istat Membru fejn ikunu legalment preżenti għall-permess tax-xogħol meħtieġ fl-Istat Membru taż-żjara li jmiss.

8.         Il-konsulati jistgħu jneħħu l-obbligu li jiġu ppreżentati dokumenti ta’ sostenn jekk l-applikanti jaħdmu għal jew jiġu mistiedna minn kumpanija, organizzazzjoni jew istituzzjoni kredibbli magħrufa mill-konsulat, b’mod partikolari f’livell maniġerjali, jew bħala riċerkatur, student, artist, professjonisti tal-kultura, sportiv jew membru tal-persunal b’għarfien speċjalizzat, esperjenza u kompetenza teknika adegwata u jekk tingħata prova xierqa lill-konsulat f’dan ir-rigward. Ir-rekwiżit jista' ma jiġix applikat għall-membri tal-familja tal-applikant, inkluż il-konjuġi, tfal taħt l-età ta’ 18-il sena u l-ġenituri ta’ tfal taħt l-età ta’ 18, fil-każ li biħsiebhom jivvjaġġaw flimkien.

Artikolu 6

Eżami ta’ applikazzjoni u teħid ta’ deċiżjoni dwarha

1.         L-Artikoli 16 u 17, l-Artikolu 18(1), (4), (5), (9), (10) u (11), l-Artikolu 19 u l-Artikolu 20(4), l-aħħar sentenza, tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         Minbarra l-verifiki pprovduti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] li jivverifika l-ammissibilità tal-applikazzjoni, il-konsulat kompetenti jivverifika jekk id-dokument tal-ivvjaġġar jissodisfax ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(3).

3.         L-eżami ta’ applikazzjoni għal viża itineranti jinkludi, b’mod partikolari, il-valutazzjoni ta’ jekk l-applikanti għandhomx mezzi finanzjarji suffiċjenti ta’ sussistenza għat-tul kollu tal-permanenza intiża, inkluż l-akkomodazzjoni tagħhom, għajr jekk tkun provduta mill-kumpanija, l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni ta' stedina jew ospitanti.

4.         L-eżami ta’ applikazzjoni għal viża itineranti u d-deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni jsiru irrispettivament miż-żjajjar awtorizzati taħt viżi għal żjarat qosra maħruġa qabel jew ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta’ residenza.

5.         L-applikazzjonijiet jiġu deċiżi fi żmien 20 jum kalendarju mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li hija ammissibbli. Eċċezzjonalment, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 40 jum kalendarju.

Artikolu 7

Il-ħruġ tal-viża itineranti

1.         L-Artikolu 21(6), l-Artikolu 24(1), (3) u (4), l-Artikolu 25, l-Artikolu 26(1) u (5), l-Artikoli 27 u 28, l-Artikolu 29(1), il-punt (a) minn (i) sa (iii), (v) u (vi) u l-punt (b), u l-Artikolu 29(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         Il-viża itineranti tippermetti dħul multiplu għat-territorju tal-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5.

3.         It-tul ta’ soġġorn awtorizzat jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-applikazzjoni. It-tul ta’ soġġorn awtorizzat ma jeċċedix sena, iżda jista’ jiġi estiż għal sena oħra skont l-Artikolu 8.

4.         Il-perjodu ta’ validità tal-viża itineranti jikkorrispondi mat-tul tas-soġġorn awtorizzat.

5.         Jekk l-applikanti jkollhom dokument tal-ivvjaġġar li jkun rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew iżjed, iżda mhux mill-Istati Membri kollha, il-viża itineranti tkun valida għat-territorju tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokument tal-ivvjaġġar, sakemm is-soġġorn ippjanat ikun aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati.

6.         Il-viża itineranti tinħareġ fil-format uniformi għall-viżi kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95[43] bl-intestatura li tispeċifika t-tip ta’ viża bl-ittra "T".

7.         Minbarra r-raġunijiet ta' ċaħda elenkati fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], viża tiġi mċaħħda jekk l-applikanti ma jippreżentawx:

(a)        provi xierqa li huma bi ħsiebhom joqogħdu fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar għal aktar minn 90 jum b’kollox mingħajr ma joqogħdu għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ xi wieħed minn dawn l-Istati Membri;

(b)        prova li għandhom assigurazzjoni tal-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istati Membri li se jżuru.

8.         Id-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 8

Modifika ta’ viża maħruġa

1.         L-Artikoli 30(1), (3), (6) u (7), l-Artikoli 31 minn (1) sa (5), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         Minbarra l-possibbiltà ta’ estensjoni għal raġunijiet speċifiċi pprovduti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], id-detenturi ta' viża itineranti jistgħu japplikaw għal estensjoni fit-territorju tal-Istati Membri mhux qabel 90 jum u mhux aktar tard minn 15-il jum qabel l-iskadenza tal-viża itineranti tagħhom.

3.         Il-konsulat tal-Istat Membru li jridu jżuru jkun kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni.

4.         L-applikanti jitolbu estensjoni billi jressqu formola tal-applikazzjoni mimlija kif stipulat fl-Anness I.

5.         Titħallas tariffa ta’ EUR 30 għal kull applikazzjoni ta' estensjoni.

6.         Fir-rigward permess tax-xogħol, l-Artikolu 5(7) japplika għal estensjonijiet, fejn applikabbli.

7.         L-applikazzjonijiet jiġu deċiżi fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-estensjoni.

8.         Meta japplikaw għal estensjoni, l-applikanti jagħtu prova li huma jkomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul u tal-ħruġ tal-viża u jikkonformaw mar-rekwiżit li ma joqogħdux għal aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

9.         Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal estensjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu f'każijiet ġustifikati jsejħu lill-applikanti għal intervista u jitolbu dokumenti addizzjonali.

10.       Estensjoni ma taqbiżx sena, u t-tul totali ta’ soġġorn awtorizzat, jiġifieri, it-tul ta’ soġġorn awtorizzat inizjalment u l-estensjoni tiegħu, m’għandux jeċċedi sentejn.

11.       Id-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta' estensjoni u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness II.

12.       L-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom għal estensjoni ġiet miċħuda jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli jitressqu kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal estensjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dettaljata dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness II.

13.       Id-deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka ta’ viża itineranti u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness II.

Kapitolu III – Il-ġestjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva

Artikolu 9

Il-ġestjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva

1.         L-Artikoli minn 35 sa 43, l-Artikolu 45, l-Artikolu 52(a), minn (c) sa (f) u (h) u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] japplikaw.

2.         L-Istati Membri jiġbru statistika annwali dwar il-viżi itineranti, skont l-Anness III. Din l-istatistika tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel.

3.         L-informazzjoni dwar l-iskadenzi għall-eżami tal-applikazzjonijiet li għandha tingħata lill-pubbliku ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 45(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], jinkludu wkoll il-limiti ta’ żmien għal viża itineranti stipulati fl-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-Regolament.

4.         Fil-qafas tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], tkun skambjata l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar applikazzjonijiet għal viżi itineranti, il-viżi maħruġa u miċħuda kif ukoll informazzjoni dwar it-tipi ta’ applikanti.

Kapitolu IV – Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 10

Istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament

Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta struzzjonijiet operattivi dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 11

Proċedura ta' Kumitat

1.         Il-Kummissjoni tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x [il-Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)], (il-Kumitat tal-Viża).

2.         Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

Emendi għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

L-Artikolu 20(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt ta’ kull Parti Kontraenti li testendi lil hinn mid-90 jum iż-żjara ta’ aljen fit-territorju tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali.”

Artikolu 13

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 562/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)        fil-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b) huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 *, jew ikollhom viża itineranti valida kif definita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x ta’ xxx * *, ipermess ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

_________

*Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001* tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

* * Ir-Regolament (UE) Nru xxx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xx.xx. 201x li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008 (ĠU L xxx).”

(b)        Il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a. Għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, id-data tad-dħul tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel jum ta' soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri u d-data tal-ħruġ tkun ikkunsidrata bħala l-aħħar jum tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri. Il-perjodi ta' soġġorn awtorizzati taħt viża itineranti, permess ta' residenza jew viża ta' soġġorn fit-tul ma jitqisux fil-kalkolu tad-dewmien tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri."

(c)        jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3 a. Il-paragrafi minn 1 sa 3 jkunu applikabbli mutatis mutandis għal dħul relatat ma' żjarat abbażi ta’ viża itineranti valida.”

(2) L-Artikolu 7(3) huwa emendat kif ġej:

(a)        il-punt (aa) jinbidel b’dan li ġej:

"(aa) jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu viża jew viża itineranti imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b), il-verifiki bir-reqqa tad-dħul jinkludu wkoll il-verifika tal-identità tad-detentur tal-viża/viża itineranti u/jew l-awtentiċità tal-viża.viża itineranti, billi tiġi kkonsultata s-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru xx/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill,***;

_________

*** Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60). ”

(b)        is-sentenza ta' qabel tal-aħħar tal-punt (aab) hija mibdula b’dan li ġej:

"Madankollu, fil-każi kollha fejn hemm dubju dwar l-identitá tad-detentur tal-viża/viża itineranti u/jew tal-awtentiċitá tal-viża/viża itineranti, il-VIS tiġi kkonsultata b'mod sistematiku billi jintuża n-numru tal-isticker tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba".

(c)        fil-punt (c), il-punt (i) huwa sostitwit b’li ġej:

" (i) il-verifika li l-persuna hija fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, jew viża itineranti valida, ħlief meta hu/hi għandu/ha permess ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn twil; tali verifika tista' tinkludi l-konsultazzjoni tal-VIS skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;”

Artikolu 14

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 767/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

"Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-għan, il-funzjonalitajiet u r-responsabbiltajiet għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/512/KE. Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet għal viżi għal perjodu qasir u viżi itineranti kif definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru xxx/201x ta’ xxx * u dwar id-deċiżjonijiet meħuda b’rabta magħhom, inklużi deċiżjonijiet sabiex viża tiġi annullata, revokata jew estiża, sabiex tiġi ffaċilitata l-eżami ta’ tali applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati.

_________

* Ir-Regolament (UE) Nru xxx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xx.xx. 201x li jistabbilixxi viża itineranti u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 562/2006 u (KE) Nru 767/2008 (ĠU L xxx).”

(2) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)        fil-punt 1 jiddaħħal il-punt li ġej:

"viża itineranti" kif definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru xxx/201x;"

(b)        il-punti 4 u 5 jinbidlu b'dawn li ġejjin:

"4. 'formola tal-applikazzjoni’ tfisser il-formola uniformi ta’ applikazzjoni għal viżi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru xxx/201x [Kodiċi dwar il-Viżi (riformulazzjoni)] jew l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru xxx/201x;

5. ‘applikant’ tfisser kull persuna suġġetta għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001**, li ppreżentat applikazzjoni għal viża, jew kull persuna li ppreżentat applikazzjoni għal viża itineranti skont ir-Regolament (UE) Nru xxx/201x;

_________

**Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1). ”

(3) Fl-Artikolu 14(2) jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) talba għal estensjoni u l-kisba kontinwa tal-kundizzjonijiet minn detentur ta’ viża itineranti.”

Artikolu 15

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Sa [tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.         Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.         Jjibda japplika [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament].

3.         L-Artikolu 12 japplika minn [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

4.         Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                                                     Għall-Kunsill

Il-President                                                                              Il-President

[1]               Ta’ min jinnota li sat-18 ta’ Ottubru 2013, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen kienu jipprovdu għal "tliet xhur f’sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul". Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1) iddefinixxa mill-ġdid il-kunċett ta’ "għal żjajjar qosra" (jiġifieri l-ambitu temporali tal-acquis ta’ Schengen) u jirreferi għal "90 jum" f'kull perjodu ta’ 180 jum".

[2]               http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/index_en.htm.

[3]               Il-verżjoni konsolidata tinsab fuq:

                http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2006R0562:20100405:EN:PDF.

[4]               Il-verżjoni konsolidata tinsab fuq:

                http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2001R0539:20110111:EN:PDF.

[5]               Il-verżjoni konsolidata tinsab fuq:

                http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2009R0810:20120320:EN:PDF.

[6]               ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[7]               Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor it-terminu "l-Istati Membri" jirreferi għall-Istati Membri tal-UE li japplikaw il-politika komuni dwar il-viżi b’mod sħiħ (l-Istati Membri kollha tal-UE ħlief il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija u r-Renju Unit), kif ukoll membri assoċjati ma’ Schengen (l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera).

[8]               Ara l-Artikolu 19 tas-CISA, referenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

[9]               COM(2001) 388 finali. ĠU C 270, 25.9.2001, p. 244.

[10]             "Il-barranin li ma għandomx bżonn viża jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu massimu ta’ 90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum, [...]. Il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt ta’ kull Parti Kontraenti li testendi lil hinn mill-90 jum iż-żjara ta’ aljen fit-territorju tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali jew skont ftehim bilaterali konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni.”

[11]             "Viża b’validità territorjali limitata tinħareġ biss b'mod eċċezzjonali, fil-każijiet li ġejjin: [...] (b) meta għal raġunijiet meqjusa ġustifikati mill-konsulat, tinħareġ viża ġdida għal soġġorn matul l-istess perjodu ta’ 180 jum lil applikant li, tul dan il-perjodu ta’ 180 jum, diġà jkun uża viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata li ppermettiet soġġorn ta’ tliet xhur.

[12]             SWD(2014) 68.

[13]             COM(2014) 164.

[14]             L-IA jinnota wkoll li huwa ferm diffiċli li jiġu valutati l-impatti ekonomiċi u finanzjarji f’dan il-qasam minħabba n-nuqqas ta’ dejta u metodoloġija sstabbli għal stimi, għalhekk n-numri msemmija f’dan il-paragrafu jkunu trattati b’kawtela.

[15]             ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

[16]             COM(2014) 164.

[17]             L-emendi għall-proposta ta' riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi matul il-proċess leġiżlattiv għandhom ukoll ikunu riflessi f’din il-proposta.

[18]             Kif imsemmi qabel, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għandhom bżonn viża jew le, taħt ir-reġim ta' soġġorn qasir jistgħu joqogħdu sa 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum fiż-żona Schengen, li jista’ jfisser ukoll żjara fi Stat Membru wieħed biss. Skont id-dħul u l-ħruġ, dan ifisser li f’perjodu ta’ sena t-tul massimu ta’ soġġorn legali huwa ta’ 180 jum (2 x 90 jum). Minħabba li l-viżi tal-ivvjaġġar jistgħu jinħarġu għal perjodu massimu ta' sena (360 jum), ir-referenza għal "perjodu ta’ 180 jum" hija meħtieġa biex tiżgura li d-detenturi ta’ viżi tal-ivvjaġġar ma jingħatawx inqas f’termini ta’ ammonti ta' soġġorni awtorizzati fl-istess Stat Membru minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr il-bżonn ta' viża jew id-detenturi ta’ viża ta' dħul multiplu għal soġġorn qasir maħruġa b’validità ta’ sentejn jew aktar. In-nuqqas ta’ referenza għal "perjodu ta’ 180 jum", pereżempju, ikun ifisser li filwaqt li ċittadin Russu b'viża ta’ dħul multiplu għal soġġorn qasir validu għal 1 sena, jista', fil-prinċipju jibqa' għal (a) 180 jum mhux konsekuttivi fl-istess Stat Membru matul is-sena validità tal-viża, detentur ta’ viża tal-ivvjaġġar valida għal sena jista' joqgħod biss għal 90 ġurnata fl-istess Stat Membru matul il-validità tal-viża għall-ivvjaġġar tiegħu.

[19]             ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

[20]             SCH/Com-ex (98) 24 of 23.6.1998.

[21]             COM(2013) 95 final, 28.2.2013.

[22]             Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi reġim issimplifikat għall-kontroll tal-persuni mal-fruntieri esterni bbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2013) 441 final, 21.6.2013) żgur li se tiġi adottata qabel l-adozzjoni ta' din il-Proposta. Ladarba din id-"Deċiżjoni dwar it-Tranżitu" l-ġdida tiġi adottata, għandu jiġi miżjud ma’ din il-proposta Artikolu ġdid bl-għan li tiġi integrata l-viża tal-ivvjaħħar fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni futura. Bl-istennija li d-Deċiżjoni l-ġdida ser tħassar id-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE, din il-proposta ma fihiex dispożizzjoni li temenda dawn id-deċiżjonijiet.

[23]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[24]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[25]             ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

[26]             ĠU C , , p. .

[27]             ĠU C , , p. .

[28]             Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-iċċekkjar fil-fruntieri komuni tagħhom, ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[29]             Ir-Regolament (KE) Nru xxx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xxx li jistabbilixxi Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (tfassil mill-ġdid) (ĠU L x, xxx, p. x).

[30]             Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

[31]             Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

[32]             Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.)

[33]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[34]             Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[35]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

[36]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

[37]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[38]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

[39]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[40]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

[41]             ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

[42]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

[43]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1985 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

Top