EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR3660

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – il-Film Ewropew fl-era diġitali

OJ C 19, 21.1.2015, p. 70–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/70


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – il-Film Ewropew fl-era diġitali

(2015/C 019/15)

Relatur

Is-Sur Istasse (BE/PSE), Kunsillier Komunali ta’ Verviers

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-film Ewropew fl-era diġitali. Inqarrbu d-diversità kulturali mal-kompetittività.

COM(2014) 272 final

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li l-implimentazzjoni ta’ ambjent stimulanti li jippermetti lill-industrija ċinematografika Ewropea tisfrutta l-potenzjal kulturali u ekonomiku sħiħ tagħha għandu jiddependi mill-parteċipazzjoni ta’ dawk li huma fis-settur fil-livelli kollha: fi ħdan is-settur, fl-Istati Membri, mill-livell lokali sal-livell nazzjonali u spiss f’kuntest transkonfinali wkoll;

2.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni u l-valorizzazzjoni tal-kultura, billi jippreżervaw il-patrimonju kulturali u jippromovu l-innovazzjoni artistika (1), fid-definizzjoni tal-istrateġiji kulturali, l-iżvilupp ta’ inizjattivi settorjali kif ukoll l-offerta ta’ infrastrutturi adatti;

3.

iqis li l-industriji kulturali jikkontribwixxu ħafna għall-iżvilupp lokali u reġjonali għaliex jagħmlu r-reġjuni Ewropej aktar attraenti, jiżviluppaw it-turiżmu sostenibbli u joħolqu opportunitajiet tax-xogħol ġodda (2);

4.

ifakkar li t-tranżizzjoni għad-diġitali tipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ rabtiet bejn ir-reġjuni Ewropej differenti; din it-tranżizzjoni tista’ toffri opportunità biex is-swali jiġbdu lejhom udjenzi ġodda, japprofittaw minn kontenut alternattiv, jipprovdu servizzi ġodda, jagħtu aktar viżibbiltà lill-kreazzjonijiet minn reġjuni differenti kif ukoll biex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni kulturali interreġjonali. Il-KtR jinsisti wkoll li t-tranżizzjoni għad-diġitali timplika spejjeż li jistgħu jkunu kwistjoni importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u dan għandu jitqies kif xieraq;

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Kummenti ġenerali

5.

jieħu impenn li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u s-segwitu ta’ strateġija ġdida għaċ-ċinema Ewropew li tnediet mill-Kummissjoni bil-Komunikazzjoni tagħha “Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE” (3), li timmira li ssaħħaħ il-kompetittività ta’ dawn is-setturi li qed jikbru b’rata mgħaġġla, kif ukoll ir-redistribuzzjoni tal-qligħ tagħhom lejn setturi oħra bħall-innovazzjoni jew it-teknoloġiji tal-informazzjoni;

6.

jixtieq jipparteċipa b’mod attiv fil-ħidma tal-Forum tal-film Ewropew biex jippromovi dibattitu Ewropew dwar l-evoluzzjoni li dejjem qed issir aktar mgħaġġla tas-settur awdjoviżiv u biex jidħol fi djalogu mal-partijiet kollha ikkonċernati mill-politika ċinematografika. L-iskambju tal-aħjar prattiki għandhom jippermettu fost l-oħrajn titjib tal-vantaġġi kompetittivi Ewropej, l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u r-rispett tad-diversità kulturali u ċ-ċittadini/konsumaturi skont it-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi promossal-protezzjoni effettiva tal-minorenni madwar l-Ewropa kollha, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ persuni bi problemi ta’ smigħ u tal-vista fl-ambitu ċinematografiku;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li dan id-dibattitu jiġi kuntestwalizzat fl-inizjattiva tal-Kummissjoni “Aġenda Diġitali għall-Ewropa (4)”;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjoni l-iskadenzi stabbiliti mill-Kummissjoni biex tippubblika l-inizjattiva tagħha, filwaqt li l-programm il-ġdid “Ewropa kreattiva” u b’mod aktar speċifiku is-sottoprogramm MEDIA li jirrigwarda is-settur awdjoviżiv, tnedew din is-sena 2014. Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dan is-sottoprogramm filfatt huwa li tissaħħaħ it-talba għall-films, li tiġi faċilitata d-distribuzzjoni tagħhom lil hinn mill-fruntieri u li jintlaħaq il-pubbliku potenzjali fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja;

9.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ koordinat sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda dwar l-evoluzzjoni mgħaġġla tas-settur ċinematografiku Ewropew, jiġifieri, minn naħa li jingħeleb id-distakk li dejjem qed jiżdied bejn il-pubbliku Ewropew u l-offerta kulturali b’mod ġenerali (5) u minn naħa l-oħra, li jkun hemm adattament għall-użanzi l-ġodda tal-konsum diġitali tal-istess pubbliku (6). Illum huwa essenzjali għas-settur li jirnexxielu jifhem u jutilizza t-tipi differenti ta’ pjattaformi konnessi (streaming, VOD,...) u l-applikazzjonijiet il-ġodda ta’ konsum (smartphones, tablettes diġitali, televiżjonijiet konnessi), biex jiżdied il-potenzjal ta’ diffużjoni tal-films Ewropej u biex b’hekk jinġibdu udjenzi ġodda;

10.

iqis li fid-dawl tal-prinċipju tal-intanġibbiltà tad-diversità kulturali minn naħa u l-aspetti marbutin mal-kompetittività minn naħa l-oħra, hemm bżonn li jiġi żviluppat approċċ koordinat bejn l-operaturi lokali, reġjonali, interreġjonali, nazzjonali u Ewropej li jitratta d-diffikultajiet strutturali tal-industrija ċinematografika Ewropea biex tilħaq il-pubbliku potenzjali fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja. Fost id-diffikultajiet il-Kummissjoni identifikat:

il-frammentazzjoni tal-produzzjoni u tal-iffinanzjar

il-possibbiltajiet u inċentivi ristretti għall-internazzjonalizzazzjoni tal-proġetti

l-attenzjoni kbira li tingħata lill-produzzjoni u l-attenzjoni limitata lid-distribuzzjoni u l-pubbliċità

in-nuqqasijiet fil-livell tal-kompetenzi intraprenditorjali u tas-sħubijiet intersettorjali;

11.

iqis li fl-istat attwali l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni ma jidhrux li qed iqajmu xi kwistjoni dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Madankollu, f’isem il-governanza f’diversi livelli, ikun tajjeb li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw b’mod sistematiku hekk kif il-miżuri mmirati li jġibu żvilupp fis-settur ċinematografiku Ewropew ikunu qed jitfasslu jiġu implimentati u mmexxija;

Reviżjoni tal-qafas finanzjarju – is-sistemi ta’ finanzjament pubbliku

12.

jinnota li bis-saħħa ta’ aktar minn 600 sistema ta’ għajnuna nazzjonali, reġjonali u lokali (7), l-Istati Membri implimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ filmati, ta’ programmi għat-televiżjoni u ta’ xogħolijiet oħra awdjoviżivi, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet kemm kulturali kif ukoll industrijali u l-għan prinċipalment kulturali li nkunu attenti li l-kulturi reġjonali u nazzjonali u l-potenzjal kreattiv tagħhom isibu espressjoni fil-mezzi awdjoviżivi;

13.

jaqbel mal-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kumplimentarjetà u l-koerenza globali tal-għajnuniet pubbliċi biex tikber l-effikaċja ġenerali tagħhom, billi jiġbru flimkien il-livelli reġjonali, interreġjonali, nazzjonali u sovranazzjonali ta’ finanzjament u billi jkopru l-attivitajiet finanzjarji differenti;

14.

jinsisti fuq l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jżommu l-possibblità li jipprovdu għall-eżiġenzi ta’ nfiq lokalizzat, dan huwa essenzjali biex tinħoloq il-massa kritika ta’ attività meħtieġa biex tinħoloq id-dinamika li twassal għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-industrija ċinematografika;

15.

jenfasizza l-effett ta’ konsolidazzjoni fil-livell lokali u reġjonali li għandhom il-fondi ta’ investiment ekonomiku mmirati li jappoġġjaw is-settur awdjoviżiv fil-livell reġjonali, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni ta’ finanzjament tal-produzzjonijiet u l-koproduzzjonijiet tax-xogħolijiet awdjoviżivi;

16.

ifakkar li, skont l-istudju dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi u kulturali tal-kundizzjonijiet tat-territorjalizzazzjoni fis-sistemi tal-għajnuna għaċ-ċinema, kull sena jingħataw għajnuniet supplimentari li huma stmati għal biljun Euro mill-Istati Membri permezz ta’ inċentivi fiskali għaċ-ċinema (8);

17.

jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi li jistudjaw l-iżvilupp ta’ inċentivi fiskali mmirati li jinkoraġġixxu l-produzzjoni tax-xogħolijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi li jippermettu lill-imsieħba privati li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet mill-qligħ taxxabbli tagħhom;

18.

jaqbel ma’ dak li nnotat il-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jsir sforz biex jinħoloq bilanċ fl-ispejjeż bejn il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u r-reklamar tal-films;

19.

madankollu jqis li, filwaqt li huwa minnu li d-distribuzzjoni u r-reklamar jidhru li għandhom sehem inqas mill-fondi tal-baġits għall-produzzjoni, il-baġits li jintefqu f’suq bħalma hu dak tal-Istati Uniti ma jistgħux jintużaw bħala mudell biex isir l-argument favur distribuzzjoni aktar ibbilanċjata ta’ dawn il-baġits. Jeżisti qbil komuni li l-għajnuna hija importanti biex tappoġġja l-produzzjoni awdjoviżiva Ewropea u li huwa diffiċli għall-produtturi li jiksbu appoġġ kummerċjali inizjali biżżejjed biex jiġbru l-fondi li jeħtieġu ħalli jwettqu l-proġetti tagħhom, bil-konsegwenza diretta li ċerti films ikunu neqsin mill-fondi u l-kwalità tagħhom tintlaqgħat ħażin. Żieda fl-ispejjeż tar-reklamar u tal-ħruġ ma jistgħux ipattu għall-problemi marbutin man-nuqqas ta’ finanzi adegwati għall-film u mhux ser jippermettulu li jilħaq pubbliku aktar mifrux; filwaqt li ż-żieda fil-baġits tad-distribuzzjoni u tar-reklamar hija mixtieqa f’termini assoluti, fl-ebda każ m’għandha sseħħ bi spiża għall-baġits li huma previsti għall-films Ewropej;

20.

josserva li spiss id-diffikultà li jiltaqgħu magħha l-films Ewropej biex jiġbdu l-udjenza ġejja min-nuqqas ta’ ħsieb dwar il-pubbliku li jkunu qed jindirizzaw il-proġetti fil-bidu tagħhom. Il-films, li mill-iżvilupp tal-kopjun jimmiraw għal pubbliku speċifiku, b’mod ġenerali jsibuha aktar faċli li jiġbdu dik l-udjenza minn dawk immirati għal pubbliku ġenerali. Kif indikat il-Kummissjoni, dan jista’ jirriżulta wkoll mill-baġits ta’ reklamar li huma limitati wisq biex jippermettu diffużjoni mifruxa u viżibbli tal-film;

21.

jixtieq ifakkar li ċ-ċinema huwa industrija ta’ prototipi u huwa impossibbli tipprevedi b’ċertezza s-suċċess ta’ film;

22.

jaqbel li għadd ta’ films jagħmlu qligħ jekk ikunu aktar żviluppati qabel ma jidħlu fil-produzzjoni; għaldaqstant huwa indispensabbli li jkun hemm għajnuna għall-fażi tal-iżvilupp li tikkumplimenta l-għajnuniet tal-programm “Ewropa Kreattiva” u s-sottoprogramm tiegħu MEDIA;

Reviżjoni tal-qasam ta’ finanzjament – l-inklużjoni ta’ atturi ġodda fil-katina tal-valur

23.

iqis li l-konverġenza progressiva, it-tibdil fl-imġieba tal-konsumaturi u d-dehra ta’ mudelli ekonomiċi ġodda għandhom influwenza fuq il-finanzjament tal-produzzjonijiet awdjoviżivi. It-tendenza li l-pjattaformi VOD jinvestu f’kontenut oriġinali juri li dawn l-atturi ġodda huma investituri potenzjali fil-kontenut awdjoviżiv;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-atturi l-ġodda (pjattaformi VOD, operaturi tat-telekomunikazzjoni, operaturi OTT eċċ) li jagħmlu l-qligħ mill-produzzjonijiet Ewropej, jikkontribwixxu lejn l-iffinanzjar tagħhom u jkollhom l-istess limitazzjonijiet li għandhom l-operaturi nazzjonali biex tinħoloq garanzija ta’ kompetizzjoni sana bejn l-operaturi nazzjonali u dawk mhux Ewropej li qed jistabbilixxu ruħhom fl-Ewropa u biex jiżdied il-finanzjament għall-produzzjonijiet alternattivi u b’hekk tiġi garantita d-diversità kulturali;

25.

f’dan ir-rigward, għandu l-ħsieb li jiftaħ dibattitu mal-atturi kollha kkonċernati sabiex isir rieżami tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini kif inhu previst mid-“Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva” (9),filwaqt li jiġi evalwat il-funzjonament tiegħu fil-kuntest tat-trasformazzjoni attwali fil-kamp awdjoviżiv;

26.

jinsisti fuq il-prinċipji li hemm fil-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali, fosthom id-dritt li l-istati u l-awtoritajiet lokali jikkonservaw, jadattaw u jimplimentaw politiki adatti għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali, fosthom bl-appoġġ għall-ħruġ, il-produzzjoni u d-diffużjoni ta’ materjal, ikun x’ikun il-mezz użat (televiżjoni klassiku, fuq talba, Internet...);

27.

huwa tal-fehma li l-informazzjoni li nġabret mill-“arthouse cinemas” (fil-qafas tal-programm MEDIA) kif ukoll l-istatistiċi tal-operaturi l-kbar fuq l-Internet, b’mod partikolari l-aggregaturi l-kbar u s-settur tal-VOD, kif ukoll dawk li jxandru r-radju pubbliku (u privat jekk igawdu minn għajnuniet pubbliċi jew għal raġuni ta’ kompetizzjoni) jridu jinaqsmu u jsiru disponibbli għall-industrija tal-film kemm fil-livell reġjonali kif ukoll dak nazzjonali. Filfatt hemm bżonn li tingħeleb in-nuqqas ta’ trasparenza li hemm bħalissa u li qed iżżomm lill-awtoritajiet pubbliċi milli jilleġiferaw dwar l-operaturi l-ġodda u jirregolawhom billi b’mod partikolari jpoġġulhom l-obbligi ta’ politika ġenerali li bħalissa jiġu applikat għal dawk li jxandru r-radju pubbliku permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni jew mezzi oħra;

Twaqqif ta’ ambjent kummerċjali innovattiv

28.

jistenna r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mnedija fil-qafas tal-green paper tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri” (10), biex nifhmu safejn id-Direttiva tas-Servizzi tal-Media awdjoviżiva (11) għadha tirrispondi għall-għanijiet tagħha li tippromovi l-ħolqien, id-distribuzzjoni, id-disponibbiltà, u l-attrattiva kummerċjali tax-xogħolijiet awdjoviżivi fi ħdan is-suq uniku diġitali;

29.

madankollu jenfasizza d-differenza fit-trattament fi ħdan id-Direttiva tas-Servizzi tal-Media awdjoviżiva f’dak li jirrigwarda minn naħa s-servizzi awdjoviżivi lineari, li għalihom id-Direttiva tistabbilixxi perċentwali ta’ xogħolijiet Ewropej u indipendenti li x-xandara tar-radju tal-UE bilfors iridu jipprogrammaw u minn naħa l-oħra s-servizzi awdjoviżivi mhux lineari, li għalihom l-istess obbligu huwa formulat b’aktar flessibbiltà. It-tnedija ta’ servizzi awdjoviżivi mhux lineari u l-esperjenza minnhom jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aktar mezzi effikaċi għall-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej f’servizzi bħal dawn;

30.

jaqbel li l-iżviluppi mgħaġġla fis-settur għandhom jimmotivaw lill-Kummissjoni Ewropea li tkompli bl-inizjattivi pilota fil-qasam tal-kronoloġija tal-media (eż: day and date) biex tivvaluta, jekk hemmx bżonn li r-regoli jsiru aktar flessibbli fl-ambitu tat-tieqa tad-disponibbiltà. Il-KtR jenfasizza li l-atturi lokali u dawk li għandhom xi drittijiet għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ mudell kummerċjali adatt filwaqt li jiġu sfruttati l-funzjonalitajiet il-ġodda offruti mit-teknoloġiji diġitali filwaqt li tissaħħaħ l-aċċessibbiltà għall-materjal liċ-ċittadini kollha. Għandhom jitqiesu wkoll l-attitudnijiet ġodda u l-aspettattivi tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ aċċess immedjat għal kontenut ġdid fejn u meta jixtiequ, filwaqt li jkun posssibbli l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ mudelli kummerċjali ġodda għall-finanzjament u t-tixrid ta’ dan il-materjal;

31.

irid ifakkar fil-ħtieġa li ssir ħidma biex jiġi stabbilit qafas modern dwar id-dritt tal-awturi, li jiffaċilita t-tpoġġija u l-aċċessibbiltà tal-films fuq l-Internet fl-UE b’mod li jiggarantixxi r-rikonoxximent u l-ħlas effettiv ta’ dawk li għandhom id-drittijiet; li jingħataw inċentivi sostenibbli għall-kreattività, id-diversità kulturali u l-innovazzjoni; li jitwessa’ l-aċċess tal-utenti finali għall-offerti leċiti; li jippermetti l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ekonomiċi; li jiġġieled b’mod aktar effikaċi l-offerti illeċiti u l-piraterija (12);

Tisħiħ tal-ambjent kreattiv

32.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li t-talenti għandhom jiġu inkuraġġuti u li jiġu żviluppati l-kompetenzi professjonali fl-industrija Ewropea u jħeġġeġ is-sħubijiet kreattivi bejn l-iskejjel taċ-ċinema u d-dinja professjonali. Jenfasizza l-importanza li dan il-għan ta’ appoġġ isib postu fil-qafas tal-programmi “Ewropa Kreattiva” u “Erasmus+”;

33.

ifakkar fil-ħtieġa li jiġi adottat approċċ iżjed proattiv li jappoġġja l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn is-setturi tal-kultura u l-kreattività, kif ukoll mal-atturi ekonomiċi u soċjali f’ambiti oħra biex jiġu appoġġjati oqsma ġodda ta’ attività innovattiva, bħall-crossmedia, il-mezzi soċjali, l-ippubblikar diġitali, it-turiżmu kreattiv, eċċ. (13);

Aċċessibbiltà u twessiegħ tal-pubbliku

34.

jenfasizza l-importanza li jintlaħqu u jinbnew udjenzi ġodda għall-films Ewropej u jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod li jippermettu li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ aċċess u t-talba għall-films Ewropej, b’mod partikolari fil-każ ta’ films li m’humiex nazzjonali;

35.

jirrikonoxxi l-utilità li jiġu mifhuma l-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess ta’ film billi tinġabar informazzjoni dwar il-preferenzi tal-pubbliku, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni li għalkemm il-films li jiġbdu s-simpatija tal-pubbliku nazzjonali u reġjonali għandhom it-tendenza li jimmiraw lejn pubbliku lokali, dan ma jfissirx li jridu jiġu eliminati l-aspetti lokali ta’ produzzjoni biex din ikollha possibbiltajiet akbar li tidħol fis-swieq tal-Istati Ewropej l-oħra u tiġbed l-udjenzi. Il-KtR iqis li jekk film jikseb suċċess fis-suq tiegħu stess huwa jista’ jinteressa lid-distributuri barranin u b’hekk jiġi distribwit f’żona oħra. Tkun ħaġa kontroproduċenti jekk naħsbu li l-films iridu jiġu maħsuba fuq il-bażi ta’ “l-inqas denominatur komuni Ewropew”. Id-diversità kulturali timponi b’mod ġust li l-partikolaritajiet lokali u reġjonali jingħataw importanza għaliex huma dawn l-ispeċifiċitajiet li jiffurmaw l-identità Ewropea;

36.

jaħseb li r-revoluzzjoni diġitali tista’ toffri aktar flessibbiltà għad-distribuzzjoni tal-films u toħloq alternattivi għas-sistemi ta’ distribuzzjoni tradizzjonali billi jistgħu jirrispondu għat-talba taċ-ċittadini li jirċievu l-materjal aktar malajr u fuq aktar mezzi;

37.

iqis li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet pubbliċi jinkoraġġixxu l-pjattaformi tal-VOD nazzjonali biex b’mod espliċitu jippromovu l-films Ewropej li jkunu fuq il-katalogi tagħhom permezz ta’ strateġiji editorjali kif ukoll kampanji ta’ pubbliċità u dan iseħħ permezz ta’ poltiki nazzjonali jew reġjonali;

38.

barra minn hekk, jenfasizza li l-koproduzzjoni li spiss hija indispensabbli għall-pakkett finanzjarju u artistiku tal-films Ewropej, tiffavorixxi wkoll iċ-ċirkolazzjoni tal-films u tista’ tittejjeb b’antiċipazzjoni aħjar mill-koprodutturi stess tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ fiż-żoni differenti tal-koprodutturi;

39.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu kostruttiv li qed iseħħ fil-qafas “Liċenzji għall-Ewropa” partikolarment f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa ta’ proċeduri li jiġu segwiti biex jiġi diġitalizzat, restawrat u jsir disponibbli l-patrimonju ċinematografiku Ewropew għaċ-ċittadini, speċjalment fuq pjattaformi konnessi, li b’hekk jippermettu lill-istituzzjonijiet depożitarji ta’ dan il-patrimonju li joħorġu xogħolijiet maħżuna fl-arkivji tagħhom, filwaqt li jagħtu lil dawk li għandhom id-drittijiet sehem ekwu mid-dħul;

40.

ifakkar, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jitjieb u jiġu żviluppati d-disponibbiltà ta’ għadd akbar ta’ verżjonijiet lingwistiċi ta’ film jew films b’sottotitoli f’pajjiż partikolari (14) fuq dawn il-pjattaformi konnessi, dejjem bl-iskop li l-patrimonju ċinematografiku Ewropew isir aċċessibbli għall-akbar pubbliku possibbli;

41.

jinsisti fuq il-ħtieġa li l-industrija ċinematografika timmodernizza permezz ta’ proġetti ta’ diġitalizzazzjoni u inizjattivi ta’ taħriġ, bl-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE, biex din l-industrija tieħu sehem fi strateġija ta’ żvilupp lokali u reġjonali mmirata lejn iċ-ċittadini, filwaqt li tqis id-diversità kulturali u lingwistika u l-varjetà ta’ pajsaġġi awdjoviżivi nazzjonali;

42.

jiġbed l-attenzjoni li l-edukazzjoni għaċ-ċinema għadu qasam li m’huwiex finanzjat biżżejjed u li għandhom jiġu dedikati lilu fondi Ewropej; dan huwa settur ewlieni li minn naħa jwassal biex iż-żgħażagħ jiġu sensibilizzati dwar l-eżistenza ta’ alternattiva għaċ-ċinema Amerikan u għall-aspetti differenti tal-identità Ewropea permezz ta’ din il-vettura kulturali li huwa ċ-ċinema;

43.

iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tagħraf l-importanza tad-dimensjoni territorjali u l-ġustifikazzjoni tal-finanzjament pubbliku tal-awdjoviżwali fil-livell lokali, reġjonali u interreġjonali, permezz tal-politika ċinematografika tagħha, pereżempju biex tħares id-diversità kulturali. It-trattati Ewropej u l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità u l-espressjoni kulturali jistgħu jiġu applikati b’mod sħiħ hawnhekk;

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  CdR 293/2010 final.

(2)  COM(2010) 183 final.

(3)  COM(2012) 537 final.

(4)  COM(2010) 245 final.

(5)  Ara r-riżultati tal-Ewrobarometru speċjali dwar l-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura ppublikat f’Novembru 2013 f’dan is-sit: http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_399_en.pdf

(6)  Ara Studju dwar “A profile of current and future audiovisual audience” sinteżi eżekuttiva http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/en_GB/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=NC0114077

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn (ĠU C 332, 15.11.2013), minn punt 6 ‘il quddiem

(8)  http://ec.europa.eu/avpolicy/info_centre/library/studies/index_fr.htm#territorialisation

(9)  Direttiva 2010/13/KE (ĠU L 95, 15.4.2010).

(10)  COM(2013) 231 final.

(11)  Direttiva 2010/13/KE (ĠU L 95, 15.4.2010).

(12)  COM(2012) 789.

(13)  CdR 2391/2012 final.

(14)  http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/licences-for-europe/131113_ten-pledges_en.pdf


Top