EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE0926

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 242, 23.7.2015, p. 15–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/03)

Relatur:

is-Sur NURM

Nhar l-20 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

“Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 voti favur, 5 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni tittratta l-problema rikorrenti madwar id-dinja u fl-UE tal-ħtif tal-art (land grabbing), kif ukoll il-kwistjoni tal-konċentrazzjoni tal-art, li jikkostitwixxu theddida għall-biedja mill-familji.

1.2.

L-art agrikola tipprovdi l-bażi għall-produzzjoni tal-ikel u għalhekk hija l-prerekwiżit għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mal-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

1.3.

Il-fatturi li ġejjin jinkoraġġixxu l-ħtif tal-art: il-globalizzazzjoni li qed tiżdied u l-prinċipji tal-moviment liberu tal-kapital assoċjati magħha, it-tkabbir fil-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni, id-domanda ikbar għall-prodotti tal-ikel u l-bijoenerġija, id-domanda ikbar għal riżorsi naturali, l-aspett negattiv tal-politika agrikola u dik ambjentali kif ukoll il-possibbiltà li ssir spekulazzjoni dwar il-valur dejjem ogħla tal-art agrikola.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li l-aktar theddida serja ġejja mill-fatt li hemm konċentrazzjoni kbira ta’ art f’idejn investituri kbar u mhux agrikoli u ta’ azjendi agrikoli kbar, anke f’xi partijiet tal-Unjoni Ewropea. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-mudell Ewropew ta’ agrikoltura sostenibbli, multifunzjonali u magħmula minn azjendi agrikoli mmexxija mill-familji u thedded l-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 191 tat-TFUE. Tmur kontra l-għan agrostrutturali ta’ sjieda mifruxa tal-art, toħloq dannu irriversibbli għall-istrutturi ekonomiċi fiż-żoni rurali u twassal għal tip ta’ agrikoltura industrijalizzata mhux mixtieqa fis-soċjetà.

1.5.

L-agrikoltura industrijalizzata tista’ taggrava r-riskji assoċjati mas-sikurezza tal-ikel u d-degradazzjoni tal-art, u dan inaqqas is-sigurtà tal-ikel.

1.6.

Barra mill-produzzjoni tal-ikel, il-biedja mill-familji taqdi funzjonijiet soċjali u ekoloġiċi importanti oħra li ma jistgħux jiġu moqdija minn mudell agrikolu industrijali ddominat minn kumpaniji kbar. Sabiex il-biedja mill-familji tkun tista’ tikkostitwixxi alternattiva vijabbli għall-agrikoltura industrijali u għall-ħtif tal-art għandhom jittieħdu miżuri attivi li jipproteġuha.

1.7.

L-art mhijiex komodità kwalunkwe li tista’ tiġi manifatturata kif ġieb u laħaq fi kwantitajiet kbar. L-art hija riżorsa limitata, u għaldaqstant m’għandhomx japplikaw ir-regoli normali tas-suq. Is-sjieda tal-art u l-użu tal-art iridu jiġu regolati b’mod iktar strett milli ġew s’issa. Fid-dawl tad-distorsjonijiet osservati, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi żviluppat mudell ċar għall-istrutturi agrikoli kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll dak tal-UE, li ser ikollu implikazzjonijiet għall-użu tal-art u d-drittijiet dwar l-art.

1.8.

Ir-regolazzjoni tas-suq għall-art għall-biedja tvarja ħafna bejn l-Istati Membri tal-UE. Billi jeżistu restrizzjonijiet f’xi pajjiżi u mhux f’oħrajn hemm disparitajiet bejn l-Istati Membri.

1.9.

Għalkemm il-politika tal-art taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, hija soġġetta għal ċerti restrizzjonijiet abbażi tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-merkanzija mħaddan fit-Trattati. Għaldaqstant, il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu jekk il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tat-trasferiment tal-proprjetà u l-akkwist ta’ art agrikola u negozji agrikoli għandux ikun garantit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-UE.

1.10.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jorganizzaw l-użu tal-art b’tali mod li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mit-taxxi, l-għajnuna u l-finanzjament tal-PAK. L-idea hija li jitħares il-mudell agrikolu abbażi tal-biedja mill-familji madwar l-UE.

1.11.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-limiti massimi għall-akkwist tal-art agrikola u joħolqu sistema ta’ jeddijiet ta’ prelazzjoni sabiex jiġu megħjuna dawk li l-proprjetà tagħhom taqa’ taħt il-limitu.

1.12.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex iwettqu analiżijiet tal-impatt komprensivi tal-miżuri politiċi (ta’ għajnuna u restrizzjonijiet) li jintużaw fir-rigward tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola u l-produzzjoni agrikola f’pajjiżi differenti, abbażi ta’ metodu uniformi. Ir-riċerka għandha tinvestiga wkoll ir-riskji tal-konċentrazzjoni tal-art għas-sigurtà tal-ikel, l-impjieg, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali.

1.13.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE jimplimentaw il-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Forestrija (VGGT); u jitlobhom ukoll jagħtu rapport lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar l-użu u l-applikazzjoni tal-VGGT fil-politiki tagħhom dwar il-governanza tal-art.

1.14.

Minflok il-konċentrazzjoni tal-art, il-politiki għandhom iħeġġu tranżizzjoni minn produzzjoni fuq skala industrijali għal unitajiet ta’ produzzjoni iżgħar, billi jissaħħaħ il-mudell tal-biedja mill-familji, tranżizzjoni li tkun vantaġġjuża wkoll għall-produzzjoni awtosuffiċjenti tal-ikel.

1.15.

Il-KESE se jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lejn xejriet fil-konċentrazzjoni tal-art, jistudja l-impatt tagħha u jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ proposti biex din titrażżan.

2.   Il-ħtif tal-art madwar id-dinja – il-kuntest ġenerali

2.1.

Din l-Opinjoni tittratta l-kwistjonijiet tal-ħtif tal-art (land grabbing), u tal-konċentrazzjoni tal-art, li l-konsegwenzi tagħhom jikkostitwixxu theddida għall-biedja mill-familji.

2.2.

M’hemmx definizzjoni waħda rikonoxxuta fuq livell internazzjonali għall-ħtif tal-art. Il-ħtif tal-art ġeneralment jinfiehem li jfisser il-proċess tal-akkwist fuq skala kbira ta’ art agrikola mingħajr ma ssir konsultazzjoni man-nies lokali minn qabel jew mingħajr ma jingħata l-kunsens tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, dan inaqqas l-opportunitajiet tan-nies lokali biex jiġġestixxu azjenda agrikola b’mod indipendenti u biex jipproduċu l-ikel. Is-sid għandu wkoll id-dritt li juża r-riżorsi (l-art, l-ilma u l-foresti) u l-profitti mill-użu tagħhom. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn jitwarrab l-użu stabbilit ta’ art agrikola u jiġu favoriti attivitajiet oħra minflok.

2.3.

L-art agrikola u l-aċċess għall-ilma huma l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel. Il-kapaċità li l-pajjiżi jkunu awtosuffiċjenti f’termini ta’ ikel tiddependi minn diversi fatturi; madankollu l-prerekwiżiti bażiċi huma d-disponibbiltà ta’ biżżejjed art agrikola u d-dritt tal-pajjiżi li jirregolaw is-sistemi tas-sjieda u l-użu tal-art.

2.4.

Bħala medja, hemm madwar 2  000 m2 ta’ art agrikola għal kull persuna fuq il-pjaneta. L-ammont ta’ art għall-agrikoltura disponibbli għal kull persuna jvarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor, u xi pajjiżi għalhekk jippruvaw iżidu dan l-ammont ta’ art disponibbli għalihom għall-produzzjoni agrikola billi jixtru art f’pajjiżi oħra.

2.5.

Il-fatturi li ġejjin jinkoraġġixxu l-ħtif tal-art:

2.5.1.

il-globalizzazzjoni li qed tiżdied u l-prinċipji assoċjati tal-moviment liberu tal-kapital;

2.5.2.

iż-żieda fil-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni;

2.5.3.

id-domanda dejjem ikbar għall-ikel;

2.5.4.

id-domanda ikbar għall-bijoenerġija;

2.5.5.

id-domanda ikbar għal riżorsi naturali (fibri u prodotti oħra tal-injam);

2.5.6.

il-lat negattiv tal-politika agrikola u dik ambjentali;

2.5.7.

il-possibbiltà li jkun hemm spekulazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel fis-suq internazzjonali jew tal-anqas dak Ewropew;

2.5.8.

il-potenzjal ta’ spekulazzjoni assoċjat maż-żieda fil-valur tal-art agrikola u l-għajnuna futura;

2.5.9.

l-isforzi ta’ investituri kbar biex jinvestu l-kapital meħlus wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 f’art agrikola bħala investiment aktar sikur.

2.6.

Dan il-ħtif tal-art agrikola huwa ffokat l-iżjed fl-Afrika, l-Amerika t’Isfel u reġjuni oħra, inklużi xi reġjuni tal-Ewropa, fejn l-art hija relattivament irħisa meta mqabbla ma’ pajjiżi industrijalizzati u l-medja internazzjonali.

2.7.

Huwa diffiċli li wieħed jikseb data affidabbli dwar l-estent tal-ħtif tal-art peress li ma jinżammx rekord tat-tranżazzjonijiet tal-art kollha, u ta’ sikwit ikun hemm nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tal-art bejn il-kumpaniji, pereżempju fil-każ ta’ xiri minn sussidjarji u kumpaniji msieħba. Madankollu, xi NGOs u istituzzjonijiet tar-riċerka wettqu xi riċerka dwar is-suġġett. Skont l-estimi tal-Bank Dinji, il-ħtif tal-art bejn l-2008 u l-2009 kien jammonta għal 45 miljun ettaru tal-art madwar id-dinja. Rapport tal-Land Matrix (1) jiddeskrivi kif 83,2 miljun ettaru ta’ art agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jammonta għal 1,7 % tat-total globali, bidlu s-sjieda tagħhom f’1  217-il tranżazzjoni kummerċjali ewlenija.

2.8.

Il-ħtif tal-art kien l-iżjed frekwenti fl-Afrika (56,2 miljun ettaru, jiġifieri 4,8 % tal-art agrikola fil-kontinent), segwit mill-Asja (17,7 miljun ettaru) u l-Amerika Latina (7 miljun ettaru). L-investituri juru preferenza konsistenti għal art f’pożizzjoni ġeografika tajba u li hija aċċessibbli faċilment, bi provvista tal-ilma, u tajba għall-koltivazzjoni tal-ħxejjex u ċ-ċereali, u li toffri rendiment għoli. Huma interessati wkoll f’żoni ta’ foresti. Il-biċċa l-kbira tal-investituri jiġu miċ-Ċina, l-Indja, il-Korea, l-Eġittu, l-Istati tal-Golf, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel; madankollu, uħud minnhom jiġu mill-Istati Uniti u mill-Istati Membri tal-UE. Ix-xerrejja mhumiex interessati f’pajjiżi fejn il-prezz tal-art huwa għoli. F’dawn il-pajjiżi l-konċentrazzjoni tal-art is-soltu tieħu l-għamla ta’ azjendi agrikoli kbar li jixtru l-art mill-bdiewa iżgħar.

2.9.

Skont ir-rapport tal-Fondazzjoni Madariaga (2) tal-10 ta’ Lulju 2013, xi politiki tal-UE – bħall-politiki tal-bijoekonomija, tal-kummerċ u tal-agrikoltura – għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-ħtif tal-art fl-UE u madwar id-dinja. Anke l-politika tal-art liberali u l-prinċipju rikonoxxut b’mod ġenerali tal-moviment liberu tal-kapital u tal-merkanzija jaqdu rwol hawnhekk.

2.10.

B’mod partikolari, l-isforz biex jiżdied is-sehem tal-bijokarburanti u l-possibbiltà li jinħoloq kummerċ taz-zokkor mingħajr dazju u kwoti, li għandhom sehem f’diversi proġetti Afrikani u Asjatiċi assoċjati mal-ħtif tal-art, ġew identifikati bħala fatturi sinifikanti.

3.   Il-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa

3.1.

L-Ewropa tagħmel parti fundamentali mill-proċess globali, u għaldaqstant dawn il-proċessi jseħħu fl-Ewropa wkoll: f’xi żoni huma viżibbli, f’oħrajn jgħaddu mingħajr ma jiġu nnotati. Il-ħtif tal-art qed iseħħ l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.2.

Barra mix-xiri konvenzjonali, mod wieħed kif jista’ jinkiseb il-kontroll tal-art agrikola huwa li jiġu akkwistati kumpaniji li huma fil-pussess ta’ żoni ta’ art agrikola jew jikruhom, jew li wieħed jipprova jixtri ishma f’dawn il-kumpaniji. B’hekk, hemm konċentrazzjoni li qed tiżdied ta’ sjieda tal-art minn kumpaniji kbar, b’agrikoltura industrijalizzata li qed tiżviluppa f’xi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.3.

Filwaqt li l-art agrikola qed tonqos madwar l-Ewropa, qed tkun ikkonċentrata dejjem iktar f’idejn ċerti negozji kbar. Wieħed fil-mija tal-azjendi agrikoli jikkontrollaw 20 % tal-art agrikola fl-Unjoni Ewropea u tlieta fil-mija jikkontrollaw 50 % tal-art. Bil-kontra, 80 % tal-azjendi agrikoli jikkontrollaw biss 14,5 % tal-art agrikola.

3.4.

Fl-Ewropa, hemm korrelazzjoni bejn l-għadd dejjem jonqos ta’ unitajiet ta’ produzzjoni agrikola u l-għadd ta’ nies dejjem inqas impjegati fl-agrikoltura. Pereżempju, bejn l-2005 u l-2010, l-għadd ta’ unitajiet tal-produzzjoni naqas l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, b’mod speċjali l-Istati Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja), u fl-istess waqt ir-reġjun esperjenza l-ikbar tnaqqis fid-domanda għax-xogħol (8,9 % fil-Bulgarija u r-Rumanija u 8,3 % fl-Istati Baltiċi annwalment). Madankollu, fl-Irlanda u Malta, l-għadd ta’ azjendi agrikoli żdied, u miegħu żdiedet ukoll id-domanda għal ħaddiema agrikoli.

3.5.

Tliet kategoriji ta’ investituri – dawk domestiċi, mill-UE u minn pajjiżi terzi – huma responsabbli l-iżjed għax-xiri tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art.

3.6.

L-iktar stħarriġ dettaljat dwar il-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa, inkluża l-Unjoni Ewropea, huwa r-rapport bit-titolu “Concentration, land grabbing and people’s struggles in Europe” (3) (Il-konċentrazzjoni tal-art, il-ħtif tal-art u t-taqbidiet tal-popli fl-Ewropa), ippubblikat minn Via Campesina u n-netwerk “Hands off the Land” f’April 2013. Skont dan ir-rapport, qed iseħħ proċess bil-mod iżda kontinwu ta’ ħtif tal-art u konċentrazzjoni tal-art fl-Unjoni Ewropea, li qed ikollu impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari d-dritt għal ikel adegwat. Il-ħtif tal-art huwa l-aktar estensiv fl-Ungerija u r-Rumanija. Madankollu, l-istess proċess jista’ jiġi osservat f’pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.6.1.

Skont id-data minn sorsi varji, fir-Rumanija sa 10 % tal-art agrikola issa hija f’idejn investituri minn pajjiżi terzi u 20-30 % oħra huma kkontrollati minn investituri mill-UE. Fl-Ungerija miljun ettaru ta’ art ġie akkwistat permezz ta’ kuntratti sigrieti bl-użu ta’ kapital li primarjament kien mill-Istati Membri tal-UE. Għalkemm il-barranin mhumiex permessi jixtru art fil-Polonja sa Mejju 2016, huwa magħruf sew li 2 00  000 ettaru diġà nxtraw minn investituri barranin, l-iżjed minn pajjiżi tal-UE. Fir-reġjun Franċiż ta’ Bordeaux, iċ-Ċiniżi xtraw madwar 100 vinja. Wara r-riunifikazzjon tal-Ġermanja, il-kooperattivi agrikoli f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja ma baqgħux jeżistu u nħolqu kemm azjendi privati tal-familji kif ukoll persuni ġuridiċi. Sadattant hemm indikazzjonijiet li l-persuni ġuridiċi huma partikolarment vulnerabbli għal investituri u mutwanti li mhumiex relatati mal-agrikoltura.

3.7.

L-eżempji li ġejjin jagħtu idea tal-iskala ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet fil-kummerċ: fir-Rumanija, l-ikbar azjendi agrikoli jikkultivaw madwar 65  000 ettaru ta’ art u fil-Ġermanja 38  000 ettaru. L-ikbar impriża tal-ħalib fl-Estonja għandha 2  200 baqra u l-ammont ta’ bhejjem għandu jiżdied għal 3  300.

3.8.

Waħda mir-raġunijiet għall-konċentrazzjoni tal-art fl-Ewropa hija l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taħt l-ewwel pilastru tal-PAK, peress li tagħti effett ta’ lieva akbar lill-produtturi fuq skala kbira u b’hekk toħloq vantaġġi u jkun hemm aktar kapital disponibbli għall-akkwist tal-art. L-iskema ta’ pagament uniku tal-azjendi agrikoli tapplika l-aktar fil-pajjiżi tal-UE-15 u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tapplika fl-UE-12. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni tal-art qed tiżviluppa ħafna iktar bil-mod fl-UE-15 milli fl-UE-12.

3.9.

Min-naħa tagħha, il-konċentrazzjoni tal-art agrikola twassal għal konċentrazzjoni tas-sussidji tal-PAK. Fl-2009, 2 % tal-azjendi mmexxija mill-familji ngħataw 32 % tal-fondi tal-PAK. Hemm differenza bejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa u dawk tal-Lvant tal-Ewropa. Pereżempju, fl-2009, l-azjendi kbar, li jirrappreżentaw 2,8 % tal-azjendi agrikoli kollha fil-Bulgarija, irċevew 66,6 % tal-għajnuna. Iċ-ċifri korrispondenti għall-Estonja huma ta’ 3 % u 53 %, għad-Danimarka huma ta’ 3 % u 25 % u għall-Awstrija huma ta’ 5,5 % u 25 %.

4.   Il-konsegwenzi tal-ħtif tal-art agrikola

4.1.

F’dawk il-pajjiżi fejn iseħħu l-konċentrazzjoni tal-art u l-ħtif tal-art, il-mudell agrikolu multifunzjonali Ewropew, li huwa kkaratterizzat mill-biedja mill-familji, qed jitlef postu għall-produzzjoni agrikola industrijali fuq skala kbira.

4.2.

Ir-riċerka eżistenti tissuġġerixxi li l-għelejjel ta’ ikel u mhux ta’ ikel ikkoltivati fuq art mixtrija fil-biċċa l-kbira minnhom jiġu esportati lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tal-investituri, u parti żgħira biss minn dawn l-għelejjel tkun maħsuba għas-swieq domestiċi. Minħabba f’hekk, is-sigurtà tal-ikel domestiku hija inversament proporzjonali mal-estent tal-ħtif tal-art.

4.3.

Il-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art wasslu għall-ispostiment tal-azjendi agrikoli li kienu qed jużaw l-art. Dan iwassal għat-telf ta’ impjiegi u inqas spazju fejn tista’ tgħix il-popolazzjoni fiż-żoni rurali. Is-soltu dan il-proċess mhuwiex riversibbli, peress li huwa diffiċli ħafna għall-produtturi ż-żgħar u saħansitra għall-bdiewa l-ġodda (u ż-żgħażagħ) biex jixtru art u jsibu posthom f’dan is-settur ekonomiku fin-nuqqas ta’ biżżejjed kapital.

4.4.

Għalkemm il-Bank Dinji pprova jenfasizza l-aspetti pożittivi tal-ħtif tal-art – bħal żieda fl-effiċjenza, l-innovazzjoni u l-iżvilupp – ħafna organizzazzjonijiet u movimenti tas-soċjetà ċivili kkritikaw il-fenomenu. Fil-fehma tagħhom, dan iwassal għal ħsara ambjentali, degradazzjoni tal-art u għal telf ta’ opportunitajiet fiż-żoni rurali, u minflok biedja sostenibbli, tiġi żviluppata industrija agrikola enormi bbażata fuq il-monokultura.

4.5.

Il-ħtif tal-art iħalli impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-komunità rurali. L-iżvantaġġ tal-koltivazzjoni fuq skala kbira huwa iktar qgħad fiż-żoni rurali, li għandu effetti soċjali.

4.6.

Willis Peterson, riċerkatur fl-Università ta’ Minnesota, isostni li l-azjendi ż-żgħar immexxija mill-familji huma effiċjenti mill-inqas daqs l-azjendi l-kbar. Anke l-affermazzjoni li l-konċentrazzjoni tal-art twassal għal rendiment ikbar tikkontradixxi l-fatti (4). Id-data tal-FAO turi l-oppost, peress li 90 % tal-azjendi agrikoli fid-dinja huma azjendi agrikoli mmexxija mill-familji, jikkoltivaw 75 % tal-art agrikola u jipproduċu 80 % tal-ikel tad-dinja.

4.7.

L-Iskozja tipprovdi eżempju ta’ tal-konsegwenzi fir-rigward tal-ħtif tal-art. 200 sena ilu, żona d-daqs tal-Pajjiżi l-Baxxi inqasmet f’unitajiet ta’ madwar 8  000 u 20  000 ettaru u nbiegħet lill-investituri. F’din iż-żona kienu jgħixu bejn 1,5 miljun u 2 miljun individwu u sal-lum il-ġurnata ħadd m’għadu jgħix f’din iż-żona minħabba l-agrikoltura fuq skala industrijali. Il-Parlament Skoċċiż bħalissa qiegħed jaħdem fuq proġett biex jattira n-nies imorru jgħixu mill-ġdid fiż-żona, iżda dan huwa konsiderevolment ogħla milli kieku kien inżamm il-mudell tal-biedja fuq skala żgħira.

5.   Ir-rwol tal-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji fis-soċjetà u s-sigurtà tal-ikel

5.1.

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2014 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Biedja mill-Familji. Il-KESE kien involut f’diversi modi biex jenfasizza l-importanza strateġika tal-biedja mill-familji għas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp taż-żoni rurali u fit-tħeġġiġ ta’ dibattitu pubbliku dwar il-kwistjoni.

5.2.

Għalkemm ma teżistix definizzjoni rikonoxxuta ġeneralment ta’ x’inhi biedja mill-familji fl-UE jew fil-livell internazzjonali, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiddefinixxu dan it-terminu. Il-KESE jissuġġerixxi li azjenda għandha tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin sabiex tikkwalifika bħala azjenda agrikola mmexxija mill-familji:

5.2.1.

id-deċiżjonijiet operattivi jittieħdu mill-membri tal-familja;

5.2.2.

il-biċċa l-kbira tax-xogħol fl-azjenda jsir mill-membri tal-familja;

5.2.3.

il-familja hija s-sid kemm tal-proprjetà kif ukoll ta’ ħafna mill-kapital jew l-art tinsab f’idejn komunità lokali;

5.2.4.

il-familja tikkontrolla wkoll l-operazzjoni tal-azjenda;

5.2.5.

l-azjenda tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra tal-familja;

5.2.6.

il-familja tgħix fuq l-art li hija parti mill-azjenda jew fil-qrib.

5.3.

F’ħafna partijiet tad-dinja, il-ħajja u x-xogħol fl-agrikoltura u ż-żoni rurali, imsejsa fuq il-biedja mill-familji u b’rispett għall-aspetti soċjali u ambjentali, għandhom tradizzjoni li tmur lura eluf ta’ snin. Fejn ikun hemm ċertezza legali u stabbiltà politika l-azjendi agrikoli mmexxija mill-familji madwar id-dinja wrew li huma stabbli jew saħansitra superjuri għal sistemi agrikoli oħra.

5.4.

Barra mill-produzzjoni tal-ikel, il-biedja mill-familji taqdi wkoll funzjonijiet soċjali utli oħra li ma jistgħux jiġu pprovduti mill-mudell agrikolu industrijali ddominat minn kumpaniji kbar u li jistrieħ fuq l-impjegati.

5.4.1.

Il-biedja mill-familji kif ukoll il-kooperattivi agrikoli jaqdu rwol attiv fl-għamla ekonomika ta’ żoni rurali. Is-sħubija fil-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet professjonali hija ta’ importanza konsiderevoli minħabba l-istabbilità u l-flessibbiltà li jipprovdu. L-irziezet jippreżervaw il-wirt kulturali u l-mod ta’ għajxien rurali, issaħħu l-ħajja soċjali fil-kampanja, jiġġeneraw prodotti ta’ valur għoli, jadottaw approċċ sostenibbli għal riżorsi naturali u jiżguraw li s-sjieda fiż-żoni rurali tkun mifruxa sew.

5.4.2.

L-azjendi agrikoli mmexxija mill-familj ma jilmentawx dwar in-nuqqas ta’ impjiegi, anzi joħolquhom huma stess, u huma miftuħa għall-innovazzjoni.

5.4.3.

L-azjendi agrikoli joffru ambjent ideali għat-tfal, fejn għarfien u ħiliet importanti jistgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dawn in-negozji.

5.4.4.

Karatteristika waħda tal-biedja mill-familji hija li tkun varjata u deċentralizzata. Dan jiżgura swieq kompetittivi u jillimita r-riskji assoċjati mal-konċentrazzjoni tal-art.

5.4.5.

L-għadd kbir ta’ azjendi huwa valur fih innifsu mil-lat tas-sopravivenza tal-bniedem peress li jiżgura li aktar nies ikollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għall-produzzjoni tal-ikel u għalhekk joħloq il-kundizzjonijiet bażiċi meħtieġa biex dawn il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għas-sopravivenza jkunu disponibbli anke fi żminijiet ta’ kriżi. Sabiex il-biedja mill-familji tkun tista’ tikkostitwixxi alternattiva vijabbli għall-agrikoltura industrijali u għall-ħtif tal-art għandhom jittieħdu miżuri attivi li jipproteġuha, fost l-oħrajn miżuri ta’ għajnuna għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u miżuri kontra l-prattiki ta’ kummerċ żleali. Il-miżuri ta’ politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jistgħu jgħinu biex il-biedja mill-familji ssir aktar sostenibbli u aktar reżiljenti (5).

6.   Possibbiltajiet għar-regolazzjoni tas-suq għall-art agrikola u l-prevenzjoni tal-ħtif tal-art u l-konċentrazzjoni tal-art

6.1.

L-art hija l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel. L-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (6) u l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (7) jobbligaw lill-pajjiżi biex jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull individwu li jgħix fit-territorju tiegħu għal ikel adegwat u sikur u għandhom rabta diretta mal-aċċess għall-art.

6.2.

Peress li l-UE ftit li xejn tipproduċi żejt jew gass, is-sigurtà tal-ikel tagħha hija mhedda. Għaldaqstant għandhom jinżammu l-agrikoltura sostenibbli u l-biedja mill-familji.

6.3.

L-art mhijiex komodità kwalunkwe li tista’ tiġi manifatturata kif ġieb u laħaq fi kwantitajiet kbar. L-art hija riżorsa limitata, u għaldaqstant m’għandhomx japplikaw ir-regoli normali tas-suq. Il-KESE jemmen li fl-Istati Membri u fl-UE għandu jkun hemm diskussjoni fil-fond dwar mudell agrikolu strutturali ċar. Il-konsegwenzi u l-miżuri marbutin mal-politika jistgħu u għandhom jinsiltu biss fuq din il-bażi. Eżempju ta’ dan huwa l-valutazzjoni legali tal-akkwist ta’ ishma f’kumpaniji agrikoli (l-hekk imsejħa share deals). Is-sjieda tal-art u l-użu tal-art iridu jkunu soġġetti għal aktar regolazzjoni.

6.4.

Organizzazzjonijiet minn diversi naħat tal-ispettru politiku ddiskutew ir-regolazzjoni dwar is-sjieda tal-art u t-tfassil ta’ miżuri ta’ politika adatti, u jenfasizzaw li l-governanza tajba hija essenzjali għal dan il-qasam. Il-FAO (Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti) fasslet id-dokument tagħha “Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Forestrija” (8). L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jinkisbu drittijiet regolati u sikuri dwar l-użu tal-art, u jiġi żgurat aċċess ugwali għar-riżorsi (art, sajd, foresti) u b’hekk jitnaqqsu l-ġuħ u l-faqar filwaqt li jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u ambjent iktar san. L-UNCTAD, il-FAO, l-IFAD u l-Bank Dinji żviluppaw flimkien prinċipji għal investiment agrikolu responsabbli (9) li jirrispetta d-drittijiet, il-mezzi ta’ għajxien u r-riżorsi. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fasslet Qafas ta’ Politika għall-Investiment fl-Agrikoltura (PFIA) (10). L-għan huwa li l-Istati jiġu ggwidati fit-tfassil ta’ miżuri ta’ politika li jinkoraġġixxu investimenti agrikoli privati.

6.5.

Il-KESE jemmen li l-linji gwida tal-FAO/tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-użu tal-art huma pass importanti u jitlob li jiġu implimentati b’mod sod u preċiż fil-pajjiżi kollha. Drittijiet tas-sjieda mhux ċari għall-bdiewa huma indikazzjoni ta’ governanza ħażina u, min-naħa l-oħra, inċentiv għall-ħtif tal-art.

6.6.

Il-Karta tal-Factor Markets, ippubblikata fl-2012 (11), teżamina r-regolamentazzjoni tal-bejgħ tal-art fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati. Jidher li diversi Stati Membri għandhom regolamentazzjoni nazzjonali li twaqqaf il-konċentrazzjoni tal-art furzata u x-xiri tal-art minn barranin, pereżempju permezz tal-għoti ta’ jeddijiet ta’ prelazzjoni. F’xi pajjiżi, ix-xiri kollu ta’ art agrikola jesiġi awtorizzazzjoni uffiċjali, ikun xi jkun il-pajjiż ta’ oriġini tax-xerrej. Dawn il-pajjiżi jinkludu Franza, il-Ġermanja u l-Isvezja. Fl-istess waqt, hemm pajjiżi bħall-Ungerija u l-Litwanja fejn ġie stabbilit limitu massimu fuq l-ammont ta’ art agrikola li jista’ jkun fil-pussess ta’ sid wieħed.

6.6.1.

Fi Franza, it-tranżazzjonijiet tal-art huma monitorjati mill-awtoritajiet tal-art reġjonali (Sociétés d’Aménagement Foncier et d’Etablissement Rural, SAFER). Is-SAFER huwa korp reġjonali li għandu l-kompitu li jappoġġja lill-bdiewa, speċjalment lill-bdiewa żgħażagħ, fil-proċess tar-ristrutturar tas-sjieda tal-art, u l-iżgurar ta’ swieq trasparenti ta’ art agrikola.

6.6.2.

Fl-Isvezja, ix-xiri tal-art f’żoni b’popolazzjoni skarsa jesiġi permessi speċjali. Meta jingħataw dawn il-permessi, l-awtoritajiet iqisu t-taħriġ jew l-esperjenza preċedenti tax-xerrej; xi kultant hemm ukoll l-esiġenza għal residenza fuq l-art mixtrija. Fl-Isvezja persuna fiżika biss tista’ takkwista art agrikola.

6.6.3.

Fil-Litwanja persuna ġuridika li tieħu mill-inqas 50 % tad-dħul totali tagħha mill-attività agrikola għandha l-permess li tixtri l-art. Persuni fiżiċi u ġuridiċi lokali jistgħu jkunu sidien ta’ massimu ta’ 500 ettaru ta’ art.

6.6.4.

Fil-Belġju, l-Italja u Franza, lokatarji ta’ art agrikola għandhom jeddijiet ta’ prelazzjoni fil-każ tat-trasferiment tal-proprjetà.

6.7.

Kif turi s-sinteżi ta’ hawn fuq, ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-art agrikola tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru u ieħor tal-UE. Il-fatt li jeżistu restrizzjonijiet f’xi pajjiżi u mhux f’oħrajn iwassal għal disparitajiet bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jispjega d-deċiżjoni tal-Parlament tal-Bulgarija biex jantiċipa theddid dirett għall-art agrikola tal-Bulgarija u jestendi l-moratorju fuq akkwisti ta’ art agrikola, li kellu jiskadi fit-22 ta’ Ottubru 2013, sal-2020, kontra twissija tal-UE, peress li fil-Bulgarija l-prezz tal-art – iżda wkoll il-poter tax-xiri tal-bdiewa – huwa ħafna inqas minn dak f’pajjiżi iktar għonja.

6.8.

L-analiżi li saret mill-Factor Markets fl-2012 (12) tinnota li d-dominanza mill-korporazzjonijiet il-kbar tas-suq tal-art agrikola xxekkel it-tħaddim normali tas-suq. Il-korporazzjonijiet li jaħtfu l-art jużaw is-saħħa tagħhom kemm fuq is-swieq tal-art agrikola lokali kif ukoll reġjonali biex jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-art u l-kundizzjonijiet tal-kiri.

6.9.

Il-politika dwar l-art hija kompetenza tal-Istati Membri. Dawn jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet jekk l-enerġija nazzjonali jew is-sigurtà tal-ikel ikunu mhedda, u jekk dawn ir-restrizzjonijiet ikunu fl-ogħla interess pubbliku. Ir-restrizzjonijiet huma permessi biex jevitaw l-ispekulazzjoni, jippreservaw it-tradizzjonijiet lokali u biex jiġi żgurat l-użu xieraq tal-art. Fl-istess ħin, dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-kapital stabbilit fit-Trattati. Għaldaqstant, il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu jekk il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-iżvestiment u l-akkwist ta’ art agrikola u negozji agrikoli għandux ikun garantit, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-UE. B’rabta ma’ dan wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-prezzijiet tal-art agrikola u d-dħul individwali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Irridu nwieġbu l-mistoqsija dwar jekk il-moviment liberu tal-kapital u s-swieq ħielsa humiex kompatibbli mal-aċċess ugwali għall-akkwist tal-art għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha.

6.10.

Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri jridu jingħataw aktar opportunitajiet biex, abbażi ta’ mudell tal-biedja sostenibbli, jirregolaw u jillimitaw is-swieq rispettivi tagħhom għall-art agrikola minħabba s-sigurtà tal-ikel u għanijiet leġittimi oħra. Fl-istess ħin, il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jisfruttaw l-opportunitajiet kollha disponibbli għalihom biex ifasslu l-leġislazzjoni. Huwa ċar li f’xi pajjiżi hemm nuqqas ta’ għanijiet ta’ politika ċari, jew li l-għanijiet għandhom tendenza jkunu diskriminatorji.

6.11.

Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonkludu li restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital huma ġustifikati fl-interess tas-sigurtà tal-ikel, se jkunu meħtieġa diskussjonijiet fil-livell internazzjonali peress li l-moviment liberu tal-kapital huwa salvagwardjat taħt diversi ftehimiet internazzjonali.

6.12.

L-għażliet legali u politiċi disponibbli għall-UE u l-Istati Membri jippermettulhom jinfluwenzaw l-użu tal-art permezz ta’ sussidji jew taxxi. L-użu adatt tal-istrumenti tal-PAK u l-politika tal-art jista’ jiżgura li l-biedja tibqa’ fattibbli u ekonomikament vijabbli, anke għal negozji iżgħar, u b’hekk tiġi evitata l-konċentrazzjoni tal-art.

6.13.

Taħt il-PAK riformata ċertament li jkun possibbli li jiġu introdotti limiti u jiġu aġġustati l-pagamenti diretti, b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni isħaħ għall-ewwel ftit ettari. Fl-istess waqt, jistgħu jiġu semplifikati l-għotjiet għal investiment u l-pagamenti diretti għal azjendi żgħar. Madankollu, il-KESE jiddubita li r-restrizzjonijiet eżistenti ser ikollhom effett kbir għall-prevenzjoni tal-konċentrazzjoni tal-art u jekk l-Istati Membri b’differenzi strutturali kbar bejn l-azjendi u l-ogħla livelli ta’ konċentrazzjoni tal-art se jużaw din l-għażla biżżejjed. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jintroduċu mekkaniżmu msaħħaħ għat-tqassim mill-ġdid tal-għajnuna.

6.14.

L-art agrikola hija riżorsa naturali limitata u huwa għalhekk li l-ħtif tal-art jhedded l-implimentazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 191 tat-TFUE. Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jindirizzaw b’mod attiv il-kwistjoni tal-governanza dwar l-użu tal-art.

6.15.

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Istati Membri kollha tal-UE jiġi introdott limitu massimu fuq l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, u dawk li jinsabu taħt dan il-limitu massimu għandu jkollhom jedd ta’ prelazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw il-jedd ta’ prelazzjoni biss fil-każ ta’ dawk il-bdiewa li jinsabu taħt dan il-limitu massimu.

6.16.

Il-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti fil-proċess tad-deċiżjonijiet tal-użu tal-art; dan għandu jfisser li jingħataw iktar drittijiet u opportunitajiet.

6.17.

Il-produzzjoni tal-ikel għandha tingħata prijorità ogħla mill-bijokarburanti fl-użu tal-art agrikola.

6.18.

Minflok il-konċentrazzjoni tal-art, il-politiki għandhom iħeġġu tranżizzjoni minn produzzjoni fuq skala industrijali għal unitajiet ta’ produzzjoni iżgħar, li jkun vantaġġjuż ukoll għall-produzzjoni tal-ikel awtosuffiċjenti. Fl-Istati Membri tal-UE għandu jkun hemm istituzzjonijiet tal-Istat li jissorveljaw b’mod ġenerali l-istrutturi tas-sjieda u l-użu tal-art agrikola. Għal dan il-għan għandhom jinħolqu bażijiet tad-data statali fil-livell nazzjonali li apparti informazzjoni dwar is-sidien tal-art jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-utenti tal-art. B’din id-data jkun possibbli li titwettaq riċerka importanti ħafna u jitmexxew reazzjonijiet f’waqthom għall-bidliet.

6.19.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament biex iwettqu analiżijiet tal-impatt komprensivi dwar kif il-politiki u r-restrizzjonijiet prevalenti jaffettwaw il-konċentrazzjoni tal-art f’pajjiżi differenti, abbażi ta’ metodu uniformi. Ir-riċerka għandha tinvestiga wkoll ir-riskji tal-konċentrazzjoni tal-art għas-sigurtà tal-ikel, l-impjieg, l-ambjent u l-iżvilupp rurali.

6.20.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu rapport lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar l-użu u l-applikazzjoni tal-VGGT fil-politiki tagħhom dwar il-governanza tal-art. Il-VGGT għandhom kamp ta’ applikazzjoni globali (Artikolu 2.4), li jinkludi l-Ewropa. Il-VGGT jitolbu lill-Istati jwaqqfu pjattaformi b’diversi partijiet interessati, bil-kontribut u l-parteċipazzjoni ta’ dawk l-iżjed milqutin, bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida u jagħmlu mod li l-politiki tagħhom jikkonformaw magħhom (13).

6.21.

Il-KESE se jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lejn xejriet fil-konċentrazzjoni tal-art, jistudja l-impatt tagħha u jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ proposti biex din titrażżan. Barra minn hekk, il-WFAL (World Forum on Access to Land and Natural Resources – Forum Dinji dwar l-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali) jappoġġja wkoll l-inizjattiva u qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jappoġġjaw din l-attività.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.landmatrix.org/en

(2)  www.madariaga.org

(3)  http://www.eurovia.org/IMG/pdf/Land_in_Europe.pdf

(4)  http://familyfarmingahap.weebly.com/family-vs-corporate-farming.html

(5)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/note/join/2014/529047/IPOL-AGRI_NT(2014)529047_EN.pdf

(6)  http://www.ohchr.org/en/professionalinterest/pages/cescr.aspx

(7)  http://www.un.org/en/documents/udhr/index.shtml#a25

(8)  http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf

(9)  http://unctad.org/en/Pages/DIAE/G-20/PRAI.aspx

(10)  http://www.oecd.org/daf/inv/investment-policy/PFIA_April2013.pdf

(11)  http://ageconsearch.umn.edu/bitstream/120249/2/FM_WP14CEPSonSalesMarketRegulations_D15.1_Final.pdf

(12)  http://ageconsearch.umn.edu/bitstream/120249/2/FM_WP14CEPSonSalesMarketRegulations_D15.1_Final.pdf

(13)  Ara l-Artikolu 26.2 tal-VGGT: http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf


Top