EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0540

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2013

/* COM/2014/0540 final */

52014DC0540

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2013 /* COM/2014/0540 final */


Werrej

1............ Introduzzjoni 3

2............ Operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE.. 3

3............ Evoluzzjonijiet tal-operazzjonijiet garantiti 5

3.1......... Operazzjonijiet immaniġġjati direttament mill-Kummissjoni 5

3.1.1...... Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja. 5

3.1.2...... Il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti 6

3.1.3...... Is-self ta' assistenza makrofinanzjarja. 6

3.1.4...... Self tal-Euratom.. 7

3.2......... Evoluzzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament estern tal-BEI. 7

4............ Riskji koperti mill-baġit tal-UE.. 8

4.1......... Definizzjoni ta' riskju. 8

4.2......... Kompożizzjoni tar-riskju. 9

4.3......... Riskju annwali kopert mill-baġit tal-UE.. 11

4.3.1...... Riskju marbut mal-Istati Membri 11

4.3.2...... Riskju marbut ma’ pajjiżi terzi 12

5............ L-attivazzjoni tal-garanziji u l-evoluzzjoni tal-Fond. 14

5.1......... Attivazzjoni ta’ garanziji 14

5.1.1...... Pagamenti minn riżorsi ta’ flus. 14

5.1.2...... Pagamenti mill-baġit tal-UE.. 14

5.1.3...... L-eżerċizzju tal-Fond u l-irkupri 14

5.2......... Evoluzzjoni tal-Fond. 15

1.           Introduzzjoni

L-objettiv ta' dan ir-rapport huwa li jiġu mmonitorjati r-riskji tal-kreditu merfugħin mill-baġit tal-UE li jirriżultaw mill-garanziji mogħtija u mill-operazzjonijiet ta' għoti b'self implimentati direttament mill-Unjoni Ewropea jew indirettament permezz tal-mandati esterni tal-BEI.

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 149 tar-Regolament Finanzjarju[1] li jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta darba fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji tal-baġit tal-UE u r-riskji korrispondenti[2].

Ir-rapport huwa strutturat kif ġej: taqsima 2 tfakkar il-karatteristiċi ewlenin tal-operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE; diversi mekkaniżmi ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet addizzjonali oħra, li ma jimplikaw l-ebda riskju għall-baġit tal-UE, huma ppreżentati wkoll. Taqsima 3 tispjega l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti. Imbagħad, it-Taqsima 4 tenfasizza r-riskji ewlenin koperti mill-baġit tal-UE filwaqt li t-Taqsima 5 tiddeskrivi l-attivazzjoni tal-garanziji u l-evoluzzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (“il-Fond”)[3].

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) jikkumplimenta dan ir-rapport b’sett ta’ tabelli u noti ta’ spjegazzjoni dettaljati. Huwa jipprovdi wkoll analiżi makroekonomika tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn self u/jew garanziji tal-UE, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-iskopertura tal-Fond.

2.           Operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-UE

Ir-riskji koperti mill-baġit tal-UE jirriżultaw minn varjetà ta’ operazzjonijiet ta' għoti b'self u ta’ garanziji li jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji:

– self mogħti mill-Unjoni Ewropea b’objettivi makroekonomiċi, jiġifieri self ta’ assistenza makrofinanzjarja[4] ("MFA") lil pajjiżi terzi flimkien mal-istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods, self għall-bilanċ tal-pagamenti[5] ("BOP") li jagħti appoġġ lill-Istati Membri li ma jużawx l-euro li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti, self mogħti skont il-mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilizzazzjoni finanzjarja ("EFSM")[6] li jagħti appoġġ lill-Istati Membri kollha li jkunu qed jiffaċċjaw, jew huma mhedda serjament minn diffikulatjiet ekonomiċi finanzjarji serji kkawżati minn avvenimenti eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom; kif ukoll

– self b'objettivi mikroekonomiċi, jiġifieri self tal-Euratom u, l-aktar importanti, finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment ("il-BEI") ta' operazzjonijiet fi stati li mhumiex Stati Membri tal-UE ("finanzjament estern tal-BEI") li huma koperti b'garanziji tal-UE[7].

Il-finanzjament estern garantit tal-BEI, is-self tal-Euratom u s-self tal-MFA lil pajjiżi terzi ilhom mill-1994 jiġu koperti mill-Fond, filwaqt li s-self BOP u EFSM jiġi kopert direttament mill-baġit tal-UE.

Il-Fond ikopri inadempjenzi fuq self u garanziji fuq self mogħtija lil stati mhux Stati Membri tal-UE jew għal proġetti fi stati mhux Stati Membri tal-UE. Ġie stabbilit:

– biex jipprovdi “riżerva ta' likwidità” sabiex ikun evitat li wieħed jirrikorri għall-baġit tal-UE kull darba li jkun hemm inadempjenza jew pagament tard fuq self garantit; kif ukoll

– biex joħloq strument ta' dixxiplina baġitarja billi jistabbilixxi qafas finanzjarju għall-iżvilupp tal-politika tal-UE fuq garanziji ta' self mill-Kummissjoni u l-BEI lil pajjiżi terzi[8].

Jekk pajjiżi terzi jsiru Stati Membri, is-self marbut ma’ dawn il-pajjiżi ma jibqax kopert mill-Fond u r-riskju jkollu jiġġarrab direttament mill-baġit tal-UE. Il-Fond hu allokat mill-baġit tal-UE u jrid jinżamm f'ċertu perċentwali tal-ammont pendenti tas-self jew tal-garanziji fuq is-self koperti mill-Fond. Dan il-perċentwali, magħruf bħala r-rata tal-mira, bħalissa huwa 9 %[9]. Jekk ir-riżorsi tal-Fond ma jkunux biżżejjed, il-baġit tal-UE jipprovdi l-fondi neċessarji.

Mekkaniżmi tal-immaniġġjar tal-kriżijiet oħra li mhumiex koperti mill-baġit tal-UE

Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, ġew stabbiliti diversi mekkaniżmi oħra li, madankollu, ma jimplikaw l-ebda riskju għall-baġit tal-UE:

- il-Faċilità tas-Self għall-Greċja (GLF)[10] li hija ffinanzjata permezz ta’ self bilaterali mill-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro lill-Greċja u mmaniġġjata ċentralment mill-Kummissjoni.

- Il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)[11]: L-EFSF inħolqot mill-Istati Membri taż-żona tal-euro wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu fid-9 ta' Mejju 2010 fil-qafas tal-Kunsill tal-Ecofin. Il-mandat tal-EFSF huwa li tħares l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa billi tipprovdi assistenza finanzjarja lil Stati Membri taż-żona euro skont qafas ta' programm ta’ aġġustament makroekonomiku. L-EFSF inħolqot bħala mekkaniżmu temporanju ta' salvataġġ u kienet mutwanti tal-Greċja (flimkien mal-FMI u xi Stati Membri) kif ukoll lill-Irlanda u l-Portugall (flimkien mal-FMI, xi Stati Membri u UE/EFSM)[12]. F’Ottubru 2010, ġie deċiż li jinħoloq mekkaniżmu ta’ salvataġġ permanenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

- il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES)[13]: It-Trattat dwar il-MES daħal fis-seħħ fis-27 ta' Settembru 2012. Minn din id-data 'l quddiem, il-MES sar mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet u l-istrument ewlieni biex jiffinanzja programmi ġodda. B’mod parallel mal-MES, l-EFSF qed tkompli bil-programmi fis-seħħ tagħha għall-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda iżda ma għadhiex involuta fi programmi ta’ finanzjament ġodda jew fi ftehimiet ta' faċilità ta' self sa mill-1 ta’ Lulju 2013. Il-MES huwa organizzazzjoni intergovernattiva skont il-liġi pubblika internazzjonali, ibbażat fil-Lussemburgu. L-azzjonisti huma t-18-il Stat Membru fiż-żona tal-euro. Il-kapital sottoskritt totali huwa EUR 700 biljun, li minnhom EUR 80 biljun huma kapital imħallas (l-aħħar parti minn 5 segmenti hija dovuta sal-ewwel nofs tal-2014) u l-kapital eżerċitabbli impenjat huwa ta’ EUR 622 biljun. Il-kapaċità ta’ self effettiv hija ta’ EUR 500 biljun

3.           Evoluzzjonijiet tal-operazzjonijiet garantiti

Din it-taqsima tispjega l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet garantiti; l-ewwel ta’ dawk immaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u mbagħad ta’ dawk immaniġġjati mill-BEI.

3.1.        Operazzjonijiet immaniġġjati direttament mill-Kummissjoni

3.1.1.     Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin stabbilixxew il-volum massimu tal-mekkaniżmu għal EUR 60 biljun[14], fejn il-limitu legali huwa previst fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2010, li jillimita l-ammont pendenti għall-marġini disponibbli skont il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li tingħata assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Irlanda[15] (sa EUR 22,5 biljun) u lill-Portugall[16], (sa EUR 26 biljun), l-iżborżi laħqu EUR 21,7 biljun lill-Irlanda u EUR 22,1 biljun lill-Portugall.

Żviluppi matul l-2013

Ma saru l-ebda operazzjonijiet ġodda fl-2013.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, l-EFSM kien fadallu kapaċità ta' EUR 11,5 biljun, mill-volum massimu tiegħu ta' EUR 60 biljun, biex jipprovdi aktar assistenza, f'każ ta' bżonn[17].

Żviluppi sussegwenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013

F’Marzu 2014, kien żborżat l-aħħar segment ta’ EUR 800 miljun lill-Irlanda, li għalaq il-kapaċità massima ta’ self għal dan il-pajjiż. Fl-istess żmien kien żborżat segment addizzjonali ta’ EUR 1,8 biljun lill-Portugall.

3.1.2.     Il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti

L-assistenza finanzjarja tal-UE fuq terminu medju taħt il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti ġiet riattivata f’Novembru 2008 biex tgħin lill-Ungerija u sussegwentement f’Jannar u f’Mejju 2009 biex tgħin lil-Latvja u lir-Rumanija jirrestawraw il-kunfidenza tas-suq għal impenn totali ta’ EUR 14,6 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 1,2 biljun mhumiex se jiġu żborżati peress li l-iskadenza tal-iżborż għaddiet.

Żviluppi matul l-2013

Fir-rigward tar-Rumanija, minbarra l-EUR 5 biljuni ta’ assistenza li diġà ngħataw, fit-12 ta' Mejju 2011, il-Kunsill iddeċieda li jipprovdi assistenza finanzjarja prekawzjonarja lil dan il-pajjiż sa EUR 1,4 biljuni[18]. Madankollu, ma kinux meħtieġa żborżi u l-Faċilità skadiet fil-31 ta’ Marzu 2013.

Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill iddeċieda li jqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Rumanija għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq terminu medju[19] li tammonta għal massimu ta' EUR 2 biljuni fil-forma ta’ self b’maturità medja massima ta’ 8 snin. Il-fondi jistgħu jintalbu sat-30 ta’ Settembru 2015.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, il-faċilità BOP kien fadalla kapaċità ta' EUR 36,6 biljun, mill-volum massimu kumplessiv ta' EUR 50 biljun, biex tipprovdi aktar assistenza, f'każ ta' bżonn.

Żviluppi sussegwenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013

Ma sarux aktar operazzjonijiet.

3.1.3.     Is-self ta' assistenza makrofinanzjarja

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-deċiżjonijiet tal-AMF ma baqgħux jittieħdu mill-Kunsill waħdu, iżda bdew jittieħdu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Żviluppi matul l-2013

Kien hemm żborż wieħed biss ta’ EUR 100 miljun lill-Bożnja u Ħerzegovina (BiH) matul dan il-perjodu. EUR 80,9 miljun kienu tħallsu lura mill-pajjiżi benefiċjarji (ir-Rumanija EUR 12,5 miljun, il-BiH EUR 4 miljun, FYRoM EUR 7,4 miljun, is-Serbja EUR 44,76 miljun u l-Montenegro EUR 0.24 miljun u t-Taġikistan EUR 12 miljun).

L-ammont pendenti ta’ self tal-MFA żdied minn EUR 545,5 miljun għal EUR 564,4 miljun fl-2013.

Żviluppi sussegwenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013

L-assistenza tal-MFA lill-Ukraina approvata fl-2010[20] flimkien mal-fondi disponibbli mill-għajnuna approvata fl-2002[21], tammonta għal EUR 610 miljun f’self. Minn dan l-ammont, l-ewwel segment ta’ EUR 100 miljun kien żborżat f'nofs Mejju 2014.  

Fl-14 ta' April 2014, il-Kunsill iddeċieda dwar aktar self MFA lill-Ukraina[22] sa ammont massimu ta' EUR 1 biljun. L-ewwel segment (EUR 500 miljun) ġie żborżat f’Ġunju 2014.

3.1.4.     Self tal-Euratom

Is-self tal-Euratom lill-Istati Membri jew f’ċerti pajjiżi eliġibbli li mhumiex Stati Membri tal-UE (il-Federazzjoni Russa, l-Armenja, l-Ukraina) għandu limitu massimu ta’ EUR 4 biljuni, li minnhom diġà ntużaw madwar 85%. L-ammont li jifdal ta’ madwar EUR 600 miljun jista’ jintuża għall-finanzjament ta’ proġetti ġodda. Self ta’ EUR 300 miljun lill-Ukraina, li se jkunu ddedikati għall-aġġornament tal-faċilitajiet nukleari eżistenti ġie ffirmat fis-7 ta’ Awwissu 2013.

Żviluppi matul l-2013

Ma sarux żborżi ta' self fl-2013. L-ammonti mħallsa lura kienu jikkonsistu f’EUR 19,81 miljun mill-Bulgarija, EUR 10 miljuni mir-Rumanija u EUR 6,61 miljun mill-Ukraina.

Żviluppi sussegwenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013

Ma kienx hemm żviluppi oħra.

3.2.        Evoluzzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament estern tal-BEI

Żviluppi matul l-2013

Il-garanzija tal-UE lill-BEI għal finanzjament estern tal-BEI li jkopri l-perjodu 2007-2013 (“il-mandat estern 2007-2013”) ġiet estiża b’sitt xhur għaliex sal-31 ta’ Diċembru 2013 ma kienet ġiet adottata l-ebda deċiżjoni dwar garanzija ġdida tal-UE lill-BEI mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Inadempjenzi fuq pagamenti tal-imgħax u ħlasijiet lura ta’ self mill-Gvern Sirjan komplew fl-2013. Il-BEI eżerċita l-Fond ta’ Garanzija biex ikopri dawn l-inadempjenzi (ara l-paragrafu 5.3 hawn taħt).

Skont il-mandat estern għall-2007-2013, l-iffirmar ta' self żdied bi 17 % matul l-2013 u kien jammonta għal EUR 3 901 miljun. L-ammont ta’ self żborżat kien ta’ EUR 2 288 miljun (+ 20 % meta mqabbel ma' Diċembru 2012). Għalhekk, l-ammont kumulattiv ta’ self iffirmat u self żborżat taħt il-mandat laħaq - rispettivament - EUR 27 062 miljun u EUR 13 590 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2013. Għall-mandati esterni tal-BEI ta’ qabel, ara l-Anness għat-Tabella A1 tal-SWD.

Żviluppi sussegwenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013

Id-Deċiżjoni l-ġdida li tagħti garanzija tal-UE għal operazzjonijiet tal-BEI barra l-Unjoni għall-perjodu 2014-2020[23] ġiet adottata f’April 2014. Hija tistabbilixxi li l-limitu massimu tal-garanzija tal-UE għandu jinqasam f’limitu fiss ta’ ammont massimu ta' EUR 27 biljun u ammont addizzjonali opzjonali ta’ EUR 3 biljuni. L-attivazzjoni, sħiħa jew parzjali, tal-ammont addizzjonali opzjonali se tiġi deċiża skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja abbażi tar-rappurtar tal-analiżi ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni mill-BEI u l-evoluzzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI. B’mod parallel, Ftehim ta’ Garanzija ġdid jinsab fil-proċess li jiġi miftiehem kif meħtieġ mill-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni.

L-ammonti pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2013 għad-diversi faċilitajiet imsemmijin f'din it-taqsima huma ppreżentati fit-Tabella 1.

4.           Riskji koperti mill-baġit tal-UE

4.1.        Definizzjoni ta' riskju

Ir-riskju merfugħ mill-baġit tal-UE ġej mill-ammont ta’ kapital u ta’ imgħax pendenti fir-rigward tal-operazzjonijiet garantiti.

Għall-fini ta’ dan ir-rapport, jintużaw żewġ metodi għall-evalwazzjoni tar-riskji merfugħa mill-baġit tal-UE (direttament jew indirettament permezz tal-Fond):

– “Ir-riskju totali kopert” huwa bbażat fuq is-somma tal-ammont totali tal-kapital pendenti għall-operazzjonijiet konċernati f’data speċifika, inkluż l-imgħax dovut[24].

– L-approċċ baġitarju definit bħala “ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE” huwa bbażat fuq il-kalkolu tal-ammont massimu ta’ pagamenti dovuti li l-UE jkollha tħallas f’sena finanzjarja jekk wieħed jassumi li l-pagamenti kollha tas-self garantit ikunu inadempjenti[25].

4.2.        Kompożizzjoni tar-riskju

Sal-2010 ir-riskju massimu f’termini ta’ ammonti pendenti totali koperti kien prinċipalment marbut mas-self mogħti lill-pajjiżi terzi. Mill-2011 'l hawn, il-kriżi finanzjarja ħalliet impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u dan wassal għal żieda fl-attività tas-self tal-UE biex issostni ħtiġijiet ikbar ta’ finanzjament sovran fl-Istati Membri.

Bħala konsegwenza ta' dan, il-kompożizzjoni tar-riskju nbidlet. Fil-31 ta' Diċembru 2013:

· 71 % tal-ammont pendenti totali jirrigwarda operazzjonijiet tat-teħid ta’ self marbuta ma’ self lill-Istati Membri li huma koperti direttament mill-baġit tal-UE (imqabbla ma’ 45% fil-31.12.2010).

Tqassim fid-dettall tar-riskju kopert mill-baġit tal-UE fil-31 ta' Diċembru 2013 huwa ppreżentat fit-Tabella 1.

Tabella 1: Ammonti pendenti totali koperti mill-baġit tal-UE fil-31 ta' Diċembru 2013, f’miljuni ta’ EUR

|| Kapital pendenti || Imgħax dovut || Totali || %

Stati Membri* || || || ||

Euratom || 357 || 2 || 359 || <1%

BOP || 11,400 || 223 || 11,623 || 14%

BEI || 2 657 || 22 || 2,676 || 3 %

EFSM || 43,800 || 669 || 44,469 || 54 %

Subtotal tal-Istati Membri || 58,214 || 916 || 59,130 || 71 %

Pajjiżi terzi** || || || ||

MFA || 565 || 5 || 569 || 1 %

Euratom || 29 || 0 || 29 || <1%

BEI*** || 22,917 || 155 || 23,072 || 28 %

Subtotal tal-pajjiżi terzi || 23,510 || 160 || 23,670 || 29 %

Totali || 81,724 || 1,076 || 82,799 || 100 %

*  Dan ir-riskju hu kopert direttament mill-baġit tal-UE. Dan jinkludi wkoll is-self tal-MFA, tal-Euratom u tal-BEI mogħti lill-pajjiżi qabel l-adeżjoni tagħhom fl-UE. ** Dan ir-riskju huwa kopert mill-Fond. *** Huwa inkluż is-self surrogat lill-UE wara l-inadempjenzi tas-Sirja fuq self mill-BEI (ammont: EUR 60 miljun).

It-Tabelli A1, A2, A3a u A3b tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jagħtu informazzjoni iktar dettaljata dwar dawn l-ammonti pendenti, b’mod partikolari f’termini tal-limitu massimu, tal-ammonti żborżati jew r-rati ta’ garanzija.

4.3.        Riskju annwali kopert mill-baġit tal-UE

Għall-2014, l-ammont massimu li l-UE jkollha tħallas (direttament jew permezz tal-Fond) — jekk wieħed jassumi li s-self garantit kollu jkun inadempjenti — huwa ta’ EUR 7 395 miljun. Dan jirrappreżenta l-pagamenti tal-kapital u l-imgħax mis-self garantit li huma dovuti fl-2014, jekk wieħed jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx aċċellerat (għad-dettalji ara t-Tabella A2 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

4.3.1.     Riskju marbut mal-Istati Membri

Ir-riskju marbut mal-Istati Membri jirrigwarda:

(a) is-self tal-BEI u/jew tal-MFA u/jew tal-Euratom li ngħata qabel l-adeżjoni mal-UE

(b) is-self mogħti taħt il-faċilità tal-BOP, u

(c) is-self mogħti taħt l-iskema EFSM.

Tabella 2: Klassifikazzjoni tal-Istati Membri skont ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE fl-2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Klassifikazzjoni || Pajjiż || Self || Riskju annwali massimu || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju annwali tal-Istati Membri (SM) || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju annwali totali (SM u mhux SM)

1 || L-Ungerija || a)+b) || 2,128.42 || 41,0 % || 28,8 %

2 || Il-Latvja || a)+b) || 1,096.43 || 21,1 % || 14,8 %

3 || L-Irlanda || c) || 661.00 || 12,7 % || 8,9 %

4 || Il-Portugall || c) || 644.88 || 12,4 % || 8,7 %

5 || Ir-Rumanija || a)+b) || 377.02 || 7,3 % || 5,1 %

6 || Il-Bulgarija || a) || 87.52 || 1,7 % || 1,2 %

7 || Ir-Repubblika Ċeka || a) || 56.44 || 1,1 % || 0,8 %

8 || Il-Polonja || a) || 52.49 || 1,0 % || 0,7 %

9 || Il-Kroazja || a) || 42.62 || 0,8 % || 0,6 %

10 || Ir-Repubblika Slovakka || a) || 25.78 || 0,5 % || 0,3 %

11 || Is-Slovenja || a) || 7.44 || 0,1 % || 0,1 %

12 || Il-Litwanja || a) || 4.95 ||  0,1 % || 0,1 %

13 || Ċipru || a) || 3.29 || 0,1 % || <0,1 %

Totali || || || 5,188.29 || 100 % || 70,2 %

             

4.3.2.     Riskju marbut ma’ pajjiżi terzi

Il-Fond ikopri s-self garantit li jikkonċerna lil pajjiżi terzi b’dati ta’ maturità li jestendu sal-2042. Fl-2014, il-Fond se jerfa’ riskju annwali massimu marbut mal-pajjiżi terzi ta’ EUR 2 206,6 miljuni (30 % tar-riskju annwali totali).

L-ewwel għaxar pajjiżi (minn sitta u erbgħin) huma kklassifikati hawn taħt skont it-total pendenti tagħhom. Huma jgħoddu għal EUR 1 684 miljun jew 76,3 % tar-riskju annwali merfugħ mill-Fond. Il-qagħda ekonomika ta’ dawn il-pajjiżi hija analizzata u diskussa fil-punt 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. L-affidabbiltà kreditizja, kif ivvalutata mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni hija wkoll indikata fit-tabella ta' kull pajjiż.

Ir-riskju marbut mal-pajjiżi terzi jirrigwarda s-self tal-BEI u/jew tal-MFA u/jew is-self tal-Euratom (id-dettalji huma inklużi fit-tabella A3b u A4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

Tabella 3: Klassifikazzjoni tal-10 pajjiżi terzi l-aktar importanti skont ir-riskju annwali merfugħ mill-baġit tal-UE fl-2014 (f’miljuni ta’ EUR).

Klassifikazzjoni || Pajjiż || Riskju annwali massimu || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju annwali tal-pajjiżi terzi || Piż tal-pajjiż vis-à-vis ir-riskju annwali totali (SM u mhux SM)

1 || It-Turkija || 542.67 || 24,6 % || 7,3 %

2 || It-Tuneżija || 221.59 || 10,0 % || 3,0 %

3 || Il-Marokk || 217.77 || 9,9 % || 2,9 %

4 || Is-Serbja || 195.00 || 8,8 % || 2,6 %

5 || L-Eġittu || 184.11 || 8,3 % || 2,5 %

6 || Il-Brażil || 102.45 || 4,6 % || 1,4 %

7 || L-Afrika t’Isfel || 74.51 || 4,6 % || 1,4 %

8 || Is-Sirja || 72.52 || 3,3 % || 1,0 %

9 || Il-Bosnija u l-Ħerzegovina || 63.24 || 2,9 % || 0,9 %

10 || L-Ukraina || 10.61 || 0,5 % || 0,1 %

|| Total tal-10 pajjiżi || 1,684.47 || 76,3 % || 22,8 %

5.           L-attivazzjoni tal-garanziji u l-evoluzzjoni tal-Fond

5.1.        Attivazzjoni ta’ garanziji

5.1.1.     Pagamenti minn riżorsi ta’ flus

Meta debitur ikun tard fil-pagamenti lill-UE, il-Kummissjoni tagħmel użu mir-riżorsi tal-flus tagħha sabiex tevita dewmien u kostijiet li jirriżultaw biex topera l-operazzjonijiet ta’ self tagħha[26]. Dan ma seħħx fl-2013.

5.1.2.     Pagamenti mill-baġit tal-UE

Jekk ikun hemm inadempjenza eventwali, jintuża l-baġit tal-UE biex ikopri n-nuqqas. Minħabba li ma kinux irreġistrati inadempjenzi mill-Istati Membri matul is-sena 2013, ma ntalbet l-ebda approprjazzjoni. 

5.1.3.     L-eżerċizzju tal-Fond u l-irkupri

Fil-każ ta’ pagament tard mill-benefiċjarju ta’ self lil pajjiżi terzi mogħti jew garantit mill-UE, il-Fond jiġi eżerċitat biex ikopri l-inadempjenza fi żmien tliet xhur mit-talba[27].

Il-BEI esperjenza inadempjenzi ta’ ċerti pagamenti ta’ imgħax u ħlasijiet lura ta’ self mill-Gvern Sirjan minn Diċembru 2011. Minħabba li t-talbiet uffiċjali għall-pagamenti ma rnexxewx, il-BEI beda jeżerċita l-Fond f’Mejju 2012. L-evoluzzjoni tal-eżerċitar tal-Fond li jikkorrispondi għal self inadempjenti fis-Sirja hija ppreżentata fit-Tabella 4.

L-ammonti eżerċitati mill-BEI jinġibdu mill-kont tal-Fond ta’ Garanzija wara awtorizzazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni. Meta l-UE tagħmel pagament taħt il-Garanzija tal-UE, hija tkun surrogata fid-dritt u r-rimedji tal-BEI. Il-proċedimenti ta’ rkupru jitwettqu mill-BEI f’isem l-UE fir-rigward tal-ammonti surrogati.

Tabella 4: L-eżerċitar tal-Fond ta’ Garanzija għal self inadempjenti fis-Sirja (f'miljuni ta' EUR)

Sena || Għadd ta’ eżerċitar imħallas || Ammont tal-pagamenti parzjali dovuti || Penali u l-imgħaxijiet dovuti (1) || Ammont irkuprat[28] || Totali

2012 || 2 || 24.02 || mhux applikabbli || 2.15 || 21.87

2013 || 8 || 59.27 || 1.36 || 0 || 60.63

Total || 10 || 83.29 || 1.36 || 2.15 || 82.50

(1) Penali u l-imgħaxijiet dovuti huma pretiżi mill-BEI biss mat-tieni talba ta’ pagament ta’ kull selfa individwali u jibdew mid-data tal-inadempjenza sad-data tal-pagament mill-Fond ta’ Garanzija.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, il-kapital totali ta’ self garantit pendenti relatat mas-Sirja kien jammonta għal EUR 554 miljun, bl-aħħar selfa timmatura fl-2030.

5.2.        Evoluzzjoni tal-Fond

Skont ir-regoli tar-Regolament tal-Fond ta' Garanzija, il-Fond għandu jilħaq livell xieraq (ammont fil-mira), stabbilit għal 9 % tat-total tal-obbligazzjonijiet kapitali pendenti li jinħolqu minn kull operazzjoni, flimkien mal-imgħaxijiet dovuti. Jeżisti mekkaniżmu ta' provvediment biex jiġi żgurat li l-ammont fil-mira jintlaħaq.

Fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta' provvediment, il-baġit tal-UE ħallas EUR 155,66 miljun lill-Fond f’Frar 2013, filwaqt li f’Frar 2014, il-pagament rispettiv kien jammonta għal EUR 58,43 miljun.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, l-assi netti[29] tal-Fond kienu jammontaw għal EUR 1 981,29 miljun. Il-proporzjon bejn l-assi netti u l-obbligazzjonijiet kapitali pendenti[30] (EUR 23 099,14 miljun), skont it-tifsira tar-Regolament tal-Fond ta' Garanzija kien inqas mill-ammont fil-mira. Konsegwentement, provvediment ta’ EUR 144,40 miljun iddaħħal fil-baġit preliminari tal-UE tal-2015.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, il-Fond kellu EUR 82,5 miljun f'arretrati x’jirkupra.

[1]               Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

[2]               COM(2013)871 finali u SWD(2013)504 finali jiffurmaw ir-rapport preċedenti dwar il-garanziji koperti mill-Baġit fil-31 ta’ Diċembru 2012.

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni, (verżjoni kodifikata), ir-"Regolament tal-Fond ta' Garanzija" (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

[4]               assistenza makrofinanzjarja tista’ anki tieħu l-forma ta’ għotjiet lil pajjiżi terzi.

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p.1).

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p 1).

[7]               Ir-referenzi għall-bażijiet legali huma elenkati fit-Tabella A4 tal-SWD.

[8]               Għalkemm ir-riskji esterni huma koperti b'kitba rqiqa mill-baġit tal-UE, il-Fond ta’ Garanzija jaġixxi bħala strument li jipproteġi l-baġit tal-UE mir-riskji ta’ inadempjenzi fuq il-pagamenti. Għall-aħħar rapport annwali dwar il-Fond u l-immaniġġjar tiegħu, ara COM(2013) 661 final u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah (SWD(2012) 217 final).

[9]               Għal rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond u r-rata ta' provviżjonament fil-mira, ara COM(2014) 214 finali u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah (SWD(2014) 129 finali).

[10]             Dwar il-GLF:  http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/greek_loan_facility/index_en.htm.

[11]             Dwar l-EFSF: http://www.efsf.europa.eu

[12]             Is-self mogħti skont l-UE/EFSM huwa ggarantit mill-baġit tal-UE.

[13]             Dwar l-MES: http://esm.europa.eu.

[14]             Stqarrija għall-istampa dwar il-laqgħa estraordinarja tal-Kunsill Ecofin tad-9/10 ta' Mejju 2010 (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/114324.pdf)

[15]             Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 348).

[16]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88); ara wkoll il-Korriġendum (ĠU L 178, 10.7.2012, p. 15).

[17]             Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSM, ara wkoll ir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-għoti u t-teħid b’self tal-Unjoni Ewropea fl-2012, (COM(2013) 752 final).

[18]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/288/UE tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-UE fuq terminu ta’ żmien medju lir-Rumanija (ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15).

[19]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/531/UE tat-22 ta' Ottubru 2013 li tipprovdi assistenza finanzjarja prekawzjonarja tal-UE fuq żmien medju għar-Rumanija (ĠU L 286, 29.10.2013, p.1).

[20]             Id-Deċiżjoni Nru 388/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 li tipprovdi assistenza mikrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 179, 14.7.2010, p. 1).

[21]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta' Lulju 2002 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja supplimentari lill-Ukraina (traduzzjoni mhux uffiċjali)(ĠU L 209, 6.8.2014, p. 22).

[22]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2014/215/UE tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014 li tipprovdi assistenza mikrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 111, 15.4.2010, p. 85).

[23]             Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).

[24]             Ara t-Tabella 1 tar-Rapport.

[25]             Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, wieħed jassumi li s-self inadempjenti ma jkunx aċċellerat, jiġifieri jitqiesu biss il-pagamenti dovuti (ara t-Tabelli 2 u 3a/3b tar-rapport u t-Tabella A2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

[26]             Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 11).

[27]             Minn meta ġie stabbilit fl-1994 u sad-data tar-rapportar, il-Fond ġie eżerċitat għal ammont kumulattiv ta’ EUR 502 miljuni. EUR 579 miljun ġew irkuprati (li jinkludi l-ammont ta’ kapital u ta’ imgħax imħallas lura, flimkien mal-imgħax tal-penali għall-pagamenti tard u l-qligħ u t-telf li sar mir-rati tal-kambju). Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 2.5.4 tal-SWD.

[28]             Mill-bidu tiegħu fl-1994, il-Fond irkupra ammont totali ta’ EUR 579 miljun sad-data tar-rappurtar (li jinkludi l-ammont ta’ kapital u ta’ imgħax imħallsin lura, flimkien mal-imgħax tal-penali għall-pagamenti tard u l-qligħ u t-telf li sar mir-rati tal-kambju).

[29]             L-assi totali tal-Fond minbarra l-ammonti pagabbli dovuti (it-tariffi tal-BEI u t-tariffi tal-awditjar).

[30]             Inklużi l-imgħaxijiet dovuti.

Top