Help Print this page 
Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew

/* COM/2014/014 final */
Multilingual display
Text

52014DC0014

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew /* COM/2014/014 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew

1. INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea qed toħroġ mill-itwal riċessjoni li qatt kienet fiha. Il-PDG tal-UE28 kiber b’0.2% fit-tielet kwart tal-2013. It-titjib fl-indikaturi tal-fiduċja u s-sentiment kummerċjali jissuġġerixxi li r-riformi strutturali, it-titjib fil-governanza makroekonomika u l-miżuri fis-settur finanzjarju rnexxielhom jistabbilizzaw l-ekonomija tal-Ewropa. L-UE tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-irkupru għadu modest, bil-Kummissjoni tipprevedi tkabbir tal-PDG ta’ 1.4% għall-UE28 fl-2014 u r-rati tal-qgħad qrib il-11% għas-sentejn li ġejjin. Għal din ir-raġuni, il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE hija li jitrawmu t-tkabbir u l-kompetittività ħalli jinżamm u jissaħħaħ l-irkupru u bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-aġenda Ewropa 2020.

Il-kriżi enfasizzat l-importanza tal-ekonomija reali u industrija b’saħħitha. L-interazzjonijiet tal-industrija mal-bqija tan-nisġa ekonomika tal-Ewropa jestendu ferm lil hinn mill-manifattura, tant li jkopru setturi upstream bħall-materja prima u l-enerġija u setturi downstream bħas-servizzi kummerċjali (eż. il-loġistika), is-servizzi tal-konsumaturi (eż. is-servizzi ta’ wara l-bejgħ għal oġġetti li jdumu jservu) jew it-turiżmu. L-attivitajiet industrijali huma integrati fi ktajjen tal-valur dejjem aktar għonja u kumplessi, li jgħaqqdu korporazzjonijiet ewlenin u intrapriżi żgħar u medji (SMEs) minn setturi u pajjiżi differenti.

L-importanza ekonomika tal-attivitajiet industrijali hija ħafna akbar minn kemm jissuġġerixxi s-sehem tal-manifattura fil-PDG. L-industrija tammonta għal aktar minn 80% tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80% tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur privat. Kważi wieħed minn kull erba’ impjiegi fis-settur privat huwa fl-industrija, ta’ spiss b’ħiliet għoljin, filwaqt li kull impjieg addizzjonali fil-manifattura joħloq bejn 0.5 u 2 impjiegi f’setturi oħrajn.[1] Il-Kummissjoni hija tal-fehma li bażi industrijali b’saħħitha għandha tkun ta’ importanza fundamentali għall-irkupru ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa.

B’mod ġenerali, l-industrija tal-UE wriet ir-reżiljenza tagħha fil-konfront tal-kriżi ekonomika. Din tinsab fuq quddiem nett fis-sostenibbiltà u qed trendi eċċess ta’ EUR 365 biljun fil-kummerċ ta’ prodotti manifatturati (EUR 1 biljun kuljum),[2] iġġenerat l-aktar minn ftit setturi ta’ teknoloġija għolja u medja. Dawn jinkludu s-setturi tal-karozzi, tal-makkinarji u t-tagħmir, tal-farmaċewtika, tas-sustanzi kimiċi, tal-ajrunawtika, tal-ispazju u l-industriji kreattivi, kif ukoll prodotti ta’ livell għoli f’ħafna setturi oħrajn, inkluż l-ikel.

Madankollu l-konsegwenzi tal-kriżi huma kbar: mill-2008 fil-manifattura ntilfu 3.5 miljun impjieg. is-sehem tal-manifattura fil-PDG naqas minn 15.4 % għal 15.1 % matul l-aħħar sena[3]; u l-prestazzjoni tal-produttività tal-UE tibqa' teħżien meta mqabbla ma' dik tal-kompetituri tagħna.

Żewġ rapporti riċenti tal-Kummissjoni[4] identifikaw għadd ta’ nuqqasijiet li qed ifixklu t-tkabbir. Id-domanda interna għadha dgħajfa, tant li qed iddgħajjef is-swieq domestiċi tal-kumpaniji Ewropej u żżomm il-kummerċ ġewwa l-UE mrażżan wara l-kriżi. L-ambjent tan-negozju tjieb fl-UE b’mod ġenerali, iżda l-progress għadu mhuwiex uniformi. L-ambjenti amministrattivi u regolatorji xejn flessibbli, ir-riġiditajiet f’xi swieq tax-xogħol u l-integrazzjoni dgħajfa fis-suq intern ikomplu jżommu lura l-potenzjal tat-tkabbir tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs. L-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni għadu baxx, tant li qed iżomm lura l-modernizzazzjoni meħtieġa tal-bażi industrijali tagħna u jxekkel il-kompetittività futura tal-UE. L-intrapriżi tal-UE qed jiffaċċjaw prezzijiet tal-enerġija ogħla minn dawk tal-kompetituri ewlenin tagħna,[5] u qed isibu diffikultajiet sabiex jiksbu aċċess għal inputs bażiċi bħal materja prima, xogħol kwalifikat u kapital f’kundizzjonijiet affordabbli.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni bdiet issegwi approċċ integrat dwar il-politika industrijali kif spjegat fil-Komunikazzjonijiet dwar il-Politika Industrijali tal-2010 u tal-2012[6] u ħarġet rakkomandazzjonijiet għat-titjib tat-tkabbir għall-Istati Membri fil-kuntest tas-Simestru Ewropew. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan l-approċċ politiku fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew hija kritika sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tagħna fil-ġejjieni u sabiex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir tagħna. Sabiex ikunu effettivi, l-azzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu kkoordinati sew u konsistenti mil-livell reġjonali sal-livell tal-UE.

Bħala kontribuzzjoni għad-dibattitu fil-Kunsill Ewropew dwar il-politika industrijali, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għall-politika industrijali. Din tibbaża fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, tagħti ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet li diġà twettqu u tippreżenta azzjonijiet ġodda magħżula bil-għan li dawn il-prijoritajiet jinkisbu aktar malajr. Din turi li l-politika industrijali u politiki oħra tal-UE qed isiru aktar u aktar integrati bil-mod il-mod kif tindika l-komunikazzjoni ewlenija dwar il-politika industrijali tal-2010 u għalfejn għandu jissokta dan il-proċess ta' integrazzjoni. L-aktar importanti, din il-Komunikazzjoni tenfasizza fuq l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva u sħiħa tal-politika industrijali fl-UE u għandha l-għan li tiffaċilita dan.

F'dan il-proċess ta' implimentazzjoni ta' riformi biex titjieb il-kompetittività, l-Istati Membri se jaqdu rwol kbir. L-iżvilupp ta' strumenti ġodda bħas-"Sħubijiet għat-Tkabbir, l-Impjiegi u l-Kompetittività" jista' jkun siewi ferm biex titjieb l-effettività fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi.[7]

2. SUQ EWROPEW UNIKU U INTEGRAT: IL-ĦOLQIEN TA’ POST ATTRAENTI GĦALL-INTRAPRIŻI U L-PRODUZZJONI

Is-suq intern jibqa’ l-qofol tas-suċċess ekonomiku tal-UE. F’nofs is-snin tmenin (1980s), is-suq intern biddel il-prospetti għall-ekonomija Ewropea u wara l-kriżi, is-suq intern jista’ jerġa’ jassumi dan ir-rwol sabiex jagħti nifs ġdid lill-ekonomija tal-UE bil-għan li jagħmel lill-UE post aktar attraenti għall-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi.

Is-suq intern jipprovdi lill-kumpaniji tal-UE b’suq domestiku kbir, jiffaċilita t-titjib tal-produttività billi jnaqqas l-ispejjeż tal-input, jagħti lok għal proċessi kummerċjali effikaċi u jżid ir-redditi fuq l-innovazzjoni. Madankollu, is-suq intern għad għandu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir, u s-simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli dwar is-suq intern tista’ tkompli ttejjeb l-effikaċja ekonomika. It-tisħiħ tas-suq intern jista’ jġib il-bidla teknoloġika aktar malajr. L-integrazzjoni tal-intrapriżi tal-UE b’mod aktar sod fil-ktajjen tal-valur reġjonali u globali hija fundamentali għall-kisbiet fil-produttività. Standards imfassla sewwa u f’waqthom għandhom jaċċelleraw id-diffużjoni tal-innovazzjonijiet u r-riformi tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jħeġġu wkoll il-kreattività u l-innovazzjoni. Iżda r-rilaxx tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern jeħtieġ integrazzjoni aħjar tan-netwerks tal-infrastruttura, implimentazzjoni aħjar u simplifikazzjoni tar-regoli għall-prodotti u s-servizzi, kif ukoll qafas regolatorju stabbli u prevedibbli, flimkien ma’ amministrazzjoni pubblika effikaċi u moderna.

2.1. It-tlestija tal-integrazzjoni tan-netwerks: in-netwerks tal-informazzjoni, l-enerġija u t-trasport

Is-suq intern ma jistax jiffunzjona mingħajr xkiel mingħajr infrastruttura integrata. L-Att dwar is-Suq Uniku II jippreżenta erba’ azzjonijiet intiżi biex irawmu l-iżvilupp tat-trasport bil-baħar, bl-ajru u bil-ferrovija, kif ukoll inizjattiva intiża biex issaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija għal-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tal-enerġija. Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni pproponiet ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju bil-għan li tagħmilha aktar faċli għall-operaturi ferrovjarji sabiex jidħlu u joperaw fis-suq tal-UE.[8] Fis-settur marittimu, f’Lulju 2013, il-Kummissjoni stabbilixxiet pjanijiet sabiex tiffaċilita l-formalitajiet doganali għall-vapuri, tnaqqas il-burokrazija, taqta’ d-dewmien fil-portijiet u tagħmel is-settur aktar kompetittiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tieħu passi biex tinforza l-obbligi tal-Ajru Uniku Ewropew fl-Istati Membri.[9] Bħalissa, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u/jew l-infurzar ta’ dawn l-inizjattivi qed jiddewmu.

L-iżvilupp ta’ suq intern għall-enerġija jeħtieġ kemm l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġiżlattiv mill-Istati Membri kollha, kif ukoll netwerks tal-enerġija integrati, li għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fis-suq intern u jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-kumpaniji Ewropej. Hemm bżonn investimenti sinifikanti biex tiġi modernizzata l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa ħalli jiġu konnessi "gżejjer" tal-enerġija, li bihom ikunu jistgħu isiru flussi tal-enerġija fis-suq intern u l-industrija tal-UE tkun tista' tgawdi aktar sigurtà tal-provvista u prezzijiet orħos.[10]

L-infrastruttura tal-UE għandha twieġeb għad-domandi soċjali u takkomoda l-bidla teknoloġika. L-introduzzjoni ta’ vetturi nodfa u bastimenti li jivvjaġġaw fuq l-ilma hija sfida ewlenija għall-industrija tal-UE hekk kif qed tipprova żżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha. Tali żvilupp jiddependi kemm fuq il-provvista ta’ teknoloġija ġdida kif ukoll fuq l-installazzjoni tal-infrastruttura meħtieġa għall-utenti. L-adozzjoni tad-Direttiva proposta[11] dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għandha tagħti mandat lill-Istati Membri għal kopertura minima ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, inklużi l-istazzjonijiet taċ-ċarġ tal-vetturi elettriċi bi standards ta’ interfaċċa komuni.

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jadottaw din il-proposta fil-bidu tal-2014.

Kif ġie ddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2013, il-prodotti u s-servizzi diġitali huma importanti ħafna għall-aġġornar tal-industrija Ewropea. Bil-għan li tappoġġa l-iżvilupp tas-servizzi tal-komunikazzjoni, f’Settembru tal-2013 il-Kummissjoni pproponiet programm ambizzjuż lejn suq uniku fit-telekomunikazzjoni li għandu l-għan li jippromwovi l-investiment u jieħu l-passi biex tibqa' titnaqqas il-frammentazzjoni regolatorja fl-UE, filwaqt li jippromwovi l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi broadband.

Minbarra l-iżviluppi infrastrutturali, il-konverġenza tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informatika man-netwerks tal-enerġija u tal-loġistika qed toħloq opportunitajiet u sfidi ġodda għall-industrija u s-servizzi relatati. L-isfida hi li jinfirxu netwerks abilitanti b'mod diġitali bil-livell ta’ sigurtà u reżiljenza li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jappoġġaw in-negozji f'xogħolhom. L-impatt ta’ dawn il-bidliet qed jibda jinħass u sejjer jipprovdi opportunitajiet lis-suq, b’mod partikolari għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali. It-tqassim tan-netwerks intelliġenti ser ikun jirrikjedi wkoll qafas regolatorju addattat għall-iskop, kif ukoll l-iżvilupp ta’ standards ta’ interoperabbiltà xierqa. L-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-industrija lkoll għandhom rwol x’jaqdu biex titrawwem id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kummerċjali u tinħoloq id-dimensjoni industrijali tal-aġenda diġitali.

L-infrastrutturi spazjali u l-applikazzjonijiet industrijali u tas-servizzi relatati joffru l-potenzjal li jsaħħu l-kompetittività, jiġġeneraw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi. L-UE għandha rwol sostanzjali x’taqdi f’dan il-qasam, hekk kif l-ispiża għolja tal-proġetti spazjali tagħmilha aktar ekonomikament vijabbli għall-Istati Membri li jinvestu u jibbenifikaw b’mod konġunt mill-opportunitajiet li jirriżultaw minnhom. B'koperazzjoni mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji dedikati (bħall-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GSA)), il-Kummissjoni qed tiffinalizza l-infrastrutturi spazjali tal-proġetti ewlenin tagħha, Galileo u Copernicus, matul il-qafas tal-ippjanar finanzjarju pluriennali li jmiss. Din se tipproponi regoli li joħolqu l-kundizzjonijiet teknoloġiċi u regolatorji għall-isfruttament kummerċjali tagħhom.

Bi prijorità, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri msemmija qabel u l-leġiżlazzjoni dwar l-informazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ispazju u n-netwerks tal-komunikazzjoni fl-UE, wara l-proposti li għamlet il-Kummissjoni.

Id-dewmien fl-iskjerament ta’ dawn l-infrastrutturi sejjer ifixkel il-kompetittività futura tagħna. Billi l-ambjent ekonomiku attwali mhux favorevoli għal investiment fit-tul, il-Kummissjoni għandha tuża aktar il-bonds tal-proġetti biex tiffaċilita l-finanzjament ta’ dawn il-proġetti infrastrutturali.

2.2.        Suq intern miftuħ u integrat għall-prodotti u s-servizzi

Il-Kummissjoni pprovdiet impetu ġdid lill-integrazzjoni tas-suq madwar l-UE permezz tal-Atti dwar is-Suq Uniku I u II u qed titlob lill-ko-leġiżlaturi sabiex jadottaw il-proposti għalihom, b’mod partikolari fuq inizjattivi bħall-pakkett dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq.

Il-Kummissjoni qed tkompli tippromwovi b’mod attiv suq mingħajr xkiel għall-prodotti. Ir-Reviżjoni tas-Suq Intern għall-prodotti industrijali wriet li s-suq intern għall-prodotti industrijali huwa addattat għall-iskop tiegħu.[12] L-industrija bbenefikat mill-iżvilupp tagħha, tant li, matul is-snin, il-kummerċ ġewwa l-UE ta’ prodotti manifatturati kompla jiżdied.

L-Inizjattiva ta’ Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi tipproponi sett ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jegħlbu l-problemi fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn il-prodotti.[13] Madankollu, sakemm l-Istati Membri ma jeħdux passi ulterjuri fuq l-implimentazzjoni tal-qafas attwali, in-negozju sejjer ikompli jiffaċċja spejjeż ogħla bla bżonn u differenzi fl-ispejjeż li qed jirriskjaw li saħansitra jkomplu jikbru. Il-Kummissjoni se tiżgura li tiġi infurzata l-armonizzazzjoni u, qabel xejn, se tara li timplimenta u tinfurza l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ u tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-suq intern.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti" tippreżenta azzjoni biex jinkiseb suq intern aktar integrat ibbażat fuq ir-razzjonalizzazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti. Il-Kummissjoni se tqis li telabora proposta leġiżlattiva għal razzjonalizzazzjoni u armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet ekonomiċi ta' natura amministrattiva jew ċivili għal nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li jiżguraw trattament ugwali lin-negozji kollha fis-suq intern għall-prodotti industrijali. In-Netwerk Enterprise Europe mistenni jissaħħaħ ħalli jissaħħaħ l-appoġġ għall-SMEs fis-suq intern u tkompli tiġi żviluppata l-assistenza għal aċċess għall-finanzjament, ħalli tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija tagħhom, u ħalli tiżdied il-kapaċità tal-ġestjoni tal-innovazzjoni tal-SMEs.

L-industrija tinnegozja kemm prodotti kif ukoll servizzi. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi għadha importanti għall-kompetittività industrijali tal-Ewropa. Hemm żbilanċ ċar bejn il-livell ta’ integrazzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi u sabiex l-industrija tkun tista’ timmodernizza b’mod effettiv il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi għandu jkompli jittejjeb.[14]

Sa issa diġà nkiseb ħafna, iżda l-Istati Membri xorta għandhom jipprovdu riformi u jtejbu l-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-Suq Intern f’xi oqsma. Fil-Komunikazzjoni tagħha fl-2012[15] il-Kummissjoni Ewropea diġà stiednet lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi oħra għall-implimentazzjoni ambizzjuża tad-Direttiva tas-Servizzi. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tas-Servizzi għandha ttejjeb b'mod sinifikanti l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, l-aktar għal pajjiżi żgħar u medji u għall-konsumaturi. It-titjib tal-kompetittività jaf joħloq gwadann ekonomiku totali addizzjonali ta' madwar 2.6% tal-PDG tal-UE. Il-progress qed jiġi sorvejlat fis-Semestru Ewropew u l-Kummissjoni stabbilixxiet djalogu mal-Istati Membri bil-għan li jintlaħqu l-miri maqbula politikament.

Il-kompetittività tal-industrija għandha tibbenifika minn suq intern aktar integrat għas-servizzi, b’mod partikolari għas-servizzi kummerċjali li jirrappreżentaw madwar 12% tal-valur miżjud tal-UE. Dan hu eżempju tajjeb ta' qasam fejn l-integrazzjoni tal-kompetittività industrijali tista' tgħin biex tiżdied il-kompetittività ġenerali tal-ekonomija tal-UE. Is-servizzi kummerċjali għandhom jitqiesu kif xieraq fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-politika industrijali. Wara l-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali tal-2012, fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi Kummerċjali. Il-Kummissjoni se teżamina l-ħtieġa għal aktar azzjoni malli l-grupp jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’Marzu 2014.

Is-Sistema ta’ Standardizzazzjoni Ewropea li għadha kif ġiet aġġornata se tiġi segwita mill-qrib biex jiġi evalwat jekk tridx tiġi tadatta aktar għall-ambjent li qed jinbidel malajr ħalli tibqa' tikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku.

Barra minn hekk, l-iffissar ta’ standards effettivi u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali (li tirrappreżenta 50 % tal-assi intanġibbli totali fl-UE) huma kruċjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u għall-iżvilupp ta’ oqsma teknoloġiċi ġodda. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib id-dibattitu li għaddej bħalissa dwar l-użu u r-rwol li għandu l-IPR fl-istandards u tivvaluta jekk hemmx bżonn li din tindirizza l-kwistjoni f'inizjattiva dedikata.

2.3. L-Ambjent tan-Negozju, il-Qafas Regolatorju u l-Amministrazzjoni Pubblika fl-UE

Is-saħħa kompetittiva tal-UE minn dejjem kienet mibnija fuq ambjent istituzzjonali solidu u prevedibbli, infrastruttura ta’ kwalità, bażi b’saħħitha ta’ għarfien teknoloġiku u ħaddiema edukati u b’saħħithom. L-Ewropa dejjem tqieset post tajjeb għan-negozju u l-produzzjoni industrijali, iżda issa qed titlef il-kompetittività meta mqabbla ma’ reġjuni oħra fid-dinja.[16]

Il-fatt li s-suq intern (b’mod partikolari fis-servizzi) mhuwiex integrat b’mod sħiħ huwa fattur importanti li jżomm lura l-kisbiet u l-profitti tal-produttività. B’mod ġenerali, l-Ewropa ma kinitx adattabbli biżżejjed għaċ-ċirkostanzi li bdew jinbidlu. Il-piżijiet amministrattivi u l-kumplessità regolatorja qed jiġu eliminati bil-mod wisq u b’mod xejn uniformi, filwaqt li ċerti swieq tax-xogħol mhumiex flessibbli biżżejjed. Wara l-kriżi finanzjarja, il-legat tat-tnaqqis fl-ingranaġġ qed ikompli jaffettwa s-sentiment kummerċjali u jżomm lura milli jkun hemm aktar investiment u krediti ġodda għan-negozji, li b’hekk jagħti daqqa ta’ ħarta lill-immodernizzar tal-industrija tal-UE.

Il-Kummissjoni ssegwi l-prestazzjoni tal-kompetittività u l-ambjent kummerċjali tal-UE fuq bażi regolari, b’mod partikolari permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u r-Rapport dwar il-Kompetittività tal-Istati Membri skont l-Artikolu 173 tat-TFUE. Rapporti riċenti qed juru sinjali ta’ titjib hekk kif ir-riformi strutturali qed jibda jkollhom effett, iżda l-progress għadu mhux uniformi fost l-Istati Membri.

Mill-2014, ir-"Rapport dwar il-Politika u l-Prestazzjoni tal-Kompetittività tal-Istati Membri" skont l-Artikolu 173 tat-TFUE mistenni jissaħħaħ sabiex jiġi evalwat u ssir rabta ċara tal-impatt tat-titjib fl-ambjent kummerċjali fuq il-progress fil-prestazzjoni tal-kompetittività attwali tal-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapporti annwali tagħha sabiex tevalwa kif id-dimensjoni tal-kompetittività industrijali hija integrata fl-oqsma politiċi rilevanti kollha tal-UE.[17]

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tibqa' ttejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u l-ambjent regolatorju sabiex b’hekk tkun aktar addattata, stabbli u prevedibbli. L-implimentazzjoni tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) u s-segwitu għal-lista tal-aktar 10 piżijiet regolatorji (kif perċepiti mill-organizzazzjonijiet kummerċjali u l-partijiet interessati) għandhom jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u jnaqqsu l-piżijiet regolatorji fuq in-negozji. Il-Prova tal-Kompetittività ġiet integrata b’mod sħiħ fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni għall-proposti ewlenin kollha b’effetti sinifikanti fuq il-kompetittività. Saru Studji dwar il-Valutazzjonijiet tal-Ispejjeż Kumulattivi f’għadd ta’ setturi (tal-azzar, tal-aluminju) u mistennija jitwettqu f’setturi oħrajn (pereżempju fl-industriji tas-sustanzi kimiċi u dawk ibbażati fil-foresti) fi sforz sabiex jiġu stmati ex-post l-ispejjeż konġunti ta’ partijiet differenti tar-regolamenti nazzjonali u tal-UE fuq is-setturi industrijali. Fl-2014 mistenni jiġi finalizzat kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni fis-settur tar-raffinar taż-żejt. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se twettaq gradwalment reviżjonijiet komprensivi tal-oqfsa regolatorji u tal-kompetittività f’kull waħda mill-ktajjen tal-valur industrijali ewlenin, b’kontrolli tal-idoneità u valutazzjonijiet tal-ispejjeż kumulattivi.[18]

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri komparabbli fil-livell nazzjonali bil-għan li jiżguraw li l-isforzi politiċi jżidu l-kompetittività f’kull parti tal-UE. Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress f’dan il-qasam.

Tabilħaqq hemm varjazzjonijiet sinifikanti fl-approċċ imħaddan mill-amministrazzjoni pubblika fit-28 Stat Membru lejn is-settur privat. Sabiex kull Stat Membru jkun jista' jisfrutta l-esperjenzi tal-oħrajn, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva dwar l-Amministrazzjoni Pubblika Favorevoli għat-Tkabbir, li mistennija tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-aqwa prattiki fl-amministrazzjoni pubblika disponibbli madwar l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-għodod tal-gvern elettroniku u l-akkwist pubbliku.

3. IL-MODERNIZZAZZJONI INDUSTRIJALI: INVESTIMENT FL-INNOVAZZJONI, FIT-TEKNOLOĠIJI ĠODDA, FL-INPUTS TAL-PRODUZZJONI U FIL-ĦILIET

B’riżorsi naturali u tal-enerġija skarsi u b’miri soċjali u ambjentali ambizzjużi, il-kumpaniji tal-UE ma jistgħux jikkompetu fuq prodotti bi prezzijiet baxxi u ta’ kwalità inferjuri. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn jirrikorru għall-innovazzjoni, il-produttività, l-effiċjenza tar-riżorsi, u l-valur miżjud għoli biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq globali. Il-prodotti u s-servizzi ta' valur miżjud, il-ġestjoni effettiva tal-katini tal-valur u l-aċċess għas-swieq mad-dinja se jibqgħu jkunu vantaġġ komparattiv tal-Ewropa fl-ekonomija dinjija. B’hekk, l-innovazzjoni u l-avvanz teknoloġiku ser jibqgħu s-sors ewlieni tal-kompetittività għall-industrija tal-UE. Għal din ir-raġuni, huma bżonn aktar sforzi biex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 li jintefqu 3% tal-PGD għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D).

B'mod partikolari, it-teknoloġiji diġitali huma fil-qofol taż-żidiet fil-produttività tal-industrija Ewropea. Is-setgħa trasformattiva u l-impatt dejjem jikber tagħhom fis-setturi kollha qed jiddefinixxu mill-ġdid il-mudelli tradizzjonali kummerċjali u tal-produzzjoni u għandhom jirriżultaw f’firxa ta’ innovazzjonijiet potenzjali ta’ prodotti u, b’mod partikolari, servizzi ġodda mis-servizzi industrijali ("servitisation of industry").  Bħalissa għaddejja tranżizzjoni diġitali fl-ekonomija globali u l-politika industrijali għandha tintegra l-opportunitajiet teknoloġiċi ġodda bħall-cloud computing, l-iżviluppi kbar fid-dejta u fil-ktajjen tal-valur tad-dejta, l-applikazzjonijiet industrijali ġodda tal-internet, il-fabbriki intelliġenti, ir-robotika, l-istampar 3-D u d-disinn.

3.1. Stimolu għall-investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġiji ġodda

Sa mill-bidu nett tal-kriżi ekonomika, il-livelli mnaqqsa drastikament tal-investiment fl-innovazzjoni jħassbu bil-kbir dwar il-futur industrijali tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni poġġiet sehem dejjem jikber tal-għodod politiċi, regolatorji u finanzjarji tagħha għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-industrija bil-għan li trawwem l-investiment fl-innovazzjoni. Il-Programm Orizzont 2020, b’mod partikolari permezz tal-pilastru tat-tmexxija industrijali tiegħu, se jipprovdi kważi EUR 80 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jinkludi appoġġ għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, li għandhom jiddefinixxu mill-ġdid il-ktajjen tal-valur globali, itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jagħtu għamla ġdida lid-diviżjoni tax-xogħol fuq livell internazzjonali. Sabiex jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, il-programm Orizzont 2020 se jiffinanzja wkoll proġetti ta’ dimostrazzjoni u prototipi eqreb lejn is-suq. Element ewlieni tal-Programm Qafas il-ġdid hu l-ħidma id f'id mas-settur privat permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati f'oqsma industrijali ewlenin sabiex din isservi ta' lieva għal aktar investiment privat.

Barra minn hekk, bl-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid 2014-2020, mill-inqas EUR 100 biljun minll-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) ġew disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw l-investiment fl-innovazzjoni, skont il-prijoritajiet tal-politika industrijali. Bejn l-2014 u l-2020, l-investimenti fl-innovazzjoni mill-ESIF se titmexxew bil-kunċett ta' "Speċjalizzazzjoni Intelliġenti" biex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jiffukaw l-investiment fuq il-vantaġġi komparattivi tagħhom u biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' ktajjen tal-valur madwar l-Ewropa. Ħafna mit-temi proposti skont l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti mill-Istati Membri u r-reġjuni huma relatati mas-sitt oqsma strateġiċi identifikati taħt il-politika industrijali, li jpoġġu pakkett ta’ finanzjament komprensiv għad-dispożizzjoni tar-reġjuni.

Hekk kif l-Istati Membri qed ifittxu dejjem aktar kif jistimulaw l-investiment f’oqsma industrijali strateġiċi, il-Kummissjoni qed timmodernizza l-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni u tirriforma r-regoli dwar l-akkwist pubbliku sabiex toħloq massa kritika fuq in-naħa tad-domanda u ttejjeb l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi b’attenzjoni sħiħa għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u s-suq intern.

Il-ħtieġa li jitħaffef l-investiment fit-teknoloġiji rivoluzzjonarji f’oqsma li qed jikbru b’rata mgħaġġla kienet ir-raġuni prinċipali għaliex il-Kummissjoni ddeċidiet li, fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-Politika Industrijali, tidentifika s-sitt oqsma fejn għandu jiġi inkoraġġit l-investiment.

Dawn l-oqsma strateġiċi trasversali huma l-manifattura avvanzata, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, it-trasport u l-vetturi nodfa, il-prodotti bijoloġiċi, il-kostruzzjoni u l-materja prima u n-netwerks intelliġenti tal-enerġija. Il-ħidma tas-sitt taskforces li twaqqfu sena ilu tat iċ-ċans lill-Kummissjoni tidentifika l-opportunitajiet kif ukoll l-ostakoli għall-innovazzjoni li jeħtieġu azzjoni politika ulterjuri. Abbażi ta’ din il-ħidma, il-Kummissjoni ssegwi dawn il-prijoritajiet li ġejjin:

· Il-manifattura avvanzata: l-implimentazzjoni tal-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni fuq il-manifattura b’valur miżjud u t-twaqqif ta’ Sħubija Pubblika-Privata dwar l-Industrija tal-Ipproċessar Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u tar-Riżorsi, il-Fabbriki tal-Ġejjieni, il-Fotonika u r-Robotika, l-aġġornar tal-kapaċità tal-innovazzjoni u l-kompetittività fis-settur tal-manifattura tal-Ewropa L-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fil-proċess tal-manifattura se tkun prijorità għall-ħidma futura fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-internet industrijali. L-użu ta’ "dejta kbira" mistenni jiġi integrat dejjem aktar fil-proċess tal-manifattura.[19]

· It-teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs): din it-task force qed taħdem sabiex tidentifika proġetti tal-KETs potenzjali ta' interess Ewropew f'għadd ta' oqsma, fosthom il-batteriji, il-materjali intelliġenti, il-produzzjoni bi prestazzjoni għolja u l-proċessi bijoloġiċi industrijali; tiffaċilita l-aċċess pan-Ewropew tal-SMEs għall-infrastruttura teknoloġika; u tkompli tisfrutta l-possibbiltajiet tal-Memorandum ta’ Qbil iffirmat mal-Bank Ewropew tal-Investiment.

· Il-prodotti bijoloġiċi: jingħata aċċess għal materja prima sostenibbli bil-prezzijiet tas-suq dinji għall-produzzjoni ta’ prodotti bijoloġiċi. Dan se jkun jeħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kaskata fl-użu tal-bijomassa u l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe distorsjoni possibbli fl-allokazzjoni tal-bijomassa għal użijiet alternattivi li jistgħu jirriżultaw mill-għajnuna u minn mekkaniżmi oħrajn li jiffavorixxu l-użu tal-bijomassa għal skopijiet oħrajn (eż. l-enerġija).[20]

· It-trasport u l-vetturi nodfa: l-adozzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva dwar il-Vetturi Ekoloġiċi u inizjattivi oħrajn tal-H2020 li jippromwovu t-trasport nadif u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-osservanza tal-istandards globali għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet identifikati taħt CARS 2020.

· Il-kostruzzjoni u l-materja prima: it-twaqqif ta’ kapaċità ta’ self ta’ EUR 25 biljun mill-BEI għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-abitazzjoni residenzjali; u t-titjib fir-riċiklaġġ u l-ġestjoni tal-iskart sostenibbli fil-qasam tal-kostruzzjoni.

· In-Netwerks Intelliġenti tal-Enerġija u Infrastrutturi Diġitali: jinħolqu miri ulterjuri għall-iżvilupp ta' komponenti intelliġenti tal-enerġija ir-reviżjoni u l-estensjoni tal-mandati tal-istandardizzazzjoni; u l-iżvilupp u l-gwida fuq l-indikaturi tal-prestazzjoni.[21] Il-qasam tal-infrastruttura u s-softwer tal-konnettività għall-internet industrijali huwa qasam ta’ prijorità fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tiegħu u għandu jgħin fl-integrazzjoni tal-proċessi bi prestazzjoni għolja, inkluż il-cloud computing.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma tat-task forces, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Istati Membri sabiex jikkombinaw l-għodod politiċi reġjonali u industrijali bil-għan li joħolqu Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti intiżi sabiex jgħinu lir-reġjuni jimplimentaw programmi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jiffaċilitaw il-kuntatti bejn l-intrapriżi u r-raggruppamenti u jagħtu lok sabiex ikun hemm aċċess għat-teknoloġiji innovattivi u l-opportunitajiet tas-suq.

Fl-aħħar nett, abbażi ta’ analiżi tal-vantaġġi industrijali u l-assi ewlenin tal-Ewropa, il-Kummissjoni se tesplora oqsma ta’ attività industrijali fejn l-Ewropa x’aktarx li jkollha vantaġġ komparattiv fil-ġejjieni.  Barra minn hekk, il-monitoraġġ tax-xejriet fl-investiment mistenni jkollu rwol dejjem aktar importanti fil-valutazzjoni mwettqa fis-Semestru Ewropew.

3.2. Iż-żieda tal-effiċjenza fil-produzzjoni u fl-użu tar-riżorsi u l-iffaċilitar tal-aċċess għal inputs affordabbli għall-produzzjoni

L-intrapriżi tal-UE jeħtieġ li jkollhom aċċess għal inputs essenzjali b’mod sostenibbli u bl-aqwa termini possibbli, iżda għad hemm problemi sinifikanti fis-swieq tal-kapital, tal-enerġija u tal-materja prima.

a) Aċċess għall-finanzi

Ir-riformi regolatorji fis-swieq finanzjarji, politika monetarja ġudizzjuża u l-istruttura superviżorja ġdida pprovduta mill-Unjoni Bankarja rnexxielhom jirrestawraw l-istabbiltà finanzjarja. Iżda t-tnaqqis tal-ingranaġġ mill-banek qed jagħmilha aktar diffiċli għall-intrapriżi sabiex jiksbu aċċess għall-krediti bankarji, speċjalment għall-SMEs fl-Istati Membri fejn il-kriżi kellha impatt partikolarment qawwi.

L-azzjonijiet politiċi qed jikkontribwixxu sabiex itaffu l-ħtiġijiet kapitali għal skopijiet speċifiċi. Bejn l-2014 u l-2020, il-politika ta' koeżjoni se tibqa' tipprovdi aċċess għall-finanzi lill-intrapriżi permezz ta' strumenti finanzjarji. Apparti għal strumenti finanzjarji tradizzjonali stabbiliti fil-livell nazzjonali/reġjonali jew transnazzjonali jew transfruntiera, il-prejodu ta' programmazzjoni l-ġdid jaħseb għall-possibbiltà li jikkontribwixxi riżorsi għal strument finanzjarju stabbilit fil-livell tal-Unjoni. Dan jinkludi l-inizjattiva tal-SME li hi strument għall-kondiviżjoni tar-riskju b'garanziji tal-UE, kif talab il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2013. Dan joħroġ mill-inizjattiva li pproponew il-Kummissjoni u l-BEI li biha l-Istati Membri b'mod volontarju jkunu jistgħu jużaw l-ESIF biex isostnu strumenti finanzjarji li jipprovdu self lill-SMEs. L-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej mill-allokazzjonijiet nazzjonali tagħhom għal din l-inizjattiva, ħalli l-istrument ikun jista’ jikseb massa kritika u jkollu impatt sinifikanti biex jiżdied is-self lill-SMEs.

L-adozzjoni tal-programmi COSME u Orizzont 2020 mistennija timmultiplika wkoll il-kapaċità finanzjarja tal-fondi fis-settur pubbliku b’investimenti ta’ ekwità permezz tal-intermedjarji finanzjarji, bħal fondi ta’ kapital ta’ riskju u suq pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju li jiffunzjona tajjeb. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar Ħlas Tardiv [22] għandha ttejjeb ukoll il-finanzjament għall-kumpaniji. Il-bidliet leġiżlattivi riċenti għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi. Pereżempju, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali jinkludi fattur ta’ korrezzjoni li jbaxxi r-rekwiżiti kapitali relatati mar-riskju ta’ kreditu fuq l-espożizzjonijiet għall-intrapriżi żgħar u medji; id-Direttiva dwar is-Swieq ta’ Strumenti Finanzjarji (MiFID) riveduta se toħloq pjattaformi dedikati tal-kummerċ imsejħin "swieq għat-tkabbir tal-SMEs"; id-Direttiva riveduta dwar it-Trasparenza tabolixxi r-rekwiżit li tiġi ppubblikata informazzjoni finanzjarja kull tliet xhur; u r-regoli l-ġodda dwar il-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju u l-Fondi Ewropej dwar l-Intraprenditorija Soċjali joħolqu passaport speċjali tal-UE għall-maniġers tal-fondi li jinvestu fl-SMEs li jkunu għadhom jibdew u fin-negozji soċjali.

Minkejja dawn il-miżuri, l-aċċess għall-finanzi mistenni jibqa’ problematiku. Għalkemm il-korporazzjonijiet kbar fittxew dejjem aktar il-finanzjament fis-swieq tal-bonds, l-SMEs Ewropej għadhom jiddependu ħafna fuq il-banek bħala s-sors ewlieni ta’ finanzjament tagħhom, ferm aktar milli f’partijiet oħrajn tad-dinja. Il-kriżi frammentat is-suq intern għall-krediti bankarji fl-UE u r-rati tas-self għolew b’mod sproporzjonat f’xi pajjiżi. Suq intern għall-kapital fejn l-SMEs jista’ jkollhom aċċess tranfruntiera għall-finanzi huwa għan li għadu jrid jintlaħaq.

F’dan l-isfond, qed isiru sforzi sabiex jittejbu l-mezzi ta’ trasmissjoni tal-krediti u sabiex jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-finanzjament korporattiv. Sar progress f’diversi inizjattivi inklużi fl-aġġornament tal-politika industrijali tal-2012. L-analiżi tat-tweġibiet għall-Green Paper dwar il-Finanzjament fit-Tul issa għandha twassal għal proposti sabiex jittieħdu miżuri li jiddiversifikaw is-sorsi ta’ finanzjament għall-SMEs u li jiffaċilitaw l-investimenti fit-tul.

Hemm bżonn ukoll miżuri addizzjonali biex jonqos l-impatt ta' nuqqas ta' finanzjament mingħand ċertu impriżi, u l-Kummissjoni se tibqa' taħdem mal-Grupp tal-BEI u tappoġġa inizjattivi bilaterali bejn l-Istati Membri li jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.

b) Enerġija

Minkejja l-kisbiet fl-effiċjenza u li s-swieq tal-enerġija nfetħu b'mod progressiv għall-kompetizzjoni li wasslu biex naqsu l-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku u tal-gass, żdiedu l-prezzijiet bl-imnut għal dawn l-inputs tal-enerġija essenzjali għall-industrija. Il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku għall-industrija fl-UE żdiedu b’medja ta’ 3.5% fis-sena, filwaqt li l-prezzijiet tal-gass żdiedu b’1% bejn l-2008 u l-2012. Minħabba f'hekk, skont id-dejta tal-Aġenzija Internazzjoni tal-Enerġija[23], il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fl-UE huma stmati li jaqbżu d-doppju ta' dawk fl-Istati Uniti tal-Amerika u fir-Russja u 20% ogħla milli huma fiċ-Ċina. Id-diskrepanza fil-prezzijiet għall-gass hi akbar: fl-UE, il-gass jiswa bejn tlieta sa erba’ darbiet aktar milli jiswa għall-kompetituri Amerikani, Russi u Indjani, 12% ogħla milli huwa fiċ-Ċina, iżda orħos milli huwa fil-Ġappun. Madankollu, il-prezzijiet li effettivament iħallsu l-utenti industrijali jaf ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

Il-Komunikazzjoni dwar il-Prezzijiet tal-Enerġija u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha jippreżentaw rendikont iddokumentat tajjeb tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u t-tliet komponenti ewlenin tagħhom, jiġifieri l-ispejjeż tal-enerġija, l-ispejjeż tan-netwerks u t-taxxi u l-imposti, inkluż l-appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk sehmu qed jonqos, l-element ta' spiża tal-enerġija jibqa' l-akbar wieħed u jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri. L-ispejjeż tan-netwerks u t-taxxi u l-imposti huma l-ixprunaturi ewlenin taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija billi jieħdu sehem akbar mill-prezz bl-imnut finali. [24]

L-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-enerġija hija kwistjoni ta’ tħassib għall-kompetittività tal-industriji li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija. L-ispejjeż tal-enerġija jammontaw għal ishma konsiderevoli fl-ispejjeż totali tal-karti u l-prodotti li jintużaw fl-istampar, il-prodotti kimiċi, il-ħġieġ u ċ-ċeramika, il-ħadid u l-azzar u l-metalli mhux tal-ħadid, għalkemm hemm xi varjazzjonijiet fost l-impjanti, it-teknoloġiji u l-pajjiżi differenti.

Il-kompetittività industrijali u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għadhom għanijiet ewlenin tal-Unjoni kif rikonoxxut fl-istrateġija Ewropa 2020. Il-politiki differenti tal-UE jitħabtu sabiex jiksbu l-għanijiet bl-aktar mod kosteffikaċi.

- Min-naħa tal-provvista, il-Programm Orizzont 2020 jipprovdi finanzjament direttament disponibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-klima u l-enerġija, primarjament permezz tal-Isfida tas-Soċjetà "Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti" u l-inizjattivi ta’ tmexxija industrijali, bħal SPIRE (Industrija tal-Ipproċessar Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u tal-Enerġija), SET (Teknoloġija tal-Enerġija b'mod Strateġiku) u SILC II (Skema tal-Industrija Sostenibbli b’Livell Baxx ta’ Karbonju), li għandhom l-għan li jiżviluppaw u jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji revoluzzjonarji meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri relatati mal-klima u l-enerġija.

- It-tlestija ta' suq intern integrat b’mod sħiħ għall-enerġija u l-kompetizzjoni dejjem tikber fis-swieq tal-enerġija għandhom jagħtu ċ-ċans lill-utenti residenzjali u industrijali jibbenifikaw minn prezzijiet bl-ingrossa orħos għall-enerġija.

- Aktar żvilupp ta' infrastruttura pan-Ewropea effiċjenti għall-gass u għall-elettriku, kif ukoll għat-trasportazzjoni ta’ elementi kostitwenti ewlenin ta’ materja prima, bħall-etilene u l-propilene, għandu jgħin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskji tat-trasport għas-setturi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija. Il-pipelines eżistenti għandhom jiġu konnessi b’mod partikolari man-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa sabiex jittejbu s-sinerġiji bejn l-industriji minn Stati Membri differenti u tinkiseb aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija mal-Ewropa.

- Jeħtieġ li jiġu evitati żidiet sproporzjonati fl-ispejjeż tal-enerġija minħabba taxxi, imposti jew strumenti oħrajn introdotti mill-Istati Membri sabiex jimplimentaw politiki differenti. Dan huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kosteffikaċja u għall-kontribuzzjoni għat-titjib tal-kompetittività tal-UE.

Minbarra din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar il-klima u l-enerġija li jiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha sal-2030.[25] Ħlief f’każ wieħed, dan huwa pakkett mhux leġiżlattiv li għandu jagħti lok għal diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew u fil-Parlament Ewropew li mistennija jikkontribwixxu biex tiġi finalizzata l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kif din tħaddan il-politika dwar l-enerġija u mal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.

ċ) Il-materja prima u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

L-industrija tal-UE hija dipendenti l-aktar fuq il-provvista ta’ materja prima minn swieq internazzjonali,[26] speċjalment minerali u metalli mhux ipproċessati. Hija tiffaċċja għadd ta’ sfidi fir-rigward tal-aċċess kemm għall-materja prima primarja kif ukoll għal dik sekondarja tul il-katina kollha tal-valur (l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar/ir-raffinar, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni). Il-Kummissjoni ilha involuta fi strateġija li tirrigwardja l-materja prima (l-‘Inizjattiva dwar il-Materja Prima’) sa mill-2008. Il-Kummissjoni qed trawwem ukoll l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp ta’ mudelli ċirkolari tan-negozju u tal-produzzjoni.

L-Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima għandha dimensjoni esterna qawwija li tiżgura aċċess ġust u affidabbli għall-materja prima madwar id-dinja kollha, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha fin-negozju tal-materja prima. L-UE rnexxielha tinnegozja regoli dwar l-esportazzjoni tal-materja prima fil-ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali u multilaterali, kif ukoll irnexxielha ssegwi u tinforza regoli fuq l-ostakoli għall-kummerċ li jolqtu l-materja prima.

Il-Kummissjoni ser tkompli tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż eżerċizzju ta’ mmappjar tad-diplomazija tal-materja prima li jinsab għaddej bħalissa, bil-għan li tissalvagwardja l-aċċess għall-materja prima b’mod sostenibbli. F’dan il-kapitolu tingħata attenzjoni speċjali lin-negozjati kummerċjali li għadhom għaddejjin bħalissa u dawk futuri.

Fl-2014, il-Kummissjoni se tqis li telabora Komunikazzjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) fuq il-materja prima biex tispjega kif il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-industrija u l-akkademiċi għandhom il-ħsieb li jaħdmu flimkien bil-għan li jmexxu ’l quddiem il-Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni 2013 tas-sħubija lejn it-titjib fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent leġiżlattiv jew l-istandardizzazzjoni.

Il-miri konkreti jinkludu t-tnedija ta’ 10 proġetti pilota maħsuba biex jippromwovu t-teknoloġiji għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima primarja u sekondarja, biex isibu sostituti għal mill-inqas tliet applikazzjonijiet ta’ materja prima kritika u skarsa, kif ukoll biex joħolqu kundizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-materja prima fl-Ewropa.[27]

Sabiex tagħmilha faċli għall-industrija biex tagħmel din il-bidla, fl-2014, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-iskart. L-inizjattiva tibni fuq il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi u tistabbilixxi l-elementi kostitwenti ewlenin li huma meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku tal-UE bil-għan li tkun aktar produttiva filwaqt li tuża inqas riżorsi u timxi ’l quddiem lejn ekonomija ċirkolari. Dan sejjer jinkludi l-konklużjonijiet li joħorġu mill-iżvilupp ta’ indikaturi u miri xierqa, kif ukoll ir-reviżjoni tal-miri ewlenin fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (skont il-klawżoli tar-reviżjoni fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, fid-Direttiva dwar ir-Rimi tal-Iskart f’Landfill u fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ) u t-twettiq ta’ evalwazzjoni ex-post tad-direttivi dwar il-fluss tal-iskart, inkluża valutazzjoni tal-għażliet sabiex tissaħħaħ il-koerenza bejniethom.

Barra minn hekk u abbażi tal-valutazzjonijiet preliminari, kull fejn ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex telimina d-distorsjonijiet tal-prezzijiet li jipprevjenu lill-intrapriżi tal-UE milli jkollhom aċċess għall-inputs ewlenin għall-industrija bil-prezzijiet tas-suq internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura n-newtralità politika fl-aċċess għall-bijomassa għal skopijiet differenti sabiex tippermetti l-applikazzjoni effiċjenti tal-prinċipju tal-kaskata fl-użu tal-bijomassa bil-għan li tiżgura l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi naturali. Jekk jitqies meħtieġ, din tqis ukoll miżuri li jippermettu lill-industrija jkollha aċċess bil-prezzijiet tas-suq globali għal inputs ewlenin bħall-bijoetanol jew il-lamtu għal attivitajiet industrijali bbażati fuq prodotti bijoloġiċi li joriġinaw minn setturi tradizzjonali bħall-industrija tas-sustanzi kimiċi, l-industrija tal-karti u industriji oħrajn ibbażati fuq il-forestrija.[28]

3.3. L-aġġornament tal-ħiliet u t-tħaffif tal-bidliet industrijali

Il-ħiliet huma preżenti bħala element ewlieni ta’ politika fl-aġenda tal-Ewropa 2020. Il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ strateġija globali biex ittejjeb is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' antiċipazzjoni u investiment fil-kapital uman bl-appoġġ tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, għodod biex issegwi l-ħtiġijiet u x-xejriet tal-ħiliet u t-taħriġ, u inizjattivi speċifiċi li jlaqqgħu l-atturi rilevanti li jaħdmu mal-apprendistati, l-aktar b'ħiliet kruċjali fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informatika.

In-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u kwistjonijiet ta' taħriġ aktarx jibqgħu sfida ewlenija għall-industrija tal-UE fis-snin li ġejjin, l-aktar minħabba li l-progress fit-teknoloġiji tal-manifattura mistenni jżid id-domanda għal għadd ta’ ħiliet u taħriġ speċifiċi. Hemm differenzi sinifikanti fil-kisbiet tal-ħiliet u fl-effettività tas-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri. Dawn u r-rati għoljin tal-qgħad fl-Istati Membri milquta mill-kriżi jeħtieġu azzjoni bla dewmien biex isir investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Jeħtieġ ukoll li titjieb il-mobbiltà transfruntiera. Għal dan il-għan, Il-Kummissjoni adottat riforma komprensiva tal-EURES li għandha tibni koperazzjoni aktar stretta fost is-Servizzi tal-Impjiegi Pubbliċi Ewropej tal-UE u taż-ŻEE bil-għan li jiġu ffaċilitati l-mobbiltà u t-tlaqqigħ tal-ħiliet, permezz ta’ firxa ta’ servizzi u prodotti ġodda.

Il-kontribut tal-apprendistati biex tiġi appoġġata l-kompetittività industrijali huwa rikonoxxut ferm. Id-differenzi kbar fil-kisbiet tal-ħiliet u fl-effettività tas-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri jikkorrelataw mal-qgħad akut fl-Istati Membri milquta mill-kriżi. Inizjattivi bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati se jibqgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ apprendistati effettivi u ta’ kwalità li jirriżultaw minn sħubijiet b’saħħithom bejn dawk li jħaddmu u l-edukazzjoni madwar l-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida tal-programm Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, kif ukoll strumenti oħrajn, bil-għan li tagħmel disponibbli apprendistati f'intrapriżi fuq bażi transfruntiera [29]bl-involviment attiv tal-industrija u tal-SMEs. Il-Komunikazzjoni Reviżjoni tal-Edukazzjoni[30] titlob għal enfasi qawwija fuq l-allinjament tal-provvista tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa, li issa qed jirrinforzahom u jappoġġahom il-programm il-ġdid ta’ finanzjament Erasmus+. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw dawn l-isforzi.

Bħalissa 0.3 % biss tal-popolazzjoni tal-UE qed jiċċaqilqu fi Stat Membru ieħor kull sena għal skopijiet professjonali, u dan meta mqabbla mat-2.4 % fl-Istati Uniti tal-Amerika. L-UE għandha rwol uniku biex tħeffef il-mobbiltà tat-tagħlim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-programm Erasmus+ f'kull livell: fl-apprendistati, fl-esperjenzi ta' taħriġ u fl-iskambji tal-edukazzjoni ogħla. Il-parteċipazzjoni tal-industrija u tal-SMEs f’inizjattivi bħal dawn għandha tkompli tiġi mħeġġa. F’setturi u oqsma emerġenti ta’ attività ekonomika, il-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni għandhom jgħinu sabiex jagħmlu disponibbli l-ħiliet li huma meħtieġa f’dawn is-swieq ġodda.

F'kull livell, il-partijiet interessati għandhom jippruvaw jantiċipaw u jmexxu l-bżonnijiet tal-ħiliet u tat-taħriġ. Il-politika industrijali għandha tħeffef ukoll il-bidliet industrijali u tgħin biex javvanzaw l-istrutturi industrijali ħalli jkunu evitati sitwazzjonijiet ta’ ristrutturar, li jaħlu drastiku.

Minħabba li l-impatt tar-ristrutturar jinħass direttament l-aktar fil-livell reġjonali, il-ġestjoni u l-antiċipazzjoni tal-bidliet jirrikjedu li r-reġjuni jkunu involuti b’mod attiv. Għaldaqstant, fil-vina tal-istrateġiji ta’ suċċess ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti", l-inizjattivi politiċi f’dak il-livell (fuq l-infrastruttura, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni) għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-effetti tar-ristrutturar li jmiss.

Sabiex tgħin lir-reġjuni jimmodernizzaw il-bażi industrijali permezz tal-indirizzar tar-riżorsi lejn setturi aktar produttivi u sabiex tappoġġa l-isforzi li jnaqqsu l-impatti soċjali possibbli, il-Kummissjoni se tipproponi approċċ komprensiv għall-antiċipazzjoni u l-iffaċilitar tal-bidliet industrijali fil-livell reġjonali.

Fl-aħħar nett, fil-bidu tal-2014 il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika biex tiffoka l-isforzi fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin b’potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-ħiliet emerġenti relatati. [31]

4. INTRAPRIŻI ŻGĦAR U MEDJI U L-INTRAPRENDITORIJA

Il-politika industrijali tal-UE tradizzjonalment tat ħafna attenzjoni lill-SMEs, li ġew integrati fl-approċċ politiku tagħna. Sa tmiem l-2013, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) għen lill-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta' finanzjamenti ġodda ta' madwar EUR 30 biljun għal aktar minn 315 000 SME, u ħoloq jew żamm direttament madwar 380 000 impjieg. Barra minn hekk, fl-istess perjodu, il-Fondi Strutturali pprovdew madwar EUR 70 biljun biex jappoġġaw lill-intrapriżi, l-iktar lill-SMEs. Ġew iffinanzjati kważi 200 000 proġett li jappoġġaw bosta SMEs, u dawn jinkludu 78 000 intrapriża ġdida u l-ħolqien ta' mill-inqas 268 000 impjieg permanenti (u salvagwardjati ferm).

L-ispejjeż regolatorji u amministrattivi jista’ jkollhom impatt fuq l-SMEs sa għaxar darbiet aktar milli fuq kumpaniji akbar. Il-Kummissjoni promwoviet b’mod sistematiku s-simplifikazzjoni għall-SMEs permezz ta’ eżenzjonijiet għal mikro-intrapriżi, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir". Il-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-SMEs esperjenzaw titjib konsiderevoli minn mindu ġie adottat l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) ħames snin ilu. Iż-żmien u l-ispejjeż medji għall-bidu ta’ negozju tnaqqsu (minn disat ijiem għal ħamest ijiem u minn EUR 463 għal EUR 372). Madankollu, iż-żmien u l-ispiża sabiex jinkisbu l-liċenzji kollha meħtieġa sabiex jinbdew operazzjonijiet kummerċjali għadhom għoljin ħafna f’xi Stati Membri.

Il-perspettivi finanzjarji ġodda għall-perjodu 2014-2020 jagħmlu disponibbli strumenti ġodda u aktar b’saħħithom b’appoġġ għall-intraprenditorija u l-SMEs. Għall-ewwel darba, dawn jinkludu programm, imsejjaħ COSME, li huwa mmirat speċifikament għall-SMEs. Dan għandu baġit ta’ EUR 2.3 biljun, li jiżdied mal-kontribuzzjonijiet magħmula minn politiki oħrajn tal-UE. Il-politika ta’ koeżjoni l-ġdida tagħti attenzjoni partikolari lill-kompetittività tal-SMEs. Strument dedikat fil-programm Orizzont 2020 jipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fi stadju bikri u b’riskju għoli mill-SMEs. Il-politika l-ġdida dwar l-iżvilupp rurali tkompli tħajjar intrapriżi ġodda u tixpruna l-kompetittività tal-SMEs fiż-żoni rurali.[32]

Minbarra dan l-appoġġ finanzjarju, il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Finanzjament tar-Riskju huma partikolarment sensittivi għall-problemi li jsibu l-SMEs biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom.

Intant, sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, l-SMEs għandhom jegħlbu l-ostakoli li jillimitaw it-tkabbir tagħhom. L-SME medja hi iżgħar fl-Ewropa mill-hi fl-Istati Uniti. Jeżistu differenzi wkoll bejn id-daqs tal-SMEs fi ħdan l-UE stess. SME medja fil-Ġermanja jkollha 7.6 ħaddiema, imqabbla mat-3.6 ħaddiema fi Spanja u t-3.2 fl-Italja. Dan għandu konsegwenzi sinifikanti: aktar ma tkun żgħira l-kumpanija, aktar tkun kbira d-diffikultà tagħha sabiex tinvesti fl-innovazzjoni, fl-esportazzjoni u fl-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur globali, biex b’hekk tiġi kompromessa l-kompetittività tagħhom.

Il-potenzjal tar-raggruppamenti li joħolqu ekosistemi tal-innovazzjoni favorevoli għal gruppi ta’ SMEs b’rinfurzar reċiproku jeħtieġ li jiġi sfruttat aħjar bħala mezz għall-promozzjoni tat-tkabbir. Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-tlaqqigħ tal-SMEs li jixtiequ jintegraw f’raggruppamenti ta’ klassi dinjija li jimmiraw għall-eċċellenza u għal ktajjen tal-valur trans-Ewropej. L-enfasi mhijiex ser tkun limitata għas-setturi industrijali, iżda fuq l-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni transettorjali u transfruntiera.

Il-ktajjen b’valur miżjud, mill-akkwist tal-materja prima sas-servizzi tan-negozji u d-distribuzzjoni, kif ukoll il-links maċ-ċentri tar-riċerka, tat-taħriġ u tal-edukazzjoni għandhom jiġu integrati aħjar. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni ffaċilitati mir-raggruppamenti għall-innovazzjoni fil-ktajjen tal-valur se jiffinanzjahom ukoll il-programm Orizzont 2020 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrinforza l-pjan ta’ Azzjoni għall-Intraprenditorija biex jinkisbu ħiliet u attitudnijiet intraprenditorjali u sabiex tagħmilha aktar faċli għall-individwi fl-iżvilupp ta’ ideat ġodda fuq livell kummerċjali.

Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) aġġornat jista’ joħloq aktar sinerġiji mal-proċess ta’ riforma taħt is-Semestru Ewropew, billi jgħin lill-SMEs jikbru u joħolqu l-impjiegi. Il-Kummissjoni se tqis li tieħu xi azzjonijiet u, jekk jixraq, se tipproponi miżuri leġiżlattivi ġodda, bil-għan li tiżgura li jkun possibbli li tinbeda kumpanija f'xi Stat Membru bi spiża massima ta’ EUR 100 u fi żmien tlett ijiem. Se titqies il-mira ta’ xahar biex jinħarġu l-liċenzji meħtieġa Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tixtarr iddaħħalx miżuri li jnaqqsu t-tul tal-litigazzjoni fil-qorti dwar l-irkupri ta’ krediti għall-kumpaniji, sabiex tirkupra minn diffikultajiet finanzjarji u sabiex tevita l-insolvenza permezz ta’ aċċess għal proċeduri kost-effettivi għar-ristrutturar tad-dejn, kif ukoll sabiex tagħti t-tieni ċans lill-intraprendituri onesti u tiffaċilita t-trasferiment tan-negozju. Il-Kummissjoni qed titlob bil-qawwa kollha lill-Istati Membri sabiex jintroduċu Test tal-SMEs jew sistema ekwivalenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv.[33]

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tesplora possibbiltajiet ulterjuri sabiex tgħin lill-SMEs jiżviluppaw sinerġiji transfruntiera filwaqt li jżommu qafas regolatorju flessibbli u ħafif għall-SMEs. In-netwerks kummerċjali jippreżentaw opportunitajiet ta’ negozju interessanti, b’mod partikolari sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni transfruntiera. Bi speċjalizzazzjoni intrakomunitarja msaħħa, in-netwerks kummerċjali jistgħu jkunu wkoll fattur importanti li jikkontribwixxi għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tesplora sa liema punt, pereżempju permezz ta’ linji gwida prattiċi, jistgħu jiġu proposti xi miżuri mmirati (pereżempju kwistjonijiet dwar l-istandards, it-terminoloġija jew l-ittikkettar) li jistgħu jrawmu l-iżvilupp ta’ netwerks kummerċjali.

5.            L-INTERNAZZJONALIZZAZZJONI TAL-INTRAPRIŻI TAL-UE

L-esportazzjonijiet u l-eċċess kummerċjali tal-UE kellhom rwol importanti fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi. Bi stima ta’ 90 % ta’ tkabbir globali minn barra l-pajjiż sal-2015, l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi mistenni jibqa’ fattur fundamentali għall-kompetittività tal-Ewropa. L-industrija tal-UE baqgħet fil-biċċa l-kbira tagħha kompetittiva fis-swieq internazzjonali, madankollu, il-prestazzjoni kontinwa u b’saħħitha tal-esportazzjoni ma tistax tittieħed bħala fatt. Jeħtieġ li l-intrapriżi Ewropej jibqgħu innovattivi u li jintegraw fl-istruttura dejjem tikber tal-ktajjen tal-valur li jestendu madwar id-dinja. L-integrazzjoni fl-ekonomija globali għandha timxi id f’id mal-promozzjoni ta’ swieq miftuħa u ekwi fid-dinja kollha.

Il-politika tal-kummerċ tinsab fil-qalba tal-aġenda tal-internazzjonalizzazzjoni tal-UE, mhux biss għall-ftuħ tas-swieq iżda wkoll għad-difiża tal-interessi tal-UE u l-promozzjoni b’mod attiv ta’ kundizzjonijiet ekwi fi swieq terzi. L-UE hi impenjata biex tibqa' tippromwovi l-kummerċ ħieles permezz tad-WTO, kif juri l-ftehim li ġie adottat dan l-aħħar dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ. B'mod parallel, l-UE qed issegwi aġenda ta’ investiment u kummerċ bilaterali mingħajr preċedenti bil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs), li bħalissa huma l-aktar mezzi importanti biex jitjieb l-aċċess għas-suq. It-tlestija tan-negozjati li għaddejjin dwar l-FTA jistgħu potenzjalment jagħtu spinta lill-PDG tal-UE bi 2% (EUR 250 biljun). Il-Kummissjoni pproponiet ukoll emenda fl-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju (TDI) u qed titlob lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex jilħqu ftehim rapidu għar-rinfurzar tas-sistema tat-TDI u t-tnaqqis tal-ispejjeż assoċjati sabiex tkun aktar effettiva fl-infurzar ta’ kompetizzjoni ġusta.

5.1. L-aċċess għas-suq

Wara l-avvanzi fil-politika barranija komuni, il-bidu tal-Missjonijiet għat-Tkabbir u l-iżvilupp tal-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tinvolvi ruħha fid-diplomazija ekonomika, abbażi tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u sabiex titkellem b’vuċi aktar b’saħħitha mal-imsieħba ekonomiċi bil-għan li tiddefendi l-investimenti u l-interessi Ewropej barra l-kontinent. Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mhumiex ekwi fis-swieq globali u qed jiġu imposti kundizzjonijiet inġusti fuq il-kumpaniji Ewropej li joperaw fi swieq emerġenti ewlenin.

Is-settur Ewropew tal-akkwist pubbliku huwa l-aktar wieħed miftuħ fid-dinja, madankollu, l-intrapriżi tal-UE jiffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex jidħlu fis-swieq tal-akkwist pubbliku barra l-kontinent. Fl-FTAs riċenti, l-UE kisbet titjib konsiderevoli fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku. Pereżempju, in-negozjati bilaterali mal-Kanada rendew avvanzi sinifikanti fil-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku fil-livelli sub-federali. Avvanzi simili se jiġu segwiti f’negozjati bilaterali oħrajn, b’mod partikolari mal-Istati Uniti u mal-Ġappun.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet strument ġdid li, jekk jiġi approvat mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, għandu jippermetti lill-UE tindirizza l-iżbilanċi fis-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku.[34] Permezz ta’ din il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti fl-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu offerenti għal kuntratti kbar li jużaw prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiż li mhuwiex fl-UE fejn is-swieq tal-akkwist pubbliku huma protetti ħafna. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif ir-reċiproċità tista’ tagħti riżultati pożittivi għall-UE f’kuntest internazzjonali.

Is-servizzi jirrappreżentaw madwar 40% tal-valur miżjud fl-esportazzjonijiet Ewropej tal-manifattura. Madwar terz tal-impjiegi ġġenerati minn dawn l-esportazzjonijiet attwalment jinsabu f’kumpaniji li jfornu lill-esportaturi ta’ prodotti b’servizzi awżiljarji. Għaldaqstant, servizzi orħos huma fattur varjabbli importanti fl-ekwazzjoni tal-kompetittività industrijali. It-titjib tal-integrazzjoni tal-intrapriżi tal-UE fil-ktajjen tal-valur globali għandu jiffaċilita l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għolja u jtejjeb il-kompetittività tal-esportazzjonijiet tal-prodotti u s-servizzi tal-UE.

L-isforzi sabiex tiżdied l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs jispikkaw bħala prijorità partikolari. Fl-UE, l-ogħla 10 % tal-intrapriżi esportaturi tipikament jammontaw għal 70-80 % tal-volumi tal-esportazzjoni u l-Kummissjoni se tfittex li żżid mhux biss il-volumi tal-esportazzjoni, iżda wkoll in-numru ta’ intrapriżi esportaturi bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-intrapriżi tal-UE fil-ktajjen tal-valur globali.

It-titjib tal-aċċess għas-swieq jirrikjedi l-użu ta’ taħlita ta’ strumenti politiċi kummerċjali li jindirizzaw il-problemi konkreti li jkollhom jiffaċċjaw il-kumpaniji tagħna meta jesportaw jew jinvestu f’pajjiżi terzi. L-Istrateġija tal-Aċċess għas-Suq għandha rwol fundamentali fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi permezz tal-isforzi konġunti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tan-Negozju. It-tisħiħ tal-koperazzjoni fost il-partijiet interessati differenti għandu jżid l-effettività u s-suċċess li jingħelbu dawk l-ostakoli.

Sabiex tippromwovi l-aċċess għas-swieq madwar id-dinja, il-Kummissjoni se:

• tibqa' bl-istrateġiji tan-negozjati dwar l-FTA ma' sħab ewlenin tal-kummerċ bilaterali, fosthom l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u l-Indja, biex ittejjeb l-aċċess tal-industrija Ewropea għas-swieq barranin u ssegwi fuq l-FTAs eżistenti b'monitoraġġ, valutazzjoni u implimentazzjoni regolari.

• tibqa' ssegwi n-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv u l-ftehimiet dwar l-akkreditazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali bejn l-UE u l-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

• tibqa' taħdem fi ħdan il-korpi tad-WTO sabiex tipprevjeni u teħodha kontra l-pajjiżi terzi li joħolqu ostakoli tekniċi għall-kummerċ, inkluż permezz tal-użu ta’ soluzzjoni tat-tilwim, jekk ikun hemm bżonn.

• issaħħaħ il-Missjonijiet għat-Tkabbir u tikkapitalizza fuq is-Servizzi tan-Netwerk Enterprise Europe biex tippromwovi l-internalizzazzjoni tal-SMEs u biex tappoġġa l-organizzazzjoni u l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Missjonijiet għat-Tkabbir.

• twettaq djalogi mal-SMEs u trawwem il-koperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna — b'mod bilaterali mal-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, u l-Brażil u multilateralment fis-Sħubija tal-Lvant, il-Koperazzjoni Industrijali UE-MED, u t-tkabbir u l-pajjiżi tal-AKP.

• tibqa' timplimenta l-Istrateġija tal-Aċċess għas-Suq bħala strument intiż biex jindirizza l-problemi konkreti li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs, li ta’ spiss jiffaċċjaw l-akbar sfidi fl-indirizzar tal-ostakoli għall-kummerċ fil-pajjiżi terzi.

5.2. L-istandardizzazzjoni, il-koperazzjoni regolatorja u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-istandards internazzjonali u l-koperazzjoni regolatorja, billi tibni fuq ir-rwol tal-UE bħala dik li tistabbilixxi l-istandards de facto u tassumi rwol ewlieni fir-rinforzar tas-sistema tal-istandardizzazzjoni internazzjonali. Il-koperazzjoni regolatorja ma’ pajjiżi oħrajn ser tkompli tkun prijorità, speċjalment fin-negozjati bilaterali kontinwi mal-Istati Uniti u mal-Ġappun, fejn l-enfasi primarja se tkun fuq l-ostakoli li jeżistu ‘wara l-fruntieri’ għall-kummerċ u l-investiment. Iż-żieda fil-livell ta’ trasparenza u konverġenza regolatorja għandha ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-opportunitajiet barra l-pajjiż għall-kumpaniji tal-UE u tgħin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aċċess għas-swieq.

F’dinja fejn il-kompetittività ta’ spiss tiġi mill-vantaġġ tal-innovatur u mill-immarkar korporattiv, qed isir dejjem aktar importanti għall-kumpaniji tal-UE li jiddefendu d-drittijiet tal-proprjetà industrijali tagħhom fis-swieq kollha rilevanti, speċjalment f’industriji kreattivi fejn il-falsifikazzjoni hija problema serja. Bil-għan li testendi l-appoġġ ipprovdut lin-negozji, il-Kummissjoni diġà espandiet in-netwerk tal-helpdesks tagħha dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali għal ASEAN u MERCOSUR sabiex tkun tista’ toffri s-servizzi madwar żona ġeografika usa’, filwaqt li mistennija tqis estensjonijiet ġeografiċi ulterjuri għall-provvista ta’ tali servizzi ta’ appoġġ.

6. Konklużjoni

L-Ewropa għandha ħtieġa urġenti li ssaħħaħ il-bażi għall-modernizzazzjoni u t-tkabbir sostenibbli wara l-kriżi. Għal dan il-għan, hija għandha tibgħat sinjal ċar tal-impenn tagħha għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid, l-immodernizzar tal-bażi industrijali tal-Ewropa u l-promozzjoni ta’ qafas kompetittiv għall-industrija tal-UE.

L-importanza tal-isfidi li ġejjin għall-futur tal-Ewropa titlob għal attenzjoni u gwida politika fl-ogħla livell politiku, jiġifieri l-Kunsill Ewropew. Dan huwa vitali għall-iżgurar tal-koerenza u l-prijoritizzazzjoni tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE. Strateġija industrijali ma tistax titpoġġa fil-prattika bħala politika awtonoma minħabba li hija għandha bosta interazzjonijiet u effetti li jaħbtu ma’ ħafna oqsma politiċi oħrajn.

Għalhekk il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jagħrfu l-importanza fundamentali tal-industrija sabiex tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa u għal konsiderazzjoni sistematika tat-tħassib dwar il-kompetittività fl-oqsma politiċi kollha.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tqis li ssegwi dawn il-prijoritajiet biex tiġi appoġġata l-kompetittività tal-industrija Ewropea:

· Tibqa' ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-kompetittività industrijali f’oqsma politiċi oħrajn sabiex tiġi sostnuta l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, fid-dawl tal-importanza tal-kontribut tal-kompetittività industrijali għar-rendiment tal-kompetittività globali tal-UE. Pereżempju, għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żieda tal-produttività fis-servizzi tan-negozju sabiex tiżdied il-kompetittività industrijali u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE b’mod ġenerali.

· Iżżid kemm jista' jkun il-potenzjal tas-suq intern billi jiġu żviluppati l-infrastrutturi meħtieġa, li joffru qafas regolatorju stabbli, simplifikat u prevedibbli li jkun favorevoli għall-intraprenditorija u l-innovazzjoni, li jintegraw is-swieq kapitali, itejbu l-possibbiltajiet għat-taħriġ u l-mobilità għaċ-ċittadini u jikkompletaw is-suq intern għas-servizzi bħala fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-kompetittività industrijali.

· Timplimenta b'mod deċiżiv l-istrumenti ta’ żvilupp reġjonali bl-istrumenti nazzjonali u tal-UE li jappoġġaw l-innovazzjoni, il-ħiliet u l-intraprenditorija sabiex titwassal il-bidla industrijali u tingħata spinta lill-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.

· Sabiex tħeġġeġ l-investiment, in-negozji jeħtieġu aċċess għal inputs kritiċi u, b’mod partikolari, għall-enerġija u l-materja prima, bi prezzijiet affordabbli li jirriflettu l-kundizzjonijiet tal-ispejjeż internazzjonali. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti politiċi għal għanijiet differenti fil-livelli nazzjonali u tal-UE ma għandhomx jirriżultaw f’distorsjonijiet tal-prezzijiet li jimplikaw prezzijiet relattivi sproporzjonalment ogħla għal dawn l-inputs. L-azzjoni għandha tittieħed ukoll fis-suq intern u fil-livell internazzjonali ħalli jkun żgurat il-provdiment xieraq ta' dawn l-inputs, u biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u fl-użu tar-riżorsi, u biex jonqos l-iskart.

· Tagħmel kulma possibbli sabiex teħfief l-integrazzjoni tal-intrapriżi tal-UE fil-ktajjen tal-valur globali bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tagħhom u jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq globali fuq kundizzjonijiet kompetittivi aktar favorevoli.

Fl-aħħar nett, l-għan tar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE jappella għall-approvazzjoni tal-isforzi tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid f'konformità mal-aspirazzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG għal xejn inqas minn 20% sal-2020.

[1] Rueda-Cantuche, José M.a, Sousa, Nb., Andreoni, Va. u Arto, Ia. "Is-Suq Uniku bħala magna għat-tkabbir fl-impjiegi permezz tal-kummerċ estern", Ċentru Konġunt tar-Riċerka, IPTS, Sevilja, l-2012. F'din il-Komunikazzjoni, manifattura tirreferi għat-Taqsima Ċ u għad-diviżjonijiet 10 sa 33 ta' NACE Rev. 2. Industrija tirreferi għal sett usa' ta' attivitajiet, inklużi attivitajiet ta' tħaffir fil-minjieri u fil-barrieri u attivitajiet relatati mal-enerġija.

[2] Stima bbażata fuq l-istatistika tal-Eurostat dwar il-kummerċ. Din iċ-ċifra tirreferi għall-prodotti manifatturati biss u, għalhekk, ma tinkludix il-flussi kummerċjali tal-enerġija u tal-materja prima fejn l-UE tippreżenta bilanċ kummerċjali negattiv.

[3] Ta' min jinnota li filwaqt li f'xi pajjiżi (fis-Slovakja, fil-Litwanja, fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi) is-sehem tal-manifattura fil-PDG żdied mill-2007 'il quddiem, dan naqas fil-bqija tal-pajjiżi.

[4] Rapport tal-2013 dwar il-Kompetittività Ewropea "Lejn Industrijalizzazzjoni mill-ġdid ibbażata fuq l-għarfien" fuq http://ec.europa.eu/enterprise/policies/industrial-competitiveness/competitiveness-analysis/european-competitiveness-report/files/eu-2013-eur-comp-rep_en.pdf u "Il-Prestazzjoni tal-Kompetittività tal-Istati Membri u l-Implimentazzjoni tal-Politika Industrijali tal-UE" fuq http://ec.europa.eu/enterprise/policies/industrial-competitiveness/monitoring-member-states/files/scoreboard-2013_en.pdf.

[5] Kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass, il-prezz differenzjali mal-kompetituri esterni (bl-eċċezzjoni prinċipali tal-Ġappun) qed jiżdied.

[6] COM(2012) 582 finali "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" tal-10 ta' Ottubru 2012 u COM(2010) 614 finali "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni li tpoġġi l-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali" tat-28 ta' Ottubru 2010. Fis-snin riċenti, bosta Stati Membri, inklużi Franza, Spanja, il-Ġermanja u r-Renju Unit, iddefinixxew ukoll il-politiki jew l-istrateġiji industrijali fil-livelli reġjonali u nazzjonali.

[7] Dawn l-arranġamenti kuntrattwali li ftiehmu l-Istati Membri b'mod reċiproku jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' aspetti relevanti tal-politika industrijali li jirriflettu l-prijoritajiet identifikati tal-politika ekonomika fl-analiżi komuni tal-Kunsill Ewropew dwar il-qagħda ekonomika fl-Istati Membri u fiż-żona tal-euro bħala tali skont ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

[8] Il-pakkett huwa pass kbir lejn il-ħolqien ta' żona ferrovjarja unika Ewropea, fejn ferroviji standardizzati u komponenti ferrovjarji jissostitwixxu b'mod progressiv il-firxa wiesgħa ta' vetturi ferrovjarji mfasslin apposta, filwaqt li l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji qed jiġu ssimplifikati. L-inizjattiva konġunta Shift2Rail għandha tappoġġa dan il-proċess billi tiġbor flimkien il-fondi pubbliċi u privati sabiex jitħaffu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda.

[9] Fis-settur tat-trasport bit-triq, l-infurzar aħjar tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq huwa neċessarju sabiex is-suq ikompli jinfetaħ. L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar is-sigurtà u tar-regoli tekniċi fit-trasport bit-triq diġà seħħet, tant li llum qed tistabbilixxi x-xena għal liberalizzazzjoni possibbli ta' dan is-settur fil-livell tal-UE.

[10] Fl-14 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni adottat lista ta' 248 proġett ewlieni ta' infrastruttura tal-enerġija li, abbażi tal-linji gwida l-ġodda għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (TEN-E), għandhom jibbenefikaw minn proċeduri aktar mgħaġġlin u effikaċi għall-għoti tal-permessi, kif ukoll minn trattament regolatorju mtejjeb. Barra minn hekk, f'Diċembru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar it-twaqqif tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), fond ta' €33.2 biljun sabiex jiffinanzja u jattira l-investiment intiż biex itejjeb it-trasport, l-enerġija u n-netwerks diġitali tal-Ewropa. Is-CEF sejjer jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' netwerks interkonnessi bi prestazzjoni għolja u ambjentalment sostenibbli madwar l-Ewropa. Fis-CEF, ġew allokati €5.85 biljun għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea għall-perjodu 2014-20, li għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq u għas-sigurtà tal-provvista fis-sistema tal-enerġija tal-UE.

[11] COM(2013) 18 finali tal-24.1.2013 "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi".

[12] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 25 finali tat-22.01.2014 "Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti".

[13] Din l-inizjattiva tipproponi metodi komuni sabiex titkejjel il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-organizzazzjoni. Il-provvista ta' informazzjoni ambjentali komparabbli u affidabbli dwar il-prodotti għandha tiffaċilita l-integrazzjoni tas-swieq għal dawk il-prodotti madwar l-UE.

[14] Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2013:0785:FIN:EN:PDF

[15] Il-Komunikazzjoni tat-8 ta' Ġunju 2012 (COM(2012) 261 finali "Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012 – 2015".

[16] Fl-2008, ir-rapport 'Doing Business' tal-Bank Dinji elenka tmien Stati Membri fil-lista tal-aqwa 20, tlieta minnhom saħansitra fil-lista tal-aqwa 10. Fl-2013, kien hemm biss sitt Stati Membri fil-lista tal-aqwa 20, bi tnejn minnhom mal-aqwa għaxra.

[17] Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività tat-2-3 ta' Diċembru 2013.

[18] Barra minn hekk, qed jittieħdu inizjattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regolamenti f'oqsma speċifiċi. Pereżempju, bħalissa qed tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart bil-għan li din issir aktar ċara u faċilment infurzabbli u bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ ta' materja prima sekondarja.

[19] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jmiss "Avvanzi fil-Manifattura – Avvanzi fl-Ewropa".

[20] Għal deskrizzjoni u interpretazzjoni tal-prinċipju ta' kaskata, ara

http://ec.europa.eu/research/bioeconomy/pdf/201202_commision_staff_working.pdf - Dokument ta' Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Bijoekonomija – ara l-paġni 25-26, it-tieni paragrafu fit-taqsima 1.3.3.1. u       http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A7-2013-0201+0+DOC+PDF+V0//EN – Opinjoni tal-Parlament Ewropew fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Bijoekonomija – ara l-partita 28 fil-paġni 6-7.

[21] Riċentament il-Kummissjoni għażlet żewġ proġetti ta' netwerks intelliġenti bħala Proġetti ta' Interess Komuni għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea.

[22] Id-Direttiva Ewropea 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali tas-16.2.2011 fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:048:0001:0010:en:PDF

[23] Dawn il-prezzijiet mhumiex ikkoreġuti permezz ta' differenzi fil-kwalità, billi l-provvista tal-elettriku tal-UE hija aktar affidabbli b'inqas qtugħ tas-servizzi minn f'dawn il-pajjiżi.

[24] COM(2014) 21 finali tat-22 ta' Jannar 2014 "Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa". Ara din il-Komunikazzjoni għal rendikont iddettaljat tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija.

[25] COM(2014) 15 finali "Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija fil-perjodu 2020-2030", COM(2014) 20 finali "Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliement u l-operazzjoni ta' riżerva ta’ stabbiltà tas-suq għad-Direttiva 2003/87/KE li temenda l-iskema tal-Unjoni dwar l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra", COM(2014) 23 finali "Dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarboni (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli fl-UE" u C(2014) 267 finali "Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarboni (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli fl-UE", ilkoll tat-22.01.2014.

[26] L-ispejjeż tal-materjali jirrappreżentaw aktar minn 40% tal-ispejjeż tal-manifattura bħala medja skont il-VDI (L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Ġermaniżi) "L-Istruttura tal-Ispejjeż tas-Settur tal-Manifattura". Hu stmat li aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jaf inaqqas il-ħtiġijiet tal-inputs materjali bi 17-24% sal-2030. Ara "L-immudellar makroekonomiku tal-iżvilupp sostenibbli u r-rabtiet bejn l-ekonomija u l-ambjent" (2011), GWS et al għall-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/environment/enveco/studies_modelling/pdf/report_macroeconomic.pdf

[27] Fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, fl-2014 il-Kummissjoni se tippubblika Rapport dwar l-Indikaturi Nazzjonali tal-Politika dwar il-Minerali fuq il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi u l-ippjanar tal-użu tal-art, kif ukoll it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika sabiex jiġu esplorati mal-partijiet interessati kollha l-għażliet politiċi lejn l-armonizzazzjoni possibbli ta' xi aspetti tal-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi u l-ippjanar tal-użu tal-art.

[28] Ara t-taqsimiet dwar l-industrija tas-sustanzi kimiċi u l-industriji bbażati fuq il-forestrija fid-Dokument ta'  Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament.

[29] Ara l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, tal-4.12.2013, COM(2013) 857 finali

[30] COM(2012) 669 finali, "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-Ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" tal-20.11.2012.

[31] L-aspetti soċjali u tal-impjiegi fir-rigward tal-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 (COM/2013) 882 finali).

[32] Għall-potenzjali speċifiku ta' "tkabbir blu", ara COM(2012) 494 finali "It-Tkabbir Blu - opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu" tat-13.9.2012.

[33] Dawn il-proposti se jiġu kkoordinati u mistennija jikkomplimentaw azzjonijiet oħrajn li qed jitħejjew fil-qasam tal-Ġustizzja bil-għan li jiġu ffaċilitati l-irkupri tad-djun transfruntiera. F'dak il-qasam ukoll u bħala segwitu għall-Komunikazzjoni tal-2012 dwar "Approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji", l-istandards minimi għandhom jippermettu lill-kumpaniji li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji jirristrutturaw id-djun tagħhom b'mod effiċjenti u jevitaw l-insolvenza tagħhom.

[34] COM(2012) 124 finali tal-21.3.2012, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku u l-proċeduri li jappoġġaw in-negozjati dwar l-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi.

Top